KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

COLLINS

ippreżentati fid‑19 ta’ Mejju 2022 ( 1 )

Kawża C‑635/20 P

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

Ir-Repubblika Taljana,

Ir-Renju ta’ Spanja

“Appell – Regoli dwar il-lingwi – Avviż ta’ kompetizzjoni għar-reklutaġġ ta’ investigaturi u ta’ kapijiet ta’ tim – Konoxxenzi lingwistiċi – Limitazzjoni tal-għażla tat-tieni lingwa tal-kompetizzjonijiet għall-Ingliż, il-Franċiż jew il-Ġermaniż – Regolament Nru 1 – Regolamenti tal-Persunal – Diskriminazzjoni bbażata fuq il-lingwa – Ġustifikazzjoni – Interess tas-servizz – Neċessità li persunal li għadu kif ġie rreklutat jkun operattiv immedjatament”

I. Introduzzjoni

1.

Il-lingwa hija parti importanti mill-identità kulturali u politika taċ-ċittadini tal-Unjoni u kemm it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea kif ukoll il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jistabbilixxu r-rispett tad-diversità lingwistika tal-Unjoni ( 2 ). Dan ir-rispett huwa sostnut mid-deżinjazzjoni tal‑24 lingwa uffiċjali kollha tal-Unjoni bħala l-lingwi ta’ ħidma tal-istituzzjonijiet tagħha ( 3 ).

2.

Il-lingwi jiffaċilitaw il-komunikazzjoni bejn l-individwi u b’dan il-mod jippermettulhom jikkollaboraw flimkien. Peress li l-użu simultanju tal‑24 lingwa uffiċjali kollha jkun, fl-istat attwali, jippreġudika serjament din il-komunikazzjoni u din il-kollaborazzjoni, wieħed jista’ jifhem li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jfittxu li jirreklutaw uffiċjali li għandhom għarfien operazzjonali ta’ mill-inqas lingwa funzjonali waħda minbarra l-lingwa materna tagħhom. Fil-fatt, teżisti lista lingwistika twila li, f’diversi okkażjonijiet fl-istorja Ewropea, tista’ tiġi deskritta bħala li bbenefikat minn status bħala lingwa funzjonali jew fit-totalità, jew f’partijiet kbar, tal-kontinent. Lingwa tista’ tibbenefika minn status bħala lingwa funzjonali f’kuntest politiku u ekonomiku partikolari, li, matul l-affarijiet, ma huwiex għal dejjem: madankollu, ma jistax jiġi nnegat li l-perċezzjoni ta’ lingwa bħala funzjonali ssaħħaħ l-istatus tagħha.

3.

Peress li l-Unjoni tqiegħed il-lingwi uffiċjali kollha tagħha fuq livell ugwali u d-deżinjazzjoni ta’ lingwa bħala funzjonali għal fini partikolari tikkostitwixxi vantaġġ indiskutibbli għal dawk il-kandidati li huma profiċjenti fiha, tali għażla għandha tkun iġġustifikata minn raġunijiet oġġettivi u raġonevoli. Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja taċċetta li l-bżonnijiet tas-servizz jipprovdu tali ġustifikazzjoni, bla ħsara għal żewġ rekwiżiti. Il-ġustifikazzjoni mressqa għandha għalhekk tkun relatata mal-funzjonijiet li l-persuni rreklutati ser ikunu msejħa jeżerċitaw. Il-provi prodotti sabiex jiġġustifikaw ir-restrizzjoni prevista għandhom ikunu preċiżi, affidabbli u konsistenti ( 4 ).

4.

F’dan il-każ, il-Kummissjoni Ewropea titlob l-annullament tas-sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2020, Spanja u L‑Italja vs Il‑Kummissjoni (T‑401/16, EU:T:2020:409, mhux ippubblikata; iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali annullat avviż ta’ kompetizzjonijiet ġenerali għar-reklutaġġ ta’ amministraturi. EPSO/AD/323/16 fittxet li tirrekluta “Investigaturi (AD 7) għal dawn il-profili li ġejjin: 1 – Investigaturi (AD 7): In-nefqa tal-UE, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni — 2 - Investigaturi: Id-dwana u l-kummerċ, tabakk u prodotti foloz” EPSO/AD/324/16 fittxet li tirrekluta “Investigaturi: (AD 9): Il-mexxejja tat-timijiet” ( 5 ). F’dan il-każ, l-avviż tal-EPSO ( 6 ) kkontestat jippreċiża li l-kandidati għandhom jissodisfaw il-kundizzjonijiet lingwistiċi speċifiċi li ġejjin:

Lingwa 1: livell minimu – C1 f’waħda mill‑24 lingwa uffiċjali tal-Unjoni;

Lingwa 2: livell minimu – B2 fl-Ingliż, il-Franċiż jew il-Ġermaniż; trid tkun differenti mil-lingwa 1 ( 7 ).

5.

L-avviż EPSO kkontestat jidentifika sussegwentement livell għoli tal-lingwa Ingliża bħala neċessarju sabiex persuna tkun tista’ taqdi l-funzjonijiet rilevanti:

“Għarfien tajjeb tal-Ingliż (miktub u mitkellem) huwa meħtieġ għar-reklutaġġ f’dawn iż-żewġ kompetizzjonijiet. L-Ingliż huwa l-lingwa prinċipali użata mill-investigaturi li jaħdmu fil-qasam tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni u/jew il-kriminalità finanzjarja f’kuntest internazzjonali. Kmand tajjeb tal-Ingliż huwa għalhekk essenzjali, kemm jekk għall-preżentazzjonijiet u diskussjonijiet kif ukoll għat-tfassil ta’ rapporti, sabiex jiġu żgurati l-kooperazzjoni u l-iskambju tal-informazzjoni effettivi mal-awtoritajiet nazzjonali tal-Istati Membri u l-Pajjiżi Terzi”.

6.

Is-sentenza appellata tikkonstata li l-Kummissjoni ma wrietx li l-limitazzjoni tal-għażla tat-tieni lingwa mill-kandidati għall-Ingliż, għall-Franċiż jew għall-Ġermaniż hija oġġettivament iġġustifikata u proporzjonata għall-għan prinċipali tagħha, jiġifieri r-reklutaġġ ta’ amministraturi immedjatament operattivi. Il-Kummissjoni lanqas ma wriet li l-limitazzjoni lingwistika hija ġġustifikata minn restrizzjonijiet baġitarji u operazzjonali u/jew min-natura tal-proċess ta’ selezzjoni ( 8 ). Fl-appell tagħha quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni ssostni li l-oneru li l-Qorti Ġenerali imponiet fuqha fir-rigward tal-ġustifikazzjoni għal-limitazzjoni lingwistika huwa għoli b’mod irraġonevoli. Hija tikkontesta wkoll l-evalwazzjoni mill-Qorti Ġenerali tal-provi li l-Kummissjoni pproduċiet insostenn ta’ din il-limitazzjoni.

II. Il‑kuntest ġuridiku

A.   Ir‑Regolament Nru 1/58

7.

Permezz tar-Regolament Nru 1/58, il-Kunsill eżerċita s-setgħa mogħtija lilu minn dak li huwa issa l-Artikolu 342 TFUE sabiex jistabbilixxi regoli li jirregolaw, b’mod partikolari, l-użu tal-lingwi minn u fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Fil-verżjoni tiegħu attwalment fis-seħħ, huwa jipprovdi, fil-parti rilevanti, li:

“Artikolu 1

Il-lingwi uffiċjali u l-lingwi ta’ ħidma tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom ikunu l-Bulgaru, iċ-Ċek, id-Daniż, l-Estonjan, il-Finlandiż, il-Franċiż, il-Ġermaniż, il-Grieg, l-Ingliż, l-Irlandiż, l-Ispanjol, l-Isvediż, il-Kroat, il-Latvjan, il-Litwan, il-Malti, l-Olandiż, il-Pollakk, il-Portugiż, ir-Rumen, is-Slovakk, is-Sloven, it-Taljan u l-Ungeriż”.

[…]

‘Artikolu 6

6. L-istituzzjonijiet [tal-Unjoni] jistgħu jistabbilixxu l-modi ta’ l-applikazzjoni ta’ dan ir-reġim lingwistiku fir-regolamenti interni proprji.”

B.   Ir‑Regolamenti tal‑Persunal

8.

Sa fejn dan jista’ jkun rilevanti, l-Artikolu 1d tar-Regolamenti tal-Persunal ( 9 ) jipprovdi:

“1.   Fl-applikazzjoni ta’ dawn ir-Regolamenti tal-Persunal, kull diskriminazzjoni bbażata fuq kull raġuni, bħas-sess, razza, kulur, oriġini etnika jew soċjali, fatturi ġenetiċi, ilsien, reliġjon jew twemmin, opinjoni politika jew kull opinjoni oħra, sħubija f’minorita nazzjonali, proprjetà, twelid, disabilità, età, jew orjentazzjoni sesswali, hija pprojbita.

[…]

6.   Waqt li jkun irrispettat il-prinċipju tan-nuqqas ta’ diskriminazzjoni u l-prinċipju tal-proporzjonalità, kull limitazzjoni fl-applikazzjoni tagħhom trid tkun iġġustifikata fuq bażijiet oġġettivi u raġonevoli, u trid tkun immirata lejn oġġetti leġittimi fl-interess ġenerali fil-qafas tal-politika tal-persunal […]”

9.

Il-Kapitolu 1 tat-Titolu III tar-Regolamenti tal-Persunal, intitolat “Reklutaġġ”, jikkonsisti mill-Artikoli 27 sa 34. L-Artikolu 27 jipprevedi:

“Ir-reklutaġġ għandu jkollu l-mira li jiżgura li l-istituzzjoni jkollha s-servizzi ta’ uffiċjali tal-ogħla livell ta’ kapaċità, effiċjenza u integrità, magħżula mill-aktar bażi ġeografika wiesgħa possibbli minn fost iċ-ċittadini tal-Istati Membri tal-Unjoni. L-ebda pożizzjoni ma tkun riservata għal ċittadini ta’ xi Stat Membru speċifiku. […]”

10.

Skont l-Artikolu 28(f):

“Uffiċjal jista’ jkun appuntat biss bil-kondizzjoni li:

[…] huwa jipproduċi evidenza ta’ għarfien komplut ta’ waħda mill-lingwi tal-Unjoni u ta’ għarfien sodisfaċenti ta’ lingwa oħra tal-Unjoni sal-punt meħtieġ biex iwettaq id-dmirijiet tiegħu”.

11.

L-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal huwa intitolat “Kompetizzjonijiet”. L-Artikolu 1 jipprevedi li:

“1.   L-avviż tal-kompetizzjonijiet jitħejja mill-awtorità tal-ħatra wara li jkun ikkonsultat il-Kumitat Konġunt.

Irid jispeċifika:

[…]

(f)

fejn applikabbli, l-għarfien tal-lingwi meħtieġa minħabba n-natura speċjali tal-posizzjonijiet li għandhom jimtlew;

[…]”

III. Fatti, proċedura u talbiet tal‑partijiet

12.

Il-punti 1 sa 15 tas-sentenza appellata jiġbru fil-qosor il-fatti tal-kawża kif ukoll it-termini tal-avviż EPSO kkontestat.

13.

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata;

jekk tqis li l-kawża hija fi stat li tiġi deċiża, tiċħad ir-rikors fl-ewwel istanza bħala infondat;

tikkundanna lir-Renju ta’ Spanja u lir-Repubblika Taljana għall-ispejjeż ta’ din il-proċedura kif ukoll għal dawk tal-proċedura tal-ewwel istanza.

14.

Insostenn ta’ dawn it-talbiet, il-Kummissjoni tinvoka tliet aggravji.

15.

L-ewwel aggravju jinkludi tliet partijiet. L-ewwel parti tallega li l-punti 157 u 181 sa 183 tas-sentenza appellata għandhom żball ta’ liġi u żball ta’ motivazzjoni.

16.

It-tieni parti tikkontesta l-aħħar sentenza tal-punt 133, il-punti 158 u 164, l-aħħar sentenza tal-punt 167, u l-punti 180 sa 183, 201 u 205 tas-sentenza appellata. Il-Kummissjoni ssostni li dawn il-punti jimponulha oneru għoli b’mod mhux raġonevoli, kemm fir-rigward tal-obbligu ta’ motivazzjoni għal-limitazzjoni lingwistika li tinsab fl-avviż EPSO ikkontestat, kif ukoll fir-rigward tal-evalwazzjoni tagħha tal-provi li hija pproduċiet insostenn tal-motivi invokati fih mill-EPSO.

17.

Fit-tielet parti, il-Kummissjoni ssostni li l-punti 152 sa 155 tas-sentenza appellata huma vvizzjati bi żball ta’ liġi sa fejn il-ġurisprudenza ma teħtieġx lill-Kummissjoni li tidentifika att legalment vinkolanti fir-regoli interni tagħha bħala bażi ta’ limitazzjoni lingwistika.

18.

It-tieni aggravju huwa intiż li jidentifika sitt istanzi li fihom il-Qorti Ġenerali żnaturat il-provi quddiemha. It-tielet aggravju jallega li l-analiżi tal-Qorti Ġenerali tal-lingwi ta’ komunikazzjoni tal-kandidati hija illegali.

19.

Ir-Renju ta’ Spanja u r-Repubblika Taljana jikkontestaw l-argumenti tal-Kummissjoni. Huma jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad l-appell;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż

20.

Din il-kawża ġiet magħquda mal-Kawża C‑623/20 għall-finijiet tas-seduta tat‑2 ta’ Marzu 2022, li matulha l-partijiet ippreżentaw sottomissjonijiet orali u wieġbu għall-mistoqsijiet bil-miktub u orali magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja.

21.

Skont it-talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-konklużjonijiet tiegħi huma limitati għall-ewwel aggravju tal-appell.

IV. Evalwazzjoni tal‑ewwel aggravju

A.   L‑ewwel parti

22.

Il-Kummissjoni tqis li l-punt 157 tas-sentenza appellata huwa vvizzjat bi żball ta’ liġi għaliex jikkonkludi li ma jistax jiġi preżunt, mingħajr spjegazzjoni ulterjuri, li uffiċjal li għadu kif ġie rreklutat, li ma jkunx profiċjenti fl-Ingliż, il-Franċiż jew il-Ġermaniż, ikun inkapaċi li jwettaq immedjatament xogħol utli f’istituzzjoni tal-Unjoni. Il-Qorti Ġenerali kellha pjuttost tevalwa jekk il-limitazzjoni lingwistika hijiex oġġettivament iġġustifikata, fl-interess tas-servizz, min-neċessità li jiġu rreklutati kandidati li jkunu immedjatament operattivi. Il-Kummissjoni tiddistingwi bejn kandidat kapaċi li “jwettaq immedjatament xogħol utli” u kandidat “immedjatament operattiv”. Peress li l-iżball imwettaq mill-Qorti Ġenerali huwa fundamentali sabiex tiċħad il-provi dwar ir-rabta eżistenti bejn l-użu ta’ dawn it-tliet lingwi mill-Kulleġġ tal-Kummissarji u x-xogħlijiet tad-dipartimenti tal-Kummissjoni, is-sentenza appellata għandha tiġi annullata.

23.

Il-punt 157 tas-sentenza appellata jipprovdi:

“B’mod iktar preċiż, la minn dawn it-testi u lanqas, a fortiori, minn dokumenti oħra li jidhru fil-proċessi ta’ dawn il-kawżi, ma jidher li teżisti rabta neċessarja bejn il-proċeduri deċiżjonali tal-Kummissjoni, b’mod partikolari dawk eżerċitati mill-Kulleġġ tal-Kummissarji, u l-funzjonijiet li jistgħu jeżerċitaw il-kandidati magħżula fil-kompetizzjonijiet inkwistjoni, jiġifieri l-funzjonijiet tal-investigatur u tal-kap tat-tim tal-investigatur bħal dawk stabbiliti fil-punt 113 iktar ’il fuq. Anki jekk il-membri ta’ istituzzjoni partikolari jużaw biss lingwa waħda jew ċerti lingwi fid-deliberazzjonijiet tagħhom, ma jistax jiġi preżunt, mingħajr spjegazzjoni oħra, li uffiċjal li għadu kif ġie rreklutat, li ma jkunx profiċjenti f’dawn il-lingwi, ikun inkapaċi li jwettaq immedjatament xogħol utli fl-istituzzjoni kkonċernata (sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2016, L-Italja vs Il-Kummissjoni, T‑353/14 u T‑17/15, EU:T:2016:495, punti 121122 (mhux ippubblikata)). Dan huwa iktar u iktar il-każ peress li, f’dawn il-kawżi, il-funzjonijiet ikkonċernati huma speċifiċi ħafna u, a priori, ma għandhomx rabta stretta max-xogħlijiet tal-Kulleġġ tal-Kummissarji”.

24.

Nirrileva, qabelxejn, li l-ewwel sentenza tal-Artikolu 1d(6) tar-Regolamenti tal-Persunal tipprevedi li kull limitazzjoni tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni għandha tkun oġġettivament u raġonevolment iġġustifikata u għandha tkun immirata lejn għanijiet leġittimi ta’ interess ġenerali fil-kuntest tal-politika tal-persunal. It-tieni, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, differenza fit-trattament ibbażata fuq il-lingwa, bħal dik li tirriżulta mil-limitazzjoni lingwistika, tista’ tiġi aċċettata biss jekk tkun oġġettivament iġġustifikata u proporzjonata għall-bżonnijiet reali tas-servizz ( 10 ). Il-punti 71 u 72 tas-sentenza appellata jesponu din il-kunsiderazzjoni u jiċċitaw il-punti 89 sa 90 tas-sentenza Il‑Kummissjoni vs L-Italja ( 11 ), li min-naħa tagħhom jiċċitaw il-punt 88 tas-sentenza L‑Italja vs Il‑Kummissjoni ( 12 ).

25.

Sabiex jiġi evalwat jekk differenza fit-trattament hijiex oġġettivament iġġustifikata u proporzjonata għall-bżonnijiet reali tas-servizz, jeħtieġ l-ewwel nett li jiġu vverifikati dawn il-bżonnijiet. F’din il-kawża, ir-regoli ġenerali applikabbli għall-kompetizzjonijiet ġenerali ppubblikati f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tas‑27 ta’ Frar 2015 ( 13 ) jipprovdu, fil-punt 1.3 tagħhom, fil-parti rilevanti:

“Skont il-kompetizzjoni, tkun mitlub li turi l-għarfien tiegħek tal-lingwi uffiċjali tal-UE. Bħala regola ġenerali, tkun teħtieġ għarfien sħiħ (livell C1 tas-CEFR ta’ lingwa uffiċjali waħda tal-UE u għarfien sodisfaċenti (livell B2 tas-CEFR) ta’ lingwa oħra iżda, madankollu, l-avviż tal-kompetizzjoni jista’ jimponi rekwiżiti aktar stretti (dan huwa l-każ, b’mod partikolari, għall-profili tal-lingwisti). Sakemm ma jkunx iddikjarat mod ieħor fl-avviż tal-kompetizzjoni, l-għażla tat-tieni lingwa normalment tkun limitata għall-Ingliż, il-Franċiż jew il-Ġermaniż […]

[…]

Għal ħafna żmien ilha l-prassi li jintużaw l-aktar l-Ingliż, il-Franċiż u l-Ġermaniż għall-komunikazzjoni interna fl-istituzzjonijiet tal-UE u dawn huma wkoll il-lingwi użati l-aktar ta’ spiss fil-komunikazzjoni mad-dinja esterna u meta jiġu ttrattati każijiet.

L-għażliet tat-tieni lingwa għall-kompetizzjonijiet ġew definiti fl-interess tas-servizz, li jitlob li rekluti ġodda jkunu jistgħu jiffunzjonaw minnufih u jkunu kapaċi jikkomunikaw b’mod effettiv fix-xogħol ta’ kuljum tagħhom. Jekk dan ma jkunx il-każ, it-tħaddim effettiv tal-istituzzjonijiet ikun affettwat ħażin ħafna”.

26.

Barra minn hekk, l-avviż EPSO kkontestat jippreċiża, fil-parti intitolata “Jien eliġibbli biex napplika?”: “It-tieni lingwa magħżula trid tkun l-Ingliż, il-Franċiż jew il-Ġermaniż. Dawn huma l-lingwi ta’ ħidma prinċipali użati fil-Kummissjoni u, fl-interessi tas-servizz, ir-rekluti l-ġodda jridu jkunu kapaċi li jibdew jaħdmu u jikkomunikaw mal-ewwel b’mod effiċjenti fix-xogħol tagħhom ta’ kuljum f’mill-inqas waħda minn dawn il-lingwi”. L-Anness II tal-avviż EPSO kkontestat, intitolat “il-ġustifikazzjoni tas-sistema lingwistika għal dawn il-proċeduri ta’ selezzjoni” jirrileva, fl-ewwel paragrafu, li “ir-rekwiżiti stabbiliti fit-taqsima ‘jien eleġibbli biex napplika?’ ta’ dan l-Avviż ta’ Kompetizzjoni huma konformi mar-rekwiżiti primarji tal-istituzzjonijiet tal-UE għall-ħiliet, esperjenza u għarfien speċjalisti u l-ħtieġa għal rekluti ġodda biex ikunu jistgħu jaħdmu b’mod effettiv, b’mod partikolari ma’ membri oħra tal-persunal”. It-tielet paragrafu ta’ dan l-Anness jirrileva li “ladarba jiġu impjegati, huwa essenzjali li l-amministraturi jkunu operazzjonali immedjatament u jkunu jistgħu jikkomunikaw mal-kollegi u l-maniġers tagħhom”. Fit-taqsima sussegwenti, intitolata “Ġustifikazzjoni għall-għażla tal-lingwi għal kull proċedura ta’ selezzjoni”, it-tieni paragrafu jiddikjara li: “Ir-rekluti l-ġodda jridu jkunu operazzjonali immedjatament u kapaċi jwettqu d-dmirijiet li għalihom ikunu ġew irreklutati. Għalhekk, l-EPSO għandu jiżgura li l-kandidati jkollhom għarfien adegwat ta’ kombinazzjoni ta’ lingwi li tippermettilhom li jwettqu d-dmirijiet tagħhom b’mod effettiv u, b’mod partikolari, li l-kandidati ta’ suċċess ikunu jistgħu jikkomunikaw b’mod effettiv fix-xogħol tagħhom ta’ kuljum mal-kollegi u l-maniġers tagħhom”.

27.

Id-deskrizzjoni, fl-avviż EPSO kkontestat, ta’ “bżonnijiet reali tas-servizz” tinkludi għalhekk il-ħtieġa li jiġu rreklutati kandidati li huma immedjatament f’pożizzjoni li jaħdmu b’mod effettiv. Minn dan isegwi li, meta l-punt 157 tas-sentenza appellata jindika li ma jistax jiġi preżunt, mingħajr spjegazzjoni oħra, li uffiċjal li għadu kif ġie rreklutat, li ma huwiex profiċjenti fil-Franċiż, il-Ġermaniż jew l-Ingliż, ma jkunx kapaċi jwettaq immedjatament xogħol utli fl-istituzzjoni kkonċernata, huwa jagħmel riferiment għall-“bżonnijiet reali tas-servizz” kif deskritti fl-avviż EPSO ikkontestat.

28.

Il-fatt li l-Qorti Ġenerali tikkunsidra li r-rekwiżit li r-reklutati l-ġodda jkunu “immedjatament operattivi” jikkostitwixxi raġuni essenzjali għal-limitazzjoni lingwistika ( 14 ) u tuża din l-espressjoni frekwentement fis-sentenza appellata ( 15 ) ma jfissirx li deskrizzjonijiet oħra bbażati fuq it-test tal-avviż EPSO kkontestat ma humiex ukoll rilevanti sabiex jiġi evalwat jekk il-provi disponibbli jurux li l-limitazzjoni lingwistika hija oġġettivament iġġustifikata u proporzjonata għall-bżonnijiet reali tas-servizz.

29.

Fil-fatt, ma huwiex faċli li wieħed jifhem kif il-Kummissjoni tista’ ssostni li riferiment inċidentali, fis-sentenza appellata, għal test li jinsab fl-avviż EPSO kkontestat invokat sabiex jiġġustifika l-limitazzjoni lingwistika jista’ jinvalida din is-sentenza. Barra minn hekk, huwa diffiċli li tiġi identifikata xi differenza bejn uffiċjal li għadu kif ġie rreklutat li huwa “operazzjonali mill-ewwel” jew “kapaċi li jwettaq immedjatament xogħol utli”. Għalkemm il-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq din id-distinzjoni sabiex issostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi, hija ma tispjegax fit-talbiet tagħha fiex tikkonsisti din id-distinzjoni. Waqt is-seduta, il-Kummissjoni ppreċiżat li, fil-fehma tagħha, il-kapaċità li jitwettaq xogħol utli tagħmel riferiment għall-kapaċità li jitwettqu kompiti marġinali li ma humiex marbuta mal-karigi reali tal-kandidati. Madankollu, din l-interpretazzjoni hija f’kuntradizzjoni kemm mas-sens abitwali tat-termini kif ukoll mal-kuntest li fih jintużaw fil-punt 157 tas-sentenza appellata.

30.

Il-Qorti Ġenerali lanqas ma tista’ tiġi kkritikata li ċċitat, fil-punt 157 tas-sentenza appellata, sentenza preċedenti li fiha hija użat l-istess formulazzjoni u waslet għal konklużjoni simili, peress li din il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-appell ippreżentat mill-Kummissjoni minn din is-sentenza ( 16 ).

31.

L-argument prinċipali l-ieħor tal-Kummissjoni huwa li l-Qorti Ġenerali ma spjegatx b’mod adegwat għaliex ma jistax jiġi preżunt, mingħajr spjegazzjoni ulterjuri, li uffiċjal li għadu kif ġie rreklutat, li la jkollu għarfien la tal-Ingliż, la tal-Franċiż u lanqas tal-Ġermaniż, ma jkunx kapaċi jwettaq immedjatament xogħol utli f’istituzzjoni tal-Unjoni. Fil-fehma tiegħi, dan l-argument huwa attentat sabiex jiġi kkonfutat l-oneru tal-prova. Hija l-Kummissjoni li għandha tispjega għalfejn differenza fit-trattament ibbażata fuq il-lingwa, bħal dik li tirriżulta mil-limitazzjoni lingwistika inkwistjoni, hija oġġettivament iġġustifikata u proporzjonata għall-bżonnijiet reali tas-servizz, kemm jekk huma deskritti bħala n-neċessità għall-uffiċjali li għadhom kif ġew irreklutati li jkunu “operazzjonali mill-ewwel” jew li jkunu “kapaċi jwettqu immedjatament xogħol utli” ( 17 ).

32.

Għalhekk nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiċħad l-ewwel parti tal-ewwel aggravju.

B.   It‑tieni parti

33.

Il-Kummissjoni ssostni li l-oneru impost fuqha mill-Qorti Ġenerali, kemm fir-rigward tal-fondatezza tal-motivi tal-limitazzjoni lingwistika fl-avviż EPSO kkontestat kif ukoll fl-evalwazzjoni tagħha tal-provi li l-Kummissjoni pproduċiet insostenn tal-motivi invokati mill-EPSO, huwa irraġonevoli.

1. Fuq il-fondatezza tal-motivi tal-limitazzjoni lingwistika fl-avviż EPSO kkontestat

34.

Il-Kummissjoni ppreċiżat, waqt is-seduta, li, minkejja li qajmet numru ta’ kwistjonijiet fir-rigward tal-evalwazzjoni mill-Qorti Ġenerali tal-fondatezza tal-motivi tal-limitazzjoni lingwistika fl-avviż EPSO kkontestat ( 18 ), hija ma tikkontestax din l-evalwazzjoni, peress li s-sentenza appellata tannulla l-avviż EPSO kkontestat għal raġunijiet differenti.

35.

Madankollu, il-Kummissjoni ssostni li s-sentenza appellata taċċetta li, peress li avviż ta’ kompetizzjoni huwa miżura ta’ portata ġenerali, il-motivazzjoni tiegħu tista’ tkun limitata għal deskrizzjoni tas-sitwazzjoni ġenerali li wasslet għall-adozzjoni tiegħu u l-għanijiet ġenerali li huwa intiż li jilħaq. Il-Qorti Ġenerali tasal għall-konklużjoni mhux iġġustifikata li tgħid li l-motivi tal-avviż EPSO kkontestat huma “vagi u ġenerali” ( 19 ). Dan l-avviż josserva r-rekwiżit fil-ġurisprudenza li r-regoli li jillimitaw l-għażla tat-tieni lingwa għandhom jinkludu kriterji ċari, oġġettivi u prevedibbli sabiex il-kandidati jkunu jistgħu jkunu jafu suffiċjentement minn qabel x’inhuma r-rekwiżiti lingwistiċi u jippreparaw ruħhom sabiex jipparteċipaw fil-kompetizzjoni fl-aħjar kundizzjonijiet possibbli.

36.

Il-punt 116 tas-sentenza appellata jikkonkludi li r-raġuni dwar in-neċessità li r-reklutati l-ġodda jkunu immedjatament operattivi ma tistax, fid-dawl tal-formulazzjoni vaga u ġenerali tagħha, u l-assenza ta’ kwalunkwe prova konkreta insostenn tagħha fl-avviż EPSO kkontestat, tiġġustifika l-limitazzjoni lingwistika. Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali teżamina jekk l-informazzjoni u l-provi prodotti mill-Kummissjoni dwar in-neċessità li r-reklutati l-ġodda jkunu immedjatament operattivi jiġġustifikawx il-limitazzjoni lingwistika. Hija tikkonkludi li dawn ma għamlux dan ( 20 ). Minn dan isegwi li l-annullament tal-avviż tal-EPSO kkontestat huwa bbażat fuq iż-żewġ bażijiet tal-analiżi tal-Qorti Ġenerali. Sabiex inkun eżawrjenti, ser nindirizza għalhekk il-kritika tal-Kummissjoni tal-ewwel parti tas-sentenza appellata.

37.

Il-Kummissjoni ssostni li l-avviż EPSO kkontestat josserva r-rekwiżit li regoli li jillimitaw l-għażla tat-tieni lingwa għandhom jinkludu kriterji ċari, oġġettivi u prevedibbli sabiex il-kandidati jkunu jistgħu jkunu jafu, suffiċjentement minn qabel, liema huma r-rekwiżiti lingwistiċi u jkunu jistgħu jippreparaw ruħhom sabiex jipparteċipaw fil-kompetizzjonijiet fl-aħjar kundizzjonijiet possibbli.

38.

Il-kriterji ta’ ċarezza, ta’ oġġettività u ta’ prevedibbiltà jirriżultaw mill-punt 90 tas-sentenza f’L‑Italja vs Il‑Kummissjoni ( 21 ). Il-punti 87 sa 94 ta’ din is-sentenza jispjegaw li l-istituzzjonijiet ikkonċernati mill-kompetizzjonijiet f’din il-kawża ma kinux adottaw regoli ta’ proċedura konformi mal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1/58, li jistipulaw liema mil-lingwi uffiċjali kellhom jintużaw f’każijiet speċifiċi.

39.

Il-punt 95 ta’ din is-sentenza jipprovdi:

“Matul is-seduta l-Kummissjoni sostniet li l-kandidati kellhom il-possibbiltà jippreparaw ruħhom wara l-pubblikazzjoni tal-avviż ta’ kompetizzjoni. Madankollu, hemm lok li jiġi rrilevat li t-terminu bejn il-pubblikazzjoni ta’ kull avviż ta’ kompetizzjoni kkontestat u d-data tal-eżamijiet bil-miktub mhux neċessarjament jippermetti lil kandidat jakkwista l-għarfien tal-lingwi suffiċjenti sabiex juri l-kompetenzi professjonali tiegħu. Għal dak li jirrigwarda l-possibbiltà li jitgħallem waħda minn dawn it-tliet lingwi fil-perspettiva ta’ kompetizzjonijiet futuri, hija tippreżumi li l-lingwi imposti mill-EPSO jiġu ddeterminati ħafna minn qabel. Issa, fl-assenza ta’ regoli bħal dawk imsemmija fil-punt 91 tas-sentenza preżenti ma tiggarantixxi bl-ebda mod il-persistenza tal-għażla tal-lingwi tal-kompetizzjoni u ma tippermetti l-ebda previdibbiltà fil-qasam” ( 22 ).

40.

Il-kriterji ta’ ċarezza, ta’ oġġettività u ta’ prevedibbiltà għalhekk jirriflettu r-rekwiżit li, sabiex jiksbu pożizzjoni fi ħdan istituzzjoni, kandidati potenzjali għandhom ikunu jafu suffiċjentement minn qabel ir-rekwiżit li jiksbu għarfien ta’ lingwa waħda (jew iktar) partikolari sa livell partikolari li jista’ jiġi evalwat oġġettivament. L-avviż EPSO kkontestat jeżiġi għarfien tal-Ingliż, tal-Franċiż jew tal-Ġermaniż fil-livell B2. Dan ir-rekwiżit huwa inkontestabbilment ċar u oġġettiv. Madankollu, in-numru ta’ sigħat komunement proposti sabiex wieħed jipprepara għal eżami f’lingwa tal-livell B2 jidher li jinsab bejn il-500 u s-650 ( 23 ). Sakemm kandidati potenzjali ma jkunux f’pożizzjoni li jiksbu dan il-livell ta’ konoxxenza ta’ waħda mit-tliet lingwi speċifikati fl-avviż EPSO kkontestat bejn id-data tal-pubblikazzjoni tiegħu u d-data meta jinżammu l-eżamijiet f’din il-lingwa, l-avviż EPSO kkontestat diffiċli josserva l-kriterju ta’ prevedibbiltà kif deskritt fil-punt 95 tas-sentenza L-Italja vs Il-Kummissjoni ( 24 ). Barra minn hekk, dan ir-rekwiżit huwa addizzjonali għall-kundizzjoni li limitazzjoni lingwistika hija ammissibbli biss jekk tkun oġġettivament iġġustifikata u proporzjonata għall-bżonnijiet reali tas-servizz ( 25 ). Għalhekk huwa żbaljat li jiġi implikat, kif jidher li tagħmel il-Kummissjoni, li, ladarba turi li r-regoli li jillimitaw l-għażla tat-tieni lingwa huma ċari, oġġettivi u prevedibbli, il-Qorti Ġenerali hija eżentata milli twettaq evalwazzjoni tal-fondatezza tal-motivi tal-limitazzjoni lingwistika fl-avviż EPSO kkontestat.

2. Evalwazzjoni tal‑provi

41.

Il-Kummissjoni tqajjem serje ta’ argumenti distinti intiżi sabiex juru li l-Qorti Ġenerali qabżet il-limiti ta’ stħarriġ stabbiliti mill-ġurisprudenza.

42.

Permezz ta’ osservazzjoni preliminari, ninnota li l-ġurisprudenza tirrikonoxxi li l-Artikolu 2 tar-Regolamenti tal-Persunal jagħti lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni setgħa diskrezzjonali wiesgħa u awtonomija wiesgħa fil-qasam tal-ħolqien ta’ pożizzjonijiet għal uffiċjali jew membri tal-persunal, tal-għażla tal-uffiċjal jew tal-membru tal-persunal sabiex timtela l-pożizzjoni maħluqa, u tan-natura tar-relazzjoni ta’ xogħol hekk stabbilita ( 26 ).

43.

Meta deċiżjoni tkun ikkontestata permezz ta’ rikors għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE, il-Qorti Ġenerali hija inkarigata sabiex teżerċita stħarriġ ġudizzjarju komplet kemm tal-liġi kif ukoll tal-fatti inkwistjoni f’tali proċedura. B’mod partikolari, kif josserva l-punt 24 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-ġudikatura tal-Unjoni hija awtorizzata tivverifika jekk limitazzjoni tal-għażla tat-tieni lingwa hijiex oġġettivament iġġustifikata u proporzjonata għall-bżonnijiet reali tas-servizz.

44.

Kif osserva l-Avukat Ġenerali Bobek fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Il-Kummissjoni vs L-Italja ( 27 ), ippreżentati fil-kuntest ta’ fatti u ta’ provi simili ħafna għal dawk eżaminati f’dan l-appell, il-parti l-kbira tar-raġunijiet għal-limitazzjoni lingwistika li tinsab fl-avviż EPSO kkontestat, kif ukoll il-provi prodotti mill-Kummissjoni insostenn ta’ dan, jikkostitwixxu propożizzjonijiet ta’ fatti. Il-marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ li kellu l-awtur tad-deċiżjoni f’din il-kawża kien jinkludi jekk, u kif, jillimita l-għażla tat-tieni lingwa f’din il-kompetizzjoni u r-raġunijiet insostenn ta’ din il-limitazzjoni. Ladarba l-EPSO jagħti motivi għall-għażla tiegħu tat-tieni lingwi b’riferiment għal numru ta’ proposti fattwali, kemm din il-motivazzjoni kif ukoll il-provi insostenn tagħha jistgħu jiġu mistħarrġa b’mod sħiħ mill-qrati tal-Unjoni. Dan l-istħarriġ jinkludi jekk ir-regoli fil-qasam tal-oneru u tal-amministrazzjoni tal-prova ġewx osservati u jekk wieħed ibbażax ruħu fuq il-kriterji legali korretti waqt l-evalwazzjoni tal-fatti u tal-provi ( 28 ).

45.

Fid-dawl ta’ dawn l-osservazzjonijiet, ser neżamina l-argumenti li l-Kummissjoni tressaq insostenn tal-argumentazzjoni li l-evalwazzjoni li l-Qorti Ġenerali għamlet tal-provi mressqa imponiet oneru għoli b’mod irraġonevoli fuqha.

46.

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-argument tal-Kummissjoni li “l-livell ta’ preċiżjoni tal-motivazzjoni ta’ deċiżjoni għandu jiġi bbilanċjat mar-realtajiet prattiċi u mal-faċilitajiet rationae temporis u tekniċi disponibbli sabiex tieħu deċiżjoni”, ninnota li din l-affermazzjoni tirriżulta, inter alia, mill-ġurisprudenza dwar il-kontroll tal-konċentrazzjonijiet ( 29 ). Huwa plawżibbli li r-realtajiet prattiċi ta’ tfassil ta’ deċiżjoni fuq l-effett antiċipat ta’ konċentrazzjoni fuq il-kompetizzjoni fil-limiti ta’ termini imposti mir-Regolament tal-Unjoni dwar l-Għaqdiet ( 30 ) ikollhom effett fuq il-livell ta’ preċiżjoni tal-motivazzjoni li hija tinkludi. Madankollu, dawn iċ-ċirkustanzi ma jirrigwardawx hawnhekk: din ma hijiex evalwazzjoni ex ante; ma huwiex meħtieġ li jinkiseb u li wieħed jibbaża ruħu fuq informazzjoni ddettaljata tas-suq minn terzi; ma hemmx analiżi ekonomika kumplessa u ma hemmx termini statutorji. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma pprovdiet lill-Qorti Ġenerali ebda informazzjoni dwar ir-realtajiet prattiċi relatati mal-adozzjoni tal-avviż EPSO kkontestat, u lanqas ma spjegat ir-restrizzjonijiet li EPSO kien ikkonfrontat bihom f’termini ta’ żmien u faċilitajiet tekniċi, liema ommissjoni tikkontesta l-ammissibbiltà nnifisha tal-argument. F’dawn iċ-ċirkustanzi kollha, din il-ġurisprudenza ma tistax tiġi invokata sabiex issostni l-proposta li l-Qorti Ġenerali qabżet il-limiti li l-ġurisprudenza imponiet fuqha.

47.

Sussegwentement, il-Kummissjoni tikkritika l-konstatazzjoni fil-punti 133, 158 u 180 tas-sentenza appellata, li l-provi dokumentarji ma jurux li l-Ingliż, il-Franċiż u l-Ġermaniż huma l-lingwi realment użati minn “is-servizzi kollha tal-Kummissjoni fix-xogħol tagħhom ta’ kuljum”. Skont il-Kummissjoni, l-unika kwistjoni rilevanti hija dik dwar jekk is-servizzi li fihom ser jintbagħtu l-kandidati magħżula jużawx dawn il-lingwi.

48.

Fil-fehma tiegħi, dan l-argument ma huwiex konvinċenti. L-avviż EPSO kkontestat jippreċiża li kandidati magħżula ser jintużaw prinċipalment fi ħdan l-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF); iħalli miftuħa l-possibbiltà li wħud jaħdmu xi mkien ieħor ( 31 ). Is-sottomissjoni tal-Kummissjoni hija wkoll inkonsistenti ma’ argument ieħor li hija tqajjem, jiġifieri li x-xogħol ta’ kuljum tal-istituzzjoni jikkonsisti f’numru kbir ta’ atti preparatorji, noti, abbozzi preliminari u dokumenti oħra, inklużi kommunikazzjonijiet elettroniċi, li jikkostitwixxu għodda ta’ analiżi u ta’ komunikazzjoni użati fi ħdan din l-istituzzjoni sabiex jiġu adottati miżuri li jirriflettu l-pożizzjoni tas-servizz ikkonċernat. Jekk il-kandidati magħżula jistgħu jintbagħtu kullimkien fi ħdan il-Kummissjoni u jkunu involuti f’xogħol preparatorju ġenerali, għalhekk ikun rilevanti jekk il-provi jurux li l-Ingliż, il-Franċiż u l-Ġermaniż huma l-lingwi attwalment użati mis-“servizzi kollha tal-Kummissjoni fix-xogħol tagħhom ta’ kuljum”. Barra minn hekk, il-provi kkunsidrati fil-punti 133 u 158 tas-sentenza appellata jirrigwardaw il-prattiki lingwistiċi interni tal-Kummissjoni b’mod ġenerali, u mhux ix-xogħol jew il-proċeduri tas-servizzi partikolari li fihom ser jintbagħtu l-kandidati magħżula. Abbażi tal-provi prodotti quddiemha, il-Qorti Ġenerali ma setgħet tevalwa xejn ħlief dwar jekk l-Ingliż, il-Franċiż u l-Ġermaniż humiex il-lingwi ġeneralment użati fi ħdan il-Kummissjoni.

49.

Il-Kummissjoni tikkritika wkoll il-konklużjoni fil-punt 180 tas-sentenza appellata, li l-provi li jirrigwardaw speċifikament l-għarfien lingwistiku tal-persunal li jaħdem fi ħdan l-OLAF ma jurux li l-limitazzjoni lingwistika hija proporzjonata għan-neċessità li l-persunal irreklutat ikun immedjatament operattiv peress li ma huwiex possibbli li jiġu stabbiliti, b’riferiment għal din id-data, il-lingwi użati fid-diversi dipartimenti, jew liema lingwi huma essenzjali għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet eżerċitati minn investigaturi jew mill-kapijiet tat-tim tagħhom ( 32 ). Il-Kummissjoni tagħmel riferiment għal dan il-punt bħala eżempju tal-oneru għoli b’mod mhux raġonevoli li l-Qorti Ġenerali imponiet.

50.

Il-punti 182 sa 184 tas-sentenza appellata janalizzaw dawn il-provi billi jassumu li l-konoxxenzi lingwistiċi tal-persunal tal-OLAF jindikaw li, sabiex ikunu immedjatament operattivi, ikun meħtieġ li l-membri tal-persunal il-ġodda jkunu jafu b’dawn il-lingwi. Anki jekk jiġi preżunt dan, jikkonkludu li l-limitazzjoni lingwistika ma kinitx iġġustifikata. Għalhekk jidher li l-Qorti Ġenerali qieset il-provi mqiegħda għad-dispożizzjoni tagħha mill-Kummissjoni mill-aspetti kollha possibbli sabiex tivverifika jekk kinux ta’ natura li jiġġustifikaw il-limitazzjoni lingwistika. Għalhekk ma narax kif jista’ jingħad li l-approċċ tal-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-provi jimponi fuq il-Kummissjoni oneru għoli b’mod mhux raġonevoli.

51.

Sussegwentement, il-Kummissjoni tqajjem l-argument, b’mod partikolari fir-rigward tad-dokument imsemmi fis-sentenza appellata bħala l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni SEC(2006) 1489 finali tal‑20 ta’ Diċembru 2006 dwar it-traduzzjoni fil-Kummissjoni, li l-punt 164 tas-sentenza appellata evalwa b’mod żbaljat jekk dan id-dokument kienx juri li t-tliet lingwi proċedurali msemmija fih jintużaw esklużivament fil-proċeduri li huma relatati magħhom ( 33 ). L-evalwazzjoni tal-provi fid-dawl ta’ din il-kwistjoni hija żbaljata, peress li l-Kummissjoni kienet obbligata biss tipproduċi provi sabiex turi li l-Ingliż, il-Franċiż u l-Ġermaniż jintużaw prinċipalment għall-komunikazzjoni interna u esterna kif ukoll għall-ġestjoni tal-kawżi, li hija l-formulazzjoni użata fl-avviż EPSO kkontestat ( 34 ).

52.

Il-punti 160 sa 162 tas-sentenza appellata jevalwaw il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni SEC(2006) 1489 finali tal‑20 ta’ Diċembru 2006 dwar it-traduzzjoni fil-Kummissjoni. Il-punt 163 jikkonkludi li din il-komunikazzjoni hija irrilevanti għas-soluzzjoni tat-tilwima. Sussegwentement, is-sentenza ma tagħmilx riferiment għal dan id-dokument. Il-punti 164 sa 168 tas-sentenza appellata janalizzaw dokument intitolat “Rekwiżiti lingwistiċi skont il-proċeduri ta’ adozzjoni”. Waqt is-seduta, il-Kummissjoni ngħatat l-okkażjoni tispjega r-rabta bejn il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni SEC(2006) 1489 finali tal‑20 ta’ Diċembru 2006 dwar it-traduzzjoni fil-Kummissjoni u l-analiżi tad-dokumenti li tinsab fil-punti 164 sa 168 tas-sentenza appellata. Hija wieġbet billi sostniet li l-kliem “f’kull każ” fil-bidu tal-punt 164 indikaw li l-Qorti Ġenerali kienet ħadet dan id-dokument inkunsiderazzjoni fl-analiżi tagħha fil-punti 164 sa 168 tas-sentenza appellata. Qari oġġettiv tas-siltiet rilevanti tas-sentenza appellata juri li l-aggravju tal-Kummissjoni fuq dan il-punt ma huwiex sostenibbli.

53.

Sussegwentement, il-Kummissjoni tikkritika l-punti 181 sa 183 tas-sentenza appellata, li jsemmu l-vantaġġ li jista’ jkollhom il-kandidati li għandhom għarfien ta’ ċerti lingwi meta mqabbla ma’ oħrajn li ma għandhomx dan l-għarfien.

54.

Il-punti 171 sa 180 tas-sentenza appellata jevalwaw id-data dwar l-għarfien lingwistiku tal-persunal tal-OLAF. Il-punti 181 sa 187 ta’ din is-sentenza jaslu għal ċerti konklużjonijiet mill-evalwazzjoni ta’ dawn il-provi. L-ewwel sentenza tal-punt 181 issostni ġustament li limitazzjoni lingwistika tista’ tiġi aċċettata biss jekk tkun oġġettivament iġġustifikata u proporzjonata għall-bżonnijiet reali tas-servizz. Sussegwentement, il-punt 183 jirrileva li, abbażi tal-provi prodotti, huwa biss l-għarfien tal-Ingliż li jista’ jitqies bħala vantaġġ għall-kandidati magħżula u li ma huwiex ċar mill-provi għaliex kandidat li għandu konoxxenza approfondita tat-Taljan u għarfien suffiċjenti tal-Ġermaniż ( 35 ) jista’ jkun immedjatament operattiv, filwaqt li kandidat li għandu għarfien fil-fond tat-Taljan u għarfien suffiċjenti tal-Olandiż jew tal-Ispanjol ma jkunx ( 36 ).

55.

Il-punti 181 sa 183 tas-sentenza appellata għalhekk jipparagunaw kategoriji ta’ kandidati b’ħiliet lingwistiċi differenti sabiex jipprovaw jevalwaw sa fejn il-kandidati f’dawn il-kategoriji differenti jistgħu jkunu immedjatament operattivi. Ma narax kif ir-riferiment għall-għarfien ta’ ċerti lingwi li jagħtu vantaġġ jista’ jiġi interpretat bħala li jimponi oneru għoli b’mod mhux raġonevoli fuq il-Kummissjoni.

56.

Il-Kummissjoni tikkritika wkoll bil-punt 181 tas-sentenza appellata, li jgħid li “ma teżisti ebda raġuni valida sabiex ma jiġux ammessi wkoll il-lingwi uffiċjali l-oħra kollha”.

57.

Is-sentenza sħiħa li din il-frażi hija meħuda minnha tispjega li, abbażi tal-provi prodotti quddiem il-Qorti Ġenerali, jiġifieri d-data dwar il-kompetenzi lingwistiċi tal-persunal tal-OLAF, hija biss il-konoxxenza tal-Ingliż li toffri vantaġġ evidenti għall-kapaċità tal-kandidati magħżula li jkunu operattivi immedjatament. L-avviż EPSO kkontestat jirrikonoxxi li, mit-tliet lingwi, hija biss konoxxenza tajba tal-Ingliż li hija neċessarja sabiex jiġu eżerċitati l-funzjonijiet deskritti. L-avviż jippreċiża li l-kandidati għandhom jagħmlu test addizzjonali ta’ komprensjoni fil-lingwa Ingliża, li jwassal għall-eliminazzjoni tal-kandidati li ma jiksbux punteġġ adegwat. Fil-punt 110 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali tirreferi għal din l-evalwazzjoni addizzjonali. Fil-punt 111, hija tirraġuna li r-rekwiżit ta’ test tal-lingwa Ingliża juri li, meta mqabbel mal-Ingliż, ma teżisti ebda raġuni li tiġġustifika l-estensjoni tal-lingwi permessi għall-Ġermaniż u għall-Franċiż. Ir-riżultat tal-ħtieġa speċifika ta’ ċertu livell ta’ Ingliż għandu bħala konsegwenza li kandidat li jitkellem bil-Franċiż u bil-Ġermaniż jista’ ma jkunx ikun immedjatament operattiv, minkejja li din huwa kumbinazzjoni vijabbli skont l-avviż tal-EPSO inkwistjoni.

58.

Fi kliem ieħor, ir-rekwiżit tal-għarfien tal-Ingliż bħala t-tieni lingwa jista’ jkun iġġustifikat, iżda r-rekwiżit ta’ għarfien tal-Ingliż, tal-Franċiż jew tal-Ġermaniż ma huwiex iġġustifikat. Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali tirrileva, fl-aħħar tal-punt 181, li għalhekk ma teżisti ebda raġuni valida għaliex l-għarfien tal-Ingliż jew ta’ waħda jew iktar mil-lingwi uffiċjali, minbarra, jew flimkien ma’, il-Franċiż u/jew il-Ġermaniż, ma għandux ikun permess. Ma nistax niddubita din il-konklużjoni. Xejn ma jindika li l-Qorti Ġenerali eskludiet il-possibbiltà li l-Kummissjoni setgħet tipproduċi provi oħra li setgħu jsostnu konklużjoni differenti. Lanqas ma nara kif, meta waslet għal konklużjoni b’riferiment għall-provi prodotti quddiemha, il-Qorti Ġenerali imponiet fuq il-Kummissjoni oneru għoli b’mod mhux raġonevoli.

59.

Il-Kummissjoni targumenta li l-Qorti Ġenerali eskludiet b’mod żbaljat il-provi dwar l-użu tal-Ingliż, il-Franċiż u l-Ġermaniż fl-Unjoni Ewropea minħabba li jistgħu ma jirriflettux korrettament il-konoxxenzi lingwistiċi tal-kandidati potenzjali ( 37 ). Hija tibbaża ruħha fuq il-punt 124 tas-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2019, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja ( 38 ) sabiex targumenta li, abbażi tal-provi statistiċi, il-Qorti Ġenerali kien imissha tippreżumi li l-limitazzjoni lingwistika kienet proporzjonata; iktar u iktar meta din id-data ma nbidlitx matul is-snin.

60.

Il-punt 124 tas-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2019, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja ( 39 ) jippreċiża:

“F’dan ir-rigward, għalkemm ma huwiex eskluż li l-interess tas-servizz jista’ jiġġustifika l-limitazzjoni tal-għażla tal-lingwa 2 tal-kompetizzjonijiet għal numru limitat ta’ lingwi uffiċjali l-iktar magħrufa fl-Unjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2003, Kik vs UASI, C‑361/01 P, EU:C:2003:434, punt 94), u dan anki fil-kuntest ta’ kompetizzjoni ta’ natura ġenerali, bħal dik imsemmija fl-‘Avviż ta’ kompetizzjoni ġenerali – EPSO/AD/276/14 – Amministraturi (AD 5)’, tali limitazzjoni għandha madankollu, fid-dawl tar-rekwiżiti mfakkra fil-punti 92 u 93 ta’ din is-sentenza, obbligatorjament tistrieħ fuq elementi oġġettivament verifikabbli, kemm mill-kandidati għall-kompetizzjoni kif ukoll mill-qrati tal-Unjoni, li jkunu ta’ natura li jiġġustifikaw il-konoxxenzi lingwistiċi meħtieġa, li għandhom ikunu proporzjonati għall-bżonnijiet reali tas-servizz”.

61.

Jiena ma nikkunsidrax li din l-affermazzjoni tal-liġi teħtieġ lill-Qorti Ġenerali li tippreżumi li limitazzjoni lingwistika hija ġġustifikata sakemm tkopri l-lingwi l-iktar magħrufa fl-Unjoni. Għall-kuntrarju, jiena ninterpretaha bħala dikjarazzjoni tal-Qorti Ġenerali li tgħid li l-Kummissjoni tista’ tibbaża ruħha fuq provi dwar il-lingwi l-iktar magħrufa fl-Unjoni sabiex tiġġustifika limitazzjoni lingwistika. Tali limitazzjoni għandha madankollu tkun ibbażata fuq elementi oġġettivament verifikabbli, mill-kandidati u mill-qrati tal-Unjoni, b’mod li jiġi ġġustifikat il-livell ta’ għarfien lingwistiku meħtieġ, li għandu jkun proporzjonali għall-bżonnijiet reali tas-servizz.

62.

Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali mxiet b’mod korrett meta, fl-ewwel lok, evalwat il-provi prodotti mill-Kummissjoni dwar it-tixrid tal-Ġermaniż, tal-Ingliż u tal-Franċiż bħala lingwi barranin mitkellma u studjati fl-Ewropa ( 40 ). Il-punti 197 sa 203 tas-sentenza appellata jinnotaw li l-provi juru li l-Ingliż huwa bil-bosta l-iktar lingwa barranija studjata [fl-Ewropa] fil-livelli kollha ta’ tagħlim, segwit mill-Franċiż, mill-Ġermaniż, mir-Russu u, sa ċertu punt, mill-Ispanjol u li huwa mifhum li l-iktar lingwa barranija magħrufa bil-bosta hija l-Ingliż, segwita mill-Ġermaniż, mir-Russu, mill-Franċiż u mill-Ispanjol. Provi oħra juru li l-Ġermaniż huwa l-lingwa l-iktar mitkellma fl-Ewropa u li l-Ingliż, il-Franċiż u l-Ġermaniż huma t-tliet lingwi barranin l-iktar spiss studjati bħala t-tieni lingwa (38 %, 12 % u 11 % rispettivament).

63.

Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali osservat li l-istatistika rilevanti tikkonċerna liċ-ċittadini kollha tal-Unjoni, inklużi dawk li għadhom ma laħqux l-età maġġuri; għalhekk, id-data tista’ ma tirriflettix b’mod adegwat l-għarfien lingwistiku tal-applikanti potenzjali. Hija kkonkludiet li din l-istatistika turi biss li n-numru ta’ kandidati potenzjali kkonċernati mil-limitazzjonijiet lingwistiċi kkunsidrati f’din il-kawża huwa inqas għoli milli kien ikun kieku dan kien ibbażat fuq lingwi oħra minbarra l-Ingliż, il-Franċiż u l-Ġermaniż, iżda, fiha nnifisha, din ma twassalx għall-konklużjoni li l-limitazzjoni lingwistika ma hijiex diskriminatorja.

64.

L-approċċ tal-Qorti Ġenerali ma jistax jiġi kkritikat f’dan ir-rigward. Kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, hija ma eskludietx il-provi statistiċi għaliex kienu jinkludu ċittadini tal-Unjoni li kienu għadhom ma laħqux l-età maġġuri. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-provi juru li limitazzjoni lingwistika bbażata fuq l-Ingliż, il-Franċiż u l-Ġermaniż seta’ kellha effett negattiv fuq inqas kandidati potenzjali minn restrizzjoni bbażata fuq kombinazzjoni lingwistika oħra. Xejn ma jindika li din il-konklużjoni, li barra minn hekk il-Kummissjoni ma tikkontestax, kienet tkun differenti kieku d-data statistika kienet teskludi liċ-ċittadini tal-Unjoni li kienu għadhom ma laħqux l-età maġġuri.

65.

Fl-aħħar, il-Kummissjoni ssostni li l-punt 159 tas-sentenza appellata jevalwa b’mod żbaljat il-Memorandum SEC(2000) 2071/6 tad‑29 ta’ Novembru 2000 intiża sabiex jiġi ssimplifikat il-proċess deċiżjonali tal-Kummissjoni msemmi fil-punti 158 u 159 tas-sentenza appellata. Il-Kummissjoni targumenta li l-Qorti Ġenerali ma aċċettatx is-sens ċar tiegħu, iżda minflok issostitwixxiet il-viżjoni suġġettiva tagħha stess tal-mod kif ix-xogħol huwa organizzat bħala bejn uffiċjali.

66.

Permezz ta’ dan l-argument, jidher li l-Kummissjoni ma tfittixx li l-Qorti tal-Ġustizzja tissanzjona żnaturament tal-provi mill-Qorti Ġenerali iżda pjuttost li tistedinha tissostitwixxi l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali tal-fatti u tal-provi ma’ tagħha. Dan ma huwiex permess fil-kuntest ta’ appell ( 41 ).

67.

Għal dawn ir-raġunijiet, l-argumenti tal-Kummissjoni ma jistgħux jiġu invokati sabiex isostnu t-teżi li s-sentenza appellata teċċedi l-limiti li timponi l-ġurisprudenza. Għalhekk nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad it-tieni parti tal-ewwel aggravju.

C.   It‑tielet parti

68.

Il-Kummissjoni targumenta, fl-ewwel lok, li l-punti 152 sa 155 tas-sentenza appellata jnaqqsu l-portata tal-provi, peress li dawn ma jurux l-eżistenza ta’ att legalment vinkolanti li jiddefinixxi l-lingwi ta’ ħidma tal-istituzzjoni. Skont il-Kummissjoni, ma jistax jiġi dedott la mill-ġurisprudenza u lanqas mill-Artikolu 1d(6) tar-Regolamenti tal-Persunal li huma biss atti legalment vinkolanti li jistgħu legalment jirrestrinġu l-għażla tat-tieni lingwa. Barra minn hekk, il-punt 11 tas-sentenza appellata ġustament jinnota li l-avviż EPSO kkontestat jagħmel riferiment għal “regoli interni”, jiġifieri għal regoli li jorbtu fi ħdan l-istituzzjonijiet biss. Din id-deskrizzjoni ta’ dawn ir-regoli hija kkorroborata mill-provi prodotti mill-Kummissjoni.

69.

Il-punt 11 tas-sentenza appellata josserva li l-punt 2 tal-Anness II tal-avviż EPSO kkontestat jindika li, għal kull proċedura tal-għażla, il-Bord Amministrattiv tal-EPSO għandu jiddetermina każ b’każ il-lingwi li għandhom jintużaw għall-kompetizzjonijiet ġenerali individwali billi jieħu inkunsiderazzjoni “kull regola interna speċifika dwar l-użu tal-lingwi fl-istituzzjoni(jiet) jew korpi kkonċernati”.

70.

Il-punti 152 u 153 tas-sentenza appellata josservaw li d-dokumenti ppreżentati bħala prova, deskritti fil-punti 123 sa 125 u 127 tagħha, ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala regoli tal-Kummissjoni għall-finijiet tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1/58. Il-Kummissjoni taċċetta li dawn il-provi sempliċement jirriflettu prassi amministrattiva stabbilita fejn id-dokumenti li għandhom jiġu ppreżentati lill-Kulleġġ tal-Kummissarji għall-approvazzjoni għandhom ikunu disponibbli bl-Ingliż, bil-Franċiż u bil-Ġermaniż. Il-punt 154 tas-sentenza appellata jikkonstata li ma teżisti l-ebda prova li jew il-President tal-Kummissjoni jew il-Kulleġġ tal-Kummissarji formalment approvaw il-“Gwida għall-proċeduri operattivi”. Il-punt 155 ta’ din is-sentenza jikkonstata li, fil-kuntest ta’ din il-kawża, il-Kummissjoni kkonfermat li ma teżistix deċiżjoni interna li tiddetermina l-lingwi ta’ ħidma fi ħdan din l-istituzzjoni.

71.

Il-punti 157 sa 159 tas-sentenza appellata jevalwaw jekk id-dokumenti ppreżentati bħala prova żvelawx rabta bejn il-proċeduri deċiżjonali tal-Kummissjoni, inklużi dawk tal-Kulleġġ tal-Kummissarji, u l-kompiti li għandhom jitwettqu mill-kandidati magħżula. Il-punti 160 sa 169 ta’ din is-sentenza jevalwaw ukoll dawn il-provi fid-dawl ta’ provi dokumentarji oħra prodotti mill-Kummissjoni.

72.

Kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, is-sentenza appellata ma tiċħadx il-provi, u lanqas “tnaqqas il-portata tagħhom”, peress li l-materjal li hija pproduċiet bħala provi ma żvelax l-eżistenza ta’ “att legalment vinkolanti”. Minflok, il-Qorti Ġenerali tevalwa korrettament jekk il-Kummissjoni kinitx adottat regoli interni skont l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1/58 li jippreċiża li waħda jew iktar mil-lingwi uffiċjali u l-lingwi ta’ ħidma elenkati fl-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament għandhom jintużaw f’każijiet partikolari. Il-punt 155 tas-sentenza appellata jiżvela li l-Kummissjoni ma kkontestatx li tali regoli ma kinux ġew adottati.

73.

Wara li waslet għal din il-konklużjoni intermedjarja mhux ikkontestata, il-Qorti Ġenerali tkompli l-evalwazzjoni ddettaljata tagħha tal-provi prodotti mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċeduri interni tagħha.

74.

Għalhekk nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad it-tielet parti tal-ewwel aggravju peress li din tidher li hija bbażata fuq qari żbaljat u selettiv tas-sentenza appellata.

V. Konklużjoni

75.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-ewwel aggravju tal-appell.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) Artikolu 3 TUE u Artikolu 22 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll il-madwar 60 lingwa reġjonali u minoritarja mitkellma fit-territorju tal-Unjoni.

( 3 ) Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1 tal‑15 ta’ April 1958 li jistabbilixxi l-lingwi li għandhom jintużaw mill-Komunità Ekonomika Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1 p. 3), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 517/2013 tat‑13 ta’ Mejju 2013 (ĠU 2013, L 158, p. 1) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1/58”).

( 4 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tas‑27 ta’ Novembru 2012, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni (C‑566/10 P, EU:C:2012:752); tas‑26 ta’ Marzu 2019, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑621/16 P, EU:C:2019:251); tas‑26 ta’ Marzu 2019, Spanja vs Il‑Parlament (C‑377/16, EU:C:2019:249); tal‑15 ta’ Settembru 2016, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni (T‑353/14 u T‑17/15, EU:T:2016:495); tal‑14 ta’ Diċembru 2017, PB vs Il‑Kummissjoni (T‑609/16, EU:T:2017:910); tat‑3 ta’ Marzu 2021, Barata vs Il‑Parlament (T‑723/18, EU:T:2021:113); tad‑9 ta’ Ġunju 2021, Calhau Correia de Paiva vs Il‑Kummissjoni (T‑202/17, EU:T:2021:323).

( 5 ) EPSO/AD/323/16 u EPSO/AD/324/16, ĠU 2016, C 187 A, p. 1, iktar ’il quddiem l-“avviż EPSO kkontestat”.

( 6 ) L-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 2002/620/KE tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill, tal-Kummissjoni, tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-Qorti tal-Awdituri, tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, tal-Kumitat tar-Reġjuni u tal-Ombudsman Ewropew tal‑25 ta’ Lulju 2002 li tistabbilixxi Uffiċċju għas-Selezzjoni tal-Persunal tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 46), ittrasferixxa lill-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO) ir-responsabbiltà għat-tmexxija tal-kompetizzjonijiet ġenerali msemmija fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 30 u fl-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal. Permezz tal-Artikolu 4 tagħha, kull appell dwar l-eżerċizzju tal-kompetenzi mogħtija lill-EPSO għandu jkun indirizzat kontra l-Kummissjoni.

( 7 ) Il-Qafas Komuni Ewropew ta’ Referenza għal-Lingwi, stabbilit mill-Kunsill tal-Ewropa (ir-Rakkomandazzjoni tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa Nru R (98) 6 tas‑17 ta’ Marzu 1998; iktar ’il quddiem il-“QKERL”), jiddefinixxi l-kompetenzi lingwistiċi f’sitt livelli, minn A1 sa C2. Waħda mit-tabelli tagħha tinkludi ħarsa ġenerali lejn il-livelli komuni ta’ għarfien. Il-livell C1, li jikkorrispondi għall-għarfien lingwistiku ta’ “użu indipendenti”, huwa deskritt kif ġej: “Għandu l-ħila jifhem medda wiesgħa ta’ testi itwal u pjuttost iebsa, u jagħraf it-tifsira moħbija. Għandu ħila jesprimi lilu nnifsu b’mod mexxej u spontanju mingħajr ma jagħmel wisq tfittix ovvju biex isib l-espressjoni. Għandu ħila juża l-lingwa b’mod flessibli u effettiv għal għanijiet soċjali, akkademiċi u professjonali. Għandu ħila jipproduċi testi ċari, mibnija tajjeb u dettaljati fuq suġġetti kumplessi, u juri li għandu l-ħila li jagħmel użu minn mekkaniżmu ta’ modi kif ngħaqqdu, norbtu u nsenslu ħaġa ma’ oħra”. Il-livell B2, li jikkorrispondi għall-għarfien lingwistiku ta’ “użu indipendenti”, huwa ppreżentat kif ġej: “Għandu ħila jifhem l-ideat ewlenin ta’ testi kumplessi kemm fuq suġġetti konkreti kif ukoll astratti, u li jkunu jinkludu diskussjonijiet tekniċi fil-kamp tal-ispeċjalizzazzjoni tiegħu. Għandu l-ħila jitkellem b’ċertu fluwenza u spontanjetà li twassal biex ikun hemm interazzjoni regulari ma’ kelliema nattivi possibbli mingħajr l-ħtieġa ta’ xi sforz partikolari min-naħa ta’ ħadd. Jista’ jfassal test ċar u dettaljat dwar firxa wiesgħa ta’ suġġetti u jispjega opinjoni dwar kwistjoni ta’ attwalità li tippreżenta l-vantaġġi u l-iżvantaġġi ta’ għażliet differenti.”

( 8 ) Sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2020, Spanja u L‑Italja vs Il‑Kummissjoni (T‑401/16, mhux ippubblikata, EU:T:2020:409, punt 205).

( 9 ) Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 tad‑29 ta’ Frar 1968 li jistabbilixxi r-Regolamenti tal-Persunal tal-uffiċjali u l-kondizzjonijiet ta’ impjieg ta’ uffiċjali oħra tal-Komunitajiet Ewropej u li jistabbilixxi miżuri temporanji applikabbli għall-Uffiċjali tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 2 p. 5, u rettifiki fil-ĠU 2007, L 248, p. 27, u fil-ĠU 2016, L 289, p. 21), kif emendat (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”).

( 10 ) Ara wkoll il-punt 96 tas-sentenza appellata u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 11 ) Sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2019 (C‑621/16 P, EU:C:2019:251).

( 12 ) Sentenza tas‑27 ta’ Novembru 2012 (C‑566/10 P, EU:C:2012:752).

( 13 ) ĠU 2015, C 70 A, p. 1.

( 14 ) Punt 106 tas-sentenza appellata.

( 15 ) Jeżistu mill-inqas 30 okkorrenzi tal-espressjoni “immedjatament operattiva” fis-sentenza appellata, inklużi fil-punti li jirregolaw l-analiżi tal-provi (punti 117 u 118) u l-punti li jesponu konklużjonijiet intermedji dwar l-evalwazzjoni tal-provi (punti 114, 169, 196, 205).

( 16 ) Sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2016, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni (T‑353/14 u T‑17/15, EU:T:2016:495, punti 121122). L-appell ippreżentat mill-Kummissjoni minn din is-sentenza ġie miċħud permezz ta’ sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2019, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑621/16 P, EU:C:2019:251).

( 17 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2019, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑621/16 P, EU:C:2019:251, punt 93 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 18 ) Punti 54 sa 117 tas-sentenza appellata.

( 19 ) Punt 116 tas-sentenza appellata.

( 20 ) Ara, b’mod partikolari, il-punt 205 tas-sentenza appellata.

( 21 ) Sentenza tas‑27 ta’ Novembru 2012 (C‑566/10 P, EU:C:2012:752).

( 22 ) Ara wkoll il-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek f’Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑621/16 P, EU:C:2018:611, punt 175) u s-sentenza tas‑27 ta’ Novembru 2012, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni (C‑566/10 P, EU:C:2012:752, punt 67).

( 23 ) Konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Sharpston fi Spanja vs Il‑Parlament (C‑377/16, EU:C:2018:610, punt 46).

( 24 ) Sentenza tas‑27 ta’ Novembru 2012 (C‑566/10 P, EU:C:2012:752). Ara wkoll is-sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2016, L-Italja vs Il-Kummissjoni (T‑353/14 u T‑17/15, EU:T:2016:495, punti 5051), ikkonfermata fl-appell permezz tas‑sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2019, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑621/16 P, EU:C:2019:251).

( 25 ) Sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2019Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑621/16 P, EU:C:2019:251, punt 91).

( 26 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑8 ta’ Settembru 2005, AB (C‑288/04, EU:C:2005:526, punti 26 u 28) u tas‑26 ta’ Marzu 2019, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑621/16 P, EU:C:2019:251, punt 88 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 27 ) C‑621/16 P, EU:C:2018:611, punti 105, 108112.

( 28 ) Sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2021, Il‑Kummissjoni vs l-Italja et (C‑425/19 P, EU:C:2021:154, punti 52 sa 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 29 ) Sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2008, Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala (C‑413/06 P, EU:C:2008:392, punt 167 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 30 ) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas‑16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205).

( 31 ) Il-punt 1 tal-avviż EPSO kkontestat jgħid li l-kompetizzjoni hija organizzata sabiex jinħolqu listi ta’ riżerva li minnhom il-Kummissjoni Ewropea, prinċipalment l-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi, ser tirrekluta membri ġodda tas-servizz pubbliku bħala “amministraturi” (grupp ta’ funzjonijiet AD). Il-punt 120 tas-sentenza appellata josserva li tnejn mill-erbgħin kandidat magħżula fir-rigward tal-EPSO/AD/323/16 ġew irreklutati minn persuni li jimpjegaw oħra, jiġifieri mill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data u mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri. Fost il-ħamsin kandidat magħżul fir-rigward tal-EPSO/AD/324/16, ebda wieħed ma ġie rreklutat minn istituzzjoni Ewropea oħra.

( 32 ) Punti 175 sa 180 tas-sentenza appellata.

( 33 ) Punt 164 tas-sentenza appellata.

( 34 ) Ara t-tielet subparagrafu tal-punt 3 tas-sentenza appellata, li jiċċita t-test tal-avviż EPSO kkontestat.

( 35 ) Nifhem dan bħala li jirreferi għall-għarfien fil-livell B2.

( 36 ) Id-data fil-punti 175 sa 178 tas-sentenza appellata, dwar il-lingwi 1 u 2, tidher li tindika li madwar 72 % tal-persunal li jaħdem fi ħdan l-OLAF għandu għarfien tal-Ingliż, 42 % Franċiż, 15 % Ġermaniż, 11 % Taljan, 10 % Olandiż, 8 % Spanjol u 7 % Pollakk. Jekk il-lingwa 3 hija inkluża, il-perċentwali huma: 91 % Ingliż, 74 % Franċiż, 24 % Ġermaniż, 18 % Spanjol, 15 % Olandiż, 14 % Taljan u 7 % Pollakk. Il-konklużjoni li tqum hija dik li l-komunikazzjoni b’lingwa differenti mill-Ingliż għandha l-konsegwenza li teskludi proporzjon sinjifikattiv ta’ kollegi mill-proċessi ta’ xogħol rilevanti. Bejn madwar 25 % u 60 % tal-kollegi jistgħu ma jifhmux il-komunikazzjoni jekk jintuża l-Franċiż. Jekk jintuża l-Ġermaniż, 76 % jistgħu ma jifhmux il-komunikazzjoni.

( 37 ) Punt 201 tas-sentenza appellata.

( 38 ) C‑621/16 P, EU:C:2019:251.

( 39 ) C‑621/16 P, EU:C:2019:251.

( 40 ) Punti 197 sa 203 tas-sentenza appellata.

( 41 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2006, Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied vs Il‑Kummissjoni (C‑105/04 P, EU:C:2006:592, punti 6970 u l-ġurisprudenza ċċitata), u s-sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2006, Technische Unie vs Il‑Kummissjoni (C‑113/04 P, EU:C:2006:593, punti 8283 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).