SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
29 ta’ April 2021 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trasport – Liċenzja tas-sewqan – Irtirar tal‑liċenzja fit-territorju ta’ Stat Membru differenti mill-Istat Membru li joħroġ il‑liċenzja – Tiġdid tal-liċenzja mill-Istat Membru li joħroġ il-liċenzja wara d‑deċiżjoni ta’ rtirar – Assenza ta’ awtomatiċità tar-rikonoxximent reċiproku”
Fil-Kawża C‑47/20,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑10 ta’ Ottubru 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑28 ta’ Jannar 2020, fil-proċedura
F.
vs
Stadt Karlsruhe,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn J.‑C. Bonichot, President tal-Awla, L. Bay Larsen, C. Toader, M. Safjan u N. Jääskinen (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: P. Pikamäe,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għal F., minn W. Säftel, Rechtsanwalt, |
– |
għall-Gvern Spanjol, minn S. Jiménez García, bħala aġent, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn W. Mölls u N. Yerrell, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(1), tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 7(3) u tal-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2006/126/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Diċembru 2006 dwar il-Liċenzji tas-Sewqan (ĠU 2006, L 403, p. 18). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn F., ċittadin Ġermaniż detentur ta’ liċenzja tas-sewqan maħruġa fi Spanja, u Stadt Karlsruhe (il-belt ta’ Karlsruhe, il-Ġermanja), dwar deċiżjoni tal-awtoritajiet kompetenti Ġermaniżi li jirrifjutawlu d-dritt li juża l-liċenzja tas-sewqan tiegħu fit-territorju Ġermaniż. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
3 |
Il-premessa 2 tad-Direttiva 2006/126 tistipula: “Ir-regoli dwar il-liċenzji tas-sewqan huma essenzjali fl-implementazzjoni tal-politika tat-trasport komuni, jikkontribwixxu għat-titjib tas-sigurtà fit-toroq, u jiffaċilitaw il-moviment liberu ta’ persuni li jkunu sejrin jagħmlu r-residenza tagħhom fi Stat Membru differenti minn dak fejn tkun inħarġet il-liċenzja. Fid-dawl ta’ l-importanza tat-trasport fuq il-bażi ta’ mezzi individwali, il-pussess ta’ liċenzja tas-sewqan debitament rikonoxxuta mill-Istat Membru ospitanti tippromovi l-moviment liberu u l-libertà ta’ l-istabbiliment ta’ persuni. […]” |
4 |
Skont l-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva, “[i]l-liċenzji tas-sewqan maħruġa mill-Istati Membri għandhom jingħataw rikonoxximent reċiproku”. |
5 |
L-Artikolu 7 tal-imsemmija direttiva jipprovdi: “1. Il-liċenzji tas-sewqan għandhom jinħarġu biss lil dawk l-applikanti:
[…]
2.
Stat Membru jista’ jagħżel li joħroġ tali liċenzji b’validità amministrattiva ta’ [sa] 15-il sena. […] 3. It-tiġdid tal-liċenzji tas-sewqan meta tiskadi l-validità amministrattiva tagħhom għandu jkun suġġett għal dawn li ġejjin:
L-Istati Membri jistgħu, meta jġeddu l-liċenzji tas-sewqan fil-Kategoriji AM, A, A1, A2, B, B1 u BE, jeżiġu eżami li japplika l-istandards minimi ta’ kapaċità fiżika u mentali għas-sewqan kif previst fl-Anness III. […] 5. […] Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 2, Stat Membru li joħroġ liċenzja għandu japplika d-diliġenza dovuta sabiex jiżgura li l-persuna tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu u għandu japplika d-dispożizzjonijiet nazzjonali tiegħu dwar il-kanċellament jew l-irtirar tad-dritt tas-sewqan jekk jiġi stabbilit li liċenzja ġiet maħruġa mingħajr ma ġew sodisfatti r-rekwiżiti.” |
6 |
L-Artikolu 11 tad-Direttiva 2006/126 huwa fformulat kif ġej: “1. Fejn id-detentur ta’ liċenzja nazzjonali valida tas-sewqan maħruġa minn Stat Membru jkun għamel ir-residenza normali tiegħu fi Stat Membru ieħor, huwa jista’ jitlob li l-liċenzja tas-sewqan tiegħu tiġi sostitwita minn liċenzja ekwivalenti. Għandha tkun ir-responsabbiltà ta’ l-Istat Membru li jwettaq is-sostituzzjoni sabiex jikkontrolla għal liema kategorija il-liċenzja preżentata tkun fil-fatt għadha valida. […] 4. Stat Membru għandu jirrifjuta li joħroġ liċenzja tas-sewqan lil applikant li jkollu l-liċenzja tas-sewqan tiegħu ristretta, sospiża jew irtirata fi Stat Membru ieħor. Stat Membru għandu jirrifjuta li jirrikonoxxi l-validità ta’ kull liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Stat Membru ieħor lil persuna li l-liċenzja tas-sewqan tiegħu ġiet ristretta, sospiża jew irtirata fit-territorju ta’ l-Istat preċedenti. Stat Membru jista’ wkoll jirrifjuta li joħroġ liċenzja tas-sewqan lil applikant li li jkollu l-liċenzja tas-sewqan tiegħu kanċellata fi Stat Membru ieħor. 5. Is-sostituzzjoni ta’ liċenzja tas-sewqan li, per eżempju, tkun intilfet jew insterqet, tista’ tinkiseb biss mingħand l-awtoritàjiet kompetenti ta’ l-Istat Membru li fih id-detentur ikollu r-residenza normali tiegħu; dawk l-awtoritàjiet għandhom jipprovdu s-sostituzzjoni fuq il-bażi tat-tagħrif fil-pussess tagħhom jew, fejn xieraq, fuq il-prova mill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru li jkun ħareġ il-liċenzja oriġinali. […]” |
7 |
Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 12 ta’ din id-direttiva: “Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, ‘residenza normali’ tfisser il-post fejn persuna tgħix normalment, jiġifieri għall-inqas għal 185 jum f’kull sena kalendarja, minħabba rabtiet personali u ta’ xogħol, jew, fil-każ ta’ persuna li ma jkollhiex rabtiet ta’ xogħol, minħabba r-rabtiet personali li juru rabtiet mill-qrib bejn dik il-persuna u l-post fejn tgħix.” |
Id-dritt Ġermaniż
8 |
L-Artikolu 13 tal-Verordnung über die Zulassung von Personen zum Straßenverkehr – Fahrerlaubnis-Verordnung (ir-Regolament dwar l-Aċċess tal-Persuni għat-Traffiku tat-Triq), tat‑13 ta’ Diċembru 2010 (BGBl. 2010 I, p. 1980), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“FeV”), huwa fformulat kif ġej: “Sabiex jiġu investigati d-deċiżjonijiet dwar il-ħruġ jew l-estensjoni tal-liċenzja tas-sewqan jew inkella l-impożizzjoni ta’ restrizzjonijiet jew ta’ kundizzjonijiet, l-awtorità responsabbli għall-ħruġ tal-liċenzji tas-sewqan għandha tordna […] 2. il-produzzjoni ta’ rapport mediku-psikoloġiku, meta […]
[…]” |
9 |
L-Artikolu 29 tal-FeV jipprovdi: “(1) Id-detenturi ta’ liċenzja tas-sewqan barranija jistgħu, fil-limitu awtorizzat mil-liċenzja tagħhom, isuqu vetturi bil-mutur fit-territorju nazzjonali meta ma jkollhomx residenza normali fih fis-sens tal-Artikolu 7. […] […] (3) Id-dritt imsemmi fil-paragrafu 1 ma japplikax għad-detenturi ta’ liċenzji tas-sewqan barranin, […]
[…] […] Il-punti 3 u 4 tal-ewwel sentenza [tal-paragrafu 3] japplikaw għal-liċenzji tas-sewqan tal-[Unjoni Ewropea] jew taż-[Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE)] biss jekk il-miżuri msemmija hemmhekk jiddaħħlu fir-reġistru tal-kapaċità għas-sewqan u ma jkunux tħassru skont l-Artikolu 29 [tal-Istraßenverkehrsgesetz (il-Liġi dwar it-Traffiku fit-Toroq, iktar ’il quddiem is-“StVG”)]. (4) Id-dritt li jsir użu fit-territorju nazzjonali ta’ liċenzja tas-sewqan barranija mogħtija wara waħda mid-deċiżjonijiet imsemmija fil-punti 3 u 4 tal-paragrafu 3, jingħata fuq talba meta r-raġunijiet għall-irtirar ma jkunux għadhom jeżistu.” |
10 |
L-Artikolu 3(6) tas-StVG jiddisponi: “Ir-regoli dwar il-ħruġ ta’ liċenzja ġdida tas-sewqan, wara rtirar jew rinunzja, għandhom japplikaw b’analoġija għall-għoti tad-dritt, wara rtirar jew rinunzja, li jsir użu mill-ġdid ta’ liċenzja tas-sewqan barranija fit-territorju nazzjonali, għal persuni li għandhom ir-residenza normali tagħhom barra mill-pajjiż.” |
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
11 |
F. huwa ċittadin Ġermaniż. Mill‑1992 huwa għandu residenza fi Spanja u residenza oħra f’Karlsruhe (il-Ġermanja). Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li din ir-residenza tal-aħħar ma tikkostitwixxix madankollu residenza normali, fis-sens tal-Artikolu 7 tal-FeV u tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 12 tad-Direttiva 2006/126. |
12 |
F. ġie kkundannat fil-Ġermanja fl‑1987, fl‑1990, fl‑1995 u fl‑2000 għal sewqan taħt l-influwenza tal-alkoħol. Konsegwentement, fl‑1990, il-liċenzja tas-sewqan Ġermaniża tiegħu ġiet irtirata. Fil‑21 ta’ Ottubru 1992, inħarġitlu liċenzja tas-sewqan fi Spanja, b’mod partikolari, għall-kategoriji A u B. |
13 |
Wara li saq vettura taħt l-influwenza tal-alkoħol fit‑12 ta’ Diċembru 2008 fil-Ġermanja, F. ġie kkundannat iħallas multa permezz ta’ digriet kriminali eżekuttiv tal‑20 ta’ Jannar 2009. Permezz ta’ dan l-istess digriet, huwa ġie skwalifikat ukoll, minħabba nuqqas ta’ kapaċità għas-sewqan, mid-dritt tas-sewqan ta’ vetturi bil-mutur fil-Ġermanja bil-liċenzja tas-sewqan Spanjola tiegħu u ġie pprojbit, għal perijodu ta’ erbatax‑il xahar, milli japplika għal liċenzja tas-sewqan ġdida. Fl-aħħar nett, il-liċenzja tas-sewqan li kienet inħarġitlu fi Spanja fit‑22 ta’ Ottubru 2007 ġiet irtirata u ntbagħtet lill-awtoritajiet kompetenti Spanjoli. Dawn tal-aħħar sussegwentement irrestitwixxew malajr dan id-dokument lil F. |
14 |
Barra minn hekk, fit‑23 ta’ Novembru 2009, jiġifieri matul l-imsemmi perijodu ta’ projbizzjoni ta’ erbatax‑il xahar, l-awtoritajiet Spanjoli ħarġu liċenzja tas-sewqan ġdida lil F., li l-perijodu ta’ validità tagħha kien jikkorrispondi għal dak tal-liċenzja tas-sewqan Spanjola inizjali. Din il-liċenzja, imġedda fl‑2012, fl‑2014 u fl‑2016, attwalment hija valida sat‑22 ta’ Ottubru 2021. Id-data tal-bidu tal-validità indikata fid-dokumenti kollha maħruġa hija l‑21 ta’ Ottubru 1992, jiġifieri dik li fiha nħarġet il-liċenzja tas-sewqan Spanjola inizjali. |
15 |
Fl‑20 ta’ Jannar 2014, F. ressaq talba quddiem il-belt ta’ Karlsruhe intiża sabiex tiġi rrikonoxxuta l-validità tal-liċenzja tas-sewqan Spanjola tiegħu fit-territorju Ġermaniż. Din it-talba ġiet miċħuda minħabba li kien ġie suġġett fil-Ġermanja għal irtirar tal-liċenzja tas-sewqan Spanjola tiegħu għal sewqan taħt l-influwenza tal-alkoħol, liema miżura ċċaħħdu definittivament mill-possibbiltà li jsuq fit-territorju Ġermaniż sakemm il-kapaċità tiegħu ta’ sewqan tkun ġiet ivverifikata mill-ġdid. Issa, l-awtoritajiet Ġermaniżi rrilevaw li, fl-iskadenza tal-perijodu ta’ projbizzjoni li tintalab liċenzja tas-sewqan ġdida li ġiet imposta fuqu, huwa ma kien kiseb fi Spanja ebda liċenzja ġdida tas-sewqan li l-validità tagħha kellha tiġi rrikonoxxuta mill-awtoritajiet Ġermaniżi, iżda nħarġulu biss dokumenti intiżi għat-tiġdid tal-liċenzja tas-sewqan inizjali tiegħu. Il-belt ta’ Karlsruhe kkunsidrat li F. kien, skont il-punt 2(c) tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 13 tal-FeV, obbligat li jippreżenta rapport mediku-psikoloġiku sabiex ineħħi d-dubji dwar il-kapaċità tiegħu għas-sewqan. Fl-assenza ta’ produzzjoni ta’ tali perizja, il-belt ta’ Karlsruhe qieset li huwa seta’ jitqies, skont l-Artikolu 11(8) tal-FeV, bħala li ma għandux kapaċità għas-sewqan. L-ilment imressaq minn F. kontra din id-deċiżjoni ġie miċħud għall-istess raġunijiet. |
16 |
F. għalhekk ippreżenta rikors għal annullament kontra din id-deċiżjoni, li ġie miċħud kemm fl-ewwel istanza kif ukoll fl-appell. |
17 |
Skont il-qorti tal-appell, ir-raġuni għall-esklużjoni prevista fil-punt 3 tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 29(3) tal-FeV, moqri flimkien mat-tielet sentenza tal-Artikolu 29(3) tagħha, tipprekludi l-għoti ta’ dritt ta’ sewqan fuq livell nazzjonali skont l-Artikolu 29 tal-FeV. |
18 |
Dik il-qorti qieset li l-awtorizzazzjoni tas-sewqan ta’ F. kienet ġiet irtirata definittivament mill-awtoritajiet Ġermaniżi, wara s-sewqan tiegħu taħt l-influwenza tal-alkoħol f’Diċembru 2008. Din il-miżura ta’ rtirar, li ma ġietx imħassra u li tapplika wkoll għal-liċenzja tas-sewqan Spanjola attwali ta’ F., għadha għalhekk rreġistrata fir-reġistru tal-kapaċità għas-sewqan. Konformement mal-Artikolu 29(4) tal-FeV, moqri flimkien mal-Artikolu 3(6) tas-StVG, sabiex F. ikun jista’ mill-ġdid juża l-liċenzja tas-sewqan Spanjola tiegħu fil-Ġermanja, huwa għandu jippreżenta applikazzjoni għar-rikonoxximent tal-validità ta’ din il-liċenzja lill-awtorità Ġermaniża inkarigata mill-ħruġ tal-liċenzji tas-sewqan. |
19 |
Il-qorti tal-appell qieset li l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2006/126 lanqas ma jagħti lil F. id-dritt ta’ sewqan tal-vetturi bil-mutur fil-Ġermanja abbażi tal-liċenzja tas-sewqan Spanjola tiegħu. Il-fatt li l-awtoritajiet Spanjoli, minn naħa, irritornaw lil F. il-liċenzja tas-sewqan inizjali ftit wara l-irtirar tagħha mill-awtoritajiet Ġermaniżi u, min-naħa l-oħra, ipproċedew, fit‑23 ta’ Novembru 2009, għas-sostituzzjoni ta’ din il-liċenzja tas-sewqan ma jikkostitwixxix miżuri li jistabbilixxu obbligu, għall-awtoritajiet ta’ Stat Membru, li jirrikonoxxu l-validità ta’ liċenzja tas-sewqan maħruġa mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru ieħor. Dawn il-miżuri meħuda mill-awtoritajiet Spanjoli seħħew matul il-perijodu ta’ projbizzjoni għal F. milli japplika għal liċenzja tas-sewqan ġdida, stabbilita mid-digriet kriminali Ġermaniż tal‑20 ta’ Jannar 2009, mingħajr ma jidher ċar jekk dawn kinux ippreċeduti minn kontroll tal-kapaċità għas-sewqan tiegħu. Dik il-qorti ppreċiżat ukoll li l-awtoritajiet Spanjoli ma ħarġux liċenzja tas-sewqan ġdida lil F., iżda ġeddew biss il-liċenzja tas-sewqan inizjali, konformement mal-Artikolu 7(2) u (3) tad-Direttiva 2006/126, wara l-iskadenza tat-terminu ta’ validità ta’ din tal-aħħar. |
20 |
Issa, tali tiġdid huwa suġġett għall-kundizzjoni unika ta’ residenza tad-detentur, kif jirriżulta mill-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2006/126. Għalhekk, it-tiġdid ta’ liċenzja tas-sewqan huwa tal-istess natura bħal sostituzzjoni ta’ liċenzja tas-sewqan imsemmija fl-Artikolu 11(5) ta’ din id-direttiva, peress li dawn iż-żewġ miżuri huma limitati għall-ħruġ ta’ dokument ġdid li jiġġustifika liċenzja tas-sewqan eżistenti. Stat Membru li, bħar-Renju ta’ Spanja, iddeċieda li jissuġġetta t-tiġdid perjodiku ta’ liċenzja tas-sewqan għal eżami tas-saħħa ma huwiex obbligat iwettaq, mingħajr indikazzjoni partikolari, eżami tas-saħħa ta’ kull detentur ta’ liċenzja tas-sewqan sabiex jiddetermina jekk ir-regoli minimi kollha fil-qasam tas-saħħa, previsti fl-Anness III tad-Direttiva 2006/126 għadhomx issodisfatti. Eżami tas-saħħa marbut mal-età għandu, bħala regola ġenerali, ikun limitat għal eżami tal-vista, tas-smigħ u tal-kapaċitajiet ta’ reazzjoni, kif ukoll għall-kundizzjonijiet tas-saħħa manifesti. Ir-rikonoxximent inkundizzjonat mill-Istati Membri l-oħra tal-validità ta’ liċenzja tas-sewqan f’tali sitwazzjoni jmur kontra l-għan ta’ titjib tas-sigurtà fit-toroq. |
21 |
L-imsemmija qorti tal-appell ċaħdet ukoll it-talba ta’ F., intiża sabiex l-awtorità responsabbli għall-ħruġ tal-liċenzji tas-sewqan tiġi ordnata tadotta, skont l-Artikolu 29(4) tal-FeV, deċiżjoni ta’ rikonoxximent tal-validità tal-liċenzja tas-sewqan Spanjola tiegħu. Hija qieset li r-raġunijiet għall-irtirar ta’ din l-awtorizzazzjoni ma kinux waqfu jeżistu peress li F. ma kienx ipproduċa l-perizja mediko-psikoloġika meħtieġa fir-rigward tar-rata ta’ alkoħol fid-demm ta’ 2.12 g għal kull elf li huwa ppreżenta waqt l-interrogazzjoni tiegħu. Hija żżid li l-prinċipju ta’ proporzjonalità applikabbli fid-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix ir-rekwiżit ta’ tali perizja, prevista meta r-rata ta’ alkoħol ta’ sewwieq fit-triq pubblika teċċedi ċertu livell, fid-dawl tar-riskji għas-sigurtà fit-toroq li jirrappreżenta l-konsum tal-alkoħol. |
22 |
F. ippreżenta appell għal reviżjoni quddiem il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, il-Ġermanja), billi sostna li l-Artikolu 29(3) u (4) tal-FeV, sa fejn dan jimplika l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ rikonoxximent mill-awtoritajiet Ġermaniżi tal-validità tal-liċenzji maħruġa mill-awtoritajiet ta’ Stati Membri oħra, jikser id-dritt tal-Unjoni. Huwa jqis li huwa preżunt, b’mod arbitrarju u mingħajr bażi legali, li t-tliet atti amministrattivi li permezz tagħhom l-awtoritajiet Spanjoli ġeddew il-liċenzja tas-sewqan tiegħu ma jikkostitwixxux atti li joħorġu liċenzja tas-sewqan, fis-sens tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2006/126, iżda estensjonijiet tal-liċenzja tas-sewqan inizjali maħruġa fil‑21 ta’ Ottubru 1992. Skont ir-rikorrent, ir-raġuni li tgħid li, meta tiġi mġedda liċenzja tas-sewqan, irregolarità eżistenti tiġi ttrasferita fil-liċenzja attwali tas-sewqan hija wkoll nieqsa minn bażi legali. Huwa jindika li barra minn hekk ma teżisti ebda sentenza f’dan is-sens tal-Qorti tal-Ġustizzja. Huwa jqis li huma biss l-awtoritajiet Spanjoli li huma kompetenti sabiex jiddeterminaw jekk huwiex mill-ġdid kapaċi jsuq. Fil-fehma tiegħu, l-awtoritajiet Ġermaniżi ma humiex awtorizzati jikkontrollaw id-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet Spanjoli f’dan ir-rigward. |
23 |
Il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar sa fejn il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku tal-liċenzji tas-sewqan previst fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2006/126 japplika wkoll għall-każijiet ta’ tiġdid ta’ liċenzja tas-sewqan, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2006/126, imwettaq mill-Istat Membru tar-residenza normali, wara li l-Istat Membru ta’ residenza temporanja jkun neħħa lill-persuna kkonċernata, minħabba sewqan taħt l-influwenza tal-alkoħol u minħabba n-nuqqas li jirriżulta mill-kapaċità għas-sewqan, id-dritt li juża l-liċenzja tas-sewqan tiegħu fit-territorju tiegħu. |
24 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja: “Fir-rigward ta’ Stat Membru li fit-territorju tiegħu l-persuna li jkollha liċenzja tas-sewqan tal-Unjoni Ewropea tal-kategoriji A u B, maħruġa minn Stat Membru ieħor, ikun tneħħielha, minħabba sewqan taħt l-influwenza tax-xorb, id-dritt ta’ sewqan ta’ vetturi bil-mutur b’din il-liċenzja tas-sewqan fl-ewwel Stat Membru, l-Artikolu 2(1) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(4) tad-Direttiva [2006/126] jipprekludu lil dan l-ewwel Stat Membru milli jirrifjuta r-rikonoxximent għal dawn il-kategoriji ta’ liċenzja tas-sewqan li tkun inħarġet għall-persuna kkonċernata fit-tieni Stat Membru wara l-imsemmija tneħħija fil-proċess ta’ tiġdid tal-liċenzja previst fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2006/126?” |
Fuq id-domanda preliminari
25 |
Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2(1) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2006/126 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li Stat Membru, li fit-territorju tiegħu d-detentur ta’ liċenzja tas-sewqan tal-kategoriji A u B maħruġa minn Stat Membru ieħor tneħħielu d-dritt ta’ sewqan minħabba aġir li jikkostitwixxi ksur, li seħħ matul residenza temporanja f’dan it-territorju wara l-ħruġ tal-imsemmija liċenzja, u minħabba n-nuqqas li jirriżulta minn dan ta’ kapaċità tas-sewqan skont il-leġiżlazzjoni tal-ewwel Stat Membru, jirrifjuta li jirrikonoxxi ulterjorment il-validità ta’ din il-liċenzja tas-sewqan, wara li din tkun ġiet imġedda, skont l-Artikolu 7(3) ta’ din id-direttiva, mill-Istat Membru fejn tinsab ir-residenza normali tad-detentur tal-imsemmija liċenzja, fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 12 tal-imsemmija direttiva. |
26 |
F’dan ir-rigward, hemm lok jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2006/126 jipprevedi r-rikonoxximent reċiproku, mingħajr ebda formalità, tal-liċenzji tas-sewqan maħruġa mill-Istati Membri. Din id-dispożizzjoni timponi fuq dawn tal-aħħar obbligu ċar u preċiż, li ma jħalli ebda marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tal-miżuri li għandhom jiġu adottati sabiex huma jkunu konformi miegħu (sentenzi tat‑23 ta’ April 2015, Aykul, C‑260/13, EU:C:2015:257, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat‑28 ta’ Ottubru 2020, Kreis Heinsberg, C‑112/19, EU:C:2020:864, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
27 |
Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li huwa l-kompitu tal-Istat Membru li joħroġ il-liċenzja tas-sewqan li għandu jivverifika jekk il-kundizzjonijiet minimi imposti mid-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari dawk dwar ir-residenza u l-kapaċità għas-sewqan, previsti fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2006/126, humiex issodisfatti u, għalhekk, jekk il-ħruġ ta’ liċenzja tas-sewqan ikunx iġġustifikat (sentenza tat‑23 ta’ April 2015, Aykul, C‑260/13, EU:C:2015:257, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
28 |
Meta l-awtoritajiet ta’ Stat Membru jkunu ħarġu liċenzja tas-sewqan konformement mal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2006/126, l-Istati Membri l-oħra ma għandhomx id-dritt li jivverifikaw jekk il-kundizzjonijiet għall-ħruġ previsti minn din id-direttiva ġewx osservati. Fil-fatt, il-pussess ta’ liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Stat Membru għandu jitqies bħala li jikkostitwixxi l-prova li d-detentur ta’ din il-liċenzja kien jissodisfa dawn il-kundizzjonijiet meta nħarġitlu din tal-aħħar (sentenza tat‑23 ta’ April 2015, Aykul, C‑260/13, EU:C:2015:257, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
29 |
Barra minn hekk, peress li l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2006/126 ma jagħmilx distinzjoni skont il-mod ta’ ħruġ tal-liċenzja tas-sewqan, jiġifieri l-ħruġ wara li wieħed jgħaddi mill-eżamijiet previsti fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 2006/126, wara skambju skont l-Artikolu 11(1) ta’ din id-direttiva jew wara tiġdid skont l-Artikolu 7(3) tal-imsemmija direttiva, il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku huwa impost ukoll fir-rigward tal-liċenzji tas-sewqan maħruġa wara tali tiġdid, bla ħsara għall-eċċezzjonijiet previsti mill-imsemmija direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Ottubru 2020, Kreis Heinsberg, C‑112/19, EU:C:2020:864, punt 26). |
30 |
Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punt 71 tas-sentenza tat‑23 ta’ April 2015, Aykul (C‑260/13, EU:C:2015:257), li l-Artikolu 2(1) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2006/126 kellhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux li Stat Membru, li fit-territorju tiegħu d-detentur ta’ liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Stat Membru ieħor jirrisjedi temporanjament, jirrifjuta li jirrikonoxxi l-validità ta’ din il-liċenzja tas-sewqan minħabba aġir li jikkostitwixxi ksur mid-detentur tagħha li seħħ f’dan it-territorju sussegwentement għall-ħruġ tal-imsemmija liċenzja tas-sewqan u li, konformement mal-liġi nazzjonali tal-ewwel Stat Membru, huwa ta’ natura li jwassal għall-inkapaċità għas-sewqan ta’ vetturi bil-mutur. |
31 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat b’mod partikolari, f’dan ir-rigward, fil-punt 60 tal-imsemmija sentenza, li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2006/126 jippermetti lil Stat Membru, li ma jkunx l-Istat Membru ta’ residenza normali tad-detentur ta’ liċenzja tas-sewqan miksuba fi Stat Membru ieħor, jieħu, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu u minħabba l-aġir li jikkostitwixxi ksur fit-territorju tiegħu minn dan id-detentur, miżuri li l-portata tagħhom hija limitata għal dan it-territorju u li l-effett tagħhom huwa limitat għar-rifjut li tiġi rrikonoxxuta, fih, il-validità ta’ din il-liċenzja. |
32 |
Hija qieset ukoll li, f’sitwazzjoni bħal din, li fiha l-kapaċità tas-sewqan tiġi kkontestata mhux fl-istadju tal-ħruġ tal-liċenzja tas-sewqan, iżda wara ksur imwettaq mid-detentur ta’ din il-liċenzja wara l-ħruġ tagħha u li s-sanzjoni tagħha tkun ipproduċiet l-effetti tagħha biss fit-territorju tal-Istat Membru fejn twettaq dan il-ksur, l-imsemmi Stat Membru huwa kompetenti sabiex jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li d-detentur ta’ din il-liċenzja tas-sewqan għandu jissuġġetta ruħu għalihom sabiex jirkupra d-dritt tas-sewqan fit-territorju tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ April 2015, Aykul, C‑260/13, EU:C:2015:257, punti 73 u 84). |
33 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu ppreċiżat li hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina jekk, bl-applikazzjoni tar-regoli rispettivi tiegħu, l-Istat Membru inkwistjoni kienx, fir-realtà, oppona indefinittivament għar-rikonoxximent tal-liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Stat Membru ieħor u li, f’din il-perspettiva, hija kellha tivverifika jekk il-kundizzjonijiet previsti mil-leġiżlazzjoni tal-ewwel Istat Membru, konformement mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kinux imorru lil hinn mil-limiti ta’ dak li kien xieraq u neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan imfittex mid-Direttiva 2006/126, li jikkonsisti fit-titjib tas-sigurtà fit-toroq (sentenza tat‑23 ta’ April 2015, Aykul, C‑260/13, EU:C:2015:257, punt 84). |
34 |
Ċertament, bħalma enfasizzat il-Kummissjoni Ewropea fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jsegwi wkoll li Stat Membru ma jistax jissuġġetta r-rikonoxximent tal-validità ta’ liċenzja tas-sewqan maħruġa fi Stat Membru ieħor għal kundizzjoni prevista mil-leġiżlazzjoni tal-ewwel Stat Membru għall-ħruġ tal-liċenzji, bħall-produzzjoni ta’ perizja medika-psikoloġika, meta din il-liċenzja tkun inħarġet wara l-irtirar mill-ewwel Stat Membru ta’ liċenzja tas-sewqan preċedenti, wara l-iskadenza ta’ eventwali perijodu ta’ projbizzjoni li tintalab liċenzja ġdida (ara, f’dan is-sens, fir-rigward tad-Direttiva tal-Kunsill 91/439/KEE tad‑29 ta’ Lulju 1991 dwar il-liċenzji tas-sewqan (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 1, p. 317), li ġiet issostitwita bid-Direttiva 2006/126, is-sentenza tad‑19 ta’ Frar 2009, Schwarz, C‑321/07, EU:C:2009:104, punt 91 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll, fir-rigward tad-Direttiva 2006/126, is-sentenza tas‑26 ta’ April 2012, Hofmann, C‑419/10, EU:C:2012:240, punt 84). |
35 |
Fil-fatt, f’tali sitwazzjoni, in-nuqqas ta’ kapaċità tas-sewqan, issanzjonat bl-irtirar tal-liċenzja tas-sewqan fl-ewwel Stat Membru, tneħħa permezz tal-verifika tal-kapaċità mwettqa mill-Istat Membru l-ieħor fiż-żmien tal-ħruġ ulterjuri ta’ liċenzja tas-sewqan. F’din l-okkażjoni, l-Istat Membru tal-ħruġ tal-liċenzja għandu b’mod partikolari jivverifika, bħalma huwa mfakkar fil-punt 27 ta’ din is-sentenza, jekk, konformement mal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2006/126, il-kandidat kienx jissodisfa l-istandards minimi dwar il-kapaċità fiżika u mentali għas-sewqan (ara, f’dan is-sens, fir-rigward tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 91/439, li jikkorrispondi għall-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2006/126, is-sentenza tad‑19 ta’ Frar 2009, Schwarz, C‑321/07, EU:C:2009:104, punti 92 u 93). |
36 |
Fil-kawża prinċipali, il-liċenzja tas-sewqan inkwistjoni, wara li ġiet irtirata mill-Istat Membru li fih id-detentur tagħha rrisjeda b’mod temporanju, madankollu ma kinitx is-suġġett ta’ ħruġ sussegwenti mill-Istat Membru ta’ residenza normali tiegħu, fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 12 tad-Direttiva 2006/126, iżda ta’ sempliċi tiġdid minn dan l-Istat. Fil-fatt, mid-deċiżjoni tar-rinviju jsegwi li l-liċenzja tas-sewqan ta’ F. inħarġitlu inizjalment fl‑1992, imbagħad, wara l-irtirar tagħha mill-awtoritajiet Ġermaniżi, ġiet sempliċement imġedda, diversi drabi, mill-awtoritajiet Spanjoli, u li attwalment hija valida sat‑22 ta’ Ottubru 2021. |
37 |
Issa, f’tali sitwazzjoni, is-sempliċi tiġdid ta’ liċenzja tas-sewqan tal-kategoriji A u B, skont l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2006/126, mill-Istat Membru ta’ residenza normali tad-detentur tagħha ma jistax jiġi assimilat mal-ħruġ ta’ liċenzja ġdida tas-sewqan, fis-sens tal-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva, peress li l-kundizzjonijiet għat-tiġdid u għall-ħruġ ma humiex identiċi. Fil-fatt, kif sostniet il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, sabiex tali assimilazzjoni tkun tista’ titwettaq, hemm bżonn li n-nuqqas ta’ kapaċità għas-sewqan ta’ vetturi bil-mutur ikkonstatata fl-Istat Membru ta’ residenza temporanja jitħassar bl-effett tat-tiġdid li jseħħ fl-Istat Membru ta’ residenza normali. |
38 |
F’dan ir-rigward, fir-rigward tal-liċenzji tas-sewqan tal-kategoriji AM, A, A 1, A 2, B, B1 u BE, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2006/126 jipprevedi, bħala kundizzjoni minima armonizzata għat-tiġdid ta’ liċenzja tas-sewqan fil-mument ta’ meta tiskadi l-validità amministrattiva tagħha, l-eżistenza ta’ residenza normali fit-territorju tal-Istat Membru li joħroġ il-liċenzja tas-sewqan jew il-prova li l-applikant ilu jistudja hemmhekk għal mill-inqas sitt xhur. Għalkemm, ċertament, l-Istati Membri jistgħu, kif jirriżulta mit-tieni paragrafu ta’ din id-dispożizzjoni, jissuġġettaw ukoll it-tiġdid ta’ tali liċenzji għal kontroll tal-istandards minimi dwar il-kapaċità fiżika u mentali għas-sewqan kif esposti fl-Anness III tal-imsemmija direttiva, għandu jiġi kkonstatat li din hija sempliċi fakultà li titħalla għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri. |
39 |
Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-ħruġ tal-liċenzji tas-sewqan, l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2006/126 jipprevedi li l-liċenzja tas-sewqan tista’ tinħareġ biss lill-applikanti li mhux biss jissodisfaw il-kundizzjoni ta’ residenza normali fit-territorju tal-Istat Membru li joħroġ il-liċenzja jew li jistgħu jipprovaw li huma ilhom jistudjaw hemmhekk għal mill-inqas sitt xhur, iżda jkunu għaddew ukoll minn test tal-ħiliet u tal-aġir u minn test tat-teorija u li jissodisfaw l-istandards mediċi, konformement mad-dispożizzjonijiet tal-Annessi II u III ta’ din id-direttiva. Għalhekk, il-ħruġ ta’ liċenzja tas-sewqan huwa suġġett għall-kontroll tal-kapaċità għas-sewqan konformement mad-dispożizzjonijiet tal-Anness III tal-imsemmija direttiva. |
40 |
Issa, għandu jitfakkar li l-impożizzjoni, skont id-Direttiva 2006/126, ta’ obbligu ta’ rikonoxximent reċiproku tal-liċenzji tas-sewqan maħruġa mill-Istati Membri hija l-konsegwenza tal-istabbiliment, minn din id-direttiva, tal-kundizzjonijiet minimi għall-ħruġ ta’ liċenzja tas-sewqan tal-Unjoni (sentenza tat‑28 ta’ Frar 2019, Meyn, C‑9/18, EU:C:2019:148, punt 28). |
41 |
F’dan ir-rigward, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 27 u 28 ta’ din is-sentenza u kif irrilevat il-qorti tar-rinviju fit-talba għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat diversi drabi r-rabta li teżisti bejn il-kundizzjonijiet minimi għall-ħruġ ta’ liċenzja tas-sewqan, armonizzati fid-dritt tal-Unjoni, il-verifika ta’ dawn il-kundizzjonijiet mill-Istat Membru li joħroġ il-liċenzja u l-obbligu ta’ rikonoxximent tal-validità ta’ din il-liċenzja mill-Istati Membri l-oħra. |
42 |
Peress li, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2006/126, l-Istati Membri ma humiex obbligati, waqt it-tiġdid ta’ liċenzja tas-sewqan tal-kategoriji AM, A, A 1, A 2, B, B1 u BE, li jwettqu stħarriġ tal-istandards minimi dwar il-kapaċità fiżika u mentali tas-sewqan kif esposti fl-Anness III ta’ din id-direttiva, l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu d-detentur ta’ liċenzja ta’ dawn il-kategoriji li kienet biss is-suġġett ta’ tiġdid jixtieq isuq, wara li tneħħielu, wara reat tat-traffiku mwettaq f’dan it-territorju, id-dritt li jsuq fih, jista’ jirrifjuta, fil-kuntest tal-eċċezzjoni prevista fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2006/126 u, għaldaqstant, b’deroga mill-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku tal-liċenzji msemmi fil-punt 29 ta’ din is-sentenza, milli jirrikonoxxi l-validità ta’ din il-liċenzja meta, wara l-iskadenza ta’ eventwali perijodu ta’ projbizzjoni li jitlob liċenzja ġdida, il-kundizzjonijiet previsti fid-dritt nazzjonali sabiex jerġa’ jikseb id-dritt li jsuq fl-imsemmi territorju ma humiex issodisfatti. |
43 |
Fil-fatt, f’tali ċirkustanzi, l-obbligu, previst mid-Direttiva 2006/126, ta’ rikonoxximent reċiproku mill-Istati Membri tal-validità tal-liċenzji tas-sewqan tal-kategoriji AM, A, A1, A2, B, B1 u BE maħruġa minn Stati Membri oħra ma jistax japplika ex officio għat-tiġdid ta’ dawn il-liċenzji tas-sewqan, peress li l-kundizzjonijiet ta’ tiġdid jistgħu jvarjaw bejn l-Istati Membri. |
44 |
Għalkemm tali obbligu ta’ rikonoxximent reċiproku ma jistax jiddependi mill-verifika, mill-Istat Membru li fit-territorju tiegħu d-detentur ta’ liċenzja tas-sewqan maħruġa u mġedda fi Stat Membru ieħor jirrisjedi temporanjament, tal-kundizzjonijiet li taħthom din il-liċenzja tas-sewqan ġiet imġedda, madankollu d-detentur tal-liċenzja għandu jkun jista’ li, wara l-iskadenza ta’ perijodu eventwali ta’ projbizzjoni milli japplika għal liċenzja ġdida, ikun jixtieq jerġa’ jkollu d-dritt tas-sewqan fl-ewwel Stat Membru li jipproduċi l-prova lill-awtoritajiet ta’ dan l-aħħar li l-kapaċità tiegħu tas-sewqan konformement mad-dispożizzjonijiet tal-Anness III tad-Direttiva 2006/126 kienet is-suġġett ta’ kontroll mat-tiġdid tal-liċenzja tiegħu fit-tieni Stat Membru u li, skont il-ġurisprudenza msemmija fil-punt 35 ta’ din is-sentenza, in-nuqqas ta’ kapaċità tas-sewqan ikkonstatata mill-ewwel Stat Membru tneħħiet bl-effett ta’ dan it-tiġdid, bla ħsara madankollu għall-fatt li s-suġġett ta’ dan il-kontroll jikkorrispondi għal dak tal-kontroll ordnat mil-leġiżlazzjoni ta’ dan l-istess Stat Membru. |
45 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jsegwi li l-Artikolu 2(1) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2006/126 ma jipprekludux, bħala prinċipju, li l-awtoritajiet ta’ Stat Membru jirrifjutaw, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, milli jirrikonoxxu l-validità ta’ liċenzja tas-sewqan tal-kategoriji A u B sempliċement imġedda fi Stat Membru ieħor, skont l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2006/126, u dan l-ewwel Stat Membru huwa għalhekk kompetenti sabiex jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li d-detentur tal-liċenzja tas-sewqan għandu jissuġġetta ruħu għalihom sabiex jirkupra d-dritt ta’ sewqan fit-territorju tiegħu. |
46 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-fatt li wieħed jippermetti, f’tali sitwazzjoni, lill-awtoritajiet ta’ Stat Membru li jissuġġettaw, minħabba reat tat-traffiku mwettaq fit-territorju tagħhom, għal ċerti kundizzjonijiet ir-rikonoxximent tal-validità ta’ liċenzja tas-sewqan maħruġa u mġedda fi Stat Membru ieħor, huwa ta’ natura li jnaqqas ir-riskju li jseħħu inċidenti tat-traffiku u għalhekk jissodisfa l-għan li jikkonsisti fit-titjib tas-sigurtà fit-toroq imfittex mid-Direttiva 2006/126, kif imfakkar fil-premessa 2 tagħha. |
47 |
Hija madankollu l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina jekk, konformement mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, ir-regoli, previsti mil-leġiżlazzjoni tal-ewwel Stat Membru, li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet li d-detentur ta’ liċenzja tas-sewqan li tneħħielu, minħabba aġir li jikkostitwixxi ksur, id-dritt ta’ sewqan fit-territorju tiegħu li fih huwa kien jirrisjedi b’mod temporanju, għandu jissuġġetta ruħu għalihom sabiex jirkupra d-dritt ta’ sewqan fl-imsemmi territorju, jeċċedux il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan imfittex mid-Direttiva 2006/126, li jikkonsisti fit-titjib tas-sigurtà tat-toroq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ April 2015, Aykul, C‑260/13, EU:C:2015:257, punt 78), fatt li jkun b’mod partikolari l-każ jekk dawn kienu jipprekludu li d-detentur ikun jista’ jġib il-prova li l-kapaċità tiegħu tas-sewqan, wara l-iskadenza ta’ eventwali perijodu ta’ projbizzjoni li jitlob liċenzja ġdida, kienet is-suġġett ta’ kontroll konformement mad-dispożizzjonijiet tal-Anness III tad-Direttiva 2006/126 matul it-tiġdid tal-liċenzja tiegħu fl-Istat Membru ta’ residenza normali tiegħu u li s-suġġett ta’ dan il-kontroll jikkorrispondi ma’ dak tal-kontroll ordnat mil-leġiżlazzjoni tal-ewwel Stat Membru. |
48 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 2(1) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2006/126 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux li Stat Membru, li fit-territorju tiegħu d-detentur ta’ liċenzja tas-sewqan tal-kategoriji A u B maħruġa minn Stat Membru ieħor ikun tneħħielu d-dritt tas-sewqan minħabba aġir li jikkostitwixxi ksur, li seħħ waqt residenza temporanja f’dan it-territorju wara l-ħruġ tal-imsemmija liċenzja, jirrifjuta li jirrikonoxxi sussegwentement il-validità ta’ din il-liċenzja, wara li din tkun ġiet imġedda, skont l-Artikolu 7(3) ta’ din id-direttiva, mill-Istat Membru fejn tinsab ir-residenza normali tad-detentur tal-imsemmija liċenzja, fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 12 tal-imsemmija direttiva. Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina jekk, konformement mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, ir-regoli previsti mil-leġiżlazzjoni tal-ewwel Stat Membru, li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet li d-detentur tal-liċenzja tas-sewqan għandu jissuġġetta ruħu għalihom sabiex jirkupra d-dritt tas-sewqan fit-territorju tiegħu, jeċċedux il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan imfittex mid-Direttiva 2006/126, li jikkonsisti fit-titjib tas-sigurtà fit-toroq. |
Fuq l-ispejjeż
49 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
L-Artikolu 2(1) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2006/126/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Diċembru 2006 dwar il-Liċenzji tas-Sewqan għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux li Stat Membru, li fit-territorju tiegħu d-detentur ta’ liċenzja tas-sewqan tal-kategoriji A u B maħruġa minn Stat Membru ieħor ikun tneħħielu d-dritt tas-sewqan minħabba aġir li jikkostitwixxi ksur, li seħħ waqt residenza temporanja f’dan it-territorju wara l-ħruġ tal-imsemmija liċenzja, jirrifjuta li jirrikonoxxi sussegwentement il-validità ta’ din il-liċenzja, wara li din tkun ġiet imġedda, skont l-Artikolu 7(3) ta’ din id-direttiva, mill-Istat Membru fejn tinsab ir-residenza normali tad-detentur tal-imsemmija liċenzja, fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 12 tal-imsemmija direttiva. Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina jekk, konformement mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, ir-regoli previsti mil-leġiżlazzjoni tal-ewwel Stat Membru, li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet li d-detentur tal-liċenzja tas-sewqan għandu jissuġġetta ruħu għalihom sabiex jirkupra d-dritt tas-sewqan fit-territorju tiegħu, jeċċedux il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan imfittex mid-Direttiva 2006/126, li jikkonsisti fit-titjib tas-sigurtà fit-toroq. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.