KONKLUŻJONIJIET TAL‑AVUKAT ĠENERALI

RICHARD DE LA TOUR

ippreżentati fit‑13 ta’ Jannar 2022 ( 1 )

Kawża C‑569/20

IR

Proċeduri kriminali

fil-preżenza ta’

Spetsializirana prokuratura

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-iSpetsializiran nakazatelen sad (il‑Qorti Kriminali Speċjalizzata, il-Bulgarija))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Direttiva (UE) 2016/343 – Dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess kontra tiegħu – Artikoli 8 u 9 – Rekwiżiti fil-każ ta’ kundanna fil-kontumaċja – Dritt għal proċess ġdid – Ħarba tal-persuna akkużata – Leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura kriminali meta l-persuna kkundannata fil-kontumaċja tkun ħarbet wara li tkun saret taf bl-akkużi kontriha waqt il-fażi tal-investigazzjoni tal-proċedura”

I. Introduzzjoni

1.

Jista’ individwu li jkun ġie kkundannat wara smigħ li fih ma deherx personalment minħabba li ħarab jibbenefika mid-dritt għal proċess ġdid, konformement mat-tieni sentenza tal-Artikolu 8(4) u l-Artikolu 9 tad-Direttiva (UE) 2016/343 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Marzu 2016 dwar it-tisħiħ ta’ ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tad-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess fil-proċedimenti kriminali ( 2 )?

2.

Dan huwa, essenzjalment, is-suġġett tad-domandi preliminari li qegħda tagħmel l-iSpetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata, il-Bulgarija).

3.

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali li fihom ġie deċiż li IR jiġi ġġudikat fl-assenza tiegħu. Minkejja li dan l-individwu kien ġie informat bl-akkużi miġjuba kontrih matul il-fażi ta’ investigazzjoni preliminari, huwa ħarab, b’tali mod li huwa ma ġie informat la bl-att ta’ akkuża definittiv, la bid-data u l-post tal-proċess tiegħu, u lanqas bil-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ dehra.

4.

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, konsegwentement, dwar il-portata tar-rekwiżiti li jirrikjedi l-leġiżlatur tal-Unjoni fil-kuntest tad-Direttiva 2016/343 sabiex jiġu ggarantiti d-drittijiet tad-difiża ta’ din tal-aħħar. B’mod partikolari, hija tfittex li tiddetermina jekk huwiex possibbli li d-deċiżjoni mogħtija fi tmiem is-seduta li saret fl-assenza tagħha tiġi eżegwita skont l-Artikolu 8(2) u (3) ta’ din id-direttiva jew, għall-kuntrarju, jekk ikunx meħtieġ li tiġi prevista proċedura ġdida, konformement mat-tieni sentenza tal-Artikolu 8(4) u mal-Artikolu 9 tal-imsemmija direttiva.

5.

F’dawn il-konklużjonijiet, ser nispjega li, għalkemm l-informazzjoni tal-persuna akkużata dwar iż-żamma tal-proċess tagħha tikkostitwixxi rekwiżit essenzjali li timponi d-Direttiva 2016/343 għall-finijiet tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża, il-leġiżlatur tal-Unjoni madankollu jippermetti lill-Istati Membri jeżaminaw sa fejn dan ir-rekwiżit ġie ssodisfatt in concreto. Huwa jistieden lil dawn tal-aħħar jagħtu attenzjoni partikolari għall-aġir adottat kemm mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti sabiex jikkomunikaw din l-informazzjoni kif ukoll minn din il-persuna sabiex tirċeviha.

6.

F’dan il-kuntest, ser nesponi r-raġunijiet li għalihom l-Artikolu 8(2) u (3) tad-Direttiva 2016/343, li jippermetti lill-Istati Membri jeżegwixxu deċiżjoni mogħtija fi tmiem smigħ li fih ma tkunx dehret il-persuna akkużata, ikopri sitwazzjoni li fiha l-qorti nazzjonali tikkonstata, billi tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi konkreti kollha li jikkaratterizzaw is-sitwazzjoni inkwistjoni, li, minkejja d-diliġenza u l-isforzi li jkunu wrew l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti sabiex jinformaw lill-persuna akkużata taż-żamma tal-proċess tagħha u bil-konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ dehra, hija tkun naqset, deliberatament u intenzjonalment, milli twettaq l-obbligi tagħha biex tirċievi din l-informazzjoni bl-għan li tipprova tevita l-ġustizzja. Ser nippreċiża li, fl-ipoteżi li l-qorti nazzjonali tagħmel dawn il-konstatazzjonijiet, it-tieni sentenza tal-Artikolu 8(4) u l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2016/343 ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li abbażi tagħha ma tistax issir proċedura ġdida meta l-persuna akkużata tkun ħarbet wara li tkun ġiet informata bl-akkużi miġjuba kontriha matul il-fażi ta’ investigazzjoni preliminari, iżda qabel ma tiġi informata bl-att ta’ akkuża definittiv.

II. Il‑kuntest ġuridiku

A.   Id‑Direttiva 2016/343

7.

Id-Direttiva 2016/343 tistabbilixxi, skont l-Artikolu 1 tagħha, regoli minimi komuni dwar, minn naħa, ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza u, min-naħa l-oħra, id-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess kontra tiegħu.

8.

Il-premessi 37 u 38 tagħha jistipulaw:

“(37)

Għandu jkun ukoll possibbli li jsir proċess li jista’ jirriżulta f’deċiżjoni dwar ħtija jew innoċenza […] fl-assenza ta’ persuna suspettata jew akkużata fejn dik il-persuna tkun ġiet infurmata bil-proċess u tkun tat mandat lil avukat li jkun inħatar minn dik il-persuna jew mill-Istat biex jirrappreżentaha waqt il-proċess u li rrappreżenta l-persuna suspettata jew akkużata.

(38)

Meta jkun qed jitqies jekk il-mod kif l-informazzjoni tingħata hux biżżejjed biex jiżgura l-għarfien tal-persuna dwar il-proċess, għandha tingħata wkoll, jekk ikun xieraq, attenzjoni partikolari lid-diliġenza eżerċitata mill-awtoritajiet pubbliċi biex jinfurmaw lill-persuna kkonċernata u lid-diliġenza eżerċitata mill-persuna kkonċernata sabiex tirċievi l-informazzjoni indirizzata lilha.”

9.

L-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva, intitolat “Id-dritt li persuna tkun preżenti waqt il-proċess”, jipprevedi, fil-paragrafi 1 sa 4 tiegħu:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni suspettati jew akkużati jkollhom id-dritt li jkunu preżenti fil-proċess tagħhom.

2.   L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li proċess li jista’ jirriżulta f’deċiżjoni dwar il-ħtija jew l-innoċenza ta’ persuna suspettata jew akkużata jista’ jsir fl-assenza tiegħu jew tagħha, sakemm:

(a)

il-persuna suspettata jew akkużata tkun ġiet infurmata fi żmien debitu dwar il-proċess u dwar il-konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ dehra; jew

(b)

il-persuna suspettata jew akkużata, li tkun ġiet infurmata bil-proċess, hija rrappreżentata minn avukat [inkarigat], li ġie magħżul mill-persuna suspettata jew akkużata jew maħtur mill-Istat.

3.   Deċiżjoni li tingħata skont il-paragrafu 2 tista’ tiġi esegwita kontra l-persuna kkonċernata.

4.   Fejn l-Istati Membri jipprevedu l-possibbiltà ta’ proċessi fl-assenza ta’ persuni suspettati jew akkużati iżda ma tkunx possibbli l-konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu minħabba li persuna suspettata jew akkużata ma tistax tinstab minkejja li jkunu saru sforzi raġonevoli, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu li xorta waħda tista’ tingħata deċiżjoni u tiġi esegwita. F’dak il-każ, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta persuni suspettati jew akkużati jiġu infurmati bid-deċiżjoni, b’mod partikolari meta dawn jinqabdu, huma jiġu wkoll infurmati dwar il-possibbiltà li jikkontestaw id-deċiżjoni u dwar id-dritt għal proċess mill-ġdid jew dwar rimedji legali oħra, f’konformità mal-Artikolu 9.”

10.

L-Artikolu 9 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Id-dritt għal proċess mill-ġdid”, jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fejn persuni suspettati jew akkużati ma kinux preżenti fil-proċess tagħhom u l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 8(2) ma ġewx sodisfatti, huma jkollhom id-dritt għal proċess mill-ġdid, jew għal rimedju legali ieħor, li jippermetti eżami mill-ġdid tal-merti tal-kawża, inkluż l-eżami ta’ evidenza ġdida, u li jista’ jwassal għall-annullament tad-deċiżjoni oriġinali. F’dan ir-rigward, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawk il-persuni suspettati u akkużati jkollhom id-dritt li jkunu preżenti, jipparteċipaw b’mod effikaċi, f’konformità mal-proċeduri taħt id-dritt nazzjonali, u li jeżerċitaw id-drittijiet tad-difiża.”

B.   Id‑dritt Bulgaru

11.

L-Artikolu 55(1) tan-Nakazatelno-protsesualen kodeks (il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali, iktar ’il quddiem in-“NPK”) jistipula:

“Il-persuna akkużata tgawdi d-drittijiet li ġejjin: […] tipparteċipa fil-proċeduri kriminali […]”

12.

L-Artikolu 94(1) u (3) tan-NPK jipprovdi:

“(1)   Il-parteċipazzjoni ta’ rappreżentant fil-proċess kriminali hija obbligatorja meta:

[…]

8.

il-kawża tiġi eżaminata fl-assenza tal-persuna akkużata;

[…]

(3)   Meta l-intervent ta’ rappreżentant ikun obbligatorju, l-awtorità kompetenti taħtar avukat bħala rappreżentant.”

13.

L-Artikolu 247b(1) tan-NPK huwa fformulat kif ġej:

“Kopja tal-att ta’ akkuża għandha tingħata lill-persuna akkużata fuq ordni tal-Imħallef Relatur. In-notifika tal-att ta’ akkuża għandha tinforma lill-persuna akkużata bid-data stabbilita għas-seduta preliminari u bil-kwistjonijiet imsemmija fl-Artikolu 248(1), bid-dritt tagħha li tidher ma’ avukat tal-għażla tagħha u bil-possibbiltà li jkollha avukat imqabbad ex officio fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 94(1) u li l-kawża tista’ tiġi eżaminata u deċiża fl-assenza tagħha, skont l-Artikolu 269.”

14.

L-Artikolu 269 tan-NPK jipprevedi:

“(1)   Il-preżenza tal-persuna akkużata waqt il-proċess hija obbligatorja meta din tiġi akkużata b’reat kriminali gravi.

[…]

(3)   Meta dan ma jipprekludix li tiġi skoperta l-verità oġġettiva, il-kawża tista’ tiġi eżaminata fl-assenza tal-persuna akkużata jekk:

1.

hija ma tinsabx fl-indirizz li hija tkun indikat jew tkun biddlitu mingħajr ma informat lill-awtorità kompetenti b’dan;

2.

il-post ta’ residenza tagħha fil-Bulgarija ma jkunx magħruf u ma jkunx ġie ddeterminat wara tfittxija bir-reqqa;

[…]

4.

[hija] tkun tinsab barra mit-territorju Bulgaru, u

a)

il-post ta’ residenza tagħha ma jkunx magħruf;

[…]”

15.

L-Artikolu 423(1) sa (3) tan-NPK jipprovdi:

“(1)   F’terminu ta’ sitt xhur minn meta tieħu konjizzjoni tal-kundanna kriminali definittiva jew mill-konsenja effettiva tagħha lir-Repubblika tal-Bulgarija minn pajjiż ieħor, il-persuna kkundannata fil-kontumaċja tista’ titlob il-ftuħ mill-ġdid tal-proċess kriminali billi tinvoka l-assenza tagħha matul il-proċeduri kriminali. It-talba għandha tintlaqa’, ħlief, minn naħa, fil-każ fejn il-persuna kkundannata tkun ħarbet wara l-komunikazzjoni tal-kapijiet ta’ akkuża, fil-kuntest tal-proċedura preliminari, bl-effett li l-proċedura skont l-Artikolu 247b(1) ma tkunx tista’ tiġi eżegwita, jew, min-naħa l-oħra, wara li din il-proċedura tkun ġiet eżegwita, il-persuna kkundannata ma tkunx dehret għas-seduta mingħajr raġuni valida.

(2)   It-talba ma tissospendix l-eżekuzzjoni tal-kundanna kriminali, ħlief jekk il-qorti tipprovdi mod ieħor.

(3)   Il-proċedura ta’ ftuħ mill-ġdid tal-proċess kriminali tintemm jekk il-persuna kkundannata fil-kontumaċja ma tippreżentax ruħha fis-seduta mingħajr raġuni valida.”

16.

L-Artikolu 425 tan-NPK jistipula, fil-punt 1 tal-ewwel paragrafu tiegħu:

“Meta tiddeċiedi li t-talba għall-ftuħ mill-ġdid tkun fondata, il-qorti tista’:

1.   tannulla l-kundanna […] u tibgħat lura l-kawża għal eżami ġdid billi tindika f’liema stadju għandu jibda l-eżami l-ġdid tal-kawża.”

III. Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

17.

L-iSpetsializirana prokuratura (l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Speċjalizzat, il-Bulgarija) beda proċeduri kriminali kontra IR, minħabba l-parteċipazzjoni preżunta tiegħu fi grupp kriminali organizzat li għandu l-għan li jwettaq reati fiskali, suġġetti għal pieni ta’ priġunerija.

18.

L-att ta’ akkuża ġie nnotifikat personalment lil IR. Wara din in-notifika, IR indika l-indirizz li fih seta’ jiġi kkuntattjat. Madankollu, huwa ma nstabx meta nbdiet il-fażi ġudizzjarja tal-proċeduri kriminali u lanqas meta l-iSpetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata) ippruvat tħarrku għas-seduta. Barra minn hekk, l-avukat li huwa kien qabbad irrinunzja li jiddefendih. Il-qorti tar-rinviju ħatret avukat ex officio li, madankollu, ma kkuntattjax lil IR.

19.

Peress li l-att ta’ akkuża kien ivvizzjat b’irregolarità, dan l-att ġie ddikjarat null u l-proċedura ġudizzjarja miftuħa kontrih konsegwentement ingħalqet ( 3 ).

20.

Sussegwentement, tfassal att ta’ akkuża ġdid u l-proċedura nfetħet mill-ġdid. Madankollu, anki f’din l-okkażjoni, IR ġie mfittex, inkluż permezz tal-membri tal-familja tiegħu, tal-persuni li qabel kienu jimpjegawh u tal-operaturi tat-telefonija mobbli, iżda ma setax jinstab. Għalhekk jidher li, fil-kuntest tal-proċedura ġudizzjarja l-ġdida, minħabba l-ħarba ta’ IR, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti ma setgħux jipproċedu bin-notifika tal-att il-ġdid ta’ akkuża adottat kontrih, minkejja l-passi li ħadu għal dan il-għan.

21.

Il-qorti tar-rinviju tqis li l-kawża għandha tiġi deċiża fl-assenza ta’ IR, ħaġa li ġiet diskussa matul l-ewwel seduta tal-kawża. Hija madankollu tesponi li, fl-ipoteżi fejn IR jiġi kkundannat in absentia, hija jkollha tindika fid-deċiżjoni tagħha l-garanziji proċedurali li dan għandu wara l-proċess u, b’mod partikolari, ir-rimedji ġudizzjarji għad-dispożizzjoni tiegħu, dan sabiex tiggarantixxi l-osservanza tad-Direttiva 2016/343.

22.

Madankollu, għal dak li jirrigwarda kemm ir-regolarità tal-proċess fil-kontumaċja kif ukoll ir-rimedji ġudizzjarji, jeżisti ekwivoku fir-rigward tal-garanziji proċedurali li l-persuna kkonċernata għandha tibbenefika minnhom f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni, fejn hija, wara li tkun irċeviet l-ewwel att ta’ akkuża u qabel ma tkun bdiet il-fażi ġudizzjarja tal-proċeduri kriminali, tkun ħarbet. Il-qorti tar-rinviju tindika, barra minn hekk, li ma jistax jiġi eskluż li IR jinstab u jiġi arrestat fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor u li jiġi kkonsenjat lill-awtoritajiet Bulgari permezz ta’ mandat ta’ arrest Ewropew. Il-kwistjonijiet dwar il-portata tad-Direttiva 2016/343 għandhom għalhekk jiġu eżaminati fid-dawl tal-Artikolu 4a tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI tal-Kunsill tat‑13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri ( 4 ), kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI tas‑26 ta’ Frar 2009 ( 5 ).

23.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Ispetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 8(2)(b) moqri flimkien mal-premessi 36 sa 39 tad-Direttiva [2016/343] u l-Artikolu 4a(1)(b) moqri flimkien mal-premessi 7 sa 10 tad-Deċiżjoni Qafas [2002/584], għandhom jiġu interpretati fis-sens li jkopru l-każ li fih il-persuna akkużata tkun ġiet informata bl-akkużi mressqa kontra tagħha, fil-verżjoni oriġinali tagħhom, u li fih, wara li din il-persuna tkun ħarbet, hija ma tkunx tista’ tiġi informata dwar il-proċess u tkun irrappreżentata minn avukat imqabbad ex officio, li miegħu ma jkollha l-ebda kuntatt?

2)

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv:

Dispożizzjoni legali nazzjonali (f’dan il-każ l-Artikolu 423(1) u (5) tan-[NPK]) li ma tipprevedix rimedju ġudizzjarju kontra l-atti ta’ investigazzjoni mwettqa in absentia u kontra kundanna in absentia f’sitwazzjoni fejn il-persuna akkużata, wara li tkun ġiet informata bil-verżjoni inizjali tal-akkużi mressqa kontra tagħha, tkun ħarbet u, għalhekk, ma setgħetx tiġi informata bid-data u bil-post tal-proċess u bil-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ dehra tagħha, hija kompatibbli mal-Artikolu 9, moqri flimkien mat-tieni sentenza tal-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2016/343, u mal-Artikolu 4a(3), moqri flimkien mal-Artikolu 4a(1)(d) tad-Deċiżjoni Qafas [2002/584]?

3)

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv:

L-Artikolu 9 tad-Direttiva 2016/343, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandu effett dirett?”

24.

Il-Kummissjoni Ewropea biss ippreżentat osservazzjonijiet bil-miktub u wieġbet għall-mistoqsijiet għal tweġiba bil-miktub magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja.

IV. Analiżi

A.   Fuq l‑ammissibbiltà

25.

L-eżami tar-rinviju preliminari jeżiġi li ssir osservazzjoni preliminari dwar l-ammissibbiltà tal-ewwel u t-tieni domanda preliminari.

26.

Kull waħda minn dawn iż-żewġ domandi hija magħmula minn żewġ partijiet. L-ewwel parti tikkonċerna l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 2016/343, filwaqt li t-tieni parti tirrigwarda dik tad-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584. Issa, bħall-Kummissjoni, inqis li l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-deċiżjoni qafas, u, b’mod partikolari, tal-Artikolu 4a tagħha, ma hijiex rilevanti għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali. Fil-fatt, fid-dawl tal-kuntest fattwali ddefinit fit-talba għal deċiżjoni preliminari, nikkonstata li l-kawża pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju u li fiha hija mitluba tagħti deċiżjoni ma tikkonċernax, la prinċipalment u lanqas inċidentalment, il-kwistjoni tal-validità jew tal-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew. L-interpretazzjoni li titlob l-iSpetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata) tad-dispożizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 4a tal-imsemmija deċiżjoni qafas fil-verità tirriżulta minn problema ta’ natura ipotetika, peress li din il-qorti tirrileva li ma jistax jiġi eskluż li IR jinstab u jiġi arrestat fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor u kkonsenjat lill-awtoritajiet Bulgari bis-saħħa ta’ mandat ta’ arrest Ewropew.

27.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, nipproponi, b’mod konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li l-ewwel u t-tieni domanda preliminari jiġu ddikjarati inammissibbli sa fejn jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 ( 6 ).

B.   Fuq il‑mertu

28.

Dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jistieden, essenzjalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddetermina sa fejn persuna kkundannata wara proċess li fih hija ma tkunx dehret tista’ tibbenefika, skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2016/343, minn proċedura ġdida meta din il-persuna, wara li tkun ġiet innotifikata b’att ta’ akkuża sussegwentement annullat, tkun ħarbet, b’tali mod li la tkun ġiet informata bl-att ta’ akkuża definittiv, la biż-żamma tal-proċess tagħha, u lanqas bil-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ dehra, minn naħa, u min-naħa l-oħra tkun irrappreżentata minn avukat maħtur mill-Istat, li miegħu ma jkollha ebda kuntatt.

29.

Il-qorti tar-rinviju tagħmel id-domandi tagħha lill-Qorti tal-Ġustizzja, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet previsti fl-Artikolu 423(1) tan-NPK. Fil-fatt, dan l-artikolu jistipula l-prinċipju li talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri kriminali għandha tintlaqa’ meta din issir minn persuna kkundannata fil-kontumaċja fi żmien sitt xhur wara li tkun saret taf bid-deċiżjoni tal-kundanna ( 7 ). Madankollu, l-imsemmi artikolu jipprevedi xi eċċezzjonijiet għal dan il-prinċipju ( 8 ). B’hekk, it-talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri kriminali tista’ tiġi miċħuda meta l-persuna kkundannata tkun ħarbet wara l-komunikazzjoni tal-kapijiet ta’ akkuża waqt l-investigazzjoni, iżda qabel ma tiġi nnotifikata bl-att tal-akkuża definittiv. Minn dan jirriżulta, skont il-qorti tar-rinviju, li ma hemmx dritt għal proċess ġdid fis-sitwazzjoni fejn il-persuna akkużata ma tkunx ġiet għalhekk informata la bis-seduta preliminari, la bil-possibbiltà li tiġi rrappreżentata minn avukat, u lanqas bil-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ dehra.

30.

Sa fejn ebda dispożizzjoni tad-Direttiva 2016/343 ma tipprovdi indikazzjoni ċara dwar is-sistema legali applikabbli għal persuna maħruba u dwar id-drittijiet irrikonoxxuti lilha wara proċess li ma tkunx dehret fih, il-qorti tar-rinviju tistieden għalhekk lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddetermina jekk tali leġiżlazzjoni hijiex konformi ma’ din id-direttiva.

31.

Għal dan il-għan, hija titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża jekk persuna li tinsab fis-sitwazzjoni ta’ IR għandhiex titqies li taqa’ taħt is-sistema legali prevista fl-Artikolu 8(2) u (3) tad-Direttiva 2016/343, li bis-saħħa tagħha huwa possibbli li tiġi eżegwita d-deċiżjoni mogħtija wara proċess li fih din il-persuna ma tkunx dehret (l-ewwel domanda), jew pjuttost taħt dik imsemmija fl-Artikolu 8(4) u fl-Artikolu 9 ta’ din id-direttiva, li bis-saħħa tagħha din il-persuna għandha tibbenefika minn proċedura ġdida (it-tieni domanda).

32.

Sa fejn dawn iż-żewġ gruppi ta’ regoli huma relatati, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja teżamina flimkien l-ewwel u t-tieni domanda preliminari.

33.

Ser nibda l-analiżi tiegħi billi neżamina l-kliem tal-Artikoli 8 u 9 tad-Direttiva 2016/343, qabel ma niffoka dan l-eżami, minn naħa, fuq l-għanijiet li l-leġiżlatur tal-Unjoni jrid jilħaq fil-kuntest ta’ din id-direttiva u, min-naħa l-oħra, fuq il-ġurisprudenza li l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem stabbilixxiet fir-rigward tal-osservanza tal-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali ( 9 ).

1. Analiżi testwali tal‑Artikolu 8(2) u (4) kif ukoll tal‑Artikolu 9 tad‑Direttiva 2016/343

34.

Wara li jafferma l-prinċipju li l-persuni akkużati għandhom id-dritt li jkunu preżenti waqt il-proċess kontra tagħhom, il-leġiżlatur tal-Unjoni jawtorizza lill-Istati Membri jipprevedu proċeduri li jippermettu li l-persuni jiġu ġġudikati fl-assenza tagħhom. Għalhekk, skont l-Artikolu 8(2) u (3) tad-Direttiva 2016/343, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu li jsir proċess fl-assenza tal-persuna akkużata u li tiġi eżegwita d-deċiżjoni adottata fi tmiem tiegħu. Dawn id-dispożizzjonijiet huma bbażati fuq il-premessa li din il-persuna tkun ġiet informata bid-data u l-post tas-smigħ tagħha, b’tali mod li hija titqies li tkun irrinunzjat volontarjament u b’mod inekwivoku milli tkun preżenti għalih.

35.

Fil-fatt, kif ser nuri, mill-Artikoli 8 u 9 ta’ din id-direttiva jirriżulta li l-persuni kkundannati waqt proċess li ma jkunux dehru għalih jinqasmu f’żewġ kategoriji. Minn naħa, il-kategorija tal-persuni li huwa ċert li huma saru jafu jew setgħu saru jafu bid-data u l-post tal-proċess tagħhom u, min-naħa l-oħra, dik tal-oħrajn. Il-persuni li jagħmlu parti mit-tieni kategorija għandhom dritt għal proċess ġdid, filwaqt li l-persuni li jagħmlu parti mill-ewwel kategorija ma jibbenefikawx minn tali miżura. Sabiex tiġi rrifjutata l-organizzazzjoni ta’ proċess ġdid, il-leġiżlatur tal-Unjoni jistipula żewġ kundizzjonijiet ( 10 ).

36.

L-ewwel kundizzjoni, prevista fl-Artikolu 8(2)(a) tad-Direttiva 2016/343, tirrigwarda l-informazzjoni tal-persuna akkużata. Din għandha tkun ġiet informata, fi żmien xieraq, biż-żamma tal-proċess tagħha u bil-konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ dehra. Fi kliem ieħor, din il-persuna għandha tkun ġiet mgħarrfa bil-fatt li tista’ tingħata deċiżjoni dwar il-ħtija jew dwar l-innoċenza tagħha jekk hija ma tidhirx fil-proċess.

37.

It-tieni kundizzjoni, imsemmija fl-Artikolu 8(2)(b) ta’ din id-direttiva, tirrigwarda r-rappreżentanza tal-persuna akkużata minn avukat. Din tikkonċerna l-każ li fih din il-persuna, wara li tkun ġiet informata biż-żamma tal-proċess, tagħżel deliberatament li tkun irrappreżentata minn konsulent legali minflok ma tidher personalment waqt il-proċess ( 11 ). Bħala prinċipju, dan juri li hija tkun irrinunzjat għad-dritt li tkun preżenti waqt il-proċess kontra tagħha, iżda fl-istess waqt tiżgura d-dritt tagħha li tiddefendi lilha nnifisha. Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tqis li d-dritt ta’ kull persuna akkużata li tkun effettivament difiża minn avukat, jekk ikun meħtieġ imqabbad ex officio, huwa wieħed mill-elementi fundamentali ta’ smigħ xieraq. Persuna akkużata ma għandhiex titlef il-benefiċċju tad-difiża minħabba s-sempliċi fatt li ma tkunx preżenti għad-dibattiti. Għaldaqstant, huwa ta’ importanza kruċjali għall-ekwità tas-sistema kriminali li l-assenza tal-persuna akkużata fil-proċess tagħha ma tiġix issanzjonata b’deroga mid-dritt għall-assistenza ta’ avukat u li tiġi difiża b’mod adegwat kemm fl-ewwel istanza kif ukoll fl-appell ( 12 ).

38.

Fl-ewwel lok, nikkonstata li, sabiex kull waħda minn dawn il-kundizzjonijiet tiġi ssodisfatta, jeħtieġ li l-persuna akkużata tkun ġiet informata biż-żamma tal-proċess tagħha. L-osservanza ta’ dan l-obbligu hija għalhekk essenzjali għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ kundanna adottata wara proċess li fih din il-persuna ma tkunx dehret.

39.

Fit-tieni lok, nikkonstata li n-nuqqas ta’ osservanza ta’ dan l-obbligu ta’ informazzjoni jwassal għall-applikazzjoni tar-regoli stipulati fl-Artikolu 8(4) u fl-Artikolu 9 tad-Direttiva 2016/343, peress li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti huma għalhekk obbligati li jiżguraw li l-persuna akkużata tibbenefika minn proċedura ġdida. Kif jixhdu l-kliem ta’ dawn l-artikoli ( 13 ), id-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 8(2) u (3), kif ukoll dawk stipulati fl-Artikolu 8(4) u fl-Artikolu 9 ta’ din id-direttiva huma relatati b’mod li jifformaw unità koerenti, peress li l-informazzjoni ta’ din il-persuna tikkostitwixxi “l-punt kritiku” f’kull waħda mis-sistemi.

40.

Il-portata tad-dritt għal proċess ġdid hija għalhekk iddefinita fl-Artikolu 9 tal-imsemmija direttiva.

41.

Fir-rigward tal-forma tal-proċedura l-ġdida, il-leġiżlatur tal-Unjoni jħalli f’idejn l-Istati Membri sabiex jiddeterminaw is-sistema ta’ rimedji ġudizzjarji u ta’ proċeduri li jippermettu li jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża tal-persuni kkundannati in absentia. Dan huwa perfettament konsistenti fid-dawl tan-natura minima tar-regoli stabbiliti mid-Direttiva 2016/343 ( 14 ), peress li din ma tikkostitwixxix strument komplet u eżawrjenti li għandu l-għan li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet kollha għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni ġudizzjarja ( 15 ). L-għażla ta’ dawn il-modalitajiet taqa’ taħt l-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri u titwettaq skont il-partikolaritajiet tas-sistema legali ta’ dawn tal-aħħar.

42.

Fir-rigward tal-portata ta’ din il-proċedura l-ġdida, il-leġiżlatur tal-Unjoni, min-naħa l-oħra, jimponi fuq l-Istati Membri obbligi preċiżi u inekwivokabbli. Fil-fatt, huwa jeżiġi li dawn tal-aħħar jistabbilixxu proċedura li tippermetti evalwazzjoni mill-ġdid tal-mertu tal-kawża, inkluż eżami tal-provi l-ġodda, u li tippermetti, barra minn hekk, li tiġi annullata d-deċiżjoni inizjali. Huwa jimponi fuq l-Istati Membri, sussegwentement, li dawn jiżguraw li l-persuna akkużata tibbenefika, fil-kuntest ta’ dan ir-rimedju ġuridiku ġdid, mid-dritt li tkun preżenti u li tipparteċipa effettivament fl-istanza li tirriżulta minnu, skont il-proċeduri previsti mid-dritt nazzjonali, u li hija tkun tista’ teżerċita d-drittijiet tad-difiża.

43.

Il-leġiżlatur tal-Unjoni hawnhekk jinkorpora r-rekwiżiti essenzjali tal-proċedura l-ġdida stabbiliti mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem li jien ser nesponi fil-punti 66 u 67 ta’ dawn il-konklużjonijiet ( 16 ).

44.

Wara dan l-eżami tal-kliem tad-Direttiva 2016/343, nikkonstata li sitwazzjoni li fiha l-persuna akkużata ma tkunx ġiet informata la biż-żamma tal-proċess tagħha u lanqas bil-konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ dehra għalhekk ma taqax, a priori, taħt id-dispożizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 8(2) ta’ din id-direttiva, iżda taħt dawk stipulati fl-Artikolu 8(4) tagħha.

45.

Madankollu, għad hemm “żona griża” li tikkonċerna s-sitwazzjoni tal-persuni li ma jkunux ġew informati biż-żamma tal-proċess tagħhom għal raġuni imputabbli lilhom. Il-mistoqsija li għaliha issa trid tingħata tweġiba hija, b’mod partikolari, dik dwar jekk din l-interpretazzjoni hijiex applikabbli f’sitwazzjoni li fiha l-persuna akkużata ma tkunx setgħet tiġi informata la biż-żamma tal-proċess tagħha u lanqas bil-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ dehra, minħabba li tkun ħarbet.

46.

Fi kliem ieħor, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried li jagħmel l-osservanza tal-obbligu ta’ informazzjoni rekwiżit assolut, irrispettivament mill-aġir adottat mill-persuna akkużata u, b’mod partikolari, mir-raġunijiet għalfejn din ma tkunx tista’ tinstab, minkejja l-isforzi tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti? Il-leġiżlatur tal-Unjoni jeżiġi li l-Istati Membri jipprevedu proċedura ġdida kull darba li l-persuna akkużata taħrab?

47.

Għar-raġunijiet li sejjer nesponi, ma iniex konvint minn dan.

48.

Fl-ewwel lok, mill-premessa 36 tad-Direttiva 2016/343 jirriżulta li l-obbligu tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li jinformaw lill-persuna akkużata biż-żamma tal-proċess jimplika li hija tiġi mħarrka personalment jew li tiġi informata uffiċjalment u fi żmien xieraq, b’mezzi oħra, bid-data u l-post stabbiliti għall-proċess, b’mod li tkun tista’ ssir taf dwaru. Il-leġiżlatur tal-Unjoni hawnhekk jinkorpora wkoll il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, li tgħid li persuna akkużata tista’ titqies li rrinunzjat b’mod impliċitu, bl-aġir tagħha, għad-dritt li tieħu sehem fil-proċess tagħha jekk ikun intwera li setgħet raġonevolment tipprevedi l-konsegwenzi tal-aġir tagħha f’dan ir-rigward ( 17 ). Il-qrati nazzjonali għandhom għalhekk jeżerċitaw id-diliġenza dovuta billi jħarrku lill-persuna akkużata fil-forma korretta u debita ( 18 ), li timplika li din għandha tiġi informata dwar iż-żamma tas-seduta sabiex mhux biss tkun taf id-data, il-ħin u l-post tas-seduta, iżda wkoll biex ikollha żmien biżżejjed biex tħejji d-difiża tagħha u titla’ l-qorti ( 19 ).

49.

Madankollu, mill-premessa 38 tad-Direttiva 2016/343 jirriżulta li l-mod kif tiġi pprovduta l-informazzjoni, u, b’mod partikolari, kemm din tkun suffiċjenti, jista’ jkun is-suġġett ta’ stħarriġ. Fil-fatt, il-leġiżlatur tal-Unjoni jirrileva li, “[m]eta jkun qed jitqies jekk il-mod kif l-informazzjoni tingħata hux biżżejjed biex jiżgura l-għarfien tal-persuna dwar il-proċess, għandha tingħata wkoll, jekk ikun xieraq, attenzjoni partikolari lid-diliġenza eżerċitata mill-awtoritajiet pubbliċi biex jinfurmaw lill-persuna kkonċernata u lid-diliġenza eżerċitata mill-persuna kkonċernata sabiex tirċievi l-informazzjoni indirizzata lilha”.

50.

Minn dan niddeduċi li l-Istati Membri jistgħu għalhekk jeżaminaw każ b’każ il-mod u ċ-ċirkustanzi li fihom l-informazzjoni tkun ġiet ikkomunikata lill-persuna akkużata. L-użu tal-espressjonijiet “jekk ikun xieraq” u “wkoll” huwa intiż, fil-fehma tiegħi, li juri li l-Istati Membri jistgħu jieħdu inkunsiderazzjoni fatturi differenti minn dawk relatati man-natura, il-forma jew il-kontenut tal-att li permezz tiegħu tkun ġiet ikkomunikata l-informazzjoni. Billi jeżiġi li dawn tal-aħħar jagħtu “attenzjoni partikolari” lid-diliġenza li jkunu eżerċitaw kemm l-awtoritajiet nazzjonali kif ukoll il-persuna akkużata sabiex, rispettivament, jikkomunikaw jew jirċievu l-informazzjoni, il-leġiżlatur tal-Unjoni jenfasizza, fil-fehma tiegħi, l-aġir adottat minn kull waħda mill-partijiet fil-proċeduri kriminali.

51.

Huwa fil-kuntest ta’ dan l-eżami li l-Istati Membri jistgħu, fil-fehma tiegħi, jieħdu inkunsiderazzjoni l-ħarba tal-persuna akkużata. Dan il-kunċett, minkejja li jissemma fil-premessa 39 tad-Direttiva 2016/343, ma huwiex iddefinit fil-kuntest tagħha. Madankollu, mis-sens komun jirriżulta li l-“ħarba” tfisser, qabel kollox, aġir u, b’mod partikolari, dak li permezz tiegħu persuna tevadi, taħrab jew tipprova tevita dak li huwa diffiċli, ta’ piż jew perikoluż ( 20 ).

52.

Naħseb għalhekk li jeħtieġ li ssir distinzjoni bejn żewġ xenarji fir-rigward tal-persuni maħruba.

53.

L-ewwel xenarju huwa dak li fih, minkejja d-diliġenza kollha u l-isforzi kollha tal-awtoritajiet nazzjonali sabiex jinformaw lill-persuna akkużata bid-data u l-post tal-proċess tagħha kif ukoll bil-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ dehra, din l-informazzjoni ma tkunx ġiet ikkomunikata lilha peress li hija tkun naqset, deliberatament u intenzjonalment, milli twettaq l-obbligi tagħha sabiex tiġi informata biż-żamma tal-proċess -tagħha, u dan bl-intenzjoni li tipprova tevita l-ġustizzja. F’dan ix-xenarju, fejn l-awtoritajiet nazzjonali jkunu ħadu l-passi kollha meħtieġa sabiex jinformaw lill-persuna akkużata u fejn din, bl-aġir tagħha, topponi l-komunikazzjoni ta’ din l-informazzjoni, naħseb li l-Istati Membri għandhom ikunu f’pożizzjoni li jeżegwixxu d-deċiżjoni ta’ kundanna skont il-kliem tal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2016/343 u li jirrifjutaw li jorganizzaw proċess ġdida.

54.

It-tieni xenarju huwa dak fejn il-persuna akkużata ma tkunx ġiet informata bid-data u l-post tal-proċess tagħha għal raġunijiet li jkunu, għall-kuntrarju, differenti ħafna, indipendenti mir-rieda tagħha jew marbuta mal-eżistenza ta’ raġunijiet leġittimi, bħall-marġinalizzazzjoni tagħha jew inkella l-vulnerabbiltà tagħha. F’dan ix-xenarju, fejn in-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu ta’ informazzjoni ma jirriżultax mill-ksur deliberat u intenzjonat mill-persuna akkużata tal-obbligi imposti fuqha, l-Istati Membri għandhom jiggarantixxu li din il-persuna tibbenefika mid-dritt għal proċess ġdid, konformement mal-prinċipji stipulati fit-tieni sentenza tal-Artikolu 8(4) u fl-Artikolu 9 tad-Direttiva 2016/343.

55.

Id-distinzjoni li jiena nipproponi li ssir fir-rigward tal-persuni maħruba teżiġi li l-qorti nazzjonali tipproċedi għal eżami komplet taċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża.

56.

Hija għandha għalhekk tivverifika li l-awtoritajiet nazzjonali jkunu eżerċitaw diliġenza suffiċjenti fl-isforzi tagħhom sabiex jinformaw lill-persuna akkużata, jiżguraw il-preżenza tagħha quddiem il-qorti tas-sentenza u jsibuha, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni, f’dan il-kuntest, in-natura u l-portata tal-obbligi imposti fuq din il-persuna sabiex tirċievi l-informazzjoni relatata mal-proċess tagħha. Jekk ikun il-każ, il-qorti nazzjonali għandha tkun f’pożizzjoni li turi b’mod inekwivoku, abbażi ta’ fatti preċiżi u oġġettivi speċifiċi għall-kawża, li l-imsemmija persuna tkun ġiet informata bin-natura kif ukoll bil-kawża tal-akkużi miġjuba kontriha u li hija, deliberatament u intenzjonalment, naqset milli twettaq l-obbligi tagħha sabiex tkun tista’ tiġi informata biż-żamma tal-proċess tagħha, pereżempju, billi tkun tat indirizz żbaljat jew billi ma tkunx avżat bit-bidla fl-indirizz tagħha, minkejja istruzzjonijiet f’dan is-sens.

57.

L-interpretazzjoni li nissuġġerixxi tal-kliem tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2016/343 ma hijiex, fil-fehma tiegħi, ta’ natura li tippreġudika l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlatur tal-Unjoni ( 21 ).

2. Analiżi teleoloġika tad‑Direttiva 2016/343

58.

Infakkar li d-Direttiva 2016/343 għandha l-għan li tistipula regoli minimi komuni dwar id-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess kontra tiegħu sabiex issaħħaħ ir-rikonoxximent u l-fiduċja reċiproċi tal-Istati Membri fis-sistemi tal-ġustizzja kriminali rispettivi tagħhom ( 22 ). Infakkar ukoll, b’mod konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li din id-direttiva ma tikkostitwixxix strument komplet u eżawrjenti li għandu l-għan li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet kollha għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni ġudizzjarja ( 23 ). Għalhekk, għalkemm il-leġiżlatur tal-Unjoni jeżiġi li l-Istati Membri jipprevedu proċedura ġdida sabiex jiggarantixxu r-rispett tad-drittijiet tad-difiża tal-persuni kkundannati in absentia, mhux bilfors jirriżulta neċessarjament minn dan dritt għal dawn tal-aħħar li jibbenefikaw minn proċess ġdid fi kwalunkwe każ, sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta’ din id-direttiva.

59.

Kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fid-digriet tal‑14 ta’ Jannar 2021, UC u TD (Difetti fil-validità formali tal-att ta’ akkuża) ( 24 ), hija għalhekk il-qorti nazzjonali li għandha “tiżgura bilanċ ġust bejn, minn naħa, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża u, min-naħa l-oħra, in-neċessità li tiġi ggarantita l-effettività tal-proċeduri kif ukoll dik li jiġi żgurat li l-proċedura tiżvolġi f’terminu raġonevoli” ( 25 ). Issa, interpretazzjoni daqstant stretta tad-dritt għal smigħ xieraq, li teżiġi b’mod sistematiku l-possibbiltà li tinfetaħ proċedura ġdida, anki fl-ipoteżi fejn l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jsibu ruħhom de facto fl-impossibbiltà li jinformaw lill-persuna akkużata biż-żamma tal-proċess tagħha minħabba li tkun ħarbet, għaliex hija ma tosservax, deliberatament u intenzjonalment, l-obbligi imposti fuqha sabiex tirċievi din l-informazzjoni, tirriskja li żżid l-abbuż ta’ dritt u ta’ proċedura ta’ ċerti akkużati li jkunu qed jittamaw li jkunu jistgħu jinvokaw l-iskadenza ta’ terminu raġonevoli jew il-preskrizzjoni tal-azzjoni pubblika, bil-konsegwenza ta’ dewmien fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja, l-iskoraġġiment tal-vittmi, li xi drabi jkollhom iħallsu l-prezz morali u finanzjarju ta’ diversi seduti, jew saħansitra ċaħda tal-ġustizzja.

60.

Ir-regoli stabbiliti fl-Artikolu 8(2) sa (4) u fl-Artikolu 9 tad-Direttiva 2016/343 għandhom għalhekk jippermettu li jiġi ggarantit bilanċ ġust bejn, minn naħa, l-effettività tal-proċeduri u amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, billi jippermettu lill-Istati Membri li jeżegwixxu deċiżjoni kontra l-persuna li, bi ksur flagranti tal-obbligi tagħha, tkun qiegħdet lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti f’sitwazzjoni fejn ikun impossibbli għalihom li jinformawha biż-żamma tal-proċess tagħha, b’mod li tipprova tevita l-ġustizzja, u, min-naħa l-oħra, id-dritt għal proċedura ġdida, li għandu jkollha l-għan li tiggarantixxi d-drittijiet tad-difiża ta’ dik il-persuna li la kellha intenzjoni li tirrinunzja li tidher u tiddefendi lilha nnifisha u lanqas l-intenzjoni li tevadi l-ġustizzja.

61.

L-interpretazzjoni li jiena nirrakkomanda tikkonforma, fl-aħħar nett, mal-ġurisprudenza li l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem stabbilixxiet fir-rigward tar-rispett tal-Artikolu 6(1) tal-KEDB.

3. Analiżi tal‑ġurisprudenza tal‑Qorti Ewropea tad‑Drittijiet tal‑Bniedem

62.

Il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret fis-sentenza tat‑13 ta’ Frar 2020, Spetsializirana prokuratura (Seduta fl-assenza tal-persuna akkużata) ( 26 ), ir-raġunijiet li għalihom jeħtieġ li titqies il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar ir-rispett tad-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess kontra tiegħu fil-kuntest tal-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet stipulati fid-Direttiva 2016/343 ( 27 ). Il-leġiżlatur tal-Unjoni, fil-fatt, iddikjara b’mod ċar fil-premessi 11, 13, 33, 45, 47 u 48 ta’ din id-direttiva x-xewqa tiegħu li jsaħħaħ u jiggarantixxi applikazzjoni effettiva tad-dritt għal smigħ xieraq fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali billi inkluda, fid-dritt tal-Unjoni, il-ġurisprudenza żviluppata minn din il-Qorti EDB fir-rigward tal-osservanza tal-Artikolu 6(1) tal-KEDB.

63.

Fir-rigward ta’ dan l-artikolu, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tqis li l-ħarba ta’ persuna tkun suffiċjentement ikkaratterizzata meta din tal-aħħar tkun taf li hemm proċeduri kriminali kontriha, tkun taf in-natura kif ukoll il-kawża tal-akkuża u ma jkollhiex l-intenzjoni li tieħu sehem fil-proċess jew ikollha l-intenzjoni li tevadi l-proċeduri ( 28 ).

64.

F’dan il-kuntest, din il-Qorti EDB tirraġuna f’żewġ stadji.

65.

Fl-ewwel lok, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tiddetermina jekk ġiex stabbilit, abbażi ta’ fatti oġġettivi u rilevanti, li l-persuna akkużata rrinunzjat għad-dritt tagħha li tidher u tiddefendi lilha nnifisha jew jekk kellhiex l-intenzjoni li tevadi l-ġustizzja. F’dan ir-rigward, din il-Qorti EDB teżiġi li l-qrati nazzjonali jeżerċitaw id-diliġenza meħtieġa billi jinnotifikaw personalment lill-persuna akkużata bl-akkużi kontriha u billi jħarrkuha fil-forma korretta u debita ( 29 ). Fl-assenza ta’ rċevuta ta’ notifika uffiċjali, ċerti fatti u konstatazzjonijiet suffiċjenti jistgħu, skont l-imsemmija Qorti EDB, jippermettu li jintwera, mingħajr ekwivoku, li l-persuna akkużata hija informata li hemm proċeduri kriminali kontriha, li hija taf in-natura kif ukoll il-kawża tal-akkuża u li hija ma għandhiex l-intenzjoni li tieħu sehem fil-proċess jew għandha l-intenzjoni li tevadi l-proċeduri ( 30 ). Huwa f’dan il-kuntest li hija teżamina jekk l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti kinux diliġenti biżżejjed fl-isforzi tagħhom biex isibu lill-persuna akkużata u biex jinformawha dwar il-proċeduri kriminali ( 31 ), b’mod partikolari billi jwettqu tfittxijiet adegwati ( 32 ). Fis-sentenza tal‑11 ta’ Ottubru 2012, Abdelali vs Franza ( 33 ), l-istess Qorti EDB fakkret għalhekk li s-sempliċi assenza tar-rikorrent mill-post ta’ residenza abitwali tiegħu jew mid-domiċilju tal-ġenituri tiegħu ma kinitx biżżejjed biex jitqies li r-rikorrent kien jaf dwar il-proċeduri kif ukoll dwar il-proċess kontrih u li kien “maħrub”.

66.

Meta dawn il-konstatazzjonijiet ma jkunux suffiċjenti, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem teżamina, fit-tieni lok, sa liema punt il-persuna akkużata setgħet ibbenefikat, b’ċertezza, mill-possibbiltà li tidher fi proċess ġdid ( 34 ). Fil-fehma tagħha, l-obbligu li jiġi ggarantit li l-persuna akkużata jkollha d-dritt li tkun preżenti fl-awla –kemm waqt l-ewwel proċedura kontriha, kif ukoll waqt proċess ġdid – huwa wieħed mill-elementi essenzjali tal-Artikolu 6 tal-KEDB. Fin-nuqqas ta’ dan, il-proċeduri kriminali jitqiesu li jkunu “manifestament kuntrarji għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6 [tal-KEDB]” jew jikkostitwixxu “ċaħda flagranti tal-ġustizzja” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ( 35 ).

67.

Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem teżiġi għalhekk li l-persuna akkużata jkollha l-possibbiltà li tikseb evalwazzjoni mill-ġdid tal-fondatezza tal-akkużi miġjuba kontriha, fil-fatt u fid-dritt, minn qorti “li [jkollha] ġurisdizzjoni sħiħa” [traduzzjoni mhux uffiċjali] u li tkun sedenti fil-preżenza tagħha ( 36 ), li toffrilha l-garanziji kollha ta’ smigħ xieraq offruti mill-Artikolu 6 tal-KEDB. Madankollu, hija tħalli lill-Istati kontraenti “libertà kbira fl-għażla tal-mezzi li jippermettu lis-sistemi ġudizzjarji tagħhom jissodisfaw ir-rekwiżiti [ta’ dan l-artikolu]”, sakemm“ir-riżorsi offruti mid-dritt intern ikunu effettivi jekk il-persuna akkużata la tkun irrinunzjat milli tidher u tiddefendi lilha nnifisha u lanqas ma kellha l-intenzjoni li tevadi l-ġustizzja” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ( 37 ).

68.

Il-prinċipji hekk esposti ġew applikati mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fis-sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2017, Lena Atanasova vs Il-Bulgarija ( 38 ). Fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza, din il-Qorti EDB kienet adita bil-kwistjoni dwar jekk il-Varhoven kasatsionen sad (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni) kinitx kisret l-Artikolu 6(1) tal-KEDB billi ċaħdet, abbażi tal-Artikolu 423(1) tan-NPK –imsemmi f’dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari –, talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri kriminali mressqa mir-rikorrenti, maħruba, minħabba li din kienet ipprovat tevadi l-ġustizzja u għalhekk kienet għamlitha impossibbli għaliha nnifisha li tipparteċipa fil-proċess kriminali tagħha bl-aġir illeċitu tagħha ( 39 ).

69.

Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem qieset din iċ-ċaħda bħala li ma kinitx tikkostitwixxi tali ksur sa fejn l-akkużata kienet xjentement u validament irrinunzjat, b’mod impliċitu, għad-dritt tagħha li tidher personalment quddiem il-qrati, iggarantit mill-Artikolu 6(1) tal-KEDB. Din il-Qorti EDB kkonstatat minn qabel li r-rikorrenti kienet ġiet debitament informata bl-eżistenza ta’ proċeduri kriminali kontriha kif ukoll dwar l-akkużi mressqa kontriha, li hija kienet irrikonoxxiet il-fatti u ddikjarat li kienet lesta tagħti spjegazzjonijiet iddettaljati kif ukoll li tinnegozja t-termini tal-kundanna tagħha. L-imsemmija Qorti EDB kkonstatat ukoll li t-taħrika biex tidher ma setgħetx tingħatalha minħabba l-bidla fid-domiċilju tagħha, bidla li hija kienet naqset milli tikkomunika lill-awtoritajiet kompetenti. L-istess Qorti EDB iddeċidiet li l-awtoritajiet nazzjonali kienu, barra minn hekk, ħadu l-passi raġonevolment neċessarji sabiex jiżguraw il-preżenza tal-persuna akkużata waqt il-proċess. F’din il-kawża, l-awtoritajiet kienu, l-ewwel nett, ippruvaw iħarrku lil din il-persuna fl-indirizz li hija kienet tat qabel ma reġgħu fittxewha, sussegwentement, fl-indirizzi magħrufa tagħha jew fil-ħabsijiet u kienu, fl-aħħar nett, aċċertaw ukoll li hija ma kinitx telqet mit-territorju nazzjonali ( 40 ).

70.

Għall-kuntrarju, din ma hijiex il-konklużjoni li waslet għaliha l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fis-sentenza tat‑23 ta’ Mejju 2006, Kounov vs Il-Bulgarija ( 41 ). F’din is-sentenza, din il-Qorti EDB, fil-fatt, ikkonkludiet li kien hemm ksur tal-Artikolu 6(1) tal-KEDB sa fejn ir-rikorrent, li kien ġie kkundannat in absentia, ġie miċħud id-dritt għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri kriminali mingħajr ma l-awtoritajiet stabbilixxew li huwa kien irrinunzja, b’mod inekwivoku, għad-dritt tiegħu li jidher. Fl-imsemmija sentenza, l-imsemmija Qorti EDB kkonstatat li l-akkużat kien instema’ dwar il-fatti inkriminanti, iżda ma kienx ġie personalment informat bl-investigazzjoni tiegħu. Hija qieset li, fl-assenza ta’ notifika lir-rikorrent tal-akkużi miġjuba kontrih, ma kien hemm xejn, fil-provi prodotti quddiemha, li jistabbilixxi li kien jaf bil-ftuħ tal-proċeduri, bir-rinviju tiegħu għal deċiżjoni jew bid-data tas-smigħ tiegħu. Hija qieset li, peress li ġie mistoqsi dwar il-fatti mill-pulizija, ir-rikorrent seta’ biss jippreżumi li kienu se jinbdew proċeduri, iżda fl-ebda każ ma seta’ jkun jaf preċiżament bl-akkużi li kienu ser isiru ( 42 ).

71.

Nikkonstata li l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem għalhekk tfittex ukoll li tiggarantixxi bilanċ bejn ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża tal-persuna li ma tkunx dehret fil-proċess tagħha u l-ħtieġa li tiggarantixxi l-effettività tal-proċeduri kriminali fis-sitwazzjonijiet li fihom din il-persuna tkun uriet, mingħajr ekwivoku, ir-rieda tagħha li tevitahom.

72.

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li l-Artikolu 8(2) u (3) tad-Direttiva 2016/343 ikopri sitwazzjoni li fiha l-qorti nazzjonali tikkonstata, waqt li tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi konkreti kollha li jikkaratterizzaw is-sitwazzjoni inkwistjoni, li, minkejja d-diliġenza u l-isforzi li jkunu wrew l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti sabiex jinformaw lill-persuna akkużata biż-żamma tal-proċess tagħha u bil-konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ dehra, din tal-aħħar tkun naqset, b’mod deliberat u intenzjonat, mill-obbligi tagħha li tirċievi din l-informazzjoni bl-għan li tevadi l-ġustizzja.

73.

Fil-kuntest ta’ dan l-eżami, hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddetermina n-natura kif ukoll il-portata tal-obbligi li għandha l-persuna akkużata sabiex tinżamm informata u, jekk ikun il-każ, li turi, mingħajr ekwivoku, abbażi ta’ fatti preċiżi u oġġettivi, li din kienet taf in-natura kif ukoll il-kawża tal-akkużi miġjuba kontriha u li hija ħarbet deliberatament u intenzjonalment.

74.

It-tieni sentenza tal-Artikolu 8(4) u l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2016/343 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li permezz tagħha ma tintlaqax proċedura ġdida meta l-persuna akkużata tkun ħarbet wara li tkun ġiet informata bl-akkużi kontriha matul il-fażi ta’ investigazzjoni preliminari, iżda qabel ma tkun ġiet informata bl-att ta’ akkuża definittiv, bil-kundizzjoni li l-qorti nazzjonali tagħmel il-konstatazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq.

75.

Fid-dawl tar-risposta li nipproponi li tingħata għall-ewwel u għat-tieni domanda preliminari, eżaminati flimkien, ma jidhirlix li huwa meħtieġ li tingħata risposta għat-tielet domanda preliminari.

V. Konklużjoni

76.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-iSpetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata, il-Bulgarija) kif ġej:

1)

L-Artikolu 8(2) u (3) tad-Direttiva (UE) 2016/343 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Marzu 2016 dwar it-tisħiħ ta’ ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tad-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess fil-proċedimenti kriminali, għandu jiġi interpretat fis-sens li jkopri sitwazzjoni li fiha l-qorti nazzjonali tikkonstata, waqt li tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi konkreti kollha li jikkaratterizzaw is-sitwazzjoni inkwistjoni, li, minkejja d-diliġenza u l-isforzi li jkunu wrew l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti sabiex jinformaw lill-persuna akkużata biż-żamma tal-proċess tagħha u bil-konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ dehra, din tal-aħħar naqset, b’mod deliberat u intenzjonat, mill-obbligi tagħha li tirċievi din l-informazzjoni bl-għan li tevadi l-ġustizzja.

2)

Fil-kuntest ta’ dan l-eżami, hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddetermina n-natura kif ukoll il-portata tal-obbligi li għandha l-persuna akkużata sabiex tinżamm informata u, jekk ikun il-każ, li turi, mingħajr ekwivoku, abbażi ta’ fatti preċiżi u oġġettivi, li din kienet taf in-natura kif ukoll il-kawża tal-akkużi miġjuba kontriha u li hija ħarbet deliberatament u intenzjonalment.

3)

It-tieni sentenza tal-Artikolu 8(4) u l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2016/343 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li permezz tagħha ma tintlaqax proċedura ġdida meta l-persuna akkużata tkun ħarbet wara li tkun ġiet informata bl-akkużi kontriha matul il-fażi ta’ investigazzjoni preliminari, iżda qabel ma tkun ġiet informata bl-att ta’ akkuża definittiv, bil-kundizzjoni li l-qorti nazzjonali tagħmel il-konstatazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) ĠU 2016, L 65, p. 1.

( 3 ) Konformement mal-ġurisprudenza tal-Varhoven kasatsionen sad (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, il-Bulgarija), l-att ivvizzjat ikollu jiġi ssostitwit b’att ġdid, u f’dan ir-rigward il-qorti ma tistax tirrimedja hija stess il-ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali mwettaq mill-prosekutur pubbliku, iżda għandha, għal dan il-għan, tibgħat il-kawża lura quddiem dan tal-aħħar.

( 4 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34, rettifika fil-ĠU 2009, L 17, p. 45.

( 5 ) ĠU 2009, L 81, p. 24, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Qafas 2002/584”.

( 6 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad‑29 ta’ Jannar 2013, Radu (C‑396/11, EU:C:2013:39, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll tat‑28 ta’ Ottubru 2021, Komisia za protivodeystvie na koruptsiyata i za otnemane na nezakonno pridobitoto imushtestvo (C‑319/19, EU:C:2021:883, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 7 ) Skont il-punt 1 tal-Artikolu 425(1) tan-NPK, il-ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri kriminali jista’ jwassal għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ kundanna u għar-rinviju tal-kawża sabiex din tkun tista’ tiġi eżaminata mill-ġdid fil-mertu fl-istadju li fih il-qorti tindika li għandu jibda l-eżami mill-ġdid tal-kawża.

( 8 ) It-talba tista’ tiġi miċħuda f’żewġ tipi ta’ sitwazzjonijiet. Din it-talba għal deċiżjoni preliminari taqa’ taħt l-ewwel xenarju. It-tieni xenarju huwa dak fejn il-persuna kkundannata tkun ġiet innotifikata bl-att ta’ akkuża definittiv u, mingħajr raġuni valida, ma tidhirx fis-seduta.

( 9 ) Iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950, iktar ’il quddiem il-“KEDB”.

( 10 ) Ara, ukoll, il-premessa 35 tal-imsemmija direttiva.

( 11 ) Ara, ukoll, il-premessa 37 tad-Direttiva 2016/343.

( 12 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tal-Qorti EDB tat‑13 ta’ Frar 2001, Krombach vs Franza (CE:ECHR:2001:0213JUD002973196, punt 89), u tal‑1 ta’ Marzu 2006, Sejdovic vs L-Italja (CE:ECHR:2006:0301JUD005658100, punt 91).

( 13 ) Id-dispożizzjonijiet dwar id-dritt għal proċedura mill-ġdid huma applikabbli biss sa fejn “ma tkunx possibbli l-konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti [fl-Artikolu 8(2),] minħabba li persuna suspettata jew akkużata ma tistax tinstab minkejja li jkunu saru sforzi raġonevoli” (Artikolu 8(4)) jew “[i]l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 8(2) [ma jiġux] sodisfatti” (Artikolu 9).

( 14 ) Ara l-Artikolu 1, kif ukoll il-premessi 2 sa 4 u 9 ta’ din id-direttiva.

( 15 ) Ara s-sentenza tad‑19 ta’ Settembru 2018, Milev (C‑310/18 PPU, EU:C:2018:732, punti 45 sa 47).

( 16 ) Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tqis ukoll li l-KEDB tħalli lill-Istati kontraenti libertà kbira fl-għażla tal-mezzi xierqa li jippermettu lis-sistemi ġudizzjarji tagħhom jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 6 ta’ din il-konvenzjoni, bil-kundizzjoni madankollu li r-riżorsi offruti mid-dritt intern ikunu effettivi jekk l-akkużat la jkun irrinunzja milli jidher u li jiddefendi lilu nnifsu u lanqas ikollu l-intenzjoni li jaħrab mill-ġustizzja. Ara, bħala eżempju, il-Qorti EDB, 14 ta’ Ġunju 2001, Medenica vs L-Isvizzera (CE:ECHR:2001:0614JUD002049192, punt 55).

( 17 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-Qorti EDB tal‑1 ta’ Marzu 2006, Sejdovic vs L-Italja (CE:ECHR:2006:0301JUD005658100, punti 87 u 89); tal‑24 ta’ April 2012, Haralampiev vs Il-Bulgarija (CE:ECHR:2012:0424JUD002964803, punt 33), u tat‑22 ta’ Mejju 2012, Idalov vs Ir-Russja (CE:ECHR:2012:0522JUD000582603, punt 173).

( 18 ) Ara, bħala eżempju, is-sentenzi tal-Qorti EDB tat‑12 ta’ Frar 1985, Colozza vs L-Italja (CE:ECHR:1985:0212JUD000902480, punt 32), u tat‑12 ta’ Ġunju 2018, M.T.B. vs It-Turkija (CE:ECHR:2018:0612JUD004708106, punti 49 sa 53).

( 19 ) Ara, bħala eżempju, is-sentenza tal-Qorti EDB tat‑28 ta’ Awwissu 2018, Vyacheslav Korchagin vs Ir-Russja (CE:ECHR:2018:0828JUD001230716, punt 65).

( 20 ) Ara d-dizzjunarju tal-Académie française u d-dizzjunarju Larousse.

( 21 ) Ara s-sentenza tat‑13 ta’ Frar 2020, Spetsializirana prokuratura (Seduta fl-assenza tal-persuna akkużata) (C‑688/18, EU:C:2020:94, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 22 ) Ara l-Artikolu 1, kif ukoll il-premessi 2 sa 4, 9 u 10 tad-Direttiva 2016/343.

( 23 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Settembru 2018, Milev (C‑310/18 PPU, EU:C:2018:732, punti 45 sa 47).

( 24 ) C‑769/19, mhux ippubblikat, EU:C:2021:28.

( 25 ) Punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata ta’ dan id-digriet.

( 26 ) C‑688/18, EU:C:2020:94.

( 27 ) Ara l-punti 34 u 35 ta’ din is-sentenza.

( 28 ) Ara s-sentenza tal-Qorti EDB tal-1 ta’ Marzu 2006, Sejdovic vs L-Italja (CE:ECHR:2006:0301JUD005658100, punti 98 sa 101).

( 29 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 18 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, tali rinunzja ma tistax tiġi dedotta la minn għarfien vag u mhux uffiċjali (ara, b’mod partikolari, il-Qorti EDB, 23 ta’ Mejju 2006, Kounov vs L-Italja (CE:ECHR:2006:0523JUD002437902, punt 47)), la sempliċi preżunzjoni, u lanqas mis-sempliċi kwalità ta’ persuna maħruba (ara l-Qorti EDB, 12 ta’ Frar 1985, Colozza vs L-Italja (CE:ECHR:1985:0212JUD000902480, punt 28)).

( 30 ) Ara s-sentenzi tal-Qorti EDB tal‑1 ta’ Marzu 2006, Sejdovic vs L-Italja (CE:ECHR:2006:0301JUD005658100, punti 98 sa 101); tat‑23 ta’ Mejju 2006, Kounov vs Il-Bulgarija (CE:ECHR:2006:0523JUD002437902, punt 48); tas‑26 ta’ Jannar 2017, Lena Atanasova vs Il-Bulgarija (CE:ECHR:2017:0126JUD005200907, punt 52), kif ukoll tat‑2 ta’ Frar 2017, Ait Abbou vs Franza (CE:ECHR:2017:0202JUD004492113, punti 62 sa 65).

( 31 ) Fis-sentenza tat‑12 ta’ Frar 1985, Colozza vs L-Italja (CE:ECHR:1985:0212JUD000902480, punt 28), il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tirrileva li s-sitwazzjoni osservata “ma taqbilx mad-diliġenza li l-Istati kontraenti għandhom jużaw sabiex jiżguraw it-tgawdija effettiva tad-drittijiet iggarantiti mill-Artikolu 6 [tal-KEDB]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Fis-sentenza tat‑12 ta’ Ġunju 2018, M.T.B. vs It-Turkija (CE:ECHR:2018:0612JUD004708106, punti 51 sa 54), din il-Qorti EDB iddeċidiet li l-qorti li tiddeċiedi fuq il-mertu ma kinitx uriet id-diliġenza kollha meħtieġa fl-isforzi tagħha sabiex issib lir-rikorrent billi llimitat ruħha għan-notifika tad-deċiżjoni konformement mad-dispożizzjonijiet tad-dritt intern. Skont l-imsemmija Qorti EDB, din in-notifika ma hijiex biżżejjed, fiha nnifisha, sabiex teżenta lill-Istat mill-obbligi tiegħu skont l-Artikolu 6 tal-KEDB.

( 32 ) Ara s-sentenza tal-Qorti EDB tat‑12 ta’ Frar 1985, Colozza vs L-Italja (CE:ECHR:1985:0212JUD000902480, punt 28).

( 33 ) CE:ECHR:2012:1011JUD004335307, punt 54.

( 34 ) Ara s-sentenzi tal-Qorti EDB tat‑12 ta’ Frar 1985, Colozza vs L-Italja (CE:ECHR:1985:0212JUD000902480, punt 29), u tal‑1 ta’ Marzu 2006, Sejdovic vs L-Italja (CE:ECHR:2006:0301JUD005658100, punt 101 in fine).

( 35 ) Ara s-sentenzi tal-Qorti EDB tal‑1 ta’ Marzu 2006, Sejdovic vs L-Italja (CE:ECHR:2006:0301JUD005658100, punt 84), u tat‑12 ta’ Ġunju 2018, M.T.B. vs It-Turkija (CE:ECHR:2018:0612JUD004708106, punt 61).

( 36 ) Ara s-sentenza tal-Qorti EDB tat 12 ta’ Frar 1985, Colozza vs L-Italja (CE:ECHR:1985:0212JUD000902480, punt 31 u 32).

( 37 ) Ara s-sentenza tal-Qorti EDB tal‑14 ta’ Ġunju 2001, Medenica vs L-Isvizzera (CE:ECHR:2001:0614JUD002049192, punt 55). Ara, wkoll, is-sentenzi tal-Qorti EDB tat‑12 ta’ Frar 1985, Colozza vs L-Italja (CE:ECHR:1985:0212JUD000902480, punt 30), u tal‑1 ta’ Marzu 2006, Sejdovic vs L-Italja (CE:ECHR:2006:0301JUD005658100, punt 82).

( 38 ) CE:ECHR:2017:0126JUD005200907.

( 39 ) Ara l-punti 27 u 28 ta’ din is-sentenza.

( 40 ) Ara l-punti 52 u 53 tal-imsemmija sentenza.

( 41 ) CE:ECHR:2006:0523JUD002437902, punti 32, 49, 53 u 54. Ara, wkoll, is-sentenza ewlenija tal‑1 ta’ Marzu 2006, Sejdovic vs L-Italja (CE:ECHR:2006:0301JUD005658100, punt 100), li fiha l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem iddeċidiet li tali ċirkustanzi ma kinux ġew stabbiliti fl-assenza ta’ elementi oġġettivi għajr dak ibbażat fuq l-assenza tal-akkużat mill-post ta’ residenza abitwali tiegħu, peress li l-awtoritajiet nazzjonali kienu bbażaw ruħhom fuq il-preżunzjoni li r-rikorrent kien involut fir-reat li huwa kien akkużat bih jew li kien responsabbli għal dan ir-reat. Din il-Qorti EDB adottat l-istess approċċ fis-sentenza tagħha tat‑28 ta’ Settembru 2006, Hu vs L-Italja (CE:ECHR:2006:0928JUD000594104, punti 53 sa 56).

( 42 ) Fis-sentenza tal‑1 ta’ Marzu 2006, Sejdovic vs L-Italja (CE:ECHR:2006:0301JUD005658100, punt 85), il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem madankollu ddeċidiet li l-ftuħ mill-ġdid tat-terminu tal-appell kontra l-kundanna fil-kontumaċja, bil-possibbiltà, għall-persuna akkużata, li tkun preżenti waqt is-seduta tat-tieni istanza u li titlob il-produzzjoni ta’ provi ġodda, kien jinvolvi l-possibbiltà ta’ deċiżjoni ġdida dwar il-fondatezza tal-akkuża fil-fatt kif ukoll fid-dritt, u dan kien jippermetti li jiġi konkluż li, fit-totalità tagħhom, il-proċeduri kienu ġusti.