SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

3 ta’ Ġunju 2021 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Regolament (UE) Nru 952/2013 – Kodiċi Doganali tal-Unjoni – L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(6) moqri flimkien mal-Artikolu 29 – Komunikazzjoni tal-motivi lill-persuna kkonċernata qabel ma tingħata deċiżjoni li jista’ jkollha konsegwenzi sfavorevoli għaliha – Artikolu 103(1) u Artikolu 103(3)(b) – Preskrizzjoni tad-dejn doganali – Terminu ta’ notifika tad-dejn doganali – Sospensjoni tat-terminu – Artikolu 124(1)(a) – Estinzjoni tad-dejn doganali fil-każ ta’ preskrizzjoni – Applikazzjoni ratione temporis tad-dispożizzjoni li tirregola r-raġunijiet għal sospensjoni – Prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi”

Fil-Kawża C‑39/20,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (il-Qorti Suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tal‑24 ta’ Jannar 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑27 ta’ Jannar 2020, fil-proċedura

Staatsecretaris van Financiën

vs

Jumbocarry Trading GmbH,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn E. Regan, President tal-Awla, M. Ilešič (Relatur), E. Juhász, C. Lycourgos u I. Jarukaitis, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez‑Bordona,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Jumbocarry Trading GmbH, minn C. H. Bouwmeester u E. M. Van Doornik, belastingadviseurs,

għall-Gvern Olandiż, minn M. K. Bulterman u J. M. Hoogveld, bħala aġenti,

għall-Parlament Ewropew, minn R. van de Westelaken u M. Peternel, bħala aġenti,

għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, minn A. Sikora-Kalėda u S. Emmerechts, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn W. Roels u F. Clotuche‑Duvieusart, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑11 ta’ Frar 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 103(3)(b) u tal-Artikolu 124(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU 2013, L 269, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2013, L 287, p. 90, u fil-ĠU 2016, L 267, p. 2, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Doganali tal-Unjoni”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn l-iStaatssecretaris van Financiën (is-Segretarju tal-Istat għall-Finanzi, il-Pajjiżi l-Baxxi) u Jumbocarry Trading GmbH (iktar ’il quddiem “Jumbocarry”) fir-rigward ta’ avviż għall-ħlas ta’ dazji doganali dwar lott ta’ merkanzija importata fl-Unjoni Ewropea fejn irriżulta li din il-kunsinna ma setgħetx tibbenefika minn rata ta’ dazji doganali preferenzjali ta’ 0 %.

Il-kuntest ġuridiku

Il-Kodiċi Doganali tal-Komunità

3

L-Artikolu 221 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat‑12 ta’ Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307), kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 2700/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 Novembru 2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 10, p. 239) (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Doganali tal-Komunità”), kien jipprovdi:

“1.   Malli jkun iddaħħal fil-kontijiet, l-ammont ta’ dazju għandu jiġi kkomunikat lid-debitur skont il-proċeduri li jkunu xierqa.

[…]

3.   Ma għandhiex issir komunikazzjoni mad-debitur wara t-temma ta’ perijodu ta’ tliet snin mid-data li fiha ntefaq id-dejn mad-dwana. Dan il-perijodu ta’ żmien għandu jiġi sospiż mal-waqt tad-depożitu ta’ appell fit-tifsira ta’ l-Artikolu 243, għal matul il-proċedimenti ta’ l-appell.”

4

L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 243(1) tal-imsemmi regolament kien jiddikjara:

“Kull persuna għandu jkollha d-dritt li tappella kontra deċiżjoni meħuda mill-awtoritajiet doganali li jirrigwardaw l-applikazzjoni ta’ leġislazzjoni doganali, u li tinteressa lilha direttament u individwalment.”

Il-Kodiċi Doganali tal-Unjoni

5

Il-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, li daħal fis-seħħ fit‑30 ta’ Ottubru 2013 konformement mal-Artikolu 287 tiegħu, ħassar il-Kodiċi Doganali tal-Komunità. Madankollu, parti kbira mid-dispożizzjonijiet tagħha, b’mod partikolari l-Artikoli 22, 29, 103, 104 u 124 tagħha, saru applikabbli, bis-saħħa tal-Artikolu 288(2) tiegħu, biss mill‑1 ta’ Mejju 2016.

6

L-Artikolu 22 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, intitolat “Deċiżjonijiet meħuda wara applikazzjoni”, jiddikjara, fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 6 tiegħu:

“Qabel tittieħed deċiżjoni li taffettwa b’mod negattiv lill-applikant, l-awtoritajiet doganali għandhom jikkomunikaw ir-raġunijiet li fuqhom bi ħsiebhom jibbażaw id-deċiżjoni tagħhom lill-applikant, li għandu jingħata l-opportunità li jesprimi l-opinjoni tiegħu f’perijodu preskritt mid-data li fiha jkun irċieva dik il-komunikazzjoni jew li fiha jitqies li jkun irċeviha. Wara li jiskadi dak il-perijodu, l-applikant għandu jkun mgħarraf, fil-mod xieraq, bid-deċiżjoni.”

7

L-Artikolu 29 ta’ dan il-kodiċi, intitolat “Deċiżjonijiet meħuda mingħajr applikazzjoni minn qabel”, jipprevedi:

“Ħlief meta awtorità doganali taġixxi bħala awtorità ġudizzjarja, l-Artikoli 22(4), (5), (6) u (7), l-Artikolu 23(3) u l-Artikoli 26, 27 u 28 għandhom japplikaw ukoll għad-deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet doganali mingħajr ma ssir applikazzjoni minn qabel mill-persuna kkonċernata.”

8

L-Artikolu 103 tal-imsemmi kodiċi, intitolat “Limitazzjoni [preskrizzjoni] tad-dejn doganali”, jipprovdi, fil-paragrafi 1 sa 3 tiegħu:

“1.   L-ebda dejn doganali m’għandu jkun notifikat lid-debitur wara l-iskadenza ta’ perijodu ta’ tliet snin mid-data li fiha nħoloq id-dejn doganali.

2.   Fejn id-dejn doganali nħoloq bħala riżultat ta’ att li, fiż-żmien li sar, seta’ jwassal għal proċedimenti kriminali fil-qorti, il-perijodu ta’ tliet snin stabbilit fil-paragrafu 1 għandu jkun estiż għal perijodu minimu ta’ ħames snin u massimu ta’ 10 snin f’konformità mal-liġi nazzjonali.

3.   Il-perijodi stabbiliti fil-paragrafi 1 u 2 għandhom ikunu sospiżi fejn:

(a)

ikun ippreżentat appell skont l-Artikolu 44; tali sospensjoni għandha tapplika mid-data meta ikun ippreżentat l-appell u għandha ddum tul id-durata tal-proċedimenti ta’ appell; jew

(b)

l-awtoritajiet doganali jikkomunikaw lid-debitur, skont l-Artikolu 22(6), ir-raġunijiet għaliex biħsiebhom jinnotifikaw id-dejn doganali; tali sospensjoni għandha tapplika mid-data ta’ dik il-komunikazzjoni sal-aħħar tal-perijodu li matulu d-debitur jingħata l-opportunità jesprimi l-fehma tiegħu.”

9

L-Artikolu 104 tal-Kodiċi Doganali, intitolat “Dħul fil-kontijiet”, jiddikjara, fil-paragrafu 2 tiegħu:

“L-awtoritajiet doganali m’għandhomx għalfejn idaħħlu fil-kontijiet l-ammonti ta’ dazju tal-importazzjoni jew esportazzjoni li, skont l-Artikolu 103, jikkorrispondu għad-dejn doganali li ma setax jibqa’ jkun notifikat lid-debitur.”

10

L-Artikolu 124 ta’ dan il-kodiċi, bit-titolu “Estinzjoni”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Mingħajr ħsara għall-provvedimenti fis-seħħ dwar in-nuqqas ta’ rkupru tal-ammont ta’ dazju tal-importazzjoni jew esportazzjoni li jikkorrispondi għad-dejn doganali fil-każ tal-insolvenza tad-debitur stabbilita b’mod ġudizzjarju, dejn doganali fuq l-importazzjoni jew esportazzjoni għandu jkun estint b’xi mod minn dawn li ġejjin:

(a)

f’każ li d-debitur ma jistax jiġi nnotifikat aktar dwar id-dejn doganali, skont l-Artikolu 103;

[…]”

Ir-Regolament Delegat (UE) 2015/2446

11

L-Artikolu 8 tar-Regolament Delegat (UE) 2015/2446 tal-Kummissjoni tat‑28 ta’ Lulju 2015 li jissupplimenta r-Regolament Nru 952/2013 fir-rigward ta’ regoli dettaljati li jikkonċernaw uħud mid-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU 2015, L 343, p. 1, u r-rettifiki fil-ĠU 2016, L 87, p. 35, fil-ĠU 2017, L 101, p. 164, u fil-ĠU 2018, L 75, p. 41), intitolat “Il-perijodu għad-dritt li jinstema’”, dwar l-Artikolu 22(6) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Il-perjodu għall-applikant sabiex jesprimi l-opinjoni tiegħu qabel tittieħed deċiżjoni li taffettwah ħażin għandu jkun ta’ 30 jum.”

12

Konformement mal-Artikolu 256 tiegħu, dan ir-regolament ta’ delegat, li daħal fis-seħħ fit‑18 ta’ Jannar 2016, sar applikabbli mill‑1 ta’ Mejju 2016.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

13

Fl‑4 ta’ Lulju 2013, Jumbocarry ippreżentat dikjarazzjoni għar-rilaxx għal ċirkulazzjoni libera ta’ kunsinna ta’ merkanzija f’porċellana li tindika l-Bangladexx bħala l-pajjiż ta’ oriġini. Konformement mal-leġiżlazzjoni fis-seħħ f’dak iż-żmien, din il-merkanzija ġiet irrilaxxata għal ċirkulazzjoni libera bl-applikazzjoni ta’ rata ta’ dazji doganali preferenzjali ta’ 0 %.

14

Wara li verifiki stabbilixxew li ċ-ċertifikat ta’ oriġini kien falz, l-awtorità doganali kompetenti, permezz ta’ ittra tal‑1 ta’ Ġunju 2016, konformement mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(6) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, informat lil Jumbocarry li kien ġie fis-seħħ dejn doganali bir-rata normali ta’ 12 % u li hija kienet qiegħda tipprevedi l-irkupru tad-dazji doganali korrispondenti. Fl-istess ittra, hija spjegat li Jumbocarry kellha, bis-saħħa tal-Artikolu 8 tar-Regolament Delegat 2015/2446, terminu ta’ 30 jum biex tesprimi l-opinjoni tagħha dwar dan is-suġġett.

15

Fit‑18 ta’ Lulju 2016, id-dejn doganali, li ġie fis-seħħ fl‑4 ta’ Lulju 2013, ġie nnotifikat lil Jumbocarry permezz ta’ avviż ta’ ħlas.

16

Peress li qieset li d-dejn doganali kien preskritt fid-data meta l-avviż ta’ ħlas ġie nnotifikat lilha, Jumbocarry ressqet ilment kontra dan l-avviż ta’ ħlas u sussegwentement, peress li l-awtorità doganali laqgħet l-ilment tagħha biss parzjalment, ippreżentat rikors kontra dan l-avviż għall-ħlas quddiem ir-rechtbank Noord-Holland (il-Qorti Distrettwali ta’ Noord-Holland, il-Pajjiżi l-Baxxi). Wara li din il-qorti laqgħet ir-rikors u d-deċiżjoni tagħha ġiet ikkonfermata permezz ta’ sentenza tas‑27 ta’ Frar 2018 tal-Gerechtshof Amsterdam (il-Qorti tal-Appell ta’ Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi), is-Segretarju tal-Istat għall-Finanzi appella fil-kassazzjoni quddiem il-Hoge Raad der Nederlanden (il-Qorti Suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi).

17

Il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar l-effetti ratione temporis tal-introduzzjoni tal-Artikolu 22(6) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, moqri flimkien mal-Artikolu 29 mal-Artikolu 104(2) tiegħu, kif ukoll tal-Artikolu 124(1)(a) ta’ dan il-kodiċi, moqri flimkien mal-Artikolu 103(3) tal-istess kodiċi, u tistaqsi, b’mod partikolari, dwar jekk it-tilwima fil-kawża prinċipali taqax taħt dawn id-dispożizzjonijiet.

18

F’dan ir-rigward, din il-qorti tosserva li l-imsemmija dispożizzjonijiet, li jipprevedu b’mod partikolari s-sospensjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni fil-każ ta’ komunikazzjoni tal-motivi, ma kinux fis-seħħ fid-data meta tnissel id-dejn doganali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, u hija żżid li s-sistema legali li kienet fis-seħħ f’dak iż-żmien, li tirriżulta mill-Kodiċi Doganali tal-Komunità, ma kinitx tipprevedi tali sospensjoni. Ċertament, il-fatt li, fid-data ta’ applikabbiltà tas-sistema legali l-ġdida, jiġifieri l‑1 ta’ Mejju 2016, id-dejn doganali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma kienx għadu preskritt jista’ jkun rilevanti sabiex tingħata risposta għal dawn il-mistoqsijiet. Madankollu, l-applikazzjoni ta’ din is-sistema l-ġdida fil-kawża prinċipali tista’ tmur kontra l-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

19

Skont il-qorti tar-rinviju, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma tippermettix li jiġi dedott mingħajr ebda dubju raġonevoli jekk dispożizzjoni li, bħall-Artikolu 103(3) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, tipprevedi s-sospensjoni ta’ terminu ta’ preskrizzjoni għandhiex titqies bħala regola sostantiva jew bħala regola proċedurali. Fil-każ fejn hija tikkostitwixxi regola sostantiva, din il-qorti tikkunsidra li l-Artikolu 221(3) tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità jibqa’ applikabbli għal dejn doganali li tnissel qabel l‑1 ta’ Mejju 2016, b’tali mod li tali dejn ikun preskritt mal-iskadenza ta’ terminu ta’ tliet snin li jibda jiddekorri minn meta jkun ġie fis-seħħ.

20

Barra minn hekk, huwa possibbli li jiġi sostnut li l-applikazzjoni tal-Artikolu 22(6) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni għall-proċeduri ta’ rkupru miftuħa mill‑1 ta’ Mejju 2016 hija indipendenti mir-regoli dwar il-preskrizzjoni tad-dejn doganali. Għalkemm l-awtoritajiet doganali huma obbligati, mill‑1 ta’ Mejju 2016, josservaw l-Artikolu 22(6) ta’ dan il-kodiċi fil-każijiet kollha ta’ rkupru, skont din il-perspettiva, dan ma għandux neċessarjament ikollu bħala konsegwenza li l-Artikolu 103(3)(b) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni japplika fil-każijiet kollha. Minn dan jirriżulta, f’dan il-każ, li, peress li l-awtoritajiet doganali kellhom josservaw l-Artikolu 22(6) tal-imsemmi kodiċi u peress li l-Artikolu 103(3) tal-istess kodiċi ma kienx applikabbli, l-awtorità doganali kompetenti ma setgħetx iktar tinnotifika d-dejn doganali fit‑18 ta’ Lulju 2016.

21

Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li huwa wkoll possibbli li jiġi sostnut li l-għan tal-introduzzjoni tal-Artikolu 103(3) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni kien li l-Artikolu 22(6), l-Artikolu 103(3)(b), l-Artikolu 104(2) u l-Artikolu 124(1)(a) ta’ dan il-kodiċi, fid-dawl tan-natura konnessa tagħhom, isiru applikabbli fl-istess data, jiġifieri fl‑1 ta’ Mejju 2016. Għalhekk, minn din id-data, bis-saħħa tal-Artikolu 104(2) tal-imsemmi kodiċi, l-awtoritajiet doganali li jieħdu inkunsiderazzjoni ammonti ta’ dazji li jikkorrispondu għal dejn doganali għandhom japplikaw l-Artikolu 103 tal-istess kodiċi.

22

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Hoge Raad der Nederlanden (il-Qorti Suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

L-Artikolu 103(3)(b) u l-Artikolu 124(1)(a) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni huma applikabbli għal dejn doganali inkors qabel l‑1 ta’ Mejju 2016 u fejn it-terminu ta’ preskrizzjoni tiegħu ma kienx għadu skada f’dik id-data?

2)

Fil-każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda, il-prinċipju ta’ ċertezza legali jew il-prinċipju tal-aspettattivi leġittimi jipprekludi din l-applikazzjoni?”

Fuq id-domandi preliminari

23

Permezz taż-żewġ domandi tagħha, li jeħtieġ li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 103(3)(b) u l-Artikolu 124(1)(a) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, moqrija fid-dawl tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li japplikaw għal dejn doganali mnissel qabel l‑1 ta’ Mejju 2016 u li għadu ma ġiex preskritt f’din id-data.

24

Preliminarjament, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li d-dejn doganali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tnissel fl‑4 ta’ Lulju 2013, data li fiha Jumbocarry ippreżentat, għall-finijiet tar-rilaxx għal ċirkulazzjoni libera ta’ kunsinna ta’ merkanzija, ċertifikat ta’ oriġini li sussegwentement irriżulta li kien falz.

25

F’dan il-kuntest, l-awtorità doganali kompetenti, qabel kollox, bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 22(6) u tal-Artikolu 29 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, informat lil Jumbocarry bir-raġunijiet għalfejn hija kellha l-intenzjoni li tibgħatilha avviż ta’ ħlas u tatha l-possibbiltà, fit-terminu ta’ 30 jum previst fl-Artikolu 8 tar-Regolament Delegat 2015/2446, li tesprimi l-opinjoni tagħha. Din l-informazzjoni seħħet fl‑1 ta’ Ġunju 2016, jiġifieri f’data wara t-tħassir, fl‑1 ta’ Mejju 2016, tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità mill-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, iżda, fi kwalunkwe każ, qabel l-iskadenza, fl‑4 ta’ Lulju 2016, tat-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ tliet snin previst fl-Artikolu 221(3) tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità.

26

Sussegwentement, l-awtorità doganali kompetenti nnotifikat id-dejn doganali fit‑18 ta’ Lulju 2016, billi bbażat ruħha fuq il-fatt li, konformement mal-Artikolu 103(3)(b) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 22(6) ta’ dan il-kodiċi kellha l-effett li tissospendi t-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ tliet snin sal-iskadenza tat-terminu mogħti lil Jumbocarry sabiex tkun tista’ tesprimi l-opinjoni tagħha.

27

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 103(3)(b) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni kienx intiż li japplika f’dan il-każ u jekk, fl-affermattiv, is-sospensjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni kinitx konformi mal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, sa fejn il-Kodiċi Doganali tal-Komunità, li kien fis-seħħ fiż-żmien meta tnissel id-dejn doganali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma kienx jipprevedi tali sospensjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni.

28

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar qabel kollox li, skont ġurisprudenza stabbilita, ir-regoli ta’ proċedura huma ġeneralment intiżi li japplikaw fid-data ta’ meta jidħlu fis-seħħ, għall-kuntrarju tar-regoli sostantivi li ġeneralment jiġu interpretati li japplikaw għal sitwazzjonijiet li seħħew qabel id-dħul fis-seħħ tagħhom biss sa fejn jirriżulta b’mod ċar mill-kliem, mill-għan jew mill-istruttura tagħhom li tali effett għandu jiġi attribwit lilhom (sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2018, O’Brien, C‑432/17, EU:C:2018:879, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29

Għandu jingħad ukoll li regola ta’ dritt ġdida tapplika sa mid-dħul fis-seħħ tal-att li jistabbilixxiha u li, għalkemm ma tapplikax għas-sitwazzjonijiet legali li tnisslu u li seħħew definittivament qabel dan id-dħul fis-seħħ, hija tapplika immedjatament għall-effetti futuri ta’ sitwazzjoni li bdiet taħt il-liġi l-antika kif ukoll għas-sitwazzjonijiet legali ġodda. Ikun differenti, u suġġett għall-prinċipju ta’ nuqqas ta’ retroattività tal-atti legali, jekk ir-regola l-ġdida jkollha magħha dispożizzjonijiet speċifiċi li jiddeterminaw, b’mod partikolari, il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ratione temporis tagħha (ara s-sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2018, O’Brien, C‑432/17, EU:C:2018:879, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30

Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-obbligu ta’ informazzjoni minn qabel previst fl-Artikolu 29 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, moqri flimkien mal-Artikolu 22(6) tiegħu, għandu jiġi kkonstatat li dan jikkostitwixxi regola ta’ proċedura li timplimenta d-dritt għal smigħ tal-persuna kkonċernata qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tikkawżalha preġudizzju.

31

Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita sew, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni li minnu d-dritt għal smigħ f’kull proċedura jifforma parti integrali. Bis-saħħa ta’ dan il-prinċipju, li huwa applikabbli meta l-amministrazzjoni tipproponi li tadotta fil-konfront ta’ persuna att li jikkawżalha preġudizzju, id-destinatarji ta’ deċiżjonijiet li jaffettwaw l-interessi tagħhom b’mod sinjifikattiv għandhom jitqiegħdu fil-pożizzjoni li jressqu l-fehmiet tagħhom b’mod effettiv f’dak li jirrigwarda l-elementi li fuqhom l-amministrazzjoni jkollha l-intenzjoni li tibbaża d-deċiżjoni tagħha (sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Prequ’Italia, C‑276/16, EU:C:2017:1010, punti 4546 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

32

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li d-determinazzjoni tal-modalitajiet li permezz tagħhom il-komunikazzjoni lid-debitur tal-ammont tad-dazji ssir għall-finijiet tal-interruzzjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni tikkostitwixxi modalità proċedurali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2019, CEVA Freight Holland, C‑249/18, EU:C:2019:587, punt 46).

33

Għalhekk għandu jiġi kkonstatat li, mill‑1 ta’ Mejju 2016, id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Artikolu 22(6) u tal-Artikolu 29 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kienu obbligati josservaw l-obbligu ta’ informazzjoni minn qabel previst minn dawn id-dispożizzjonijiet, li kien il-każ fil-kawża prinċipali.

34

Fit-tieni lok, fir-rigward tas-sospensjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ tliet snin previst fl-Artikolu 103(3)(b) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, għandu jitfakkar li din id-dispożizzjoni għandha bħala effett, fil-każ ta’ notifika ta’ motivi skont l-Artikolu 22(6) ta’ dan il-kodiċi, li testendi t-terminu ta’ preskrizzjoni b’tul li jikkorrispondi għat-terminu mogħti lid-debitur sabiex dan ikun jista’ jesponi l-opinjoni tiegħu, fejn dan il-perijodu huwa ta’ 30 jum konformement mal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Delegat 2015/2446.

35

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-Artikolu 221(3) tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità, sa fejn kien jipprevedi li dejn doganali kien preskritt fl-iskadenza tat-terminu ta’ tliet snin stabbilit minn din id-dispożizzjoni, kien jistabbilixxi regola sostantiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Frar 2006, Molenbergnatie, C‑201/04, EU:C:2006:136, punt 41). Issa, tali konstatazzjoni tista’ tiġi trasposta għall-Artikolu 103(1) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, sa fejn din l-aħħar dispożizzjoni għandha formulazzjoni u portata essenzjalment identiċi għall-ewwel dispożizzjoni. Bl-istess mod, l-Artikolu 103(3)(b) tal-imsemmi kodiċi, li jipprevedi l-estensjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni tad-dejn doganali fil-każ ta’ komunikazzjoni tal-motivi msemmija fl-Artikolu 22(6) tal-istess kodiċi, għandu wkoll jitqies li jistabbilixxi regola sostantiva.

36

Konsegwentement, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 28 u 29 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 103(3)(b) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni ma jistax jiġi applikat għas-sitwazzjonijiet legali li tnisslu u li seħħew definittivament taħt il-Kodiċi Doganali tal-Komunità, sakemm ma jirriżultax b’mod ċar mill-kliem, mill-għan jew mill-istruttura tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni li dan kellu japplika immedjatament għal tali sitwazzjonijiet.

37

F’dan il-każ, mill-punt 25 ta’ din is-sentenza jirriżulta li, fid-data li fiha sar applikabbli l-Artikolu 103(3)(b) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, jiġifieri l‑1 ta’ Mejju 2016, id-dejn doganali inkwistjoni fil-kawża prinċipali la kien għadu preskritt u lanqas estint.

38

Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li, f’din id-data, is-sitwazzjoni legali ta’ Jumbocarry fir-rigward tal-preskrizzjoni tad-dejn doganali tagħha ma kinitx seħħet b’mod definittiv, minkejja ċ-ċirkustanza li dan id-dejn kien inħoloq taħt il-Kodiċi Doganali tal-Komunità.

39

Konsegwentement, l-Artikolu 103(3)(b) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni seta’ japplika għall-effetti futuri tas-sitwazzjoni ta’ Jumbocarry li jikkostitwixxu l-preskrizzjoni u l-estinzjoni tad-dejn doganali tagħha.

40

Barra minn hekk, fir-rigward tal-artikolazzjoni bejn l-Artikolu 22(6) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, moqri flimkien mal-Artikolu 29 tiegħu, u l-Artikolu 103(3) ta’ dan il-kodiċi, għandu jingħad ukoll li dawn ir-regoli proċedurali u sostantivi jifformaw ħaġa waħda inseparabbli li l-elementi partikolari tagħha ma jistgħux jiġu kkunsidrati b’mod iżolat fir-rigward tal-effett ratione temporis tagħhom. Fil-fatt, għandha ssir applikazzjoni koerenti u uniformi tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam doganali (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2015, Il‑Kummissjoni vs Moravia Gas Storage, C‑596/13 P, EU:C:2015:203, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41

F’dan ir-rigward, l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni kienet li jistabbilixxi, b’mod simultanju, fl-Artikolu 22(6) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, moqri flimkien mal-Artikolu 29 tiegħu, obbligu ta’ informazzjoni minn qabel, u li jipprevedi, fl-Artikolu 103(3)(b) ta’ dan il-kodiċi, is-sospensjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni kkawżata minn din l-informazzjoni.

42

Fil-fatt, kif jirrilevaw, essenzjalment, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, l-applikazzjoni simultanja ta’ dawn id-dispożizzjonijiet kienet intiża sabiex jiġu bbilanċjati żewġ għanijiet, jiġifieri, minn naħa, il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, il-protezzjoni tad-debitur mill-perspettiva tad-drittijiet tad-difiża tiegħu.

43

Għalhekk, mir-Rapport dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (il-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur, tal-Parlament, dokument tas-seduta tas‑26 ta’ Frar 2013, A7–0006/2013, p. 46, emenda Nru 62), li wassal għall-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, jirriżulta li l-Artikolu 103(3)(b) ta’ dan il-kodiċi ġie miżjud wara emenda tal-Parlament li kienet tippreċiża li “[d]an l-aġġustament [kien ġej] mill-protezzjoni tal-interessi finanzjarji kemm tar-riżorsi proprji tradizzjonali kif ukoll tar-riżorsi nazzjonali meta l-irkupru tagħhom ikun ipperikolat”. Dan id-dokument kien jenfasizza b’mod partikolari li “[d]an jista’ jseħħ f’każijiet meta l-proċedura tad-dritt li wieħed jinstema’ għandha tiġi implimentata qrib ħafna (f’termini ta’ żmien) għall-iskadenza tal-perjodi meta d-dejn doganali jista’ jiġi notifikat”.

44

Għalhekk jidher li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni, bl-adozzjoni tar-regola tas-sospensjoni msemmija fl-Artikolu 103(3)(b) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, li jkopri b’mod partikolari s-sitwazzjonijiet bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

45

Barra minn hekk, huwa paċifiku li din id-dispożizzjoni ma hija akkumpanjata minn ebda dispożizzjoni partikolari li tiddetermina b’mod differenti l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ratione temporis tagħha, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 29 ta’ din is-sentenza.

46

Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ppreċiżat li, bħala regola, l-Istati Membri jistgħu jtawlu t-terminu ta’ preskrizzjoni meta l-fatti inkwistjoni ma jkunu qatt ġew preskritti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2017, Glencore Céréales France, C‑584/15, EU:C:2017:160, punt 73 u l-ġurisprudenza ċċitata).

47

Għalhekk ma jistax jitqies li l-applikazzjoni ta’ regola ta’ sospensjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ dejn doganali, bħal dik prevista fl-Artikolu 103(3)(b) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, flimkien mar-regoli proċedurali li jinsabu fl-Artikolu 22(6) ta’ dan il-kodiċi, moqri flimkien mal-Artikolu 29 tiegħu, tippreġudika l-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

48

Ċertament, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-prinċipju ta’ ċertezza legali, li għandu bħala korollarju tiegħu l-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, jirrikjedi, minn naħa, li d-dispożizzjonijiet legali jkunu ċari u preċiżi u, min-naħa l-oħra, li l-applikazzjoni tagħhom tkun prevedibbli għall-persuni suġġetti għalihom, b’mod partikolari meta jista’ jkollhom konsegwenzi sfavorevoli fuq l-individwi u l-impriżi. B’mod partikolari, l-imsemmi prinċipju jirrikjedi li leġiżlazzjoni tippermetti lill-partijiet ikkonċernati jkunu jafu b’eżattezza l-portata tal-obbligi li hija timponi fuqhom u li dawn tal-aħħar ikollhom il-possibbiltà li jsiru jafu d-drittijiet u l-obbligi tagħhom mingħajr ambigwità u li jkunu jistgħu jaġixxu b’konsegwenza (sentenza tal‑15 ta’ April 2021, Federazione nazionale delle imprese elettrotecniche ed elettroniche (Anie) et, C‑798/18 u C‑799/18, EU:C:2021:280, punt 41 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

49

Issa, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 91 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-introduzzjoni espliċita ta’ regola ta’ sospensjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni, bis-saħħa tal-Artikolu 103(3)(b) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, fir-realtà ma wasslitx għal tibdil meta mqabbel mas-sitwazzjoni leġiżlattiva preċedenti, iżda pjuttost wieġbet għall-ħtieġa li obbligu li jaqa’ fuq l-awtoritajiet amministrattivi jkun mogħni b’ċertezza – li diġà kien jeżisti taħt il-Kodiċi Doganali tal-Komunità konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ċċitata fil-punt 31 ta’ din is-sentenza.

50

Fi kwalunkwe każ, kif irrileva wkoll l-Avukat Ġenerali fil-punt 88 tal-konklużjonijiet tiegħu, la l-prinċipju ta’ ċertezza legali u lanqas il-prinċipju tal-aspettattivi leġittimi, invokati mill-qorti tar-rinviju, ma jinkludu l-obbligu li l-ordinament ġuridiku ma jiġix mibdul tul iż-żmien. L-operaturi ekonomiċi ma humiex iġġustifikati f’li jqiegħdu l-aspettattivi leġittimi tagħhom fiż-żamma ta’ sitwazzjoni eżistenti li tista’ tinbidel fil-kuntest tas-setgħa diskrezzjonali tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni (sentenza tas‑26 ta’ Ġunju 2012, Il‑Polonja vs Il‑Kummissjoni, C‑335/09 P, EU:C:2012:385, punt 180 u l-ġurisprudenza ċċitata).

51

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 103(3)(b) u l-Artikolu 124(1)(a) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, moqrija fid-dawl tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, għandhom jiġu interpretati fis-sens li japplikaw għal dejn doganali mnissel qabel l‑1 ta’ Mejju 2016 u li għadu ma ġiex preskritt f’din id-data.

Fuq l-ispejjeż

52

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 103(3)(b) u l-Artikolu 124(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, moqrija fid-dawl tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, għandhom jiġu interpretati fis-sens li japplikaw għal dejn doganali mnissel qabel l‑1 ta’ Mejju 2016 u li għadu ma ġiex preskritt f’din id-data.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.