KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

RANTOS

ippreżentanti fid‑9 ta’ Diċembru 2021 ( 1 )

Kawża C‑561/20

Q,

R,

S

vs

United Airlines, Inc.

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa min-Nederlandstalige ondernemingsrechtbank Brussel (il-Qorti Kummerċjali ta’ Brussell bil-lingwa Olandiża, il-Belġju))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trasport tal-ajru – Regolament (KE) Nru 261/2004 – Dritt għal kumpens f’każ ta’ dewmien twil ta’ titjira – Titjira maqsuma f’żewġ partijiet – Dewmien twil għad-destinazzjoni finali subit waqt it-tieni parti bejn żewġ ajruporti ta’ pajjiż terz – Validità tar-Regolament Nru 261/2004 fir-rigward tad-dritt internazzjonali”

I. Introduzzjoni

1.

Din it-talba għal deċiżjoni preliminari taqa’ fil-kuntest ta’ kawża bejn Q, R, u S. (iktar ’il quddiem ir-“rikorrenti fil-kawża prinċipali”), u United Airlines Inc. (l-Istati Uniti) dwar kumpens minħabba dewmien twil ta’ titjira konnessa.

2.

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, li tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(1)(a) u tal-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 dwar kumpens lill-passiġġieri tal-ajru ( 2 ), il-qorti tar-rinviju tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tispjega ċerti aspetti tal-applikabbiltà ta’ dan ir-regolament fil-qafas ta’ titjiriet konnessi bi tluq minn ajruport li jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru li jinkludu konnessjoni f’ajruport li jinsab fit-territorju ta’ Stat terz u li għandhom bħala destinazzjoni finali ajruport ieħor ta’ dan l-Istat terz.

3.

F’dan ir-rigward, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja għad ma kellhiex l-okkażjoni li teżamina l-applikabbiltà tar-Regolament Nru 261/2004 għas-sitwazzjonijiet li fihom id-dewmien fir-rigward ta’ titjira konnessa li jseħħ kompletament minn trasportatur tal-ajru li jopera mhux Komunitarju u jseħħ waqt parti minn din it-titjira li titwettaq kompletament fuq it-territorju ta’ pajjiż terz, inqis li l-prinċipji li jirriżultaw mill-ġurisprudenza eżistenti huma sors ta’ riferimenti utli ta’ analiżi li jistgħu jiġu trasposti mutatis mutandis għal din il-kawża ( 3 ).

4.

Permezz tat-tieni domanda preliminari tagħha, li tqajmet b’mod sussidjarju, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-validità tar-Regolament Nru 261/2004 fir-rigward tad-dritt internazzjonali u, b’mod partikolari, tal-prinċipju tas-sovranità kompleta u esklużiva ta’ Stat fuq l-ispazju tal-ajru tiegħu. Din id-domanda ser tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja teżamina, għall-ewwel darba, il-validità tal-imsemmi regolament fid-dawl tad-dritt internazzjonali pubbliku u, b’mod partikolari, tal-prinċipju tad-dritt internazzjonali tal-ajru konswetudinarju ( 4 ).

5.

Fi tmiem l-analiżi tiegħi, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi għal dawn iż-żewġ domandi fis-sens li, minn naħa, l-Artikolu 3(1)(a) u l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 261/2004 għandhom jiġu interpretati fis-sens li sitwazzjoni bħal dik deskritta fil-punt 3 ta’ dawn il-konklużjonijiet taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament u, min-naħa l-oħra, li l-imsemmi regolament jibqa’ validu fir-rigward tad-dritt internazzjonali, u b’mod partikolari tal-prinċipju tas-sovranità kompleta u esklużiva ta’ Stat fuq l-ispazju tal-ajru tiegħu.

II. Il‑kuntest ġuridiku

6.

Il-premessi 1, 4 u 7 tar-Regolament Nru 261/2004 jistipulaw:

“(1)

Azzjoni mil-Komunità fil-qasam ta’ transport permezz ta’ l-ajru għandha jkollha l-iskop, fost affarijiet oħrajn, li tassigura livell ogħli ta’ protezzjoni għall-passiġġieri. ’Il fuq minn dan, konsiderazzjoni sħiħa għandha tiġi meħuda tal-ħtiġijiet ta’ protezzjoni tal-konsumatur b’mod ġenerali.

[…]

(4)

Il-Komunità għandha għalhekk togħla l-istandards ta’ protezzjoni stabbiliti minn dak ir-Regolament kemm biex issaħħaħ id-drittijiet ta’ passiġġieri u biex tassigura li trasportaturi ta’ l-ajru jaħdmu taħt kondizzjonijiet armonizzati f’suq illiberalizzat.

[…]

(7)

Sabiex tiġi assigurata l-applikazzjoni effettiva ta’ dan ir-Regolament, l-obbligazzjonijiet li joħloq għandhom jibqgħu mal-trasportatur ta’ l-ajru li qed jopera li jwettaq jew li għandu l-ħsieb li jwettaq titjira, kemm jekk b’inġenji ta’ l-ajru li qegħdin fil-proprjetà, taħt kiri dry jew wet, jew fuq kwalunkwe bażi oħra.”

7.

Skont l-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Definizzjonijiet”:

“Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament:

a)

‘trasportatur ta’ l-ajru’ ifisser mpriża tat-trasport permezz ta’ l-ajru b’liċenza valida ta’ l-operazzjoni;

b)

‘trasportatur ta’ l-ajru li jopera’ ifisser trasportatur ta’ l-ajru li jwettaq jew li għandu l-ħsieb li jwettaq titjira taħt kuntratt ma’ passiġġier jew f’isem persuna oħra, legali jew naturali, li għandha kuntratt ma’ dak il-passiġġier;

c)

‘trasportatur Komunitarju’ ifisser trasportatur ta’ l-ajru b’liċenza valida ta’ l-operazzjoni mogħtija minn Stat Membru skond id-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Konsill (KEE) Nru 2407/92 tat-23 ta’ Lulju 1992 dwar l-għoti ta’ liċenzi lill-trasportaturi ta’ l-ajru [ ( 5 )];

[…]

h)

‘destinazzjoni finali’ ifisser id-destinazzjoni fuq il-biljett ippreżentat fil-post taċ-check-in jew, fil-każ ta’ titjiriet konnessi direttament, id-destinazzjoni ta’ l-aħħar titjira; titjiriet konnessi alternattivi li qegħdin għad-dispożizzjoni m’għandhomx jiġu meħudin in konsiderazzjoni jekk il-ħin oriġinali tal-wasla hu mħares;

[…]”

8.

L-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 261/2004, intitolat “Skop”, jistipula, fil-paragrafi 1 u 5 tiegħu:

“1.   Dan ir-Regolament għandu japplika:

a)

għal passiġġieri li jitilqu minn ajruport li jinstab fit-territorju ta’ Stat Membru għal liema japplika t-Trattat;

b)

għal passiġġieri li jitilqu minn ajruport li jinstab f’pajjiż terz għal ajruport li jinstab fit-territorju ta’ Stat Mebru għal liema japplika t-Trattat, kemm-il darba rċievu vantaġġi jew kumpens u ġew mogħtija assistenza f’dak il-pajjiż terz, jekk il-trasportatur ta’ l-ajru li qed jopera tat-titjira in kwistjoni hu trasportatur Komunitarju.

[…]

5.   Dan ir-Regolament għandu japplika għal kwalunkwe trasportatur ta’ l-ajru li jopera li jipprovdi trasport għall-passiġġieri koperti mil-paragrafi 1 u 2. Fejn trasportatur ta’ l-ajru li jopera li m’għandu l-ebda kuntratt mal-passiġġier iwettaq obbligazzjonijiet taħt dan ir-Regolament, għandu jiġi meqjus li qed jagħmel dan f’isem il-persuna li għandha kuntratt ma’ dak il-passiġġier.”

9.

L-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Kanċellazzjoni”, jistipula, fil-paragrafi 1 u 3 tiegħu:

“1.   Fil-każ ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira, il-passiġġieri in kwistjoni għandhom:

[…]

c)

jkollhom id-dritt għal kumpens mil-trasportatur ta’ l-ajru li jopera skond l-Artikolu 7, kemm-il darba:

i)

huma informati bil-kanċellazzjoni mill-inqas ġimgħatejn qabel il-ħin tat-tluq skedat; jew

ii)

huma informati bil-kanċellazzjoni bejn ġimgħatejn u sebat ijiem qabel il-ħin tat-tluq skedat u huma offruti rotta differenti, li tħallihom jitilqu mhux aktar minn sagħtejn qabel il-ħin tat-tluq skedat u jaslu fid-destinazzjoni finali tagħhom inqas minn erba’ sigħat wara l-ħin tal-wasla skedat; jew

iii)

huma informati bil-kanċellazzjoni inqas minn sebat ijiem qabel il-ħin tat-tluq skedat u huma offruti rotta differenti, li tħallihom jitilqu mhux aktar minn siegħa qabel il-ħin tat-tluq skedat u jaslu fid-destinazzjoni finali tagħhom inqas minn sagħtejn wara l-ħin tal-wasla skedat.

[…]

3.   Trasportatur ta’ l-ajru li jopera m’għandux ikun obbligat iħallas kumpens skond l-Artikolu 7, jekk jista’ juri li l-kanċellazzjoni hi kkawżata minn ċirkostanzi staordinarji li ma setgħux jiġu evitati anki jekk il-miżuri raġonevoli kollha ġew meħudin.”

10.

Taħt it-titolu “Dritt għall-kumpens”, l-Artikolu 7 tal-imsemmi regolament jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Fejn referenza hi magħmula għal dan l-Artikolu, passiġġieri għandhom jirċievu kumpens li jammonta għal:

a)

EUR 250 għat-titjiriet kollha ta’ 1500 kilometru jew inqas;

b)

EUR 400 għat-titjiriet intra-Komunitarji kollha ta’ aktar minn 1500 kilometru, u għat-titjiriet oħrajn kollha bejn 1500 u 3500 kilomentru;

c)

EUR 600 għat-titjiriet kollha li ma jaqawx taħt (a) jew (b).

Fid-determinazzjoni tad-distanza, il-bażi għandha tkun l-aħħar destinazzjoni ġo liema l-fatt li l-persuna ma tħallietx titla’ jew il-kanċellazzjoni ser iddewwem il-wasla tal-passiġġier wara l-ħin skedat.”

11.

L-Artikolu 13 tal-istess regolament, intitolat “Dritt għal rimedju”, jistipula:

“F’każijiet fejn trasportatur ta’ l-ajru li jopera jħallas kumpens jew jilħaq l-obbligazzjonijiet oħra li għandu d-dmir iwettaq taħt dan ir-Regolament, l-ebda dispożizzjoni ta’ dan ir-Regolament ma jista’ jiġi interpretat li jirrestrinġi d-dritt tiegħu li jfittex kumpens minn kwalunkwe persuna, inklużi partijiet terzi, skond il-liġi applikabbli. Partikolarment, dan ir-Regolament m’għandu bl-ebda mod jirrestrinġi d-dritt tal-trasportatur ta’ l-ajru li jopera biex ifittex rimbors minn operatur tat-tour jew persuna oħra ma’ liema l-trasportatur ta’ l-ajru li jopera għandu kuntratt. B’mod simili, l-ebda dispożizzjoni ta’ dan ir-Regolament ma tista’ tiġi interpretata li tirrestrinġi d-dritt ta’ operatur tat-tour jew ta’ parti terza, barra minn passiġġier, ma’ liema trasportatur ta’ l-ajru li jopera għandu kuntratt, biex ifittex rimbors jew kumpens mil-trasportatur ta’ l-ajru li jopera skond il-liġijiet applikabbli rilevanti.”

III. Il‑kawża prinċipali, id‑domandi preliminari u l‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja

12.

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, permezz ta’ aġenzija tal-ivvjaġġar, għamlu riżervazzjoni unika mat-trasportatur Komunitarju Deutsche Lufthansa AG (iktar ’il quddiem il-“Lufthansa”) ( 6 ), għal titjira konnessa bi tluq mill-ajruport ta’ Bruxelles-National (il-Belġju) lejn San José International (l-Istati Uniti), b’waqfa f’Newark International (l-Istati Uniti).

13.

Dawn iż-żewġ partijiet tat-titjira saru minn United Airlines, li hija trasportatur tal-ajru ta’ pajjiż terz. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali waslu fid-destinazzjoni finali tagħhom b’dewmien ta’ 223 minuta mill-ħin tal-wasla minħabba dewmien li seħħ fit-tieni parti ta’ din it-titjira, jiġifieri problema teknika tal-ajruplan.

14.

Permezz ta’ ittra tas‑6 ta’ Settembru 2018, il-kumpannija Happy Flights, li lilha ġie ċedut id-dejn tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, bagħtet talba lil United Airlines għall-ħlas ta’ kumpens ta’ EUR 600 għal kull persuna għad-dewmien tat-tieni parti tat-titjira, jiġifieri total ta’ EUR 1800, bis-saħħa tar-Regolament Nru 261/2004.

15.

Permezz ta’ ittra tal‑4 ta’ Ottubru 2018, United Airlines irrispondiet lil Happy Flights billi sostniet li, f’dan il-każ, ir-Regolament Nru 261/2004 ma kienx applikabbli peress li l-problema teknika li minnha oriġina d-dewmien tat-titjira seħħet fil-fażi tat-tieni parti tat-titjira, li kienet tgħaqqad żewġ ajruporti fl-Istati Uniti.

16.

Permezz ta’ ittra tal‑5 ta’ Ottubru 2018, Happy Flights irrispondiet għal din l-ittra ta’ United Airlines, billi għamlet riferiment għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex tikkontesta l-pożizzjoni tagħha u talbitha sabiex tipproċedi għall-pagament tal-kumpens.

17.

Permezz ta’ ittra tal‑10 ta’ Ottubru 2018, United Airlines, min-naħa tagħha, irrispondiet l-imsemmija ittra ta’ Happy Flights.

18.

Fil‑11 ta’ Ottubru 2018, Happy Flights bagħtet intimazzjoni lil United Airlines. Din tal-aħħar informata, fl-istess jum, li kienet qiegħda żżomm il-pożizzjoni tagħha.

19.

Fit‑3 ta’ Mejju 2019, Happy Flights, filwaqt li reġgħet intimat lil United Airlines sabiex tipproċedi bil-ħlas, informat lil din tal-aħħar li d-dejn li kien ġie ċedut lilha kien reġa’ ġie ttrasferit lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali.

20.

Fit‑22 ta’ Lulju 2019, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali intimaw lil United Airlines sabiex tidher quddiem in-Nederlandstalige ondernemingsrechtbank Brussel (il-Qorti Kummerċjali ta’ Brussell bil-lingwa Olandiża, il-Belġju), il-qorti tar-rinviju, sabiex tiġi kkundannata għall-ħlas ta’ dannu ta’ EUR 1800, flimkien mal-interessi moratorji b’effett mis‑6 ta’ Settembru 2018 u l-interessi ġudizzjarji.

21.

F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar it-trattament ta’ ċerti argumenti mqajma minn United Airlines li jirrigwardaw kemm l-applikabbiltà tar-Regolament Nru 261/2004 kif ukoll il-validità tiegħu, filwaqt li qieset li l-elementi tar-risposti ma jinstabux fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

22.

Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-kwistjoni tal-applikabbiltà tar-Regolament Nru 261/2004, United Airlines tikkontesta li dan ir-regolament japplika meta d-dewmien twil iseħħ waqt titjira bi tluq u wasla fit-territorju ta’ pajjiż terz, anki fil-każ fejn din tkun it-tieni jew l-aħħar parti ta’ titjira konnessa u fejn l-ewwel titjira tkun saret bi tluq minn ajruport li jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru.

23.

F’dan ir-rigward, minn naħa, il-qorti tar-rinviju tindika li, minkejja li s-sentenza Wegener, li kienet tirrigwarda dewmien li seħħ waqt l-ewwel titjira, bi tluq minn ajruport li kien jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru, li kienet saret minn trasportatur tal-ajru mhux Komunitarju, timmilita favur l-applikabbiltà tar-Regolament Nru 261/2004, it-tagħlimiet ta’ din is-sentenza ma għandhomx sempliċement jiġu trasposti għal din il-kawża peress li, f’dan il-każ, hija t-tieni titjira, bi tluq minn ajruport li jinsab fit-territorju ta’ pajjiż terz, li kellu d-dewmien.

24.

Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju tosserva li, fis-sentenza České aerolinie, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-Regolament Nru 261/2004 japplika wkoll għat-tieni parti ta’ titjira konnessa meta l-ewwel titjira tkun saret bi tluq minn ajruport li jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru. Din il-kawża qajmet il-kwistjoni dwar jekk it-trasportatur Komunitarju li kien ħa ħsieb l-ewwel titjira setax ikun obbligat jikkumpensa passiġġier li jkun sofra dewmien twil li joriġina fit-tieni titjira li tkun saret materjalment minn trasportatur tal-ajru ta’ pajjiż terz. Madankollu, skont din il-qorti, il-kwistjoni fil-kawża prinċipali hija differenti inkwantu ma tikkonċerna l-ebda trasportatur Komunitarju, peress li t-trasportatur Komunitarju li ħareġ il-biljetti (Lufthansa) ma kienx parti fil-kawża prinċipali. Għalhekk, mill-ġdid, id-deċiżjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja f’din is-sentenza ma għandhiex sempliċement tkun trasposta fil-kuntest fattwali ta’ din il-kawża.

25.

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kwistjoni tal-validità tar-Regolament Nru 261/2004, United Airlines issostni li jekk dan ir-regolament għandu jiġi applikat fil-każ ta’ dewmien twil li seħħ waqt it-tieni titjira ta’ titjira konnessa, huwa jkollu portata extraterritorjali li tmur kontra d-dritt internazzjonali fil-każ fejn it-tieni titjira tkun saret kompletament fit-territorju ta’ pajjiż terz. B’mod iktar preċiż, il-prinċipju ta’ sovranità jipprekludi li l-imsemmi regolament japplika għal sitwazzjoni li tinħoloq fuq it-territorju ta’ pajjiż terz, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn id-dewmien ikun seħħ fit-territorju tal-Istati Uniti u li l-effetti kienu prodotti esklużivament f’dan it-territorju. F’dan ir-rigward, isir riferiment għas-sentenza ATAA, li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet il-prinċipju tad-dritt internazzjonali konswetudinarju li kull Stat għandu sovranità kompleta u esklużiva fuq l-ispazju tal-ajru tiegħu. Fil-każ li dan l-argument ta’ United Airlines huwa korrett, skont il-qorti tar-rinviju tqum allura l-kwistjoni tal-validità tal-istess regolament fir-rigward tad-dritt internazzjonali.

26.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, in-Nederlandstalige ondernemingsrechtbank Brussel (il-Qorti Kummerċjali ta’ Brussell bil-lingwa Olandiża) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)

L-Artikoli 3(1)(a) u 7 tar-[Regolament Nru 261/2004] kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja, għandhom jiġu interpretati fis-sens li passiġġier għandu dritt għal kumpens finanzjarju minn trasportatur tal-ajru mhux Komunitarju meta jkun laħaq id-destinazzjoni finali tiegħu b’dewmien ta’ iktar minn tliet sigħat minħabba dewmien tal-aħħar titjira, li l-punt ta’ tluq u l-punt ta’ wasla tagħha kienu t-tnejn jinsabu fit-territorju ta’ pajjiż terz mingħajr waqfa fit-territorju ta’ Stat Membru, f’sensiela ta’ titjiriet konnessi li jibdew minn ajruport li jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru, fejn it-titjiriet kollha li materjalment ġew operati minn dan it-trasportatur tal-ajru mhux Komunitarju u fejn it-titjiriet kollha kienu ġew irriżervati f’riżervazzjoni unika mill-passiġġier ma’ trasportatur tal-ajru Komunitarju li materjalment ma kien opera ebda waħda minn dawn it-titjiriet?

2)

Fil-każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda, ir-[Regolament Nru 261/2004], kif interpretat fl-ewwel domanda, jikser id-dritt internazzjonali u, b’mod partikolari, il-prinċipju tas-sovranità esklużiva u kompleta ta’ Stat fit-territorju tiegħu u fl-ispazju tal-ajru tiegħu, sa fejn din l-interpretazzjoni tagħmel id-dritt tal-Unjoni applikabbli għal sitwazzjoni li sseħħ fit-territorju ta’ pajjiż terz?”

27.

Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, United Airlines, il-Gvern Belġjan u dak Pollakk, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, u l-Kummissjoni Ewropea. Fl-osservazzjonijiet tagħhom, il-Parlament u l-Kunsill eżaminaw biss it-tieni domanda.

IV. Analiżi

28.

Preliminarjament, infakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-passiġġieri ta’ titjiriet li kellhom dewmien jistgħu jiġu assimilati ma’ passiġġieri ta’ titjiriet ikkanċellati għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-dritt għal kumpens u għalhekk jistgħu jinvokaw id-dritt għal kumpens previst fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 261/2004, meta huma jsofru, mal-wasla fid-“destinazzjoni finali” tagħhom, telf ta’ ħin ta’ tliet sigħat jew iktar, jiġifieri meta jaslu fid-destinazzjoni finali tagħhom tliet sigħat jew iktar wara l-ħin tal-wasla inizjalment skedat mit-trasportatur tal-ajru ( 7 ). F’dan ir-rigward, f’każ ta’ titjira konnessa, għall-finijiet tal-kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa prevista fl-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament, jgħodd biss id-dewmien ikkonstatat meta mqabbel mal-ħin tal-wasla skedat fid-destinazzjoni finali, mifhuma bħala d-destinazzjoni tal-aħħar titjira li ttieħdet mill-passiġġier ikkonċernat ( 8 ).

29.

F’dan il-każ, United Airlines ma tikkontestax li, bis-saħħa tal-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 261/2004, jekk dan tal-aħħar kellu jiġi applikat, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali effettivament ikollhom dritt għal kumpens ta’ ammont ta’ EUR 1800, peress li l-aħħar parti tat-titjira konnessa inkwistjoni fil-kawża prinċipali kellha dewmien ta’ 223 minuta, jiġifieri iktar minn tliet sigħat meta mqabbel mal-ħin tal-wasla inizjalment skedat.

30.

Madankollu, hija preċiżament l-applikabbiltà ta’ dan ir-regolament u, b’mod sussidjarju, il-validità tiegħu, li United Airlines tikkontesta fil-qafas tal-kawża prinċipali. Huma dawn iż-żewġ aspetti li huma s-suġġett taż-żewġ domandi preliminari u tal-analiżi li ġejja.

A.   Fuq l‑ewwel domanda preliminari

31.

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3(1)(a) u l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 261/2004 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li passiġġier għandu dritt għal kumpens mit-trasportatur tal-ajru ta’ pajjiż terz meta jkun wasal fid-destinazzjoni finali tiegħu b’dewmien ta’ iktar minn tliet sigħat li seħħ waqt l-aħħar parti tat-titjira konnessa, li l-punt ta’ tluq u ta’ wasla tagħha kienu t-tnejn jinsabu fit-territorju ta’ pajjiż terz, fil-qafas ta’ titjira konnessa bi tluq minn ajruport li jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru, fejn it-titjiriet kollha ġew operati minn dan it-trasportatur tal-ajru ta’ pajjiż terz u kienu ġew irriżervati permezz ta’ riżervazzjoni unika mill-passiġġier ma’ trasportatur tal-ajru Komunitarju.

32.

Id-domanda, kif ifformulata, għandha żewġ elementi li jirrigwardaw, minn naħa, l-applikabbiltà tar-Regolament Nru 261/2004 fil-qafas ta’ titjira konnessa, bħal dik fil-kawża prinċipali, u, min-naħa l-oħra, id-determinazzjoni tat-trasportatur tal-ajru responsabbli mill-kumpens.

1. Fuq l‑applikabbiltà tar‑Regolament Nru 261/2004

33.

Fir-rigward tal-kwistjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 261/2004, mill-Artikolu 3(1)(a) ta’ dan ir-regolament jirriżulta li dan japplika, b’mod partikolari, għall-passiġġieri bi tluq minn ajruport li jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru. Din l-ewwel ipoteżi ma hijiex suġġetta, għall-kuntrarju tal-ipoteżi taħt l-Artikolu 3(1)(b) tal-istess artikolu, għall-kundizzjoni li t-trasportatur tal-ajru li jopera li jwettaq it-titjira jaqa’ fil-kunċett ta’ “trasportatur Komunitarju”, fis-sens tal-Artikolu 2(c) tal-imsemmi regolament.

34.

Qabel xejn, infakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja indikat li l-kunċett ta’ “titjira konnessa” għandu jinftiehem bħala li jirreferi għal żewġ titjiriet jew iktar li jikkostitwixxu vjaġġ wieħed għall-finijiet tad-dritt għal kumpens tal-passiġġieri previst mir-Regolament Nru 261/2004 ( 9 ). Dan ikun il-każ meta żewġ titjiriet jew iktar kienu s-suġġett ta’ riżervazzjoni waħda, bħal fil-kawża prinċipali ( 10 ). F’dan il-qafas, il-fatt li jista’ jkun hemm bidla tal-ajruplan fil-każ ta’ titjira konnessa ma għandu l-ebda impatt fuq din il-klassifikazzjoni ( 11 ). Minn dan isegwi li, sabiex tiġi evalwata l-applikabbiltà tal-imsemmi regolament fil-kuntest ta’ titjira konnessa li kienet is-suġġett ta’ riżervazzjoni waħda, hemm lok li jiġu kkunsidrati l-post tat-tluq inizjali u d-destinazzjoni finali ( 12 ).

35.

Sussegwentement, fir-rigward ta’ titjiriet konnessi li joriġinaw mill-Unjoni Ewropea, bħal f’dan il-każ, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, anki jekk il-waqfiet ta’ titjira jkunu fit-territorju ta’ pajjiż terz, dan ma jipprekludix l-applikabbiltà tar-Regolament Nru 261/2004, minkejja l-fatt li t-trasportatur li jkun opera tali titjira jew parti minn tali titjira ma huwiex trasportatur Komunitarju.

36.

Fil-fatt, fis-sentenza Wegener, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-Regolament Nru 261/2004 japplika għal trasport ta’ passiġġieri mwettaq abbażi ta’ riżervazzjoni waħda u li jinkludi, bejn it-tluq tiegħu minn ajruport li jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru (Berlin, il-Ġermanja) u l-wasla tiegħu f’ajruport li jinsab fit-territorju ta’ Stat terz (Agadir, il-Marokk), waqfa ppjanata barra mill-Unjoni (Casablanca, il-Marokk), b’bidla tal-ajruplan. Il-Qorti tal-Ġustizzja essenzjalment iddikjarat li titjira konnessa li l-ewwel titjira tagħha titlaq minn ajruport li jinsab fi Stat Membru u t-tieni titjira tasal f’ajruport li jinsab f’pajjiż terz għandha tkun ittrattata bħala unità, anki jekk it-tieni parti tat-titjira konnessa titwettaq bi tluq minn ajruport li jinsab f’pajjiż terz. F’dan ir-rigward, kuntrarjament għal dak li ssostni United Airlines fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja ma stabbilixxietx li dan ir-regolament japplika abbażi tal-Ftehim Ewro‑Mediterranju relatat mas-servizzi tal-ajru, konkluż matul is-sena 2006. Fil-fatt, din l-applikabbiltà kienet ibbażata biss fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 261/2004, u l-ftehim ma ssemmiex f’din is-sentenza.

37.

Fl-istess sens, fis-sentenza České aerolinie, il-Qorti tal-Ġustizzja espressament iddeċidiet dwar l-applikabbiltà tar-Regolament Nru 261/2004 fil-kuntest ta’ titjira konnessa, magħmula minn żewġ titjiriet u li wasslet għal riżervazzjoni waħda, bi tluq minn ajruport li jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru (Praga, ir-Repubblika Ċeka) u wasla f’ajruport li jinsab f’pajjiż terz (Bangkok, it-Tajlandja) b’waqfa f’ajruport ta’ pajjiż ieħor terz (Abu Dabi, l-Emirati Għarab Magħquda). F’dan l-eżempju, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li passiġġier li jkun vittma ta’ dewmien sabiex jasal fid-destinazzjoni finali tiegħu ta’ tliet sigħat jew iktar li oriġina mit-tieni titjira, imwettqa, fil-qafas ta’ ftehim ta’ kondiviżjoni ta’ kodiċi, minn trasportatur stabbilit f’pajjiż terz (Etihad Airways), jista’ jfittex permezz ta’ rikors għal kumpens abbażi ta’ dan ir-regolament lit-trasportatur tal-ajru Komunitarju li wettaq l-ewwel titjira (České aerolinie).

38.

Kif tirrileva l-qorti tar-rinviju, ċertament, dawn is-sentenzi ngħataw f’ċirkustanzi fattwali differenti minn dawk tal-kawża prinċipali. Fil-fatt, minn naħa, fis-sentenza Wegener, it-titjira konnessa ttardjat waqt l-ewwel titjira, li kienet titlaq minn Stat Membru, filwaqt li, f’dan il-każ, id-dewmien seħħ matul l-aħħar titjira, li twettqet kompletament fit-territorju ta’ pajjiż terz. Min-naħa l-oħra, is-sentenza České aerolinie kellha bħala għan il-possibbiltà li tittieħed azzjoni kontra t-trasportatur Komunitarju li wettaq l-ewwel parti tat-titjira konnessa li ttardjat waqt it-tieni parti tat-titjira, li twettqet kompletament f’pajjiż terz minn trasportatur tal-ajru ta’ pajjiż terz, fil-qafas ta’ ftehim ta’ kondiviżjoni ta’ kodiċi. Min-naħa l-oħra, f’dan il-każ, it-titjira konnessa kollha twettqet mill-istess trasportatur tal-ajru ta’ pajjiż terz.

39.

Madankollu, minkejja dawn id-differenzi fattwali, il-prinċipji msemmija fil-punt 35 ta’ dawn il-konklużjonijiet li jirriżultaw minn dawn iż-żewġ sentenzi jibqgħu, fl-opinjoni tiegħi, xorta validi għal dan il-każ.

40.

Minn naħa, mill-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq jirriżulta li l-post fejn seħħ id-dewmien ma għandu l-ebda rilevanza għall-applikabbiltà tar-Regolament Nru 261/2004 peress li din hija kwistjoni ta’ titjiriet konnessi tal-Unjoni li kienu s-suġġett ta’ riżervazzjoni waħda u li għalhekk kienu jikkostitwixxu unità għall-finijiet tad-dritt għal kumpens tal-passiġġieri previsti f’dan ir-regolament. Fil-fatt, mis-sentenza České aerolinie, kif ukoll mid-digriet KLM, jirriżulta li kull trasportatur tal-ajru li jopera li jipparteċipa fit-twettiq tal-inqas ta’ parti minn titjira konnessa huwa responsabbli għal dan il-kumpens, irrispettivament mill-kwistjoni dwar jekk it-titjira li huwa opera hijiex il-kawża tad-dewmien twil tal-passiġġier mal-wasla fid-destinazzjoni finali tiegħu ( 13 ). Għalhekk, f’dan il-każ, il-fatt li d-dewmien seħħ waqt l-aħħar parti tat-titjira u fit-territorju ta’ pajjiż terz ma huwiex rilevanti fir-rigward tal-applikabbiltà ta’ dan ir-regolament.

41.

Din is-soluzzjoni jidhirli li hija ġġustifikata anki mill-perspettiva tal-għan li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi, inkwantu jekk issir distinzjoni skont jekk id-dewmien seħħx matul l-ewwel titjira jew matul it-tieni titjira fil-qafas ta’ riżervazzjoni waħda ikun hemm distinzjoni mhux iġġustifikata, b’tali mod li United Airlines tkun obbligata li tħallas kumpens f’każ ta’ dewmien li seħħ matul l-ewwel titjira, iżda ma tkunx obbligata tagħmel dan jekk id-dewmien seħħ waqt it-tieni titjira tal-istess vjaġġ, minkejja li l-passiġġieri jkunu sofrew, fiż-żewġ każijiet, l-istess dewmien mal-wasla fid-destinazzjoni finali, u għalhekk, l-istess inkonvenjenzi.

42.

Min-naħa l-oħra, minn din l-istess ġurisprudenza jirriżulta li l-klassifikazzjoni bħala trasportatur Komunitarju ma hijiex rilevanti għall-applikabbiltà tar-Regolament Nru 261/2004 għat-titjiriet konnessi li joriġinaw mill-Unjoni. Fil-fatt, kif tfakkar hawn fuq, differenti mill-Artikolu 3(1)(b) ta’ dan ir-regolament, li jirrigwarda l-passiġġieri li jitilqu minn ajruport li jinsab f’pajjiż terz għal destinazzjoni f’ajruport li jinsab fi Stat Membru, l-Artikolu 3(1)(a) tal-imsemmi regolament ma jirrikjedix li t-trasportatur tal-ajru jkun trasportatur Komunitarju fil-każ ta’ passiġġieri bi tluq minn ajruport li jinsab fi Stat Membru, sabiex l-istess regolament jiġi applikat.

43.

Għalhekk, it-twettiq ta’ titjira minn trasportatur Komunitarju ma hijiex kundizzjoni għall-applikazzjoni tar-Regolament Nru 261/2004 ħlief fil-każ ta’ titjiriet bi tluq mit-territorju ta’ pajjiż terz u b’destinazzjoni fit-territorju ta’ Stat Membru. Barra minn hekk, l-Artikolu 3(5) ta’ dan ir-regolament jipprevedi li dan għandu japplika għal kull trasportatur tal-ajru li jopera li jipprovdi dan it-trasport. Fil-fatt, fis-sentenza Wegener, il-fatt li t-trasportatur tal-ajru li jopera (Royal Air Maroc) ma kienx trasportatur Komunitarju ma kienx is-suġġett ta’ xi analiżi, inkwantu, skont l-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 261/2004, din il-klassifikazzjoni ma għandha l-ebda effett fuq l-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament.

44.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li titjira konnessa li toriġina mill-Unjoni, bħal dik fil-kawża prinċipali, taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 261/2004, bis-saħħa tal-Artikolu 3(1)(a) ta’ dan ir-regolament.

2. Fuq id‑determinazzjoni tat‑trasportatur tal‑ajru responsabbli għall‑kumpens

45.

Fir-rigward tal-kwistjoni dwar liema trasportatur huwa, f’dan il-każ, responsabbli għall-kumpens previst fl-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 261/2004, infakkar li l-ispeċifiċità ta’ din il-kawża qiegħda fil-fatt li l-biljetti inkwistjoni nħarġu minn Lufthansa, it-trasportatur Komunitarju li ma huwiex parti fil-kawża prinċipali, minkejja li hija United Airlines, it-trasportatur tal-ajru ta’ pajjiż terz, li materjalment wettqet iż-żewġ titjiriet inkwistjoni.

46.

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li mid-diċitura tal-Artikolu 5(1)(c) u tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004 jirriżulta li t-trasportatur responsabbli għall-kumpens dovut fil-każ ta’ dewmien twil mal-wasla ta’ titjira konnessa jista’ jkun biss it-“trasportatur tal-ajru li jopera”, fis-sens tal-Artikolu 2(b) ta’ dan ir-regolament ( 14 ). Skont din id-dispożizzjoni, “trasportatur tal-ajru li jopera” huwa trasportatur tal-ajru li “jwettaq jew li għandu l-ħsieb li jwettaq titjira taħt kuntratt ma’ passiġġier jew f’isem persuna oħra, legali jew naturali, li għandha kuntratt ma’ dak il-passiġġier”.

47.

Din id-definizzjoni għalhekk tinkludi żewġ kundizzjonijiet kumulattivi sabiex trasportatur tal-ajru jista’ jiġi kklassifikat bħala “trasportatur tal-ajru li jopera” li jirrigwardaw, minn naħa, it-twettiq tat-titjira inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, l-eżistenza ta’ kuntratt konkluż ma’ passiġġier ( 15 ). Din id-definizzjoni bl-ebda mod ma tirrikjedi li t-trasportatur tal-ajru li jopera jkollu l-istatus ta’ trasportatur Komunitarju, peress li dan l-istatus ma huwiex rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-portata tar-regolament għall-passiġġieri fuq titjiriet li joriġinaw minn pajjiż terz (ara l-punti 33 u 42 ta’ dawn il-konklużjonijiet). Barra minn hekk, ir-responsabbiltà tat-“trasportatur tal-ajru li jopera” hija esklużiva, peress li l-leġiżlatur tal-Unjoni għamel l-għażla li jeskludi, waqt l-adozzjoni tar-Regolament Nru 261/2004, kondiviżjoni ta’ responsabbiltà bejn l-organizzatur tal-vjaġġi u t-trasportatur tal-ajru kuntrattwali ( 16 ).

48.

Fir-rigward tal-ewwel kundizzjoni, il-premessa 7 tar-Regolament Nru 261/2004 tikkonferma li, “[s]abiex tiġi assigurata l-applikazzjoni effettiva ta’ dan ir-Regolament, l-obbligazzjonijiet li joħloq għandhom jibqgħu mal-trasportatur ta’ l-ajru li qed jopera li jwettaq jew li għandu l-ħsieb li jwettaq titjira, kemm jekk b’inġenji ta’ l-ajru li qegħdin fil-proprjetà, taħt kiri dry jew wet, jew fuq kwalunkwe bażi oħra”. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja kkjarifikat il-kundizzjoni relatata mat-“twettiq tat-titjira” f’każ ta’ titjiriet imwettqa permezz ta’ kuntratti ta’ kiri ta’ ajruplan bl-ekwipaġġ (wet lease) billi ddeċidiet li t-trasportatur tal-ajru li jopera huwa dak li “fil-kuntest tal-attività tiegħu ta’ trasport ta’ passiġġieri, jieħu d-deċiżjoni li jwettaq titjira partikolari, inkluż jistabbilixxi l-itinerarju u, b’hekk, joħloq, għall-benefiċċju tal-persuni kkonċernati, offerta ta’ trasport tal-ajru. L-adozzjoni ta’ tali deċiżjoni timplika fil-fatt li dan it-trasportatur għandu jerfa’ r-responsabbiltà għat-twettiq ta’ din it-titjira, inkluż, b’mod partikolari, kwalunkwe kanċellazzjoni jew dewmien twil mal-wasla” ( 17 ).

49.

Fir-rigward tal-eżistenza ta’ kuntratt konkluż ma’ passiġġier, għandu jiġi rrilevat li n-nuqqas ta’ rabta kuntrattwali bejn il-passiġġieri kkonċernati u t-trasportatur li jopera ikkonċernat huwa irrilevanti, sakemm it-trasportatur tal-ajru li jopera jkollu relazzjoni kuntrattwali mat-trasportatur tal-ajru kuntrattwali ( 18 ).

50.

F’dan il-każ, jekk it-trasportatur li kkonkluda l-kuntratt mar-rikorrenti fil-kawża prinċipali (permezz tal-aġenzija tal-ivvjaġġar) huwa Lufthansa, it-trasportatur li wettaq iż-żewġ titjiriet huwa United Airlines, prevedibbilment fil-qafas ta’ ftehim ta’ kondiviżjoni ta’ kodiċi (code sharing) ( 19 ).

51.

B’hekk, jidhirli li ż-żewġ kundizzjonijiet imsemmija hawn fuq għall-klassifikazzjoni ta’ “trasportatur tal-ajru li jopera” jidhru ssodisfatti fir-rigward ta’ United Airlines, li barra minn hekk, ma tikkontestax din il-klassifikazzjoni fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha. Fil-fatt, din tal-aħħar hija t-trasportatur li effettivament operat il-partijiet kollha tat-titjira konnessa u li għamlet dan għan-nom ta’ Lufthansa, li kienet ikkonkludiet il-kuntratt mar-rikorrenti fil-kawża prinċipali. F’dan ir-rigward, infakkar li t-tieni sentenza tal-Artikolu 3(5) tar-Regolament Nru 261/2004 tippreċiża li, meta trasportatur tal-ajru li jopera li ma jkunx ikkonkluda kuntratt mal-passiġġier iwettaq obbligi li jirriżultaw minn dan ir-regolament, huwa jiġi kkunsidrat li jaġixxi f’isem il-persuna li kkonkludiet il-kuntratt mal-passiġġier ikkonċernat ( 20 ).

52.

Din il-konklużjoni li United Airlines hija t-trasportatur tal-ajru li jopera u hija, għalhekk, responsabbli għall-kumpens previst fl-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 261/2004, hija koerenti mal-għan, iddikjarat fil-premessa 1 ta’ dan ir-regolament, li jiġi żgurat l-ogħla livell ta’ protezzjoni tal-passiġġieri, sa fejn, kif tirrikonoxxi United Airlines fis-sottomissjonijiet tagħha, huwa t-trasportatur li huwa faċilment identifikabbli għall-passiġġieri u li, fil-maġġoranza tal-każijiet, huwa responsabbli mill-problemi li jiżviluppaw matul it-titjira.

53.

Finalment, infakkar li, bis-saħħa tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 261/2004, l-obbligi li għandu t-trasportatur bl-ajru li jopera skont dan ir-regolament huma bla ħsara għad-dritt tiegħu li jitlob kumpens għad-danni, konformement mad-dritt nazzjonali applikabbli, lil kull persuna li minħabba fiha ġew ikkawżati n-nuqqasijiet ta’ dan it-trasportatur għat-twettiq tal-obbligi tiegħu, inklużi terzi, bħal organizzatur ta’ vjaġġi jew persuna oħra li magħha t-trasportatur tal-ajru li jopera kkonkluda kuntratt ( 21 ).

54.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, nipproponi li r-risposta għall-ewwel domanda preliminari għandha tkun li l-Artikolu 3(1)(a) u l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 261/2004 għandhom ikunu interpretati fis-sens li, fil-kuntest ta’ titjira konnessa, magħmula minn żewġ titjiriet u li wasslet għal riżervazzjoni waħda, bi tluq minn ajruport li jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru u b’wasla f’ajruport li jinsab f’pajjiż terz permezz ta’ waqfa f’ajruport ieħor ta’ dan il-pajjiż terz, passiġġier li sofra dewmien fid-destinazzjoni finali tiegħu ta’ tliet sigħat jew iktar minħabba dewmien li seħħ fit-tieni titjira mwettqa, bħall-ewwel titjira, minn trasportatur tal-ajru ta’ pajjiż terz, jista’ jippreżenta rikors għal kumpens bis-saħħa ta’ dan ir-regolament kontra dan it-trasportatur tal-ajru li jopera, meta r-riżervazzjoni unika tkun saret ma’ trasportatur Komunitarju li materjalment ma jkun wettaq l-ebda waħda minn dawn it-titjiriet.

B.   Fuq it‑tieni domanda preliminari

55.

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk, fil-każ fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li r-Regolament Nru 261/2004 huwa applikabbli għal sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, dan ir-regolament huwiex validu fid-dawl tal-prinċipju tad-dritt internazzjonali li kull Stat għandu sovranità kompleta u esklużiva fuq l-ispazju tal-ajru tiegħu.

56.

Preliminarjament, infakkar li, kif jirriżulta mill-Artikolu 3(5) TUE, l-Unjoni tikkontribwixxi, b’mod partikolari, “għar-rispett sħiħ u għall-iżvilupp tad-dritt internazzjonali”. Konsegwentement, meta hija tadotta att, hija obbligata tirrispetta d-dritt internazzjonali kollu kemm hu, inkluż id-dritt internazzjonali konswetudinarju li jorbot lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni ( 22 ).

57.

F’dan ir-rigward, fis-sentenza ATAA, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li l-prinċipju ta’ sovranità kompleta u esklużiva ta’ kull Stat fuq l-ispazju tal-ajru tiegħu jikkostitwixxi prinċipju ta’ dritt internazzjonali konswetudinarju li jorbot lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni ( 23 ). Minn din is-sentenza jirriżulta wkoll li dan il-prinċipju jista’ jiġi invokat minn parti fil-kawża għall-finijiet tal-eżami, mill-Qorti tal-Ġustizzja, tal-validità ta’ att tal-Unjoni sa fejn, minn naħa, l-imsemmi prinċipju jista’ jikkontesta l-kompetenza tal-Unjoni sabiex tadotta l-imsemmi att u, min-naħa l-oħra, l-att inkwistjoni jista’ jaffettwa d-drittijiet li l-parti fil-kawża tinvoka mid-dritt tal-Unjoni jew li joħloq għaliha obbligi fid-dawl ta’ dan id-dritt ( 24 ). Madankollu, kif jirriżulta mill-imsemmija sentenza, peress li l-prinċipju tad-dritt internazzjonali konswetudinarju ma għandux l-istess grad ta’ preċiżjoni li jkollha dispożizzjoni ta’ ftehim internazzjonali, l-istħarriġ ġudizzjarju ta’ att tal-Unjoni fir-rigward tal-prinċipju ta’ dritt internazzjonali konswetudinarju għandu neċessarjament jasal biss sal-kwistjoni li jsir magħruf jekk l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, meta adottaw l-att inkwistjoni, wettqux żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju ( 25 ).

58.

F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-validità tar-Regolament Nru 261/2004 fid-dawl tal-prinċipju ta’ dritt internazzjonali konswetudinarju hawn fuq imsemmi inkwantu dan ir-regolament jista’ jiġi applikat f’sitwazzjoni, li, skont din il-qorti, isseħħ barra mit-territorju tal-Unjoni u tinvolvi trasportatur ta’ pajjiż terz.

59.

Peress li, fid-dawl tas-sentenza ATAA, il-validità tar-Regolament Nru 261/2004 tista’ tkun eżaminata fid-dawl tal-prinċipju tad-dritt internazzjonali tal-ajru konswetudinarju, fil-limiti tal-istħarriġ tal-iżball manifest ta’ evalwazzjoni, għalhekk tqum il-kwistjoni dwar jekk il-leġiżlatur tal-Unjoni wettaqx tali żball li jaffettwa l-validità ta’ dan ir-regolament.

60.

Inqis li dan ma huwiex il-każ.

61.

Fl-ewwel lok, infakkar li, bis-saħħa tal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 261/2004, it-titjira inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament minħabba l-fatt li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali bdew il-vjaġġ tagħhom bi tluq minn ajruport li jinsab fi Stat Membru, jiġifieri fil-Belġju. Huwa dan il-kriterju li joħloq rabta mill-qrib mat-territorju tal-Unjoni. B’hekk, il-fatt li f’dan il-każ, id-dritt għal kumpens inħoloq wara dewmien li seħħ kompletament fuq it-territorju ta’ pajjiż terz ma jbiddel xejn minn din ir-rabta mat-territorju tal-Unjoni. Fil-fatt, kif ġie indikat fil-punti 36 u 37 ta’ dawn il-konklużjonijiet, it-titjiriet konnessi bi tluq minn ajruport li jinsab fi Stat Membru u b’destinazzjoni għal ajruport ta’ pajjiż terz jiffurmaw unità, li tista’ tiġi assimilata ma’ titjira diretta li twettaq l-istess rotta. F’dan is-sens, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li “jekk titjira […] li twettqet kompletament barra mill-Unjoni, ikollha titqies li hija operazzjoni ta’ trasport separata, din it-titjira ma tkunx taqa’ taħt ir-Regolament Nru 261/2004. Mill-banda l-oħra, jekk trasport […] jitqies f’daqqa, bil-punt tat-tluq tiegħu fi Stat Membru, dan ir-regolament ikun applikabbli” ( 26 ).

62.

Minn dan jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja, minn naħa, impliċitament ( 27 ) diġà rrikonoxxiet dan il-prinċipju ta’ sovranità, billi rrilevat li fil-każijiet ta’ titjiriet separati, ir-Regolament Nru 261/2004 ma japplikax għat-titjira mwettqa barra mill-Unjoni, iżda min-naħa l-oħra, iddeċidiet li l-applikazzjoni tal-Artikolu 3(1)(a) u tal-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament għat-titjiriet konnessi, ma tiksirx dan il-prinċipju. Skont din il-loġika, tali applikazzjoni ma għandhiex taffettwa s-sovranità ta’ pajjiż terz li fuq it-territorju tiegħu twettqet l-aħħar parti ta’ titjira konnessa, peress li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali, fil-prinċipju bdew il-vjaġġ tagħhom bi tluq minn ajruport li jinsab fit-territorju tal-Unjoni.

63.

Fit-tieni lok, mill-perspettiva tad-dritt internazzjonali pubbliku, kif spjega l-Avukat Ġenerali Kokott fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża ATAA, ma huwa bl-ebda mod barra min-normal li, għall-eżerċizzju ta’ drittijiet ta’ sovranità, Stat jew organizzazzjoni internazzjonali jieħdu inkunsiderazzjoni ċirkustanzi li jseħħu, jew li jkunu seħħu, barra mill-portata tal-kompetenza territorjali tiegħu. L-element deċiżiv f’dan ir-rigward huwa li l-fatti jippreżentaw rabta suffiċjenti mal-Istat jew mal-organizzazzjoni internazzjonali kkonċernata. B’hekk, id-dritt internazzjonali jirrikonoxxi b’mod partikolari żewġ kapijiet ta’ ġurisdizzjoni li jawtorizzaw Stat (jew organizzazzjoni internazzjonali) jaġixxi, jiġifieri, minn naħa, il-ġurisdizzjoni territorjali, li bis-saħħa tagħha Stat għandu s-setgħa li jaġixxi fir-rigward ta’ persuni (tkun xi tkun in-nazzjonalità tagħhom), ta’ fatti u ta’ oġġetti li jinsabu fit-territorju tiegħu, u, min-naħa l-oħra, il-ġurisdizzjoni personali, li Stat (jew organizzazzjoni internazzjonali) għandu s-setgħa li jaġixxi fir-rigward taċ-ċittadini tiegħu (persuni fiżiċi jew ġuridiċi), irrispettivament minn fejn jinsabu ( 28 ).

64.

Ir-Regolament Nru 261/2004 japplika, minn naħa, skont l-Artikolu 3(1)(a) tiegħu għal passiġġieri bi tluq minn ajruport li jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru, ikun xi jkun il-post tad-destinazzjoni finali tat-titjira inkwistjoni (ġurisdizzjoni territorjali) ( 29 ) u, min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 3(1)(b) ta’ dan ir-regolament, għall-passiġġieri bi tluq minn ajruport li jinsab f’pajjiż terz għal ajruport li jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru sakemm, b’mod partikolari, it-trasportatur tal-ajru li jopera li jwettaq it-titjira huwa trasportatur Komunitarju (ġurisdizzjoni personali u territorjali). Għall-kuntrarju, dan ir-regolament, ma huwiex intiż sabiex japplika għal titjiriet konnessi li ma jitwettqux bi tluq jew b’wasla f’ajruport li jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru iżda li huma kompletament imwettqa bejn żewġ pajjiżi terzi, mingħajr rabta mat-territorju tal-Unjoni ( 30 ).

65.

Il-kriterji ta’ applikabbiltà tar-Regolament Nru 261/2004 hekk iddefiniti, b’mod partikolari dak previst fl-Artikolu 3(1)(a) ta’ dan ir-regolament, li huwa inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma jirriżultawx f’applikazzjoni extraterritorjali tad-dritt tal-Unjoni, inkluż meta t-titjira inkwistjoni għandha destinazzjoni f’pajjiż terz. Fil-fatt, dan ir-regolament japplika biss fiċ-ċirkustanzi li huma ddefiniti b’mod ċar li fihom it-titjira inkwistjoni, ikkunsidrata kollha kemm hi, titwettaq bi tluq minn ajruport li jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru, peress li tali titjira, inkluż il-parti li twettqet barra mill-Unjoni, hija intrinsikament marbuta mat-territorju tal-Istati Membri tal-Unjoni.

66.

Fit-tielet lok, din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-għan li għandu jintlaħaq mir-Regolament Nru 261/2004 sabiex jiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi ( 31 ). Għall-finijiet tal-applikazzjoni taż-żewġ dispożizzjonijiet hawn fuq imsemmija, it-titjira għandha tkun is-suġġett ta’ riżervazzjoni waħda u li din it-titjira jkollha punt ta’ tluq jew ta’ destinazzjoni ajruport li jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru. Il-fatt li t-trasportatur tal-ajru jkunx għażel jew le li jkun hemm waqfa fit-territorju tal-Unjoni jew f’pajjiż terz ma għandux jaffettwa d-dritt għal kumpens tal-passiġġieri kkonċernati.

67.

Bl-istess mod, fid-dawl ta’ dan l-għan, li huwa msemmi wkoll fl-Artikolu 38 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma għandux jawtorizza attività ta’ trasport bl-ajru fit-territorju tal-Unjoni ħlief jekk l-operaturi josservaw il-kriterji ddefiniti mill-Unjoni u intiżi li jilħqu l-għanijiet mogħtija lilha nnifisha f’dan il-qasam ( 32 ). Permezz tar-Regolament Nru 261/2004, il-leġiżlatur tal-Unjoni ssuġġetta l-attività tat-trasport bl-ajru bi tluq mill-Unjoni għal ċerti kriterji sabiex jintlaħaq l-għan tal-protezzjoni tal-konsumaturi. Il-fatt li trasportatur tal-ajru ta’ pajjiż terz, bħall-United Airlines, jista’ jkun obbligat, bis-saħħa ta’ dan ir-regolament, għall-ħlas ta’ kumpens għal dewmien marbut ma’ problema teknika solvuta waqt waqfa li saret fuq it-territorju ta’ pajjiż terz jikkostitwixxi għalhekk, fl-opinjoni tiegħi, mhux biss kundizzjoni iżda wkoll riskju inerenti għall-għażla ta’ dan it-trasportatur tal-ajru li joffri s-servizzi tiegħu fuq is-suq Ewropew. B’hekk, huwa biss jekk dan l-operatur jagħżel li jopera titjiriet bi tluq jew wasla minn ajruport li jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru li jkun suġġett għad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 261/2004 ( 33 ). Billi jagħmel tali għażla dan l-istess trasportatur tal-ajru jkopri mhux biss it-titjiriet diretti, iżda wkoll it-titjiriet konnessi li, skont ġurisprudenza stabbilita, jikkostitwixxu unità għall-finijiet tad-dritt għal kumpens tal-passiġġieri previst f’dan ir-regolament, kemm jekk ikunu operati b’mod individwali jew, bħal f’dan il-każ, fil-qafas ta’ ftehim ta’ kondiviżjoni ta’ kodiċi.

68.

Fir-raba’ u l-aħħar lok, inqis li hemm lok li jiġi miċħud l-argument imressaq mill-United Airlines li l-applikabbiltà tar-Regolament Nru 261/2004 tikser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament sa fejn huma biss il-passiġġieri tat-titjira konnessa (Brussell-San José) li jistgħu jitolbu kumpens, minkejja li l-passiġġieri kollha tat-titjira Newark-San José sofrew dannu minħabba d-dewmien. Dan l-argument, fl-opinjoni tiegħi, mhux biss jikkonferma li l-Artikolu 3(1)(a) ta’ dan ir-regolament ma japplikax mingħajr rabta mill-qrib bejn titjira u t-territorju tal-Unjoni, iżda huwa wkoll ibbażat fuq premessa żbaljata billi ma ħax inkunsiderazzjoni l-fatt li ż-żewġ gruppi ta’ passiġġieri li din il-kumpannija ssemmi ma humiex f’sitwazzjoni identika.

69.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, nipproponi li r-risposta għat-tieni domanda preliminari għandha tkun li l-Artikolu 3(1)(a) u l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 261/2004 għandhom jiġu interpretati fis-sens li r-risposta mogħtija għall-ewwel domanda ma hijiex kuntrarja għall-prinċipju, ibbażat fuq id-dritt internazzjonali konswetudinarju, tas-sovranità kompleta u esklużiva ta’ Stat fuq l-ispazju tal-ajru tiegħu, b’tali mod li dan il-prinċipju ma għandux jaffettwa l-validità ta’ dan ir-regolament.

V. Konklużjoni

70.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi bil-mod segwenti għad-domandi preliminari magħmula min-Nederlandstalige ondernemingsrechtbank Brussel (il-Qorti Kummerċjali ta’ Brussell bil-lingwa Olandiża, il-Belġju):

1)

L-Artikolu 3(1)(a) u l-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fil-kuntest ta’ titjira konnessa, magħmula minn żewġ titjiriet u li wasslet għal riżervazzjoni waħda, bi tluq minn ajruport li jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru u b’wasla f’ajruport li jinsab f’pajjiż terz permezz ta’ waqfa f’ajruport ieħor ta’ dan il-pajjiż terz, passiġġier li sofra dewmien fid-destinazzjoni finali tiegħu ta’ tliet sigħat jew iktar li joriġina mit-tieni titjira mwettqa, bħall-ewwel titjira, minn trasportatur tal-ajru ta’ pajjiż terz, jista’ jippreżenta r-rikors għal kumpens tiegħu bis-saħħa ta’ dan ir-regolament kontra dan it-trasportatur tal-ajru li jopera, meta r-riżervazzjoni unika tkun saret ma’ trasportatur Komunitarju li materjalment ma jkun wettaq l-ebda waħda minn dawn it-titjiriet.

2)

L-Artikolu 3(1)(a) u l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 261/2004 għandhom jiġu interpretati fis-sens li r-risposta mogħtija għall-ewwel domanda ma hijiex kuntrarja għall-prinċipju, ibbażat fuq id-dritt internazzjonali konswetudinarju, tas-sovranità kompleta u esklużiva ta’ Stat fuq l-ispazju tal-ajru tiegħu, b’tali mod li dan il-prinċipju ma għandux jaffettwa l-validità ta’ dan ir-regolament.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 10).

( 3 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni li teżamina l-applikabbiltà tar-Regolament Nru 261/2004 fil-każ ta’ titjiriet konnessi, b’mod partikolari, fis‑sentenzi tas‑26 ta’ Frar 2013, Folkerts (C‑11/11, iktar ’il quddiem is-“sentenza Folkerts”, EU:C:2013:106,), tal‑31 ta’ Mejju 2018, Wegener (C‑537/17, iktar ’il quddiem is-“sentenza Wegener”, EU:C:2018:361,), tal‑11 ta’ Lulju 2019, České aerolinie (C‑502/18, iktar ’il quddiem is-“sentenza České aerolinie”, EU:C:2019:604,), u tat‑30 ta’ April 2020, Air Nostrum (C‑191/19, EU:C:2020:339). Fuq il-kwistjoni tal-applikabbiltà tar-Regolament Nru 261/2004 għal rotta tal-ajru bit‑tluq inizjali u b’destinazzjoni finali f’pajjiż terz iżda li tinvolvi żewġ titjiriet b’punt tat‑tluq jew punt ta’ wasla fi Stat Membru, ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Saugmandsgaard Øe fil-kawża Airhelp (Dewmien ta’ titjira b’rotta differenti) (C‑451/20, EU:C:2021:829, punti 24 sa 60, peress li s-sentenza kienet għadha ma ngħatatx meta ġew ippreżentati dawn il-konklużjonijiet).

( 4 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni teżamina l-validità ta’ att leġiżlattiv tal-Unjoni fid-dawl ta’ dan il-prinċipju, jiġifieri d-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 631), fis-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2011, Air Transport Association of America et (C‑366/10, iktar ’il quddiem is‑“sentenza ATAA”, EU:C:2011:864, punti 103104).

( 5 ) ĠU 1992, L 240, p. 1.

( 6 ) L-aġenzija tal-ivvjaġġar u Lufthansa ma humiex partijiet fil-kawża prinċipali.

( 7 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑19 ta’ Novembru 2009, Sturgeon et (C‑402/07 u C‑432/07, EU:C:2009:716, punt 61), tat‑23 ta’ Ottubru 2012, Nelson et (C‑581/10 u C‑629/10, EU:C:2012:657), Folkerts (punti 32 u 33), u České aerolinie (punt 19).

( 8 ) Sentenza Folkerts (punti 34 u 35).

( 9 ) Sentenza Wegener (punti 17 u 18 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 10 ) Sentenza Wegener (punti 19 u 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 11 ) Sentenza Wegener (punt 23).

( 12 ) Sentenzi Wegener (punt 25) u České aerolinie (punt 16), u d-digriet tat‑12 ta’ Novembru 2020, KLM Royal Dutch Airlines (C‑367/20, iktar ’il quddiem id-digriet KLM, EU:C:2020:909, punt 19).

( 13 ) Sentenza České aerolinie (punti 20 sa 26) u d-digriet KLM (punt 28).

( 14 ) Sentenza České aerolinie (punt 20).

( 15 ) Sentenza České aerolinie (punt 23).

( 16 ) Ara, għal analiżi tax-xogħol preparatorju, tar-Regolament Nru 261/2004, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tanchev fil-kawża flightright (C‑186/17, EU:C:2018:399, punt 46).

( 17 ) Sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2018, Wirth et (C‑532/17, EU:C:2018:527, punti 1920).

( 18 ) Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tanchev fil-kawża flightright (C‑186/17, EU:C:2018:399, punt 27). Peress li t-talba għal deċiżjoni preliminari ġiet irtirata, il-Kawża C‑186/17 tħassret mir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara d-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑2 ta’ Awwissu 2018, flightright (C‑186/17, mhux ippubblikat, EU:C:2018:657)).

( 19 ) Mid-deċiżjoni tar-rinviju u mis-sottomissjonijiet ta’ United Airlines jirriżulta li l-ewwel parti tat-titjira nbigħet minn Lufthansa bin-numru tat-titjira LH 8854 u twettqet minn United bin-numru tat-titjira UA 998.

( 20 ) Sentenza České aerolinie (punt 28).

( 21 ) Sentenza České aerolinie (punt 31 u ġurisprudenza ċċitata).

( 22 ) Sentenza ATAA (punt 101 u ġurisprudenza ċċitata).

( 23 ) Sentenza ATAA (punti 103 u 104 u l-ġurisprudenza ċċitata). Dan il-prinċipju huwa kkodifikat, b’mod partikolari, fl-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali, iffirmata f’Chicago (l-Istati Uniti) fis‑7 ta’ Diċembru 1944, li jipprevedi “[l]-Istati kontraenti jirrikonoxxu li kull Stat għandu s-sovranità sħiħa u esklużiva fuq l-ispazju tal-ajru fuq it-territorju tiegħu.” [traduzzjoni mhux uffiċjali] Madankollu, din il-konvenzjoni, għar-raġunijiet esposti fil-punti 57 sa 72 ta’ din l-istess sentenza, ma torbotx, bħala tali, lill-Unjoni.

( 24 ) Sentenza ATAA (punt 107 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 25 ) Sentenza ATAA (punt 110) li tikkonferma s-sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 1998, Racke (C‑162/96, EU:C:1998:293, punt 52).

( 26 ) Sentenza Wegener (punt 15).

( 27 ) Sa fejn il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ att tal-Unjoni huwa interpretat, b’mod partikolari, fid-dawl tar-regoli rilevanti tad-dritt internazzjonali tal-ajru (ara, b’analoġija, is-sentenza ATAA (punt 123)).

( 28 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Air Transport Association of America et (C‑366/10, EU:C:2011:637, punti 148149 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 29 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Settembru 1988, Ahlström Osakeyhtiö et vs Il‑Kummissjoni (89/85, 104/85, 114/85, 116/85, 117/85 u 125/85 sa 129/85, EU:C:1988:447, punti 15 sa 18).

( 30 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Saugmandsgaard Øe fil‑kawża Airhelp (Dewmien ta’ titjira b’rotta differenti) (C‑451/20, EU:C:2021:829, punti 24 sa 60), li jsostni li r-Regolament Nru 261/2004 japplika wkoll għal titjiriet konnessi li jorbtu lil pajjiż terz ma’ pajjiż terz ieħor, meta l-post tal-wasla tal-ewwel titjira u l-post tat-tluq tat-tieni titjira jinsabu fit-territorju ta’ Stat Membru.

( 31 ) Ara l-premessi 1 u 4 tar-Regolament Nru 261/2004.

( 32 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza ATAA (punt 128).

( 33 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza ATAA (punt 127).