KONKLUŻJONIJIET TAL‑AVUKAT ĠENERALI

RICHARD DE LA TOUR

ippreżentati fis‑27 ta’ April 2021 ( 1 )

Kawżi Magħquda C‑584/20 P u C‑621/20 P

Il‑Kummissjoni Ewropea

vs

Landesbank Baden‑Württemberg,

Il‑Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB) (C‑584/20 P)

u

Il‑Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB)

vs

Landesbank Baden‑Württemberg (C‑621/20 P)

“Appell – Unjoni Ekonomika u Monetarja – Unjoni Bankarja – Mekkaniżmu uniku ta’ riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ta’ ċerti ditti tal-investiment (SRM) – Fond uniku ta’ riżoluzzjoni (SRF) – Smigħ xieraq – Prinċipju ta’ kontradittorju – Motiv imqajjem ex officio – Awtentikazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża – Kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall‑2017 – Obbligu ta’ motivazzjoni – Sigriet tan-negozju – Legalità tar-Regolament ta’ Delega (UE) 2015/63”

I. Introduzzjoni

1.

L-għan prinċipali tal-Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRM) ( 2 ), li jikkostitwixxi t-tieni pilastru tal-Unjoni Bankarja, huwa li jiżgura li l-fallimenti bankarji fi ħdan din l-unjoni jkunu ġestiti b’mod effikaċi u joħolqu l-inqas spejjeż possibbli għall-kontribwenti u għall-ekonomija reali. Il-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB), aġenzija tal-Unjoni Ewropea responsabbli mill-funzjonament effettiv u koerenti tas-SRM, jieħu d-deċiżjoni li tinbeda proċedura ta’ riżoluzzjoni bankarja, filwaqt li, fuq il-livell operattiv, din id-deċiżjoni tiġi implimentata b’kooperazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni.

2.

Is-SRB għandu Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRF), li r-rwol tiegħu huwa li jiffinanzja l-miżuri ta’ riżoluzzjoni. Dan il-fond huwa ffinanzjat mill-kontribuzzjonijiet tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ta’ ċerti ditti tal-investiment taż-żona tal-euro ( 3 ). Ftehim intergovernattiv jorganizza t-trasferiment tal-kontribuzzjonijiet fil-livell tal-Unjoni ( 4 ).

3.

Il-mutwalizzazzjoni tal-finanzjament għandha tkun ikkompletata fl-aħħar tas-sena 2023 peress li, f’din id-data, il-kontribuzzjonijiet ser ikunu intiżi biss għas-SRF u ma tibqax tingħata parti minnhom, li kull sena tonqos dejjem iktar, lill-awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni. Il-modalitajiet tal-kalkolu ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet kienu s-suġġett ta’ diversi dibattiti u negozjati twal bejn l-Istati Membri ( 5 ).

4.

L-imsemmija kontribuzzjonijiet huma kkalkolati annwalment sabiex jippermettu lis-SRF, fi tmiem il-perijodu inizjali ta’ tmien snin, li jkollu fondi li jirrappreżentaw mill-inqas 1 % tal-ammont tad-depożiti koperti tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu kollha awtorizzati fl-Istati Membri parteċipanti kollha. Madankollu, is-somma annwali ta’ dawn l-istess kontribuzzjonijiet ma għandhiex taqbeż it‑12.5 % tal-livell fil-mira.

5.

Il-kontribuzzjonijiet tal-istituzzjonijiet huma kkalkolati skont id-daqs tal-istituzzjoni, fil-forma ta’ somma f’daqqa, u/jew billi jiġu aġġustati proporzjonalment għall-profil tar-riskju ta’ din l-istituzzjoni ( 6 ).

6.

Għalhekk, ir-riżoluzzjoni bankarja mhux biss tippermetti li titnaqqas l-ispiża ekonomika u baġitarja tal-fallimenti bankarji eventwali futuri, iżda hija intiża wkoll sabiex timmodera ċertu aġir riskjuż fi ħdan l-istituzzjonijiet li l-ikbar fosthom kienu żguri li jiġu salvati mill-awtoritajiet pubbliċi u, fl-aħħar mill-aħħar, mill-kontribwenti, kif ukoll, konsegwentement, tnaqqas il-probabbiltà li jseħħu permezz tal-limitazzjoni ta’ dan il-periklu morali.

7.

Permezz tad-deċiżjoni tal‑11 ta’ April 2017 dwar il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-2017 għas-SRF (SRB/ES/SRF/2017/05) ( 7 ), is-SRB stabbilixxa l-ammont tal-kontribuzzjonijiet ex ante dovuti lis-SRF, minn kull istituzzjoni għas-sena 2017 u, b’mod partikolari, mil-Landesbank Baden‑Württemberg (iktar ’il quddiem “LBBW”).

8.

Adita minn LBBW, il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, permezz tas-sentenza tat‑23 ta’ Settembru 2020, Landesbank Baden‑Württemberg vs SRB ( 8 ), annullat id-deċiżjoni kontenzjuża sa fejn kienet tikkonċerna lil dan il-bank.

9.

Il-Kummissjoni Ewropea, intervenjenti fl-ewwel istanza, kif ukoll is-SRB appellaw minn din is-sentenza individwalment.

10.

Meta tiddeċiedi dwar dawn l-appelli, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-opportunità tiddeċiedi, minn naħa, dwar il-modalitajiet ta’ awtentikazzjoni tal-Anness ta’ deċiżjoni tas-SRB u, min-naħa l-oħra, dwar il-modalitajiet tal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante li għandhom jiġu implimentati minn dan tal-aħħar fil-kuntest tas-SRM.

11.

B’mod partikolari, l-appellanti jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi, fi kwalunkwe każ, dwar il-legalità tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament ta’ Delega 2015/63 dwar il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li dawn id-dispożizzjonijiet huma illegali minħabba l-opaċità intrinsika ta’ dawn il-metodi ta’ kalkolu, fir-rigward tal-osservanza tas-sigriet tan-negozju li jirriżulta mit-teħid inkunsiderazzjoni ta’ ċifri marbuta mal-istituzzjonijiet l-oħra, peress li din l-opaċità tippreġudika l-obbligu ta’ motivazzjoni previst fl-Artikolu 296 TFUE.

12.

L-ewwel, ser nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza appellata sa fejn il-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju ta’ kontradittorju fl-evalwazzjoni tal-awtentikazzjoni tal-anness tad-deċiżjoni kontenzjuża, minn naħa, u sa fejn wettqet żball ta’ liġi fir-rigward tal-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni u fir-rigward tal-legalità tar-Regolament ta’ Delega 2015/63, min-naħa l-oħra. It-tieni, ser nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tevoka l-kawża fuq dawn iż-żewġ kwistjonijiet u, billi tiddeċiedi mill-ġdid, tannulla d-deċiżjoni kontenzjuża sa fejn din tikkonċerna lil LBBW, minħabba nuqqas ta’ awtentikazzjoni suffiċjenti tal-anness ta’ din id-deċiżjoni u fin-nuqqas ta’ motivazzjoni suffiċjenti tal-imsemmija deċiżjoni. Ser nipproponi wkoll lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-eċċezzjoni ta’ illegalità tad-dispożizzjonijiet ikkontestati tar-Regolament ta’ Delega 2015/63, bil-kundizzjoni li s-SRB jiżgura trasparenza ikbar fuq ċerti somom ta’ data kunfidenzjali ta’ terzi.

II. Il-kuntest ġuridiku

A.   Id-Direttiva 2014/59

13.

L-Artikolu 102(1) u (2) tad-Direttiva 2014/59 jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, sal‑31 ta’ Diċembru 2024, il-mezzi finanzjarji disponibbli tal-arranġamenti ta’ finanzjament tagħhom, jilħqu mill-inqas 1 % tal-ammont tad-depożiti koperti tal-istituzzjonijiet kollha awtorizzati fit-territorju tagħhom. L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu livelli mmirati li jeċċedu dak l-ammont.

2.   Matul il-perjodu inizjali ta’ żmien imsemmi fil-paragrafu 1, kontribuzzjonijiet għall-arranġamenti ta’ finanzjament miġbura skont l-Artikolu 103 għandhom jinfirxu tul iż-żmien bl-aktar mod ekwu possibbli sakemm jintlaħaq il-livell fil-mira […]”

14.

L-Artikolu 103 ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“1.   Sabiex jilħqu l-livell fil-mira speċifikat fl-Artikolu 102, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kontribuzzjonijiet jinġabru mill-anqas annwalment mill-istituzzjonijiet awtorizzati fit-territorju tagħhom inkluż mill-fergħat fl-Unjoni.

2.   Il-kontribuzzjoni ta’ kull istituzzjoni għandha tkun pro rata għall-ammont tal-obbligazzjonijiet tagħha (esklużi l-fondi proprji) li minnhom jitnaqqsu d-depożiti koperti fir-rigward tal-obbligazzjonijiet aggregati (esklużi l-fondi proprji) li minnhom jitnaqqsu d-depożiti koperti tal-istituzzjonijiet kollha awtorizzati fit-territorju tal-Istat Membru.

Dawk il-kontribuzzjonijiet għandhom jiġu aġġustati proporzjonalment għall-profil tar-riskju tal-istituzzjonijiet, f’konformità mal-kriterji adottati skont il-paragrafu 7 ta’ dan l-Artikolu.

[…]

7.   Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 115 sabiex tispeċifika l-kunċett ta’ aġġustament tal-kontribuzzjonijiet fi proporzjon tal-profil tar-riskju tal-istituzzjonijiet kif imsemmi fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, filwaqt li tqis dan kollu li ġej:

(a)

l-iskopertura tar-riskju tal-istituzzjoni, inkluża l-importanza tal-attivitajiet tal-kummerċ tagħha, l-iskoperturi li ma jidhrux fil-karta tal-bilanċ tagħha u l-grad ta’ ingranaġġ tagħha;

(b)

l-istabbiltà u l-varjetà ta’ sorsi ta’ finanzjament tal-kumpanija u assi likwidi ħafna li mhux imfixkla;

(c)

il-kondizzjoni finanzjarji tal-istituzzjoni;

(d)

il-probabbilità li l-istituzzjoni tidħol f’riżoluzzjoni;

(e)

il-punt safejn l-istituzzjoni tkun ibbenefikat preċedentement minn għajnuna finanzarja pubblika straordinarja;

(f)

il-kumplessità tal-istruttura tal-istituzzjoni u r-riżolvibbiltà tagħha, u

(g)

l-importanza tal-istituzzjoni għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja jew l-ekonomija ta’ wieħed mill-Istati Membri jew aktar jew tal-Unjoni;

(h)

il-fatt li l-istituzzjoni hija parti minn IPS.

[…]”

B.   Ir-Regolament (UE) Nru 806/2014

15.

L-Artikolu 67 tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta’ Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 ( 9 ), jipprovdi:

“1.   [Is-SRF] huwa b’dan stabbilit. Dan għandu jimtela f’konformità mar-regoli dwar it-trasferiment tal-fondi miġbura fil-livell nazzjonali [lis-SRF] kif stipulat fil-Ftehim [dwar it-trasferiment u l-mutwalizzazzjoni tal-kontribuzzjonijiet lis-SRF].

2.   Il-Bord għandu juża [s-SRF] biss għall-finijiet li tkun żgurata l-applikazzjoni effiċjenti tal-għodod ta’ riżoluzzjoni u l-eżerċizzju tas-setgħat ta’ riżoluzzjoni msemmija fil-Parti II, Titolu I u skont l-objettivi ta’ riżoluzzjoni u l-prinċipji li jirregolaw ir-riżoluzzjoni msemmija fl-Artikoli 14 u 15. Il-baġit tal-Unjoni jew il-baġits nazzjonali fl-ebda ċirkostanza ma għandhom jinżammu responsabbli għal spejjeż jew telf [tas-SRF].

3.   Is-sid [tas-SRF] għandu jkun il-Bord.

4.   Il-kontribuzzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 69, 70 u 71 għandhom jinġabru mill-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 2 mill-awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni u għandhom jiġu ttrasferiti [lis-SRF] f’konformità mal-Ftehim [dwar it-trasferiment u l-mutwalizzazzjoni tal-kontribuzzjonijiet lis-SRF].”

16.

L-Artikolu 69(1) u (2) ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“1.   Sal-aħħar ta’ perijodu inizjali ta’ tmien snin mill-1 ta’ Jannar 2016 […], il-mezzi finanzjarji disponibbli [tas-SRF] għandhom jilħqu mill-inqas 1 % tal-ammont ta’ depożiti koperti tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu kollha awtorizzati fl-Istati Mebri parteċipanti kollha.

2.   Matul il-perijodu inizjali msemmi fil-paragrafu 1, kontribuzzjonijiet [lis-SRF] ikkalkolati skont l-Artikolu 70, u miġbura f’konformità mal-Artikolu 67(4), għandhom jitqassmu maż-żmien bl-aktar mod ekwu possibbli sakemm jintlaħaq il-livell fil-mira, iżda bil-konsiderazzjoni dovuta tal-fażi taċ-ċiklu ta’ negozju u l-impatt li l-kontribuzzjonijiet proċikliċi jista’ jkollhom fuq il-pożizzjoni finanzjarja tal-instituzzjonijiet kontribwenti.”

17.

L-Artikolu 70(1) u (2) tal-imsemmi regolament jipprovdi:

“1.   Il-kontribuzzjoni individwali ta’ kull istituzzjoni għandha tinġabar mill-inqas kull sena u għandha tiġi kkalkolata prorata skont l-ammont tal-obbligazzjonijiet tagħha (minbarra l-fondi proprji) li minnu jitnaqqsu d-depożiti koperti, fir-rigward tal-obbligazzjonijiet aggregati (minbarra l-fondi proprji) u filwaqt li jitnaqqsu d-depożiti koperti, tal-istituzzjonijiet kollha awtorizzati fit-territorji tal-Istati Membri parteċipanti kollha.

2.   Kull sena, il-Bord, wara li jikkonsulta l-[Bank Ċentrali Ewropew (BĊE)] jew l-awtorità nazzjonali kompetenti u f’kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni, għandu jikkalkula l-kontribuzzjonijiet nazzjonali biex jiżgura li l-kontribuzzjonijiet dovuti mill-istituzzjonijiet kollha awtorizzati fit-territorji tal-Istati Membri parteċipanti kollha ma jaqbżux 12.5 % tal-livell fil-mira.

Kull sena l-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet għal istituzzjonijiet individwali għandu jkun ibbażat fuq:

(a)

kontribuzzjoni fissa, li tkun ibbażata prorata għall-ammont tal-obbligazzjonijiet ta’ istituzzjoni minbarra l-fondi proprji u d-depożiti koperti, fir-rigward tal-obbligazzjonijiet totali, bl-esklużjoni tal-fondi proprji u d-depożiti koperti, tal-istituzzjonijiet kollha awtorizzati fit-territorji tal-Istati Membri parteċipanti; u

(b)

kontribuzzjoni aġġustata skont ir-riskju, li għandha tkun ibbażata fuq il-kriterji stipulati fl-Artikolu 103(7) tad-Direttiva [2014/59], filwaqt li jitqies il-prinċipju ta’ proporzjonalità, mingħajr ma jinħoloq tgħawwiġ bejn l-istrutturi tas-settur tal-banek tal-Istati Membri.

[…]”

C.   Ir-Regolament ta’ Delega 2015/63

18.

Skont l-Artikolu 4 tar-Regolament ta’ Delega 2015/63:

“1.   L-awtoritajiet tar-riżoluzzjoni jiddeterminaw il-kontribuzzjonijiet annwali li jitħallsu minn kull istituzzjoni fi propozjon mal-profil tar-riskju tagħha abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-istituzzjoni skont l-Artikolu 14 billi japplikaw il-metodoloġija stipulata f’din it-Taqsima.

2.   L-awtorità ta’ riżoluzzjoni tiddetermina l-kontribuzzjoni annwali msemmija fil-paragrafu 1 fuq il-bażi tal-livell annwali fil-mira tal-arranġament ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni billi tqis il-livell fil-mira li jrid jintlaħaq sal-31 ta’ Diċembru 2024 skont il-paragrafu 1 tal-Artikolu 102 tad-Direttiva [2014/59] u fuq il-bażi tal-ammont medju ta’ depożiti koperti fis-sena preċedenti, kalkolat kull tliet xhur, tal-istituzzjonijiet kollha awtorizzati fit-territorju tagħha.”

19.

L-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament ta’ delega jistabbilixxi l-prinċipji tal-aġġustament, skont ir-riskju, tal-kontribuzzjonijiet annwali bażiċi.

20.

L-Artikolu 6 tal-imsemmi regolament ta’ delega jiddefinixxi l-pilastri u l-indikaturi tar-riskju, li l-piż relattiv tagħhom huwa stabbilit fl-Artikolu 7 tal-istess regolament ta’ delega.

21.

L-Artikolu 9 tar-Regolament ta’ Delega 2015/63 jipprovdi:

“1.   L-awtorità ta’ riżoluzzjoni tiddetermina l-multiplikatur tal-aġġustament tar-riskju [skont ir-riskju] addizzjonali għal kull istituzzjoni billi tgħaqqad l-indikaturi tar-riskju msemmija fl-Artikolu 6 skont il-formula u l-proċeduri stabbiliti fl-Anness I.

2.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 10, il-kontribuzzjoni annwali ta’ kull istituzzjoni tiġi ddeterminata għal kull perjodu kontributorju mill-awtorità tar-riżoluzzjoni billi timmultiplika l-kontribuzzjoni annwali bażika bil-multiplikatur tal-aġġustament tar-riskju [skont ir-riskju] addizzjonali skont il-formula u l-proċeduri stabbiliti fl-Anness I.

3.   Il-multiplikatur tal-aġġustament tar-riskju jkollu firxa ta’ bejn 0.8 u 1.5.”

D.   Ir-Regolament Delegat (UE) 2017/747

22.

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/747 tas‑17 ta’ Diċembru 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-kriterji dwar il-kalkolu relatat ta’ kontribuzzjonijiet ex-ante, u dwar iċ-ċirkostanzi u l-kondizzjonijiet li taħthom il-pagament ta’ kontribuzzjonijiet straordinarji ex-post jista’ jkun parzjalment jew kompletament differit ( 10 ), jipprevedi, fl-Artikolu 3(1) u (4):

“1.   Meta tiġi vvalutata l-fażi taċ-ċiklu tan-negozju u l-impatt li l-kontribuzzjonijiet proċikliċi jista’ jkollhom fuq il-pożizzjoni finanzjarja tal-istituzzjonijiet kontributuri f’konformità mal-Artikolu 69(2) tar-Regolament […] Nru 806/2014, il-Bord iqis mill-inqas l-indikaturi li ġejjin:

(a)

l-indikaturi makroekonomiċi stabbiliti fl-Anness, biex jidentifikaw il-fażi taċ-ċiklu tan-negozju;

(b)

l-indikaturi stabbiliti fl-Anness, biex jidentifikaw il-pożizzjoni finanzjarja tal-istituzzjonijiet kontributuri.

[…]

4.   F’kull perjodu kontributorju, il-livell ta’ kontribuzzjonijiet annwali jista’ jkun relattivament aktar baxx mill-medja tal-kontribuzzjonijiet annwali kkalkolati skont l-Artikoli 69(1) u 70(2) tar-Regolament […] Nru 806/2014, ħlief fejn il-Bord jivverifika li bbażat fuq projezzjonijiet konservattivi, il-livell fil-mira jista’ jintlaħaq fi tmiem il-perjodu inizjali.”

III. Il-fatti li wasslu għall-kawża

23.

LBBW hija istituzzjoni ta’ kreditu stabbilita fil-Ġermanja, marbuta mal-iskema ta’ protezzjoni istituzzjonali tal-iSparkassen‑Finanzgruppe (il-grupp finanzjarju tal-banek ta’ tfaddil, il-Ġermanja).

24.

Fis‑26 ta’ Jannar 2017, LBBW bagħtet lill-Bundesanstalt für Finanzmarktstabilisierung (l-Uffiċċju Federali ta’ Stabbilizzazzjoni tas-Swieq Finanzjarji, il-Ġermanja, iktar ’il quddiem il-“FMSA”), l-Awtorità ta’ Riżoluzzjoni Ġermaniża, id-dikjarazzjoni tagħha għall-finijiet tal-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante għall‑2017.

25.

Permezz tad-deċiżjoni kontenzjuża, is-SRB, fis-sessjoni eżekuttiva tiegħu, iddeċieda, skont l-Artikolu 54(1)(b) u l-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014, l-ammont tal-kontribuzzjoni ex ante ta’ kull istituzzjoni, fosthom LBBW, għas-sena 2017.

26.

Permezz ta’ avviż għall-ħlas tal‑21 ta’ April 2017, irċevut fl‑24 ta’ April 2017, il-FMSA informa lil LBBW li s-SRB kien stabbilixxa l-kontribuzzjoni ex ante tagħha għall-2017 għas-SRF u indikalha l-ammont li kellu jitħallas lir-Restrukturierungsfonds (il-Fond ta’ Ristrutturazzjoni, il-Ġermanja). Il-FMSA hemeż żewġ dokumenti mal-avviż għall-ħlas, jiġifieri verżjoni bil-Ġermaniż tat-test tad-deċiżjoni kontenzjuża, mingħajr l-anness imsemmi fit-test ta’ din id-deċiżjoni, u dokument intitolat “Dettalji tal-kalkolu (aġġustat skont ir-riskju): Kontribuzzjonijiet ex ante għas-[SRF] għall‑2017”.

IV. Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

27.

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑30 ta’ Ġunju 2017, LBBW ippreżentat rikors għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża.

28.

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid‑29 ta’ Settembru 2017, il-Kummissjoni talbet li tintervjeni insostenn tat-talbiet tas-SRB, talba li ntlaqgħet permezz ta’ deċiżjoni tat‑13 ta’ Novembru 2017.

29.

Ġew ordnati:

miżura ta’ organizzazzjoni tat‑12 ta’ Frar 2019 indirizzata lis-SRB sabiex, l-ewwel, jipproduċi l-kopja sħiħa tad-deċiżjoni kontenzjuża kif ukoll tal-anness tagħha u tad-deċiżjonijiet intermedji kollha li fuqhom huwa bbażat il-kalkolu tal-kontribuzzjoni, it-tieni, jiddeskrivi l-proċedura ta’ adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża flimkien mad-dokumenti ta’ sostenn, it-tielet, jippreċiża d-data tal-ewwel pubblikazzjoni fuq l-Internet tat-tabella dwar l-intervalli għall-multiplikatur tal-aġġustament skont il-profil ta’ riskju u, ir-raba’, jindika l-valuri tal-multiplikatur għall-indikatur tal-iskema ta’ protezzjoni istituzzjonali u ta’ dawk tal-multiplikatur tal-aġġustament skont il-profil ta’ riskju applikati għal istituzzjonijiet oħrajn;

miżuri istruttorji fl‑10 ta’ April u fid‑9 ta’ Settembru 2019, rispettivament, sabiex jiġu prodotti, fil-verżjonijiet kunfidenzjali u mhux kunfidenzjali, id-dokumenti u l-elementi msemmija fil-miżura ta’ organizzazzjoni preċedenti, u sabiex tiġi kkompletata r-risposta mogħtija għall-ewwel miżura istruttorja, u

miżura istruttorja tal‑10 ta’ Ottubru 2019 li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali neħħiet mill-proċess id-dokumenti kollha prodotti mis-SRB f’verżjoni kunfidenzjali u ordnat li jiġu prodotti verżjonijiet ġodda mhux kunfidenzjali ta’ dokumenti oħra peress li l-verżjonijiet prodotti inizjalment kienu jinkludu siltiet moħbija li, fir-realtà, kienu rilevanti għat-tilwima u mhux kunfidenzjali.

30.

Il-Qorti Ġenerali aċċettat, minn naħa, il-locus standi ta’ LBBW minħabba li, minkejja li d-destinatarji tad-deċiżjonijiet tas-SRB dwar il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante għas-SRF huma l-awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni, l-istituzzjonijiet debituri ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet huma direttament u individwalment ikkonċernati minn dawn id-deċiżjonijiet. Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali aċċettat l-ammissibbiltà tal-eċċezzjoni ta’ illegalità invokata kontra ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament ta’ Delega 2015/63.

31.

Il-Qorti Ġenerali, wara li fakkret li l-qorti tal-Unjoni hija obbligata tqajjem ex officio l-motiv ta’ ordni pubbliku bbażat fuq il-ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali, li jkopri n-nuqqas ta’ awtentikazzjoni tal-att kif ukoll l-assenza jew l-insuffiċjenza tal-motivazzjoni, iddeċidiet li dan ir-rekwiżit ta’ awtentikazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża ma kienx issodisfatt f’dan il-każ. Fil-fatt, hija ddeċidiet li l-anness tagħha, li jinkludi l-ammonti tal-kontribuzzjonijiet ex ante dovuti minn LBBW, kien jikkostitwixxi element essenzjali ta’ din id-deċiżjoni u li huwa ma kien bl-ebda mod ma kien marbut b’mod inseparabbli mal-imsemmija deċiżjoni, li hija l-uniku dokument li kienet ġiet iffirmata.

32.

Il-Qorti Ġenerali, għall-finijiet ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, eżaminat ukoll tliet motivi oħra invokati minn LBBW meħuda flimkien, jiġifieri l-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, il-ksur tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva u l-eċċezzjoni ta’ illegalità ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament ta’ Delega 2015/63.

33.

Fir-rigward tal-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni li għandu s-SRB, filwaqt li ma kkontestatx in-natura kunfidenzjali tad-data relatata mal-istituzzjonijiet l-oħra meħuda inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet, il-Qorti Ġenerali rrilevat li d-deċiżjoni kontenzjuża ma kienet tinkludi kważi ebda element tal-kalkolu tal-kontribuzzjoni ta’ LBBW, lil hinn mill-ispjegazzjonijiet ġenerali li jinsabu fit-test tagħha. Hija għalhekk qieset li, sa fejn il-kalkolu tal-kontribuzzjoni kien ibbażat b’mod interdipendenti fuq din id-data li ma tistax tiġi kkomunikata, dan il-kalkolu kien intrinsikament opak. Il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-metodu ta’ kalkolu applikat kien jippreġudika l-possibbiltà għal LBBW li tikkontesta b’mod utli d-deċiżjoni kontenzjuża.

34.

Il-Qorti Ġenerali laqgħet l-eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma minn LBBW fir-rigward ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament ta’ Delega 2015/63. Hija ddeċidiet li l-opaċità tal-kalkolu li ma tippermettix lil LBBW tivverifika l-eżattezza tiegħu kienet tirriżulta, għall-inqas parzjalment, mill-metodu ta’ kalkolu ddefinit f’dan ir-regolament ta’ delega mill-Kummissjoni, mingħajr ma dan ġie impost fuqha mir-Regolament Nru 806/2014 jew mid-Direttiva 2014/59 f’dak li jirrigwarda l-kontribuzzjonijiet ex ante għall-arranġamenti ta’ finanzjament tar-riżoluzzjoni.

35.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li d-deċiżjoni kontenzjuża kellha tiġi annullata wkoll, f’dak li jikkonċerna lil LBBW, abbażi tal-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

V. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

36.

Permezz tal-appell tagħha fil-Kawża C‑584/20 P, il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata, u

tikkundanna lil LBBW għall-ispejjeż.

37.

Permezz tal-appell tiegħu fil-Kawża C‑621/20 P, is-SRB jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata;

tiċħad ir-rikors ta’ LBBW, u

tikkundanna lil LBBW għall-ispejjeż.

38.

LBBW titlob li l-appelli jiġu miċħuda u li l-appellanti jiġu kkundannati għall-ispejjeż.

39.

Permezz tad-deċiżjonijiet tal‑4 u tat‑8 ta’ Diċembru 2020, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja laqa’ t-talbiet tal-Kummissjoni u tas-SRB li dawn il-kawżi jkunu suġġetti għall-proċedura mħaffa prevista fl-Artikoli 133 sa 136 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

40.

Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑12 ta’ Frar 2021, il-Kawżi C‑584/20 P u C‑621/20 P ingħaqdu għall-finijiet tal-proċedura orali u tas-sentenza.

41.

Permezz ta’ digrieti tal‑25 ta’ Frar 2021, l-intervent tal-Fédération bancaire française ġie ammess insostenn tat-talbiet ta’ LBBW.

42.

Permezz ta’ digriet tat‑12 ta’ Marzu 2021, l-intervent tar-Renju ta’ Spanja ġie ammess insostenn tat-talbiet tas-SRB u tal-Kummissjoni.

VI. Analiżi

43.

Insostenn tal-appell tagħha fil-Kawża C‑584/20 P, il-Kummissjoni tinvoka ħames aggravji. L-ewwel aggravju jsostni li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-fatti u kisret il-prinċipju ta’ kontradittorju kif ukoll id-drittijiet tad-difiża tas-SRB. It-tieni aggravju jsemmi żball ta’ liġi allegatament imwettaq mill-Qorti Ġenerali meta ddikjarat ammissibbli l-eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma kontra r-Regolament ta’ Delega 2015/63 mingħajr ma mmotivat din il-konklużjoni. It-tielet aggravju jsostni li l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat l-Artikolu 69(1) u l-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014 f’dak li jirrigwarda l-livell fil-mira u l-ammont annwali bażiku. Ir-raba’ aggravju jirrileva interpretazzjoni żbaljata tal-Artikoli 4 sa 7 u 9 kif ukoll tal-Anness I tar-Regolament ta’ Delega 2015/63 sa fejn l-adattament tal-kontribuzzjonijiet għall-profil tar-riskju ġie kklassifikat li huwa “interdipendenti”. Il-ħames aggravju jikkritika estensjoni żbaljata tal-obbligu ta’ motivazzjoni skont l-Artikolu 296 TFUE.

44.

Fl-appell tiegħu fil-Kawża C‑621/20 P, is-SRB jinvoka żewġ aggravji. L-ewwel wieħed huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 85(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, fuq żnaturament tal-provi u fuq ksur tad-dritt tiegħu għal smigħ xieraq. It-tieni wieħed jinvoka ksur tal-Artikolu 296 TFUE kif ukoll tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

45.

L-ewwel aggravju ta’ kull wieħed mill-appelli jista’ jiġi eżaminat b’mod konġunt. L-istess jgħodd għat-tieni aggravju tal-appell tas-SRB u l-ħames aggravju tal-appell tal-Kummissjoni.

A.   Fuq l-ewwel aggravju fil-Kawżi C‑584/20 P u C‑621/20 P sa fejn il-Qorti Ġenerali żnaturat il-fatti meta kklassifikat b’mod żbaljat l-anness tad-deċiżjoni kontenzjuża bħala li ma huwa “bl-ebda mod marbut b’mod inseparabbli” ma’ din tal-aħħar u sa fejn hija kisret il-prinċipju ta’ kontradittorju kif ukoll id-drittijiet tad-difiża tas-SRB

1. L-argumenti tal-partijiet

46.

Il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-fatti sa fejn hija ddeċidiet li element essenzjali tad-deċiżjoni kontenzjuża, jiġifieri l-anness li jinkludi l-ammonti tal-kontribuzzjonijiet individwali ex ante, ma kienx awtentikat fl-assenza ta’ rabta indissoċjabbli ma’ din id-deċiżjoni li, hija l-uniku dokument li kienet ġiet iffirmata mill-President tas-SRB.

47.

Hija tqis li, billi ddeċidiet b’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali żnaturat il-fatti li kienu ġew ippreżentati lilha, peress li, l-ewwel, id-deċiżjoni kontenzjuża ffirmata kienet tirreferi espliċitament għall-anness tagħha, it-tieni, din id-deċiżjoni ffirmata u l-anness tagħha ntbagħtu permezz ta’ posta elettronika waħda lill-membri tas-sessjoni eżekuttiva tas-SRB, li wasslet, it-tielet, għal approvazzjoni konġunta permezz ta’ posta elettronika, ir-raba’, l-iskeda tal-progress kienet tirreferi għal żewġ dokumenti elettroniċi li kellhom l-istess kodiċi, il-ħames, il-firma bl-idejn ta’ din l-iskeda tal-progress flimkien mal-firma bl-idejn ta’ din id-deċiżjoni għandha l-effett li tawtentika l-anness tagħha. Il-Kummissjoni tindika li dawn l-elementi joħolqu “esperjenza ġenerali li tikkorrispondi għal preżunzjoni ta’ rabta”, li l-Qorti Ġenerali naqset li tosserva. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ċaħdet bħala tardiv l-argument imressaq mis-SRB f’dan is-sens waqt is-seduta quddiem il-Qorti Ġenerali.

48.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tilmenta li l-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju ta’ kontradittorju u d-drittijiet tad-difiża tas-SRB billi naqset milli tissottometti għad-dibattitu motiv ta’ annullament imqajjem ex officio u bbażat fuq l-assenza ta’ rabta inseparabbli bejn id-deċiżjoni kontenzjuża ffirmata u l-anness tagħha, u dan iktar u iktar peress li l-proċess ta’ deċiżjoni jwassal għal dokument globali uniku li għandu kodiċi uniku.

49.

Min-naħa tiegħu, is-SRB isostni li l-kwistjoni tal-awtentikazzjoni tal-anness tad-deċiżjoni kontenzjuża ma ġietx ittrattata fir-rikors fl-ewwel istanza minn LBBW, u lanqas waqt il-miżuri ta’ organizzazzjoni u istruttorji li kienu jirrigwardaw biss il-proċedura ta’ adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni u l-produzzjoni tal-kopja sħiħa ta’ din id-deċiżjoni, u lanqas fir-rapport tas-seduta, minkejja li LBBW kienet esprimiet dubji dwar l-awtentikazzjoni tad-data ta’ dan l-anness matul il-proċedura u li s-SRB kien spjega, waqt is-seduta, il-proċess ta’ awtentikazzjoni permezz ta’ sistema tad-dokumenti msejħa ARES (Advanced Records System), li fiha ġew maħżuna t-test tal-imsemmija deċiżjoni u l-anness tagħha wara l-proċedura bil-miktub u li minnha ġiet iġġenerata l-iskeda tal-progress li ġiet iffirmata, bl-idejn, mill-President tas-SRB, l-istess bħat-test tad-deċiżjoni kontenzjuża li fih ġew inklużi d-data u n-numru tad-deċiżjoni.

50.

Is-SRB iqis, minn naħa, li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 85(3) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha meta rrifjutat l-osservazzjonijiet ippreżentati waqt is-seduta li, madankollu, l-ewwel, kienu jsostnu t-tweġibiet mogħtija għall-miżuri ordnati mill-Qorti Ġenerali, it-tieni, kienu jirrispondu għall-allegazzjonijiet ta’ LBBW tas‑6 ta’ Novembru 2019 dwar in-nuqqas ta’ awtentikazzjoni, it-tielet, kienu jirrispondu għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali matul is-seduta, u r-raba’, ma setgħux jiġu ppreżentati preċedentement peress li l-kwistjoni tal-awtentikazzjoni kienet tqajmet ex officio mill-Qorti Ġenerali matul is-seduta biss.

51.

Is-SRB jikkritika, min-naħa l-oħra, lill-Qorti Ġenerali li żnaturat il-provi sa fejn din tal-aħħar iddeċidiet li l-iskeda tal-progress ma kienet tinkludi ebda element li jipprova li l-anness tad-deċiżjoni kontenzjuża kien disponibbli f’ARES u li ma kien hemm ebda element li jippermetti li tiġi stabbilita rabta indissoċjabbli bejn dan l-anness u din id-deċiżjoni ffirmata bl-idejn tal-President tas-SRB.

52.

Fl-aħħar nett, is-SRB iqis li l-Qorti Ġenerali kisret id-dritt tiegħu għal smigħ xieraq billi qajmet motiv ex officio mingħajr ma qegħditu f’pożizzjoni li jsir jaf bih qabel is-seduta, mingħajr ma aċċettat il-produzzjoni ta’ provi addizzjonali magħmula waqt din is-seduta u mingħajr ma indikat, sa dak il-mument, li l-prova tal-awtentikazzjoni ma kinitx suffiċjenti.

53.

LBBW issostni li l-kwistjoni tal-awtentikazzjoni tal-anness tad-deċiżjoni kontenzjuża kienet fid-dibattitu sa mill-ewwel miżura ta’ organizzazzjoni ordnata li kellha bħala għan il-produzzjoni tal-kopja sħiħa ta’ din id-deċiżjoni, inkluż l-anness tagħha, u dan huwa kkonfermat mit-tieni digriet istruttorju li kien jitlob il-preżentata tal-imsemmija deċiżjoni fil-format oriġinali tagħha. Fil-fehma tagħha, peress li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-awtentikazzjoni tad-deċiżjonijiet hija antika ( 11 ), is-SRB u l-Kummissjoni kellhom isemmu r-rabta bejn dan l-anness u din l-istess deċiżjoni, il-kodiċi ta’ referenza u ARES fir-risposti tagħhom għad-digrieti istruttorji. Minn dan hija tiddeduċi li l-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 85(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali huwa infondat u li, fi kwalunkwe każ, is-SRB ipproduċa fatti u ressaq argumenti ġodda waqt is-seduta mingħajr ma ħabbar dan minn qabel, b’tali mod li kien impossibbli għaliha li ssostni l-opinjoni tagħha, u dan bi ksur tal-prinċipju ta’ kontradittorju.

54.

LBBW iżżid li l-aggravju bbażat fuq l-iżnaturament tal-provi huwa infondat peress li s-SRB ma jipproduċix il-prova li d-deċiżjoni kontenzjuża ffirmata u l-anness tagħha kienu marbuta b’mod indissoċjabbli u sempliċement jipproponi qari ieħor ta’ dokumenti ppreżentati filwaqt li jikkritika b’mod vag l-analiżi tal-provi magħmula mill-Qorti Ġenerali. Hija tindika li huwa mingħajr ma żnaturat il-provi li l-Qorti Ġenerali kkonstatat, fl-ewwel lok, li n-numru mniżżel fuq l-iskeda tal-progress kien jikkorrispondi għal kodiċi ta’ referenza intern mingħajr valur probatorju f’termini ta’ awtentikazzjoni, fit-tieni lok, li d-dokumenti annessi msemmija fuq din l-iskeda tal-progress ma kinux identifikati u, fit-tielet lok, li r-rabta bejn il-kelma “ARES” u r-referenza msemmija fl-iskeda tal-progress ma ġietx ippruvata.

2. Evalwazzjoni

a) Fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ kontradittorju, tad-dritt għal smigħ xieraq u tad-drittijiet tad-difiża tas-SRB minħabba l-motiv imqajjem ex officio

55.

Qabelxejn, għandu jiġi rrilevat li l-appellanti ma jikkontestawx il-ġurisprudenza invokata mill-Qorti Ġenerali li tgħid li l-motiv ta’ ordni pubbliku għandu jitqajjem ex officio mill-qorti fil-każ ta’ ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali ( 12 ), peress li dawn ikopru b’mod partikolari n-nuqqas ta’ awtentikazzjoni ta’ att ( 13 ).

56.

Għalhekk, din l-awtentikazzjoni għandha l-għan li tiżgura ċ-ċertezza legali billi tiffissa t-test adottat li għandu jkun ċert, b’mod partikolari, kemm fir-rigward tal-awtur tiegħu kif ukoll fir-rigward tal-kontenut tiegħu. Il-ksur tal-formalitajiet sostanzjali jista’ jwassal għall-annullament tad-deċiżjoni mingħajr ma jkun meħtieġ li tingħata prova ta’ dannu ieħor ( 14 ). Din il-ġurisprudenza ġiet applikata fil-kontestazzjoni tal-kontribuzzjonijiet ex ante għas-sena 2016 ( 15 ), mingħajr ma l-annullamenti deċiżi fuq din il-bażi ma ġew ikkontestati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

57.

Madankollu, bħal kull motiv, motiv imqajjem ex officio mill-qorti għandu jkun suġġett għal dibattitu kontradittorju mill-partijiet. Għalkemm dan id-dibattitu jista’ jseħħ waqt miżuri ta’ organizzazzjoni ( 16 ), digrieti istruttorji jew inkella wara l-mistoqsijiet orali ( 17 ), ikun jeħtieġ li tkun tista’ tiġi stabbilita r-realtà tiegħu.

58.

F’dan il-każ, il-kwistjoni tal-awtentikazzjoni ma tqajmitx bħala motiv ta’ annullament minn LBBW, anki jekk, fir-risposta tagħha għall-aħħar digriet istruttorju, din esprimiet dubji dwar is-“sigurtà tal-proċess deċiżjonali u l-awtentiċità tad-data li tinsab fl-annessi” minħabba t-trażmissjoni f’forma diġitali lill-membri tas-SRB, u dwar in-natura tal-fajl tal-anness (fil-format Excel) li jista’ jiġi emendat fi kwalunkwe mument, li ma jippermettix li tiġi ggarantita “[l]-eżattezza tar-riżultat finali tal-kalkolu […], anki mis-[SRB]”.

59.

Lanqas ma jirriżulta mid-dokumenti tal-Qorti Ġenerali (il-miżura ta’ organizzazzjoni, id-digrieti istruttorji, ir-rapport tas-seduta, il-proċess verbal tas-seduta, is-sentenza appellata) li l-motiv kien ġie espliċitament ippreżentat bħala tali fid-dibattitu kontradittorju tal-partijiet minn din il-qorti.

60.

Madankollu, fl-appell tiegħu u waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, is-SRB afferma li l-kwistjoni tal-awtentikazzjoni tal-anness ġiet indirizzata waqt is-seduta quddiem il-Qorti Ġenerali, peress li din hija r-raġuni li huwa jressaq sabiex jiġġustifika d-dewmien fil-produzzjoni tal-provi relatati mal-ARES.

61.

Għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-Qorti Ġenerali kienet kisret il-prinċipju ta’ kontradittorju meta annullat deċiżjoni abbażi ta’ motiv ta’ ordni pubbliku mqajjem ex officio mingħajr ma qabel stiednet lill-partijiet sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom matul il-proċedura bil-miktub jew matul il-proċedura orali ( 18 ).

62.

Barra minn hekk, ma huwiex ikkontestat li t-talbiet għall-produzzjoni ta’ dokumenti kienu jirrigwardaw il-kopja sħiħa tad-deċiżjoni kontenzjuża, inkluż l-anness tagħha, u l-format oriġinali tal-fajls. Issa, kif tfakkar fil-punt 56 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-awtentikazzjoni tirrigwarda b’mod partikolari l-kontenut ta’ din id-deċiżjoni. Għalhekk ma huwiex possibbli li jiġi segwit ir-raġunament tas-SRB meta huwa jsostni li t-talbiet għall-produzzjoni ta’ dokumenti kellhom biss l-għan li tiġi vverifikata l-proċedura ta’ adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża u mhux il-kontenut ta’ din tal-aħħar. Barra minn hekk, huwa stess ipproduċa l-iskeda tal-progress matul il-fażi bil-miktub tal-proċedura li kienet rilevanti biss biex tipprova rabta bejn din id-deċiżjoni u l-anness tagħha.

63.

Għalhekk, jidher li d-dokumenti prodotti matul il-fażi bil-miktub ġew ippreżentati fid-dibattitu kontradittorju. Għaldaqstant tqum il-kwistjoni dwar jekk id-dikjarazzjonijiet tal-partijiet dwar l-iżvolġiment tas-seduta jistgħux ikunu suffiċjenti sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ stedina għad-diskussjoni tal-motiv imqajjem ex officio mill-Qorti Ġenerali waqt is-seduta.

64.

Jidhirli li hawnhekk qed nilħqu l-limitu estrem tal-prova ta’ stedina għal dibattitu kontradittorju fuq motiv imqajjem ex officio. Għalhekk, fl-assenza ta’ kwalunkwe riferiment għal informazzjoni mill-partijiet dwar dan il-motiv imqajjem ex officio fil-proċess tal-Qorti Ġenerali u sa fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex aċċess għar-reġistrazzjonijiet tas-seduta quddiem il-Qorti Ġenerali ( 19 ), jidhirli li, minkejja d-dikjarazzjonijiet tal-partijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ma huwiex possibbli li jitqies li l-Qorti Ġenerali osservat il-prinċipju ta’ kontradittorju, id-drittijiet tad-difiża tas-SRB u d-dritt għal smigħ xieraq ( 20 ).

65.

Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk l-iżball imwettaq mill-Qorti Ġenerali kellux konsegwenzi billi jiġi ddeterminat jekk, anki fl-assenza tal-irregolarità inkwistjoni, il-proċedura ma setgħetx twassal għal riżultat differenti, b’tali mod li n-nuqqas ta’ osservanza tal-prinċipju ta’ kontradittorju ma setax jinfluwenza l-kontenut tas-sentenza appellata u ma kienx jippreġudika l-interessi tas-SRB ( 21 ).

66.

Il-kwistjoni tal-awtentikazzjoni tal-anness tad-deċiżjoni kontenzjuża hija bbażata fuq analiżi tad-dokumenti prodotti u tinvolvi evalwazzjoni vera mill-Qorti Ġenerali li setgħet tagħti lok għal kontestazzjoni mill-partijiet.

67.

Għaldaqstant, ma jistax jiġi eskluż li l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali setgħet tkun differenti li kieku s-SRB tħalla jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu dwar l-awtentikazzjoni ta’ dan l-anness u li, għaldaqstant, l-osservanza tal-prinċipju ta’ kontradittorju setgħet tinfluwenza l-kontenut tas-sentenza appellata.

68.

Is-sentenza appellata għandha tiġi annullata abbażi ta’ dan il-kap tat-talbiet.

b) Fuq l-iżnaturament tal-iskeda tal-progress prodotta waqt il-proċedura bil-miktub quddiem il-Qorti Ġenerali

69.

Is-setgħa ta’ stħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-konstatazzjonijiet fattwali magħmula mill-Qorti Ġenerali testendi, b’mod partikolari, għall-ineżattezza materjali ta’ dawn il-konstatazzjonijiet li jirriżultaw mill-atti tal-proċess, għall-iżnaturament tal-provi, għall-klassifikazzjoni ġuridika tagħhom kif ukoll għall-kwistjoni dwar jekk ir-regoli dwar l-oneru u l-produzzjoni tal-prova ġewx osservati ( 22 ).

70.

Barra minn hekk, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li tali żnaturament jeżisti b’mod partikolari meta l-Qorti Ġenerali tkun manifestament qabżet il-limiti ta’ evalwazzjoni raġonevoli tal-provi ( 23 ), filwaqt li jiġi ppreċiżat li l-iżnaturament għandu jidher b’mod manifest mill-atti tal-proċess, mingħajr ma jkun meħtieġ li ssir evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi ( 24 ). Ma huwiex biżżejjed li jintwera li dokument jista’ jingħata interpretazzjoni differenti minn dik adottata mill-Qorti Ġenerali ( 25 ).

71.

F’dan il-każ, mill-eżami tad-dokumenti prodotti matul il-proċedura bil-miktub quddiem il-Qorti Ġenerali, ma huwiex ikkontestat mill-partijiet li l-anness tad-deċiżjoni kkontestata li jsemmi s-somom dovuti minn kull istituzzjoni ma ġiex iffirmat, la fiżikament u lanqas elettronikament, u li dan ma jsemmi ebda riferiment, iżda biss id-data tal‑10 ta’ April 2017. Barra minn hekk, l-iskeda tal-progress ma tispeċifikax liema huma d-dokumenti annessi magħha, li ma jippermettix li jiġu identifikati.

72.

Għaldaqstant, huwa mingħajr ma żnaturat il-provi li l-Qorti Ġenerali setgħet tafferma li l-anness tad-deċiżjoni kontenzjuża ma kienx marbut b’mod inseparabbli magħha, wara li kkonstatat li ma kienx possibbli li jiġi relatat b’mod ċert ma’ din id-deċiżjoni ffirmata jew mal-iskeda tal-progress iffirmata (għall-kuntrarju tal-imsemmija deċiżjoni ffirmata li n-numru tagħha huwa muri fuq l-iskeda tal-progress) u li lanqas ma kien possibbli li jiġi affermat li dan l-anness kien tabilħaqq anness mad-deċiżjoni kontenzjuża, u lanqas liema verżjoni kienet ġiet ippreżentata lill-membri tas-SRB u vvalidata waqt il-vot elettroniku.

73.

Konsegwentement, l-ilment ibbażat fuq l-iżnaturament tal-provi jista’ jiġi miċħud.

c) Fuq il-ksur tal-Artikolu 85(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali

74.

Is-SRB iqis li l-applikazzjoni tal-Artikolu 85(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali kellha twassal lil din il-qorti sabiex taċċetta l-offerta ta’ provi tiegħu peress li ma kienx jaf, sas-seduta, li l-kwistjoni tal-awtentikazzjoni tal-anness tad-deċiżjoni kontenzjuża kienet fid-dibattitu.

75.

Il-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali mogħtija abbażi ta’ din id-dispożizzjoni ssemmi żewġ każijiet fejn tista’ tiġi aċċettata offerta ta’ provi: jekk l-awtur tal-offerta ma setax ikollu l-provi inkwistjoni qabel l-għeluq tal-fażi bil-miktub tal-proċedura, jew jekk il-produzzjonijiet tardivi tal-avversarju tiegħu jiġġustifikaw li l-fajl jiġi kkompletat b’mod li tiġi żgurata l-osservanza tal-prinċipju ta’ kontradittorju ( 26 ).

76.

Issa, matul is-seduta quddiem il-Qorti Ġenerali, is-SRB sempliċiment ippreżenta argument u mhux offerta ta’ provi ġdida. Għaldaqstant, l-Artikolu 85(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali ma kienx applikabbli. L-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 85(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali jista’ jiġi miċħud.

B.   Fuq it-tieni aggravju fil-Kawża C‑584/20 P sa fejn il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta aċċettat, mingħajr motivazzjoni, l-ammissibbiltà tal-eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma kontra r-Regolament ta’ Delega 2015/63

1. L-argumenti tal-partijiet

77.

Il-Kummissjoni tilmenta li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddikjarat ammissibbli l-eċċezzjoni ta’ illegalità kontra r-Regolament ta’ Delega 2015/63. Hija tqis li, peress li l-iżbalji ta’ liġi eventwali li jinsabu f’dan ir-regolament ta’ delega huma imputabbli għall-atti ta’ livell superjuri, jiġifieri r-Regolament Nru 806/2014 u d-Direttiva 2014/59, LBBW kellha tikkontesta wkoll il-legalità ta’ dawn it-testi, li huma sempliċiment “issupplimentati”, fis-sens tal-Artikolu 290(1) TFUE, mir-Regolament ta’ Delega 2015/63.

78.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li s-sentenza appellata hija vvizzjata minn nuqqas ta’ motivazzjoni, minħabba l-użu tal-kliem “parzjalment” jew “b’mod partikolari”, li jwassal għal nuqqas ta’ ċarezza fir-rigward tal-emendi li għandhom isiru għar-Regolament ta’ Delega 2015/63.

79.

Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni titlob l-eżami fuq il-mertu tal-eċċezzjoni ta’ illegalità.

80.

Is-SRB isostni l-argument tal-Kummissjoni.

81.

LBBW tqis li l-Qorti Ġenerali ġustament iddeċidiet li l-eċċezzjoni ta’ illegalità kontra l-Artikoli 4 sa 7 u 9 tar-Regolament ta’ Delega 2015/63 kif ukoll kontra l-Anness I ta’ dan ir-regolament ta’ delega hija ammissibbli peress li dawn id-dispożizzjonijiet ma humiex ibbażati fuq dispożizzjonijiet imperattivi tad-Direttiva 2014/59 u tar-Regolament Nru 806/2014.

82.

Fil-fatt, skont LBBW, la l-Artikolu 103(2) u (7) tad-Direttiva 2014/59, dwar il-prinċipji li għandhom jiggwidaw il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet, u lanqas l-Artikolu 69(1) u l-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014, dwar il-livell fil-mira u l-limitu annwali, ma jimponu li jsir aġġustament tal-kontribuzzjoni skont il-profil tar-riskju billi jsir riferiment għall-profil tar-riskju tal-istituzzjonijiet l-oħra kollha debituri tal-kontribuzzjonijiet. Għall-kuntrarju, dawn id-dispożizzjonijiet iħallu marġni ta’ manuvra lill-Kummissjoni li tippermettilha li tagħżel, waqt l-adozzjoni tar-Regolament ta’ Delega 2015/63, metodu ta’ aġġustament li jieħu inkunsiderazzjoni biss id-data tal-istituzzjoni inkwistjoni, bħalma jeżisti fil-kuntest tas-superviżjoni mikroprudenzjali u għall-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet għall-finanzjament ta’ skemi ta’ garanzija tad-depożiti.

83.

Skont LBBW, lanqas il-prinċipji ta’ ugwaljanza u ta’ proporzjonalità ma jimponu approċċ komparattiv, peress li jkunu daqstant irrispettati b’metodu ta’ kalkolu bbażat biss fuq id-data tal-istituzzjoni inkwistjoni. Barra minn hekk, dan il-metodu jippermetti r-rispett tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tagħha.

84.

LBBW tikkunsidra li s-sentenza appellata hija suffiċjentement motivata sabiex tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha sa fejn, minn naħa, l-użu tal-kliem “b’mod partikolari” u “parzjalment” juri li l-eżami tal-Qorti Ġenerali kien limitat għall-kwistjoni tal-legalità tar-Regolament ta’ Delega 2015/63 u, min-naħa l-oħra, l-evalwazzjoni tal-konsegwenzi tal-illegalità hija fil-kompetenza tal-Kummissjoni.

85.

Sussidjarjament, LBBW tqis li d-deċiżjoni kontenzjuża hija vvizzjata b’nuqqasijiet gravi ta’ motivazzjoni esklużivament imputabbli għal att ta’ amministrazzjoni ħażina tas-SRB, indipendentement mill-illegalità tar-Regolament ta’ Delega 2015/63, peress li s-SRB ma ġġustifikax l-użu magħmul mill-marġni ta’ diskrezzjoni li kellu.

2. Evalwazzjoni

86.

Kuntrarjament għal dak li tqis il-Kummissjoni, il-kwistjonijiet dwar l-osservanza mir-Regolament ta’ Delega 2015/63 ta’ regoli ta’ livell superjuri, mhux ikkontestati fil-kuntest tar-rikors fl-ewwel istanza, ma jirrigwardawx l-ammissibbiltà tal-eċċezzjoni ta’ illegalità, iżda l-fondatezza tagħha. Il-Qorti Ġenerali, li ttrattat din il-kwistjoni fil-kuntest tal-eżami tal-fondatezza ta’ din l-eċċezzjoni, hija għalhekk eżenti mill-kritiki u l-ilment jista’ jiġi miċħud.

87.

Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali, fi kwalunkwe każ, iddeċidiet, ġustament, li l-għażla tal-metodu ta’ aġġustament mill-Kummissjoni fir-Regolament ta’ Delega 2015/63 ma kienx impost mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/59 u tar-Regolament Nru 806/2014. Fil-fatt, l-uniċi kriterji li jirriżultaw minn dawn it-testi u li jirregolaw il-marġni ta’ manuvra tal-Kummissjoni fir-rigward tal-aġġustament għar-riskju huma dawn li ġejjin:

livell fil-mira annwali ta’ mill-inqas 1 % tad-depożiti koperti ( 27 );

ammont totali tal-kontribuzzjonijiet annwali b’massimu ta’ 12.5 % ta’ dan l-ammont fil-mira annwali ( 28 ), u

“[k]ontribuzzjoni aġġustata skont ir-riskju, li għandha tkun ibbażata fuq il-kriterji [ ( 29 )] stipulati fl-Artikolu 103(7) tad-Direttiva [2014/59], filwaqt li jitqies il-prinċipju ta’ proporzjonalità, mingħajr ma jinħoloq tgħawwiġ bejn l-istrutturi tas-settur tal-banek tal-Istati Membri” ( 30 ).

88.

Bħala tali, dawn il-kriterji ma jipprekludux l-użu ta’ metodu ta’ aġġustament ieħor bħal dak, pereżempju, ibbażat fuq data ta’ riskju għall-istituzzjoni kkonċernata biss, bil-kundizzjoni li sussegwentement isir aġġustament proporzjonali tal-kontribuzzjonijiet individwali sabiex jintlaħaq il-proporzjon meħtieġ tal-livell fil-mira annwali. Barra minn hekk, in-numru ta’ indikaturi ta’ riskju huwa irrilevanti minn din il-perspettiva, peress li dawn jiġu ppeżati bejniethom.

89.

Fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni tas-sentenza appellata fil-punti 129 u 147 dwar l-eċċezzjoni ta’ illegalità, dan jista’ wkoll jiġi miċħud, peress li l-Qorti Ġenerali mmotivat b’mod kunsiderevoli kif il-metodu ta’ kalkolu applikat mis-SRB skont ir-Regolament ta’ Delega 2015/63 sar opak minħabba l-użu ta’ data ta’ istituzzjonijiet terzi mhux aċċessibbli, mingħajr ma dan il-metodu ġie impost la mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/59 u lanqas minn dawk tar-Regolament Nru 806/2014. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali esponiet fil-punt 140 tas-sentenza appellata li l-eċċezzjoni ta’ illegalità, peress li hija limitata biss għar-Regolament ta’ Delega 2015/63, ma kinitx tipprekludi l-konstatazzjoni tal-illegalità tal-metodu ta’ kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante“tal-inqas f’dak li jikkonċerna l-parti ta’ dan il-metodu relatata mal-aġġustament skont il-profil ta’ riskju, stabbilit f’dan ir-Regolament ta’ Delega”. Għalhekk, l-eżami tal-Qorti Ġenerali kien limitat għall-kwistjoni tal-legalità tar-Regolament ta’ Delega 2015/63.

90.

Għaldaqstant, it-tieni aggravju fil-Kawża C‑584/20 P jista’ jiġi miċħud bħala infondat.

C.   Fuq it-tielet aggravju fil-Kawża C‑584/20 P sa fejn il-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat l-Artikolu 69(1) u l-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014 f’dak li jirrigwarda l-livell fil-mira u l-ammont annwali bażiku

1. L-argumenti tal-partijiet

91.

Il-Kummissjoni tikkritika lill-Qorti Ġenerali li kkonkludiet li r-rata (annwali) massima ta’ 12.5 % tal-livell fil-mira li kellu jintlaħaq fl‑2023 setgħet ma tintlaħaqx mill-kumulu tal-kontribuzzjonijiet ex ante għal sena partikolari.

92.

Il-Kummissjoni ssostni li kemm il-livell fil-mira totali (mill-inqas 1 % tad-depożiti ggarantiti ( 31 )) kif ukoll il-livelli fil-mira annwali (massimu ta’ 12.5 % tal-livell fil-mira totali peress li l-livell fil-mira jrid jintlaħaq fi tmien snin ( 32 )) għandhom jinftiehmu bħala li jikkostitwixxu riferiment li għandu inevitabbilment jiġi kkalkolat minn qabel u li s-SRB, bħala sempliċi aġenzija, ma għandux kompetenza sabiex jemendahom. Minħabba f’hekk, huwa neċessarju li dan l-ammont stabbilit kull sena jitqassam proporzjonalment bejn l-istituzzjonijiet ikkonċernati kollha, li, fil-fehma tagħha, jiġġustifika l-metodu ta’ kalkolu preskritt mill-perspettiva tal-prinċipji li fuqhom huwa bbażat.

93.

LBBW tqis li l-kliem tal-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014 jippermettu kumulu tal-kontribuzzjonijiet ex ante annwali ta’ inqas minn 12.5 % tal-livell fil-mira globali. Hija tqis li s-SRB jingħata espressament marġni ta’ manuvra fl-Artikolu 69(2) ta’ dan ir-regolament, li jipprevedi li “kontribuzzjonijiet [lis-SRF] […] għandhom jitqassmu maż-żmien bl-aktar mod ekwu possibbli sakemm jintlaħaq il-livell fil-mira, iżda bil-konsiderazzjoni dovuta tal-fażi taċ-ċiklu ta’ negozju u l-impatt li l-kontribuzzjonijiet proċikliċi jista’ jkollhom fuq il-pożizzjoni finanzjarja tal-instituzzjonijiet kontribwenti”.

94.

LBBW iżżid li l-Artikolu 3(1) u (4) tar-Regolament Delegat 2017/747 jipprevedi, minn naħa, il-kriterji ta’ evalwazzjoni tal-fażi taċ-ċiklu tan-negozju u tal-impatt tal-kontribuzzjonijiet proċikliċi fuq il-pożizzjoni finanzjarja ta’ dawn l-istituzzjonijiet u, min-naħa l-oħra, il-kundizzjonijiet li fihom is-SRB jista’ jiffissa livell ta’ kontribuzzjonijiet annwali iktar baxx mill-medja tal-kontribuzzjonijiet annwali. Fil-fehma tagħha, dawn iż-żewġ elementi jippermettu li jiġi affermat li s-SRB għandu marġni ta’ manuvra u li r-rata ta’ 12.5 % tal-livell fil-mira tista’ tiġi riveduta ’l isfel f’ċerti ċirkustanzi.

2. Evalwazzjoni

95.

Mill-kliem ċar tal-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014 jirriżulta li l-ammont annwali totali tal-kontribuzzjonijiet ex ante ma għandux jaqbeż it-12.5 % tal-livell fil-mira. Jekk wieħed iżomm ma’ dan l-element biss, il-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali, fil-punt 139 tas-sentenza appellata, li dan l-artikolu ma jipprojbixxix kumulu tal-kontribuzzjonijiet ex ante li potenzjalment jammonta għal inqas minn 12.5 % tal-livell fil-mira għas-sena inkwistjoni, ma tistax tiġi kkontestata.

96.

Fir-rigward tal-argument li mill-Artikolu 69(1) ta’ dan ir-regolament — li jipprevedi livell globali fil-mira li jirrappreżenta “mill-inqas 1 % tal-ammont ta’ depożiti koperti tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu kollha awtorizzati fl-Istati Mebri parteċipanti kollha” — jirriżulta li r-rata annwali ta’ 12.5 % ta’ dan il-livell fil-mira hija kemm “limitu minimu” kif ukoll “limitu massimu”, dan jista’ jiġi miċħud.

97.

Fil-fatt, dan l-argument jagħmel sens biss kieku l-livell fil-mira globali kien iffissat darba għal dejjem fil-bidu tal-perijodu ta’ tmien snin u maqsum fi tmien partijiet ugwali ta’ 12.5 %.

98.

Issa, dan ma huwiex hekk, għaliex mill-Artikolu 4(2) tar-Regolament ta’ Delega 2015/63 jirriżulta li “[l]-awtorità ta’ riżoluzzjoni tiddetermina l-kontribuzzjoni annwali msemmija fil-paragrafu 1 fuq il-bażi tal-livell annwali fil-mira tal-arranġament ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni […] u fuq il-bażi tal-ammont medju ta’ depożiti koperti fis-sena preċedenti, kalkolat kull tliet xhur, tal-istituzzjonijiet kollha awtorizzati fit-territorju tagħha”. B’hekk, il-livell fil-mira annwali jiddependi mill-ammont medju tad-depożiti koperti mis-sena preċedenti li jista’ jvarja ( 33 ).

99.

Barra minn hekk, kif turi LBBW, għalkemm is-SRB, fil-fatt, ma għandux il-kompetenza sabiex jiffissa livell fil-mira ta’ inqas minn 1 % jew ammont totali ta’ kontribuzzjonijiet annwali ta’ iktar minn 12.5 %, huwa għandu madankollu s-setgħat neċessarji sabiex jieħu inkunsiderazzjoni, minn naħa, il-fażi taċ-ċiklu tan-negozju u l-impatt li l-kontribuzzjonijiet proċikliċi jista’ jkollhom fuq il-pożizzjoni finanzjarja tal-istituzzjonijiet kontribwenti sabiex iqassam il-kontribuzzjonijiet annwali bl-iktar mod ekwu possibbli ( 34 ) u, min-naħa l-oħra, previżjonijiet konservattivi li jiżguraw li l-livell fil-mira jkun jista’ jintlaħaq fi tmiem il-perijodu inizjali, biex jiffissa livell ta’ kontribuzzjonijiet annwali iktar baxx mill-medja tal-kontribuzzjonijiet annwali ( 35 ).

100.

Għalhekk, xejn ma jipprekludi lis-SRB milli jiffissa l-ammont totali tal-kontribuzzjonijiet annwali għal inqas minn 12.5 % tal-livell fil-mira. Għaldaqstant, it-tielet aggravju fil-Kawża C‑584/20 P għandu jiġi miċħud bħala infondat.

D.   Fuq ir-raba’ aggravju fil-Kawża C‑584/20 P sa fejn il-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat l-Artikoli 4 sa 7 u 9 kif ukoll l-Anness I tar-Regolament ta’ Delega 2015/63 sa fejn l-adattament tal-kontribuzzjonijiet għall-profil ta’ riskju ġie kklassifikat bħala “interdipendenti”

1. L-argumenti tal-partijiet

101.

Il-Kummissjoni tikkritika lill-Qorti Ġenerali li fil-punt 100 tas-sentenza appellata kklassifikat il-kalkolu bħala “intrinsikament opak”“sa fejn huwa bbażat b’mod interdipendenti fuq data [kunfidenzjali]”. Fil-fatt, fil-fehma tagħha, il-Qorti Ġenerali kkonfondiet il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet bażiċi, li huma “interdipendenti” fuq xulxin, għaliex iddeterminati proporzjonalment, u l-adattament tagħhom għal-livell ta’ riskju, li jikkorrispondi għal metodu differenti ta’ paragun bejn l-istituzzjonijiet. Dan il-paragun jirriżulta mid-dispożizzjonijiet leġiżlattivi dwar l-aġġustament għar-riskju (b’mod partikolari mill-punt 3 tal-Pass 2 tal-Anness I tar-Regolament ta’ Delega 2015/63).

102.

Il-Kummissjoni tikkritika wkoll nuqqas ta’ motivazzjoni tas-sentenza appellata sa fejn il-Qorti Ġenerali ddikjarat illegali ċerti artikoli tar-Regolament ta’ Delega 2015/63 mingħajr ma ppreċiżat l-illegalità ta’ kull wieħed minnhom.

103.

LBBW tesponi, minn naħa, li d-distinzjoni proposta mill-Kummissjoni bejn paragun u interdipendenza sabiex tikkritika s-sentenza appellata hija artifiċjali, peress li l-aġġustament skont il-profil tar-riskju jimplika paragun jew interdipendenza tad-data. Min-naħa l-oħra, hija tqis li l-Artikolu 69(1) u l-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014 ma jimponux l-użu ta’ mekkaniżmu opak. Fuq bażi legali stabbilita, il-Kummissjoni setgħet tuża evalwazzjoni tal-profil ta’ riskju ta’ istituzzjoni abbażi tad-data ta’ din l-istituzzjoni biss, bħal dik li tintuża għall-ġbir tal-kontribuzzjonijiet fil-qasam tal-garanzija tad-depożiti.

104.

Fl-aħħar nett, hija tqis li s-sentenza appellata hija suffiċjentement motivata fuq din il-kwistjoni.

2. Evalwazzjoni

105.

Il-fatt li l-metodu użat mill-Kummissjoni għall-evalwazzjoni tal-profil ta’ riskju tal-istituzzjonijiet jiġi kklassifikat kemm bħala “interdipendenti” mid-data ta’ istituzzjonijiet oħra, kif ukoll bħala li huwa bbażat fuq “paragun” bejn id-data tal-istituzzjonijiet, jindika differenza fl-approċċ fil-modalitajiet tal-evalwazzjoni tal-profil ta’ riskju.

106.

Fil-fatt, il-kunċett ta’ “paragun” jista’ jirreferi għal sitwazzjoni fejn il-profili ta’ riskju jiġu kkalkolati fuq id-data tal-istituzzjoni inkwistjoni biss, imbagħad jitqabblu bejniethom, filwaqt li l-kunċett ta’ “interdipendenza” jirreferi għal sitwazzjoni fejn il-profili ta’ riskju jiġu kkalkolati abbażi tad-data tal-istituzzjoni inkwistjoni u ta’ istituzzjonijiet terzi, u mbagħad jitqabblu bejniethom.

107.

Mill-mument li fih il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-metodu ta’ kalkolu jinkludi data kunfidenzjali ta’ istituzzjonijiet terzi, li ma huwiex ikkontestat, jidhirli li huwa mingħajr żball ta’ liġi li hija qieset li l-metodu ta’ kalkolu kien interdipendenti.

108.

Barra minn hekk, il-klassifikazzjoni tal-metodu ta’ kalkolu ma għandhiex effett fuq il-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-opaċità ta’ dan il-metodu bbażat fuq data kunfidenzjali ta’ terzi.

109.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma tipproduċix il-prova li l-għażla magħmula fir-Regolament ta’ Delega 2015/63 kienet imposta mid-Direttiva 2014/59 jew mir-Regolament Nru 806/2014 peress li hija sempliċement tinvoka l-Anness I ta’ dan ir-regolament ta’ delega li l-illegalità tiegħu ġiet deċiża mill-Qorti Ġenerali.

110.

Fl-aħħar nett, l-ilment dwar il-motivazzjoni tas-sentenza appellata jista’ jiġi ddikjarat inammissibbli sa fejn il-Kummissjoni ma timmotivax il-kritika tagħha.

111.

Għaldaqstant, ir-raba’ aggravju fil-Kawża C‑584/20 P jista’ jiġi miċħud bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat.

E.   Fuq il-ħames aggravju fil-Kawża C‑584/20 P u t-tieni aggravju fil-Kawża C‑621/20 P sa fejn il-Qorti Ġenerali estendiet b’mod żbaljat l-obbligu ta’ motivazzjoni li jirriżulta mill-Artikolu 296 TFUE u kisret l-Artikolu 47 tal-Karta

1. L-argumenti tal-partijiet

112.

Il-Kummissjoni u s-SRB jikkritikaw il-motivazzjoni insuffiċjenti tas-sentenza appellata li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali allegatament laqgħet f’daqqa l-eċċezzjoni ta’ illegalità dwar ċertu numru ta’ dispożizzjonijiet tar-Regolament ta’ Delega 2015/63, mingħajr ma spjegat fid-dettall kif kull dispożizzjoni kienet tikkontribwixxi għall-illegalità li tirriżulta mill-opaċità tal-metodu ta’ kalkolu. Barra minn hekk, il-motivazzjoni hija allegatament kontradittorja peress li l-Qorti Ġenerali tirrikonoxxi l-kunfidenzjalità tad-data u l-possibbiltà li jiġu kkontestati ċerti aspetti tal-metodu ta’ kalkolu u fl-istess waqt tqis li dan tal-aħħar huwa opak.

113.

L-appellanti jqisu li l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat il-portata tal-Artikolu 296 TFUE f’termini ta’ motivazzjoni.

114.

L-ewwel, huma jqisu, fil-fatt, li motivazzjoni hija suffiċjenti jekk id-deċiżjoni turi r-raġunament u l-metodoloġija segwiti sabiex tintlaħaq din id-deċiżjoni, peress li l-kriterji użati u r-raġunijiet għall-applikazzjoni tagħhom huma determinanti ( 36 ). Huma jżidu li dan ma jimplikax il-possibbiltà għad-destinatarju tad-deċiżjoni li jkun jista’ jivverifika l-eżattezza tal-kalkoli magħmula. Huma jikkonkludu li r-Regolament ta’ Delega 2015/63 jissodisfa dawn ir-rekwiżiti billi jippermetti l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet suffiċjentement motivati.

115.

Is-SRB iżid li l-obbligu ta’ motivazzjoni stabbilit mill-Artikolu 296 TFUE, li jikkorrispondi għad-dritt stabbilit fl-Artikolu 41(2)(ċ) tal-Karta u li jipproteġi d-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv previst fl-Artikolu 47 tal-Karta, jista’ jkun suġġett għal limiti, bħal kull libertà fundamentali li tirriżulta mit-Trattat FUE. Fil-fehma tiegħu, l-obbligu li jiġi osservat is-sigriet professjonali, u b’mod partikolari s-sigriet tan-negozju, li jirriżulta mill-Artikolu 339 TFUE, jifforma parti minn dawn il-limiti. Huwa jqis li l-metodu ta’ kalkolu magħżul iwassal mhux biss għal deċiżjonijiet suffiċjentement motivati, iżda wkoll, jista’ jiżgura protezzjoni suffiċjenti ta’ dan is-sigriet. Huwa jżid li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ammettiet li l-motivi tar-rifjut ta’ aċċess għall-minuti tad-deliberazzjonijiet tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE ma kellhomx jipprovdu “motivazzjoni li tippermetti li jinftiehem u li jiġi vverifikat” kif l-aċċess għal din l-informazzjoni kien jippreġudika l-interess pubbliku ( 37 ).

116.

It-tieni, il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża hija iktar u iktar suffiċjenti peress li d-data kunfidenzjali ma hijiex, fir-realtà, determinanti għall-kalkolu tal-kontribuzzjoni individwali minħabba l-ipproċessar tagħha b’mod massiv. Għalhekk, żball possibbli f’din id-data ma jkollu ebda impatt fuq il-kontribuzzjonijiet individwali u għalhekk ma jippreġudikax il-kompetizzjoni leali bejn l-istituzzjonijiet.

117.

Is-SRB jindika li, jekk l-imsemmija data għandha tiġi żvelata, sabiex jiġu kkonċiljati r-rekwiżiti ta’ motivazzjoni u ta’ osservanza tas-sigriet tan-negozju, dan jista’ jseħħ għall-benefiċċju tal-Qorti Ġenerali u l-Qorti tal-Ġustizzja, kif inhi l-prattika fir-rigward ta’ miżuri restrittivi ( 38 ).

118.

Il-Kummissjoni tqis li dan l-iżvelar għall-benefiċċju tal-Qorti Ġenerali jista’ jseħħ biss għal informazzjoni li tiddetermina d-deċiżjoni individwali, li ma huwiex il-każ ta’ din id-data kunfidenzjali pproċessata b’mod massiv.

119.

It-tielet, din is-soluzzjoni li tiżgura bilanċ bejn ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni u l-osservanza tas-sigriet tan-negozju tiġi implimentata f’diversi oqsma tad-dritt tal-Unjoni meta jkun hemm marġni ta’ manuvra fi proċess deċiżjonali li jinvolvi data kunfidenzjali (kuntratti pubbliċi, dritt tal-kompetizzjoni, servizz pubbliku, miżuri antidumping) u tista’ tiġi applikata fil-qasam tal-kontribuzzjonijiet ex ante sa fejn din tippermetti stħarriġ ġudizzjarju suffiċjenti, peress li l-Qorti Ġenerali ma jkollhiex għalfejn tikkalkula mill-ġdid dawn il-kontribuzzjonijiet.

120.

Ir-raba’, is-SRB iqis li l-metodu ta’ kalkolu ddefinit mir-Regolament ta’ Delega 2015/63 ma huwiex opak.

121.

Huwa jippreċiża li l-Artikolu 296 TFUE, li jimponi rekwiżit proċedurali dwar il-motivazzjoni ta’ deċiżjoni u mhux dwar is-sustanza tad-dispożittiv tagħha, ma jidhirx li huwa l-bażi legali korretta għall-evalwazzjoni tal-validità ta’ dan ir-regolament ta’ delega.

122.

Huwa jżid li huwa bis-saħħa tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu li l-leġiżlatur tal-Unjoni għażel metodoloġija “mira fissa + distribuzzjoni relattiva” li tippermetti, minn naħa, li jiġi ddeterminat bl-iktar mod eżatt possibbli u bil-quddiem l-ammont globali tal-kontribuzzjoni u, min-naħa l-oħra, li dan l-ammont jitqassam b’mod ekwu bejn il-kontribwenti billi jittieħdu inkunsiderazzjoni d-daqs tagħhom u l-fattur ta’ riskju tagħhom. Huwa jsostni li l-metodoloġija ta’ kalkolu “assolutament individwali”, użata fil-qasam fiskali, ma tissodisfax il-kundizzjoni ta’ mira fissa u prevedibbli.

123.

Is-SRB jesponi li l-metodu adottat jinkludi seba’ stadji li minnhom tlieta biss jagħmlu użu minn data kunfidenzjali ta’ terzi identiċi għal kull kalkolu ta’ kontribuzzjoni. Dawn it-tliet stadji huma:

l-iffissar tal-livell fil-mira annwali (stadju 2);

il-ħolqien ta’ gruppi ta’ riskju li jiġbru fihom l-istituzzjonijiet li jippreżentaw profili ta’ riskju simili (distinzjoni) (stadju 4), u

il-kalkolu tad-denominatur komuni, miksub bl-għadd tal-kontribuzzjonijiet annwali kollha aġġustati, u użat għall-kalkolu tas-sehem mil-livell fil-mira annwali li għandu jitħallas minn kull istituzzjoni (stadju 6).

124.

Is-SRB iżid li l-anness armonizzat ipprovdut lil kull kontribwent jagħti spjegazzjoni trasparenti dwar l-allokazzjoni tiegħu għal grupp ta’ riskju, li jippermettilu jqabbel il-pożizzjoni tiegħu ma’ dik ta’ kontribwenti oħra, anki jekk id-data ta’ terzi użata sabiex dawn il-gruppi jinħolqu u jiġu kklassifikati tibqa’ kunfidenzjali. Data aggregata addizzjonali tiġi ppubblikata fuq is-sit internet tas-SRB, li allegatament żied l-għadd ta’ informazzjoni pprovduta fis-snin finanzjarji sussegwenti għas-sena finanzjarja 2017.

125.

LBBW tqis li l-Qorti Ġenerali mmotivat suffiċjentement id-deċiżjoni tagħha, mingħajr ma kkontradixxiet ruħha, fir-rigward tal-illegalità ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament ta’ Delega 2015/63, peress li spjegat kif hija l-istruttura bażika tal-adattament skont il-profil tar-riskju li hija vvizzjata, u li konsegwentement dan id-difett jaffettwa d-dispożizzjonijiet kollha applikabbli għall-kalkolu ta’ din il-parti tal-kontribuzzjoni, anki jekk ċerti aspetti tal-metodu jistgħu jiġu kkontestati separatament.

126.

LBBW tqis li l-Qorti Ġenerali evalwat b’mod korrett il-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni li għandu s-SRB b’mod li tiggarantixxi d-dritt tiegħu għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva u tiċħad l-argumenti kollha tal-appellanti.

127.

Fl-ewwel lok, hija ssostni li l-osservanza tas-sigriet professjonali ma tistax tiġi interpretata b’mod daqstant estensiv li jġib fix-xejn il-kontenut essenzjali tal-obbligu ta’ motivazzjoni ( 39 ), li huwa l-każ f’din il-kawża, minħabba l-ammont kbir ta’ istituzzjonijiet ikkonċernati, ta’ data kif ukoll ta’ ċirkustanzi individwali użati għall-kalkolu.

128.

Hija tippreċiża li ma jeżistix obbligu ta’ konċiljazzjoni tal-motivazzjoni u l-kunfidenzjalità ( 40 ) u li, barra minn hekk, il-Kummissjoni, permezz tal-għażla ta’ metodu ieħor ta’ kalkolu, setgħet tevita l-kunflitt bejn dawn iż-żewġ prinċipji protetti mid-dritt primarju u tillimita r-riskju ta’ żbalji mhux verifikabbli fl-istat attwali.

129.

Fit-tieni lok, LBBW tqajjem l-inammissibbiltà tal-aggravju tal-Kummissjoni bbażat fuq l-assenza ta’ impatt tad-data dwar 3500 istituzzjoni minħabba n-novità tiegħu fl-istadju tal-appell. Hija żżid li dan l-aggravju ma huwiex fondat peress li l-evalwazzjoni tal-profil tar-riskju tagħha tiddependi fuq id-data kunfidenzjali ta’ dawn l-istituzzjonijiet kollha.

130.

Fit-tielet lok, hija ssostni li l-ġurisprudenza applikabbli għall-multi fil-qasam tal-kompetizzjoni ma hijiex rilevanti, peress li dawn tal-aħħar għandu jkollhom effett dissważiv, li jimplika l-eżistenza ta’ marġni ta’ manuvra għall-Kummissjoni sabiex tiggwida l-aġir tal-impriżi. Hija żżid li l-ġurisprudenza ċċitata fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi, tal-kompetizzjoni, tal-kompetizzjoni tas-servizz pubbliku u tal-antidumping, sa fejn tikkonċerna sitwazzjonijiet ta’ kompetizzjoni bejn persuni ġuridiċi jew fiżiċi, lanqas ma hija applikabbli għas-sitwazzjoni tagħha, li fiha hija jeħtiġilha tħallas kontribuzzjoni finanzjarja kbira. Fil-fehma tagħha, iktar ma l-marġnijiet ta’ diskrezzjoni jkunu kbar, iktar għandha tkun dettaljata l-motivazzjoni, li huwa l-każ għall-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante. Fl-aħħar nett, il-ġurisprudenza dwar l-aċċess għal ċerti dokumenti tal-BĊE, iċċitata mis-SRB, hija spjegata mit-testi speċjali li jirregolaw din l-istituzzjoni.

131.

Fir-raba’ lok, il-kontestazzjoni, mill-appellanti, tal-konstatazzjonijiet fattwali tal-Qorti Ġenerali dwar il-motivazzjoni insuffiċjenti tad-deċiżjoni hija inammissibbli.

132.

Barra minn hekk, tali insuffiċjenza ma tistax tiġi rrimedjata fil-mori tal-kawża, kif propost mis-SRB, mingħajr ma s-sentenza tat‑3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni ( 41 ), dwar il-miżuri restrittivi, tiġi applikata b’analoġija. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali rrilevat, ġustament, li din il-ġurisprudenza, li seħħet fil-qasam tal-ġlieda kontra t-terroriżmu, ma tistax tiġi trasposta fil-qasam tal-unjoni bankarja. Barra minn hekk, anki kieku kellha fil-pussess tagħha d-data kunfidenzjali kollha, il-Qorti Ġenerali ma kinitx tkun f’pożizzjoni li tivverifika l-kalkolu, peress li ma kellhiex is-software adegwat.

133.

LBBW tippreċiża li, anki jekk, skont is-SRB, saru żviluppi fil-motivazzjoni tad-deċiżjonijiet li jistabbilixxu l-kontribuzzjonijiet ex ante sa mill‑2017, dawn l-iżviluppi, minn naħa, isaħħu biss il-prova tan-nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża u, min-naħa l-oħra, mhux dejjem jippermettu lill-kontribwenti jivverifikaw l-eżattezza tal-kalkoli li jikkonċernawhom.

134.

Fil-ħames lok, LBBW tindika li s-SRB, meta jindika li l-metodu ta’ kalkolu “mira fissa + distribuzzjoni relattiva” huwa l-uniku wieħed li jieħu inkunsiderazzjoni r-rekwiżiti tad-Direttiva 2014/59 u tar-Regolament Nru 806/2014, ma jissodisfax il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 169(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, sa fejn ma jippreċiżax il-punti kkritikati tas-sentenza appellata.

135.

Hija żżid li r-rekwiżiti ta’ livell fil-mira finali u tal-ammont massimu annwali ma jimponux l-użu tal-metodu magħżul mill-Kummissjoni peress li, fil-qasam tal-kontribuzzjonijiet bankarji għall-finanzjament tal-iskema ta’ garanzija tad-depożiti, l-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) adottat linji gwida li jesponu diversi metodi ta’ kalkolu possibbli. Pereżempju, fil-Ġermanja, b’mod konformi ma’ dawn il-linji gwida, saret l-għażla li jsir adattament skont il-profil tar-riskju li jieħu inkunsiderazzjoni biss il-profil tar-riskju ta’ kull kontribwent. Tali metodu ta’ kalkolu ma huwiex, barra minn hekk, impost la mid-Direttiva 2014/59 u lanqas mir-Regolament Nru 806/2014, kif lanqas ma huwa impost mill-prinċipji ta’ ugwaljanza u ta’ proporzjonalità.

2. Evalwazzjoni

136.

Jidhirli li l-kritika dwar il-motivazzjoni tas-sentenza appellata tista’ tiġi miċħuda faċilment. Fil-fatt, minn naħa, din tal-aħħar kienet suffiċjenti fir-rigward tad-deċiżjoni kontenzjuża peress li l-appellanti setgħu jikkontestaw ir-raġunament segwit mill-Qorti Ġenerali. Min-naħa l-oħra, din il-motivazzjoni tas-sentenza appellata ma hijiex kontradittorja peress li l-fatt li ċerti stadji tal-kalkolu jistgħu jkunu s-suġġett ta’ kontestazzjoni ma jipprekludix li jiġi kkunsidrat li l-metodu ta’ kalkolu huwa globali u kritikabbli fl-intier tiegħu.

137.

Fir-rigward tal-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża li għandu s-SRB, dan tal-aħħar u l-Kummissjoni jopponu l-viżjoni tal-Qorti Ġenerali u ta’ LBBW li tgħid li d-destinatarju ta’ deċiżjoni dwar kontribuzzjoni ex ante għandu jkun jista’ jivverifika l-kalkolu li jwassal għall-ammont tal-kontribuzzjoni tiegħu.

138.

Għandu jitfakkar li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, għalkemm il-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 296 TFUE għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, awtriċi tal-att, b’mod li jkun jippermetti lill-persuna kkonċernata li ssir taf il-ġustifikazzjonijiet tal-miżuri meħuda u lill-qorti kompetenti li teżerċita l-istħarriġ tagħha, tali motivazzjoni għandha, madankollu, tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għall-kuntest li fih dan ikun ġie adottat. F’dan ir-rigward, ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika kull punt ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti, sa fejn in-natura suffiċjenti ta’ motivazzjoni għandha tiġi evalwata mhux biss fir-rigward tal-formulazzjoni tagħha, iżda wkoll fir-rigward tal-kuntest tagħha kif ukoll fir-rigward tar-regoli legali kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat u, b’mod partikolari, skont l-interess li d-destinatarji tal-att jista’ jkollhom sabiex jirċievu spjegazzjonijiet. Konsegwentement, att li jikkawża preġudizzju jkun immotivat b’mod suffiċjenti meta dan ikun sar f’kuntest magħruf mill-persuna kkonċernata, li jkun jippermettilha tifhem il-portata tal-miżura meħuda fil-konfront tagħha ( 42 ).

139.

Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, fir-rigward ta’ deċiżjonijiet individwali, dan l-obbligu għandu bħala għan, minbarra li jippermetti stħarriġ ġudizzjarju, li jipprovdi lill-persuna kkonċernata indikazzjoni suffiċjenti sabiex tkun taf jekk id-deċiżjoni hijiex eventwalment ivvizzjata b’difett li jippermetti li tiġi kkontesta l-validità tagħha ( 43 ).

140.

Il-konstatazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-punti 97, 103 u 109 tas-sentenza appellata, li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kotenzjuża ma tippermettix lil LBBW tivverifika l-eżattezza tal-kontribuzzjoni tagħha, ma hijiex ikkontestata mill-partijiet. Konsegwentement, jekk wieħed iżomm mar-rekwiżiti ta’ motivazzjoni ċċitati iktar ’il fuq, id-deċiżjoni tas-SRB ma hijiex immotivata b’mod suffiċjenti sa fejn tliet stadji tal-kalkolu jinkludu data kunfidenzjali ta’ terzi li ma tiġix mgħarrfa lid-destinatarju ta’ din id-deċiżjoni.

141.

Madankollu, il-Kummissjoni u s-SRB isostnu, minn naħa, li l-obbligu ta’ motivazzjoni għandu jiġi bbilanċjat mas-sigriet tan-negozju protett fl-Artikolu 339 TFUE u, min-naħa l-oħra, li t-trasparenza ttejbet sussegwentement permezz tal-iżvelar ta’ data aggregata fl-annessi armonizzati nnotifikati lill-kontribwenti u ppubblikati fuq is-sit tal-Internet tas-SRB.

142.

Fir-rigward tal-konċiljazzjoni bejn l-obbligu ta’ motivazzjoni u sigriet tan-negozju, fil-punt 108 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali fakkret li l-obbligu li jiġi osservat is-sigriet tan-negozju ma jistax jiġi interpretat b’mod tant estensiv li jċaħħad ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni mill-kontenut essenzjali tiegħu ( 44 ). Għaldaqstant, hija biss il-parti tas-sentenza appellata li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali kkonstatat nuqqas ta’ motivazzjoni li hija kkritikata mill-appellanti.

143.

Fil-fehma tiegħi, il-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante huwa differenti minn sempliċi imposta parafiskali ( 45 ) peress li l-profil tar-riskju tal-istituzzjonijiet kontribwenti huwa kkalkolat b’mod relattiv sabiex jiggwida l-aġir tal-istituzzjonijiet, bil-għan li jitnaqqas il-periklu morali, minbarra l-fatt li jikkontribwixxu direttament għas-SRF. B’hekk, l-iggwidar tal-aġir permezz tal-għażla ta’ dan il-metodu ta’ kalkolu ma huwiex marbut man-natura tas-sanzjoni tal-kontribuzzjoni, iżda pjuttost ma’ rieda li jiġi promoss ċertu aġir inqas riskjuż min-naħa tal-istituzzjonijiet. Barra minn hekk, ir-riżultat ta’ tassazzjoni fiskali jiddependi mill-applikazzjoni ta’ rata għal bażi taxxabbli, mingħajr ma dan ir-riżultat jiġi ffissat minn qabel, filwaqt li, f’dan il-każ, irid jintlaħaq perċentwali ta’ livell fil-mira annwali, fatt li jagħmel l-analoġija ineffettiva. Għalhekk jidhirli li l-approssimazzjoni li saret mill-Qorti Ġenerali mar-regoli fiskali hija irrilevanti.

144.

L-oqsma tad-dritt tal-Unjoni ċċitati mill-appellanti u mill-Qorti Ġenerali juru li l-qrati tal-Unjoni aċċettaw limitazzjonijiet għall-obbligu ta’ motivazzjoni bbażati fuq is-sigriet tan-negozju (id-dritt tal-kompetizzjoni ( 46 ), l-għajnuna mill-Istat ( 47 ) u l-kuntratti pubbliċi ( 48 )), fuq il-kumplessità tal-qasam (il-miżuri antidumping ( 49 )), fuq il-piż fuq l-awtorità deċiżjonali (il-kompetizzjoni tas-servizz pubbliku ( 50 )), fuq in-neċessità ta’ impatt fuq l-aġir tal-impriżi permezz tal-effett dissważiv tal-multi fil-qasam tal-kompetizzjoni ( 51 ) kif ukoll fuq kunsiderazzjonijiet imperattivi relatati mas-sigurtà tal-Unjoni jew tal-Istati Membri tagħha (il-ġlieda kontra t-terroriżmu ( 52 )).

145.

F’dan il-każ, iċ-ċirkustanzi tal-kawża huma speċifiċi ħafna minħabba l-użu aggregat ta’ data kunfidenzjali ta’ diversi terzi (bejn wieħed u ieħor 1600 ( 53 ) u 3500 ( 54 ) istituzzjoni kkonċernata skont l-istadji tal-kalkolu) u ta’ metodu kumpless ta’ kalkolu magħżul sabiex tinstab il-kontribuzzjoni tal-istituzzjonijiet kollha li jibbenefikaw mill-istabbiltà finanzjarja, kontribuzzjoni kkostitwita mill-kontribuzzjonijiet ex ante sabiex jiġu evitati l-effetti proċikliċi tal-kontribuzzjonijiet ex post f’każ ta’ kriżi u b’teħid inkunsiderazzjoni tal-livell ta’ riskju, ta’ likwidità u tas-suq ta’ dawn l-istituzzjonijiet.

146.

Jidhirli li l-metodu fih innifsu huwa spjegat perfettament mil-leġiżlazzjoni fis-seħħ u mis-SRB fid-deċiżjoni kontenzjuża u li d-diffikultà tirrigwarda fir-realtà l-użu massiv ta’ data kunfidenzjali, li tirrendi diffiċli, jekk mhux impossibbli, il-kontroll minn kull istituzzjoni kkonċernata tal-kalkolu tal-kontribuzzjoni tagħha.

147.

Il-fatt li jsir bilanċ bejn l-obbligu ta’ motivazzjoni tad-deċiżjonijiet u l-obbligu li jiġi protett is-sigriet tan-negozju fil-każ ta’ użu ta’ metodu kumpless minħabba l-użu massiv ta’ data kunfidenzjali jqajjem il-kwistjoni dwar il-portata ta’ din il-protezzjoni fl-iffissar tal-kontribuzzjonijiet ex ante. Fil-fatt, huwa xieraq li wieħed jistaqsi jekk l-imsemmija protezzjoni għandhiex tkun tal-istess natura meta l-iżvelar tal-informazzjoni jkun jirrigwarda d-data speċifika ta’ kompetitur jew ta’ numru żgħir ta’ kompetituri u meta dan ikun jirrigwarda ġabra ta’ data li tikkonċerna l-kompetituri kollha ta’ settur, li n-numru kbir tiegħu jirrendi impossibbli kwalunkwe identifikazzjoni.

148.

Jekk jiġi aċċettat li l-protezzjoni tas-sigriet tan-negozju għandha tkun differenti, huwa possibbli li ssir distinzjoni bejn żewġ sitwazzjonijiet ta’ użu ta’ din id-data fil-kuntest tal-metodu ta’ kalkolu magħżul mill-Kummissjoni għall-iffissar tal-kontribuzzjonijiet ex ante għas-SRF.

149.

Fil-fatt, matul l-istadji 2 u 6 tal-kalkolu, id-data kunfidenzjali użata tikkorrispondi għas-somma tad-data inkwistjoni għall-istituzzjonijiet kollha kkonċernati. B’hekk, matul l-istadju 2, il-livell fil-mira tal-kontribuzzjoni annwali jiġi kkalkolat mill-ammont tad-depożiti koperti mill-istituzzjonijiet kollha awtorizzati fl-Istati Membri parteċipanti kollha (il-kontribwent jiġi informat b’dan l-ammont tal-inqas mis-sena 2017). Matul l-istadju 6, jiġi kkalkolat id-denominatur komuni li jikkorrispondi għas-somma tal-kontribuzzjonijiet annwali aġġustati skont il-profil ta’ riskju u użat għall-kalkolu tal-parti tal-livell fil-mira li għandha titħallas minn kull istituzzjoni. Dan l-ammont ġie żvelat għas-sena 2020.

150.

Għalhekk, għal dawn iż-żewġ stadji, is-SRB għażel progressivament li jiżvela s-somma ta’ data kunfidenzjali. Barra minn hekk, huwa żvela wkoll, wara s-sena 2017, l-ammont tal-obbligazzjonijiet akkumulati (minbarra l-fondi proprji) tal-istituzzjonijiet kollha awtorizzati fit-territorju tal-Istati Membri parteċipanti kollha, meħtieġ għall-kalkolu tal-kontribuzzjoni annwali bażika ( 55 ), filwaqt li s-somma l-oħra ta’ data kunfidenzjali użata f’dan il-kalkolu, jiġifieri l-ammont tad-depożiti koperti, kienet diġà ġiet żvelata (ara l-punt preċedenti ta’ dawn il-konklużjonijiet).

151.

Għall-kuntrarju, għall-istadju 4 tal-kalkolu li jikkorrispondi għall-proċedura ta’ klassifikazzjoni, jiġifieri l-ħolqien ta’ gruppi li jiġbru fihom l-istituzzjonijiet li jkollhom profil ta’ riskju simili fir-rigward ta’ indikatur, fejn dawn il-gruppi jiġu kklassifikati mill-iktar wieħed baxx għall-ogħla wieħed, abbażi tad-data tal-istituzzjonijiet għal kull indikatur, l-iżvelar ta’ data ma jidhirx rilevanti.

152.

Fil-fatt, minn naħa, is-somma ta’ data għal indikatur ma tippermettix li tingħata indikazzjoni suffiċjenti lil kull kontribwent peress li, f’dan il-metodu, il-klassifikazzjoni tiegħu tkun marbuta mal-pożizzjonijiet tal-istituzzjonijiet l-oħra fir-rigward ta’ dan l-indikatur. Min-naħa l-oħra, l-għoti ta’ informazzjoni dwar il-pożizzjonijiet ta’ istituzzjonijiet oħra jista’ jwassal għall-iżvelar ta’ data kunfidenzjali identifikabbli u jippreġudika direttament is-sigriet tan-negozju. Fir-realtà, jekk wieħed isegwi r-raġunament ta’ LBBW, l-iżvelar ta’ din l-informazzjoni ma jistax jippermetti li l-eżattezza tal-kalkolu tiġi vverifikata kompletament, ħlief sabiex tippermetti l-verifika tad-data nominattiva kif ukoll tal-mod kif tiġi rrapportata fis-sistema ( 56 ). Madankollu, jekk wieħed jipproċedi b’dan il-mod, dan ikun ksur dirett tas-sigriet tan-negozju.

153.

F’dak li jirrigwarda l-iżvelar ta’ din id-data lill-Qorti Ġenerali u lill-Qorti tal-Ġustizzja biss, jidhirli li din l-għażla proposta mis-SRB fiha żewġ diffikultajiet: minn naħa, il-kawżi dwar il-kontribuzzjonijiet ex ante huma numerużi, kemm quddiem il-qrati nazzjonali (657 proċedura amministrattiva jew ġudizzjarja pendenti fil‑31 ta’ Mejju 2020, jiġifieri 32 iktar minn Ġunju 2019 ( 57 )) kif ukoll quddiem il-qrati tal-Unjoni (42 kawża pendenti, li minnhom 19 jikkonċernaw il-kontribuzzjonijiet ex ante għall-2020 u appell wieħed fl‑1 ta’ Settembru 2020) ( 58 ); min-naħa l-oħra, id-data mhux ipproċessata tal-istituzzjonijiet ma tistax tiġi pproċessata jew ivverifikata mill-qrati, fin-nuqqas tal-għodda meħtieġa u minħabba l-ammont ta’ xogħol li jinħoloq kieku kellha tiġi vverifikata l-eżattezza tad-data kollha.

154.

Madankollu, l-implimentazzjoni ta’ dan l-istadju tal-kalkolu tas-sena 2017 ippermettiet biss lil LBBW li ssir taf kemm inħolqu gruppi għal kull indikatur ta’ riskju u f’liema grupp hija kienet ġiet allokata, mingħajr ma setgħet tivverifika jekk kinitx ġiet allokata għall-grupp li jikkorrispondi għaċ-ċifri tagħha stess. Minn dakinhar, is-SRB sar jipprovdi indikazzjonijiet dwar il-medda li tikkorrispondi għal kull grupp, li jippermetti lill-istituzzjoni li tivverifika, a minima, jekk hijiex allokata fil-grupp it-tajjeb.

155.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, inqis li, billi ddeċidiet li l-kontribwenti għandhom ikunu jistgħu jivverifikaw l-eżattezza tal-kalkolu tal-kontribuzzjoni tagħhom, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi dwar il-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni impost fuq is-SRB li jwassal għall-annullament tas-sentenza fuq dan il-punt.

156.

Konsegwentement, inqis li l-bilanċ bejn l-obbligu ta’ motivazzjoni u s-sigriet tan-negozju jista’ jiġi osservat, abbażi tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ, bil-kundizzjoni li s-SRB jiżvela d-data li ġejja, fid-deċiżjoni kontenzjuża stess, peress li dokument sussegwenti ma jistax jissostitwixxi nuqqas ta’ motivazzjoni ( 59 ):

l-ammont tad-depożiti koperti tal-istituzzjonijiet kollha awtorizzati fit-territorju tal-Istati Membri parteċipanti kollha;

l-ammont tal-obbligazzjonijiet aggregati (minbarra l-fondi proprji) tal-istituzzjonijiet kollha awtorizzati fit-territorju tal-Istati Membri parteċipanti kollha;

l-ammont totali tal-kontribuzzjonijiet annwali aġġustati skont il-profil tar-riskju, u

il-meded li jikkorrispondu għal kull grupp ta’ indikaturi ta’ riskju.

157.

Inqis ukoll li, bl-għażla dan il-metodu ta’ kalkolu (“livell fil-mira fiss + distribuzzjoni relattiva”) fir-Regolament ta’ Delega 2015/63, il-Kummissjoni użat il-marġni ta’ manuvra mogħti lilha mid-Direttiva 2014/59 u mir-Regolament Nru 806/2014. F’dan ir-rigward, ma tistax tiġi invokata kontriha l-eżistenza ta’ metodu ieħor ta’ kalkolu.

158.

Fil-fatt, LBBW tikkritika l-opaċità kkawżata mill-kumplessità tal-metodu ta’ kalkolu u mill-interdipendenza tiegħu ma’ data kunfidenzjali, li twassal għar-riskju tal-eżistenza ta’ żbalji li diffiċilment jinstabu minħabba l-massa tad-data pproċessata. Hija tqis li, għall-kuntrarju, wieħed mill-metodi rrakkomandati fil-Linji gwida tal-EBA dwar il-metodi għall-kalkolu ta’ kontribuzzjonijiet għall-iskemi ta’ garanzija tad-depożiti ( 60 ) meħuda skont id-Direttiva 2014/49/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ April 2014 dwar skemi ta’ garanzija tad-depożiti ( 61 ), jippermetti trasparenza ikbar, peress li huwa ma jkunx jiddependi fuq data kunfidenzjali ta’ terzi, u, konsegwentement, motivazzjoni aħjar.

159.

Il-punt 3 tal-Anness 1 ta’ dawn il-linji gwida, dwar il-metodu tal-“bramel”, li jikkorrispondu għall-gruppi, jippreċiża:

“Il-parametri tal-bramel għandhom jiġu stabbiliti fuq bażi relattiva jew assoluta meta:

tintuża l-bażi relattiva, [il-punteġġ ta’ riskju individwali] tal-istituzzjonijiet membri jiddependu fuq il-pożizzjoni ta’ riskju relattiva vis-à-vis istituzzjonijiet oħra; f’dan il-każ, l-istituzzjonijiet jitqassmu b’mod ugwali bejn il-bramel tar-riskju, li jfisser li istituzzjonijiet bi profili tar-riskju simili jistgħu jispiċċaw fi bramel differenti;

meta tintuża l-bażi assoluta, il-limiti tal-bramel jiġu stabbiliti sabiex jirriflettu kemm huwa riskjuż indikatur speċifiku; f’dan il-każ, l-istituzzjonijiet kollha jistgħu jispiċċaw fl-istess barmil jekk kollha jkollhom l-istess livell ta’ riskju.”

160.

Madankollu, anki bl-użu ta’ dan il-metodu li japplika parametri ta’ bramel ibbażati fuq bażi assoluta, il-kontribuzzjoni finali tiġi kkalkolata abbażi ta’ somma ta’ data kunfidenzjali ta’ terzi fil-mument tal-aġġustament proporzjonali (’il fuq, b’mod fakultattiv, jew ’l isfel, b’mod obbligatorju) tal-kontribuzzjonijiet sabiex jintlaħqu t-12.5 % massimi tal-livell fil-mira annwali ( 62 ), fatt li jipprekludi wkoll li jiġi vverifikat il-kalkolu tal-kontribuzzjoni, kif mitlub mill-Qorti Ġenerali.

161.

Għalhekk, l-eżistenza ta’ metodu ieħor ta’ kalkolu bbażat ukoll in fine fuq data kunfidenzjali ta’ terzi ma tistax tkun biżżejjed sabiex tiġi kkontestata l-libertà tal-għażla tal-Kummissjoni ta’ metodu ta’ kalkolu differenti, mill-mument li l-metodu magħżul ikun jissodisfa ċerti kundizzjonijiet ta’ trasparenza msemmija qabel ( 63 ).

162.

Peress li dawn il-kundizzjonijiet ġew issodisfatti b’mod volontarju mis-SRB abbażi tad-dritt stabbilit, ma jidhirx neċessarju li jiġi emendat il-qafas legali kif stabbilit mir-Regolament ta’ Delega 2015/63.

163.

Konsegwentement, billi ddeċidiet li ċerti dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament ta’ delega li jispeċifikaw il-metodu ta’ kalkolu kienu illegali, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi u anki fuq dan il-punt is-sentenza appellata għandha tiġi annullata.

VII. Fuq ir-rikors fl-ewwel istanza

164.

Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ssegwi r-raġunament li jiena qed nipproponilha u tordna l-annullament tas-sentenza appellata, wieħed għandu jistaqsi dwar il-possibbiltà li hija tiddeċiedi l-kawża. Fil-fatt, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-każ ta’ annullament tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, tista’ jew hija stess tiddeċiedi definittivament il-kawża, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża, jew tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċidiha.

165.

F’dan il-każ, jidhirli li l-kawża hija fi stat li tiġi deċiża kemm fir-rigward tal-awtentikazzjoni tal-anness tad-deċiżjoni kontenzjuża kif ukoll tal-motivazzjoni ta’ din id-deċiżjoni u l-eċċezzjoni ta’ illegalità.

166.

Fir-rigward tal-awtentikazzjoni ta’ dan l-anness, l-uniku punt inkwistjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja huwa l-evalwazzjoni tal-provi prodotti fir-rigward ta’ din il-kwistjoni. Barra minn hekk, din l-evokazzjoni tat-tilwima ma tistax, minħabba nuqqas ta’ osservanza tal-prinċipju ta’ kontradittorju, twassal għall-kontestazzjoni tal-konstatazzjonijiet ta’ fatt tal-Qorti Ġenerali, ħlief fil-każ ta’ żnaturament, li ma ġietx prodotta l-prova tiegħu f’dan il-każ. Din tista’ tirrigwarda biss l-elementi ġodda, jekk ikunu ammissibbli, li tressqu għall-konjizzjoni tal-Qorti Ġenerali u tal-Qorti tal-Ġustizzja wara l-motiv imqajjem ex officio.

167.

Il-ksur ta’ dan il-prinċipju mill-Qorti Ġenerali jimplika li fid-dibattitu, fl-istadju tal-evokazzjoni, għandhom jitqiesu, minn naħa, l-argument imressaq waqt is-seduta quddiem il-Qorti Ġenerali u riprodott fl-appell, tal-inklużjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża u tal-anness tagħha f’ARES u, min-naħa l-oħra, id-dokumenti ppreżentati fil-kuntest tal-appell (il-verżjonijiet ġodda tat-tliet dokumenti prodotti matul il-fażi bil-miktub quddiem il-Qorti Ġenerali u dokument ġdid)?

168.

L-Artikolu 85 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, kif interpretat mill-ġurisprudenza ( 64 ), japplika għall-produzzjoni ta’ dokumenti ġodda insostenn ta’ appell li jinvoka ksur tal-prinċipju ta’ kontradittorju bħal f’dan il-każ.

169.

Quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ġew prodotti verżjonijiet ġodda tad-deċiżjoni kontenzjuża u tal-anness tagħha kif ukoll tal-iskeda tal-progress u dokument ġdid li jikkonsisti f’kopja ta’ skrin meħud minn ARES, li jistgħu jiġu eżaminati fil-kuntest tal-evokazzjoni tal-kawża.

170.

Mill-eżami tar-ritratt tal-iskrin meħud minn ARES jirriżulta li, fil‑11 ta’ April 2017, iddaħħlu fis-sistema fajl bin-numru tad-deċiżjoni kontenzjuża fil-format PDF u fajl intitolat “Anness I […] ” fil-format Excel, imbagħad, fit‑12 ta’ Mejju 2017, tissemma firma tal-President tas-SRB, li twassal għal reġistrazzjoni u numru ARES fit‑13 ta’ Ġunju 2017. Dan in-numru ARES u d-data tat‑13 ta’ Ġunju 2017 jissemmew fuq il-verżjonijiet il-ġodda tad-deċiżjoni kontenzjuża u tal-anness tagħha prodotti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

171.

Għalkemm dawn l-elementi jistgħu, għall-ewwel darba, jistabbilixxu rabta bejn il-fajl tal-anness tad-deċiżjoni kontenzjuża u dak ta’ din id-deċiżjoni, għandu madankollu jiġi rrilevat li, minn naħa, firma tal-President tas-SRB hija msemmija biss fit‑12 ta’ Mejju 2017 u tikkorrispondi għall-għeluq tal-fajl f’ARES, filwaqt li l-iskeda tal-progress ġiet iffirmata bl-idejn fil‑11 ta’ April 2017 u, min-naħa l-oħra, ir-reġistrazzjoni flimkien mal-għoti ta’ numru ARES seħħet biss fit‑13 ta’ Ġunju 2017, jiġifieri f’dati sussegwenti għan-notifika lill-awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni u lill-istituzzjonijiet kontribwenti. Għalhekk, il-prova tar-rabta indissoċjabbli bejn dan l-anness u l-imsemmija deċiżjoni tressqet biss xahrejn wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża.

172.

Dan id-dewmien huwa iktar problematiku fil-fehma tiegħi peress li l-fajl tal-anness tad-deċiżjoni kontenzjuża jeżisti f’format li jista’ faċilment jiġi mmodifikat mingħajr ma ħadd jinduna, kuntrarjament għal test li l-qari tiegħu jippermetti li tinstab anomalija. Barra minn hekk, dan il-fajl ma huwiex immarkat bil-ħin u d-data, filwaqt li mir-risposti għall-miżuri istruttorji ordnati mill-Qorti Ġenerali jirriżulta li kien hemm żewġ verżjonijiet tad-dokument li ntbagħtu lis-sessjoni eżekuttiva tas-SRB. Għalhekk, kemm il-format magħżul għall-fajl kif ukoll ir-reġistrazzjoni tardiva jqajmu diffikultajiet f’termini ta’ ċertezza legali u ta’ awtentikazzjoni tal-kontenut ta’ dan l-anness.

173.

Jidhirli li, fid-dawl tal-modalitajiet ta’ deċiżjoni (vot elettroniku mill-bogħod) u tal-assenza ta’ notifika tal-anness tad-deċiżjoni kontenzjuża lill-istituzzjonijiet kontribwenti, il-livell ta’ ċertezza legali meħtieġ għandu jkun ogħla u l-modalitajiet tal-kawża inkwistjoni ma humiex biżżejjed sabiex jistabbilixxu l-awtentikazzjoni ta’ dan l-anness.

174.

Jiena għalhekk tal-fehma li d-deċiżjoni kontenzjuża, sa fejn din tikkonċerna lil LBBW, għandha tiġi annullata abbażi ta’ dan il-kap tat-talbiet.

175.

Fir-rigward tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża, fl-assenza tal-modalitajiet ta’ trasparenza spjegati fil-punt 156 ta’ dawn il-konklużjonijiet fir-rigward tas-somom ta’ data u dwar il-meded ta’ gruppi ta’ riskju, inqis li l-obbligu ta’ motivazzjoni ma ġiex osservat.

176.

Dan il-ksur tal-Artikolu 296 TFUE u tal-Artikolu 41(2)(ċ) tal-Karta għandu jwassal għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża sa fejn din tikkonċerna lil LBBW.

177.

Fir-rigward tal-eċċezzjoni ta’ illegalità diretta kontra ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament ta’ Delega 2015/63, mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 137 sa 163 ta’ dawn il-konklużjonijiet jirriżulta li din tista’ tiġi miċħuda.

178.

Peress li nikkonkludi li d-deċiżjoni kontenzjuża għandha tiġi annullata, ma huwiex neċessarju li jiġu eżaminati l-ilmenti l-oħra mqajma quddiem il-Qorti Ġenerali.

VIII. Fuq iż-żamma fis-seħħ tal-effetti legali tad-deċiżjoni kontenzjuża

179.

Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tannulla d-deċiżjoni kontenzjuża sa fejn din tikkonċerna lil LBBW, għandu jitfakkar li, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tindika, jekk tqis li dan huwa neċessarju, liema mill-effetti ta’ att annullat għandhom jitqiesu li huma definittivi.

180.

F’dan il-każ, għalkemm il-proċedura tal-appell żvelat li d-deċiżjoni kontenzjuża ttieħdet bi ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali, xorta jibqa’ l-fatt li hija ma żvelat ebda żball li jaffettwa l-konformità ta’ dan l-att mar-Regolament ta’ Delega 2015/63.

181.

Għaldaqstant, li jiġi deċiż li d-deċiżjoni kontenzjuża għandha tiġi annullata mingħajr ma tiġi prevista ż-żamma fis-seħħ tal-effetti tagħha sakemm tiġi ssostitwita b’att ġdid, mhux biss jista’ jippreġudika din l-implimentazzjoni, iżda jista’ jaffettwa wkoll iċ-ċertezza legali.

182.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara li hemm lok li jinżammu fis-seħħ l-effetti tad-deċiżjoni kontenzjuża sad-dħul fis-seħħ ta’ att ġdid intiż sabiex jissostitwixxiha u mhux iktar tard minn sitt xhur mid-data tas-sentenza li ser tingħata.

IX. Fuq l-ispejjeż

183.

Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-proċedura tal-appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) ta’ dawn ir-Regoli, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

184.

Peress li s-SRB tilef u LBBW talbet li huwa jiġi kkundannat għall-ispejjeż, hemm lok li huwa jiġi kkundannat ibati l-ispejjeż tiegħu, kif ukoll dawk ta’ LBBW, relatati mal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u mal-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

185.

Skont l-Artikolu 140(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) ta’ dawn ir-regoli, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li intervjenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

186.

Konsegwentement, il-Fédération bancaire française, ir-Renju ta’ Spanja u l-Kummissjoni, bħala intervenjenti fil-kawżi, għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom relatati mal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fiż-żewġ appelli u, fil-każ tal-Kummissjoni, anki dawk marbuta mal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali.

X. Konklużjoni

187.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li:

1)

Tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat‑23 ta’ Settembru 2020, Landesbank Baden‑Württemberg vs SRB (T‑411/17, EU:T:2020:435).

2)

Tannulla d-deċiżjoni tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB) fis-sessjoni eżekuttiva tiegħu tal‑11 ta’ April 2017 dwar il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall‑2017 għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB/ES/SRF/2017/05) sa fejn din tikkonċerna lil Landesbank Baden‑Württemberg.

3)

Tiddikjara li l-effetti tad-Deċiżjoni SRB/ES/SRF/2017/05 għandhom jinżammu fis-seħħ, sa fejn din id-deċiżjoni tikkonċerna lil Landesbank Baden‑Württemberg, sad-dħul fis-seħħ ta’ att ġdid intiż sabiex jissostitwixxiha u mhux iktar tard minn sitt xhur mid-data tal-għoti tas-sentenza li għandha tingħata.

4)

Tiddikjara li s-SRB għandu jbati, minbarra l-ispejjeż tiegħu quddiem il-Qorti Ġenerali u l-Qorti tal-Ġustizzja, dawk sostnuti minn Landesbank Baden‑Württemberg quddiem il-Qorti Ġenerali u l-Qorti tal-Ġustizzja.

5)

Tiddikjara li l-Fédération bancaire française, ir-Renju ta’ Spanja u l-Kummissjoni Ewropea, bħala intervenjenti fil-kawżi, għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u, fil-każ tal-Kummissjoni, anki dawk sostnuti quddiem il-Qorti Ġenerali.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Il-ħolqien ta’ dan il-mekkaniżmu jikkorrispondi għal wieħed mill-għanijiet tal-Grupp tal-Għoxrin (G 20) wara l-falliment tal-bank Lehman Brothers fl-2008: l-Istati Membri tal-G 20 intrabtu li “[j]iżviluppaw għodda u oqsfa għar-riżoluzzjoni effettiva tal-fallimenti tal-gruppi finanzjarji sabiex jittaffa t-tfixkil li jirriżulta mill-fallimenti tal-istituzzjonijiet finanzjarji u sabiex jonqos il-periklu morali fil-futur” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (Dikjarazzjoni finali tas-Summit tal-G 20 f’Pittsburgh, 24 u 25 ta’ Settembru 2009).

( 3 ) Iktar ’il quddiem l-“istituzzjonijiet”.

( 4 ) Ftehim Intergovernattiv dwar it-trasferiment u l-mutwalizzazzjoni tal-kontribuzzjonijiet għas-[SRF], iffirmat fi Brussell fil‑21 ta’ Mejju 2014.

( 5 ) Ara, pereżempju, għall-pożizzjoni tal-Gvern Franċiż fid-dawl tad-diskrepanzi bejn is-sistemi bankarji Franċiżi u Ġermaniżi, ir-rapport tal‑4 ta’ Marzu 2015, magħmul f’isem il-Kummissjoni tal-Finanzi tas-Senat dwar l-abbozz ta’ liġi li tawtorizza r-ratifika tal-Ftehim dwar it-trasferiment u l-mutwalizzazzjoni tal-kontribuzzjonijiet għas-[SRF], disponibbli fl-indirizz tal-Internet li ġej: http://www.senat.fr/rap/l14-307/l14-3071.pdf (l-ewwel parti, III, B).

( 6 ) Il-kontribuzzjoni skont il-profil tar-riskju hija bbażata fuq il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 103(7) tad-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/KE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2014, L 173, p. 190), u speċifikata fl-Artikoli 5 sa 9 tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/63 tal‑21 ta’ Ottubru 2014 li jissupplimenta d-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-arranġamenti ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni (ĠU 2015, L 11, p. 44, rettifika fil-ĠU 2017, L 156, p. 38).

( 7 ) Iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”.

( 8 ) T‑411/17, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2020:435.

( 9 ) ĠU 2014, L 225, p. 1.

( 10 ) ĠU 2017, L 113, p. 2.

( 11 ) LBBW tiċċita, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tal‑15 ta’ Ġunju 1994, Il‑Kummissjoni vs BASF et (C‑137/92 P, EU:C:1994:247), u tas‑6 ta’ April 2000, Il‑Kummissjoni vs ICI (C‑286/95 P, EU:C:2000:188).

( 12 ) Fil-punt 36 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rreferiet għas-sentenzi tat‑2 ta’ April 1998, Il‑Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France (C‑367/95 P, EU:C:1998:154, punt 67); tat‑30 ta’ Marzu 2000, VBA vs Florimex et (C‑265/97 P, EU:C:2000:170, punt 114); tas‑6 ta’ Marzu 2003, Westdeutsche Landesbank Girozentrale u Land Nordrhein‑Westfalen vs Il‑Kummissjoni (T‑228/99 u T‑233/99, EU:T:2003:57, punt 143); kif ukoll tat‑28 ta’ Novembru 2019, Banco Cooperativo Español vs SRB (T‑323/16, EU:T:2019:822, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 13 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ Ġunju 1994, Il‑Kummissjoni vs BASF et (C‑137/92 P, EU:C:1994:247, punti 7576), kif ukoll tas‑6 ta’ April 2000, Il‑Kummissjoni vs ICI (C‑286/95 P, EU:C:2000:188, punti 404151).

( 14 ) Ara s-sentenza tas‑6 ta’ April 2000, Il‑Kummissjoni vs ICI (C‑286/95 P, EU:C:2000:188, punti 40 sa 42).

( 15 ) Ara s-sentenzi tat‑28 ta’ Novembru 2019, Banco Cooperativo Español vs SRB, (T‑323/16, EU:T:2019:822); tat‑28 ta’ Novembru 2019, Portigon vs SRB (T‑365/16, EU:T:2019:824); u tat‑28 ta’ Novembru 2019, Hypo Vorarlberg Bank vs SRB (T‑377/16, T‑645/16 u T‑809/16, EU:T:2019:823).

( 16 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tat‑28 ta’ Novembru 2019, Banco Cooperativo Español vs SRB (T‑323/16, EU:T:2019:822, punt 22).

( 17 ) Ara s-sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2011, Il‑Kummissjoni vs Q (T‑80/09 P, EU:T:2011:347, punt 141).

( 18 ) Ara s-sentenza tat‑2 ta’ Diċembru 2009, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda et (C‑89/08 P, EU:C:2009:742, punt 60).

( 19 ) Ara Naômé, C., Le pourvoi devant la Cour de justice de l’Union européenne, Larcier, Brussell, 2016, punti 427 u 428, p. 171 u 172.

( 20 ) Ara s-sentenza tat‑23 ta’ Novembru 2016, FK vs Il-Kummissjoni (T‑328/15 P, mhux ippubblikata, EU:T:2016:671, punti 3940).

( 21 ) Ara, b’analoġija, is-sentenzi tas‑17 ta’ Diċembru 2009, Eżami mill‑ġdid tas-sentenza M vs EMEA (C‑197/09 RX‑II, EU:C:2009:804, punt 52); tal‑14 ta’ Diċembru 2011, Il‑Kummissjoni vs Vicente Carbajosa et (T‑6/11 P, EU:T:2011:747, punt 32); u tat‑23 ta’ Novembru 2016, FK vs Il‑Kummissjoni (T‑328/15 P, mhux ippubblikata, EU:T:2016:671, punt 41).

( 22 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad‑29 ta’ Novembru 2018, Bank Tejarat vs Il‑Kunsill (C‑248/17 P, EU:C:2018:967, punt 37), u tal‑25 ta’ Marzu 2021, Carvalho et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑565/19 P, mhux ippubblikata, EU:C:2021:252, punt 36).

( 23 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑10 ta’ Frar 2011, Activision Blizzard Germany vs Il‑Kummissjoni (C‑260/09 P, EU:C:2011:62, punt 57).

( 24 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2017, Timab Industries u CFPR vs Il‑Kummissjoni (C‑411/15 P, EU:C:2017:11, punt 89).

( 25 ) Ara s-sentenza tal‑10 ta’ Frar 2011, Activision Blizzard Germany vs Il‑Kummissjoni (C‑260/09 P, EU:C:2011:62, punt 54).

( 26 ) Ara s-sentenza tal‑5 ta’ Marzu 2019, Pethke vs EUIPO (T‑169/17, mhux ippubblikata, EU:T:2019:135, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 27 ) Ara l-Artikolu 69(1) tar-Regolament Nru 806/2014.

( 28 ) Ara l-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014.

( 29 ) Tmienja.

( 30 ) Artikolu 70(2)(b) tar-Regolament Nru 806/2014.

( 31 ) Artikolu 69(1) tar-Regolament Nru 806/2014.

( 32 ) Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014.

( 33 ) Din il-varjabbiltà għandha tkun suġġetta għal reviżjoni kull tliet snin mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 94(1)(a)(vi) tar-Regolament Nru 806/2014 sabiex tevalwa “jekk għandux jiġi stabbilit ammont minimu assolut [għas-SRF] sabiex tiġi evitata l-volatilità fil-fluss ta’ mezzi finanzjarji [għas-SRF] u biex jiġu żgurati l-istabbiltà u l-adegwatezza tal-finanzjament [tas-SRF] matul iż-żmien”.

( 34 ) Ara l-Artikolu 69(2) tar-Regolament Nru 806/2014 u l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Delegat 2017/747.

( 35 ) Ara l-Artikolu 3(4) tar-Regolament Delegat 2017/747.

( 36 ) Il-Kummissjoni tiċċita, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Club Hotel Loutraki et vs Il‑Kummissjoni (C‑131/15 P, EU:C:2016:989, punti 515255).

( 37 ) Is-SRB jiċċita s-sentenzi tad‑19 ta’ Diċembru 2019, BĊE vs Espírito Santo Financial (Portugal) (C‑442/18 P, EU:C:2019:1117, punt 47), u tal‑21 ta’ Ottubru 2020, BĊE vs Estate of Espírito Santo Financial Group (C‑396/19 P, mhux ippubblikata, EU:C:2020:845, punt 54).

( 38 ) Is-SRB jiċċita s-sentenza tat‑3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni (C‑402/05 P u C‑415/05 P, EU:C:2008:461).

( 39 ) LBBW tiċċita s-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Club Hotel Loutraki et vs Il‑Kummissjoni (C‑131/15 P, EU:C:2016:989, punti 48, kif ukoll 51 et seq.).

( 40 ) LBBW tiċċita s-sentenza tat‑13 ta’ Marzu 1985, L‑Olanda u Leeuwarder Papierwarenfabriek vs Il‑Kummissjoni (C‑296/82 u C‑318/82, mhux ippubblikata, EU:C:1985:113, punti 1827).

( 41 ) C‑402/05 P u C‑415/05 P, EU:C:2008:461.

( 42 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2017, Rosneft (C‑72/15, EU:C:2017:236, punt 122 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 43 ) Ara s-sentenzi tas‑7 ta’ April 1987, Sisma vs Il‑Kummissjoni (C‑32/86, EU:C:1987:187, punt 8); tat‑2 ta’ Ottubru 2003, Corus UK vs Il‑Kummissjoni (C‑199/99 P, EU:C:2003:531, punt 145); tal‑11 ta’ Lulju 2013, Ziegler vs Il‑Kummissjoni (C‑439/11 P, EU:C:2013:513, punt 115); tad‑19 ta’ Marzu 2015, Dole Food u Dole Fresh Fruit Europe vs Il‑Kummissjoni (C‑286/13 P, EU:C:2015:184, punt 93); kif ukoll tat‑28 ta’ Marzu 2017, Rosneft (C‑72/15, EU:C:2017:236, punt 121).

( 44 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Club Hotel Loutraki et vs Il‑Kummissjoni (C‑131/15 P, EU:C:2016:989, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 45 ) Ara r-rekwiżit ta’ kalkolu eżatt tas-somom dovuti f’dan il-każ stabbilit mis-sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 1958, Meroni vs Awtorità Għolja (C‑9/56, EU:C:1958:7, p. 30 u 31).

( 46 ) Ara s-sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 1986, AKZO Chemie vs Il‑Kummissjoni (C‑53/85, EU:C:1986:256, punt 29).

( 47 ) Ara s-sentenza tat‑8 ta’ Jannar 2015, Club Hotel Loutraki et vs Il‑Kummissjoni (T‑58/13, mhux ippubblikata, EU:T:2015:1, punti 73 sa 77).

( 48 ) Ara s-sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2015, European Dynamics Luxembourg et vs Il‑Kummissjoni (T‑536/11, EU:T:2015:476, punti 4750 in fine).

( 49 ) Ara s-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2015, Fliesen‑Zentrum Deutschland (C‑687/13, EU:C:2015:573, punti 7778).

( 50 ) Ara s-sentenza tat‑28 ta’ Frar 1980, Bonu vs Il‑Kunsill (89/79, EU:C:1980:60, punt 6).

( 51 ) Ara s-sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2012, Imperial Chemical Industries vs Il‑Kummissjoni (T‑214/06, EU:T:2012:275, punt 100).

( 52 ) Ara s-sentenza tal‑14 ta’ Ottubru 2009, Bank Melli Iran vs Il‑Kunsill (T‑390/08, EU:T:2009:401, punt 81).

( 53 ) Numru approssimattiv ta’ istituzzjonijiet suġġetti għal aġġustament skont il-profil tar-riskju.

( 54 ) Numru approssimattiv ta’ istituzzjonijiet fiż-żona euro suġġetti għal kontribuzzjoni fissa u/jew aġġustata għall-profil tar-riskju.

( 55 ) Ara l-Artikolu 70(1) tar-Regolament Nru 806/2014.

( 56 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Kokott fil-kawżi Borealis Polyolefine et (C‑191/14, C‑192/14, C‑295/14, C‑389/14 u C‑391/14 sa C‑393/14, EU:C:2015:754, punt 140), li fihom hija tipotizza li jingħata aċċess għad-data mhux ipproċessata lir-rikorrent.

( 57 ) Dawn il-proċeduri huma kkonċentrati fi ħdan tliet Stati Membri: ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika Taljana u r-Repubblika tal-Awstrija.

( 58 ) Ara r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri Ewropea, tat‑30 ta’ Novembru 2020 (imħejji skont l-Artikolu 92(4) tar-Regolament (UE) Nru 806/2014), dwar kwalunkwe obbligazzjoni kontinġenti li tinħoloq b’riżultat tat-twettiq mill-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni, mill-Kunsill jew mill-Kummissjoni, tal-kompiti tagħhom skont dan ir-Regolament għas-sena finanzjarja 2019 flimkien mar-risposti tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni, tal-Kummissjoni u tal-Kunsill, disponibbli fl-indirizz tal-Internet li ġej: https://www.eca.europa.eu/Lists/ECADocuments/SRB_2019_contingent_liabilities/SRB_2019_contingent_liabilities_MT.pdf (punti 43 u 44).

( 59 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Kokott fil-kawżi Borealis Polyolefine et (C‑191/14, C‑192/14, C‑295/14, C‑389/14 u C‑391/14 sa C‑393/14, EU:C:2015:754, punti 152 sa 154).

( 60 ) Disponibbli fuq l-indirizz tal-Internet li ġej: https://www.eba.europa.eu/sites/default/documents/files/documents/10180/1199246/3670e225-61c1-43c6-9d89-b635f7a696b8/EBA-GL-2015-10_GL%20on%20Calculation%20of%20Contributions%20DGS_MT.pdf?retry=1. Ara, b’mod partikolari, l-Anness 1, intitolat “Metodi biex jiġu kkalkolati l-Ponderazzjonijiet tar-Riskju Aggregati (ARW) u jiġu stabbiliti l-klassijiet ta’ riskju”, punt 3.

( 61 ) ĠU 2014, L 173, p. 149, rettifika fil-ĠU 2014, L 212, p. 47 u fil-ĠU 2014, L 309, p. 37.

( 62 ) Ara l-punti 43 u 44 kif ukoll it-Tabella 2 tal-Linji gwida ċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 60 ta’ dawn il-konklużjonijiet (p. 12 et seq.).

( 63 ) Ara l-punt 156 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 64 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑5 ta’ Marzu 2019, Pethke vs EUIPO (T‑169/17, mhux ippubblikata, EU:T:2019:135, punt 43).