Kawża C‑24/20

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

Il‑Kunsill tal‑Unjoni Ewropea

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat‑22 ta’ Novembru 2022

“Rikors għal annullament – Deċiżjoni (UE) 2019/1754 – Adeżjoni tal-Unjoni Ewropea mal-Att ta’ Genève tal-Ftehim ta’ Lisbona dwar id-Denominazzjonijiet ta’ Oriġini u l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi – Artikolu 3(1) TFUE – Kompetenza esklużiva tal-Unjoni – Artikolu 207 TFUE – Politika kummerċjali komuni – Aspetti kummerċjali tal-proprjetà intellettwali – Artikolu 218(6) TFUE – Dritt ta’ inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropea – Modifika mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea tal-proposta tal-Kummissjoni – Artikolu 293(1) TFUE – Applikabbiltà – Artikolu 4(3), Artikolu 13(2) u Artikolu 17(2) TUE – Artikolu 2(1) TFUE – Prinċipji ta’ attribuzzjoni tal-kompetenzi, ta’ ekwilibriju istituzzjonali u ta’ kooperazzjoni leali”

  1. Rikors għal annullament – Kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà – Rikors ippreżentat kontra l-awtur tal-att ikkontestat – Talba għall-annullament ta’ deċiżjoni tal-Kunsill li tikkonkludi ftehim internazzjonali – Adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni mill-Kunsill biss – Ammissibbiltà

    (Artikolu 218(6), Artikolu 263, u Artikolu 297(2) TFUE)

    (ara l-punti 42-45)

  2. Rikors għal annullament – Suġġett – Annullament parzjali – Kundizzjoni – Natura diviżibbli tad-dispożizzjonijiet ikkontestati – Kriterju oġġettiv – Assenza ta’ emenda tas-sustanza tal-att ikkontestat – Kundizzjoni ssodisfatta – Ammissibbiltà

    (Artikolu 263 TFUE; Deċiżjoni tal-Kunsill 2019/1754, Artikoli 3 u 4)

    (ara l-punti 47‑49, 53‑55)

  3. Il-Kunsill – Kompetenzi – Setgħa ta’ emenda unanima ta’ proposta tal-Kummissjoni – Portata – Proposta tal-Kummissjoni, bħala negozjatur maħtur, fil-kuntest tal-azzjoni esterna tal-Unjoni – Inklużjoni

    (Artikolu 218 u Artikolu 293(1) TFUE)

    (ara l-punti 77-82)

  4. L-Unjoni Ewropea – Istituzzjonijiet – Obbligi – Obbligu ta’ kooperazzjoni leali – Ekwilibriju istituzzjonali – Portata

    (Artikolu 13(2), Artikolu 16(1) u Artikolu 17(2)TUE; Artikolu 293 TFUE)

    (ara l-punti 83, 84, 92)

  5. Il‑Kummissjoni – Kompetenzi – Atti tal-Unjoni minbarra dawk leġiżlattivi – Setgħa ta’ inizjattiva bħala negozjatur maħtur bi ftehim internazzjonali – Portata – Promozzjoni tal-interess ġenerali tal-Unjoni – Setgħat ta’ preżentazzjoni ta’ proposta, ta’ determinazzjoni tas-suġġett tagħha, tal-għan u tal-kontenut tagħha u tal-emenda, jew saħansitra tal-irtirar tagħha

    (Artikolu 17(1) u t-tieni sentenza tal-Artikolu 17(2) TUE; Artikolu 218(3) u (6)TFUE)

    (ara l-punti 85-88)

  6. Il-Kunsill – Kompetenzi – Setgħa ta’ emenda unanima ta’ proposta tal-Kummissjoni – Kundizzjoni – Assenza ta’ żnaturament tal-għan u tal-iskop tiegħu

    (Artikolu 16(1) u Artikolu 17(2) TUE; Artikolu 293 TFUE; Deċiżjoni tal-Kunsill 2019/1754, Artikolu 3)

    (ara l-punti 92-94, 105-108, 111, 112)

  7. Il-Kunsill – Kompetenzi – Setgħa ta’ emenda unanima ta’ proposta tal-Kummissjoni bħala negozjatur maħtur bi ftehim internazzjonali – Portata – Proposta tal-Kummissjoni intiża għall-eżerċizzju ta’ kompetenza esklużiva mill-Unjoni waħedha – Għażla politika li taqa’ taħt l-evalwazzjoni tal-interess ġenerali tal-Unjoni mill-Kummissjoni – Emenda tal-Kunsill li tawtorizza lill-Istati Membri jeżerċitaw kompetenza esklużiva tal-Unjoni – Esklużjoni

    (Artikolu 17(2) TUE; Artikolu 218 u 293(1) TFUE)

    (ara l-punti 102-104, 109, 110)

Sunt

Permezz tad-Deċiżjoni 2019/1754 ( 1 ), il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea approvat l-adeżjoni tal-Unjoni Ewropea mal-Att ta’ Ġinevra ( 2 ) tal-Ftehim ta’ Lisbona ( 3 ) dwar id-Denominazzjonijiet ta’ Oriġini u l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi.

Il-Ftehim ta’ Lisbona jikkostitwixxi ftehim partikolari, fis-sens tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi għall-Protezzjoni tal-Proprjetà Industrijali ( 4 ), li għalih kull Stat li huwa parti f’din il-konvenzjoni jista’ jaderixxi miegħu. Seba’ Stati Membri tal-Unjoni huma membri tiegħu. Skont dan il-ftehim, l-Istati li għalihom japplika huma kkostitwiti f’forma ta’ Unjoni Speċjali fil-kuntest tal-Unjoni għall-Protezzjoni tal-Proprjetà Industrijali stabbilita mill-Konvenzjoni ta’ Pariġi. L-Att ta’ Genève fetaħ lill-Unjoni l-possibbiltà li ssir membru tal-istess Unjoni Speċjali bħall-Istati partijiet fil-Ftehim ta’ Lisbona, filwaqt li dan tal-aħħar kien jippermetti biss l-adeżjoni ta’ Stati.

L-adeżjoni tal-Unjoni għall-Att ta’ Genève ġiet approvata, f’isem l-Unjoni, skont l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata. L-Artikoli 2 u 5 ta’ din id-deċiżjoni jistabbilixxu l-modalitajiet prattiċi ta’ din l-adeżjoni. L-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata jawtorizza lill-Istati Membri li jixtiequ jirratifikaw l-Att ta’ Genève jew jaderixxu miegħu. Fir-rigward tal-Artikolu 4 ta’ din id-deċiżjoni, dan jipprevedi preċiżazzjonijiet dwar ir-rappreżentanza tal-Unjoni u tal-Istati Membri li jirratifikaw l-Att ta’ Genève jew jaderixxu miegħu fi ħdan l-Unjoni Speċjali, kif ukoll dwar ir-responsabbiltajiet li għandha l-Unjoni fil-qasam tal-eżerċizzju tad-drittijiet u tar-rispett tal-obbligi tagħha u ta’ dawn l-Istati Membri, li jirriżultaw mill-imsemmi att.

Il-Kummissjoni ppreżentat rikors intiż għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri tal-Artikolu 3 tagħha u tal-Artikolu 4 tagħha, sa fejn dan tal-aħħar jinkludi riferimenti għall-Istati Membri. Hija kkritikat lill-Kunsill talli emenda l-proposta tagħha ( 5 ), permezz tal-introduzzjoni ta’ dispożizzjoni li tawtorizza lill-Istati Membri li jixtiequ dan li jirratifikaw l-Att ta’ Genève jew li jaderixxu miegħu. Il-proposta tal-Kummissjoni, ippreżentata abbażi tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE intiżi għall-implimentazzjoni tal-politika kummerċjali komuni ( 6 ) u l-proċedura ta’ adozzjoni ta’ deċiżjoni dwar il-konklużjoni tal-ftehim internazzjonali f’dan il-qasam ( 7 ), kienet tipprevedi, fid-dawl tal-kompetenza esklużiva tal-Unjoni, li hija biss din tal-aħħar li taderixxi mal-Att ta’ Genève.

Il-Qorti tal-Ġustizzja, kkostitwita bħala Awla Manja, tiddeċiedi dwar l-ammissibbiltà tar-rikors, fid-dawl tal-kriterji tal-awtur tal-att ikkontestat u tan-natura separabbli mill-kumplament tal-att mill-elementi li qiegħed jintalab l-annullament tagħhom. Barra minn hekk, fil-kuntest tal-eżami tal-motiv prinċipali, li hija tilqa’, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar is-setgħa li tadotta atti legalment vinkolanti, bħal adeżjoni għal ftehim internazzjonali, mogħtija lill-Istati Membri mill-Kunsill, f’qasam li jaqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja tannulla parzjalment id-deċiżjoni kkontestata billi tikkonstata li din ġiet adottata bi ksur tal-Artikolu 293(1) TFUE, flimkien mal-Artikolu 13(2) TUE.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

Il-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad mill-ewwel l-argument invokat mir-Repubblika Taljana, li r-rikors huwa inammissibbli minħabba li huwa ppreżentat biss kontra l-Kunsill u mhux ukoll kontra l-Parlament Ewropew. Fil-fatt, hija tikkonstata li, skont l-Artikolu 218(6) TFUE, minkejja l-approvazzjoni minn qabel tal-Parlament Ewropew, huwa biss il-Kunsill li jista’ jadotta deċiżjoni li tikkonkludi ftehim internazzjonali. Għaldaqstant huwa ġustament li d-deċiżjoni kkontestata ġiet iffirmata mill-President tal-Kunsill biss, peress li din il-firma kienet għalhekk tidentifika l-awtur ta’ din id-deċiżjoni, li kontrih kellu jiġi ppreżentat ir-rikors.

Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kunsill, li sostna li d-dispożizzjonijiet tad-deċiżjoni kkontestata li l-Kummissjoni titlob l-annullament tagħhom ma jistgħux jiġu sseparati mill-bqija ta’ din id-deċiżjoni u li l-annullament parzjali tagħha għaldaqstant ma huwiex possibbli.

F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar li l-verifika tan-natura separabbli tad-dispożizzjonijiet ikkontestati tippreżupponi l-eżami tal-portata ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, sabiex ikun jista’ jiġi evalwat, b’mod oġġettiv, jekk l-annullament tagħhom ibiddilx l-ispirtu u s-sustanza tal-att ikkontestat. F’dan ir-rigward, hija tikkonstata li s-sustanza tad-deċiżjoni kkontestata tikkonsisti fl-adeżjoni tal-Unjoni għall-Att ta’ Genève, approvata f’isem l-Unjoni bis-saħħa tal-Artikolu 1 tal-imsemmija deċiżjoni. Min-naħa l-oħra, id-dispożizzjonijiet li l-Kummissjoni titlob l-annullament tagħhom huma intiżi sabiex jippermettu lill-Istati Membri li jixtiequ jirratifikaw l-Att ta’ Genève jew jaderixxu miegħu flimkien mal-Unjoni. Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja tirrileva li la s-sitwazzjoni fejn ebda Stat Membru ma jeżerċita din il-fakultà, la l-konsegwenzi li jirriżultaw minnha ma jaffettwaw il-portata ġuridika tal-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata u lanqas ma jikkontestaw l-adeżjoni tal-Unjoni għall-Att ta’ Genève. Il-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża li l-fatt li l-Kummissjoni kienet talbet iż-żamma temporanja, mid-data tal-għoti tas-sentenza li għandha tingħata, tal-effetti tal-partijiet tad-deċiżjoni kkontestata li tagħhom hija titlob l-annullament fir-rigward tal-Istati Membri li huma partijiet fil-Ftehim ta’ Lisbona, ma għandu ebda effett fuq in-natura separabbli tad-dispożizzjonijiet tad-deċiżjoni kkontestata li l-annullament tagħhom huwa mitlub.

Fil-mertu, il-Qorti tal-Ġustizzja teżamina l-motiv prinċipali bbażat fuq il-fatt li l-Kunsill, meta emenda l-proposta tal-Kummissjoni bl-introduzzjoni ta’ dispożizzjoni li tawtorizza lill-Istati Membri li jixtiequ jirratifikaw l-Att ta’ Genève jew jaderixxu għalih, aġixxa mingħajr ebda inizjattiva tal-Kummissjoni, u b’hekk kiser l-Artikolu 218(6) u l-Artikolu 293(1) TFUE u kkawża preġudizzju għall-ekwilibriju istituzzjonali li jirriżulta mill-Artikolu 13(2) TUE.

Fl-ewwel lok, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonkludi favur l-applikabbiltà tal-Artikolu 293(1) TFUE, meta l-Kunsill, li jiddeċiedi fuq proposta tal-Kummissjoni li taġixxi bħala negozjatur maħtur minnu, skont l-Artikolu 218(3) TFUE, jadotta deċiżjoni li tikkonkludi ftehim internazzjonali, skont l-Artikolu 218(6) TFUE.

Fit-tieni lok, il-Qorti teżamina l-argument ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 293(1) TFUE.

Għal dawn il-finijiet, hija tfakkar, qabelxejn, li din id-dispożizzjoni għandha tinqara konformement mal-prinċipju tal-ekwilibriju istituzzjonali, karatteristiku tal-istruttura istituzzjonali tal-Unjoni, li jimplika li kull waħda mill-istituzzjonijiet teżerċita l-kompetenzi tagħha b’osservanza ta’ dawk tal-oħrajn, kif ukoll mal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali bejn l-imsemmija istituzzjonijiet ( 8 ). F’dan il-kuntest, l-atti tal-Unjoni li ma humiex leġiżlattivi, bħad-deċiżjoni kkontestata li tikkonkludi l-ftehim internazzjonali inkwistjoni, huma adottati fuq proposta tal-Kummissjoni. Issa, abbażi ta’ din is-setgħa’ ta’ inizjattiva, il-Kummissjoni Ewropea għandha tippromwovi l-interess ġenerali tal-Unjoni u tieħu l-inizjattivi xierqa għal dan il-għan. L-Artikolu 293 TFUE, billi jipprevedi, minn naħa, setgħa ta’ emenda tal-proposta mill-Kunsill rikorrent, ħlief fil-każ ta’ eċċezzjoni, l-unanimità u, min-naħa l-oħra, setgħa tal-Kummissjoni li temenda l-proposta tagħha sakemm il-Kunsill ma jkunx iddeċieda, jiżgura l-osservanza tal-prinċipju tal-ekwilibriju istituzzjonali bejn il-kompetenzi tal-Kummissjoni u dawk tal-Kunsill. B’hekk, is-setgħa ta’ emenda tal-Kunsill ma tistax testendi sal-punt li tippermetti l-iżnaturament tal-proposta tal-Kummissjoni, f’sens li jostakola t-twettiq tal-għanijiet imfittxija u jċaħħadha mir-raġuni tagħha.

Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja sussegwentement tivverifika jekk l-emenda magħmula mill-Kunsill żnaturatx is-suġġett jew il-finalità tal-proposta tal-Kummissjoni f’sens li jostakola t-twettiq tal-għanijiet imfittxija minnha.

Hija tfakkar f’dan ir-rigward li s-suġġett tal-imsemmija proposta kien jikkonsisti fl-adeżjoni tal-Unjoni biss għall-Att ta’ Genève u li l-għan tagħha kien li l-Unjoni tkun tista’ teżerċita b’mod korrett il-kompetenza esklużiva tagħha fil-qasam li jaqa’ taħt dan l-att, jiġifieri l-politika kummerċjali komuni, ibbażata fuq prinċipji uniformi u li tiżvolġi fil-kuntest tal-prinċipji u tal-għanijiet tal-azzjoni esterna tal-Unjoni, kompetenza li taħtha taqa’ n-negozjati tal-Att ta’ Genève.

Il-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża, barra minn hekk, li, meta t-Trattati jagħtu kompetenza esklużiva lill-Unjoni f’qasam speċifiku, l-Unjoni biss tista’ tilleġiżla u tadotta atti legalment vinkolanti, ħlief fejn din tal-aħħar tawtorizza lill-Istati Membri jagħmlu dan ( 9 ). Barra minn hekk, il-prinċipju ta’ attribuzzjoni tal-kompetenzi kif ukoll il-qafas istituzzjonali ddefinit fit-Trattat UE sabiex jippermetti l-eżerċizzju, mill-Unjoni, tal-kompetenzi mogħtija lilha mit-Trattati jikkostitwixxu karatteristiċi speċifiċi tal-Unjoni u tad-dritt tagħha dwar l-istruttura kostituzzjonali tal-Unjoni.

Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li l-Kunsill, billi ddeċieda li jagħti lill-Istati Membri setgħa sabiex jirratifikaw l-Att ta’ Genève jew sabiex jaderixxu miegħu, esprima għażla politika alternattiva għall-proposta tal-Kummissjoni, li taffettwa l-modalitajiet tal-eżerċizzju ta’ kompetenza esklużiva tal-Unjoni, filwaqt li tali għażla taqa’ taħt l-evalwazzjoni tal-interess ġenerali tal-Unjoni mill-Kummissjoni, evalwazzjoni li magħha s-setgħa ta’ inizjattiva tal-Kummissjoni hija marbuta b’mod inseparabbli.

Minn dan il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonkludi li din l-awtorizzazzjoni mogħtija mill-Kunsill tiżnatura s-suġġett u l-iskop tal-proposta tal-Kummissjoni, li tesprimi l-għażla politika tagħha li tippermetti lill-Unjoni li taderixxi waħedha mal-Att ta’ Genève u, b’hekk, teżerċita waħedha l-kompetenza esklużiva tagħha fil-qasam li jaqa’ taħt l-imsemmi att.

Barra minn hekk, hija żżid li din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-fatt li l-awtorizzazzjoni prevista fl-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata ngħatat bla ħsara għall-osservanza sħiħa tal-kompetenza esklużiva tal-Unjoni u li, konformement mal-Artikolu 4 ta’ din id-deċiżjoni, sabiex tiġi ggarantita l-unità tar-rappreżentanza internazzjonali tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha, il-Kunsill kien ta lill-Kummissjoni r-rappreżentanza tal-Unjoni kif ukoll dik ta’ kull Stat Membru li jixtieq jagħmel użu minn din l-awtorizzazzjoni. Fil-fatt, minkejja dan il-qafas, permezz tal-użu ta’ din l-awtorizzazzjoni, l-imsemmija Stati jeżerċitaw, bħala suġġetti tad-dritt internazzjonali indipendenti flimkien mal-Unjoni, kompetenza esklużiva tagħha, u b’hekk tipprekludiha milli teżerċita waħedha.

Fl-aħħar nett, l-argumenti dwar in-neċessità li jiġi żgurat li l-Unjoni għandha dritt tal-vot fl-Assemblea tal-Unjoni Speċjali u li tinżamm l-anzjanità u l-kontinwità tal-protezzjoni tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini rreġistrati skont il-Ftehim ta’ Lisbona fis-seba’ Stati Membri li kienu diġà partijiet għal dan tal-aħħar ma jistgħux jiġġustifikaw l-emenda tal-Kunsill. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li d-diffikultajiet eventwali li l-Unjoni tista’ tiltaqa’ magħhom fuq livell internazzjonali fl-eżerċizzju tal-kompetenzi esklużivi tagħha jew il-konsegwenzi ta’ dan l-eżerċizzju fuq l-impenji internazzjonali tal-Istati Membri ma jistgħux, bħala tali, jawtorizzaw lill-Kunsill jemenda proposta tal-Kummissjoni sal-punt li jiżnatura s-suġġett jew il-finalità tagħha, u b’hekk jikser il-prinċipju ta’ ekwilibriju istituzzjonali li l-Artikolu 293 TFUE jfittex li jiżgura l-osservanza tiegħu.


( 1 ) Deċiżjoni (UE) 2019/1754 tal-Kunsill tas-7 ta’ Ottubru 2019 dwar l-adeżjoni tal-Unjoni Ewropea mal-Att ta’ Ġinevra tal-Ftehim ta’ Lisbona dwar id-Denominazzjonijiet ta’ Oriġini u l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi (ĠU 2019, L 271, p. 12, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

( 2 ) Att ta’ Ġinevra tal-Ftehim ta’ Lisbona dwar id-Denominazzjonijiet ta’ Oriġini u l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi (ĠU 2019, L 271, p. 15, iktar’ il quddiem l-“Att ta’ Genève”).

( 3 ) Il-Ftehim ta’ Lisbona dwar il-Protezzjoni tad-Denominazzjonijiet ta’ Oriġini u r-Reġistrazzjoni Internazzjonali tagħhom ġie ffirmat fil‑31 ta’ Ottubru 1958, irrevedut fi Stokkolma fl‑14 ta’ Lulju 1967 u emendat fit‑28 ta’ Settembru 1979 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 828, Nru 13172, p. 205, iktar ’il quddiem il-“Ftehim ta’ Lisbona”).

( 4 ) Il-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tal-Proprjetà Industrijali, ġiet iffirmata f’Pariġi fl‑20 ta’ Marzu 1883, irreveduta l-aħħar fi Stokkolma fl‑14 ta’ Lulju 1967 u emendata fit‑28 ta’ Settembru 1979 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 828, Nru 11851, p. 305).

( 5 ) Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill, tas‑27 ta’ Lulju 2018, dwar l-adeżjoni tal-Unjoni Ewropea mal-Att ta’ Ġinevra tal-Ftehim ta’ Lisbona dwar id-Denominazzjonijiet ta’ Oriġini u l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi (COM(2018) 350 finali).

( 6 ) Artikolu 207 TFUE

( 7 ) Artikolu 218(6)(a) TFUE

( 8 ) Prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 13(2) TUE.

( 9 ) Artikolu 9(2) TFUE