SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)
3 ta’ Ġunju 2021 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tariffa doganali komuni – Klassifikazzjoni tariffarja – Nomenklatura Magħquda – Merkanzija kkostitwita minn diversi materjali – Fibri veġetali – Reżina ta’ melamina – Intestaturi 3924 u 4419 – Merkanzija deskritta bħala ‘tazzi tal-bambù’”
Fil-Kawża C‑76/20,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari abbażi tal-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Administrativen sad – Varna (il-Qorti Amministrattiva ta’ Varna, il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjoni tal‑5 ta’ Frar 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑12 ta’ Frar 2020, fil-proċedura
“BalevBio” EOOD
vs
Teritorialna direktsia Severna morska, Agentsia “Mitnitsi”,
Fil-preżenza ta’:
Okrazhna prokuratura – Varnenska,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),
komposta minn N. Wahl, President tal-Awla, F. Biltgen (Relatur) u L. S. Rossi, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Richard de la Tour,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal “BalevBio” EOOD, minn Y. Yakimov u D. Dimitrova, advokati, |
|
– |
għall-Gvern Bulgaru, minn M. Georgieva u L. Zaharieva, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Salyková u Y. Marinova, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat‑23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 382), kif emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1821 tas‑6 ta’ Ottubru 2016 (ĠU 2016, L 294, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2016, L 329, p. 119 u fil-ĠU 2017, L 150, p. 19) (iktar ’il quddiem in-“NM”), b’mod partikolari l-intestaturi 3924 u 4419 ta’ din in-nomenklatura, kif ukoll ir-regola 3 tar-Regoli Ġenerali għall-interpretazzjoni tagħha (iktar ’il quddiem ir-“Regoli Ġenerali għall-Interpretazzjoni tan-NM”). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn “BalevBio” EOOD u t-Teritorialna direktsia Severna morska, Agentsia “Mitnitsi” (id-Direttorat Territorjali tat-“Tramuntana” fi ħdan l-Aġenzija tad-Dwana, il-Bulgarija), fir-rigward tad-deċiżjoni ta’ dan tal-aħħar li timponi sanzjoni pekunjarja fuq BalevBio, sa fejn id-Direttorat Territorjali tat-“Tramuntana” fi ħdan l-Aġenzija tad-Dwana kien qies li l-klassifikazzjoni tariffarja, fin-NM, ta’ merkanzija li ġiet deskritta fid-dikjarazzjonijiet tad-dwana kkonċernati bħala li kienet “tazzi tal-bambù” kienet żbaljata. |
Il-kuntest ġuridiku
Is-SA
|
3 |
Is-sistema armonizzata għad-deskrizzjoni u kodifikazzjoni ta’ merkanzija (iktar ’il quddiem is-“SA”) ġiet imfassla mill-Kunsill ta’ Kooperazzjoni Doganali, li sar l-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana (ODD), imwaqqaf permezz tal-Konvenzjoni dwar il-ħolqien tal-Kunsill ta’ Kooperazzjoni Doganali, konkluża fi Brussell fil‑15 ta’ Diċembru 1950. Is-SA ġiet stabbilita bil-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-sistema armonizzata għad-deskrizzjoni u kodifikazzjoni ta’ merkanzija, konkluża fi Brussell fl‑14 ta’ Ġunju 1983 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 1503, p. 4, Nru 25910 (1988)), u approvata, flimkien mal-Protokoll li jemendaha tal‑24 ta’ Ġunju 1986, f’isem il-Komunità Ekonomika Ewropea, bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/369/KEE tas‑7 ta’ April 1987 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 288) (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni dwar is-SA”). |
|
4 |
L-ODD approvat, fil-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni dwar is-SA, in-Noti ta’ Spjega u l-opinjonijiet ta’ klassifikazzjoni adottati mill-Kumitat tas-SA, stabbilit bl-Artikolu 6 tal-imsemmija konvenzjoni. |
|
5 |
Skont l-Artikolu 3(1)(a) tal-Konvenzjoni dwar is-SA, kull parti kontraenti tintrabat li n-Nomenklaturi Tariffarji u l-istatistika tagħha jkunu konformi mas-SA, l-ewwel, billi tuża l-intestaturi u s-subintestaturi kollha tas-SA, mingħajr żieda jew modifika, kif ukoll il-kodiċijiet numeriċi konnessi magħhom, it-tieni, billi tapplika kemm ir-“Regoli Ġenerali għall-interpretazzjoni tas-SA”, kif ukoll in-noti kollha tat-taqsimiet, tal-kapitoli u tas-subintestaturi mingħajr ma tibdel il-portata tagħhom, u, it-tielet, billi ssegwi l-ordni numeriku tas-SA. |
|
6 |
Il-klassifikazzjoni tal-merkanzija fin-NM titwettaq konformement mal-prinċipji previsti mir-“Regoli Ġenerali għall-interpretazzjoni tas-SA”. |
|
7 |
Ir-regola 3 tar-“Regoli Ġenerali għall-interpretazzjoni tas-SA” [traduzzjoni mhux uffiċjali] tipprevedi: “Meta b’applikazzjoni tar-regola 2(b) jew għal kwalunkwe raġuni oħra, l-oġġetti jkunu kklassifikati prima facie f’żewġ intestaturi jew iżjed, il-klassifikazzjoni għandha ssir kif ġej:
|
|
8 |
In-nota ta’ spjega dwar ir-regola 3(b) tar-“Regoli Ġenerali għall-interpretazzjoni tas-SA” tistipula: “VI) Dan it-tieni metodu ta’ klassifikazzjoni jirrigwarda biss il-każ:
[…] VIII) Il-fattur li jiddetermina n-natura essenzjali jvarja skont it-tip ta’ merkanzija. Jista’, pereżempju, jirriżulta min-natura tal-materjal kostitwenti jew tal-artikoli li jikkomponuha, mill-volum tagħha, mill-kwantità tagħha, mill-piż tagħha jew mill-valur tagħha, mill-importanza ta’ wieħed mill-materjali kostitwenti fir-rigward tal-użu tal-merkanzija. […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
|
9 |
It-Taqsima VII tas-SA, intitolata “Plastik u oġġetti tiegħu; gomma u oġġetti tagħha” [traduzzjoni mhux uffiċjali], tinkludi, b’mod partikolari, il-Kapitolu 39 tagħha, intitolat “Materjali tal-plastiks u oġġetti tagħhom” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. |
|
10 |
L-intestatura 3924 tas-SA, intitolata “Oġġetti tal-mejda, oġġetti tal-kċina, oġġetti oħrajn tad-dar u oġġetti ta’ l-iġjene jew tat-twaletta, tal-plastiks” [traduzzjoni mhux uffiċjali], tinkludi s-subintestaturi li ġejjin: “3924.10 – Oġġetti tal-mejda u oġġetti tal-kċina 3924.90 – Oħrajn” [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
|
11 |
Il-Kunsiderazzjonijiet Ġenerali li jinsabu fin-Noti ta’ Spjega dwar il-Kapitolu 39 tas-SA jistipulaw b’mod partikolari: “Forom primarji In-Numri 39.01 sa 39.14 ikopru biss il-prodotti fil-forom primarji. It-terminu forom primarji […] japplika biss għall-materjali ppreżentati fil-forom indikati iktar ’il quddiem:
|
|
12 |
Skont kliem in-nota ta’ spjega dwar l-intestatura 3924 tas-SA: “Din l-intestatura tkopri l-oġġetti tal-plastik li ġejjin:
[…] Din tkopri wkoll it-tazzi mingħajr maqbad għall-mejda u għall-kamra tal-banju li ma għandhomx in-natura ta’ kontenituri għall-imballaġġ u għat-trasport, anki jekk xi drabi jintużaw bħala tali. […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
|
13 |
It-Taqsima IX tas-SA, intitolata “Injam u oġġetti tal-injam; faħam tal-injam; sufra u oġġetti tas-sufra; manifatturi ta’ tiben, ta’ spartu jew ta’ materjali oħrajn tat-trizza; xogħol tal-qfief u xogħol tal-qasab” [traduzzjoni mhux uffiċjali], tinkludi, b’mod partikolari, il-Kapitolu 44, intitolat “Injam u oġġetti tal-injam; faħam tal-injam” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. |
|
14 |
In-Noti ta’ Spjega dwar il-Kapitolu 44 tas-SA jistipulaw b’mod partikolari: “[…] 3. Titli 4414 sa 4421 japplikaw għal oġġetti tad-deskrizzjonijiet rispettivi ta’ bord tal-injam mill-frak jew bord simili, bord tal-fibri, injam laminat jew injam densifikat kif japplikaw għal dawn l-oġġetti tal-injam. […] 6. Suġġetta għal nota 1 hawn fuq u ħlief fejn il-kuntest jeżiġi mod ieħor, kull referenza għal ‘injam’ fit-titlu ta’ dan il-kapitlu tapplika wkoll għal bambù u materjali oħrajn ta’ natura ta’ injam. […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
|
15 |
Il-Kunsiderazzjonijiet Ġenerali li jinsabu fin-Noti ta’ Spjega dwar il-Kapitolu 44 tas-SA jindikaw: “Dan il-kapitolu jkopri l-injam mhux maħdum, il-prodotti nofshom maħdumin tal-injam u, b’mod ġenerali, l-oġġetti magħmula minn dawn il-materjali. Dawn il-prodotti jistgħu jinġabru flimkien fil-kategoriji li ġejjin: […] 3) Il-bordijiet tal-injam mill-frak jew bordijiet simili, bordijiet tal-fibri, injam laminat jew injam densifikat (Numri 44.10 sa 44.13). 4) L-oġġetti tal-injam, bl-esklużjoni tal-oġġetti msemmija fin-Nota 1 ta’ dan il-Kapitolu u li huma, bħal ċerti oħrajn, imsemmija iktar ’il quddiem fid-diversi Noti ta’ Spjega (Numri 44.14 sa 44.21). […] L-oġġetti msemmija fin-Numri 44.14 sa 44.21 jistgħu jkunu komposti kemm minn injam naturali kif ukoll minn bordijiet tal-injam mill-frak jew minn bordijiet simili, minn bordijiet tal-fibri, minn injam laminat jew minn injam densifikat (ara n-Nota 3 ta’ dan il-kapitolu). […] Madankollu, il-prodotti bħal-bambù fil-forma ta’ wejfers jew ta’ frak (użati għall-manifattura ta’ bordijiet tal-injam mill-frak, ta’ bordijiet tal-fibri jew ta’ pejsts taċ-ċelluloża) u l-oġġetti tal-bambù jew ta’ materjali oħra ta’ natura tal-injam li la huma oġġetti ta’ trizza, la għamara, u lanqas oġġetti oħra msemmija speċifikament f’partijiet oħra, huma kklassifikati f’dan il-Kapitolu mal-prodotti, oġġetti jew artikoli korrispondenti tal-injam, ħlief jekk jiġi indikat mod ieħor (fil-każ tan-Numri 44.10 u 44.11, pereżempju) (ara n-Nota 6 ta’ dan il-kapitolu).” [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
|
16 |
Skont kliem in-nota ta’ spjega dwar l-intestatura 4410 tas-SA: “[…] Il-bordijiet tal-injam mill-frak huma prodotti ċatti mmanifatturati f’tulijiet, wisgħat u ħxuna differenti, billi jiġu ppressati jew permezz ta’ estrużjoni. […] Dawn jistgħu jinkisbu wkoll minn materjali oħra ta’ natura ta’ injam bħalma huma frammenti tal-bagasse, tal-bambù, […]. Il-bordijiet tal-injam mill-frak normalment jingħaqdu flimkien bl-għajnuna ta’ materjali li jgħaqqdu, is-soltu reżina li tibbies bis-sħana, li l-piż tagħhom normalment ma jkunx iktar minn 15 % ta’ dak tal-bord. […] Min din l-intestatura huma esklużi: a) Il-folji u l-faxxex tal-plastik miżjuda bi dqiq tal-injam li jikkostitwixxu mili (Kapitolu 39). […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
|
17 |
Skont kliem in-nota ta’ spjega dwar l-intestatura 4419 tas-SA: “Din l-intestatura tinkludi biss l-oġġetti għall-mejda jew għall-kċina, tal-injam, maħduma bit-torn jew le, intarsjar fl-injam u injam intarsjat, bl-esklużjoni ta’ artikoli ta’ għamara jew ta’ tiżjin. L-artikoli msemmija f’din l-intestatura jistgħu jkunu kkostitwiti kemm minn injam naturali kif ukoll minn bordijiet tal-injam mill-frak jew bordijiet simili, minn bordijiet tal-fibri, minn injam laminat jew minn injam densifikat (ara n-Nota 3 ta’ dan il-kapitolu) Fihom jinżammu b’mod partikolari l-imgħaref, il-frieket, il-pożati għall-insalata, is-sassla tal-melħ, id-dixxijiet u l-platti, il-pottijiet, il-kikkri, […] […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
In-NM
|
18 |
Il-klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanzija importata fl-Unjoni Ewropea hija rregolata min-NM, li hija bbażata fuq is-SA. |
|
19 |
L-ewwel parti tan-NM, li tinvolvi grupp ta’ “Dispożizzjonijiet Preliminari”, tinkludi t-Taqsima I, bl-isem “Regoli ġenerali”, li l-punt a tagħha, intitolat “Ir-Regoli Ġenerali għall-interpretazzjoni tan-[NM]”, jipprovdi: “Il-klassifikazzjoni ta’ oġġetti [merkanzija] fin-[NM] għandha tkun irregolata mill-prinċipji li ġejjin.
[…]” |
|
20 |
It-Tieni Parti tan-NM, intitolata “Skeda ta’ Dazji tad-Dwana”, tinkludi, b’mod partikolari, it-Taqsima VII, intitolata “Plastik u oġġetti tiegħu; gomma u oġġetti tagħha”. |
|
21 |
L-imsemmija Taqsima VII tinkludi, b’mod partikolari, il-Kapitolu 39 tan-NM, intitolat “Plastiks u oġġetti tagħhom”. |
|
22 |
In-nota 1 tal-Kapitolu 39 tan-NM tipprevedi b’mod partikolari: “Matul in-nomenklatura, l-espressjoni ‘plastiks’ tfisser dawk il-materjali ta’ titli 3901 sa 3914 li huma jew li kienu kapaċi, jew waqt il-polimerizzazzjoni inkella waqt xi stadju sussegwenti, li jkunu ffurmati taħt influwenza esterna (spiss sħana jew pressjoni, jekk meħtieġ b’solvent jew plastiċiżżatur) b’immudellar, ikkastjar, estrużjoni, irrumblar jew proċess ieħor f’suriet li jibqgħu wara t-tneħħija ta’ l-influwenza esterna.” |
|
23 |
L-intestatura 3909 tan-NM hija fformulata kif ġej: “Amino-rażi, rażi fenoliċi u poliuretani, f’forom primarji: […] 39092000 – Rażi ta’ melamina” |
|
24 |
L-intestatura 3924 tan-NM hija fformulata kif ġej: “Oġġetti tal-mejda, oġġetti tal-kċina, oġġetti oħrajn tad-dar u oġġetti ta’ l-iġjene jew tat-twaletta, tal-plastiks: 39241000 – Oġġetti tal-mejda u oġġetti tal-kċina 39249000 – Oħrajn” |
|
25 |
It-Tieni Parti tan-NM tinkludi wkoll it-Taqsima IX, intitolata “Injam u Oġġetti tal-Injam; Faħam tal-Injam; Sufra u Oġġetti tas-Sufra; Manifatturi ta’ Tiben, ta’ Spartu jew ta’ Materjali Oħrajn tat-Trizza; Xogħol tal-Qfief u Xogħol tal-Qasab”, li tinkludi, b’mod partikolari, il-Kapitolu 44, intitolat “Injam u Oġġetti ta’ l-Injam; Faħam ta’ l-Injam”. |
|
26 |
In-Noti ta’ Spjega relatati mal-Kapitolu 44 tan-NM jipprevedu b’mod partikolari: “[…] 3. Titli [l-intestaturi] 4414 sa 4421 japplikaw għal oġġetti tad-deskrizzjonijiet rispettivi ta’ bord ta’ l-injam mill-frak jew bord simili, bord tal-fibri, injam laminat jew injam densifikat kif japplikaw għal dawn l-oġġetti ta’ l-injam. […] 6. Suġġetta għal nota 1 hawn fuq u ħlief fejn il-kuntest jesiġi mod ieħor, kull riferenza għal ‘injam’ fit-titlu ta’ dan il-kapitlu tapplika ukoll għal bambù’ u materjali oħrajn ta’ natura ta’ injam. […]” |
|
27 |
L-intestatura 4410 tan-NM hija fformulata kif ġej: “Bord tal-injam mill-frak, bord tat-tip oriented strand board (OSB) u bord simili (per eżempju, waferboard) ta’ l-injam jew ta’ materjali oħrajn għudin, magħqudin bir-rażi jew sustanzi organiċi oħrajn li jgħaqqdu jew le: – Ta’ l-injam: 441011 – – Bord magħmul mill-frak: […] 441012 – – Bord tat-tip oriented strand board (OSB): […]” |
|
28 |
L-intestatura 4419 tan-NM hija fformulata kif ġej: “Oġġetti tal-mejda u tal-kċina, ta’ injam: – Tal-bambù: 44191100 – – Twavel tal-ħobż, twavel tat-tqattigħ u twavel simili 44191200 – – Ċopstiks 44191900 – – Oħrajn […]” |
It-tilwima fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
|
29 |
Matul il-perijodu bejn id‑9 ta’ Diċembru 2016 u l‑11 ta’ Ottubru 2017, BalevBio ppreżentat b’kollox 18-il dikjarazzjoni tad-dwana għar-rilaxx għal ċirkulazzjoni libera u l-użu ta’ merkanzija deskritta bħala “tazzi tal-bambù”, li joriġinaw miċ-Ċina, li hija kklassifikat fis-subintestaturi 4419009000 u 4419190000 tan-NM, li għalihom ir-rata ta’ dazji doganali fuq l-importazzjoni applikabbli hija ta’ 0 %. |
|
30 |
Wara waħda minn dawn id-dikjarazzjonijiet tad-dwana, ippreżentata fit‑12 ta’ Ġunju 2017 (iktar ’il quddiem id-“dikjarazzjoni tad-dwana tat‑12 ta’ Ġunju 2017”), l-awtoritajiet doganali kompetenti wettqu kontroll ta’ din il-merkanzija u ħadu kampjun minnha li ġie eżaminat mil-Laboratorju Ċentrali tad-Dwana. Fl-ewwel ta’ Novembru tal-istess sena, dan il-laboratorju ħareġ rapport fejn kien indikat li l-kampjun analizzat kien kompost minn fibri tal-bambù, minn lamtu tal-qamħirrun u minn reżina ta’ melamina-formaldeide. Skont dan ir-rapport, il-lamtu u l-fibri tal-bambù għandhom ukoll ir-rwol ta’ mili. Dan ir-rapport ikkonkluda li l-imsemmija merkanzija kienet komposta minn tazzi, oġġetti tal-mejda tal-plastik li fihom il-melamina. |
|
31 |
L-awtoritajiet doganali kompetenti kkonstataw li l-Hauptzollamt Hannover (l-Uffiċju Prinċipali tad-Dwana ta’ Hannover, il-Ġermanja) kien ħareġ deċiżjonijiet ta’ Informazzjoni tariffarja vinkolanti (ITV) għal merkanzija simili għall-merkanzija li kienet is-suġġett tad-dikjarazzjoni tad-dwana tat‑12 ta’ Ġunju 2017. Dawn id-deċiżjonijiet kienu jindikaw li tali merkanzija kellha tiġi kklassifikata, konformement mar-regola 3(b) tar-Regoli Ġenerali għall-Interpretazzjoni tan-NM, skont il-materjal jew il-komponent li jagħtihom il-karattru essenzjali tagħhom meta dan jista’ jiġi ddeterminat. Skont l-imsemmija deeċiżjonijiet, il-preżenza tal-plastik (reżina ta’ melamina-formaldeide) kienet determinanti u teskludi l-klassifikazzjoni tagħhom fl-intestatura 4419 tan-NM. |
|
32 |
Fil-kuntest tar-rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tal-awtoritajiet doganali kompetenti relatati mad-dikjarazzjoni tad-dwana tat‑12 ta’ Ġunju 2017, BalevBio ppreżentat rapport imfassal mil-Lesotehnicheski universitet (l-Università tal-Forestrija, il-Bulgarija), li jindika li l-merkanzija li kienet is-suġġett ta’ din id-dikjarazzjoni kienet ikkostitwita sa 72.33 % minn ċelluloża, minn emiċelluloża u minn linjina, jiġifieri fibri tal-linjoċelluloża veġetali, u sa 25.2 % minn sustanza li tgħaqqad, jiġifieri r-reżina ta’ melamina, u b’konsegwenza ta’ dan jikkostitwixxu prodott li kellu jiġi kklassifikat bħala materjal fuq bażi veġetali li fih fażi ta’ matriċi ta’ sustanza li tgħaqqad sintetika. Dan ir-rapport kien jeskludi li din il-merkanzija tiġi kklassifikata bħala plastik, għaliex il-kontenut ta’ materjal sintetiku ta’ din tal-aħħar kien kunsiderevolment inqas minn 50 %. |
|
33 |
It-tilwima fil-kawża prinċipali tirrigwarda biss l-importazzjoni ta’ merkanzija li kienet is-suġġett ta’ dikjarazzjoni tad-dwana mwettqa mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali fit‑28 ta’ April 2017 (iktar ’il quddiem il-“merkanzija kkonċernata”). Abbażi tal-informazzjoni miġbura matul l-investigazzjoni, l-awtoritajiet doganali kompetenti qiesu li din il-merkanzija kienet identika għall-merkanzija li kienet is-suġġett tad-dikjarazzjoni tad-dwana tat‑12 ta’ Ġunju 2017 u li, konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-riżultati tal-analiżijiet imwettqa mil-Laboratorju Ċentrali tad-Dwana u mill-Università tal-Forestrija kienu trasponibbli għall-merkanzija kkonċernata. |
|
34 |
Għat-18-il dikjarazzjoni tad-dwana mwettqa mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, inkluża dik relatata mal-merkanzija kkonċernata, l-awtoritajiet doganali kompetenti qiesu li l-klassifikazzjoni tariffarja fis-subintestaturi 4419009000 u 4419190000 tan-NM kienet żbaljata. Skont dawn l-awtoritajiet, mir-regola 1, mir-regola 2(b), mir-regola 3(b) u mir-regola 6 tar-Regoli Ġenerali għall-Interpretazzjoni tan-NM jirriżulta li l-komponent tal-plastik, jiġifieri r-reżina ta’ melamina-formaldeide, tagħti lill-merkanzija kkonċernata l-forma tagħha, l-ebusija tagħha kif ukoll is-solidità tagħha u tagħtiha l-karattru essenzjali tagħha b’tali mod li din il-merkanzija taqa’ taħt l-intestatura 3924 tan-NM, b’mod iktar speċifiku, fid-dawl tal-oriġini tagħha, fis-subintestatura 3924100011 tan-NM, li għaliha r-rata ta’ dazju doganali applikabbli hija ta’ 6.5 %. B’konsegwenza ta’ dan, l-imsemmija awtoritajiet, permezz ta’ deċiżjonijiet tat‑23 ta’ Frar u tal‑5 ta’ Settembru 2018 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjonijiet ta’ korrezzjoni”), bidlu f’dan is-sens il-klassifikazzjoni tal-merkanzija kkonċernata fid-dikjarazzjonijiet tad-dwana kollha magħmula mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali. |
|
35 |
Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentat żewġ rikorsi kontra d-deċiżjonijiet ta’ korrezzjoni quddiem l-Administrativen sad – Varna (il-Qorti Amministrattiva ta’ Varna, il-Bulgarija), li ġew miċħuda bħala infondati. Dik il-qorti qieset li, peress li l-merkanzija kkonċernata kienet komposta minn żewġ komponenti prinċipali, jiġifieri fibri veġetali u reżina ta’ melamina, li ma kienu jaqgħu direttament taħt l-ebda intestatura tan-NM, din kellha tiġi kklassifikata konformement mar-regola 3(b) tar-Regoli Ġenerali għall-Interpretazzjoni tan-NM. Barra minn hekk, fid-dawl tan-Noti ta’ Spjega dwar l-intestaturi 4410 u 4419 fis-SA, l-imsemmija qorti qieset li, għalkemm il-fibri veġetali kienu predominanti fil-volum f’din il-merkanzija, il-kontenut ta’ plastik kien ta’ iktar minn 15 % u li l-imsemmija merkanzija kellha b’konsegwenza ta’ dan titqies bħala oġġetti tal-mejda tal-plastik. |
|
36 |
Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentat appell ta’ kassazzjoni quddiem il-Varhoven administrativen sad (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Bulgarija), li, permezz ta’ deċiżjoni tad‑29 ta’ Ottubru 2019, annullat is-sentenza mogħtija mill-qorti tar-rinviju f’waħda miż-żewġ kawżi relatati mar-rikorsi msemmija fil-punt preċedenti, li madankollu ma kinitx tirrigwarda l-merkanzija kkonċernata, sa fejn qieset li, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tariffarja ta’ din il-merkanzija, kien hemm lok li tiġi applikata r-regola 3(a) tar-Regoli Ġenerali għall-Interpretazzjoni tan-NM, li tipprevedi li l-intestatura li tagħti l-iżjed deskrizzjoni speċifika għandha tkun ippreferuta għall-intestaturi li jagħtu deskrizzjoni iżjed ġenerali. Il-Varhoven administrativen sad (il-Qorti Amministrattiva Suprema) qieset li, anki jekk il-fibri veġetali, jiġifieri l-bambù, huma magħquda ma’ komponent ieħor, jiġifieri r-reżina ta’ melamina-formaldeide, dawn kienu preżenti fi kwantità ikbar fil-merkanzija kkonċernata u b’konsegwenza ta’ dan kienu jindikaw l-intestatura li tagħti l-iżjed deskrizzjoni speċifika. Minn dan hija kkonkludiet li l-klassifikazzjoni tariffarja ta’ din il-merkanzija mwettqa mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienet korretta. |
|
37 |
Minbarra d-deċiżjonijiet ta’ korrezzjoni, l-awtoritajiet doganali kompetenti adottaw diversi deċiżjonijiet li jimponu sanzjonijiet amministrattivi fuq ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali għal frodi doganali abbażi tad-dritt nazzjonali rilevanti, li fosthom hemm id-deċiżjoni tat‑23 ta’ Awwissu 2018 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ sanzjoni tat‑23 ta’ Awwissu 2018”) li fiha l-imsemmija awtoritajiet jikkritikaw lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali talli, fid-dikjarazzjoni tad-dwana tat‑28 ta’ April 2017, ikklassifikat il-merkanzija kkonċernata fis-subintestatura 4419190000 u mhux fis-subintestatura 3924100011 tan-NM, u b’dan il-mod evitat il-ħlas tad-dazji doganali korrispondenti u ta’ parti mit-tariffi dovuti lill-Istat, għal ammont totali ta’ BGN 6 335.43 (madwar EUR 3150). |
|
38 |
L-ewwel deċiżjoni tar-Rayonen sad Devnya (il-Qorti Distrettwali ta’ Devnya, il-Bulgarija), dwar il-legalità tad-deċiżjoni ta’ sanzjoni tat‑23 ta’ Awwissu 2018, ġiet annullata mill-qorti tar-rinviju u l-kawża ntbagħtet lura lilha għal eżami ġdid. Fil-kuntest ta’ dan l-eżami, kienet ġiet ordnata perizja ġudizzjarja kimika li twettqet biss abbażi tal-elementi tal-proċess. Mir-rapport ta’ din il-perizja jirriżulta li l-kompożizzjoni u l-kontenut tal-komponenti tal-merkanzija kkonċernata huma identiċi għal dawk tal-merkanzija li kienet is-suġġett tad-dikjarazzjoni tad-dwana tat‑12 ta’ Ġunju 2017, jiġifieri kontenut ta’ fibri veġetali ta’ 75 % u kontenut ta’ reżina ta’ melamina ta’ 25 %. Skont dan ir-rapport, kull wieħed mill-elementi li jifforma l-kompożizzjoni tal-merkanzija kkonċernata jikkontribwixxi għall-proprjetajiet tagħha. Għalhekk, il-fibri veġetali huma determinanti għall-proprjetajiet ta’ iżolazzjoni termika, id-densità baxxa, il-fatt li hija bijodegradabbli, ir-reżistenza u l-flessibbiltà, is-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol, is-sigurtà ambjentali, ir-riżorsi rinnovabbli u l-prezz, filwaqt li r-reżina ta’ melamina hija determinanti għall-protezzjoni kontra elementi esterni u daqqiet mekkaniċi, ir-reżistenza għall-ilma, iż-żamma tal-forma, is-solidità u t-titwil tat-tul tal-ħajja tal-prodotti. |
|
39 |
Fil-kuntest tal-preżentazzjoni ta’ dan ir-rapport rapport, l-espert enfasizza li n-natura tal-materjali u l-kwantità tagħhom kienu jiddependu kemm mill-użu intenzjonat tal-prodott kif ukoll mill-kundizzjonijiet li fihom għandu jintuża dan il-prodott. Fl-opinjoni tiegħu, l-użu tar-reżina ta’ melamina jwassal għal effett aħjar ta’ imprenjazzjoni tal-materjal kompost kif ukoll isaħħaħ uħud mill-proprjetajiet tiegħu bħall-impermeabbiltà, ir-reżistenza għall-ħasil, l-effetti kimiċi u densità ikbar. Barra minn hekk, il-kuntest tal-użu jippreżupponi kontenut għola ta’ sustanza li tgħaqqad, bħalma hija r-reżina ta’ melamina, sabiex ikunu ggarantiti l-kundizzjonijiet tal-użu, li jirrikjedu b’mod partikolari impermeabbiltà tajba, densità ikbar u superfiċi lixxa. |
|
40 |
Fuq il-bażi ta’ din l-informazzjoni, ir-Rayonen sad Devnya (il-Qorti Distrettwali ta’ Devnya) ikkonfermat, permezz ta’ deċiżjoni tal‑14 ta’ Ottubru 2019, id-deċiżjoni ta’ sanzjoni tat‑23 ta’ Awwissu 2018, fejn iddeċidiet li, meħuda inkunsiderazzjoni l-perizja ġudizzjarja kimika u n-Noti ta’ Spjega dwar l-intestaturi 4410 u 4419 tas-SA, anki jekk il-fibri veġetali preżenti fil-merkanzija kkonċernata kienu predominanti fil-volum, din il-merkanzija ma setgħetx tiġi kklassifikata bħala oġġetti tal-injam, għaliex il-kontenut fil-qasam ta’ sustanza li tgħaqqad użat fiha, jiġifieri r-reżina ta’ melamina, huwa ta’ iktar minn 15 %. L-imsemmija qorti minn dan ikkonkludiet li l-merkanzija kkonċernata kienet materjal kompost li fih żewġ komponenti prinċipali, jiġifieri l-fibri tal-injam u r-reżina ta’ melamina, li ma jaqgħu espliċitament taħt l-ebda waħda mill-intestatura tan-NM, b’tali mod li l-klassifikazzjoni tariffarja tagħhom kellha, konformement mar-regola 3(b) tar-Regoli Ġenerali għall-Interpretazzjoni tan-NM, titwettaq skont il-materjal li jagħti lill-prodott il-karattru essenzjali tiegħu. Skont l-istess qorti, inkwistjoni hemm, b’konsegwenza ta’ dan, oġġetti tal-mejda tal-plastik. |
|
41 |
Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentat rikors kontra d-deċiżjoni tar-Rayonen sad Devnya (il-Qorti Distrettwali ta’ Devnya), tal‑14 ta’ Ottubru 2019, quddiem il-qorti tar-rinviju. |
|
42 |
Il-qorti tar-rinviju tenfasizza li ma jistax jiġi ppreżentat rikors kontra s-sentenza li hija msejħa tagħti fit-tilwima fil-kawża prinċipali. Issa, fil-kuntest tad-diversi rikorsi dwar il-legalità tad-deċiżjonijiet ta’ sanzjoni ppreżentati quddiemha, il-kulleġġi ġudikanti tagħha taw deċiżjonijiet kontradittorji: ċerti kulleġġi ddeċidew li l-merkanzija kkonċernata kellha tiġi kklassifikata b’applikazzjoni tar-regola 3(b) tar-Regoli Ġenerali għall-Interpretazzjoni tan-NM, jiġifieri skont il-materjal li jagħtihom il-karattru essenzjali tagħhom, filwaqt li kulleġġi oħrajn qiesu li għandha tiġi applikata, f’dan ir-rigward, ir-regola 3(a) tar-Regoli Ġenerali għall-Interpretazzjoni tan-NM u li għandu jitqies li l-intestatura “li [t]agħti l-iżjed deskrizzjoni speċifika” hija dik li taħtha jaqa’ l-komponent li l-kwantità tiegħu hija predominanti. |
|
43 |
Għalhekk, il-qorti tar-rinviju tosserva li huwa paċifiku li l-merkanzija kkonċernata hija kkostitwita minn diversi materjali differenti, jiġifieri 72.33 % minn fibri veġetali, b’mod partikolari tal-bambù u tal-qamħirrun, u 25.2 %minn reżina ta’ melamina, u b’konsegwenza ta’ dan tista’ tiġi kklassifikata taħt żewġ subintestaturi jew iktar, iżda li għad fadal dubju dwar il-kwistjoni ta’ jekk għandhiex tiġi applikata, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tariffarja tagħhom, ir-regola 3(a) tar-Regoli Ġenerali għall-Interpretazzjoni tan-NM jew ir-regola 3(b) tal-istess regoli, dwar il-kriterji li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni f’dan ir-rigward u dwar l-interpretazzjoni tal-intestaturi kkonċernati tan-NM. |
|
44 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Administrativen sad – Varna (il-Qorti Amministrattiva ta’ Varna) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ammissibbiltà
|
45 |
Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali tikkuntesta l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-qorti tar-rinviju, billi tesponi li, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Varhoven administrativen sad (il-Qorti Amministrattiva Suprema) li tipprovdi linji gwida speċifiċi li huma applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali, ir-risposta għad-domandi magħmula ma tħalli l-ebda dubju raġonevoli. |
|
46 |
Għandu jitfakkar, f’dan ir-rigward, li, minn naħa, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali, li ġiet adita bit-tilwima u li għandha tassumi r-responsabbiltà għall-eventwali deċiżjoni ġudizzjarja, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull kawża, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti s-sentenza tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, sakemm id-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tiddeċiedi. Minn dan isegwi li d-domandi li jirrigwardaw id-dritt tal-Unjoni jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Għalhekk il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiċħad li tirrispondi domanda magħmula minn qorti nazzjonali biss jekk jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni prevista fid-domandi ma għandha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Frar 2013, Melloni, C‑399/11, EU:C:2013:107, punti 28 u 29 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
47 |
F’dan il-każ, ma jidhirx b’mod manifest li l-interpretazzjoni tal-intestaturi 3924 u 4419 tan-NM, kif ukoll tar-regola 3 tar-Regoli Ġenerali għall-Interpretazzjoni tan-NM, mitluba mill-qorti tar-rinviju, ma għandha l-ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali jew tirrigwarda problema ta’ natura ipotetika. Min-naħa l-oħra, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-qorti tar-rinviju tesprimi, b’mod motivat, dubji dwar l-interpretazzjoni li għandha tingħata għad-dispożizzjonijiet ikkonċernati tad-dritt tal-Unjoni u tenfasizza li l-ġurisprudenza tal-kulleġġi ġudikanti tagħha f’dan il-qasam hija kontradittorja. |
|
48 |
Konsegwentement, it-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-qorti tar-rinviju għandha tiġi ddikjarata ammissibbli. |
Fuq il-mertu
|
49 |
Preliminarjament, għandu jitfakkar li, meta l-Qorti tal-Ġustizzja tiġi adita b’rinviju għal deċiżjoni preliminari fil-qasam tal-klassifikazzjoni tariffarja, ir-rwol tagħha huwa li tipprovdi kjarifika lill-qorti nazzjonali dwar il-kriterji li permezz tagħhom din tal-aħħar tkun tista’ tikklassifika b’mod korrett il-prodotti inkwistjoni fin-NM iktar milli tikklassifikahom hija stess. Fil-fatt, il-qorti nazzjonali jidher li hija, fi kwalunkwe każ, f’pożizzjoni aħjar sabiex tagħmel din il-klassifikazzjoni. Madankollu, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qorti nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija din tal-aħħar li għandha tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tippermettilha tiddeċiedi t-tilwima mressqa quddiemha (sentenza tal‑25 ta’ Frar 2016, G. E. Security, C‑143/15, EU:C:2016:115, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
50 |
Hija konsegwentement il-qorti tar-rinviju li għandha twettaq il-klassifikazzjoni tal-merkanzija kkonċernata fid-dawl tar-risposti mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja għad-domandi magħmula. |
|
51 |
Barra minn hekk, hemm lok li jiġi enfasizzat li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija din tal-aħħar li għandha tagħti lil qorti nazzjonali risposta utli li tippermettilha taqta’ t-tilwima li jkollha quddiemha. Minn din il-perspettiva, hija l-Qorti tal-Ġustizzja, skont il-każ, li għandha tifformula mill-ġdid id-domandi mressqa quddiemha (sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2016, Schenker, C‑409/14, EU:C:2016:643, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
52 |
F’dan il-każ, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-interpretazzjoni li għandha tingħata għall-intestaturi 3924 u 4419 tan-NM għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanzija kkonċernata. |
|
53 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, sa fejn id-deċiżjoni ta’ sanzjoni tat‑23 ta’ Awwissu 2018, li hija s-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, tiddikjara d-dikjarazzjoni tad-dwana tat‑28 ta’ April 2017, li permezz tagħha l-merkanzija kkonċernata tqiegħdet taħt is-sistema ta’ rilaxx għall-konsum b’rilaxx għal ċirkulazzjoni libera, id-dritt tal-Unjoni applikabbli fid-data ta’ meta seħħew il-fatti fil-kawża prinċipali ma huwiex ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/1754 li għalih tagħmel formalment riferiment il-qorti tar-rinviju fit-talba għal deċiżjoni preliminari, iżda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2016/1821, li daħal fis-seħħ fl‑1 ta’ Jannar 2017. |
|
54 |
Għalhekk, għandu jitqies li, permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk in-NM għandhiex tiġi interpretata fis-sens li merkanzija bħall-merkanzija kkonċernata, deskritta bħala “tazzi tal-bambù” kkostitwita 72.33 % minn fibri veġetali u 25.2 % minn reżina ta’ melamina, taqa’ taħt l-intestatura 3924 ta’ din in-nomenklatura jew taħt l-intestatura 4419 tagħha. |
|
55 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, minn naħa, ir-Regoli Ġenerali għall-Interpretazzjoni tan-NM jipprovdu li l-klassifikazzjoni tal-merkanzija għandha tiġi ddeterminata skont it-termini tal-intestaturi u tan-noti tat-taqsimiet jew tal-kapitoli, peress li l-kliem tat-titoli tat-taqsimiet, tal-kapitoli jew tas-subkapitoli jitqies li għandu biss valur indikattiv (sentenza tal‑25 ta’ Frar 2016, G. E. Security, C‑143/15, EU:C:2016:115, punt 43). |
|
56 |
Min-naħa l-oħra, skont ġurisprudenza stabbilita, fl-interess taċ-ċertezza legali u tal-faċilità tal-ispezzjonijiet, il-kriterju deċiżiv għall-klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanzija għandha titfittex, b’mod ġenerali, fil-karatteristiċi rispettivi u fil-proprjetajiet oġġettivi tagħhom, kif iddefiniti mill-kliem l-intestatura tan-NM u min-noti tat-taqsimiet jew tal-kapitoli (sentenza tal‑25 ta’ Frar 2016, G. E. Security, C‑143/15, EU:C:2016:115, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
57 |
Fir-rigward tan-Noti ta’ Spjega tas-SA, għandu jingħad ukoll li, minkejja l-assenza ta’ forza vinkolanti tagħhom, dawn jikkostitwixxu strumenti importanti sabiex tiġi żgurata applikazzjoni uniformi tat-Tariffa Doganali Komuni u jipprovdu, bħala tali, elementi validi għall-interpretazzjoni tagħha. L-istess jgħodd għan-Noti ta’ Spjega tan-NM (sentenza tal‑25 ta’ Frar 2016, G. E. Security, C‑143/15, EU:C:2016:115, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
58 |
F’dan il-każ, mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-merkanzija kkonċernata, jiġifieri tazzi, hija kkostitwita 72.33 % minn fibri veġetali (bambù u qamħirrun) u 25.2 % minn reżina ta’ melamina (reżina ta’ melamina-formaldeide). Din il-merkanzija konsegwentement tikkostitwixxi “oġġetti komposti”, fis-sens tar-regola 3 tar-“Regoli Ġenerali għall-interpretazzjoni tas-SA”. |
|
59 |
Fir-rigward tal-intestaturi tan-NM inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri l-intestaturi 3924 u 4419, għandu jiġi osservat li l-intestatura 3924 ta’ din in-nomenklatura, li tindika l-oġġetti tal-mejda u oġġetti oħrajn tad-dar tal-plastik, tifforma parti mill-Kapitolu 39 tal-imsemmija nomenklatura, intitolat “Plastiks u Oġġetti Tagħhom”, u li, konformement mad-definizzjoni li tinsab fin-nota 1 ta’ dan il-kapitolu, ir-reżina ta’ melamina tikkostitwixxi plastik sa fejn din taqa’ taħt l-intestatura 3909 tal-istess nomenklatura. Barra minn hekk, in-nota ta’ spjega dwar l-intestatura 3924 tas-SA tindika li din tal-aħħar tkopri wkoll it-tazzi mingħajr maqbad għall-mejda u għall-kamra tal-banju li ma għandhomx in-natura ta’ kontenituri għall-imballaġġ u għat-trasport, anki jekk xi drabi jintużaw bħala tali. |
|
60 |
L-intestatura 4419 tan-NM, li tifforma parti mill-Kapitolu 44 ta’ din in-nomenklatura, intitolat “Injam u Oġġetti ta’ l-Injam; Faħam ta’ l-Injam”, tinkludi, min-naħa tagħha, l-oġġetti tal-injam tal-mejda jew tal-kċina, b’mod partikolari tal-bambù. In-nota ta’ spjega dwar din l-intestatura tas-SA tispeċifika li l-oġġetti msemmija f’din l-intestatura jistgħu jkunu komposti kemm minn injam naturali kif ukoll minn bordijiet tal-injam mill-frak jew minn bordijiet simili, minn bordijiet tal-fibri, minn injam laminat jew minn injam densifikat. Barra minn hekk, in-nota ta’ spjega dwar l-intestatura 4410 tas-SA tindika li l-bordijiet tal-injam mill-frak jistgħu jinkisbu wkoll minn materjali ta’ natura ta’ injam bħalma huma frammenti li ġejjin mill-bambù u li normalment jingħaqdu flimkien bl-għajnuna ta’ materjali li jgħaqqdu organiċi miżjuda, is-soltu reżina li tibbies bis-sħana, li l-piż tagħhom normalment ma jkunx iktar minn 15 % tal-bord. |
|
61 |
Minn dan isegwi li l-merkanzija kkonċernata tista’ tikkorrispondi kemm mal-formulazzjoni tal-intestatura 3924 tan-NM kif ukoll ma’ dik tal-intestatura 4419 tal-istess nomenklatura. |
|
62 |
Għaldaqstant, hemm lok li l-klassifikazzjoni tal-merkanzija kkonċernata titwettaq b’applikazzjoni tar-regola 3 tar-Regoli Ġenerali għall-Interpretazzjoni tan-NM, li tipprevedi l-metodi ta’ klassifikazzjoni applikabbli meta oġġett kompost jidher li għandu jiġi kklassifikat taħt żewġ intestaturi jew iktar. |
|
63 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li r-regola 3(a) tar-Regoli Ġenerali għall-Interpretazzjoni tan-NM, li tgħid li l-intestatura li tagħti l-iżjed deskrizzjoni speċifika għandha tkun ippreferuta għall-intestaturi li jagħtu deskrizzjoni iżjed ġenerali, ma hijiex deċiżiva f’dan il-każ. Fil-fatt, fid-dawl tal-elementi esposti fil-punti 67 sa 69 ta’ din is-sentenza kif ukoll fid-dawl tat-tieni sentenza ta’ din ir-regola ġenerali, li tippreċiża li, meta jkun hemm żewġ intestaturi jew iżjed li kull waħda minnhom tirreferi għal parti waħda mill-materjali jew mis-sustanzi li qegħdin f’oġġetti mħalltin jew komposti, l-imsemmija intestaturi għandhom jitqiesu ugwalment speċifiċi fir-rigward ta’ dawk l-oġġetti, ukoll jekk wieħed minnhom jagħti deskrizzjoni iżjed kompluta jew preċiża, la l-intestatura 3924 tan-NM u lanqas l-intestatura 4419 tal-istess nomenklatura ma jistgħu jitqiesu bħala li jagħtu “l-iżjed deskrizzjoni speċifika”, fis-sens tal-imsemmija regola ġenerali. |
|
64 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandha, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanzija kkonċernata, tiġi applikata r-regola 3(b) tar-Regoli Ġenerali għall-Interpretazzjoni tan-NM. |
|
65 |
Abbażi ta’ din ir-regola ġenerali, huwa neċessarju, sabiex ikun hemm il-klassifikazzjoni tariffarja ta’ prodott, li jiġi stabbilit liema huwa, minn fost il-materjali li jikkomponuh, dak li jagħtih il-karattru essenzjali tiegħu, li jista’ jsir billi jiġi mistoqsi jekk il-prodott, imċaħħad minn wieħed jew ieħor mill-komponenti tiegħu, iżommx jew jitlifx il-proprjetajiet li jikkaratterizzawh. Hekk kif jindika l-punt VIII tan-nota ta’ spjega dwar ir-regola 3(b) tas-SA li tikkompleta dik tan-NM, il-fattur li jiddetermina l-karattru essenzjali jista’, skont it-tip ta’ prodott, jirriżulta pereżempju min-natura tal-materjal kostitwenti jew tal-komponenti tiegħu, mill-volum tagħhom, mill-kwantità tagħhom, mill-piż tagħhom, mill-valur tagħhom jew mill-importanza ta’ wieħed mill-materjali kostitwenti fid-dawl tal-użu ta’ dawn il-prodotti (sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2012, Kurcums Metal, C‑558/11, EU:C:2012:721, punti 37 u 38, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
66 |
F’dan il-każ, għandu neċessarjament jiġi kkonstatat, anki jekk il-fibri veġetali huma predominanti fil-kwantità, xorta jibqa’ l-fatt li r-reżina ta’ melamina li tinsab fil-merkanzija kkonċernata hija ta’ importanza preponderanti fid-dawl tal-użu tagħhom. |
|
67 |
Fil-fatt, mid-deċiżjoni tar-rinviju u mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-elementi indispensabbli sabiex il-merkanzija kkonċernata tkun tista’ tintuża bħala tazzi fost l-oġġetti tal-mejda hija r-reżina ta’ melamina, għaliex din tal-aħħar tintuża sabiex tgħaqqad il-fibri veġetali u tagħti, b’mod partikolari, lil din il-merkanzija l-issiġillar, is-solidità jew il-protezzjoni kontra d-daqqiet u l-elementi esterni, kif ukoll il-forma tagħhom. |
|
68 |
Il-fibri veġetali, li jippreżentaw ruħhom fil-forma ta’ dqiq jew ta’ trab jagħtu lill-merkanzija kkonċernata proprjetajiet bħalma huma l-iżolazzjoni termika, id-densità baxxa, il-fatt li hija bijodegradabbli u r-reżistenza u l-flessibbiltà, li huma ta’ natura anċillari sa fejn, jekk din il-merkanzija tiċċaħħad minn dawn il-komponenti, hija żżomm il-proprjetajiet li jikkaratterizzawha bħala tazzi. |
|
69 |
Minn dan isegwi li r-reżina ta’ melamina għandha titqies bħala l-materjal li jagħti lill-merkanzija kkonċernata l-“karattru essenzjali” tagħha, fis-sens tar-regola 3(b) tar-Regoli Ġenerali għall-Interpretazzjoni tan-NM. Għalhekk, din il-merkanzija għandha tiġi kklassifikata fl-intestatura 3924 ta’ din in-nomenklatura, b’mod partikolari, fis-subintestatura 39241000 tagħha. |
|
70 |
Għandu jingħad ukoll li mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari, mir-rapport tal-Laboratorju Ċentrali tad-Dwana, jirriżulta li l-lamtu tal-qamħirrun u l-fibri tal-bambù, fi kliem ieħor il-fibri veġetali li jinsabu fil-merkanzija kkonċernata, għandhom ir-rwol ta’ mili. |
|
71 |
Issa, mill-kunsiderazzjonijiet ġenerali tas-SA esposti fil-Kapitolu 39 tagħha jirriżulta li l-materjali tal-plastik x’aktarx ikun fihom mili, bħalma huwa d-dqiq tal-injam, iċ-ċelluloża, il-materjali tessili, is-sustanzi minerali, il-lamtu, eċċ., u li l-mili li jinsab fil-materjali tal-plastik jistgħu jkunu “intiżi prinċipalment sabiex jagħtu lil prodott lest proprjetajiet fiżiċi speċifiċi u karatteristiċi desiderabbli oħra”. Barra minn hekk, in-Noti ta’ Spjega dwar l-intestatura 4410 tas-SA jindikaw li din l-intestatura ma tinkludix il-“folji u l-faxxex tal-plastik miżjuda bi dqiq tal-injam li jikkostitwixxu mili”, sa fejn dawn tal-aħħar għandhom jiġu kklassifikati fil-Kapitolu 39 tan-NM. |
|
72 |
Barra minn hekk, mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 276/2013 tad‑19 ta’ Marzu 2013 dwar il-klassifikazzjoni ta’ ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda (ĠU 2013, L 84, p. 9), jirriżulta li l-klassifikazzjoni ta’ Decking bord magħmul mill-kompost tal-injam, magħmul b’mod partikolari minn fibri mill-iskart tal-injam u minn plastik irriċiklat, bħala oġġetti tal-injam li jaqgħu taħt il-Kapitolu 44 tan-NM hija eskluża peress li l-fibri tal-injam jikkostitwixxu biss il-mili u peress li l-materjal tal-plastik li jagħti lill-prodott il-karattru essenzjali tiegħu fih dawn tal-aħħar, tali oġġett għandu jiġi kkunsidrat bħala plastik. |
|
73 |
B’konsegwenza ta’ dan, jekk fibri veġetali għandhom effettivament rwol ta’ mili, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, din iċ-ċirkustanza tikkonferma l-konklużjoni milħuqa fil-punt 69 ta’ din is-sentenza, li tgħid li din il-merkanzija għandha tiġi kklassifikata fl-intestatura 3924 tan-NM. |
|
74 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha esposti iktar ’il fuq, ir-risposta li għandha tingħata għad-domandi magħmula għandha tkun li n-NM għandha tiġi interpretata fis-sens li merkanzija deskritta bħala “tazzi tal-bambù”, ikkostitwita 72.33 % minn fibri veġetali u 25.2 % minn reżina ta’ melamina, għandha, bla ħsara għall-evalwazzjoni tal-qorti tar-rinviju tal-punti kollha ta’ fatt li hija għandha, tiġi kklassifikata fl-intestatura 3924 ta’ din in-nomenklatura, b’mod partikolari fis-subintestatura 39241000 tagħha. |
Fuq l-ispejjeż
|
75 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tal-rinviju, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn ir-raġunijiet, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
In-Nomenklatura Magħquda li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat‑23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana, kif emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1821 tas‑6 ta’ Ottubru 2016, għandha tiġi interpretata fis-sens li merkanzija deskritta bħala “tazzi tal-bambù”, ikkostitwita 72.33 % minn fibri veġetali u 25.2 % minn reżina ta’ melamina, għandha, bla ħsara għall-evalwazzjoni tal-qorti tar-rinviju tal-punti kollha ta’ fatt li hija għandha, tiġi kklassifikata fl-intestatura 3924 ta’ din in-nomenklatura, b’mod partikolari fis-subintestatura 39241000 tagħha. |
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru