KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

PITRUZZELLA

ippreżentati fis‑7 ta’ April 2022 ( 1 )

Kawża C‑460/20

TU,

RE

vs

Google LLC

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill‑Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il‑Ġermanja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni ta’ data personali – Talba għal tneħħija ta’ referenza għal informazzjoni allegatament falza u għal tneħħija ta’ immaġnijiet żgħar (‘thumbnails’)”

I. Introduzzjoni

1.

Permezz tat-talba għal deċiżjoni preliminari li hija s-suġġett ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-Bundesgerischsthof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja, iktar ’il quddiem il-“BGH”) tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja żewġ domandi dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 17(3)(a) tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) ( 2 ) (iktar ’il quddiem il-“GDPR”) u tal-Artikolu 12(b) u tal-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data ( 3 ), moqrija fid-dawl tal-Artikoli 7, 8, 11 u 16 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”). Dawn id-domandi tqajmu fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat minn TU u RE (iktar ’il quddiem, flimkien: ir-“rikorrenti”) kontra Google LLC (iktar ’il quddiem “Google” jew il-“konvenuta”), intiż li jikseb, minn naħa, it-tneħħija ta’ referenza għal ċerti links murija fit-tfittxijiet li jsiru bl-użu ta’ magna tat-tiftix ġestit mill-konvenuta, li jirreferu għal artikli ta’ partijiet terzi ppubblikati fuq l-internet li fihom huma identifikati r-rikorrenti, u, min-naħa l-oħra, il-waqfien tal-viżwalizzazzjoni ta’ ritratti li jakkumpanjaw wieħed minn dawn l-artikli fil-forma ta’ hekk imsejħa immaġnijiet żgħar (“thumbnails”).

2.

Huwa magħruf li magna tat-tiftix tillimitax ruħha biex tospita kontenut prodott minn oħrajn fuq l-internet, iżda għandha rwol attiv fit-tixrid tal-informazzjoni. Ir-“rikkezza tal-internet” kienet tkun biss ħaġa potenzjali kieku l-utenti ma kienx jista’ jaċċedi l-informazzjoni li jeħtieġ permezz tal-magni tat-tiftix, u fl-oċean vast tal-informazzjoni prodotta fuq l-internet, ħafna informazzjoni tibqa’ prattikament inaċċessibbli mingħajr l-intermedjarju ta’ tali magni. Meta l-magna tat-tiftix tippermetti lill-utent iwettaq tiftixa abbażi ta’ ċertu keywords, bħall-isem ta’ persuna, dan jagħmel għażliet dwar liema siti għandu jinkludi fir-riżultati tat-tiftixa u liema ordni jagħtihom fil-lista tar-riżultati, b’riperkussjonijiet enormi fuq it-tixrid tal-informazzjoni. Dawn l-għażliet isiru mill-algoritmu użat u għalhekk jiddependu fuq il-kriterji tal-għażla li l-operatur tal-magna tat-tiftix ikun għażel meta pprogrammah. Isiru għażliet ulterjuri fuq skala kbira fil-kuntest tal-politiki ta’ moderazzjoni tal-kontenut imwettqa mill-pjattaforma skont l-istandards adottati minnha, pereżempju biex tħares il-mudell tan-negozju tagħha, biex tipproteġi ċerti sensittivitajiet fost l-utenti jew biex twettaq obbligi legali. Dawn l-attivitajiet jinvolvu deċiżjonijiet dwar liema kontenut ma għandux jiġi ppubblikat fir-riżultati tat-tiftix magħmul mill-utenti.

3.

Għaldaqstant il-magna tat-tiftix għalhekk jaġixxi bħala gwardjan tal-informazzjoni (“gatekeeper”), espressjoni li tirreferi għal entitajiet li l-attività tagħhom hija meħtieġa biex opinjonijiet jew informazzjoni prodotti minn partijiet terzi jkunu jistgħu jidħlu fiċ-ċirkwit tal-komunikazzjoni demokratika. Din il-funzjoni ta’ gwardjan tal-“bibien” li minnhom jgħaddi l-fluss tal-informazzjoni, imwettqa minn magni tat-tiftix bħal Google, għandha konsegwenzi importanti kemm fuq il-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 11 tal-Karta, kif ukoll fuq id-drittijiet tar-rispett tal-ħajja privata u l-protezzjoni tad-data personali ddikjarati fl-Artikoli 7 u 8 tagħha. B’mod partikolari, l-inklużjoni, fil-lista tar-riżultati li tidher wara tiftixa li tkun saret abbażi tal-isem ta’ persuna, ta’ paġna web u l-informazzjoni ta’ ġo fiha relatata ma’ dik il-persuna tiffaċilita kunsiderevolment l-aċċessibbiltà ta’ dik l-informazzjoni għal kull utent tal-internet u jista’ jkollha rwol deċiżiv fit-tixrid ta’ dik l-informazzjoni u għalhekk fl-eżerċizzju tal-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni. Għall-istess raġuni, din l-inklużjoni tista’ tikkostitwixxi ndħil iktar sinjifikattiv fid-dritt fundamentali għar-rispett tal-ħajja privata tal-persuna kkonċernata minn dak li jirriżulta mill-pubblikazzjoni mill-editur ta’ din il-paġna web, kif kellha l-okkażjoni li tispeċifika l-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza tagħha ( 4 ).

4.

Fit-talba għal deċiżjoni preliminari li hija s-suġġett ta’ dawn il-konklużjonijiet, in-natura speċifika tal-funzjoni mwettqa mill-magni tat-tiftix u t-tensjoni li din toħloq bejn id-drittijiet fundamentali stabbiliti fl-Artikoli 7, 8 u 11 tal-Karta huma enfasizzati f’xenarju li għadu ma ġiex eżaminat mill-Qorti tal-Ġustizzja, jiġifieri dak fejn il-persuna kkonċernata tikkontesta l-veraċità tad-data pproċessata u titlob, għal din ir-raġuni, li titneħħa r-referenza tal-links għall-kontenut ippubblikat minn partijiet terzi li fihom tidher din id-data.

II. Il-kuntest ġuridiku

5.

Minbarra l-Artikoli 7, 8, 11 u 16 tal-Karta, li jiddikjaraw, rispettivament, id-dritt għar-rispett għall-ħajja privata, id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali, il-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni, u l-libertà ta’ intrapriża, l-Artikoli 12(b) u l-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 95/46, li għall-kontenut tagħhom ser nagħmel biss riferiment, u l-Artikolu 17 tal-GDPR huma ta’ rilevanza partikolari għall-finijiet ta’ din l-analiżi. Dan tal-aħħar jistabbilixxi, fil-paragrafu 1 tiegħu, id-dritt tal-persuna kkonċernata li tikseb it-tħassir ta’ data personali dwaru, b’mod partikolari fejn dik id-data tkun ġiet ipproċessata illegalment, u l-obbligu korrispondenti tal-kontrollur li jwettaq dan it-tħassir. Il-paragrafu 3(a) ta’ dan l-Artikolu jispeċifika li l-paragrafu 1 ma japplikax sa fejn l-ipproċessar huwa meħtieġ “għall-eżerċizzju tad-dritt tal-libertà ta’ espressjoni u informazzjoni”. Fl-analiżi ser isir riferiment għad-dispożizzjonijiet l-oħra tad-Direttiva 95/46 u tal-GDPR li huma rilevanti għall-finijiet tal-eżami tat-talba għal deċiżjoni preliminari.

III. Il-kawża prinċipali u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

6.

TU topera bħala responsabbli għal diversi kumpanniji li joffru servizzi finanzjarji jew għandha sehem fl-istess kumpanniji. RE kienet sieħba ta’ TU u, sa Mejju 2015, kienet rappreżentant ta’ waħda minn dawn il-kumpaniji. Is-sit web www.g...net (iktar ’il quddiem: “g-net”) ippubblika, fis‑27 ta’ April 2015, fl‑4 ta’ Ġunju 2015 u fis‑16 ta’ Ġunju 2015, rispettivament, tliet artikli li kienu jesprimu fehmiet kritiċi u dubji dwar is-serjetà tal-mudell ta’ investiment ta’ diversi minn dawn il-kumpaniji. L-artiklu tal‑4 ta’ Ġunju 2015 kien akkumpanjat minn erba’ ritratti, tlieta ta’ TU u wieħed ta’ RE, li fihom ir-rikorrenti kienu jidhru jsuqu karozzi lussużi, f’ħelikopter u quddiem ajruplan charter. Flimkien mal-artikli, dawn l-immaġnijiet setgħu jissuġġerixxu li r-rikorrenti bbenefikaw minn lussu ffinanzjat minn terzi. Skont l-informazzjoni legali (“Impressum”), l-operatur tas-sit g-net huwa G‑LLC. L-għan tal-kumpannija G‑LLC, skont l-indikazzjonijiet tagħha stess, huwa “li tikkontribwixxi b’mod sostenibbli, permezz ta’ informazzjoni attiva u trasparenza kostanti, għall-prevenzjoni tal-frodi minn perspettiva ekonomika u soċjali”. Madankollu, diversi pubblikazzjonijiet jagħtu rendikont kritiku tal-mudell tan-negozju ta’ G‑LLC, u jakkużawha, fost affarijiet oħra, li tipprova tirrikatta lill-impriżi billi l-ewwel tippubblika valutazzjonijiet xejn favorevoli u sussegwentement toffri li tħassarhom wara li jitħallas l-hekk imsejjaħ ħlas ta’ protezzjoni. L-artikli tal‑4 ta’ Ġunju 2015 u tas‑16 ta’ Ġunju 2015 ġew inklużi fil-lista ta’ riżultati ta’ tfittxija li saret billi ddaħħlu l-isem u l-kunjom tar-rikorrenti fil-magna tat-tiftix operat minn Google, kemm waħedhom kif ukoll flimkien ma’ ċerti ismijiet ta’ kumpanniji, filwaqt li l-artiklu tas‑27 ta’ April 2015 deher f’tiftix li sar abbażi ta’ ċerti ismijiet ta’ kumpanniji. Dawn ir-riżultati kien fihom link lejn l-artikli inkwistjoni. Google inkludiet ukoll, fil-forma ta’ thumbnails, fis-sommarju tar-riżultati tat-tiftix tagħha tal-immaġni, ir-ritratti tar-rikorrenti li jinsabu fl-artiklu tal‑4 ta’ Ġunju 2015.

7.

Ir-rikorrenti talbu lill-konvenuta biex, minn naħa, tneħħi r-referenza għall-artikli inkwistjoni, li, fil-fehma tagħhom, fihom għadd ta’ allegazzjonijiet żbaljati u opinjonijiet malafamanti bbażati fuq fatti li ma humiex veri, u, min-naħa l-oħra, tneħħi t-thumbnails mil-lista tar-riżultati tat-tiftix. Huma sostnew li kienu vittmi ta’ rikatt minn G-LLC. Il-konvenuta rrifjutat li tilqa’ din it-talba u għamlet riferiment għall-kuntest professjonali li fih dehru l-artikli u l-immaġni kkontestati u invokat in-nuqqas ta’ għarfien tagħha dwar l-allegata falsità tal-informazzjoni fihom. L-azzjoni ġiet miċħuda fl-ewwel żewġ istanzi.

8.

F’dawn iċ-ċirkustanzi l-Bundesgerischsthof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)

Fil-kuntest tal-ibbilanċjar tad-drittijiet u tal-interessi kunfliġġenti li jirriżultaw mill-Artikoli 7, 8, 11 u 16 [tal-Karta], b’mod konformi mal-Artikolu 17(3)(a) [tal-GDPR] li għandu jsir waqt l-eżami ta’ talba għat-tneħħija ta’ referenza mressqa mill-persuna kkonċernata kontra l-persuna responsabbli għal servizz ta’ riċerka fuq l-internet, huwa kompatibbli mad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata (Artikolu 7 tal-Karta) u mad-dritt għall-protezzjoni tad-data personali (Artikolu 8 tal-Karta) ta’ din il-persuna li, meta l-link li t-tneħħija tagħha hija mitluba twassal għal kontenut li jinkludi allegazzjonijiet ta’ fatt u ġudizzji ta’ valur ibbażati fuq dawn l-allegazzjonijiet ta’ fatt li l-veraċità tagħhom hija kkontestata mill-persuna kkonċernata, u meta l-legalità ta’ dan il-kontenut tiddependi fuq jekk l-allegazzjonijiet ta’ fatt inklużi fih humiex veri, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll jekk il-persuna kkonċernata tistax b’mod raġonevoli tikseb protezzjoni ġudizzjarja – pereżempju permezz ta’ digriet għal miżuri provviżorji – kontra l-fornitur ta’ kontenut u, għalhekk dan jista’ jwassal għall-kjarifikazzjoni tal-inqas provviżorja dwar il-kwistjoni tal-veraċità tal-kontenut muri mill-persuna responsabbli għall-mutur ta’ tfittxija?

2)

Fil-każ ta’ talba għat-tneħħija ta’ referenza mressqa kontra l-persuna responsabbli għal servizz ta’ tfittxija fuq l-internet li, f’każ ta’ tfittxija skont l-isem, tfittxija ta’ ritratti ta’ persuni fiżiċi li terzi kienu qiegħdu fuq l-internet flimkien mal-isem tal-persuna, u li, fil-lista ta’ riżultati tagħha, turi bħala immaġnijiet żgħar (‘thumbnails’) ir-ritratti li hija tkun sabet, fil-kuntest tal-ibbilanċjar tad-drittijiet u tal-interessi kunfliġġenti li jirriżultaw mill-Artikoli 7, 8, 11 u 16 tal-Karta li għandu jsir skont l-Artikolu 12(b) u tal-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 14 tad-Direttiva [95/46] jew tal-Artikolu 17(3)(a) [tal-GDPR], li jittieħed inkunsiderazzjoni b’mod determinanti l-kuntest tal-pubblikazzjoni inizjali minn terz, anki jekk il-paġna tal-internet tat-terz, waqt it-turija tal-immaġni żgħira permezz tal-mutur ta’ tfittxija, ċertament hija indikata fil-forma ta’ link, iżda ma hijiex konkretament imsemmija, u l-kuntest li jirriżulta minn dan ma jintweriex mis-servizz ta’ tfittxija fuq l-internet?”

9.

F’din il-kawża ġew sottomessi osservazzjonijiet bil-miktub mill-partijiet fil-kawża prinċipali, mill-Gvern Rumen, Awstrijak u Grieg, kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. Waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal‑24 ta’ Jannar 2022, il-partijiet fil-kawża prinċipali u l-Kummissjoni għamlu s-sottomissjonijiet orali tagħhom.

IV. Analiżi

10.

Qabel ma jiġu eżaminati d-domandi preliminari, jeħtieġ li jsir riferiment għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-obbligi tal-operatur ta’ magna tat-tiftix meta l-attività tiegħu tkun tinvolvi l-ipproċessar ta’ data personali, b’mod partikolari fejn jikseb prominenza d-dritt tal-persuna kkonċernata minn dak l-ipproċessar li titlob li titħassar id-data li tirrigwardaha. Kif ser jintwera, dawn l-obbligi huma proporzjonati, fi kliem il-Qorti tal-Ġustizzja, mar-“responsabbiltajiet, mal-kompetenzi u mal-possibbiltajiet” tal-operatur tal-magna tat-tiftix ( 5 ), li min-naħa tagħhom huma marbuta b’mod inseparabbli mar-rwol li din tiżvolġi fl-ekosistema tal-internet, kif deskritt fil-qosor fl-introduzzjoni għal dawn il-konklużjonijiet.

A.   Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja

11.

Joħorġu erba’ punti stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-ipproċessar ta’ data personali fil-kuntest tal-attività tal-magni tat-tiftix.

12.

L-ewwel wieħed jikkonċerna l-kwalifika tal-attività tal-magni tat-tiftix u l-inklużjoni tagħha fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea dwar il-protezzjoni tad-data personali.

13.

Fis-sentenza tat‑13 ta’ Mejju 2014, Google Spain u Google ( 6 ) (iktar ’il quddiem is-“sentenza Google Spain”), il-Qorti tal-Ġustizzja affermat li l-attività ta’ magna tat-tiftix li tikkonsisti fit-tisjib ta’ informazzjoni ppubblikata jew imqiegħda fuq l-internet minn terzi, fl-elenkar b’mod awtomatiku ta’ din l-informazzjoni f’indiċi, fil-ħażna temporanja ta’ din l-informazzjoni u, fl-aħħar nett, fit-tqegħid ta’ din l-informazzjoni għad-dispożizzjoni tal-utenti tal-internet skont ordni ta’ preferenza partikolari għandha titqies li hija “ipproċessar ta’ data personali”, fis-sens tal-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 95/46, meta din l-informazzjoni tkun tinkludi “data personali” ( 7 ). Hawnhekk huwa irrilevanti l-fatt li din id-data kienet diġà s-suġġett ta’ pubblikazzjoni fuq l-internet u ma tiġix mibdula minn din il-magna tat-tiftix ( 8 ). Korollarju ta’ din il-kwalifika tal-attività tal-magni tat-tiftix hija t-tieni affermazzjoni fis-sentenza Google Spain. L-operatur ta’ magna tat-tiftix, fil-kapaċità tiegħu bħala entità li tiddetermina l-finijiet u l-istrumenti tal-attività ta’ tali magna, għandu jitqies bħala “kontrollur”, fis-sens tal-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 95/46, tal-ipproċessar tad-data personali li tinvolvi dik l-attività ( 9 ). F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat li l-esklużjoni tal-operatur ta’ magna tat-tiftix mill-kunċett ta’ “kontrollur”, fis-sens ta’ dik id-dispożizzjoni, għas-sempliċi raġuni li ma jeżerċita ebda kontroll fuq id-data personali ppubblikata fuq il-paġni web ta’ terzi tkun kuntrarja għall-għan ta’ din id-dispożizzjoni, li huwa li, permezz ta’ definizzjoni wiesgħa ta’ dan il-kunċett, tiġi żgurata protezzjoni effikaċi u kompleta tal-persuni kkonċernati ( 10 ).

14.

It-tieni punt stabbilit li joħroġ mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jikkonċerna l-indħil potenzjalment serju fid-drittijiet fundamentali tal-persuni kkonċernati li jirriżulta mit-tħaddim ta’ magna tat-tiftix.

15.

Kif diġà ġie osservat, l-internet iżid b’mod esponenzjali r-riskji ta’ preġudizzju għad-drittijiet fundamentali tar-rispett għall-ħajja privata u tal-protezzjoni tad-data personali minħabba l-mod li bih tiġi prodotta u mxerrda l-informazzjoni online. Konxja minn din ir-realtà, il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza Google Spain, minn naħa speċifikat li l-ipproċessar ta’ data personali mwettaq fil-kuntest tal-attività ta’ magna tat-tiftix huwa differenti minn u jingħadd ma’ dak imwettaq mill-edituri ta’ siti tal-internet, li jikkonsisti fit-tqegħid ta’ din id-data fuq paġna tal-internet ( 11 ). Min-naħa l-oħra, hija enfasizzat li l-ipproċessar tad-data personali mwettaq mill-operatur ta’ magna tat-tiftix “jista’ jolqot b’mod sinjifikattiv id-drittijiet fundamentali għar-rispett tal-ħajja privata u għall-protezzjoni tad-data personali meta t-tfittxija permezz ta’ dan il-mutur titwettaq fuq il-bażi tal-isem ta’ persuna fiżika, peress li l-imsemmi pproċessar jippermetti lil kull utent tal-internet jikseb, permezz tal-lista ta’ riżultati, stampa ġenerali strutturata tal-informazzjoni dwar din il-persuna li tista’ tinstab fuq l-internet, informazzjoni li potenzjalment tista’ tikkonċerna diversi aspetti tal-ħajja privata tiegħu u li, mingħajr l-imsemmi mutur ta’ tfittxija, kien ikun impossibbli jew diffiċli ħafna li jiġu konnessi flimkien, u li b’hekk tali utent ikun jista’ jibni profil ftit jew wisq iddettaljat tas-suġġett tad-data [tal-persuna kkonċernata]”. Il-portata tal-effett tal-interferenza fl-imsemmija drittijiet tal-persuna kkonċernata barra minn hekk hija “msaħħa minħabba r-rwol importanti li għandhom l-internet u l-muturi ta’ tfittxija fis-soċjetà moderna, li jagħtu lill-informazzjoni li tkun tinsab f’tali lista ta’ riżultati natura omnipreżenti” ( 12 ). Għalhekk, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, “sa fejn l-attività ta’ mutur ta’ tfittxija tista’ għalhekk tolqot, b’mod sinjifikattiv u b’mod addizzjonali meta mqabbla mal-attività tal-edituri ta’ siti tal-internet, id-drittijiet fundamentali tal-ħajja privata u tal-protezzjoni ta’ data personali, l-operatur ta’ dan il-mutur, bħala l-persuna li tiddetermina l-finijiet u l-mezzi ta’ din l-attività, għandu jiżgura, fil-kuntest tar-responsabbiltajiet tiegħu, tal-kompetenzi tiegħu u tal-possibbiltajiet tiegħu, li din l-attività tissodisfa r-rekwiżiti tad-Direttiva 95/46 b’tali mod li l-garanziji previsti minn din id-direttiva jkun jista’ jkollhom l-effetti kollha tagħhom u b’tali mod li tkun tista’ effettivament tinkiseb protezzjoni effikaċi u kompleta tas-suġġetti tad-data, b’mod partikolari tad-dritt tagħhom għar-rispett tal-ħajja privata tagħhom” ( 13 ). Fis-sentenza tal‑24 ta’ Settembru 2019, GC et (Tneħħija ta’ referenza għal data sensittiva) ( 14 ) (iktar ’il quddiem is-“sentenza GC”), il-Qorti tal-Ġustizzja tenniet l-applikabbiltà sħiħa għall-operatur ta’ magna tat-tiftix tal-obbligi kollha tal-“kontrollur” tal-ipproċessar ta’ data personali skont id-Direttiva 95/46 u l-GDPR, rispettivament, inklużi l-projbizzjonijiet u r-restrizzjonijiet dwar l-ipproċessar ta’ data sensittiva msemmija fl-Artikolu 8(1) u (5) ta’ din id-Direttiva u fl-Artikoli 9(1) u 10 tal-GDPR. F’din is-sentenza, hija speċifikat li għalkemm il-karatteristiċi speċifiċi tal-ipproċessar imwettaq mill-operatur ta’ magna tat-tiftix fil-kuntest tal-attività tiegħu ma jiġġustifikawx li dan jiġi eżonerat mill-osservanza ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, dawn il-karatteristiċi speċifiċi madankollu jistgħu jinfluwenzaw il-portata tar-responsabbiltà u tal-obbligi konkreti tal-imsemmi operatur. Peress li l-operatur ma huwiex responsabbli għall-fatt li data sensittiva tinsab fuq paġna web ippubblikata minn terzi, iżda hija responsabbli għar-referenza ta’ din il-paġna, huwa biss minħabba din ir-referenza li d-dispożizzjonijiet dwar l-ipproċessar ta’ din id-data japplikaw għalih u, għalhekk, “permezz ta’ verifika li titwettaq, taħt il-kontroll tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, abbażi ta’ talba magħmula mill-persuna kkonċernata” ( 15 ).

16.

It-tielet punt stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja jirrigwarda l-ħtieġa li jittieħdu inkunsiderazzjoni d-drittijiet fundamentali kollha involuti fil-kuntest ta’ talba għal tneħħija ta’ referenza indirizzata lill-operatur ta’ magna tat-tiftix u li jinstab bilanċ bejn dawn id-drittijiet li minbarra ċ-ċirkustanzi tal-każ speċifiku jieħu inkunsiderazzjoni wkoll il-karatteristiċi teknoloġiċi tal-ambjent tal-internet.

17.

F’dan ir-rigward, jekk, minn naħa, il-Qorti tal-Ġustizzja eskludiet li l-indħil fid-drittijiet fundamentali tal-persuna kkonċernata kkawżat mill-viżwalizzazzjoni ta’ informazzjoni li tikkonċernaha fir-riżultati ta’ tfittxija magħmula abbażi ta’ isimha permezz ta’ magna tat-tiftix fuq l-internet jista’, fid-dawl tas-serjetà potenzjali ta’ dan l-indħil, ikun iġġustifikat abbażi tas-sempliċi interess ekonomiku tal-operatur ta’ tali magna, min-naħa l-oħra, hija rrikonoxxiet li “it-tneħħija ta’ konnessjonijiet mil-lista ta’ riżultati jista’ jkollha, fid-dawl tal-informazzjoni inkwistjoni, riperkussjonijiet fuq l-interess leġittimu tal-utenti tal-internet […] li jkollhom aċċess għall-informazzjoni inkwistjoni” ( 16 ). Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, f’dawn is-sitwazzjonijiet, għandu jipprova jintlaħaq “bilanċ ġust b’mod partikolari bejn dan l-interess u d-drittijiet fundamentali ta’ dan is-suġġett tad-data taħt l-Artikoli 7 u 8 tal-Karta” ( 17 ). Dan ir-rekwiżit huwa mtenni fis-sentenza GC b’riferiment għall-Artikolu 17 tal-GDPR li kkodifika d-dritt għat-tħassir ta’ data personali (jew id-“dritt li wieħed jintesa”) rrikonoxxut mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Google Spain ( 18 ) u li jipprevedi b’mod espliċitu, fil-paragrafu 3(a), kif ġie nnotat mill-istess Qorti, ir-rekwiżit ta’ bbilanċjar tad-drittijiet imsemmija hawn fuq ( 19 ). F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonferma wkoll dak li kien diġà ġie affermat fis-sentenza Google Spain dwar il-kriterji li abbażi tagħhom għandu jsir dan l-ibbilanċjar, filwaqt li ttenni li “għalkemm id-drittijiet tal-persuna kkonċernata protetti mill-Artikoli 7 u 8 tal-Karta jipprevalu, b’mod ġenerali, fuq il-libertà tal-informazzjoni tal-utenti tal-internet, dan il-bilanċ jista’ madankollu jiddependi, f’każijiet partikolari, min-natura tal-informazzjoni inkwistjoni u min-natura sensittiva tagħha għall-ħajja privata tal-persuna kkonċernata, kif ukoll mill-interess tal-pubbliku li jkollu din l-informazzjoni, li jista’ jvarja b’mod partikolari skont ir-rwol li għandha din il-persuna kkonċernata fil-ħajja pubblika” ( 20 ). Lil hinn mill-formulazzjonijiet adottati mill-Qorti tal-Ġustizzja, mis-sentenza GC joħroġ b’mod partikolari li l-bilanċ jinstab bejn drittijiet fundamentali tal-istess importanza, li huma kundizzjonijiet indispensabbli għall-funzjonament tajjeb ta’ soċjetà demokratika. Għalhekk ma huwiex possibbli li tiġi prevista, f’termini astratti, il-prevalenza ta’ wieħed fuq l-ieħor, iżda huwa meħtieġ li jinstab bilanċ b’tali mod li tintlaħaq koeżistenza li toħloq l-inqas preġudizzju possibbli għal kull wieħed mid-drittijiet fundamentali inkwistjoni. Minn din is-sentenza joħroġ ukoll li dan il-bilanċ jimxi mid-drittijiet għar-rispett tal-ħajja privata u l-protezzjoni tad-data personali stabbiliti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta għad-dritt li persuna tirċievi jew tagħti informazzjoni stabbilit fl-Artikolu 11 tal-Karta iktar ma l-persuna kkonċernata jkollha rwol pubbliku u għalhekk ikun hemm interess min-naħa tal-utenti tal-internet li jirċievu informazzjoni li tikkonċernaha ( 21 ).

18.

Ir-raba’ punt li joħroġ mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja huwa l-attribuzzjoni lill-operatur tal-magna tat-tiftix, bħala l-kontrollur tal-ipproċessar ta’ data personali mwettaq għall-ħtiġijiet tal-operat ta’ din il-magna, tar-rwol ta’ bbilanċjar tad-drittijiet fundamentali inkwistjoni sabiex jiġi żgurat li tali pproċessar jissodisfa r-rekwiżiti tal-GDPR (u preċedentement dawk tad-Direttiva 95/46) ( 22 ). Dan ir-rwol imbagħad ġie kkodifikat fl-Artikolu 17 tal-GDPR.

19.

Meta jidħol inkwistjoni d-“dritt li wieħed jintesa”, l-operatur tal-magna tat-tiftix għalhekk ikun obbligat li jiddeċiedi, abbażi tad-drittijiet u l-interessi kollha involuti u fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ individwali, liema kontenut għandu jiġi inkluż fil-lista tar-riżultati ta’ tiftix imwettaq permezz ta’ dik il-magna u liema kontenut għandu jiġi eskluż minn dik il-lista. Jekk il-kontrollur ma jilqax it-talba għat-tneħħija ta’ referenza, il-persuna kkonċernata tista’ tressaq il-każ tagħha quddiem l-awtorità ta’ superviżjoni jew quddiem l-awtorità ġudizzjarja sabiex dawn iwettqu l-verifiki meħtieġa u jobbligaw lill-operatur jieħu l-miżuri meħtieġa ( 23 ). F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li, fis‑26 ta’ Novembru 2014, il-Grupp ta’ Ħidma msemmi fl-Artikolu 29 ( 24 ) adotta linji gwida dwar l-implimentazzjoni tas-sentenza Google Spain ( 25 ), intiżi li jipprovdu informazzjoni dwar kif l-awtoritajiet għall-protezzjoni tad-data mlaqqa’ fi ħdan il-Grupp ta’ Ħidma għandhom l-għan li jimplimentaw din is-sentenza. Dawn il-linji gwida fihom ukoll lista mhux eżawrjenti ta’ kriterji komuni li l-awtoritajiet għall-protezzjoni tad-data ser japplikaw biex jimmaniġġjaw l-ilmenti, fuq bażi ta’ każ b’każ, imressqa quddiem l-uffiċċji nazzjonali tagħhom wara rifjut ta’ tneħħija minn lista ta’ riżultati f’magni tat-tiftix. B’mod partikolari, huwa b’implimentazzjoni ta’ dawn il-linji gwida li Google teżamina t-talbiet għat-tneħħija ta’ referenza mressqa quddiemha.

20.

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandhom jiġu eżaminati d-domandi preliminari magħmula mill-BGH.

B.   Fuq l-ewwel domanda preliminari

21.

Google tikkontesta l-ammissibbiltà tal-ewwel domanda preliminari minħabba li hija ta’ natura ipotetika peress li s-soluzzjoni proposta mill-BGH tieħu l-forma ta’ kostruzzjoni astratta mingħajr rabta mal-fatti tal-kawża prinċipali. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex l-elementi meħtieġa biex tagħti risposta utli.

22.

F’dan ir-rigward, l-ewwel nett nikkunsidra li l-argument ta’ Google li d-deċiżjoni tar-rinviju fuq dan il-punt ma hijiex dettaljata biżżejjed għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, fil-fehma tiegħi, il-BGH ipprovdiet stampa preċiża u kompleta biżżejjed tal-kuntest fattwali li jikkaratterizza t-tilwima mressqa quddiemha u tal-ħtieġa, f’dan il-kuntest, li tinkiseb risposta għall-ewwel domanda preliminari. Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-elementi kollha meħtieġa biex tirrispondi din id-domanda irrispettivament mill-fatt li l-qorti tar-rinviju la tispeċifika jekk ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali għandhomx protezzjoni ġudizzjarja effettiva kontra l-fornitur ta’ kontenut u lanqas x’inhuma l-konsegwenzi tal-possibbiltà ta’ konstatazzjoni fin-negattiv ta’ din iċ-ċirkustanza. It-tieni, is-sempliċi fatt li, fil-fehma tal-BGH, għall-finijiet tas-soluzzjoni tat-tilwima mressqa quddiemha, huwa meħtieġ li tiġi vverifikata minn qabel il-korrettezza tal-metodoloġija li din tqis li hija applikabbli f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, iddefinita f’termini ġenerali u astratti, ma jfissirx li d-domanda preliminari magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja f’dan ir-rigward hija ta’ natura ipotetika jekk jirriżulta li r-risposta għal din id-domanda tista’ tippermetti lill-qorti tar-rinviju, wara li tagħmel il-konstatazzjonijiet fattwali meħtieġa, issolvi t-tilwima prinċipali. Fl-aħħar nett, ninnota li l-argumenti ulterjuri mressqa minn Google insostenn tal-inammissibbiltà tal-ewwel domanda preliminari jirrigwardaw essenzjalment l-implikazzjonijiet li s-soluzzjoni proposta mill-qorti tar-rinviju, u li għaldaqstant tirrigwarda l-mertu ta’ dik id-domanda, possibbilment tintlaqa’ mill-Qorti tal-Ġustizzja.

a)   Osservazzjonijiet preliminari

23.

Permezz tal-ewwel domanda preliminari tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja essenzjalment intalbet tiċċara liema huma l-obbligi tal-operatur ta’ magna tat-tiftix meta tiġi pproċessata talba għal tneħħija ta’ referenza bbażata fuq allegazzjoni, mhux sostnuta minn provi, tal-falsità ta’ parti mill-informazzjoni fil-kontenut referenzjat, f’dan il-każ xi artikli li fihom data u kummenti dwar il-mudell ta’ investiment u r-riżultati tal-kumpanniji ġestita mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali. Billi, b’mod partikolari fid-dawl tal-kuntest professjonali tal-artikli inkwistjoni u tal-importanza tal-informazzjoni għall-investituri minħabba s-settur riskjuż li fih joperaw ir-rikorrenti ( 26 ), it-tneħħija ta’ referenza ma tkunx iġġustifikata sakemm l-informazzjoni kkontestata ma tkunx ġenwinament falza, il-BGH tistaqsi jekk humiex ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali li għandhom jipproduċu l-prova, jew ċertu grad ta’ evidenza, tan-nuqqas ta’ veraċità ta’ din l-informazzjoni, jew jekk huwiex l-obbligu ta’ Google li tassumi li l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti huma fondati u li tilqa’ t-talba ta’ tneħħija ta’ referenza jew tfittex li tiċċara l-fatti hija stess. Il-BGH tipproponi li ssolvi l-kwistjoni abbażi ta’ jekk hemmx possibbiltà raġonevoli li l-persuna kkonċernata tikseb protezzjoni ġudizzjarja, pereżempju permezz ta’ miżura provviżorja, direttament kontra l-fornitur tal-kontenut u, essenzjalment, tagħmel domanda lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar jekk hijiex korretta l-interpretazzjoni tal-Artikolu 17(3)(a) tal-GDPR f’dan is-sens.

24.

Permezz ta’ argumenti parzjalment differenti, il-partijiet u l-partijiet ikkonċernati kollha li ressqu osservazzjonijiet f’din il-kawża jopponu s-soluzzjoni proposta mill-BGH ( 27 ), tal-inqas sa fejn din is-soluzzjoni timplika, għall-kuntrarju tal-ġurisprudenza msemmija fil-punti 11 sa 19 ta’ dawn il-konklużjonijiet, li l-ibbilanċjar tal-interessi skont l-Artikolu 17(3)(a) tal-GDPR jitwettaq abbażi tal-kriterju uniku tal-eżistenza ta’ possibbiltà raġonevoli ta’ protezzjoni ġudizzjarja kontra l-fornitur tal-kontenut.

25.

Min-naħa tiegħi, ninnota li mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta b’mod ċar li l-BGH qajmet il-kwistjoni tar-rilevanza possibbli li għandha tiġi attribwita lil dan il-kriterju biss wara li jkun ġew ibbilanċjati d-drittijiet iddikjarati fl-Artikoli 7, 8 u 11 tal-Karta maċ-ċirkustanzi kollha ta’ dan il-każ u kkonkludiet, abbażi tal-ipoteżi li l-informazzjoni kkontestata hija veritiera, li d-dritt tal-utenti tal-internet għall-informazzjoni jipprevali. L-ipoteżi msemmija mill-BGH għalhekk hija waħda fejn, wara kunsiderazzjoni xierqa tal-fatturi rilevanti l-oħra kollha, il-kwistjoni dwar jekk tintlaqax jew tiġix miċħuda t-talba għal tneħħija ta’ referenza tiddependi esklużivament fuq il-veraċità jew il-falsità tal-informazzjoni li tagħha qiegħda tintalab it-tneħħija. Minn dan isegwi li risposta fl-affermattiv eventwali mill-Qorti tal-Ġustizzja għad-domanda magħmula mill-BGH ma tkunx tfisser li l-kwistjoni dwar jekk tintlaqax jew tiġix miċħuda t-talba għal tneħħija ta’ referenza ibbażata fuq l-allegata ineżattezza tal-informazzjoni magħmula aċċessibbli mill-magna tat-tiftix tkun tiddependi esklużivament fuq jekk is-suġġett tad-data jistax jikseb protezzjoni kontra l-fornitur tal-kontenut, u lanqas ma jkun jimplika, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni Google, li l-operatur ta’ magna tat-tiftix ikun awtomatikament obbligat li jneħħi r-referenza jekk din il-protezzjoni ma tkunx disponibbli. Tali riżultati jkunu wkoll kuntrarji għal rabta korretta bejn id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 17(1) u (3)(a) tal-GDPR, li jeskludi kwalunkwe awtomatiżmu li jista’ jinterferixxi mal-ilħuq, mill-kontrollur, mill-awtorità ta’ superviżjoni jew mill-qorti, tal-ibbilanċjar meħtieġ tad-drittijiet fundamentali inkwistjoni. Risposta fl-affermattiv mill-Qorti tal-Ġustizzja għall-ewwel domanda preliminari tkun timplika sempliċiment li, fejn id-dritt tal-utenti tal-internet għall-informazzjoni u dak tal-libertà tal-espressjoni tal-fornitur tal-kontenut, abbażi taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha, jidhru li jipprevali fuq id-drittijiet tar-rikorrenti u jkun iġġustifikat li tintlaqa’ t-talba għat-tneħħija ta’ referenza biss fil-każ li l-informazzjoni kkontestata tassew tkun falza, ikun possibbli għall-qorti tar-rinviju u, fil-fażi prekontenzjuża, għall-operatur tal-magna tat-tiftix, li, meta din il-falsità ma tkunx ċara u r-rikorrenti ma tkunx ipproduċiet tal-inqas xi tip ta’ prova f’dan is-sens, dawn jibbażaw ruħhom b’mod determinanti fuq din iċ-ċirkustanza. Meta tiġi meqjusa iktar mill-qrib, madankollu, l-eżistenza jew le ta’ possibbiltà raġonevoli li tinkiseb protezzjoni ġudizzjarja kontra l-fornitur tal-kontenut ma tistax, fiha nnifisha, tikkostitwixxi kriterju esklużiv jew deċiżiv sabiex tiġi miċħuda jew tintlaqa’ talba għat-tneħħija ta’ referenza, tkun xi tkun il-bażi, u lanqas ma tikkostitwixxi kriterju rilevanti għall-finijiet tal-ibbilanċjar li għandu jsir skont l-Artikolu 17(3)(a) tal-GDPR. Fil-fatt, fih innifsu, dan il-kriterju ma jgħid xejn dwar l-eżistenza ta’ dritt għat-tħassir tad-data li tidher fil-kontenut kontenzjuż, u lanqas dwar il-ħtieġa, għall-eżerċizzju tad-dritt għal-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni, li tinżamm ir-referenza għal dan il-kontenut.

26.

B’dan speċifikat, għall-finijiet tar-risposta għall-ewwel domanda preliminari, fil-fehma tiegħi, l-ewwel għandha tiġi ċċarata l-importanza, fl-ibbilanċjar tad-drittijiet fundamentali inkwistjoni f’kawża bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, minn naħa, tar-rwol tas-suġġett tad-data fil-ħajja pubblika fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, u, min-naħa l-oħra, tal-eżistenza ta’ kontestazzjoni tal-veraċità tal-informazzjoni pproċessata.

b)   L-indħil fid-drittijiet fundamentali protetti mill-Artikoli 7 u 8 tal-Karta u r-rwol tal-persuna fil-ħajja pubblika

27.

Id-drittijiet fundamentali tar-rispett għall-ħajja privata u l-protezzjoni tad-data personali, minkejja r-rilevanza tagħhom fid-dritt kostituzzjonali tal-Unjoni, ma humiex assoluti ( 28 ). Kif jirriżulta b’mod partikolari mill-Artikolu 17(3)(a) tal-GDPR, id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali jrid jiġi kkunsidrat b’rabta mal-funzjoni tiegħu fis-soċjetà u jkun ibbilanċjat ma’ drittijiet fundamentali oħrajn, f’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità ( 29 ). F’dan l-att ta’ bbilanċjar, għandha tingħata kunsiderazzjoni xierqa għad-dritt tas-sid, tal-paġna web suġġetta għat-talba għal tneħħija ta’ referenza, li jinforma, u għad-dritt tal-pubbliku li jirċievi l-informazzjoni li tinsab f’dik il-paġna web.

28.

Issa, kif joħroġ mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja msemmija iktar ’il fuq, dan l-interess jista’ jvarja, b’mod partikolari, skont “ir-rwol li għandha […] fil-ħajja pubblika” l-persuna li għaliha tirreferi l-informazzjoni. Din l-espressjoni tkopri, sa fejn huwa rilevanti għal din il-kawża, mhux biss sitwazzjonijiet fejn dik il-persuna tokkupa kariga politika, li, min-natura tagħha stess, tesponiha għall-iskrutinju demokratiku tal-opinjoni pubblika, iżda wkoll sitwazzjonijiet fejn tokkupa rwoli ekonomiċi sinjifikattivi ( 30 ). B’mod iktar ġenerali, għall-funzjonament it-tajjeb tas-suq, hija indispensabbli l-fiduċja kemm tal-operaturi ekonomiċi l-oħra kif ukoll tal-konsumaturi. Din il-fiduċja teħtieġ aċċess pubbliku għal informazzjoni dwar persuni fi rwoli professjonali li jistgħu jaffettwaw id-dinamika tas-suq u l-interessi tal-konsumaturi, kultant b’mod saħansitra iktar ċar mill-azzjonijiet ta’ dawk li jieħdu deċiżjonijiet politiċi. Naturalment, din l-informazzjoni hija essenzjalment dik li tikkorrispondi għar-rwoli professjonali tagħhom, iżda tista’ testendi wkoll għal aspetti tal-isfera privata tagħhom fejn dawn ikunu relatati ma’ jew inkella jistgħu jikkundizzjonaw l-attività professjonali tagħhom u jaffettwaw il-fiduċja pubblika. F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni li tiddikjara li l-aċċettazzjoni ta’ rwol ekonomiku timplika l-aċċettazzjoni ta’ limitazzjoni tal-portata tal-protezzjoni tal-ħajja privata ( 31 ).

29.

Fejn il-persuna kkonċernata jkollha rwol pubbliku fis-sens speċifikat hawn fuq, u mhux biss fejn dak ir-rwol ikun tabilħaqq prominenti, iżda wkoll fejn ikollu portata iktar limitata, fil-kuntest tal-ibbilanċjar li għandu jsir skont l-Artikolu 17(1) u (3) tal-GDPR, id-dritt li tingħata u li tiġi rċevuta informazzjoni, fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha, jista’ jipprevali fuq id-drittijiet fundamentali protetti mill-Artikoli 7 u 8 tal-Karta. Fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, il-kuntest professjonali u n-natura ġurnalistika tal-pubblikazzjonijiet inkwistjoni, kif ukoll in-natura tal-informazzjoni kkontestata, li tirrigwarda primarjament l-operat tal-kumpaniji ġestiti mir-rikorrenti, jiffavorixxu din il-prevalenza, kif osservat il-qorti tar-rinviju.

c)   Il-veraċità tal-informazzjoni u l-metodu tal-ibbilanċjar

30.

It-tendenza li d-dritt għal-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni jipprevali fuq id-dritt għall-protezzjoni tal-ħajja privata u d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali fejn il-persuna kkonċernata jkollha rwol importanti fil-ħajja pubblika tinqaleb jekk tiġi kkonstatata n-natura mhux veritiera tal-informazzjoni li hija s-suġġett tat-talba għat-tneħħija ta’ referenza. F’ipoteżi bħal din, tabilħaqq, huwa probabbli li jkun jista’ jiġi sostnut li fir-realtà d-dritt ta’ għoti ta’ informazzjoni u d-dritt li tiġi rċevuta informazzjoni lanqas biss huma rilevanti peress li dawn tal-aħħar ma jistgħux jinkludu d-dritt ta’ tixrid u ta’ aċċess ta’ informazzjoni falza. Anki mingħajr ma tinqata’ l-għoqda Gordjana tar-relazzjoni bejn id-dritt għal-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni u l-veraċità tal-informazzjoni ( 32 ), iktar sempliċiment minn hekk jista’ jiġi osservat li dan id-dritt, fil-valur doppju tiegħu, attiv u passiv, meta jirreferi għal informazzjoni falza ma jistax madankollu jitqiegħed fuq l-istess livell tad-drittijiet fundamentali għar-rispett għall-ħajja privata u għall-protezzjoni tad-data personali. F’dan il-każ, fil-fatt, japplika kriterju ta’ prevalenza msejjes fuq wieħed mill-valuri fundamentali tal-Unjoni, dak tad-dinjità tal-bniedem.

31.

L-Artikolu 2 TUE, li jorbot ukoll mat-tradizzjonijiet kostituzzjonali tal-Istati Membri, ipoġġi r-rispett għad-dinjità tal-bniedem fil-pożizzjoni ewlenija fil-lista ta’ valuri li fuqhom hija bbażata l-Unjoni. Min-naħa tiegħu, l-Artikolu 1 tal-Karta jgħid b’mod perentorju li “id-dinjità tal-bniedem hija invjolabbli” u li “għandha tkun irrispettata u protetta”. Fl-“Unjoni ta’ valuri” li hija l-Unjoni, id-dinjità tal-bniedem għandha speċi ta’ supremazija, u hija l-fulkru li fuqu hija bbażata ħafna mill-integrazzjoni Ewropea. Jekk id-dinjità tal-bniedem hija invjolabbli u trid tkun dejjem irrispettata u protetta, mingħajr ma jkun previst ebda interess li jiġġustifika l-limitazzjoni tagħha, kif inhu l-każ fil-biċċa l-kbira tad-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta, ebda raġuni legali, lanqas waħda li tirreferi għall-eżerċizzju ta’ dritt fundamentali, ma tista’ tiġi invokata biex tiġi ssagrifikata ( 33 ). Issa, informazzjoni mhux veritiera mhux biss tikser id-dritt fundamentali għall-protezzjoni tad-data personali tal-persuna li għaliha tirreferi din id-data, iżda tispiċċa wkoll taffettwa d-dinjità tagħha, peress li turi rappreżentazzjoni falza li twassal għal bidla fl-identità tagħha. Dan huwa speċjalment il-każ fl-ekosistema tal-internet, fejn l-informazzjoni tinxtered malajr, hija permanenti u, bis-saħħa tax-xogħol tal-magni tat-tiftix, tirriżulta fi tfassil ta’ profil preċiż tal-persuna. Fid-dinja tal-bits, it-tixrid ta’ informazzjoni falza dwar persuna huwa sfreġju permanenti tal-identità tiegħu, li, illum, hija ddefinita fuq kollox fuq l-internet, u dannu serju għad-dinjità tiegħu.

32.

Madankollu, ninnota li l-GDPR innifsu joffri tweġiba ċara għad-domanda dwar l-importanza li għandha tingħata lill-veraċità tad-data personali pproċessata. Fost il-prinċipji applikabbli għall-ipproċessar ta’ tali data, elenkati fl-Artikolu 5(1) ta’ dak ir-regolament, hemm, fil-punt (d), il-prinċipju ta’ “preċiżjoni”, li abbażi tiegħu, minn naħa, id-data personali trid tkun “preċiża u, fejn meħtieġ, tinżamm aġġornata” u min-naħa l-oħra “d-data personali li ma tkunx eżatta, b’kont meħud tal-għanijiet li għalihom tiġi pproċessata” trid titħassar jew tiġi rrettifikata mingħajr dewmien ( 34 ). Il-preċiżjoni tad-data tikkostitwixxi, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, waħda mill-“kundizzjonijiet għal-legalità” tal-ipproċessar tad-data personali ( 35 ) u għalhekk hija rilevanti għall-finijiet, b’mod partikolari, tal-applikazzjoni tal-Artikolu 17(1)(d) tal-GDPR.

33.

Meta l-veraċità tal-informazzjoni pproċessata mill-operatur tal-magna tat-tiftix tkun importanti, bħalma huwa l-każ fil-kawża prinċipali, il-kwistjoni tal-ibbilanċjar tad-drittijiet fundamentali inkwistjoni tqum f’termini pjuttost partikolari, tal-inqas fil-fażi meta l-veraċità jew il-falsità tal-informazzjoni tkun għadha ma ġietx ikkonstatata. F’din il-fażi, il-kwistjoni ċentrali fil-fatt hija li jiġi stabbilit min għandu jagħmel din il-konstatazzjoni u kif.

34.

Qabel ma nindirizza din il-kwistjoni, jidhirli li huwa xieraq li nagħmel ftit iktar kjarifiki dwar kif jidher l-att ta’ bbilanċjar bejn id-drittijiet fundamentali inkwistjoni fir-rigward tal-attività tal-magni tat-tiftix.

d)   L-ibbilanċjar bejn drittijiet fundamentali f’kuntrast mal-possibbiltajiet, il-kompetenzi u r-responsabbiltajiet tal-operatur tal-magna tat-tiftix

35.

Il-modalitajiet tal-ibbilanċjar bejn drittijiet fundamentali kunfliġġenti li jaqgħu fuq l-operatur ta’ magna tat-tiftix meta jeżamina talba għal tneħħija ta’ referenza huwa neċessarjament affettwat mill-karatteristiċi tal-kuntest teknoloġiku li fih jidħol il-kunflitt. It-tensjoni bejn il-libertà tal-informazzjoni, fl-aspett doppju attiv u passiv tagħha, minn naħa, u d-drittijiet għar-rispett għall-ħajja privata u l-protezzjoni tad-data personali, min-naħa l-oħra, jimmanifesta ruħu b’mod differenti fid-dinja tal-bits. It-teknoloġija tal-internet mhux biss taffettwa l-mod kif jinteraġixxu d-dritt għall-informazzjoni u d-drittijiet għar-rispett għall-ħajja privata u l-protezzjoni tad-data personali iżda wkoll kif dawn jiġu bbilanċjati. Huwa għal din ir-raġuni li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-“dritt li wieħed jintesa” msemmija hawn fuq tirreferi għall-“possibbiltà” u dwar l-operatur ta’ magna tat-tiftix, għall-“kompetenzi” tiegħu u għar-“responsabbiltajiet” tiegħu. Dan japplika wkoll jekk it-talba għal tneħħija ta’ referenza tkun ibbażata fuq l-allegata falsità tal-informazzjoni fuq il-paġna web li għaliha tirreferi l-link li għaliha għandha titneħħa r-referenza. L-operatur ta’ magna tat-tiftix ma jistax ikun obbligat li jwettaq monitoraġġ ġeneralizzat tal-kontenut ospitat u li jivverifika l-veraċità tiegħu. Barra minn hekk dan it-tip ta’ monitoraġġ ikun estremament diffiċli. Bl-istess mod, ma hijiex possibbli li l-operatur ta’ magna tat-tiftix jivverifika a posteriori jekk il-kontenut ta’ artiklu ppubblikat fuq paġna web inkluża fil-lista tar-riżultati ta’ tiftix huwiex veru jew falz, peress li huwa ma għandux l-informazzjoni li hemm għad-dispożizzjoni tal-editur tal-paġna web u ma għandux is-setgħat li jwettaq tali valutazzjoni.

36.

Fl-istess ħin, madankollu, ma tistax tiġi injorata r-responsabbiltà speċjali tal-operatur tal-magna tat-tiftix bħala “gatekeeper” tal-informazzjoni. Peress li dan jaqdi rwol attiv, u mhux biss wieħed tekniku u newtrali, fit-tixrid tal-informazzjoni fuq l-internet, li fuqu bena l-mudell tan-negozju tiegħu u li minnu jagħmel il-qligħ tiegħu, tali operatur irid jaqdi wkoll rwol attiv fl-eliminazzjoni mir-riżultati tat-tiftix ta’ kontenut li jkun fih data personali falza, sakemm dan ir-rwol jibqa’ fi ħdan il-kompetenzi tiegħu u l-possibbiltajiet tiegħu. F’dan ir-rigward, ninnota li r-responsabbiltà speċjali marbuta mal-funzjoni ta’ “gatekeeper” tal-informazzjoni li għandhom ċerti pjattaformi hija enfasizzata mis-sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2019, Glawischnig-Piesczek ( 36 ), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku ( 37 ) ma jipprekludux lill-qrati nazzjonali milli jordnaw lil fornitur ta’ servizzi ta’ hosting ineħħi jew jibblokka l-aċċess mhux biss għal informazzjoni ddikjarata illegali preċedentement, peress li tkun defamatorja, iżda wkoll għal kontenut ekwivalenti, sabiex jiġi evitat it-tixrid tagħha minkejja t-tneħħija tal-kontenut oriġinali. L-effettività tal-protezzjoni tad-drittijiet individwali fir-rigward tal-modalitajiet ewlenin li permezz tagħhom tinxtered l-informazzjoni fuq l-internet għalhekk tiġġustifika, fil-fehma tal-Qorti tal-Ġustizzja, inkluż għad-detriment tal-interessi ekonomiċi tal-pjattaforma, obbligu speċifiku ta’ monitoraġġ (monitoraġġ ġenerali jkun inkompatibbli mal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku) sakemm ma jiġix ikkonstatat piż eċċessiv fuq l-intermedjarji. Jaġixxu fl-istess direzzjoni l-miżuri li għandhom l-għan li jwaqqfu t-tixrid tad-diżinformazzjoni u tad-diskors ta’ mibegħda fuq l-internet ( 38 ) u t-tendenza tad-dritt tal‑Unjoni li jiġu imponuti fuq pjattaformi bħal Google, f’oqsma speċifiċi, obbligi ta’ kontroll ikbar fir-rigward tal-kontenut li jospitaw ( 39 ).

e)   Is-soluzzjonijiet differenti proposti f’din il-kawża

37.

F’dan il-kuntest ġenerali hawn evidenzjat, is-soluzzjonijiet proposti b’mod partikolari mill-partijiet fil-kawża prinċipali u mill-qorti tar-rinviju ma jikkonvinċunix.

38.

Għall-kuntrarju ta’ dak li jipproponu r-rikorrenti fil-kawża prinċipali, it-tneħħija ta’ referenza ma tistax issir abbażi tas-sempliċi talba unilaterali mill-persuna kkonċernata li tafferma, mingħajr provi, li l-kontenut inkwistjoni fih informazzjoni falza, speċjalment jekk, kif jidher li huwa l-każ għal dawn ir-rikorrenti, din tkun tikkonċerna persuni li fir-rigward tal-attività tagħhom, minħabba r-rwol li jokkupaw fis-suq, jeżisti bħala prinċipju dritt tal-pubbliku għall-informazzjoni. Soluzzjoni bħal din tħalli t-tneħħija ta’ referenza għal kontenut li jirrigwarda l-persuna kkonċernata f’idejn l-għażla unilaterali tagħha, mingħajr il-possibbiltà li tiġi mistħarrġa l-fondatezza tal-allegazzjonijiet li jistgħu jiġġustifikaw tali tneħħija, u tirriżulta f’sagrifiċċju eċċessiv u mhux iġġustifikat tad-dritt tal-editur tal-paġna web li jinforma u tad-dritt tal-pubbliku li jiġi informat, mingħajr ma jiġi rrikonoxxut ir-rwol li għandhom dawn id-drittijiet f’soċjetà demokratika.

39.

Madankollu, lanqas ma hija konvinċenti s-soluzzjoni proposta minn Google, li, filwaqt li teskludi kull involviment tal-operatur tal-magna tat-tiftix, timponi fuq il-persuna kkonċernata obbligu li titlob lill-editur tal-paġna web ineħħi l-kontenut allegatament falz. Kieku kellha tiġi segwita soluzzjoni bħal din, l-arma f’idejn dawk li jqisu li nkisru d-drittijiet fundamentali tagħhom għar-rispett għall-ħajja privata u għall-protezzjoni tad-data personali tkun tniggeż. Jekk l-editur tal-paġna web jirrifjuta li jneħħi l-informazzjoni, din fil-fatt tibqa’ tiġi mxerrda permezz tal-magna tat-tiftix u, jekk verament tkun falza, tkompli tikser id-drittijiet fundamentali tal-persuna kkonċernata b’mod li ma huwiex iġġustifikat. Għalhekk, qegħdin fl-ipoteżi opposta għal dik preċedenti fejn il-bilanċ bejn id-drittijiet fundamentali differenti huwa kompletament favur id-dritt għall-informazzjoni b’sagrifiċċju sproporzjonat u inġustifikabbli tad-drittijiet fundamentali protetti mill-Artikoli 7 u 8 tal-Karta.

40.

Fl-aħħar nett, fir-rigward tas-soluzzjoni proposta mill-qorti tar-rinviju, li, fejn possibbli, tobbliga lill-persuna kkonċernata tressaq ilment kontra l-editur tal-web quddiem l-awtorità ġudizzjarja, din ukoll twassal, fil-fehma tiegħi, għal sagrifiċċju sproporzjonat tad-drittijiet stabbiliti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta. Fl-ewwel lok, il-ħeffa li biha tinxtered l-informazzjoni fuq l-internet u d-diffikultà tat-tneħħija sussegwenti tagħha, jekk jiġi kkonstatat li hija falza, huma f’kunflitt mat-termini ta’ żmien tal-proċeduri ġudizzjarji, anki jekk ikunu b’urġenza, u d-dannu li jirriżulta fuq il-persuna kkonċernata jista’ saħansitra jkun irreparabbli. Fit-tieni lok, din is-soluzzjoni tista’ tirriżulta li diffiċilment tista’ tiġi implimentata fil-każijiet kollha li ma humiex infrekwenti fl-ekosistema tal-internet, fejn ikun hemm ostakoli prattiċi konsistenti biex jiġi mħarrek l-operatur tas-sit web li fih jidher il-kontenut ikkontestat, li jista’ jkun jirrisjedi f’pajjiż terz jew ikun diffiċilment identifikabbli. Barra minn hekk, li kieku kellha tiġi rikonoxxuta importanza deċiżiva għall-possibbiltà li tinbeda proċedura kontra l-fornitur tal-kontenut għall-finijiet tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-persuna kkonċernata f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, ir-riżultat ikun li l-operatur tal-magna tat-tiftix jinħall mir-responsabbiltà, li fiha nnifisha hija kuntrarja kemm għar-rikonoxximent tan-natura awtonoma tal-ipproċessar tad-data personali b’rabta mal-operat ta’ magni tat-tiftix kif ukoll għall-prinċipju, stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja, li skontu l-persuna kkonċernata trid tkun tista’ tressaq ilment quddiem il-kontrollur ta’ dan l-ipproċessar bil-għan li titneħħa r-referenza tad-data li tirrigwardaha, irrispettivament mit-tħassir minn qabel ta’ dik id-data mill-individwu li jkun tella’ l-kontenut kontroversjali online l-ewwel darba. Kif diġà kelli l-okkażjoni li nosserva, dan il-prinċipju, flimkien mar-rwol rikonoxxut tal-magni tat-tiftix fit-tixrid tal-kontenut fuq l-internet u konsegwentement fl-amplifikazzjoni tad-dannu li jirriżulta għall-individwi mill-pubblikazzjoni online ta’ informazzjoni li tikkonċernahom, huwa fil-fatt kuntrarju għal kull soluzzjoni li tħoll lill-operatur ta’ magna tat-tiftix mill-obbligu, li huwa imponut fuqu bħala kontrollur li jikkonforma mal-kundizzjonijiet ta’ legalità tal-ipproċessar li jinkludu l-eżattezza tad-data pproċessata.

41.

F’kull waħda mis-soluzzjonijiet eżaminati, il-bilanċ huwa mxaqleb għalkollox favur wieħed mid-drittijiet inkwistjoni, filwaqt li jeħtieġ li jinstab bilanċ li jwassal għall-inqas sagrifiċċju possibbli tad-drittijiet fundamentali involuti. Fl-iżviluppi sussegwenti ser nispjega kif, fil-fehma tiegħi, għandu jinstab dan il-bilanċ.

f)   Is-soluzzjoni proposta u l-“procedural data due process”

42.

F’kawża bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn id-dritt għal tneħħija ta’ referenza jiddependi essenzjalment fuq il-konstatazzjoni tal-veraċità tal-informazzjoni li tidher fil-kontenut li għalih titneħħa r-referenza u għalhekk fuq il-preċiżjoni tad-data personali pproċessata mill-operatur tal-magna tat-tiftix, l-unika triq possibbli tikkonsisti, fil-fehma tiegħi, fl-identifikazzjoni ta’ “procedural fairness” speċifika.

43.

Fl-ekosistema tal-internet, stabbilixxew ruħhom “poteri privati” – inkluż minħabba l-karatteristiċi tekniċi tal-mezz u d-dinamika ekonomika li inevitabbilment iwasslu għall-konċentrazzjoni tal-poter ekonomiku u soċjali f’idejn ftit pjattaformi – li jistgħu jikkundizzjonaw b’mod qawwi l-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali, speċifikament dawk stabbiliti fl-Artikoli 7, 8 u 11 tal-Karta. B’mod partikolari, l-impatt fuq it-tgawdija effettiva ta’ dawn id-drittijiet fundamentali huwa konsegwenza inevitabbli tar-rwol ta’ “gatekeepers” tal-informazzjoni li jwettqu wħud minn dawn il-pjattaformi. Sabiex tindirizza dan il-fenomenu, fil-ġurisprudenza tagħha dwar id-“dritt li wieħed jintesa”, il-Qorti tal-Ġustizzja essenzjalment irrikonoxxiet effett dirett orizzontali għad-drittijiet fundamentali stabbiliti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta. Il-pass loġiku li jmiss, sabiex dawn id-drittijiet isiru effettivi, huwa li jiġu rikonoxxuti garanziji proċedurali suffiċjenti għall-individwi privati fil-konfront ta’ pjattaformi elettroniċi responsabbli mill-ipproċessar tad-data personali, b’obbligi korrispondenti għal dawn tal-aħħar, adattati b’mod naturali għall-karatteristiċi tal-mezz teknoloġiku u l-aspetti partikolari tal-kunflitti bejn id-drittijiet fundamentali li jseħħu fl-ambjent tal-internet. Kif naraha jien, fid-dinja tal-internet, hija meħtieġa xi forma ta’ “procedural data due proċess” ( 40 ).

44.

Skont il-GDPR, individwu għandu d-dritt li jitlob li titneħħa referenza għal paġna web li jkun fiha data dwaru li jqis li ma hijiex vera. L-eżerċizzju ta’ dan id-dritt madankollu jimplika, fil-fehma tiegħi, l-oneru li jiġu indikati l-elementi li fuqhom hija bbażata t-talba u li tiġi prodotta xi forma ta’ prova tal-falsità tal-kontenut li għalih tintalab it-tneħħija ta’ referenza, fejn dan ma jkunx manifestament impossibbli jew eċċessivament diffiċli b’mod partikolari b’rabta man-natura tal-informazzjoni kkonċernata ( 41 ). L-impożizzjoni ta’ tali oneru tidher li hija konsistenti mal-kliem u mal-istruttura tal-GDPR, fejn id-drittijiet differenti ta’ rettifika, tħassir, restrizzjoni tal-ipproċessar u oġġezzjoni mogħtija lill-persuna kkonċernata huma suġġetti għal kundizzjonijiet speċifiċi u hija l-persuna li għandha l-ħsieb li tinvokahom li għandha tipprova l-eżistenza tal-kundizzjonijiet rilevanti.

45.

Fil-konfront ta’ tali talba għat-tneħħija ta’ referenza, l-operatur tal-magna tat-tiftix, bis-saħħa tar-rwol li jaqdi fit-tixrid tal-informazzjoni u r-responsabbiltajiet li jidderivaw minnu, huwa obbligat li jwettaq il-verifiki li jikkonfermaw jew ma jikkonfermawx il-validità tat-talba u li jagħmlu parti mill-possibbiltajiet konkreti tiegħu. Dawn il-verifiki jistgħu jsiru fuq id-data ospitata u li tirreferi għall-persuna inkwistjoni u għall-editur tal-paġna web fejn jiġi ppubblikat il-kontenut ikkontestat, data li l-operatur tal-magna tat-tiftix jista’ janalizza malajr bl-użu tal-għodod teknoloġiċi għad-dispożizzjoni tiegħu. Barra minn hekk, sa fejn huwa possibbli, l-operatur tal-magna tat-tiftix ikollu jibda malajr proċedura kontradittorja mal-editur tal-paġna web li inizjalment xerred l-informazzjoni, sabiex dan ikun jista’ jesponi r-raġunijiet insostenn tal-veraċità tad-data personali pproċessata u tal-legalità tal-ipproċessar. Fl-aħħar nett, l-operatur tal-magna tat-tiftix għandu jiddeċiedi jekk jilqax jew le t-talba għal tneħħija ta’ referenza filwaqt li jiddikjara fil-qosor ir-raġunijiet wara d-deċiżjoni tiegħu.

46.

Huwa biss f’każijiet fejn ikun hemm dubji konsistenti dwar il-veraċità jew il-falsità tal-informazzjoni inkwistjoni, jew jekk l-effett tal-informazzjoni falza fil-kuntest tal-pubblikazzjoni inkwistjoni jkun manifestament ftit rilevanti u tali informazzjoni ma tkunx ta’ natura sensittiva li l-operatur ta’ magna tat-tiftix jista’ jirrifjuta t-talba. Il-persuna kkonċernata tista’ mbagħad tirrikorri għall-awtorità ġudizzjarja, li għandha s-setgħa li twettaq il-verifiki meħtieġa, jew għall-awtorità superviżorja msemmija fl-Artikolu 51 tal-GDPR, fil-kuntest ta’ lment kontra d-deċiżjoni tal-operatur tal-magna tat-tiftix.

47.

Jekk il-kontenut jikkonċerna persuna li għandha rwol pubbliku, kif iddefinit hawn fuq, peress li d-dritt għall-informazzjoni, bħala prinċipju, għandu piż ikbar mid-drittijiet stabbiliti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, l-għażla ta’ tneħħija ta’ referenza trid tkun ibbażata fuq indikazzjonijiet partikolarment qawwija tal-falsità tal-informazzjoni. F’każijiet bħal dawn, fejn jibqa’ dubju raġonevoli dwar il-veraċità jew il-falsità tal-informazzjoni, fil-fehma tiegħi, it-tneħħija ta’ referenza għandha tiġi eskluża. Fi kwalunkwe każ, u iktar u iktar meta l-kontenut kontenzjuż jikkonċerna persuna bis-saħħa tar-rwol li taqdi fil-ħajja pubblika, it-tneħħija ta’ referenza ma tistax issir jekk jiġu espressi biss opinjonijiet, anki jekk ikunu ta’ kritika qawwija u anki jekk ikunu b’toni animati ħafna u mimlija diżrispett, jew ikun satira ( 42 ). Ir-rettifika ta’ data li ma hijiex vera, fil-fatt, tikkonċerna informazzjoni dwar data u mhux opinjonijiet, li madankollu tikkontribwixxi għall-iżvilupp tad-diskors pubbliku f’soċjetà demokratika, sakemm dawn ma jaqgħux għad-diffamazzjoni. Huwa ċar, madankollu, li anki f’każ ta’ ċaħda inizjali tat-talba, l-operatur tal-magna tat-tiftix ikun obbligat jipproċedi bit-tneħħija ta’ referenza jekk iktar ’il quddiem tiġi kkonstatata b’mod ġudizzjarju l-falsità tal-informazzjoni.

48.

Fl-aħħar nett, jekk iċ-ċirkustanzi tal-każ jeħtieġu hekk sabiex jiġi evitat li jsir dannu irreparabbli lill-persuna kkonċernata, l-operatur tal-magna tat-tiftix jista’ jissospendi temporanjament ir-referenza ( 43 ), jew jindika, fir-riżultati tat-tiftixa, li l-veraċità ta’ parti mill-informazzjoni li tidher fil-kontenut li tirreferi għalih il-link inkwistjoni hija kkontestata ( 44 ), mingħajr preġudizzju, madankollu, għad-dritt, qabel kollox, tal-editur tal-paġna web li jikkontesta tali inizjattiva quddiem l-awtorità ġudizzjarja.

49.

Is-soluzzjoni proposta, fil-fehma tiegħi, tikseb kompożizzjoni bbilanċjata tad-drittijiet differenti involuti filwaqt li tevita l-perikolu li Google tinbidel fi “mħallef tal-verità” jew li ssir xi tip ta’ ċensura privata tal-informazzjoni fuq l-internet. Dan l-aħħar riskju jista’ faċilment iseħħ jekk jiġu imponuti obbligi ġenerali fuq il-magni tat-tiftix biex ma jospitawx pubblikazzjonijiet li jkun fihom informazzjoni falza jew obbligi ġenerali li jikkonstataw jekk l-informazzjoni li tkun is-suġġett ta’ talba għal tneħħija ta’ referenza hijiex falza jew le. F’dan il-każ, tabilħaqq, sabiex jiġu evitati responsabbiltajiet possibbli, il-magna tat-tiftix tiġi mħeġġa tneħħi r-referenzi għal kull kontenut dubjuż, anki fin-nuqqas ta’ elementi li raġonevolment iwassluha tqishom bħala foloz, b’dannu serju għal-libertà tal-informazzjoni. Sabiex jiġi miġġieled dan ir-riskju, il-proċeduralizzazzjoni tal-eżerċizzju tad-dritt għal tneħħija ta’ referenza, li tqiegħed oneri speċifiċi fuq il-partijiet kollha involuti, tkun ta’ benefiċċju.

50.

Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti nissuġġerixxi li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-ewwel domanda preliminari tkun li l-Artikolu 17(3)(a) tal-GDPR għandu jiġi interpretat fis-sens li, għall-finijiet tal-ibbilanċjar bejn id-drittijiet fundamentali kunfliġġenti msemmija fl-Artikoli 7, 8, 11 u 16 tal-Karta li għandu jsir fil-kuntest tal-eżami ta’ talba għat-tneħħija ta’ referenza mressqa quddiem l-operatur ta’ magna tat-tiftix abbażi tal-allegata falsità tal-informazzjoni li tinsab fil-kontenut referenzjat, il-kwistjoni dwar jekk il-persuna kkonċernata tistax raġonevolment tikseb protezzjoni legali kontra l-fornitur tal-kontenut, pereżempju permezz ta’ ordni, ma tistax tiġi invokata b’mod deċiżiv. Fil-kuntest ta’ din it-talba, huwa l-obbligu tal-persuna kkonċernata li tipproduċi xi forma ta’ prova tal-falsità tal-kontenut li għalih tintalab it-tneħħija ta’ referenza fejn dan ma jkunx manifestament impossibbli jew eċċessivament diffiċli, b’mod partikolari b’rabta man-natura tal-informazzjoni kkonċernata. Huwa l-operatur tal-magna tat-tiftix li għandu jwettaq il-verifiki dwar l-allegati ineżattezzi tad-data pproċessata li taqa’ fi ħdan il-possibbiltajiet konkreti tiegħu, billi jikkuntattja, fejn possibbli, lill-editur tal-paġna web referenzjata. Jekk ikun meħtieġ miċ-ċirkustanzi tal-każ sabiex jiġi evitat li jsir dannu irreparabbli lill-persuna kkonċernata, l-operatur tal-magna tat-tiftix jista’ jissospendi temporanjament ir-referenza, jew jindika, fir-riżultati tat-tiftixa, li l-veraċità ta’ parti mill-informazzjoni li tidher fil-kontenut li għalih tirreferi l-link inkwistjoni hija kkontestata.

C.   Fuq it-tieni domanda preliminari

51.

Permezz tat-tieni domanda preliminari, il-BGH essenzjalment tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk, għall-finijiet tal-ibbilanċjar tad-drittijiet u tal-interessi kunfliġġenti msemmija fl-Artikoli 7, 8, 11 u 16 tal-Karta, li għandu jsir skont l-Artikolu 12(b) u l-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 95/46 u l-Artikolu 17(3)(a) tal-GDPR, fil-kuntest ta’ talba għat-tneħħija ta’ referenza indirizzata lill-operatur ta’ magna tat-tiftix fil-kapaċità tiegħu bħala kontrollur, u li tfittex li tikseb it-tneħħija mir-riżultati ta’ tiftixa permezz ta’ immaġnijiet, li ssir abbażi tal-isem ta’ persuna fiżika, ta’ ritratti, murija fil-forma ta’ immaġnijiet żgħar, li jirrappreżentaw lil dik il-persuna, għandux jittieħed inkunsiderazzjoni b’mod determinanti l-kuntest tal-pubblikazzjoni fuq l-internet li fih oriġinarjament dehru dawn ir-ritratti, kuntest li l-magna tat-tiftix ma jurix, iżda li jirreferi għalih sempliċement permezz ta’ link li tidher fl-istess waqt ma’ dawn l-immaġnijiet żgħar. Il-BGH tispjega li filwaqt li, meta jitqiesu b’mod iżolat, ir-ritratti tar-rikorrenti ma jagħtu ebda kontribut għad-diskors pubbliku, madankollu fil-kuntest tal-artiklu li fih jidhru, dawn jikkontribwixxu biex iwasslu l-informazzjoni u l-opinjonijiet espressi fihom.

52.

Google tqis li din id-domanda hija ipotetika, minn naħa, peress li, għall-kuntrarju ta’ dak li joħroġ mid-deċiżjoni tar-rinviju, il-kawża prinċipali ma tikkonċernax talba għat-tneħħija ta’ referenza mir-riżultati ta’ tiftixa permezz ta’ immaġnijiet mwettqa abbażi tal-ismijiet tar-rikorrenti, iżda l-projbizzjoni ġenerali tal-viżwalizzazzjoni tal-immaġnijiet żgħar li jakkumpanjaw wieħed mill-artikli inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, peress li r-ritratti inkwistjoni ma għadhomx referenzjati minn Google sa minn Settembru 2017 u l-artikli inkwistjoni ilhom li waqfu jkunu disponibbli fuq is-sit g‑net mit‑28 ta’ Ġunju 2018. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, hija biss il-qorti nazzjonali li quddiemha titressaq il-kawża u li għandha tieħu r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tingħata li għandha tevalwa, fid-dawl tal-partikolaritajiet tal-każ, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun tista’ tagħti d-deċiżjoni tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja ( 45 ). Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss jekk ikun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma jkollha ebda rabta mar-realtà effettiva jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun verament ta’ natura purament ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex punti ta’ fatti u ta’ liġi neċessarji sabiex tagħti risposta utli għad-domandi li jkunu sarulha ( 46 ). F’din il-kawża, ma joħroġx ċar mill-fajl għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li d-domanda tal-qorti tar-rinviju dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 95/46 u tal-GDPR ma hijiex reali, jew li l-interpretazzjoni tagħha ma għandha ebda relazzjoni mar-realtà attwali jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali. Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-fatt li la r-ritratti inkwistjoni u lanqas l-artikli kkontestati ma għadhom jidhru fuq is-sit g‑net, il-qorti tar-rinviju tispjega li hija tadotta l-prinċipju li t-tneħħija ta’ dan il-kontenut hija ta’ natura purament temporanja u li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali jżommu interess li tingħata deċiżjoni dwar it-talba tagħhom għat-tneħħija ta’ referenza. F’ċirkustanzi bħal dawn, fil-fehma tiegħi ma jistax ikun hemm dubju dwar ir-realtà u l-utilità tal-interpretazzjoni mitluba.

53.

Fir-rigward tal-mertu tad-domanda magħmula mill-BGH, qabel kollox għandu jiġi nnotat li, kif osservat tajjeb minn Google, japplikaw l-istess regoli għal tiftix ta’ immaġnijiet abbażi tal-isem permezz ta’ magna tat-tiftix fuq l-internet bħalma japplikaw għat-tiftix fuq il-web. Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja msemmija hawn fuq, fil-paragrafi 11 sa 19 ta’ dawn il-konklużjonijiet, għalhekk tapplika wkoll fil-każ ta’ talbiet għal tneħħija ta’ referenza li jirreferu għar-riżultati ta’ dan it-tip ta’ tiftix. Il-viżwalizzazzjoni, f’dawn ir-riżultati, ta’ ritratti ta’ persuni fiżiċi fil-forma ta’ immaġnijiet żgħar tikkostitwixxi pproċessar ta’ data personali li għalih l-operatur tal-magna tat-tiftix jassumi r-rwol ta’ “kontrollur” fis-sens tal-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 95/46 u tal-Artikolu 4(7) tal-GDPR rispettivament, u huwa responsabbli, fi ħdan ir-responsabbiltajiet, il-kompetenzi u l-possibbiltajiet tiegħu, għall-osservanza tar-rekwiżiti li jinsabu f’dawk l-atti. F’każ ta’ talba għat-tneħħija ta’ referenza għar-riżultati ta’ tiftix permezz tal-immaġnijiet, l-operatur tal-magna tat-tiftix irid jibbilanċja d-drittijiet fundamentali differenti inkwistjoni u jivvaluta jekk jipprevalux id-drittijiet tal-persuna kkonċernata għar-rispett għall-ħajja privata u għall-protezzjoni tad-data jew tal-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni. Meta jagħmel dan huwa għandu jqis l-elementi rilevanti kollha ( 47 ).

54.

Fil-fehma tiegħi, il-kwistjoni dwar jekk dawn l-elementi għandhomx jinkludu wkoll il-kontenut tal-paġna web li fuqha jitqiegħed ir-ritratt suġġett għat-talba għal tneħħija tiddependi fuq l-identifikazzjoni korretta tas-suġġett tal-ipproċessar inkwistjoni kif ukoll fuq in-natura ta’ dan l-ipproċessar. Fil-kawża prinċipali, kif imsemmi iktar ’il fuq, ir-rikorrenti qegħdin jitolbu t-tneħħija ta’ referenza għal erba’ ritratti li juru lilhom. Madankollu, din it-talba la tikkonċerna l-informazzjoni li tinsab fit-test tal-artiklu li jidher fuq is-sit web tal-editur fl-istess waqt mal-imsemmija ritratti, u lanqas ma tikkonċerna dawk ir-ritratti fir-rigward tal-funzjoni tagħhom ta’ appoġġ viżiv u deskrittiv ta’ dak it-test u bħala parti integrali mill-artiklu inkwistjoni. Ir-referenza permezz ta’ tiftixa fuq il-web għal-link għal dan l-artiklu u r-ritratti li hemm fiha tikkostitwixxi pproċessar separat, b’għan separat, li r-rikorrenti joġġezzjonaw għalih permezz ta’ talba separata għal tneħħija ta’ referenza (li fir-rigward tagħha l-BGH għamlet l-ewwel domanda preliminari).

55.

Billi jtella’ ritratti ta’ persuni fiżiċi ppubblikati fuq l-internet u jirriproduċihom, fir-riżultati tat-tiftix permezz ta’ immaġnijiet, fil-forma ta’ immaġnijiet żgħar, irrispettivament mill-kontenut li fih ikunu inklużi, u billi jneħħilhom il-valur potenzjalment informattiv jew deskrittiv li oriġinarjament kien assenjat lilhom, l-operatur ta’ magna tat-tiftix joffri servizz li fih iwettaq ipproċessar ta’ data personali li huwa awtonomu u distint kemm minn dak tal-editur tal-paġna web li minnha jittieħdu r-ritratti kif ukoll minn dak tar-referenzjar ta’ din il-paġna, li għalih dan l-operatur huwa responsabbli wkoll. Kif ġie osservat tajjeb mill-BGH, minħabba n-natura ta’ dan l-ipproċessar, fejn parti mill-kontenut maħluq minn terzi, li għandu awtonomija tiegħu nnifsu, jiġi estratt u muri separatament, l-operatur tal-magna tat-tiftix jidher li ma jaġixxix bħala intermedjarju iżda pjuttost bħala kreatur tal-kontenut.

56.

Mill-punti preċedenti, fil-fehma tiegħi, jirriżulta li fil-kuntest tal-ibbilanċjar ta’ drittijiet fundamentali kunfliġġenti li għandu jsir abbażi tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 95/46 u tal-GDPR għall-finijiet tal-eżami ta’ talba għat-tneħħija ta’ ritratti li juru persuna fiżika mir-riżultati ta’ tiftixa permezz ta’ immaġnijiet imwettqa abbażi tal-isem ta’ dik il-persuna, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni biss il-valur informattiv tar-ritratti bħala tali, irrispettivament mill-kontenut li fih ikunu inklużi fuq il-paġna web li minnha jittieħdu. Jekk, min-naħa l-oħra, fil-kuntest ta’ talba għat-tneħħija ta’ referenza għal-link għal paġna web, tiġi kkontestata l-viżwalizzazzjoni ta’ ritratti fil-kuntest tal-kontenut ta’ dik il-paġna, ikun il-valur informattiv li dawk ir-ritratti jkollhom f’dak il-kuntest li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet ta’ tali bbilanċjar.

57.

L-argumenti mressqa minn Google fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha ma jippermettux, fil-fehma tiegħi, li tiġi invalidata din il-konklużjoni. Filwaqt li huwa veru li f’tiftixa permezz ta’ immaġnijiet, l-immaġnijiet żgħar jidhru b’link għall-kontenut tal-paġna web li fuqha jinsabu, xorta jibqa’ l-fatt li jiġu vviżwalizzati mill-magna tat-tiftix b’mod kompletament awtonomu, mingħajr rabta mal-kuntest li fih jidhru r-ritratti. Għall-kuntrarju tal-każ ta’ tiftixa fuq il-web, li r-riżultati tagħha ma jippermettux l-użu immedjat tal-kontenut referenzjat, f’tiftixa permezz ta’ immaġnijiet, il-viżwalizzazzjoni tal-kontenut grafiku, inklużi l-immaġnijiet żgħar ta’ ritratti ppubblikati fuq l-internet, fih innifsu jikkostitwixxi r-riżultat imfittex mill-utent, irrispettivament mid-deċiżjoni sussegwenti tiegħu dwar jekk jaċċedix jew le l-paġna web oriġinali. Il-fatt, enfasizzat mill-qorti tar-rinviju, li tali viżwalizzazzjoni jikkorrispondi għall-mudell tan-negozju tal-impriża ta’ Google u li ma huwiex teknikament possibbli li jsir mod ieħor ma jqiegħedx ukoll inkwistjoni n-natura awtonoma tal-ipproċessar tad-data li tinvolvi din il-viżwalizzazzjoni.

58.

Ċertament, ma huwiex eskluż li, billi titlob it-tneħħija ta’ ritratti li juru lilha, il-persuna kkonċernata fir-realtà tkun qiegħda tfittex li tillimita l-aċċess, permezz tal-link li takkumpanja dawn ir-ritratti, għall-kontenut li fiha huma inklużi u għal kwalunkwe informazzjoni possibbilment ta’ interess pubbliku li tidher fiha. Madankollu, għandu jiġi nnotat f’dan ir-rigward li filwaqt li t-tneħħija ta’ ritratti mir-riżultati ta’ tiftixa permezz ta’ immaġnijiet bla dubju tirrestrinġi l-possibbiltajiet ta’ aċċess għall-kontenut li fih huma inklużi, dan tal-aħħar madankollu jibqa’ direttament aċċessibbli permezz ta’ tiftixa tradizzjonali fuq il-web. Tiftixa bħal din tippermetti wkoll li jintwera, permezz tal-link referenzjata, il-kontenut kollu, inklużi r-ritratti, li, fil-kuntest oriġinali tagħhom, jaqdu bis-sħiħ ir-rwol eventwalment assenjat lilhom mill-editur tal-web li jwasslu u jikkorroboraw l-informazzjoni pprovduta u l-opinjonijiet espressi. Għalhekk, fil-kawża prinċipali, anki li kieku t-talba għat-tneħħija tar-referenza għall-artikli inkwistjoni kellha tiġi miċħuda, fid-dawl tal-prevalenza tal-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni fuq id-drittijiet tar-rikorrenti għar-rispett għall-ħajja privata tagħhom u għall-protezzjoni tad-data personali tagħhom, l-ilqugħ possibbli tat-talba għat-tneħħija tar-ritratti li juru lilhom ma jirrestrinġix b’mod eċċessiv jew mhux iġġustifikat din il-libertà jekk, kif tafferma l-BGH, dawn ir-ritratti ftit għandhom valur informattiv meta jittieħdu barra mill-kuntest li fih huma inklużi.

59.

Fid-dawl tal-kjarifiki fil-paragrafu preċedenti, il-konklużjoni li wasalt għaliha fil-punt 56 ta’ dawn il-konklużjonijiet, mhux talli ma tagħtix protezzjoni kważi assoluta lid-dritt għall-immaġni personali, iżda tirrikonoxxi li dan id-dritt għandu d-dimensjonijiet proprji tiegħu fost dawk li relatati mal-personalità. L-immaġni ta’ individwu fil-fatt hija waħda mill-attributi prinċipali tal-personalità tiegħu peress li tesprimi l-oriġinalità tiegħu u tippermetti li dan jiġi distint minn oħrajn. Id-dritt ta’ persuna għall-protezzjoni tal-immaġni tagħha jikkostitwixxi waħda mill-kundizzjonijiet għas-sodisfazzjon personali u jassumi li l-persuna għandha kontroll fuq l-immaġni tagħha u, b’mod partikolari, fuq il-possibbiltà li tirrifjuta t-tixrid tagħha ( 48 ). Minn dan isegwi li, filwaqt li l-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni bla dubju tinkludi l-pubblikazzjoni ta’ ritratti ( 49 ), il-protezzjoni tad-dritt tal-persuna għall-privatezza f’dan il-kuntest jassumi importanza partikolari, minħabba l-kapaċità tar-ritratti li jwasslu informazzjoni partikolarment personali, jekk mhux intima, dwar individwu jew dwar il-familja tiegħu ( 50 ).

60.

Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti nissuġġerixxi li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għat-tieni domanda preliminari tkun li l-Artikolu 12(b) u l-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 95/46 u l-Artikolu 17(3)(a) tal-GDPR għandhom jiġu interpretati fis-sens li, għall-finijiet tal-ibbilanċjar tad-drittijiet fundamentali kunfliġġenti previsti fl-Artikoli 7, 8, 11 u 16 tal-Karta, li għandu jsir fil-kuntest ta’ talba għat-tneħħija ta’ referenza indirizzata lill-operatur ta’ magna tat-tiftix u intiża sabiex tinkiseb it-tneħħija ta’ ritratti, ivviżwalizzati bħala immaġnijiet żgħar, mir-riżultati ta’ tiftixa permezz ta’ immaġnijiet, imwettqa abbażi tal-isem ta’ persuna fiżika, li juru lil dik il-persuna, ma għandux jieħu inkunsiderazzjoni l-kuntest tal-pubblikazzjoni fuq l-internet li fih oriġinarjament dehru dawn ir-ritratti.

V. Konklużjoni

61.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja twieġeb kif ġej għad-domandi preliminari magħmula mill-BGH:

“1)

L-Artikolu 17(3)(a) tar-Regolament 2016/679 għandu jiġi interpretat fis-sens li, għall-finijiet tal-ibbilanċjar bejn id-drittijiet fundamentali kunfliġġenti msemmija fl-Artikoli 7, 8, 11 u 16 tal-Karta li għandu jsir fil-kuntest tal-eżami ta’ talba għat-tneħħija ta’ referenza mressqa quddiem l-operatur ta’ magna tat-tiftix abbażi tal-allegata falsità tal-informazzjoni li tinsab fil-kontenut referenzjat, il-kwistjoni dwar jekk il-persuna kkonċernata tistax raġonevolment tikseb protezzjoni legali kontra l-fornitur tal-kontenut, pereżempju permezz ta’ ordni, ma tistax tiġi invokata b’mod deċiżiv. Fil-kuntest ta’ din it-talba, huwa l-obbligu tal-persuna kkonċernata li tipproduċi xi forma ta’ prova tal-falsità tal-kontenut li għalih tintalab it-tneħħija ta’ referenza fejn dan ma jkunx manifestament impossibbli jew eċċessivament diffiċli, b’mod partikolari b’rabta man-natura tal-informazzjoni kkonċernata. Huwa l-operatur tal-magna tat-tiftix li għandu jwettaq il-verifiki dwar l-allegati ineżattezzi tad-data pproċessata li taqa’ fi ħdan il-possibbiltajiet konkreti tiegħu, billi jikkuntattja, fejn possibbli, lill-editur tal-paġna web referenzjata. Jekk ikun meħtieġ miċ-ċirkustanzi tal-każ sabiex jiġi evitat li jsir dannu irreparabbli lill-persuna kkonċernata, l-operatur tal-magna tat-tiftix jista’ jissospendi temporanjament ir-referenza, jew jindika, fir-riżultati tat-tiftixa, li l-veraċità ta’ parti mill-informazzjoni li tidher fil-kontenut li għalih tirreferi l-link inkwistjoni hija kkontestata.

2)

L-Artikolu 12(b) u l-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 95/46 u l-Artikolu 17(3)(a) tar-Regolament 2016/679 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, għall-finijiet tal-ibbilanċjar tad-drittijiet fundamentali kunfliġġenti previsti fl-Artikoli 7, 8, 11 u 16 tal-Karta, li għandu jsir fil-kuntest ta’ talba għat-tneħħija ta’ referenza indirizzata lill-operatur ta’ magna tat-tiftix u intiża sabiex tinkiseb it-tneħħija ta’ ritratti, ivviżwalizzati bħala immaġnijiet żgħar, mir-riżultati ta’ tiftixa permezz ta’ immaġnijiet, imwettqa abbażi tal-isem ta’ persuna fiżika, li juru lil dik il-persuna, ma għandux jieħu inkunsiderazzjoni l-kuntest tal-pubblikazzjoni fuq l-internet li fih oriġinarjament dehru dawn ir-ritratti.


( 1 ) Lingwa oriġinali: it-Taljan.

( 2 ) ĠU 2016, L 119, p. 1, rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 2.

( 3 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355.

( 4 ) Ara, b’mod partikolari, il- l-punti 14 u 15 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 5 ) Ara l-punt 15 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 6 ) C‑131/12, EU:C:2014:317.

( 7 ) Jiġifieri informazzjoni li tirrigwarda persuni fiżiċi identifikati jew identifikabbli, u għalhekk “data personali” fis-sens tal-Artikolu 2(a) ta’ din id-direttiva

( 8 ) Ara s-sentenza Google Spain, punti 28 u 29 sa 31.

( 9 ) Ara s-sentenza Google Spain, punti 32 u 33. Fil-verżjoni Taljana tad-Direttiva 95/46 u tal-GDPR, il-kunċett ta’ “responsabile del trattamento” [“kontrollur”] fis-sens tal-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 95/46 issa jikkorrispondi għall-kunċett ta’ “titolare del trattamento” [“kontrollur”] fis-sens tal-Artikolu 4(7) tal-GDPR.

( 10 ) Ara s-sentenza Google Spain, punt 34.

( 11 ) Ara s-sentenza Googe Spain, punt 35.

( 12 ) Ara s-sentenza Google Spain, punt 80 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll il-punti 36 sa 38 tas-sentenza ċċitata.

( 13 ) Ara s-sentenza Google Spain, punt 38.

( 14 ) C‑136/17, EU:C:2019:773.

( 15 ) Ara s-sentenza GC, punti 45 sa 47.

( 16 ) Ara s-sentenza Google Spain, punt 81.

( 17 ) Ara s-sentenza Google Spain, punt 81.

( 18 ) Ara s-sentenza Google Spain, b’mod partikolari l-punti 88 u 99. Id-dritt għal tħassir ta’ data personali ġie dedott mill-Qorti tal-Ġustizzja b’interpretazzjoni tal-Artikolu 12(b) u tal-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 95/46.

( 19 ) Ara s-sentenza GC, punti 54 sa 59.

( 20 ) Ara s-sentenza GC, punt 66; f’dan is-sens, għalkemm mingħajr riferiment espliċitu għad-dritt għall-informazzjoni stabbilit fl-Artikolu 11 tal-Karta, ara s-sentenza Google Spain, punt 81.

( 21 ) Fl-istess sens, ara wkoll is-sentenza tal‑24 ta’ Settembru 2019, Google (Portata territorjali tat-tneħħija ta’ referenza) (C‑507/17, EU:C:2019:772, punt 45).

( 22 ) L-eżerċizzju tad-dritt għat-tneħħija ta’ referenza fil-fatt intrabat mill-Qorti tal-Ġustizzja mal-mekkaniżmu previst fl-Artikolu 12(b) u fil-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 95/46, li abbażi tagħhom it-talbiet rilevanti jistgħu jitressqu direttament mis-suġġett tad-data quddiem il-kontrollur, li mbagħad irid jeżamina debitament il-fondatezza tagħhom u, possibbilment, iwaqqaf l-ipproċessar tad-data inkwistjoni. Ara s-sentenza Google Spain, punt 77. Ara, fir-rigward tal-GDPR, espliċitament, is-sentenza GL, punt 66.

( 23 ) Ara s-sentenza Google Spain, punt 77.

( 24 ) Stabbilit f’konformità mal-Artikolu 29 tad-Direttiva 95/46, il-Grupp ta’ Ħidma tal-Artikolu 29 huwa korp konsultattiv Ewropew indipendenti dwar il-protezzjoni tad-data u tal-ħajja privata.

( 25 ) https://ec.europa.eu/newsroom/article29/items/667236/en

( 26 ) Dawn huma biss uħud mill-kriterji kkunsidrati mill-BGH, imsemmija b’mod espliċitu fid-deċiżjoni tar-rinviju. Madankollu, minn qari ta’ diversi siltiet ta’ din id-deċiżjoni, jirriżulta li din il-qorti għamlet valutazzjoni globali ta’ diversi elementi li jikkaratterizzaw il-kwistjoni sottomessa għall-eżami tagħha.

( 27 ) Il-pożizzjoni tal-Gvern Grieg tidher iktar dettaljata.

( 28 ) Ara s-sentenza GC, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 29 ) Ara s-sentenza GC, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 30 ) Ara, f’dan is-sens, il-Qorti EDB, 19 ta’ Ottubru 2017, Fuchsmann vs Il‑Ġermanja (ECLI:CE:ECHR:2017:1019JUD007123313, punti 40 u 41) u 14 ta’ Diċembru 2006, Verlagsgruppe News GmbH vs L-Awstrija (ECLI:CE:ECHR:2006:1214JUD001052002, punt 36).

( 31 ) Ara s-sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2017, Manni (C‑398/15, EU:C:2017:197, punt 59).

( 32 ) Din il-kwistjoni hija ta’ rilevanza partikolari fis-sistema tal-Istati Uniti minħabba l-protezzjoni wiesgħa mogħtija lid-dritt tal-kelma li tirriżulta mill-Ewwel Emenda tal-Kostituzzjoni.

( 33 ) Ara l-ispjegazzjonijiet dwar il-Karta, sub-Artikolu 1 (ĠU 2007, C‑303, p. 17).

( 34 ) Ara wkoll il-premessi 39 u 71 tal-GDPR, kif ukoll l-Artikoli 16 u 18(1)(a) dwar l-eżerċizzju tad-dritt għar-rettifika u tad-dritt għal restrizzjoni tal-ipproċessar, rispettivament.

( 35 ) F’dan is-sens, ara s-sentenza GC, punt 64, għalkemm formalment, il-GDPR jiddistingwi l-“prinċipji relatati mal-ipproċessar ta’ data personali”, elenkati fl-Artikolu 5, mill-kundizzjonijiet tal-“legalità tal-ipproċessar”, enumerati fl-Artikolu 6 ta’ dan ir-regolament.

( 36 ) C‑18/18, EU:C:2019:821.

( 37 ) Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑8 ta’ Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 25, p. 399).

( 38 ) Nirreferi, b’mod partikolari, għall-Kodiċi ta’ Kondotta tal-2016 dwar il-ġlieda kontra d-diskors ta’ mibegħda online illegali (https://ec.europa.eu/info/policies/justice-and-fundamental-rights/combatting-discrimination/racism-and-xenophobia/eu-code-conduct-countering-illegal-hate-speech-online_en) u għall-Kodiċi ta’ Prattika dwar id-Diżinformazzjoni tal-2018 (https://digital-strategy.ec.europa.eu/en/policies/code-practice-disinformation), imfasslin mill-Kummissjoni u approvati mill-pjattaformi elettroniċi ewlenin

( 39 ) Jaġixxi wkoll f’dan is-sens l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2019/790/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ April 2019 dwar id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-Suq Uniku Diġitali u li temenda d-Direttivi 96/9/KE u 2001/29/KE (ĠU 2019, L 130, p. 92) u l-Artikoli 3 u 5 tar-Regolament (UE) 2021/784 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2021 dwar l-indirizzar tad-disseminazzjoni ta’ kontenut terroristiku online (ĠU 2021, L 172, p. 79).

( 40 ) Ara, fuq dan is-suġġett, K. Crawford, J. Schultz, Big Data and Due process: Towards a framework to Redress Predictive Privacy Harms, Boston College Law Review, 2014, p. 93.

( 41 ) Fil-kawża mressqa quddiem il-BGH, l-informazzjoni allegatament falza essenzjalment tirrigwarda d-data ekonomika tal-kumpaniji ġestiti mir-rikorrenti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa diffiċli li jiġi sostnut li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma jistgħux jipproduċu tal-inqas xi forma ta’ prova tal-falsità tad-data fl-artikli kkontestati.

( 42 ) Ara, fost oħrajn, il-Qorti EDB, 25 ta’ Mejju 2021, Milosavlievic vs Is‑Serbja (ECLI:CE:ECHR:2021:0525JUD005757414, punt 63).

( 43 ) Il-possibbiltà ta’ restrizzjoni temporanja tal-ipproċessar tad-data hija prevista b’mod espliċitu fl-Artikolu 18(1)(a) tal-GDPR, f’każ li l-persuna kkonċernata tikkontesta l-eżattezza tad-data personali u għall-perjodu li jippermetti li l-kontrollur jivverifika l-eżattezza tad-data personali.

( 44 ) Ara, għal soluzzjoni bħal din, il-Qorti EDB, 10 ta’ Marzu 2009, Times Newspaper Ltd vs Ir‑Renju Unit (Nru 1 u Nru 2) (ECLI:CE:ECHR:2009:0310JUD000300203).

( 45 ) Ara s-sentenza tal‑24 ta’ Frar 2022, Eulex Kosovo (C‑283/20, EU:C:2022:126, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 46 ) Ara s-sentenza tal‑24 ta’ Frar 2022, Eulex Kosovo (C‑283/20, EU:C:2022:126, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 47 ) Fir-rigward tal-elementi rilevanti għall-finijiet ta’ dan l-ibbilanċjar fejn l-imġiba li allegatament tikser id-drittijiet tirrigwarda l-pubblikazzjoni ta’ ritratti, ara, fost oħrajn, il-Qorti EDB, 7 ta’ Frar 2012, Von Hannover vs Il‑Ġermanja (ECLI:CE:ECHR:2012:0207JUD004066008, punti 109 sa 113 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 48 ) Qorti EDB, 7 ta’ Frar 2012, Von Hannover vs Il‑Ġermanja (ECLI:CE:ECHR:2012:0207JUD004066008, punt 96).

( 49 ) Qorti EDB, 14 ta’ Diċembru 2006, Verlagsgruppe vs L-Awstrija, (ECLI:CE:ECHR:2006:1214JUD001052002, punti 29 u 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 50 ) Qorti EDB, 7 ta’ Frar 2012, Von Hannover vs Il‑Ġermanja (ECLI:CE:ECHR:2012:0207JUD004066008, il-punt 103 u l-ġurisprudenza ċċitata).