KONKLUŻJONIJIET TAL‑AVUKAT ĠENERALI

RICHARD DE LA TOUR

ippreżentati fil‑21 ta’ Ġunju 2022 ( 1 )

Kawżi magħquda C‑704/20 u C‑39/21

Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid

vs

C,

B (C‑704/20)

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat, il-Pajjiżi l-Baxxi))

u

X

vs

Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (C‑39/21)

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-rechtbank Den Haag, zittingsplaats ’s-Hertogenbosch (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag, sedenti f’Hertogenbosch, il-Pajjiżi l-Baxxi))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Detenzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi – Dritt fundamentali għal-libertà – Artikolu 6 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Kundizzjonijiet tal-legalità tad-detenzjoni – Direttiva 2008/115/KE – Artikolu 15 – Direttiva 2013/33/UE – Artikolu 9 – Regolament (UE) Nru 604/2013 – Artikolu 28 – Stħarriġ ġudizzjarju tal-kundizzjonijiet tat-tqegħid u taż-żamma f’detenzjoni – Eżami ex officio mill-qorti tal-kundizzjonijiet tal-legalità tad-detenzjoni – Motivazzjoni tad-deċiżjonijiet – Awtonomija proċedurali tal-Istati Membri – Prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività – Dritt fundamentali għal rimedju ġudizzjarju effettiv – Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali”

I. Introduzzjoni

1.

Il-kwistjoni relatata mal-eżami ex officio minn qorti nazzjonali ta’ motiv ibbażat fuq il-ksur tad-dritt tal-Unjoni, kienet eżaminata diversi drabi mill-Qorti tal-Ġustizzja f’oqsma differenti tad-dritt tal-Unjoni. Il-kunsiderazzjoni ta’ din il-kwistjoni fil-kuntest tad-detenzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, flimkien mal-kwistjoni tal-protezzjoni tad-dritt għal-libertà ( 2 ), tippermetti, fil-biċċa l-kbira, ir-reviżjoni tal-approċċ sostnut sal-lum. Fil-fatt, l-importanza ta’ dan id-dritt u r-rwol essenzjali li għandha l-qorti fil-protezzjoni ta’ dan tal-aħħar, iwasslu sabiex wieħed iħares b’ċertu suspett lejn ir-regoli proċedurali li jirrestrinġu r-rwol tal-qorti f’dan il-qasam.

2.

Dawn it-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw, essenzjalment, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 15 tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment ( 3 ), tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2013/33/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali ( 4 ), u tal-Artikolu 28 tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida ( 5 ), moqrija flimkien mal-Artikoli 6 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

3.

Dawn it-talbiet kienu ppreżentati fil-kuntest ta’ tilwim bejn, minn naħa, B, C u X, ċittadini ta’ pajjiżi terzi u, min-naħa l-oħra, l-iStaatssecretaris van Justitie en Veiligheid (is-Segretarju tal-Istat għall-Ġustizzja u s-Sigurtà, il-Pajjiżi l-Baxxi, iktar ’il quddiem is-“Segretarju tal-Istat”), fir-rigward tal-legalità ta’ miżuri ta’ tqegħid jew żamma f’detenzjoni.

4.

Il-kwistjoni prinċipali li jqajjem dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari hija dik dwar jekk qorti nazzjonali tistax tiġi ristretta, fl-eżerċizzju tal-istħarriġ tal-legalità tat-tqegħid jew taż-żamma f’detenzjoni li għandha twettaq, minn regola proċedurali nazzjonali li tipprekludiha milli tieħu inkunsiderazzjoni motivi jew argumenti mhux invokati mir-rikorrent. Għalhekk, din tirrigwarda d-determinazzjoni dwar jekk, skont id-dritt tal-Unjoni, din il-qorti tistax, jew saħansitra għandhiex, teżamina ex officio l-kundizzjonijiet tal-legalità ta’ detenzjoni.

5.

Quddiem id-diversità tal-mudelli implimentati mill-Istati Membri sabiex jistħarrġu l-legalità tad-detenzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, ir-rwol tal-Qorti tal-Ġustizzja ma huwiex li tgħid jekk mudell huwiex aħjar minn ieħor. Ir-rwol tagħha huwa li tivverifika jekk ir-regoli proċedurali nazzjonali jikkostitwixxux varjanti aċċettabbli tal-implimentazzjoni tal-obbligi li jirriżultaw mid-dritt sekondarju tal-Unjoni jew inkella, jekk għall-kuntrarju, tali regoli jistgħux jippreġudikaw l-effettività tad-dritt tal-Unjoni u għandhom, għaldaqstant, jiġu esklużi mill-qrati nazzjonali.

6.

F’dawn il-konklużjonijiet, ser nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi, b’risposta għad-domanda preliminari relatata mal-eżami ex officio tal-kundizzjonijiet tal-legalità ta’ detenzjoni, li l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2008/115, l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2013/33 u l-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 604/2013, moqrija flimkien mal-Artikoli 6 u 47 tal-Karta, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-qorti nazzjonali adita bl-istħarriġ tal-legalità tat-tqegħid jew taż-żamma f’detenzjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz għandha tivverifika, abbażi tal-punti ta’ fatt u ta’ liġi li hija tqis rilevanti, l-osservanza tar-regoli ġenerali u astratti li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet u l-modalitajiet, irrispettivament mill-motivi u l-argumenti invokati minn dan tal-aħħar insostenn tar-rikors tiegħu. Dawn l-istess dispożizzjonijiet jipprekludu regola proċedurali nazzjonali li għandha l-effett li tipprekludi lil din il-qorti milli tipproċedi ex officio għal din il-verifika u li teħles lil ċittadin ta’ pajjiż terz, minkejja li hija tikkonstata li tali detenzjoni tmur kontra d-dritt tal-Unjoni.

II. Il‑kuntest ġuridiku

A.   Id‑dritt tal‑Unjoni

7.

L-Artikolu 15 tad-Direttiva 2008/115, l-Artikoli 8 u 9 tad-Direttiva 2013/33, l-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 604/2013, kif ukoll l-Artikoli 6 u 47 tal-Karta, huma d-dispożizzjonijiet fiċ-ċentru ta’ dawn il-kawżi.

B.   Id‑dritt Olandiż

1. Il‑Liġi dwar il‑Barranin

8.

Is-sentenza introduttiva u l-punt (a) tal-Artikolu 59(1) tal-Vreemdelingenwet 2000 (il-Liġi tal‑2000 dwar il-Barranin) tat‑23 ta’ Novembru 2000, kif emendata b’effett mill‑31 ta’ Diċembru 2011 għall-finijiet tat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2008/115 fid-dritt Olandiż ( 6 ), jistabbilixxu li ċ-ċittadin barrani li ma għandux residenza regolari jista’, jekk l-interess tal-ordni pubbliku jew tas-sigurtà nazzjonali jeħtieġu dan, jitqiegħed f’detenzjoni mis-Segretarju tal-Istat sakemm jitneħħa mill-pajjiż.

9.

Skont l-Artikolu 59(5) tal-Vw 2000, id-detenzjoni prevista fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu ma tistax, bħala prinċipju, taqbeż is-sitt xhur. Madankollu, skont l-Artikolu 59(6) tal-Vw 2000, il-perijodu previst fil-paragrafu 5 jista’ jiġi estiż għal perijodu addizzjonali ta’ tnax‑il xahar jekk, minkejja l-isforzi kollha raġonevoli, jkun probabbli li t-tneħħija tkun se tieħu iktar fit-tul, għax il-barrani ma jikkoperax jew għax id-dokumenti neċessarji mill-pajjiż terz ikunu għadhom neqsin.

10.

L-Artikolu 59a tal-Vw 2000 jipprovdi li ċ-ċittadini barranin li għalihom japplika r-[Regolament Nru 604/2013], jistgħu, b’osservanza tal-Artikolu 28 ta’ dan ir-regolament, jitqiegħdu f’detenzjoni sakemm jiġu ttrasferiti lejn l-Istat Membru responsabbli.

11.

L-Artikolu 59b tal-Vw 2000 jipprovdi li ċerti ċittadini barranin li jkunu talbu permess ta’ residenza jistgħu jitqiegħdu f’detenzjoni jekk dan ikun neċessarju sabiex tiġi stabbilita l-identità jew in-nazzjonalità tal-applikant jew sabiex jiġu ddeterminati elementi oħra neċessarji għall-evalwazzjoni tal-applikazzjoni, b’mod partikolari jekk ikun hemm riskju ta’ tneħħija.

12.

L-Artikolu 91 tal-Vw 2000 jistabbilixxi fil-paragrafu 2 tiegħu:

“Jekk [l-Afdeling bestuursrechtspraak van de Raad van State (is-Sezzjoni tal-Kontenzjuż Amministrattiv tal-Kunsill tal-Istat, il-Pajjiżi l-Baxxi)] tqis li lment invokat ma jistax iwassal għall-annullament, hija tista’ tillimita ruħha għal din l-evalwazzjoni fil-motivi tad-deċiżjoni tagħha.”

13.

L-Artikolu 94 tal-Vw 2000 huwa fformulat kif ġej:

“1.   Meta jieħu deċiżjoni li timponi miżura li ċċaħħad il-libertà prevista fl-Artikoli […] 59, 59a u 59b, [is-Segretarju tal-Istat] jinnotifika lill-[qorti kompetenti] mhux iktar tard minn tmienja u għoxrin ġurnata min-notifika ta’ din id-deċiżjoni, ħlief jekk iċ-ċittadin barrani ikun diġà appella minnha. Hekk kif il-[qorti tiġi nnotifikata], iċ-ċittadin barrani jitqies li appella minn din id-deċiżjoni li timponi miżura li ċċaħħad il-libertà. L-appell huwa intiż ukoll għall-kisba ta’ kumpens għad-dannu.

[…]

4.   Il-qorti tistabbilixxi immedjatament id-data tas-seduta. Is-seduta tinżamm mhux iktar tard mill-erbatax-il ġurnata minn meta tirċievi r-rikors jew l-avviż. […]

5.   […] Is-sentenza bil-miktub tingħata fi żmien sebat ijiem mill-għeluq tad-dibattiti. […]

6.   Jekk tikkunsidra li l-applikazzjoni jew l-eżekuzzjoni tal-miżura tmur kontra din il-liġi, jew jekk tikkunsidra, wara li tkun ikkunsidrat l-interessi kollha preżenti, li l-miżura ma hijiex iġġustifikata, il-qorti adita tilqa’ r-rikors. F’dan il-każ, il-qorti tordna t-tneħħija tal-miżura jew il-modifika tal-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni tagħha.

[…]”

14.

L-Artikolu 96 tal-Vw 2000 jistabbilixxi:

“1.   Jekk l-appell imsemmi fl-Artikolu 94 jiġi ddikjarat infondat u ċ-ċittadin barrani jippreżenta appell kontra l-estensjoni taċ-ċaħda tal-libertà, il-qorti twaqqaf l-istruttorja preliminari f’terminu ta’ ġimgħa minn meta tirċievi r-rikors. […]

[…]

3.   Jekk tikkunsidra li l-applikazzjoni jew l-eżekuzzjoni tal-miżura tmur kontra din il-liġi jew jekk tikkunsidra, wara li tkun ikkunsidrat l-interessi kollha preżenti, li l-miżura ma hijiex raġonevolment iġġustifikata, il-qorti adita tilqa’ r-rikors. F’dan il-każ, il-qorti tordna t-tneħħija tal-miżura jew il-modifika tal-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni tagħha.”

2. Il‑Kodiċi tad‑Dritt Amministrattiv

15.

L-Artikolu 8:69 tal-Algemene wet bestuursrecht (il-Liġi Ġenerali dwar id-Dritt Amministrattiv) ( 7 ), tal‑4 ta’ Ġunju 1992, jipprovdi:

“1.   Il-qorti adita tiddeċiedi abbażi tar-rikors, id-dokumenti prodotti, l-istruttorja preliminari u t-trattazzjonijiet fis-seduta.

2.   Il-qorti tikkompleta ex officio l-motivi ta’ dritt.

3.   Il-qorti tista’ tikkompleta l-fatti ex offiċio.”

16.

Skont l-Artikolu 8:77 tal-Awb:

“1.   Id-deċizjoni bil-miktub għandha tindika:

[…]

b.

il-motivi tad-deċiżjoni,

[…]”

III. Il‑kawżi prinċipali u d‑domandi preliminari

A.   It‑tilwim li jirrigwarda lil B u C (C‑704/20)

17.

B, ta’ nazzjonalità Alġerina, esprima l-intenzjoni tiegħu li jippreżenta applikazzjoni għall-ażil fil-Pajjiżi l-Baxxi. Permezz ta’ deċiżjoni tat‑3 ta’ Ġunju 2019, is-Segretarju tal-Istat qiegħdu f’detenzjoni skont l-Artikolu 59b tal-Vw 2000, għall-finijiet, b’mod partikolari, tad-determinazzjoni tal-elementi neċessarji għall-evalwazzjoni tatl-applikazzjoni.

18.

B ippreżenta rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem ir-rechtbank Den Haag, zittingsplaats ‘s-Hertogenbosch (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag, sedenti f’Hertogenbosch, il-Pajjiżi l-Baxxi).

19.

Permezz ta’ sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2019, din il-qorti, mingħajr ma ddeċidiet dwar il-motivi invokati insostenn tar-rikors, laqgħetu għall-motiv, mhux invokat minn B, li s-Segretarju tal-Istat ma kienx aġixxa bid-diliġenza kollha meħtieġa. Għalhekk, l-imsemmija qorti ordnat it-tneħħija tal-miżura ta’ detenzjoni u tat kumpens lil B.

20.

C huwa ċittadin ta’ Sjerra Leone. Permezz ta’ deċiżjoni tal‑5 ta’ Ġunju 2019, is-Segretarju tal-Istat, abbażi tal-Artikolu 59a tal-Vw 2000, qiegħdu f’detenzjoni sabiex jiżgura t-trasferiment tiegħu lejn l-Italja skont ir-Regolament Nru 604/2013.

21.

C ippreżenta rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem ir-rechtbank Den Haag, zittingsplaats ‘s-Hertogenbosch (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag, sedenti f’Hertogenbosch).

22.

B’sentenza tad‑19 ta’ Ġunju 2019, din il-qorti ddeċidiet li l-motivi invokati minn C kienu infondati, iżda madankollu, laqgħet ir-rikors, għall-motiv li s-Segretarju tal-Istat ma kienx organizza t-trasferiment lejn l-Italja bid-diliġenza kollha meħtieġa. Għalhekk, l-imsemmija qorti ordnat it-tneħħija tal-miżura ta’ detenzjoni u tat kumpens lil C.

23.

Is-Segretarju tal-Istat appella minn dawn iż-żewġ sentenzi quddiem ir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat, il-Pajjiżi l-Baxxi). Dan tal-aħħar jixtieq li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar it-teżi sostnuta minn B u C, kif ukoll minn xi qrati Olandiżi, li tipprovdi li d-dritt tal-Unjoni jobbliga lill-qrati jeżaminaw ex officio l-kundizzjonijiet kollha li miżura ta’ detenzjoni għandha tissodisfa sabiex tkun legali.

24.

Il-qorti tar-rinviju tikkonstata li B u C kienu jirrisjedu b’mod regolari fil-Pajjiżi l-Baxxi meta tqiegħdu f’detenzjoni. Għalhekk, filwaqt li tqis li r-regoli rilevanti fil-qasam tad-detenzjoni huma, f’dan il-każ, dawk li jinsabu fid-Direttiva 2013/33 u fir-Regolament Nru 604/2013, din il-qorti tixtieq li tiġi kkunsidrata wkoll id-Direttiva 2008/115 fl-eżami tad-domanda magħmula, sa fejn din id-direttiva tirregola numru importanti ta’ aspetti tad-detenzjoni.

25.

L-imsemmija qorti tindika li kull detenzjoni prevista minn dawn l-istrumenti tad-dritt tal-Unjoni taqa’, fil-Pajjiżi l-Baxxi, taħt id-dritt tal-proċedura amministrattiva, li ma jawtorizzax lill-qrati Olandiżi jeżaminaw ex officio jekk il-kundizzjonijiet tal-legalità mhux invokati mill-persuna kkonċernata humiex osservati. L-unika eċċezzjoni għal dan il-prinċipju tirrigwarda l-istħarriġ tal-osservanza ta’ regoli ta’ ordni pubbliku, bħal dawk relatati mal-aċċess għall-qorti, il-ġurisdizzjoni u l-ammissibbiltà.

26.

Skont il-qorti tar-rinviju, jagħmlu parti b’mod partikolari mill-kundizzjonijiet tal-legalità ta’ detenzjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz, dawk li jirrigwardaw l-arrest, il-verifika tal-identità, tan-nazzjonalità u tad-dritt ta’ residenza, it-trasferiment lejn il-post fejn ser tinżamm is-seduta, l-użu ta’ manetti, id-dritt għall-assistenza konsulari kif ukoll il-preżenza ta’ avukat u ta’ interpretu waqt is-seduta, id-drittijiet tad-difiża, l-eżistenza ta’ riskju li wieħed jaħrab jew li ma jkunx jista’ jinstab, il-perspettiva ta’ tneħħija jew ta’ trasferiment, id-diliġenza li għandu jipprova s-Segretarju tal-Istat, aspetti proċedurali bħall-firma u l-mument tal-adozzjoni tal-miżura ta’ detenzjoni, u l-punt dwar jekk id-detenzjoni hijiex konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

27.

Din il-qorti tqis li obbligu ta’ eżami ex officio ta’ dawn il-kundizzjonijiet tal-legalità kollha ma jirriżultax mid-dritt tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, hija tirreferi għas-sentenza tas‑7 ta’ Ġunju 2007, van der Weerd et ( 8 ). Minn din is-sentenza jirriżulta li d-dritt tal-Unjoni ma jobbligax lill-qorti tivverifika ex officio, fil-kuntest ta’ proċedura dwar il-legalità ta’ att amministrattiv, l-osservanza tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni, sakemm dawn tal-aħħar ma jkollhomx, fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, rwol komparabbli għar-regoli ta’ ordni pubbliku jew ikun impossibbli għall-partijiet li jinvokaw motiv ibbażat fuq il-ksur tad-dritt tal-Unjoni fil-proċedura kkonċernata. Madankollu, il-kundizzjonijiet fil-qasam tad-detenzjoni ma humiex, skont l-imsemmija qorti, tal-istess livell tar-regoli nazzjonali ta’ ordni pubbliku, u fil-Pajjiżi l-Baxxi, huwa possibbli li ċ-ċittadin barrani jqajjem motivi bbażati fuq il-ksur tal-kundizzjonijiet tad-detenzjoni.

28.

Fir-rikors tal-appell tiegħu, is-Segretarju tal-Istat ibbaża ruħu fuq il-ġurisprudenza tal-qorti tar-rinviju li tapplika din is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam ta’ detenzjoni. F’dan ir-rigward, din il-qorti tenfasizza li l-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma ddeċidietx dwar jekk it-tagħlim mislut mill-imsemmija sentenza japplikax ukoll fil-qasam ta’ detenzjoni.

29.

Sabiex tispjega r-raġunijiet tal-mistoqsija tagħha dwar dan il-punt, l-imsemmija qorti tesponi ċerti karatteristiċi tal-istħarriġ ġudizzjarju fid-dritt Olandiż tal-proċedura amministrattiva. Għalhekk, skont l-Artikolu 8:69(1) tal-Awb, huwa r-rikors ippreżentat li jiddetermina l-kuntest tat-tilwima, peress li l-qorti għandha tqajjem ex officio biss il-ksur tar-regoli ta’ ordni pubbliku. Skont l-Artikolu 8:69(2) tal-Awb, il-qorti għandha tikkompleta ex officio l-motivi ta’ dritt, li jfisser li r-rikorrent għandu jesponi biss il-motivi ta’ rikors tiegħu fi kliemu, u mbagħad il-qorti għandha tittraduċi dawn il-motivi f’termini ġuridiċi. Barra minn hekk, il-qorti hija awtorizzata tikkompleta l-fatti ex officio, skont l-Artikolu 8:69(3) tal-Awb. Għalhekk, il-partijiet huma mistennija jipproduċu bidu ta’ prova, u mbagħad il-qorti tista’ tikkompletaha, pereżempju, billi tagħmel mistoqsijiet jew issejjaħ xhieda.

30.

Il-qorti tar-rinviju tirreferi wkoll għar-regoli u l-garanziji addizzjonali applikabbli fil-kuntest tal-istħarriġ ġudizzjarju fil-qasam ta’ detenzjoni, bħas-suġġettar ex officio ta’ miżura ta’ detenzjoni għall-istħarriġ tal-qorti, l-obbligu li tisma’ liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz personalment, deċiżjoni ġudizzjarja fi żmien qasir dwar il-legalità tad-detenzjoni u d-dritt ta’ assistenza minn avukat bla ħlas.

31.

Skont il-qorti tar-rinviju, il-prinċipju tal-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri jista’ jimmilita favur il-possibbiltà ta’ projbizzjoni lill-qrati li jqajmu ex officio fatti jew motivi waqt l-istħarriġ ġudizzjarju ta’ miżuri ta’ detenzjoni. F’dan ir-rigward, din il-qorti tindika li f’dan l-istadju, ma tara ebda raġuni għaliex titlaq mill-ġurisprudenza attwali tagħha li tipprovdi li l-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività ma jipprekludux neċessarjament l-applikazzjoni ta’ regoli proċedurali Olandiżi fil-qasam ta’ detenzjoni.

32.

Fir-rigward tal-prinċipju ta’ ekwivalenza, l-imsemmija qorti tirrileva li l-miżuri ta’ detenzjoni huma suġġetti għal proċedura ta’ dritt amministrattiv u li l-prinċipju applikabbli għall-proċeduri kollha ta’ din in-natura huwa li l-qorti ma twettaqx stħarriġ ex officio, ħlief f’każ ta’ regola ta’ ordni pubbliku. Madankollu, il-kundizzjonijiet fil-qasam ta’ detenzjoni ma għandhomx, fi ħdan l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, rwol simili għar-regoli nazzjonali ta’ ordni pubbliku.

33.

Fir-rigward ta’ proċeduri nazzjonali oħra li huma komparabbli mad-detenzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, il-qorti tar-rinviju tindika li l-Artikolu 8:69 tal-Awb japplika għal miżuri oħra li jaqgħu taħt id-dritt amministrattiv u li jirrigwardaw id-detenzjoni ta’ dawn iċ-ċittadini, b’mod partikolari fejn tkun meħtieġa għall-verifika tal-identità tagħhom u d-dritt tagħhom ta’ residenza jew fil-kuntest taż-żamma tal-ordni pubbliku.

34.

Mill-banda l-oħra, la l-Artikolu 8:69 tal-Awb u lanqas ebda dispożizzjoni simili ma tapplika fil-kuntest tal-proċedura tad-dritt kriminali fil-qasam ta’ detenzjoni provviżorja. Għalhekk, il-qorti kriminali ma hijiex marbuta li tillimita ruħha għall-motivi jew għall-argumenti mressqa minn suspettat jew mill-officier van justitie (il-prosekutur pubbliku, il-Pajjiżi l-Baxxi) fir-rigward taċ-ċaħda ta’ libertà. Madankollu, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li, fil-kuntest tal-proċedura kriminali hija l-qorti kriminali stess li timponi l-miżura li ċċaħħad il-libertà, li tikkostitwixxi differenza importanti mill-miżuri li jaqgħu taħt id-dritt amministrattiv, li barra minn hekk ma għandhomx skop punittiv. L-uniku punt ta’ tqabbil prevedibbli mal-istħarriġ ex officio mill-qorti ta’ miżura ta’ detenzjoni jista’ jkun, mill-perspettiva ta’ din il-qorti, l-istħarriġ mill-qorti kriminali tal-legalità ta’ kustodja mill-pulizija, li għalih din il-qorti ma għandhiex tillimita ruħha għall-motivi invokati mis-suspettat. Madankollu, anki hawn, differenzi bejn iż-żewġ tipi ta’ proċeduri jipprekludu li wieħed jikkonkludi li r-regoli proċedurali applikabbli fil-qasam ta’ detenzjoni huma inkompatibbli mal-prinċipju ta’ ekwivalenza.

35.

Skont il-qorti tar-rinviju, l-Artikolu 8:69 tal-Awb lanqas ma jippreġudika l-prinċipju ta’ effettività, peress li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi mqiegħda f’detenzjoni għandhom aċċess rapidu u bla ħlas għall-ġustizzja u jistgħu jqajmu l-motivi kollha li jixtiequ. Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Ċertament fis-sentenza tagħha tal‑4 ta’ Ottubru 2012, Byankov ( 9 ), din tal-aħħar iddeċidiet li l-impossibbiltà ta’ eżami mill-ġdid ta’ att amministrattiv li jillimita l-moviment liberu ta’ ċittadin tal-Unjoni hija inkompatibbli mal-prinċipju ta’ effettività. Madankollu, il-miżuri ta’ detenzjoni għandhom portata differenti u l-possibbiltà ta’ eżami mill-ġdid tagħhom hija żgurata kemm mid-dritt tal-Unjoni kif ukoll mid-dritt Olandiż.

36.

Din il-qorti tosserva wkoll li B u C isostnu li s-setgħa li l-qrati jistħarrġu ex officio l-miżuri ta’ detenzjoni għandu jiġi dedott, minn naħa, mis-sentenzi tal‑5 ta’ Ġunju 2014, Mahdi ( 10 ) u tal‑14 ta’ Mejju 2020, Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság Dél-alföldi Regionális Igazgatóság ( 11 ), li minnhom jirriżulta li l-kundizzjonijiet tal-legalità għandhom jiġu eżaminati irrispettivament mill-motivi invokati, u min-naħa l-oħra, b’mod partikolari, mis-sentenzi tas‑17 ta’ Diċembru 2009, Martín Martín ( 12 ) u tas‑17 ta’ Mejju 2018, Karel de Grote – Hogeschool Katholieke Hogeschool Antwerpen ( 13 ), li fil-fehma tagħhom, huma rilevanti b’analoġija, sa fejn il-Qorti tal-Ġustizzja kienet meħtieġa twettaq stħarriġ ex officio fil-qasam ta’ drittijiet tal-konsumaturi sabiex tikkumpensa s-sitwazzjoni ta’ inugwaljanza eżistenti bejn il-konsumaturi u l-professjonisti.

37.

Skont il-qorti tar-rinviju, is-sentenzi tal‑5 ta’ Ġunju 2014, Mahdi ( 14 ) u tal‑14 ta’ Mejju 2020, Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság Dél-alföldi Regionális Igazgatóság ( 15 ), ma jippreċiżawx jekk jeżistix obbligu ta’ eżami ex officio tal-kundizzonijiet kollha li għandhom, skont id-dritt tal-Unjoni, jiġu ssodisfatti sabiex id-detenzjoni tkun legali.

38.

Fir-rigward tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam tad-drittijiet tal-konsumaturi, il-qorti tar-rinviju, filwaqt li tirrikonoxxi li l-persuni mqiegħda f’detenzjoni jikkostitwixxu b’xi mod, bħal ċerti konsumaturi, grupp vulnerabbli meta mqabbla mas-Segretarju tal-Istat u li għalhekk teżisti sitwazzjoni ta’ inugwaljanza, tenfasizza d-differenza bejn il-kawżi fil-qasam tal-konsumaturi, li fihom iż-żewġ partijiet f’tilwima jkunu persuni rregolati mid-dritt privat, u l-kawżi fil-qasam tad-detenzjoni, li fihom persuna fiżika tkun f’tilwima mal-awtorità amministrattiva. Peress li din tal-aħħar għandha taġixxi fl-interess ġenerali u tosserva l-prinċipji ġenerali ta’ amministrazzjoni tajba, is-sitwazzjoni ta’ inugwaljanza bejn il-partijiet fit-tilwima tkun inqas evidenti, u d-dritt tal-proċedura amministrattiva kien maħsub preċiżament sabiex jikkoreġi din l-inugwaljanza. Għall-kuntrarju, id-dritt tal-proċedura ċivili jitlaq, bħala prinċipju, mill-idea li l-partijiet jinsabu fuq l-istess livell ta’ ugwaljanza, li jirrendi neċessarju, fil-qasam tad-drittijiet tal-konsumaturi, li tiġi solvuta s-sitwazzjoni ta’ inugwaljanza preżenti sa fejn, f’dan il-qasam, l-individwu normalment ikun f’tilwima ma’ kumpannija kbira.

39.

Fl-aħħar nett, għal dak li jirrigwarda l-Artikolu 5 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali ( 16 ), li l-paragrafu 4 tiegħu jistabbilixxi li “[k]ull min ikun ipprivat mil-libertà tiegħu b’arrest jew detenzjoni jkollu dritt li jagħmel proċeduri biex il-legalità tad-detenzjoni tiegħu tiġi deċiża malajr minn qorti u l-libertà tiegħu tiġi ordnata jekk id-detenzjoni ma tkunx skont il-liġi”, il-qorti tar-rinviju tikkonstata li l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem qatt ma ddeċidiet li l-qrati għandhom jeżaminaw ex officio l-kundizzjonijiet tal-legalità ta’ ċaħda ta’ libertà. Għall-kuntrarju, hija ddeċidiet li l-legalità ta’ detenzjoni ma għandhiex tiġi evalwata awtomatikament mill-qorti ( 17 ). Mill-ġurisprudenza tal-Qorti EDB lanqas jirriżulta li teżisti preżunzjoni ta’ illegalità tad-detenzjoni u li għalhekk din tkun illegali sakemm il-qorti ma tikkonstatax espressament il-legalità tagħha. Mill-banda l-oħra, din il-qorti enfasizzat l-importanza tad-dritt tal-persuna detenuta li tibda proċedura ġudizzjarja u titlob għalhekk lil qorti tiddeċiedi f’perijodu qasir dwar il-legalità tad-detenzjoni ( 18 ).

40.

Fl-istess ħin, il-qorti tar-rinviju tqis li ma jistax jiġi neċessarjament dedott mill-elementi preċedenti li l-Artikolu 6 tal-Karta, li jiggarantixxi d-dritt għal rimedju effettiv, ma jimponix li qorti tistħarreġ ex officio l-legalità tad-detenzjoni. Fil-fatt, id-dritt tal-Unjoni jista’ jagħti protezzjoni iktar wiesgħa mid-drittijiet mogħtija mill-KEDB.

41.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċedura u jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Id-dritt tal-Unjoni, u b’mod iktar partikolari l-Artikolu 15(2) tad-[Direttiva 2008/115] u l-Artikolu 9 tad-[Direttiva 2013/33], moqrija flimkien mal-Artikolu 6 tal-[Karta], jobbligaw lill-qorti tipproċedi bi stħarriġ ex officio fis-sens li hija marbuta tevalwa fuq inizjattiva tagħha stess (ex officio) jekk il-kundizzjonijiet kollha tad-detenzjoni ġewx issodisfatti, b’mod partikolari l-kundizzjonijiet li l-ksur tagħhom ma ġiex invokat miċ-ċittadin barrani, minkejja li huwa kellu effettivament il-possibbiltà li jagħmel dan?”

B.   It‑tilwima li tirrigwarda lil X (C‑39/21)

42.

X huwa ċittadin Marokkin, imwieled fl‑1973. Permezz ta’ deċiżjoni tal‑1 ta’ Novembru 2020, is-Segretarju tal-Istat qiegħdu f’detenzjoni abbażi tas-sentenza introduttiva u tal-punt (a) tal-Artikolu 59(1) tal-Vw 2000, li jagħmel parti mid-dispożizzjonijiet li permezz tagħhom il-Pajjiż il-Baxxi implimentaw id-Direttiva 2008/115. Din id-detenzjoni kienet iġġustifikata mill-protezzjoni tal-ordni pubbliku, peress li jeżisti riskju li X jaħrab mill-kontrolli u jevita t-tneħħija.

43.

Permezz ta’ sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2020, ir-rechtbank Den Haag, zittingsplaats ‘s-Hertogenbosch (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag, sedenti f’Hertogenbosch), ċaħdet ir-rikors ippreżentat minn X kontra din il-miżura ta’ detenzjoni. X appella minn din is-sentenza. Ir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat) iddikjara l-appell ta’ X infondat b’sentenza tat‑2 ta’ Ġunju 2021 ( 19 ).

44.

Fit‑8 ta’ Jannar 2021, X ippreżenta quddiem ir-rechtbank Den Haag, zittingsplaats ‘s-Hertogenbosch (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag, sedenti f’Hertogenbosch) rikors kontra ż-żamma tal-miżura ta’ detenzjoni. Huwa fil-kuntest ta’ dan ir-rikors li taqa’ t-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn din il-qorti.

45.

Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li hija ser tevalwa biss il-legalità taż-żamma tad-detenzjoni ta’ X sa mit‑8 ta’ Diċembru 2020. Fil-fatt, il-legalità tad-detenzjoni sas‑7 ta’ Diċembru 2020 kienet evalwata permezz tas-sentenza tagħha tal‑14 ta’ Diċembru 2020.

46.

Insostenn tar-rikors tiegħu, X jinvoka l-assenza ta’ prospett ta’ tneħħija fi żmien raġonevoli. Bi tweġiba, is-Segretarju tal-Istat josserva li l-proċedura ta’ talba ta’ dokument ta’ vvjaġġar għadha pendenti u li l-awtoritajiet Marokkini ma indikawx li tali dokument mhux ser jiġi pprovdut.

47.

Il-qorti tar-rinviju tqis neċessarju li jinkisbu kjarifiki dwar ir-rekwiżiti li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni għal dak li jirrigwarda l-intensità tal-istħarriġ ġudizzjarju f’fajls ta’ detenzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi.

48.

Filwaqt li tirrikonoxxi l-importanza tal-prinċipju tal-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri, din il-qorti ma teskludix li kemm ir-rekwiżiti ta’ ekwivalenza u ta’ effettività li minnhom huwa akkumpanjat dan il-prinċipju, kif ukoll id-drittijiet fundamentali stabbiliti fl-Artikoli 6, 24 u 47 tal-Karta jipprekludu restrizzjonijiet imposti fuq il-qrati Olandiżi dwar l-eżami tagħhom tal-legalità tad-detenzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fis-sitwazzjonijiet previsti mid-Direttiva 2008/115, mid-Direttiva 2013/33 u mir-Regolament Nru 604/2013.

49.

Wara li fakkret ir-regola proċedurali Olandiża li tipprojbixxi lill-qorti, waqt l-eżami tal-mertu tal-legalità ta’ detenzjoni, milli tqajjem ex officio punti ta’ fatt jew ta’ liġi, il-qorti tar-rinviju tosserva li tali projbizzjoni tapplika bl-istess mod meta l-persuna kkonċernata tkun “persuna vulnerabbli”, fis-sens tad-dritt tal-Unjoni, bħal minuri.

50.

Din il-qorti tirrileva li fil-każijiet fejn qorti adita minn rikors ippreżentat kontra miżura ta’ detenzjoni tqajjem madankollu, ex officio, punti ta’ fatt jew ta’ liġi, is-Segretarju tal-Istat jappella b’mod sistematiku quddiem ir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat) u dejjem b’suċċess.

51.

Fil-kuntest tal-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju għandha, għall-perijodu li jibda mit‑8 ta’ Diċembru 2020, rapport tal-intervista ta’ nofs paġna u rapport ta’ segwitu, datat 8 ta’ Jannar 2021, intitolat “Mudell 120 – Informazzjoni dwar it-tneħħija”. Dan l-aħħar rapport, li fih erba’ paġni, huwa sempliċement formula li fiha l-awtoritajiet jindikaw il-miżuri konkreti li huma jieħdu sabiex jipproċedu għat-tneħħija. Minn dan ir-rapport, jirriżulta essenzjalment, li l-awtoritajiet ikkuntattjaw bil-miktub lill-awtoritajiet Marokkini sabiex ikunu jafu jekk it-talba għal dokument ta’ vvjaġġar kinitx qed tiġi proċessata, u min-naħa l-oħra, li waqt l-intervista ta’ tluq tiegħu, tas‑6 ta’ Jannar 2021, X indika li ma kien għamel xejn mill-post ta’ detenzjoni tiegħu sabiex iħaffef ir-ritorn tiegħu lejn il-Marokk.

52.

Din il-qorti tqis li huwa impossibbli li minn tali inkartament sommarju jiġu dedotti l-fatti kollha rilevanti sabiex jiġi evalwat jekk iż-żamma tad-detenzjoni hijiex legali. F’dan il-każ, hija tixtieq tkun taf għaliex l-awtoritajiet Olandiżi jqisu, minn naħa, li jeżisti prospett ta’ tneħħija, minkejja li kienu diġà saru 21 kuntatt bil-miktub intiżi għall-kisba ta’ dokument ta’ vvjaġġar, u min-naħa l-oħra, li l-impożizzjoni ta’ miżura inqas koerċittiva mid-detenzjoni ma għandhiex tkun prevista. Barra minn hekk, anki jekk dawn l-awtoritajiet ikunu f’pożizzjoni li jimmotivaw suffiċjentement fid-dritt li miżuri oħra ma kinux jippermettu li tiġi ppreparata l-akkumpanjament lejn il-fruntiera mingħajr ma dan ikun prekluż mill-fatt li X jevitah, hija tixtieq tkun taf għaliex is-sitwazzjoni personali ta’ X ma kinitx timplika, madankollu, li l-awtoritajiet jirrinunzjaw għad-detenzjoni. Rigward dan tal-aħħar, mill-fajl jirriżulta b’mod partikolari, li X kellu problema ta’ dipendenza. Għaldaqstant, għandu jkun magħruf liema servizzi speċifiċi jeżistu fiċ-ċentru ta’ detenzjoni sabiex jgħinu lil X jindirizza din il-problema.

53.

Peress li ma kinitx awtorizzata teżamina dawn il-punti ex officio, il-qorti tar-rinviju tqis li hija mċaħħda mill-possibbiltà li tevalwa l-legalità taż-żamma tad-detenzjoni fid-dawl tal-elementi rilevanti kollha. Tali sitwazzjoni tista’ tiġi kkunsidrata inkompatibbli mad-dritt fundamentali għal rimedju effettiv stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta, speċjalment la mhux possibbli li jsir appell mis-sentenzi li jirrigwardaw iż-żamma ta’ miżuri ta’ detenzjoni.

54.

Skont il-qorti tar-rinviju, sabiex il-protezzjoni ġudizzjarja tkun effettiva f’dan it-tip ta’ fajls il-qorti għandha tkun f’pożizzjoni li tiżgura b’mod sħiħ ir-rispett tad-dritt fundamentali għal-libertà, stabbilit fl-Artikolu 6 tal-Karta. Fid-dawl tal-Artikolu 5 tal-KEDB, tal-Artikolu 6 tal-Karta u tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, huwa importanti li l-qorti tkun tista’ tiżgura l-osservanza tar-regola li ħadd ma jista’ jiġi mċaħħad mil-libertà tiegħu, ħlief f’ċerti każijiet elenkati b’mod limitat u skont il-mezzi legali. Għalhekk, fil-każ ta’ detenzjoni skont l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2008/115, il-qorti għandha tkun f’pożizzjoni li tivverifika, b’mod komplet u fid-dettall, jekk ir-rekwiżiti stabbiliti minn dan l-artikolu humiex osservati. Id-dritt Olandiż, kif interpretat mir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat), ma jiżgurax tali eżami komplet.

55.

Skont il-qorti tar-rinviju, mid-dritt tal-Unjoni jirriżulta li l-qorti adita minn rikors kontra detenzjoni, skont id-Direttiva 2008/115, id-Direttiva 2013/33 jew ir-Regolament Nru 604/2013, għandha, fid-dawl tal-gravità ta’ tali miżura, teżamina u tevalwa ex officio, b’mod attiv u fid-dettall, il-fatti u l-elementi rilevanti kollha tal-legalità tad-detenzjoni sabiex tkun tista’, fil-każijiet kollha fejn hija tqis li din id-detenzjoni hija illegali, tordna l-ħelsien immedjat tal-persuna kkonċernata.

56.

Fir-rigward tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-qorti tar-rinviju tosserva li ġie ppreċiżat, fil-punt 49 tas-sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2012, Otis et ( 20 ), li sabiex qorti “tista’ tiddeċiedi fuq kontestazzjoni dwar id-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni skont l-Artikolu 47 tal-Karta, huwa neċessarju li jkollha ġurisdizzjoni sabiex teżamina l-kwistjonijiet kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti għall-każ li hija jkollha quddiemha”. Hija tirreferi wkoll għall-punti 36 u 40 tas-sentenza tal‑15 ta’ Marzu 2017, Al Chodor ( 21 ), li jipprovdu li d-detenzjoni tikkostitwixxi ndħil serju fl-eżerċizzju tad-dritt fundamentali għal-libertà stabbilit fl-Artikolu 6 tal-Karta, kif ukoll għall-punti 62 u 63 tas-sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2014, Mahdi ( 22 ), li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, b’mod partikolari, li lil hinn mill-punti ta’ fatt u mill-provi prodotti mill-awtorità amministrattiva li ordnat id-detenzjoni inizjali u mill-osservazzjonijiet eventwali taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat, l-awtorità ġudizzjarja li tiddeċiedi dwar talba għall-estensjoni ta’ detenzjoni għandha tkun f’pożizzjoni li tfittex kull element ieħor rilevanti għad-deċiżjoni tagħha fil-każ li tqis li dan huwa neċessarju, u s-setgħat tagħha fil-kuntest ta’ stħarriġ ma jistgħux, fl-ebda każ, ikunu limitati biss għall-elementi ppreżentati mill-awtorità amministrattiva.

57.

Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tiċċita l-punti 140 u 142 tas-sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2020, Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság Dél-alföldi Regionális Igazgatóság ( 23 ), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li l-Artikolu 47 tal-Karta ma għandux jiġi ppreċiżat mid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni jew tad-dritt nazzjonali sabiex jagħti lill-individwi dritt invokabbli, u li għalkemm huwa l-ordinament ġuridiku intern ta’ kull Stat Membru li għandu jirregola l-modalitajiet proċedurali tar-rimedji intiżi sabiex jiżguraw il-protezzjoni tad-drittijiet individwali dderivati mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, l-Istati Membri għandhom madankollu r-responsabbiltà li jiżguraw, f’kull każ, ir-rispett tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva ta’ dawn id-drittijiet.

58.

Il-qorti tar-rinviju tosserva wkoll li fir-rigward tal-obbligu ta’ motivazzjoni previst fl-Artikolu 8:77(1)(b) tal-Awb, hija prevista eċċezzjoni fl-Artikolu 91(2) tal-Vw 2000, fis-sens li r-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat), f’deċiżjoni ta’ appell mis-sentenzi li jirrigwardaw id-detenzjoni, jista’ jiddeċiedi permezz ta’ motivazzjoni mqassra, limitata essenzjalment għall-indikazzjoni li l-persuna kkonċernata ma qajmitx ilmenti validi.

59.

Skont il-qorti tar-rinviju, tali eċċezzjoni ċċaħħad lill-persuna kkonċernata mid-dritt tagħha għal rimedju effettiv. L-Artikolu 47 tal-Karta għandu, fil-fehma tagħha, jiġi interpretat fis-sens li l-aċċess għall-ġustizzja, fil-qasam tad-dritt tal-barranin, jinkludi wkoll id-dritt għal deċiżjoni motivata dwar il-mertu mill-qorti li tiddeċiedi fit-tieni jew l-aħħar istanza, tal-inqas meta, bħal f’dan il-każ, il-proċeduri l-oħra kollha amministrattivi, kriminali u ċivili tal-Istat Membru inkwistjoni jkunu suġġetti għal obbligu ta’ motivazzjoni.

60.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rechtbank Den Haag, zittingsplaats ‘s-Hertogenbosch (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag, sedenti f’Hertogenbosch) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Fid-dawl tal-Artikolu 47, moqri flimkien mal-Artikoli 6 u 53 tal-[Karta] kif ukoll fil-kuntest tal-Artikolu 15(2)(b) tad-[Direttiva 2008/115], tal-Artikolu 9(3) tad-[Direttiva 2013/33] u tal-Artikolu 28(4) tar-[Regolament Nru 604/2013], l-Istati Membri jistgħu jorganizzaw il-proċedura ġudizzjarja li tippermetti l-kontestazzjoni tad-detenzjoni ordnata mill-awtoritajiet b’tali mod li l-qorti tkun ipprojbita milli teżamina u tevalwa ex officio l-aspetti kollha tal-legalità tad-detenzjoni u, jekk hija tikkonstata ex officio li d-detenzjoni hija illegali, milli ttemm immedjatament din id-detenzjoni illegali u tordna l-ħelsien immedjat taċ-ċittadin barrani? Jekk il-[Qorti tal-Ġustizzja] tqis li tali leġiżlazzjoni nazzjonali hija inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, dan ifisser ukoll li, jekk iċ-ċittadin barrani jitlob lill-qorti l-ħelsien tiegħu, din il-qorti għandha dejjem teżamina u tevalwa ex officio, b’mod attiv u fid-dettall, il-fatti u l-elementi rilevanti kollha tal-legalità tad-detenzjoni?

2)

Fid-dawl tal-Artikolu 24(2) tal-Karta, moqri flimkien mal-punt 9 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva [2008/115], l-Artikolu 21 tad-[Direttiva 2013/33] u tal-Artikolu 6 tar-[Regolament Nru 604/2013], ir-risposta għall-ewwel domanda hija differenti jekk iċ-ċittadin barrani mqiegħed f’detenzjoni mill-awtoritajiet ikun minuri?

3)

Id-dritt għal rimedju effettiv, iggarantit mill-Artikolu 47, moqri flimkien mal-Artikoli 6 u 53 [tagħha] u fil-kuntest tal-Artikolu 15(2)(b) tad-[Direttiva 2008/115], tal-Artikolu 9(3) tad-[Direttiva 2013/33] u tal-Artikolu 28(4) tar-[Regolament Nru 604/2013], jimplika li l-qorti, fuq kull livell ta’ ġurisdizzjoni, meta ċittadin barrani jitlobha t-tmiem tad-detenzjoni u l-ħelsien tiegħu, għandha takkumpanja kull deċiżjoni dwar din it-talba b’motivazzjoni sostantiva suffiċjenti jekk ir-rimedju, barra minn hekk, huwa organizzat bl-istess mod bħal fil-Pajjiżi l-Baxxi? Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tqis inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni prattika ġudizzjarja nazzjonali li fiha l-qorti tat-tieni u għaldaqstant tal-ogħla istanza tista’ sempliċement tiddeċiedi mingħajr ebda motivazzjoni sostantiva, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-mod li bih dan ir-rimedju ġie organizzat fil-Pajjiżi l-Baxxi, dan ifisser li din is-setgħa tal-qorti li tiddeċiedi fit-tieni u għaldaqstant fl-ogħla istanza f’kawżi fil-qasam ta’ ażil u f’kawżi ordinarji tad-dritt dwar il-barranin għandha wkoll titqies bħala inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, fid-dawl tas-sitwazzjoni vulnerabbli taċ-ċittadin barrani, tal-interessi importanti inkwistjoni fil-proċeduri fil-qasam tad-dritt dwar il-barranin u tal-konstatazzjoni li, bil-kontra tal-proċeduri amministrattivi l-oħra kollha, fir-rigward ta’ protezzjoni ġudizzjarja, dawn il-proċeduri għandhom l-istess garanziji proċedurali dgħajfa għaċ-ċittadin barrani bħall-proċedura ta’ detenzjoni? Fid-dawl tal-Artikolu 24(2) tal-Karta, ir-risposta għal dawn id-domandi hija differenti jekk iċ-ċittadin barrani li jikkontesta quddiem qorti deċiżjoni tal-awtoritajiet fil-qasam tad-dritt dwar il-barranin ikun minuri?”

IV. Il‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja

61.

Fil-bidu, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari fil-Kawża C‑39/21 PPU, peress li X kien jinsab, fil-mument tal-preżentazzjoni tat-talba għal deċiżjoni preliminari, f’detenzjoni u għalhekk kien imċaħħad mil-libertà tiegħu, u peress li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domanda preliminari setgħet tkun deċiżiva għat-tmiem jew għaż-żamma ta’ din id-detenzjoni. Minħabba l-konnessjoni tagħha ma’ din il-kawża, il-Kawża C‑704/20 kienet ibbenefikat mill-istess trattament.

62.

Sussegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dawn iż-żewġ kawżi għandhom jiġu trattati skont il-proċedura ordinarja. Din id-deċiżjoni ġiet wara l-komunikazzjoni tar-rechtbank Den Haag, zittingsplaats ‘s-Hertogenbosch (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag, sedenti f’Hertogenbosch) datata l‑31 ta’ Marzu 2021, li tipprovdi li permezz ta’ deċiżjoni interlokutorja tas‑26 ta’ Marzu 2021, hija kienet temmet id-detenzjoni ta’ X.

63.

Permezz ta’ deċiżjoni tas‑26 ta’ April 2021, ir-rechtbank Den Haag, zittingsplaats ‘s-Hertogenbosch (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag, sedenti f’Hertogenbosch) tat kumpens lil X għar-raġuni li d-detenzjoni tiegħu kienet illegali u kkawżatlu dannu. Madankollu, sakemm tistenna r-risposti tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domandi preliminari tagħha, din il-qorti ssospendiet id-deċiżjoni dwar jekk X jistax jibbenefika minn kumpens ikbar.

64.

Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn X, mill-Gvern Olandiż u mill-Kummissjoni Ewropea. Preċedentement, matul il-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari, C kien ippreżenta wkoll xi osservazzjonijiet. Is-seduta nżammet fl‑1 ta’ Marzu 2022.

V. Analiżi

A.   Fuq id‑domanda preliminari fil‑Kawża C‑704/20 u l‑ewwel domanda preliminari fil‑Kawża C‑39/21

65.

Preliminarjament, nippreċiża li d-dispożizzjonijiet li għandhom jiġu interpretati huma, fil-Kawża C‑39/21 l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2008/115, u fil-Kawża C‑704/20 l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2013/33 kif ukoll l-Artikolu 28(4) tar-Regolament Nru 604/2013 ( 24 ). Minkejja li l-Kawża C‑704/20 tirrigwarda l-istħarriġ ġudizzjarju tad-detenzjoni, filwaqt li l-Kawża C‑39/21 tirrigwarda l-istħarriġ ġudizzjarju taż-żamma ta’ detenzjoni, ser nagħżel konxjament li nikkunsidra l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2008/115 u l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2013/33 fl-intier tagħhom, peress li, kif ser nispjega fl-argumenti li ġejjin, jidhirli li għandhom jinsiltu tagħlimiet mid-diversi dispożizzjonijiet ta’ kull wieħed minn dawn l-artikoli, li huma addatti għal qari konġunt ( 25 ).

66.

Fil-kuntest ta’ regoli komuni li ġew adottati mil-leġiżlatur tal-Unjoni, il-bażi legali tad-detenzjoni hija essenzjalment kostitwita, għal dak li jirrigwarda ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu irregolarment, mill-Artikoli 15 sa 17 tad-Direttiva 2008/115, u fir-rigward taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi u tal-persuni mingħajr stat applikanti għal protezzjoni internazzjonali, mill-Artikoli 8 sa 11 tad-Direttiva 2013/33 kif ukoll mill-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 604/2013.

67.

Ir-raġunijiet ta’ detenzjoni previsti mid-dritt tal-Unjoni huma stabbiliti, għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi f’sitwazzjoni irregolari, fl-Artikolu 15 tad-Direttiva 2008/115, u għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi applikanti għal protezzjoni internazzjonali, fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 2013/33 kif ukoll fl-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 604/2013. Dawn id-dispożizzjonijiet, filwaqt li jiddefinixxu s-sistema applikabbli għat-tqegħid u ż-żamma f’detenzjoni, jippermettu li jiġu ddeterminati l-kundizzjonijiet tal-legalità ta’ miżuri ta’ detenzjoni. Dawn il-kundizzjonijiet jirrigwardaw b’mod partikolari l-kompetenza tal-korp li jkun adotta l-att ta’ tqegħid f’detenzjoni, ir-riskju li l-persuna detenuta taħrab, in-natura suffiċjenti ta’ miżuri oħra inqas restrittivi mid-detenzjoni, id-diliġenza tal-amministrazzjoni fil-proċedura ta’ tneħħija kif ukoll il-protezzjoni li minnha jibbenefikaw il-persuni vulnerabbli.

68.

Wara li saru dawn il-kjarifiki, ser neżamina b’mod konġunt id-domanda preliminari fil-Kawża C‑704/20 u l-ewwel domanda preliminari fil-Kawża C‑39/21. Fil-fatt, ma jidhirlix li għandha ssir distinzjoni tar-rwol tal-qorti skont jekk hijiex ser tiddeċiedi dwar il-legalità tat-tqegħid jew taż-żamma f’detenzjoni ( 26 ) jew inkella skont jekk id-detenzjoni hijiex imposta fil-kuntest tad-Direttiva 2008/115, tad-Direttiva 2013/33 jew tar-Regolament Nru 604/2013. Minkejja li r-raġunijiet ta’ tqegħid jew żamma f’detenzjoni ma humiex identiċi, il-prinċipji ta’ gwida li jippermettu d-definizzjoni tar-rwol tal-qorti huma komuni f’dawn iż-żewġ każijiet.

69.

Qabelxejn, nirrileva li l-leġiżlatur tal-Unjoni stabbilixxa ċertu numru ta’ regoli komuni li jirrigwardaw l-istħarriġ ġudizzjarju tat-tqegħid u taż-żamma f’detenzjoni taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi.

70.

Għalhekk, id-detenzjoni taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li jirrisjedi irregolament għandha tiġi ordnata, skont l-Artikolu 15(2) tad-Direttiva 2008/115 ( 27 ), minn awtorità amministrattiva jew ġudizzjarja, permezz ta’ deċiżjoni bil-miktub u motivata. Meta d-detenzjoni tiġi ordnata minn awtorità amministrattiva, l-Istat Membru kkonċernat għandu l-obbligu jew (skont l-Artikolu 15(2)(a) ta’ din id-direttiva) li jipprovdi “reviżjoni ġudizzjarja rapida tal-legalità tad-detenzjoni”, jew (skont l-Artikolu 15(2)(b) tal-imsemmija direttiva) jagħti “liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz konċernat id-dritt li jieħu proċedimenti li permezz tagħhom il-legalità tad-detenzjoni għandha tkun soġġetta għal reviżjoni ġudizzjarja rapida”. Barra minn hekk, l-Artikolu 15(3) tal-istess direttiva jipprovdi li d-detenzjoni għandha tiġi “riveduta f’intervalli raġonevoli ta’ żmien jew b’applikazzjoni miċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat jew ex officio” u li “[f]il-każ ta’ perijodi ta’ detenzjoni mtawla, ir-reviżjonijiet għandhom ikunu soġġetti għas-superviżjoni ta’ awtorità ġudizzjarja”.

71.

Għal dak li jirrigwarda ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi u l-persuni mingħajr stat applikanti għal protezzjoni internazzjonali, id-Direttiva 2013/33 tipprovdi regoli analogi kemm għall-istħarriġ ġudizzjarju tat-tqegħid f’detenzjoni (Artikolu 9(3) ta’ din id-direttiva) kif ukoll għal dak taż-żamma tad-detenzjoni (Artikolu 9(5) tal-imsemmija direttiva).

72.

F’dawn id-dispożizzjonijiet kollha, il-leġiżlatur tal-Unjoni jipprovdi stħarriġ ġudizzjarju li jista’ jitwettaq jew fuq talba taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat jew ex officio. L-imsemmija dispożizzjonijiet, li fid-dawl tal-importanza tad-dritt fundamentali għal-libertà u tal-indħil serju li tikkostitwixxi d-detenzjoni f’dan id-dritt ( 28 ), huma intiżi sabiex jipproteġu ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi minn detenzjoni arbitrarja, u għalhekk huma intiżi sabiex jiżguraw l-eżistenza, fl-Istati Membri kollha, ta’ stħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjonijiet ta’ tqegħid u sussegwentement ta’ żamma f’detenzjoni sabiex tiġi vverifikata l-legalità ta’ dawn id-deċiżjonijiet.

73.

Madankollu, dan il-leġiżlatur ma stabbilixxiex regoli komuni għal dak li jirrigwarda l-portata tal-istħarriġ li għandu jitwettaq mill-qorti sabiex tivverifika l-legalità tat-tqegħid jew taż-żamma f’detenzjoni. B’mod partikolari, l-imsemmi leġiżlatur ma pprovdiex espressament li l-qorti għandha, waqt l-istħarriġ ta’ legalità ta’ detenzjoni, teżamina l-punti ta’ fatt u ta’ liġi kollha li hija tqis rilevanti, irrispettivament mill-motivi u mill-argumenti invokati quddiemha. Il-modalitajiet ta’ dan l-istħarriġ jaqgħu għalhekk fl-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri.

74.

Għandu jiġi vverifikat jekk l-Artikolu 8:69(1) tal-Awb, sa fejn jirrestrinġi r-rwol tal-qorti adita mill-eżami tal-legalità tat-tqegħid jew taż-żamma f’detenzjoni għall-motivi u argumenti invokati minn ċittadin ta’ pajjiż terz biss, huwiex konformi mal-limiti li jiddelimitaw l-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri.

75.

F’dan ir-rigward, infakkar li skont ġurisprudenza stabbilita, fl-assenza ta’ regoli tal-Unjoni fil-qasam, huwa l-ordinament ġuridiku intern ta’ kull Stat Membru li għandu jirregola l-modalitajiet proċedurali tar-rimedji ġudizzjarji maħsuba sabiex tiġi żgurata s-salvagwardja tad-drittijiet tal-partijiet fil-kawża, skont il-prinċipju tal-awtonomija proċedurali, bil-kundizzjoni, madankollu, li dawn ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili suġġetti għad-dritt intern (prinċipju ta’ ekwivalenza) u li dawn ma jirrendux prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) ( 29 ).

76.

Għaldaqstant, dawn iż-żewġ kundizzjonijiet kumulattivi, jiġifieri l-osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, għandhom ikunu ssodisfatti sabiex Stat Membru jkun jista’ jinvoka l-prinċipju tal-awtonomija proċedurali f’sitwazzjonijiet li huma rregolati mid-dritt tal-Unjoni ( 30 ).

77.

Fir-rigward tal-prinċipju ta’ effettività, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li kull każ fejn tqum il-kwistjoni dwar jekk dispożizzjoni proċedurali nazzjonali tirrendix impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandu jiġi analizzat billi jittieħdu inkunsiderazzjoni r-rwol ta’ din id-dispożizzjoni fil-proċedura fl-intier tagħha, l-iżvolġiment tagħha u l-karatteristiċi partikolari tagħha, quddiem id-diversi istanzi nazzjonali. F’din il-perspettiva, għandhom b’mod partikolari jittieħdu inkunsiderazzjoni, jekk ikun il-każ, il-prinċipji li huma l-bażi tas-sistema ġudizzjarja nazzjonali, bħall-protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża, il-prinċipju ta’ ċertezza legali u l-iżvolġiment tajjeb tal-proċedura ( 31 ).

78.

Għalhekk, għandu jiġi enfasizzat li l-prinċipju ta’ effettività huwa ssodisfat biss bil-kundizzjoni li r-regola proċedurali inkwistjoni tkun konformi mad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarju effettiva ggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta ( 32 ). Għaldaqstant, l-obbligu tal-Istati Membri li jiżguraw l-effettività tad-drittijiet mogħtija lill-partijiet fil-kawża mid-dritt tal-Unjoni jimplika rekwiżit ta’ protezzjoni ġudizzjarja, stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta, li l-qorti nazzjonali għandha tosserva. Din il-protezzjoni tgħodd kemm fil-livell tal-istabbiliment tal-qrati li għandhom ġurisdizzjoni sabiex jisimgħu kawżi bbażati fuq id-dritt tal-Unjoni kif ukoll għal dak li jirrigwarda d-definizzjoni tal-modalitajiet proċedurali relattivi għal tali kawżi ( 33 ).

79.

Għalhekk, il-kwistjoni fiċ-ċentru ta’ dawn il-kawżi tista’ tiġi fformulata hekk: regola proċedurali nazzjonali li tostakola qorti nazzjonali milli teżamina ex officio motivi bbażati fuq il-ksur tad-dritt tal-Unjoni, sa fejn hija għandha l-effett li tipprekludi lil din il-qorti milli teżamina l-legalità ta’ miżura ta’ tqegħid jew ta’ żamma f’detenzjoni fir-rigward tal-motivi kollha xierqa sabiex jiġġustifikaw tali miżura, billi tmur, jekk ikun il-każ, lil hinn mill-motivi u argumenti mressqa mir-rikorrent, hija konformi mad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva ggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta?

80.

Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet f’kuntesti oħra li ma jikkontestawx id-dritt għal-libertà ggarantit mill-Artikolu 6 tal-Karta li l-prinċipju ta’ effettività ma jirrikjedix, bħala prinċipju, li l-qrati nazzjonali jqajmu ex officio motiv ibbażat fuq ksur ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, meta l-eżami ta’ dan il-motiv jobbligahom joħorġu mil-limiti tat-tilwima kif ċirkoskritta mill-partijiet, billi jibbażaw ruħhom fuq fatti u ċirkustanzi differenti minn dawk li fuqhom il-parti li għandha interess fl-applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjonijiet tkun ibbażat it-talba tagħha ( 34 ).

81.

Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, din il-limitazzjoni tas-setgħat tal-qorti nazzjonali hija ġġustifikata mill-prinċipju li jgħid li l-inizjattiva ta’ proċess tappartjeni lill-partijiet u li, konsegwentement, meta l-liġi proċedurali nazzjonali toffri possibbiltà reali lill-parti kkonċernata li tinvoka motiv ibbażat fuq id-dritt tal-Unjoni, il-qorti nazzjonali tista’ taġixxi ex officio biss f’każijiet eċċezzjonali fejn l-interess pubbliku jeżiġi l-intervent tagħha ( 35 ).

82.

F’dan ir-rigward, nirrileva li l-Artikolu 8:69(1) tal-Awb ma għandux l-effett li jipprekludi ċittadini ta’ pajjiżi terzi milli jqajmu motiv jew diversi motivi bbażati fuq l-inkompatibbiltà tat-tqegħid jew taż-żamma tagħhom f’detenzjoni mal-kundizzjonijiet previsti mir-regoli rilevanti tad-dritt sekondarju tal-Unjoni ( 36 ). Għalhekk, il-qorti adita ma hijiex prekluża minn din id-dispożizzjoni nazzjonali milli teżamina l-motivi bbażati fuq il-ksur tad-dritt tal-Unjoni invokati mir-rikorrent insostenn ta’ rikors kontra t-tqegħid jew iż-żamma tiegħu f’detenzjoni. Din il-qorti tista’ għalhekk, fid-dawl tal-motivi invokati quddiemha, teżerċita l-istħarriġ ta’ ġurisdizzjoni sħiħa li l-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat l-importanza tiegħu fis-sentenza tagħha tal‑5 ta’ Ġunju 2014, Mahdi ( 37 ).

83.

F’dan ir-rigward, infakkar li skont il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-istħarriġ li hija għandha twettaq, il-qorti nazzjonali għandha tkun tista’ tiddeċiedi dwar kull punt ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti sabiex tiddetermina jekk id-detenzjoni taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat hijiex iġġustifikata. Din il-qorti għandha, għalhekk, tkun f’pożizzjoni li tieħu inkunsiderazzjoni kemm il-punti ta’ fatt u l-provi invokati mill-awtorità amministrattiva li tkun ordnat id-detenzjoni kif ukoll kull osservazzjoni eventwali taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat. Barra minn hekk, hija għandha tkun f’pożizzjoni li tfittex kull element ieħor rilevanti għad-deċiżjoni tagħha fil-każ li tqis li dan huwa neċessarju. Minn dan isegwi li s-setgħat li għandha l-awtorità ġudizzjarja, ma jistgħu, fl-ebda każ, ikunu limitati biss għall-elementi ppreżentati mill-awtorità amministrattiva kkonċernata ( 38 ). Barra minn hekk, meta d-detenzjoni inizjalment ordnata ma tibqax iġġustifikata, l-awtorità ġudizzjarja kompetenti għandha tkun f’pożizzjoni li tissostitwixxi bid-deċiżjoni tagħha d-deċiżjoni tal-awtorità amministrattiva ( 39 ).

84.

Sabiex jiddefendi l-kompatibbiltà tal-Artikolu 8:69(1) tal-Awb mad-dritt tal-Unjoni fil-kuntest speċifiku tad-detenzjoni, il-Gvern Olandiż isostni, bħalma indikajt preċedentement, li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi ma humiex limitati fil-possibbiltà tagħhom li jissottomettu lill-qorti nazzjonali l-ilmenti kollha li huma jqisu rilevanti, u din tal-aħħar għandha, barra minn hekk, il-kapaċità li tittraduċi f’termini ġuridiċi l-elementi fattwali mressqa minn dawn iċ-ċittadini. Dan il-gvern iżid li bid-differenza għal dak li jeżisti fid-dritt amministrattiv ġenerali, fil-qasam tad-detenzjoni huma previsti garanziji addizzjonali, fosthom eżami sistematiku tagħhom minn qorti, anki fl-assenza ta’ rikors, smigħ u l-assistenza ta’ avukat speċjalizzat f’dan il-qasam. Barra minn hekk, l-awtorità amministrattiva kompetenti għandha l-obbligu li tivverifika l-kriterji ta’ legalità tat-tqegħid u taż-żamma f’detenzjoni, li jiġġustifika li l-qorti ma jkollhiex tipproċedi mill-ġdid għal stħarriġ daqshekk estiż, li jmur lil hinn mill-ilmenti mqajma mill-persuna kkonċernata.

85.

Madankollu, ma naħsibx li l-garanziji li għadhom kemm ġew elenkati huma ta’ natura li jiżguraw in-natura effettiva tal-protezzjoni ġudizzjarja li għandha tingħata liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi suġġetti għal miżura ta’ tqegħid jew ta’ żamma f’detenzjoni, sa fejn l-Artikolu 8:69(1) tal-Awb jista’ jippreġudika l-effettività sħiħa tar-rimedju intiż sabiex qorti tiddeċiedi dwar il-legalità ta’ tali miżura.

86.

Fir-rigward tad-dritt għal-libertà, li huwa ggarantit mill-Artikolu 6 tal-Karta, id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva ma għandu jkollu ebda lakuna u ma jittollera ebda angolu mhux magħruf. Għalkemm il-portata ta’ dan l-aħħar dritt tvarja skont il-kuntest speċifiku u ċ-ċirkustanzi proprji ta’ kull kawża, b’mod partikolari tan-natura tal-att inkwistjoni, tal-kuntest tal-adozzjoni tiegħu u tar-regoli ġuridiċi li jirregolaw l-qasam ikkonċernat ( 40 ), inqis li peress li huwa inkwistjoni d-dritt għal-libertà, id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva għandu jkun żgurat b’mod rigoruż u strett, billi jippermetti stħarriġ komplet, fir-rigward tal-portata u tal-intensità tiegħu, tal-legalità ta’ miżuri li jċaħħdu l-libertà. Fil-fehma tiegħi, dawn l-elementi jimmilitaw favur approċċ għall-kwistjoni relatata mal-eżami ex officio mill-qrati nazzjonali ta’ motivi bbażati fuq ksur tad-dritt tal-Unjoni, li għandu jkun speċifiku għall-verifika ta’ ksur potenzjali tad-dritt għal-libertà.

87.

F’dan ir-rigward, nenfasizza li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, fid-dawl tal-importanza tad-dritt għal-libertà u tal-indħil serju li tikkostitwixxi miżura ta’ detenzjoni f’dan id-dritt, il-limitazzjonijiet tal-eżerċizzju tiegħu għandhom japplikaw fil-limiti ta’ dak li huwa strettament neċessarju ( 41 ). Għalhekk, kull detenzjoni li taqa’ taħt id-Direttiva 2008/115, id-Direttiva 2013/33 u r-Regolament Nru 604/2013 hija delimitata strettament mid-dispożizzjonijiet ta’ dawn id-direttivi u ta’ dan ir-regolament, b’mod li jiżgura, minn naħa, l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità għal dak li jirrigwarda l-mezzi użati u l-għanijiet imfittxija, u min-naħa l-oħra, ir-rispett tad-drittijiet fundamentali tal-persuni kkonċernati ( 42 ). Għalhekk, il-miżuri ta’ detenzjoni adottati skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt sekondarju tal-Unjoni ma għandhomx jiksru d-dritt għal-libertà taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma s-suġġett ta’ tali miżuri, kif iggarantit fl-Artikolu 6 tal-Karta ( 43 ).

88.

Barra minn hekk, il-karatteristiċi tar-rimedji stabbiliti mill-Istati Membri sabiex jippermettu liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jinvokaw id-drittijiet tagħhom għandhom jiġu ddeterminati b’konformità mal-Artikolu 47 tal-Karta, li jipprovdi li kull pesuna li d-drittijiet u l-libertajiet tagħha ggarantiti mid-dritt tal-Unjoni jkunu ġew miksura għandha dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti b’osservanza tal-kundizzjonijiet previsti fl-imsemmi artikolu ( 44 ). Fil-fatt, meta jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni, l-Istati Membri għandhom jiżguraw ir-rispett tad-dritt għal rimedju effettiv, stabbilit fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, li jikkostitwixxi affermazzjoni mill-ġdid tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva ( 45 ).

89.

Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li skont il-Qorti tal-Ġustizzja, sa fejn hija ta’ natura li tippreġudika d-dritt għal-libertà taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat, stabbilit fl-Artikolu 6 tal-Karta, deċiżjoni li tordna t-tqegħid tiegħu f’detenzjoni jew l-estensjoni tad-detenzjoni tiegħu hija suġġetta għall-osservanza ta’ garanziji stretti, jiġifieri, b’mod partikolari, il-protezzjoni kontra l-arbitrarjetà. Issa, tali protezzjoni timplika, fost l-oħrajn, li detenzjoni tista’ tiġi ordnata jew estiża biss b’osservanza tar-regoli ġenerali u astratti li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet u l-modalitajiet tagħha ( 46 ). Hija l-effettività tal-istħarriġ ġudizzjarju tat-tqegħid jew taż-żamma f’detenzjoni li tippermetti li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jiġu ggarantiti d-drittijiet mogħtija lilhom minn dawn ir-regoli ( 47 ).

90.

Għandu jiġi indikat ukoll li r-restrizzjoni tal-kamp tal-eżami li għandha twettaq il-qorti meta tistħarreġ il-legalità tat-tqegħid jew taż-żamma f’detenzjoni tikkostitwixxi limitazzjoni tad-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti fis-sens tal-Artikolu 47 tal-Karta, li skont l-Artikolu 52(1) tal-Karta, hija ġġustifikata biss jekk din hija prevista mil-liġi, jekk tosserva l-kontenut essenzjali tal-imsemmi dritt u jekk, fl-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, hija neċessarja u tindirizza effettivament għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa ta’ protezzjoni ta’ drittijiet jew libertajiet ta’ oħrajn ( 48 ).

91.

Issa, inqis li jkun kuntrarju kemm għall-kontenut essenzjali tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, iggarantit fl-Artikolu 47 tal-Karta, li minnu tibbenefika persuna f’detenzjoni, u għall-protezzjoni tagħha minn detenzjoni arbitrarja, li tirriżulta mill-Artikolu 6 tal-Karta, li qorti tista’ tiġi prekluża milli teħles tali persuna, minkejja li hija tikkonstata, abbażi ta’ elementi li hija jkollha, li tali detenzjoni hija illegali. Kull interpretazzjoni oħra toħloq ksur fil-protezzjoni mid-detenzjoni arbitrarja, li jmur kontra l-importanza li għandha l-libertà individwali f’soċjetà demokratika ( 49 ).

92.

Fil-fatt, iċ-ċirkustanza li qorti tista’ twieġeb biss għall-motivi u l-argumenti invokati quddiemha, mingħajr ma tista’ tqajjem oħrajn ex officio, jista’ jkollha r-riżultat li persuna titqiegħed jew tinżamm f’detenzjoni, minkejja li l-kundizzjonijiet tagħha ma jkunux issodisfatti. Issa, mid-diversi dispożizzjonijiet tad-dritt sekondarju tal-Unjoni li jikkonkretizzaw id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva ggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta, u l-protezzjoni kontra detenzjoni arbitrarja, li tirriżulta mill-Artikolu 6 tal-Karta, jirriżulta li l-ħelsien immedjat huwa ta’ natura importanti meta d-detenzjoni tkun illegali jew mhux iġġustifikata. Għalhekk, fl-aħħar sentenza tal-Artikolu 15(2) tad-Direttiva 2008/115, huwa indikat li “[i]ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz konċernat għandu jiġi rilaxxat minnufih jekk id-detenzjoni ma tkunx legali”. Il-ħelsien immedjat tal-persuna kkonċernata huwa impost ukoll mill-Artikolu 15(4) ta’ din id-direttiva meta d-detenzjoni ma tibqax iġġustifikata, jiġifieri “[m]eta jkun jidher li ma għadux jeżisti prospett raġonevoli ta’ tneħħija għal konsiderazzjonijiet legali jew oħrajn jew il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 ma għadhomx aktar jeżistu”. Barra minn hekk, l-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2013/33 jipprovdi li “[m]eta, b’riżultat tar-rieżami ġudizzjarju, id-detenzjoni tinstab li kienet illegali, l-applikant ikkonċernat għandu jinħeles minnufih”.

93.

Fil-fehma tiegħi, il-garanziji proċedurali mressqa mill-Gvern Olandiż ma jippermettux li jiġi evitat kull riskju li, minħabba l-impossibbiltà għall-qorti adita li tqajjem ex officio ċerti motivi u argumenti, persuna tkun suġġetta għal miżura ta’ tqegħid jew żamma f’detenzjoni minkejja li l-kundizzjonijeit ta’ tali miżura ma jkunux issodisfatti, li jmur direttament kontra d-dispożizzjonijiet tad-dritt sekondarju tal-Unjoni li għandi kemm iċċitajt, li għandhom jiġu interpretati b’konformità mad-drittijiet fundamentali protetti mill-Karta.

94.

F’tali sitwazzjoni, il-protezzjoni ġudizzjarja li minnha tibbenefika tali persuna ma tistax, fil-fehma tiegħi, tiġi kklassifikata bħala effettiva. Fil-fatt, fil-kuntest ta’ rikors kontra miżura ta’ tqegħid jew żamma f’detenzjoni, l-effettività ta’ dan ir-rikors għandha titqabbel man-natura imperattiva tal-ħelsien taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ladarba l-kundizzjonijiet li jippermettu l-adozzjoni ta’ tali miżura ma jkunux issodisfatti. Għalhekk, protezzjoni ġudizzjarja effettiva ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz suġġett għal miżura ta’ tqegħid jew ta’ żamma f’detenzjoni ma hijiex żgurata jekk il-qorti li għandha tistħarreġ il-legalità ta’ din il-miżura tiġi prekluża, minn regola proċedurali nazzjonali, milli teħles lil dan iċ-ċittadin, minkejja li tikkonstata, abbażi tal-elementi li għandha, li ma jista’ jiġi identifikat ebda motiv validu ta’ detenzjoni. Barra minn hekk, l-applikazzjoni ta’ tali regola proċedurali fil-kuntest tad-detenzjoni tista’ tippreġudika l-effett sħiħ tar-regoli ġenerali u astratti li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet u l-modalitajiet, billi ċċaħħad liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi kkonċernati milli jibbenefikaw mid-drittijiet li jisiltu minn dawn ir-regoli.

95.

Għalhekk, nikkunsidra li l-limitazzjoni tal-portata tal-istħarriġ tal-qorti għall-motivi u l-argumenti invokati mir-rikorrent biss tista’ twassal għal ksur tad-dispożizzjonijiet tad-dritt sekondarju tal-Unjoni li jimponu fuq l-awtoritajiet nazzjonali obbligu li jeħilsu lill-persuna suġġetta għal miżura li ċċaħħad il-libertà illegali. Għaldaqstant, in-natura awtomatika u imperattiva tal-ħelsien, meta l-kundizzjonijiet ta’ tqegħid jew żamma f’detenzjoni ma jkunux issodisfatti, tillimita, fil-fehma tiegħi, il-marġni ta’ manuvra li għandhom l-Istati Membri sabiex jistabbilixxu l-modalitajiet proċedurali tar-rimedji ġudizzjarji, billi timponi fuqhom obbligu ta’ riżultat. Dan jikkonsisti f’li jiżguraw li dawn ir-rimedji jkunu organizzati b’tali mod li jippermettu liċ-ċittadini ta’ pajjiż terzi f’detenzjoni jiksbu li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti ma jkunux jistgħux iżommu din id-detenzjoni jekk il-kundizzjonijiet ta’ tali miżura ma jkunux issodisfatti. Fid-dawl tal-importanza, enfasizzata diversi drabi mill-Qorti tal-Ġustizzja, tad-dritt għal-libertà, jidhirli partikolarment mhux xieraq li jiġi aċċettat li regola proċedurali nazzjonali tista’ tikkontribwixxi sabiex jitħallew dubji dwar il-legalità ta’ att li jwassal għat-tqegħid jew żamma f’detenzjoni ( 50 ).

96.

Fir-rigward tal-argument invokat mill-Gvern Olandiż, li semmejt preċedentement, li l-awtorità amministrattiva kompetenti għandha l-obbligu li tivverifika l-kriterji ta’ legalità tat-tqegħid u taż-żamma f’detenzjoni, li jiġġustifika li l-qorti ma tkunx obbligata twettaq stħarriġ mill-ġdid daqstant estiż, li jmur lil hinn mill-ilmenti mqajma mill-persuna kkonċernata, nirrileva, bħall-Kummissjoni, li l-kundizzjonijiet tal-legalità tad-detenzjoni huma obbligatorji kemm għall-awtorità amministrattiva kompetenti kif ukoll għall-qorti. Għalhekk, inqis li wieħed jista’ jikkontesta li jiġi kkunsidrat li din l-awtorità jkollha teżamina f’kull każ jekk dawn il-kundizzjonijiet humiex issodisfatti filwaqt li l-qorti jkollha r-rwol tagħha limitat f’dan ir-rigward b’applikazzjoni ta’ regola proċedurali li tipprekludiha tiddeċiedi lil hinn mill-ilmenti mqajma mill-persuna kkonċernata. Fi kliem ieħor, il-fatt li tiġi limitata l-kompetenza tal-qorti, filwaqt li dik tal-awtorità amministrattiva ma tiġix, jidhirli li huwa kemm kontradittorju kif ukoll inkompatibbli man-natura imperattiva tal-kundizzjonijiet tal-legalità tad-detenzjoni.

97.

Barra minn hekk, infakkar li hija l-qorti li hija l-gwardjana tal-libertà individwali ( 51 ). Għaldaqstant, sistema li permezz tagħha l-awtorità amministrattiva kompetenti tkun marbuta twettaq eżami eżawrjenti tal-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni, filwaqt li l-qorti adita bl-istħarriġ tal-legalità ta’ tali miżura ma jkollhiex kompetenza daqstant estiża, jidhirli li hija żbilanċjata u ma hijiex ta’ natura li tiżgura liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Hija l-qorti u mhux l-awtorità amministrattiva li għandha l-aħħar kelma dwar jekk miżura ta’ tqegħid jew ta’ żamma f’detenzjoni tissodisfax il-kundizzjonijiet imperattivi previsti mil-liġi.

98.

Mill-preċedenti jirriżulta li meta qorti tkun adita bl-istħarriġ tal-legalità ta’ tqegħid jew ta’ żamma f’detenzjoni, din il-qorti għandha tivverifika l-osservanza tar-regoli ġenerali u astratti li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet u l-modalitajiet ( 52 ). Billi tillimita din il-verifika għall-motivi u l-argumenti invokati mir-rikorrent, l-applikazzjoni tal-Artikolu 8:69(1) tal-Awb fil-kuntest tal-istħarriġ ta’ legalità ta’ miżura ta’ detenzjoni hija, fil-fehma tiegħi, inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, peress li ma tosservax il-prinċipju ta’ effettività.

99.

Insostenn ta’ din il-konstatazzjoni ta’ inkompatibbiltà, nirrileva wkoll li din ir-regola proċedurali twassal sabiex miżura li ċċaħħad il-libertà tkun suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju li l-portata tiegħu tvarja skont jekk hijiex detenzjoni deċiża minn awtorità amministrattiva jew detenzjoni deċiża mill-qorti kriminali.

100.

F’dan ir-rigward, infakkar li r-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat) jindika fid-deċiżjoni ta’ rinviju tiegħu li l-Artikolu 8:69 tal-Awb ma japplikax għall-proċeduri kriminali. Għaldaqstant, il-qorti kriminali ma għandhiex tillimita ruħha għall-motivi jew argumenti invokati minn suspettat jew minn prosekutur fil-kuntest tal-istħarriġ tal-miżura li ċċaħħad il-libertà inkwistjoni. F’dan ir-rigward, ir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat) jenfasizza li hawnhekk hija l-qorti kriminali nnifisha li timponi tali miżura, li jikkostitwixxi, fil-fehma tiegħu, differenza importanti meta mqabbla mal-adozzjoni ta’ miżura ta’ detenzjoni mill-awtorità amministrattiva kompetenti.

101.

Madankollu, u għalkemm dawn iż-żewġ tipi ta’ miżuri jfittxu għanijiet differenti, xorta jibqa’ l-fatt li ż-żewġ każijiet jirrigwardaw miżura li ċċaħħad il-libertà li għandha tiġi deċiża biss abbażi tal-kundizzjonijiet elenkati fil-liġi. Jidhirli li huwa insuffiċjenti li differenza fir-rigward tal-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju tiġi ġġustifikata mill-fatt li miżuri li jċaħħdu l-libertà jaqgħu taħt żewġ fergħat tad-dritt nazzjonali differenti, jiġifieri, minn naħa, id-dritt kriminali u min-naħa l-oħra, id-dritt amministrattiv. Barra minn hekk, ikun paradossali li persuna ssuspettata li wettqet reat kriminali tibbenefika minn protezzjoni ġudizzjarja ikbar minn dik li ma hijiex issuspettata li wettqet tali reat.

102.

Inżid li r-regola proċedurali nazzjonali inkwistjoni hija, fil-fehma tiegħi, inkompatibbli mal-fatt li l-oneru tal-prova tan-natura neċessarja u proporzjonata ta’ miżura ta’ tqegħid jew ta’ żamma f’detenzjoni jaqa’ fuq l-awtorità li ddeċidiet li tieħu tali miżura. Fil-fatt, din ir-regola tista’ twassal sabiex, fin-nuqqas li r-rikorrent jinvoka motiv jew argument speċifiku, il-qorti adita tkun imċaħħda mill-possibbiltà li tivverifika, b’mod partikolari, jekk l-awtorità amministrattiva kompetenti wrietx li miżura inqas restrittiva ma kinitx suffiċjenti. Madankollu, inqis li jkunu xi jkunu l-motivi u l-argumenti invokati mir-rikorrent, din il-qorti għandu jkollha setgħa li tivverifika jekk din l-awtorità nħelsitx b’mod korrett mill-oneru tal-prova li għandha. Jekk l-imsemmija qorti tikkunsidra li l-fajl li l-imsemmija awtorità ssottomettitilha, ikkompletat, jekk ikun il-każ, mill-elementi miġbura fil-kuntest tad-dibattitu kontradittorju miżmum quddiemha, huwa insuffiċjenti sabiex jiġġustifika miżura ta’ tqegħid jew żamma f’detenzjoni, ebda regola proċedurali nazzjonali ma għandha tipprekludiha milli teħles immedjatament il-persuna suġġetta għal tali miżura.

103.

Inqis ukoll li detenzjoni arbitrarja ma tistax tkun raġonevolment iġġustifikata mill-prinċipju ta’ ċertezza legali. Fir-rigward tal-iżvolġiment tajjeb tal-proċedura, b’mod partikolari għal dak li jirrigwarda d-dewmien inerenti għall-evalwazzjoni ta’ motivi ġodda ( 53 ), jiena tal-fehma li l-ħeffa li biha għandu jitwettaq l-istħarriġ ġudizzjarju ma tistax tiġġustifika eżami parzjali tal-legalità ta’ detenzjoni.

104.

Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li skont id-dritt tal-Unjoni, miżura ta’ tqegħid jew ta’ żamma f’detenzjoni tista’ tiġi deċiża minn awtorità ġudizzjarja jew minn awtorità amministrattiva.

105.

Nikkunsidra li l-istħarriġ eżerċitat minn qorti meta tkun adita b’rikors kontra miżura ta’ tqegħid jew ta’ żamma f’detenzjoni għandu jkun ta’ intensità u ta’ portata ekwivalenti għal dak li teżerċita din il-qorti meta, skont id-dritt nazzjonali, ikollha tadotta tali miżura.

106.

Issa, l-applikazzjoni ta’ regola proċedurali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija, fil-fehma tiegħi, ta’ natura li tippreġudika r-rekwiżit ta’ uniformità tal-istħarriġ tal-legalità tad-detenzjoni bejn l-Istati Membri. Stħarriġ b’ġeometrija varjabbli tal-legalità ta’ detenzjoni jidhirli li huwa inkompatibbli mal-konstatazzjoni li l-kundizzjonijiet li abbażi tagħhom tista’ tiġi deċiża detenzjoni huma l-oġġett ta’ armonizzazzjoni mid-dritt sekondarju tal-Unjoni. Diverġenzi dwar il-portata ta’ dan l-istħarriġ bejn l-Istati Membri huma wkoll ta’ natura li jippreġudikaw l-effettività ta’ regoli sostantivi li jistabbilixxu, fuq livell tal-Unjoni, il-kundizzjonijiet ta’ tqegħid jew ta’ żamma f’detenzjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz.

107.

Għalhekk, interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt sekondarju tal-Unjoni fis-sens li jimponu li l-qorti adita tistħarreġ l-osservanza tal-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex ċittadin ta’ pajjiż terz jitqiegħed jew jinżamm f’detenzjoni, irrispettivament mill-motivi u argumenti invokati minn dan tal-aħħar, twassal sabiex tnaqqas id-differenzi fir-rigward tal-portata tal-protezzjoni ġudizzjarja li minnha jibbenefika tali ċittadin, skont jekk l-Istat Membru kkonċernat għażilx li jafda l-kompetenza li tiġi adottata miżura ta’ tqegħid jew żamma f’detenzjoni lil awtorità ġudizzjarja jew awtorità amministrattiva. Protezzjoni ġudizzjarja uniformi fl-Istati Membri kollha tikkontribwixxi ċertament sabiex tiżgura n-natura effettiva ta’ din il-protezzjoni, skont l-Artikolu 47 tal-Karta.

108.

Fil-fehma tiegħi, l-istess rekwiżit ta’ uniformità fl-istħarriġ ġudizzjarju tal-legalità tad-detenzjoni japplika wkoll skont jekk Stat Membru għażilx stħarriġ awtomatiku jew abbażi ta’ talba mill-persuna kkonċernata.

109.

Fil-qosor, nikkunsidra li l-għażla mħollija lill-Istati Membri, minn naħa, bejn l-adozzjoni ta’ miżura ta’ tqegħid jew ta’ żamma f’detenzjoni minn awtorità amministrattiva jew inkella minn awtorità ġudizzjarja, u min-naħa l-oħra, bejn stħarriġ ġudizzjarju ex officio jew abbażi ta’ rikors minn tali miżura deċiża minn awtorità amministrattiva, ma għandhiex tiġi tradotta fil-prattika f’differenzi bejn l-Istati Membri fir-rigward tal-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju tal-legalità ta’ din il-miżura.

110.

Dawn l-elementi kollha jwassluni sabiex nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domanda preliminari magħmula fil-Kawża C‑704/20 u għall-ewwel domanda preliminari magħmula fil-Kawża C‑39/21 li l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2008/115, l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2013/33 u l-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 604/2013, moqrija flimkien mal-Artikoli 6 u 47 tal-Karta, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-qorti nazzjonali adita bl-istħarriġ tal-legalità tat-tqegħid jew taż-żamma f’detenzjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz għandha tivverifika, abbażi tal-punti ta’ fatt u ta’ liġi li hija tqis rilevanti, l-osservanza tar-regoli ġenerali u astratti li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet u l-modalitajiet tagħha, irrispettivament mill-motivi u mill-argumenti invokati minn dan tal-aħħar insostenn tar-rikors tiegħu. Dawn l-istess dispożizzjonijiet jipprekludu regola proċedurali nazzjonali li għandha l-effett li tipprekludi lil din il-qorti milli twettaq din il-verifika ex officio u teħles ċittadin ta’ pajjiż terz, minkejja li tikkonstata li tali detenzjoni tmur kontra d-dritt tal-Unjoni.

B.   Fuq it‑tielet domanda preliminari fil‑Kawża C‑39/21

111.

Infakkar li skont l-Artikolu 8:77(1)(b) tal-Awb, il-qorti nazzjonali adita b’rikors għandha tagħti deċiżjoni bil-miktub li tkun motivata. Madankollu, l-Artikolu 91(2) tal-Vw 2000 jipprovdi eċċezzjoni li tapplika meta r-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat) jiddeċiedi appell mis-sentenzi li jirrigwardaw it-tqegħid f’detenzjoni. F’dan il-każ, jekk din il-qorti “tqis li lment invokat ma jistax iwassal għall-annullament, hija tista’ tillimita ruħha għal din l-evalwazzjoni fil-motivi tad-deċiżjoni tagħha”.

112.

Il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni ta’ din il-possibbiltà ta’ motivazzjoni mqassra hekk offruta lir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat) meta dan jiddeċiedi fit-tieni jew fl-aħħar istanza dwar il-legalità ta’ deċiżjoni ta’ tqegħid f’detenzjoni.

113.

Il-Gvern Olandiż iqis li t-tielet domanda preliminari magħmula fil-Kawża C‑39/21 hija inammissibbli.

114.

Ċertament huwa minnu li r-regola stabbilita mill-Artikolu 91(2) tal-Vw 2000, li ttaffi l-obbligu ta’ motivazzjoni fil-proċeduri ta’ appell, ma hijiex intiża sabiex tapplika fil-kuntest tal-proċedura adita biha r-rechtbank Den Haag, zittingsplaats ‘s-Hertogenbosch (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag, sedenti f’Hertogenbosch) (Kawża C‑39/21), iżda biss fil-kuntest tal-proċedura ta’ appell introdotta quddiem ir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat) (Kawża C‑704/20). Madankollu, minkejja dawn iċ-ċirkustanzi, insibha diffiċli sabiex nikkunsidra li t-tielet domanda preliminari magħmula fil-Kawża C‑39/21 hija totalment irrilevanti fil-kuntest ta’ proċedura quddiem ir-rechtbank Den Haag, zittingsplaats ‘s-Hertogenbosch (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag, sedenti f’Hertogenbosch) li tirrigwarda ż-żamma ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz f’detenzjoni.

115.

Fil-fatt, nirrileva li fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, ir-rechtbank Den Haag, zittingsplaats ‘s-Hertogenbosch (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag, sedenti f’Hertogenbosch) tindika r-raġunijiet li għalihom il-motivazzjoni mqassra ta’ deċiżjonijiet mogħtija fl-appell mir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat) għal dak li jirrigwarda t-tqegħid f’detenzjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz jista’ jkollha riperkussjonijiet fuq it-tmexxija ta’ proċedura sussegwenti quddiemha, dwar iż-żamma f’detenzjoni ta’ dan tal-aħħar. F’dan ir-rigward, ir-rechtbank Den Haag, zittingsplaats ‘s-Hertogenbosch (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag, sedenti f’Hertogenbosch) tenfasizza l-importanza li għandha d-deċiżjoni tal-aħħar istanza fil-proċedura kollha, billi tenfasizza li wara deċiżjoni tar-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat) li tiċħad rikors kontra l-miżura li timponi detenzjoni, din il-miżura tista’ tkompli mingħajr ma ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jista’ jkun jaf ir-raġunijiet ta’ din id-deċiżjoni ( 54 ). Issa, fil-kuntest tal-kontestazzjoni taż-żamma f’detenzjoni ta’ tali ċittadin, skont id-dritt Olandiż, huwa l-avukat ta’ dan iċ-ċittadin li għandu jiddetermina l-portata tat-tilwima, billi jippreżenta l-fatti u ċ-ċirkustanzi li l-qorti għandha teżamina sabiex tiddeċiedi dwar il-legalità tad-detenzjoni. Skont ir-rechtbank Den Haag, zittingsplaats ‘s-Hertogenbosch (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag, sedenti f’Hertogenbosch), din il-funzjoni tista’ tirriżulta kumplikata fil-prattika jekk dan l-avukat ma jkunx jaf ir-raġunijiet li għalihom ir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat) ma laqax l-ilmenti li huma invokati preċedentement kontra d-deċiżjoni ta’ tqegħid f’detenzjoni ( 55 ).

116.

Barra minn hekk, peress li r-rechtbank Den Haag, zittingsplaats ‘s-Hertogenbosch (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag, sedenti f’Hertogenbosch) tindika, billi tiċċita deċiżjoni tar-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat), li dan tal-aħħar ma xtaqx jagħmel domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar dan il-punt ( 56 ), ma narax rimedju ieħor minbarra dak segwit minn din il-qorti li permezz tiegħu l-kwistjoni dwar il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tal-motivazzjoni mqassra ta’ deċiżjonijiet mogħtija fl-appell mir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat) tista’ tiġi sottomessa għall-Qorti tal-Ġustizzja, tal-inqas fir-rigward tal-proċedura preliminari ( 57 ).

117.

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, fil-fehma tiegħi, ma jidhirx b’mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali jew li l-kwistjoni invokata hija ta’ natura ipotetika ( 58 ), sa fejn ir-risposta għad-domanda magħmula mir-rechtbank Den Haag, zittingsplaats ‘s-Hertogenbosch (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag, sedenti f’Hertogenbosch), għal dak li jirrigwarda l-motivazzjoni mqassra tas-sentenzi mogħtija fl-appell mir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat) fil-qasam tad-detenzjoni, jista’ jkollha riperkussjonijiet fuq il-proċeduri sussegwenti relattivi għal din l-istess detenzjoni, bħal proċedura li permezz tagħha ż-żamma f’detenzjoni tal-persuna kkonċernata tiġi kkontestata, li huwa preċiżament il-każ fil-kawża prinċipali fil-Kawża C‑39/21.

118.

Għaldaqstant nikkunsidra li t-tielet domanda preliminari magħmula f’din il-kawża, sa fejn tirrigwarda l-konformità mad-dritt tal-Unjoni ta’ prattika tar-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat) li tikkonsisti f’ li jimmotiva b’mod mqassar id-deċiżjoni tiegħu meta jiddeċiedi fit-tieni jew l-aħħar istanza dwar il-legalità ta’ miżura ta’ tqegħid f’detenzjoni, għandha tibbenefika mill-preżunzjoni ta’ rilevanza u tkun l-oġġett ta’ risposta sostantiva mill-Qorti tal-Ġustizzja. Barra minn hekk, il-fatt li l-Kawżi C‑704/20 u C‑39/21 ġew magħquda jimmilita f’dan is-sens peress li jippermetti li wieħed jifhem il-proċedura Olandiża kollha ta’ tqegħid jew ta’ żamma f’detenzjoni, fl-istanzi differenti tagħha, fid-dawl tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva ggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta.

119.

Fil-mertu, nirrileva li l-istabbilimet ta’ tieni livell ta’ ġurisdizzjoni kontra d-deċiżjonijiet ta’ tqegħid f’detenzjoni kif ukoll ir-regola li tippermetti lir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat) jadotta motivazzjoni mqassra meta jiċħad ir-rikors ippreżentat quddiemu jikkostitwixxu modalitajiet proċedurali li jimplimentaw id-dritt għal rimedju effettiv ta’ tali deċiżjonijiet kif ikkonkretizzat fl-Artikolu 15(2) tad-Direttiva 2008/115, rilevanti biss fil-Kawża C‑39/21 ( 59 ). Tali modalitjiet proċedurali għandhom josservaw il-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività ( 60 ). L-osservanza ta’ dawn il-prinċipji għandha tkun analizzata billi jittieħdu inkunsiderazzjoni r-rwol tar-regoli kkonċernati fil-proċedura kollha, tal-iżvolġiment tal-imsemmija proċedura u tal-partikolarità ta’ dawn ir-regoli, quddiem id-diversi istanzi nazzjonali ( 61 ).

120.

Mill-angolu tal-prinċipju ta’ ekwivalenza, il-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑39/21 tenfasizza li huwa biss fil-proċeduri amministrattivi li jirrigwardaw id-dritt tal-barranin, mibdija miċ-ċittadini ta’ Stati terzi u miċ-ċittadini tal-Unjoni, li teżisti eċċezzjoni għall-obbligu ta’ motivazzjoni u setgħa tar-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat) li jkun qiegħed jiddeċiedi fit-tieni u l-aħħar istanza, li jiddeċiedi mingħajr ma jipprovdi raġunijiet sostantivi.

121.

F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-osservanza tal-prinċipju ta’ ekwivalenza jeħtieġ trattament ugwali tal-azzjonijiet bbażati fuq ksur tad-dritt nazzjonali u dawk simili, ibbażati fuq ksur tad-dritt tal-Unjoni, iżda mhux l-ekwivalenza tar-regoli proċedurali nazzjonali applikabbli għal kontenzjuż ta’ natura differenti ( 62 ). Għalhekk, minn naħa, għandhom jiġu identifikati l-proċeduri jew l-azzjonijiet paragunabbli u, min-naħa l-oħra, jiġi ddeterminat jekk l-azzjonijiet ibbażati fuq id-dritt nazzjonali humiex ittrattati b’mod iktar favorevoli mill-azzjonijiet li jirrigwardaw is-salvagwardja tad-drittijiet li l-individwi jisiltu mid-dritt tal-Unjoni ( 63 ). Fir-rigward tan-natura paragunabbli tal-azzjonijiet, hija l-qorti nazzjonali, li għandha għarfien dirett tal-modalitajiet proċedurali applikabbli, li għandha tivverifika x-xebh tal-azzjonijiet ikkonċernati mill-perspettiva tas-suġġett tagħhom, tal-iskop tagħhom u tal-elementi essenzjali tagħhom ( 64 ). Fir-rigward tat-trattament simili tal-azzjonijiet, jeħtieġ li jitfakkar li kull każ fejn tirriżulta l-kwistjoni dwar jekk dispożizzjoni proċedurali nazzjonali dwar l-azzjonijiet ibbażati fuq id-dritt tal-Unjoni hijiex inqas favorevoli minn dawk li jirrigwardaw azzjonaijiet simili ta’ natura interna għandu jiġi analizzat mill-qorti nazzjonali billi jittieħdu inkunsiderazzjoni r-rwol tar-regoli kkonċernati fil-proċedura kollha, l-iżvolġiment tal-imsemmija proċedura u l-partikolaritajiet ta’ dawn ir-regoli, quddiem il-varji istanzi nazzjonali ( 65 ).

122.

Nikkunsidra li l-elementi li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja ma jippermettulhiex tikkonstata li r-regola prevista fl-Artikolu 91(2) tal-Vw 2000 tikser il-prinċipju ta’ ekwivalenza, peress li l-eżistenza ta’ trattament iktar favorevoli rriżervat għal azzjonijiet simili bbażati fuq id-dritt intern ma jidhirlix li ġiet ipprovata. F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika l-osservanza ta’ dan il-prinċipju billi tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi misluta mill-ġurisprudenza li għadni kif fakkart.

123.

Fir-rigward tal-prinċipju ta’ effettività, indikajt preċedentement li dan ma jinkludix rekwiżiti li jmorru lil hinn minn dawk li jirriżultaw mid-drittijiet fundamentali, b’mod partikolari mid-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, iggarantiti mill-Karta ( 66 ).

124.

Issa, id-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv kontra deċiżjoni ta’ detenzjoni, kif ikkonkretizzat fl-Artikolu 15(2) ( 67 ) tad-Direttiva 2008/115, jeħtieġ jew stħarriġ ġudizzjarju ex officio jew l-eżistenza ta’ rimedju ġudizzjarju fuq inizjattiva tal-persuna kkonċernata, mingħajr ma jeħtieġ l-istabbiliment ta’ livell ta’ ġurisdizzjoni doppju. Tali rekwiżit lanqas ma jissemma fl-Artikolu 15(3) ta’ din id-direttiva, għal dak li jirrigwarda ż-żamma f’detenzjoni jew l-estensjoni tagħha.

125.

Barra minn hekk, fir-rigward tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, jidhirli li huwa essenzjali li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li jikkontesta t-tqegħid tiegħu f’detenzjoni, u mbagħad, bħal f’dan il-każ, iż-żamma tiegħu f’detenzjoni, ikun jaf il-motivi taċ-ċaħda tar-rikors tiegħu kontra d-deċiżjoni ta’ detenzjoni, u dan peress li skont id-dritt Olandiż, id-deċiżjoni mogħtija mill-qorti tal-ewwel istanza dwar dan ir-rikors għandha tkun motivata. Inżid li jekk il-Qorti tal-Ġustizzja taderixxi ma’ dak li nipproponilha għal dak li jirrigwarda l-eżami ex officio mill-qorti tal-kundizzjonijiet tal-legalità tad-detenzjoni, din il-motivazzjoni tas-sentenza tal-ewwel istanza tista’ biss tissaħħaħ.

126.

Barra minn hekk, nirrileva li l-kundizzjonijiet tal-użu ta’ motivazzjoni mqassra mir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat) huma stabbiliti mid-dritt Olandiż. Fil-fatt, mill-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-Gvern Olandiż jirriżulta li motivazzjoni mqassra tista’ tingħata biss f’każ ta’ ċaħda tal-appell mid-deċiżjoni tal-qorti tal-ewwel istanza. Barra minn hekk, sa fejn il-proċedura tal-appell għandha l-għan li tippermetti lir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat) jiżgura l-uniformità u l-iżvilupp tad-dritt, huwa biss bil-kundizzjoni li dawn iż-żewġ rekwiżiti ma jeħtiġux motivazzjoni sostantiva li din il-qorti tkun tista’ tagħti motivazzjoni mqassra. Għalhekk, l-użu ta’ din il-forma ta’ motivazzjoni tesprimi, skont kif fhimt ir-regola proċedurali inkwistjoni, l-adeżjoni tar-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat) mal-motivazzjoni u mar-riżultat tas-sentenza tal-ewwel istanza.

127.

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, inqis li r-regola proċedurali prevista fl-Artikolu 91(2) tal-Vw 2000, hekk mifhuma, tosserva l-prinċipju ta’ effettività.

128.

Għalhekk, fil-fehma tiegħi, l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2008/115, moqri flimkien mal-Artikoli 6 u 47 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li mingħajr ħsara għall-osservanza tal-prinċipju ta’ ekwivalenza li għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju, ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li b’applikazzjoni tagħha qorti nazzjonali li tiddeċiedi fit-tieni u l-aħħar istanza dwar appell mis-sentenza tal-ewwel istanza li tkun iddeċidiet dwar il-legalità ta’ tqegħid f’detenzjoni, tista’ timmotiva s-sentenza tagħha b’mod mqassar, sa fejn dan ifisser li hija taderixxi mal-motivazzjoni u mar-riżultat tas-sentenza tal-ewwel istanza.

C.   Fuq it‑tieni domanda preliminari u l‑aħħar parti tat‑tielet domanda preliminari fil‑Kawża C‑39/21

129.

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk ir-risposti għall-ewwel u t-tielet domanda preliminari tagħha jkunux differenti jekk iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz imqiegħed f’detenzjoni jkun minuri.

130.

Għandu jitfakkar li skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-proċedura prevista fl-Artikolu 267 TFUE hija strument ta’ kooperazzjoni bejnha u l-qrati nazzjonali. Minn dan jirriżulta li huma biss il-qrati nazzjonali, li quddiemhom tkun tressqet il-kawża u li jkollhom jassumu r-responsabbiltà għall-eventwali deċiżjoni ġudizzjarja, li għandhom jevalwaw, fid-dawl tad-dettalji partikolari ta’ kull kawża, kemm il-bżonn ta’ deċiżjoni preliminari sabiex ikunu jistgħu jagħtu d-deċiżjoni tagħhom u kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li huma jagħmlu lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, meta d-domandi magħmula mill-qrati nazzjonali jkunu jikkonċernaw l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tkun, bħala prinċipju, meħtieġa tagħti deċiżjoni ( 68 ).

131.

Madankollu, ir-rifjut li tingħata deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli, b’mod partikolari, meta jidher b’mod ċar li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba ma għandha x’taqsam xejn mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali jew fejn il-problema hija ta’ natura ipotetika ( 69 ).

132.

Issa, it-tieni domanda u l-aħħar parti tat-tielet domanda fil-Kawża C‑39/21 jaqgħu, preċiżament, f’dan l-aħħar każ. Fil-fatt, jidher b’mod ċar li dawn id-domandi ma għandhom x’jaqsmu xejn mas-suġġett tal-kawża prinċipali, li ma jirrigwardax minuri. L-imsemmija domandi huma, għalhekk, ta’ natura ipotetika.

133.

Għaldaqstant it-tieni domanda u l-aħħar parti tat-tielet domanda fil-Kawża C‑39/21 huma, fil-fehma tiegħi, inammissibbli.

VI. Konklużjoni

134.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari magħmula mir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat, il-Pajjiżi l-Baxxi), fil-Kawża C‑704/20, u mir-rechtbank Den Haag, zittingsplaats ‘s-Hertogenbosch (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag, sedenti f’Hertogenbosch, il-Pajjiżi l-Baxxi), fil-Kawża C‑39/21:

1)

L-Artikolu 15 tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment, l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2013/33/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali u l-Artikolu 28 tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida, moqrija flimkien mal-Artikoli 6 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-qorti nazzjonali adita bl-istħarriġ tal-legalità tat-tqegħid jew taż-żamma f’detenzjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz għandha tivverifika, abbażi tal-punti ta’ fatt u ta’ liġi li hija tqis rilevanti, l-osservanza tar-regoli ġenerali u astratti li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet u l-modalitajiet tagħha, irrispettivament mill-motivi u mill-argumenti invokati minn dan tal-aħħar insostenn tar-rikors tiegħu. Dawn id-dispożizzjonijiet jipprekludu regola proċedurali nazzjonali li għandha l-effett li tipprekludi lil din il-qorti milli twettaq din il-verifika ex officio u teħles ċittadin ta’ pajjiż terz, minkejja li hija tikkonstata li tali detenzjoni tmur kontra d-dritt tal-Unjoni.

2)

L-Artikolu 15 tad-Direttiva 2008/115, moqri flimkien mal-Artikoli 6 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, għandu jiġi interpretat fis-sens li, bla ħsara għall-osservanza tal-prinċipju ta’ ekwivalenza li għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju, ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li b’applikazzjoni tagħha qorti nazzjonali li tiddeċiedi fit-tieni u l-aħħar istanza dwar appell mis-sentenza tal-ewwel istanza li tkun iddeċidiet dwar il-legalità ta’ tqegħid f’detenzjoni, tista’ timmotiva s-sentenza tagħha b’mod mqassar, sa fejn dan ifisser li hija taderixxi mal-motivazzjoni u mar-riżultat tas-sentenza tal-ewwel istanza.

3)

It-tieni domanda u l-aħħar parti tat-tielet domanda fil-Kawża C‑39/21 huma inammissibbli.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Ara f’dan ir-rigward, Boiteux‑Picheral, C., “L’équation liberté, sécurité, justice au prisme de la rétention des demandeurs d’asile”, Sa Justice – L’Espace de Liberté, de Sécurité et de Justice – Liber amicorum en hommage à Yves Bot, Bruylant, Brussell, 2022, p. 605.

( 3 ) ĠU 2008, L 348, p. 98.

( 4 ) ĠU 2013, L 180, p. 96.

( 5 ) ĠU 2013, L 180, p. 31, rettifika fil-ĠU 2017, L 49, p. 50.

( 6 ) Stb. 2000, Nru 495, iktar ’il quddiem il-“Vw 2000”.

( 7 ) Stb. 1992, Nru 315, iktar ’il quddiem l-“Awb”.

( 8 ) C‑222/05 sa C‑225/05, EU:C:2007:318.

( 9 ) C‑249/11, EU:C:2012:608.

( 10 ) C‑146/14 PPU, EU:C:2014:1320.

( 11 ) C‑924/19 PPU u C‑925/19 PPU, EU:C:2020:367.

( 12 ) C‑227/08, EU:C:2009:792.

( 13 ) C‑147/16, EU:C:2018:320.

( 14 ) C‑146/14 PPU, EU:C:2014:1320.

( 15 ) C‑924/19 PPU u C‑925/19 PPU, EU:C:2020:367.

( 16 ) Iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950, iktar ’il quddiem il-“KEDB”.

( 17 ) Ara s-sentenza tal-Qorti EDB tad‑19 ta’ Mejju 2016, J.N. vs Ir‑Renju Unit (CE:ECHR:2016:0519JUD003728912, punt 87).

( 18 ) Ara s-sentenzi tal-Qorti EDB tat‑28 ta’ Ottubru 2003, Rakevich vs Ir‑Russja, (CE:ECHR:2003:1028JUD005897300, punt 43), u tad‑9 ta’ Lulju 2009, Morren vs Il‑Ġermanja (CE:ECHR:2009:0709JUD001136403, punt 106).

( 19 ) Ara s-sentenza tar-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat) tad‑9 ta’ Ġunju 2021 (Nru 202006815/1/V3, NL:RVS:2021:1155), disponibbli fl-indirizz elettroniku segwenti: https://uitspraken.rechtspraak.nl/inziendocument?id=ECLI:NL:RVS:2021:1155.

( 20 ) C‑199/11, EU:C:2012:684.

( 21 ) C‑528/15, EU:C:2017:213.

( 22 ) C‑146/14 PPU, EU:C:2014:1320.

( 23 ) C‑924/19 PPU u C‑925/19 PPU, EU:C:2020:367.

( 24 ) Din id-dispożizzjoni tirreferi b’mod partikolari għall-Artikolu 9 tad-Direttiva 2013/33.

( 25 ) Għalhekk, nenfasizza li minkejja li l-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2008/115 jista’ jidher partikolarment iktar rilevanti għall-Kawża C‑39/21, peress li r-rimedju kontra ż-żamma f’detenzjoni jinftiehem bħala modalità ta’ kif tiġi “riveduta f’intervalli raġonevoli” dik imposta mill-ewwel sentenza ta’ din id-dispożizzjoni, l-analiżi għandha, fil-fehma tiegħi, tieħu inkunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ dan l-artikolu, b’mod partikolari l-paragrafu 1, li jipprovdi r-raġunijiet tad-detenzjoni, u l-paragrafu 2, li jistabbilixxi, b’mod partikolari, l-prinċipju u ċerti modalitajiet tal-istħarriġ ġudizzjarju tad-detenzjoni. Barra minn hekk, ninnota li fid-dritt Olandiż, l-istħarriġ ġudizzjarju tad-detenzjoni u dak taż-żamma f’detenzjoni huma strettament marbuta peress li, kif jispjega l-Gvern Olandiż fl-osservazzjonijiet tiegħu, f’rikors ippreżentat kontra ż-żamma f’detenzjoni, il-kundizzjonijiet kollha tad-detenzjoni jistgħu, bħala prinċipju jiġu evalwati mill-ġdid.

( 26 ) Kif diġà rrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja, id-detenzjoni u l-estensjoni tagħha jippreżentaw natura analoga, peress li t-tnejn għandhom l-effett li jċaħħdu liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat mil-libertà: ara fir-rigward tad-Direttiva 2008/115, is-sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2022, Landkreis Gifhorn (C‑519/20, EU:C:2022:178, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata). L-istess konstatazzjoni tista’ ssir fir-rigward tat-tqegħid u ż-żamma f’detenzjoni.

( 27 ) Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, din id-dispożizzjoni, kif ukoll l-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2013/33 jikkostitwixxu “materjalizzazzjoni”, fil-qasam ikkunsidrat, tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva mogħti fl-Artikolu 47 tal-Karta (sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2020, Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság Dél-alföldi Regionális Igazgatóság, C‑924/19 PPU u C‑925/19 PPU, EU:C:2020:367, punt 289).

( 28 ) Ara b’mod partikolari, is-sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2020, Ministerio Fiscal (Awtorità li tista’ tirċievi applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali) (C‑36/20 PPU, EU:C:2020:495, punt 105 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 29 ) Ara b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑10 ta’ Marzu 2021, Konsul Rzeczypospolitej Polskiej w N. (C‑949/19, EU:C:2021:186, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata), tal‑15 ta’ April 2021, État belge (Elementi sussegwenti għad-deċiżjoni ta’ trasferiment) (C‑194/19, EU:C:2021:270, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll tat‑22 ta’ April 2021, Profi Credit Slovakia (C‑485/19, EU:C:2021:313, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 30 ) Ara s-sentenza tas‑17 ta’ Marzu 2016, Bensada Benallal (C‑161/15, EU:C:2016:175, punt 25).

( 31 ) Ara b’mod partikolari, is-sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2020, Commissaire général aux réfugiés et aux apatrides (Ċaħda ta’ applikazzjoni sussegwenti – Terminu għall-preżentata ta’ rikors) (C‑651/19, EU:C:2020:681, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 32 ) Ara f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek fil-kawża An tAire Talmhaíochta Bia agus Mara et (C‑64/20, EU:C:2021:14) li jindika li “r-rekwiżit ta’ effettività, mifhum bħala kundizzjoni għall-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali, […] jikkoinċidi fil-prattika mad-dritt fundamentali għal rimedju ġudizzjarju effettiv skont l-Artikolu 47 tal-[Karta]” (punt 41).

( 33 ) Ara b’mod partikolari, is-sentenzi tas‑17 ta’ Lulju 2014, Sánchez Morcillo u Abril García (C‑169/14, EU:C:2014:2099, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll tat‑22 ta’ April 2021, Profi Credit Slovakia (C‑485/19, EU:C:2021:313, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata). Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll li l-prinċipju ta’ effettività “ma jinkludix, […] rekwiżiti li jmorru lil hinn minn dawk li jirriżultaw mid-drittijiet fundamentali, b’mod partikolari mid-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, iggarantiti mill-Kata”: ara s-sentenza tas‑26 ta’ Settembru 2018, Staatssecretaris van Veiligheid en justitie (Effett sospensiv tal-appell) (C‑180/17, EU:C:2018:775, punt 43).

( 34 ) Ara b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑14 ta’ Diċembru 1995, van Schijndel u van Veen (C‑430/93 u C‑431/93, EU:C:1995:441, punt 22), u tas‑7 ta’ Ġunju 2007, van der Weerd et (C‑222/05 sa C‑225/05, EU:C:2007:318, punt 36). Ara wkoll, iktar reċenti, is-sentenza tal‑25 ta’ Marzu 2021, Balgarska Narodna Banka (C‑501/18, EU:C:2021:249, punt 135 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 35 ) Ara b’mod partikolari, is-sentenza tas‑26 ta’ April 2017, Farkas (C‑564/15, EU:C:2017:302, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 36 ) Ara b’mod partikolari, b’analoġija, is-sentenza tas‑26 ta’ April 2017, Farkas (C‑564/15, EU:C:2017:302, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 37 ) C‑146/14 PPU, EU:C:2014:1320.

( 38 ) Ara s-sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2014, Mahdi (C‑146/14 PPU, EU:C:2014:1320, punt 62). Ara wkoll, is-sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2022, Landkreis Gifhorn (C‑519/20, EU:C:2022:178, punt 65).

( 39 ) Ara s-sentenzi tal‑5 ta’ Ġunju 2014, Mahdi (C‑146/14 PPU, EU:C:2014:1320, punt 62), u tal‑14 ta’ Mejju 2020, Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság Dél-alföldi Regionális Igazgatóság (C‑924/19 PPU u C‑925/19 PPU, EU:C:2020:367, punt 293).

( 40 ) Ara b’mod partikolari, is-sentenzi tat‑18 ta’ Lulju 2013, Il‑Kummisjoni et vs Kadi (C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punt 102), tad‑9 ta’ Frar 2017, M (C‑560/14, EU:C:2017:101, punt 33), u tas‑26 ta’ Lulju 2017, Sacko (C‑348/16, EU:C:2017:591, punt 41).

( 41 ) Ara b’mod partikolari, is-sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2017, K. (C‑18/16, EU:C:2017:680, punt 40), u tal‑15 ta’ Frar 2016, N. (C‑601/15 PPU, EU:C:2016:84, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 42 ) Ara b’mod partikolari, fir-rigward tad-Direttiva 2008/115, is-sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2022, Landkreis Gifhorn (C‑519/20, EU:C:2022:178, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata). Il-Qorti tal-Ġustizzja indikat ukoll li l-kunċett ta’ “detenzjoni”, fis-sens tad-Direttivi 2008/115 u 2013/33, “jikkontempla l-istess realtà waħdanija”: ara s-sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2020, Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság Dél-alföldi Regionális Igazgatóság (C‑924/19 PPU u C‑925/19 PPU, EU:C:2020:367, punt 224). Barra minn hekk, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, kemm mill-formulazzjoni u mill-kuntest kif ukoll mill-oriġini tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2013/33 jirriżulta li l-possibbiltà li applikant jinżamm f’detenzjoni hija suġġetta għall-osservanza ta’ serje ta’ kundizzjonijiet li għandhom l-għan li jillimitaw strettament l-użu ta’ tali miżura: ara b’mod partikolari, is-sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2017, K. (C‑18/16, EU:C:2017:680, punt 41), kif ukoll is-sentenza tal‑15 ta’ Frar 2016, N. (C‑601/15 PPU, EU:C:2016:84, punt 57).

( 43 ) Ara b’mod partikolari, fir-rigward tad-Direttiva 2008/115, is-sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2022, Landkreis Gifhorn (C‑519/20, EU:C:2022:178, punt 41).

( 44 ) Ara b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑10 ta’ Marzu 2021, Konsul Rzeczypospolitej Polskiej w N. (C‑949/19, EU:C:2021:186, punt 44), u tal‑24 ta’ Novembru 2020, Minister van Buitenlandse Zaken (C‑225/19 u C‑226/19, EU:C:2020:951, punt 42).

( 45 ) Ara b’mod partikolari, is-sentenza tal‑15 ta’ April 2021, État belge (Elementi sussegwenti għad-deċiżjoni ta’ trasferiment) (C‑194/19, EU:C:2021:270, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 46 ) Ara s-sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2022, Landkreis Gifhorn (C‑519/20, EU:C:2022:178, punt 62). Fis-sentenza tagħha tal‑15 ta’ Frar 2016, N. (C‑601/15 PPU, EU:C:2016:84), il-Qorti tal-Ġustizzja rreferiet għall-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar l-Artikolu 5(1) tal-KEDB, li minnu jirriżulta li l-implimentazzjoni ta’ miżura li ċċaħħad il-libertà, sabiex tkun konformi mal-għan li jikkonsisti fil-protezzjoni tal-individwu kontra l-arbitrarjetà, timplika, b’mod partikolari, li tkun nieqsa minn kwalunkwe element ta’ mala fide jew ta’ qerq min-naħa tal-awtoritajiet, li tkun konformi mal-għan tar-restrizzjonijiet awtorizzati mis-subparagrafu rilevanti tal-Artikolu 5(1) tal-KEDB u li jkun hemm rabta ta’ proporzjonalità bejn ir-raġuni invokata u ċ-ċaħda tal-libertà inkwistjoni (punt 81 ta’ din is-sentenza, li tirreferi għas-sentenza tal-Qorti EDB tad‑29 ta’ Jannar 2008, Saadi vs Ir‑Renju Unit (CE:ECHR:2008:0129JUD001322903, punti 68 sa 74).

( 47 ) Ara f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-Kawża D.H. (C‑704/17, EU:C:2019:85), li jindika li “hija l-effettività tal-istħarriġ ġudizzjarju ta’ deċiżjonijiet ta’ detenzjoni li ser tiddetermina jekk il-kundizzjonijiet sostantivi fl-Artikolu 8, u l-garanziji fl-Artikolu 9, tad-Direttiva 2013/33, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, joperawx b’mod li jipproteġu lill-applikanti kif huma intiżi li jagħmlu” (punt 70).

( 48 ) Ara b’analoġija, fir-rigward ta’ garanzija ta’ kondotta tajba bħala kundizzjoni ta’ ammissibbiltà ta’ kull rimedju fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi, is-sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2016, Star Storage et (C‑439/14 u C‑488/14, EU:C:2016:688, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll, b’analoġija, fir-rigward ta’ obbligu li jiġu eżawriti r-rimedji amministrattivi disponibbli qabel jiġi ppreżentat rikors ġudizzjarju intiż għall-konstatazzjoni ta’ ksur tad-dritt għal protezzjoni ta’ datat personali, is-sentenza tas‑27 ta’ Settembru 2017, Puškár (C‑73/16, EU:C:2017:725, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 49 ) Ara f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Settembru 2019, Rayonna prokuratura Lom (C‑467/18, EU:C:2019:765, punt 44 u l-ġurisprudenza tal-Qorti EDB iċċitata).

( 50 ) Hawnhekk nispira ruħi mill-kliem użat mill-Qorti tal-Ġustizzja, f’qasam ieħor, fis-sentenza tagħha tas‑17 ta’ Diċembru 1959Société des fonderies de Pont-à-Mousson vs L‑Awtorità Għolja (14/59, EU:C:1959:31, p. 474).

( 51 ) L-Artikolu 5(4) tal-KEDB jistabbilixxi wkoll id-dritt tal-persuni arrestati jew detenuti li jiksbu “malajr” deċiżjoni ġudizzjarja dwar ir-regolarità tad-detenzjoni tagħhom u li ttemm iċ-ċaħda ta’ libertà tagħhom jekk titqies illegali: ara b’mod partikolari, is-sentenza tal-Qorti EDB tal‑4 ta’ Diċembru 2018, Ilnseher vs Il‑Ġermanja (CE:ECHR:2018:1204JUD001021112, punt 251).

( 52 ) Fir-rigward tal-kwistjoni ta’ dipendenza ta’ X fil-Kawża C‑39/21, nikkunsidra li dak li jinsab fl-Artikolu 16(3) tad-Direttiva 2008/115 li jipprovdi li “[g]ħandha tingħata attenzjoni partikolari lis-sitwazzjoni ta’ persuni vulnerabbli” u li “[g]ħandhom jingħataw kura tas-saħħa f’emerġenza u trattament essenzjali għal mard”, jagħmel parti minn dawn ir-regoli.

( 53 ) Ara b’mod partikolari, is-sentenzi tas‑7 ta’ Ġunju 2007, van der Weerd et (C‑222/05 sa C‑225/05, EU:C:2007:318, punt 38), u tas‑7 ta’ Awwissu 2018, Hochtief (C‑300/17, EU:C:2018:635, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 54 ) Deċiżjoni tar-rinviju fil-Kawża C‑39/21, punt 44.

( 55 ) Deċiżjoni tar-rinviju fil-Kawża C‑39/21, punt 48.

( 56 ) Deċiżjoni tar-rinviju fil-Kawża C‑39/21, punt 47.

( 57 ) Ċertament, jista’ jiġi kkunsidrat li din il-kwistjoni tista’ tiġi suġġetta lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Madankollu, id-dimostrazzjoni magħmula mir-rechtbank Den Haag, zittingsplaats ‘s-Hertogenbosch (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag, sedenti f’Hertogenbosch) tikkonvinċini li l-imsemmija kwistjoni, fid-dawl tar-riperkussjonijiet potenzjali tagħha fuq il-proċedura quddiemha, għandha tiġi eżaminata fil-kuntest tad-djalogu minn qorti għal qorti li din il-qorti bdiet.

( 58 ) Ara b’mod partikolari, is-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Hochtief Solutions Magyarországi Fióktelepe (C‑620/17, EU:C:2019:630, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 59 ) Ara b’mod partikolari, b’analoġija, is-sentenzi tas‑26 ta’ Settembru 2018, Belastingdienst/Toeslagen (Effett sospensiv tal-appell) (C‑175/17, EU:C:2018:776, punt 38), u tas‑26 ta’ Settembru 2018, Staatssecretaris van Veiligheid en justitie (Effett sospensiv tal-appell) (C‑180/17, EU:C:2018:775, punt 34).

( 60 ) Ara b’mod partikolari, is-sentenzi tas‑26 ta’ Settembru 2018, Belastingdienst/Toeslagen (Effett sospensiv tal-appell) (C‑175/17, EU:C:2018:776, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata) u tas‑26 ta’ Settembru 2018, Staatssecretaris van Veiligheid en justitie (Effett sospensiv tal-appell) (C‑180/17, EU:C:2018:775, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 61 ) Ara b’mod partikolari, is-sentenzi tas‑26 ta’ Settembru 2018, Belastingdienst/Toeslagen (Effett sospensiv tal-appell) (C‑175/17, EU:C:2018:776, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata) u tas‑26 ta’ Settembru 2018, Staatssecretaris van Veiligheid en justitie (Effett sospensiv tal-appell) (C‑180/17, EU:C:2018:775, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 62 ) Ara b’mod partikolari, is-sentenzi tas‑26 ta’ Settembru 2018, Belastingdienst/Toeslagen (Effett sospensiv tal-appell) (C‑175/17, EU:C:2018:776, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll tas‑26 ta’ Settembru 2018, Staatssecretaris van Veiligheid en justitie (Effett sospensiv tal-appell) (C‑180/17, EU:C:2018:775, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 63 ) Ara b’mod partikolari, is-sentenzi tas‑26 ta’ Settembru 2018, Belastingdienst/Toeslagen (Effett sospensiv tal-appell) (C‑175/17, EU:C:2018:776, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll tas‑26 ta’ Settembru 2018, Staatssecretaris van Veiligheid en justitie (Effett sospensiv tal-appell) (C‑180/17, EU:C:2018:775, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 64 ) Ara b’mod partikolari, is-sentenzi tas‑26 ta’ Settembru 2018, Belastingdienst/Toeslagen (Effett sospensiv tal-appell) (C‑175/17, EU:C:2018:776, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll tas‑26 ta’ Settembru 2018, Staatssecretaris van Veiligheid en justitie (Effett sospensiv tal-appell) (C‑180/17, EU:C:2018:775, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 65 ) Ara b’mod partikolari, is-sentenzi tas‑26 ta’ Settembru 2018, Belastingdienst/Toeslagen (Effett sospensiv tal-appell) (C‑175/17, EU:C:2018:776, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll tas‑26 ta’ Settembru 2018, Staatssecretaris van Veiligheid en justitie (Effett sospensiv tal-appell) (C‑180/17, EU:C:2018:775, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 66 ) Ara s-sentenzi tas‑26 ta’ Settembru 2018, Belastingdienst/Toeslagen (Effett sospensiv tal-appell) (C‑175/17, EU:C:2018:776, punt 47), u tas‑26 ta’ Settembru 2018, Staatssecretaris van Veiligheid en justitie (Effett sospensiv tal-appell) (C‑180/17, EU:C:2018:775, punt 43).

( 67 ) Jew immaterjalizzat f’din id-dispożizzjoni, sabiex nirreferi għall-kelma “materjalizzazzjoni” użata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tal‑14 ta’ Mejju 2020, Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság Dél-alföldi Regionális Igazgatóság (C‑924/19 PPU u C‑925/19 PPU, EU:C:2020:367, punt 289).

( 68 ) Ara b’mod partikolari, is-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Hochtief Solutions Magyarországi Fióktelepe (C‑620/17, EU:C:2019:630, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 69 ) Ara b’mod partikolari, is-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Hochtief Solutions Magyarországi Fióktelepe (C‑620/17, EU:C:2019:630, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).