KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
SZPUNAR
ippreżentati fl-20 ta’ Jannar 2022 ( 1 )
Kawża C-617/20
T.N.,
N.N.
vs
E.G.
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hanseatisches Oberlandesgericht in Bremen (il-Qorti Distrettwali Superjuri fi Bremen, il-Ġermanja))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Regolament (UE) Nru 650/2012 – Aċċettazzjoni jew rinunzja tas-suċċessjoni, ta’ legat jew ta’ sehem riżervat – Dikjarazzjoni intiża għar-rinunzja tas-suċċessjoni prodotta quddiem il-qorti tal-Istat Membru tar-residenza abitwali tad-dikjarant – Validità”
I. Introduzzjoni
|
1. |
Bl-adozzjoni tar-Regolament Nru 650/2012 ( 2 ), il-leġiżlatur tal-Unjoni impona fuqu nnifsu l-għan li jelimina l-ostakoli għall-moviment liberu tal-persuni kkonfrontati b’diffikultajiet fl-eżerċizzju tad-drittijiet tagħhom fil-qasam tas-suċċessjoni li għandhom effetti transkonfinali. Sabiex jintlaħaq dan l-għan, huwa ddeċieda fost oħrajn li l-werrieta u l-legatarji jkunu jistgħu, bħala prinċipju, jagħmlu dikjarazzjonijiet dwar l-aċċettazzjoni jew ir-rinunzja ta’ suċċessjoni, ta’ legat jew ta’ sehem riżervat jew dwar il-limitazzjoni tar-responsabbiltà għad-dejn tas-suċċessjoni ( 3 ) fil-forma prevista mid-dritt tal-Istat Membru tar-residenza abitwali tagħhom. Madankollu, huwa ma introduċa ebda soluzzjoni fir-rigward tat-trażmissjoni ta’ tali dikjarazzjonijiet lill-qrati li għandhom ġurisdizzjoni ġenerali biex jiddeċiedu kawża partikolari dwar is-suċċessjoni u li jinsabu fi Stat Membru ieħor. Barra minn hekk, f’waħda mill-premessi ta’ dan ir-regolament huwa indika li l-komunikazzjoni ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet lil dawn il-qrati għandha ssir mill-persuni li jkunu pproduċewhom. |
|
2. |
F’dan il-kuntest, iqumu dubji dwar il-validità tad-dikjarazzjonijiet intiżi għall-aċċettazzjoni jew għar-rinunzja tas-suċċessjoni mressqa quddiem il-qrati tal-Istat tar-residenza abitwali tad-dikjarant li ma ġewx trażmessi lill-qrati li għandhom ġurisdizzjoni ġenerali biex jiddeċiedu kawża partikolari dwar is-suċċessjoni f’terminu stabbilit, f’forma xierqa jew b’lingwa partikolari. Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’din il-kawża għandha tikkontribwixxi għall-iżvilupp tagħhom. |
|
3. |
Fil-fehma tiegħi l-kwistjoni essenzjali, li s-soluzzjoni tagħha tippermetti li jitneħħew id-dubji ta’ hawn fuq, hija li tiġi ddeterminata l-portata tal-elementi kostituttivi tal-forma ta’ dikjarazzjoni intiża għall-aċċettazzjoni jew għar-rinunzja tas-suċċessjoni. Fi kliem ieħor, qegħdin nitkellmu dwar id-delimitazzjoni, fil-kuntest tar-Regolament Nru 650/2012, tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi applikabbli għas-suċċessjoni u l-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi applikabbli għall-forma. Kif ser nuri fil-konklużjonijiet tiegħi, is-soluzzjoni ta’ din il-kwistjoni tippermetti li jiġu solvuti l-problemi ta’ interpretazzjoni li ltaqgħet magħhom il-qorti tar-rinviju. |
II. Il-kuntest ġuridiku
A. Id-dritt tal-Unjoni
|
4. |
Il-premessi 7, 32, u 33 tar-Regolament Nru 650/2012 jippreċiżaw:
[…]
|
|
5. |
Skont l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 650/2012, intitolat “Aċċettazzjoni jew rinunzja tas-suċċessjoni, ta’ legat jew ta’ sehem riżervat”: “Minbarra l-qorti li jkollha ġuriżdizzjoni biex tiddeċiedi dwar is-suċċessjoni skont dan ir-Regolament, il-qrati tal-Istat Membru tar-residenza abitwali ta’ kwalunkwe persuna li, taħt il-liġi applikabbli għas-suċċessjoni, tista’ tagħmel, quddiem qorti, dikjarazzjoni li tirrigwarda l-aċċettazzjoni jew ir-rinunzja tas-suċċessjoni, ta’ legat jew ta’ sehem riżervat, jew dikjarazzjoni mfassla biex tillimita r-responsabbiltà tal-persuna kkonċernata fir-rigward tad-djun skont is-suċċessjoni, għandu jkollha ġuriżdizzjoni biex tirċievi dikjarazzjonijiet bħal dawn fejn, taħt il-liġi ta’ dak l-Istat Membru, dikjarazzjonijiet bħal dawn jistgħu jsiru quddiem qorti.” |
|
6. |
L-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 650/2012, intitolat “Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi applikabbli”, jipprovdi b’mod partikolari: “1. Il-liġi determinata skont l-Artikolu 21 jew l-Artikolu 22 għandha tirregola s-suċċessjoni fl-intier tagħha. 2. Dik il-liġi tirregola, b’mod partikolari: […]
|
|
7. |
Skont l-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 650/2012, intitolat “Validità rigward il-forma ta’ dikjarazzjoni dwar aċċettazzjoni jew rinunzja”: “Dikjarazzjoni dwar l-aċċettazzjoni jew ir-rinunzja tas-suċċessjoni, ta’ legat jew ta’ sehem riżervat jew ta’ dikjarazzjoni mfassla biex tillimita r-responsabbiltà tal-persuna li tagħmel id-dikjarazzjoni għandha tkun valida rigward il-forma jekk tissodisfa r-rekwiżiti ta’:
|
B. Id-dritt Ġermaniż
|
8. |
Konformement mad-dispożizzjonijiet tal-Bürgerliches Gesetzbuch (il-Kodiċi Ċivili, BGB): “§ 1942. It-trasferiment u r-rinunzja tas-suċċessjoni. (1) Is-suċċessjoni hija ttrasferita lill-werriet indikat bla ħsara għad-dritt li tiġi rrinunzjata (trasferiment tas-suċċessjoni) […]. § 1943. Aċċettazzjoni u rinunzja tas-suċċessjoni. Il-werriet ma jistax jirrinunzja s-suċċessjoni jekk ikun aċċettaha jew jekk it-terminu biex tiġi rrinunzjata jkun skada; fl-iskadenza tat-terminu, is-suċċessjoni titqies li ġiet aċċettata. § 1944. It-terminu għar-rinunzja tas-suċċessjoni. (1) Is-suċċessjoni tista’ tiġi rrinunzjata esklużivament fi ħdan sitt ġimgħat. (2) It-terminu jibda jiddekorri mill-mument li fih il-werriet ikun sar jaf bid-dritt tiegħu u bit-titolu tiegħu għas-suċċessjoni. (3) It-terminu huwa ta’ sitt xhur jekk id-de cuius kellu l-aħħar residenza tiegħu esklużivament barra mill-pajjiż jew jekk il-werriet kien residenti barra mill-pajjiż fil-mument meta beda jiddekorri t-terminu. § 1945. Forma ta’ rinunzja tas-suċċessjoni. (1) Ir-rinunzja tas-suċċessjoni ssir permezz tal-produzzjoni ta’ dikjarazzjoni lill-qorti tas-suċċessjoni; id-dikjarazzjoni għandha ssir fil-proċess jew f’forma awtentikata pubblikament.” |
|
9. |
L-Artikolu 184 tal-Gerichtsverfassungsgesetz (il-Liġi dwar l-Organizzazzjoni Ġudizzjarja) fil-verżjoni tagħha tad-9 ta’ Mejju 1975 ( 4 ) jipprovdi: “Il-lingwa tal-ħidma tal-qrati hija l-Ġermaniż […].” |
III. Il-fatti, il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
|
10. |
Fil-21 ta’ Mejju 2018 fi Bremen (il-Ġermanja) miet id-de cuius W.N. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali E.G. (iktar ’il quddiem ir-“rikorrenti E.G.”) hija l-armla tad-de cuius u l-parteċipanti fil-kawża prinċipali T.N. u N.N. (iktar ’il quddiem il-“parteċipanti T.N u N.N.”, jew il-“parteċipanti”) huma d-dixxendenti ta’ ħu d-de cuius fejn dan tal-ewwel kien miet preċedentement. |
|
11. |
Fil-21 ta’ Jannar 2019, ir-rikorrenti E. G. ressqet, permezz ta’ att notarili, applikazzjoni għal Ċertifikat tas-Suċċessjoni (Erbschein) li jikkonstata l-kisba, minnha nnifisha ta’ 3/4 mis-suċċessjoni, u mill-parteċipanti T.N. u N. N., rispettivament ta’ 1/8 mis-suċċessjoni. |
|
12. |
Permezz ta’ ittra tad-19 ta’ Ġunju 2019, l-Amtsgericht Bremen (il-Qorti Distrettwali ta’ Bremen, il-Ġermanja), li hija l-qorti tas-suċċessjoni fil-kawża, informat lill-parteċipanti T.N. u N.N. bit-talba għal Ċertifikat tas-Suċċessjoni u talbet il-produzzjoni ta’ ċerti dokumenti. |
|
13. |
Fit-13 ta’ Settembru 2019, il-parteċipanti T.N. u N. N. ipproduċew dikjarazzjoni dwar ir-rinunzja tas-suċċessjoni tad-de cuius quddiem il-Rechtbank Den Haag (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag, il-Pajjiżi l-Baxxi), li ġiet irreġistrata fir-reġistru tas-suċċessjoni hemmhekk fit-30 ta’ Settembru 2019. |
|
14. |
Wara li d-dokumenti kienu kkompletati mir-rikorrenti E. G., l-Amtsgericht Bremen (il-Qorti Distrettwali ta’ Bremen), permezz ta’ ittra tat-22 ta’ Novembru 2019, għaddiet it-talba lill-parteċipanti T.N. u N.N. u stednithom jieħdu pożizzjoni dwar il-kwistjoni. |
|
15. |
Permezz ta’ ittra tat-13 ta’ Diċembru 2019, redatta bl-Olandiż, il-parteċipanti T.N. u N. N. bagħtu lill-Amtsgericht Bremen (il-Qorti Distrettwali ta’ Bremen) kopji tad-dokumenti redatti mir-Rechtbank Den Haag (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag) b’rabta mad-dikjarazzjonijiet dwar ir-rinunzja tas-suċċessjoni prodotti minnhom. |
|
16. |
Permezz ta’ ittra tat-3 ta’ Jannar 2020, l-Amtsgericht Bremen (il-Qorti Distrettwali ta’ Bremen) informat lill-parteċipanti T.N. u N. N. li n-noti u d-dokumenti tagħhom ma setgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni minħabba l-assenza ta’ traduzzjoni bil-Ġermaniż. |
|
17. |
Bi tweġiba għal dan, permezz ta’ ittra tal-15 ta’ Jannar 2020 redatta bil-Ġermaniż, il-parteċipant N.N. informa lill-Amtsgericht Bremen (il-Qorti Distrettwali ta’ Bremen) li s-suċċessjoni kienet ġiet irrinunzjata u li d-dikjarazzjoni dwar ir-rinunzja tas-suċċessjoni kienet ġiet irreġistrata minn qorti skont id-dritt Ewropew bil-lingwa Olandiża u għalhekk ma kinitx teħtieġ traduzzjoni. Bħala tweġiba, l-Amtsgericht Bremen (l-Qorti Distrettwali ta’ Bremen) indikat l-assenza ta’ traduzzjoni tad-dokumenti u tat-termini ta’ rinunzja tas-suċċessjoni. |
|
18. |
Permezz ta’ digriet tas-27 ta’ Frar 2020, l-Amtsgericht Bremen (il-Qorti Distrettwali ta’ Bremen) ikkonstatat il-fatti neċessarji għall-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ konferma tal-kisba tas-suċċessjoni skont l-Artikolu 352e(1) tal-Gesetz über das Verfahren in Familiensachen und in den Angelegenheiten der freiwilligen Gerichtsbarkeit (il-Liġi dwar il-Proċedura Bonarja fil-Qasam tal-Familja) tas-17 ta’ Diċembru 2008 ( 5 ). Hija ddeċidiet li anki l-parteċipanti T.N. u N.N. kienu kisbu s-suċċessjoni tad-de cuius. |
|
19. |
Il-parteċipanti ressqu lment kontra dan id-digriet permezz ta’ ittra tad-19 ta’ Marzu 2020. Permezz tiegħu huma talbu estensjoni tat-terminu għall-produzzjoni ta’ provi addizzjonali. Fit-30 ta’ Lulju 2020, huma pproduċew kopji bil-kulur tad-dokumenti redatti mir-Rechtbank Den Haag (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag) kif ukoll traduzzjonijiet tagħhom lejn il-Ġermaniż. Sussegwentement, fis-17 ta’ Awwissu 2020, huma pproduċew id-dokumenti oriġinali. |
|
20. |
Permezz ta’ digriet tat-2 ta’ Settembru 2020, l-Amtsgericht Bremen (il-Qorti Distrettwali ta’ Bremen) irrinvijat il-kawża quddiem il-Hanseatisches Oberlandesgericht in Bremen (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Bremen, il-Ġermanja) – il-qorti tar-rinviju. Bħala ġustifikazzjoni, l-Amtsgericht Bremen (il-Qorti Distrettwali ta’ Bremen) indikat li l-parteċipanti T.N u N.N. saru (ko)werrieta tad-de cuius peress li huma ma kinux osservaw it-terminu ta’ rinunzja tas-suċċessjoni. Sabiex is-suċċessjoni tiġi rrinunzjata b’mod validu, la huwa biżżejjed sempliċi riferiment għar-rinunzja tas-suċċessjoni quddiem il-qorti tal-Pajjiżi l-Baxxi u lanqas it-trażmissjoni ta’ kopja tad-dokumenti. Din id-dikjarazzjoni ssir valida biss minn meta jiġu rċevuti d-dokumenti oriġinali mill-qorti tas-suċċessjoni. Huma ġew prodotti lilha biss wara l-iskadenza tat-terminu ta’ rinunzja tas-suċċessjoni ta’ sitt xhur. |
|
21. |
Il-qorti tar-rinviju tirrileva li teżisti tilwima dwar il-validità tad-dikjarazzjoni dwar ir-rinunzja ta’ suċċessjoni prodotta quddiem qorti ta’ Stat Membru li ma huwiex dak li fih tinsab il-qorti tas-suċċessjoni. Skont approċċ wieħed, is-sempliċi produzzjoni ta’ dikjarazzjoni dwar ir-rinunzja tas-suċċessjoni quddiem il-qorti tar-residenza abitwali tad-dikjarant tfisser li d-dikjarazzjoni dwar ir-rinunzja tas-suċċessjoni hija valida fir-rigward tal-qorti tas-suċċessjoni, jiġifieri sseħħ l-hekk imsejħa sostituzzjoni. Skont l-approċċ li jopponi l-validità tad-dikjarazzjoni, huwa meħtieġ li din tiġi prodotta fil-forma debita lill-qorti tas-suċċessjoni jew, fi kwalunkwe każ, tkun ġiet ikkomunikata lil din il-qorti. Dan it-tieni approċċ jista’ jiġi bbażat fuq il-premessa 32 tar-Regolament Nru 650/2012, li minnha jista’ jiġi dedott li l-leġiżlatur assuma li d-dikjarazzjoni dwar ir-rinunzja tas-suċċessjoni prodotta quddiem il-qorti tar-residenza abitwali tad-dikjarant għandha tipproduċi effetti legali biss jekk il-qorti tas-suċċessjoni tkun ġiet informata b’dan. Dan huwa kkonfermat b’mod partikolari mill-fatt li l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 650/2012, kuntrarjament għad-dispożizzjoni tad-dritt Ġermaniż, ma jipprevedix obbligu għall-qorti tar-residenza tad-dikjarant li tinforma lill-qorti tas-suċċessjoni bil-fatt li tkun irċeviet dikjarazzjoni dwar ir-rinunzja tas-suċċessjoni. |
|
22. |
Il-qorti tar-rinviju tindika li jekk tiġi aċċettata l-opinjoni predominanti tad-duttrina li tippreżupponi s-sostituzzjoni tad-dikjarazzjoni dwar ir-rinunzja tas-suċċessjoni, id-dikjarazzjoni dwar ir-rinunzja tas-suċċessjoni ssir valida sa mill-produzzjoni tagħha quddiem ir-Rechtbank Den Haag (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag) fit-13 ta’ Settembru 2019. It-terminu legali previst fl-Artikolu 1944(3) BGB ikun ġie osservat u l-parteċipanti ma jkunux werrieta. Madankollu, jekk, fuq il-bażi tal-premessa 32 tar-Regolament Nru 650/2012, jiġi aċċettat li ma kienx hemm sostituzzjoni sħiħa, il-validità tar-rinunzja tas-suċċessjoni tista’ tkun suġġetta wkoll għat-teħid ta’ konjizzjoni mill-qorti tas-suċċessjoni tad-dikjarazzjoni prodotta. F’każ bħal dan tqum madankollu l-kwistjoni dwar liema rekwiżiti formali għandhom jiġu ssodisfatti sabiex ir-rinunzja tas-suċċessjoni titqies valida, inkluż jekk huwiex biżżejjed li tiġi indirizzata sempliċi komunikazzjoni lill-qorti tas-suċċessjoni, li jiġu alternattivament prodotti quddiemha sempliċi kopji ta’ dokumenti, li alternattivament ukoll tingħata informazzjoni fil-lingwa tal-qorti tas-suċċessjoni, jew jekk ikunx neċessarju wkoll li jiġu prodotti dokumenti oriġinali flimkien mat-traduzzjoni tagħhom fil-lingwa tal-qorti tas-suċċessjoni. |
|
23. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Hanseatisches Oberlandesgericht in Bremen (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Bremen) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin dwar l-interpretazzjoni tal-Artikoli 13 u 28 tar-Regolament Nru 650/2012:
|
|
24. |
Fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tressqu osservazzjonijiet bil-miktub mill-Gvern Spanjol, mill-Gvern Taljan kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. Ma nżammitx seduta. |
IV. Analiżi
A. Id-domandi preliminari
|
25. |
Kif jirriżulta mill-osservazzjonijiet bil-miktub imressqa mill-Gvern Spanjol u mill-Gvern Taljan kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea, id-domandi preliminari tal-qorti tar-rinviju jistgħu jinqraw b’mod differenti. |
|
26. |
Il-Gvern Spanjol jidher li jikkunsidrahom mhux tant bħala li jirrigwardaw il-validità tad-dikjarazzjoni dwar ir-rinunzja tas-suċċessjoni nnifisha, iżda fuq il-konsegwenza li dawn jipproduċu ċerti effetti fil-proċedura quddiem il-qorti adita fil-qasam tas-suċċessjoni; tali dikjarazzjoni, anki jekk valida, fil-fatt ma jkollhiex effett jekk il-qorti adita fil-qasam tas-suċċessjoni ma tiġix informata dwarha fi żmien raġonevoli u debitament. |
|
27. |
Skont il-Gvern Taljan, id-domandi tal-qorti tar-rinviju jirrigwardaw il-validità formali tad-dikjarazzjoni dwar ir-rinunzja tas-suċċessjoni u, b’mod iktar preċiż, dwar jekk din hijiex valida jekk tkun redatta bil-lingwa uffiċjali tal-post fejn tkun infetħet is-suċċessjoni. |
|
28. |
Madankollu, il-Kummissjoni, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-fatti tal-kawża prinċipali, tinterpreta l-ewwel u t-tieni domandi tal-qorti tar-rinviju fis-sens li huma intiżi għall-konstatazzjoni dwar jekk, fil-każ fejn il-liġi applikabbli għas-suċċessjoni tistabbilixxi terminu għall-produzzjoni tad-dikjarazzjoni dwar ir-rinunzja tas-suċċessjoni, dan it-terminu għandux jitqies li ġie osservat fid-data tal-produzzjoni tad-dikjarazzjoni quddiem il-qorti li għandha ġurisdizzjoni skont l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 650/2012 jew anki fid-data li fiha din id-dikjarazzjoni ġiet ikkomunikata lill-qorti li għandha ġurisdizzjoni ġenerali f’kawżi partikolari dwar suċċessjoni fir-rigward tal-produzzjoni ta’ tali dikjarazzjoni. |
|
29. |
Fil-kuntest tal-proċedura msemmija fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja huwa li tagħti risposta dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li tkun utli għall-qorti tar-rinviju fil-kawża li fiha din il-qorti tkun tat lok għar-rinviju għal deċiżjoni preliminari. |
|
30. |
Mill-ġustifikazzjoni għad-domanda preliminari jirriżulta li l-eżitu tal-proċedura quddiem il-qorti tar-rinviju jiddependi mill-punt dwar jekk il-parteċipanti osservawx it-terminu ta’ rinunzja tas-suċċessjoni previst mil-liġi applikabbli għas-suċċessjoni: a) mal-mument ta’ produzzjoni tad-dikjarazzjoni dwar ir-rinunzja tas-suċċessjoni quddiem ir-Rechtbank Den Haag (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag), jew b) biss mal-mument tal-komunikazzjoni tad-dikjarazzjonijiet magħmula lill-qorti tas-suċċessjoni ta’ Bremen jew c) biss mal-mument ta’ produzzjoni quddiem din l-aħħar qorti kopji ta’ dokumenti li jikkonfermaw il-produzzjoni tad-dikjarazzjonijiet, jew d) biss mal-mument ta’ produzzjoni quddiem din l-aħħar qorti tal-oriġinal ta’ dawn l-aħħar dokumenti flimkien ma’ traduzzjoni tagħhom bil-Ġermaniż. Il-qorti tar-rinviju tikklassifika l-kwistjoni ġuridika li hija s-suġġett tad-domandi preliminari bħala problema dwar il-validità tad-dikjarazzjoni dwar ir-rinunzja tas-suċċessjoni u titlaq mill-premessa li s-soluzzjoni għal din il-kwistjoni tinsab fl-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 13 u 28(b) tar-Regolament Nru 650/2012 u f’li jiġi ddeterminat jekk, fil-każ imsemmi fl-Artikolu 13 ta’ dan ir-regolament, hemmx sostituzzjoni. |
|
31. |
Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat, kif tagħmel il-Kummissjoni, li skont id-dritt Ġermaniż, id-dikjarazzjoni dwar ir-rinunzja ta’ suċċessjoni hija dikjarazzjoni ta’ rieda li teħtieġ li tiġi aċċettata mid-destinatarju tagħha (jiġifieri “empfangsbedürftig” jew “amtsempfangsbedürftig”). Għaldaqstant, id-duttrina Ġermaniża tidher li taċċetta li, sabiex tkun valida, din id-dikjarazzjoni għandha tiġi prodotta fit-terminu legali lill-qorti tas-suċċessjoni ( 6 ), jiġifieri l-qorti fil-post ta’ residenza abitwali tad-de cuius fil-mument tal-mewt, u li r-rekwiżit tal-produzzjoni tagħha lill-qorti tas-suċċessjoni huwa kkwalifikat bħala rekwiżit ta’ validità materjali u mhux formali ta’ dan l-att ġuridiku ( 7 ). |
|
32. |
Huwa f’dan il-kuntest li ser nanalizza d-domandi preliminari. Għalhekk inqis li dawn ma jirrigwardawx il-mod kif jintwera l-fatt li ġiet prodotta dikjarazzjoni valida dwar ir-rinunzja tas-suċċessjoni fi kwalunkwe proċedura ġudizzjarja ( 8 ). Jien tal-fehma li dawn jirreferu għall-validità tad-dikjarazzjoni dwar ir-rinunzja ta’ suċċessjoni prodotta quddiem il-qorti tal-Istat tar-residenza abitwali tal-werriet, f’sitwazzjoni fejn il-liġi applikabbli għas-suċċessjoni tipprevedi li l-kundizzjoni għall-validità materjali ta’ tali dikjarazzjoni hija l-produzzjoni tagħha fi żmien utli lill-qorti tas-suċċessjoni, jiġifieri l-post ta’ residenza abitwali tad-de cuius fil-mument tal-mewt ( 9 ). |
|
33. |
Minn kif il-qorti tar-rinviju għamlet il-kwistjoni tas-sostituzzjoni bħala l-punt ċentrali tal-ewwel domanda, nikkonkludi li din il-qorti titlaq mill-preżunzjoni li r-rekwiżit previst mid-dritt Ġermaniż tal-produzzjoni ta’ dikjarazzjoni għar-rinunzja tas-suċċessjoni lill-qorti tas-suċessjoni ma jikkostitwixxix rekwiżit dwar il-validità formali tad-dikjarazzjoni fis-sens tal-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 650/2012. Il-kwistjoni ta’ sostituzzjoni eventwali hija madankollu ġġustifikata biss fil-każ ta’ konferma ta’ din il-preżunzjoni. Fil-fatt, l-ewwel għandu jiġi eżaminat jekk dan ir-rekwiżit huwiex kundizzjoni għall-validità formali jew materjali ta’ dan l-att ( 10 ). |
|
34. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tifformula mill-ġdid id-domandi u tiddetermina, qabel kollox, jekk l-Artikolu 13 u l-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 650/2012 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li r-rekwiżit, li jirriżulta mil-liġi applikabbli għas-suċċessjoni, ta’ produzzjoni ta’ dikjarazzjoni dwar ir-rinunzja tas-suċċessjoni lill-qorti tas-suċċessjoni, jiġifieri l-qorti tal-post ta’ residenza abitwali tad-de cuius fil-mument tal-mewt, għandux jiġi kklassifikat bħala kundizzjoni għall-validità formali ta’ din id-dikjarazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 650/2012. |
B. Kunsiderazzjonijiet ġenerali dwar il-validità tad-dikjarazzjoni dwar l-aċċettazzjoni jew ir-rinunzja tas-suċċessjoni abbażi tar-Regolament Nru 650/2012
1. Dikjarazzjoni dwar l-aċċettazzjoni jew ir-rinunzja tas-suċċessjoni
|
35. |
Diġà ġie osservat żmien ilu li s-sistemi legali kollha tad-dinja jaqblu fuq il-fatt li l-werriet jista’ jkun persuna li baqgħet ħajja wara d-de cuius, iżda abbażi ta’ dan l-armonija ta’ fehmiet dwar is-suċċessjoni tiġi eżawrita ( 11 ). Huwa għalhekk li, bi prudenza, għandhom jiġu ddefiniti l-kunċetti tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tad-dritt tas-suċċessjoni li ma ġewx espressament iddefiniti mil-leġiżlatur tal-Unjoni. Kunċetti tali huma l-aċċettazzjoni u r-rinunzja tas-suċċessjoni. |
|
36. |
Bħala regola ġenerali, id-dikjarazzjoni tal-werriet dwar l-aċċettazzjoni jew ir-rinunzja tas-suċċessjoni hija att ġuridiku unilaterali li bis-saħħa tiegħu d-detentur ta’ dritt speċifiku għal suċċessjoni mid-de cuius jiddeċiedi jekk huwa jsirx suġġett għad-drittijiet u għall-obbligi li jinsiltu mis-suċċessjoni jew le, jew alternattivament jekk isirx suġġett għal dawn id-drittijiet bil-limitazzjoni tar-responsabbiltà għall-obbligi tad-de cuius ( 12 ). |
|
37. |
Peress li dawn id-dikjarazzjonijiet huma importanti mhux biss għall-persuni li kisbu ċerti drittijiet wara l-ftuħ tas-suċċessjoni, iżda wkoll għall-kredituri tad-de cuius, l-ordinamenti ġuridiċi individwali jipprevedu ċerti kundizzjonijiet ta’ validità ta’ tali dikjarazzjonijiet. Billi raġunijiet ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-kredituri jiġġustifikaw qabel kollox l-iffissar tat-terminu legali li fih dawn id-dikjarazzjonijiet jistgħu jsiru mill-werrieta, in-nuqqas ta’ komunikazzjoni tagħhom f’dan it-terminu ġeneralment iwassal għal akkwist definittiv tas-suċċessjoni. Huma jimmilitaw ukoll favur l-introduzzjoni ta’ rekwiżiti partikolari fir-rigward tal-forma ta’ tali dikjarazzjonijiet, inkluż l-intervent ta’ qorti jew ta’ nutar. |
|
38. |
Id-domandi preliminari tal-qorti tar-rinviju jirrigwardaw id-dikjarazzjonijiet dwar ir-rinunzja ta’ suċċessjoni prodotti quddiem il-qorti li għandha ġurisdizzjoni skont l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 650/2012, li għalihom japplika wkoll l-Artikolu 28 ta’ dan ir-regolament. Inqis li wieħed għandu jaqbel mal-argumenti tad-duttrina li skonthom l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 650/2012 għandu jiġu interpretati fis-sens li japplikaw biss għad-dikjarazzjonijiet magħmula wara l-ftuħ tas-suċċessjoni ( 13 ) u wkoll li ma japplikawx meta, sabiex jinħolqu ċerti effetti legali previsti mil-liġi applikabbli għas-suċċessjoni, huwa neċessarju li l-qorti tieħu miżuri li jmorru lil hinn mis-sempliċi aċċettazzjoni ta’ dikjarazzjoni, bħal, pereżempju, l-għoti ta’ deċiżjoni jew il-bidu ta’ proċedura oħra ( 14 ). |
|
39. |
Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 650/2012 japplika għad-dikjarazzjonijiet ta’ aċċettazzjoni jew ta’ rinunzja ta’ suċċessjoni li bis-saħħa tagħhom persuna li għandha dritt speċifiku għal suċċessjoni, skont il-liġi applikabbli għas-suċċessjoni, permezz tad-dikjarazzjoni unilaterali ta’ volontà tagħha, li la teżiġi l-approvazzjoni ġudizzjarja u lanqas il-ftuħ ta’ proċedura ulterjuri, b’mod definittiv issir is-suġġett ( 15 ), (jew b’mod definittiv tirrinunzja milli ssir is-suġġett) tad-drittijiet u tal-obbligi tiegħu fir-rigward tas-suċċessjoni, jew alternattivament issir is-suġġett ta’ dawn id-drittijiet bil-limitazzjoni tar-responsabbiltà għall-obbligi tad-de cuius. |
2. Validità tad-dikjarazzjoni dwar l-aċċettazzjoni jew ir-rinunzja tas-suċċessjoni
|
40. |
L-osservanza tal-kundizzjonijiet neċessarji sabiex jiġu prodotti l-effetti indikati fil-punt preċedenti tista’ tiġi kklassifikata b’mod differenti f’ordinamenti ġuridiċi differenti. Wieħed jista’ jistaqsi dwar jekk l-azzjoni intiża għat-twettiq ta’ dawn l-effetti seħħitx, jekk hijiex valida jew jekk hijiex effikaċji. Sabiex tiġi evitata l-konfużjoni terminoloġika, ser inkompli nuża l-kunċett ta’ validità. Ser nifhem il-kunċett ta’ validità tad-dikjarazzjoni ta’ aċċettazzjoni jew ta’ rinunzja tas-suċċessjoni bħala l-osservanza tal-kundizzjonijiet previsti mil-liġi applikabbli għas-suċċessjoni sabiex, permezz ta’ dikjarazzjoni unilaterali ta’ rieda, jiskattaw l-effetti indikati fil-punt 39 ta’ dawn il-konklużjonijiet taħt il-forma ta’ akkwist definittiv, jew rinunzja definittiva minnhom, tad-drittijiet u l-obbligi mogħtija mis-suċċessjoni, alternattivament flimkien ma’ limitazzjoni tar-responsabbiltà tal-obbligi tad-de cuius. |
|
41. |
Fost dawn il-kundizzjonijiet hemm ir-rekwiżit tad-dritt Ġermaniż li d-dikjarazzjoni dwar ir-rinunzja tas-suċċessjoni tiġi prodotta lill-qorti tas-suċċessjoni. |
|
42. |
Fost il-kundizzjonijiet ta’ validità tad-dikjarazzjoni dwar l-aċċettazzjoni jew ir-rinunzja tas-suċċessjoni tista’ ssir distinzjoni bejn il-kundizzjonijiet ta’ validità materjali u l-kundizzjonijiet ta’ validità formali previsti mil-liġi tas-suċċessjoni. Fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ validità materjali, dawn huma biss dawk previsti mid-dispożizzjonijiet tal-liġi tas-suċċessjoni u mhux dawk li jaqgħu taħt liġijiet applikabbli oħra, pereżempju dawk marbuta mal-istatus personali ( 16 ). |
|
43. |
Jekk kemm il-validità materjali kif ukoll dik formali hija ddeterminata mill-istess ordinament ġuridiku, il-kwistjoni dwar liema huma l-kundizzjonijiet ta’ tali dikjarazzjoni li jikkostitwixxu kundizzjonijiet ta’ validità materjali u liema jikkostitwixxu kundizzjonijiet ta’ validità formali ma għandhiex importanza prattika kbira. Ikun mod ieħor meta mill-fatti jidher element barrani, u meta r-regoli ta’ kunflitt tal-liġijiet tad-dritt internazzjonali privat applikabbli jipprevedu li l-kundizzjonijiet ta’ validità materjali u l-kundizzjonijiet ta’ validità formali ta’ dan l-att ġuridiku jkunu ddeterminati mid-diversi ordinamenti ġuridiċi (liġijiet applikabbli). |
|
44. |
Fil-każ fejn il-validità materjali ta’ dikjarazzjoni dwar l-aċċettazzjoni jew ir-rinunzja tas-suċċessjoni taqa’ taħt liġi applikabbli speċifika (liġi tas-suċċessjonijiet) u l-validità formali tagħhom tiġi suġġetta għal liġi applikabbli oħra (liġi li tapplika għal kwistjonijiet formali), l-att ġuridiku mwettaq għandu jkun validu jekk il-kundizzjonijiet ta’ validità materjali previsti mill-ewwel liġi applikabbli u l-kundizzjonijiet ta’ validità formali previsti fit-tieni waħda jiġu ssodisfatti. |
3. Liġi applikabbli għal kwistjonijiet formali alternattiva ta’ dikjarazzjoni dwar l-aċċettazzjoni jew ir-rinunzja ta’ suċċessjoni fil-kuntest tar-Regolament Nru 650/2012
|
45. |
Skont l-Artikolu 23(1) u (2)(e) tar-Regolament Nru 650/2012, it-trasferiment tas-suċċessjoni kif ukoll il-kundizzjonijiet u l-effetti tal-aċċettazzjoni jew tar-rinunzja tas-suċċessjoni jew tal-legat huma rregolati mil-liġi applikabbli għas-suċċessjoni, iddeterminata skont l-Artikoli 21 u 22 tar-Regolament Nru 650/2012. |
|
46. |
Fl-istess waqt, skont l-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 650/2012, dikjarazzjoni dwar l-aċċettazzjoni jew ir-rinunzja tas-suċċessjoni tkun valida f’termini ta’ forma meta tkun tissodisfa, alternattivament: a) ir-rekwiżiti legali tal-liġi applikabbli għas-suċċessjoni (lex successionis) jew b) ir-rekwiżiti legali tal-Istat li fih id-dikjarant għandu r-residenza abitwali tiegħu. |
|
47. |
Barra minn hekk, l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 650/2012 jistabbilixxi ġurisdizzjoni addizzjonali għall-aċċettazzjoni jew ir-rinunzja tas-suċċessjoni għall-qrati tar-residenza abitwali tal-werriet. |
|
48. |
L-għaqda tal-Artikolu 23(1) u (2)(e) tar-Regolament Nru 650/2012 minn naħa waħda u l-Artikoli 13 u 28(b) ta’ dan ir-regolament min-naħa l-oħra tfisser li fil-każ ta’ dikjarazzjonijiet prodotti quddiem il-qrati li għandhom ġurisdizzjoni bis-saħħa tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 650/2012, bħala prinċipju jkun meħtieġ li tiġi evalwata l-validità materjali ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet fid-dawl tal-liġi applikabbli għas-suċċessjoni u li tiġi evalwata l-validità formali tagħhom fid-dawl tal-liġi tar-residenza abitwali tal-werriet, li fl-istess waqt tkun ukoll il-liġi tal-qorti li tirċievi d-dikjarazzjoni tiegħu. |
4. Demarkazzjoni bejn l-elementi relatati mal-validità materjali u mal-validità formali tad-dikjarazzjoni dwar l-aċċettazzjoni jew ir-rinunzja tas-suċċessjoni
|
49. |
Skont id-dritt internazzjonali privat, id-determinazzjoni ta’ fruntiera bejn il-forma ta’ att ġuridiku u l-lat materjali ta’ att ġuridiku ma hijiex sempliċi, peress li sistemi legali differenti jħarsu lejn din il-kwistjoni b’mod differenti ( 17 ). |
|
50. |
Fil-każ tar-regoli tad-dritt internazzjonali privat armonizzati fid-dritt tal-Unjoni, din il-kwistjoni għandha tiġi deċiża b’mod awtonomu. Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, mir-rekwiżiti kemm tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll tal-prinċipju ta’ ugwaljanza jirriżulta li l-kontenut ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li ma tagħmel ebda riferiment espliċitu għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġu ddeterminati t-tifsira u l-portata tagħha għandhom normalment jingħataw, fl-Unjoni kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi li għandha tiġi ddeterminata billi jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem iżda wkoll il-kuntest tad-dispożizzjoni u l-għan tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni ( 18 ). |
|
51. |
Fin-nuqqas ta’ riferiment espliċitu għad-dritt ta’ Stat Membru, għandha għalhekk issir klassifikazzjoni awtonoma u għandha tiġi ddeterminata b’mod uniformi l-portata tal-elementi relatati mal-validità materjali u tal-elementi relatati mal-validità formali tal-att ġuridiku inkwistjoni ( 19 ). Il-klassifikazzjoni magħmula mil-liġi applikabbli għas-suċċessjoni, bħal fil-każ ta’ dan ir-rinviju, fid-dritt Ġermaniż, ma hijiex rilevanti f’dan ir-rigward. |
|
52. |
Il-konstatazzjoni eventwali li l-kundizzjoni ta’ validità inkwistjoni tirrigwarda l-forma ta’ att twassal awtomatikament għall-esklużjoni tagħha mis-sett ta’ kundizzjonijiet ta’ validità materjali. Fil-fatt, l-istess element ma jistax jiġi evalwat fl-istess waqt fid-dawl ta’ żewġ liġijiet applikabbli differenti (f’dan il-każ il-liġi applikabbli għas-suċċessjonijiet u l-liġi applikabbli għal kwistjonijiet formali). |
C. Rekwiżit ta’ produzzjoni lill-qorti tas-suċċessjoni ta’ dikjarazzjoni dwar ir-rinunzja tas-suċċessjoni bħala kundizzjoni tal-validità tagħha
1. Portata ta’ dawn il-konklużjonijiet
|
53. |
Il-portata ta’ dawn il-konklużjonijiet hija ddeterminata mill-portata tad-domandi preliminari tal-qorti tar-rinviju u mis-suġġett tal-kawża prinċipali. Il-fruntieri tal-kwistjoni ġuridika li hija s-suġġett tal-konklużjonijiet huma ddefiniti minn żewġ kwistjonijiet: it-tip tad-dikjarazzjoni prodotta u l-kundizzjoni tal-validità tagħha prevista mid-dritt Ġermaniż. B’mod iktar preċiż, id-domandi preliminari tal-qorti tar-rinviju jirrigwardaw id-dikjarazzjoni dwar ir-rinunzja tas-suċċessjoni prodotta mill-werrieta u r-rekwiżit ta’ validità tad-dikjarazzjoni dwar ir-rinunzja tas-suċċessjoni li tirriżulta mid-dritt Ġermaniż, jiġifieri l-produzzjoni ta’ tali dikjarazzjoni fit-terminu legali lill-qorti tas-suċċessjoni, jiġifieri l-qorti tal-post ta’ residenza abitwali tad-de cuius fil-mument tal-mewt. |
|
54. |
Huwa għalhekk li ser nillimita ruħi, fil-kumplament tal-analiżi tiegħi, għal kunsiderazzjonijiet dwar id-dikjarazzjoni tal-werriet dwar ir-rinunzja tas-suċċessjoni u dwar il-kundizzjoni ta’ validità tagħha, li tirriżulta mid-dritt nazzjonali, li tikkonsisti fl-obbligu li tiġi prodotta dikjarazzjoni lill-qorti tas-suċċessjoni ( 20 ). |
|
55. |
Ir-risposta għad-domandi preliminari tiddependi għalhekk fuq interpretazzjoni awtonoma tal-kunċett ta’ “forma” użat mil-leġiżlatur fl-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 650/2012 u, b’mod iktar preċiż, fuq id-determinazzjoni ta’ jekk ir-rekwiżit ta’ dikjarazzjoni ta’ rinunzja tas-suċċessjoni lill-qorti tas-suċċessjoni jikkostitwixxix kundizzjoni ta’ validità formali ta’ dan l-att ġuridiku. |
|
56. |
Fir-Regolament Nru 650/2012, il-leġiżlatur għamel espressament tali klassifikazzjoni awtonoma tal-kundizzjonijiet ta’ validità fl-Artikoli 26(1) u 27(3) tiegħu billi ddeċieda, f’dak li jikkonċerna d-dispożizzjonijiet causa mortis, liema huma l-elementi ta’ dawn l-atti jikkonċernaw il-validità materjali u liema jikkonċernaw il-validità formali. Madankollu, ir-Regolament Nru 650/2012 ma jinkludix dispożizzjoni li tirregola liema elementi huma relatati mal-validità materjali tad-dikjarazzjoni dwar l-aċċettazzjoni jew ir-rinunzja tas-suċċessjoni, u liema jikkonċernaw il-validità formali tagħha. Din hija għalhekk kwistjoni li għandha tiġi ddeterminata permezz ta’ interpretazzjoni ta’ dan ir-regolament. |
2. Klassifikazzjoni tar-rekwiżit ta’ produzzjoni, lill-qorti tas-suċċessjoni, ta’ dikjarazzjoni dwar ir-rinunzja tas-suċċessjoni bħala kundizzjoni ta’ validità formali ta’ din id-dikjarazzjoni
|
57. |
Bħala regola ġenerali, il-kunċett ta’ “forma” ta’ att ġuridiku jinftiehem bħala l-manifestazzjoni, suffiċjentement skont il-liġi, mill-persuna kkonċernata tar-rieda tagħha li tipproduċi effetti legali, li n-nuqqas ta’ osservanza tagħha jimplika li dawn l-effetti ma jiġux prodotti ( 21 ). Il-produzzjoni ta’ dikjarazzjoni quddiem qorti tikkostitwixxi mezz li juri r-rieda tad-dikjarant. Madankollu, bħala regola ġenerali, huwa rrikonoxxut li s-sempliċi rekwiżit dwar it-trażmissjoni ta’ dikjarazzjoni lid-destinatarju ma huwiex element formali ( 22 ). Dan ikun argument kontra l-klassifikazzjoni tal-imsemmi rekwiżit tad-dritt Ġermaniż bħala kundizzjoni tal-validità formali ta’ dikjarazzjoni. |
|
58. |
Il-punt tat-tluq għat-twettiq ta’ interpretazzjoni awtonoma huwa l-formulazzjoni tad-dispożizzjoni, il-kuntest tagħha u l-għan tagħha. Il-formulazzjoni tal-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 650/2012 ma jagħtix soluzzjoni ċara għall-kwistjoni dwar il-klassifikazzjoni ta’ dan ir-rekwiżit. L-Artikolu 28 ta’ dan ir-regolament huwa madankollu kkorrelatat mill-qrib mal-Artikolu 13 tiegħu, anki jekk il-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu ma huwiex limitat għad-dikjarazzjonijiet prodotti quddiem il-qrati li għandhom ġurisdizzjoni skont din l-aħħar dispożizzjoni. L-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 650/2012 jindika li l-ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Istat tar-residenza abitwali tal-werriet hija li l-liġi tas-suċċessjoni fis-seħħ fl-Istat ta’ residenza abitwali tkun tipprovdi l-possibbiltà li ssir dikjarazzjoni dwar ir-rinunzja tas-suċċessjoni quddiem qorti. Minn dan isegwi li l-kundizzjoni tal-ġurisdizzjoni tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 650/2012 tippreżupponi l-eżistenza parallela ta’ żewġ ordinamenti ġuridiċi li jinkludu, essenzjalment, l-istess soluzzjoni li tikkonsisti f’li jiġi fdat lill-qrati li jirċievu d-dikjarazzjonijiet dwar ir-rinunzja tas-suċċessjoni. |
|
59. |
L-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 650/2012 għalhekk jirreferi espressament, anki jekk huwa jagħmel hekk biss sabiex jiddetermina l-bażijiet ta’ ġurisdizzjoni tal-qorti, għal-liġi tal-Istat tar-residenza abitwali tal-werriet. Dan jikkostitwixxi indizju li d-determinazzjoni tal-portata tal-atti li għandhom isiru quddiem qorti għandha tiġi stabbilita skont il-liġi tal-Istat tal-qorti tar-residenza abitwali tal-werriet. Ma’ dan hija konsistenti s-soluzzjoni adottata fl-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 650/2012, li minnha jirriżulta li l-portata tal-atti li għandhom jitwettqu quddiem qorti b’rabta mal-produzzjoni tad-dikjarazzjoni tiddetermina, alternattivament, jew il-liġi applikabbli għas-suċċessjoni, jew il-liġi tar-residenza abitwali tal-werriet. Minn dan isegwi li l-atti kollha li għandhom jitwettqu quddiem qorti għandhom jiġu ddeterminati mill-ewwel jew mit-tieni ordinament ġuridiku. Sa fejn dawn l-attivitajiet jirrigwardaw il-mod ta’ esternalizzazzjoni u konsolidazzjoni tal-intenzjoni ta’ rinunzja tas-suċċessjoni mill-werriet, huma jiddeterminaw il-forma ta’ dikjarazzjoni għar-rinunzja tas-suċċessjoni. L-intervent tal-qorti f’dawn l-azzjonijiet għandu jiġi ttrattat bħala element ta’ din il-forma. |
|
60. |
Fir-rigward tal-għan tal-leġiżlazzjoni, dan jirriżulta espressament mill-ewwel parti tal-premessa 32 tar-Regolament Nru 650/2012. Dan l-għan huwa li tiġi ffaċilitata l-ħajja tal-werrieta u l-legatarji billi jippermettilhom jagħmlu dikjarazzjonijiet dwar l-aċċettazzjoni jew ir-rinunzja tas-suċċessjoni fil-forma prevista mid-dritt tal-Istat Membru tar-residenza abitwali tagħhom quddiem il-qrati ta’ dan l-Istat Membru. |
|
61. |
Sabiex jintlaħaq dan l-għan il-leġiżlatur tal-Unjoni ppreveda, fl-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 650/2012, ġurisdizzjoni addizzjonali għall-qrati tal-Istat tar-residenza abitwali ta’ persuna li kienet indikata għas-suċċessjoni sabiex tiġi aċċettata dikjarazzjoni dwar ir-rinunzja tas-suċċessjoni. Sussegwentement, fl-Artikolu 28(b) ta’ dan ir-regolament, huwa ddeċieda li dikjarazzjoni dwar ir-rinunzja tas-suċċessjoni hija valida anki jekk tissodisfa r-rekwiżiti tad-dritt tal-Istat li fih id-dikjarant għandu r-residenza abitwali tiegħu ( 23 ). |
|
62. |
Fil-każ ta’ dikjarazzjoni dwar ir-rinunzja ta’ suċċessjoni quddiem il-qorti li għandha ġurisdizzjoni bis-saħħa tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 650/2012, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 28(b) ta’ dan ir-regolament jiggarantixxu li l-possibbiltà speċifika li għandha l-persuna li hija intitolata tagħmel id-dikjarazzjoni prevista fil-premessa 32 tar-Regolament u mwettqa bl-attribuzzjoni ta’ ġurisdizzjoni speċjali skont l-Artikolu 13 ta’ dan ir-regolament ma tkunx illużorja. Billi titlob lill-qorti tal-Istat tar-residenza abitwali tagħha taċċetta dikjarazzjoni dwar ir-rinunzja tas-suċċessjoni, il-persuna indikata għas-suċċessjoni tikseb iċ-ċertezza li l-validità formali ta’ att imwettqa quddiem din il-qorti ma hijiex ser tkun suġġetta għal rekwiżiti formali għal tali dikjarazzjoni previsti mil-liġi applikabbli għas-suċċessjoni ( 24 ). |
|
63. |
Għandha tiġi nnotata s-sitwazzjoni partikolari tal-persuni li jirrinunzjaw is-suċċessjoni. Kuntrarjament għall-aċċettazzjoni tas-suċċessjoni, dawn il-persuni ma għandhomx, bħala prinċipju, jieħdu inkunsiderazzjoni n-neċessità li fil-futur iwettqu atti addizzjonali. Permezz tal-produzzjoni tad-dikjarazzjoni tagħhom, huma jipprovaw jirrinunzjaw definittivament għad-drittijiet tagħhom ta’ suċċessjoni u jevitaw l-obbligi tagħhom f’dan ir-rigward. Ħafna drabi dawn ikunu persuni li ma kellhomx kuntatt mal-mejjet matul ħajtu u għalhekk ma jridux jirtuh, filwaqt li jagħtu prijorità liċ-ċertezza legali tagħhom (nuqqas ta’ riskju ta’ responsabbiltà għad-djun eventwali tad-de cuius) fuq vantaġġi materjali eventwali (li jirriżultaw mill-akkwist tal-patrimonju li ntiret) ( 25 ). |
|
64. |
L-għan tar-Regolament Nru 650/2012, li jikkonsisti f’li jippermetti lill-werrieta jagħmlu dikjarazzjonijiet dwar ir-rinunzja tas-suċċessjoni fl-Istat tar-residenza abitwali tagħhom, jeżiġi li dawn, billi jindirizzaw lill-qorti li għandha ġurisdizzjoni speċjali sabiex tirċevihom, billi jaġixxu quddiem din il-qorti u jissodisfaw għalhekk ir-rekwiżiti formali previsti mil-liġi applikabbli fil-post tat-twettiq tal-azzjoni, ma għandhomx jintervjenu b’mod ulterjuri quddiem il-qrati ta’ Stati oħra sabiex dan l-att ikun validu. |
|
65. |
Interpretazzjoni kuntrarja tkun tfisser li persuna li tirrinunzja s-suċċessjoni għandha twettaq sensiela ta’ atti sabiex tiġi ddeterminata l-liġi applikabbli għas-suċċessjoni, inkluż billi tiġi stabbilita l-aħħar residenza abitwali tad-de cuius fil-mument tal-mewt (Artikolu 21 tar-Regolament Nru 650/2012) ( 26 ), u jekk dan tal-aħħar għażilx il-liġi applikabbli għas-suċċessjoni (Artikolu 22 tar-Regolament Nru 650/2012). Sussegwentement, ikun neċessarju li jiġi ddeterminat liema mill-qrati ta’ Stat Membru partikolari għandha ġurisdizzjoni territorjali sabiex tilqa’ dikjarazzjoni, twettaq traduzzjoni tal-atti rilevanti fil-lingwa uffiċjali tal-qorti tas-suċċessjoni u tittrażmettihom lil dik il-qorti. Dawn l-atti kollha għandhom ikunu seħħew qabel l-iskadenza tat-terminu previst mil-liġi applikabbli għas-suċċessjoni. L-oneru f’dan ir-rigward ikun totalment sproporzjonat fil-każ ta’ persuna li ma tixtieqx tiret lid-de cuius, irrispettivament minn liema liġi hija dik applikabbli għas-suċċessjoni ( 27 ). |
|
66. |
Huwa impossibbli li wieħed ma jaqbilx mal-Kummissjoni li, fid-dawl tal-portata limitata tal-ġurisdizzjoni tal-qorti msemmija fl-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 650/2012, konklużjoni li l-produzzjoni ta’ dikjarazzjoni quddiemha ma hijiex suffiċjenti tfisser li l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 650/2012 ma għandu ebda utilità għall-werrieta. Jidhirli tabilħaqq li minflok iqassar iż-żmien għall-għeluq ta’ kawża ta’ suċċessjoni minn werriet li jkun irrinunzja suċċessjoni, l-użu tal-possibbiltà prevista f’din id-dispożizzjoni pjuttost itawlu. Jeżisti wkoll ir-riskju li l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 650/2012 jagħti lok għal idea żbaljata min-naħa tal-werriet fir-rigward tal-validità tal-atti prodotti quddiem il-qorti tal-residenza abitwali u minħabba f’hekk ikun jesponih għal dannu. Konsegwentement, mhux biss l-għanijiet tar-Regolament Nru 650/2012 imsemmija fil-premessi 7 u 32 tiegħu ma jintlaħqux, iżda, għall-kuntrarju: dan ir-regolament jikkontribwixxi sabiex tissaħħaħ l-inċertezza fir-rigward tas-sitwazzjoni ġuridika tal-werriet. |
|
67. |
Fid-dawl tal-għan tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jiffaċilita l-ħajja tal-werrieta, hemm lok li jitqies li mill-attribuzzjoni, fl-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 650/2012, ta’ ġurisdizzjoni addizzjonali lill-qrati tar-residenza abitwali tal-werriet jirriżulta li dan il-werriet għandu jkollu l-possibbiltà li jirrinunzja b’mod definittiv għad-drittijiet li huwa jislet mis-suċċessjoni tiegħu billi jwettaq att esklużivament quddiem il-qorti tar-residenza abitwali tiegħu. Għaldaqstant, il-kundizzjoni ta’ ksib tal-effett li wieħed jirrinunzja għad-dritt tas-suċċessjoni tal-werriet ma tistax tkun it-twettiq, minnu, ta’ atti oħra quddiem qorti ta’ Stat Membru ieħor. |
|
68. |
Iċ-ċirkustanzi ta’ hawn fuq jimmilitaw favur li jiġi kkunsidrat li r-rekwiżit ta’ produzzjoni ta’ dikjarazzjoni dwar ir- rinunzja tas-suċċessjoni lill-qorti tas-suċċessjoni, previst mid-dritt applikabbli għas-suċċessjoni, għandu jiġi kklassifikat bħala kundizzjoni għall-validità formali ta’ din id-dikjarazzjoni. L-effett utli tad-dispożizzjonijiet li jipprevedu l-possibbiltà li jsiru dikjarazzjonijiet dwar ir-rinunzja tas-suċċessjoni quddiem il-qorti tal-post ta’ residenza abitwali tal-werriet jeżiġi dan ( 28 ). |
|
69. |
F’tali arranġament, it-terminu għall-produzzjoni tad-dikjarazzjoni dwar ir-rinunzja tas-suċċessjoni stabbilit mil-liġi applikabbli għas-suċċessjoni jiġi osservat jekk, qabel l-iskadenza tiegħu, jitwettqu quddiem il-qorti tal-Istat tar-residenza abitwali tal-werriet l-atti kollha meħtieġa li jitwettqu quddiem qorti skont id-dritt ta’ dan l-Istat sabiex dikjarazzjoni titqies li ġiet prodotta. Sabiex jiġi osservat, ma huwiex neċessarju li tiġi prodotta dikjarazzjoni lill-qorti tas-suċċessjoni li tinsab fi Stat Membru ieħor, sakemm tali rekwiżit jirriżulta biss mil-liġi applikabbli għas-suċċessjoni. |
3. Tifsira tal-premessa 32 tar-Regolament Nru 650/2012
|
70. |
F’dan il-kuntest iqum dubju li barra minn hekk huwa fl-oriġini tad-domandi tal-qorti tar-rinviju, dwar kif għandha tinftiehem l-aħħar sentenza tal-premessa 32 tar-Regolament Nru 650/2012. Minn dan jirriżulta espressament li l-persuni li jipproduċu dikjarazzjoni dwar l-aċċettazzjoni jew ir-rinunzja tas-suċċessjoni fl-Istat Membru tar-residenza abitwali tagħhom għandhom huma stess jinformaw lill-qorti jew lill-awtorità adita bil-kawża jew li tkun ser tittratta s-suċċessjoni bl-eżistenza ta’ tali dikjarazzjonijiet fi kwalunkwe żmien stabbilit mil-liġi applikabbli għas-suċċessjoni. |
|
71. |
It-tifsira tal-aħħar sentenza tal-premessa 32 tar-Regolament Nru 650/2012 hija s-suġġett ta’ nuqqas ta’ qbil fid-duttrina. Huwa indikat li d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament, fosthom b’mod partikolari l-Artikolu 13 u l-Artikolu 28 tiegħu, ma jimponu l-obbligu li l-qrati ta’ Stat Membru ieħor jiġu informati bid-dikjarazzjoni dwar ir-rinunzja tas-suċċessjoni, u lanqas l-obbligu li jittrażmettu tali dikjarazzjonijiet. Tali obbligu, iktar u iktar jekk l-eżekuzzjoni tiegħu kellha tkun kundizzjoni ta’ validità tad-dikjarazzjoni, ma jistax jirriżulta mill-premessa stess tar-Regolament ( 29 ). |
|
72. |
Fil-fatt, il-premessi tar-Regolament ma jikkostitwixxux fihom infushom sors ta’ drittijiet u obbligi għall-individwi ( 30 ). Huma għandhom rwol importanti fil-proċess ta’ interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet li jinsabu fid-dispożittiv, fejn jindikaw l-għanijiet li l-leġiżlatur għandu l-intenzjoni li jilħaq kif ukoll, fl-isfond, il-mezzi sabiex dawn jintlaħqu. Bħala tali, dawn il-miżuri huma ddeterminati mid-dispożittiv tar-Regolament. |
|
73. |
Il-fatt li l-obbligu li l-qorti msemmija fl-aħħar sentenza tal-premessa 32 tar-Regolament Nru 650/2012 tiġi informata ma huwiex espressament imsemmi fid-dispożittiv ta’ dan ir-regolament ma jfissirx madankollu li tali obbligu ma jeżistix. L-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 650/2012 jinsab fil-Kapitolu III ta’ dan ir-regolament intitolat “Il-Liġi Applikabbli”, li jinkludi r-regoli ta’ kunflitt: Skont l-Artikolu 23(1) u (2)(e) tar-Regolament Nru 650/2012, it-trasferiment tas-suċċessjoni kif ukoll il-kundizzjonijiet u l-effetti tal-aċċettazzjoni jew tar-rinunzja tas-suċċessjoni jew tal-legat huma rregolati mil-liġi applikabbli għas-suċċessjoni, iddeterminata skont l-Artikoli 21 u 22 ta’ dan ir-regolament. Il-validità materjali tad-dikjarazzjoni ta’ rinunzja tas-suċċessjoni hija għalhekk suġġetta għal-liġi applikabbli għas-suċċessjoni. Jekk, f’din il-liġi, l-obbligu ta’ notifika lill-qorti tas-suċċessjoni dwar il-produzzjoni tad-dikjarazzjoni kellu jikkostitwixxi kundizzjoni ta’ validità materjali tad-dikjarazzjoni, jista’ jiġi sostnut li l-aħħar sentenza tal-premessa 32 tirreferi għall-obbligu li jirriżulta mil-liġi applikabbli għas-suċċessjoni msemmija fl-Artikoli 21 u 22 tar-Regolament Nru 650/2012. Dan ikun il-każ li kieku tiġi applikata l-klassifikazzjoni tal-forma tad-dikjarazzjoni dwar ir-rinunzja tas-suċċessjoni mwettqa fid-dritt Ġermaniż - is-sors tal-obbligu mbagħad ikun l-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 650/2012 moqri flimkien mal-Artikolu 1945 tal-BGB ( 31 ). |
|
74. |
Madankollu, l-applikazzjoni ta’ din il-klassifikazzjoni tipprekludi, kif jirriżulta minn dawn il-konklużjonijiet, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 650/2012. F’sitwazzjoni bħal din, fin-nuqqas ta’ sistema uniformi tal-Unjoni għar-riċeviment tad-dikjarazzjonijiet dwar ir-rinunzja ta’ suċċessjoni li jipprevedi għat-trasferiment tad-dikjarazzjonijiet tas-suċċessjoni tad-de cuius ikkonċernat lejn qorti waħda tas-suċċessjoni, l-aħħar sentenza tal-premessa 32 għandha tinftiehem bħala li tindika n-neċessità, għall-persuna li tkun għamlet id-dikjarazzjoni tas-suċċessjoni, li twettaq atti li permezz tagħhom il-qorti adita b’kawża ta’ suċċessjoni tkun tista’ tieħu konjizzjoni dwar il-produzzjoni ta’ dikjarazzjoni valida. It-twettiq ta’ dawn l-atti jippermetti li jiġi evitat ir-riskju li tingħata deċiżjoni bbażata fuq il-konstatazzjoni żbaljata li d-dikjarazzjoni dwar ir-rinunzja tas-suċċessjoni ma saritx. In-nuqqas ta’ twettiq ta’ dawn l-atti u n-nuqqas ta’ komunikazzjoni lill-qorti li quddiemha tressqet il-kawża ta’ suċċessjoni ma jistgħux madankollu jwasslu għall-invalidità tad-dikjarazzjoni prodotta. |
4. Proposta għal risposta
|
75. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, inqis li l-Artikoli 13 u 28 tar-Regolament Nru 650/2012 għandhom jiġu interpretati fis-sens li r-rekwiżit, previst mil-liġi applikabbli għas-suċċessjoni, ta’ produzzjoni ta’ dikjarazzjoni dwar ir-rinunzja tas-suċċessjoni lill-qorti tas-suċċessjoni, jiġifieri l-qorti tal-post ta’ residenza abitwali tad-de cuius fil-mument tal-mewt, huwa kundizzjoni għall-validità formali tad-dikjarazzjoni. Għalhekk, f’sitwazzjoni fejn il-validità tad-dikjarazzjoni prodotta, fir-rigward tal-forma, tiġi evalwata fid-dawl tad-dritt imsemmi fl-Artikolu 28(b) tar-Regolament Nru 650/2012, in-nuqqas ta’ osservanza ta’ dan ir-rekwiżit ma jwassalx minnu nnifsu għall-invalidità tad-dikjarazzjoni prodotta quddiem il-qorti li għandha ġurisdizzjoni skont l-Artikolu 13 ta’ dan ir-regolament. |
D. Prova tal-produzzjoni tad-dikjarazzjoni dwar ir-rinunzja tas-suċċessjoni quddiem qorti ta’ Stat Membru ieħor
|
76. |
Id-domanda preliminari tal-qorti tar-rinviju tista’ wkoll tinftiehem bħala li tirrigwarda n-neċessità u l-mod ta’ prova, fil-proċeduri ġudizzjarji mwettqa fi Stat Membru ieħor, tal-fatt tal-produzzjoni ta’ dikjarazzjoni valida dwar ir-rinunzja tas-suċċessjoni quddiem il-qorti li għandha ġurisdizzjoni skont l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 650/2012. Parti kbira mill-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern Spanjol jirrigwardaw din il-kwistjoni. |
|
77. |
Dan jikkostitwixxi problema sinjifikattiva ta’ importanza prattika kbira. X’jiswa li l-werriet ikun ipproduċa dikjarazzjoni valida dwar ir-rinunzja tas-suċċessjoni, jekk din ma titteħidx inkunsiderazzjoni meta tingħata deċiżjoni minn qorti fi Stat Membru ieħor minħabba n-nuqqas ta’ osservanza tar-rekwiżiti proċedurali applikabbli, u b’mod partikolari l-għoti tal-prova ta’ fatt partikolari? |
|
78. |
Madankollu, fid-dawl tal-motivazzjoni tal-formulazzjoni tad-domanda preliminari, għandu jiġi kkunsidrat li, skont il-qorti tar-rinviju, il-problema tan-nuqqas ta’ osservanza tar-rekwiżiti proċedurali mill-parteċipanti T.N. u N.N. fil-kawża prinċipali ma tqumx f’din il-kawża. Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju ma għandhiex dubju li l-parteċipanti wettqu, fit-termini kollha previsti mid-dritt tal-Pajjiżi l-Baxxi, l-atti kollha ta’ rinunzja tas-suċċessjoni. Lanqas ma hemm dubju li d-dokumenti kollha mitluba mill-qorti tas-suċċessjoni ġew finalment prodotti lilha, flimkien ma’ traduzzjoni fil-lingwa uffiċjali ta’ din il-qorti. Fl-aħħar nett, fid-dawl tal-kontenut tad-deċiżjoni tar-rinviju, għandu jitqies li l-Amtsgericht Bremen (il-Qorti Distrettwali ta’ Bremen) tat id-digriet ikkontestat mhux minħabba l-assenza ta’ prova adegwata, prodotta mill-parteċipanti T.N. u N.N. waqt l-iżvolġiment tal-proċedura, tar-rinunzja tas-suċċessjoni quddiem ir-Rechtbank Den Haag (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag) jew tan-nuqqas ta’ twettiq min-naħa tagħhom fil-konfront tal-qorti tas-suċċessjoni fit-terminu previst fl-Artikolu 1944 tal-BGB tal-atti li jikkundizzjonaw il-validità tad-dikjarazzjonijiet tagħhom għar-rinunzja tas-suċċessjoni. |
|
79. |
F’din is-sitwazzjoni, inqis li d-deliberazzjoni dwar iċ-ċirkustanzi relatati man-neċessità li fi proċedura ġudizzjarja fi Stat Membru speċifiku jiġu prodotti l-kopji, l-oriġinali u t-traduzzjonijiet ta’ dokumenti ppreparati fi Stat Membru ieħor bil-għan li jintwera li ġiet prodotta dikjarazzjoni valida għar-rinunzja tas-suċċessjoni ma hijiex neċessarja sabiex il-qorti tar-rinviju tingħata risposta utli sabiex taqta’ l-kawża. |
V. Konklużjoni
|
80. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi magħmula mill-Hanseatisches Oberlandesgericht in Bremen (il-Qorti Distrettwali Superjuri ta’ Bremen, il-Ġermanja): L-Artikoli 13 u 28 tar-Regolament (UE) Nru 650/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet u l-aċċettazzjoni u l-infurzar ta’ strumenti awtentiċi fil-qasam tas-suċċessjonijiet u dwar il-ħolqien ta’ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni, għandhom jiġu interpretati fis-sens li r-rekwiżit previst fil-liġi applikabbli għas-suċċessjoni li tiġi prodotta dikjarazzjoni dwar ir-rinunzja tas-suċċessjoni lill-qorti tas-suċċessjoni, jiġifieri l-post ta’ residenza abitwali tad-de cuius fil-mument tal-mewt, huwa rekwiżit għall-validità formali ta’ dik id-dikjarazzjoni. Għalhekk, f’sitwazzjoni fejn il-validità tad-dikjarazzjoni prodotta, fir-rigward tal-forma, tiġi evalwata fid-dawl tad-dritt imsemmi fl-Artikolu 28(b) ta’ dan ir-regolament, in-nuqqas ta’ osservanza ta’ dan ir-rekwiżit ma jwassalx minnu nnifsu għall-invalidità tad-dikjarazzjoni prodotta quddiem il-qorti li għandha ġurisdizzjoni bis-saħħa tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 650/2012. |
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Pollakk.
( 2 ) Regolament (UE) Nru 650/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet u l-aċċettazzjoni u l-infurzar ta’ strumenti awtentiċi fil-qasam tas-suċċessjonijiet u dwar il-ħolqien ta’ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni (ĠU 2012, L 201, p. 107, rettifiki fil-ĠU 2012, L 344, p. 3 u fil-ĠU 2013, L 60, p. 140).
( 3 ) Għal raġunijiet ta’ semplifikazzjoni, fil-kumplament tal-konklużjonijiet ser nuża t-terminu “dikjarazzjonijiet dwar l-aċċettazzjoni jew ir-rinunzja tas-suċċessjoni” biex nirreferi għal dawn id-dikjarazzjonijiet kollha flimkien.
( 4 ) BGB1. I, p. 1077.
( 5 ) BGB1. I, p. 2586.
( 6 ) Najdecki, D. W., BGB § 1945 Form der Ausschlagung, fi: Burandt, W., Rojahn, D. (edituri), Erbrecht, edizzjoni 3, C.H. Beck, München, 2019, Nru 2; Heinemann, J., BGB § 1945 Form der Ausschlagung, fi: beck-online.GROSSKOMMENTAR, C.H. Beck, München, aċċessat fi: 15.07.2021, Numru 10.
( 7 ) Ara pereżempju. Dutta, A., EuErbVO Artikel 28 Formgültigkeit einer Annahme- oder Ausschlagungserklärung, fi: Münchener Kommentar zum Bürgerlichen Gesetzbuch, Edizzjoni 8, C.H. Beck, München, 2020, Nru 5; Schmidt, J. P., EuErbVO Art. 28 Formgültigkeit einer Annahme- oder Ausschlagungserklärung, fi: Dutta, A., Weber, J. (edituri), Internationales Erbrecht, edizzjoni 2, C.H. Beck, München, 2021, Nru 16. Sabiex jiġu enfasizzati l-ispeċifitajiet imsemmija hawn fuq, iktar ’il quddiem fil-konklużjonijiet, b’riferiment għar-rekwiżit tad-dritt Ġermaniż ser nindika li din hija dikjarazzjoni għar-rinunzja ta’ suċċessjoni prodotta lill-qorti (skond l-Artikolu 1945 BGB), u mhux quddiem il-qorti (konformement mal-formulazzjoni tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 650/2012).
( 8 ) Ser nerġa’ lura għal dan il-punt fil-parti D ta’ din l-analiżi.
( 9 ) Jidher li, fis-sitwazzjoni legali applikabbli għall-kawża prinċipali, id-dikjarazzjoni ta’ rinunzja tas-suċċessjoni setgħet tiġi ppreżentata mhux biss quddiem il-qorti tas-suċċessjoni li għandha ġurisdizzjoni territorjali minħabba r-residenza abitwali tad-de cuius fil-Ġermanja fil-mument tal-mewt, iżda wkoll quddiem il-qorti li għandha ġurisdizzjoni għar-residenza abitwali tad-dikjarant fil-Ġermanja. Din il-qorti tal-aħħar tkun madankollu obbligata għat-trażmissjoni tad-dikjarazzjoni lill-qorti li għandha ġurisdizzjoni territorjali minħabba r-residenza abitwalitad-de cuius fil-mument tal-mewt. Ara, f’dan ir-rigward, l-Artikolu 344(7) tal-Liġi dwar il-Proċedura Bonarja fil-Qasam tal-Familja.
( 10 ) Ikkompara, Lagarde, P., Article 28, fi: Bergquist, U., Damascelli, D., Frimston, R., Lagarde, P., Odersky, F., Reinhartz, B., Commentaire du règlement européen sur les successions, Dalloz, Pariġi, 2015, punt 4, p. 140.
( 11 ) Ludwiczak, W., Międzynarodowe prawo prywatne, Edizjoni 5, Ars boni et aequi, Poznań 1996, p. 280.
( 12 ) Fil-letteratura bil-lingwa Franċiża, is-setgħa kklassifikata bħala “option de l’héritier” [“għażla tal-werriet”]. Ara Wautelet, P., Article 28. - Validité quant à la forme de la déclaration concernant l’acceptation ou la renonciation, fi: Bonomi, A., Wautelet, P., Le droit européen des successions, it-tieni edizzjoni, Brussell, Bruylant, 2016, punt 5, p. 478.
( 13 ) Bħal pereżempju, P. WAutelet, Article 13. - Acceptation de la succession, d’un legs ou d’une réserve héréditaire, ou renonciation à ceux-ci, fi: A. Bonomi, P. Wautelet, Le droit européen des successions, it-tieni edizzjoni, Brussell, Bruylant, 2016, punt 3, p. 258; E. Lein, EuErbVO Art. 13 Annahme oder Ausschlagung der Erbschaft, eines Vermächtnisses oder eines Pflichtteils, fi: A. Dutta, J. Weber (edituri), Internationales Erbrecht, it-tieni edizzjoni C.H. Beck, München, 2021, Nru 9.
( 14 ) Bħal pereżempju, Wautelet, P., Artikel 13..., op.cit., p. 258-259; Lein, E., EuErbVO Art. 13…, op.cit., Numru 5. Dan huwa kkonfermat ukoll mill-premessa 33 tar-Regolament Nru 650/2012.
( 15 ) Mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li jiġu evitati l-effetti tal-produzzjoni tad-dikjarazzjoni, meta l-liġi applikabbli għas-suċċessjoni tkun tipprovdi hekk.
( 16 ) Pereżempju l-validità tal-att tiddependi mill-età tad-dikjarant.
( 17 ) Ludwiczak, W., op. cit., p. 175.
( 18 ) Ara s-sentenza tat-23 ta’ Mejju 2019, WB (C-658/17, EU:C:2019:444, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 19 ) Dan huwa l-każ anki fir-rigward tal-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2008 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I) (ĠU 2008, L 177, p. 6, rettifika fil-ĠU 2009, L 309, p. 87), Loacker, L. D., The Rome I Regulation. Article 11 Formal validity, fi: Calliess, G.-P., Renner, M. (edituri), Rome Regulations:: Commentary, it-tielet edizzjoni, Wolters Kluwer, Alphen aan den Rijn, 2020, Numru 29, p. 302.
( 20 ) Ma neskludix li l-kunsiderazzjonijiet u l-konklużjonijiet segwenti japplikaw ukoll għal tipi oħra ta’ dikjarazzjonijiet. Madankollu, miniex ser nieħu pożizzjoni deċiżiva dwar dan f’dawn il-konklużjonijiet.
( 21 ) Ara pereżempju r-Rapport dwar il-Konvenzjoni dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali, stabbilit minn Mario Giuliano, professur fl-Università ta’ Milan, u Paul Lagarde, professur fl-Università ta’ Pariġi I (ĠU 1980, C 282, p. 1), kif ukoll l-osservazzjonijiet dwar l-Artikolu 9 ta’ din il-konvenzjoni.
( 22 ) Ara Loacker, L. D., op. cit., Numru 30, p. 303.
( 23 ) Niġbed l-attenzjoni, f’dan ir-rigward, li l-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 650/2012 ma japplikax biss għad-dikjarazzjonijiet prodotti quddiem il-qorti li għandha ġurisdizzjoni skont l-Artikolu 13 ta’ dan ir-regolament.
( 24 ) Bħala prinċipju, in-nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjonijiet formali jista’ jeżisti biss f’każ ta’ nuqqas ta’ osservanza, min-naħa tal-qorti li għandha ġurisdizzjoni bis-saħħa tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 650/2012 tar-regoli proċedurali tagħha stess.
( 25 ) Ir-raġunijiet jistgħu evidentement ikunu ta’ tipi differenti, ukoll ta’ natura purament morali, bħall-konvinzjoni li s-suċċessjoni għandha tinkiseb kompletament minn werriet ieħor.
( 26 ) Li ma hijiex neċessarjament evidenti, anki għall-werrieta li għandhom konoxxenza ikbar tad-de cuius. Huwa biżżejjed li wieħed jirreferi għall-premessa 23 tar-Regolament Nru 650/2012, premessa elaborata dwar l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ residenza abitwali, li skontha, sabiex tiġi stabbilita r-residenza abitwali, l-awtorità li tkun qed tittratta s-suċċessjoni għandha twettaq evalwazzjoni ġenerali taċ-ċirkostanzi tal-ħajja tad-defunt fis-snin qabel mewtu u fil-mument ta’ mewtu, filwaqt li tieħu kont tal-elementi fattwali rilevanti kollha, b’mod partikolari t-tul ta’ żmien u r-regolarità tal-preżenza tad-defunt fl-Istat ikkonċernat kif ukoll il-kundizzjonijiet u r-raġunijiet għal dik il-preżenza. Ir-residenza abitwali hekk iddeterminata għandha tiżvela rabta mill-qrib u stabbli mal-Istat ikkonċernat, b’kont meħud tal-għanijiet speċifiċi ta’ dan ir-regolament.
( 27 ) Ċertament, l-eżistenza ta’ possibbiltà ta’ rinunzja ta’ suċċessjoni fis-sens tal-Artikoli 13 u 28 tar-Regolament Nru 650/2012 hija ddeterminata mil-liġi applikabbli għas-suċċessjoni. Għaldaqstant, anki l-persuna li tirrinunzja s-suċċessjoni għandha tagħmel ċerti presuppożizzjonijiet fir-rigward tal-liġi applikabbli għas-suċċessjoni tad-de cuius. Dan huwa wkoll fid-dawl tal-fatt li l-possibbiltà ta’ produzzjoni ta’ dikjarazzjoni dwar ir-rinunzja tas-suċċessjoni quddiem il-qorti li tirriżulta mil-liġi applikabbli għas-suċċessjoni hija kundizzjoni għal ġurisdizzjoni addizzjonali prevista fl-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 650/2012. Il-validità tad-dikjarazzjoni quddiem il-qorti madankollu ma tiġix iddeterminata minn jekk il-konvinzjoni tad-dikjarant kinitx fondata, iżda minn jekk il-liġi finalment indikata bħala applikabbli għas-suċċessjoni tipprevedix il-possibbiltà li s-suċċessjoni tiġi rrinunzjata permezz ta’ dikjarazzjoni quddiem qorti. Barra minn hekk, fil-każ ta’ dikjarazzjoni dwar ir-rinunzja ta’ suċċessjoni, teżisti probabbiltà kbira li d-dikjarazzjoni ta’ kontenut partikolari jista’ jkollha l-istess effett taħt diversi ordinamenti ġuridiċi.
( 28 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Mahnkopf (C‑558/16, EU:C:2017:965, punt 114).
( 29 ) Madankollu, l-opinjonijiet fid-duttrina huma maqsuma. Jopponu l-eżistenza tal-obbligu awturi Ġermaniżi bħal Dutta, A., EuErbVO, Artikel 28 Formgültigkeit einer Annahme- oder Ausschlagungserklärung, fi: Münchener Kommentar zum Bürgerlichen Gesetzbuch, Edizzjoni 8, C.H. Beck, München, 2020, Nru. 13, li jitkellem dwar “dmirijiet” (Sollerfordernis); Schmidt, J. P., Der Erwerb der Erbschaft in grenzüberschreitenden Sachverhalten unter besonderer Berücksichtigung der EuErbVO, Zeitschrift für Erbrecht und Vermögensnachfolge, 2014, 455, p. 460. Jidher li jqis b’mod iktar favorevoli l-eżistenza ta’ tali obbligu ta’ preżentata ta’ dikjarazzjoni Wautelet, P., Article 13..., op.cit., punt 20, p. 264, bla ħsara għall-fatt, madankollu, li n-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu ma jistax iwassal għas-sanzjoni tal-invalidità tad-dikjarazzjoni. Favur is-sanzjoni ta’ invalidità fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu jitkellem Odersky, F., Article 13, fi: Bergquist, U., Damascelli, D., Frimston, R., Lagarde, P., Odersky, F., Reinhartz, B., Commentaire du règlement européen sur les successions, Dalloz, Pariġi, 2015, Nru. 2, p. 84.
( 30 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-3 ta’ Settembru 2015, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il‑Kummissjoni (C‑398/13 P, EU:C:2015:535, punti 64 sa 67).
( 31 ) Bid-differenza li l-premessa 32 tar-Regolament Nru 650/2012 issemmi n-notifika tad-dikjarazzjoni prodotta u mhux il-komunikazzjoni ta’ din id-dikjarazzjoni lill-qorti li għandha ġurisdizzjoni fil-qasam tas-suċċessjoni.