KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

CAMPOS SÁNCHEZ‑BORDONA

ippreżentati fit‑2 ta’ Diċembru 2021 ( 1 )

Kawża C‑645/20

V A,

Z A

vs

TP

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, Franza))

“Deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ġurisdizzjoni fil‑qasam tas-suċċessjonijiet – Ġurisdizzjoni sussidjarja – Residenza abitwali tad‑deċedut fi Stat terz fil-mument tal-mewt – Deċedut b’nazzjonalità ta’ Stat Membru u assi f’dan l-Istat – Obbligu li l-ġurisdizzjoni rispettiva tiġi ddikjarata ex officio

1.

Il-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, Franza) qiegħda tistaqsi lill‑Qorti tal‑Ġustizzja jekk l-awtoritajiet ta’ Stat Membru ( 2 ) fejn teżisti proprjetà tad-deċedut għandhomx, skont l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 650/2012, ex officio jistabbilixxu l-ġurisdizzjoni tagħhom sabiex jiddeċiedu dwar is‑suċċessjoni causa mortis fl-intier tagħha.

2.

Id-dubju tqajjem fil-kuntest ta’ tilwima dwar id-drittijiet tas-suċċessjoni bejn ulied ċittadin Franċiż decujus, li l-aħħar residenza abitwali tiegħu fi Franza hija inkwistjoni, u dik li kienet il-konjuġi tiegħu (iżda mhux omm l-imsemmija wlied) fil-mument tal-mewt tiegħu.

3.

L-ebda waħda mill-partijiet ma tikkontesta n-nazzjonalità tad-deċedut fil‑mument tal-mewt, u lanqas li huwa kien proprjetarju ta’ proprjetà immobbli li tinsab fi Franza. In-nuqqas ta’ qbil jirrigwarda biss il-post fejn kellu r-residenza abitwali tiegħu meta miet.

4.

Fl-ewwel istanza, qorti Franċiża ddikjarat li għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tat-talba mressqa minn ulied id-decujus, li talbu l-ħatra ta’ amministratur tal-patrimonju.

5.

Fl-appell, il-qorti kkonċernata madankollu ddeċidiet li l-qrati Franċiżi ma kellhomx ġurisdizzjoni fuq is-suċċessjoni fl-intier tagħha, peress li d-deċedut kellu l-aħħar residenza tiegħu fir-Renju Unit.

6.

Fl-appell tal-kassazzjoni, l-appellanti jsostnu li, fi kwalunkwe każ, il-qrati Franċiżi kellhom jiddikjaraw ex officio li għandhom ġurisdizzjoni, kwistjoni li hija s-suġġett tad-domandi tal-qorti tar-rinviju.

I. Id-dritt applikabbli. Ir-Regolament Nru 650/2012

7.

Skont il-premessa 7:

“Hemm lok li jiġi ffaċilitat it-tħaddim tajjeb tas-suq intern billi jitneħħew l-ostakoli għall-moviment liberu ta’ persuni li llum il-ġurnata jiġu affaċċjati b’diffikultajiet biex jimplimentaw id-drittijiet tagħhom fil-kuntest ta’ suċċessjoni li għandha implikazzjonijiet transkonfinali. Fiż-żona Ewropea tal-ġustizzja, iċ-ċittadini għandhom ikunu fil-pożizzjoni li jorganizzaw is-suċċessjoni tagħhom bil-quddiem. Id-drittijiet tal-werrieta u l-legatarji, tal-persuni l-oħra qrib tad-deċedut kif ukoll tal-kredituri tas-suċċessjoni għandhom ikunu garantiti b’mod effettiv”.

8.

Skont il-premessa 23:

“Minħabba l-mobbiltà taċ-ċittadini li qed tiżdied u sabiex tkun żgurata l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja fl-Unjoni u jkun żgurat li jeżisti fattur ġenwin ta’ konnessjoni bejn is-suċċessjoni u l-Istat Membru li fih hija eżerċitata l-ġuriżdizzjoni, dan ir-Regolament għandu jipprovdi li l-fattur ta’ konnessjoni ġenerali għall-finijiet li jiġu determinati kemm il-ġuriżdizzjoni kif ukoll il-liġi applikabbli għandu jkun ir-residenza abitwali tad-deċedut fil-mument tal-mewt […]”.

9.

Il-premessa 27 tipprovdi:

“Ir-regoli ta’ dan ir-Regolament huma mfassla sabiex jiżguraw li l-awtorità li tkun qed tittratta s-suċċessjoni, fil-biċċa l-kbira tas-sitwazzjonijiet, tapplika l-liġi tagħha proprja. Għalhekk dan ir-Regolament jipprevedi serje ta’ mekkaniżmi li jidħlu fis-seħħ meta d-deċedut ikun għażel bħala l-liġi li tirregola s-suċċessjoni tiegħu l-liġi ta’ Stat Membru li kien ċittadin tiegħu”.

10.

Il-premessa 30 tindika:

“Sabiex ikun żgurat li l-qrati tal-Istati Membri kollha jkunu jistgħu, għall-istess raġunijiet, jeżerċitaw ġuriżdizzjoni fir-rigward tas-suċċessjoni ta’ persuni b’residenza mhux abitwali fi Stat Membru fil-mument tal-mewt, dan ir-Regolament għandu jelenka b’mod eżawrjenti, f’ordni ġerarkika, ir-raġunijiet li għalihom tista’ tiġi eżerċitata tali ġuriżdizzjoni sussidjarja”.

11.

Skont il-premessa 43:

“Ir-regoli ta’ ġuriżdizzjoni stabbiliti minn dan ir-Regolament jistgħu, f’ċerti każijiet, iwasslu għal sitwazzjoni fejn il-qorti li jkollha ġuriżdizzjoni biex tgħaddi regola [tiddeċiedi] dwar is-suċċessjoni ma tapplikax il-liġi tagħha stess […]”.

12.

Il-premessa 57 tfakkar li:

“Ir-regoli tal-konflitt tal-liġijiet stabbiliti f’dan ir-Regolament jistgħu jwasslu għall-applikazzjoni ta’ liġi ta’ Stat terz. F’każijiet bħal dawn, għandhom jiġu kkunsidrati r-regoli tad-dritt internazzjonali privat tal-liġi ta’ dak l-Istat. Jekk dawk ir-regoli jipprevedu ‘renvoi’ [riferiment] jew għal-liġi ta’ Stat Membru jew għal-liġi ta’ Stat terz li japplika l-liġi tiegħu stess għas-suċċessjoni, tali ‘renvoi’ [riferiment] għandu jiġi aċċettat sabiex tiġi zgurata l-konsistenza internazzjonali […]”.

13.

L-Artikolu 4 (“Il-Ġurisdizzjoni ġenerali”) jipprovdi:

“Il-qrati tal-Istat Membru li fih id-deċedut kellu r-residenza abitwali tiegħu fil-mument tal-mewt għandu jkollhom ġuriżdizzjoni biex jiddeċiedu dwar is-suċċessjoni fl-intier tagħha”.

14.

L-Artikolu 10 (“Ġurisdizzjoni sussidjarja”) jipprovdi:

“1.   Meta r-residenza abitwali tad-deċedut fil-mument tal-mewt ma tkunx tinsab fi Stat Membru, il-qrati ta’ Stat Membru fejn ikun hemm assi tal-patrimonju għandu madankollu jkollhom ġuriżdizzjoni biex jiddeċiedu dwar is-suċċessjoni fl‑intier tagħha dment li:

a)

id-deċedut kellu ċ-ċittadinanza ta’ dak l-Istat Membru fil-mument tal-mewt tiegħu; jew, fin-nuqqas ta’ dan,

b)

id-deċedut kellu r-residenza abitwali preċedenti tiegħu f’dak l-Istat Membru, dment li, filwaqt li l-qorti tkun ġiet invokata [fil-mument li titressaq kawża quddiem qorti], ma jkunx għadda aktar minn perijodu ta’ ħames snin minn meta dik ir-residenza abitwali tkun inbidlet.

2.   Fejn l-ebda qorti fi Stat Membru ma jkollha ġuriżdizzjoni skont il‑paragrafu 1, il-qrati ta’ Stat Membru li fih ikun hemm assi tal-patrimonju, għandu madankollu jkollhom ġuriżdizzjoni biex jiddeċiedu dwar dawk l-assi”.

15.

L-Artikolu 15 (“Verifika tal-ġurisdizzjoni”) jipprovdi:

“Fejn il-qorti ta’ Stat Membru tkun invokata [tiġi adita] dwar kwistjoni ta’ suċċessjoni li ma għandhiex ġuriżdizzjoni fuqha skont dan ir-Regolament, hija għandha tiddikjara, ex officio, li ma għandhiex ġuriżdizzjoni”.

16.

L-Artikolu 20 (“Applikazzjoni universali”) jipprovdi:

“Kwalunkwe liġi speċifikata minn dan ir-Regolament għandha tiġi applikata kemm jekk hi l-liġi ta’ Stat Membru kif ukoll jekk mhijiex”.

II. Il-fatti, il-kawża u d-domanda preliminari

17.

XA, ta’ nazzjonalità Franċiża, miet fi Franza fit‑3 ta’ Settembru 2015, filwaqt li ħalla bħala werrieta lil martu, TP, kif ukoll lit-tliet ulied tiegħu, YA, ZA u VA (iktar ’il quddiem il-“partijiet fil-kawża A”), mill-ewwel żwieġ tiegħu.

18.

Il-partijiet fil-kawża A ressqu talba kontra TP quddiem il-President tat‑Tribunal de grande instance (il-Qorti Reġjonali, Franza) fil-kwalità tagħha ta’ qorti għal miżuri kawtelatorji, fejn talbu l-ħatra ta’ amministratur tal-patrimonju.

19.

F’din it-talba huma invokaw il-ġurisdizzjoni tal-qrati Franċiżi skont l‑Artikolu 4 tar-Regolament Nru 650/2012, billi sostnew li missierhom kellu r‑residenza abitwali tiegħu fi Franza fil-mument tal-mewt tiegħu.

20.

Il-qorti tal-ewwel istanza aċċettat din iċ-ċirkustanza bħala pprovata u ddikjarat li għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tal-kawża, deċiżjoni li ġiet appellata minn TP quddiem il-Cour d’appel de Versailles (il-Qorti tal-Appell ta’ Versailles, Franza).

21.

Billi qieset li d-decujus kellu l-aħħar residenza abitwali tiegħu fir-Renju Unit, il-qorti tal-appell qieset li, skont l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 650/2012, il-qrati Franċiżi ma kellhomx ġurisdizzjoni f’dan il-każ.

22.

Quddiem il-Cour de cassation (il-Qorti ta’ Kassazzjoni, Franza), il-partijiet fil-kawża A jsostnu li:

Il-qorti tal-appell kellha tivverifika ex officio l-ġurisdizzjoni tagħha, skont l‑Artikolu 10 tar-Regolament Nru 650/2012 ( 3 ).

Id-decujus kellu n-nazzjonalità Franċiża u kien proprjetarju ta’ assi li jinsabu fi Franza ( 4 ).

Anki fil-każ fejn l-aħħar residenza abitwali tiegħu ma kinitx fi Franza, il‑qrati Franċiżi għandhom ġurisdizzjoni, sussidjarjament, sabiex jiddeċiedu dwar is-suċċessjoni fl-intier tagħha, minħabba li l-assi tal-patrimonju kienu jinsabu fi Franza u li d-deċedut kellu n-nazzjonalità ta’ dan l-Istat fil‑mument tal-mewt.

Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 650/2012 huma ta’ ordni pubbliku u l-qorti għandha tapplikahom ex officio.

23.

Huwa f’dan il-kuntest, li l-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni) għamlet din id-domanda lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“Id-dispożizzjonijiet tal-punt (1)(a) tal-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) Nru 650/2012 […] għandhom jiġu interpretati fis-sens li, meta r-residenza abitwali tad-deċedut fil-mument tal-mewt ma tkunx tinsab fi Stat Membru, il-qorti ta’ Stat Membru li fih ir-residenza abitwali tad-deċedut ma kinitx stabbilita iżda li tikkonstata li dan tal-aħħar kellu n-nazzjonalità ta’ dan l-Istat u kien jipposjedi assi hemm għandha, ex officio, tirrileva l-ġurisdizzjoni sussidjarja tagħha prevista minn dan it-test?”

III. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

24.

It-talba għal deċiżjoni preliminari ġiet irreġistrata fir-Reġistru tal-Qorti tal‑Ġustizzja fl‑1 ta’ Diċembru 2020.

25.

Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn TP, mill-Gvern Spanjol, mill-Gvern Franċiż, mill-Gvern Ċek kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea.

26.

Iż-żamma ta’ seduta ma tqisitx neċessarja.

IV. Analiżi

A.   Osservazzjonijiet preliminari

1. Aggravju tal-kassazzjoni u l-premessa tiegħu

27.

Fl-appell ta’ kassazzjoni, il-qorti tal-appell hija kkritikata li ma vverifikatx ex officio l-ġurisdizzjoni tagħha fid-dawl tal-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 650/2012 meta hija kellha (suppost) tagħmel dan.

28.

Loġikament hija l-qorti tar-rinviju, li tinsab fl-iktar pożizzjoni adatta sabiex tivverifika l-punti kollha tal-kawża fl-istanzi inferjuri, li għandha twettaq l-analiżi ta’ dan l-aggravju tal-kassazzjoni.

29.

Madankollu, kif diġà esponejt, il-qari tas-sentenza tal-qorti tal-appell jippermetti, tal-inqas, li jiġi diskuss jekk fiha, b’xi mod jew ieħor, ġiex applikat l‑Artikolu 10 tar-Regolament Nru 650/2012.

30.

Fil-fatt, is-sentenza appellata tirriproduċi l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 650/2012 taħt it-titolu “Sur la compétence” (dwar il-ġurisdizzjoni), u b’dan tikkonstata, ex officio, dispożizzjoni li ma ġietx invokata mill-partijiet.

31.

Ċertament, il-qorti tal-appell tiżviluppa, sussegwentement, raġunament li jikkorrispondi għall-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 650/2012. Madankollu, ma jistax jiġi eskluż għalkollox li hija eżaminat il-ġurisdizzjoni tagħha skont l‑Artikolu 10 tal-istess regolament, sabiex tikkonkludi (impliċitament) li ma kienx hemm raġuni sabiex dan jiġi applikat.

32.

Kieku l-qorti tal-appell kienet wettqet dan l-eżami, hija kienet tivverifika l‑ġurisdizzjoni internazzjonali tagħha skont l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 650/2012. L-unika ħaġa li tista’ tiġi diskussa hija biss l-interpretazzjoni tagħha tad-dispożizzjoni ( 5 ) jew l-eventwali żball fir-rigward tal-influwenza tagħha fuq din il-kawża.

2. Delimitazzjoni tad-domanda

33.

Wara dan it-twissija, ser nindirizza d-domanda preliminari kif magħmula, jiġifieri, billi niffoka fuq il-kwistjoni ta’ jekk kienx hemm lok li jiġu misluta ex officio l-konsegwenzi tal-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 650/2012, ħaġa li l‑qorti tal-appell ma għamlitx.

34.

Qabel kollox, għandhom isiru żewġ preċiżazzjonijiet.

a) “Ex officio”

35.

L-ewwel waħda tirrigwarda l-applikazzjoni “ex officio” tar-regola tad-dritt tal-Unjoni.

36.

Minbarra li jikkonċerna t-tqassim tar-rwoli bejn il-qorti u l-partijiet f’kawża, il-kunċett ma huwiex univoku: ma hemmx risposta unika għal dak li jikkorrispondi għall-uffiċċju jew għall-kompitu tal-qorti u dak li jappartjeni lill‑partijiet fil-proċedura. Din tvarja skont kull ordinament ġuridiku u, fi ħdanhom, skont fatturi bħat-tip ta’ proċedura, is-suġġett tat-tilwima jew l-istanza proċedurali li fiha tkun tinsab din il-kawża. Naturalment, dawn jinbidlu wkoll maż-żmien ( 6 ).

37.

Fil-kawża li għandna quddiemna, l-“applikazzjoni ex officio” timplika li l‑qorti għandha tiddeċiedi l-kwistjoni dwar il-ġurisdizzjoni tagħha fuq il-bażi ta’ regola differenti minn dik invokata mill-partijiet, mingħajr madankollu ma tibdel il-portata tat-tilwima u mingħajr ma tibbaża ruħha fuq fatti differenti minn dawk stabbiliti miż-żewġ partijiet.

38.

F’din is-sitwazzjoni, l-attività tal-qorti:

Hija limitata li tissostitwixxi bażi legali li hija tikkunsidra bħala żbaljata b’oħra li, għalkemm mhux invokata mir-rikorrent, hija tqis li hija iktar korretta.

Ma tibdilx it-talbiet tar-rikorrent, ma tintroduċix hija nnifisha fatti, u lanqas ma tistħarreġ jekk jeżistu fatti oħra ġodda jew differenti; hija tillimita ruħha li tinterpreta dispożizzjoni applikabbli, minkejja n-nuqqas ta’ invokazzjoni tagħha, u għalhekk ma tabbandunax il-passività li tipikament tikkaratterizza l-pożizzjoni tal-qorti f’kawża ċivili.

Ma tmurx kontra l-prinċipju li huma l-partijiet li jiddeċiedu l-kuntest tal‑kawża, ma tiddeċidix ultra petita u lanqas ma tikser id-drittijiet tad-difiża (għalkemm hija għandha minn qabel tinforma lill-partijiet bl-eżistenza ta’ ratio decidendi differenti minn dik li huma sostnew, sabiex huma jesprimu ruħhom f’dan ir-rigward) ( 7 ).

39.

L-attività ġudizzjarja hekk inkwadrata tista’, madankollu, tqajjem riżervi peress li, inevitabbilment, ir-riżultat finali tagħha ser ikun ta’ benefiċċju għal parti (f’dan il-każ, dik li ressqet it-tilwima quddiem il-qorti Franċiża) u ser tippreġudika lill-oħra (dik li tikkontesta l-ġurisdizzjoni internazzjonali ta’ dik il-qorti).

40.

Madankollu, meta, sabiex tiddeċiedi dwar il-ġurisdizzjoni tagħha stess, hija tuża esklużivament elementi oġġettivi li l-ebda parti fil-kawża ma tikkontesta, il‑qorti ma tiffavorixxix parti għad-detriment tal-oħra ( 8 ), iżda topera fl-interess tal‑ġustizzja u tal-implimentazzjoni korretta ta’ strument maħsub sabiex titqassam il-ġurisdizzjoni bejn l-Istati Membri.

b) L-argumenti tal-qorti tar-rinviju

41.

It-tieni preċiżazzjoni tirrigwarda l-portata tad-domanda preliminari, li essenzjalment hija intiża li tippreċiża:

jekk il-qorti adita mir-rikorrenti b’talba bbażata fuq l-Artikolu 4 tar‑Regolament Nru 650/2012 hijiex obbligata teżamina ex officio l‑ġurisdizzjoni tagħha skont l-Artikolu 10 tiegħu; jew

jekk, min-naħa l-oħra, huma r-rikorrenti li kellhom jinvokaw l-Artikolu 10, u fin-nuqqas ta’ dan, il-qorti tista’ tiċħad it-talba bħala inammissibbli (minħabba nuqqas ta’ ġurisdizzjoni).

42.

Minkejja li d-domanda tirrigwarda l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 650/2012, sa fejn jistabbilixxi ġurisdizzjoni sussidjarja, il-motivazzjoni tal‑qorti tar-rinviju ma hijiex limitata għalih, iżda tipprovdi argumenti bbażat fuq artikoli oħra tat-test, jew fuq is-sistema kkunsidrata b’mod ġenerali ( 9 ).

43.

B’koerenza ma’ dawn l-argumenti, l-analiżi tiegħi għandha tmur lil hinn mis-sempliċi eżami tal-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 650/2012.

B.   Il-ġurisdizzjoni internazzjonali fir-Regolament Nru 650/2012. Fuq l‑Artikolu 10

1. L-istruttura tas-sistema

a) Il-kriterji ta’ ġurisdizzjoni u relazzjonijiet bejniethom

44.

Fil-Kapitolu II tiegħu, ir-Regolament Nru 650/2012 jistabbilixxi sistema ta’ ġurisdizzjoni internazzjonali għas-suċċessjoni fl-intier tagħha bbażata fuq kriterji oġġettivi (l-aħħar residenza abitwali tad-deċedut, il-preżenza ta’ assi tal‑patrimonju fi Stat Membru) ( 10 ) u suġġettivi (l-għażla tal-qorti mill-partijiet ikkonċernati u l-aċċettazzjoni tal-ġurisdizzjoni mill-partijiet fil-proċedura) ( 11 ).

45.

Din is-sistema hija magħluqa ( 12 ). Fil-qasam sostantiv tar-Regolament Nru 650/2012, il-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istati Membri tirriżulta esklużivament mir-regoli uniformi li huwa jipprevedi, bl-esklużjoni ta’ kull regola oħra ( 13 ).

46.

Ibbażat l-ewwel nett fuq l-għanijiet li “tkun żgurata l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja fl-Unjoni u jkun żgurat li jeżisti fattur ġenwin ta’ konnessjoni bejn is-suċċessjoni u l-Istat Membru li fih hija eżerċitata l-ġuriżdizzjoni” ( 14 ), ir‑Regolament Nru 650/2012:

Jistabbilixxi fl-ewwel post il-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istat Membru tal‑aħħar residenza abitwali tad-deċedut. Bħala regola, dawn il-qrati japplikaw id-dritt rispettiv tagħhom ( 15 ).

Jipproponi soluzzjoni għal meta l-aħħar residenza abitwali tad-deċedut tkun tinsab fi Stat terz, iżda meta rabta suffiċjenti ma’ Stat Membru tiġġustifika li tingħata ġurisdizzjoni lill-awtoritajiet ta’ dan tal-aħħar. Bħala regola, dawn l-awtoritajiet ser japplikaw il-liġi tal-Istat terz ( 16 ).

Jissuġġerixxi mekkaniżmi li jlaqqgħu l-forum u l-ius meta: a) wara għażla tal-liġi mid-deċedut ( 17 ), l-awtorità tal-Istat Membru tal-aħħar residenza abitwali tiegħu, jekk il-kwistjoni titressaq quddiemha, għandha tapplika liġi li ma hijiex il-liġi tagħha; jew b) ikunu ssodisfatti l-kundizzjonijiet sabiex tiddeċiedi qorti tal-Unjoni u d-deċedut, li l-aħħar residenza abitwali tiegħu kienet tinsab fi Stat terz, ikunu għażlu bħala l-liġi applikabbli dik ta’ Stat Membru li tiegħu huwa kien ċittadin.

47.

Fir-Regolament Nru 650/2012, ir-relazzjoni tal-qrati ma hijiex strettament ġerarkika, kif jista’ jidher ( 18 ), għaliex kull wieħed minnhom jirreferi għal każ differenti: jew id-decujus kellu l-aħħar residenza abitwali tiegħu fi Stat Membru tal-Unjoni (premessa tal-Artikolu 4) jew ma kellux (premessa tal-Artikolu 10).

48.

Il-ġurisdizzjoni li tirriżulta minn kwalunkwe minn dawn iż-żewġ każijiet tista’ tiġi eskluża biss jekk id-deċedut ikun għażel liġi partikolari (premessa tal‑Artikoli 5 et seq. tar-Regolament Nru 650/2012).

49.

L-awtonomija tar-rieda, suġġetta għal kundizzjonijiet stretti, ma tippreżentax, f’dan il-kuntest, natura ta’ prinċipju jew ta’ fulkru tas-sistema ta’ attribuzzjoni ta’ ġurisdizzjoni, u dan huwa spjegat mill-funzjoni li hija għandha, distinta minn dik li hija teżerċita f’oqsma oħra.

50.

Il-ftehim dwar il-qorti li jista’ jintlaħaq mill-partijiet – jekk ikun il-każ, l‑aċċettazzjoni espressa jew taċita tal-ġurisdizzjoni tal-qorti msejħa sabiex tieħu konjizzjoni tal-kawża – huwa suġġett, qabel kollox, għall-eżistenza ta’ għażla tal‑liġi mid-deċedut. Il-possibbiltà li tintgħażel il-qorti kompetenti tirriżulta, fir‑realtà, minħabba li d-deċedut għamel tali għażla.

51.

Din il-possibbiltà hija kkonċepita mir-Regolament Nru 650/2012 bħala faċilità ta’ natura pragmatika: hija intiża sabiex tevita s-separazzjoni bejn forum u ius li tirriżulta mill-għażla tad-decujus favur liġi li, mid-definizzjoni, ma hijiex dik tal-awtorità li lilha l-leġiżlatur jagħti l-ewwel ġurisdizzjoni ( 19 ).

52.

Il-possibbiltà li l-partijiet ikkonċernati għas-suċċessjoni jagħżlu l-qorti kompetenti ma tikkorrispondix, għalhekk, għal konvinzjoni dwar il-ġid jew il‑vantaġġi inerenti fl-awtoregolamentazzjoni. Kif diġà indikajt, dan huwa limitat ħafna: jekk id-decujus ma jimponix fuq l-aventi kawża tiegħu l-post fejn għandha neċessarjament isseħħ is-suċċessjoni ( 20 ), jiddependi minnu li joħloq l-opportunità li dan ma jseħħx fl-Istat Membru tal-aħħar residenza abitwali tiegħu (jew, taħt kundizzjoni, f’dak fejn huwa kellu assi).

53.

Sabiex ikun hemm deroga mill-ġurisdizzjoni tal-awtorità li oġġettivament għandha l-ġurisdizzjoni huwa meħtieġ kemm li d-deċedut ikun għażel il-liġi applikabbli kif ukoll, barra minn hekk: a) jew li jkun hemm il-ftehim tal-partijiet kollha interessati ( 21 ); b) jew li dawk li ma pparteċipawx fl-imsemmi ftehim ma jikkontestawx il-ġurisdizzjoni ( 22 ); jew ċ) dawk kollha li jidhru quddiem il-qorti jaċċettaw espressament il-ġurisdizzjoni tagħha ( 23 ). Ir-rifjut ta’ persuna kkonċernata waħda li taqbel mal-bqija huwa biżżejjed sabiex tiġi eskluża l-ġurisdizzjoni tal‑Istat Membru tan-nazzjonalità tad-deċedut.

54.

Dawn il-konstatazzjonijiet iservu, fil-fehma tiegħi, sabiex tiġi kkwalifikata l-affermazzjoni tal-qorti tar-rinviju, li tgħid li l-Artikoli 4 u 10 tar-Regolament Nru 650/2012 jikkorrispondu għad-drittijiet disponibbli tal-partijiet, kif ukoll l‑inferenza tagħha li “ma jkunx loġiku li l-qorti tkun obbligata tosserva kriterju sussidjarju ta’ ġurisdizzjoni li l-partijiet ma jkunux qiesu li jsostnu” ( 24 ).

b) Ir-Regoli komuni għall-applikazzjoni tal-kriterji ta’ ġurisdizzjoni. L‑Artikolu 15 tar-Regolament Nru 650/2012

55.

L-istess bħal strumenti oħra tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili, ir-Regolament Nru 650/2012 jinkludi dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni tar‑regoli ta’ ġurisdizzjoni. L-Artikolu 15 tiegħu, intitolat “Verifika tal‑ġuriżdizzjoni”, huwa wieħed minnhom.

56.

Dan l-artikolu jimponi fuq il-qrati msejħa sabiex jiddeċiedu dwar suċċessjoni l-obbligu li jiddikjaraw ruħhom ex officio li ma għandhomx ġurisdizzjoni, meta l-ġurisdizzjoni tagħhom ma tirriżultax mir-Regolament Nru 650/2012 ( 25 ).

57.

Id-dispożizzjoni kienet inkluża, mingħajr spjegazzjoni oħra, fil-proposta għal regolament ippreżentata mill-Kummissjoni u ma qajmet l-ebda kumment jew diskussjoni ulterjuri ( 26 ).

58.

Fid-dawl tax-xebh mar-regoli ta’ livell simili ( 27 ), għandu jiġi rrilevat li tali mandat:

jiżgura l-applikazzjoni korretta tar-Regolament Nru 650/2012, anki meta parti ma tikkontestax il-ġurisdizzjoni, li, għal diversi raġunijiet, jista’ ma jseħħx ( 28 );

huwa garanzija għall-konvenut li ma deherx quddiem il-qorti fl-okkażjoni ta’ tilwima;

jevita li deċiżjonijiet adottati minn awtorità li ma għandhiex ġurisdizzjoni, jew li l-ġurisdizzjoni tagħhom ma tissodisfax il-kriterji stabbiliti mir‑Regolament Nru 650/2012, jiċċirkolaw liberament fiż-żona Ewropea tal‑ġustizzja ( 29 ).

59.

L-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 650/2012 jikkontribwixxi, għalhekk, għall-funzjonament tajjeb tal-kooperazzjoni ġudizzjarja fl-Unjoni fil-qasam tas‑suċċessjonijiet.

60.

Madankollu, din id-dispożizzjoni ma toperax awtomatikament fis-sens oppost, tal-inqas fil-formulazzjoni letterali tagħha, peress li ma tordnax espressament li l-qrati tal-Istati Membri japplikaw ex officio r-regoli tar‑Regolament Nru 650/2012 sabiex jiddikjaraw jew jikkonfermaw il‑ġurisdizzjoni tagħhom fuq il-bażi tiegħu.

2. B’mod partikolari, l-Artikolu 10 fir-Regolament Nru 650/2012

61.

L-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 650/2012 jagħti ġurisdizzjoni lill-Istat (jew lill-Istati) Membru/i fejn jinsabu l-assi tas-suċċessjoni, meta l-aħħar residenza abitwali tad-deċedut kienet tinsab fi Stat terz.

62.

Din il-ġurisdizzjoni:

Tkopri s-suċċessjoni kollha, jekk id-deċedut kellu n-nazzjonalità tal-Istat Membru fil-mument tal-mewt ( 30 ) jew jekk hemmhekk kellu r-residenza abitwali tiegħu matul il-ħames snin qabel il-mument li fih il-qorti ġiet adita ( 31 ).

Tillimita ruħha għall-assi li jinsabu fit-territorju, f’każ ieħor ( 32 ).

63.

Fi ħdan is-sistema, l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 650/2012 għandu żewġ għanijiet:

Li jiżgura l-uniformità tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni internazzjonali, favur ir‑rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi bejn l-Istati Membri. Il-leġiżlatur eskluda kull riferiment għar-regoli tad-dritt nazzjonali, billi elenka b’mod eżawrjenti l-każijiet li fihom il-qorti ta’ Stat Membru teżerċita ġurisdizzjoni ( 33 ).

Li jiggarantixxi l-aċċess għall-ġustizzja tal-werrieta u tal-kredituri, meta s‑sitwazzjoni “jkollha rabtiet mill-qrib ma’ Stat Membru minħabba l-preżenza ta’ proprjetà [assi]” ( 34 ).

64.

Il-preżenza ta’ assi (waħedha, jew ikklassifikata b’rekwiżiti relatati mal‑assi rispettivi jew mad-deċedut) hija kriterju ta’ ġurisdizzjoni magħruf fid‑dritt komparattiv ( 35 ). Fir-Regolament Nru 650/2012, dan jiżdied mal‑kundizzjonijiet ta’ nazzjonalità jew ta’ residenza tad-deċedut li ddeskrivejt ( 36 ). Għalhekk, rabta stretta mal-Istat Membru li l-awtorità tiegħu hija adita ma hijiex diskutibbli, minkejja li l-aħħar residenza abitwali tad-deċedut ma kinitx tinsab fl‑imsemmi Stat.

65.

Il-klassifikazzjoni bħala “sussidjarja” tal-ġurisdizzjoni tal-Artikolu 10 tar‑Regolament Nru 650/2012 ma tfissirx li l-intensità regolatorja tad‑dispożizzjoni hija inqas minn dik tal-Artikolu 4. Għalhekk, nifhem li l-qorti adita ma tistax tinjora din id-dispożizzjoni, anki meta ma tkunx ġiet invokata mill‑parti(jiet).

66.

Iż-żewġ regoli huma fir-realtà ekwivalenti: l-Artikolu 10 jagħti ġurisdizzjoni f’każ fejn il-premessa tal-Artikolu 4 tkun nieqsa, b’tali mod li dan, sempliċement, ma japplikax.

67.

Il-punti ta’ konnessjoni li jadottaw dawn id-dispożizzjonijiet jesprimu rabta suffiċjenti bejn il-każ u l-qorti: iktar b’saħħitha fl-Artikolu 4, u inqas fl‑Artikolu 10 tar-Regolament Nru 650/2012 (id-differenza tirriżulta fil‑lokalizzazzjoni sistematika ta’ kull wieħed). Iżda, jekk ma jkunx hemm iċ‑ċirkustanza tal-Artikolu 4, u jekk jeżistu dawk tal-Artikolu 10, tasal għall‑konklużjoni leġiżlattiva ta’ dan tal-aħħar.

68.

L-argumenti li ġejjin iwassluni sabiex nikkorrobora din id-deduzzjoni:

L-Artikoli 4 u 10 tar-Regolament Nru 650/2012 joperaw bl-istess mod f’każ ta’ għażla tal-liġi mid-deċedut ( 37 ); ta’ kontestazzjoni tal-ġurisdizzjoni mill‑partijiet ikkonċernati li ma ħadux sehem fi ftehim li jattribwixxiha ( 38 ), u f’dak li jirrigwarda l-possibbiltà li l-proċedura tiġi limitata, billi jiġu esklużi minnha ta’ assi li jinsabu fi Stati terzi, jekk ikun hemm raġunijiet sabiex wieħed jemmen li deċiżjoni eventwali ma tkunx ser tiġi rrikonoxxuta jew eżegwita f’dawn l-Istati ( 39 ).

Letteralment, l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 650/2012 huwa mandat għall-qorti nazzjonali, li ma huwiex il-każ ta’ dispożizzjonijiet oħra, bħall‑Artikolu 11, li jawtorizza, iżda ma jobbligax, li tingħata deċiżjoni dwar suċċessjoni. Barra minn hekk, kuntrarjament għal dan tal-aħħar, l-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni prevista fl-Artikolu 10 ma huwiex suġġett għan-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni jew għan-nuqqas ta’ azzjoni tal-qrati ta’ Stat ieħor.

69.

Il-qorti a quo tirrileva bħala argument biex issostni ċ-ċaħda ipotetika tal‑applikazzjoni tal-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 650/2012, li dan jikkostitwixxi “eċċezzjoni għall-prinċipju tal-unità tal-ġurisdizzjoni tal-qrati u tal‑kompetenzi leġiżlattivi li fuqhom huwa msejjes ir-Regolament” ( 40 ).

70.

Ma naqbilx ma’ dan ir-raġunament. L-għan li jingħaqdu forum u ius ma għandux karattru assolut; il-leġiżlatur innifsu jaċċetta li s-separazzjoni hija possibbli ( 41 ). Barra minn hekk, is-soluzzjonijiet li jipprovdi sabiex jipprova jerġa’ jistabbilixxi l-paralleliżmu jestendu għall-każ fejn il-qorti li għandha tiddeċiedi tagħmel dan b’applikazzjoni tal-Artikolu 10.

71.

Għandu jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll il-fatt li, għalkemm l-aħħar residenza abitwali tad-deċedut ma tinsabx fi Stat Membru, ir-Regolament Nru 650/2012 ma jistax, mid-definizzjoni tiegħu stess, la jimponi u lanqas jiżgura l-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-pajjiż ta’ din ir-residenza, u wisq inqas il-korrelazzjoni forum/ius.

72.

Miż-żewġ għażliet possibbli (ir-riferiment għall-qrati previsti fl‑ordinamenti nazzjonali jew l-istabbiliment ta’ regola komuni għall-Istati Membri) il-leġiżlatur Ewropew laqa’ t-tieni waħda. B’dan il-mod, huwa jippromwovi, wkoll, l-għan tar-Regolament Nru 650/2012 li jiġu ggarantiti b’mod effikaċi d-drittijiet tal-werrieta, tal-legatarji u ta’ persuni oħra qrib tad-deċedut, billi jiġi ffaċilitata l-aċċess tagħhom għall-ġustizzja ( 42 ).

C.   Applikazzjoni ex officio jew fuq talba ta’ parti tal-Artikolu 10 tar‑Regolament Nru 650/2012

73.

Issa, sejjer indur għad-domanda tal-qorti tar-rinviju: il-qorti għandha tiddikjara ruħha li għandha ġurisdizzjoni, b’applikazzjoni ta’ regola li tattribwixxi l-ġurisdizzjoni internazzjonali mhux invokata mill-partijiet, li tikkorrispondi għall‑fatti preżenti fil-kawża u mhux ikkontestati, iżda mhux invokati insostenn ta’ din il-ġurisdizzjoni?

74.

Mal-ewwel daqqa t’għajn, ir-Regolament Nru 650/2012 ma jipprovdix espressament għal trattament proċedurali għall-Artikolu 10. Minn dan jista’ jiġi dedott li l-leġiżlatur ma kellux l-intenzjoni li jgħaqqad l-imsemmi aspett, filwaqt li jħalli r-regolazzjoni tiegħu għal dak li jipprevedi d-dritt proċedurali nazzjonali ta’ kull Stat Membru.

75.

Madankollu, nemmen li din l-inferenza ma hijiex korretta. Fil-fehma tiegħi, hemm elementi li jinvalidaw l-argument formali u li jippermettu li tiġi sostnuta teżi differenti, meta l-attività mwettqa fuq inizjattiva tagħha stess mill-qorti taqa’ f’ċirkustanzi bħal dawk f’dan il-każ.

76.

Iktar ’il quddiem sejjer nesponi r-raġunijiet li jsostnu l-pożizzjoni tiegħi. Huwa biss sussidjarjament, jekk din ma tiġix kondiviża mill-Qorti tal-Ġustizzja, li jiena sejjer nirreferi għall-ewwel teżi (li hija favur li s-soluzzjoni tal-problema titħalla għal-leġiżlazzjoni ta’ kull Stat Membru).

1. L-argumenti għall-implimentazzjoni ex officio (fiċ-ċirkustanzi tal-każ)

77.

Jiena sejjer insostni li, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, il-qorti nazzjonali adita abbażi tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 650/2012 għandha tiddikjara ex officio l-ġurisdizzjoni tagħha taħt l-Artikolu 10, anki jekk ir-rikorrenti ma invokawhx.

78.

Il-konvinzjoni tiegħi hija bbażata fuq kunsiderazzjonijiet marbuta: a) minn naħa, mal-verifika nuqqas ta’ ġurisdizzjoni rispettiva tagħha, previst fl‑Artikolu 15 tar-Regolament Nru 650/2012; u b) min-naħa l-oħra, mad‑dikjarazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja fuq l-elementi li l-qorti hija mitluba twieżen sabiex tevalwa l-ġurisdizzjoni internazzjonali tagħha, meta parti tikkontestaha.

79.

Fir-rigward tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 650/2012, dan jimponi, kif diġà indikajt, analiżi tal-qorti, ex officio, sabiex jiġi vverifikat in-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tagħha.

80.

Barra minn hekk, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tan-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tagħha “skont (dan) ir-Regolament”, il-qorti għandha tesplora l-kriterji kollha stabbiliti fil-Kapitolu II. Hija tista’ tiddikjara li ma għandhiex ġurisdizzjoni ex officio biss meta, u sa fejn, l-ebda regola tar-Regolament Nru 650/2012 ma tagħtiha ġurisdizzjoni. Għalhekk, l-eżami ma huwiex limitat għal-regoli speċifiċi tat-test, jew biss għal dik li tinvoka l-persuna kkonċernata.

81.

Minn din il-premessa niddeduċi li, jekk il-qorti tqis li hemm dispożizzjoni li b’mod konformi magħha hija għandha ġurisdizzjoni, hija ma tistax tislet il‑konsegwenza tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 650/2012, li l-eżami tiegħu huwa neċessarjament mixtieq. Għalkemm ir-regola li fuqha hija bbażata l‑ġurisdizzjoni tagħha ma hijiex dik invokata mir-rikorrent, ikun jikkostitwixxi formaliżmu eċċessiv li hija tinjora regola oħra li, anki jekk mhux invokata, tagħtiha ġurisdizzjoni suffiċjenti sabiex titkompla bil-kawża ( 43 ).

82.

Ir-Regolament Nru 650/2012 ma jippreċiżax il-kundizzjonijiet tal-istħarriġ tal-ġurisdizzjoni kemm ex officio, kif ukoll fuq talba tal-partijiet. B’mod partikolari, ma jgħid xejn fuq il-fatti li l-qorti għandha tieħu inkunsiderazzjoni jew dwar il-mod kif għandha tidentifikahom.

83.

Madankollu hemm xi indikazzjonijiet f’dan ir-rigward fis-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja mogħtija fir-rigward tal-kontroll tal-kompetizzjoni fil-kuntest tar‑Regolament (KE) Nru 44/2001 ( 44 ).

84.

Konformement ma’ dawn is-sentenzi, il-kompitu tal-qorti li twettaq din l‑analiżi mhux biss ma huwiex limitat għal dak li r-rikorrent jallega, iżda jinkludi l-elementi kollha li l-qorti tkun taf bihom, mingħajr madankollu ma jkollha tinvestiga (la jekk ikun hemm oħrajn u lanqas il-veraċità tagħhom) ( 45 ).

85.

Il-Qorti tal-Ġustizzja tibbaża l-pożizzjoni tagħha fuq l-għan ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, li huwa l-bażi tar-Regolament Nru 44/2001, u fuq ir-rispett dovut għall-awtonomija tal-qorti fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħha ( 46 ).

86.

Ma narax għalfejn din il-ġurisprudenza għandha tkun limitata għad‑dispożizzjoni konkreta li hija tinterpreta, u lanqas għall-każ fejn l-eżami tal‑ġurisdizzjoni jsir fuq talba ta’ parti, u mhux ex officio ( 47 ).

87.

Għalhekk jidhirli li huwa leġittimu li l-Artikolu 10 jiġi interpretat fid-dawl tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 650/2012 fis-sens li ma jobbligax lill-qorti tfittex b’mod attiv bażi fattwali sabiex tiddeċiedi dwar il-ġurisdizzjoni tagħha f’kawża partikolari, iżda li ssib, billi tillimita ruħha għall-fatti mhux ikkontestati, bażi għall-ġurisdizzjoni tagħha eventwalment differenti minn dik allegata mir‑rikorrent. Inqis li, f’dan il-każ, hija għandha tiddikjara ex officio li għandha ġurisdizzjoni.

2. Nuqqas ta’ soluzzjoni espliċita fir-Regolament Nru 650/2012. Awtonomija proċedurali u limiti

88.

Jekk dawn ir-raġunijiet jonqsu milli jikkonvinċu lill-Qorti tal-Ġustizzja, ser neżamina, sussidjarjament, ir-risposta li, kif indikajt ( 48 ), tindirizza n-nuqqas ta’ modalitajiet proċedurali espliċiti, fl-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 650/2012, sabiex is-soluzzjoni għad-domanda magħmula titħalla għad-dritt proċedurali ta’ kull Stat Membru.

89.

Minn dan l-approċċ, li jista’ jiġi kklassifikat bħala klassiku ( 49 ), ikun biżżejjed li tiġi applikata l-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, li tgħid li:

Ir-regoli tad-dritt tal-Unjoni joperaw fi ħdan is-sistemi tal-Istati Membri.

Fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni f’dan il-qasam, “il-modalitajiet proċedurali intiżi sabiex jiżguraw is-salvagwardja tad-drittijiet li l-partijiet fil-kawża għandhom bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni jaqgħu taħt l-ordinament ġuridiku intern ta’ kull Stat Membru, skont il-prinċipju tal-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri, bil-kundizzjoni, madankollu li ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili ta’ natura domestika (prinċipju ta’ ekwivalenza) u li, fil-prattika, ma jrendux impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività)” ( 50 ).

Il-qrati japplikaw il-modalitajiet proċedurali previsti mill-ordinament ġuridiku nazzjonali tagħhom “biss sa fejn dawn ma jikkompromettux ir‑raġuni, il-finalità u l-effikaċja sħiħa” tar-regola tad-dritt tal-Unjoni kkonċernata ( 51 ).

90.

Ir-Regolament Nru 650/2012 ma jipprevedix, nirrepeti, trattament proċedurali speċifiku għall-Artikolu 10. Min-naħa l-oħra, huwa jagħmel dan għal dispożizzjonijiet oħra, li fihom huwa jeżiġi espliċitament kemm talba ta’ waħda mill-partijiet, kif ukoll l-intervent ex officio tal-awtorità adita ( 52 ).

91.

Il-fatt li s-silenzju tal-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 650/2012 dwar dan il-punt jiġi interpretat bħala riferiment impliċitu għal dak li jipprevedu s-sistemi nazzjonali jidher li huwa daqstant difensibbli (inkwantu jikkorrispondi għas-soluzzjoni ta’ prinċipju), daqs kemm huwa difensibbli argument li dan jammonta għal esklużjoni intenzjonali, u mhux sempliċi żvista. Jekk, f’partijiet oħra tal-istess Regolament, ir-riferiment għad-dritt proċedurali nazzjonali huwa espress (Artikoli 66 jew 71), l-assenza tiegħu fl-Artikolu 10 tista’ tiġi interpretata fis-sens li fir-rigward ta’ dan is-suġġett ma hemmx riferiment għas-sistemi ġuridiċi nazzjonali ( 53 ).

92.

Jekk jiġi aċċettat, bħala ipoteżi, li d-domanda tal-qorti tar-rinviju dwar it‑tqassim tar-rwoli bejn il-qorti u l-partijiet, skont l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 650/2012, għandha tirċievi r-risposta mogħtija mid-dritt Franċiż, il‑konsegwenzi għal din il-kawża jkunu:

L-eżami tal-ġurisdizzjoni msemmi fl-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 650/2012 ikun ex officio ( 54 ) jekk l-imsemmi dritt jimponi dan għal talbiet paragunabbli bbażati fuqu ( 55 ).

Min-naħa l-oħra, dan l-artikolu jkun japplika biss meta jiġi invokat mill-parti kkonċernata, jekk din tkun is-soluzzjoni għal talbiet paragunabbli fid-dritt intern, sakemm din il-formula ma tagħmilx prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju ta’ drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni jew tipprekludi l-effett utli tar-regola ineżami.

93.

Il-qorti tar-rinviju ma tipprovdix biżżejjed informazzjoni fuq id-dritt proċedurali intern tagħha ( 56 ). F’dawn iċ-ċirkustanzi, kull riflessjoni min-naħa tiegħi fuq il-punt dwar jekk il-fatt li l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 650/2012 japplika biss fuq talba ta’ parti huwiex konformi mal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività u mar-rispett tal-effett utli ta’ din id-dispożizzjoni tkun spekulazzjoni.

V. Konklużjoni

94.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nissuġġerixxi li tingħata r‑risposta segwenti lill-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, Franza):

“L-Artikolu 10(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 650/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑4 ta’ Lulju 2012 dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir‑rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet u l-aċċettazzjoni u l-infurzar ta’ strumenti awtentiċi fil-qasam tas-suċċessjonijiet u dwar il-ħolqien ta’ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta d-deċedut ma kellux l-aħħar residenza abitwali tiegħu fi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, il‑qorti ta’ Stat Membru fejn titqajjem tilwima fil-qasam tas-suċċessjoni għandha tiddikjara, ex officio, li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi s-suċċessjoni fl‑intier tagħha jekk, fid-dawl tal-fatti allegati mill-partijiet li dwarhom ma hemm l‑ebda kontestazzjoni, id-deċedut kellu n-nazzjonalità ta’ dak l-Istat fil-mument tal-mewt tiegħu u kien is-sid ta’ proprjetà li tinsab fih”.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.

( 2 ) Iktar ’il quddiem, ser nuża l-espressjoni “Stat Membru” sabiex nindika Stati marbuta bir‑Regolament (UE) Nru 650/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑4 ta’ Lulju 2012 dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet u l‑aċċettazzjoni u l-infurzar ta’ strumenti awtentiċi fil-qasam tas-suċċessjonijiet u dwar il-ħolqien ta’ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni (ĠU 2012, L 201, p. 107, rettifiki fil-ĠU 2012, L 344, p.3, u fil-ĠU 2013, L 60, p. 140). Id-Danimarka u l-Irlanda ma humiex marbuta minnu; ir-Renju Unit, li, fid-data tal-mewt tad-deċedut, kien jifforma parti mill-Unjoni Ewropea, qatt ma kien marbut bir-Regolament.

( 3 ) Skont id-digriet tar-rinviju, dan l-artikolu ma ġie invokat minn ebda waħda mill-partijiet, la fl‑ewwel istanza u lanqas fl-appell. Madankollu, il-qari tas-sentenza tal-qorti tal-appell jippermetti, tal-inqas, li jiġi diskuss li l-Artikolu 10 ma ġiex applikat (ara l-punti 27 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet).

( 4 ) Abbażi tal-informazzjoni disponibbli, jidher li XA għex fir-Renju Unit mill-bidu tas-snin 80 sa Awwissu 2012, data li fiha ttrasferixxa ruħu fi Franza, fejn huwa miet tliet snin wara. Huwa kien koproprjetarju ta’ żewġ proprjetajiet fir-Renju Unit u kellu 10 % tal-ishma ta’ kumpannija Franċiża, maħluqa għax-xiri fi Franza ta’ proprjetà immobbli li huwa ffinanzja kompletament u li kien jokkupa fil-mument tal-mewt tiegħu.

( 5 ) Il-verżjoni Spanjola, bħall-verżjoni Portugiża, tal-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 650/2012 issemmi testwalment l-Istat Membru fejn huma “los bienes de la herencia [l-assi tal-patrimonju]” (enfasi miżjuda), li tista’ tagħti x’wieħed jifhem li l-korp kollu tas-suċċessjoni għandu jkun f’dan l-Istat sabiex il-qrati tiegħu jkollhom ġurisdizzjoni. Min-naħa l-oħra, dan ma huwiex il-każ tar-redazzjoni Franċiża, u lanqas f’dawk li stajt nikkonsulta. Ma għandix dubju li dawn tal-aħħar huma l-verżjonijiet korretti. Kif jirriżulta mix-xogħlijiet preparatorji: ara l-Proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet u l-atti awtentiċi fil-qasam tas-suċċessjonijiet u l-ħolqien ta’ ċertifikat Ewropew tas-suċċessjoni KUMM(2009) 154 final (iktar ’il quddiem il-“Proposta tal-Kummissjoni”), fil-kummentarju tal-Artikolu 6. Din hija wkoll l‑interpretazzjoni loġika: li kieku kien mod ieħor, ma jkunx spjegat li l-ġurisdizzjoni skont l‑Artikolu 10(1) tkopri espressament il-korp tas-suċċessjoni kollu. Lanqas ma tkun spjegata l‑limitazzjoni tal-ġurisdizzjoni prevista fil-paragrafu 2 tal-istess artikolu, tiegħu, għall-Istat Membru li fih ikun hemm assi tal-patrimonju.

( 6 ) Ara, f’dan ir-rigward, L’office du juge – Études de droit comparé, taħt il-koordinazzjoni ta’ C. Chanais, B. Hess, A. Saletti u J. F. van Drooghenbroeck, Bruylant, 2018. L-istess assenza ta’ uniformità għandha tiġi evalwata wkoll fil-kuntest ta’ applikazzjoni ex officio tal-ordinament tal-Unjoni: għalhekk, pereżempju, f’dak li jirrigwarda d-dritt tal-konsum. Fuq dan il-punt, ara B. Hess u P. Taelman, “Consumer Actions before National Courts”, f’B. Hess u S. Law, Implementing EU Consumer Rights by National Procedural Law, Hart/Beck/Nomos, 2019, p. 95 et seq.

( 7 ) Ir-Regolament Nru 650/2012 ma jipprekludix lill-qorti milli tagħti liż-żewġ partijiet il‑possibbiltà li jesprimu lilhom infushom dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 10. Għall-kuntrarju, dan jista’ jkun obbligatorju, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-ħtieġa li jiġu osservati r-rekwiżiti marbuta mad-dritt għal smigħ xieraq. Il-partijiet għandhom ikunu jistgħu jsiru jafu u jiddiskutu l-elementi eżaminati ex officio mill-qorti, li fuqhom din il-qorti jkollha l‑intenzjoni li tibbaża d-deċiżjoni tagħha: ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑21 ta’ Frar 2013, Banif Plus Bank (C‑472/11, EU:C:2013:88, punti 29 et seq.).

( 8 ) Inżid li l-qrati tar-Regolament Nru 650/2012 ma jagħtux għażla lir-rikorrent, kif jagħmlu, pereżempju, l-Artikoli 4 u 7 tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal‑Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012, L 351, p. 1). Dan ifisser li l-intervent ex officio tal-qorti ma jawtorizzahiex “tirrimedja” għall-iżball tal-parti li, filwaqt li kellha l‑vantaġġ tal-għażla, wettqet żball fl-għażla tal-bażi legali tal-ġuriżdizzjoni, billi għażlet il-qorti “mhux xierqa”.

( 9 ) Ara l-punt 10 tad-digriet tar-rinviju, dwar in-natura magħluqa tas-sistema ta’ ġurisdizzjoni internazzjonali; u l-punt 11, fuq il-korrelazzjoni forum/ius bħala prinċipju tar-Regolament Nru 650/2012, fuq in-natura disponibbli tal-qrati ta’ ġurisdizzjoni u fuq il-portata tal-obbligu ta’ stħarriġ tal-ġurisdizzjoni rispettiva.

( 10 ) Artikoli 4 u 10(1) (fil-kundizzjonijiet li huwa jistabbilixxi).

( 11 ) Artikoli 5, 7 u 9.

( 12 ) U suffiċjenti sabiex isolvu kull aspett ta’ suċċessjoni, irrispettivament mill-post fejn ikun jinsab l-assi tal-patrimonju. Huwa biss eċċezzjonalment li l-leġiżlatur jirrestrinġi l-kapaċità tal-awtorità kompetenti għall-assi li jinsabu fl-Istat Membru rispettiv: ara l-Artikolu 10(2) tar-Regolament Nru 650/2012. L-Artikolu 12(1) jipprevedi l-possibbiltà li ċerti assi jiġu esklużi mill-proċedura, iżda r-raġuni ma hijiex in-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni internazzjonali fir-rigward tagħhom.

( 13 ) Il-leġiżlatur inkluda “forum necessitatis” fl-Artikolu 11, intiż sabiex jevita eventwali ċaħda ta’ ġustizzja.

( 14 ) Premessa 23. Għall-ilħuq ta’ dawn l-għanijiet il-leġiżlatur jafda, qabelxejn, fuq l-użu tar‑residenza abitwali tad-deċedut meta miet bħala “rabta ġenerali”, li tiddetermina kemm il‑ġurisdizzjoni internazzjonali kif ukoll il-liġi applikabbli.

( 15 ) Artikolu 4 flimkien mal-Artikolu 21(1) tar-Regolament Nru 650/2012.

( 16 ) L-Artikolu 10 flimkien mal-Artikolu 21(1) tar-Regolament Nru 650/2012.

( 17 ) Favur is-sistema legali ta’ Stat Membru li tiegħu huwa kellu n-nazzjonalità fil-mument tal-mewt jew fil-mument tal-għażla: ara l-Artikolu 22(1).

( 18 ) Ċertament, hemm preferenza kunċettwali ċara għall-qorti tal-aħħar residenza abitwali tad‑deċedut meta tkun tinsab fi Stat Membru, peress li tali residenza toħloq rabta (bejn is‑suċċessjoni u l-qorti) iktar b’saħħitha minn elementi oħra.

( 19 ) Il-premessi 27 u 28 tar-Regolament Nru 650/2012. Il-fatt li l-partijiet jitħallew jagħżlu huwa wieħed – iżda mhux l-uniku wieħed – mill-mekkaniżmi intiżi li jippermettu li l-awtorità li quddiemha titressaq il-kawża tissostanzja s-suċċessjoni jew issolviha skont id-dritt tagħha stess.

( 20 ) Barra minn hekk, ċerti kundizzjonijiet għandhom jiġu ssodisfatti: ara l-punt segwenti.

( 21 ) Artikolu 5 flimkien mal-Artikoli 6(b) u 7(b) tar-Regolament Nru 650/2012.

( 22 ) Artikolu 9 tar-Regolament Nru 650/2012.

( 23 ) L-Artikolu 7(c) tar-Regolament Nru 650/2012.

( 24 ) Digriet tar-rinviju (punt 11).

( 25 ) Min-naħa l-oħra, huwa ma jipprovdix sanzjoni fil-każ li l-mandat jiġi miksur.

( 26 ) Proposta tal-Kummissjoni, Artikolu 11. Wara suġġeriment mill-Parlament Ewropew, ġie speċifikat li l-kwistjoni li tirreferi għaliha d-dispożizzjoni għandha tkun “relatata ma’ suċċessjoni causa mortis”: ara l-Artikolu 11 tal-abbozz ta’ riżoluzzjoni leġiżlattiva tal‑Parlament Ewropew, tas‑6 ta’ Marzu 2012, Dokument A7–0045/2012.

( 27 ) L-impożizzjoni ta’ stħarriġ ex officio tal-ġurisdizzjoni rispettiva tmur lura għall-Konvenzjoni tas‑27 ta’ Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 1972, L 299, p. 32; test ikkonsolidat fil-ĠU 1998, C 27, p. 1 (mhux disponibbli bil-Malti)). Din teżisti fir-Regolamenti kollha sussegwenti li jagħtu ġurisdizzjoni internazzjonali, fi kwalunkwe qasam. Il-portata tar-regola tista’ tvarja, iżda mhux il‑konsegwenza legali prevista: il-qorti li ma għandhiex ġurisdizzjoni tiddikjara din il‑kundizzjoni ex officio.

( 28 ) Mingħajr ma tmur lil hinn, għaliex il-proċedura ma hijiex kontradittorja.

( 29 ) Id-dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni ex officio sservi bħala suppliment neċessarju sabiex “tikkumpensa” l-assenza ta’ stħarriġ tal-ġurisdizzjoni tal-qorti ta’ oriġini meta l-qorti ta’ Stat Membru ieħor tintalab tipproċedi għar-rikonoxximent u għad-dikjarazzjoni li tikkonstata s‑saħħa eżekuttiva tad-deċiżjoni tagħha. Ara l-Artikolu 40 tar-Regolament Nru 650/2012, li jelenka limitattivament ir-raġunijiet li għalihom deċiżjoni ma hijiex rikonoxxuta, u l‑Artikolu 52, li jestendi l-imsemmija raġunijiet għaċ-ċaħda u għall-irtirar tal-exequatur.

( 30 ) Artikolu 10(1)(a) tar-Regolament Nru 650/2012.

( 31 ) Artikolu 10(1)(b) tar-Regolament Nru 650/2012.

( 32 ) Artikolu 10(2) tar-Regolament Nru 650/2012.

( 33 ) Premessa 30 tar-Regolament Nru 650/2012. Ara wkoll il-premessa 13 tal-Proposta tal-Kummissjoni.

( 34 ) Din il-formula tintuża mill-Kummissjoni fid-dikjarazzjoni tar-raġunijiet tal-Proposta tagħha, fil-punt 4.2. Il-verżjoni finali tar-Regolament Nru 650/2012 hija iktar sintetika: ara l-premessa 7.

( 35 ) Ara, pereżempju, il-paragrafu 105 flimkien mal-paragrafu 343 tal-liġi dwar il-proċedura fil‑qasam tal-familja u tal-ġurisdizzjoni volontarja Ġermaniża (Gesetz über das Verfahren in Familiensachen und in den Angelegenheiten der freiwilligen Gerichtsbarkeit, FamFG); fi Spanja, l-Artikolu 22 quater (g) tal-Liġi Organika 6/1985, tal‑1 ta’ Lulju 2003, dwar il-Poter Ġuridiku; fl-Italja, l-Artikolu 50 tal-Liġi dwar id-dritt internazzjonali privat (Legge 31 maggio 1995, n. 218).

( 36 ) Infakkar li, mingħajr wieħed minn dawn l-elementi, il-portata tal-ġurisdizzjoni hija limitata għall-assi eżistenti fit-territorju tal-Istat Membru tal-Qorti li quddiema tressqet il-kawża, skont l-Artikolu 10(2) tar-Regolament Nru 650/2012.

( 37 ) Skont l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 650/2012, u skont jekk iċ-ċirkustanzi humiex dawk tal‑ittri a) jew b), jew il-qorti adita għandha l-istess kapaċità li tastjeni, u l-istess obbligu li tagħmel dan, kemm jekk il-ġurisdizzjoni tagħha ġejja mill-Artikolu 4 kif ukoll mill-Artikolu 10. Skont l-Artikolu 8, jekk il-partijiet jiddeċiedu li jsolvu s-suċċessjoni barra mill-qorti fl-Istat Membru li l-liġi tiegħu ġiet magħżula mid-deċedut, il-qorti li ex officio bdiet proċedura ta’ suċċessjoni skont l-Artikoli 4 jew 10 għandha tiċħadha.

( 38 ) Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 650/2012.

( 39 ) Artikolu 12(1) tar-Regolament Nru 650/2012. Fil-prattika, huwa probabbli li r-rikonoxximent fi Stat terz ta’ deċiżjoni meħuda abbażi ta’ ġurisdizzjoni tal-Artikolu 10 jiġġenera iktar riluttanza minn oħra bbażata fuq l-Artikolu 4. Madankollu, il-possibbiltà prevista fl-Artikolu 12 ma hijiex limitata għall-ewwel każ.

( 40 ) Punt 11 tad-digriet tar-rinviju.

( 41 ) Mingħajr ma tmur lil hinn, direttament fil-premessa 43; indirettament, fil-premessa 27, it-tnejn li huma tar-Regolament Nru 650/2012.

( 42 ) Ara l-punt 63 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 43 ) Fil-punt 103 tal-konklużjonijiet mogħtija fil-kawża Mercredi (C‑497/10 PPU, EU:C:2010:738), dwar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 tas‑27 ta’ Novembru 2003 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 243, rettifika fil-ĠU 2013, L 82, p. 63), l-Avukat Ġenerali Cruz Villalón iddeduċa wkoll li s-sistema timponi fuq il-qrati r-rekwiżit li ex officio jibbażaw il-ġurisdizzjoni tagħhom fuq ir-Regolament Nru 2201/2003. Huwa sostna li d-dmir tal-qorti ma jintemmx bil-verifika prevista fl-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 2201/2003, ekwivalenti għall-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 650/2012. Huwa ma pprovda ebda bażi oħra għar-risposta tiegħu, għaliex is-suġġeriment tiegħu kien b’mod ċar (“ċertament”) fl-istess loġika tas-sistema; b’mod partikolari, ma kienx jillimitaha għall-interessi tal-minuri f’dik il-kawża.

( 44 ) Regolament tal-Kunsill, tat‑22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42).

( 45 ) Ara s-sentenzi tat‑28 ta’ Jannar 2015, Kolassa (C‑375/13, EU:C:2015:37) punt 64, u tas‑16 ta’ Ġunju 2016, Universal Music International Holding (C‑12/15, EU:C:2016:449), punt 45. Inkwistjoni kien hemm l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001.

( 46 ) Loc. ult. cit.

( 47 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 7 ta’ dawn il-konklużjonijiet dwar id-dmir tal-qorti li tagħti lill‑partijiet l-opportunità li jesprimu ruħhom dwar l-elementi li fuqhom hija ser tibbaża d‑deċiżjoni tagħha, meta l-osservanza tal-prinċipju ta’ kontradittorju tirrikjedi dan.

( 48 ) Punt 74 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 49 ) Li għaliha jeżistu diversi eżempji. Fil-qasam tal-istrumenti ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili, ara, pereżempju, is-sentenzi tat‑8 ta’ Novembru 2005, Leffler (C‑443/03, EU:C:2005:665) punti 49 sa 51; tal‑15 ta’ Ottubru 2015, Nike European Operations Netherlands (C‑310/14, EU:C:2015:690), punt 28; tad‑9 ta’ Novembru 2016, ENEFI (C‑212/15, EU:C:2016:841), punt 30; u tat‑8 ta’ Ġunju 2017, Vinyls Italia (C‑54/16, EU:C:2017:433), punti 25 sa 27; jew id-digriet tat‑28 ta’ April 2016, Alta Realitat (C‑384/14, EU:C:2016:316), punti 80 sa 85.

( 50 ) Fost ħafna oħrajn, is-sentenza tal‑20 ta’ Mejju 2021, X (Vetturi bit-Tank għal-LPG) (C‑120/19, EU:C:2021:398, punt 69).

( 51 ) Ara s-sentenza tat‑28 ta’ April 2016, Alta Realitat (C‑384/14, EU:C:2016:316), punt 85. Il-formula riprodotta tidher, xi drabi, assoċjata mal-prinċipju ta’ effettività. Fehma tiegħi, din hija pjuttost protezzjoni tal-“effett utli” tal-istrument applikabbli: ara, bl-istess mod, M. Szpunar, “L’effet utile dans la jurisprudence de la Cour de justice en matière de droit international privé”, Travaux du Comité Français de Droit International Privé, 2018‑2020, p. 153 et seq.

( 52 ) Eżempji tal-ewwel każ huma l-Artikolu 6(a) jew tal-Artikolu 12(1) tar-Regolament Nru 650/2012; eżempju tat-tieni każ huwa l-Artikolu 15 tiegħu.

( 53 ) Ara, barra minn hekk, il-punti 77 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 54 ) Kif indikajt qabel, it-tifsira tal-espressjoni “ex officio” ma hijiex univoka. Hija s-sistema legali Franċiża li tiddetermina l-portata ta’ obbligu eventwali li r-regola Ewropea tiġi applikata ex officio (hija tiddeċiedi, pereżempju, jekk il-qorti hijiex obbligata tfittex il-fatti li jiddeterminaw il-ġurisdizzjoni tagħha, jew jekk tistax jew għandhiex titlob il-prova tal‑ġurisdizzjoni mill-parti kkonċernata).

( 55 ) L-identifikazzjoni tar-regola nazzjonali li l-ipproċessar proċedurali tagħha jkun ipparagunat ma’ dak li jirċievi l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 650/2012 għandha ssir billi jittieħed inkunsiderazzjoni dak li huwa espost fir-rigward ta’ din id-dispożizzjoni u tal-aġġettiv “sussidjarju” għall-ġurisdizzjoni li hija tagħti.

( 56 ) Fin-nuqqas ta’ żball min-naħa tiegħi, jeżistu deċiżjonijiet tal-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni) dwar l-applikazzjoni ta’ regoli tad-dritt internazzjonali privat tal-Unjoni, indipendentement mill-invokazzjoni ta’ parti. Għalhekk, is-sentenza tal-Cour de cassation, Chambre civile 1 (il-Qorti tal-Kassazzjoni, L-Ewwel Awla Ċivili) tat‑22 ta’ Frar 2005, 02‑20.409, ikkummentata b’mod abbundanti mid-duttrina, annullat id-deċiżjoni tal-appell li ma applikatx ex officio l-Artikolu 2(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1347/2000 tad‑29 ta’ Mejju 2000 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi f’materji matrimonjali u f’materji ta’ responsabbiltà tal-ġenituri għall-ulied taż-żewġ konjuġi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 1, p. 209). Il-bażi proċedurali li fuqha huwa bbażat l-appell tal-kassazzjoni ma hijiex sostnuta. Iktar reċentement, l-istess qorti ddeċidiet favur l-applikazzjoni ex officio ta’ regola ta’ kunflitt ta’ dritt Ewropew, l-Artikolu 6 tar‑Regolament (KE) Nru 864/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Lulju 2007 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali (ĠU 2007, L 199, p. 40). Hija bbażat ruħha fuq l-Artikolu 12 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, li jipprovdi li “le juge tranche le litige conformément aux règles de droit qui lui sont applicables” (“il-qorti għandha tiddeċiedi l‑kawża skont ir-regoli tad-dritt applikabbli għaliha”), kif ukoll fuq il-prinċipji ta’ supremazija u ta’ effettività tad-dritt tal-Unjoni: ara s-sentenza tal-Qorti tal-Kassazzjoni, Chambre civile 1 (il‑Qorti tal-Kassazzjoni, L-Ewwel Awla Ċivili), tas‑26 ta’ Mejju 2021, 19‑15.102. Madankollu, ma għandix elementi li jikkonfermaw li din il-ġurisprudenza hija stabbilita.