SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

10 ta’ Ġunju 2021 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Responsabbiltà għal prodotti difettużi – Direttiva 85/374/KEE – Artikolu 2 – Kunċett ta’ ‘prodott difettuż’ – Kopja ta’ gazzetta stampata li fiha parir ineżatt fuq is-saħħa – Esklużjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni”

Fil-Kawża C‑65/20,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tal‑21 ta’ Jannar 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑7 ta’ Frar 2020, fil-proċedura

VI

vs

KRONE - Verlag Gesellschaft mbH & Co KG

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn J.‑C. Bonichot, President tal-Awla, L. Bay Larsen, C. Toader (Relatriċi), M. Safjan u N. Jääskinen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Hogan,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal KRONE - Verlag Gesellschaft mbH & Co KG, minn S. Korn, Rechtsanwalt,

għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller, M. Hellmann u U. Bartl, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. C. Becker u G. Gattinara, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑15 ta’ April 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2 tad-Direttiva tal-Kunsill 85/374/KEE tal‑25 ta’ Lulju 1985 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri dwar responabbiltà għall-prodotti difettużi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 257), kif emendata bid-Direttiva 1999/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑10 ta’ Mejju 1999 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 4, p. 147) (iktar ’il quddiem, id-“Direttiva 85/374”), moqri fid-dawl tal-Artikolu 1 u tal-Artikolu 6 tagħha.

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, VI, ċittadina Awstrijaka u, min-naħa l-oħra, KRONE - Verlag Gesellschaft mbH & Co KG, kumpannija tal-istampa stabbilita fl-Awstrija, dwar talba ta’ VI għall-ħlas ta’ danni għal danni fiżiċi li rriżultaw mill-fatt li hija segwiet parir ineżatt fuq is-saħħa ppubblikat f’gazzetta ippubblikata minn din il-kumpannija.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

3

It-tieni sar-raba premessa, is-sitt premessa u s-seba’ premessa tad-Direttiva 85/374 jipprovdu:

“Billi responsabbiltà mingħajr ħsara min-naħa tal-produttur hija l-uniku mezz li bih tissolva l-problema b’mod adekwat, tipiku għal żmienna fejn it-teknikalità qiegħda dejjem qed tikber, ta’ distribuzzjoni ġusta tar-riskji intrinsiċi fil-produzzjoni teknoloġika moderna;

Billi responsabbiltà mingħajr ħsara għandha tapplika biss għall-mobbli li kienu manifatturati industrijalment; billi, bħala riżultat, huwa xieraq li teskludi responsabbiltà għall-prodotti agrikoli u kaċċa, bl-eċċezzjoni fejn ikunu għaddew minn proċess ta’ natura industrijali li seta’ kkawża difett f’dawn il-prodotti; billi r-responsabbiltà li hemm ipprovdut dwarha f’din id-Direttiva għandha wkoll tapplika għall-mobbli li jintużaw fil-bini ta’ immobbli jew li jkunu stallati fl-immobbli;

Billi l-protezzjoni tal-konsumatur tirrikjedi li l-produtturi involuti kollha fil-proċess ta’ produzzjoni għandhom jinżammu responsabbli, kemm-il darba l-prodott finalizzat, parti komponenti jew kull materja prima tagħhom fornuta minnhom kienet difettuża; […]

[…]

billi, sabiex jipproteġi l-benesseri fiżiku u l-proprjetà tal-konsumatur, id-difett fil-prodott għandu jiġi stabbilit b’riferenza mhux għal kemm huwa adattat biex jintuża imma għan-nuqqas ta’ sigurtà li l-pubbliku in ġenerali huwa intitolat li jistenna; billi s-sigurtà tiġi stmata billi teskludi kull użu ħażin tal-prodott li ma jkunx raġonevoli fiċ-ċirkustanzi;

Billi distribuzzjoni imparzjali tar-riskju bejn il-persuna korruta u l-produttur timplika li l-produttur għandu jkun jista’ jeħles lilu nnifsu mir-responsabbiltà jekk huwa jagħti prova għall-eżistenza ta’ ċerti ċirkustantanzi li jeżonorawh mir-responsabbilità”.

4

Skont l-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva:

“Il-produttur jinżamm responsabbli għal ħsara kkawżata minn difett fil-prodott tiegħu.”

5

L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva huwa fformulat kif ġej:

“Għall-fini ta’ din id-Direttiva, ‘prodott’ tfisser il-mobbli kollha anke jekk ikunu inklużi f’mobbli jew f’immobbli oħra. ‘Prodott’ jinkludi l-elettriku.”

6

L-Artikolu 3(1) tal-istess direttiva jipprevedi:

“‘Produttur’ tfisser manifattur ta’ prodott lest, il-produttur ta’ kull materja prima jew il-manifattur ta’ parti komponenti u kull persuna li, billi tqiegħed isimha, l-marka tan-negozju tagħha jew fattur distintiv ieħor fuq il-prodott tippreżenta lilha stess bħala l-produttur tiegħu.”

7

L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 85/374 jipprovdi:

“Prodott ikun difettuż meta ma jipprovdix is-sigurtà li persuna tkun intitolata li tistenna, waqt li tikkunsidra ċ-ċirkustanzi kollha, inklużi:

(a)

il-preżentazzjoni tal-prodott;

(b)

l-użu li għalih wieħed jista’ raġjonevolment jistenna li jitqiegħed il-prodott;

(ċ)

iż-żmien meta l-prodott ikun tqiegħed fiċ-ċirkolazzjoni.”

Id‑dritt Awstrijak

8

Il-Produkthaftungsgesetz (l-Att dwar ir-Responsabbiltà għall-Prodotti, BGBl. 99/1988), fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mill-emenda ppubblikata fil-BGBl. I, 98/2001 (iktar ’il quddiem l-“Att dwar ir-Responsabbiltà għall-Prodotti”), ittraspona d-Direttiva 85/374 fid-dritt Awstrijak.

9

Skont l-Artikolu 1(1) tal-Att dwar ir-Responsabbiltà għall-Prodotti:

“Jekk minħabba d-difett ta’ prodott, persuna tinqatel, issofri dannu fuq il-persuna jew fuq is-saħħa tagħha, jew jekk isir dannu fuq xi proprjetà tanġibbli minbarra l-prodott, l-entitajiet li ġejjin huma responsabbli li jikkumpensaw għal dak id-dannu:

1. l-imprenditur li minnu ġie prodott u mqiegħed fiċ-ċirkulazzjoni,

[…]”

10

L-Artikolu 3 ta’ dan l-att jipprevedi:

“It-terminu ‘produttur’ […] ifisser il-persuna li mmanifatturat il-prodott lest, materja prima jew parti komponenti, kif ukoll kull min jippreżenta lilu nnifsu bħala produttur billi jwaħħal ismu mal-prodott, trade mark jew marka distintiva oħra.”

11

L-Artikolu 4 tal-imsemmi att jipprovdi:

“It-terminu ‘prodott’ ifisser kull proprjetà tanġibbli mobbli anki jekk hija parti minn proprjetà mobbli oħra jew magħquda ma’ proprjetà immobbli, inkluż l-enerġija.”

12

Skont l-Artikolu 5(1) tal-istess att:

“Prodott għandu jitqies difettuż jekk huwa ma jipprovdix is-sigurtà, li, meta jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha, tista’ titqies raġonevolment mistennija, b’mod partikolari fir-rigward ta’:

1.

il-preżentazzjoni tal-prodott;

2.

l-użu li għalih wieħed jista’ raġonevolment jistenna li jitqiegħed il-prodott,

3.

iż-żmien meta l-prodott ikun tqiegħed fiċ-ċirkulazzjoni.

[…]”

Il‑kawża prinċipali u d‑domanda preliminari.

13

KRONE - Verlag hija proprjetarja ta’ mezzi ta’ kommunikazzjoni u l-pubblikatriċi ta’ edizzjoni reġjonali tal-gazzetta Kronen‑Zeitung.

14

Fil‑31 ta’ Diċembru 2016, hija ppubblikat fit-taqsima “Awstrija”, taħt l-intestatura bit-titolu “Hing’ schaut und g’Sund g’lebt” (“Nagħtu ħarsa u ngħixu b’mod san”), artiklu dwar il-benefiċċji ta’ applikazzjoni ta’ saff għerq il-mustarda maħkuk. Dan l-artiklu kien iffirmat minn persuna, membru ta’ ordni reliġjuż, il-Kräuterpfarrer Benedikt, li, fil-kapaċità tagħha ta’ esperta fil-qasam tal-ħxejjex mediċinali, tagħti pariri b’xejn f’kolonna ppubblikata kuljum mill-gazzetta.

15

It-test tal-artiklu kien jaqra hekk:

“Taffi l-uġigħ rewmatiku

Għerq il-mustarda frisk maħkuk oħxon jista’ jgħin sabiex inaqqas l-uġigħ li wieħed iħoss minħabba r-rewmatiżmu. L-ewwel, ogħrok żejt veġetali xaħmi jew xaħam fuq iż-żoni affettwati qabel ma tapplika saff għerq il-mustarda maħkuk fuqhom u agħfas fuqhom. Tista’ tħalli dan is-saff bejn sagħtejn u ħames sigħat qabel ma tneħħih. L-applikazzjoni tiegħu jkollha effett pożittiv ta’ tbattil.”

16

It-tul ta’ żmien, ta’ bejn sagħtejn u ħames sigħat, indikat fl-artiklu, li matulu kellha tiġi applikata s-sustanza, kien, madankollu, ineżatt, peress li ntużat il-kelma “sigħat” minflok il-kelma “minuti”.

17

Fil‑31 ta’ Diċembru 2016, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, segwiet it-tul ta’ żmien ta’ trattament imsemmi fl-artiklu, applikat din is-sustanza fuq il-ġog tal-għaksa ta’ sieqha, għal madwar tliet sigħat u neħħietha biss wara li ħasset uġigħ qawwi dovut għal reazzjoni tossika tal-ġilda.

18

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali talbet li KRONE - Verlag tiġi kkundannata tħallasha s-somma ta’ EUR 4400 bħala kumpens għad-dannu fiżiku sofrut minnha u li r-responsabbiltà ta’ din il-pubblikatriċi tiġi stabbilita għall-konsegwenzi dannużi attwali u futuri kollha li jirriżultaw mill-inċident tal‑31 ta’ Diċembru 2016.

19

Peress li t-talba tagħha ġiet miċħuda fl-ewwel istanza u fl-appell, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentat rikors għal reviżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju.

20

Din il-qorti tippreċiża li t-tilwima pendenti quddiemha tqajjem il-kwistjoni dwar jekk pubblikatur tal-istampa jew il-proprjetarju ta’ gazzetta jistax jinżamm responsabbli, skont id-Direttiva 85/374, għall-konsegwenzi dannużi li jirriżultaw minn informazzjoni ineżatta li tinsab f’artiklu li huwa jkun awtorizza l-pubblikazzjoni tiegħu.

21

L-imsemmija qorti tindika li parti mid-duttrina tillimita l-applikazzjoni tar-responsabbiltà għal prodotti difettużi, meta jkun involut mezz ta’ informazzjoni, għad-danni kkawżati mill-mezz fih innifsu, per eżempju mill-qoxra tossika ta’ ktieb jew mil-linka tossika. Ir-responsabbiltà għal prodotti difettużi għandha, skont din il-parti tad-duttrina, tkun limitata għar-responsabbiltà għan-natura perikoluża tal-oġġett u mhux għall-parir, peress li s-servizzi intellettwali ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala “prodott”, fis-sens tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 85/374. Interpretazzjoni daqshekk wiesgħa tal-kunċett ta’ “prodott” ikollha bħala konsegwenza li tkun suġġetta għall-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, li tipprevedi responsabbiltà mingħajr ħtija tal-produttur, kull formulazzjoni bil-miktub ta’ kwalunkwe idea. L-informazzjoni għandha tiġi eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva, peress li r-rabta tar-responsabbiltà għal prodotti difettużi mal-fatt li l-informazzjoni ġiet inkorporata fuq mezz fiżiku tkun arbitrarja.

22

Il-qorti tar-rinviju tindika li parti oħra mid-duttrina tixtieq testendi l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din ir-responsabbiltà għall-każijiet fejn id-danni jirriżultaw minn servizz intellettwali difettuż. “[P]roduttur” responsabbli għad-dannu kkawżat minn difett fil-prodott tiegħu jkun jinkludi l-pubblikatur, l-awtur u l-istampatur. Din il-parti mid-duttrina tqis li r-responsabbiltà tal-awturi ta’ kotba, tal-proprjetarji ta’ mezzi ta’ komunikazzjoni jew tal-pubblikaturi għandha tkun tista’ tiġi stabbilita abbażi tad-Direttiva 85/374 minħabba l-kontenut ta’ xogħol stampat, peress li dan tal-aħħar ikun inkiseb preċiżament għall-kontenut tiegħu. Għaldaqstant, l-aspettattivi tal-konsumatur fir-rigward ta’ tali prodott ma jkunux limitati għax-xogħol stampat bħala oġġett, iżda jkunu jirrigwardaw ukoll il-kontenut stess tiegħu.

23

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 2 flimkien mal-Artikoli 1 u 6 tad-Direttiva [85/374] għandhom [għandu] jiġu interpretati fis-sens li huwa wkoll prodott (difettuż) kopja fiżika ta’ gazzetta ta’ kuljum li fiha suġġeriment dwar is-saħħa teknikament skorrett [ineżatt], li l-konformità miegħu tikkawża ħsara lis-saħħa?”

Fuq id‑domanda preliminari

24

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2 tad-Direttiva 85/374, moqri fid-dawl tal-Artikolu 1 u tal-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva, għandux jiġi interpretat fis-sens li kopja ta’ gazzetta stampata li, meta tittratta suġġett paramediku, tagħti parir ineżatt fuq is-saħħa dwar l-użu ta’ pjanta, li l-konformità miegħu tikkawża dannu lis-saħħa ta’ qarrej ta’ din il-gazzetta, tikkostitwixxi “prodott difettuż” fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

25

Preliminarjament, hemm lok li jitfakkar, f’dak li jirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, li, skont ġurisprudenza stabbilita, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest li taħtu din taqa’ u l-għanijiet imfittxija mill-att li din tifforma parti minnu. L-oriġini ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni tista’ wkoll tipprovdi elementi rilevanti għall-interpretazzjoni tagħha (sentenza tad‑9 ta’ Ottubru 2019, BGL BNP Paribas, C‑548/18, EU:C:2019:848, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26

Skont l-Artikolu 2 tad-Direttiva 85/374, il-kelma “prodott” tfisser il-mobbli kollha, anki jekk dawn ikunu inklużi f’mobbli oħra jew f’immobbli, u wkoll l-elettriku.

27

Mill-kliem ta’ dan l-artikolu jirriżulta li s-servizzi ma jistgħux jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

28

Din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 85/374 hija kkonfermata mill-istruttura ta’ din id-direttiva. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-kunċett ta’ “prodott” fis-sens ta’ dan l-artikolu, huwa ddefinit fil-kuntest ġenerali tar-responsabbiltà tal-produttur għad-danni kkawżati min-natura difettuża tal-prodotti tiegħu.

29

Hekk kif huwa rifless fit-tielet premessa tal-imsemmija direttiva, is-sistema ta’ responsabbiltà li din tiddefinixxi tista’ tapplika biss għall-mobbli mmanifatturati industrijalment jew għal dawk użati fil-bini ta’ immobbli jew inklużi f’immobbli.

30

Il-protezzjoni tal-konsumatur teżiġi, hekk kif indikat fir-raba’ premessa tal-istess direttiva, li r-responsabbiltà tal-produtturi kollha involuti fil-proċess ta’ produzzjoni tkun stabbilita jekk il-prodott lest, il-parti komponenti jew il-materja prima pprovduta minnhom kienu difettużi.

31

Huwa f’dan il-kuntest li l-Artikolu 1 tad-Direttiva 85/374, moqri fid-dawl tat-tieni premessa tagħha, jistabbilixxi l-prinċipju ta’ responsabbiltà mingħajr ħtija tal-“produttur”, iddefinit fl-Artikolu 3 tagħha, bħala l-manifattur ta’ prodott lest, il-produttur ta’ materja prima jew il-manifattur ta’ parti komponenti kif ukoll kull persuna li tippreżenta lilha nnifisha bħala produttur billi tqiegħed fuq il-prodott isimha, it-trade mark tagħha jew sinjal distintiv ieħor, għad-dannu kkawżat minn difett fil-prodott tiegħu.

32

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li s-servizzi ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 85/374. Madankollu, sabiex tingħata risposta għall-mistoqsijiet tal-qorti tar-rinviju, għandha tiġi eżaminata l-kwistjoni dwar jekk parir fuq is-saħħa li, min-natura tiegħu, jikkostitwixxi servizz, jistax, meta dan ikun inkluż f’oġġett tanġibbli mobbli, f’dan il-każ, gazzetta stampata, jirrendi, minħabba l-fatt li rriżulta li dan huwa ineżatt, difettuża l-gazzetta stess.

33

Prodott ikun difettuż, fis-sens tal-Artikolu 6 tal-imsemmija direttiva, meta ma jipprovdix is-sigurtà li tista’ leġittimament tiġi mistennija b’teħid inkunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi kollha u, b’mod partikolari, tal-preżentazzjoni ta’ dan il-prodott, tal-użu tiegħu u b’mod partikolari tal-mument tat-tqiegħed fiċ-ċirkulazzjoni tiegħu. Skont is-sitt premessa tal-istess direttiva, din l-evalwazzjoni għandha ssir b’teħid inkunsiderazzjoni tal-aspettattivi leġittimi tal-pubbliku ġenerali (sentenza tal‑5 ta’ Marzu 2015, Boston Scientific Medizintechnik, C‑503/13 u C‑504/13, EU:C:2015:148, punt 37).

34

Is-sigurtà li tista’ leġittimament tiġi mistennija, skont din id-dispożizzjoni, għandha għaldaqstant tiġi evalwata billi jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-użu intiż, il-karatteristiċi u l-proprjetajiet oġġettivi tal-prodott inkwistjoni kif ukoll l-ispeċifikazzjonijiet tal-grupp tal-utenti li dan il-prodott ikun maħsub għalihom (sentenza tal‑5 ta’ Marzu 2015, Boston Scientific Medizintechnik, C‑503/13 u C‑504/13, EU:C:2015:148, punt 38).

35

Hekk kif irrileva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punt 29 tal-konklużjonijiet tiegħu, in-natura difettuża ta’ prodott tiġi ddeterminata abbażi ta’ ċerti elementi li huma intrinsiċi għall-prodott innifsu u li huma marbuta, b’mod partikolari, mal-preżentazzjoni tiegħu, mal-użu tiegħu kif ukoll mal-mument tat-tqegħid fiċ-ċirkulazzjoni tiegħu.

36

F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li s-servizz inkwistjoni, jiġifieri l-parir ineżatt, ma huwiex relatat mal-gazzetta stampata li tikkostitwixxi l-mezz tiegħu. B’mod partikolari, dan is-servizz la jirrigwarda l-preżentazzjoni u lanqas l-użu ta’ din tal-aħħar. Għaldaqstant, l-imsemmi servizz ma jagħmilx parti mill-elementi li huma intrinsiċi għall-gazzetta stampata li, waħedhom, jippermettu li jiġi evalwat jekk dan il-prodott huwiex difettuż.

37

Barra minn hekk, l-assenza ta’ dispożizzjonijiet fid-Direttiva 85/374 fir-rigward tal-possibbiltà li tiġi stabbilita r-responsabbiltà għal prodotti difettużi għad-danni kkawżati minn servizz li l-prodott jikkostitwixxi biss il-mezz fiżiku tiegħu tirrifletti l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni. Id-delimitazzjonijiet tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva stabbiliti minn dan il-leġiżlatur huma r-riżultat ta’ proċess ta’ bbilanċjar kumpless imwettaq, b’mod partikolari, bejn interessi differenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2011, Dutrueux, C‑495/10, EU:C:2011:869, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38

Għalhekk, ir-responsabbiltà tal-fornituri ta’ servizzi u r-responsabbiltà tal-manifatturi ta’ prodotti lesti jikkostitwixxu żewġ sistemi ta’ responsabbiltà distinti, inkwantu l-attività tal-fornituri ta’ servizzi ma hijiex assimilata ma’ dik tal-produtturi, tal-importaturi u tal-fornituri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2011, Dutrueux, C‑495/10, EU:C:2011:869, punti 3233). Fil-fatt, hekk kif jirriżulta wkoll mill-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar ir-responsabbiltà ta’ fornituri ta’ servizzi COM (90) 482 final (ĠU 1991, C 12, p. 8), ippreżentata mill-Kummissjoni fid‑9 ta’ Novembru 1990, fid-dawl tal-karatteristiċi speċifiċi tas-servizzi, is-sistema ta’ responsabbiltà tal-fornitur għandha tkun is-suġġett ta’ leġiżlazzjoni distinta.

39

Għaldaqstant, parir ineżatt fuq is-saħħa, li jiġi ppubblikat f’gazzetta stampata u li jirrigwarda l-użu ta’ oġġett tanġibbli ieħor, ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 85/374 u ma huwiex ta’ natura li jirrendi din il-gazzetta difettuża u li jistabbilixxi, abbażi ta’ din id-direttiva, ir-responsabbiltà mingħajr ħtija tal-“produttur”, kemm jekk dan ikun il-pubblikatur jew l-istampatur tal-imsemmija gazzetta jew anki l-awtur tal-artiklu.

40

Kieku tali pariri kellhom jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 85/374, dan ikollu bħala konsegwenza mhux biss li tiġi miċħuda d-distinzjoni magħmula mil-leġiżlatur tal-Unjoni bejn prodotti u servizzi u l-esklużjoni ta’ dawn tal-aħħar mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, iżda, ukoll, li tiġi stabbilita r-responsabbiltà mingħajr ħtija tal-pubblikaturi ta’ gazzetti, mingħajr possibbiltà għalihom, jew b’possibbiltà limitata, li jevitaw din ir-responsabbiltà. Issa, tali konsegwenza tippreġudika l-għan li jikkonsisti f’li jiġi żgurat tqassim ġust tar-riskji bejn il-vittma u l-produttur, hekk kif imfakkar fis-seba’ premessa tal-imsemmija direttiva.

41

Għandu jiġi ppreċiżat ukoll, hekk kif għamlet il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, li, għalkemm ir-responsabbiltà mingħajr ħtija għal prodotti difettużi, prevista mid-Direttiva 85/374, ma hijiex applikabbli għal kawża bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sistemi oħra ta’ responsabbiltà kuntrattwali jew mhux kuntrattwali msejsa fuq bażijiet differenti, bħall-garanzija fir-rigward ta’ difetti moħbija jew il-ħtija jistgħu jkunu applikabbli (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑25 ta’ April 2002, González Sánchez, C‑183/00, EU:C:2002:255, punt 31).

42

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 2 tad-Direttiva 85/374, moqri fid-dawl tal-Artikolu 1 u tal-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li kopja ta’ gazzetta stampata li, meta tittratta suġġett paramediku, tagħti parir ineżatt fuq is-saħħa dwar l-użu ta’ pjanta, li l-konformità miegħu tikkawża dannu lis-saħħa ta’ qarrej ta’ din il-gazzetta, ma tikkostitwixxix “prodott difettuż” fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

Fuq l-ispejjeż

43

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 2 tad-Direttiva tal-Kunsill 85/374/KEE tal‑25 ta’ Lulju 1985 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri dwar responabbiltà għall-prodotti difettużi, kif emendata bid-Direttiva 1999/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑10 ta’ Mejju 1999, moqri fid-dawl tal-Artikolu 1 u tal-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva, kif emendata bid-Direttiva 1999/34, għandu jiġi interpretat fis-sens li kopja ta’ gazzetta stampata li, meta tittratta suġġett paramediku, tagħti parir ineżatt fuq is-saħħa dwar l-użu ta’ pjanta, li l-konformità miegħu tikkawża dannu lis-saħħa ta’ qarrej ta’ din il-gazzetta, ma tikkostitwixxix “prodott difettuż” fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.