SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla)

15 ta’ April 2021 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Regolament (KEE) 2658/87 – Unjoni doganali – Tariffa doganali komuni – Klassifikazzjoni tariffarja – Nomenklatura Magħquda – Intestaturi tariffarji – Intestaturi 4407 u 4409 – Tavli tal-injam inċanati, li l-erba’ rkejjen tagħhom ġew ftit ittondjati għat-tul kollu tat-tavla”

Fil-Kawża C‑62/20,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa min-Nederlandstalige rechtbank van eerste aanleg Brussel (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Brussell bil-lingwa Olandiża, il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tas‑17 ta’ Jannar 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑6 ta’ Frar 2020, fil-proċedura

Vogel Import Export NV

vs

Belgische Staat,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla),

komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, E. Juhász (Relatur) u I. Jarukaitis, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Hogan,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Vogel Import Export NV, minn J. De Bruyn u E. Gevers, advocaten,

għall-Gvern Belġjan, minn S. Baeyens, J.-C. Halleux u C. Pochet, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Salyková u P. Vanden Heede, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-intestaturi tariffarji 440720 4409 tan-Nomenklatura Magħquda li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat‑23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 382), fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 2016/1821 tas‑6 ta’ Ottubru 2016 (ĠU 2016, L 294, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2016, L 329, p. 119, ĠU 2017, L 150, p. 19) (iktar ’il quddiem in-“NM”).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Vogel Import Export NV (iktar ’il quddiem “Vogel”) u l-Belgische Staat (l-Istat Belġjan) dwar il-klassifikazzjoni tariffarja ta’ tavli tal-injam inċanati, li l-erba’ rkejjen tagħhom ġew ittondjati għat-tul kollu tat-tavla.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt internazzjonali

3

Il-Kunsill ta’ Kooperazzjoni Doganali, li sar l-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana (ODD), twaqqaf permezz tal-Konvenzjoni dwar il-ħolqien tal-imsemmi kunsill, konkluża fi Brussell fil‑15 ta’ Diċembru 1950. Is-sistema armonizzata għad-deskrizzjoni u kodifikazzjoni ta’ merkanzija (iktar ’il quddiem is-“SA”), tfasslet mill-ODD u ġiet stabbilita bil-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-sistema armonizzata għad-deskrizzjoni u kodifikazzjoni ta’ merkanzija, konkluża fi Brussell fl‑14 ta’ Ġunju 1983 u approvata, flimkien mal-Protokoll li jemendaha tal‑24 ta’ Ġunju 1986, f’isem il-Komunità Ekonomika Ewropea, bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/369/KEE tas‑7 ta’ April 1987 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 288) (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni dwar is-SA”).

4

Skont l-Artikolu 3(1) tal-Konvenzjoni dwar is-SA, kull parti kontraenti għandha tiżgura, b’mod partikolari, li n-nomenklaturi tariffarji u tal-istatistika tagħha jkunu konformi mas-SA, li tuża l-intestaturi u s-subintestaturi kollha tagħha, mingħajr żidiet u mingħajr bidliet, kif ukoll il-kodiċi relatati magħhom u li ssegwi s-sekwenza numerika tal-imsemmija sistema. L-istess dispożizzjoni timponi fuq il-partijiet kontraenti l-obbligu li japplikaw ir-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tas-SA kif ukoll in-noti kollha tat-taqsimiet, tal-kapitoli u tas-subintestaturi tas-SA u li ma jbiddlux il-portata tagħhom.

5

L-ODD approvat, fil-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni dwar is-SA, in-Noti ta’ spjega u l-opinjonijiet ta’ klassifikazzjoni adottati mill-Kumitat tas-SA.

6

In-Noti ta’ spjega għas-SA dwar is-subintestaturi rilevanti tal-intestatura 4407, fejn din tal-aħħar hija intitolata “Injam isserrat jew imlaqqax mit-tul, imfellel jew imqaxxar, inċanat jew le, xkatlat jew imminċottat fit-truf, ta’ ħxuna iktar minn 6 mm”, jipprevedu:

“Din l-intestatura tinkludi, ħlief għal xi eċċezzjonijiet, l-injam isserrat jew imlaqqax mit-tul, imfellel jew imqaxxar u ta’ ħxuna ta’ iktar minn 6 mm. Dawn ikunu fil-forma ta’ travi, twavel, twavel żgħar, tornijiet, paletti, eċċ. u prodotti kkunsidrati bħala ekwivalenti ta’ injam isserrat li jinkiseb permezz ta’ magna tal-inċinar u tat-tħin. Din l-operazzjoni tippermetti li jinkisbu dimensjonijiet estremament preċiżi u aspett ta’ superfiċje iktar minn dak miksub permezz tal-isserrar, u dan jirrendi inutli kull inċanar ulterjuri. Hija tinkludi wkoll il-folji li jirriżultaw minn operazzjonijiet ta’ tqattigħ jew ta’ tneħħija kif ukoll l-istrixxi u biċċiet għall-parkè, minbarra dawk li ġew iffurmati tul ix-xfur, l-uċuħ jew it-truf tagħhom (Nru 4409).

Din l-intestatura tkopri wkoll injam li ma għandux forma kwadra jew rettangolari, kif ukoll dak li t-taqsima tiegħu ma hijiex uniformi.

Dan jista’ wkoll jiġi inċanat (kemm jekk l-angolu ffurmat minn żewġ naħat maġenb huwa ftit ittondjat jew le matul din l-operazzjoni), xkatlat jew immuntat f’tarf, imminċottat fit-truf, pereżempju b’finger-joint […]

Huma wkoll esklużi minn din l-intestatura:

[…]

d)

L-injam iffurmat tul xifer, wiċċ, jew tarf wieħed jew iktar, tan-Nru 4409.

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

7

In-Noti ta’ spjega għas-SA dwar is-sottointestaturi rilevanti tal-intestatura 4409, din tal-aħħar kienet intitolata “Injam (inklużi strixxi u freġji għal kisi ta’ art bil-parkè, mhux immuntat) b’forma kontinwa (mudullun, gruvjat, irbattut, iċċanfrinat, ingastat-V, imżebbeġ, iffurmat, ittundjat jew hekk) tul xi xifer, tarf jew wiċċ tiegħu, inċanat, xkatlat jew imminċottat fit-truf jew le”, huma fformulati kif ġej:

“Din l-intestatura tinkludi l-injam u, b’mod partikolari, dak fil-forma ta’ twavel li, wara li kienu kkwadrati jew isserrati, ġew iffurmati b’mod kontinwu tul ix-xfur, it-truf jew l-uċuħ jew sabiex jiffaċilitaw l-immuntar, jew sabiex jinkisbu ix-xogħol fil-forma deskritti fis-subparagrafu 4 iktar ’il quddiem, anki inċanati, xkatlati jew imminċottati fit-truf, pereżempju b’finger-joint […]

[…]

Din l-intestatura tkopri wkoll:

1)

It-twavel inċanati bix-xfur ittondjati.

2)

L-injam ingast-V li l-ġnub tiegħu huma skanalati, miksija u parzjalment iċċanfrinati, inklużi l-injam taċ-ċentru skanalat, b’mudullun u mħawwar fiċ-ċentru, li xi drabi huma ċċanfrinati.

3)

It-twavel inċanati u miksija għas-soqfa, eċċ., li għandhom xogħol bil-forma sempliċi fuq il-ġnub jew fiċ-ċentru.

4)

L-injam b’xogħol bil-forma (magħruf ukoll bl-isem ta’ xogħol bil-forma) jiġifieri l-paletti tal-injam ta’ diversi forom (miksuba mekkanikament jew bl-idejn) li jintużaw għall-produzzjoni tal-gwarniċi, tiżjin tal-ħitan, għamara, bibien, u xogħol ieħor tal-injam.

5)

L-injam ittondjat bħall-injam mibrum li huwa kkostitwit minn vireg ta’ taqsima ġeneralment tonda u b’dijametru żgħir, intiżi b’mod partikolari għall-manifattura ta’ sulfarini, ta’ kavilji għaż-żraben, ta’ ċerti blinds tat-twieqi, ta’ kubrit jew ta’ ċerti xkafef użati fil-produzzjoni tal-ġobon. Huma koperti wkoll minn din l-intestatura l-vireg tal-injam għall-inxir ta’ taqsima uniformi, li d-dijametru tagħhom ivarja b’mod ġenerali minn 2 mm sa 75 mm u t-tul minn 45 cm sa 250 cm, tat-tip ta’ dawk użati b’mod partikolari għall-immuntar tal-partijiet ta’ għamara tal-injam.

Barra minn hekk, din l-intestatura tkopri l-istrixxi u biċċiet tal-parkè kkostitwiti minn partijiet ta’ injam relattivament dojoq, bil-kundizzjoni li dawn ikunu ġew iffurmati (pereżempju, iggruvjati u bil-mudullun). Meta dawn ikunu sempliċement inċanati, xkatlati jew imminċottati fit-truf, pereżempju b’finger-joint, huma jaqgħu fin-Nru 4407.

L-istrixxi u biċċiet għall-parkè li jaqgħu fin-Nru 4412.

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

Id-dritt tal-Unjoni

8

Il-klassifikazzjoni doganali tal-merkanzija importata fl-Unjoni Ewropea hija rregolata min-NM, li hija bbażata fuq is-SA.

9

Skont l-Artikolu 12(1) tar-Regolament Nru 2658/87, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 254/2000 tal‑31 ta’ Jannar 2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 9, p. 357), il-Kummissjoni Ewropea għandha ta’ kull sena tadotta regolament li jirriproduċi l-verżjoni kompleta tan-NM, flimkien mar-rati tad-dazju, kif tirriżulta minn miżuri adottati mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jew mill-Kummissjoni. Dan ir-regolament għandu japplika mill‑1 ta’ Jannar 2000.

10

Il-verżjoni tan-NM applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali hija, peress li t-talba għal informazzjoni tariffarja vinkolanti tressqet fit‑30 ta’ Ottubru 2017, dik relatata mas-sena 2017, li tirriżulta mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2016/1821, li jemenda l-Anness I tar-Regolament Nru 2658/87.

11

L-ewwel parti tan-NM, li tinkludi sensiela ta’ dispożizzjonijiet preliminari, tinkludi t-Titolu I, li jirrigwarda r-regoli ġenerali, li t-Taqsima A tiegħu, intitolata “Regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-[NM]” (iktar ’il quddiem ir-“Regoli ġenerali”), tipprevedi:

“Il-klassifikazzjoni ta’ oġġetti fin-[NM] għandha tkun irregolata mill-prinċipji li ġejjin:

1. It-titli tat-taqsimiet, kapitli u subkapitli huma maħsubin għall-ħeffa ta’ referenza biss; għal għanijiet legali, il-klassifikazzjoni għandha tkun deċiża skond it-termini tat-titli u n-noti ta’ kwalunkwe taqsima jew kapitlu relattiv u, sakemm dawn t-titli jew in-noti ma jkunux jeħtieġu mod ieħor, skond id-dispożizzjonijiet li ġejjin.

2.

(a)

Kwalunkwe referenza għal oġġett f’intestatura għandha titqies li tinkludi referenza għal dak l-oġġett mhux komplut jew mhux irfinut, sakemm, kif ippreżentat, l-oġġett mhux komplut jew mhux irfinut ikollu l-karattru essenzjali tal-oġġett komplut jew mitmum. Għandha wkoll titqies li tinkludi referenza għal dak l-oġġett komplut jew irfinut (jew li jista’ jkun klassifikat bħala komplut jew ikkompletat permezz ta’ din ir-regola), ippreżentat mhux assemblat jew żarmat.

b)

Kwalunkwe referenza f’titlu għal materjal jew sustanza għandha titqies li tinkludi referenza għal taħlitiet jew kombinamenti ta’ dak il-materjal jew is-sustanza ma’ materjali jew sustanzi oħra. Kwalunkwe referenza għal oġġetti ta’ ċertu materjal jew sustanza għandha titqies li tinkludi referenza għal oġġetti li jikkonsistu totalment jew parzjalment minn dan il-materjal jew din is-sustanza. Il-klassifikazzjoni ta’ oġġetti magħmulin minn iżjed minn materjal jew sustanza waħda għandha ssir skont il-prinċipji tar-regola 3.

3. Meta b’ applikazzjoni tar-regola 2(b) jew għal kwalunkwe raġuni oħra, l-oġġetti jkunu klassifikati prima facie f’żewġ intestaturi jew iżjed, il-klassifikazzjoni għandha ssir kif ġej:

(a)

l-intestatura li tagħti l-iżjed deskrizzjoni speċifika għandha tkun ippreferuta għall-intestaturi li jagħtu deskrizzjoni iżjed ġenerali. Madankollu, meta jkun hemm żewġ intestaturi jew iżjed li kull waħda minnhom tirreferi għal parti waħda mill-materjali jew mis-sustanzi li qegħdin f’oġġetti mħalltin jew komposti jew għal parti biss mill-oġġetti f’sett offrut għall-bejgħ bl-imnut, dawk l-intestaturi għandhom jitqiesu ugwalment speċifiċi fir-rigward ta’ dawk l-oġġetti, ukoll jekk wieħed minnhom jagħti deskrizzjoni iżjed kompluta jew preċiża tal-oġġetti;

(b)

taħlitiet, oġġetti komposti li jikkonsistu minn materjali differenti jew magħmulin minn komponenti differenti, u oġġetti mtellgħin għal bejgħ bl-imnut, li ma jkunux jistgħu jiġu kklassifikati b’referenza għal 3(a), għandhom ikunu kklassifikati daqs li kieku kienu magħmulin mill-materjal jew mill-komponent li jagħtihom il-karattru essenzjali tagħhom, sakemm dan il-kriterju jkun applikabbli;

(c)

meta l-oġġetti ma jkunux jistgħu jiġu kklassifikati b’referenza għal 3(a) jew (b), huma għandhom ikunu kklassifikati fl-intestatura li tiġi l-aħħar f’ordni numerika fost dawk li ugwalment għandha tingħatalhom konsiderazzjoni.

[…]”

6. Għal finijiet legali, il-klassifikazzjoni ta’ oġġetti fis-subintestaturi ta’ intestatura għandha tiġi stabbilita skont it-termini ta’ dawk is-subintestaturi u kwalunkwe noti tas-subintestaturi relatati u, mutatis mutandis skont ir-regoli ta’ hawn fuq, skont il-kundizzjoni li s-subintestaturi fl-istess livell biss huma komparabbli. Għall-finijiet ta’ din ir-regola t-taqsima relattiva u n-noti tal-kapitolu japplikaw ukoll, sakemm il-kuntest ma jitlobx mod ieħor.”

12

It-tieni parti tan-NM, intitolata “Skeda ta’ dazji tad-dwana”, tinkludi, b’mod partikolari, it-Taqsima IX, intitolata “Injam u Oġġetti tal-Injam; Faħam tal-Injam, Sufra u Oġġetti tas-Sufra; Manifatturi ta’ Tiben, ta’ Ħalfa jew ta’ Materjali Oħrajn tad-Dafar; Xogħol tal-Qfief u Xogħol tal-Qasab”.

13

Din it-Taqsima IX tinkludi l-Kapitolu 44, intitolat “Injam u Oġġetti tal-Injam; Faħam tal-Injam”.

14

Il-Kapitolu 44 tan-NM jinkludi l-intestatura 4407 li taħtha jaqgħu, b’mod partikolari, is-subintestaturi 440729 u 44072983:

4407

Injam isserrat jew imlaqqax mit-tul, imfellel jew imqaxxar, inċanat jew le, xkatlat jew imminċottat fit-truf, ta’ ħxuna iktar minn 6 mm:

4407 29

– – Oħrajn:

 

– – – Abura, acajou d’Afrique, afrormosja, ako, […] ipé, […], tiama, tikk, tola:

4407 29 83

– – – – – – Inċanat

15

Il-Kapitolu 44 tan-NM jinkludi wkoll l-intestatura 4409 li taħtha taqa’, b’mod partikolari, is-subintestatura 44092200:

4409

Injam (inklużi strixxi u freġji għal kisi ta’ art bil-parquet, mhux assemblati) iffurmat b’mod kontinwu (bil-mudulluni, bil-gruvijiet, irbattut, iċċanfrinat, ingastat-V, bil-gula, iffurmat, inturnjat jew simili) tul xi xifer, tarf jew wiċċ tiegħu, inċanat, xkatlat jew bit-truf ġonġuti jew le:

4409 22 00

– – Tal-injam tropikali

16

Skont l-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 2658/87, il-Kummissjoni għandha tadotta Noti ta’ spjega għan-NM (iktar ’il quddiem in-“Noti ta’ spjega għan-NM”).

17

In-Noti ta’ spjega għan-NM, ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fl‑4 ta’ Marzu 2015 (ĠU 2015, C 76, p. 1), dwar is-subintestaturi 44072110 sa 44072995, isemmu dan li ġej:

“Ta’ injam tropikali speċifikat f’nota 1 għas-subtitlu għal dan il-kapitlu.”

u

“Ara wkoll in-Nota ta’ Spjega Ġenerali SA għal dan il-kapitlu għall-ismijiet ta’ ċertu injam tropikali [riprodotti fil-kunsiderazzjonijiet ġenerali tan-Nota ta’ spjega tas-SA ta’ dan il-kapitlu]. Ara wkoll l-Anness għan-Noti ta’ Spjega SA għal dan il-kapitlu”.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

18

Fit‑30 ta’ Ottubru 2017, Vogel ippreżentat, quddiem l-awtorità doganali kompetenti, applikazzjoni għal informazzjoni tariffarja vinkolanti dwar il-klassifikazzjoni tariffarja ta’ tavli tal-injam tal-ipé, inċanati fuq in-naħat kollha u li l-erba’ rkejjen tagħhom ġew ittondjati għat-tul kollu tat-tavla. Peress li l-ittondjar isir fuq it-tul kollu tal-erba’ rkejjen tal-oġġett inkwistjoni, dan tal-aħħar ma jibqax ikollu sezzjoni rettangolari.

19

Sabiex ikun jista’ jitwettaq il-forma ta’ dan l-oġġett, skieken iddisinjati speċjalment għal dan il-għan għandhom jiġu mmuntati fuq l-inċanatur. L-isem kummerċjali tal-imsemmi oġġett jindika li l-injam ġie ċċanat fuq l-erba’ xfur u li l-erba’ rkejjen tiegħu ġew ittondjati.

20

Fis‑7 ta’ Diċembru 2017, l-imsemmija awtorità doganali ħarġet informazzjoni tariffarja vinkolanti dwar “twavel iċċanati li għandhom sezzjoni kważi rettangolari u xfur twal ftit ittondjati li bl-ebda mod ma jiffaċilitaw l-immuntar (dawn la huma bil-mudullun, la irbattuti, la ċċanfrinati, la ingastati‑V, la ffurmati u lanqas ittondjati), ta’ injam tal-ipè [ta’] ħxuna ta’ 145 mm u [ta’] tul li jvarja bejn 1.82 [m] u 4.53 m”, u kklassifikathom fis-subintestatura 44072983 tan-NM.

21

Peress li qieset li dawn it-twavel kienu jaqgħu taħt is-subintestatura 44092200 tan-NM, Vogel ressqet kontra din id-deċiżjoni, fit‑12 ta’ Jannar 2018, ilment amministrattiv li hija kkompletat fil‑21 ta’ Diċembru 2018.

22

Peress li l-ilment tagħha ġie miċħud fit‑13 ta’ Marzu 2019, Vogel ippreżentat rikors quddiem in-Nederlandstalige rechtbank van eerste aanleg Brussel (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Brussell bil-lingwa Olandiża, il-Belġju).

23

Din il-qorti tindika li, skont Vogel, żewġ intestaturi tariffarji li jistgħu japplikaw għal din il-merkanzija, hija l-iktar speċifika, jiġifieri l-intestatura tariffarja 4409, u mhux l-intestatura tariffarja 4407, li għandha jkollha l-prijorità, skont ir-Regola 3(a) tar-regoli ġenerali. Din il-kumpannija ssostni wkoll quddiem l-imsemmija qorti li, fi kwalunkwe każ, sa fejn din ir-regola ma tippermettix li ssir il-klassifikazzjoni tariffarja, għandha, skont l-imsemmija Regola 3(c), tiġi applikata l-intestatura li tinsab fl-aħħar f’ordni numerika.

24

Il-qorti tar-rinviju tirrileva li Vogel tikkunsidra li t-twavel inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma ffurmati fis-sens li huma ġew ittondjati u li huma koperti mill-verżjonijiet bil-lingwa Ġermaniża, Ingliża u Franċiża tad-deskrizzjonijiet tal-intestatura tariffarja 4409. Barra minn hekk, skont din il-kumpannija, informazzjoni tariffarja vinkolanti li minnha tirriżulta li hemm klassifikazzjoni f’din l-intestatura nħarġet għal merkanzija identika fil-Ġermanja, fi Franza kif ukoll fil-Pajjiżi l-Baxxi u deċiżjoni f’dan is-sens ittieħdet ukoll mill-amministrazzjoni Belġjana.

25

Din il-qorti tesponi li l-Istat Belġjan isostni quddiemha li r-Regola 3(a) tar-Regoli Ġenerali ma hijiex applikabbli f’dan il-każ, peress li l-merkanzija kkonċernata tista’ tiġi kklassifikata skont ir-Regola 1 tar-Regoli Ġenerali. Din il-parti fil-kawża prinċipali ssostni li l-ittondjar mogħtija lil din il-merkanzija ma tistax tiġi kkunsidrata bħala forma, peress li ma hijiex intiża sabiex tiffaċilita l-muntaġġ u li n-Noti ta’ spjega għas-SA dwar l-intestatura 4407 jsemmu taqsima b’mod ċar li din l-intestatura tkopri wkoll l-injam li ma għandhiex sezzjoni kwadrata jew rettangolari u li l-irkejjen tiegħu huma ftit ittondjati.

26

Il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-partijiet fil-kawża pendenti quddiemha ma esprimewx nuqqas ta’ qbil fir-rigward tan-natura tal-merkanzija inkwistjoni u li d-dibattitu jirrigwarda esklużivament l-interpretazzjoni tan-NM, filwaqt li ppreċiżat li s-soluzzjoni tal-kawża li tressqet quddiemha ma teħtieġ l-applikazzjoni ta’ ebda dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali.

27

F’dawn iċ-ċirkustanzi l-Finanzgericht Hamburg (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Brussell bil-lingwa Olandiża) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

In-Nomenklatura Magħquda kif tinsab fl-Anness I tar-Regolament (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana – fid-dawl ukoll tal-verżjonijiet lingwistiċi differenti tal-intestatura tariffarja 4409 u tan-Noti ta’ Spjega tas-SA dwar l-intestaturi tariffarji 4407 u 4409 – għandha tiġi interpretata fis-sens li l-merkanzija li hija s-suġġett tal-kawża prinċipali, jiġifieri tavli tal-injam inċanati fejn l-erba’ rkejjen kienu ġew ittondjati mat-tul kollu tat-tavla, għandhom jitqiesu bħala ‘b’forma kontinwa mat-tul kollu’, u, għaldaqstant, ikklassifikati taħt l-intestatura tariffarja 4409 jew ukoll it-tondjar tal-irkejjen ma jistax jitqies bħala ‘b’forma kontinwa mat-tul kollu’ fejn għalhekk il-merkanzija għandha tiġi kklassifikata taħt l-intestatura tariffarja 4407?

2)

Id-daqs tal-ittondjar huwa determinanti għall-klassifikazzjoni taħt l-intestatura tariffarja 4407 jew taħt l-intestatura tariffarja 4409?”

Fuq l-ewwel domanda

28

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk in-NM għandhiex tiġi interpretata fis-sens li t-twavel tal-injam inċanati, li l-erba’ rkejjen tagħhom kienu ftit ittondjati għat-tul kollu tat-tavla, jaqgħux fl-intestatura 4407 jew fl-intestatura 4409 tagħha.

29

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, meta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jitressaq rinviju għal deċiżjoni preliminari dwar il-klassifikazzjoni tariffarja, ir-rwol tagħha huwa iktar li tagħti kjarifika lill-qorti nazzjonali dwar il-kriterji li bl-implimentazzjoni tagħhom il-qorti nazzjonali tkun tista’ tikklassifika b’mod korrett il-prodotti inkwistjoni tan-NM, milli li tikklassifikahom hija stess, u dan peress li l-Qorti tal-Ġustizzja mhux neċessarjament tiddisponi mill-elementi indispensabbli kollha f’dan ir-rigward. B’hekk, jidher li l-qorti nazzjonali fi kwalunkwe każ tinsab f’pożizzjoni aħjar sabiex tagħmel dan (sentenza tat‑30 ta’ April 2020, DHL Logistics (Slovakkja), C‑810/18, EU:C:2020:336, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għaldaqstant, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tikklassifika l-oġġetti inkwistjoni fil-kawża prinċipali fid-dawl tar-risposti mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja.

30

Ir-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-NM jipprevedu li l-klassifikazzjoni tal-merkanzija għandha tiġi ddeterminata skont il-kliem tal-intestaturi u tan-noti tat-taqsimiet jew tal-kapitoli, filwaqt li l-formulazzjoni tat-titoli tat-taqsimiet, tal-kapitoli jew tas-subkapitoli jitqies li għandu biss valur indikattiv (sentenza tat‑2 ta’ Mejju 2019, Onlineshop, C‑268/18, EU:C:2019:353, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31

In-Noti ta’ spjega, imħejjija mill-Kummissjoni, fir-rigward tan-NM, u dawk adottati mill-ODD, fir-rigward tas-SA, jikkontribwixxu b’mod importanti għall-interpretazzjoni tal-portata tad-diversi intestaturi tariffarji, mingħajr madankollu ma huma legalment vinkolanti. In-Noti ta’ spjega għan-NM, li ma jissostitwixxux dawk tas-SA, għandhom jitqiesu li huma komplementari għal dawn tal-aħħar u kkonsultati flimkien magħhom (sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2018, Vision Research Europe, C‑372/17, EU:C:2018:708, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32

B’hekk, in-Noti ta’ spjega għas-SA jikkostitwixxu strumenti importanti sabiex tiġi żgurata applikazzjoni uniformi tat-tariffa doganali komuni u jipprovdu, bħala tali, elementi ta’ valur għall-interpretazzjoni tagħha (sentenza tad‑19 ta’ Ottubru 2017, Lutz, C‑556/16, EU:C:2017:777, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33

Fl-interess taċ-ċertezza legali u tal-faċilità tal-verifiki, il-kriterju deċiżiv għall-klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanzija għandu jitfittex, b’mod ġenerali, fil-karatteristiċi u fil-proprjetajiet oġġettivi tagħhom, kif iddefiniti mill-kliem tal-intestatura tan-NM u tan-noti tat-taqsimiet jew tal-kapitoli (sentenza tal‑11 ta’ Marzu 2020, Rensen Shipbuilding, C‑192/19, EU:C:2020:194, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34

Barra minn hekk, l-użu intenzjonat tal-prodott jista’ jikkostitwixxi kriterju oġġettiv ta’ klassifikazzjoni sakemm huwa inerenti għall-imsemmi prodott, u l-inerenza għandha tkun tista’ tiġi evalwata skont il-karatteristiċi u l-proprjetajiet oġġettivi ta’ dan (sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Pfizer Consumer Healthcare, C‑182/19, EU:C:2020:243, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35

Mill-formulazzjoni tal-intestatura 4409 tan-NM, li tikkorrispondi għal dik tal-intestatura 4409 tas-SA, jirriżulta li tinkludi “injam (inklużi strixxi u freġji għal kisi ta’ art bil-parquet, mhux assemblati) iffurmat b’mod kontinwu (bil-mudulluni, bil-gruvijiet, irbattut, iċċanfrinat, ingastat-V, bil-gula, iffurmat, inturnjat jew simili) tul xi xifer, tarf jew wiċċ tiegħu, inċanat, xkatlat jew bit-truf ġonġuti jew le”.

36

Skont din il-formulazzjoni, sabiex prodott jiġi kklassifikat taħt din l-intestatura 4409, huwa għalhekk neċessarju li l-injam ikun iffurmat profilat tul xifer, wiċċ jew tarf wieħed jew iktar. F’dan ir-rigward, l-imsemmija formulazzjoni tinkludi, bejn parentesi, lista indikattiva tal-metodi differenti ta’ forma, peress li t-terminu “simili” li jinsab fl-aħħar ta’ din il-lista jimplika li din ma hijiex eżawrjenti.

37

Barra minn hekk, skont in-Noti ta’ spjega għas-SA dwar l-intestatura 4409, din tal-aħħar tinkludi l-injam u, b’mod partikolari, dawk fil-forma ta’ twavel li, wara li kienu kkwadrati jew isserrati, ġew iffurmati tul xifer, wiċċ jew tarf wieħed jew iktar. Skont dawn in-noti ta’ spjega, din il-forma fuq it-tul kollu għandu jew jiffaċilita mmuntar, jew jippermetti li jinkiseb ix-xogħol bil-forma, użat għall-manifattura tal-gwarniċi, tiżjin tal-ħitan, għamara, bibien jew xogħol ieħor tal-injam. In-Noti ta’ spjega jsemmu wkoll li l-intestatura 4409 tkopri strixxi u biċċiet għal art parkè relattivament dojoq, sakemm ikunu ġew iffurmati, iżda li, meta jkunu ġew sempliċement inċanati, xkatlat jew immuntati fit-tarf, dawn il-biċċiet tal-injam jaqgħu fl-intestatura 4407.

38

Fir-rigward tal-intestatura 4407 tan-NM, din tinkludi, skont il-formulazzjoni tagħha li tikkorrispondi għal dik tal-intestatura 4407 tas-SA, “injam isserrat jew imlaqqax mit-tul, imfellel jew imqaxxar, inċanat jew le, xkatlat jew imminċottat fit-truf, ta’ ħxuna iktar minn 6 mm”. Is-subintestatura 44072983 tan-NM tirreferi speċifikament, fil-qafas tal-intestatura 4407, għal ċerti speċi ta’ injam “inċanat”.

39

F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel nett, li, skont l-informazzjoni tariffarja vinkolanti tas‑7 ta’ Diċembru 2017, il-merkanzija inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija “twavel inċanati, li għandhom sezzjoni trasversali kważi rettangolari u xfur twal ftit imdawra li bl-ebda mod ma jiffaċilitaw l-immuntar”, u li ma hemm xejn fil-proċess disponibbli għall-Qorti tal-Ġustizzja li juri li waħda mill-partijiet fil-kawża prinċipali kkontestat dik id-deskrizzjoni tal-karatteristiċi u tal-proprjetajiet oġġettivi tal-imsemmija merkanzija.

40

Issa, skont in-Noti ta’ spjega għas-SA dwar is-subintestaturi rilevanti tal-intestatura 4409, l-injam, b’mod partikolari dak fil-forma ta’ twavel, li ġie ffurmati, huwa hekk jew sabiex jiffaċilita immuntar, jew sabiex jinkiseb xogħol bil-forma, fejn dawn tal-aħħar huma deskritti fir-raba’ paragrafu tagħhom.

41

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, minn naħa, li Vogel ma tallegax, la quddiem il-qorti tar-rinviju u lanqas fil-kuntest tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li x-xogħol imwettaq fuq it-twavel inkwistjoni fil-kawża prinċipali jiffaċilita l-immuntar ta’ dawn it-twavel. Min-naħa l-oħra, minn ebda element fil-proċess ma jirriżulta li l-kisba ta’ xogħol bil-forma ta’ kwalunkwe tip kienet intiża għall-produzzjoni tal-imsemmija twavel.

42

It-tieni, in-Noti ta’ spjega għas-SA dwar is-subintestaturi rilevanti tal-intestatura 4407 jipprevedu espressament li din l-intestatura tkopri wkoll l-injam li huwa biss “ftit ittondjat”.

43

Min-naħa l-oħra, fl-ewwel paragrafu tan-Noti ta’ spjega għas-SA dwar l-intestatura 4409, li jsemmi “[i]t-twavel ċanati bil-ġnub tondi”, l-avverbju “ftit” huwa nieqes, u dan jindika li, għall-klassifikazzjoni f’din l-intestatura 4409, it-twavel għandhom ikollhom tondjaturi kbar.

44

Fir-rigward ta’ din il-karatteristika, mill-informazzjoni tariffarja vinkolanti tas‑7 ta’ Diċembru 2017, li, kif diġà ġie rrilevat fil-punt 39 ta’ din is-sentenza, li l-konstatazzjonijiet ma ġewx ikkontestati la quddiem il-qorti nazzjonali u lanqas quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, jirriżulta li t-twavel tal-injam inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhom xfur ftit ittondjati u li s-sezzjoni tagħhom hija kważi rettangolari.

45

Sakemm l-ittondjar ikun limitat, ftit jimporta l-fatt li, kif tallega Vogel, il-klijenti jistgħu jispeċifikaw il-forom tat-twavel inkwistjoni u li t-tondjaturi laterali jvarjaw skont kull klijent u skont kull forma.

46

It-tielet, in-Noti ta’ spjega għas-SA dwar l-intestatura 4409 jippreċiżaw li din tal-aħħar “tkopri barra minn hekk l-istrixxi u l-biċċiet għal art tal-parkè ikkostitwiti minn partijiet ta’ injam relattivament dojoq, bil-kundizzjoni li dawn ikunu ġew iffurmati (gruvjati u bil-mudullun, pereżempju) [u li,] meta jkunu sempliċement inċanati, xkatlati jew imminċottati fit-truf, pereżempju b’finger-joint, jaqgħu fin-Nru 4407”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

47

Għalkemm huwa minnu li l-merkanzija inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma hijiex strixxi u biċċiet tal-parkè għall-kisi tal-art ikkostitwiti minn partijiet ta’ injam relattivament dojoq, dawn in-Noti ta’ spjega madankollu jikkonfermaw l-interpretazzjoni li twavel tal-injam li huma sempliċement inċanati u mingħajr forma għandhom jiġu kklassifikati taħt l-intestatura 4407 u mhux taħt l-intestatura 4409.

48

Ir-raba’, kif jirriżulta minn qari komparattiv tal-formulazzjonijiet rispettivi tal-intestaturi 4407 u 4409 tan-NM, l-ewwel waħda minnhom tkopri prodotti iktar sempliċi, li għaddew biss minn trattament minimu li ma jippermettix l-immuntar tagħhom, u huma biss il-prodotti iktar elaborati li huma koperti mill-intestatura 4409 tan-NM.

49

Dawn il-kunsiderazzjonijiet jikkorrispondu għall-istruttura tan-NM, li l-intestaturi inferjuri tagħha jindikaw prodotti inqas maħduma u l-intestaturi superjuri tagħha jindikaw prodotti iktar maħduma.

50

Minn dan isegwi li, peress li l-ittondjar ħafif tan-naħat tax-xfur tat-tavli tal-injam jirriżulta minn proċess ta’ inċanar u li dawn it-twavel ma ġew suġġetti għal ebda trattament ta’ ffurmar li jiffaċilita l-immuntar tagħhom jew li jippermetti l-ksib ta’ xogħol bil-forma, l-imsemmija twavel għandhom jiġu kklassifikati mhux taħt l-intestatura 4409 tan-NM, iżda taħt l-intestatura 4407 tagħha.

51

Din l-interpretazzjoni ma tistax tiġi kkontestata bid-differenza li teżisti bejn, minn naħa, il-verżjonijiet bil-lingwa Daniża, Olandiża u Slovena tal-intestatura tariffarja 4409 tan-NM u, min-naħa l-oħra, il-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra ta’ din l-intestatura tariffarja, differenza li tikkonsisti fil-fatt li, filwaqt li għoxrin verżjoni lingwistika jinkludu t-terminu “ittondjat”, din il-kelma hija nieqsa fil-verżjonijiet bil-lingwa Daniża, Olandiża u Slovena tal-imsemmija intestatura tariffarja.

52

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-każ ta’ diverġenza bejn id-diversi verżjonijiet lingwistiċi ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, din għandha tiġi interpretata skont l-istruttura ġenerali u l-għan tal-leġiżlazzjoni li tifforma parti minnha (sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2020, Naturschutzbund Deutschland – Landesverband Schleswig-Holstein, C‑297/19, EU:C:2020:533, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, in-neċessità ta’ applikazzjoni u, għaldaqstant, ta’ interpretazzjoni uniformi ta’ att tal-Unjoni teżiġi li dan jiġi interpretat kemm skont ir-rieda reali tal-awtur tiegħu kif ukoll skont l-għan imfittex minn dan tal-aħħar, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-verżjonijiet lingwistiċi kollha tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Frar 2016, C & J Clark International u Puma, C‑659/13 u C‑34/14, EU:C:2016:74, punt 122 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

53

Il-partijiet għall-Konvenzjoni SA jintrabtu li n-nomenklaturi tat-tariffa u tal-istatistika tagħhom jikkonformaw mas-SA u l-klassifikazzjoni doganali tal-merkanzija importata fl-Unjoni hija rregolata min-NM, li hija bbażata fuq is-SA. Kien jidher li l-formulazzjoni tal-intestatura 4409 tas-SA tinkludi t-terminu “ittundjat”.

54

Konsegwentement, skont l-interpretazzjoni uniformi tal-intestatura 4409 tan-NM, din tal-aħħar tinkludi t-terminu “ttundjat”. Madankollu, fil-formulazzjoni ta’ din l-intestatura tariffarja 4409, it-terminu “ttundjat” jidher bejn parentesi wara t-terminu “forom”, fost lista indikattiva ta’ metodi differenti ta’ forma, kif wara kollox dan diġà ġie kkonstatat fil-punt 36 ta’ din is-sentenza. Għaldaqstant, huwa ċar li r-rieda tal-awtur tan-NM kienet li jipprevedi li l-intestatura 4409 tan-NM tista’ tkopri injam ittondjat biss meta dan kien is-suġġett ta’ forma.

55

Fir-rigward tal-kawża prinċipali, jidher, fid-dawl tal-elementi indikati fil-punti 39 sa 54 ta’ din is-sentenza, li l-merkanzija kkonċernata tista’ taqa’ taħt l-intestatura 4407 tan-NM u mhux taħt l-intestatura 4409 tan-NM.

56

Minkejja din il-konstatazzjoni, hija l-qorti tar-rinviju, wara verifika tal-karatteristiċi oġġettivi ta’ din il-merkanzija, li għandha tagħmel, b’mod definittiv, il-klassifikazzjoni tariffarja tagħha.

57

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li n-NM għandha tiġi interpretata fis-sens li t-twavel tal-injam inċanati, li l-erba’ rkejjen tagħhom kienu ftit ittondjati għat-tul kollu tat-tavla, ma għandhomx jiġu kkunsidrati bħala ffurmati u jistgħu jaqgħu fl-intestatura 4407 tagħha.

Fuq it-tieni domanda

58

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk ir-risposta għall-ewwel domanda tkunx differenti fil-każ fejn dimensjoni iktar sinjifikattiva tal-ittondjar ikkaratterizzat l-erba’ rkejjen tat-twavel tal-injam inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

59

Ebda element tal-proċess ma jindika n-neċessità, għall-finijiet tas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali, li tingħata kjarifiki lill-qorti tar-rinviju dwar l-ipoteżi li fiha dimensjoni ikbar tal-ittondjar li jikkaratterizza ċerti twavel tal-injam li għandhom jiġu kklassifikati taħt intestatura tariffarja tan-NM.

60

Konsegwentement, it-tieni domanda, li hija ta’ natura ipotetika, hija inammissibbli.

Fuq l-ispejjeż

61

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

In-Nomenklatura Magħquda li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat‑23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana, fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 2016/1821 tas‑6 ta’ Ottubru 2016, għandha tiġi interpretata fis-sens li t-twavel tal-injam inċanati, li l-erba’ rkejjen tagħhom kienu ftit ittondjati għat-tul kollu tat-tavla, ma jistgħux jitqiesu bħala ffurmati u ma jistgħux jaqgħu fl-intestatura 4407 tagħha.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.