SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

15 ta’ Diċembru 2022 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Xogħol għal żmien determinat – Direttiva 1999/70/KE – Ftehim Qafas – Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni – Miżuri intiżi li jipprevjenu l-użu abbużiv ta’ kuntratti suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat – Relazzjoni ta’ xogħol għal żmien determinat irregolata mid-dritt pubbliku – Riċerkaturi universitarji”

Fil-Kawżi magħquda C‑40/20 u C‑173/20,

li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja), permezz ta’ deċiżjonijiet tal‑10 ta’ Jannar 2020, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑27 ta’ Jannar 2020 u fit‑23 ta’ April 2020, fil-proċeduri

AQ,

BO,

CP (C‑40/20),

AZ,

BY,

CX,

DW,

EV,

FU,

GJ (C‑173/20),

vs

Presidenza del Consiglio die Ministri,

Ministero dell’ Istruzione, dell’ Università e della Ricerca – MIUR:

Università degli studi di Perugia,

fil-preżenza ta’:

Federazione Lavoratori della Conoscenza CGIL,

Confederazione Generale Italiana del Lavoro (CGIL),

Cipur ‑ Coordinamento Intersedi Profesori universitari di ruolo,

Anief ‑ Associazione Professionale e Sindacale (C‑40/20),

HS,

IR,

JQ,

KP,

LO,

MN,

NM,

OZ,

PK,

QJ,

RI,

SH,

TG,

UF,

WE,

XC,

YD (C‑173/20),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

komposta minn P. G. Xuereb, President tal-Awla, A. Kumin (Relatur) u I.Ziemele, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Emiliou,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal AQ, BO, CP, AZ, BY, CX, DW, EV, FU, GJ, HS, IR, JQ, LO, MN, NM, OZ, PK, QJ, RI, SH, TG, UF, XC u YD, minn F. Dinelli u G. Grüner, avvocati,

għal Federazione Lavoratori della Conoscenza Cgil u la Confederazione Generale Italiana del Lavoro (CGIL), minn F. Americo, A. Andreoni u I. Barsanti Mauceri, avvocati,

għal Cipur Coordinamento Intersedi Professori Universitari di Ruolo, minn F. Dinelli u G. Grüner, avvocati,

għal Anief Associazione Professionale e Sindacale, minn V. De Michele, S. Galleano u W. Miceli, avvocati,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn A. Berti Suman, procuratore dello Stato, kif ukoll minn C. Colelli u L. Fiandaca, avvocati dello Stato,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn N. Ruiz García u A. Spina, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-klawżola 5 tal-Ftehim qafas dwar xogħol għal terminu fiss, konkluż fit‑18 ta’ Marzu 1999 (iktar ’il quddiem il-“Ftehim qafas”), li jinsab fl-anness tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE tat‑28 ta’ Ġunju 1999 dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 368).

2

Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ kawżi bejn, minn naħa, AQ, BO u CP (Kawża C‑40/20) u, min-naħa l-oħra, AZ, BY, CX, DW, EV, FU u GJ (Kawża C‑173/20), riċerkaturi universitarji, u l-Presidenza del Consiglio dei Ministri (il-Presidenza tal-Kunsill tal-Ministri, l-Italja), u l-Ministero dell’Istruzione, dell’Università e della Ricerca – MIUR (il-Ministeru għall-Edukazzjoni, għall-Edukazzjoni Ogħla u għar-Riċerka, l-Italja) u l-Università degli studi di Perugia (l-Università ta’ Perugia, l-Italja) dwar ir-rifjut tat-trasformazzjoni tal-kuntratti għal żmien determinat tagħhom f’kuntratti għal żmien indeterminat jew tal-evalwazzjoni tagħhom sabiex jiġu inklużi fil-lista ta’ professuri assoċjati.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessa 14 tad-Direttiva 1999/70 tipprovdi kif ġej:

“[i]l-partijiet firmatarji xtaqu jikkonkludu Ftehim qafas fuq xogħol għal terminu fiss li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġiet minimi għal kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat u relazzjonijiet ta’ impjieg; huma wrew ix-xewqa tagħhom li jtejbu il-kwalità ta’ xogħol ta’ terminu fiss billi jiżguraw l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ non‑diskriminazzjoni, u xtaqu li jistabbilixxu qafas għall-prevenzjoni ta’ abbuż ikkawżat mill-użu ta’ kuntratti ta’ impjieg jew relazzjonijiet ta’ terminu fiss suċċessivi”.

4

It-tieni paragrafu tal-preambolu għall-Ftehim qafas jistabbilixxi li l-partijiet tiegħu Ftehim “jirrikonoxxu li l-kuntratti għal żmien indefinit huma, u jibqgħu ikunu, il-forma ġenerali ta’ relazzjoni ta’impjieg bejn min jimpjega u l-ħaddiema [u li] l-kuntratti ta’ impjieg għal żmien fiss jirrispondu, f’ċerti sitwazzjonijiet, għall-ħtiġiet ta’ kemm min jimpjega u l-ħaddiema”.

5

Skont il-klawżola 1 tal-Ftehim qafas:

“L-iskop ta’ dan il-ftehim qafas hu:

a)

li titjieb il-kwalità ta’ xogħol għal terminu fiss billi tiġi żgurata l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni;

b)

li jistabbilixxi qafas biex jipprevjeni l-abbuż ikkawżat mill-użu ta’ kuntratti jew relazzjonijiet suċċessivi ta’ l-impjieg għal terminu fiss.”

6

Il-klawżola 3 tal-Ftehim qafas, intitolata “Definizzjonijiet”, tipprovdi:

“Għall-iskop ta’ dan il-ftehim, il-kliem:

1.

‘ħaddiem għal terminu fiss’ ifisru persuna li jkollha kuntratt jew relazzjoni ta’ l-impjieg dirett bejn min jimpjega u ħaddiem meta l-aħħar tal-kuntratt jew tar-relazzjoni ta’ l-impjieg hu ddeterminat b’kondizzjonijiet oġġettivi bħal li jilħaq data speċifika, ilesti xogħol speċifiku, jew it-twettiq ta’ każ speċifiku.

2.

‘ħaddiem kumparabbli permanenti’ ifissru ħaddiem b’kuntratt jew relazzjoni ta’ impjieg għal żmien indefinit, fl-istess stabbiliment, ingaġġat fl-istess xogħol jew xogħol/impjieg simili, wara li tingħata attenzjoni xierqa lill-kwalifiki/kapaċitajiet. Meta ma jkun hemm ebda ħaddiem kumparabbli permanenti fl-istess stabbiliment, il-paragun għandu jsir b’referenza għall-ftehim kollettiv applikabbli, jew meta ma jkun hemm ebda ftehim kollettiv applikabbli, skond il-liġi nazzjonali, il-ftehim kollettiv jew il-prattika.”

7

Il-klawżola 4 tal-Ftehim qafas, intitolata “Il-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni”, tipprovdi fil-paragrafu 1 tagħha:

“Fejn għandhom x’jaqsmu l-kondizzjonijiet ta’ l-impjieg, ħaddiema għal terminu fiss m’għandhomx jiġu trattati b’mod inqas favorevoli minn ħaddiem kumparabbli permanenti biss minħabba li għandhom kuntratt jew relazzjoni għal terminu fiss sakemm trattament differenti ma jkunx ġustifikat fuq bażi oġġettiva.”

8

Il-klawżola 5 tal-Ftehim qafas, intitolata “Miżuri għal prevenzjoni ta’ l-abbuż”, tipprovdi:

“1.

Sabiex jiġi ipprevenut l-abbuż ikkawżat mill-użu ta’ kuntratti jew relazzjonijiet suċċessivi ta’ impjieg għal terminu fiss, wara konsultazzjoni ma’ l-imsieħba soċjali skond il-liġi nazzjonali, il-ftehim kollettiv jew il-prattika, u/jew l-imsieħba soċjali, għandhom, meta ma hemm ebda miżuri ekwivalenti legali biex jipprevjenu l-abbuż, jintroduċu b’mod li jieħu kont tal-ħtiġiet tas-setturi u/jew kategoriji speċifiċi ta’ ħaddiema, waħda jew iktar mill-miżuri li ġejjin:

a)

raġunijiet oġġettivi li jiġġustifikaw it-tiġdid ta’ dawn il-kuntratti jew relazzjonijiet;

b)

iż-żmien massimu totali ta’ kuntratti jew relazzjonijiet suċċessivi ta’ impjieg għal terminu fiss;

ċ)

in-numru ta’ tiġdid ta’ dawn il-kuntratti jew relazzjonijiet.

2.

L-Istati Membri wara konsultazzjoni ma’ l-imsieħba soċjali u/jew l-imsieħba soċjali għandhom, meta approprjat, jiddeterminaw taħt liema kondizzjonijiet il-kuntratti jew ir-relazzjonijiet ta’ impjieg għal terminu fiss:

a)

għandhom jitqiesu bħala ‘suċċessivi’;

b)

għandhom jitqiesu bħala kuntratti jew relazzjonijiet għal żmien indefinit.”

9

Il-klawżola 8 tal-istess ftehim qafas, bit-titolu “Dispożizzjonijiet dwar l-implimentazzjoni”, tistabbilixxi:

“1.

L-Istati Membri u/jew l-imsieħba soċjali jistgħu jżommu jew jintroduċu dispożizzjonijiet iktar favorevoli għal ħaddiema milli kif stabbilit f’dan il-ftehim.”

[…]”

Id-dritt Taljan

10

L-Artikolu 22 tal-legge n. 240 – Norme in materia di organizzazione delle università, di personale accademico e reclutamento, nonché delega al Governo per incentivare la qualità e l’efficienza del sistema universitario (il-Liġi Nru 240 li Tistabbilixxi Dispożizzjonijiet dwar l-Organizzazzjoni tal-Universitajiet, il-Persunal Akkademiku u r-Reklutaġġ, kif ukoll is-Setgħa mogħtija lill-Gvern sabiex Jinkoraġġixxi l-Kwalità u l-Effikaċja tas-Sistema Universitarja), tat‑30 ta’ Diċembru 2010 (is-Suppliment Ordinarju tal-GURI Nru 10, tal‑14 ta’ Jannar 2011, iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 240/2010”), intitolat “Sussidji għal riċerka”, jipprovdi:

“It-tul totali tar-relazzjonijiet tax-xogħol konklużi mad-detenturi tas-sussidji previsti f’dan l-artikolu u tal-kuntratti msemmija fl-Artikolu 24, inkluż ma’ universitajiet differenti, pubbliċi, mhux pubbliċi jew virtwali, kif ukoll mal-korpi msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, mal-istess persuna, ma jista’ fl-ebda każ jeċċedi perijodu ta’ tnax-il sena, anki jekk mhux konsekuttivi. Il-perijodi ta’ leave tal-maternità jew assenza għal raġunijiet ta’ saħħa skont ir-regoli fis-seħħ ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kalkolu tat-tul tal-imsemmija relazzjonijiet ta’ xogħol.”

11

L-Artikolu 24 ta’ din il-liġi, intitolat “Riċerkaturi għal żmien determinat”, jipprevedi:

“1.   Skont ir-riżorsi disponibbli għall-finijiet ta’ ppjanar, l-universitajiet jistgħu, għall-attivitajiet tagħhom ta’ riċerka, ta’ tagħlim, ta’ tagħlim supplimentari u ta’ servizzi lill-istudenti, jikkonkludu kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat. Il-kuntratt jiddefinixxi, abbażi tar-regolamenti tal-università, il-modalitajiet ta’ eżerċizzju tal-attivitajiet ta’ tagħlim, ta’ tagħlim supplimentari u ta’ servizzi għall-istudenti kif ukoll attivitajiet ta’ riċerka.

2.   Id-destinatarji għandhom jintgħażlu permezz ta’ proċeduri pubbliċi ta’ selezzjoni organizzati mill-universitajiet permezz ta’ regolament fis-sens tal-Liġi Nru 168, tad‑9 ta’ Mejju 1989, b’osservanza tal-prinċipji stabbiliti mill-Karta Ewropea tar-Riċerkaturi annessa mar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tal‑11 ta’ Marzu 2005 (2005/251/KE) […]

3.   Il-kuntratti għandu jkollhom il-karatteristiċi segwenti:

a)

kuntratti ta’ tul ta’ tliet snin, li jiġġeddu darba waħda biss għal perijodu ta’ sentejn, wara evalwazzjoni pożittiva tal-attivitajiet ta’ tagħlim u ta’ riċerka mwettqa, abbażi ta’ modalitajiet, kriterji u parametri ddefiniti permezz ta’ digriet ministerjali; dawn il-kuntratti jistgħu jiġu konklużi wkoll mal-istess persuna fi stabbilimenti distinti;

b)

kuntratti ta’ tul ta’ tliet snin, irriżervati għall-kandidati li bbenefikaw mill-kuntratti msemmija taħt a), jew li jkunu kisbu l-awtorizzazzjoni xjentifika nazzjonali għall-funzjonijiet ta’ professuri tal-ewwel u tat-tieni kategorija msemmija fl-Artikolu 16 ta’ din il-liġi, jew fil-pussess tat-titolu ta’ speċjalizzazzjoni medika jew li, matul mill-inqas tliet snin anki mhux konsekuttivi, ibbenefikaw minn sussidji għar-riċerka fis-sens tal-Artikolu 51(6) tal-Liġi Nru 449 tas‑27 ta’ Diċembru 1997, minn sussidji ta’ riċerka msemmija fl-Artikolu 22 ta’ din il-liġi jew minn boroż ta’ studju postdottorali msemmija fl-Artikolu 4 tal-Liġi Nru 398 tat‑30 ta’ Novembru 1989, jew kuntratti, għotjiet jew boroż ta’ studju simili f’universitajiet barranin.

[…]

5.   Skont ir-riżorsi disponibbli għall-finijiet ta’ ppjanar, matul it-tielet sena tal-kuntratt imsemmi fil-paragrafu 3(b), l-università għandha tevalwa d-detentur tal-kuntratt li jkun kiseb l-awtorizzazzjoni xjentifika msemmija fl-Artikolu 16 bil-għan li jiġi inkluż fil-lista tal-professuri assoċjati msemmija fl-Artikolu 18(1)(e). Fil-każ ta’ evalwazzjoni pożittiva, fi tmiem il-kuntratt, id-detentur ta’ dan il-kuntratt għandu jitniżżel fil-lista tal-professuri assoċjati. L-evalwazzjoni għandha ssir skont l-istandards ta’ kwalità rrikonoxxuti fuq livell internazzjonali, iddefiniti mir-regolament tal-università fil-kuntest tal-kriterji stabbiliti mid-Digriet tal-Ministru. L-ippjanar imsemmi fl-Artikolu 18(2) għandu jiżgura d-disponibbiltà tar-riżorsi neċessarji fil-każ ta’ evalwazzjoni pożittiva. Il-proċedura għandha tiġi ppubblikata fis-sit tal-università.

6.   Skont ir-riżorsi disponibbli għall-finijiet ta’ ppjanar, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 18(2), b’effett mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi sal‑31 ta’ Diċembru tas-tmien sena sussegwenti, il-proċedura prevista fil-paragrafu 5 tista’ tintuża sabiex jiġu inklużi fil-lista tal-professuri tal-ewwel u tat-tieni kategorija, il-professuri tat-tieni kategorija u r-riċerkaturi rreklutati għal żmien indeterminat fl-istess università li kisbu l-awtorizzazzjoni xjentifika msemmija fl-Artikolu 16. Għal dan il-għan, l-universitajiet jistgħu jużaw mhux iktar minn nofs ir-riżorsi ekwivalenti għal dawk meħtieġa sabiex ikopru l-pożizzjonijiet disponibbli ta’ professuri permanenti. B’effett mid-disa’ sena, l-università tista’ tuża r-riżorsi korrispondenti sa nofs il-pożizzjonijiet disponibbli ta’ professuri permanenti għar-reġistrazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 5.

[…]

8.   It-trattament tad-detenturi tal-kuntratti msemmija fil-paragrafu 3(a) għandu jkun ugwali għat-trattament inizjali tar-riċerkaturi kkonfermati, skont is-sistema ta’ impjieg tagħhom. Fir-rigward tad-detenturi tal-kuntratti msemmija fil-paragrafu 3(b), is-salarju annwali gross globali għandu jkun ugwali għas-salarju inizjali tar-riċerkaturi kkonfermati full-time, u jista’ jiżdied b’massimu ta’ 30 %.

9.   Il-kuntratti msemmija f’dan l-artikolu ma jagħtu lok għal ebda dritt fir-rigward tar-reklutaġġ. L-eżekuzzjoni tal-kuntratt imsemmi fil-punti (a) u (b) tal-paragrafu 3 tagħti titolu ta’ prijorità fil-kompetizzjonijiet ta’ aċċess għall-amministrazzjonijiet pubbliċi.”

12

Il-legge n. 124 – Deleghe al Governo in materia di riorganizzazione delle amministrazioni pubbliche (il-Liġi Nru 124 dwar ir-Riorganizzazzjoni tal-Amministrazzjonijiet Pubbliċi), tas‑7 ta’ Awwissu 2015 (GURI Nru 187, tat‑13 ta’ Awwissu 2015, iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 124/2015”), li tistabbilixxi b’mod partikolari regoli ta’ delega leġiżlattiva dwar ir-riorganizzazzjoni tad-dritt tax-xogħol applikabbli għall-ħaddiema tal-amministrazzjonijiet pubbliċi, tipprovdi, fl-Artikolu 17(1) tagħha:

“Id-digrieti leġiżlattivi għar-riorganizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-impjieg fl-amministrazzjonijiet pubbliċi u l-profili ta’ organizzazzjoni amministrattiva relatati magħha għandhom jiġu adottati, wara konsultazzjoni mas-sindakati l-iktar rappreżentattivi, f’terminu ta’ tmintax-il xahar li jibda jiddekorri mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi, b’osservanza tal-prinċipji u tal-kriterji gwida segwenti, li jiżdiedu ma’ dawk imsemmija fl-Artikolu 16:

a) [l-]implimentazzjoni, fil-proċeduri ta’ kompetizzjonijiet pubbliċi, ta’ mekkaniżmi ta’ evalwazzjoni li jippermettu li tiġi vvalorizzata l-esperjenza professjonali miksuba mill-persuni li kellhom relazzjonijiet ta’ xogħol flessibbli mal-amministrazzjonijiet pubbliċi […]

[…]

o) l-organizzazzjoni ta’ forom ta’ xogħol flessibbli, billi jiġu previsti sitwazzjonijiet limitati u eżawrjenti, ikkaratterizzati mill-kompatibbiltà tagħhom mal-ispeċifiċità tar-relazzjonijiet ta’ xogħol tal-ħaddiema ta’ amministrazzjonijiet pubbliċi kif ukoll mar-rekwiżiti fil-qasam tal-organizzazzjoni u tal-funzjonalità ta’ dawn tal-aħħar sabiex tiġi evitata l-prekarjetà tal-impjieg;

[…]”

13

L-Artikolu 20 tad-decreto legislativo n. 75 – Modifiche e integrazioni al decreto legislativo 30 marzo 2001, no 165, ai sensi degli articoli 16, commi 1, lettera a), e 2, lettere b), c), d) ed e) e 17, comma 1, lettere a), c), e), f), g), h), l) m), n), o), q), r), s) e z), della legge 7 agosto 2015, n. 124, in materia di riorganizzazione delle amministrazioni pubbliche (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 75 li Jistabbilixxi Emendi u Supplimenti għad-Digriet Leġislattiv Nru 165 tat‑30 ta’ Marzu 2001, skont l-Artikolu 16(1)(a), u (2), (b), (c), (d) u (e), u l-Artikolu 17(1)(a), c), e), f), g), h), l), m), n), o), q), r), s) u z), tal-Liġi Nru 124 tas‑7 ta’ Awwissu 2015 dwar ir-Riorganizzazzjoni tal-Amministrazzjonijiet Pubbliċi), tal‑25 ta’ Mejju 2017 (GURI Nru 130, tas‑7 ta’ Ġunju 2017, iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv Nru 75/2017”), intitolat “Ġlieda kontra l-Prekarjetà tal-Impjieg fl-Amministrazzjonijiet Pubbliċi”, jipprovdi:

“1.   Sabiex tiġi miġġielda l-prekarjetà tal-impjieg, jitnaqqas l-użu ta’ kuntratti għal żmien limitat u jiġu vvalorizzati l-kompetenzi professjonali miksuba mill-persunal b’kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat, l-amministrazzjonijiet jistgħu, matul is-snin 2018 sa 2020, b’mod konsistenti mal-pjan triennali tal-bżonnijiet imsemmija fl-Artikolu 6(2) u billi jindikaw il-kopertura finanzjarja, jirreklutaw għal żmien indeterminat persunal mhux maniġerjali li jissodisfa r-rekwiżiti li ġejjin:

a)

ikunu fis-servizz wara d-data tad-dħul fis-seħħ tal-Liġi Nru 124 tal‑2015 b’kuntratti għal żmien determinat mal-amministrazzjoni li għandha twettaq ir-reklutaġġ jew, fil-każ ta’ amministrazzjonijiet komunali li jeżerċitaw funzjonijiet taħt forma assoċjata, ukoll mal-amministrazzjonijiet li s-servizzi tagħhom huma assoċjati;

b)

ikunu ġew irreklutati għal żmien determinat, fir-rigward tal-istess attivitajiet imwettqa, permezz ta’ proċeduri ta’ kompetizzjoni mwettqa, anki ma’ amministrazzjonijiet pubbliċi differenti minn dawk li jwettqu r-reklutaġġ;

c)

ikunu kkompletaw, sal‑31 ta’ Diċembru 2017, fis-servizz tal-amministrazzjoni msemmija fis-subparagrafu (a) li twettaq ir-reklutaġġ, minn tal-inqas tliet snin, anki jekk mhux konsekuttivi, matul l-aħħar tmien snin.

2.   Matul l-istess snin 2018 sa 2020, l-amministrazzjonijiet jistgħu jorganizzaw, b’koerenza mal-pjan triennali tal-bżonnijiet imsemmija fl-Artikolu 6(2), u bla ħsara għall-garanzija ta’ aċċess adegwat minn barra, wara indikazzjoni tal-kopertura finanzjarja, proċeduri ta’ kompetizzjoni rriżervati, sa massimu ta’ 50 fil-mija tal-pożizzjonijiet disponibbli għall-persunal mhux maniġerjali li jissodisfa r-rekwiżiti segwenti:

a)

ikunu fil-pussess, wara d-data tad-dħul fis-seħħ tal-Liġi Nru 124 tal-2015, ta’ kuntratt ta’ xogħol flessibbli mal-amministrazzjoni li torganizza l-kompetizzjoni;

b)

ikunu kkompletaw, sal-31 ta’ Diċembru 2017, minn tal-inqas tliet snin ta’ kuntratt, anki jekk mhux konsekuttivi, matul l-aħħar tmien snin fis-servizz tal-amministrazzjoni li torganizza l-kompetizzjoni.

[…]

8.   L-amministrazzjonijiet jistgħu jestendu r-relazzjonijiet ta’ xogħol flessibbli mal-persuni li jipparteċipaw fil-proċeduri msemmija fil-paragrafi 1 u 2 sakemm dawn jitlestew, fil-limiti tar-riżorsi disponibbli fis-sens tal-Artikolu 9(28) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 78, tal-31 ta’ Mejju 2010, ikkonvertit b’emendi bil-Liġi Nru 122 tat‑30 ta’ Lulju 2010.

9.   Dan l-artikolu ma japplikax għar-reklutaġġ ta’ għalliema u ta’ persunal amministrattiv, tekniku u awżiljarju (ATA) tal-iskejjel statali u ta’ stabbilimenti tal-edukazzjoni. […] Dan l-artikolu lanqas ma japplika għall-kuntratti ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ persunal lil awtoritajiet pubbliċi.”

14

L-Artikolu 5(4a) tad-decreto legislativo no 368 – Attuazione della direttiva 1999/70/CE relativa all’accordo quadro sul lavoro a tempo determinato concluso dall’UNICE, dal CEEP e dal CES (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 368, li jirrigwarda t-Traspożizzjoni tad-Direttiva 1999/70/KE dwar il-Ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP), tas‑6 ta’ Settembru 2001 (GURI Nru 235, tad‑9 ta’ Ottubru 2001, iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv Nru 368/2001”), li ttraspona d-Direttiva 1999/70 fl-ordinament ġuridiku Taljan, kien jipprovdi:

“Bla ħsara għas-sistema tal-kuntratti suċċessivi kif prevista fil-paragrafi preċedenti, meta, b’riżultat ta’ kuntratti suċċessivi għal żmien determinat għall-eżerċizzju ta’ funzjonijiet ekwivalenti, ir-relazzjoni ta’ xogħol bejn l-istess persuna li timpjega u l-istess impjegat teċċedi, globalment, il-perijodu ta’ sitta u tletin xahar, inklużi l-prorogi u t-tiġdid, indipendentement mill-perijodi ta’ interruzzjoni bejn il-kuntratti, ir-relazzjoni ta’ xogħol titqies li hija ta’ żmien indeterminat skont il-paragrafu 2 […]”

15

Din id-dispożizzjoni ġiet riprodotta, essenzjalment, u nżammet fis-seħħ permezz tal-Artikolu 19 tad-decreto legislativo n. 81 – Disciplina organica dei contratti di lavoro e revisione della normativa in tema di mansioni, a norma dell’articolo 1, comma 7, della legge 10 dicembre 2014, n. 183 (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 81 fuq ir-Regolament Sistematiku tal-Kuntratti ta’ Xogħol u Reviżjoni tal-Leġiżlazzjoni dwar l-Obbligi Professjonali, skont l-Artikolu 1(7) tal-Liġi Nru 183 tal‑10 ta’ Diċembru 2014), tal‑15 ta’ Ġunju 2015 (is-Suppliment Ordinarju għall-GURI Nru 144, tal-24 ta’ Ġunju 2015, iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv Nru 81/2015”), intitolat “Iffissar tat-terminu u tul massimu”, fis-seħħ mill‑25 ta’ Ġunju 2015. Skont din id-dispożizzjoni, ladarba jiskadi l-limitu ta’ 36 xahar, kemm jekk ikun kuntratt uniku kif ukoll kuntratti suċċessivi konklużi għall-eżerċizzju ta’ funzjonijiet tal-istess livell u tal-istess status legali, “il-kuntratt għandu jiġi ttrasformat f’kuntratt għal żmien indeterminat b’effett mid-data ta’ din l-iskadenza”.

16

Madankollu, skont l-Artikolu 10(4)a tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 368/2001, l-Artikolu 5(4)(a) ta’ dan id-Digriet Leġiżlattiv ma japplikax f’ċerti każijiet. Il-kuntratti inkwistjoni fil-kawża prinċipali jaqgħu taħt dawn il-każijiet, skont l-Artikolu 29(2)(d) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 81/2015, peress li din id-dispożizzjoni tipprevedi espressament, fost l-esklużjonijiet mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 5(4)(a) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 368/2001, il-kuntratti għal żmien determinat konklużi skont il-Liġi Nru 240/2010.

17

Barra minn hekk, l-Artikolu 29(4) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 81/2015 jipprovdi li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 36 tad-decreto legislativo n. 165 – Norme generali sull’ordinamento del lavoro alle dipendenze delle amministrazioni pubbliche (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 165 li jirrigwarda r-Regoli Ġenerali dwar l-Organizzazzjoni tax-Xogħol fl-Amministrazzjonijiet Pubbliċi), tat‑30 ta’ Marzu 2001 (is-Suppliment Ordinarju għall-GURI Nru 106, tad‑9 ta’ Mejju 2001, iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv Nru 165/2001”) jibqgħu l-istess.

18

L-Artikolu 36 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 165/2001, kif emendat bid-Digriet Leġiżlattiv Nru 75/2017, intitolat “Persunal b’kuntratt għal żmien determinat jew impjegat fil-kuntest ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol flessibbli”, jipprovdi:

“1.   Għar-rekwiżiti marbuta mal-bżonnijiet ordinarji tagħhom, l-amministrazzjonijiet pubbliċi għandhom jirreklutaw esklużivament permezz ta’ kuntratti ta’ impjieg għal żmien indeterminat […].

[…]

5.   Fi kwalunkwe każ, il-ksur ta’ dispożizzjonijiet imperattivi fil-qasam tar-reklutaġġ jew tal-impjieg ta’ ħaddiema mill-amministrazzjonijiet pubbliċi ma jistax iwassal għall-istabbiliment ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien indeterminat ma’ dawn l-amministrazzjonijiet pubbliċi, bla ħsara għar-responsabbiltà u għas-sanzjonijiet li dawn jistgħu jinkorru. Il-ħaddiem ikkonċernat għandu dritt għall-kumpens għad-dannu li jirriżulta mix-xogħol imwettaq bi ksur ta’ dispożizzjonijiet mandatorji.”

[…]

5 c.   Il-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat stabbiliti bi ksur ta’ dan l-artikolu huma nulli u jimplikaw ir-responsabbiltà tal-amministrazzjoni. Id-diriġenti li jaġixxu bi ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-artikolu huma wkoll responsabbli, fis-sens tal-Artikolu 21. Ebda bonus ta’ prestazzjoni ma għandu jingħata lil diriġenti li jkunu wettqu irregolaritajiet fl-użu tax-xogħol flessibbli”.

Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

19

Ir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali C‑40/20 u C‑173/20 it-tnejn ikkonkludew mal-Università ta’ Perugia kuntratt ta’ riċerkatur għal perijodu ta’ tliet snin skont l-Artikolu 24(3)(a) tal-Liġi Nru 240/2010. Huma bbenefikaw minn estensjoni tal-kuntratt tagħhom għal perijodu ta’ sentejn.

20

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li kienu diġà fis-servizz fil-mument tad-dħul fis-seħħ tal-Liġi Nru 124/2015, talbu lill-Università ta’ Perugia, billi invokaw l-Artikolu 20(1) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 75/2017, timplementa l-proċedura ta’ reklutaġġ għall-finijiet tal-ingaġġ tagħhom għal żmien indeterminat.

21

L-Università ta’ Perugia ċaħdet dawn it-talbiet permezz ta’ noti tal‑11 u tad‑19 ta’ April 2018, minħabba li, skont iċ-ċirkolari Nru 3 tat‑23 ta’ Novembru 2017 tal-Presidenza tal-Kunsill tal-Ministri, dwar l-istabbilizzazzjoni tal-impjieg prekarju fl-amministrazzjonijiet pubbliċi (iktar ’il quddiem iċ-“ċirkolari Nru 3/2017”), il-leġiżlazzjoni li tinsab fl-Artikolu 20 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 75/2017 ma kienet tbiddel bl-ebda mod ir-relazzjoni ta’ xogħol tal-għalliema u tar-riċerkaturi universitarji li l-kuntratt tagħhom ma kienx suġġett għall-proċeduri ta’ stabbilizzazzjoni ta’ impjiegi prekarji.

22

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentaw rikorsi quddiem it-Tribunale amministrativo regionale per l’Umbria (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali għall-Umbria, l-Italja) sabiex jikkontestaw dawn id-deċiżjonijiet kif ukoll iċ-ċirkolari Nru 3/2017. Huma sostnew, b’mod partikolari, li l-Artikolu 20 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 75/2017 ma kienx jeskludi r-riċerkaturi universitarji b’kuntratt għal żmien determinat mill-proċedura ta’ stabbilizzazzjoni tal-impjiegi prekarji, għaliex, fil-każ kuntrarju, din id-dispożizzjoni għandha titqies li hija antikostituzzjonali u li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni, b’mod iktar partikolari l-ftehim qafas.

23

Wara li għaqqdet mal-mertu r-rikorsi ppreżentati mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, rispettivament fil-Kawża C‑40/20 u fil-Kawża C‑173/20, it-Tribunale amministrativo regionale per l’Umbria (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali għall-Umbria) ċaħdet l-imsemmija rikorsi għar-raġuni li l-proċedura msemmija fl-Artikolu 20(1) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 75/2017 kienet tikkostitwixxi, anki fid-dawl tal-opinjoni tal-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja) tal‑11 ta’ April 2017, eċċezzjoni rilevanti għall-prinċipju ta’ kompetizzjoni pubblika, li n-natura mandatorja tagħha kienet dejjem ġiet sanċita mill-Corte costituzionale (il-Qorti Kostituzzjonali, l-Italja) u mill-ġurisprudenza soċjali u amministrattiva. Din il-proċedura għandha għalhekk tiġi analizzata bħala dispożittiv eċċezzjonali, sal-punt li hija suġġetta mhux biss għall-prinċipji ta’ raġonevolezza u ta’ proporzjonalità, iżda wkoll għal-limiti ta’ programmazzjoni u ta’ finanzjament applikabbli għas-servizz pubbliku kollu.

24

Fi kwalunkwe każ, anki jekk ir-riċerkaturi universitarji li kkonkludew kuntratt għal żmien determinat ma humiex espressament esklużi mid-destinatarji tiegħu, l-imsemmija proċedura ma tapplikax għal din il-kategorija ta’ ħaddiema li r-relazzjonijiet tagħhom huma rregolati mir-regoli speċifiċi għall-università u għar-riċerka xjentifika.

25

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali appellaw quddiem il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat).

26

Din il-qorti tqis li s-soluzzjoni li għandha tingħata għall-kawżi prinċipali tippreżumi qabelxejn li tiġi deċiża l-kwistjoni tal-kompatibbiltà tas-sistema ta’ reklutaġġ tar-riċerkaturi universitarji mad-dritt tal-Unjoni.

27

F’dan ir-rigward, l-imsemmija qorti tfakkar, preliminarjament, li l-għan essenzjali tal-Ftehim qafas u tal-mekkaniżmi ta’ protezzjoni previsti minnu huwa li jeskludi mhux il-kuntratt għal żmien determinat, iżda l-użu abbużiv ta’ dan l-istrument. Barra minn hekk, hija tesprimi riżervi fir-rigward ta’ applikazzjoni awtomatika ta’ dawn il-mekkaniżmi fl-oqsma tal-amministrazzjoni pubblika inġenerali u tar-riċerka xjentifika b’mod partikolari, peress li dawn l-oqsma huma rregolati fl-ordinament ġuridiku nazzjonali fuq il-bażi ta’ prinċipji kostituzzjonali.

28

Il-qorti tar-rinviju tenfasizza li, fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari tar-riċerka xjentifika universitarja, relazzjoni ta’ xogħol għal żmien determinat, anki jekk hija konsekuttiva jew qrib ta’ relazzjoni preċedenti bejn l-istess partijiet, li hija marbuta b’mod ġenerali mal-kwistjonijiet ta’ riċerka xjentifika, jew saħansitra li testendi lil hinn mit-tul massimu previst fl-Artikolu 19(1) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 81/2015, ma hijiex neċessarjament is-sempliċi estensjoni moħbija u abbużiva tal-ewwel relazzjoni ta’ xogħol.

29

B’hekk, ir-reklutaġġ tal-persunal assenjat għar-riċerka xjentifika universitarja abbażi ta’ kuntratti għal żmien determinat huwa ġġustifikat oġġettivament mill-impreveddibbiltà a priori tan-natura u tan-numru ta’ assi ta’ riċerka li jistgħu jiġu implimentati, kif ukoll tat-tip, tat-tul u tal-kontenut ta’ din l-attività ta’ tagħlim. Fiż-żewġ każijiet, il-bżonnijiet huma fil-fatt temporanji u mhux permanenti, u jagħmlu parti minn perijodi ta’ żmien li ma humiex neċessarjament magħluqa jew li jistgħu jestendu fuq perijodu daqshekk twil.

30

Madankollu, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-possibbiltà ta’ nuqqas ta’ konformità tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali mad-dritt tal-Unjoni.

31

Preliminarjament, hija tqis li ż-żamma taż-żewġ statuti ta’ riċerkaturi b’kuntratt għal żmien determinat imsemmija fl-Artikolu 24(3) tal-Liġi Nru 240/2010 tista’ tikkunfliġġi mal-Klawżola 5(1) tal-Ftehim qafas. Fil-fatt, il-kriterji “oġġettivi u trasparenti” meħtieġa minnha ma jinsabux fl-Artikolu 24(1) ta’ din il-liġi, li jeżiġi sempliċement li l-kuntratt għal żmien determinat ikun kompatibbli mar-“riżorsi disponibbli għall-finijiet tal-ippjanar”. Madankollu, mill-ġurisprudenza, u b’mod partikolari, mis-sentenza tas‑26 ta’ Novembru 2014, Mascolo et (C‑22/13, C‑61/13 sa C‑63/13 u C‑418/13, EU:C:2014:2401), jirriżulta li, għalkemm kunsiderazzjonijiet baġitarji intiżi li jirrifjutaw iż-żamma tal-impjieg jistgħu jkunu l-bażi tal-għażliet ta’ politika soċjali ta’ Stat Membru u jinfluwenzaw in-natura jew il-portata tal-miżuri li huwa jixtieq jadotta, dawn madankollu ma jikkostitwixxux fihom innifishom għan imfittex minn din il-politika u, għaldaqstant, ma jistgħux jiġġustifikaw l-assenza ta’ kull miżura preventiva tal-użu ta’ kuntratti ta’ xogħol suċċessivi, fis-sens tal-punt 1 ta’ dan il-ftehim qafas.

32

Barra minn hekk, il-fatt li t-tiġdid eventwali għal sentejn jiġi suġġett għal sempliċi “evalwazzjoni pożittiva tal-attivitajiet ta’ tagħlim u riċerka mwettqa” ma jistax jitqies li jissodisfa r-rekwiżit li l-università tiddefinixxi u tapplika kriterji oġġettivi u trasparenti għall-finijiet li jiġi vverifikat jekk it-tiġdid ta’ tali kuntratti jissodisfax effettivament bżonn veru u jekk huwiex ta’ natura li jilħaq l-għan imfittex.

33

Fl-aħħar, il-ksur tal-prinċipji tad-dritt tal-Unjoni li jirriżulta mill-konklużjoni tal-ewwel kuntratt għal żmien determinat jaffettwa wkoll it-tiġdid ta’ dan il-kuntratt.

34

Għaldaqstant, l-Artikolu 24(3) tal-Liġi Nru 240/2010 jista’ jinkludi riskju reali ta’ użu abbużiv tal-kuntratti għal żmien determinat u, jekk dan ikun il-każ, ma jkunx kompatibbli mal-għan u mal-effett utli tal-Ftehim qafas.

35

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti, li huma komuni għall-Kawżi C‑40/20 u C‑173/20:

“1)

Il-klawżola 5 tal-[Ftehim qafas], intitolata ‘Miżuri għal prevenzjoni ta’ l-abbuż’, moqrija flimkien mal-premessi 6 u 7 [tad-Direttiva 1999/70], u mal-klawżola 4 tal-imsemmi ftehim (‘Il-prinċipju ta’ non‑diskriminazzjoni’), kif ukoll fid-dawl tal-prinċipji ta’ ekwivalenza, ta’ effettività u ta’ effett utli tad-dritt [tal-Unjoni] tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, b’mod partikolari l-Artikolu 24(3)(a) u l-Artikolu 22(9) tal-Liġi 240/2010, li tippermetti lill-universitajiet jagħmlu użu, mingħajr limitu kwantitattiv, minn kuntratti ta’ riċerkaturi għal żmien determinat għal tul ta’ żmien ta’ tliet snin, li jistgħu jiġu estiżi b’sentejn, mingħajr ma tissuġġetta l-konklużjoni tagħhom u lanqas l-estensjoni tagħhom għal raġunijiet oġġettivi marbuta mal-eżistenza ta’ bżonnijiet temporanji jew eċċezzjonali tal-universitajiet li jagħmlu użu minnhom, u li tipprevedi, bħala l-uniku limitu għar-relazzjonijiet multipli għal żmien determinat mal-istess persuna, li t-tul ta’ żmien ma jaqbiżx tnax‑il sena, anki jekk ma jkunux konsekuttivi?

2)

Il-klawżola 5 iċċitata hawn fuq tal-Ftehim qafas, moqrija flimkien mal-premessi 6 u 7 tad-Direttiva [1999/70] u mal-klawżola 4 iċċitata hawn fuq tal-imsemmi ftehim, kif ukoll fid-dawl tal-effett utli tad-dritt [tal-Unjoni], tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali (b’mod partikolari l-Artikoli 24 u 29(1) tal-Liġi 240/2010), li tippermetti lill-universitajiet jirreklutaw esklużivament riċerkaturi għal żmien determinat, mingħajr ma tissuġġetta d-deċiżjoni marbuta ma’ dan ir-reklutaġġ għall-eżistenza ta’ bżonnijiet temporanji jew eċċezzjonali u mingħajr ma tiffissa limiti għal din il-prattika, bl-użu potenzjalment mingħajr limitu ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi, għall-bżonnijiet ordinarji ta’ dawn l-universitajiet fil-qasam tat-tagħlim u tar-riċerka?

3)

Il-klawżola 4 tal-istess Ftehim qafas tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħall-Artikolu 20(1) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 75/2017 (kif interpretat miċ-Ċirkulari [Nru 3/2017]), li, filwaqt li tirrikonoxxi l-possibbiltà li jiġi stabbilizzat l-impjieg tar-riċerkaturi taħt kuntratt għal żmien determinat tal-organi pubbliċi ta’ riċerka – bil-kundizzjoni, madankollu, li huma jkunu kkompletaw tliet snin ta’ servizz fil-31 ta’ Diċembru 2017 -, tirrifjuta din il-possibbiltà lir-riċerkaturi universitarji taħt kuntratt għal żmien determinat għas-sempliċi raġuni li l-Artikolu 22(16) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 75/2017 jissuġġetta r-relazzjoni ta’ xogħol tagħhom, li minkejja dan hija bbażata ex lege fuq kuntratt ta’ xogħol b’salarju, għas-“sistema tad-dritt pubbliku”, filwaqt li l-Artikolu 22(9) tal-Liġi 240/2010 japplika għar-riċerkaturi tal-organi ta’ riċerka u tal-universitajiet l-istess regola ta’ tul ta’ żmien massimu awtorizzata għar-relazzjonijiet għal żmien determinat konklużi, fil-forma tal-kuntratti msemmija fl-Artikolu 24 [ta’ din il-liġi] jew fil-forma ta’ għotjiet għar-riċerka msemmija fl-Artikolu 22 [tagħha], mal-universitajiet u mal-organi ta’ riċerka?

4)

Il-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività kif ukoll il-prinċipju ta’ effett utli tad-dritt tal-Unjoni, fir-rigward tal-Ftehim qafas iċċitat hawn fuq, u l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni li jinsab fil-klawżola 4 tiegħu, jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali (l-Artikolu 24(3)(a) tal-Liġi 240/2010 u l-Artikolu 29(2)(d) u (4) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 81/2015) li, minkejja li hija leġiżlazzjoni applikabbli għall-ħaddiema pubbliċi u privati kollha, inkluża l-iktar reċentement fl-imsemmi Digriet Nru 81[/2015], u li tistabbilixxi (mill-2018) it-tul ta’ żmien massimu ta’ relazzjoni għal żmien determinat għal 24 xahar (inklużi l-estensjonijiet u t-tiġdid) u li tissuġġetta l-użu ta’ dan it-tip ta’ relazzjonijiet mal-impjegati tal-amministrazzjoni pubblika għall-eżistenza ta’ ‘bżonnijiet temporanji u eċċezzjonali’, tippermetti lil università tirrekluta riċerkaturi fil-kuntest ta’ kuntratt għal żmien determinat ta’ tliet snin, li jista’ jiġi estiż b’sentejn fil-każ ta’ evalwazzjoni pożittiva tal-attivitajiet ta’ riċerka u ta’ tagħlim imwettqa matul il-perijodu ta’ tliet snin, mingħajr ma tissuġġetta l-konklużjoni tal-ewwel kuntratt u lanqas l-estensjoni tiegħu għal tali bżonnijiet temporanji jew eċċezzjonali tal-università, u li tippermettilha saħansitra, fi tmiem il-perijodu ta’ ħames snin, li tikkonkludi mal-istess persuna jew ma’ persuni oħra kuntratt ieħor għal żmien determinat tal-istess tip, sabiex jiġu ssodisfatti l-istess bżonnijiet ta’ tagħlim u ta’ riċerka bħal dawk marbuta mal-kuntratt preċedenti?

5)

Il-klawżola 5 tal-Ftehim qafas iċċitat hawn fuq tipprekludi, b’mod partikolari fid-dawl tal-prinċipji ta’ effettività u ta’ ekwivalenza u tal-klawżola 4 iċċitata hawn fuq, li leġiżlazzjoni nazzjonali (l-Artikolu 29(2)(d) u (4) tad-Digriet Leġiżlattiv 81/2015, u l-Artikolu 36(2) u (5) tad-Digriet Leġiżlattiv 165/2001) tipprojbixxi lir-riċerkaturi universitarji rreklutati abbażi ta’ kuntratti għal żmien determinat ta’ tliet snin, u li jistgħu jiġu estiżi b’sentejn (skont l-Artikolu 24(3)(a) tal-Liġi 240/2010), milli jistabbilixxu sussegwentement relazzjoni ta’ xogħol għal żmien indeterminat, peress li ma jeżistux, fl-ordinament ġuridiku Taljan, miżuri oħra li huma xierqa sabiex jipprevjenu u jissanzjonaw l-abbużi li jirriżultaw mill-użu minn kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi min-naħa tal-universitajiet?”

36

Fit‑23 ta’ April 2020, il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat), fil-kuntest tal-Kawża C‑40/20, għamel is-sitt domanda preliminari fformulata kif ġej:

“6)

Il-klawżola 4 tal-[Ftehim qafas], intitolata ‘Il-prinċipju ta’ non‑diskriminazzjoni’, moqrija flimkien mal-Artikoli 20 u 21 tal-[Karta] kif ukoll fid-dawl tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, b’mod partikolari dik li hemm riferiment għaliha fl-[Artikolu] 24(5) u (6) tal-Liġi 240/2010, li tirrikonoxxi lil riċerkaturi b’kuntratt għal żmien determinat msemmija fl-Artikolu 24(3)(b), li jkunu kisbu l-awtorizzazzjoni xjentifika nazzjonali msemmija fl-Artikolu 16 tal-istess liġi, u lil riċerkaturi b’kuntratt għal żmien indeterminat, li wkoll huma detenturi tal-imsemmija awtorizzazzjoni rispettivament id-dritt u l-possibbiltà (implimentata permezz ta’ riżorsi speċifiċi) li jkunu suġġetti – tal-ewwel għat-tul tal-kuntratt, u tat-tieni sal‑31 ta’ Diċembru 2021 – għal proċedura ta’ evalwazzjoni speċifika għall-finijiet tal-inklużjoni fuq il-lista ta’ professuri assoċjati, filwaqt li ebda dritt jew possibbiltà analogi ma huma rrikonoxxuti lir-riċerkaturi b’kuntratt għal żmien determinat imsemmija fl-Artikolu 24(3)(a), detenturi tal-awtorizzazzjoni xjentifika nazzjonali, minkejja li huma ħaddiema li huma kollha intiżi, mingħajr distinzjoni, li jeżerċitaw l-istess funzjonijiet?”

37

B’deċiżjoni tas‑27 ta’ April 2020, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja għaqqad il-Kawżi C‑40/20 u C‑173/20 għall-finijiet tal-proċeduri bil-miktub u orali kif ukoll tas-sentenza.

Fuq id-domandi preliminari

Osservazzjonijiet preliminari

38

Fil-kuntest tal-ewwel, tar-raba’, tal-ħames u tas-sitt domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-konformità ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali, b’mod partikolari, mal-prinċipji ta’ effettività u ta’ ekwivalenza. Madankollu, peress li dawn id-dispożizzjonijiet nazzjonali jipprevedu rekwiżiti sostantivi u mhux modalitajiet proċedurali, dawn il-prinċipji ma humiex rilevanti sabiex tingħata risposta għall-imsemmija domandi. Fil-fatt, dawn il-prinċipji japplikaw biss fil-kuntest tas-salvagwardja tad-drittijiet li l-individwi jgawdu bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni u, konsegwentement, ma jikkonċernawx il-portata materjali ta’ dawn id-drittijiet, iżda biss il-modalitajiet proċedurali ta’ eżerċizzju tagħhom, peress li l-imsemmija modalitajiet huma rregolati mid-dritt nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-30 ta’ Ġunju 2016, Câmpean, C‑200/14, EU:C:2016:494, punti 46 u 47).

Fuq l‑ewwel parti tal-ewwel domanda u fuq it‑tieni domanda

39

Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel domanda u tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-klawżola 5 tal-Ftehim qafas tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti lill-universitajiet jikkonkludu mar-riċerkaturi b’kuntratti għal żmien determinat ta’ tliet snin, li jistgħu jiġu estiżi għal mhux iktar minn sentejn, mingħajr ma jissuġġettaw la l-konklużjoni u lanqas l-estensjoni tagħhom għal raġunijiet oġġettivi marbuta mal-eżistenza ta’ bżonnijiet temporali jew eċċezzjonali.

40

Għandu jitfakkar li l-Artikolu 24(3) tal-Liġi Nru 240/2010 jipprevedi żewġ tipi ta’ kuntratti għar-riċerkaturi universitarji, u b’hekk jissostitwixxi l-leġiżlazzjoni preċedenti li kienet tat lil dawn il-persuni pożizzjoni permanenti wara li jkunu għaddew minn perijodu inizjali ta’ prova ta’ tliet snin, jiġifieri l-kuntratti msemmija fil-punt (a) ta’ din id-dispożizzjoni (iktar ’il quddiem il-“kuntratti tat-tip A”) u l-kuntratti msemmija fil-punt (b) tagħha (iktar ’il quddiem il-“kuntratt tat-tip B”), liema żewġ tipi ta’ kuntratti huma konklużi għal tliet snin.

41

Għalkemm huwa minnu li l-proċedura ta’ selezzjoni twassal, għaż-żewġ kategoriji ta’ riċerkaturi universitarji, għall-konklużjoni ta’ kuntratt għal żmien determinat ta’ tliet snin, mit-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li jeżistu differenzi bejn l-imsemmija tipi ta’ kuntratti.

42

Fil-fatt, il-konklużjoni ta’ kuntratt tat-tip A tiddependi mill-eżistenza ta’ riżorsi disponibbli sabiex jitwettqu attivitajiet ta’ riċerka, ta’ tagħlim, ta’ tagħlim supplimentari u ta’ servizzi lill-istudenti. Kuntratt bħal dan jista’ jiġi estiż darba biss għal perijodu ta’ sentejn, wara evalwazzjoni pożittiva tal-attività xjentifika mwettqa mill-persuna kkonċernata. Min-naħa l-oħra, kuntratt tat-tip B ma jistax jiġi estiż, iżda r-riċerkatur ikkonċernat għandu l-possibbiltà, fi tmiem dan il-perijodu u skont ir-riżultat ta’ evalwazzjoni xierqa, li jiġi propost pożizzjoni ta’ professur assoċjat, peress li din il-pożizzjoni taqa’ taħt kuntratt għal żmien indeterminat.

43

Il-kundizzjonijiet ta’ aċċess għaż-żewġ tipi ta’ dawn il-kuntratti huma wkoll differenti. Għall-kuntratti tat-tip A, huwa biżżejjed li wieħed ikollu dottorat, kwalifika universitarja ekwivalenti jew diploma ta’ speċjalizzazzjoni medika. Għall-kuntrarju, għall-kuntratti tat-tip B, huwa neċessarju li wieħed ikun ħadem bħala riċerkatur skont l-Artikolu 24(3)(a) tal-Liġi Nru 240/2010, li jkun kiseb l-awtorizzazzjoni bħala professur tal-ewwel jew tat-tieni klassi, li jkun temm perijodu ta’ taħriġ mediku jew anki li jkun għadda minn tal-inqas tliet snin f’universitajiet differenti filwaqt li jkun ibbenefika minn sussidji ta’ riċerka jew minn boroż ta’ studju.

44

Għaldaqstant, il-fatt li ġie konkluż kuntratt tat-tip A jippermetti l-aċċess għal kuntratt tat-tip B. Riċerkatur universitarju jista’ għalhekk ikompli l-karriera akkademika tiegħu billi jgħaddi minn kuntratt tat-tip A għal kuntratt tat-tip B, li sussegwentement jagħtih il-possibbiltà li jinħatar professur assoċjat. Tali ħatra tiddependi, madankollu, mir-riżultat ta’ evalwazzjoni xierqa u għalhekk ma hijiex awtomatika.

45

Minn dan jirriżulta li d-differenza bejn iż-żewġ kategoriji ta’ riċerkaturi universitarji tinsab, l-ewwel, fid-diversi kundizzjonijiet ta’ ammissjoni distinti għall-konklużjoni ta’ kuntratt, u, sussegwentement, fil-fatt li r-riċerkaturi li jibbenefikaw minn kuntratt tat-tip A ma għandhomx aċċess dirett, fil-kuntest tal-karriera tagħhom, għall-pożizzjoni ta’ professur assoċjat, filwaqt li dawk li jibbenefikaw minn kuntratt tat-tip B għandhom aċċess dirett għalih.

46

F’dan il-każ, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ġew irreklutati bħala kandidati ta’ proċedura ta’ selezzjoni organizzata skont l-Artikolu 24 tal-Liġi Nru 240/2010 u għalhekk wara evalwazzjoni pożittiva, kif meħtieġ mill-paragrafu 3(a) ta’ dan l-artikolu, u billi jittieħdu inkunsiderazzjoni r-“riżorsi disponibbli għall-ippjanar, bil-għan li titwettaq attività ta’ riċerka, ta’ tagħlim, ta’ tagħlim mhux kurrikulari u ta’ servizz lill-istudenti”, kif jeżiġi l-paragrafu 3(a) ta’ dan l-artikolu.

47

Hemm lok li jitfakkar li, skont il-klawżola 1 tal-Ftehim qafas, l-għan tiegħu huwa, minn naħa, li jtejjeb il-kwalità tax-xogħol għal żmien determinat billi jiżgura l-osservanza tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni u, min-naħa l-oħra, li jistabbilixxi qafas sabiex jiġi evitat l-abbuż li jirriżulta mill-użu ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat.

48

Għal dan il-għan, sabiex jiġi evitat l-abbuż eventwali li jirriżulta mill-użu ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat, il-klawżola 5 tal-Ftehim qafas tistabbilixxi, fil-punt 1 tagħha, il-miżuri li għandhom jiġu introdotti mill-Istati Membri meta ma jkunux jeżistu miżuri legali ekwivalenti intiżi li jipprevjenu l-abbużi.

49

Mill-formulazzjoni ta’ din il-klawżola 5 jirriżulta li din tapplika biss għal kuntratti jew għal relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi, b’tali mod li kuntratt li huwa l-ewwel jew l-uniku kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat ma jaqax taħt il-punt 1 tal-imsemmija klawżola. Għalhekk, il-Ftehim qafas ma jimponix fuq l-Istati Membri l-obbligu li jadottaw miżura li teżiġi li kull l-ewwel jew uniku kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat ikun iġġustifikat minn raġuni oġġettiva (sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2021, Ministero dell’Istruzione, dell’Università e della Ricerca ‐ MIUR et (Riċerkaturi universitarji), C‑326/19, EU:C:2021:438, punt 52 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

50

Għaldaqstant, il-konklużjoni ta’ kuntratt għal żmien determinat, bħall-kuntratt tat-tip A, ma taqax, bħala tali, taħt il-klawżola 5(1) tal-Ftehim qafas u għalhekk ma tidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

51

Min-naħa l-oħra, din id-dispożizzjoni hija applikabbli meta kuntratt tat-tip A jiġi estiż għal perijodu massimu ta’ sentejn, kif previst fl-Artikolu 24(3)(a) tal-Liġi Nru 240/2010, peress li, f’dan il-każ, dawn huma żewġ kuntratti għal żmien determinat suċċessivi.

52

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-għan tal-klawżola 5(1) tal-Ftehim qafas huwa li timplimenta wieħed mill-għanijiet imfittxija mill-imsemmi Ftehim qafas, jiġifieri li jiġi rregolat l-użu suċċessiv ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat, meqjus bħala sors potenzjali ta’ abbuż għad-detriment tal-ħaddiema, billi jiġu pprovduti numru ta’ dispożizzjonijiet minimi ta’ protezzjoni intiżi li jiġi evitat li s-sitwazzjoni tal-impjegati ssir iktar prekarja (sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2021, Ministero dell’Istruzione, dell’Università e della Ricerca ‐ MIUR et (Riċerkaturi universitarji), C‑326/19, EU:C:2021:438, punt 55 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

53

Għaldaqstant, il-punt 1 tal-klawżola 5 tal-Ftehim qafas jobbliga lill-Istati Membri, bil-għan ta’ prevenzjoni tal-użu abbużiv ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet tax-xogħol suċċessivi għal żmien determinat, bl-adozzjoni effettiva u vinkolanti ta’ mill-inqas waħda mill-miżuri elenkati f’din il-klawżola, fil-każ fejn id-dritt intern tagħhom ma jinkludix miżuri legali ekwivalenti. Il-miżuri hekk elenkati fil-punt 1(a) sa (ċ) ta’ din il-klawżola, li huma tlieta, jirrigwardaw, rispettivament, raġunijiet oġġettivi li jiġġustifikaw it-tiġdid ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat, it-tul massimu totali ta’ dawn il-kuntratti jew ta’ dawn ir-relazzjonijiet ta’ impjieg suċċessivi u n-numru ta’ prorogi tagħhom (sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2021, Ministero dell’Istruzione, dell’Università e della Ricerca ‐ MIUR et (Riċerkaturi universitarji), C‑326/19, EU:C:2021:438, punt 56 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

54

L-Istati Membri għandhom, f’dan ir-rigward, marġni ta’ diskrezzjoni, peress li għandhom l-għażla li jużaw waħda jew iktar mill-miżuri stabbiliti fil-punt 1(a) sa (ċ) tal-klawżola 5 tal-Ftehim qafas jew miżuri legali eżistenti ekwivalenti, u dan filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-bżonnijiet ta’ setturi speċifiċi u/jew ta’ kategoriji ta’ ħaddiema (sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2021, Ministero dell’Istruzione, dell’Università e della Ricerca ‐ MIUR et (Riċerkaturi universitarji), C‑326/19, EU:C:2021:438, punt 57 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

55

B’dan il-mod, il-punt 1 tal-klawżola 5 tal-Ftehim qafas jassenja lill-Istati Membri għan ġenerali, li jikkonsisti fil-prevenzjoni ta’ tali abbuż, filwaqt li jħallilhom l-għażla tal-mezzi sabiex jilħqu dan l-għan, sa fejn ma jikkompromettux l-għan jew l-effett utli ta’ dan il-ftehim qafas (sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2021, Ministero dell’Istruzione, dell’Università e della Ricerca ‐ MIUR et (Riċerkaturi universitarji), C‑326/19, EU:C:2021:438, punt 58 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

56

F’dan il-każ, l-Artikolu 24(3)(a) tal-Liġi Nru 240/2010 jistabbilixxi limitu fir-rigward mhux biss it-tul massimu tal-kuntratti tat-tip A, bħal dawk konklużi mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, iżda wkoll in-numru possibbli ta’ tiġdid ta’ dawn il-kuntratti. B’mod iktar preċiż, fir-rigward tal-kuntratt tat-tip A, din il-liġi tiffissa t-tul massimu tal-kuntratt għal tliet snin u tawtorizza biss estensjoni waħda li hija limitata għal perijodu ta’ sentejn.

57

Għaldaqstant, l-Artikolu 24(3)(a) tal-Liġi Nru 240/2010 jinkludi tnejn mill-miżuri indikati fil-klawżola 5(1) tal-Ftehim qafas, jiġifieri miżura li tikkonċerna t-tul massimu totali tal-kuntratti għal żmien determinat u miżura li tikkonċerna n-numru ta’ prorogi possibbli. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju ma semmietx elementi li jistgħu jissuġġerixxu li dawn il-miżuri ma humiex suffiċjenti sabiex jipprevjenu b’mod effikaċi l-użu abbużiv ta’ kuntratti għal żmien determinat fir-rigward tal-kuntratti tat-tip A.

58

Huwa minnu li l-qorti tar-rinviju tosserva, filwaqt li tibbaża ruħha, b’mod partikolari, fuq is-sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2018, Sciotto (C‑331/17, EU:C:2018:859), li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tinkludix kriterji oġġettivi u trasparenti li jippermettu, minn naħa, li jiġi ddeterminat jekk il-konklużjoni u l-estensjoni ta’ kuntratti tat-tip A humiex iġġustifikati minn ħtiġijiet veri ta’ natura provviżorja u, min-naħa l-oħra, jekk humiex tali li jissodisfaw dawk il-ħtiġijiet, u jekk humiex implimentati b’mod proporzjonat.

59

Madankollu, fl-ewwel lok, filwaqt li, fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza, il-kwistjoni dwar jekk it-tiġdid tal-kuntratti għal żmien determinat inkwistjoni kienx iġġustifikat minn raġunijiet oġġettivi fis-sens tal-klawżola 5(1)(a) tal-Ftehim qafas, fosthom in-neċessità li jiġu koperti bżonnijiet reali u provviżorji, qamet minħabba l-assenza ta’ miżuri tan-natura ta’ dawk imsemmija fil-klawżola 5(1)(b) u (ċ) tal-Ftehim qafas, kif emendata, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kif ġie rrilevat fil-punt 57 ta’ din is-sentenza, tinkludi miżuri ta’ din in-natura. Għaldaqstant, il-fatt li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tinkludix preċiżazzjonijiet dwar in-natura vera u provviżorja tal-bżonnijiet li għandhom jiġu ssodisfatti permezz tal-użu ta’ kuntratti għal żmien determinat, invokat mill-qorti tar-rinviju, huwa irrilevanti.

60

Fit-tieni lok, fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2018, Sciotto (C‑331/17, EU:C:2018:859), il-ħaddiema kkonċernati kienu kkonfrontati b’inċertezza kompleta fir-rigward tat-tul tar-relazzjoni ta’ xogħol tagħhom. Min-naħa l-oħra, f’dan il-każ, il-persuni li jikkonkludu kuntratt tat-tip A, bħal dawk konklużi mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, huma informati, qabel ma jiffirmaw il-kuntratt, li r-relazzjoni ta’ xogħol ma tistax iddum iktar minn ħames snin.

61

Fir-rigward, għal ħaddiem, tal-benefiċċju tal-istabbiltà tal-impjieg, dan huwa, ċertament, kif jirriżulta mit-tieni paragrafu tal-preambolu tal-Ftehim qafas, meqjus bħala element prinċipali tal-protezzjoni tal-ħaddiema, filwaqt li huwa biss f’ċerti ċirkustanzi li kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat jistgħu jissodisfaw il-bżonnijiet kemm tal-persuni li jimpjegaw kif ukoll tal-ħaddiema (sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2021, Ministero dell’Istruzione, dell’Università e della Ricerca ‐ MIUR et (Riċerkaturi universitarji), C‑326/19, EU:C:2021:438, punt 65 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

62

Madankollu, it-terminazzjoni tal-effetti ta’ kuntratt ta’ riċerkatur għal żmien determinat, bħal dak konkluż mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, impjegat skont kuntratt ta’ xogħol tat-tip A, ma jimplikax neċessarjament instabbiltà tal-impjieg, sa fejn dan jippermetti lill-ħaddiem ikkonċernat jikseb il-kwalifiki neċessarji sabiex jikseb kuntratt tat-tip B, li jista’, min-naħa tiegħu, iwassal għal relazzjoni ta’ xogħol għal żmien indeterminat bħala professur assoċjat.

63

Fit-tielet lok, il-fatt li l-universitajiet għandhom bżonn permanenti li jimpjegaw riċerkaturi universitarji, kif jidher li jirriżulta mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma jfissirx li dan il-bżonn ma jistax jiġi ssodisfatt bl-użu ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat (sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2021, Ministero dell’Istruzione, dell’Università e della Ricerca ‐ MIUR et (Riċerkaturi universitarji), C‑326/19, EU:C:2021:438, punt 67 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

64

Fil-fatt, il-pożizzjoni ta’ riċerkatur tidher li hija l-ewwel stadju tal-karriera ta’ xjenzat, peress li dan ir-riċerkatur ikun iddestinat, fi kwalunkwe każ, jevolvi lejn pożizzjoni oħra, jiġifieri pożizzjoni ta’ għalliem, bħala professur assoċjat inizjalment u bħala professur permanenti sussegwentement (sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2021, Ministero dell’Istruzione, dell’Università e della Ricerca ‐ MIUR et (Riċerkaturi universitarji), C‑326/19, EU:C:2021:438, punt 68 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

65

Fir-rigward, barra minn hekk, tal-fatt li l-estensjoni ta’ sentejn tal-kuntratti tat-tip A hija suġġetta għall-evalwazzjoni pożittiva tal-attivitajiet ta’ tagħlim u ta’ riċerka mwettqa, il-“bżonnijiet partikolari” tas-settur ikkonċernat jistgħu raġonevolment jikkonsistu, fir-rigward tal-qasam tar-riċerka xjentifika, fin-neċessità li jiġi żgurat l-iżvilupp tal-karriera tar-riċerkaturi differenti skont il-merti rispettivi tagħhom, li għandhom konsegwentement jiġu evalwati. Għaldaqstant, dispożizzjoni li tobbliga lil università tikkonkludi kuntratt għal żmien indeterminat ma’ riċerkatur, indipendentement mill-evalwazzjoni tar-riżultati tal-attivitajiet xjentifiċi tagħha, ma tissodisfax tali rekwiżiti (sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2021, Ministero dell’Istruzione, dell’Università e della Ricerca ‐ MIUR et (Riċerkaturi universitarji), C‑326/19, EU:C:2021:438, punt 69 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

66

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel parti tal-ewwel domanda u għat-tieni domanda għandha tkun li l-klawżola 5 tal-Ftehim qafas għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti lill-universitajiet jikkonkludu ma’ riċerkaturi kuntratti għal żmien determinat ta’ tliet snin, li jistgħu jiġu estiżi għal mhux iktar minn sentejn, mingħajr ma tissuġġetta l-konklużjoni tagħhom jew l-estensjoni tagħhom għal raġunijiet oġġettivi marbuta mal-eżistenza ta’ bżonnijiet temporanji jew eċċezzjonali, u dan sabiex jiġu koperti l-bżonnijiet ordinarji u permanenti tal-università kkonċernata.

Fuq it‑tieni parti tal‑ewwel domanda

67

Permezz tat-tieni parti tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-klawżola 5 tal-Ftehim qafas tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħall-Artikolu 22(9) tal-Liġi Nru 240/2010, li tiffissa għal tnax-il sena t-tul totali tal-kuntratti ta’ xogħol li jistgħu jiġu konklużi mill-istess riċerkatur, inkluż ma’ universitajiet u istituti differenti, u anki b’mod mhux konsekuttiv.

68

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat preliminarjament li l-Artikolu 22(9) tal-imsemmija liġi ma għandux l-għan li jillimita t-tul tal-kuntratt ta’ xogħol individwali għal żmien determinat, iżda t-tul totali tad-diversi forom possibbli ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat fil-qasam tar-riċerka, kemm fir-rigward ta’ kuntratti tat-tip A jew B kif ukoll forom oħra ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol li jistgħu jiġu konklużi mill-istess persuna, inkluż ma’ universitajiet u istituti differenti.

69

Għandu jitfakkar li l-għan tal-klawżola 5 tal-Ftehim qafas jikkonsisti fl-implimentazzjoni ta’ wieħed mill-għanijiet imfittxija minn dan il-ftehim qafas, jiġifieri li tiġi evitata l-prekarjetà tal-impjegati permezz tal-użu suċċessiv tal-kuntratti jew tar-relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat, meqjus bħala sors potenzjali ta’ abbuż għad-detriment tal-ħaddiema (sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2021, Ministero dell’Istruzione, dell’Università e della Ricerca ‐ MIUR et (Riċerkaturi universitarji), C‑326/19, EU:C:2021:438, punt 55 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

70

F’dan il-każ, l-Artikolu 22(9) tal-Liġi Nru 240/2010 jistabbilixxi għal tnax-il sena t-tul totali tal-kuntratti kollha għal żmien determinat, fosthom il-kuntratti tat-tip A, li l-istess riċerkatur universitarju jista’ jikkonkludi ma’ università waħda jew iktar.

71

Għaldaqstant, bħall-Artikolu 24(3) tal-Liġi Nru 240/2010, l-Artikolu 22(9) ta’ din il-liġi jinkludi waħda mill-miżuri msemmija fil-klawżola 5(1) tal-Ftehim qafas, jiġifieri dik dwar it-tul massimu totali tal-kuntratti għal żmien determinat konklużi minn riċerkatur wieħed. Minbarra l-fatt li l-klawżola 5(1)(b) tal-Ftehim qafas tikkonċerna biss is-sitwazzjoni fejn hemm biss persuna li timpjega waħda, b’tali mod li din il-klawżola hija rilevanti biss fil-każ ta’ suċċessjoni ta’ kuntratti għal żmien determinat konklużi minn riċerkatur fi ħdan l-istess università, il-qorti tar-rinviju ma semmietx elementi li jistgħu jissuġġerixxu li din il-miżura ma hijiex suffiċjenti sabiex tipprevjeni b’mod effettiv l-użu abbużiv ta’ kuntratti għal żmien determinat fir-rigward ta’ kuntratti tat-tip A.

72

Għaldaqstant, il-fatt, invokat mill-qorti tar-rinviju, li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tinkludix preċiżazzjonijiet dwar in-natura vera u provviżorja tal-bżonnijiet li għandhom jiġu ssodisfatti permezz tal-użu ta’ kuntratti għal żmien determinat huwa irrilevanti għall-istess raġunijiet imsemmija fil-punt 59 ta’ din is-sentenza (sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2021, Ministero dell’Istruzione, dell’Università e della Ricerca ‐ MIUR et (Riċerkaturi universitarji), C‑326/19, EU:C:2021:438, punt 63).

73

Anki jekk jitqies li tali miżura ma hijiex suffiċjenti sabiex tipprevjeni b’mod effikaċi tali użu abbużiv u li jeżistu każijiet fejn, minkejja l-eżistenza ta’ regola ta’ salvagwardja li tirrigwarda, bħal f’dan il-każ, it-tul massimu totali tal-kuntratti għal żmien determinat suċċessivi, Stat Membru jista’ jikser ir-rekwiżiti tal-klawżola 5 tal-Ftehim qafas billi jirrikorri għal kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat sabiex ikopri bżonnijiet li għandhom natura permanenti u fit-tul, tali użu ta’ dawn ir-relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat jista’, f’sitwazzjoni bħal dawk tal-kawża prinċipali, ikun iġġustifikat għal raġunijiet oġġettivi fid-dawl tal-klawżola 5(1)(a) tal-Ftehim qafas.

74

Fil-fatt, fl-ewwel lok, u kif irrilevat ukoll il-qorti tar-rinviju fit-talbiet tagħha għal deċiżjoni preliminari, in-natura tar-riċerka universitarja tista’ tiġġustifika n-natura temporanja tar-reklutaġġ ta’ riċerkaturi universitarji.

75

F’dan ir-rigward, in-natura spiss limitata tat-tul tal-missjoni ta’ riċerkatur hija marbuta mat-tip ta’ servizzi li għandu jwettaq u li jikkonsistu, b’mod partikolari, fl-analiżi ta’ suġġetti speċifiċi u fit-twettiq ta’ studji u ta’ riċerka, li r-riżultati tagħhom jiġu ppubblikati sussegwentement. Għalhekk, għal università, in-natura u n-numru tal-oqsma tar-riċerka, kif ukoll it-tip, it-tul u l-kontenut tal-attivitajiet ta’ riċerka li jistgħu jintgħażlu huma ta’ natura ferm imprevedibbli.

76

Fit-tieni lok, kif ġie kkonstatat fil-punti 63 sa 65 ta’ din is-sentenza, il-fatt li l-universitajiet għandhom bżonn permanenti li jużaw riċerkaturi universitarji, kif jidher li jirriżulta mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma jfissirx li dan il-bżonn ma jistax jiġi ssodisfatt bl-użu ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat (sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2021, Ministero dell’Istruzione, dell’Università e della Ricerca ‐ MIUR et (Riċerkaturi universitarji), C‑326/19, EU:C:2021:438, punt 67 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

77

Fil-fatt, il-pożizzjoni ta’ riċerkatur tidher li hija l-ewwel stadju tal-karriera ta’ xjenzat, peress li dan ir-riċerkatur ikun iddestinat, fi kwalunkwe każ, jevolvi lejn pożizzjoni oħra, jiġifieri pożizzjoni ta’ għalliem, bħala professur assoċjat inizjalment u bħala professur permanenti sussegwentement (sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2021, Ministero dell’Istruzione, dell’Università e della Ricerca ‐ MIUR et (Riċerkaturi universitarji), C‑326/19, EU:C:2021:438, punt 68 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

78

Mill-bqija, mid-deċiżjonijiet tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari ma jirriżultax li l-universitajiet jużaw kuntratti għal żmien determinat sabiex jissodisfaw il-bżonnijiet ordinarji u permanenti ta’ riċerka u ta’ tagħlim, aspett li, madankollu, għandu jiġi vverifikat mill-qorti nazzjonali.

79

Fir-rigward, barra minn hekk, tal-fatt li l-estensjoni ta’ sentejn tal-kuntratti tat-tip A hija suġġetta għall-evalwazzjoni pożittiva tal-attivitajiet ta’ tagħlim u ta’ riċerka mwettqa, il-“bżonnijiet partikolari” tas-settur ikkonċernat jistgħu raġonevolment jikkonsistu, fir-rigward tal-qasam tar-riċerka xjentifika, fin-neċessità li jiġi żgurat l-iżvilupp tal-karriera tar-riċerkaturi differenti skont il-merti rispettivi tagħhom, li għandhom konsegwentement jiġu evalwati.

80

Fit-tielet lok, kif diġà ġie enfasizzat fil-punt 65 ta’ din is-sentenza, tul totali massimu ta’ tnax-il sena, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jista’ jiġi ġġustifikat bin-neċessità li jiġi żgurat l-iżvilupp tal-karriera tar-riċerkaturi differenti skont il-merti rispettivi tagħhom u għalhekk ma huwiex inkompatibbli mal-idea ta’ progressjoni fil-karriera universitarja (sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2021, Ministero dell’Istruzione, dell’Università e della Ricerca ‐ MIUR et (Riċerkaturi universitarji), C‑326/19, EU:C:2021:438, punt 69 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

81

Barra minn hekk, riċerkatur li jibbenefika minn kuntratt tat-tip A ma jidhirx li huwa prekluż milli jipparteċipa f’kompetizzjonijiet sabiex jikseb tip ieħor ta’ kuntratt għal żmien determinat, bħall-kuntratt tat-tip B, li jista’ sussegwentement iwassal għal stabbilizzazzjoni professjonali bħala għalliem assoċjat jew għalliem ordinarju mal-istess istituzzjoni universitarja jew ma’ istituzzjoni oħra. Il-kuntratt tat-tip A jidher għalhekk li jippermetti lil riċerkatur jakkwista kwalifiki universitarji u xjentifiċi addizzjonali sabiex jikseb kuntratt tat-tip B jew, wara awtorizzazzjoni xjentifika, jipparteċipa f’kompetizzjonijiet sabiex jikkonkludi kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat bħala għalliem permanenti, assoċjat jew ordinarju.

82

F’dan il-kuntest, hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa, f’kull każ partikolari, iċ-ċirkustanzi materjali kollha tal-kawżi quddiemha, billi tieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, in-numru ta’ kuntratti konklużi mill-istess università mal-istess riċerkatur jew sabiex twettaq l-istess xogħol, u billi teżamina wkoll it-tipoloġija tal-proċeduri tal-għażla u l-intervall bejn kull proċedura, sabiex jiġi evitat li l-persuna li timpjega ma tagħmilx użu abbużiv minn kuntratti għal żmien determinat sistematikament (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑13 ta’ Jannar 2022, MIUR u Ufficio scolastico Regionale per la Campania, C‑282/19, EU:C:2022:3, punt 107).

83

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tieni parti tal-ewwel domanda għandha tkun li l-klawżola 5 tal-Ftehim qafas għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tiffissa għal tnax-il sena t-tul totali tal-kuntratti ta’ xogħol li jistgħu jiġu konklużi mill-istess riċerkatur, inkluż ma’ universitajiet u istituti differenti, u anki b’mod mhux konsekuttiv.

Fuq il‑ħames domanda

84

Permezz tal-ħames domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-klawżola 5 tal-Ftehim qafas tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tippermettix bidla ta’ kuntratti għal żmien determinat ta’ tul ta’ tliet snin konklużi minn riċerkaturi universitarji, li jistgħu jiġu estiżi b’massimu ta’ sentejn, f’kuntratti għal żmien indeterminat, meta fl-ordinament ġuridiku nazzjonali ma hemm ebda miżura oħra li tevita u tissanzjona eventwali użu abbużiv, mill-universitajiet, ta’ kuntratti għal żmien determinat.

85

Kif jirriżulta mir-risposti mogħtija għall-ewwel u għat-tieni domanda u bla ħsara għall-verifika mill-qorti tar-rinviju, il-klawżola 5 tal-Ftehim qafas ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, peress li din ma tagħtix lok għal riskju ta’ użu abbużiv ta’ kuntratti għal żmien determinat. Għalhekk, jidher li ma huwiex neċessarju li tingħata risposta għall-ħames domanda.

Fuq it‑tielet domanda

86

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-klawżola 4 tal-Ftehim qafas tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi l-possibbiltà, taħt ċerti kundizzjonijiet, il-possibbiltà li jiġi stabbilizzat l-użu ta’ riċerkaturi tal-korpi pubbliċi ta’ riċerka li jkunu kkonkludew kuntratt għal żmien determinat iżda li tirrifjuta din il-possibbiltà għar-riċerkaturi universitarji li jkunu kkonkludew kuntratt għal żmien determinat.

87

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, peress li l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni ġie implimentat u kkonkretizzat mill-Ftehim qafas biss fir-rigward tad-differenzi fit-trattament bejn il-ħaddiema għal żmien determinat u l-ħaddiema għal żmien indeterminat li jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli, id-differenzi possibbli fit-trattament bejn ċerti kategoriji ta’ persunal għal żmien determinat ma jaqgħux taħt il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni stabbilit mill-imsemmi ftehim qafas (sentenza tat‑13 ta’ Jannar 2022, MIUR u Ufficio scolastico Regionale per la Campania, C‑282/19, EU:C:2022:3, punt 72 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

88

B’mod partikolari, il-klawżola 4 tal-Ftehim qafas hija intiża għall-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni fir-rigward ta’ ħaddiema għal żmien determinat sabiex jiġi prekluż l-użu ta’ relazzjoni ta’ xogħol ta’ dan it-tip minn persuna li timpjega sabiex iċċaħħad lil dawn il-ħaddiema minn drittijiet li huma rrikonoxxuti lill-ħaddiema għal żmien indeterminat (sentenza is-sentenza tat‑13 ta’ Jannar 2022, MIUR u Ufficio scolastico Regionale per la Campania, C‑282/19, EU:C:2022:3, punt 73 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

89

Il-fatt li ċerti ħaddiema għal żmien determinat, bħar-riċerkaturi universitarji, ma jistgħux jibbenefikaw mill-istabbilizzazzjoni tal-impjieg tagħhom filwaqt li r-riċerkaturi tal-korpi pubbliċi ta’ riċerka li kkonkludew kuntratt għal żmien determinat jistgħu jibbenefikaw minnha, jikkostitwixxi differenza fit-trattament bejn żewġ kategoriji ta’ ħaddiema għal żmien determinat.

90

Għaldaqstant, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-klawżola 4 tal-Ftehim qafas għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi l-possibbiltà, taħt ċerti kundizzjonijiet, li jiġi stabbilizzat l-impjieg ta’ riċerkaturi ta’ korpi pubbliċi ta’ riċerka li jkunu kkonkludew kuntratt għal żmien determinat iżda li tirrifjuta din il-possibbiltà għal riċerkaturi universitarji li jkunu kkonkludew kuntratt għal żmien determinat.

Fuq ir‑raba’ domanda

91

Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-klawżola 4 tal-Ftehim qafas tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li, billi tidderoga, minn naħa, mir-regola ġenerali applikabbli għall-ħaddiema pubbliċi u privati kollha li tipprovdi li, sa mis-sena 2018, it-tul massimu ta’ żmien determinat ta’ relazzjoni għal żmien determinat huwa stabbilit għal 24 xahar, inkluż l-prorogi u t-tiġdid, u, min-naħa l-oħra, mir-regola applikabbli għall-impjegati tal-amministrazzjoni pubblika li tgħid li l-użu ta’ dawn it-tip ta’ relazzjonijiet hija suġġetta għall-eżistenza ta’ “bżonnijiet temporanji u eċċezzjonali”, tippermetti lill-universitajiet jikkonkludu mar-riċerkaturi b’kuntratti għal żmien determinat ta’ tliet snin, li jistgħu jiġu estiżi b’massimu ta’ sentejn, mingħajr ma tissuġġetta l-konklużjoni jew il-proroga tagħhom għall-eżistenza ta’ bżonnijiet temporanji jew eċċezzjonali tal-università, u li tippermetti wkoll, fi tmiem il-perijodu ta’ ħames snin, tikkonkludi mal-istess persuna jew ma’ persuni oħra kuntratt ieħor għal żmien determinat tal-istess tip, sabiex jiġu ssodisfatti l-istess bżonnijiet ta’ tagħlim u ta’ riċerka bħal dawk tal-kuntratt preċedenti.

92

F’dan ir-rigward, fil-punti 87 u 88 ta’ din is-sentenza ġie mfakkar li, peress li l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni ġie implimentat u kkonkretizzat permezz tal-Ftehim qafas biss fir-rigward tad-differenzi fit-trattament bejn il-ħaddiema għal żmien determinat u l-ħaddiema għal żmien indeterminat li jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli, id-differenzi possibbli fit-trattament bejn ċerti kategoriji ta’ persunal għal żmien determinat ma jaqgħux taħt il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni stabbilit mill-imsemmi ftehim qafas. B’mod partikolari, il-klawżola 4 tal-ftehim qafas hija intiża għall-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni fir-rigward ta’ ħaddiema b’kuntratt għal żmien determinat sabiex tiġi prekluża l-possibbiltà li relazzjoni ta’ impjieg ta’ dan it-tip tintuża minn min jimpjega sabiex iċaħħad lill-ħaddiema minn drittijiet li huma rrikonoxxuti lill-ħaddiema b’kuntratt għal żmien indeterminat.

93

Barra minn hekk, peress li l-qorti tar-rinviju ma tindikax preċiżament ma’ liema kategorija ta’ ħaddiema għal żmien indeterminat għandhom jiġu pparagunati r-riċerkaturi li kkonkludew kuntratt tat-tip A, id-domanda iktar tidher li tirrigwarda l-konklużjoni ta’ kuntratti għal żmien determinat suċċessivi li l-abbuż tagħhom huwa ssanzjonat mill-klawżola 5 tal-Ftehim qafas u mhux id-diskriminazzjoni ta’ riċerkaturi b’kuntratt għal żmien determinat meta mqabbla ma’ ħaddiema b’kuntratt għal żmien indeterminat paragunabbli.

94

Minn dan isegwi li r-risposta għar-raba’ domanda għandha tkun li l-klawżola 4 tal-ftehim qafas għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li, b’deroga, minn naħa, mir-regola ġenerali applikabbli għall-ħaddiema pubbliċi u privati kollha, li tipprovdi li, mis-sena 2018, it-terminu massimu ta’ relazzjoni għal żmien determinat hija ffissata għal 24 xahar, inklużi l-prorogi u t-tiġdid, kif ukoll, min-naħa l-oħra, mir-regola applikabbli għall-impjegati tal-amministrazzjoni pubblika li tipprovdi li l-użu ta’ dawn it-tip ta’ relazzjonijiet huwa suġġett għall-eżistenza ta’ bżonnijiet temporanji u eċċezzjonali, tippermetti lill-universitajiet jikkonkludu ma’ riċerkaturi kuntratti għal żmien determinat ta’ tliet snin, li jistgħu jiġu estiżi b’massimu ta’ sentejn, mingħajr ma tissuġġetta l-konklużjoni jew il-proroga tagħhom għall-eżistenza ta’ bżonnijiet temporanji jew eċċezzjonali tal-università inkwistjoni, u li tippermetti wkoll, fi tmiem il-perijodu ta’ ħames snin, tikkonkludi mal-istess persuna jew ma’ persuni oħra kuntratt ieħor għal żmien determinat tal-istess tip, sabiex jiġu ssodisfatti l-istess bżonnijiet ta’ tagħlim u ta’ riċerka bħal dawk tal-kuntratt preċedenti.

Fuq is-sitt domanda

95

Permezz tas-sitt domanda tagħha, li saret biss fil-kuntest tal-Kawża C‑40/20, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-klawżola 4(1) tal-ftehim qafas tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li huma biss ir-riċerkaturi li jkunu kkonkludew kuntratt għal żmien determinat ta’ ċertu tip jew kuntratt għal żmien indeterminat li għandhom il-possibbiltà, ladarba jiksbu l-awtorizzazzjoni xjentifika nazzjonali, li jissuġġettaw ruħhom għal proċedura ta’ evalwazzjoni speċifika għall-finijiet tal-inklużjoni tagħhom fil-lista ta’ għalliema assoċjati, filwaqt li din il-possibbiltà hija rrifjutata lir-riċerkaturi li jkunu kkonkludew kuntratt għal żmien determinat ta’ tip ieħor, meta jkunu wkoll kisbu l-awtorizzazzjoni xjentifika nazzjonali, fil-każ fejn dawn tal-aħħar jeżerċitaw l-istess attivitajiet professjonali u jipprovdu l-istess servizzi ta’ tagħlim lill-istudenti bħall-ewwel żewġ kategoriji ta’ riċerkaturi.

96

F’dan ir-rigward, mir-risposti mogħtija għat-tielet u għar-raba’ domanda jirriżulta li l-klawżola 4 tal-Ftehim qafas tikkonċerna biss id-diskriminazzjoni bejn il-ħaddiema li kkonkludew kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat u dawk li kkonkludew kuntratti ta’ xogħol għal żmien indeterminat u li jaħdmu fl-istess settur. Inugwaljanza fit-trattament possibbli bejn żewġ kategoriji ta’ ħaddiema b’kuntratt għal żmien determinat u għalhekk, bħal fil-kawżi prinċipali, bejn ir-riċerkaturi li kkonkludew kuntratti tat-tip A u dawk li kkonkludew kuntratti tat-tip B, ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-klawżola 4.

97

Min-naħa l-oħra, inugwaljanza possibbli bejn ir-riċerkaturi li kkonkludew kuntratti għal żmien indeterminat u r-riċerkaturi li kkonkludew kuntratti tat-tip A, peress li tat-tieni ma humiex awtorizzati jaċċedu għall-proċedura ta’ evalwazzjoni għall-finijiet ta’ ħatra bħala għalliem skont l-Artikolu 24(6) tal-Liġi Nru 240/2010, taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-klawżola.

98

F’dan ir-rigward, anki jekk, bħala prinċipju, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina n-natura kif ukoll l-għanijiet tal-miżuri inkwistjoni, mill-provi tal-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll mill-ġurisprudenza stabbilita f’dan ir-rigward jirriżulta li l-kundizzjonijiet ta’ evoluzzjoni tal-karriera professjonali għandhom jitqiesu bħala “kundizzjonijiet ta’ impjieg” fis-sens tal-klawżola 4(1) tal-Ftehim qafas (ara, f’dan is-sens, id-digriet tat‑22 ta’ Marzu 2018, Centeno Meléndez, C‑315/17, mhux ippubblikat, EU:C:2018:207, punti 46 sa 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

99

Dan premess, skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, li fir-rigward tiegħu l-klawżola 4(1) tal-ftehim qafas tikkostitwixxi espressjoni partikolari, jeżiġi li sitwazzjonijiet komparabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati bl-istess mod, sakemm tali trattament ma jkunx iġġustifikat oġġettivament (sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Governo della Repubblica italiana (Status tal-guidici di pace Taljani), C‑658/18, EU:C:2020:572, punt 141 u l-ġurisprudenza ċċitata).

100

Għalhekk, il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni ġie implimentat u kkonkretizzat mill-ftehim qafas biss fir-rigward tad-differenzi fit-trattament bejn il-ħaddiema għal żmien determinat u l-ħaddiema għal żmien indeterminat li jkunu jinsabu f’sitwazzjoni komparabbli (sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Governo della Repubblica italiana (Status tal-guidici di pace Taljani), C‑658/18, EU:C:2020:572, punt 142 u l-ġurisprudenza ċċitata).

101

Skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex jiġi evalwat jekk persuni jeżerċitawx xogħol identiku jew simili, fis-sens tal-ftehim qafas, għandu, skont il-klawżola 3(2), u l-klawżola 4(1) ta’ dan il-ftehim qafas, jiġi eżaminat jekk, fid-dawl ta’ sett ta’ fatturi, bħalma huma n-natura tax-xogħol, il-kundizzjonijiet ta’ taħriġ u l-kundizzjonijiet tax-xogħol, dawn il-persuni jistgħux jitqiesu li jinsabu f’sitwazzjoni komparabbli (sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Governo della Repubblica italiana (Status tal-guidici di pace Taljani), C‑658/18, EU:C:2020:572, punt 143 u l-ġurisprudenza ċċitata).

102

Jekk jiġi stabbilit li, meta jkunu impjegati, il-ħaddiema għal żmien determinat jeżerċitaw l-istess funzjonijiet bħall-ħaddiema impjegati mill-istess persuna li timpjega għal żmien indeterminat jew li jokkupaw l-istess pożizzjoni bħal dawn, hemm lok, fil-prinċipju, li s-sitwazzjonijiet ta’ dawn iż-żewġ kategoriji ta’ ħaddiema jitqiesu bħala komparabbli (sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Governo della Repubblica italiana (Status tal-guidici di pace Taljani), C‑658/18, EU:C:2020:572, punt 144 u l-ġurisprudenza ċċitata).

103

F’dan il-każ, hija biss il-qorti nazzjonali li għandha tiddetermina jekk ir-riċerkaturi li kkonkludew kuntratt tat-tip A jinsabux f’sitwazzjoni paragunabbli għal dik tar-riċerkaturi li kkonkludew kuntratt għal żmien indeterminat, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha msemmija fil-punt 101 ta’ din is-sentenza.

104

F’dan ir-rigward, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-qorti tar-rinviju tidher li tqis li l-kompiti fdati lid-diversi kategoriji ta’ riċerkaturi huma identiċi.

105

Fir-rigward ta’ raġuni oġġettiva eventwali li tiġġustifika l-inugwaljanza fit-trattament bejn iż-żewġ kategoriji ta’ riċerkaturi, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-kunċett ta’ “raġunijiet oġġettivi”, fis-sens tal-klawżola 4(1) tal-Ftehim qafas, għandu jinftiehem fis-sens li ma jippermettix li tiġi ġġustifikata differenza fit-trattament bejn il-ħaddiema għal żmien determinat u l-ħaddiema għal żmien indeterminat abbażi tal-fatt li din id-differenza hija prevista minn regola ġenerali u astratta, bħal liġi jew ftehim kollettiv (sentenza tas‑17 ta’ Marzu 2021, Consulmarketing, C‑652/19, EU:C:2021:208, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).

106

Kuntrarjament, l-imsemmi kunċett jeħtieġ li l-inugwaljanza fit-trattament ikkonstatata tkun iġġustifikata permezz tal-eżistenza ta’ provi preċiżi u konkreti, li jikkaratterizzaw il-kundizzjoni tal-impjieg inkwistjoni, fil-kuntest partikolari tagħha u fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi u trasparenti, sabiex jiġi vverifikat jekk din l-inugwaljanza tissodisfax ħtieġa reali, jekk hijiex ta’ natura xierqa sabiex jintlaħaq l-għan imfittex u jekk hijiex neċessarja għal dan il-għan. L-imsemmija provi jistgħu jirriżultaw, b’mod partikolari, min-natura partikolari tal-kompiti li fir-rigward tagħhom ġew konklużi kuntratti għal żmien determinat ġew konklużi u mill-karatteristiċi inerenti tagħhom jew, skont il-każ, mit-tfittxija ta’ għan leġittimu ta’ politika soċjali ta’ Stat Membru (sentenza tas‑17 ta’ Marzu 2021, Consulmarketing, C‑652/19, EU:C:2021:208, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).

107

Madankollu, f’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju ma ssemmi ebda raġuni oġġettiva li tista’ tiġġustifika l-inugwaljanza fit-trattament li hija tidher li kkonstatat u li tikkonsisti fil-possibbiltà mogħtija lir-riċerkaturi li kkonkludew kuntratt għal żmien indeterminat u rrifjutata lil riċerkaturi li kkonkludew kuntratt tat-tip A li jissuġġettaw ruħhom għal proċedura ta’ evalwazzjoni speċifika għall-finijiet tal-inklużjoni fil-lista tal-professuri assoċjati. Għalhekk, u bla ħsara għal verifika minn din il-qorti, jidher li hemm inugwaljanza fit-trattament bejn ir-riċerkaturi li kkonkludew kuntratt għal żmien indeterminat u dawk li kkonkludew kuntratt tat-tip A, bi ksur tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas.

108

Minn dan isegwi li r-risposta li għandha tingħata għas-sitt domanda għandha tkun li l-klawżola 4(1) tal-Ftehim qafas għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li r-riċerkaturi li jkunu kkonkludew kuntratt għal żmien indeterminat għandhom il-possibbiltà, meta jkunu kisbu l-awtorizzazzjoni xjentifika nazzjonali, li jissuġġettaw ruħhom għal proċedura ta’ evalwazzjoni speċifika għall-finijiet tal-inklużjoni tagħhom fil-lista ta’ professuri assoċjati, filwaqt li din il-possibbiltà hija rrifjutata lir-riċerkaturi li jkunu kkonkludew kuntratt għal żmien determinat, inkluż meta jkunu wkoll kisbu l-awtorizzazzjoni xjentifika nazzjonali, fil-każ fejn dawn tal-aħħar jeżerċitaw l-istess attivitajiet professjonali u jipprovdu l-istess servizzi ta’ tagħlim lill-istudenti bħar-riċerkaturi li jkunu kkonkludew kuntratt għal żmien indeterminat.

Fuq l-ispejjeż

109

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel parti tal-ewwel domanda u għat-tieni domanda għandha tkun li l-klawżola 5 tal-Ftehim qafas għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti lill-universitajiet jikkonkludu ma’ riċerkaturi kuntratti għal żmien determinat ta’ tliet snin, li jistgħu jiġu estiżi għal mhux iktar minn sentejn, mingħajr ma tissuġġetta l-konklużjoni tagħhom jew l-estensjoni tagħhom għal raġunijiet oġġettivi marbuta mal-eżistenza ta’ bżonnijiet temporanji jew eċċezzjonali, u dan sabiex jiġu koperti l-bżonnijiet ordinarji u permanenti tal-università kkonċernata.

 

2)

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tieni parti tal-ewwel domanda għandha tkun li l-klawżola 5 tal-Ftehim qafas dwar xogħol għal terminu fiss, konkluż fit‑18 ta’ Marzu 1999, li jinsab fl-anness tad-Direttiva 1999/70, għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tiffissa għal tnax-il sena t-tul totali tal-kuntratti ta’ xogħol li jistgħu jiġu konklużi mill-istess riċerkatur, inkluż ma’ universitajiet u istituti differenti, u anki b’mod mhux konsekuttiv.

 

3)

Għaldaqstant, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-klawżola 4 tal-Ftehim qafas dwar xogħol għal terminu fiss, konkluż fit‑18 ta’ Marzu 1999, li jinsab fl-anness tad-Direttiva 1999/70, għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi l-possibbiltà, taħt ċerti kundizzjonijiet, li jiġi stabbilizzat l-impjieg ta’ riċerkaturi ta’ korpi pubbliċi ta’ riċerka li jkunu kkonkludew kuntratt għal żmien determinat iżda li tirrifjuta din il-possibbiltà għal riċerkaturi universitarji li jkunu kkonkludew kuntratt għal żmien determinat.

 

4)

Minn dan isegwi li r-risposta għar-raba’ domanda għandha tkun li ll-klawżola 4 tal-Ftehim qafas dwar xogħol għal terminu fiss, konkluż fit‑18 ta’ Marzu 1999, li jinsab fl-anness tad-Direttiva 1999/70, għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li, b’deroga, minn naħa, mir-regola ġenerali applikabbli għall-ħaddiema pubbliċi u privati kollha, li tipprovdi li, mis-sena 2018, it-terminu massimu ta’ relazzjoni għal żmien determinat hija ffissata għal 24 xahar, inklużi l-prorogi u t-tiġdid, kif ukoll, min-naħa l-oħra, mir-regola applikabbli għall-impjegati tal-amministrazzjoni pubblika li tipprovdi li l-użu ta’ dawn it-tip ta’ relazzjonijiet huwa suġġett għall-eżistenza ta’ bżonnijiet temporanji u eċċezzjonali, tippermetti lill-universitajiet jikkonkludu ma’ riċerkaturi kuntratti għal żmien determinat ta’ tliet snin, li jistgħu jiġu estiżi b’massimu ta’ sentejn, mingħajr ma tissuġġetta l-konklużjoni jew il-proroga tagħhom għall-eżistenza ta’ bżonnijiet temporanji jew eċċezzjonali tal-università inkwistjoni, u li tippermetti wkoll, fi tmiem il-perijodu ta’ ħames snin, tikkonkludi mal-istess persuna jew ma’ persuni oħra kuntratt ieħor għal żmien determinat tal-istess tip, sabiex jiġu ssodisfatti l-istess bżonnijiet ta’ tagħlim u ta’ riċerka bħal dawk tal-kuntratt preċedenti.

 

5)

Minn dan isegwi li r-risposta għas-sitt domanda għandha tkun li l-klawżola 4(1) tal-Ftehim qafas dwar xogħol għal terminu fiss, konkluż fit‑18 ta’ Marzu 1999, li jinsab fl-anness tad-Direttiva 1999/70, għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li r-riċerkaturi li jkunu kkonkludew kuntratt għal żmien indeterminat għandhom il-possibbiltà, meta jkunu kisbu l-awtorizzazzjoni xjentifika nazzjonali, li jissuġġettaw ruħhom għal proċedura ta’ evalwazzjoni speċifika għall-finijiet tal-inklużjoni tagħhom fil-lista ta’ professuri assoċjati, filwaqt li din il-possibbiltà hija rrifjutata lir-riċerkaturi li jkunu kkonkludew kuntratt għal żmien determinat, inkluż meta jkunu wkoll kisbu l-awtorizzazzjoni xjentifika nazzjonali, fil-każ fejn dawn tal-aħħar jeżerċitaw l-istess attivitajiet professjonali u jipprovdu l-istess servizzi ta’ tagħlim lill-istudenti bħar-riċerkaturi li jkunu kkonkludew kuntratt għal żmien indeterminat.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan