KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

COLLINS

ippreżentati fit-8 ta’ Diċembru 2022 ( 1 )

Kawża C‑692/20

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq

“Nuqqas ta’ Stat Membru li jwettaq obbligi – Direttiva 95/60/KE – Immarkar fiskali tan-nafta – Nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ sentenza – Artikolu 260(1) TFUE – Impożizzjoni ta’ ħlas ta’ somma f’daqqa – Artikolu 260(2) TFUE – Gravità tal-ksur – Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika – Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq – Persistenza tal-ksur wara t-tmiem tal-perijodu ta’ tranżizzjoni fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq – Konsegwenzi tal-kalkolu tal-ħlas ta’ somma f’daqqa”

I. Introduzzjoni

1.

Fis-sentenza tagħha tas-17 ta’ Ottubru 2018 fil-kawża Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (C‑503/17, mhux ippubblikata, EU:C:2018:831, iktar ’il quddiem is-“sentenza fil-Kawża C‑503/17”), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ( 2 ) li, billi jippermetti l-użu ta’ fjuwil immarkat ( 3 ) għall-propulsjoni ta’ inġenji tal-baħar ta’ delizzju privati, ukoll jekk dan il-fjuwil ma jkunx suġġett għal ebda eżenzjoni minn jew tnaqqis f’dazju tas-sisa, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq kien naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt id-Direttiva tal-Kunsill 95/60/KE tas-27 ta’ Novembru 1995 dwar l-immarkar fiskali tan-nafta u tal-pitrolju ( 4 ).

2.

Fil-21 ta’ Diċembru 2020 il-Kummissjoni Ewropea fetħet din il-kawża skont l-Artikolu 260 TFUE kontra r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, billi talbet għal dikjarazzjoni li huwa kien naqas milli jeżegwixxi s-sentenza fil-Kawża C‑503/17 u talbet li l-Qorti tal-Ġustizzja timponi sanzjoni finanzjarja.

3.

Din il-kawża għandha mill-inqas tliet karatteristiċi ġodda. Hija l-unika waħda tax-xorta tagħha miftuħa kontra r-Renju Unit meta kien għadu membru tal-Unjoni Ewropea. It-tieni, hija nfetħet matul il-perijodu ta’ tranżizzjoni stabbilit fil-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (iktar ’il quddiem il-“Ftehim ta’ Ħruġ”) ( 5 ). It-tielet, malli skada dak il-perijodu ta’ tranżizzjoni r-Renju Unit kien obbligat jeżegwixxi s-sentenza fil-Kawża C‑503/17 fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq biss ( 6 ). Sabiex tiddeċiedi din il-kawża l-Qorti tal-Ġustizzja jeħtiġilha, għalhekk, tistabbilixxi jekk l-aħħar minn dawn it-tliet karatteristiċi (a) jimmitigax il-gravità tal-ksur u/jew (b) għandhiex il-konsegwenza li għandu jintuża l-Prodott Gross Domestiku (PGD) tal-Irlanda ta’ Fuq, bħala distint minn dak tar-Renju Unit, għall-kalkolu tal-ħlas ta’ somma f’daqqa.

II. Il-proċedura prekontenzjuża

4.

B’ittra tat-22 ta’ Ottubru 2018, il-Kummissjoni talbet lir-Renju Unit sabiex jiddeskrivi fil-qosor, fi żmien xahrejn, il-miżuri li huwa ppjana li jieħu sabiex jeżegwixxi s-sentenza fil-Kawża C‑503/17, mogħtija fis-17 ta’ Ottubru 2018. Ir-Renju Unit wieġeb b’ittra tad-19 ta’ Diċembru 2018. Huwa spjega dwar id-diffikultajiet prattiċi li kellu quddiemu sabiex iwettaq tali eżekuzzjoni ( 7 ). Huwa indika li kien biħsiebu jipprojbixxi l-użu ta’ fjuwil immarkat għall-propulsjoni ta’ inġenji tal-baħar ta’ delizzju privati billi jippromulga leġiżlazzjoni primarja fl-2019 u billi jippreżenta l-leġiżlazzjoni sekondarja lill-Parlament fl-2020.

5.

Minħabba li ma kienet waslitilha ebda informazzjoni oħra, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lir-Renju Unit fil-15 ta’ Mejju 2020, fis-sens li dan tal-aħħar kien għadu ma ħax il-miżuri meħtieġa sabiex jeżegwixxi s-sentenza fil-Kawża C‑503/17. Din l-ittra talbet li jintbagħtu osservazzjonijiet fi żmien erba’ xhur mill-wasla tagħha, u wara l-Kummissjoni setgħet tirreferi l-każ lill-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 260(2) TFUE.

6.

Matul konferenza telefonika li saret fit-12 ta’ Awwissu 2020, ir-Renju Unit spjega lid-dipartimenti tal-Kummissjoni li, filwaqt li kienet għaddejja konsultazzjoni ulterjuri ma’ partijiet interessati dwar l-użu ta’ fjuwil immarkat, il-leġiżlazzjoni primarja rilevanti kienet ġiet promulgata u li r-Renju Unit kien ser jgħaddi sabiex jadotta l-leġiżlazzjoni sekondarja meħtieġa.

7.

Ir-Renju Unit wieġeb għall-ittra ta’ intimazzjoni fil-11 ta’ Settembru 2020. Huwa spjega li, bħala konsegwenza tal-elezzjoni ġenerali li kienet saret f’Diċembru 2019, ma kien ippromulgat ebda abbozz finanzjarju dik is-sena. Risposti għall-konsultazzjoni msemmija iktar ’il fuq żvelaw ukoll għadd ta’ sfidi ta’ natura prattika għall-implimentazzjoni ta’ miżuri sabiex isseħħ l-eżekuzzjoni tas-sentenza fil-Kawża C‑503/17. Ir-Renju Unit indika li konsultazzjoni pubblika oħra kienet ser tintemm fl-1 ta’ Ottubru 2020, li warajha huwa jiddeċiedi meta jneħħi d-dritt għall-użu ta’ fjuwil immarkat għall-propulsjoni ta’ inġenji tal-baħar ta’ delizzju privati.

III. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

8.

Minħabba li ma kienet waslitilha ebda komunikazzjoni oħra mir-mir-Renju Unit, il-Kummissjoni fetħet din il-kawża fil-21 ta’ Diċembru 2020 ( 8 ). Hija titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tikkonstata li, billi ma ħax il-miżuri meħtieġa sabiex jeżegwixxi s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C‑503/17, ir-Renju Unit naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 260(1) TFUE, moqri flimkien mal-Artikoli 127 u 131 tal-Ftehim ta’ Ħruġ;

tikkundanna lir-Renju Unit, skont l-Artikolu 260(2) [TFUE], moqri flimkien mal-Artikoli 127 u 131 tal-Ftehim ta’ Ħruġ, iħallas lill-Kummissjoni somma f’daqqa ta’ EUR 35 873.20 immultiplikata bin-numru ta’ jiem li jkunu għaddew bejn id-data tal-għoti tas-sentenza fil-Kawża C‑503/17 u d-data li fiha r-Renju Unit jeżegwixxi dik is-sentenza jew id-data tas-sentenza f’din il-kawża, skont liema tiġi l-ewwel, b’somma f’daqqa minima ta’ EUR 8901000;

tikkundanna lir-Renju-Unit għall-ispejjeż tal-kawża preżenti.

9.

Ir-Renju Unit sussegwentement għarraf lill-Kummissjoni li l-leġiżlazzjoni sekondarja ppromulgata fit-28 ta’ Ġunju 2021 kienet ġabet fis-seħħ id-dispożizzjonijiet tal-Finance Act 2020 ( 9 ) u pprojbiet l-użu ta’ fjuwil immarkat għall-propulsjoni ta’ inġenji tal-baħar ta’ delizzju privati fl-Irlanda ta’ Fuq b’effett mill-1 ta’ Ottubru 2021 ( 10 ). B’ittra tal-11 ta’ Frar 2022 lill-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni indikat li, għal din ir-raġuni hija kienet irtirat it-talba tar-rikors għall-impożizzjoni ta’ pagamenti ta’ penalità ta’ kuljum. Madankollu hija żammet it-talba għall-impożizzjoni ta’ ħlas ta’ somma f’daqqa għal nuqqas ta’ konformità bejn is-17 ta’ Ottubru 2018, id-data tas-sentenza fil-Kawża C‑503/17, u t-30 ta’ Settembru 2021, id-data li fiha r-Renju Unit kien konformi magħha.

10.

Fit-28 ta’ Settembru 2022 inżammet seduta li fiha l-Kummissjoni u r-Renju Unit ippreżentaw argumenti orali u rrispondew għad-domandi tal-Qorti tal-Ġustizzja.

IV. Analiżi

A. Il-Kummissjoni tat lir-Renju Unit żmien biżżejjed sabiex jeżegwixxi s-sentenza fil-Kawża C‑503/17?

1.   L-argumenti tal-partijiet

11.

L-ittra ta’ intimazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta’ Mejju 2020 talbet osservazzjonijiet mingħand ir-Renju Unit fi żmien erba’ xhur mid-data tal-wasla tal-ittra, jiġifieri l-15 ta’ Settembru 2020 (iktar ’il quddiem id-“data ta’ evalwazzjoni’”. Il-Kummissjoni hija tal-fehma li din il-kawża hija ġġustifikata minħabba li, billi ma eżegwixxiex is-sentenza fil-Kawża C‑503/17 sad-data ta’ evalwazzjoni, ir-Renju Unit naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 260(1) TFUE. Skont il-Kummissjoni Stat Membru ma jistax jistrieħ fuq diffikultajiet prattiċi sabiex jiġġustifika nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fi kwalunkwe każ, id-diffikultajiet li r-Renju Unit jiddeskrivi ma jiġġustifikawx id-dewmien fl-eżekuzzjoni.

12.

Ir-Renju Unit jissottometti li kemm l-ittra ta’ intimazzjoni tal-Kummissjoni, kif ukoll il-bidu tal-proċedura skont l-Artikolu 260 TFUE, kienu prematuri. Huwa korollarju tar-rekwiżit previst fil-ġurisprudenza li Stat Membru jeżegwixxi sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja malajr kemm jista’ jkun, li fl-evalwazzjoni ta’ jekk Stat Membru kellux biżżejjed żmien sabiex jeżegwixxi s-sentenza, il-Kummissjoni tqis kif imiss kwalunkwe ostakolu prattiku sabiex jinkiseb dan ir-riżultat.

13.

Ir-Renju Unit jargumenta li l-Kummissjoni ħawdet diffikultajiet legali jew politiċi ma’ ċerti diffikultajiet prattiċi tanġibbli li ġiet affaċjata bihom. Fost dawn hija semmiet it-tul tal-kosta Brittanika; l-għadd kbir ta’ portijiet ta’ daqsijiet varji; il-vijabbiltà ta’ portijiet iżgħar li jipprovdu fjuwil mhux immarkat lil inġenji tal-baħar ta’ delizzju privati, u fjuwil immarkat lil vapuri kummerċjali, u d-diffikultà li jinkiseb permess ta’ ippjanar għal bini ta’ tankijiet oħra f’ambjenti marini sensittivi. Qamu kwistjonijiet dwar id-deterjorament ta’ fjuwil meta jinħażen għal żmien twil bħala konsegwenza li jinbiegħ fi kwantitajiet żgħar. In-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ fjuwil mhux immarkat jista’ jġiegħel lil operaturi ta’ inġenji tal-baħar ta’ delizzju privati jaħżnu tali fjuwil abbord l-inġenji tagħhom jew li jixtru fjuwil immarkat mingħajr ma jħallsu l-ammont korrett ta’ dazju ( 11 ). Dgħajjes mingħajr żewġ tankijiet sabiex jitħaffef il-ħżin separat ta’ fjuwil għall-propulsjoni, u fjuwil għal tisjir u tisħin, jiltaqgħu ma’ diffikultajiet bħalma jiġrilhom vapuri li jitqiegħdu għal użu kummerċjali għal parti tas-sena u għal użu rikreattiv għal parti oħra.

14.

Għall-inqas il-Kummissjoni missha spjegat għaliex hija qieset li dawn id-diffikultajiet prattiċi ma kinux jiġġustifikaw li r-Renju Unit jingħata iktar żmien sabiex jeżegwixxi s-sentenza fil-Kawża C‑503/17.

15.

Ir-Renju Unit josserva wkoll li, fis-seba’ xhur minnufih qabel id-data ta’ evalwazzjoni, il-pandemija COVID-19, li laqtet lir-Renju Unit iktar milli laqtet lill-parti l-kbira tal-pajjiżi oħra fl-Ewropa, ħolqot sfidi addizzjonali sabiex isseħħ l-eżekuzzjoni.

16.

Fil-kontroreplika ġie sostnut li jekk nuqqas li jiġu adottati miżuri xierqa sad-data ta’ evalwazzjoni prevista fl-ittra ta’ intimazzjoni awtomatikament jikkawża ksur tal-Artikolu 260 TFUE, dan jagħti setgħa eċċessiva lill-Kummissjoni sabiex tistabbilixxi d-data li fiha għandha tkun inkisbet tali konformità. Barra minn dan, il-Kummissjoni xi drabi tat lil Stati Membri differenti perijodi ta’ żmien differenti għal dan il-fini. Ir-Renju Unit jirreferi għal għadd ta’ każijiet fejn l-iskadenza mogħtija għall-konformità fl-ittra ta’ intimazzjoni kienet itwal minn f’dan il-każ, u fejn tħalla jgħaddi perijodu ta’ żmien konsiderevoli addizzjonali bejn il-ħruġ tal-ittra ta’ intimazzjoni u l-bidu ta’ proċeduri skont l-Artikolu 260 TFUE. Tali differenzi ta’ approċċ huma, skont is-sottomissjoni tar-Renju Unit, ksur inammissibbli tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

2.   Evalwazzjoni

17.

L-Artikolu 260 TFUE ma jispeċifika ebda perijodu ta’ żmien li fih għandha tiġi eżegwita sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddikjara li Stat Membru jkun naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu. Ġurisprudenza stabbilita hija fis-sens li l-importanza ta’ applikazzjoni minnufih u uniformi tad-dritt tal-Unjoni titlob li l-proċess ta’ eżekuzzjoni jinbeda mill-ewwel u għandu jitlesta malajr kemm jista’ jkun ( 12 ). Jidher li ma hemmx kontroversja li l-Istati Membri għandhom jingħataw perijodu ta’ żmien raġonevoli li fih huma jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jeżegwixxu ( 13 ). Il-partijiet jaqblu li l-15 ta’ Settembru 2020 hija d-data li fiha kellu jkun evalwat jekk kienx hemm ksur għall-finijiet tal-Artikolu 260 TFUE ( 14 ) Isegwi li l-Kummissjoni kienet tat lir-Renju Unit erba’ xhur sabiex jirrispondi għall-ittra ta’ intimazzjoni u tlieta u għoxrin (23) xahar sabiex fihom huwa jeżegwixxi s-sentenza fil-Kawża C‑503/17. Din il-kawża kienet bdiet fil-21 ta’ Diċembru 2020, tliet xhur wara d-data ta’ evalwazzjoni.

18.

Hija ġurisprudenza stabbilita li proċeduri ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu huma bbażati fuq konstatazzjoni oġġettiva li Stat Membru jkun naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu skont id-dritt tal-Unjoni. Stat Membru ma għandux jistrieħ fuq dispożizzjonijiet, prassi jew sitwazzjonijiet li jkun hemm fl-ordinament ġuridiku domestiku tiegħu sabiex jiġġustifika nuqqas ta’ osservanza ta’ dawn l-obbligi ( 15 ). Barra minn dan, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma ssostnix id-distinzjoni li r-Renju Unit jipprova jislet bejn diffikultajiet legali u prattiċi, li huwa jirrikonoxxi li ma jistgħux jiġġustifikaw dewmien indebitu għall-eżekuzzjoni ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, u problemi jew ostakoli prattiċi, li huwa jqis jistgħu jagħmlu hekk.

19.

Il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet l-argument ta’ Stat Membru li sitwazzjoni ta’ force majeure u diffikultajiet li huwa jsib relatati ma’ proġett ta’ kostruzzjoni jfixkluh milli jkun jista’ jeżegwixxi sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar it-trattament ta’ ilma urban mormi ( 16 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet ukoll argumenti li nuqqas ta’ eżekuzzjoni seta’ jkun iġġustifikat minħabba kumplikazzjonijiet u spejjeż li jġibu magħhom l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ programm sabiex jingħalqu landfills illegali ( 17 ) Fil-kuntest ta’ għajnuna mill-Istat, la d-diffikultà sabiex jinstabu l-benefiċjarji ta’ għajnuna illegali ( 18 ), u lanqas problemi sabiex ikunu kkwantifikati s-somom li għandhom jiġu rkuprati ( 19 ) ma kienu aċċettati bħala ġustifikazzjonijiet leġittimi għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Il-Qorti tal-Ġustizzja lanqas ma aċċettat sottomissjoni li dimostrazzjonijiet vjolenti setgħu jiġġustifikaw dewmien fl-eżekuzzjoni ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata li Stat Membru kien naqas milli jimplimenta direttiva tal-Unjoni ( 20 ).

20.

Skont din il-ġurisprudenza d-diffikultajiet li r-Renju Unit jiddeskrivi għandhom ikunu ekwiparati għal sitwazzjoni li jkun hemm fl-ordinament ġuridiku domestiku ta’ dak l-Istat li ma tiġġustifikax nuqqas ta’ osservanza ta’ obbligi li joriġinaw mid-dritt tal-Unjoni.

21.

Ma hemmx dubju li r-Renju Unit kien biħsiebu jeżegwixxi s-sentenza billi jippromulga leġiżlazzjoni, li fiha nnifisha ma hijiex ikkumplikata jew ta’ sfida. Fil-fatt, id-diffikultajiet prattiċi li r-Renju Unit isemmi, u li huwa straħ ukoll fuqhom fil-Kawża C‑503/17, huma relatati l-iktar ma’ spejjeż li fornituri ta’ fjuwil f’portijiet x’aktarx ikollhom isostnu sabiex ikunu konformi mal-leġiżlazzjoni li, b’mod korrett, ittrasponiet id-Direttiva 95/60. F’dan il-kuntest, ir-Renju Unit ma jispjegax kif id-dewmien fl-eżekuzzjoni tas-sentenza fil-Kawża C‑503/17 taffa dawn l-ispejjeż, pjuttost milli sempliċiment iddiferihom.

22.

Il-pandemija tal-COVID-19 hija d-diffikultà prattika l-oħra li r-Renju Unit jistrieħ fuqha f’dan il-kuntest. Korrispondenza ta’ dak iż-żmien bejn ir-Renju Unit u l-Kummissjoni ma ssemmix il-pandemija tal-COVID-19. Fl-assenza ta’ dettalji dwar kif il-pandemija tal-COVID-19 dewmet l-eżekuzzjoni tas-sentenza fil-Kawża C‑503/17, huwa diffiċli li din tkun aċċettata bħala ġustifikazzjoni leġittima għal dan id-dewmien.

23.

F’dan il-kuntest huwa wkoll ta’ xi rilevanza li l-kwistjoni ta’ nuqqas ta’ konformità tar-Renju Unit mad-Direttiva 95/60 min-naħa tar-Renju Unit kienet, b’mod jew ieħor, is-suġġett ta’ diskussjonijiet mal-Kummissjoni sa mill-iskadenza tad-deroga mid-Direttiva 95/60 fl-2006 ( 21 ). Barra minn dan, kif il-Kummissjoni tinnota, l-Irlanda eżegwixxiet is-sentenza fil-Kawża Il-Kummissjoni vs L-Irlanda ( 22 ) li kienet tinvolvi każ simili ta’ nuqqas ta’ konformità mad-Direttiva 95/60, billi ppromulgat leġiżlazzjoni li kienet daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2020.

24.

Jiena, għalhekk, tal-fehma li ċ-ċirkustanzi li r-Renju Unit jistrieħ fuqhom ma jsostnux, fil-fatt u fid-dritt, id-dikjarazzjoni tiegħu li ma setax jeżegwixxi s-sentenza fil-Kawża C‑503/17 sad-data ta’ evalwazzjoni.

25.

L-argument tar-Renju Unit li l-Kummissjoni naqset milli tispjega fil-fażi prekontenzjuża ta’ dawn il-proċeduri għaliex hija qieset li ċ-ċirkustanzi li r-Renju Unit straħ fuqhom ma kinux motivi leġittimi għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni tas-sentenza fil-Kawża C‑503/17 jinħass daqsxejn fjakk. L-ewwel, l-ittra tar-Renju Unit tad-19 ta’ Diċembru 2018 iddeskriviet diversi ostakoli għall-eżekuzzjoni tas-sentenza u ddikjarat l-intenzjoni tar-Renju Unit li jiddaħħlu emendi leġiżlattivi fl-2019 jew fl-2020. L-iskeda proposta tar-Renju Unit, għalhekk, irrikonoxxiet li kien hemm dawn id-diffikultajiet prattiċi u qisithom. Fl-assenza ta’ komunikazzjoni ulterjuri, il-Kummissjoni bagħtet lir-Renju Unit ittra ta’ intimazzjoni f’Mejju 2020, bi skadenza ta’ erba’ xhur għal risposta għaliha. Ir-risposta tar-Renju Unit ma tirreferi għal ebda dubju li r-Renju Unit seta’ kellu dwar l-impatt ta’ diffikultajiet prattiċi fuq il-medda taż-żmien proposta għall-eżekuzzjoni. It-tieni, kif il-Kummissjoni tinnota, ir-Renju Unit kien semma l-istess diffikultajiet prattiċi sabiex jispjega n-nuqqas ta’ konformità tiegħu mad-Direttiva 95/60 fil-proċeduri li wasslu għas-sentenza fil-Kawża C‑503/17 ( 23 ). Fl-aħħar nett, fi proċeduri skont l-Artikolu 260(2) TFUE, il-Kummissjoni tipproponi l-pagamenti ta’ penalità u/jew il-ħlas ta’ somma f’daqqa li hija tqis ikunu xierqa, u tħalliha għall-Qorti tal-Ġustizzja sabiex timponihom. Iż-żewġ partijiet jingħataw opportunità biżżejjed sabiex jippreżentaw il-materjal rilevanti kollu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Is-sottomissjoni tar-Renju Unit li l-Kummissjoni kisret kwalunkwe dmir li hija seta’ kellha hija, għalhekk, infondata.

26.

Lanqas ma jiena persważ li hemm xi mertu fl-argument, magħmul fil-kontroreplika, li l-Kummissjoni aġixxiet illegalment minħabba li hemm okkażjonijiet fejn hija tat lil Stati Membri perijodu ta’ żmien itwal li fih kellhom jeżegwixxu sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Azzjonijiet għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ma jadattawx ruħhom faċilment għal perijodi ta’ żmien uniformi. Kull każ huwa speċifiku għall-fatti tiegħu, u għandha titqies firxa wiesgħa ta’ ċirkustanzi qabel ma jkun possibbli li jiġu stabbiliti l-waqt u l-għamla ta’ azzjoni ta’ infurzar adatta. Għalhekk, huwa għall-Kummissjoni li tiddetermina jekk u meta jkun tajjeb li tittieħed azzjoni kontra Stat Membru għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi ( 24 ). L-eżerċizzju ta’ din is-setgħa huwa suġġett għal stħarriġ ġudizzjarju fil-kuntest ta’ azzjoni skont l-Artikolu 260 TFUE. Argument li jikkonsisti f’li wieħed isemmi għadd ta’ okkażjonijiet fejn Stati Membri oħra, f’ċirkustanzi differenti, ingħataw iktar żmien sabiex jeżegwixxu sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jistax, madankollu, jirnexxi.

27.

Ir-Renju Unit ma jikkontestax li, wara li kienet għaddiet id-data ta’ evalwazzjoni, operaturi ta’ inġenji tal-baħar ta’ delizzju privati fir-Renju Unit setgħu jużaw fjuwil immarkat sabiex iħaddmu l-inġenji tagħhom. Għalhekk, ir-Renju Unit ma kienx eżegwixxa s-sentenza fil-Kawża C‑503/17 sa dik id-data, u b’hekk naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 260(1)TFUE.

28.

Fid-dawl ta’ dawn il-konsiderazzjonijiet, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li l-fażi prekontenzjuża ta’ dawn il-proċeduri ma kinitx illegali b’riferiment għal kwalunkwe kwistjonijiet imqajma mir-Renju Unit fis-sottomissjonijiet bil-miktub u orali.

B. Il-ħlas ta’ somma f’daqqa

1.   Introduzzjoni

29.

Il-Kummissjoni tipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja timponi fuq ir-Renju Unit ħlas ta’ somma f’daqqa ta’ EUR 35 873.20 ta’ kuljum, li għandha tiġi mmultiplikata bl-għadd ta’ jiem bejn id-data li fiha kienet ingħatat is-sentenza fil-Kawża C‑503/17 (17 ta’ Ottubru 2018) u d-data li fiha r-Renju Unit eżegwixxa l-imsemmija sentenza (30 ta’ Settembru 2021), li jagħti total ta’ EUR 38743056.

30.

Sabiex tiffissa s-somma f’daqqa ta’ kuljum il-Kummissjoni segwiet il-metodu stabbilit fil-Komunikazzjoni tagħha tal-2005 ( 25 ), kif aġġornata fl-2019 u fl-2020 ( 26 ). Dan il-kalkolu huwa maħsub li jirriżulta f’somma f’daqqa li jkollha effett ta’ dissważjoni adegwat filwaqt li jiġu mħarsa l-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ugwaljanza fit-trattament ( 27 ). Is-somma f’daqqa ta’ kuljum li l-Kummissjoni tipproponi hija bbażata fuq l-ammont standard b’rata fissa ta’ EUR 1052 ( 28 ) immultiplikat b’koeffiċjent għal gravità ta’ għaxra (10) minn għoxrin (20) ( 29 ). Dan ir-riżultat jiġi, min-naħa tiegħu, immultiplikat b’ammont maħsub li jkun jirrifletti l-kapaċità ta’ ħlas tal-Istat Membru, magħruf bħala l-fattur “n” speċjali, li fil-każ tar-Renju Unit huwa 3.41 ( 30 ).

31.

Ir-Renju Unit ma jikkontestax li, skont ġurisprudenza stabbilita, jista’ jiġi impost ħlas ta’ somma f’daqqa f’dawn iċ-ċirkustanzi ( 31 ) Madankollu, huwa jissottometti li, meqjusa d-diffikultajiet prattiċi li huwa kien ikkonfrontat bihom meta huwa pprova jeżegwixxi s-sentenza fil-Kawża C‑503/17, l-impatt limitat ħafna tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni u l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea, is-somma f’daqqa ma għandhiex tkun iktar minn EUR 250000.

32.

L-Artikolu 260(2) TFUE jagħti diskrezzjoni wiesgħa lill-Qorti tal-Ġustizzja fl-impożizzjoni ta’ ħlasijiet ta’ somma f’daqqa. Skont ġurisprudenza stabbilita, l-impożizzjoni ta’ ħlas ta’ somma f’daqqa f’kull każ individwali jiddependi mill-fatturi rilevanti kollha relatati kemm mal-karatteristiċi tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi, kif ukoll mal-imġiba tal-Istat Membru. Hija teħtieġ evalwazzjoni kemm tal-gravità tal-ksur, inklużi l-effetti tiegħu fuq interessi pubbliċi u privati, kif ukoll tat-tul ta’ dan il-ksur mid-data tal-għoti tas-sentenza inkwistjoni sad-data tal-eżekuzzjoni tagħha ( 32 ).

2.   Il-gravità tal-ksur

a)   L-argumenti tal-partijiet

33.

Il-Kummissjoni tistrieħ fuq tliet fatturi sabiex tiġġustifika l-koeffiċjent ta’ gravità propost minnha ta’ għaxra (10) fuq l-iskala ta’ wieħed (1) sa għoxrin (20) stabbilit mill-Komunikazzjoni tal-2005. L-ewwel, hija tisħaq dwar kemm huwa ċar l-obbligu, punt li ġie enfasizzat ukoll fis-sentenza fil-Kawża C‑503/17 ( 33 ). Ma seta’ jkun hemm ebda dubju dwar in-natura tal-miżuri ta’ implimentazzjoni li r-Renju Unit kien jeħtieġlu jieħu sabiex jeżegwixxi dik is-sentenza.

34.

It-tieni, il-Kummissjoni tosserva li d-Direttiva 95/60 tikkomplementa d-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta’ Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku ( 34 ), sabiex jinġiebu ’il quddiem t-tlestija u l-funzjonament tas-suq intern billi tippermetti li tkun identifikata faċilment u malajr nafta mhux suġġetta għal tassazzjoni bir-rata sħiħa. L-ewwel premessa tad-Direttiva 95/60 ukoll tgħid li l-objettivi tagħha ma jistgħux jinkisbu mill-Istati Membri individwalment. Għalhekk hija tqis li l-ksur huwa, bħala prinċipju, gravi.

35.

Il-Kummissjoni tinnota li fl-2011 il-Kumitat ta’ Dazju tas-Sisa qies li n-nuqqas tal-Istati Membri li jimponu l-użu ta’ nafta mhux immarkata għall-propulsjoni ta’ inġenji tal-baħar kien immina s-sistema kollha ta’ immarkar fiskali komuni. Il-Kummissjoni tissottometti li r-Renju Unit għamilha diffiċli għal awtoritajiet ta’ Stati Membri oħra li jispezzjonaw tali inġenji sabiex jiddeterminaw jekk inġenju speċifiku kienx qiegħed iġorr fjuwil intaxxat legalment bir-rata sħiħa ta’ dazju tas-sisa fir-Renju Unit. Għadd konsiderevoli ta’ operaturi ta’ inġenji tal-baħar ta’ delizzju privati aktarx li kienu ntlaqtu min-nuqqas tar-Renju Unit li jelimina d-dritt għall-użu ta’ fjuwil immarkat għall-propulsjoni ta’ tali inġenji, għalkemm dan l-għadd ma huwiex magħruf. Il-Kummissjoni tirreferi wkoll għal okkażjonijiet fejn awtoritajiet ta’ Stat Membru mmultaw operaturi ta’ inġenji tal-baħar ta’ delizzju privati li kienu qegħdin jivvjaġġaw mir-Renju Unit għax użaw fjuwil immarkat sabiex iħaddmuhom.

36.

It-tielet, il-Kummissjoni qieset il-fatt li din kienet l-ewwel darba li hija ħadet azzjoni kontra r-Renju Unit għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

37.

Ir-Renju Unit jinnota li l-mira tad-Direttiva 95/60 hija anċillari għall-għan aħħari tad-Direttiva 2003/96, li huwa li jkun żgurat li l-Istati Membri jiġbru livelli minimi ta’ taxxa fuq prodotti tal-enerġija. Meqjus minn dan l-aspett, l-effett ta’ kwalunkwe ksur kien limitat b’miżuri leġiżlattivi li r-Renju Unit adotta fl-2008 u fl-2012.

38.

Fl-2008 r-Renju Unit implimenta skema li biha fjuwil imraħħas immarkat b’kulur aħmar seta’ jinkiseb sabiex jintuża f’inġenji tal-baħar ta’ delizzju privati taħt il-kundizzjonijiet li ġejjin. Operaturi ta’ inġenji tal-baħar ta’ delizzju privati kien meħtieġa li jħallsu r-rata ta’ dazju standard għal fjuwil mixtri sabiex iħaddmu l-inġenji tagħhom u jiddikjaraw li kienu jużawh għal dan il-għan. Kienet tinħareġ irċevuta għax-xiri ta’ tali fjuwil u l-fornitur irreġistrat tal-fjuwil kien jibgħat id-dazju lill-awtoritajiet tat-taxxa. Xerrejja ta’ fjuwil immarkat għall-propulsjoni ta’ inġenji tal-baħar ta’ delizzju privati kellhom b’hekk iħallsu l-ammont sħiħ ta’ dazju tas-sisa f’konformità mal-għan aħħari tad-direttivi msemmija iktar ’il fuq. L-awtoritajiet tat-taxxa setgħu jivverifikaw jekk il-livell korrett ta’ dazju kienx tħallas billi jeżiġu li operaturi ta’ inġenji tal-baħar ta’ delizzju privati jipproduċu rċevuti u, jekk ikun meħtieġ, billi jitolbu konferma ta’ bejgħ mingħand il-fornitur irreġistrat tal-fjuwil ( 35 ). Fl-2012 ir-Renju Unit daħħal rekwiżit ieħor, jiġifieri li xerrejja ta’ fjuwil immarkat għandhom jirrikonoxxu li Stati Membri oħra jistgħu jieħdu azzjoni jekk jiskopru li fjuwil immarkat kien qiegħed jintuża għall-propulsjoni ta’ inġenji tal-baħar ta’ delizzju privati ( 36 ).

39.

Ir-Renju Unit josserva wkoll li, wara tmiem il-perijodu ta’ tranżizzjoni fil-31 ta’ Diċembru 2020, id-Direttiva 95/60 tapplika biss fl-Irlanda ta’ Fuq. Hemm madwar elf u ħames mitt (1,500) inġenji tal-baħar ta’ delizzju privati fl-Irlanda ta’ Fuq, li jużaw biss perċentwali żgħir tal-fjuwil immarkat ikkunsmat fir-Renju Unit. Minn dik id-data, għalhekk, l-impatt, diġà limitat, ta’ nuqqas ta’ konformità kompla jitnaqqas.

40.

Ir-Renju Unit jikkonkludi li koeffiċjent ta’ tlieta (3) minn għoxrin (20) għandu jkun biżżejjed sabiex jissodisfa l-gravità tal-ksur.

b)   Evalwazzjoni

1) Kooperazzjoni u mġiba preċedenti

41.

Fl-evalwazzjoni tal-gravità ta’ ksur, il-kooperazzjoni ta’ Stat Membru mal-Kummissjoni, l-iktar matul il-proċedura prekontenzjuża, hija konsiderazzjoni rilevanti li għandu jittieħed kont tagħha ( 37 ).

42.

Fid-19 ta’ Diċembru 2018, ir-Renju Unit irrisponda għall-ewwel komunikazzjoni tal-Kummissjoni wara li kienet ingħatat is-sentenza fil-Kawża C‑503/17, billi qal x’kienu l-pjanijiet tiegħu sabiex jeżegwixxi din is-sentenza. Wara dan, huwa, madankollu, ma segwiex il-pjanijiet tiegħu stess. Fir-risposta tiegħu għall-ittra ta’ intimazzjoni tal-Kummissjoni, ir-Renju Unit spjega li d-dewmien tiegħu f’dan ir-rigward kien minħabba l-elezzjoni ġenerali li saret f’Diċembru 2019 u minħabba t-tkomplija ta’ konsultazzjoni usa’ dwar l-użu ta’ fjuwil immarkat f’diversi setturi. Ladarba din il-konsultazzjoni tintemm, huwa kien ser jiddeċiedi meta jneħħi d-dritt li operaturi ta’ inġenji tal-baħar ta’ delizzju privati jużaw fjuwil immarkat għal propulsjoni, b’iktar miżuri jittieħdu iktar tard dik is-sena. Ir-Renju Unit ippromulga l-leġiżlazzjoni ta’ implimentazzjoni meħtieġa f’Lulju 2020, iżda ma kisibx eżekuzzjoni sħiħa qabel Ottubru 2021, devjazzjoni ġeneralment inspjegabbli mill-pjanijiet li huwa kien għall-bidu kkomunika lill-Kummissjoni.

43.

B’mod partikolari r-Renju Unit ma spjegax lill-Kummissjoni għaliex kienu meħtieġa żewġ konsultazzjonijiet, inkluża waħda dwar kwistjonijiet usa’, sabiex isseħħ l-eżekuzzjoni tas-sentenza fil-Kawża C‑503/17. Dan huwa partikolarment minnu meta tali eżekuzzjoni fl-ebda waqt ma kienet materja ta’ diskrezzjoni, kif impliċitament irrikonoxxa r-Renju Unit fir-risposta tiegħu għall-ittra ta’ intimazzjoni fejn qal li kien ser jeżegwixxi s-sentenza malli tkun intemmet il-konsultazzjoni ( 38 ). Jekk l-għan ta’ dawk il-konsultazzjonijiet kien li partijiet interessati jingħataw avviż bil-quddiem tal-miżuri meħtieġa sabiex ikun hemm konformità ma’ leġiżlazzjoni nazzjonali, dan seta’ jsir ferm iktar malajr u b’mod iktar effettiv. Barra minn dan, kif hemm spjegat fil-punt 21 ta’ dawn il-konklużjonijiet, mhux persważ li d-diffikultajiet prattiċi li r-Renju Unit kompla jsemmi għall-perijodu estiż ta’ żmien kienu jirriflettu li verament huwa ma setax jikseb eżekuzzjoni min-naħa tiegħu.

44.

Sabiex il-kooperazzjoni tkun tista’ tikkostitwixxi fattur mitiganti fl-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur, hija meħtieġa xi ħaġa iktar minn interazzjoni normali mal-Kummissjoni. Nistenna li nara spirtu ġenwin ta’ kooperazzjoni ( 39 ) li jintwera permezz ta’ djalogu proattiv, onest u kostruttiv mal-Kummissjoni u permezz ta’ intenzjoni serja sabiex ikun hemm eżekuzzjoni malajr kemm jista’ jkun. Għar-raġunijiet imsemmija fil-punt ta’ qabel dan ta’ dawn il-konklużjonijiet, jiena ma nqisx li l-imġiba tar-Renju Unit laħqet dan il-livell.

45.

Filwaqt li ntqal li l-virtù tikkumpensa lilha nnifisha, f’dan il-każ l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni joffri mill-inqas xi kumpens konkret. Il-fatt li r-Renju Unit qatt qabel ma kien konvenut f’kawża dwar l-Artikolu 260 TFUE huwa ċirkustanza mitiganti stabbilita li għandha titqies, kif hemm irrikonoxxut fir-rikors ( 40 ).

2) L-għan imfittex

46.

It-twaqqif tas-suq intern skont l-Artikolu 3(3) TUE hija waħda mill-missjonijiet essenzjali tal-Unjoni ( 41 ). Id-Direttiva 2003/96 għandha l-għan li tiffaċilita l-funzjonament xieraq tas-suq intern billi jiġu previsti livelli minimi ta’ tassazzjoni għal kważi l-prodotti kollha tal-enerġija. Billi tistabbilixxi regoli komuni għall-immarkar fiskali ta’ nafta u pitrolju, li ma kinux suġġetti għal dazju bir-rata sħiħa – meta tali fjuwils jintużaw għall-propulsjoni – id-Direttiva 95/60 tikkomplementa d-Direttiva 2003/96. Id-Direttiva 95/60 għalhekk tippromwovi t-tlestija u l-funzjonament tas-suq intern ( 42 ), billi tippermetti identifikazzjoni faċli u malajr ta’ nafta mhux suġġetta għal tassazzjoni bir-rata sħiħa ( 43 ).

47.

Ma hemmx dubju li s-suq intern ikun ġust, leġittimu u effikaċi jekk l-Istati Membri kollha jaġixxu b’solidarjetà billi jittrasponu b’mod sħiħ u korrett id-direttivi rilevanti kollha. Il-ksur minn Stat Membru tal-obbligi tiegħu relatati mal-funzjonament sewwa tas-suq intern huwa, bħala prinċipju, materja gravi. Iktar u iktar meta, bħal fil-każ hawnhekk, dawn l-obbligi jkunu stabbiliti b’mod ċar fil-leġiżlazzjoni applikabbli.

48.

Il-punti 33 u 34 ta’ dawn il-konklużjonijiet jiddeskrivu l-argumenti tal-Kummissjoni taħt dan it-titolu. Madankollu, jista’ jiġi osservat li l-Istudju ta’ Evalwazzjoni tal-2018 dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 95/60 imħejji mill-Kummissjoni jikkonkludi li, minn perspettiva ta’ suq intern, immarkar fiskali huwa ta’ rilevanza limitata sabiex jitneħħew ostakoli għal kummerċ fi ħdan l-Unjoni. L-Istudju ta’ Evalwazzjoni tal-2018 juri li l-parti l-kbira tal-kummerċ fi ħdan l-Unjoni hija ta’ fjuwil mhux immarkat b’dazju sospiż li, min-natura tiegħu, jelimina ostakoli b’rabta mal-istatus fiskali ta’ prodotti. Madwar tmenin fil-mija (80%) ta’ fjuwil immarkat jintuża f’attivitajiet li huma ta’ karattru intrinsikament lokali, bħal tisħin, biedja, ġenerazzjoni tal-elettriku u kostruzzjoni, li ma joħolqu ebda kwistjoni ta’ użu legali fl-Unjoni ( 44 ). Fis-seduta, il-Kummissjoni qablet li l-proċeduri huma biss dwar parti mill-għoxrin fil-mija (20%) ta’ fjuwil immarkat li jintuża f’attivitajiet transkonfinali. Madankollu, hija saħqet li d-Direttiva 95/60 tfittex li timplimenta sistema effettiva ta’ kontroll fl-Unjoni, li r-Renju Unit naqas milli jimplimenta.

49.

L-Istudju ta’ Evalwazzjoni tal-2018 joffri perspettiva utli u awtorevoli dwar ir-rilevanza tal-immarkar fiskali sabiex jitneħħew ostakoli għall-kummerċ fi ħdan l-Unjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ għal din ir-raġuni tqisu fl-evalwazzjoni tagħha tal-gravità tal-ksur.

3) L-effett fuq interessi pubbliċi u privati

50.

Ir-Renju Unit jargumenta li l-miżuri deskritti fil-punt 38 ta’ dawn il-konklużjonijiet immitigaw l-effett ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni minħabba li żguraw li, sa fejn kien prattikabbli, il-livell korrett ta’ taxxa nġabar u ntradd. Il-Kummissjoni tissottometti li din il-konsiderazzjoni hija irrilevanti għall-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur minħabba li d-Direttiva 95/60 titlob li r-Renju Unit jiżgura li ma jintużax fjuwil immarkat għall-propulsjoni ta’ inġenji tal-baħar ta’ delizzju privati.

51.

Mhux persważ li huwa xieraq li jiġi segwit l-approċċ strett propost mill-Kummissjoni. Kif intqal fil-punt 46 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-għan tad-Direttiva 95/60 jikkomplementa lil dak tad-Direttiva 2003/96. Il-Kumitat ta’ Dazju tas-Sisa, għalhekk fl-2011 osserva li l-Istati Membri kollha għandhom jimponu l-użu ta’ nafta mhux immarkata u japplikaw ir-rata sħiħa applikabbli għal nafta użata għall-propulsjoni.

52.

Għalkemm il-miżuri deskritti fil-punt 38 ta’ dawn il-konklużjonijiet ma żgurawx konformità mad-Direttiva 95/60, ma jfissirx li huma ma setgħux jimmitigaw il-gravità tal-ksur meta jitqiesu l-għanijiet usa’ mfittxija mill-miżuri li r-Renju Unit ma kienx konformi magħhom ( 45 ). Kieku kienu implimentati b’mod korrett u infurzati sewwa, dawk il-miżuri setgħu żguraw li fil-fatt kien jinġabar u jintradd lir-Renju Unit il-livell xieraq ta’ dazju.

53.

Ir-Renju Unit, madankollu, ma tax informazzjoni dwar l-effikaċja tal-miżuri li huwa implimenta. Tali miżuri setgħu jagħtu lok għal abbuż minħabba li x’aktarx ma kinitx ħaġa attraenti li operaturi ta’ inġenji tal-baħar ta’ delizzju privati jixtru fjuwil immarkat bil-prezz ogħla ta’ fjuwil mhux immarkat ( 46 ). Huwa ċar li, kuntrarju għal dak li tipprevedi d-Direttiva 95/60, l-awtoritajiet ma setgħux jistrieħu fuq kontrolli fuq il-post sabiex jiżguraw li kienet tħallset ir-rata korretta ta’ dazju għal fjuwil użat sabiex jitħaddmu inġenji tal-baħar ta’ delizzju privati. Minflok, huma kellhom jeżaminaw irċevuti u logbooks tal-fjuwil, jekk kien hemm, sabiex jaċċertaw jekk il-fjuwil fit-tank kienx il-fjuwil li miegħu kienet relatata rċevuta partikolari. Teoretikament, l-awtoritajiet tar-Renju Unit setgħu jivverifikaw xirjiet mal-fornitur irreġistrat tal-fjuwil li jkun ħareġ l-irċevuta, iżda l-Qorti tal-Ġustizzja ma kinitx mgħarrfa li kienet ġiet stabbilita xi sistema sabiex tiffaċilita li awtoritajiet ta’ Stati Membri oħra jivverifikaw tali xirjiet.

54.

Dwar l-impatt fuq interessi privati, huwa rilevanti li, kif ir-Renju Unit jaċċetta, operaturi ta’ inġenji tal-baħar ta’ delizzju privati mir-Renju Unit kellhom ma’ wiċċhom theddida ta’ azzjoni ta’ infurzar fi Stati Membri oħra minkejja li huma kienu konformi mal-liġi tar-Renju Unit ( 47 ). Il-Kummissjoni pproduċiet provi li xi wħud minnhom ittieħdu l-qorti; oħrajn sempliċiment setgħu ddeċidew li ma jitilqux minn ibħra tar-Renju Unit. Barra minn dan, dawk li xtaqu jevitaw diffikultajiet mal-awtoritajiet ta’ Stati Membri oħra bħala riżultat ta’ użu ta’ fjuwil immarkat sabiex iħaddmu l-inġenji tal-baħar ta’ delizzju privati tagħhom, setgħu jiksbu b’inqas faċilità fjuwil mhux immarkat minħabba li fornituri ta’ fjuwil f’portijiet fir-Renju Unit kienu inqas inċentivati jipprovdu fjuwil mhux immarkat, kif imqabbel mas-sitwazzjoni li kienet tirriżulta kieku r-Renju Unit kien ittraspona d-Direttiva 95/60 u kien eżegwixxa s-sentenza fil-Kawża C‑503/17. Din iċ-ċirkustanza kienet ukoll taffettwa operaturi ta’ inġenji tal-baħar ta’ delizzju privati minn Stati Membri oħra li kienu jixtiequ jieħdu l-fjuwil fir-Renju Unit.

55.

Il-miżuri tal-2008 setgħu għamlu xi ħaġa sabiex jimmitigaw l-effett fuq l-interessi pubbliċi fir-Renju Unit; sa liema punt jiddependi mill-grad ta’ konformità ma’ dawk il-miżuri minn operaturi ta’ inġenji tal-baħar ta’ delizzju privati u minn fornituri ta’ fjuwil. Barra minn dan, il-miżuri ma għenux materjalment il-verifika minn awtoritajiet ta’ Stati Membri oħra li kien tħallas id-dazju korrett għal fjuwil użat għall-propulsjoni ta’ inġenji tal-baħar ta’ delizzju privati ħerġin mir-Renju Unit. Għalhekk, ma kien hemm ebda mitigazzjoni jew mitigazzjoni minima impatt tal-ksur fuq interessi privati fil-moviment transkonfinali ta’ inġenji tal-baħar ta’ delizzju privati. L-effett ta’ mitigazzjoni tal-miżuri tal-2008 u tal-2012, għalhekk, jidher li kien ta’ sinjifikat żgħir fl-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur.

4) L-Irlanda ta’ Fuq

56.

Il-Ftehim ta’ Ħruġ kien adottat fis-17 ta’ Ottubru 2019 u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Frar 2020. L-Artikolu 126 tiegħu jipprovdi li l-perijodu ta’ tranżizzjoni jibda fid-data tad-dħul tiegħu fis-seħħ u jintemm fil-31 ta’ Diċembru 2020. Skont l-Artikolu 127(1) u l-Artikolu 131 tiegħu, id-dritt tal-Unjoni kellu japplika għal u fir-Renju Unit matul il-perijodu ta’ tranżizzjoni.

57.

Il-Kummissjoni u r-Renju Unit jaqblu li wara t-tmiem tal-perijodu ta’ tranżizzjoni, skont il-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq tal-Ftehim ta’ Ħruġ, b’mod partikolari l-Artikolu 8 dwar il-ġbir tal-VAT u tad-dazji tas-sisa, u l-Anness 3 tal-Protokoll, moqrija flimkien mal-Artikolu 185 tal-Ftehim ta’ Ħruġ, ir-Renju Unit kien obbligat ikun konformi mad-Direttiva 95/60 u, għalhekk, mas-sentenza fil-Kawża C‑503/17, fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq biss ( 48 ).

58.

L-argument tar-Renju Unit li dan jimmerita ħlas ta’ somma f’daqqa inqas ibati minn defiċjenza sostanzjali li huwa jista’ jiġi interpretat li jfisser li ksur minn Stat Membru “żgħir” huwa b’mod inerenti inqas gravi minn ksur minn Stat Membru “kbir” ( 49 ). Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma ssostnix din il-propożizzjoni.

59.

Madankollu, ma huwiex ikkontestat li l-effett ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni, meqjus fil-punti 50 sa 55 ta’ dawn il-konklużjonijiet, kien tnaqqas fil-perijodu mill-31 ta’ Diċembru 2020 sad-data ta’ eżekuzzjoni, mqabbel mal-perijodu ta’ qabel, minħabba li l-impatt tiegħu kien limitat biss għal operaturi ta’ inġenji tal-baħar ta’ delizzju privati fl-Irlanda ta’ Fuq ( 50 ). Il-kamp ta’ applikazzjoni ġeografiku tal-effett ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni kien, għalhekk, iktar limitat fit-tieni perijodu meta mqabbel mal-ewwel wieħed.

60.

It-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dan l-element huwa konkordanti kemm mal-Komunikazzjoni tal-2005 ( 51 ), kif ukoll mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Bħala eżempju, fis-sentenza Il-Kummissjoni vs Is-Slovenja, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 260(3) TFUE, li l-effetti prattiċi tat-traspożizzjoni tardiva tad-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE ( 52 ) fid-dritt tas-Slovenja fuq is-suq finanzjarju Sloven, fuq is-swieq finanzjarji l-oħra tal-Unjoni u fuq il-protezzjoni ta’ investituri kienu limitati minħabba d-daqs tas-suq finanzjarja tal-imsemmi Stat Membru ( 53 ).

61.

L-anqas ma nqis li dan l-approċċ huwa f’konflitt mas-sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja ( 54 ), li kienet dwar nuqqas ta’ rkupru ta’ għajnuna mill-Istat illegali. Il-Qorti tal-Ġustizzja osservat li, meqjus l-ammont tal-għajnuna inkwistjoni, l-għadd ta’ benefiċjarji u n-natura multisettorjali tal-iskema ta’ għajnuna, il-gravità tan-nuqqas ta’ dak l-Istat Membru li jirkupra l-għajnuna ma ttaffietx mill-fatt li hija affettwat reġjun awtonomu wieħed u mhux it-territorju kollu tiegħu ( 55 ). Din il-konklużjoni ġejja mill-fatt li għajnuna mill-Istat mogħtija b’mod illegali għandha, mid-definizzjoni tagħha stess, effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati irrispettivament minn fejn ikunu jinsabu l-benefiċjarji tal-għajnuna. Għal dawn ir-raġunijiet, ma tistax tinsilet analoġija valida bejn iċ-ċirkustanzi li fihom ingħatat dik is-sentenza u dawk ta’ din il-kawża kif esposti fil-qosor fil-punt 59 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

62.

Sabiex inkun għidt kollox, nista’ nżid li r-Renju Unit ma jikkontestax li s-setgħa ta’ eżekuzzjoni diretta tas-sentenza fil-Kawża C‑503/17 kienet taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-materji ddevoluti lill-Irlanda ta’ Fuq. Anki li kieku, wieħed għandu jiftakar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-allokazzjoni interna ta’ setgħat ċentrali u reġjonali ma jaffettwawx l-applikazzjoni tal-Artikolu 260 TFUE, minħabba li l-Istat Membru konċernat huwa dejjem responsabbli lejn l-Unjoni għal konformità mal-obbligi tiegħu tad-dritt tal-Unjoni ( 56 ).

63.

B’mod ġenerali, jiena tal-fehma li ċ-ċirkustanza li, wara t-tmiem tal-perijodu ta’ tranżizzjoni fil-31 ta’ Diċembru 2020, ir-Renju Unit kien jeħtieġlu jkun konformi mad-Direttiva 95/60 u jeżegwixxi s-sentenza fil-Kawża C‑503/17 biss fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq, timmerita tnaqqis tal-koeffiċjent tal-gravità għall-perijodu bejn l-1 ta’ Jannar 2021 u t-30 ta’ Settembru 2021.

c)   Evalwazzjoni ġenerali tal-gravità tal-ksur

64.

Fid-dawl tal-fatturi mitiganti li jiena identifikajt, jiġifieri: (i) din hija l-ewwel darba li r-Renju Unit qiegħed jiġi mġiegħel iwieġeb għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja; (ii) il-kamp ta’ applikazzjoni mnaqqas tal-ħsara għall-ilħuq tal-għanijiet tad-Direttiva 95/60 kif żvelat mill-konklużjonijiet tal-Istudju ta’ Evalwazzjoni tal-2018; u (iii) l-effett tal-miżuri li r-Renju Unit daħħal fl-2008, jiena nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tasal għal koeffiċjent ta’ gravità ta’ tmienja (8) minn għoxrin (20) ( 57 ).

65.

Sabiex tirrifletti ċ-ċirkustanza li, bejn l-1 ta’ Jannar 2021 u t-30 ta’ Settembru 2021, l-obbligu tar-Renju Unit li jkun konformi mad-Direttiva 95/60 u li jeżegwixxi s-sentenza fil-Kawża C‑503/17 kien limitat għat-territorju tal-Irlanda ta’ Fuq, jiena tal-parir li l-koeffiċjent ta’ gravità jitnaqqas iktar għal erbgħa (4) minn (20) fir-rigward ta’ dak il-perijodu.

Il-fattur speċjali “n”: kapaċità ta’ ħlas

d)   L-argumenti tal-partijiet

66.

Il-Kummissjoni tqis li l-fattur speċjali “n”, ikkalkolat abbażi tal-PGD tal-Istati Membri ( 58 ) u tal-piż istituzzjonali tagħhom kif rifless fl-għadd ta’ siġġijiet allokati lid-delegazzjonijiet nazzjonali tagħhom fil-Parlament Ewropew ( 59 ), huwa multiplikatur xieraq minħabba li jiżgura li l-ħlas ta’ somma f’daqqa jkollha effett ta’ dissważjoni suffiċjenti, huwa proporzjonat għall-kapaċità ta’ ħlas tal-Istati Membri u jirrispetta l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

67.

Ir-Renju Unit jargumenta li l-fattur speċjali “n” ta’ 3.41 li l-Kummissjoni qiegħda tipproponi li tapplika huwa għoli wisq. Barra minn hekk, minħabba li r-Renju Unit kellu ma wiċċu sfidi ekonomiċi sinjifikattivi fl-2020, għandhom jintużaw il-figuri l-iktar reċenti tal-PGD minflok id-data tal-PGD tal-2018 riprodotta fir-rikors. Ir-Renju Unit innota wkoll li, sa mill-1 ta’ Frar 2020, huwa ma għandux siġġijiet fil-Parlament Ewropew, għalhekk, il-fattur speċjali “n” ma għandux iqis dan.

68.

Il-Kummissjoni targumenta li huwa irrilevanti li r-Renju Unit ma għad għandu ebda siġġu fil-Parlament Ewropew. Hija tosserva li, fil-formula tal-fattur speċjali “n” użata sabiex jiġu kalkolati s-sanzjonijiet finanzjarji li jistgħu jiġu imposti fuq ir-Renju Unit wara li huwa ħareġ mill-Unjoni, l-element tal-kalkolu relatat mal-għadd ta’ siġġijiet fil-Parlament Ewropew kien issostitwit b’fattur numeriku fiss ta’ 2.8. Dan il-fattur jikkorrispondi mas-sehem ta’ siġġijiet tar-Renju Unit fil-Parlament Ewropew fl-2018 meta mqabbel mal-medja tal-Unjoni, li jirrendi fattur speċjali “n” ta’ 3.7 ( 60 ). Dawn il-fatti jimminaw dak li jasserixxi r-Renju Unit li l-Kummissjoni pproponiet fattur speċjali “n” wisq għoli f’dan il-każ.

69.

Ir-Renju Unit jirrepeti li, mit-tmiem tal-perijodu ta’ tranżizzjoni, l-obbligu tiegħu li jeżegwixxi s-sentenza fil-Kawża C‑503/17 kien limitat għall-Irlanda ta’ Fuq. Skont figuri ppubblikata dan l-aħħar, l-Irlanda ta’ Fuq irrappreżentat 2.25 % tal-PDG tar-Renju Unit fl-2020, fatt li għandu jkun rifless fil-fattur speċjali “n”.

70.

Fis-seduta r-Renju Unit saħaq li l-portata tal-obbligi tiegħu taħt id-dritt tal-Unjoni hija ħafna inqas wara l-ħruġ tiegħu mill-Unjoni. Minħabba f’hekk ir-Renju Unit jinsab f’qagħda differenti b’paragun mal-Istati Membri, l-iktar f’dak li jirrigwarda d-dissważjoni, qagħda li tista’ tiġġustifika differenza fit-trattament f’dan ir-rigward. Minħabba li d-dissważjoni hija inqas importanti, hija tista’ tinkiseb ugwalment bl-impożizzjoni ta’ ħlas inqas ta’ somma f’daqqa. Il-Kummissjoni ma taqbilx ma’ din is-sottomissjoni.

e)   Evalwazzjoni

71.

Hija ġurisprudenza stabbilita li, sabiex jiġi ddeterminat il-ħlas ta’ somma f’daqqa, għandha titqies id-data reċenti tal-PGD ( 61 ). Fis-seduta r-rappreżentant tar-Renju Unit qal li l-PGD nominali tar-Renju Unit għall-2020, kif ippubblikat mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika fil-Blue Book 2021, kien ta’ 2156073 miljun. Jiena nifhimha li din il-figura hija fil-lira sterlina (GBP). Abbażi ta’ rata tal-kambju medja minn GBP għal EUR fl-2020 ta’ 1.1248, il-PGD tar-Renju Unit għall-2020 kien ta’ EUR 2425151 miljun.

72.

Il-partijiet jaqblu li r-Renju Unit daħal għal obbligi taħt il-Ftehim ta’ Ħruġ li minnu jagħmel parti l-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq. Il-konformità mad-Direttiva 95/60 u l-eżekuzzjoni tas-sentenza fil-Kawża C‑503/17 jinstabu fost dawn l-obbligi. L-għan li jkun impost ħlas ta’ somma f’daqqa huwa li jiġi ssanzjonat nuqqas fl-imgħoddi ta’ konformità jew eżekuzzjoni u li jinżamm milli għall-ġejjieni jkun hemm nuqqas ta’ konformità jew eżekuzzjoni. Ir-Renju Unit ma eżegwixxiex is-sentenza sad-data ta’ evalwazzjoni, u huwa r-Renju Unit – mhux l-Irlanda ta’ Fuq – li huwa, bħala prinċipju, responsabbli sabiex jiżgura li dan ma jerġax iseħħ ( 62 ). Ma jkunx, għalhekk, xieraq li jitqies il-PGD tal-Irlanda ta’ Fuq, minflok dak tar-Renju Unit fit-totalità tiegħu, f’dak li jirrigwarda kwalunkwe nuqqas ta’ konformità jew eżekuzzjoni wara li kien skada l-perijodu ta’ tranżizzjoni.

73.

L-argument tar-Renju Unit li l-ħlas ta’ somma f’daqqa għandu jitnaqqas sabiex ikun rifless il-kamp ta’ applikazzjoni mnaqqas tal-obbligi tad-dritt tal-Unjoni tar-Renju Unit wara l-ħruġ tiegħu mill-Unjoni huwa illoġiku. Dan jipperswadi biss kieku r-Renju Unit ma kien għad għandu ebda obbligu fir-rigward tal-Unjoni, li ma huwiex il-każ. Wara li ħareġ mill-Unjoni, l-inċentiv li r-Renju Unit jikkontribwixxi sabiex jinżammu l-integrità u l-leġittimità tal-Unjoni u sabiex huwa jaġixxi b’solidarjetà mal-Istati Membri tagħha billi jkun konformi mal-obbligi kollha tiegħu skont id-dritt tal-Unjoni ma huwiex l-istess bħal meta huwa kien Stat Membru. Dawn il-konsiderazzjonijiet iwasslu lil dak li jkun għall-konklużjoni li, jekk xejn, il-ħlas ta’ somma f’daqqa għandu jiżdied, pjuttost milli jitnaqqas, sabiex jinkiseb effett ta’ dissważjoni suffiċjenti. Għalhekk, għalkemm ir-Renju Unit ma huwiex fl-istess qagħda bħal tal-Istati Membri wara l-ħruġ tiegħu mill-Unjoni, dan il-fatt, fil-fehma tiegħi, ma jnaqqasx l-importanza tal-element ta’ dissważjoni fil-kalkolu ta’ ħlas ta’ somma f’daqqa. Jekk xejn, dan huwa element favur li l-Qorti tal-Ġustizzja tapplika approċċ iktar strett għall-kalkolu ta’ ħlas ta’ somma f’daqqa f’każ partikolari.

74.

Fil-punti 56 sa 63 ta’ dawn il-konklużjonijiet, nipproponi li jkun xieraq li l-fatt li, mill-1 ta’ Jannar 2021, l-obbligu tar-Renju Unit li jkun konformi mad-Direttiva 95/60 u li jeżegwixxi s-sentenza fil-Kawża C‑503/17 kien limitat għat-territorju tal-Irlanda ta’ Fuq jiġi rifless bħala fattur ta’ mitigazzjoni fl-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur ( 63 ). Il-fatt li jittieħed inkunsiderazzjoni l-PGD tal-Irlanda ta’ Fuq, minflok dak tar-Renju Unit, matul l-istess perijodu jwassal għal konsegwenza mhux iġġustifikata li jkun idduplikat l-effett ta’ dak l-element ta’ mitigazzjoni.

75.

Il-Qorti tal-Ġustizzja reċentement reġgħet ikkonfermat ukoll li l-PGD huwa l-fattur predominanti għall-evalwazzjoni tal-kapaċità ta’ ħlas, u li, mill-perspettiva tal-istabbiliment ta’ sanzjonijiet suffiċjentement disważivi u proporzjonati, ma hemmx ħtieġa li jitqies il-piż istituzzjonali kif espress bl-għadd ta’ voti li rappreżentanti tal-Istati Membri għandhom fil-Parlament Ewropew ( 64 ). Ma narax raġuni għaliex din il-pożizzjoni ma għandhiex tapplika hawnhekk.

3.   It-tul

76.

L-argumenti tal-partijiet dwar it-tul kienu relatati prinċipalment mal-impożizzjoni ta’ pagamenti ta’ penalità ta’ kuljum (jew perjodiċi) għal kwalunkwe perijodu ta’ dewmien wara d-data tal-għoti tas-sentenza f’din il-kawża. Peress li r-Renju Unit eżegwixxa s-sentenza fil-Kawża C‑503/17 fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq fl-1 ta’ Ottubru 2021, u ma kienx għad kellu obbligu li jeżegwixxiha fir-rigward tal-Gran Brittanja wara t-tmiem tal-perijodu ta’ tranżizzjoni, il-Kummissjoni ma ssostnix dik it-talba. Għalhekk, jien mhux ser nindirizza dawn l-argumenti.

77.

Ikun biżżejjed jingħad li, skont il-komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni, it-tul ta’ ksur huwa parametru oġġettiv għall-kalkolu tal-ħlas ta’ somma f’daqqa. Is-somma f’daqqa ta’ kuljum tiġi mmultiplikata bl-għadd ta’ jiem mis-17 ta’ Ottubru 2018, id-data tas-sentenza fil-Kawża C‑503/17, sat-30 ta’ Settembru 2021, l-aħħar jum ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni. Dan l-approċċ għandu jkun applikat hawnhekk, meqjus li, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tadotta l-proposti tiegħi fil-punti 64 u 65 ta’ dawn il-konklużjonijiet, is-somma f’daqqa ta’ kuljum għall-perijodu mis-17 ta’ Ottubru 2018 (id-data tas-sentenza fil-Kawża C‑503/17) sal-31 ta’ Diċembru 2020 (it-tmiem tal-perijodu ta’ tranżizzjoni) tkun ogħla mis-somma f’daqqa ta’ kuljum għall-perijodu mill-1 ta’ Jannar 2021 (l-ewwel jum wara t-tmiem tal-perijodu ta’ tranżizzjoni) sat-30 ta’ Settembru 2021 (l-aħħar jum ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni tas-sentenza fil-Kawża C‑503/17).

4.   Evalwazzjoni u kalkolu tal-ħlas ta’ somma f’daqqa

78.

Fis-sentenzi tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja, fl-eżerċizzju tad-diskrezzjoni sħiħa tagħha li timponi ħlas ta’ somma f’daqqa, ma tagħtix ħafna dettalji dwar il-kalkolu jew kemm għandhom piż id-diversi fatturi li hija tieħu kont tagħhom. Fil-fehma tiegħi, l-interessi ta’ trasparenza jkunu qegħdin jitħarsu sewwa billi ninkludi f’dawn il-konklużjonijiet il-kalkolu li jirriżulta mill-evalwazzjoni li nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tadotta, jiġifieri:

għall-perijodu mis-17 ta’ Ottubru 2018 sa u inkluż il-31 ta’ Diċembru 2020, fejn: (i) il-koeffiċjent ta’ gravità huwa tmienja (8); u (ii) il-fattur speċjali “n” huwa r-radiċi kwadrata tal-proporzjon tal-PGD ( 65 ) (il-PGD nominali tar-Renju Unit għall-2020 diviż bil-medja tal-PGD tas-27 Stat Membru fl-2020 ( 66 )):

((1052 x 8) x 2.2) x 807 jiem = EUR 14941766

għall-perijodu mill-1 ta’ Jannar 2021 sa u inkluż it-30 ta’ Settembru 2021, fejn: (i) il-koeffiċjent ta’ gravità huwa erbgħa; u (ii) il-fattur speċjali “n” huwa l-istess kif intqal iktar ’il fuq:

((1 052 x 4) x 2.2) x 273 jiem = EUR 2527324.

79.

Dan iġib total ta’ EUR 17469090, li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tnaqqsu u tagħmlu EUR 17-il miljun.

V. Spejjeż

80.

Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż jekk dawn ikunu ntalbu mill-parti li tirbaħ il-kawża.

81.

Il-Kummissjoni talbet għall-ispejjeż. Fid-dawl tan-nuqqas tar-Renju Unit li jwettaq l-obbligi li huwa għandu taħt l-Artikolu 260(1) TFUE, huwa għandu jiġi kkundannat iħallas l-ispejjeż, minkejja li l-Kummissjoni ma rnexxilhiex fit-talbiet tagħha fis-sens li r-rikors tagħha kien jitlob l-impożizzjoni ta’ ħlas ta’ somma f’daqqa ogħla.

VI. Konklużjoni

82.

Nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja:

tiddikjara li r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 260(1) TFUE, moqri flimkien mal-Artikoli 127, 131 u 185 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, billi ma eżegwixxiex is-sentenza tas-17 ta’ Ottubru 2018, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (C‑503/17, mhux ippubblikata, EU:C:2018:831);

tikkundanna lir-Renju Unit, skont l-Artikolu 260(2) TFUE, moqri flimkien mal-Artikoli 127, 131 u 185 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, iħallas lill-Kummissjoni Ewropea somma f’daqqa ta’ EUR 17-il miljun;

tikkundanna lir-Renju Unit għall-ispejjeż ta’ dawn il-proċeduri.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) Punt 46 ta’ dik is-sentenza.

( 3 ) “Fjuwil immarkat” huwa fjuwil miżjud b’marka fiskali fil-forma ta’ żebgħa taħt superviżjoni fiskali qabel ma l-prodott jinħareġ għall-konsum.

( 4 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 289. Id-Direttiva 95/60 tippromwovi li s-suq intern jitlesta u jiffunzjona billi tiffaċilita l-identifikazzjoni ta’ nafta mhux suġġetta għal taxxa b’rata sħiħa. Marka fiskali għandha tkun applikata għal nafta u pitrolju (ħlief għal fjuwil tal-avjazzjoni) li huma eżenti minn dazju tas-sisa jew suġġetti għal dazju tas-sisa b’rata li ma hijiex ir-rata standard applikabbli għal żjut minerali bħal fjuwil ta’ vetturi. Dan il-fjuwil immarkat xi drabi jissejjaħ “diżil aħmar” fir-Renju Unit u fl-Irlanda.

( 5 ) ĠU 2020 L 29, p. 7.

( 6 ) Ara l-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq, u l-punti 56 u 57 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 7 ) Ara l-punt 13 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 8 ) Ara l-Artikoli 86 u 89 tal-Ftehim ta’ Ħruġ dwar il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja f’kawżi pendenti u l-forza vinkolanti u l-eżegwibbiltà tas-sentenzi u d-digrieti tagħha fuq u fir-Renju Unit.

( 9 ) Ara t-Taqsima 89 u l-Iskeda 11 tal-Att Finanzjarju 2020.

( 10 ) The Finance Act 2020, schedule 11 (Appointed Day) (Northern Ireland) Regulations 2021 (l-Att Finanzjarju 2020, Skeda 11 (Jum Appuntat) (L-Irlanda ta’ Fuq) Regolamenti 2021). Ara wkoll il-gwida tar-Renju Unit bit-titolu Fuel used in private pleasure craft and for private pleasure flying, Excise Notice 554, taqsima 2.

( 11 ) Il-punt 38 ta’ dawn il-konklużjonijiet jiddeskrivi l-miżuri adottati mir-Renju Unit fl-2008.

( 12 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tat-22 ta’ Frar 2018, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑328/16, EU:C:2018:98, punt 100 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 13 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mischo fil-kawża Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑278/01, EU:C:2003:342, punti 31 u 32) u s-sentenza tal-25 ta’ Novembru 2003, Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑278/01, EU:C:2003:635, punti 30 u 31).

( 14 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tal-25 ta’ Ġunju 2013, Il-Kummissjoni vs Ir-Repubblika Ċeka, (C‑241/11, EU:C:2013:423, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata) u tat-12 ta’ Novembru 2019, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (Derrybrien Wind Farm) (C‑261/18, EU:C:2019:955, punt 84 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 15 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tal-15 ta’ Ottubru 2015, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑167/14, mhux ippubblikata, EU:C:2015:684, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 16 ) Sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2016, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (C‑557/14, EU:C:2016:471, punti 33 u 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 17 ) Sentenza tat-2 ta’ Diċembru 2014, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑378/13, EU:C:2014:2405, punti 24 u 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 18 ) Sentenza tas-17 ta’ Novembru 2011, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑496/09, EU:C:2011:740, punt 87 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 19 ) Sentenza tas-7 ta’ Lulju 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑369/07, EU:C:2009:428, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 20 ) Sentenza tad-9 ta’ Diċembru 2008, Il-Kummissjoni vs Franza (C‑121/07, EU:C:2008:695, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 21 ) Il-Kummissjoni Ewropea, Direttorat Ġenerali għat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali, Studju ta’ evalwazzjoni dwar l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 95/60/KE tas-27 ta’ Novembru 1995 dwar l-immarkar fiskali tan-nafta u tal-pitrolju: rapport finali, volum I – Test Ewlieni, Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet, 2018, (https://data.europa.eu/doi/10.2778/25969) (iktar ’il quddiem l-“Istudju ta’ Evalwazzjoni tal-2018”), paġna 61.

( 22 ) Sentenza tas-17 ta’ Ottubru 2018 (C‑504/17, mhux ippubblikata, EU:C:2018:832).

( 23 ) Ara l-punt 39 tas-sentenza fil-Kawża C‑503/17.

( 24 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tat-8 ta’ Marzu 2022, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (Ġlieda kontra l-frodi tas-sottovalutazzjoni) (C‑213/19, EU:C:2022:167, punt 203 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 25 ) Komunikazzjoni tal-Kummissjoni – Implimentazzjoni ta’ l-Artikolu 228 tat-Trattat KE (SEG(2005) 1658) (ĠU 2007 C 126, p. 15) (iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni tal-2005”), li kienet ġiet estiża wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona sabiex tinkludi proċeduri rregolati mill-Artikolu 260(2) TFUE (ara Komunikazzjoni tal-Kummissjoni – Implimentazzjoni tal-Artikolu 260(3) tat-Trattat, (ĠU 2011 C 12, p. 1), punt 4 u Taqsima V).

( 26 ) Komunikazzjoni tal-Kummissjoni – Modifika tal-metodu ta’ kalkolu għal ħlasijiet ta’ somma f’daqqa u ħlasijiet ta’ penali [pagamenti ta’ penalità] ta’ kuljum proposta mill-Kummissjoni f’proċedimenti ta’ ksur quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2019 C 70, p. 1) (iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni tal-2019”) u Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni – L-aġġornament tad-data użata biex jiġu kkalkolati s-somma f’daqqa u l-pagament ta’ penali [penalità] li għandhom jiġu proposti mill-Kummissjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja fi proċedimenti ta’ ksur (C(2020) 6043, ĠU 2020 C 301, p. 1) (iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni tal-2020”).

( 27 ) Abbażi ta’ din il-metodoloġija l-ħlas massimu ta’ somma f’daqqa għar-Renju Unit għall-ksur inkwistjoni huwa ta’ EUR 77.5 miljuni ((1052 x 20 x 3.41) x 1080).

( 28 ) Komunikazzjoni tal-2020, Taqsima III, l-ewwel paragrafu, punt (2).

( 29 ) Komunikazzjoni tal-2005, punt 16.6.

( 30 ) Komunikazzjoni tal-2020, Taqsima III, l-ewwel paragrafu, punt (3).

( 31 ) Sentenza tat-12 ta’ Lulju 2005, Il-Kummissjoni vs Franza (C‑304/02, EU:C:2005:444, punt 83).

( 32 ) Ara dwar dan is-sentenza tat-2 ta’ Diċembru 2014, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑378/13, EU:C:2014:2405, punti 72, 73 u 76).

( 33 ) Punt 44.

( 34 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 405.

( 35 ) Taqsimiet 14E u 14F tal-Hydrocarbon Oil Duties Act 1979 and the Hydrocarbon Oil and Bioblend (Private Pleasure-flying and Private Pleasure Craft) (Payment of Rebate etc.) Regulations 2008 SI 2008/2599 (l-Att dwar id-Dazji għal Żejt Idrokarburi tal-1979 u r-Regolamenti tal-2008, SI 2008/2599 dwar Żejt Idrokarburi u Bijotaħlita (Delizzju Privat – Titjir u Inġenji tal-Baħar ta’ Delizzju Privat) (Rifużjoni ta’ skont, eċċ.)).

( 36 ) Taqsima 14E(7A) tal-Att dwar id-Dazji għal Żejt Idrokarburi tal-1979.

( 37 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tal-25 ta’ Ġunju 2013, Il-Kummissjoni vs Ir-Repubblika Ċeka (C‑241/11, EU:C:2013:423, punt 51).

( 38 ) Mill-inqas konsultazzjoni waħda iktar qabel dwar konformità mad-Direttiva 2003/96 kienet ġiet konkluża f’Awwissu 2007, wara li d-deroga li minnha bbenefika r-Renju Unit kienet skadiet (ara l-punt 7.4 tal-Explanatory Memorandum to the Hydrocarbon Oil and Bioblend (Private Pleasure-flying and Private Pleasure Craft) (Payment of Rebate etc.) Regulations 2008) (il-Memorandum ta’ Spjegazzjoni għar-Regolament 2008 dwar Żejt Idrokarburi u Bijotaħlita (Delizzju Privat – Titjir u Inġenji tal-Baħar ta’ Delizzju Privat) (Rifużjoni ta’ skont, eċċ.)).

( 39 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2015, Fresh Del Monte Produce vs Il-Kummissjoni u Il-Kummissjoni vs Fresh Del Monte Produce (C‑293/13 P u C‑294/13 P, EU:C:2015:416, punt 184 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 40 ) Sentenza tat-30 ta’ Mejju 2013, Il-Kummissjoni vs L-Isvezja (C‑270/11, EU:C:2013:339, punt 55).

( 41 ) Sentenza tal-14 ta’ Novembru 2018, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑93/17, EU:C:2018:903, punt 122).

( 42 ) Ara l-punt 46 tas-sentenza fil-Kawża C‑503/17.

( 43 ) Iktar dettalji dwar il-kuntest legali jinsabu fil-punti 2 sa 14 tas-sentenza fil-Kawża C‑503/17.

( 44 ) Paġna 6 tal-Istudju ta’ Evalwazzjoni tal-2018.

( 45 ) Ara wkoll il-punti 46 sa 48 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 46 ) Ir-Renju Unit isemmi dan fil-kuntest tal-ostakoli li huwa ltaqa’ magħhom sabiex jikseb konformità (ara s-sommarju fil-punt 13 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

( 47 ) Din tidher li kienet il-motivazzjoni għall-miżuri tal-2012. Għalhekk, mhux konvint li dawn il-miżuri kellhom effett materjali ta’ mitigazzjoni fuq interessi pubbliċi u privati.

( 48 ) It-talbiet tal-Kummissjoni ma jirreferux għall-Artikolu 185 tal-Ftehim ta’ Ħruġ (ara l-punt 8 ta’ dawn il-konklużjonijiet). Madankollu, ir-Renju Unit iddefenda t-talba bil-kundizzjoni li kienet tinkludi perijodu ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni tas-sentenza fil-Kawża C‑503/17 wara t-tmiem tal-perijodu ta’ tranżizzjoni. Barra minn dan, ir-Renju Unit ma kellu ebda oġġezzjoni bbażata fuq vires jew fuq kwalunkwe diskrepanza bejn it-talbiet jew il-mertu tagħhom.

( 49 ) L-applikazzjoni ta’ dawn l-aġġettivi għall-popolazzjoni tal-Istati Membri, ħamsa għandhom popolazzjoni kważi l-istess bħal, jew iżgħar mill-Irlanda ta’ Fuq, jiġifieri l-Estonja, Ċipru, il-Latvja, il-Lussemburgu u Malta.

( 50 ) Fl-1 ta’ Jannar 2020, l-Irlanda kkonformat mas-sentenza tas-17 ta’ Ottubru 2018, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (C‑504/17, mhux ippubblikata, EU:C:2018:832).

( 51 ) Ara l-Komunikazzjoni tal-2005, punt 16.4: “il-grad ta’ gravità jista’ jitqies li jkun inqas jekk il-ksur ma jkunx jirrigwarda l-Istat Membru inkwistjoni fl-intier tiegħu”.

( 52 ) ĠU 2014, L 173, p. 349 bir-Rettifiki fil-ĠU 2016, L 188, p. 28 u ĠU 2016, L 273, p. 35.

( 53 ) Sentenza tat-13 ta’ Jannar 2021, Il-Kummissjoni vs Is-Slovenja (MiFiD II) (C‑628/18, EU:C:2021:1, punt 80).

( 54 ) Sentenza tat-13 ta’ Mejju 2014, Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑184/11, EU:C:2014:316).

( 55 ) Sentenza tat-13 ta’ Mejju 2014, Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑184/11, EU:C:2014:316), punti 81 u 82).

( 56 ) Sentenza tat-13 ta’ Mejju 2014, Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑184/11, EU:C:2014:316), punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 57 ) Ara (i) il-punt 45, (ii) il-punti 48 sa 49 u (iii) il-punti 52 sa 55 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 58 ) Komunikazzjoni tal-2020, ir-raba’ paragrafu tat-Taqsima I.

( 59 ) Il-formula għall-kalkolu tal-fattur speċjali “n”, ibbażata fuq l-għadd ta’ siġġijiet fil-Parlament Ewropew, tidher fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12 tal-Komunikazzjoni tal-2019.

( 60 ) Taqsima IV tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni – Aġġustament tal-kalkolu għall-pagamenti ta’ somma f’daqqa u ħlas ta’ penali [pagamenti ta’ penalità] proposti mill-Kummissjoni fi proċedimenti ta’ ksur quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, wara l-ħruġ tar-Renju Unit (ĠU 2021 C 129, p. 1).

( 61 ) Ara, inter alia, is-sentenzi tas-7 ta’ Settembru 2016, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑584/14, EU:C:2016:636, punt 81); tat-22 ta’ Frar 2018, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑328/16, EU:C:2018:98, punt 101) u tal-25 ta’ Frar 2021, Il-Kummissjoni vs Spanja (Direttiva Data Personali – Qasam Kriminali) (C‑658/19, EU:C:2021:138, punt 83).

( 62 ) Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq, Artikolu 12(1).

( 63 ) Ara l-punti 59 sa 63 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 64 ) Sentenza tal-20 ta’ Jannar 2022, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (Irkupru ta’ Għajnuna mill-Istat - Ferronickel), (C‑51/20, EU:C:2022:36, punti 114 sa 117), u l-eżami dettaljat tal-fattur speċjali “n” fil-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Pitruzzella fil-kawża Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (Irkupru ta’ Għajnuna mill-Istat - Ferronickel) (C‑51/20, EU:C:2021:534). Ara wkoll is-sentenza tal-14 ta’ Novembru 2018, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑93/17, EU:C:2018:903, punti 139 u 142).

( 65 ) Ma huwiex għalkollox ċar mis-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-element tal-PGD li għandu jitqies bħala l-fattur predominanti huwiex sempliċiment il-proporzjon tal-PGD jew ir-radiċi kwadrata tal-proporzjon tal-PGD. Din l-aħħar pożizzjoni hija konformi mal-komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni u għandha l-effett li tinvella d-differenzi bejn il-ħlasijiet ta’ somma f’daqqa li jistgħu jiġu imposti fuq l-Istati Membri. Il-proporzjon sempliċi tal-PGD għar-Renju Unit huwa 4.9; l-użu ta’ dan minflok ir-radiċi kwadrata tal-proporzjon tal-PGD (2.2) iġib ħlas totali ta’ somma f’daqqa ta’ EUR 39 miljun.

( 66 ) Il-PGD għall-2020 tas-27 Stat Membru tal-Unjoni ppubblikat mill-Eurostat kien EUR 13450460 miljun.