SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

13 ta’ Jannar 2022 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ammissibbiltà – Artikolu 267 TFUE – Kunċett ta’ ‘qorti nazzjonali’ – Tribunal Dixxiplinari tal-Avukatura – Investigazzjoni dixxiplinari miftuħa fir-rigward ta’ avukat – Deċiżjoni tal‑Aġent Dixxiplinari li tikkonkludi li ma kienx hemm nuqqas dixxiplinari u li tagħlaq l‑investigazzjoni – Rikors tal-Ministru għall-Ġustizzja quddiem it‑Tribunal Dixxiplinari tal-Avukatura – Direttiva 2006/123/KE – Servizzi fis-suq intern – Punt 6 tal-Artikolu 4 u Artikolu 10(6) – Skema ta’ awtorizzazzjoni – Irtirar tal‑awtorizzazzjoni – Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal‑Unjoni Ewropea – Inapplikabbiltà”

Fil-Kawża C‑55/20,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Sąd Dyscyplinarny Izby Adwokackiej w Warszawie (it-Tribunal Dixxiplinari tal-Avukatura ta’ Varsavja, il-Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑24 ta’ Jannar 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑31 ta’ Jannar 2020, fil-proċedura mibdija minn

Minister Sprawiedliwości

fil-preżenza ta’:

Prokurator Krajowy – Pierwszy Zastępca Prokuratora Generalnego,

Rzecznik Dyscyplinarny Izby Adwokackiej w Warszawie,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn A. Prechal (Relatriċi), Presidenta tat-Tieni Awla, li qiegħda taġixxi bħala President tat-Tielet Awla, J. Passer, F. Biltgen, L. S. Rossi u N. Wahl, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Bobek,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Prokurator Krajowy – Pierwszy Zastępca Prokuratora Generalnego, minn R. Hernand u B. Święczkowski,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

għall-Gvern Olandiż, minn K. Bulterman u J. M. Hoogveld, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, inizjalment minn L. Armati, K. Herrmann, S. L. Kalėda u H. Støvlbæk, sussegwentement minn L. Armati, K. Herrmann u S. L. Kalėda, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑17 ta’ Ġunju 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad‑Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern (ĠU 2006, L 376, p. 36), kif ukoll tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċedura mibdija mill-Minister Sprawiedliwości (il-Ministru għall-Ġustizzja, il-Polonja) kontra d-deċiżjoni ta’ Aġent Dixxiplinari li għalaq investigazzjoni miftuħa fir-rigward ta’ avukat wara li kkonkluda li ma kienx hemm nuqqas dixxiplinari imputabbli lill-persuna kkonċernata.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva 2006/123

3

Skont il-premessi 33 u 39 tad-Direttiva 2006/123:

“(33)

Is-servizzi koperti b’din id-Direttiva jkopri varjetà wiesgħa ta’ attivitajiet li dejjem jinbidlu […]. Dak il-kunċett ikopri wkoll servizzi pprovduti kemm lil negozji kif ukoll lil konsumaturi, bħal parir legali jew fiskali; […]

[…]

(39)

Il-kunċett ta’ ‘skema ta’ awtorizzazzjoni’ għandu jkopri, fost oħrajn, il-proċeduri amministrattivi għall-għotja ta’ awtorizzazzjonijiet, liċenzji, approvazzjonijiet jew konċessjonijiet, u kif ukoll l-obbligu, sabiex jkun eliġibbli biex jeżerċita l-attività, biex jkun irreġistrat bħala membru ta’ professjoni jew imdaħħal f’reġistru, lista jew database, biex jkunu uffiċjalment maħtura f’korp jew jikseb kard ta’ sħubija ta’ professjoni partikolari. […]”

4

L-Artikolu 1(5) ta’ din id-direttiva jiddisponi:

“Din id-Direttiva ma taffettwax ir-regoli tal-liġi kriminali ta’ l-Istati Membri. Madankollu, l-Istati Membri ma jistgħux jirrestrinġu l-libertà li jiġu pprovduti servizzi billi japplikaw dispożizzjonijiet kriminali li jirregolaw jew jaffettwaw b’mod partikolari l-aċċess għal attività ta’ servizz jew l-eżerċizzju ta’ tali attività sabiex jiġu evitati r-regoli stabbiliti f’din id-Direttiva.”

5

L-Artikolu 3(1) tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

“Jekk id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva jmorru kontra dispożizzjoni ta’ att Komunitarju ieħor li jirregola aspetti speċifiċi ta’ aċċess għal jew l-eżerċizzju ta’ attività ta’ servizz fis-setturi speċifiċi jew għal professjonijiet speċifiċi, id-dispożizzjoni ta’ l-att Komunitarju l-ieħor jipprevalu u għandhom japplikaw f’dawk is-setturi jew professjonijiet speċifiċi. […]”

6

L-Artikolu 4 tal-istess direttiva jistabbilixxi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva […]:

1)

‘servizz’ tfisser attività ekonomika mhux imħallsa, normalment magħmula għal remunerazzjoni kif imsemmija fl-Artikolu [57 TFUE];

[…]

6)

‘skema ta’ awtorizzazzjoni’ tfisser kull proċedura li fiha kull fornitur jew riċevitur hu tabilħaqq meħtieġ jieħu passi sabiex jikseb deċiżjoni formali minn awtorità kompetenti, jew deċiżjoni impliċita, rigward l-aċċess għal attività ta’ servizz jew għall-eżerċizzju tagħha;

7)

‘rekwiżit’ tfisser kwalunkwe obbligu, projbizzjoni, kondizzjoni jew limitu stipulat fil-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri jew bħala riżultat tal-każistika, il-prattika amministrattiva, ir-regoli ta’ korpi professjonali, jew ir-regoli kollettivi ta’ assoċjazzjonijiet professjonali jew organizzazzjonijiet professjonali oħrajn, adottati fl-eżerċizzju ta’ l-awtonomija legali tagħhom; […]

[…]”

7

L-Artikolu 9 tad-Direttiva 2006/123, li jinsab fit-Taqsima 1, intitolata “Awtorizzazzjonijiet”, tal-Kapitolu III, intitolat “Libertà għall-istabbiliment ta’ fornituri”, jipprevedi, fil-paragrafu 3 tiegħu:

“Din is-sezzjoni m’għandhiex tapplika għal dawk l-aspetti ta’ skemi ta’ awtorizzazzjoni li huma regolati direttament jew indirettament minn strumenti Komunitarji oħrajn.”

8

L-Artikolu 10 tad-Direttiva 2006/123, li jinsab f’din it-taqsima 1, intitolat “Kondizzjonijiet biex tingħata l-awtorizzazzjoni”, jipprevedi, fil-paragrafu 6 tiegħu:

“Ħlief fil-każ ta’ l-għoti ta’ awtorizzazzjoni, kwalunkwe deċiżjoni mill-awtoritajiet kompetenti, inklużi ċaħda jew irtirar ta’ awtorizzazzjoni, għandha tinkludi r-raġunijiet kollha u għandha tkun miftuħa għal sfida quddiem il-qrati jew istanzi oħrajn ta’ appell.”

9

It-Taqsima 2 tal-Kapitolu III tad-Direttiva 2006/123, li tinkludi l-Artikoli 14 u 15 tagħha, tikkonċerna r-rekwiżiti relatati mal-aċċess għal attività ta’ servizzi jew għall-eżerċizzju tagħha li huma pprojbiti jew suġġetti għal evalwazzjoni.

Id-Direttiva 98/5/KE

10

Il-premessa 7 tad-Direttiva 98/5/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Frar 1998, sabiex tkun iffaċilitata l-prattika tal-professjoni ta’ avukat fuq bażi permanenti fl-Istati Membri minbarra dak fejn kienet miksuba l-kwalifikazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 3, p. 83), tistabbilixxi:

“Billi, waqt li żżomm l-għanijiet tagħha, din id-Direttiva ma tistipulax ir-regoli li jikkonċernaw sitwazzjonijiet purament domestiċi, u billi ma taffettwax regoli nazzjonali li jirregulaw il-professjoni legali ma tagħmilx aktar milli hu meħtieġ sabiex tikseb effettivament l-għan tagħha; billi huwa mingħajr preġudizzju partikolarment għal-leġislazzjoni nazzjonali li tirregola l-aċċess għal u l-prattika tal-professjoni ta’ avukat taħt it-titolu professjonali użat fl-Istat Membru ospitanti”.

11

Skont l-Artikolu 1(1) tal-imsemmija direttiva:

“L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li jiffaċilita l-prattika tal-professjoni ta’ l-avukat fuq bażi permanenti fil-kapaċità ta’ ħaddiem għal rasu jew bis-salarju fi Stat Membru minbarra dak li fih inkisbet il-kwalifika professjonali.”

Id-dritt Pollakk

Il-Liġi dwar l-Avukatura

12

L-Artikolu 9 tal-ustawa z dnia 26 maja 1982 r. – Prawo o adwokaturze (il-Liġi dwar l-Avukatura) tas‑26 ta’ Mejju 1982 (Dz. U. Nru 16, pożizzjoni 124), kif emendata, jipprevedi:

“1.   Dawn li ġejjin huma l-korpi tal-Avukatura: l-Assemblea Nazzjonali tal‑Avukatura, il-Kunsill Suprem tal-Avukatura, it-Tribunal Dixxiplinari Superjuri, l-Aġent Dixxiplinari tal-Avukatura u l-Kumitat ta’ Verifika Superjuri.

2.   Huma biss avukati li jistgħu jkunu membri tal-korpi tal-Avukatura.”

13

Skont l-Artikolu 11 ta’ din il-liġi:

“1.   Elezzjonijiet għall-korpi tal-Avukatura u għall-korpi tal-Kmamar tal‑Avukati […] għandhom isiru permezz ta’ vot sigriet mingħajr limitu fuq in‑numru ta’ kandidati.

2.   Il-mandat tal-korpi tal-Avukatura u tal-korpi tal-Kmamar tal-Avukati […] huwa ta’ erba’ snin, iżda dawn huma obbligati jkomplu joperaw sakemm jiġu stabbiliti korpi eletti ġodda.

[…]

4.   Membri individwali tal-korpi msemmija f’paragrafu 1 jistgħu jitkeċċew mill-korp li jkun eleġġiehom qabel l-iskadenza tal-mandat tagħhom.

[…]”

14

L-Artikolu 39 tal-imsemmija liġi jiddisponi:

“Dawn li ġejjin huma l-korpi tal-Avukatura lokali:

1)

l-Assemblea Lokali tal-Avukatura, komposta mill-avukati li jeżerċitaw il‑professjoni u rappreżentanti tal‑avukati l‑oħra;

[…]

3)

it-Tribunal Dixxiplinari;

3a) l-Aġent Dixxiplinari;

[…]”

15

L-Artikolu 40 tal-istess liġi jistabbilixxi:

“Il-materji li ġejjin jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Assemblea Lokali tal‑Avukatura:

[…]

2)

l-għażla tal-President, tal-President tat-Tribunal Dixxiplinari, tal-Aġent Dixxiplinari, […] u tal-membri u l-membri alternattivi [tat-]Tribunal Dixxiplinari […];

[…]”

16

Skont l-Artikolu 51 tal-Liġi dwar l-Avukatura:

“1.   It-Tribunal Dixxiplinari għandu jkun kompost minn President, Viċi President, membri u membri alternattivi.

2.   It-Tribunal Dixxiplinari jiddeċiedi f’kulleġġ ġudikanti sħiħ ta’ tliet Imħallfin.”

17

L-Artikolu 58 ta’ din il-liġi jistabbilixxi:

“Il-materji li ġejjin jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Kunsill Suprem tal-Avukatura:

[…]

13)

sospensjoni tad-dritt li jiġu eżerċitati funzjonijiet minħabba ksur ta’ obbligi essenzjali minn membri individwali tal-korpi ta’ Kmamar ta’ Avukati lokali u korpi ta’ Awli tal-Avukatura, bl-eċċezzjoni ta’ membri ta’ Tribunali Dixxiplinari, u l-applikazzjoni mal-korpi kompetenti għar-revoka tal-istess;

[…]”

18

L-Artikolu 80 tal-imsemmija liġi jispeċifika:

“Avukati […] għandhom ikunu suġġetti għal responsabbiltà dixxiplinari għal aġir li jmur kontra l-liġi, il-prinċipji etiċi jew id-dinjità tal-professjoni jew għal ksur tal-obbligi professjonali tagħhom […]”.

19

Skont l-Artikolu 81(1) tal-istess liġi:

“Is-sanzjonijiet dixxiplinari huma s-segwenti:

1)

twissija;

2)

ċanfira;

3)

multa;

4)

sospensjoni tad-dritt li tiġi eżerċitata attività professjonali għal perijodu ta’ bejn tliet xhur u ħames snin;

5)

imħassar

6)

tkeċċija mill-Avukatura.”

20

L-Artikolu 82(2) tal-Liġi dwar l-Avukatura jiddisponi:

“Tkeċċija mill-Avukatura tinvolvi tneħħija mir-reġistru tal-avukati mingħajr ebda dritt ta’ applikazzjoni għal reġistrazzjoni mill-ġdid f’dan ir-reġistru għal perijodu ta’ 10 snin mid-data li fiha d-deċiżjoni ta’ tkeċċija mill-Avukatura ssir finali.”

21

L-Artikolu 88a(1) u (4) ta’ din il-liġi jindika:

“1.   Id-deċiżjonijiet u d-digrieti li jagħlqu l-proċedura dixxiplinari għandhom jiġu nnotifikati ex officio, bil-motivazzjoni tagħhom, lill-partijiet kif ukoll lill‑Ministru għall-Ġustizzja.

[…]

4.   Il-partijiet fil-proċedura u l-Ministru għall-Ġustizzja għandhom id-dritt jippreżentaw appell kontra deċiżjonijiet u digrieti li jitterminaw proċedimenti dixxiplinari fi żmien 14‑il jum mid-data ta’ notifika ta’ kopja tad-deċiżjonijiet jew digrieti, flimkien ma’ dikjarazzjoni tar-raġunijiet, u struzzjonijiet rigward it‑termini ta’ żmien, u l-mod ta’ preżentata ta’ appell.”

22

Skont l-Artikolu 89(1) tal-imsemmija liġi:

“Tribunal Dixxiplinari għandu jkun indipendenti fir-rigward tad-deliberazzjonijiet tiegħu.”

23

L-Artikolu 91(2) u (3) tal-istess liġi jipprevedi:

“2.   It-Tribunal Dixxiplinari għandu jisma’ l-kawżi kollha bħala l-qorti tal-ewwel istanza, bl-eċċezzjoni […] ta’ appell kontra deċiżjoni ta’ Aġent Dixxiplinari li ma jinbdewx proċedimenti dixxiplinari jew li jitwaqqfu proċedimenti dixxiplinari.

3.   It-Tribunal Dixxiplinari Superjuri għandu jisma’:

1)

bħala l-qorti tat-tieni istanza, kawżi mismugħa fl-ewwel istanza mit‑Tribunali Dixxiplinari tal-Kamra tal-Avukati;

[…]”

24

L-Artikolu 91a(1) tal-Liġi dwar l-Avukatura huwa fformulat kif ġej:

“Il-partijiet, il-Ministru għall-Ġustizzja, l-Ombudsman u l-President tal-Kunsill Suprem tal-Avukatura jistgħu jressqu appell ta’ kassazzjoni quddiem is-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)] kontra d-deċiżjonijiet mogħtija fit-tieni istanza mit-Tribunal Dixxiplinari Superjuri.”

25

L-Artikolu 91b ta’ din il-liġi jiddisponi:

“Appell ta’ kassazzjoni jista’ jiġi ppreżentat minħabba ksur manifest tad-dritt kif ukoll fil-każ ta’ sanzjoni dixxiplinari manifestament sproporzjonata.”

26

L-Artikolu 91c tal-imsemmija liġi jispeċifika:

“Appell ta’ kassazzjoni għandu jiġi ppreżentat quddiem [is-Sąd Najwyższy (il‑Qorti Suprema),] permezz tat-Tribunal Dixxiplinari Superjuri fi żmien 30 jum mid-data tal-għoti tad-deċiżjoni, flimkien mad-dikjarazzjoni tar-raġunijiet.”

27

L-Artikolu 95n tal-Liġi dwar l-Avukatura jistabbilixxi:

“F’kawżi li ma humiex irregolati mil-liġi, għandhom japplikaw mutatis mutandis għal proċedimenti dixxiplinari d-dispożizzjonijiet:

1)

tal-Kodeks postępowania karnego (il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali);

[…]”

Il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali

28

Skont l-Artikolu 100(8) tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali:

“Wara l-għoti jew in-notifika tad-deċiżjoni jew digriet, il-partijiet fil-proċedura għandhom jingħataw struzzjonijiet rigward id-dritt tagħhom li jippreżentaw appell, u t-termini ta’ żmien u l-metodu għall-istess preżentata, jew li d-deċiżjoni jew digriet ma humiex appellabbli.”

29

L-Artikolu 521 ta’ dan il-kodiċi jipprevedi:

“Il-[Prokurator Generalny (il-Prosekutur Ġenerali)] kif ukoll ir-[Rzecznik Praw Obywatelskich (l‑Ombudsman)] jistgħu jippreżentaw appell ta’ kassazzjoni kontra kull deċiżjoni finali ta’ qorti li tagħlaq il-proċedura.”

30

L-Artikolu 525 tal-imsemmi kodiċi jiddisponi:

“1.   L-applikant jippreżenta appell ta’ kassazzjoni quddiem is-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)] permezz tal-qorti tal-appell.

2.   Fil-każ imsemmi fl-Artikolu 521, l-appell ta’ kassazzjoni għandu jiġi ppreżentat direttament quddiem is-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)].”

Il-Liġi dwar l-Uffiċċju tal-Prosekutur

31

L-Artikolu 1(2) tal-ustawa z dnia 28 stycznia 2016 r. – Prawo o prokuraturze (il‑Liġi dwar l-Uffiċċju tal-Prosekutur) tat‑28 ta’ Jannar 2016 (Dz. U. tal‑2016, pożizzjoni 177), jistabbilixxi:

“Il-Prosekutur Ġenerali huwa l-ogħla korp tal-Uffiċċju tal-Prosekutur. Il-funzjoni ta’ Prosekutur Ġenerali hija eżerċitata mill-Ministru għall-Ġustizzja. […]”

Il-Liġi dwar il-Qorti Suprema

32

Skont l-ustawa z dnia 8 grudnia 2017 r. o Sądzie Najwyższym (il-Liġi dwar il‑Qorti Suprema) tat‑8 ta’ Diċembru 2017 (Dz. U. tal‑2018, pożizzjoni 5), is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) hija komposta minn diversi awli, fosthom l-Awla Kriminali u l-Awla Dixxiplinari.

33

Konformement mal-Artikolu 24 ta’ din il-liġi, jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Awla Kriminali tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), b’mod partikolari l-kawżi eżaminati fir-rigward tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali u l-kawżi l-oħra li għalihom japplikaw id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-kodiċi.

34

Skont l-ewwel inċiż tal-punt 1(b) tal-Artikolu 27(1) tal-imsemmija liġi, jaqgħu b’mod partikolari taħt il-kompetenza tal-Awla Dixxiplinari tas-Sąd Najwyższy (il‑Qorti Suprema) il-kawżi dwar proċeduri dixxiplinari mmexxija skont il-Liġi dwar l-Avukatura.

Il-ġurisprudenza tal-awli kriminali u dixxiplinari tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)

35

L-Awla Kriminali tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) kif ukoll id-duttrina, sa issa, adottaw il-pożizzjoni li tgħid li l-Prosekutur Ġenerali u l-Ombudsman ma humiex awtorizzati jippreżentaw appell mid-deċiżjonijiet tat-Tribunal Dixxiplinari tal-Avukatura li jikkonfermaw deċiżjoni tal-Aġent Dixxiplinari li ma jibdiex investigazzjoni dixxiplinari. L-imsemmija qorti tqis, f’dan ir-rigward, li l-Liġi dwar l-Avukatura tirregola b’mod sħiħ l-ammissibbiltà tal-appell fil-kassazzjoni u li, konformement mal-Artikolu 95n ta’ din il-liġi, l-Artikolu 521 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali għalhekk ma japplikax.

36

Madankollu, f’sentenza mogħtija fis‑27 ta’ Novembru 2019, l-Awla Dixxiplinari tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) adottat il-pożizzjoni opposta billi qieset li l‑Artikolu 521 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali japplika fir-rigward ta’ tali deċiżjonijiet tat-Tribunal Dixxiplinari tal-Avukatura u, konsegwentement, iddikjarat ammissibbli appell ta’ kassazzjoni ppreżentat mill-Prosekutur Ġenerali kontra digriet tas-Sąd Dyscyplinarny Izby Adwokackiej w Warszawie (it-Tribunal Dixxiplinari tal-Avukatura ta’ Varsavja, il-Polonja) li kkonferma d-deċiżjoni tal‑Aġent Dixxiplinari li jagħlaq investigazzjoni dixxiplinari fil-konfront ta’ avukat.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

37

Permezz ta’ ittra tal‑20 ta’ Lulju 2017, il-Prokurator Krajowy – Pierwszy Zastępca Prokuratora Generalnego (il-Prosekutur Nazzjonali – l-ewwel sostitut tal‑Prosekutur Ġenerali, il-Polonja) (iktar ’il quddiem il-“Prosekutur Nazzjonali”) talab lir-Rzecznik Dyscyplinarny Izby Adwokackiej w Warszawie (l-Aġent Dixxiplinari tal-Kamra tal-Avukati ta’ Varsavja, il-Polonja) (iktar ’il quddiem l‑“Aġent Dixxiplinari”) sabiex jiftaħ proċedura dixxiplinari kontra R. G. minħabba li, permezz ta’ ċerti dikjarazzjonijiet pubbliċi, huwa allegatament qabeż il-limiti tal-libertà tal-espressjoni tal-avukati u wettaq nuqqas dixxiplinari minħabba t-theddid li dawn id-dikjarazzjonijiet kienu jindirizzaw lejn il-Ministru għall-Ġustizzja.

38

Permezz ta’ deċiżjoni tas‑7 ta’ Novembru 2017, l-Aġent Dixxiplinari rrifjuta li jiftaħ din l-investigazzjoni dixxiplinari. Wara r-rikors ippreżentat mill-Prosekutur Nazzjonali, din id-deċiżjoni ġiet annullata permezz ta’ digriet tas-Sąd Dyscyplinarny Izby Adwokackiej w Warszawie (it-Tribunal Dixxiplinari tal-Avukatura ta’ Varsavja) tat‑23 ta’ Mejju 2018, u konsegwentement il-proċess ġie rrinvijat lill-Aġent Dixxiplinari għal eżami ġdid. Permezz ta’ deċiżjoni tat‑18 ta’ Ġunju 2018, dan tal-aħħar fetaħ investigazzjoni dixxiplinari kontra R. G., li ngħalqet permezz ta’ deċiżjoni tat‑28 ta’ Novembru 2018 li fiha l-imsemmi aġent ikkonkluda li ma kienx hemm nuqqas dixxiplinari min-naħa tal-persuna kkonċernata. Wara r-rikorsi ppreżentati mill-Ministru għall-Ġustizzja u mill-Prosekutur Nazzjonali, is-Sąd Dyscyplinarny Izby Adwokackiej w Warszawie (it-Tribunal Dixxiplinari tal-Avukatura ta’ Varsavja), fit‑13 ta’ Ġunju 2019, annulla din id-deċiżjoni tal-Aġent Dixxiplinari u għal darba oħra ġie rrinvijat quddiem dan tal-aħħar.

39

Permezz ta’ deċiżjoni tat‑8 ta’ Awwissu 2019, l-Aġent Dixxiplinari għalaq l-investigazzjoni dixxiplinari mill-ġdid wara li kkonstata l-assenza ta’ elementi li jikkostitwixxu nuqqas dixxiplinari min-naħa ta’ R. G. Is-Sąd Dyscyplinarny Izby Adwokackiej w Warszawie (it-Tribunal Dixxiplinari tal-Avukatura ta’ Varsavja) huwa attwalment adit b’rikors tal-Ministru għall-Ġustizzja kontra din l-aħħar deċiżjoni.

40

F’dan il-kuntest, is-Sąd Dyscyplinarny Izby Adwokackiej w Warszawie (it-Tribunal Dixxiplinari tal-Avukatura ta’ Varsavja) indika, preliminarjament, li jqis li jissodisfa l-kundizzjonijiet kollha meħtieġa sabiex ikun jista’ jitqies bħala qorti fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE b’tali mod li huwa fondat li jista’ jagħmel domanda lill-Qorti tal-Ġustizzja b’mod preliminari.

41

Is-Sąd Dyscyplinarny Izby Adwokackiej w Warszawie (it-Tribunal Dixxiplinari tal-Avukatura ta’ Varsavja) jistaqsi, l-ewwel, dwar jekk l-Artikolu 47 tal-Karta huwiex intiż li japplika fil-kuntest ta’ proċedura bħal dik li huwa adit biha fil-kawża prinċipali. Skont dan it-Tribunal, dan ikun il-każ jekk jiġi kkunsidrat li din il-proċedura taqa’ taħt is-sistema ta’ iskrizzjoni fil-lista tal-avukati, jiġifieri, skont l-imsemmi tribunal, skema ta’ awtorizzazzjoni, fis-sens tal-punt 6 tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/123 u tal-Kapitolu III tagħha, sa fejn l-imsemmija proċedura tista’, jekk ikun il-każ, twassal għall-esklużjoni mill-Kamra tal-Avukati tal-avukat ikkonċernat u, f’dan il-każ, għat-tħassir tiegħu mil-lista tal-avukati. Tali tħassir, fil-fatt, jikkostitwixxi rtirar ta’ awtorizzazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 10(6) ta’ din id-direttiva.

42

Sussegwentement, u fil-każ li l-Artikolu 47 tal-Karta jkun għalhekk applikabbli fil-kuntest tal-kawża prinċipali, is-Sąd Dyscyplinarny Izby Adwokackiej w Warszawie (it-Tribunal Dixxiplinari tal-Avukatura ta’ Varsavja) jistaqsi, b’diversi modi, dwar l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

43

L-ewwel, l-imsemmi tribunal jirrileva li, jekk jitqies li appell mid-deċiżjoni li huwa mitlub jagħti fil-kawża prinċipali huwa ammissibbli, l-awtorità kompetenti sabiex tieħu konjizzjoni ta’ dan l-appell hija, skont l-ewwel inċiż tal-punt 1(b) tal-Artikolu 27(1) tal-Liġi dwar il-Qorti Suprema, l-Awla Dixxiplinari tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema). Issa, mis-sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2019 ta’ dik il-qorti, mogħtija wara s-sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2019, A. K. et (Indipendenza tal-awla dixxiplinari tal-Qorti Suprema) (C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982), jirriżulta li l-imsemmi tribunal ma huwiex qorti indipendenti u imparzjali fis-sens tal-Artikolu 47 tal-Karta.

44

F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Sąd Dyscyplinarny Izby Adwokackiej w Warszawie (it‑Tribunal Dixxiplinari tal-Avukatura ta’ Varsavja), li ser jissejjaħ, ladarba tingħata d-deċiżjoni tiegħu fil-kawża prinċipali, sabiex jinforma lill-partijiet dwar il-possibbiltà għalihom li jippreżentaw appell kontra din id-deċiżjoni, jixtieq ikun jaf jekk huwiex il-kompitu tiegħu, f’din l-okkażjoni, li jwarrab l-ewwel inċiż tal-punt 1(b) tal-Artikolu 27(1) tal-Liġi dwar il-Qorti Suprema, u konsegwentement, li jinforma lill-imsemmija partijiet mill-possibbiltà li jippreżentaw appell quddiem l-Awla Kriminali tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema). Bl-istess mod, u fil-każ li tali appell jiġi effettivament ippreżentat, dan it-Tribunal Dixxiplinari jixtieq ikun jaf jekk huwiex ser ikun obbligat li jindirizza dan l-appell lill-imsemmija Awla Kriminali minflok lill-Awla Dixxiplinari tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema).

45

It-tieni, is-Sąd Dyscyplinarny Izby Adwokackiej w Warszawie (it-Tribunal Dixxiplinari tal-Avukatura ta’ Varsavja) jistaqsi jekk, meta jintalab jinforma lill-partijiet bl-eżistenza jew le ta’ rikors kontra d-deċiżjoni futura tiegħu, huwiex il-kompitu tiegħu, jekk ikun il-każ, li jieħu inkunsiderazzjoni l-ġurisprudenza tal-Awla Dixxiplinari tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) invokata fil-punt 36 ta’ din is-sentenza, li tgħid, li f’kawżi bħal dik pendenti fil-kawża prinċipali, huwa ammissibbli li l-Prosekutur Ġenerali jressaq appell, u li jaderixxi, f’dan ir-rigward, mal-ġurisprudenza stabbilita tal-Awla Kriminali ta’ dik il-qorti msemmija fil‑punt 35 ta’ dik is-sentenza, li tgħid li tali appell huwa eskluż.

46

It-tielet, is-Sąd Dyscyplinarny Izby Adwokackiej w Warszawie (it-Tribunal Dixxiplinari tal-Avukatura ta’ Varsavja) jirrileva li r-rikors li bih huwa adit ġie ppreżentat mill-Ministru għall-Ġustizzja. Issa, wieħed mill-elementi li wasslu lis-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) sabiex tqis, fis-sentenza tagħha msemmija iktar ’il fuq tal‑5 ta’ Diċembru 2019, li l-Awla Dixxiplinari ta’ dik il-qorti ma hijiex qorti indipendenti u imparzjali kienet preċiżament id-dipendenza ta’ din l-awla fir-rigward tas-setgħa eżekuttiva u l-influwenza eżerċitata mill-Ministru għall‑Ġustizzja fuq il-kompożizzjoni tagħha. Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi, dan it-Tribunal Dixxiplinari huwa tal-opinjoni li, anki li kieku kellu jiddeċiedi, fid-dawl tar-risposti li ser jingħataw mill-Qorti tal-Ġustizzja għad-domandi magħmula fil-punti 44 u 45 ta’ din is-sentenza, li appell ma huwiex possibbli u li rikorsi eventwali kontra ċ-ċaħda ta’ dan l-appell għandhom jiġu ppreżentati quddiem l-Awla Kriminali tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), ir-riskju jibqa’ li tali appell ippreżentat mill-Ministru għall-Ġustizzja, fil-kwalità tiegħu ta’ Prosekutur Ġenerali, quddiem l-Awla Dixxiplinari tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) jiġi ddikjarat ammissibbli u eżaminat minn din tal-aħħar. F’dawn iċ‑ċirkustanzi, l-imsemmi Tribunal Dixxiplinari jistaqsi jekk, sabiex jilqa’ għal tali eventwalità, huwiex eventwalment fondat li ma jiddeċidix fuq ir-rikors attwalment pendenti quddiemu.

47

F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Sąd Dyscyplinarny Izby Adwokackiej w Warszawie (it‑Tribunal Dixxiplinari tal-Avukatura ta’ Varsavja) iddeċieda li jissospendi l‑proċeduri quddiemu u jagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal‑Ġustizzja:

“(1)

Id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu III tad-Direttiva [2006/123], b’mod partikolari l-Artikolu 10(6) ta’ din id-direttiva japplikaw għal proċeduri ta’ responsabbiltà dixxiplinari ta’ avukati, kif ukoll ta’ professjonisti legali barranin iskritti mal-Kamra tal-Avukati, fejn taħt din ir-responsabbiltà l-avukat jista’ b’mod partikolari jkun suġġett għal sanzjoni pekunjarja, jiġi sospiż mill-attivitajiet professjonali jew jitkeċċa mill-professjoni, filwaqt li l-professjonist legali barrani jista’ b’mod partikolari jkun suġġett għal sanzjoni pekunjarja, jiġi sospiż mid-dritt tiegħu li jipprovdi għajnuna legali fir-Repubblika tal-Polonja jew jiġi pprojbit milli jipprovdi għajnuna legali fir-Repubblika tal-Polonja? Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, id-dispożizzjonijiet tal-[Karta], b’mod partikolari l-Artikolu 47 tagħha, għandhom jiġu applikati għall-imsemmija proċeduri quddiem Tribunali Dixxiplinari tal-Avukatura f’każijiet fejn id-deċiżjonijiet ta’ dawn it-tribunali ma huma suġġetti għal ebda appell quddiem il-qrati nazzjonali jew f’każijiet fejn id-deċiżjonijiet tagħhom huma suġġetti esklużivament għal appell straordinarju, bħalma huwa appell ta’ kassazzjoni quddiem [is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)], u dan anki f’każijiet fejn l-elementi kollha rilevanti jseħħu fi ħdan Stat Membru wieħed?

(2)

F’każ li fih, fil-proċeduri msemmija fl-ewwel domanda, l-istanza kompetenti biex tieħu konjizzjoni ta’ kassazzjoni minn deċiżjoni ta’ Tribunal Dixxiplinari tal-Avukatura jew minn ilment kontra ordni li tiċħad l-ammissibbiltà ta’ tali kassazzjoni konformement mad-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli hija organu li, fil-fehma ta’ dan it-tribunal, liema fehma hija konformi mal-evalwazzjoni espressa mi[s-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)] fis-sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2019 […], ma huwiex qorti indipendenti u imparzjali konformement mal-Artikolu 47 tal-Karta, huwa neċessarju li jitwarrbu d-dispożizzjonijiet nazzjonali li jistabbilixxu l-kompetenza ta’ tali organu, u t-Tribunal Dixxiplinari tal-Avukatura għandu dmir li jirreferi tali kassazzjoni jew ilment lil istanza ġudizzjarja li kien ikollha kompetenza li kieku d-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq ma kinux jopponuha?

(3)

F’każ fejn, fil-proċeduri msemmija fl-ewwel domanda, konformement mal-pożizzjoni adottata mit-Tribunal Dixxiplinari tal-Avukatura l-kassazzjoni minn deċiżjoni ta’ dan it-tribunal la tkun kompetenza tal-Prokurator Generalny (il-Prosekutur Ġenerali) u lanqas tax-Rzecznik Praw Obywatelskich (l-Ombudsman), u din il-pożizzjoni tkun:

(a)

kuntrarja għall-pożizzjoni espressa mill-Awla Dixxiplinari ta[s-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)], f’formazzjoni ġudikanti ta’ seba’ mħallfin, tas‑27 ta’ Novembru 2019 […], jiġifieri l-istanza li, konformement mad-dispożizzjonijiet nazzjonali fis-seħħ, hija kompetenti milli tieħu konjizzjoni ta’ lment kontra ordni li tiċħad l-ammissibbiltà ta’ tali kassazzjoni, iżda li, skont il-fehma tat-Tribunal Dixxiplinari tal-Avukatura, liema fehma hija konformi mal-evalwazzjoni espressa mi[s-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)] fis-sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2019 […], ma hijiex qorti indipendenti u imparzjali konformement mal-Artikolu 47 tal-Karta;

(b)

konformi mal-pożizzjoni espressa preċedentement mill-Awla Kriminali ta[s-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)], jiġifieri l-istanza ġudizzjarja li tkun kompetenti milli tieħu konjizzjoni ta’ dan l-ilment, li kieku d-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq ma kinux jopponuha;

it-Tribunal Dixxiplinari tal-Avukatura jista’ (jew għandu) jinjora l-pożizzjoni espressa mill-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema?

(4)

F’każ fejn, fil-proċeduri msemmija fit-tielet domanda, [il-Ministerstwo Sprawiedliwości (il-Ministru għall-Ġustizzja)] jressaq appell quddiem it-Tribunal Dixxiplinari tal-Avukatura, iżda:

(a)

wieħed mill-fatturi li, fil-fehma ta[s-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)] espressa fis-sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2019 […], kif ukoll fil-fehma tat-Tribunal Dixxiplinari tal-Avukatura, jiġġustifikaw il-fehma li l-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema, jiġifieri l-istanza msemmija fl-inċiż a) tat-tielet domanda, ma hijiex qorti imparzjali u indipendenti konformement mal-Artikolu 47 tal-Karta, huwa l-influwenza tas-setgħa eżekuttiva, inkluż tal-Ministru għall-Ġustizzja, fuq il-kompożizzjoni tagħha;

(b)

il-liġi tipprevedi li l-funzjoni ta’ Prosekutur Ġenerali hija eżerċitata esklużivament mill-Ministru għall-Ġustizzja, li skont il-pożizzjoni espressa mill-Awla Dixxiplinari ta[s-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)], jiġifieri l-istanza msemmija fl-inċiż a) tat-tielet domanda, ikollu d-dritt jippreżenta appell ta’ kassazzjoni minn deċiżjoni mogħtija b’riżultat ta’ appell, filwaqt li konformement mal-pożizzjoni espressa mill-Awla Kriminali ta[s-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)], jiġifieri l-istanza ġudizzjarja msemmija fl-inċiż b) tat-tielet domanda, kif ukoll skont il-pożizzjoni tat-Tribunal Dixxiplinari tal-Avukatura, huwa ma għandux dan id-dritt,

dan it-Tribunal Dixxiplinari tal-Avukatura għandu joqgħod lura milli jieħu konjizzjoni tal-appell jekk b’dan il-mod biss ikun jista’ jiżgura li l-proċedura tosserva l-Artikolu 47 tal-Karta u b’mod partikolari jevita indħil f’dawn il-proċeduri min-naħa ta’ istanza li ma hijiex qorti indipendenti u imparzjali konformement ma’ din id-dispożizzjoni?”

Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari

48

Il-Prosekutur Nazzjonali u l-Gvern Pollakk huma tal-opinjoni li din it-talba għal deċiżjoni preliminari hija inammissibbli minħabba li s-Sąd Dyscyplinarny Izby Adwokackiej w Warszawie (it-Tribunal Dixxiplinari tal-Avukatura ta’ Varsavja) ma tikkostitwixxix qorti, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE.

49

F’dan ir-rigward, il-Gvern Pollakk isostni, minn naħa, li, konformement mal-Artikolu 17(1) tal-Kostituzzjoni Pollakka, tali Tribunal Dixxiplinari huwa responsabbli sabiex jiżgura l-eżerċizzju tajjeb tal-professjoni ta’ avukat billi jiddeċiedi dwar il-konformità tal-aġir tal-persuni kkonċernati mar-regoli tal-etika u mhux li jagħmel il-ġustizzja f’isem ir-Repubblika tal-Polonja bħala qorti, fis-sens tal-Artikolu 179 ta’ din il-Kostituzzjoni.

50

Min-naħa l-oħra, l-imsemmi Tribunal Dixxiplinari ma jissodisfax il-kundizzjoni ta’ indipendenza meħtieġa skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. L-ewwel, fil-fatt, peress li ma tikkostitwixxix qorti, fis-sens tal-Kostituzzjoni Pollakka, tali korp lanqas ma jibbenefika mill-garanziji ta’ indipendenza li tipprevedi din il-Kostituzzjoni f’dak li jirrigwarda l-qrati biss.

51

It-tieni, dan l-istess Tribunal Dixxiplinari ma jgawdix minn influwenzi esterni indiretti li jistgħu jorjentaw id-deċiżjonijiet tiegħu, peress li l-membri tiegħu huma eletti mill-Assemblea tal-Avukatura Lokali skont il-punt 2 tal-Artikolu 40 tal-Liġi dwar l-Avukatura u peress li jinsabu, minħabba f’hekk, imsejħa sabiex jiddeċiedu dwar kwistjonijiet dixxiplinari li jikkonċernaw kollegi li permezz tagħhom huma ġew eletti u li permezz tagħhom il-mandat tagħhom jista’, sussegwentement, jiġi mġedded diversi drabi.

52

It-tielet, dawn l-istess membri jistgħu, kif jirriżulta mill-Artikolu 11(4) tal-Liġi dwar l-Avukatura, jiġu rrevokati, qabel it-tmiem tal-mandat tagħhom, mill-korp li eleġġiehom b’dan il-mod, b’tali mod li ma jibbenefikawx mill-garanzija ta’ irremovabbiltà.

53

Min-naħa tiegħu, il-Prosekutur Nazzjonali jqis li l-klassifikazzjoni ta’ organu bħala qorti, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, għandha ssir fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ inkwistjoni, inkluż is-suġġett tal-proċedura inkwistjoni kif ukoll il-pożizzjoni u l-funzjoni tal-korp ikkonċernat fl-ordinament ġuridiku nazzjonali. Għalhekk, it-tribunali dixxiplinari professjonali jistgħu jitqiesu bħala tali qrati biss bil-kundizzjoni li jissodisfaw funzjonijiet li jmorru lura lill-Istat u, b’mod partikolari, dik li jiddeċiedu dwar id-dritt li tiġi eżerċitata attività professjonali. Issa, minħabba s-suġġett tal-kawża prinċipali u l-istadju attwali tal-proċedura dixxiplinari, dan ma huwiex il-każ, f’dan il-każ, tas-Sąd Dyscyplinarny Izby Adwokackiej w Warszawie (it-Tribunal Dixxiplinari tal-Avukatura ta’ Varsavja). Fil-fatt, fl-assenza ta’ deċiżjoni tal-Aġent Dixxiplinari li jikkritika lil R. G. talli wettaq nuqqas dixxiplinari, dan it-Tribunal Dixxiplinari ma huwiex mitlub jiddeċiedi dwar tilwima kontradittorja dwar ir-responsabbiltà dixxiplinari tal-persuna kkonċernata u lanqas, għalhekk, dwar id-dritt tiegħu li jeżerċita l-attività professjonali tiegħu, iżda huwa biss mitlub li jistħarreġ il-fondatezza tad-deċiżjoni ta’ dan l-aġent li jagħlaq l-investigazzjoni dixxiplinari.

54

F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li sabiex jiġi evalwat jekk l-organu ta’ rinviju inkwistjoni għandux in-natura ta’ “qorti” fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, u huwa, konsegwentement, ammissibbli li jressaq talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tieħu inkunsiderazzjoni numru ta’ elementi, bħall-oriġini legali ta’ dan l-organu, il-permanenza tiegħu, in-natura obbligatorja tal-ġurisdizzjoni tiegħu, in-natura kontradittorja tal-proċedura tiegħu, l-applikazzjoni, mill-imsemmi organu tar-regoli tad-dritt kif ukoll l-indipendenza tiegħu (sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2020, Banco de Santander, C‑274/14, EU:C:2020:17, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

55

Madankollu, fir-rigward tan-natura kontradittorja tal-proċedura quddiem il-qorti tar-rinviju, l-Artikolu 267 TFUE ma jissuġġettax ir-rinviju lill-Qorti tal-Ġustizzja għal tali natura. Għall-kuntrarju, minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-qrati nazzjonali jistgħu jagħmlu rinviju lill-Qorti tal-Ġustizzja biss jekk tilwima tkun pendenti quddiemhom u jekk huma msejħa sabiex jiddeċiedu fil-kuntest ta’ proċedura intiża sabiex twassal għal deċiżjoni ta’ natura ġudizzjarja (sentenzi tas‑16 ta’ Diċembru 2008, Cartesio, C‑210/06, EU:C:2008:723, punt 56, u tas‑16 ta’ Lulju 2020, Governo della Repubblica italiana (Status tal-giudici di pace Taljani), C‑658/18, EU:C:2020:572, punt 63).

56

F’dan il-każ, jidher, qabelxejn, stabbilit, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Liġi dwar l-Avukatura li tirreferi għaliha s-Sąd Dyscyplinarny Izby Adwokackiej w Warszawie (it-Tribunal Dixxiplinari tal-Avukatura ta’ Varsavja), li dan l-organu jissodisfa l-kriterji dwar l-oriġini legali tiegħu, il-permanenza tiegħu, in-natura obbligatorja tal-ġurisdizzjoni tiegħu u l-applikazzjoni, minn dan tal-aħħar, ta’ regoli tad-dritt.

57

Sussegwentement, u fir-rigward tad-dubji espressi mill-Prosekutur Nazzjonali fir-rigward tal-funzjoni li għandha s-Sąd Dyscyplinarny Izby Adwokackiej w Warszawie (it-Tribunal Dixxiplinari tal-Avukatura ta’ Varsavja) fil-kuntest tal‑kawża prinċipali, għandu jiġi kkonstatat li dan l-organu huwa mitlub jiddeċiedi kawża quddiemu billi jiddeċiedi fil-kuntest ta’ proċedura intiża sabiex twassal għal deċiżjoni ta’ natura ġudizzjarja, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil‑punt 55 ta’ din is-sentenza.

58

Fil-fatt, mid-dikjarazzjonijiet tad-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-imsemmi Tribunal Dixxiplinari huwa adit b’rikors ippreżentat mill-Ministru għall-Ġustizzja kontra deċiżjoni li permezz tagħha Aġent Dixxiplinari ddeċieda li jagħlaq investigazzjoni dixxiplinari miftuħa fil-konfront ta’ avukat u li tali rikors jista’ b’mod partikolari jwassal għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni mill-istess Tribunal Dixxiplinari, u, f’każ bħal dan, għar-rinviju tal-proċess lil dan l-Aġent Dixxiplinari għall-finijiet ta’ eżami mill-ġdid tal-proċess.

59

Issa, jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-kundizzjonijiet li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja twettaq il-funzjoni tagħha fil-qasam ta’ deċiżjoni preliminari huma indipendenti min-natura u mill-għan tal-proċeduri kontenzjużi mibdija quddiem il-qrati nazzjonali. L-Artikolu 267 TFUE jirreferi għas-sentenza li għandha tingħata mill-qorti nazzjonali mingħajr ma tipprevedi reġim partikolari skont in-natura tagħha (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, W.Ż. (Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u Affarijiet Pubbliċi tal-Qorti Suprema – Ħatra), C‑487/19, EU:C:2021:798, punt 83 u l-ġurisprudenza ċċitata).

60

Fl-aħħar, fir-rigward tal-argumenti mressqa mill-Gvern Pollakk, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li l-fatt li t-Tribunali Dixxiplinari tal-Avukatura ma jikkostitwixxux qrati, fis-sens tal-Artikolu 179 tal-Kostituzzjoni Pollakka, ma huwiex ta’ natura li jeskludi li tali organi jista’ jkollhom il-kwalità ta’ “qorti”, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE. Fil-fatt, kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, il-kwistjoni dwar jekk organu jikkostitwixxix qorti fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni taqa’ biss taħt dan tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2020, Banco de Santander, C‑274/14, EU:C:2020:17, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

61

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha, diversi drabi, tiddeċiedi li organi professjonali, b’mod partikolari dawk li għandhom kompetenza fir-rigward tal-avukati, setgħu jikkostitwixxu qrati fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE sakemm dawn l-organi jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 54 u 55 ta’ din is-sentenza (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat‑22 ta’ Diċembru 2010, Koller, C‑118/09, EU:C:2010:805, punti 2223, kif ukoll tas‑17 ta’ Lulju 2014, Torresi, C‑58/13 u C‑59/13, EU:C:2014:2088, punti 17, 1930).

62

Fir-rigward, għal dak li jikkonċerna, il-kundizzjoni marbuta mal-indipendenza tal‑organu tar-rinviju, għandu jitfakkar li, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, din il-kundizzjoni hija essenzjali għall-funzjonament tajjeb tas-sistema ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja li tinkorpora l-mekkaniżmu ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari previst fl-Artikolu 267 TFUE, li fil-fatt jista’ jiġi attivat biss minn korp, inkarigat milli japplika d-dritt tal-Unjoni, li jissodisfa, b’mod partikolari, dan il-kriterju ta’ indipendenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2020, Banco de Santander, C‑274/14, EU:C:2020:17, punt 56 u l‑ġurisprudenza ċċitata).

63

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċett ta’ “indipendenza” jkopri żewġ aspetti. L-ewwel aspett, ta’ natura esterna, jeħtieġ li l-organu kkonċernat jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu b’awtonomija sħiħa, mingħajr ma jkun suġġett għal ebda rabta ġerarkika jew ta’ subordinazzjoni fir-rigward ta’ xi ħadd u mingħajr ma jirċievi ordnijiet jew istruzzjonijiet minn kwalunkwe sors, u b’hekk ikun protett mill-interventi jew mill-pressjonijiet esterni li jistgħu jippreġudikaw l-indipendenza tad-deċiżjoni tal-membri tiegħu u jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet tagħhom (sentenzi tad‑19 ta’ Novembru 2019, A. K. et (Indipendenza tal-awla dixxiplinari tal-Qorti Suprema), C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982, punt 121 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal‑21 ta’ Jannar 2020, Banco de Santander, C‑274/14, EU:C:2020:17, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

64

It-tieni aspett, ta’ natura interna, huwa marbut mal-kunċett ta’ imparzjalità u huwa intiż li jiżgura distanza ugwali fil-konfront tal-partijiet fit-tilwima u tal-interessi rispettivi tagħhom fid-dawl tas-suġġett tagħha. Dan l-aspett jeżiġi l-osservanza tal-oġġettività u l-assenza ta’ kull interess fis-soluzzjoni tat-tilwima lil hinn mill-applikazzjoni stretta tad-dispożizzjoni legali (sentenzi tad‑19 ta’ Novembru 2019, A. K. et (Indipendenza tal-awla dixxiplinari tal-Qorti Suprema), C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982, punt 122 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal‑21 ta’ Jannar 2020, Banco de Santander, C‑274/14, EU:C:2020:17, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).

65

Dawn il-garanziji ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità jeħtieġu l-eżistenza ta’ regoli, b’mod partikolari fir-rigward tal-kompożizzjoni tal-istanza, tal-ħatra, tat-tul tal-funzjonijiet kif ukoll tar-raġunijiet għal astensjoni, rikuża u revoka tal-membri tagħha, li jippermettu li jitneħħa kull dubju leġittimu, f’moħħ il-partijiet fil-kawża, fir-rigward tal-impermeabbiltà tal-imsemmija istanza fir-rigward ta’ elementi esterni u dwar in-newtralità tagħha fir-rigward tal-interessi opposti għal xulxin (sentenzi tad‑19 ta’ Novembru 2019, A. K. et (Indipendenza tal-awla dixxiplinari tal-Qorti Suprema), C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982, punt 123 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal‑21 ta’ Jannar 2020, Banco de Santander, C‑274/14, EU:C:2020:17, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata).

66

B’mod partikolari, din il-libertà indispensabbli tal-imħallfin fir-rigward ta’ kwalunkwe interferenza jew pressjoni esterna tirrikjedi, kif imtenni numru ta’ drabi mill-Qorti tal-Ġustizzja, ċerti garanziji li jipproteġu lill-persuna ta’ dawk li għandhom il-kompitu li jiddeċiedu, fosthom l-irremovabbiltà (sentenzi tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza tal-Qorti Suprema), C‑619/18, EU:C:2019:531, punt 75 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal‑21 ta’ Jannar 2020, Banco de Santander, C‑274/14, EU:C:2020:17, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).

67

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li r-regoli msemmija fil-punt 65 ta’ din is‑sentenza għandhom, b’mod partikolari, jippermettu li tiġi eskluża mhux biss kull influwenza diretta, fil-forma ta’ struzzjonijiet, iżda wkoll il-forom ta’ influwenza iktar indiretta li jistgħu jiggwidaw id-deċiżjonijiet tal-imħallfin ikkonċernati (sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2019, A. K. et (Indipendenza tal-awla dixxiplinari tal-Qorti Suprema), C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982, punt 125 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

68

Fir-rigward tas-Sąd Dyscyplinarny Izby Adwokackiej w Warszawie (it-Tribunal Dixxiplinari tal-Avukatura ta’ Varsavja), għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li, hekk kif jipprevedi l-Artikolu 89 tal-Liġi dwar l-Avukatura, it-Tribunali Dixxiplinari tal-Avukatura għandhom jeżerċitaw l-attività ġudizzjarja tagħhom fil-qasam dixxiplinari “b’indipendenza sħiħa”.

69

Fit-tieni lok, it-teżi tal-Gvern Pollakk li l-fatt li l-membri ta’ tali Tribunal Dixxiplinari huma eletti mill-kulleġġ ta’ avukati iskritti fl-avukatura kkonċernata u l-fatt li dan l-istess kulleġġ jista’, fil-futur, jipproċedi bl-elezzjoni mill-ġdid possibbli ta’ dawn il-membri, iqajjem dubji dwar il-kapaċità tal-imsemmi Tribunal Dixxiplinari li jiddeċiedi b’mod imparzjali fuq il-kwistjonijiet dixxiplinari mressqa quddiemu ma jistax jintlaqa’.

70

Fil-fatt, fid-dawl, b’mod partikolari, tan-natura kollettiva tagħhom, l-atti ta’ elezzjoni jew ta’ elezzjoni mill-ġdid tal-membri tat-Tribunal Dixxiplinari tal‑Avukatura Lokali kkonċernata mill-assemblea ġenerali tal-avukati iskritti fir‑reġistru ta’ din l-avukatura, jiġifieri, fir-rigward tal-Kamra tal-Avukati ta’ Varsavja, u kif jirriżulta mill-preċiżazzjonijiet ipprovduti mill-organu tar-rinviju, madwar 5500 avukat, ma humiex ta’ natura li jistgħu joħolqu dubji dwar l‑indipendenza u l-imparzjalità tal-membri eletti b’dan il-mod meta dawn jissejħu sabiex jiddeċiedu fuq l-interess ġenerali, dwar nuqqas possibbli tar-regoli etiċi li jirregolaw il-professjoni legali mwettqa minn avukat wieħed jew ieħor iskritt fl‑imsemmi reġistru.

71

Fit-tielet lok, il-fatt li, skont il-kliem tiegħu, l-Artikolu 11(4) tal-Liġi dwar l‑Avukatura jipprevedi li l-membri tal-korpi tal-avukatura u tal-korpi tal-avukatura lokali jistgħu jitneħħew qabel it-tmiem tal-mandat tagħhom mill-korp li eleġġiehom ma huwiex, f’dan il-każ, ta’ natura li joħloq dubju dwar l‑indipendenza tas-Sąd Dyscyplinarny Izby Adwokacej w Warszawie (it-Tribunal Dixxiplinari tal-Avukatura ta’ Varsavja).

72

F’dan ir-rigward, u kif ifakkar il-Gvern Pollakk, il-Qorti tal-Ġustizzja, ċertament, reċentement iddeċidiet, fir-rigward tat-Tribunales Económico-Administrativos (il‑Qrati Fiskali) Spanjoli, li s-sistema ta’ revoka tal-membri tagħhom ma kinitx iddeterminata minn leġiżlazzjoni partikolari, permezz ta’ dispożizzjonijiet leġiżlattivi espliċiti, iżda li kienet taqa’ biss taħt ir-regoli ġenerali tad-dritt amministrattiv u, b’mod partikolari, taħt l-istatus bażiku tal-aġenti tas-servizz pubbliku, b’tali mod li r-revoka tal-imsemmija membri ma kinitx, bħala konsegwenza, limitata, kif meħtieġ mill-prinċipju tal-irremovabbiltà, għal ċerti każijiet eċċezzjonali li jirriflettu raġunijiet leġittimi u importanti li jiġġustifikaw l‑adozzjoni ta’ tali miżura. Minn dan il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet li l‑leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni ma kinitx tiggarantixxi li l-membri ta’ dawn l-istanzi jkunu protetti minn pressjonijiet esterni li jistgħu joħolqu dubju dwar l‑indipendenza tagħhom u li tali sistema ma kinitx, b’mod partikolari, ta’ natura li tostakola b’mod effettiv il-pressjonijiet indebiti tal-eżekuttiv fil-konfront tagħhom, b’tali mod li l-imsemmija istanzi ma setgħux jitqiesu li huma qrati fis-sens tal‑Artikolu 267 TFUE (sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2020, Banco de Santander, C‑274/14, EU:C:2020:17, punti 66 sa 69).

73

F’dan il-każ, għandu, madankollu, jiġi rrilevat, l-ewwel, li l-funzjoni ġudizzjarja li għandhom it-Tribunali Dixxiplinari tal-Avukatura hija ta’ natura partikolarment speċjalizzata peress li essenzjalment huma dawn tal-aħħar li għandhom jiżguraw l‑osservanza, mill-membri tal-ordni professjonali kkonċernat, tar-regoli etiċi speċifikament stabbiliti sabiex jirregolaw l-eżerċizzju tal-professjoni ta’ avukat, billi jissanzjonaw, jekk ikun il-każ, dawk ta’ dawn il-membri li jiksru dawn ir‑regoli.

74

F’tali kuntest, il-fatt li r-revoka eventwali tal-membri ta’ tali organu dixxiplinari taqa’ taħt awtorità interna għall-ordni professjonali kkonċernat ma huwiex, bħala prinċipju, ta’ natura li jiftaħ it-triq għal pressjonijiet jew għal kwalunkwe intervent dirett jew indirett li jirriżulta minn setgħa esterna għal dan l-ordni professjonali u li huma intiżi sabiex jinterferixxu fl-eżerċizzju tal-missjoni ġudizzjarja mogħtija lil dan l-organu dixxiplinari.

75

It-tieni, jirriżulta mill-preċiżazzjonijiet ipprovduti mis-Sąd Dyscyplinarny Izby Adwokackiej w Warszawie (it-Tribunal Dixxiplinari tal-Avukatura ta’ Varsavja), bi tweġiba għal diversi mistoqsijiet li għamlitlu l-Qorti tal-Ġustizzja, minn naħa, li, minkejja li l-punt 13 tal-Artikolu 58 tal-Liġi dwar l-Avukatura jipprevedi li huwa biss taħt il-kompetenzi tal-Kunsill Suprem tal-Avukatura li jitlob, mingħand l-awtoritajiet kompetenti, ir-revoka tal-membri tal-kamra tal-avukati, l-imsemmija dispożizzjoni tagħmel eċċezzjoni speċifika għal din ir-regola għal dak li jirrigwarda l-membri tal-korpi ta’ dixxiplina. Skont is-Sąd Dyscyplinarny Izby Adwokackiej w Warszawie (it-Tribunal Dixxiplinari tal-Avukatura ta’ Varsavja), minn dan isegwi li l-Kunsill Suprem tal-Avukatura ma jistax iressaq tali talba għal revoka ta’ membru ta’ Tribunal Dixxiplinari qabel l-iskadenza tal-mandat tiegħu.

76

Min-naħa l-oħra, mill-imsemmija preċiżazzjonijiet jirriżulta li l-Assemblea Ġenerali tal-Kamra tal-Avukati ta’ Varsavja qatt ma użat is-setgħa ta’ revoka li jidher li għandha taħt l-Artikolu 11(4) tal-Liġi dwar l-Avukatura u li din id‑dispożizzjoni għandha titqies ineffettiva, fatt li jikkorrobora, barra minn hekk, ukoll il-fatt li r-regoli tal-avukatura ma jinkludu ebda dispożizzjoni sabiex jiġu ppreċiżati l-kundizzjonijiet sostantivi jew proċedurali li huma ta’ natura li jippermettu implimentazzjoni konkreta tal-possibbiltà hekk teoretikament miftuħa mill-imsemmija dispożizzjoni.

77

Hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 52 u 53 tal-konklużjonijiet tiegħu, minn dawn id-diversi preċiżazzjonijiet jirriżulta, għalhekk, li, fir-rigward tal‑possibbiltà eventwali li l-membri tas-Sąd Dyscyplinarny Izby Adwokackiej w Warszawie (it-Tribunal Dixxiplinari tal-Avukatura ta’ Varsavja), l-Artikolu 11(4) tal-Liġi dwar l-Avukatura hija ineffettiva u mingħajr ebda effett konkret.

78

It-tielet, għandu jiġi ppreċiżat ukoll li s-sempliċi perspettiva li l-Assemblea Ġenerali tal-Kamra tal-Avukati Lokali, bħala korp kollettiv li jiġbor l-avukati kollha iskritti fir-reġistru tal-kamra tal-avukati kkonċernata, jiġifieri, fir-rigward tal-Kamra tal-Avukati ta’ Varsavja u hekk kif diġà ġie rrilevat, xi 5500 membru, jistgħu, jekk ikun il-każ, f’kundizzjonijiet sostantivi u ta’ proċedura li f’dan il-każ għad iridu jiġu ddeterminati, jeżerċitaw setgħa ta’ revoka fir-rigward ta’ membru tat-Tribunal Dixxiplinari tal-imsemmija avukatura, ma jidhirx li hija ta’ natura tali li tista’ tiġġenera biżgħat serji li jistgħu jfixklu l-indipendenza ta’ tali membru jew tal-imsemmi tribunal innifsu fl-eżerċizzju tal-attività ġudizzjarja tagħhom.

79

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li s-Sąd Dyscyplinarny Izby Adwokackiej w Warszawie (it-Tribunal Dixxiplinari tal‑Avukatura ta’ Varsavja) jissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex ikun jista’ jitqies bħala qorti fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE. Minn dan jirriżulta li din it‑talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

Fuq l-ewwel domanda

80

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 10(6) tad-Direttiva 2006/123 għandux jiġi interpretat fis-sens li għandu l-effett li jagħmel l-Artikolu 47 tal-Karta applikabbli għal proċedura ta’ appell imressqa minn awtorità pubblika quddiem tribunal dixxiplinari tal‑avukatura u intiża għall-annullament ta’ deċiżjoni li permezz tagħha aġent dixxiplinari jkun għalaq investigazzjoni li saret fil-konfront ta’ avukat wara li kkonkluda l-assenza ta’ nuqqas dixxiplinari imputabbli lil dan tal-aħħar u, fil-każ ta’ annullament ta’ din id-deċiżjoni, rinviju tal-proċess quddiem dan l-aġent dixxiplinari.

Fuq l-ammissibbiltà

81

Il-Gvern Pollakk jiddubita mill-ammissibbiltà tal-ewwel domanda minħabba li d‑Direttiva 2006/123 ma tapplikax għall-kawża prinċipali. F’dan ir-rigward, dan il-gvern isostni, l-ewwel, li s-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha natura purament interna, it-tieni, li d-Direttiva 98/5 tikkostitwixxi lex specialis li kellha preċedenza fuq id-Direttiva 2006/123, it-tielet, li hija biss l-iskrizzjoni fil‑lista tal-avukati li taqa’ taħt l-iskema ta’ awtorizzazzjoni prevista minn din id‑direttiva u li tali iskrizzjoni jew tħassir minn din il-lista ma humiex inkwistjoni fil-proċedura fil-kawża prinċipali, u, ir-raba’, li l-proċeduri dixxiplinari li jixbhu lill-proċeduri kriminali, għandhom għalhekk, u bħal dawn tal-aħħar, jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva kif previst fl-Artikolu 1(5) tagħha.

82

Skont il-Gvern Pollakk, l-Artikolu 47 tal-Karta lanqas ma huwa applikabbli f’dan il-każ, peress li ma teżisti ebda sitwazzjoni ta’ implimentazzjoni tad-dritt tal‑Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta, u li l-Unjoni Ewropea hija, fi kwalunkwe każ, mingħajr ġurisdizzjoni f’dak li jirrigwarda l-proċeduri u r-rikorsi fil-qasam dixxiplinari.

83

Fir-rigward ta’ dawn id-diversi aspetti, għandu madankollu jiġi kkonstatat, minn naħa, li l-argumenti hekk imressqa mill-Gvern Pollakk jirrigwardaw, essenzjalment, il-kamp ta’ applikazzjoni kif ukoll il-portata, u, għaldaqstant, l‑interpretazzjoni, tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li fuqhom hija bbażata l-ewwel domanda. Issa, tali argumenti, li jikkonċernaw il-mertu tad-domanda magħmula, ma jistgħux, għalhekk, essenzjalment, iwasslu għal inammissibbiltà tagħha (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2021, A.B. et (Ħatra tal‑imħallfin fil-Qorti Suprema – Rikors), (C‑824/18, EU:C:2021:153, punt 80).

84

Min-naħa l-oħra, l-oġġezzjoni bbażata fuq il-fatt li l-adozzjoni tar-regoli u tal‑proċeduri fil-qasam dixxiplinari applikabbli għall-avukati taqa’ taħt il‑kompetenza esklużiva tal-Istati Membri għandha wkoll tiġi miċħuda. Fil-fatt, jekk jitqies li tali kompetenza esklużiva hija stabbilita, xorta jibqa’ l-fatt, kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, li l-Istati Membri huma obbligati, fl-eżerċizzju ta’ tali kompetenzi, li josservaw l-obbligi li jirriżultaw għalihom mid-dritt tal-Unjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza tal-Qorti Suprema), C‑619/18, EU:C:2019:531, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

85

Min-naħa tiegħu, il-Prosekutur Nazzjonali jsostni li l-ewwel domanda saret biss bħala prerekwiżit indispensabbli għall-formulazzjoni tat-tieni sar-raba’ domanda. Issa, peress li dawn it-tliet domandi l-oħra huma huma stess inammissibbli, risposta għall-ewwel domanda ma għandha ebda utilità fil-perspettiva tas‑soluzzjoni tal-kawża prinċipali u ma tistax, għaldaqstant, titqies li hija neċessarja sabiex il-qorti tar-rinviju tkun tista’ tagħti s-sentenza tagħha fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE.

86

F’dan ir-rigward, għandu madankollu jiġi kkonstatat li l-ewwel domanda tqajjem diffikultà ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li għandha rabta mas-suġġett tal‑kawża prinċipali u li hija għandha, barra minn hekk, u kif enfasizzat il-qorti tar-rinviju, natura preliminari meta mqabbla mat-tliet domandi l-oħra magħmula. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li għandha tiġi eżaminata l-ewwel domanda billi tirreferi, f’dan ir-rigward, għal-loġika li fiha d-diversi domandi mqajma ġew hekk indirizzati lilha mill-qorti tar-rinviju.

87

Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-ewwel domanda hija ammissibbli.

Fuq il-mertu

88

Fir-rigward tal-applikabbiltà tad-Direttiva 2006/123, b’mod ġenerali, u ta’ dik tal‑Artikolu 10(6) tagħha, li tirrigwarda, b’mod iktar partikolari, l-ewwel domanda, għandu jitfakkar, fl-ewwel lok, li, kif jirriżulta mill-premessa 33 ta’ din id-direttiva, is-servizzi koperti minnha jikkonċernaw, b’mod partikolari, is‑servizzi ta’ konsulenza legali. Barra minn hekk, konformement mal-punt 1 tal‑Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva, għall-finijiet ta’ din tal-aħħar, is-servizz għandu jinftiehem bħala kull attività ekonomika bħala persuna li taħdem għal rasha, normalment magħmula għal remunerazzjoni kif imsemmija fl‑Artikolu 57 TFUE. Għaldaqstant, huwa stabbilit li s-servizzi legali mogħtija mill-avukati jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-istess direttiva.

89

Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-fatt, enfasizzat mill-qorti tar-rinviju fl-ewwel domanda tagħha, li l-kawża prinċipali tikkonċerna, prima facie, sitwazzjoni purament interna, sa fejn l-imsemmija kawża ma tidhirx li tirrigwarda sitwazzjoni li taqa’ taħt il-libertà ta’ stabbiliment jew il-libertà li jiġu pprovduti servizzi tal‑avukati, fis-sens, rispettivament, tal-Artikoli 49 sa 55 u 56 sa 62 TFUE, huwa biżżejjed li jitfakkar li tali ċirkustanza ma hijiex ta’ natura li teskludi l‑applikabbiltà tal-Kapitolu III tad-Direttiva 2006/123 u għalhekk tal-Artikolu 10 tagħha. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, id‑dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu III għandhom jiġu interpretati fis-sens li japplikaw ukoll għal sitwazzjoni li l-elementi rilevanti kollha tagħha huma limitati fi ħdan Stat Membru wieħed biss (sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2018, X u Visser, C‑360/15 u C‑31/16, EU:C:2018:44, punt 110).

90

F’dak li jirrigwarda, fit-tielet lok, l-argument imressaq mill-Gvern Pollakk, li l‑applikabbiltà tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/123 hija f’dan il-każ eskluża minħabba l-prevalenza fuqhom tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 98/5 bħala lex specialis, għandu jitfakkar li l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2006/123 sempliċement jipprevedi li jekk id-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva jmorru kontra dispożizzjoni ta’ att ieħor tal-Unjoni li jirregola aspetti speċifiċi tal-aċċess għal attività ta’ servizzi jew għall-eżerċizzju tagħha f’setturi speċifiċi jew għal professjonijiet speċifiċi, id-dispożizzjoni ta’ dan l-att l-ieħor għandha tipprevali u tapplika għal dawn is-setturi jew professjonijiet speċifiċi.

91

Issa, għandu jiġi kkonstatat, f’dan ir-rigward, u kif irrileva wkoll l-Avukat Ġenerali fil-punti 77, 78, 80 u 81 tal-konklużjonijiet tiegħu, li d-Direttiva 98/5 ma tapplikax fir-rigward ta’ avukat li, bħal R. G., ma jidhirx li kiseb il-kwalifika professjonali tiegħu fi Stat Membru ieħor li ma huwiex ir-Repubblika tal-Polonja u lanqas li eżerċita d-dritt għal-libertà ta’ stabbiliment iggarantit mill‑Artikolu 49 TFUE sabiex jistabbilixxi ruħu f’dan l-aħħar Stat Membru bħala avukat. Minn dan isegwi li, fil-kuntest ta’ sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil‑kawża prinċipali, ebda kunflitt, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad‑Direttiva 2006/123, ma jista’ jseħħ bejn id-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva u dawk tad-Direttiva 98/5.

92

Bl-istess mod, u fin-nuqqas ta’ applikabbiltà tad-Direttiva 98/5 fl-imsemmi kuntest, l-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2006/123, li jipprevedi li t-Taqsima 1 tal‑Kapitolu III tagħha ma tapplikax għall-aspetti tal-iskemi ta’ awtorizzazzjoni li huma rregolati direttament jew indirettament minn strumenti oħra tal-Unjoni, kien jidher irrilevanti f’dan il-każ.

93

Fir-raba’ lok, u fir-rigward tal-argument tal-Gvern Pollakk li l-inapplikabbiltà tad‑dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/123 fir-rigward tal-proċeduri dixxiplinari hija meħtieġa, b’analoġija, minħabba l-fatt li l-Artikolu 1(5) ta’ din id-direttiva jippreċiża, taħt ċerti riżervi, li r-regoli tad-dritt kriminali tal-Istati Membri ma jaffettwawx ir-regoli tad-dritt kriminali tal-Istati Membri, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li xejn fil-kliem ta’ din id-dispożizzjoni ma jissuġġerixxi li s-sistema ta’ eċċezzjoni hekk stabbilita fir-rigward tar-regoli tad-dritt kriminali tal-Istati Membri għandha wkoll l-għan li tapplika f’dak li jirrigwarda r-regoli applikabbli fil-qasam tad-dixxiplina professjonali.

94

F’dan ir-rigward, għandu, barra minn hekk, jiġi rrilevat li diversi dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/123 jikkonfermaw, għall-kuntrarju, li d-dispożizzjonijiet dwar il-proċeduri dixxiplinari ma jistgħux jingħataw trattament analogu għal dak li jipprevedi l-Artikolu 1(5) ta’ din id-direttiva f’dak li jirrigwarda r-regoli tad-dritt kriminali tal-Istati Membri. Huwa għalhekk, pereżempju, li l-kunċett ta’ “rekwiżit”, li għandu rwol trażversali essenzjali fil-kuntest tad-Direttiva 2006/123, u, b’mod partikolari, fil-kuntest tal-Kapitolu III tagħha, hekk kif jirriżulta mill-Artikoli 14 u 15 tagħha, huwa ddefinit fil-punt 7 tal-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva bħala li jinkludi b’mod partikolari kull obbligu, projbizzjoni, kundizzjoni jew limitu li jirriżulta mir-“regoli tal-ordinament professjonali” adottati fl-eżerċizzju tal-awtonomija ġuridika tagħhom.

95

Permezz tal-preċiżazzjonijiet kollha preċedenti, u fir-rigward, fil-ħames lok, tal‑applikabbiltà eventwali, f’dan il-każ, tal-Artikolu 10(6) tad-Direttiva 2006/123, għandu jitfakkar li din id-dispożizzjoni tipprovdi, taħt it-titolu “Kondizzjonijiet biex tingħata l-awtorizzazzjoni”, li kull deċiżjoni tal-awtoritajiet kompetenti, inkluż ir-rifjut jew l-irtirar tal-awtorizzazzjoni, għandha tkun debitament motivata u għandha tkun tista’ tiġi appellata quddiem il-qrati jew awtoritajiet oħra tal‑appell.

96

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, bis-saħħa tal-punt 6 tal-Artikolu 4 tad‑Direttiva 2006/123, skema ta’ awtorizzazzjoni tfisser kull proċedura li għandha l-effett li tobbliga fornitur jew destinatarju jieħu passi għall-ksib mingħand awtorità kompetenti ta’ att formali jew deċiżjoni impliċita dwar aċċess għal attività ta’ servizz jew l-eżerċizzju tagħha.

97

Għaldaqstant, ma hemmx dubju li leġiżlazzjoni li tissuġġetta l-eżerċizzju tal‑attività ta’ avukat għal iskrizzjoni minn qabel fir-reġistru tal-Kamra tal‑Avukati u li timponi, b’dan il-mod, lill-partijiet ikkonċernati li jissottomettu ruħhom għal proċedura li tinvolvi min-naħa tagħhom li jieħdu passi ma’ awtorità kompetenti sabiex jiksbu mingħand din tal-aħħar att formali li jippermettilhom jaċċedu għal din l-attività u li jeżerċitawha, tistabbilixxi skema ta’ awtorizzazzjoni, fis-sens tal-punt 6 tal-Artikolu 4, u tal-Kapitolu III tad‑Direttiva 2006/123 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2020, Cali Apartments, C‑724/18 u C‑727/18, EU:C:2020:743, punti 47, 49, 5152). Dan huwa, barra minn hekk, dak li tikkonferma espressament il-premessa 39 ta’ din id-direttiva li tipprovdi li l-kunċett ta’ “skema ta’ awtorizzazzjoni” jkopri b’mod partikolari “l-obbligu, sabiex jkun eliġibbli biex jeżerċita l-attività, biex jkun irreġistrat bħala membru ta’ professjoni”.

98

“Skema ta’ awtorizzazzjoni”, fis-sens tal-punt 6 tal-Artikolu 4 tad‑Direttiva 2006/123, hija differenti minn “rekwiżit”, fis-sens tal-punt 7 tal‑Artikolu 4 ta’ din id-direttiva, li jsemmi b’mod partikolari kull obbligu, projbizzjoni, kundizzjoni jew limitu previst fil-liġijiet, ir-regolamenti jew id‑dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri jew li jirriżulta mir-regoli tal-ordnijiet professjonali adottati fl-eżerċizzju tal-awtonomija ġuridika tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2020, Cali Apartments, C‑724/18 u C‑727/18, EU:C:2020:743, punti 4849). Huwa għalhekk li r-regoli ta’ natura dixxiplinarja ta’ tali ordnijiet professjonali ma jikkostitwixxux regoli li jikkundizzjonaw l-aċċess stess għall-eżerċizzju tal-attività professjonali kkonċernata permezz ta’ att formali tal-awtoritajiet kompetenti li jawtorizza din l‑attività, iżda “rekwiżiti” dwar l-eżerċizzju, bħala tali, ta’ din tal-aħħar, li bħala prinċipju ma jaqgħux taħt tali skema ta’ awtorizzazzjoni.

99

Barra minn hekk, għandu jiġi ammess ukoll li deċiżjoni tal-awtorità pubblika li permezz tagħha jiġi ordnat it-tħassir tal-iskrizzjoni mal-kamra tal-avukati tikkostitwixxi, bħala prinċipju, “irtirar tal-awtorizzazzjoni”, fis-sens tal‑Artikolu 10(6) tad-Direttiva 2006/123. Minn dan isegwi li, kif tirrileva l-qorti tar-rinviju, għandha b’mod partikolari tiġi kkunsidrata għal tali revoka ta’ awtorizzazzjoni, deċiżjoni dixxiplinari adottata abbażi tal-Artikolu 81(1) tal-Liġi dwar l-Avukatura li permezz tagħha tiġi deċiża esklużjoni ta’ avukat mill-Kamra tal-Avukati. Fil-fatt, mill-Artikolu 82(2) ta’ din il-liġi jirriżulta li tali deċiżjoni ta’ esklużjoni hija akkumpanjata mit-tħassir mil-lista tal-avukati, mingħajr il‑possibbiltà li tintalab l-integrazzjoni mill-ġdid fuq din il-lista għal perijodu ta’ għaxar snin li jibda jiddekorri mill-jum li fih id-deċiżjoni ta’ esklużjoni tal-Kamra tal-Avukati ssir definittiva.

100

Madankollu, għandu jiġi osservat, f’dan ir-rigward, li, kif jirrilevaw il-Gvern Pollakk u l-Gvern Olandiż kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea, ir-rikors attwalment pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju ma jistax iwassal għal tali deċiżjoni ta’ esklużjoni ta’ avukat mill-Kamra tal-Avukati flimkien mat-tħassir tal-persuna kkonċernata mil-lista tal-avukati u għalhekk minn irtirar ta’ awtorizzazzjoni, fis‑sens tal-Artikolu 10(6) tad-Direttiva 2006/123.

101

Fil-fatt, jirriżulta mid-dikjarazzjonijiet tad-deċiżjoni tar-rinviju li l-kawża prinċipali tirrigwarda rikors ippreżentat mill-Ministru għall-Ġustizzja kontra deċiżjoni li permezz tagħha Aġent Dixxiplinari, għall-kuntrarju, qies, wara li mexxa investigazzjoni preliminari, li, f’dan il-każ, ma kienx hemm kwistjoni li jitressqu proċeduri dixxiplinari quddiem l-organu kompetenti sabiex jiddeċiedi dwar dawn il-proċeduri u sabiex jiddeċiedi, abbażi ta’ tali tressiq ta’ kawża, ta’ eventwali esklużjoni mill-Kamra tal-Avukati bħala sanzjoni dixxiplinari. Minn dawn id-dikjarazzjonijiet jirriżulta wkoll li, fil-kuntest proċedurali tal-kawża prinċipali, id-deċiżjoni li l-qorti tar-rinviju hija mitluba tagħti tista’, għalhekk, tikkonsisti esklużivament jew f’li tiċħad l-imsemmi rikors, jew tilqa’ dan billi tipproċedi, f’dan l-aħħar każ, għal rinviju tal-kawża lill-Aġent Dixxiplinari għal eżami mill-ġdid tal-proċess.

102

Għalhekk, minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta, minn naħa, li l-proċedura attwalment pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju ma hijiex ta’ natura li twassal għall-impożizzjoni ta’ sanzjoni dixxiplinari kontra avukat, fosthom dik ta’ esklużjoni eventwali mill-Kamra tal-Avukati, u, min-naħa l-oħra, li din il‑proċedura li tirrigwarda esklużivament deċiżjoni tal-Aġent Dixxiplinari li ma tibdiex proċeduri dixxiplinari kontra tali avukat, tqiegħed lil dan l-Aġent Dixxiplinari kontra l-Ministru għall-Ġustizzja, peress li l-avukat ikkonċernat ma huwiex, min-naħa tiegħu, f’dan l-istadju, la bi proċeduri dixxiplinari kontrih u lanqas parti fl-imsemmija proċedura.

103

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, l-Artikolu 10(6) tad-Direttiva 2006/123 ma huwiex intiż li japplika fil-kuntest tal-proċedura attwalment pendenti fil-kawża prinċipali. Konsegwentement, din id-dispożizzjoni lanqas ma hija, f’dan l-istess kuntest, ta’ natura li twassal għall-applikabbiltà tal-Artikolu 47 tal-Karta.

104

Fir-rigward tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandu fil-fatt jitfakkar li din id‑dispożizzjoni tikkostitwixxi affermazzjoni mill-ġdid tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva u tistabbilixxi, favur kull persuna li d-drittijiet u l‑libertajiet tagħha ggarantiti mid-dritt tal-Unjoni nkisru, id-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti (sentenza tal‑20 ta’ April 2021, Repubblika, C‑896/19, EU:C:2021:311, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

105

Għalhekk, ir-rikonoxximent ta’ dan id-dritt, f’każ partikolari, jippreżumi, kif jirriżulta mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, li l-persuna li tinvokah tibbaża ruħha fuq drittijiet jew libertajiet iggarantiti mid-dritt tal-Unjoni (sentenza tal‑20 ta’ April 2021, Repubblika, C‑896/19, EU:C:2021:311, punt 41 u l‑ġurisprudenza ċċitata).

106

Issa, mill-informazzjoni li tinsab fid-deċiżjoni tar-rinviju ma jirriżultax li, fil‑konfigurazzjoni attwali tal-proċedura fil-kawża prinċipali, R. G., li, f’dan l‑istadju, ma huwiex huwa stess parti f’din il-proċedura, jista’ jinvoka dritt li huwa għandu fid-dritt tal-Unjoni, peress li l-Artikolu 10(6) tad-Direttiva 2006/123 ma jistax, b’mod partikolari, u kif ġie ppreċiżat iktar ’il fuq, japplika f’dan il-każ.

107

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 10(6) tad-Direttiva 2006/123 għandu jiġi interpretat fis‑sens li ma għandux l-effett li jagħmel l-Artikolu 47 tal-Karta applikabbli għal proċedura ta’ appell imressqa minn awtorità pubblika quddiem tribunal dixxiplinari tal-avukatura u intiża għall-annullament ta’ deċiżjoni li permezz tagħha aġent dixxiplinari jkun għalaq investigazzjoni li saret fil-konfront ta’ avukat wara li kkonkluda l-assenza ta’ nuqqas dixxiplinari imputabbli lil dan tal‑aħħar u, fil-każ ta’ annullament ta’ din id-deċiżjoni, rinviju tal-proċess quddiem dan l-aġent dixxiplinari.

Fuq it-tieni sar-raba’ domanda

108

Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li jiġu eżaminati t-tieni sar-raba’ domanda, li fil-fatt saru mill-qorti tar-rinviju biss fil-każ li mir-risposta għall-ewwel domanda jirriżulta li l-Artikolu 47 tal-Karta huwa applikabbli fil-kuntest tal-kawża prinċipali.

Fuq l-ispejjeż

109

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in‑natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal‑osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 10(6) tad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal‑Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern għandu jiġi interpretat fis-sens li ma għandux l-effett li jagħmel l-Artikolu 47 tal‑Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea applikabbli għal proċedura ta’ appell imressqa minn awtorità pubblika quddiem tribunal dixxiplinari tal-avukatura u intiża għall-annullament ta’ deċiżjoni li permezz tagħha aġent dixxiplinari jkun għalaq investigazzjoni li saret fil-konfront ta’ avukat wara li kkonkluda l-assenza ta’ nuqqas dixxiplinari imputabbli lil dan tal-aħħar u, fil-każ ta’ annullament ta’ din id-deċiżjoni, rinviju tal-proċess quddiem dan l-aġent dixxiplinari.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.