KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

PIKAMÄE

ippreżentati fil-21 ta’ Ottubru 2021 ( 1 )

Kawża C‑432/20

ZK

fil-preżenza ta’:

Landeshauptmann von Wien

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgericht Wien (il-Qorti Amministrattiva ta’ Vjenna, l-Awstrija))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Politika tal-immigrazzjoni – Direttiva 2003/109/KE – Artikolu 9(1)(ċ) – Telf tal‑istatus ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz resident għal żmien twil – Assenza mit‑territorju tal-Unjoni għal perijodu ta’ tnax‑il xahar konsekuttivi – Interruzzjoni ta’ dan il-perijodu ta’ assenza – Perijodi ta’ residenza irregolari u għal żmien qasir fit-territorju tal-Unjoni”

I. Introduzzjoni

1.

F’din il-kawża li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, il-Verwaltungsgericht Wien (il-Qorti Amministrattiva ta’ Vjenna, l-Awstrija) tissottometti lill-Qorti tal-Ġustizzja tliet domandi preliminari li jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 9(1)(ċ) tad-Direttiva tal‑Kunsill 2003/109/KE tal‑25 ta’ Novembru 2003 dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul ( 2 ), emendata bid-Direttiva 2011/51/UE tal‑Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Mejju 2011 ( 3 ) (iktar ’il quddiem id‑“Direttiva 2003/109”).

2.

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn ZK, ċittadin Kazaki, u l‑Landeshauptmann von Wien (il-Kap tal-Gvern tal-Land ta’ Vjenna, l-Awstrija) dwar ir-rifjut ta’ dan tal-aħħar li jġedded il-permess ta’ status ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz resident għal żmien twil ta’ ZK. Id-deċiżjoni ta’ ċaħda kienet motivata mill-fatt li ZK kien irrisjeda biss għal ftit jiem fl-Unjoni kull sena, bejn Awwissu 2013 u Awwissu 2018. Il-qorti tar-rinviju tqis li l-leġiżlazzjoni Awstrijaka applikabbli għal dan il-każ, li tipprovdi li perijodi ta’ residenza għal żmien qasir u intermittenti fl-Unjoni ma humiex suffiċjenti sabiex jimpedixxu t-telf ta’ dan l-istatus ġuridiku minħabba assenza mit-territorju tal-Unjoni għal iktar minn tnax‑il xahar, ma hijiex kompatibbli mal-Artikolu 9(1)(ċ) tad-Direttiva 2003/109. Skont din id-dispożizzjoni, ċittadin ta’ pajjiż terz jitlef id-dritt għall-istatus ta’ resident għal żmien twil fil-każ ta’ “assenza mit-territorju tal-[Unjoni] għal perjodu ta’ 12‑il xahar konsekuttivi”. Skont il-qorti tar-rinviju, il-leġiżlazzjoni Awstrijaka msemmija iktar ’il fuq tmur lil hinn minn dak li jeżiġi u jawtorizza d-dritt tal-Unjoni.

3.

Din il-kawża tagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità li tiddeċiedi dwar kwistjoni ta’ liġi mingħajr preċedent, jiġifieri l-kundizzjonijiet li jimponi l-Artikolu 9(1)(ċ) tad-Direttiva 2003/109 għall-irtirar, mill-awtoritajiet nazzjonali, tal-istatus ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz resident għal żmien twil. B’mod iktar konkret, il-Qorti tal-Ġustizzja ser ikollha tispeċifika liema huma r-rekwiżiti dwar it-tul u l-kwalità tar-residenza fit-territorju tal-Unjoni li kull ċittadin ta’ pajjiż terz ser ikollu jikkonforma ruħu magħhom sabiex ikun jista’ jżomm l-istatus ġuridiku li tagħtih id-Direttiva 2003/109. Ir-risposta li l-Qorti tal-Ġustizzja ser tagħti għal dawn id-domandi preliminari jista’ jkollha impatt fuq l-integrazzjoni taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja prevista mit-Trattati tal-Unjoni.

II. Il-kuntest ġuridiku

A. Id-dritt tal-Unjoni

4.

Il-premessi 2, 4, 6, 10 u 12 tad-Direttiva 2003/109 jiddikjaraw:

“(2)

l‑Kunsill Ewropew, fil-laqgħa speċjali tiegħu f’Tampere fil‑15 u s‑16 ta’ Ottubru 1999, iddikjara li l-istatus legali ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għandu ikun approssimat għal dak ta’ ċittadini ta’ l-Istati Membri u li persuni li tkun irresjediet legalment fi Stat membru għal perjodu ta’ żmien li għandu jiġi stabbilit u li jkollha permess ta’ residenza għat-tul għandha tingħata f’dak l-Istat Membru sett ta’ drittijiet uniformi li jkunu kemm jista’ ikun viċin dawk li jgawdu iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni Ewropea.

[…]

(4)

L-integrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul fl-Istati Membri hija element prinċipali fil-promozzjoni tal-koeżjoni ekonomika u soċjali, mira fundamentali tal-Komunità dikjarata fit-Trattat.

[…]

(6)

Il-kriterju prinċipali għall-kisba ta’ l-istatus ta’ residenti għat-tul għandu ikun it-tul ta’ residenza fit-territorju ta’ Stat Membru. Ir-residenza għandha tkun kemm legali u kontinwa sabiex turi li persuna tkun stabbilixxit l-għeruq tagħha f’dak il-pajjiż. Għandha ssir disposizzjoni għall-grad ta’ flssibilità sabiex jingħata kont taċ-ċirkostanzi li fihom persuna setgħa kellha titlaq mit-territorju fuq bażi temporanju.

[…]

(10)

Għandu jiġi preskritt sett ta’ regoli li jirregolaw il-proċeduri għall-eżami ta’ l-applikazzjoni għall-istatus ta’ residenti ta’ perjodu twil ta’ żmien. Dawk il-proċeduri għandhom ikunu effettivi u maniġġabbli, u jagħtu kont ta’ l-ammont normali tax-xogħol ta’ l-amministrazzjonijiet ta’ l-Istati Membri, kif ukoll ikunu trasparenti u ġusti, sabiex joffru ċ-ċertezza legali adattata lil dawk konċernati. Dawn ma għandhomx jikkostitwixxu mezz biex ifixklu l-eżerċizzju tad-dritt tar-residenza.

[…]

(12)

Sabiex jikkostitwixxi strument ġenwin għall-integrazzjoni ta’ residenti għal perjodu twil fis-soċjetà fejn ikunu jgħijxu, ir-residenti għat-tul għandhom igawdu ugwaljanza ta’ trattament bħal taċ-ċittadini ta’ l-Istat Membru f’firxa wiesa’ ta’ kwistjonijiet ekonomiċi u soċjali, taħt il-kondizzjonijiet relevanti definiti f’din id-Direttiva.”

5.

L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Suġġett”, jistabbilixxi:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi:

(a)

it-termini għall-għoti u l-irtirar ta’ l-istatus ta’ residenti għat-tul mogħti minn Stat membru f’relazzjoni ma’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li legalment jirrisjedu fit-territorju tiegħu, u d-drittijiet marbuta miegħu; u

(b)

it-termini ta’ residenza fi Stati Membri oħra minbarra dak li kien ikkonferixxa l-istatus għat-tul fuqhom għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jgawdu dak l-istatus.”

6.

Skont l-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Tul ta’ żmien ta’ residenza”:

“1.   L-Istati Membri għandhom jagħtu status ta’ residenti għat-tul lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ikunu rrisjedew legalment u kontinwament fit-territorju tagħhom għal ħames snin li jiġu minnufih qabel is-sottomissjoni ta’ l-applikazzjoni relevanti.

[…]

3.   Il-perjodi ta’ assenza mit-territorju ta’ l-Istat Membru konċernat ma għandhomx jinterrompu l-perjodu msemmi fil-paragrafu 1 u għandu jingħata kont għall-kalkolazzjoni tagħhom meta ikunu iqsar minn sitt xhur konsekuttivi u ma jeċċedux fit-total 10 xhur fil-perjodu msemmi fil-paragrafu 1.

[…]”

7.

L-Artikolu 8 tad-Direttiva 2003/109, intitolat “Permess [UE] ta’ residenza għal residenti għat-tul”, jipprovdi:

“1.   L-istatus ta’ residenti għat-tul għandu jkun permanenti, bla ħsara għall-Artikolu 9.

2.   L-Istati Membri għandhom joħorġu Permess [UE] ta’ residenza għal residenza għat-tul lir-residenti għat-tul. Il-permess għandu ikun validu għal ta’ l-anqas ħames snin; dan għandu ma’ l-applikazzjoni jekk meħtieġa, jiġġedded awtomatikament malli jiskadi.

[…]”

8.

L-Artikolu 9 ta’ din id-direttiva, intitolat “Irtirar jew telf ta’ status”, jistabbilixxi:

“1.   Ir-residenti għat-tul ma għandux ikollhom id-dritt li jżommu status ta’ residenti għat-tul fil-każi li ġejjin:

[…]

(ċ)

fil-każ ta’ assenza mit-territorju tal-[Unjoni] għal perjodu ta’ 12‑il xahar konsekuttivi.

2.   B’deroga mill-paragrafu 1(ċ), l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li assenzi li jeċċedu t‑12‑il xahar konsekuttivi jew għal raġunijiet speċifiċi jew eċċezzjonali ma għandhomx jinvolvu l-irtirar jew it-telf ta’ l-istatus.

[…]

5.   Fir-rigward tal-każi msemmija fil-paragrafu 1(ċ) u fil-paragrafu 4, l-Istati Membri li ikunu taw l-istatus għandhom jipprovdu għal proċedura faċilitata għall-kisba mill-ġdid ta’ l-istatus ta’ residenti għat-tul.

[…]”

9.

L-Artikolu 11 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Trattament ugwali”, jistabbilixxi:

“1.   Ir-residenti għat-tul għandhom igawdu trattament ugwali ma’ dak taċ‑ċittadini fir-rigward ta’:

[…]

(b)

edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali, inklużi għotjiet ta’ studju skond il-liġi nazzjonali;

[…]

(d)

sigurtà soċjali, assistenza soċjali u protezzjoni soċjali kif definiti bil-liġi nazzjonali;

(e)

benefiċċji tat-taxxa;

(f)

aċċess għal oġġetti u servizzi u l-provvista ta’ oġġetti u servizzi magħmula disponibbli lill-pubbliku u l-proċeduri għal ksib ta’ akkommodazzjoni;

(g)

il-libertà ta’ assoċjazzjoni u affiljazzjoni u sħubija ta’ organizzazzjoni li tirrappresenta l-ħaddiema jew lil min iħaddem jew ta’ xi organizzazzjoni li l-membri tagħha ikunu jwettqu xi xogħol speċifiku, inklużi l-benefiċċji konferiti minn dawk l-organizzazzjonijiet, mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet nazzjonali dwar politika pubblika u sigurtà pubblika;

[…]

2.   Fir-rigward tad-disposizzjonijiet tal-paragrafu 1, il-punti (b), (d), (e), (f) u (g), l-Istat Membru konċernat jista’ jirrestrinġi trattament ugwali għall-każi fejn ir-residenza reġistrata jew il-post normali ta’ residenza tar-residenti għat-tul, jew dak tal-membri tal-familja li għalihom hu/i jagħmer talba għall-benefiċċji, ikun jinsab fit-territorju ta’ l-Istat Membru konċernat.

[…]”

B. Id-dritt Awstrijak

10.

Id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt nazzjonali jinsabu fin‑Niederlassungs- und Aufenthaltsgesetz (il-Liġi dwar l-Istabbiliment u r‑Residenza ( 4 ), iktar ’il quddiem in-“NAG”).

11.

L-Artikolu 2(7) tan-NAG jaqra kif ġej:

“Il-perijodi ta’ residenza għal żmien qasir fit-territorju nazzjonali u barra mill‑pajjiż, b’mod partikolari għal finijiet ta’ żjarat, ma jinterrompux it-tul ta’ residenza jew ta’ installazzjoni meħtieġ għall-finijiet tal-kisba jew tat-telf ta’ dritt għal permess ta’ residenza. […]”

12.

L-Artikolu 20 tan-NAG, intitolat “Perijodu ta’ validità tal-permessi ta’ residenza”, jipprovdi:

“[…]

(3)   Id-detenturi ta’ permess ta’ residenza ‘resident għal żmien twil – UE’ (Artikolu 45) għandhom ikunu stabbiliti fl-Awstrija – bla ħsara għall-perijodu ta’ validità limitat tad-dokument li jikkorrispondi għal dawn il-permessi ta’ residenza – għal żmien indeterminat. Dan id-dokument għandu jinħareġ għal perijodu ta’ ħames snin u, b’deroga mill-Artikolu 24, għandu jiġġedded fuq talba anki wara l-iskadenza tiegħu, sa fejn ma tkun applikabbli ebda miżura skont il-Fremdenpolizeigesetz 2005 (il-Liġi tal-2005 dwar il-Kontroll tal-Barranin).

(4)   Permess ta’ residenza maħruġ skont il-paragrafu 3 iktar ’il fuq għandu jiddekadi meta ċ-ċittadin barrani jirrisjedi għal perijodu ta’ iktar minn tnax‑il xahar konsekuttivi barra mit-territorju [taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE)]. Għal raġunijiet li jistħoqqilhom b’mod partikolari li jittieħdu inkunsiderazzjoni, bħal mard gravi, it-twettiq ta’ obbligu soċjali jew ta’ servizz paragunabbli mas‑servizz militari obbligatorju jew mas-servizz ċivili, iċ-ċittadin barrani jista’ jirrisjedi sa 24 xahar barra mit-territorju taż-ŻEE, meta huwa jinforma b’dan minn qabel lill-awtorità kompetenti. Fejn ikun hemm interess leġittimu taċ-ċittadin barrani, l-awtorità kompetenti għandha tikkonstata, fuq talba, in-nuqqas ta’ dekadenza tal-permess ta’ residenza. Il-prova tar-residenza fit-territorju taż-ŻEE għandha taqa’ fuq iċ-ċittadin barrani.

[…]”

III. Il-fatti li wasslu għall-kawża, il-proċedura fil-kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

13.

Fis‑6 ta’ Settembru 2018, ZK, ċittadin Kazaki, ressaq talba għat-tiġdid tal-permess ta’ residenza tiegħu għal residenti għal żmien twil. Din it-talba ġiet miċħuda permezz ta’ deċiżjoni tad‑9 ta’ Lulju 2019 tal-Landeshauptmann von Wien (il-Kap tal-Gvern tal-Land ta’ Vjenna, l-Awstrija).

14.

Fit‑12 ta’ Awwissu 2019, ZK ippreżenta rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju.

15.

Il-qorti tar-rinviju tirrileva li, għalkemm, fil-perijodu bejn ix-xahar ta’ Awwissu 2013 u x-xahar ta’ Awwissu 2018 kif ukoll sussegwentement, ZK qatt ma rrisjeda barra mit-territorju tal-Unjoni għal perijodu ta’ tnax‑il xahar konsekuttivi jew iktar, huwa paċifiku li, matul dan il-perijodu, dan tal-aħħar kien preżenti f’dan it-territorju biss għal ftit jiem fis-sena. Din iċ-ċirkustanza tal-aħħar ittieħdet inkunsiderazzjoni mill-awtorità amministrattiva konvenuta sabiex tirrifjuta t-tiġdid tal-permess ta’ residenza tar-rikorrent.

16.

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li r-rikorrent ipproduċa, quddiem il-qorti tar-rinviju, analiżi ġuridika mwettqa mill-grupp ta’ esperti tal-Kummissjoni Ewropea għall-migrazzjoni legali, li tikkonkludi favur interpretazzjoni stretta tal-kundizzjoni għall-applikazzjoni dwar l-assenza mit-territorju tal-Unjoni, prevista fl-Artikolu 9(1)(ċ) tad-Direttiva 2003/109, fis-sens li hija biss l-assenza fiżika minn dan it-territorju għal perijodu ta’ tnax‑il xahar konsekuttivi li twassal għat-telf tal-istatus ta’ resident għal żmien twil skont din id-dispożizzjoni. Skont din l-analiżi, f’dan ir-rigward, huwa irrilevanti li jsir magħruf jekk, matul il-perijodu rilevanti, resident għal żmien twil kienx, barra minn hekk, materjalment stabbilit fl-imsemmi territorju jew kienx stabbilixxa r-residenza abitwali tiegħu hemmhekk.

17.

Il-qorti tar-rinviju tqis li tali analiżi, li magħha hija ttendi li taqbel, issaħħaħ l-argument tar-rikorrent. Fil-fatt, li kieku dan tal-aħħar kellu jiġi segwit, anki residenza għal żmien qasir, saħansitra, bħal f’dan il-każ, perijodi ta’ residenza ta’ ftit jiem fis-sena biss, ikunu suffiċjenti sabiex tiġi eskluża l-applikazzjoni tal-Artikolu 9(1)(ċ) tad-Direttiva 2003/109, b’mod li r-rikorrent iżomm l-istatus tiegħu ta’ resident għal żmien twil.

18.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Verwaltungsgericht Wien (il-Qorti Amministrattiva ta’ Vjenna, l-Awstrija) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

L-Artikolu 9(1)(ċ) tad-Direttiva [2003/109] għandu jiġi interpretat fis-sens li kull żjara fiżika, tkun kemm tkun qasira, ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li huwa resident għal żmien twil fit-territorju tal‑[Unjoni] matul perijodu ta’ tnax‑il xahar konsekuttivi, hija suffiċjenti sabiex teskludi t-telf tal-istatus ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li huwa resident għal żmien twil skont din id-dispożizzjoni?

2)

Fil-każ li għall-ewwel domanda l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi fin-negattiv: liema kundizzjonijiet kwalitattivi u/jew kwantitattiva għandhom jissodisfaw iż-żjarat fit-territorju tal‑[Unjoni] matul perijodu ta’ tnax‑il xahar konsekuttivi sabiex jiġi eskluż it-telf tal-istatus ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li huwa resident għal żmien twil? Iż-żjarat fit-territorju tal‑[Unjoni] matul perijodu ta’ tnax‑il xahar konsekuttivi jeskludu t-telf tal-istatus ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li huwa resident għal żmien twil biss jekk iċ-ċittadini ta’ pajjiż terz ikkonċernati, matul dan il-perijodu, kellhom ir-residenza abitwali tagħhom jew iċ-ċentru tal-interessi tagħhom fit-territorju tal‑[Unjoni]?

3)

Regoli tad-dritt tal-Istati Membri li jipprovdu li ċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li huma residenti għal żmien twil jitilfu l-istatus tagħhom meta dawn, minkejja li kienu residenti fit-territorju tal‑[Unjoni] matul perijodu ta’ tnax‑il xahar konsekuttivi, la kellhom ir-residenza abitwali tagħhom u lanqas iċ-ċentru tal-interessi tagħhom hemm, huma kompatibbli mal-Artikolu 9(1)(ċ) tad-Direttiva [2003/109]?”

IV. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

19.

Id-deċiżjoni ta’ rinviju tat‑28 ta’ Awwissu 2020 waslet fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl‑14 ta’ Settembru 2020.

20.

Il-qorti tar-rinviju talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja tissuġġetta r-rinviju għal deċiżjoni preliminari għall-proċedura b’urġenza, skont l-Artikolu 107(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

21.

Permezz ta’ deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑28 ta’ Settembru 2020, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, din it-talba ġiet miċħuda.

22.

Il-Gvern Awstrijak, kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea, ippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub fit-terminu stabbilit mill-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

23.

Matul is-seduta tal‑15 ta’ Lulju 2021, il-mandatarji ad litem tal-Gvern Awstrijak, kif ukoll il-Kummissjoni, ippreżentaw osservazzjonijiet.

V. Analiżi ġuridika

A. Rimarki preliminari

24.

Iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jemigraw lejn l-Unjoni Ewropea għal diversi raġunijiet: raġunijiet ekonomiċi, raġunijiet relatati mal-familja, sabiex jiġu segwiti studji jew sabiex tinkiseb protezzjoni internazzjonali. Uħud minn dawn il-persuni jibqgħu fit-territorju tal-Istati Membri għal diversi snin, u jinsġu rabtiet mal-Istat Membru kkonċernat. Din hija r-raġuni għalfejn l-integrazzjoni taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti għal żmien twil fl-Istati Membri titqies li hija element prinċipali għall-promozzjoni tal-koeżjoni ekonomika u soċjali fi ħdan l-Unjoni, għan fundamentali stabbilit fl-Artikolu 3 TUE. Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-Artikolu 79(1) TFUE jipprevedi l-iżvilupp ta’ politika komuni tal-immigrazzjoni maħsuba, fost oħrajn, sabiex “tassigura […] it-trattament ġust ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti legalment fl-Istati Membri” ( 5 ).

25.

Wieħed mill-ewwel testi leġiżlattivi adottati mill-Unjoni fil-qasam tal-immigrazzjoni kien id-Direttiva 2003/109. L-għan ta’ din id-direttiva huwa li jingħata status “Ewropew” liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu għal żmien twil u legalment fl-Unjoni. Sabiex tiżgura l-integrazzjoni tagħhom, din id-direttiva tfittex li tapprossima d-drittijiet ta’ dawn il-persuni ma’ dawk li jgawdu ċ-ċittadini tal-Unjoni, b’mod partikolari billi tistabbilixxi l-ugwaljanza fit-trattament ma’ dawn tal-aħħar f’firxa wiesgħa ta’ oqsma ekonomiċi u soċjali. Id-drittijiet mogħtija lilhom jibqgħu ta’ portata iktar limitata meta mqabbla ma’ dawk taċ-ċittadini tal-Unjoni ( 6 ), iżda madankollu jinkludu dispożizzjonijiet fil-qasam tal-moviment liberu, billi joffru d-dritt ta’ residenza għal perijodu ta’ iktar minn tliet xhur fit-territorju ta’ Stati Membri differenti minn dak li tahom l-istatus ta’ resident għal żmien twil. Barra minn hekk, id-detentur tal-istatus ta’ ċittadin għal żmien twil jaċċedi għas-suq tax-xogħol bil-kundizzjoni li l-attivitajiet tiegħu ma jkunux marbuta mal-eżerċizzju tal-awtorità pubblika jew li l-impjiegi ma jiġux irriżervati għaċ-ċittadini nazzjonali, għaċ-ċittadini tal-Unjoni u taż-Żona Ekonomika Ewropea. Fil-qasam tal-protezzjoni soċjali, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jillimitaw l-aċċess tar-residenti għal żmien twil għall-“benefiċċji prinċipali”.

26.

L-aċċess għall-istatus ta’ resident għal żmien twil huwa rriżervat għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu rrisjedew legalment u mingħajr interruzzjoni fit-territorju ta’ Stat Membru għal perijodu ta’ ħames snin. Huma esklużi dawk kollha li r-residenza tagħhom tista’ titqies li hija temporanja. L-Istati Membru jżommu marġnijiet ta’ diskrezzjoni wesgħin fir-rigward tal-kundizzjonijiet li jagħtu dritt għall-istatus ta’ resident għal żmien twil ( 7 ). B’żieda ma’ kundizzjonijiet ta’ riżorsi stabbli, regolari u suffiċjenti, kif ukoll tal-pussess ta’ assigurazzjoni għall-mard, li jintalbu wkoll miċ-ċittadini tal-Unjoni li jirrisjedu fi Stat Membru ieħor, hemm ukoll kundizzjoni fakultattiva dwar “kondizzjonijiet ta’ integrazzjoni” li tippermetti li jiġi limitat l-aċċess għall-istatus ta’ resident għal żmien twil. Il-prova ta’ konoxxenza suffiċjenti tal-lingwa tal-Istat Membru, fi gradi ta’ kompetenza li jvarjaw, hija l-kundizzjoni ta’ integrazzjoni prinċipali mitluba fl-Istati Membri kollha.

27.

Il-leġiżlatur tal-Unjoni jfittex li jilħaq l-għan ta’ integrazzjoni fit-tul taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi permezz ta’ armonizzazzjoni tal-kundizzjonijiet għall-għoti u għall-irtirar (jew għat-telf) tal-istatus ta’ resident għal żmien twil. Madankollu, għandu jiġi osservat li din il-kawża hija differenti minn kawżi oħra li diġà ġew ittrattati mill-Qorti tal-Ġustizzja minħabba l-fatt li pjuttost tirrigwarda t-tieni aspett, jiġifieri l-interpretazzjoni tal-kundizzjonijiet għall-irtirar (jew għat-telf) ta’ dan l-istatus minħabba assenza kontinwa mit-territorju tal-Unjoni, skont l-Artikolu 9(1)(ċ) tad-Direttiva 2003/109. Għalkemm minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jitlef l-istatus ta’ resident għal żmien twil fil-każ ta’ assenza mit-territorju tal-Unjoni għal perijodu ta’ tnax‑il xahar konsekuttivi, hija ma tispeċifikax kif għandhom jiġu ttrattati l-perijodi ta’ residenza sporadiċi u għal żmien qasir, b’mod partikolari jekk dawn jistgħux jimpedixxu t-twettiq ta’ din il-konsegwenza ġuridika.

B. Eżami tad-domandi preliminari

28.

Permezz tat-tliet domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, dwar il-kriterji li skonthom għandu jiġi stabbilit jekk resident għal żmien twil kienx “assenti” mit-territorju tal-Unjoni għal perijodu ta’ tnax‑il xahar konsekuttivi fis-sens tal-Artikolu 9(1)(ċ) tad-Direttiva 2003/109, billi tali assenza twassal, bħala prinċipju, għat-telf tad-dritt għall-istatus ta’ resident għal żmien twil. B’mod partikolari, hija tistaqsi jekk kwalunkwe residenza matul dan il-perijodu, qasira kemm tkun qasira, tistax tinterrompi din l-assenza u għalhekk teskludi t-telf ta’ dan l-istatus jew jekk il-persuna interessata għandhiex pjuttost ikollha, matul l-imsemmi perijodu, ir-residenza abitwali jew iċ-ċentru tal-interessi tagħha f’dan it-territorju.

1.   Użu tad-diversi metodi ta’ interpretazzjoni

29.

Peress li l-Artikolu 9(1)(ċ) tad-Direttiva 2003/109 ma jinkludi ebda riferiment għad-dritt nazzjonali, wieħed għandu jibda mill-premessa li l-kunċett ta’ “assenza” jikkostitwixxi kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni li għandu jingħata interpretazzjoni uniformi, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kliem ta’ din id-dispożizzjoni kif ukoll l-għanijiet li tfittex li tilħaq il-leġiżlazzjoni li minnha tifforma parti u l-kuntest tagħha ( 8 ).

a)   Interpretazzjoni letterali

30.

F’dak li jirrigwarda l-formulazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni, għandu jiġi osservat li teżisti ċerta varjazzjoni bejn id-diversi verżjonijiet lingwistiċi tagħha.

31.

Fil-fatt, minn naħa, f’numru kbir ta’ verżjonijiet lingwistiċi ( 9 ) tissemma “assenza” mit-territorju tal-Unjoni għal perijodu ta’ tnax‑il xahar konsekuttivi, ħaġa li tista’ tagħti x’tifhem li s-sempliċi preżenza fiżika ttemm din l-assenza. Min-naħa l-oħra, verżjonijiet lingwistiċi oħra ( 10 ) jirreferu għall-fatt li wieħed ma “jirrisjedix”, matul dan il-perijodu, f’dan it-territorju, u l-użu ta’ dan il-verb jista’ jimplika preżenza ftit iktar “solida”, mingħajr madankollu ma jiġu esklużi perijodi ta’ residenza ta’ ftit jiem biss.

32.

Madankollu, jidhirli li, barra minn dawn l-isfumaturi lingwistiċi żgħar, il-formulazzjoni tal-Artikolu 9(1)(ċ) tad-Direttiva 2003/109 ma tippermettix, waħedha, li tiġi ddeterminata b’mod inekwivoku l-portata eżatta tal-kunċett ta’ “assenza”. Ebda konklużjoni ċara ma tista’ tinsilet minn interpretazzjoni letterali ta’ din id-dispożizzjoni. Konsegwentement, jirriżulta li huwa neċessarju li jintużaw metodi oħra ta’ interpretazzjoni rrikonoxxuti fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 11 ).

b)   Interpretazzjoni kuntestwali

1) L-eċċezzjoni għar-regola ġenerali li tagħti status ġuridiku partikolari lir‑residenti għal żmien twil għandha tiġi interpretata strettament

33.

Il-kuntest tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2003/109 jipprovdi xi punti ta’ riferiment utli sabiex tiġi ddefinita aħjar il-portata ta’ din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, l-Artikolu 8(1) ta’ din id-direttiva jistabbilixxi li l-istatus ta’ resident għal żmien twil għandu jkun permanenti, “bla ħsara għall-Artikolu 9”. Għaldaqstant, peress li n-natura permanenti ta’ dan l-istatus hija r-“regola ġenerali”, l-Artikolu 9(1)(ċ) tal-imsemmija direttiva jidher li huwa “eċċezzjoni” u għalhekk għandu jingħata interpretazzjoni stretta, skont prinċipju ta’ interpretazzjoni rrikonoxxut fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 12 ).

34.

Barra minn hekk, għandu jitfakkar li d-Direttiva 2003/109 tistabbilixxi dritt suġġettiv taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jiksbu l-istatus ta’ resident għal żmien twil kif ukoll id-drittijiet l-oħra li jirriżultaw mill-għoti ta’ dan l-istatus, ladarba l-kundizzjonijiet previsti għal dan il-għan jiġu effettivament issodisfatti ( 13 ) u l-proċeduri rispettivi jkunu ġew osservati ( 14 ). Kif ġie indikat fl-introduzzjoni ta’ dawn il-konklużjonijiet ( 15 ), din id-direttiva tarmonizza b’mod eżawrjenti l-kundizzjonijiet għall-kisba tal-istatus ta’ resident għal żmien twil. L-istess japplika għall-kundizzjonijiet għall-irtirar tal-imsemmi status previsti fl-Artikolu 9 tal-imsemmija direttiva ( 16 ). Konsegwentement, l-Istati Membri ma jistgħux idaħħlu kundizzjonijiet addizzjonali ( 17 ) jew jinterpretaw b’mod wiesa’ d-dispożizzjoni tal-Artikolu 9(1)(ċ) tad-Direttiva 2003/109 mingħajr ma jikkompromettu ż-żamma tal-istatus ta’ resident għal żmien twil.

35.

F’dan ir-rigward, jidhirli li l-protezzjoni tad-drittijiet kweżiti hija imperattiva sabiex id-dispożizzjonijiet previsti fl-Artikolu 4(1), kif ukoll fl-Artikolu 8(1), ta’ din id-direttiva, li jagħtu status ġuridiku partikolari lir-residenti għal żmien twil, ma jiċċaħħdux mill-effett utli tagħhom. Il-fatt li l-leġiżlatur tal-Unjoni inkluda wkoll garanziji proċedurali fl-Artikolu 10 tal-imsemmija direttiva, li jipprevedi, fost oħrajn, l-obbligu li kull deċiżjoni ta’ rtirar ta’ dan l-istatus tkun motivata, kif ukoll dak li ċ-ċittadin tal-pajjiż terz ikkonċernat jiġi informat bir-rimedji ġudizzjarji disponibbli, kif ukoll bit-terminu li fih dan iċ-ċittadin jista’ jaġixxi, juri l-importanza li għandha tingħata lill-protezzjoni tal-imsemmi status ġuridiku. Dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha jimmilitaw ukoll favur interpretazzjoni stretta ta’ din id-dispożizzjoni.

2) L-eventwali limitazzjonijiet għall-ugwaljanza fit-trattament ma jaffettwawx l-istatus ta’ resident għal żmien twil

36.

L-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2003/109 joffri indizju favur it-teżi li ż-żamma tal-istatus ta’ resident għal żmien twil ma teżiġix li dan tal-aħħar ikollu r-residenza tiegħu fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat jew tal-Unjoni. Minn naħa, l-Artikolu 11(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi li r-resident għal żmien twil għandu jgawdi l-ugwaljanza fit-trattament maċ-ċittadini nazzjonali fir-rigward ta’ firxa wiesgħa ta’ oqsma. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 11(2) tal-imsemmija direttiva jawtorizza lill-Istat Membru kkonċernat jillimita l-ugwaljanza fit-trattament għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkollhom il-post ta’ residenza rreġistrat jew abitwali tagħhom fit-territorju tiegħu. Issa, għandu jiġi rrilevat il-fatt li dawn tal-aħħar iżommu l-istatus ta’ resident għal żmien twil minkejja din il-limitazzjoni tal-ugwaljanza fit-trattament.

37.

Din id-dispożizzjoni turi b’mod ċar li għandha ssir distinzjoni bejn, minn naħa, il-vantaġġi li minnhom iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jista’ jgawdi minħabba li jkollu l-post ta’ residenza rreġistrat jew abitwali tiegħu fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat u, min-naħa l-oħra, l-istatus ta’ resident għal żmien twil li jkollu dan iċ-ċittadin. Il-fatt li wieħed ma jkollux post ta’ residenza rreġistrat jew abitwali fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat jista’ jkollu konsegwenzi negattivi f’dak li jirrigwarda l-portata tal-benefiċċji mogħtija mid-Direttiva 2003/109 u mid-dritt nazzjonali li jittrasponiha, iżda ma jwassalx bilfors għat-telf tal-imsemmi status ġuridiku.

3) Il-kundizzjonijiet għaż-żamma tal-istatus ta’ resident għal żmien twil huma inqas stretti mill-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ dan l-istatus

38.

Id-Direttiva 2003/109 tirregola, essenzjalment, żewġ aspetti distinti: il-kisba u ż-żamma tal-istatus ta’ resident għal żmien twil. Il-kisba ta’ dan l-istatus teżiġi sforz ta’ integrazzjoni min-naħa taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz. Permezz tal-iffissar ta’ perijodu ta’ ħames snin ta’ residenza kontinwa, il-leġiżlatur tal-Unjoni jippreżupponi li l-integrazzjoni taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz fis-soċjetà tal-Istat Membru ospitanti tkun żgurata wara l-iskadenza ta’ dan il-perijodu. Kif osservat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Singh, iż-“żmien tar-residenza legali u kontinwu għal ħames snin […] jistabbilixxi l-għeruq tal-persuna kkonċernata fil-pajjiż u għaldaqstant li din il-persuna hija residenti għat-tul f’dan tal-aħħar” ( 18 ). Ladarba jintlaħaq dan l-għan ta’ integrazzjoni, iċ-ċittadin tal-Istat terz li jkun stabbilixxa rabta mill-qrib mal-Istat Membru ospitanti, fatt li jiġi kkonfermat mill-perspettiva ġuridika permezz tal-għoti tal-istatus ta’ resident għal żmien twil, ir-rekwiżiti għaż-żamma ta’ dan l-istatus isiru inqas stretti.

39.

Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li hemm diverġenzi kunsiderevoli bejn il-kundizzjonijiet għall-għoti u l-kundizzjonijiet għaż-żamma tal-istatus ta’ resident għal żmien twil. Għall-għoti tal-imsemmi status, l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2003/109 jeżiġi “residenza” mhux interrotta ta’ ħames snin fl-Istat Membru kkonċernat ( 19 ), filwaqt li l-irtirar huwa suġġett għall-kundizzjoni ta’ “assenza” mit-territorju tal-Unjoni ta’ tnax‑il xahar konsekuttivi mingħajr ma huwa speċifikat fejn eżattament għandu jirrisjedi ċ-ċittadin tal-pajjiż terz. Minn dan isegwi li residenza kontinwa fit-territorju tal-Unjoni ma tibqax indispensabbli wara l-iskadenza tal-perijodu ta’ ħames snin iffissat għall-kisba tal-istatus ta’ resident għal żmien twil.

4) Interpretazzjoni li tieħu inkunsiderazzjoni l-qafas kuntestwali usa’

40.

Sa fejn l-għan tad-Direttiva 2003/109 huwa li d-drittijiet ta’ dawn iċ-ċittadini jiġu approssimati ma’ dawk li jgawdu ċ-ċittadini tal-Unjoni, huwa possibbli li l-Artikolu 9(1)(ċ) tad-Direttiva 2003/109 jiġi interpretat billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-qafas kuntestwali usa’, jiġifieri d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/38/KE ( 20 ). Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja turi li d-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva jistgħu effettivament ikunu s-suġġett ta’ analiżi komparattiva ma’ dawk tad-Direttiva 2003/109, b’mod li jkunu jistgħu jinsiltu konklużjonijiet utli għall-finijiet tal-interpretazzjoni, minkejja ċerti differenzi li huma spjegati b’mod partikolari mill-għanijiet leġiżlattivi speċifiċi tagħhom ( 21 ).

41.

F’dan ir-rigward, għandha tinġibed l-attenzjoni għad-dispożizzjoni prevista fl-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2004/38, li tipprovdi li ċ-ċittadini tal-Unjoni li jkunu rrisjedew legalment għal perijodu mhux interrott ta’ ħames snin fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti għandhom jiksbu dritt ta’ residenza permanenti f’dan it-territorju. Din id-dispożizzjoni għandha xebh partikolari ma’ dik tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2003/109 peress li teżiġi miċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenza b’mod legali u mhux interrotta ta’ ħames snin ukoll sabiex jinkiseb l-istatus ta’ resident għal żmien twil.

42.

L-istess japplika għad-dispożizzjonijiet li jirregolaw it-telf tad-dritt ta’ residenza. Skont l-Artikolu 16(4) tad-Direttiva 2004/38, meta jinkiseb, “id-dritt ta’ residenza permanenti għandu jintilef biss permezz ta’ assenza mill-Istat Membru ospitanti għal perjodu ta’ sentejn konsekuttivi” (il-korsiv miżjud minni). F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja qieset fis-sentenza Dias ( 22 ), li tirrigwarda preċiżament l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2004/38, li t-telf tad-dritt ta’ residenza permanenti, għaċ-ċittadin tal-Unjoni, minħabba assenzi ta’ perijodu itwal minn sentejn konsekuttivi mill-Istat Membru ospitanti, huwa ġġustifikat mill-fatt li, wara tali assenza, “ir-rabta mal-Istat Membru ospitanti hija mdgħajfa”.

43.

L-Artikolu 9(1)(ċ) tad-Direttiva 2003/109 huwa bbażat fuq l-istess loġika, fis-sens li hemm lok li jitqies li r-rabta taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz mal-Unjoni, stabbilita permezz tal-isforz ta’ integrazzjoni magħmul fuq medda ta’ ħames snin previsti mill-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva, tiġi “mdgħajfa” meta dan iċ-ċittadin ikun assenti għal iktar minn tnax‑il xahar konsekuttivi.

44.

Għandu jiġi osservat f’dan il-kuntest li l-proposta tal-Kummissjoni qabel l-adozzjoni tad-Direttiva 2003/109 inizjalment kienet ukoll tipprevedi assenza ta’ sentejn konsekuttivi ( 23 ). Għaldaqstant, l-oriġini ta’ din id-dispożizzjoni turi l-intenzjoni inizjali li jiġu allinjati d-dispożizzjonijiet li jirregolaw ir-residenza permanenti taċ-ċittadini tal-Unjoni u dik taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi.

45.

Billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha msemmija iktar ’il fuq, jidhirli li huwa possibbli li tiġi miċħuda l-interpretazzjoni sostnuta mill-Gvern Awstrijak, li teżiġi li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikompli effettivament “jirrisjedi abitwalment” fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat jew fit-territorju tal-Unjoni.

c)   Interpretazzjoni teleoloġika

46.

Sa fejn id-Direttiva 2003/109, kif jirriżulta mill-premessa 4 tagħha, tfittex li tippromwovi l-integrazzjoni taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi installati għal żmien twil fl-Istati Membri fl-interess tal-promozzjoni tal-koeżjoni ekonomika u soċjali ( 24 ), għandu jiġi żgurat li l-istatus ġuridiku ta’ resident għal żmien twil jingħata biss lil dawk li huma intiżi li jibbenefikaw minnu, jiġifieri lill-persuni kollha li jkollhom rabta suffiċjentement mill-qrib u awtentika mal-Unjoni u mal-Istati Membri tagħha, stabbilita permezz ta’ integrazzjoni b’suċċess li tkun seħħet fuq medda ta’ ħames snin ta’ residenza legali u mhux interrotta.

47.

Mill-banda l-oħra, mill-Artikolu 9(1)(ċ) tad-Direttiva 2003/109 jista’ jiġi dedott li huwa neċessarju li l-istatus ta’ resident għal żmien twil jiġi rtirat meta l-persuni kkonċernati ma jibqax ikollhom din ir-rabta mal-Istat Membru ospitanti. Fil-fatt, ma hemm ebda raġuni leġittima li tiġġustifika ż-żamma tal-istatus ġuridiku ta’ resident għal żmien twil fil-każ ta’ “ħall” tal-imsemmija rabta, peress li l-għan previst mid-Direttiva 2003/109 ma jintlaħaqx iktar. Dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-interpretazzjoni tad-dispożizzjoni inkwistjoni.

48.

Il-konsegwenza ta’ interpretazzjoni fid-dawl tal-għan leġiżlattiv imsemmi fil-punti preċedenti ta’ dawn il-konklużjonijiet hija li l-Artikolu 9(1)(ċ) tad-Direttiva 2003/109 ikollu jiġi applikat b’mod ikkwalifikat, skont iċ-ċirkustanzi ta’ kull każ partikolari. Sabiex il-qorti tar-rinviju tingħata elementi utli ta’ interpretazzjoni, inqis li huwa opportun li nispjega, bl-għajnuna ta’ xi eżempji prattiċi, il-mod kif l-interpretazzjoni teleoloġika tinfluwenza l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

2.   Konsegwenzi għall-applikazzjoni tal-Artikolu 9(1)(ċ) tad-Direttiva 2003/109

a)   Telf obbligatorju tal-istatus ta’ resident għal żmien twil wara l-iskadenza ta’ perijodu ta’ tnax‑il xahar konsekuttivi

49.

Qabelxejn, għandu jiġi osservat li assenza għal perijodu ta’ tnax‑il xahar konsekuttivi twassal, bħala regola ġenerali, għat-telf tad-dritt għall-istatus ta’ resident għal żmien twil, kif jipprovdi l-Artikolu 9(1)(ċ) tad-Direttiva 2003/109 ( 25 ). Mhux biss il-formulazzjoni univoka ta’ din id-dispożizzjoni ma tħalli ebda marġni ta’ interpretazzjoni f’dan ir-rigward, iżda mill-perspettiva tal-integrazzjoni taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jista’ jiġi dedott ukoll li r-rabta mal-Istat Membru ospitanti ġeneralment “tinħall” wara l-iskadenza ta’ perijodu daqshekk estiż.

50.

Ma jidhirlix li tali konsegwenza ġuridika hija sproporzjonata, fid-dawl tal-fatt li mill-Artikolu 9(5) tad-Direttiva 2003/109 jirriżulta li l-Istati Membri li jkunu taw l-istatus ta’ resident għal żmien twil għandhom jipprevedu “proċedura faċilitata” għall-kisba mill-ġdid tal-imsemmi status. Għaldaqstant, dejjem teżisti l-possibbiltà għall-persuna kkonċernata li tistabbilixxi mill-ġdid ir-rabta mal-Istat Membru ospitanti fl-interess reċiproku taż-żewġ partijiet.

51.

Nixtieq nispeċifika li tali konsegwenza ġuridika tirriżulta minn sitwazzjoni li fiha l-Istat Membru ospitanti ma jkunx għamel użu mill-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 2003/109. Skont din id-dispożizzjoni, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu, b’deroga mill-paragrafu 1(ċ), li “assenzi li jeċċedu t-12‑il xahar konsekuttivi” jew għal “raġunijiet speċifiċi jew eċċezzjonali” ma għandhomx iwasslu għall-irtirar jew għat-telf tal-istatus ( 26 ). Minn dan isegwi li titħalla libertà kbira lill-Istati Membri f’dak li jirrigwarda l-implimentazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni, ħaġa li għaldaqstant tippermetti li tiġi evitata l-konsegwenza ġuridika li tirriżulta mill-interpretazzjoni sostnuta iktar ’il fuq.

b)   Trattament ġuridiku tal-perijodi ta’ residenza sporadiċi u għal żmien qasir

52.

Sakemm il-persuna kkonċernata tirrisjedi ħafna mill-ħin matul dan il-perijodu ta’ tnax‑il xahar fit-territorju tal-Unjoni, din iċ-ċirkustanza ma għandhiex tkun tista’ tqajjem diffikultajiet f’dak li jirrigwarda l-applikazzjoni tad-Direttiva 2003/109 għaliex huwa evidenti li l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 9(1)(ċ) ta’ din id-direttiva ma jkunux issodisfatti. Mill-banda l-oħra, tqum il-kwistjoni ta’ kif għandha tiġi ttrattata sitwazzjoni li fiha r-residenza tal-persuna kkonċernata fit-territorju tal-Unjoni tkun sporadika u tkun limitata għal perijodi ta’ żmien qasir matul is-sena.

53.

Fil-fehma tiegħi, anki tali preżenza sporadika u għal żmien qasir fit-territorju tal-Unjoni għandha tkun tista’ timpedixxi t-telf tad-dritt għall-istatus ta’ resident għal żmien twil, bil-kundizzjoni li jkun jista’ jiġi stabbilit b’ċertezza li jkunu għadhom jeżistu “għeruq” tal-persuna kkonċernata fil-pajjiż, fis-sens tal-premessa 6 tad-Direttiva 2003/109. Fi kliem ieħor, iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz, li jkun detentur tal-istatus ta’ resident għal żmien twil, għandu jipprova “rabta ta’ integrazzjoni” suffiċjentement mill-qrib mal-Istat Membru ospitanti. Fil-każ li din il-kundizzjoni ma tkunx issodisfatta, jidhirli li r-regola ġenerali, li twassal għat-telf tad-dritt għall-istatus ta’ resident għal żmien twil ( 27 ), għandha tiġi applikata ( 28 ).

54.

Sa fejn l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2003/109, moqri flimkien mal-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva, jipprevedi l-għoti ta’ dritt ta’ residenza permanenti bil-kundizzjoni li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jipproduċi, skont l-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva, il-prova li l-kundizzjonijiet għall-kisba ta’ dan l-istatus huma ssodisfatti, jidhirli li huwa loġiku u ekwu li jitqies li huwa l-kompitu tal-awtoritajiet nazzjonali li, min-naħa tagħhom, jeżaminaw iċ-ċirkustanzi rilevanti tal-każ partikolari u, jekk ikun il-każ, jipprovaw l-assenza ta’ tali rabta qabel ma jieħdu deċiżjoni dwar l-irtirar tal-istatus tal-persuna kkonċernata. Jidhirli li l-impożizzjoni tal-oneru tal-prova fuq l-awtoritajiet nazzjonali fir-rigward tal-eżistenza ta’ fatti fil-każ konkret, li jistgħu jiġġustifikaw l-użu tal-Artikolu 9(1)(ċ) tad-Direttiva 2003/109, hija imperattiva sabiex id-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, li jagħtu status ġuridiku partikolari lir-residenti għal żmien twil, ma jiċċaħħdux mill-effett utli tagħhom.

55.

Jidhirli li tali approċċ huwa adegwat sabiex jiġi ggarantit li l-istatus ta’ resident għal żmien twil ma jintużax għal finijiet differenti minn dawk li ġew previsti mil-leġiżlatur tal-Unjoni. B’mod partikolari, huwa neċessarju li jiġi evitat li jinkiseb vantaġġ indebitu minn dan l-istatus, pereżempju, l-għażla ta’ qorti nazzjonali bil-għan li tiġi żgurata l-applikazzjoni ta’ liġi iktar favorevoli għall-interessi tiegħu (forum shopping), il-kisba ta’ allowances soċjali, il-faċilitazzjoni ta’ attivitajiet illegali, eċċ ( 29 ). Billi l-Istati Membri huma destinatarji tad-Direttiva 2003/109, u huma mitluba jittrasponuha fl-ordinament ġuridiku intern tagħhom, huwa l-kompitu tagħhom li jwettqu r-rwol kruċjali li jiżguraw li l-għanijiet ta’ din id-direttiva jintlaħqu.

56.

B’mod partikolari r-rekwiżit ta’ preżenza fit-territorju tal-Unjoni, li jirriżulta mill-Artikolu 9(1)(ċ) tad-Direttiva 2003/109, jirrifletti l-idea li, sabiex iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti għal żmien twil ikunu jistgħu jippreżervaw dan l-istatus b’mod permanenti, huma għandhom iżommu rabta “awtentika”, u mhux biss “formali”, mal-Istat Membru kkonċernat.

57.

F’dan ir-rigward, għandu madankollu jiġi speċifikat li ma jistgħux jiġu imposti rekwiżiti eċċessivament stretti fir-rigward tal-eżistenza ta’ tali rabta ta’ integrazzjoni suffiċjentement mill-qrib u awtentika, peress li l-“għeruq” taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz fl-Istat Membru kkonċernat diġà kienu s-suġġett ta’ evalwazzjoni fid-dettall mill-awtoritajiet nazzjonali fil-kuntest tal-proċedura li tippermetti li jinkiseb l-istatus ta’ resident għal żmien twil. Barra minn hekk, jidhirli li l-impożizzjoni ta’ rekwiżiti eċċessivament stretti tostakola t-twettiq tal-għan li l-istatus ġuridiku taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jiġi approssimat ma’ dak taċ-ċittadini tal-Istati Membri ( 30 ).

58.

Fil-fatt, kif diġà ġie indikat f’dawn il-konklużjonijiet, interpretazzjoni wiesgħa wisq tal-kundizzjonijiet li jirregolaw l-irtirar jew it-telf tal-istatus ta’ resident għal żmien twil tirriskja li xxejjen l-għan li tiġi żgurata l-integrazzjoni taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi. L-approċċ propost f’dawn il-konklużjonijiet ikopri biss il-każijiet fejn ikun jidher li ż-żamma tal-imsemmi status ġuridiku ma tkunx iġġustifikata iktar għar-raġuni li ma tikkontribwixxix għall-koeżjoni ekonomika u soċjali mfittxija mil-leġiżlatur tal-Unjoni.

59.

Fid-dawl tal-fatt li l-kompitu li tiġi evalwata rabta ta’ integrazzjoni jista’ jirriżulta li jkun partikolarment ikkumplikat fil-prattika, nipproponi li nipprovdi xi linji gwida lill-qorti tar-rinviju fil-forma ta’ kriterji li juru r-rieda taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li jipparteċipa fil-ħajja ekonomika u soċjali tal-Istat Membru ospitanti. L-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jistgħu jinqdew b’din il-lista ta’ kriterji fil-kuntest tal-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħhom. Din il-lista ta’ kriterji li għandha tiġi żviluppata permezz tal-ġurisprudenza għandha tinftiehem li hija purament indikattiva u mhux eżawrjenti. Peress li kull integrazzjoni f’soċjetà hija bbażata fuq fatturi territorjali, temporali u kwalitattivi ( 31 ), inqis li din il-lista għandha tkun magħmula minn kriterji li jirriżultaw mill-imsemmija kategoriji.

60.

Għalkemm l-Artikolu 9(1)(ċ) tad-Direttiva 2003/109 huwa marbut, a priori, ma’ kriterju “territorjali”, jidhirli li huwa neċessarju li l-kunċett ta’ “assenza” jiġi interpretat b’mod li jissodisfa aħjar l-eżiġenzi ta’ soċjetà globalizzata bħalma hija tagħna. Is-sempliċi preżenza “fiżika” fit-territorju tal-Unjoni tista’ tirriżulta li tkun qarrieqa jekk il-persuna kkonċernata ma tkunx verament integrata fis-soċjetà. F’dan il-kuntest, wieħed ma jistax jinsa li l-integrazzjoni ta’ persuna f’soċjetà barranija tikkostitwixxi proċess kumpless ta’ akkulturazzjoni li l-elementi prinċipali tiegħu, skont il-prinċipji bażiċi komuni tal-politika ta’ integrazzjoni tal-immigranti, iddikjarati mill-Kunsill fl‑2004 u kkonfermati mill-Programm ta’ Stokkolma ( 32 ), huma l-interazzjoni, l-intensifikazzjoni tal-iskambji bejn immigranti u ċittadini tal-Istat Membru kkonċernat u l-promozzjoni ta’ djalogu interkulturali.

61.

Bil-maqlub, ir-residenza għal żmien relattivament qasir ta’ persuna li jkollha rabtiet varji u profondi ta’ natura personali u/jew professjonali, stabbiliti matul il-proċess ta’ integrazzjoni deskritt iktar ’il fuq, tista’ tkun suffiċjenti sabiex jiġi evitat telf tal-istatus ta’ resident għal żmien twil. Huma l-awtoritajiet nazzjonali li għandhom jeżaminaw iċ-ċirkustanzi tal-każ partikolari fid-dawl tal-kriterji proposti iktar ’il quddiem.

c)   Lista indikattiva u mhux eżawrjenti ta’ kriterji li juru l-eżistenza ta’ rabta awtentika mal-Unjoni

62.

Qabelxejn, l-awtoritajiet nazzjonali ser ikunu obbligati jistabbilixxu t-tul tal-assenza mit-territorju tal-Unjoni, billi jieħdu inkunsiderazzjoni eventwali perijodi ta’ residenza li jistgħu jinterrompu din l-assenza, inklużi dawk għal żmien qasir. B’mod iktar konkret, elementi bħalma huma r-relazzjoni bejn il-perijodi ta’ assenza u ta’ preżenza, it-tul akkumulat u l-frekwenza ta’ dawn il-perijodi ta’ assenza kif ukoll ir-raġunijiet li jkunu mmotivaw lid-detentur tal-istatus ta’ resident għal żmien twil biex iħalli l-Istat Membru ospitanti jistgħu jipprovdu l-ewwel indizju dwar il-livell ta’ integrazzjoni tiegħu.

63.

Fil-fatt, għandu jiġi vverifikat jekk l-assenzi inkwistjoni jinvolvux iċ-ċaqliq lejn Stat ieħor taċ-ċentru tal-interessi personali, tal-familja jew professjonali tal-persuna interessata ( 33 ). Dan għandu, bħala prinċipju, jiġi eskluż fir-rigward ta’ perijodi ta’ residenza barra mill-pajjiż iġġustifikati minn raġunijiet speċifiċi jew eċċezzjonali ta’ natura temporanja, b’analoġija mas-sitwazzjonijiet imsemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2003/109, li l-Istati Membri jistgħu ma jiħdux inkunsiderazzjoni bħala perijodu ta’ “assenza” fil-kalkolu tal-perijodu ta’ ħames snin ta’ residenza “mhux interrotta” fit-territorju tagħhom, perijodu li jikkostitwixxi waħda mill-kundizzjonijiet legali sabiex jinkiseb l-istatus ta’ resident għal żmien twil. Ir-raġunijiet għal perijodi ta’ residenza barra mill-pajjiż li jkunu ta’ natura temporanja jistgħu jkunu, pereżempju, vjaġġi għal vaganzi jew perijodi ta’ residenza għan-negozju ta’ tul simili, kif ukoll perijodi ta’ residenza għall-kustodja temporanja ta’ qraba, għat-twettiq tas-servizz militari jew perijodi ta’ residenza matul l-iskola jew it-taħriġ professjonali li huma biss limitati fiż-żmien, iżda żgur mhux dawk li jiddelokalizzaw it-taħriġ kollu kemm hu barra mill-pajjiż. Xorta waħda, indizji addizzjonali ser ikunu indispensabbli sabiex tiġi identifikata rabta suffiċjentement mill-qrib u awtentika mal-Istat Membru ospitanti ( 34 ).

64.

Minbarra l-preżenza fiżika tal-persuna nnifisha, li għar-raġunijiet esposti f’dawn il-konklużjonijiet tista’ tkun biss punt ta’ tluq għal evalwazzjoni iktar fid-dettall taċ-ċirkustanzi tal-każ partikolari, inqis li l-eżistenza ta’ patrimonju fil-forma ta’ kontijiet bankarji, ta’ proprjetà privata ta’ proprjetajiet immobbli jew ta’ impriżi stabbiliti fl-Istati Membri tista’ tirriżulta li tkun utli ( 35 ). Fil-fatt, investimenti finanzjarji jistgħu juru ċerti għeruq stabbiliti fl-ekonomija ta’ pajjiż kif ukoll interess personali fil-parteċipazzjoni fl-iżvilupp tagħha.

65.

Barra minn hekk, ma jistax jiġi eskluż li l-fatt li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikun għadda parti mhux negliġibbli minn ħajtu fit-territorju tal-Unjoni u li jkun iffamiljarizza ruħu mat-tradizzjonijiet, mad-drawwiet u mal-lingwa tal-Istat Membru ospitanti, ikun ippermettielu jinseġ rabtiet tal-familja ma’ ċittadini tal-Unjoni, pereżempju wara żwieġ li minnu eventwalment ikunu twieldu wlied. Rabtiet ta’ parentela ta’ dan it-tip ma’ membri tal-popolazzjoni lokali jista’ jkollhom importanza partikolari fil-kuntest tal-evalwazzjoni li għandha titwettaq mill-awtoritajiet nazzjonali.

66.

L-istess japplika għal relazzjonijiet professjonali, pereżempju fil-forma ta’ relazzjonijiet kummerċjali jew ta’ kuntatti akkademiċi li jkunu nħolqu mal-medda taż-żmien. It-twettiq ta’ attività ekonomika huwa ċertament marbut ma’ dan il-kriterju ( 36 ), li jidher li jingħata importanza partikolari mid-Direttiva 2003/109 għar-raġuni li, minn naħa, l-Artikolu 5(1)(a) ta’ din id-direttiva jeżiġi li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikollu riżorsi stabbli, regolari u suffiċjenti sabiex imantni lilu nnifsu u lill-membri tal-familja tiegħu mingħajr ma jirrikorri għas-sistema ta’ għajnuna soċjali tal-Istat Membru kkonċernat u, min-naħa l-oħra, l-Artikolu 11(1)(a) u (ċ) tal-imsemmija direttiva jiggarantixxi l-ugwaljanza fit-trattament f’dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet ta’ aċċess għas-suq tax-xogħol fl-Istat Membru ospitanti kif ukoll ir-rikonoxximent tad-diplomi, ċertifikati u kwalifiki professjonali oħra, skont il-proċeduri nazzjonali rilevanti. Dawn il-miżuri kollha jfittxu manifestament li jippromwovu l-iżvilupp professjonali taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz fl-Unjoni għall-benefiċċju tiegħu u tas-soċjetà kollha kemm hi.

67.

Barra minn hekk, sa fejn id-Direttiva 2003/109 tfittex li tippromwovi l-koeżjoni ekonomika u soċjali, jidhirli li impenn soċjali tal-persuna kkonċernata fl-Istat Membru ospitanti ma għandux jiġi sottovalutat. Il-kwalità ta’ membru attiv f’partiti politiċi, f’organizzazzjonijiet soċjali li għandhom għanijiet karitatevoli jew ċiviċi, kif ukoll attivitajiet volontarji jistgħu jagħtu indizji ta’ rabta awtentika mal-komunità lokali li fi ħdanha tkun għexet il-persuna kkonċernata.

68.

Bl-istess mod, jidhirli li l-eżistenza ta’ obbligi fiskali, eventwalment marbuta mal-eżistenza ta’ patrimonju jew mat-twettiq ta’ attività ekonomika fl-Istat Membru ospitanti, tista’ turi r-rieda taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun akkwista l-istatus ta’ resident għal żmien twil li jassumi responsabbiltajiet lejn is-soċjetà u li jikkontribwixxi għall-iżvilupp tagħha ( 37 ).

69.

Fl-aħħar nett, jidhirli li għandu wkoll ikun possibbli li jittieħdu inkunsiderazzjoni attivitajiet illegali imputabbli lid-detentur tal-istatus ta’ residenza għal żmien twil u li, bħala kriterju “negattiv”, jistgħu għaldaqstant juru nuqqas ta’ għeruq stabbiliti u, tal-inqas, attitudni opposta għall-integrazzjoni fis-soċjetà tal-Istat Membru ospitanti ( 38 ). Madankollu, għall-finijiet ta’ konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, huwa neċessarju li kemm il-gravità kif ukoll in-natura tal-ksur jittieħdu debitament inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-każ partikolari. Minn dan isegwi li, minkejja li preċedenti kriminali jistgħu jinfluwenzaw deċiżjoni dwar l-irtirar jew it-telf tal-istatus ta’ resident għal żmien twil, huwa neċessarju li jitwettaq eżami globali tas-sitwazzjoni tad-detentur tal-istatus ta’ residenza għal żmien twil.

70.

Nixtieq madankollu nenfasizza li l-possibbiltà li jintuża dan il-kriterju “negattiv” b’ebda mod ma għandha tiġi interpretata fis-sens li l-awtoritajiet nazzjonali ma jibqgħux obbligati josservaw id-dispożizzjonijiet previsti fl-Artikoli 6 u 12 tad-Direttiva 2003/109. Għall-kuntrarju, dawn id-dispożizzjonijiet iżommu l-valur kollu tagħhom fil-kamp ta’ applikazzjoni rispettiv tagħhom, jiġifieri fl-eżerċizzju tal-kompetenza li jiġi rrifjutat l-għoti tal-istatus ta’ resident għal żmien twil u li tittieħed deċiżjoni ta’ tneħħija għal motivi ta’ ordni pubbliku jew ta’ sigurtà pubblika. L-użu ta’ dawn il-kompetenzi huwa suġġett għal ċerti kundizzjonijiet li l-Qorti tal-Ġustizzja fakkret reċentement fis-sentenza Subdelegación del Gobierno en Barcelona (Residenti għal żmien twil) ( 39 ).

71.

Sa fejn l-approċċ propost f’dawn il-konklużjonijiet huwa kkaratterizzat minn flessibbiltà li tieħu inkunsiderazzjoni l-każ partikolari, li tippermetti lill-awtoritajiet nazzjonali eventwalment jikkonkludu, wara evalwazzjoni globali taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha tas-sitwazzjoni konkreta taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat, li saħansitra residenza għal żmien qasir timpedixxi t-telf tal-istatus ta’ resident għal żmien twil, għandu jiġi kkonstatat li dan l-approċċ jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik tal-każ inkwistjoni li tipprevedi t-telf ta’ dan l-istatus meta d-detentur tiegħu ma jkollux il-post ta’ residenza rreġistrat jew abitwali tiegħu fl-Unjoni.

72.

Il-konsegwenza ta’ din il-konstatazzjoni hija li l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għat-twettiq ta’ din l-evalwazzjoni globali ma jistgħux leġittimament jikkonkludu li ma teżistix rabta awtentika mal-Unjoni sempliċement minħabba li l-persuna kkonċernata ma tissodisfax din il-kundizzjoni. Dawn tal-aħħar għandhom pjuttost jieħdu inkunsiderazzjoni firxa wiesgħa ta’ kriterji rilevanti, bħal dawk elenkati bħala eżempju fil-punti preċedenti ta’ dawn il-konklużjonijiet. Fil-fatt, ma jidhirlix li l-post ta’ residenza rreġistrat jew abitwali, waħdu, huwa adatt sabiex iservi ta’ indikatur tal-livell ta’ integrazzjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz fis-soċjetà tal-Istat Membru ospitanti. Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-Direttiva 2004/38 turi kjarament li l-integrazzjoni ta’ persuna tista’ tiġi evalwata biss abbażi ta’ varji kriterji, fosthom il-fatturi soċjali u kulturali li għandhom importanza partikolari ( 40 ). Għar-raġunijiet li ssemmew f’dawn il-konklużjonijiet, jiġifieri l-għan li l-leġiżlatur ifittex li jilħaq u li jikkonsisti fl-approssimazzjoni tad-drittijiet ta’ dawn iċ-ċittadini ma’ dawk li jgawdu ċ-ċittadini tal-Unjoni ( 41 ), jidhirli li dawn il-kunsiderazzjonijiet għandhom jinfluwenzaw l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2003/109.

73.

Fil-qosor, jista’ jiġi konkluż li l-approċċ propost huwa bbażat fuq interpretazzjoni tal-Artikolu 9(1)(ċ) tad-Direttiva 2003/109 li tieħu debitament inkunsiderazzjoni l-kliem ta’ din id-dispożizzjoni kif ukoll l-għanijiet li tfittex li tilħaq il-leġiżlazzjoni li minnha tifforma parti u l-kuntest leġiżlattiv tagħha, skont il-metodoloġija rrikonoxxuta fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Ninsab persważ li huwa biss approċċ flessibbli, bħal dak li ppreżentajt, li huwa bbażat fuq is-setgħa diskrezzjonali tal-awtoritajiet nazzjonali, filwaqt li jipprovdi kriterji utli li jippermettulhom jevalwaw rabta awtentika mal-Unjoni, li huwa adatt biex jiggarantixxi trattament adegwat tad-diversità taċ-ċirkustanzi li dawn tal-aħħar jaffaċċjaw ta’ kuljum.

VI. Konklużjoni

74.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal‑Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari magħmula mill‑Verwaltungsgericht Wien (il-Qorti Amministrattiva ta’ Vjenna, l-Awstrija):

L-Artikolu 9(1)(ċ) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE tal‑25 ta’ Novembru 2003 dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul, kif emendata bid-Direttiva 2011/51/UE tal-Parlament Ewropew u tal‑Kunsill tal‑11 ta’ Mejju 2011, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi t-telf tal-istatus ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz resident għal żmien twil meta d-detentur tal-imsemmi status ma jkollux il-post ta’ residenza rreġistrat jew abitwali tiegħu fl-Unjoni.

Din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata wkoll fis-sens li, fil-każijiet fejn ċittadin ta’ pajjiż terz resident għal żmien twil ikollu l-post ta’ residenza abitwali tiegħu barra mill-Unjoni, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jgawdu ċerta setgħa diskrezzjonali sabiex jevalwaw jekk residenza għal żmien qasir fit‑territorju tal-Unjoni matul perijodu ta’ tnax‑il xahar konsekuttivi tipprekludix it-telf tal-istatus ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz resident għal żmien twil skont l-imsemmija dispożizzjoni. L-Istati Membri jistgħu b’mod partikolari jqisu, skont id-Direttiva 2003/109, kif emendata bid-Direttiva 2011/51, li perijodi ta’ residenza qosra jeskludu t-telf ta’ dan l-istatus biss jekk iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikun żamm barra minn hekk, matul l-assenza tiegħu, rabta awtentika mal-Unjoni.

Sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ tali rabta awtentika mal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-aspetti rilevanti kollha tas-sitwazzjoni konkreta taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz, b’mod partikolari t-tul akkumulat u l-frekwenza tal-assenzi tiegħu, ir-raġunijiet li jkunu mmotivawh biex iħalli l-Istat Membru ospitanti, l-eżistenza ta’ patrimonju, kif ukoll rabtiet tal-familja, relazzjonijiet professjonali, impenji soċjali u obbligi fiskali fl-imsemmi Stat Membru.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 272.

( 3 ) ĠU 2011, L 132, p. 1.

( 4 ) BGBl. I, 100/2005.

( 5 ) Iglésias Sánchez, S., “Free movement of third country national in the European Union? Main features, deficiencies and challenges of the new mobility rights in the area of freedom security and justice”, European Law Journal, Vol. 15, Nru 6, p. 798 u 799, tispjega li r-rikonoxximent tad-dritt ta’ moviment ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi ġie ispirat minn żewġ motivi li huma marbuta mill-qrib, jiġifieri l-promozzjoni tal-integrazzjoni soċjali u l-għan li jiġu attirati ħaddiema kkwalifikati, f’kompetizzjoni mal-Istati Uniti tal-Amerika u mal-Kanada.

( 6 ) Halleskov, L., “The Long-Term Residents Directive: a fulfillment of the Tampere objective of near-equality”, European Journal of Migration and Law, Vol. 7, Nru 2, 2005, p. 200.

( 7 ) Balleix, C., La politique migratoire de l’Union européenne, Pariġi 2013, p. 218.

( 8 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Ottubru 2012, Singh (C‑502/10, EU:C:2012:636, punt 42).

( 9 ) Ara, bħala eżempju, il-verżjoni fil-lingwa Bulgara (“отсъствие”), il-verżjoni fil-lingwa Spanjola (“ausencia”), il-verżjoni fil-lingwa Daniża (“fraværende”), il-verżjoni fil-lingwa Estonjana (“äraolek”), il-verżjoni fil-lingwa Griega (“απουσία”), il-verżjoni fil-lingwa Ingliża (“absence”), il-verżjoni fil-lingwa Franċiża (“absence”), il-verżjoni fil-lingwa Taljana (“assenza”), il-verżjoni fil-lingwa Pollakka (“nieobecność”) u l-verżjoni fil-lingwa Svediża (“bortovaro”).

( 10 ) Ara, bħala eżempju, il-verżjoni fil-lingwa Ġermaniża (“aufgehalten”) u l-verżjoni fil-lingwa Olandiża (“verblijven”). Madankollu, iż-żewġ verżjonijiet lingwistiċi tal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu 9, li joffri l-possibbiltà ta’ deroga mill-ewwel paragrafu tiegħu, ukoll jużaw espressjonijiet ekwivalenti għal dik tal-assenza, jiġifieri “Abwesenheit” u “afwezigheid” rispettivament.

( 11 ) F’dan ir-rigward, ara Lenaerts, K., Gutiérrez-Fons, A., Les méthodes d’interprétation de la Cour de justice de l’Union européenne, Brussell 2020.

( 12 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑25 ta’ Lulju 2008, Metock et (C‑127/08, EU:C:2008:449, punt 84), kif ukoll tat‑18 ta’ Diċembru 2014, McCarthy et (C‑202/13, EU:C:2014:2450, punt 32).

( 13 ) Ara s-sentenza tas-26 ta’ April 2012, Il‑Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (C‑508/10, EU:C:2012:243, punt 68) u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-kawża Singh (C‑502/10, EU:C:2012:294, punti 2935), li fihom l-Avukat Ġenerali jqis li d-dispożizzjonijiet inkwistjoni għandhom jiġu interpretati fis-sens li jeżisti obbligu tal-Istati Membri li jagħtu l-imsemmi status jekk il-kundizzjonijiet rilevanti jiġu ssodisfatti.

( 14 ) F’dan ir-rigward, ara s-sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2012, Iida (C‑40/11, EU:C:2012:691, punti 45 sa 48). Kif jindika Peers, S., EU Justice and Home Affairs Law, Volume I: EU Immigration and Asylum Law, ir-raba’ edizzjoni, Oxford 2016, p. 425, l-għoti tal-istatus ta’ resident għal żmien twil ma huwiex awtomatiku iżda jeħtieġ li titressaq talba f’dan is-sens mill-persuna interessata quddiem l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti.

( 15 ) Ara l-punt 27 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 16 ) Thym, D., “Long Term Residents Directive 2003/109/EC”, EU Immigration and Asylum Law, 04/2016, p. 473, punt 1, josserva li d-Direttiva 2003/109 tarmonizza b’mod eżawrjenti l-kundizzjonijiet għall-kisba u għall-irtirar (jew għat-telf) tal-istatus ta’ resident għal żmien twil. Konsegwentement, ladarba ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikun kiseb l-imsemmi status, huwa jkollu d-dritt li jżommu anki jekk sussegwentement ma jibqax jissodisfa l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikoli 5 u 6 tad-Direttiva 2003/109. Bl-istess mod, l-irtirar (jew it-telf) tal-imsemmi status jista’ jseħħ biss jekk il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 9 ta’ din id-direttiva jkunu ssodisfatti.

( 17 ) Ara, f’dan is-sens, Boelaert-Suominen, S., “Non-EU nationals and Council Directive 2003/109/EC on the status of third-country nationals who are long-term residents: Five paces forward and possibly three paces back”, Common Market Law Review, Vol. 42, Nru 4, 2005, p. 1025.

( 18 ) Sentenza tat‑18 ta’ Ottubru 2012, Singh (C‑502/10, EU:C:2012:636, punt 46).

( 19 ) F’dan ir-rigward, ara s-sentenza tas‑17 ta’ Lulju 2014, Tahir (C‑469/13, EU:C:2014:2094, punt 30), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja osservat li l-kundizzjoni ta’ residenza hija indispensabbli għall-għoti tal-istatus ta’ residenza għal żmien twil.

( 20 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE, ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46.

( 21 ) Sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2019, X (Residenti għal żmien twil – Riżorsi stabbli, regolari u suffiċjenti) (C‑302/18, EU:C:2019:830, punti 32 et seq.).

( 22 ) Sentenza tal‑21 ta’ Lulju 2011, Dias (C‑325/09, EU:C:2011:498, punt 59). Il-korsiv miżjud minni.

( 23 ) Ara l-Artikolu 10(1)(a) tal-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul (COM(2001) 127 final (GU 2001, C 240 E, p. 79).

( 24 ) Ara l-punt 24 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 25 ) Thym, D., “Long Term Residents Directive 2003/109/EC”, EU Immigration and Asylum Law, 04/2016, p. 474, punt 6, jinterpreta din id-dispożizzjoni fis-sens li din twassal għat-telf “awtomatiku” tal-istatus ta’ resident għal żmien twil.

( 26 ) F’dan ir-rigward, ara r-Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva [2003/109] (COM(2019) 161 final, p. 6), li minnu jirriżulta li l-Awstrija użat il-possibbiltà prevista fl-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 2003/109 billi pprovdiet li, bħala regola ġenerali, l-assenza għal 12‑il xahar konsekuttivi mit-territorju tal-Unjoni twassal għat-telf tal-istatus, filwaqt li pprevediet il-possibbiltà li jiġi awtorizzat perijodu ta’ assenza itwal fil-każ ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali.

( 27 ) Ara l-punt 49 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 28 ) F’dan ir-rigward, ara Thym, D., “Long Term Residents Directive 2003/109/EC”, EU Immigration and Asylum Law, 04/2016, p. 475, punt 7, li jqis li, fid-dawl tal-għan previst mid-Direttiva 2003/1009 li tiġi promossa l-integrazzjoni taċ-ċittadini ta’ Stati terzi u li jiġu żgurati l-“għeruq” tagħhom fl-Istat Membru ospitanti, żjarat għal żmien qasir ma għandhomx, bħala prinċipju, ikunu jistgħu jinterrompu l-perijodu ta’ tnax‑il xahar. Barra minn hekk, l-awtur jesprimi ruħu favur approċċ inqas “formalistiku” jekk evalwazzjoni individwali tas-sitwazzjoni li fiha tkun tinsab il-persuna kkonċernata tiġġustifika deċiżjoni favur iż-żamma tal-istatus ta’ resident għal żmien twil.

( 29 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2019, Y. Z. et (Frodi fir-riunifikazzjoni tal-familja) (C‑557/17, EU:C:2019:203, punt 64) dwar l-irtirar tal-istatus ta’ resident għal żmien twil ibbażat fuq frodi.

( 30 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑26 ta’ April 2012, Il‑Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (C‑508/10, EU:C:2012:243, punt 65), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja indikat li s-setgħa diskrezzjonali mogħtija lill-Istati Membri mid-Direttiva 2003/109 fir-rigward tad-drittijiet mitluba miċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi u mill-membri tal-familja tagħhom għall-ħruġ tal-permessi ta’ residenza ma hijiex illimitata. Filwaqt li għamlet riferiment għall-ġurisprudenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li l-Istati Membri ma jistgħux japplikaw leġiżlazzjoni nazzjonali li tista’ tipperikola t-twettiq tal-għanijiet li għandhom jintlaħqu minn direttiva u, b’hekk, iċċaħħadha mill-effett utli tagħha.

( 31 ) F’dan ir-rigward, ara s-sentenza tal‑21 ta’ Lulju 2011, Dias (C‑325/09, EU:C:2011:498, punt 64), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat, fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2004/38, li “l-integrazzjoni, li hija ċentrali għall-ksib tad-dritt ta’ residenza permanenti, ma hijiex ibbażata biss fuq fatturi territorjali u temporali, imma wkoll fuq fatturi kwalitattivi, li jirrigwardaw il-livell ta’ integrazzjoni fl-Istat Membru ospitanti”.

( 32 ) Il-Programm ta’ Stokkolma – Ewropa Miftuħa u Sigura għas-Servizz u l-Protezzjoni taċ-Ċittadini (ĠU 2010, C 115, p. 1). Ara l-Istqarrija għall-Istampa tal-Kunsill 14615/04 tad‑19 ta’ Novembru 2004 u n-Nota tal-Kunsill 17024/09 tat‑2 ta’ Diċembru 2009 kif ukoll il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-1 ta’ Settembru 2005 intitolata “Aġenda Komuni għall-Integrazzjoni. Qafas għall-Integrazzjoni ta’ Ċittadini ta’ Pajjiżi Terzi fl-Unjoni Ewropea” (KUMM(2005) 389 finali).

( 33 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑23 ta’ Novembru 2010, Tsakouridis (C‑145/09, EU:C:2010:708, punt 33), li tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 28(3) tad-Direttiva 2004/38. Din id-dispożizzjoni tagħti liċ-ċittadini tal-Unjoni protezzjoni msaħħa kontra kull deċiżjoni ta’ tneħħija tal-Istat Membru ospitanti jekk dawn tal-aħħar ikunu rrisjedew fl-Istat Membru ospitanti matul l-għaxar snin li jippreċedu d-deċiżjoni ta’ tneħħija. Peress li din id-dispożizzjoni ma tgħid xejn fir-rigward tal-kwistjoni dwar sa fejn assenzi mit-territorju tal-Istat Membru ospitanti jimpedixxu lill-persuna kkonċernata milli tgawdi din il-protezzjoni msaħħa, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tipprovdi kriterji utli lill-awtoritajiet nazzjonali.

( 34 ) F’dan il-kuntest, ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-kawża P u S (C‑579/13, EU:C:2015:39, punt 92), li fihom dan tal-aħħar jirreferi għas-sensiela ta’ rabtiet li tinseġ persuna li tgħix għal perijodu twil f’ambjent speċifiku u li jippermettulha tintegra ruħha. Huwa jsemmi ż-“żwieġ u l-familja, il-ħajja mal-ġirien, ix‑xogħol, il-prattika ta’ passatemp u l-eżerċizzju ta’ attività fi ħdan organizzazzjonijiet mhux governattivi”.

( 35 ) Ara, b’analoġija, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tanchev fil-kawża Hummel Holding (C‑617/15, EU:C:2017:13, punt 85), li fihom huwa jsemmi l-“istabbiliment tal-konvenut” bħala kriterju sabiex tiġi stabbilita ġurisdizzjoni fid-dritt proċedurali ċivili.

( 36 ) Ara, f’dan il-kuntest, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Hogan fil-kawża Land Oberösterreich (Għajnuna għall-akkomodazzjoni) (C‑94/20, EU:C:2021:155, punt 75), li fihom huwa jenfasizza l-importanza tat-tagħlim tal-lingwa bħala mezz li jiżgura l-aċċess taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi għas-suq tax-xogħol u għat-taħriġ professjonali.

( 37 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2015, Kieback (C‑9/14, EU:C:2015:406, punt 22), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja tirreferi għall-“post fejn il-persuna taxxabbli jkollha ċ-ċentru tal-interessi personali u patrimonjali tagħha” bħala kriterju sabiex tiġi evalwata l-kapaċità kontributorja tagħha, li ġeneralment jikkorrispondi għar-“residenza abitwali” tagħha.

( 38 ) F’dan ir-rigward, ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Trstenjak fil-kawża Dias (C‑325/09, EU:C:2011:86, punt 106), li fihom hija ssostni, fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 16 tad-Direttiva 2004/38, li aġir illegali ta’ ċittadin tal-Unjoni jista’ assolutament inaqqas il-livell ta’ integrazzjoni tiegħu, fuq livell kwalitattiv, fl-Istat Membru ospitanti.

( 39 ) Sentenza tat‑3 ta’ Settembru 2020 (C‑503/19 u C‑592/19, EU:C:2020:629, punt 43).

( 40 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Novembru 2010, Tsakouridis (C‑145/09, EU:C:2010:708, punt 26).

( 41 ) Ara l-punt 40 ta’ dawn il-konklużjonijiet.