KONKLUŻJONIJIET TAL‑AVUKAT ĠENERALI

RICHARD DE LA TOUR

ippreżentati fit‑3 ta’ Marzu 2022 ( 1 )

Kawża C‑420/20

HN

Proċedura kriminali

fil‑preżenza ta’

Sofiyska rayonna prokuratura

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sofiyski Rayonen sad (il-Qorti Distrettwali ta’ Sofija, il-Bulgarija))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Direttiva (UE) 2016/343 – Artikolu 8(1) – Dritt li wieħed ikun preżenti fil-proċess tiegħu – Artikolu 8(2) – Rinunzja għad-dritt li wieħed ikun preżenti fil-proċess tiegħu – Eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn flimkien ma’ projbizzjoni ta’ dħul u ta’ residenza mogħtija fil-konfront ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz, akkużat fil-kuntest ta’ proċedura kriminali – Kompatibbiltà”

I. Introduzzjoni

1.

Din il-kawża hija kkaratterizzata minn paradoss li jwassal għal kontradizzjoni li diffiċilment tingħeleb. Il-persuna kkonċernata, ċittadin Albaniż, huwa akkużat mill-awtoritajiet kriminali Bulgari minħabba t-twettiq ta’ reat serju li għalih id-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali jeħtieġu li jkun preżenti fil-proċess tiegħu. Fl-istess waqt, id-dispożizzjonijiet tal-Liġi Bulgara dwar il-Barranin jeħtieġu li jitneħħa lejn il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu u jiġi pprojbit milli jirresjedi u jidħol fit-territorju Bulgaru għal perijodu ta’ 5 snin. Minn dan jirriżulta li din il-persuna kkonċernata tkun prekluża milli tidher fil-proċess tagħha, minkejja li għandha l-obbligu tagħmel dan skont id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali u li għandha d-dritt li tagħmel dan skont id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni.

2.

Permezz tad-domandi preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi għalhekk, essenzjalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża sa fejn id-dritt tal-persuna akkużata li tkun preżenti fil-proċess tagħha, iggarantit fl-Artikolu 8 tad-Direttiva (UE) 2016/343 ( 2 ), jippermetti lil Stat Membru li jipproċedi bl-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn flimkien ma’ projbizzjoni ta’ dħul u ta’ residenza fil-konfront taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz akkużat minħabba t-twettiq ta’ reat serju u li għadha ma ngħatatx deċiżjoni dwaru.

3.

Fil-kuntest ta’ dawn il-konklużjonijiet, ser nesponi, qabel kollox, ir-raġunijiet għalfejn dawn id-domandi għandhom jiġu eżaminati billi jittieħdu inkunsiderazzjoni, minn naħa, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2016/343 dwar id-dritt li wieħed ikun preżenti għall-proċess tiegħu, u min-naħa l-oħra, ir-regoli stabbiliti fid-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment ( 3 ).

4.

Ser nispjega, imbagħad, ir-raġunijiet għalfejn, f’sitwazzjoni li fiha ġiet adottata deċiżjoni ta’ ritorn flimkien ma’ projbizzjoni ta’ dħul u ta’ residenza fil-konfront ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz akkużat fil-kuntest ta’ proċedura kriminali, l-osservanza tal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2016/343 teħtieġ li jiġi vverifikat, każ b’każ, jekk l-eżekuzzjoni immedjata ta’ din id-deċiżjoni tippermettix lil dan iċ-ċittadin li jkun preżenti għall-proċess tiegħu u, jekk ikun il-każ, jekk għandhiex tiġi posposta t-tneħħija jew tiġi rtirata jew sospiża l-projbizzjoni ta’ dħul u ta’ residenza, skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 2008/115.

5.

Ser nindika wkoll li d-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2016/343 ma jipprekludux li Stat Membru jiddeċiedi dwar l-imsemmi ċittadin fl-assenza tiegħu, bil-kundizzjoni li dan ikun ġie informat, fi żmien xieraq, mhux biss dwar il-proċess u l-konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ dehra, iżda wkoll dwar il-miżuri partikolari mqiegħda għad-dispożizzjoni tiegħu sabiex jidher fil-proċess tiegħu, jew li din il-persuna, peress li tkun ġiet informata dwar il-proċess, tkun irrappreżentata, b’mod adegwat, minn avukat inkarigat minnha stess jew maħtur ex officio.

6.

Min-naħa l-oħra, ser nesponi r-raġunijiet għalfejn dan l-artikolu jipprekludi li proċess jinżamm fil-kontumaċja meta l-persuna akkużata, minkejja li tkun ġiet informata bil-konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ dehra, tkun esprimiet ir-rieda tagħha li tirrinunzja għad-dritt tagħha li tkun preżenti għall-proċess matul il-proċedura istruttorja biss, f’mument meta d-data tal-proċess kienet għadha ma ġietx iffissata.

7.

Fl-aħħar nett, ser nippreċiża għalfejn l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2016/343, li permezz tiegħu l-Istati Membri jiżguraw li l-persuni akkużati jkollhom id-dritt li jkunu preżenti fil-proċess tagħhom, fil-fehma tiegħi, jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-persuna akkużata għandha l-obbligu li tidher fil-proċess tagħha.

II. Il‑kuntest ġuridiku

A.   Id‑dritt tal‑Unjoni

1. Id‑Direttiva 2016/343

8.

Id-Direttiva 2016/343 tistabbilixxi, skont l-Artikolu 1 tagħha, intitolat “Suġġett”, regoli minimi li jirrigwardaw, minn naħa, ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza u, min-naħa l-oħra, id-dritt li wieħed ikun preżenti għall-proċess tiegħu.

9.

L-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva, intitolat “Id-dritt li persuna tkun preżenti waqt il-proċess” jipprovdi dan li ġej, fil-paragrafi 1 sa 4 tiegħu:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni suspettati jew akkużati jkollhom id-dritt li jkunu preżenti fil-proċess tagħhom.

2.   L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li proċess li jista’ jirriżulta f’deċiżjoni dwar il-ħtija jew l-innoċenza ta’ persuna suspettata jew akkużata jista’ jsir fl-assenza tiegħu jew tagħha, sakemm:

a)

il-persuna suspettata jew akkużata tkun ġiet infurmata fi żmien debitu dwar il-proċess u dwar il-konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ dehra; jew

b)

il-persuna suspettata jew akkużata, li tkun ġiet infurmata bil-proċess, hija rrappreżentata minn avukat, li ġie magħżul mill-persuna suspettata jew akkużata jew maħtur mill-Istat.

3.   Deċiżjoni li tingħata skont il-paragrafu 2 tista’ tiġi esegwita kontra l-persuna kkonċernata.

4.   Fejn l-Istati Membri jipprevedu l-possibbiltà ta’ proċessi fl-assenza ta’ persuni suspettati jew akkużati iżda ma tkunx possibbli l-konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu minħabba li persuna suspettata jew akkużata ma tistax tinstab minkejja li jkunu saru sforzi raġonevoli, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu li xorta waħda tista’ tingħata deċiżjoni u tiġi esegwita. F’dak il-każ, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta persuni suspettati jew akkużati jiġu infurmati bid-deċiżjoni, b’mod partikolari meta dawn jinqabdu, huma jiġu wkoll infurmati dwar il-possibbiltà li jikkontestaw id-deċiżjoni u dwar id-dritt għal proċess mill-ġdid jew dwar rimedji legali oħra, f’konformità mal-Artikolu 9.”

10.

L-Artikolu 9 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Id-dritt għal proċess mill-ġdid”, jistabbilixxi:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fejn persuni suspettati jew akkużati ma kinux preżenti fil-proċess tagħhom u l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 8(2) ma ġewx sodisfatti, huma jkollhom id-dritt għal proċess mill-ġdid, jew għal rimedju legali ieħor, li jippermetti eżami mill-ġdid tal-merti tal-kawża, inkluż l-eżami ta’ evidenza ġdida, u li jista’ jwassal għall-annullament tad-deċiżjoni oriġinali. F’dan ir-rigward, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawk il-persuni suspettati u akkużati jkollhom id-dritt li jkunu preżenti, jipparteċipaw b’mod effikaċi, f’konformità mal-proċeduri taħt id-dritt nazzjonali, u li jeżerċitaw id-drittijiet tad-difiża”.

2. Id‑Direttiva 2008/115

11.

Skont l-Artikolu 1 tagħha, intitolat “Suġġett”, id-Direttiva 2008/115 “tistabbilixxi standards u proċeduri komuni li għandhom jiġu applikati fl-Istati Membri biex jiġu rritornati ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment, skond id-drittijiet fundamentali bħala prinċipji ġenerali tal-liġi [tal-Unjoni] kif ukoll tal-liġi internazzjonali […]”

12.

L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, jistabbilixxi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

4)

‘deċiżjoni ta’ ritorn’ tfisser deċiżjoni jew att amministrattiv jew ġudizzjarju, li jgħid jew jiddikjara li s-soġġorn ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz hija illegali u li jimponi jew jiddikjara l-obbligu ta’ ritorn;

5)

‘tneħħija’ tfisser l-infurzar ta’ l-obbligu ta’ ritorn, jiġifieri t-trasport fiżiku barra mill-Istat Membru;

6)

‘projbizzjoni fuq id-dħul’ tfisser deċiżjoni jew att amministrattiv jew ġudizzjarju li jipprojbixxi dħul lejn u soġġorn fit-territorju ta’ l-Istati Membri għal perijodu speċifikat, li jakkumpanja deċiżjoni ta’ ritorn;

[…]”

13.

L-Artikolu 9 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Posponiment ta’ tneħħija”, jipprovdi dan li ġej fil-paragrafu 2 tiegħu:

“L-Istati Membri jistgħu jipposponu t-tneħħija għal perijodu xieraq, b’kont meħud taċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-każ individwali. L-Istati Membri għandhom b’mod partikolari jieħdu kont ta’:

a)

l-istat fiżiku jew il-kapaċità mentali taċ-ċittadin tal-pajjiż terz;

b)

raġunijiet tekniċi, bħan-nuqqas ta’ kapaċità ta’ trasport jew jekk it-tneħħija ma sseħħx minħabba nuqqas ta’ identifikazzjoni”.

14.

L-Artikolu 11 tal-istess direttiva, intitolat “Projbizzjoni fuq id-dħul”, jipprovdi dan li ġej fir-raba’ subparagrafu tal-paragrafu 3 tiegħu:

“L-Istati Membri jistgħu jirtiraw jew jissospendu projbizzjoni ta’ dħul f’każijiet individwali jew f’ċerti kategoriji ta’ każijiet għal raġunijiet [differenti minn dawk stabbiliti fil-paragrafi preċedenti]”.

B.   Id‑dritt Bulgaru

1. Il‑Kodiċi tal-Proċedura Kriminali

15.

L-Artikolu 247b tan-Nakazatelno-protsesualen kodeks (il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali) ( 4 ) jipprovdi:

“(1)   […] Kopja tal-att tal-akkuża għandha tintbagħat lill-persuna akkużata fuq ordni tal-imħallef relatur. In-notifika tal-att tal-akkuża tinforma lill-persuna akkużata bid-data ffissata għas-smigħ preliminari u bil-kwistjonijiet imsemmija fl-Artikolu 248(1), bid-dritt tagħha li tidher ma’ avukat tal-għażla tagħha u bil-possibbiltà li jkollha avukat maħtur ex officio fil-każijiet previsti fl-Artikolu 94(1) u li l-kawża tista’ tkun eżaminata u deċiża fl-assenza tagħha, skont l-Artikolu 269.

(2)   Il-prokuratur u l-avukat jiġu avżati bis-smigħ preliminari u bil-kwistjonijiet imsemmija fl-Artikolu 248(1), kif ukoll il-vittma jew l-eredi tagħha jew il-persuna ġuridika leża, li jiġu informati bid-dritt tagħhom li jinkarigaw avukat.

[…]”

16.

L-Artikolu 248(1) tan-NPK, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali, jistabbilixxi dan li ġej:

“[…] Il-kwistjonijiet li ġejjin għandhom jiġu eżaminati waqt is-smigħ preliminari:

[…]

2.

teżistix raġuni għat-terminazzjoni jew għas-sospensjoni tal-proċedura kriminali;

3.

il-proċedura prekontenzjuża hijiex ivvizzjata minn difett proċedurali sostanzjali, li jista’ jiġi rrimedjat, li għandu l-effett li jillimita d-drittijiet proċedurali tal-persuna akkużata, tal-vittma jew tal-eredi tagħha;

4.

hemmx lok li l-eżami tal-kawża jkun suġġett għal regoli partikolari;

[…]

8.

l-iffissar tas-seduta u l-persuni li għandhom jiġu mħarrka”.

17.

L-Artikolu 269 tan-NPK jipprovdi:

“(1)   Fil-każ ta’ reat serju, il-preżenza tal-persuna akkużata għas-seduta hija obbligatorja.

(2)   Il-qorti tista’ tordna li l-persuna akkużata tidher ukoll fil-kawżi li fihom il-preżenza tagħha ma hijiex obbligatorja meta dan ikun neċessarju għall-iżvelar tal-verità oġġettiva.

(3)   Meta din ma tipprekludix l-identifikazzjoni tal-verità oġġettiva, il-kawża tista’ tiġi eżaminata fl-assenza tal-persuna akkużata jekk:

1.

din ma tinstabx fl-indirizz indikat minnha jew tkun biddlitu mingħajr ma informat lill-awtorità;

2.

il-post ta’ residenza tagħha fil-pajjiż ma jkunx magħruf u ma jkunx instab wara tfittxija fil-fond;

3.

[…] meta tkun debitament innotifikata, hija ma indikatx raġunijiet validi li jiġġustifikaw in-nuqqas ta’ dehra tagħha u l-proċedura prevista fl-Artikolu 247b(1) tkun ġiet osservata;

4.

[…] tkun barra mit-territorju tar-Repubblika tal-Bulgarija u:

a)

il-post ta’ residenza tagħha ma huwiex magħruf;

b)

ma tistax tiġi mħarrka għal raġunijiet oħra;

c)

kienet debitament innotifikata u ma indikatx raġunijiet validi għan-nuqqas ta’ dehra tagħha”.

2. Il‑Liġi dwar il‑Barranin fir‑Repubblika tal‑Bulgarija

18.

Iz-Zakon za chuzhdentsite v Republika Bulgaria (il-Liġi dwar il-Barranin fir-Repubblika tal-Bulgarija) ( 5 ) tat‑23 ta’ Diċembru 1998, fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti tal-kawża prinċipali, tittrasponi d-Direttiva 2008/115 ( 6 ).

19.

B’applikazzjoni tal-Artikolu 10(1) taz-ZChRB:

“(1)   […] Il-ħruġ ta’ visa jew id-dħul fil-pajjiż għandhom jiġi rrifjutati lil barrani meta:

[…]

7.

[…] dan ikun ipprova jidħol fit-territorju jew jgħaddi minnu billi juża dokumenti, viża jew awtorizzazzjoni ta’ residenza falza jew iffalsifikata;

[…]

22.

[…] meta jkun hemm indikazzjonijiet li d-dħul tiegħu kien intiż sabiex juża l-pajjiż bħala punt ta’ tranżitu għall-immigrazzjoni lejn Stat terz;

[…]”

20.

Skont l-Artikolu 10(2) taz-ZChRB:

“(2)   […] Fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 1, viża tista’ tinħareġ jew id-dħul fit-territorju tar-Repubblika tal-Bulgarija jista’ jkun awtorizzat għal raġunijiet umanitarji jew meta l-interess tal-Istat jew l-osservanza ta’ obbligi internazzjonali jeħtieġu dan”.

21.

Skont l-Artikolu 41(5) taz-ZChRB:

“[…] Għandu jiġi impost ritorn meta:

[…]

5.

[…] [i]kun stabbilit li l-barrani qasam il-fruntiera tal-pajjiż skont modalitajiet legali, iżda jkun prova jitlaq minnu minn postijiet mhux previsti għal dan il-għan jew b’passaport jew dokument ta’ vjaġġar falz jew iffalsifikat.”

22.

L-Artikolu 42h(1) taz-ZChRB jipprovdi dan li ġej:

“[…] Projbizzjoni ta’ dħul u ta’ residenza fit-territorju tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea hija imposta meta:

1.

il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 10(1) jiġu ssodisfatti;

[…]

(3)

[…] Il-projbizzjoni ta’ dħul u ta’ residenza fit-territorju tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea hija imposta għal [tul massimu ta’] ħames snin. Il-projbizzjoni ta’ dħul u ta’ residenza fit-territorju tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea tista’ ddum iktar minn ħames snin meta l-persuna tkun ta’ theddida serja għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà nazzjonali.

(4)

[…] Il-projbizzjoni ta’ dħul tista’ tiġi imposta fl-istess waqt mal-miżura amministrattiva koersiva msemmija fil-punt 2 tal-Artikolu 40(1) jew fl-Artikolu 41, meta l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 10(1) ikunu ssodisfatti”.

23.

L-Artikolu 44(5) taz-ZChRB jipprovdi:

“(5)   […] Meta jkunu jeżistu ostakoli li jipprekludu lill-barrani milli jitlaq immedjatament mit-territorju jew jidħol f’pajjiż ieħor u ma tkun prevista ebda miżura għat-tkeċċija imminenti tiegħu, l-awtorità li tkun adottat id-deċiżjoni ta’ impożizzjoni tal-miżura amministrattiva koersiva jew id-direttur tad-direttorat tal-‘Immigrazzjoni’, wara evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi individwali u tar-riskju ta’ ħarba jew ta’ ostaklu għar-ritorn b’mod ieħor, għandhom jordnaw permezz ta’ ordni skont il-metodi previsti mid-digriet li japplika l-liġi preżenti, l-eżekuzzjoni flimkien jew separata ta’ waħda mill-miżuri konservatorji segwenti:

1.

l-imsemmi barrani huwa obbligat li jippreżenta ruħu kull ġimgħa quddiem it-taqsima lokali tal-ministeru tal-affarijiet interni tal-post ta’ residenza tiegħu;

[…]”

24.

Skont l-Artikolu 44(6) taz-ZChRB:

“(6)   […] Meta miżura amministrattiva koersiva tkun ittieħdet skont il-punti 2 u 3 tal-Artikolu 39a(1), fil-konfront ta’ barrani u dan tal-aħħar jostakola l-eżekuzzjoni tal-ordni li timponi l-imsemmija miżura, jew meta jkun hemm riskju li wieħed jaħrab, l-awtoritajiet imsemmija fil-paragrafu 1 jistgħu jadottaw ordni ta’ detenzjoni provviżorja fil-konfront tal-barrani, sabiex tipprepara l-akkumpanjament tiegħu lejn il-fruntiera tar-Repubblika tal-Bulgarija jew it-tkeċċija tiegħu. Id-detenzjoni forzata għandha tiġi ordnata wkoll meta l-barrani ma josservax il-kundizzjonijiet tal-miżuri konservatorji stabbiliti fil-paragrafu 5.”

III. Il‑fatti tal‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

A.   Il‑fatti tal‑kawża

25.

Is-Sofiyska rayonna prokuratura (il-Prosekutur Distrettwali ta’ Sofija, il-Bulgarija) beda proċeduri kriminali fil-konfront ta’ HN, ċittadin Albaniż, għar-raġuni li dan kien uża, fil‑11 ta’ Marzu 2020, dokumenti ta’ identità barranin foloz, jiġifieri passaport u karta tal-identità, fil-post ta’ kontroll tal-fruntiera tal-ajruport ta’ Sofija, sabiex jitlaq mit-territorju Bulgaru lejn ir-Renju Unit. Skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli, dan ir-reat jikkostitwixxi reat kriminali serju, punibbli bi priġunerija ta’ iktar minn ħames snin.

26.

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, waqt l-arrest ta’ HN, fil‑11 ta’ Marzu 2020, il-Granichno politseysko upravlenie (l-Amministrazzjoni tal-Pulizija tal-Fruntieri Bulgara, il-Bulgarija) fetħet proċedura istruttorja quddiem il-Prosekutur Distrettwali ta’ Sofija. L-għada, id-Direttur tal-Amministrazzjoni tal-Pulizija tal-Fruntieri Bulgara ta’ Sofija adotta fil-konfront ta’ HN, minn naħa, deċiżjoni ta’ ritorn abbażi tal-Artikolu 41(5) u tal-Artikolu 44(1) taz-ZChRB u, min-naħa l-oħra, miżura ta’ “projbizzjoni ta’ dħul u ta’ residenza” għal 5 snin mit‑12 ta’ Marzu 2020 sal‑11 ta’ Marzu 2025, abbażi tal-Artikolu 43h(3) u (4) moqri flimkien mal-punti 7 sa 22 tal-Artikolu 10(1) kif ukoll mal-Artikolu 44(1) taz-ZChRB.

27.

Ebda rikors ma ġie ppreżentat kontra dawn iż-żewġ miżuri amministrattivi koersivi.

28.

Fis‑27 ta’ April 2020, HN, akkumpanjat mill-avukat tiegħu maħtur ex officio, ġie nnotifikat bit-tqegħid taħt investigazzjoni tiegħu għal użu deliberat ta’ dokumenti ta’ identità foloz, skont l-Artikolu 316, moqri flimkien mal-Artikolu 308(1) u (2) tan-Nakazatelen kodeks (il-Kodiċi Kriminali, iktar ’il quddiem in-“NPK”). F’din l-okkażjoni, fil-preżenza ta’ interpretu, huwa ġie mgħarraf bid-drittijiet tiegħu, fosthom dawk stabbilit fl-Artikolu 269 tan-NPK dwar l-iżvolġiment u l-konsegwenzi ta’ proċedura fil-kontumaċja. Waqt is-smigħ li nżamm fl-istess ġurnata huwa ddikjara li fehem id-drittijiet notifikati lilu u li ma jixtieqx li jidher fil-proċedura.

29.

Fis‑27 ta’ Mejju 2020, il-Prosekutur Distrettwali ta’ Sofija ppreżenta l-att tal-akkuża lill-qorti tar-rinviju u, abbażi tiegħu, bdiet il-proċedura kriminali fil-kawża prinċipali.

30.

Fis‑16 ta’ Ġunju 2020, HN telaq miċ-ċentru ta’ detenzjoni għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi u kien akkumpanjat lejn il-fruntiera, fil-post ta’ qsim tal-fruntiera ta’ Gyueshevo, b’eżekuzzjoni tal-miżuri adottati fil-konfront tiegħu.

31.

Permezz ta’ digriet tal‑24 ta’ Ġunju 2020, id-data tal-eżami f’seduta pubblika preliminari ġiet iffissata għat‑23 ta’ Lulju 2020 u l-Imħallef Relatur ordna li jintbagħtu lil HN, permezz tal-persunal tad-direttorat tal-“Immigrazzjoni” tal-Ministeru għall-Intern Bulgaru, kopji tad-digriet u tal-att tal-akkuża fil-lingwa Albaniża, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 247b(3) tan-NPK. Kien indikat ukoll li l-preżenza ta’ HN waqt seduta kienet obbligatorja, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 269(1) tan-NPK u li l-kawża setgħet tiżvolġi fl-assenza tal-persuna akkużata fiċ-ċirkustanzi previsti fl-Artikolu 269(3) tan-NPK.

32.

Fis-16 ta’ Lulju 2020, il-qorti tar-rinviju kienet informata mid-direttorat tal-“Immigrazzjoni” tal-Ministeru tal-Intern Bulgaru, li HN kien telaq miċ-ċentru ta’ detenzjoni u kien ġie akkumpanjat lejn il-fruntiera. Mid-digriet tar-rinviju jirriżulta li HN ma kienx informat bil-ftuħ tal-proċedura kriminali mibdija fil-konfront tiegħu.

33.

Waqt is-seduta pubblika li nżammet fit‑23 ta’ Lulju 2020, il-Prosekutur Distrettwali ta’ Sofija ddikjara li l-kundizzjonijiet meħtieġa għal proċedura fil-kontumaċja kienu ssodisfatti, peress li HN kien jinsab barra mit-territorju Bulgaru u peress li l-post ta’ residenza tiegħu ma kienx magħruf. Fil-fatt, l-awtoritajiet ġudizzjarji Bulgari ma jafux, attwalment, fejn tinsab din il-persuna.

B.   Il‑proċedura prinċipali

34.

Il-qorti tar-rinviju tenfasizza li skont l-Artikolu 10(1) u (2) taz-ZChRB, fil-każ fejn proċedura kriminali tinbeda fil-konfront ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz għar-raġuni li prova jidħol fit-territorju jew jgħaddi minnu billi juża dokumenti uffiċjali foloz jew iffalsifikati, id-dritt tiegħu li jkun preżenti personalment fil-proċedura kriminali mibdija fil-konfront tiegħu huwa kompromess.

35.

Il-qorti tar-rinviju tipprevedi għalhekk, tliet xenarji sabiex jiġi rrimedjat dan il-ksur tad-drittijiet tal-persuna akkużata.

36.

Fil-każ fejn il-persuna akkużata tkun tneħħiet u tkun is-suġġett ta’ miżura ta’ projbizzjoni ta’ dħul u ta’ residenza fl-Istat tal-proċess, il-qorti tar-rinviju tqis li jkun possibbli, b’konformità mal-istrumenti internazzjonali applikabbli, li jiġi ddeterminat il-post ta’ residenza ta’ din il-persuna f’pajjiż barrani, sabiex tiġi informata bil-proċedura u l-proċess jinżamm fl-assenza tagħha, bil-fehma li tkun irrappreżentata minn avukat maħtur ex officio.

37.

Xenarju ieħor jikkonsisti fis-sospensjoni tal-proċedura kriminali sal-iskadenza tal-miżura ta’ projbizzjoni ta’ dħul u ta’ residenza sabiex tiġi żgurata l-osservanza tad-drittijiet proċedurali tal-imsemmija persuna.

38.

It-tielet xenarju jikkonsisti fl-iffissar minn qabel tad-data tas-seduti u s-servizzi tal-pulizija tal-fruntieri fi ħdan il-Ministeru għall-Intern Bulgaru jiġu informati li għandhom iħallu lill-persuna akkużata tidħol fit-territorju nazzjonali, sabiex din tkun tista’ teżerċita b’mod sħiħ id-dritt li hija għandha skont l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2016/343 li tkun preżenti fil-proċess tagħha, minkejja l-projbizzjoni ta’ dħul adottata fil-konfront tagħha. Madankollu, dan iwassal sabiex id-dritt li wieħed ikun preżenti fil-proċess tiegħu jkun suġġett għall-ħruġ minn qabel, mill-awtorità eżekuttiva, ta’ awtorizzazzjoni ta’ dħul fit-territorju nazzjonali. Il-qorti tar-rinviju tenfasizza li din l-awtorizzazzjoni ma tistax tkun is-suġġett ta’ rikors ġudizzjarju, li fil-prattika jwassal għal ostakoli amministrattivi li jaffettwaw id-dritt għal smigħ xieraq.

C.   Id‑domandi preliminari

39.

Huwa f’dan il-kuntest li s-Sofiyski Rayonen sad (il-Qorti Distrettwali ta’ Sofija, il-Bulgarija) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1.

Id-dritt tal-persuni akkużati li jkunu preżenti fil-proċess tagħhom, kif previst fl-Artikolu 8(1) tad-Direttiva […] 2016/343 […], jista’ jiġi limitat minn dispożizzjoni legali nazzjonali li tippermetti li l-persuni barranin li jkunu kisbu l-kwalità proċedurali ta’ persuni akkużati jkunu pprojbiti, permezz ta’ miżura amministrattiva, milli jidħlu u milli jirrisjedu fl-Istat fejn tkun qiegħda titmexxa l-proċedura kriminali?

2.

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda: il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 8(2)(a) u/jew (b) tad-Direttiva 2016/343 għall-iżvolġiment tal-proċess fl-assenza tal-persuna akkużata li tkun ċittadina barranija jkunu ssodisfatti jekk din tal-aħħar tkun ġiet debitament informata dwar il-proċess u dwar il-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ dehra u tkun irrappreżentata minn avukat imqabbad sabiex jiddefendiha, li jkun magħżul minnha stess jew mill-Istat, iżda l-preżenza tagħha tkun prekluża minn miżura amministrattiva li tipprojbixxiha milli tidħol u milli tirrisjedi fl-Istat fejn tkun qiegħda titmexxa l-proċedura kriminali?

3.

Id-dritt tal-persuna akkużata li tkun preżenti fil-proċess, kif previst fl-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2016/343, jista’ jikkostitwixxi obbligu proċedurali [tagħha minn leġiżlazzjoni nazzjonali partikolari] b’tali mod li b’hekk l-Istati Membri jiżguraw livell ogħla ta’ protezzjoni fis-sens tal-premessa 48? Jew tali approċċ imur kontra l-premessa 35 tal-istess direttiva, li tiddikjara li d-dritt tal-persuna akkużata li tkun preżenti fil-proċess ma huwiex assolut u jista’ jkun irrinunzjat?

4.

Rinunzja minn qabel mill-persuna akkużata għad-dritt li tkun preżenti fil-proċess, previst fl-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2016/343, espressa b’mod inekwivoku fil-kuntest tal-investigazzjoni preliminari, hija permessa jekk il-persuna akkużata tkun ġiet informata bil-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ dehra tagħha?”

D.   Il‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja

40.

Dawn id-domandi kienu s-suġġett ta’ osservazzjonijiet bil-miktub min-naħa tal-Gvern Ġermaniż, Ungeriż u Olandiż kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea.

41.

Fil‑5 ta’ Ottubru 2021, il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet talba għal informazzjoni lill-qorti tar-rinviju dwar il-kuntest ġuridiku tal-kawża prinċipali, li din wieġbet għaliha fil‑11 ta’ Ottubru 2021.

42.

Waqt is-seduta, HN u l-Kummissjoni ppreżentaw is-sottomissjonijiet orali tagħhom.

IV. Analiżi

A.   Osservazzjonijiet preliminari

43.

Ser nagħmel osservazzjoni preliminari dwar il-kuntest ġuridiku rilevanti.

44.

Fil-fatt, naħseb li d-domandi magħmulin jeħtieġu li jittieħdu inkunsiderazzjoni regoli oħra tad-dritt tal-Unjoni minbarra dawk espressament imsemmija fid-deċiżjoni tar-rinviju ( 7 ).

45.

Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta l-kliem tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2016/343 f’sitwazzjoni partikolari li fiha l-persuna akkużata kienet is-suġġett, minn naħa, ta’ miżura ta’ tneħħija, u min-naħa l-oħra, ta’ miżura ta’ projbizzjoni ta’ dħul u ta’ residenza fit-territorju nazzjonali għal 5 snin, b’applikazzjoni taz-ZChRB.

46.

Dawn il-miżuri ma jikkostitwixxux piena, iżda miżuri koersivi ta’ natura li jistgħu jiġu adottati indipendentement mill-ftuħ ta’ proċedura kriminali. Wara t-talba għal kjarifika magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-qorti tar-rinviju indikat li z-ZChRB, li b’applikazzjoni tagħha ġew adottati dawn il-miżuri, tittrasponi d-Direttiva 2008/115. Fid-dawl ta’ din l-informazzjoni, u fl-assenza ta’ preċiżazzjonijiet li l-Gvern Bulgaru seta’ jipprovdi f’din il-kawża, inqis li s-sitwazzjoni ta’ HN taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2008/115, kif iddeterminat mill-Artikolu 2(1) tagħha. Xejn ma jindika li r-Repubblika tal-Bulgarija għażlet li teskludi l-applikazzjoni ta’ din id-direttiva għas-sitwazzjonijiet previsti fl-Artikolu 2(2) tagħha.

47.

Konsegwentement u mingħajr ħsara, għal darb’oħra, għal preċiżazzjonijiet li l-Gvern Bulgaru seta’ jipprovdilna f’din il-kawża, jidher, minn naħa, li d-deċiżjoni li permezz tagħha l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti ordnaw ir-ritorn tal-persuna kkonċernata lejn il-pajjiż ta’ oriġini tagħha tikkostitwixxi “deċiżjoni ta’ ritorn” fis-sens tal-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2008/115, li għalhekk timplika t-“tneħħija” ta’ din tal-aħħar mit-territorju Bulgaru, fis-sens tal-Artikolu 3(5) ta’ din id-direttiva u, min-naħa l-oħra, li d-deċiżjoni li permezz tagħha l-awtoritajiet nazzjonali adottaw miżura ta’ projbizzjoni ta’ dħul u ta’ residenza tikkostitwixxi “projbizzjoni fuq id-dħul” fis-sens tal-Artikolu 3(6) tal-imsemmija direttiva.

48.

Għalhekk, id-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju jeħtieġu, fil-fehma tiegħi, li wieħed jinvoka r-regoli previsti mid-Direttiva 2008/115 sabiex jinqraw mal-prinċipji stabbiliti fil-kuntest tad-Direttiva 2016/343.

B.   Il‑portata tad‑dritt li wieħed ikun preżenti fil‑proċess tiegħu kif stabbilit fl‑Artikolu 8(1) tad‑Direttiva 2016/343 (l‑ewwel domanda)

49.

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju titlob, essenzjalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar jekk l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2016/343 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi prattika nazzjonali li permezz tagħha l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jistgħu jeżegwixxu deċiżjoni ta’ ritorn, flimkien ma’ projbizzjoni ta’ dħul u ta’ residenza, fil-konfront ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz, minkejja li dan tal-aħħar ikun akkużat fil-kuntest ta’ proċedura kriminali minħabba t-twettiq ta’ reat serju u jkun għadu ma deherx fil-proċess tiegħu.

50.

Il-kwistjoni tqum peress li evidentement, l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn, sa fejn timplika t-trasferiment fiżiku tal-persuna kkonċernata barra mill-Istat Membru kkonċernat ( 8 ), u l-adozzjoni ta’ miżura ta’ projbizzjoni ta’ dħul u ta’ residenza fit-territorju ta’ dan l-Istat għal 5 snin, sa fejn tipprojbixxiha milli tidħol mill-ġdid f’dan it-territorju u li sussegwentement tirrisjedi fih ( 9 ), jistgħu jiksru d-dritt ta’ din il-persuna kkonċernata milli tidher fil-proċess tagħha meta tkun is-suġġett, b’mod parallel mal-adozzjoni ta’ dawn il-miżuri, ta’ akkużi kriminali.

51.

Għalhekk, għandu jkun hemm rabta bejn il-proċedura kriminali u l-proċedura ta’ tneħħija. Sabiex jiġu ddeterminati l-modalitajiet, ser nibda l-analiżi tiegħi b’eżami tal-kliem tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2016/343, li jistabbilixxi d-dritt tal-persuna akkużata li tkun preżenti fil-proċess tagħha, qabel ma nikkonċentra fuq l-istruttura kif ukoll fuq l-għanijiet ta’ din id-direttiva ( 10 ). Ser nieħu inkunsiderazzjoni wkoll il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Fil-fatt, il-leġiżlatur tal-Unjoni espona b’mod ċar, fil-premessi 11, 13, 33, 45, 47 u 48 tal-imsemmija direttiva, ir-rieda tiegħu li jsaħħaħ u jiżgura applikazzjoni effettiva tad-dritt għal smigħ xieraq fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali billi jintegra, fid-dritt tal-Unjoni, il-ġurisprudenza li żviluppat din il-qorti fir-rigward tal-osservanza tal-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali ( 11 ).

1. Il‑kliem tal‑Artikolu 8(1) tad‑Direttiva 2016/343

52.

L-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2016/343 jistabbilixxi d-dritt tal-persuni ssuspettati u akkużati li jkunu preżenti fil-proċess tagħhom ( 12 ). Billi jeħtieġ li l-Istati Membri “jiżguraw li [dawn tal-aħħar] jkollhom id-dritt li jkunu preżenti fil-proċess tagħhom”, il-leġiżlatur tal-Unjoni jimponi fuq dawn l-Istati obbligu li jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jippermettu lil dawn il-persuni l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt.

53.

Fil-fatt, id-dritt li wieħed ikun preżenti fil-proċess tiegħu jaqa’ taħt id-dritt fundamentali għal smigħ xieraq ( 13 ). Infakkar li d-drittijiet fundamentali jifformaw parti integrali mill-prinċipji ġenerali tad-dritt li l-Qorti tal-Ġustizzja tiżgura l-osservanza tagħhom ( 14 ). Id-dritt għal smigħ xieraq huwa stabbilit kemm fit-tieni u t-tielet paragrafu tal-Artikolu 47 ( 15 ) u fl-Artikolu 48 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ( 16 ) kif ukoll fl-Artikolu 6 tal-KEDB.

54.

L-Artikolu 48(2) tal-Karta jistabbilixxi, b’mod partikolari, li r-rispett tad-drittijiet tad-difiża għandu jkun żgurat lil kull akkużat ( 17 ). Dawn id-drittijiet jeħtieġu, b’mod partikolari, li l-persuna akkużata tkun f’pożizzjoni li targumenta b’mod utli l-perspettiva tagħha fir-rigward tal-akkużi miġjuba fil-konfront tagħha.

55.

F’dan ir-rigward, mis-sentenza Spetsializirana prokuratura (Seduta fl-assenza tal-persuna akkużata) jirriżulta li ż-żamma ta’ seduta pubblika għandha importanza partikolari fil-qasam kriminali, peress li parti fil-kawża tista’ leġittimament teżiġi “li tinstema’” u li tibbenefika b’mod partikolari mill-possibbiltà li tesponi oralment l-eċċezzjonijiet tad-difiża tagħha, li tisma’ d-depożizzjonijiet tal-prosekuzzjoni, li teżamina u tagħmel kontroeżami tax-xhieda ( 18 ). Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem iddeċidiet ukoll, fl-istess linja, li l-preżenza tal-persuna akkużata fil-proċess tagħha għandha importanza kapitali kemm minħabba d-dritt għal smigħ kif ukoll minħabba n-neċessità li tiġi vverifikata l-eżattezza tad-dikjarazzjonijiet tagħha u li jiġu kkonfrontati ma’ dak li tgħid il-vittma, li l-interessi tagħha għandhom ikunu protetti wkoll, kif ukoll tax-xhieda ( 19 ).

56.

Barra minn hekk, mis-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Gambino u Hyka jirriżulta li dawk li għandhom ir-responsabbiltà li jiddeċiedu dwar il-ħtija jew l-innoċenza tal-akkużat għandhom, bħala prinċipju, jisimgħu lix-xhieda personalment ( 20 ). Wieħed mill-elementi fundamentali ta’ proċess kriminali huwa l-possibbiltà li l-akkużat jikkonfronta lix-xhieda u/jew lill-vittmi, fil-preżenza tal-Imħallef li fl-aħħar tad-dibattiti jkollu jiddeċiedi dwar il-ħtija tiegħu. Dan il-prinċipju ta’ immedjatezza huwa garanzija importanti tal-proċess kriminali inkwantu l-osservazzjonijiet magħmula mill-Imħallef fir-rigward tal-aġir u tal-kredibbiltà ta’ xhud jista’ jkollhom konsegwenzi serji għall-imsemmi akkużat ( 21 ). Għalhekk, din il-ġurisprudenza hija bbażata fuq il-konvinzjoni li huwa biss il-proċess kriminali li jista’ jagħti lok għall-istabbiliment formali tal-ħtija kriminali ( 22 ).

57.

Fid-dawl tal-kliem tal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2016/343 u tal-prijorità li jokkupa d-dritt li wieħed ikun preżenti fil-proċess tiegħu fid-dritt tal-Unjoni, l-awtoritajiet ta’ Stat Membru li ddeċidew li jibdew proċeduri kriminali fil-konfront ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz ma jistgħux, fil-fehma tiegħi, jipproċedu bl-eżekuzzjoni ta’ miżura ta’ tneħħija fir-rigward ta’ dan iċ-ċittadin li barra minn hekk tkun akkumpanjata minn projbizzjoni ta’ dħul u ta’ residenza għal 5 snin, mingħajr ma jkunu previsti l-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura meħtieġa sabiex l-imsemmi ċittadin ikun jista’ jeżerċita b’mod sħiħ id-dritt tiegħu li jkun preżenti fil-proċess tiegħu, sakemm dan ma jkunx irrinunzja għalih b’mod ċar u inekwivoku.

58.

Fil-fehma tiegħi, din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mill-istruttura tad-Direttiva 2016/343.

2. L-istruttura tad‑Direttiva 2016/343

59.

Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li s-sitwazzjoni li fiha l-persuna akkużata hija prekluża milli tkun preżenti fil-proċess tagħha ma hijiex prevista mil-leġiżlatur tal-Unjoni fil-Kapitolu 3 tad-Direttiva 2016/343, kemm fl-Artikolu 8 jew fl-Artikolu 9 tagħha.

60.

L-uniku għan u skop tal-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva huwa li jistabbilixxi, fil-paragrafu 1 tiegħu, id-dritt ta’ din il-persuna li tkun preżenti fil-proċess tagħha u li jiddefinixxi, fil-paragrafu 2 tiegħu, il-każijiet li fihom tista’ tingħata deċiżjoni dwar il-persuna fl-assenza tagħha. Fil-fatt, il-leġiżlatur tal-Unjoni jippreċiża, fil-premessa 35 tal-imsemmija direttiva, li dan id-dritt ma huwiex ta’ natura assoluta, peress li l-persuna akkużata tista’ tirrinunzja għalih espressament jew taċitament, iżda inekwivokabbilment, taħt ċerti kundizzjonijiet.

61.

B’applikazzjoni tal-Artikolu 8(2) u (3) tad-Direttiva 2016/343, l-Istati Membri jistgħu għalhekk jipprovdu li tingħata deċiżjoni dwar il-persuna akkużata fl-assenza tagħha u li jeżegwixxu d-deċiżjoni ta’ kundanna mogħtija fit-tmiem il-proċess jekk din il-persuna tkun ġiet informata, fi żmien xieraq, bil-proċess u bil-konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ dehra jew jekk, billi kienet informata bil-proċess, hija tkun irrappreżentata minn avukat inkarigat minnha jew maħtur mill-Istat. Dan juri li l-persuna akkużata rrinunzjat b’mod ċar li tidher personalment fil-proċess tagħha.

62.

Fil-każ fejn il-persuna akkużata ma tkunx ġiet informata bil-proċess għax ma tkunx tista’ tinstab, minkejja sforzi magħmula għal dan il-għan mill-awtoritajiet kompetenti, il-leġiżlatur tal-Unjoni jippermetti lill-Istati Membri, b’applikazzjoni tal-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2016/343, li jipprovdu l-possibbiltà li tingħata deċiżjoni dwar din il-persuna fl-assenza tagħha. Madankollu, l-Istati Membri għandhom jipprovdu fil-leġiżlazzjoni tagħhom li l-imsemmija persuna tkun informata, b’mod partikolari fil-mument tal-arrest tagħha li jseħħ b’applikazzjoni ta’ kundanna, bil-possibbiltà li tikkontesta d-deċiżjoni adottata fit-tmiem il-proċess li għalih hija ma dehritx, u li tibbenefika minn proċedura ġudizzjarja ġdida, skont l-Artikolu 9 ta’ din id-direttiva ( 23 ).

63.

Għandu jiġi kkonstatat li s-sitwazzjoni li fiha l-persuna akkużata hija prekluża milli tkun preżenti fil-proċess tagħha, minħabba pereżempju, it-tneħħija tagħha mit-territorju u l-projbizzjoni ta’ dħul u ta’ residenza li hija s-suġġett tagħha, ma taqax taħt dawn id-dispożizzjonijiet.

64.

Minn naħa, tali sitwazzjoni hija differenti, fiha nnifisha, mis-sitwazzjoni li fiha l-persuna akkużata tirrinunzja, b’għarfien sħiħ tal-fatti, għad-dritt tagħha li tidher fil-proċess, prevista fl-Artikolu 8(2) u (3) tad-Direttiva 2016/343.

65.

Min-naħa l-oħra, tali sitwazzjoni ma tistax neċessarjament tinftiehem mill-angolu tal-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2016/343, li l-implimentazzjoni tiegħu teħtieġ li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jkunu f’sitwazzjoni ta’ impossibbiltà li jsibu u li jinformaw lil din il-persuna bil-proċess tagħha, minkejja sforzi raġonevolment magħmula għal dan il-għan. Fil-fatt, billi jipproċedu bit-tneħħija ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li l-awtoritajiet iddeċidew li jakkużaw kriminalment qabel ma l-imsemmija persuna tkun informata bil-proċess tagħha u billi ma jiħdux il-passi neċessarji sabiex jiżguraw li l-istess persuna, ladarba tirritorna fil-pajjiż ta’ oriġini tagħha, tkun tista’ tiġi informata bil-proċess tagħha, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jesponu ruħhom għar-riskju li ma jkunux jistgħu jsibu iktar lill-persuna akkużata sabiex jinformawha bid-data u bil-post tal-proċess tagħha. F’dan il-każ, mid-dibattiti orali jirriżulta li l-proċedura kriminali mibdija f’April 2020 fil-konfront ta’ HN kienet ittardjata minħabba l-pandemija tal-Covid‑19. Madankollu, jidhirli, fid-dawl tal-kronoloġija tal-fatti, li ma ttiħdux l-isforzi kollha meħtieġa sabiex ikun żgurat li HN, li dakinhar kien miżmum fiċ-ċentru ta’ detenzjoni, ikun informat bil-proċess tiegħu. Pereżempju, seta’ jkun hemm is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tat-tneħħija sakemm jinżamm il-proċess kriminali. Bl-istess mod, setgħu jiġu implimentati strumenti ta’ assistenza reċiproka internazzjonali ( 24 ).

66.

Dan iwassalni biex nippreċiża, fit-tieni lok, li s-sitwazzjoni li fiha l-persuna akkużata hija prekluża milli tidher fil-proċess tagħha, hija prevista, min-naħa l-oħra, fil-premessa 34 tad-Direttiva 2016/343.

67.

Skont din il-premessa, “[j]ekk, għal raġunijiet lil hinn mill-kontroll tagħhom, il-persuni suspettati jew akkużati ma jkunux f’pożizzjoni li jkunu preżenti waqt il-proċess, huma għandu jkollhom il-possibbiltà li jitolbu data ġdida għall-proċess fiż-żmien previst fil-liġi nazzjonali”.

68.

Huwa minnu li l-imsemmija premessa ma hijiex riflessa fid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2016/343 u, b’konformità mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-premessi tal-atti tal-Unjoni ma għandhomx valur legali fihom infushom, iżda huma ta’ natura deskrittiva u mhux vinkolanti ( 25 ). Madankollu, xorta jibqa’ l-fatt li l-leġiżlatur tal-Unjoni juri hawnhekk ir-rieda tiegħu li jieħu inkunsiderazzjoni sitwazzjonijiet li fihom il-persuna akkużata hija prekluża milli tidher fil-proċess tagħha għal raġunijiet indipendenti mir-rieda tagħha, fejn l-Istat Membru jkollu mbagħad jiżgura b’mod diliġenti t-tgawdija effettiva tad-dritt ta’ din il-persuna li tkun preżenti fil-proċess tagħha.

69.

Dan il-prinċipju huwa ispirat mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, li twettaq evalwazzjoni każ b’każ tan-natura u tal-gravità tar-raġunijiet ta’ preklużjoni invokati mill-persuna akkużata u tad-diliġenza li juru l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti sabiex jiżguraw il-preżenza ta’ din il-persuna għas-seduta ( 26 ). Għalhekk, fis-sentenza tat‑28 ta’ Awwissu 1991, FCB vs L‑Italja, din il-qorti ddeċidiet li l-fatt li qorti tal-appell Taljana ma ddiferietx id-dibattiti, minkejja li l-persuna akkużata b’reati serji ħafna, kienet miżmuma f’ħabs fil-Pajjiżi l-Baxxi u ma kinitx uriet ir-rieda li tirrinunzja għad-dehra tagħha, imur kontra l-Artikolu 6 tal-KEDB ( 27 ).

70.

Fil-fehma tiegħi, il-kliem tal-premessa 34 tad-Direttiva 2016/343 huwa suffiċjentement wiesa’ biex ikopri s-sitwazzjonijiet li fihom il-persuna akkużata tkun prekluża milli tkun preżenti fil-proċess tagħha għax tkun tneħħiet lejn pajjiż terz u tinsab ukoll f’impossibbiltà li tidħol u tirrisjedi fit-territorju tal-Istat tal-proċeduri ġudizzjarji minħabba miżuri amministrattivi koersivi adottati fil-konfront tagħha. Madankollu, din il-premessa donnha tipprevedi s-sitwazzjonijiet li fihom din il-persuna taf bid-data tal-proċess tagħha, peress li titlob lill-qorti tipposponiha, li ma huwiex il-każ f’din il-kawża. Barra minn hekk, il-miżuri li l-leġiżlatur tal-Unjoni jipprovdi fl-imsemmija premessa ma humiex suffiċjenti sabiex jippermettu lill-imsemmija persuna tkun preżenti fil-proċess tagħha. Fil-fatt, fl-istess premessa, dan il-leġiżlatur jipprevedi biss id-differiment tal-proċess ( 28 ). Madankollu, in-natura, il-portata u t-tul tal-preklużjoni li jirriżultaw mill-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn flimkien ma’ projbizzjoni ta’ dħul u ta’ residenza, li nfakkar li tista’ tkun ta’ 5 snin, jeħtieġu li jiġu adottati miżuri oħra fid-dawl tal-organizzazzjoni tal-proċedura, kemm mill-awtoritajiet amministrattivi, pereżempju, billi jipposponu t-tneħħija, kif ukoll mill-awtoritajiet ġudizzjarji billi jirrikorru, b’mod partikolari, għall-assistenza reċiproka internazzjonali.

71.

Tali miżuri huma meħtieġa fid-dawl tal-għan tad-Direttiva 2016/343.

3. L‑għan tad‑Direttiva 2016/343

72.

Skont il-premessa 9 u l-Artikolu 1 tagħha, id-Direttiva 2016/343 għandha l-għan li ssaħħaħ id-dritt għal smigħ xieraq u d-drittijiet tad-difiża tal-persuna akkużata fil-kuntest ta’ proċedura kriminali, billi tistabbilixxi regoli minimi komuni dwar, b’mod partikolari, id-dritt li wieħed ikun preżenti fil-proċess tiegħu.

73.

L-ewwel, l-aċċess effettiv għal qorti u l-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża jimplikaw li din il-persuna tista’ tkun preżenti fil-proċess tagħha. Issa, li wieħed jipproċedi bit-tneħħija ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li fil-konfront tiegħu l-awtoritajiet tal-Istat Membru bdew proċeduri kriminali minħabba t-twettiq ta’ reat serju, u li barra minn hekk, jiġi pprojbit milli jidħol u jirrisjedi fit-territorju ta’ dan l-Istat, minkejja li l-proċess tiegħu jkun għadu ma seħħx, iċaħħad minn kull effettività d-dritt li wieħed ikun preżenti fil-proċess tiegħu jekk dawn il-miżuri ma jkunux akkumpanjati minn dispożizzjonijiet partikolari li jippermettu li din il-persuna tkun informata bid-data u bil-post tal-proċess tagħha u li jiżguraw id-dehra tagħha jew ir-rappreżentazzjoni tagħha għas-seduta.

74.

It-tieni, mill-premessi 2, 4 u 10 tad-Direttiva 2016/343, jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni jrid ukoll isaħħaħ il-fiduċja tal-Istati Membri fis-sistemi ta’ ġustizzja kriminali rispettivi tagħhom, b’mod li jiffaċilita r-rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji dwar il-kundanna tal-persuna akkużata, inkluż dawk li jistabbilixxu l-piena ta’ priġunerija li għandha tiġi skontata ( 29 ). Issa, ir-rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjoni ta’ kundanna mogħtija fil-kontumaċja timplika li din tkun ingħatat f’kundizzjonijiet li jiżguraw l-osservanza tad-drittijiet proċedurali ta’ din il-persuna. Fin-nuqqas, din tikkostitwixxi raġuni għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni previst, pereżempju, fl-Artikolu 9 tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/909/ĠAI tas‑27 ta’ Novembru 2008 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi f’materji kriminali li jimponu pieni ta’ kustodja jew miżuri li jinvolvu ċ-ċaħda tal-libertà bil-għan li jiġu infurzati fl-Unjoni Ewropea ( 30 ). Ċertament, din il-kawża taqa’ f’kuntest differenti li jinvolvi Stat Membru u pajjiż terz. Madankollu, nikkonstata li d-dispożizzjonijiet tad-dritt internazzjonali dwar l-estradizzjoni huma interpretati fl-istess sens ( 31 ). Għalhekk, f’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa indispensabbli li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jadottaw il-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw li l-persuna akkużata tkun informata bil-proċess tagħha, kemm qabel it-tneħħija tagħha kif ukoll wara u, jekk ikun il-każ, li dawn l-awtoritajiet jieħdu l-passi neċessarji sabiex hija tidher jekk il-persuna tkun tneħħiet.

75.

It-tielet, id-dritt għal smigħ xieraq, li fuqu hija bbażata d-Direttiva 2016/343, jeħtieġ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja. Issa, l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn li tkun mhux biss immedjata, iżda wkoll konkomitanti għal proċedura kriminali, mingħajr ma jkunu adottati miżuri li jiżguraw il-lokalizzazzjoni tal-persuna akkużata fit-territorju tal-pajjiż terz, tirriskja li tqiegħed l-awtoritajiet ġudizzjarji, de facto, fl-impossibbiltà li jinformaw lil din il-persuna bil-proċess tagħha. Għalhekk, f’din il-kawża, it-tneħħija tal-persuna kkonċernata lejn pajjiż terz irriżultat f’passi mal-awtoritajiet konsulari ta’ dan il-pajjiż, passi li ma kinux suċċess. Tali sitwazzjoni tirriskja li timplika sospensjoni de facto tal-proċedura kriminali, u għalhekk estensjoni tagħha, jew kundanna fil-kontumaċja, li mbagħad tista’ ma tkunx irrikonoxxuta mill-imsemmi pajjiż adit minn talba għal assistenza ġudizzjarja reċiproka, jew tkun ikkontestata b’applikazzjoni tal-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2016/343 fid-dawl ta’ proċedura ġudizzjarja ġdida.

76.

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, jidhirli, minn naħa, li huwa essenzjali li l-awtoritajiet kriminali u amministrattivi kompetenti jikkooperaw. Għalhekk, wieħed ma jistax jonqos milli jirrileva l-kronoloġija ta’ din il-kawża: arrestata fil‑11 ta’ Marzu 2020, il-persuna kkonċernata kienet innotifikata mill-awtoritajiet ġudizzjarji li tqiegħdet taħt investigazzjoni fit‑23 ta’ April 2020 u tneħħiet mit-territorju mill-pulizija tal-fruntiera fis‑16 ta’ Ġunju 2020, jiġifieri 8’ijiem qabel ma kienet iffissata d-data tas-seduta preliminari għat‑23 ta’ Lulju 2020.

77.

Min-naħa l-oħra, naħseb li huwa indispensabbli li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jipproċedu bl-ibbilanċjar tal-interessi differenti inkwistjoni, sabiex jippreservaw, fl-istess waqt, id-drittijiet fundamentali tal-persuna akkużata u l-interess ġenerali tal-Istat Membru. Fil-fehma tiegħi, dan l-ibbilanċjar jeħtieġ li dawn l-awtoritajiet jikkumpensaw, jikkoreġu jew jirrimedjaw il-konsegwenzi marbuta mal-eżekuzzjoni tal-miżuri amministrattivi inkwistjoni permezz ta’ mekkaniżmi proċedurali adegwati, li jippermettu li jiġi żgurat livell sodisfaċenti ta’ imparzjalità fil-proċedura. Naħseb li għandhom jistaqsu dwar il-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ ritorn flimkien mal-projbizzjoni ta’ dħul u ta’ residenza u, b’mod partikolari, dwar in-neċessità li jipproċedu bl-eżekuzzjoni immedjata tagħha, minkejja li hemm proċedura kriminali pendenti. F’dan il-kuntest, huma għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-gravità tar-reat kriminali allegatament imwettaq u tal-perikli li tirrappreżenta l-preżenza tal-persuna kkonċernata fit-territorju. F’dan ir-rigward, il-fatt li ċittadin ta’ pajjiż terz ikun suspettat li wettaq reat kriminali serju ma jistax, waħdu, jiġġustifika li dan iċ-ċittadin jitneħħa immedjatament mit-territorju, mingħajr ma jiġu adottati l-miżuri xieraq sabiex ikun jista’ jkun preżenti fil-proċess tiegħu.

78.

Fir-rigward ta’ din l-analiżi tal-kliem, iżda wkoll tal-istruttura u tal-għan tad-Direttiva 2016/343, naħseb li l-Artikolu 8(1) ta’ din id-direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi prattika nazzjonali li permezz tagħha tiġi eżegwita miżura ta’ tneħħija flimkien ma’ projbizzjoni ta’ dħul u ta’ residenza fil-konfront ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz, akkużat fil-kuntest ta’ proċedura kriminali minħabba t-twettiq ta’ reat serju, mingħajr ma l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jadottaw il-miżuri partikolari meħtieġa sabiex jippermettu lil dan iċ-ċittadin jeżerċita bis-sħiħ id-drittijiet tad-difiża tiegħu u jkun preżenti fil-proċess tiegħu.

79.

Peress li d-Direttiva 2016/343 ma tipprovdix tali mekkaniżmi, inqis li huma l-Istati Membri, skont il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali, li għandhom jistabbilixxuhom, billi jużaw, jekk ikun il-każ, strumenti mqiegħda għad-dispożizzjoni tagħhom fil-kuntest tad-Direttiva 2008/115.

4. Il‑mekkaniżmi proċedurali previsti mid‑Direttiva 2008/115

80.

Skont l-Artikolu 79(2)(c) tat-TFUE u kif jenfasizzaw il-premessi 2 u 24 tad-Direttiva 2008/115, din hija intiża sabiex tistabbilixxi politika effettiva ta’ tneħħija u ta’ ripatrijazzjoni, mibnija fuq standards u garanziji legali komuni, għar-ritorn tal-persuni kkonċernati b’mod uman u b’rispett sħiħ lejn id-drittijiet fundamentali u tad-dinjità tagħhom ( 32 ). Minn dan jirriżulta li l-miżuri adottati abbażi ta’ din id-direttiva għandhom jiġu eżegwiti mingħajr preġudizzju għad-dritt għal smigħ xieraq taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz u fir-rispett tad-dritt tiegħu li jkun preżenti fil-proċess tiegħu.

81.

Barra minn hekk, fil-premessa 6 tal-imsemmija direttiva, il-leġiżlatur tal-Unjoni jippreċiża li meta jtemmu r-residenza irregolari taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz, l-Istati Membri għandhom jiżguraw proċedura ġusta u għandhom jadottaw, b’konformità mal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, deċiżjonijiet każ b’każ, billi jieħdu inkunsiderazzjoni kriterji oġġettivi differenti mis-sempliċi fatt tar-residenza irregolari ta’ dan iċ-ċittadin. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-Istati Membri għandhom josservaw il-prinċipju ta’ proporzjonalità matul l-istadji kollha tal-proċedura ta’ ritorn stabbilita minn din id-direttiva, inkluż fl-istadju tad-deċiżjoni ta’ ritorn ( 33 ). Barra minn hekk, hija żiedet li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jisimgħu lill-persuna kkonċernata qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn, peress li din tal-aħħar għandha dritt tesprimi l-perspettiva tagħha dwar il-modalitajiet tagħha ( 34 ).

82.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn flimkien ma’ projbizzjoni ta’ dħul u ta’ residenza teħtieġ, fil-fehma tiegħi, li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jeżaminaw, każ b’każ, sa fejn l-eżekuzzjoni immedjata tagħhom tirriskja li tikkomprometti d-drittijiet tad-difiża taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat.

83.

Barra minn hekk, fl-Artikolu 9 tad-Direttiva 2008/115, il-leġiżlatur tal-Unjoni jipprovdi dispożizzjonijiet relattivi għall-posponiment tat-tneħħija.

84.

Skont l-Artikolu 9(2) ta’ din id-direttiva, l-Istati Membri jistgħu “jipposponu t-tneħħija għal perijodu xieraq, b’kont meħud taċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-każ individwali”. Minkejja li, għal dan il-għan, il-leġiżlatur tal-Unjoni jistieden lill-Istati Membri jieħdu inkunsiderazzjoni r-raġunijiet marbuta mal-istat fiżiku jew mentali taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jew raġunijiet tekniċi, pereżempju, l-assenza ta’ mezzi ta’ trasport, l-użu tal-avverbju “b’mod partikolari” juri l-fatt li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni ċirkustanzi oħra. L-eżami individwali li għandhom jagħmlu l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandu għalhekk jippermetti għarfien dwar l-eżistenza ta’ proċeduri kriminali mibdija fil-konfront ta’ dan iċ-ċittadin sabiex jiġi ddeterminat sa fejn għandu jiġi previst il-posponiment, u n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni, tat-tneħħija.

85.

F’dan ir-rigward, nippreċiża li f’każ ta’ posponiment tat-tneħħija, l-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2008/115 jippermetti lill-Istati Membri jimponu ċerti obbligi fuq il-persuna kkonċernata sabiex jiġi evitat ir-riskju li taħrab, bħall-obbligi li tippreżenta ruħha regolarment quddiem l-awtoritajiet jew li toqgħod f’post determinat. Dawn l-obbligi huma stabbiliti fl-Artikolu 7(3) ta’ din id-direttiva.

86.

Il-leġiżlatur jipprovdi wkoll fir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 11(3) tal-imsemmija direttiva, dispożizzjonijiet dwar l-irtirar jew is-sospensjoni tal-miżura ta’ projbizzjoni ta’ dħul.

87.

Dan il-mekkaniżmu jippermetti lill-Istati Membri jirtiraw jew jissospendu projbizzjoni ta’ dħul “f’każijiet individwali jew f’ċerti kategoriji ta’ każijiet għal raġunijiet oħrajn”. Huwa ċar li dan l-artikolu jagħti lill-Istati Membri marġni diskrezzjonali relattivament importanti fir-rigward tas-sitwazzjonijiet li fihom jistgħu jiddeċiedu li jirtiraw jew jissospendu miżura ta’ projbizzjoni ta’ dħul. F’dan il-kuntest, u għall-istess raġunijiet bħal dawk invokati fil-punt 83 ta’ dawn il-konklużjonijiet, naħseb li l-Istati Membri għandhom ikunu f’pożizzjoni li jirtiraw jew jissospendu l-eżekuzzjoni tal-miżura ta’ projbizzjoni ta’ dħul u ta’ residenza fit-territorju tagħhom sabiex jiżguraw ir-rispett tad-drittijiet taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz kkonċernat, billi jippermettulu, jekk ikun il-każ, li jidher fil-proċess tiegħu.

88.

Għalhekk, fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2016/343 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi prattika nazzjonali li permezz tagħha tiġi eżegwita miżura ta’ tneħħija flimkien ma’ projbizzjoni ta’ dħul u ta’ residenza fir-rigward ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz, minkejja li l-persuna kkonċernata tkun is-suġġett ta’ proċeduri kriminali minħabba t-twettiq ta’ reat serju, mingħajr ma l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jadottaw id-dispożizzjonijiet partikolari sabiex jippermettu li dan iċ-ċittadin ikun preżenti fil-proċess tiegħu. F’dawn iċ-ċirkustanzi, nipproponi wkoll lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li l-adozzjoni ta’ miżura ta’ tneħħija flimkien ma’ projbizzjoni ta’ dħul u ta’ residenza teħtieġ li jkun ivverifikat, meta din il-persuna tkun is-suġġett ta’ proċedura kriminali, jekk l-eżekuzzjoni immedjata ta’ din il-miżura hijiex kompatibbli mad-drittijiet tad-difiża tal-imsemmija persuna, u jekk ikun il-każ, jekk għandhiex tkun posposta t-tneħħija jew irtirata jew sospiża l-projbizzjoni ta’ dħul u ta’ residenza, skont l-Artikolu 9 u l-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2008/115.

C.   L‑ammissibbiltà tar‑rinunzja għad‑dritt li wieħed ikun preżenti fil‑proċess tiegħu fis‑sens tal‑Artikolu 8(2) tad‑Direttiva 2016/343

89.

Issa, għandhom jiġu eżaminati t-tieni u t-tielet domanda relattivi għall-kundizzjonijiet li fihom il-persuna akkużata, li fil-konfront tagħha ġiet adottata deċiżjoni ta’ ritorn flimkien ma’ projbizzjoni ta’ dħul u ta’ residenza, tista’ tirrinunzja milli tidher fil-proċess tagħha, skont l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2016/343.

90.

Għandu jiġi osservat, preliminarjament, li l-Artikolu 8(2) u (3) ta’ din id-direttiva jipprovdi l-possibbiltà li tingħata deċiżjoni fil-konfront ta’ persuna fl-assenza tagħha u li d-deċiżjoni ta’ kundanna eventwalment meħuda fit-tmiem ta’ din il-proċedura tiġi eżegwita bħallikieku din kienet kontradittorja. L-Artikolu 8(4) tal-imsemmija direttiva jipprovdi wkoll il-possibbiltà li tingħata deċiżjoni fil-konfront ta’ din il-persuna fl-assenza tagħha, iżda bid-dritt li din tikkontesta d-deċiżjoni ta’ kundanna u tikseb proċess ġdid fil-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 9 tal-istess direttiva. Iż-żewġ sitwazzjonijiet huma distinti skont jekk il-persuna akkużata kinitx taf bil-proċess tagħha u rrinunzjat deliberatament milli tidher jew jekk din il-persuna ma kinitx taf bil-proċess tagħha.

1. Is‑sitwazzjoni li fiha l‑persuna akkużata hija prekluża milli tidher fil‑proċess tagħha minħabba l‑eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn flimkien ma’ projbizzjoni ta’ dħul u ta’ residenza (it‑tieni domanda)

91.

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2016/343 għandux jiġi interpretat fis-sens li Stat Membru jista’ jagħti deċiżjoni fil-konfront tal-persuna akkużata fl-assenza tagħha meta din, minkejja li hija prekluża milli tidher fil-proċess tagħha minħabba d-deċiżjoni ta’ ritorn flimkien ma’ projbizzjoni ta’ dħul u ta’ residenza adottati fil-konfront tagħha, tkun ġiet informata b’dan il-proċess u bil-konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ dehra u tkun irrappreżentata minn avukat inkarigat, maħtur minnha jew ex officio.

92.

Skont l-Artikolu 8(2) u (3) tad-Direttiva 2016/343, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li tingħata deċiżjoni fil-konfront ta’ persuna fl-assenza tagħha u li eventwali deċiżjoni ta’ kundanna tiġi eżegwita, mingħajr ma l-persuna jkollha dritt għal proċess ġdid, jekk jiġu ssodisfatti ċerti kundizzjonijiet.

93.

Fil-fatt, il-leġiżlatur tal-Unjoni jindika, fil-premessa 35 ta’ din id-direttiva, li d-dritt tas-suspettat jew tal-persuna akkużata li tkun preżenti fil-proċess tagħha ma huwiex ta’ natura assoluta u li, taħt ċerti kundizzjonijiet, is-suspettat jew il-persuna akkużata għandha tkun tista’ tirrinunzja għalih b’mod espress jew taċitu, iżda inekwivokabbilment ( 35 ). Għalhekk, bħala prinċipju, tali rinunzja tista’ ssir biss f’żewġ każijiet stabbiliti fl-Artikolu 8(2)(a) u (b) tad-Direttiva 2016/343 ( 36 ).

94.

L-ewwel każ, previst fl-Artikolu 8(2)(a) ta’ din id-direttiva jirrigwarda l-informar tal-persuna akkużata. Dan jipprevedi l-każ fejn din il-persuna tkun ġiet informata, fi żmien xieraq, bil-proċess tagħha u bil-konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ dehra. Mill-premessa 36 tal-imsemmija direttiva jirriżulta li l-validità ta’ dan l-informar timplika, minn naħa, li l-imsemmija persuna tħarrket personalment jew ġiet informata uffiċjalment fi żmien xieraq permezz ta’ mezzi oħra, bid-data u bil-post iffissati għall-proċess, b’mod li tkun taf b’dan tal-aħħar, u min-naħa l-oħra, li hija tkun taf bil-fatt li tista’ tingħata deċiżjoni ta’ kundanna fil-konfront tagħha jekk hija ma tippreżentax ruħha għall-proċess. Skont il-premessa 38 tal-istess direttiva, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jeżerċitaw id-diliġenza kollha meħtieġa sabiex jinformaw lill-persuna kkonċernata, u din tal-aħħar, għandha teżerċita d-diliġenza kollha meħtieġa sabiex tirċievi din l-informazzjoni ( 37 ), sabiex ma jkunx hemm dubju dwar il-volontà li ma tkunx preżenti fil-proċess tagħha.

95.

It-tieni każ, previst fl-Artikolu 8(2)(b) tad-Direttiva 2016/343, jirrigwarda r-rappreżentazzjoni minn avukat tal-persuna akkużata. Dan jirrigwarda l-każ li fih din il-persuna, li tkun ġiet informata bil-proċess tagħha, tagħżel deliberatament li tkun irrappreżentata minn konsulent legali minflok ma tidher personalment fil-proċess ( 38 ). Bħala prinċipju, din l-għażla hija ta’ natura li turi li hija rrinunzjat li tkun preżenti fil-proċess tagħha, filwaqt li tiżgura d-dritt li tiddefendi ruħha, b’tali mod li hija ma tistax tinvoka ulterjorment id-dritt tagħha għal proċess ġudizzjarju ġdid, kif previst fl-Artikolu 9 ta’ din id-direttiva.

96.

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, xejn ma jipprekludi li l-persuna akkużata, li barra minn hekk hija s-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ ritorn flimkien ma’ projbizzjoni ta’ dħul u ta’ residenza, tirrinunzja milli tidher fil-proċess tagħha. Fil-fatt, dan huwa dritt ta’ kull persuna akkużata fil-kuntest ta’ proċedura kriminali, indipendentement mill-istatus ġuridiku tagħha fl-Istat Membru ( 39 ).

97.

Madankollu, tali rinunzja għandha tkun akkumpanjata minn garanziji partikolari f’każ bħal dak inkwistjoni f’din il-kawża.

98.

L-ewwel, ir-rinunzja għad-dritt tal-persuna akkużata li tkun preżenti fil-proċess tagħha, skont l-Artikolu 8(2)(a) tad-Direttiva 2016/343 timplika, fiha nnifisha, li din il-persuna tista’ effettivament tirrinunzja għal dan id-dritt b’mod ċar. Fil-fatt, din il-persuna ma tistax titqies li rrinunzjat b’mod liberu u inekwivoku għal dan id-dritt jekk hija tkun imċaħħda mil-libertà ta’ moviment tagħha minħabba d-detenzjoni tagħha għall-finijiet tal-eżekuzzjoni tal-miżura ta’ tneħħija, jew minħabba l-projbizzjoni ta’ dħul u ta’ residenza adottati fil-konfront tagħha. F’dan il-każ, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jipprovdu l-miżuri partikolari li jippermettu lill-istess persuna tkun preżenti fil-proċess tagħha (pereżempju, billi jawtorizzaw ħruġ miċ-ċentru ta’ detenzjoni, billi jipposponu t-tneħħija jew anki billi jissospendu l-projbizzjoni ta’ dħul u ta’ residenza) u jinformaw lil din tal-aħħar bihom.

99.

It-tieni, ir-rinunzja għad-dritt tal-persuna akkużata li tkun preżenti fil-proċess tagħha, skont l-Artikolu 8(2)(b) tad-Direttiva 2016/343, timplika li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-modalitajiet tar-rappreżentazzjoni minn avukat tal-persuna akkużata u mneħħija mit-territorju. Fil-fatt, infakkar li l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tagħti importanza kbira lill-fatt li l-assenza tal-akkużat fil-proċess tiegħu ma tkunx issanzjonata b’deroga mid-dritt tiegħu għall-assistenza ta’ difensur ( 40 ). Fil-fatt, “[m]inkejja li mhux assolut, id-dritt li kull akkużat ikun effettivament difiż minn avukat, f’każ ta’ bżonn maħtur ex officio, jinsab fost l-elementi fundamentali tas-smigħ xieraq. Akkużat ma jitlifx il-benefiċċju tiegħu unikament minħabba l-assenza tiegħu fid-dibattiti” ( 41 ). Skont il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, “[h]uwa […] ta’ importanza kruċjali għall-imparzjalità tas-sistema kriminali li l-akkużat ikun difiż adegwatament kemm fl-ewwel istanza kif ukoll fl-appell” ( 42 ). Sa fejn, kif turi din il-kawża, l-eżekuzzjoni ta’ miżura ta’ tneħħija twassal għal riskju ta’ ksur tal-kuntatti bejn il-persuna akkużata u l-avukat tagħha, għalhekk, fil-fehma tiegħi, għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-modalitajiet ta’ din ir-rappreżentazzjoni.

100.

It-tielet, tali garanziji huma imposti fid-dawl tal-għanijiet tad-Direttiva 2016/343, imsemmija fil-punti 72 et seq ta’ dawn il-konklużjonijiet. Fil-fatt, minkejja li fl-Artikolu 8(2) ta’ din id-direttiva, il-leġiżlatur tal-Unjoni jagħti lill-persuna akkużata d-dritt li tirrinunzja milli tidher fil-proċess tagħha, madankollu, huwa indispensabbli, fid-dawl tan-natura fundamentali tad-dritt għal smigħ xieraq u tal-konsegwenzi marbuta mar-rinunzja tad-dehra, li din tkun ifformulata f’kundizzjonijiet li ma jħallu spazju għal ebda ekwivoku.

101.

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, naħseb li l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2016/343 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li Stat Membru jagħti deċiżjoni fil-konfront ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ ritorn flimkien ma’ projbizzjoni ta’ dħul u ta’ residenza fit-territorju nazzjonali fl-assenza tiegħu, bil-kundizzjoni li din il-persuna tkun ġiet informata, fi żmien xieraq, mhux biss bil-proċess tagħha u bil-konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ dehra, iżda wkoll li jkunu tqiegħdu għad-dispożizzjoni tagħha miżuri partikolari li jippermettulha tidher f’dan il-proċess u li hija tkun irrinunzjat għalihom b’mod liberu u mingħajr ekwivoku jew li l-imsemmija persuna, li tkun ġiet informata bl-imsemmi proċess, tkun irrappreżentata, b’mod adegwat, minn avukat inkarigat minnha jew maħtur ex officio.

2. Is‑sitwazzjoni li fiha l‑persuna akkużata esprimiet ir‑rinunzja tagħha għad‑dritt li tkun preżenti fil‑proċess tagħha matul l-istruttorja (ir‑raba’ domanda)

102.

Permezz tar-raba’ domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2016/343 għandux jiġi interpretat fis-sens li Stat Membru jista’ jiddeċiedi fil-konfront tal-persuna akkużata fl-assenza tagħha meta din, wara li tkun ġiet informata bil-konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ dehra, tkun esprimiet b’mod inekwivoku matul il-proċedura istruttorja, ir-rinunzja tagħha għad-dritt li tkun preżenti fil-proċess tagħha qabel ma tkun ġiet iffissata d-data tal-proċess.

103.

Nikkunsidra li fl-Artikolu 8(2) ta’ din id-direttiva, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma pprevediex espressament il-każ imsemmi mill-qorti tar-rinviju.

104.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu għalhekk jiġi eżaminat jekk Stat Membru jistax jipprovdi li jagħti deċiżjoni fil-konfront ta’ persuna fl-assenza tagħha anki f’sitwazzjoni oħra minbarra dik espressament prevista fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2016/343. Issa, kif ingħad fil-punt 89 ta’ dawn il-konklużjonijiet, id-differenza bejn is-sistema legali tal-Artikolu 8(2) u (3) ta’ din id-direttiva u dik tal-Artikolu 8(4) tal-imsemmija direttiva, ma tinsabx fil-possibbiltà li tingħata deċiżjoni fil-konfront ta’ persuna fl-assenza tagħha, iżda fil-konsegwenzi dwar l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni mogħtija fit-tmiem ta’ din il-proċedura fil-kontumaċja.

105.

Fil-fatt, l-ewwel, id-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 8(2) u (3) tad-Direttiva 2016/343 għandhom jiġu interpretati b’mod strett, peress li kull rinunzja għad-dritt ta’ dehra jimplika l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni mogħtija fit-tmiem tal-proċess fil-kontumaċja u l-impossibbiltà tal-persuna akkużata li tipprevalixxi ruħha minn proċess ġudizzjarju ġdid. Din hija r-raġuni għalfejn il-każijiet previsti fl-Artikolu 8(2)(a) u (b) ta’ din id-direttiva jirrigwardaw sitwazzjonijiet li fihom din il-persuna, li tkun ġiet informata bid-data u bil-post tal-proċess tagħha ( 43 ), tkun taf li hemm proċedura kriminali fil-konfront tagħha u taf in-natura u l-kawża tal-akkuża, b’tali mod li tirrinunzja milli tidher personalment b’mod inekwivoku.

106.

Madankollu, tali rinunzja, espressa “minn qabel” matul il-proċedura istruttorja hija ekwivoka, u l-fatt li l-persuna akkużata tkun informata bil-konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ dehra ma jippermettix li jirrimedjaha. Fil-fatt, din ir-rinunzja sseħħ fi stadju bikri tal-proċedura kriminali fejn l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti jikkompilaw il-kawża, jiġifieri jinvestigaw dwar il-fatti li jistgħu jew ma jistgħux jikkostitwixxu reat kriminali. L-aċċettazzjoni li tali rinunzja hija kunsens li tingħata deċiżjoni fl-assenza tal-persuna tmur għalhekk kontra l-prinċipji stabbiliti mil-leġiżlatur tal-Unjoni u l-linja ġurisprudenzjali żviluppata mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Infakkar li din teħtieġ li din il-persuna tiġi nnotifikata personalment bl-akkużi kontriha u li tkun imħarrka fil-forma xieraq u dovuta ( 44 ). Fin-nuqqas, hija teħtieġ li din ir-rinunzja tkun stabbilita abbażi ta’ fatti preċiżi, oġġettivi u rilevanti li juru li l-imsemmija persuna kienet informata li kien hemm proċedura kriminali fil-konfront tagħha, li hija kienet taf bin-natura u l-kawża tal-akkuża u li għalhekk hija tkun irrinunzjat, b’mod inekwivoku, għad-dritt tagħha li tidher u li tiddefendi ruħha ( 45 ). Fi kwalunkwe każ, skont il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, ma huwiex suffiċjenti li l-persuna akkużata “jkollha ħjiel” tal-ftuħ tal-proċeduri kontra tagħha ( 46 ).

107.

It-tieni, il-preċiżjoni tas-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 8(2)(a) u (b) tad-Direttiva 2016/343 turi, fil-fehma tiegħi, ir-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jipprovdi, b’mod eżawrjenti u għal raġunijiet ta’ ċertezza legali, il-każijiet li fihom għandu jitqies li d-drittijiet proċedurali ta’ persuna li ma dehritx personalment fil-proċess tagħha ma ġewx miksura. Ċertament, dawn huma regoli minimi komuni għall-Istati Membri. Madankollu, id-definizzjoni tagħhom għandha tiffavorixxi l-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali billi tiffaċilita r-rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonijiet f’materji kriminali ( 47 ). F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-aċċettazzjoni li Stat Membru jista’ jagħti deċiżjoni fil-konfront ta’ persuna fl-assenza tagħha u bil-kunsens tagħha, għal raġuni differenti minn dawk previsti fl-Artikolu 8(2) ta’ din id-direttiva, tirriskja li tmur kontra dan il-għan.

108.

Għalhekk, fid-dawl ta’ dawn l-elementi, jiena tal-fehma li l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2016/343 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li Stat Membru jista’ jqis li l-persuna rrinunzjat b’mod liberu li tkun preżenti fil-proċess tagħha meta din, minkejja li kienet informata bil-konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ dehra, esprimiet din il-volontà matul il-proċedura istruttorja fi stadju fejn id-data tal-proċess kienet għadha mhix iffissata.

109.

F’dan il-każ, ir-rinunzja tal-persuna kkonċernata għad-dritt tagħha li tidher fil-proċess tagħha, kienet ċertament, akkumpanjata minn garanziji minimi. Skont l-informazzjoni li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja, hija kienet effettivament akkumpanjata mill-avukat tagħha maħtur ex officio. Hija kienet innotifikata bi tqegħid taħt investigazzjoni tagħha u kienet mgħarrfa, fil-preżenza ta’ interpretu, bid-drittijiet tagħha, fosthom dawk stabbiliti fl-Artikolu 269 tan-NPK, dwar l-iżvolġiment u l-konsegwenzi ta’ proċedura “fil-kontumaċja”. Minkejja li hija ddikjarat li fehmet dawn id-drittijiet u li ma tixtieqx tidher fil-proċedura, xorta jibqa’ l-fatt li hija ma rċevietx kopja tal-att tal-akkuża u lanqas id-digriet li ffissa d-data tas-seduta preliminari għat‑23 ta’ Lulju 2020, għaliex hija tneħħiet mit-territorju fis‑16 ta’ Ġunju 2020, u dakinhar l-indirizz tagħha ma kienx magħruf. Għalhekk jirriżulta li hija ma kinitx informata, fi żmien xieraq, bid-data u bil-post tal-proċess tagħha fis-sens tal-Artikolu 8(2)(a) tad-Direttiva 2016/343, b’tali mod li ma tistax titqies li rrinunzjat volontarjament u b’mod inekwivoku li tkun preżenti għalih.

D.   L‑eżistenza ta’ obbligu proċedurali li wieħed ikun preżenti fil-proċess tiegħu (it‑tielet domanda)

110.

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja, jekk l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2016/343, li permezz tiegħu l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuna akkużata jkollha d-dritt li tkun preżenti fil-proċess tagħha, jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li din il-persuna għandha l-obbligu li tidher fil-proċess tagħha.

111.

Din id-domanda toriġina mill-fatt li skont l-Artikolu 269(1) u (2) tan-NPK, il-preżenza tal-persuna akkużata fis-seduta hija obbligatorja meta din tkun wettqet reat serju, bħal dak imwettaq fil-kawża prinċipali, jew meta dan ikun neċessarju għall-iżvelar tal-verità oġġettiva ( 48 ).

112.

Huwa evidenti li d-Direttiva 2016/343 la għandha l-għan u lanqas l-iskop li timponi fuq il-persuni suspettati u akkużati obbligu li jidhru fil-proċess tagħhom.

113.

Din id-direttiva hija intiża għat-“tisħiħ” tad-dritt ta’ smigħ xieraq tal-persuni akkużati fil-kuntest ta’ proċedura kriminali, billi teħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li dawn il-persuni jkollhom id-dritt li jkunu preżenti fil-proċess tagħhom. Kif indikajt preċedentement, l-Artikolu 8 tad-direttiva msemmija jimponi obbligu pożittiv fil-konfront ta’ dawn l-Istati, peress li dawn tal-aħħar għandhom id-dmir li jadottaw miżuri sabiex jissalvagwardjaw id-drittijiet iggarantiti mill-Artikoli 47 u 48 tal-Karta.

114.

Għalhekk l-uniku għan u skop tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2016/343 huwa li jistabbilixxi, fil-paragrafu 1 tiegħu, id-dritt tal-persuna akkużata li tkun preżenti fil-proċess tagħha u li jiddefinixxi, fil-paragrafu 2 tiegħu, il-limiti billi jippreċiża l-kundizzjonijiet li fihom din il-persuna tista’ tirrinunzja għalih ( 49 ). Fil-fatt, fil-premessa 35 ta’ din id-direttiva, il-leġiżlatur tal-Unjoni jippreċiża li dan id-dritt ma huwiex ta’ natura assoluta, peress li taħt ċerti kundizzjonijiet, l-imsemmija persuna tista’ tirrinunzja għalih b’mod espress jew taċitu, iżda inekwivokabbilment. Għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha, naħseb li l-leġiżlatur tal-Unjoni jistabbilixxi għalhekk dritt li wieħed ma jkunx preżenti fil-proċess tiegħu, kif jistabbilixxi fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 2016/343, id-dritt li wieħed jibqa’ sieket u d-dritt li wieħed ma jinkriminax ruħu huwa stess.

115.

Fl-opinjoni konkordanti tiegħu, mogħtija fis-sentenza Van Geyseghem vs Il-Belġju ( 50 ), l-Imħallef Bonello rrileva, barra minn hekk, li “d-dritt tal-persuna akkużata li ma tkunx preżenti fil-proċess tagħha jikkorrispondi pjuttost mill-qrib mad-dritt tagħha li tibqa’ siekta. Jekk, fir-rigward tal-vantaġġi rikonoxxuti li jirriżultaw mill-amministrazzjoni tal-ġustizzja, il-preżenza tal-akkużat għandha tiġi kkunsidrata bħala kundizzjoni preliminari ta’ kull difiża, wieħed jista’ jagħmel l-istess argumenti għall-obbligu li jirrinunzja għad-dritt tiegħu għas-silenzju, jiġifieri jiġi invokat ukoll l-interess ta’ amministrazzjoni tajba […] Fil-prattika, ma nistax nimmaġina kawża fejn, fit-tfittxija ta’ bilanċ bejn l-interessi tas-soċjetà u dan id-dritt fundamentali tal-akkużat (anki jekk jiġi aċċettat li tali eżerċizzju huwa leġittimu), dan tal-aħħar jitħassar quddiem dawk tal-ewwel”.

116.

Huwa minnu li kif tirrileva l-Qorti tal-Ġustizzja, id-Direttiva 2016/343 għandha l-għan li tistabbilixxi regoli minimi komuni u għalhekk ma hijiex strument komplet u eżawrjenti li għandu l-għan li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet kollha li fihom tiġi adottata deċiżjoni ġudizzjarja ( 51 ). Fil-premessa 48 ta’ din id-direttiva, il-leġiżlatur tal-Unjoni jippreċiża wkoll li l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jestendu “d-drittijiet stabbiliti [fl-imsemmija direttiva] sabiex jipprovdu livell ogħla ta’ protezzjoni”. Madankollu, jidhirli li billi jeħtieġ li l-persuna akkużata tidher fil-proċess tagħha, Stat Membru ma jestendix id-dritt li tibbenefika minnu din il-persuna li tkun preżenti fil-proċess tagħha, iżda għall-kuntrarju, jirrestrinġih, billi jibdlu fi dmir u jneħħilha l-possibbiltà, barra minn hekk espressament irrikonoxxuta mill-istess direttiva, li tkun tista’ tirrinunzja, bil-volontà tagħha, milli tidher fih. Għalhekk, tali miżura ma tistax titqies li tipparteċipa fit-tisħiħ tad-drittijiet proċedurali tal-imsemmija persuna, b’dan illi, jekk ikun meħtieġ minn interess importanti, l-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri intiżi sabiex jiżguraw id-dehra tal-persuna kkonċernata fis-seduta tagħha, bħad-dehra immedjata jew anki t-tqegħid tal-persuna kkonċernata taħt sorveljanza ġudizzjarja jew detenzjoni provviżorja.

117.

Din l-interpretazzjoni taqa’ fil-kuntest tal-ġurisprudenza żviluppata mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Minkejja li din tirrikonoxxi l-importanza tad-dehra tal-akkużat, kemm minħabba d-dritt tiegħu li jinstema’ kif ukoll minħabba n-neċessità ta’ stħarriġ tal-eżattezza tad-dikjarazzjonijiet tiegħu, u li dawn jiġu konfrontati ma’ dak li jingħad mill-vittma u mix-xhieda, hija tħalli lill-Istati Membri l-flessibbiltà kollha sabiex jorganizzaw ir-regoli tal-proċess sabiex jiżguraw in-natura kontradittorja tad-dibattiti u “jiffavorixxu” l-preżenza tal-akkużat. Għalhekk, din il-qorti tistieden biss lil-leġiżlatur nazzjonali “jiskoraġġixxi” l-astensjonijiet inġustifikati ( 52 ) bl-użu ta’ mezzi li għandu fl-ordinament ġuridiku nazzjonali tiegħu. Għalhekk, kif juri l-vokabolarju użat, l-imsemmija qorti ma tistabbilixxi ebda obbligu fuq il-persuna akkużata li tidher fil-proċess tagħha.

118.

Għaldaqstant, fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2016/343 li permezz tiegħu l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni akkużati jkollhom id-dritt li jkunu preżenti fil-proċess tagħhom, għandu jkun interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li permezz tagħha l-persuna akkużata jkollha l-obbligu li tidher fil-proċess tagħha.

V. Konklużjoni

119.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari magħmula mis-Sofiyski Rayonen sad (il-Qorti Distrettwali ta’ Sofija, il-Bulgarija):

1)

L-Artikolu 8(1) tad-Direttiva (UE) 2016/343 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Marzu 2016 dwar it-tisħiħ ta’ ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tad-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess fil-proċedimenti kriminali, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi prattika nazzjonali li permezz tagħha titwettaq l-eżekuzzjoni ta’ miżura ta’ tneħħija flimkien ma’ projbizzjoni ta’ dħul u ta’ residenza fil-konfront ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz, waqt li huwa jkun is-suġġett ta’ proċeduri kriminali minħabba t-twettiq ta’ reat serju, mingħajr ma l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jadottaw il-miżuri partikolari meħtieġa sabiex jippermettu lil dan iċ-ċittadin ikun preżenti fil-proċess tiegħu.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn flimkien ma’ projbizzjoni ta’ dħul u ta’ residenza teħtieġ li jiġi vverifikat, każ b’każ, jekk l-eżekuzzjoni immedjata ta’ din id-deċiżjoni hijiex kompatibbli mad-drittijiet tad-difiża tal-persuna akkużata u, jekk ikun il-każ, jekk għandhiex tiġi posposta t-tneħħija jew tiġi rtirata jew sospiża l-projbizzjoni ta’ dħul u ta’ residenza, skont l-Artikolu 9 u l-Artikolu 11(2) ta’ din id-direttiva.

2)

L-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2016/343 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li Stat Membru jagħti deċiżjoni fil-konfront ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ ritorn flimkien ma’ projbizzjoni ta’ dħul u ta’ residenza fit-territorju nazzjonali fl-assenza tiegħu, bil-kundizzjoni li l-persuna tkun ġiet informata, fi żmien xieraq, mhux biss bil-proċess u bil-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ dehra, iżda wkoll bil-miżuri partikolari li tqiegħdu għad-dispożizzjoni tagħha sabiex jippermettulha tkun preżenti fil-proċess tagħha u tkun irrinunzjat għalihom b’mod liberu u mingħajr ekwivoku, jew li din il-persuna, li kienet informata bil-proċess, tkun irrappreżentata, b’mod adegwat, minn avukat inkarigat minnha jew maħtur ex officio.

3)

L-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2016/343 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li Stat Membru jista’ jqis li l-persuna rrinunzjat b’mod liberu milli tkun preżenti fil-proċess tagħha, meta din minkejja li kienet informata bil-konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ dehra, esprimiet din il-volontà matul il-proċedura istruttorja fi stadju fejn id-data tal-proċess ma kinitx iffissata.

4)

L-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2016/343, li permezz tiegħu l-Istati Membri jiżguraw li l-persuni akkużati jkollhom id-dritt li jkunu preżenti fil-proċess tagħhom, jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-persuna akkużata għandha l-obbligu li tidher fil-proċess tagħha.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Marzu 2016 dwar it-tisħiħ ta’ ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tad-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess fil-proċedimenti kriminali (ĠU 2016, L 65, p. 1).

( 3 ) ĠU 2008, L 348, p. 98.

( 4 ) Iktar ’il quddiem in-“NPK”.

( 5 ) DV Nru 153, iktar ’il quddiem iz-“ZChRB”.

( 6 ) Wara t-talba għal kjarifika magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-qorti tar-rinviju ppreċiżat li l-paragrafu 16 taz-Zakon za izmenenie i dopalnenie na zakona za Chuzhdentsite v Republika Balgaria (il-Liġi li Temenda l-Liġi dwar il-Barranin fir-Repubblika tal-Bulgarija, DV Nru 36) tal‑15 ta’ Mejju 2009, jindika li r-rekwiżiti tad-Direttiva 2008/115 kienu ġew implimentati.

( 7 ) Infakkar li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni mal-qrati nazzjonali stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tagħti lill-qorti tar-rinviju risposta utli li tippermettilha tiddeċiedi l-kawża li għandha quddiemha. Minn din il-perspettiva, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tieħu inkunsiderazzjoni regoli tad-dritt tal-Unjoni li għalihom il-qorti tar-rinviju ma għamlitx riferiment fid-domandi preliminari tagħha, sa fejn dawn ir-regoli jkunu neċessarji għall-finijiet tal-eżami tal-kawża prinċipali. Ara b’mod partikolari, is-sentenzi tad‑29 ta’ April 2021, Banco de Portugal et (C‑504/19, EU:C:2021:335, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tat‑23 ta’ Novembru 2021, IS (Illegalità tad-digriet tar-rinviju) (C‑564/19, EU:C:2021:949, punt 99).

( 8 ) Ara s-sentenza tas‑6 ta’ Diċembru 2012, Sagor (C‑430/11, EU:C:2012:777, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 9 ) Ara b’mod partikolari, is-sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2021, Westerwaldkreis (C‑546/19, EU:C:2021:432, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 10 ) Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li tifforma parti minnha. Ara, bħala eżempju, is-sentenza tal‑14 ta’ Ottubru 2021, Dyrektor Z. Oddziału Regionalnego Agencji Restrukturyzacji i Modernizacji Rolnictwa (C‑373/20, EU:C:2021:850, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 11 ) Iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950, iktar ’il quddiem il-“KEDB”.

( 12 ) Sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Generalstaatsanwaltschaft Hamburg (C‑416/20 PPU, EU:C:2020:1042, punt 43).

( 13 ) Ara l-premessa 33 tad-Direttiva 2016/343.

( 14 ) Sentenza tas‑26 ta’ Ġunju 2007, Ordre des barreaux francophones et germanophone et (C‑305/05, EU:C:2007:383, punt 29).

( 15 ) Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, kull persuna għandha dritt li l-kawża tagħha tinstema’ b’mod ġust, pubbliku u f’terminu raġonevoli minn qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi, kull persuna għandu jkollha l-possibbiltà li tieħu parir, ikollha difiża u tkun irrappreżentata.

( 16 ) Iktar ’il quddiem, il-“Karta”.

( 17 ) Sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Gambino u Hyka (C‑38/18, EU:C:2019:628, punt 38).

( 18 ) Ara b’mod partikolari, is-sentenza tat‑13 ta’ Frar 2020 (C‑688/18, EU:C:2020:94, punt 36), li tirreferi għas-sentenzi tal-Qorti EDB tat‑23 ta’ Novembru 2006, Jussila vs Il-Finlandja (CE:ECHR:2006:1123JUD007305301, § 40), u tal‑4 ta’ Marzu 2008, Hüseyin Turan vs It-Turkija (CE:ECHR:2008:0304JUD001152902, § 31).

( 19 ) Ara s-sentenza tal-Qorti EDB tat‑23 ta’ Mejju 2000, Van Pelt vs Franza (CE:ECHR:2000:0523JUD003107096, § 66).

( 20 ) C‑38/18, EU:C:2019:628, punt 42.

( 21 ) Ara s-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Gambino u Hyka (C‑38/18, EU:C:2019:628, punt 43).

( 22 ) F’dan ir-rigward, infakkar li skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċett ta’ “proċess li rriżulta fid-deċiżjoni” għandu jinftiehem bħala li jirreferi għall-proċedura li wasslet għad-deċiżjoni ġudizzjarja li b’mod definittiv ikkundannat lill-persuna, u fil-każ fejn il-proċess kriminali involva diversi każijiet li wasslu għal deċiżjonijiet suċċessivi, hija ddeċidiet li l-imsemmi kunċett jirreferi għall-aħħar istanza ta’ dan il-proċess li fih qorti, wara li eżaminat il-każ fil-fatt u fid-dritt, iddeċidiet b’mod definittiv dwar il-ħtija tal-parti kkonċernata u kkundannatha għal piena li ċċaħħad mil-libertà. Ara f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2017 Ardic (C‑571/17 PPU, EU:C:2017:1026, punti 6465). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-imsemmi kunċett għandu jkun is-suġġett ta’ interpretazzjoni awtonomu u uniformi fi ħdan l-Unjoni, indipendentement mill-klassifikazzjonijiet u mir-regoli fil-mertu u proċedurali, fin-natura tagħhom diverġenti, fil-qasam kriminali, fid-diversi Stati Membri (punt 63). Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll li l-istess kunċett ikopri wkoll proċedura sussegwenti li fi tmiemha tingħata deċiżjoni ġudizzjarja li temenda b’mod definittiv il-livell ta’ piena jew ta’ diversi pieni ppronunzjati preċedentement, sa fejn l-awtorità li adottat din id-deċiżjoni tal-aħħar kellha f’dan ir-rigward marġni ta’ diskrezzjoni (punt 66).

( 23 ) Fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Artikoli 8 u 9 tad-Direttiva 2016/343, ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Spetsializirana prokuratura et (Proċess ta’ akkużat maħrub) (C‑569/20, EU:C:2022:26), attwalment pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li tirrigwarda l-punt sa fejn persuna maħruba tista’ tibbenefika minn proċedura ġudizzjarja ġdida.

( 24 ) Ara, pereżempju, il-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Assistenza Reċiproka f’Materji Kriminali, iffirmata fi Strasbourg fl-20 ta’ April 1959, STE Nru 30.

( 25 ) Ara, fir-rigward tal-valur tal-premessi, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-kawża Planet49 (C‑673/17, EU:C:2019:246, punt 71).

( 26 ) Ara pereżempju, fil-każ ta’ detenzjoni, is-sentenzi tal-Qorti EDB tat‑28 ta’ Awwissu 1991, FCB vs L-Italja (CE:ECHR:1991:0828JUD001215186), kif ukoll tal‑31 ta’ Marzu 2005, Mariani vs Franza (CE:ECHR:2005:0331JUD004364098), għal dak li jirrigwarda l-ksur tal-Artikolu 6 tal-KEDB. F’każ ta’ riskju ta’ persekuzzjonijiet, ara b’mod partikolari, is-sentenza tal-Qorti EDB tat‑2 ta’ Ottubru 2018, Bivolaru vs Ir-Rumanija (CE:ECHR:2018:1002JUD006658012), dwar in-nuqqas ta’ ksur ta’ dan l-artikolu tal-KEDB. Għal raġunijiet ta’ saħħa, ara bħala eżempju, id-deċiżjoni tal-Qorti EDB tat‑12 ta’ Frar 2004, De Lorenzo vs L-Italja (Nru 69264/01,CE:ECHR:2004:0212DEC006926401), dwar in-nuqqas ta’ ksur tal-imsemmi artikolu tal-KEDB. Minħabba l-lokalizzazzjoni f’pajjiż barrani, ara s-sentenza tal-Qorti EDB tal‑24 ta’ Marzu 2005, Stoichkov vs Il-Bulgarija (CE:ECHR:2005:0324JUD000980802), dwar il-ksur tal-istess artikolu tal-KEDB.

( 27 ) CE:ECHR:1991:0828JUD001215186.

( 28 ) Dan jiddistingwi d-Direttiva 2016/343 mid-Direttiva 2012/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Ottubru 2012 li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/220/ĠAI (ĠU 2012 L 315, p. 57), li fiha l-Artikolu 17 huwa ddedikat għad-drittijiet tal-vittmi residenti fi Stat Membru ieħor.

( 29 ) Ara s-sentenzi tat‑22 ta’ Diċembru 2017, Ardic (C‑571/17 PPU, EU:C:2017:1026), u tat‑13 ta’ Frar 2020, Spetsializirana prokuratura (Seduta fl-assenza tal-persuna akkużata) (C‑688/18, EU:C:2020:94).

( 30 ) ĠU 2008, L 327, p. 27. Ara, wkoll, l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI tas‑26 ta’ Frar 2009 li temenda d-Deċiżjonijiet Qafas 2002/584/ĠAI, 2005/214/ĠAI, 2006/783/ĠAI, 2008/909/ĠAI u 2008/947/ĠAI, u b’hekk issaħħaħ id-drittijiet proċedurali ta’ persuni, li trawwem l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku fir-rigward ta’ deċiżjonijiet mogħtija fl-assenza tal-persuna konċernata fil-kawża (ĠU 2009, L 81, p. 24), peress li din tirrettifika l-Artikolu 4a tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat‑13 ta’ Ġunju 2002 fuq il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ ċediment bejn l-Istati Membri (ĠU 2002, L 190, p. 1). Kif jirriżulta mill-formulazzjoni stess tal-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, l-awtorità ġudizzjarja tal-eżekuzzjoni tista’ wkoll tiċħad l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-finijiet li tiġi eżegwita sentenza ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni jekk il-persuna ma dehritx personalment fil-proċess li rriżulta fid-deċiżjoni, sakemm dan il-mandat ma jiddikjarax li l-kundizzjonijiet stabbilita fil-punti (a) sa (d) ta’ din id-dispożizzjoni, rispettivament, ġew issodisfatti. Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Generalstaatsanwaltschaft Hamburg (C‑416/20 PPU, EU:C:2020:1042, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 31 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tal-Qorti EDB tas‑17 ta’ Jannar 2012, Othman (Abu Qatada) vs Ir-Renju Unit (CE:ECHR:2012:0117JUD000813909, § 258 u 259).

( 32 ) Ara l-premessi 2 u 11 tad-Direttiva 2008/115, kif ukoll is-sentenzi tat‑18 ta’ Diċembru 2014, Abdida (C‑562/13, EU:C:2014:2453, punt 42) u tat‑2 ta’ Lulju 2020, Stadt Frankfurt am Main (C‑18/19, EU:C:2020:511, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 33 ) Sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2015, Zh. u O. (C‑554/13, EU:C:2015:377, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 34 ) Ara l-punti 69 u 70 ta’ din is-sentenza.

( 35 ) Hawnhekk il-leġiżlatur tal-Unjoni jintegra l-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, li tgħid li la l-formulazzjoni u lanqas l-ispirtu tal-Artikolu 6 tal-KEDB ma jipprekludu lil persuna milli tirrinunzja, bir-rieda tagħha, għall-garanziji ta’ smigħ xieraq b’mod espress jew taċitu. Madankollu, din ir-rinunzja għandha tkun stabbilita b’mod inekwivoku. Ara, bħala eżempju, is-sentenza tal-Qorti EDB tal‑1 ta’ Marzu 2006, Sejdovic vs L-Italja, (CE:ECHR:2006:0301JUD005658100, § 86), kif ukoll tat‑13 ta’ Marzu 2018, Vilches Coronado et vs Spanja, (CE:ECHR:2018:0313JUD005551714, § 36). Ara wkoll, f’dan ir-rigward, is-sentenza tat‑13 ta’ Frar 2020, Spetsializirana prokuratura (Seduta fl-assenza tal-persuna akkużata) (C‑688/18, EU:C:2020:94, punt 37).

( 36 ) Fil-każ fejn dawn il-kundizzjonijiet ma jistgħux jiġu osservati għax il-persuna akkużata ma tkunx tista’ tinstab, minkejja l-isforzi magħmula għal dan il-għan mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, l-Artikolu 8(4) u l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2016/343 jeħtieġu li l-Istati Membri jiżguraw proċess ġudizzjarju ġdid.

( 37 ) Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-qrati nazzjonali għandhom jeżerċitaw id-diliġenza meħtieġa billi jħarrku lill-akkużat fil-forma xierqa u dovuta. Ara, bħala eżempju, is-sentenzi tal-Qorti EDB tat‑12 ta’ Frar 1985, Colozza vs L-Italja (CE:ECHR:1985:0212JUD000902480, § 32), u tat‑12 ta’ Ġunju 2018, M.T.B. vs It-Turkija (CE:ECHR:2018:0612JUD004708106, § 49 sa 53). Dan jimplika li jkun avżat minn qabel biż-żamma ta’ seduta b’mod li mhux biss ikun jaf bid-data, il-ħin u l-post tas-seduta, iżda wkoll li jkollu żmien suffiċjenti sabiex jipprepara d-difiża tiegħu u jidher fil-qorti. Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti EDB tat‑28 ta’ Awwissu 2018, Vyacheslav Korchagin vs Ir-Russja (CE:ECHR:2018:0828JUD001230716, § 65).

( 38 ) Ara wkoll, il-premessa 37 tad-Direttiva 2016/343.

( 39 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-premessa 12 tad-Direttiva 2016/343.

( 40 ) Ara b’mod partikolari, is-sentenza tal-Qorti EDB tal‑14 ta’ Ġunju 2001, Medenica vs l-Isvizzera (CE:ECHR:2001:0614JUD002049192), li fiha l-Qorti rrilevat, fir-rigward tal-persuna kkonċernata, li kienet ġiet informata fi żmien xieraq bil-proċess miftuħ fil-konfront tagħha u bid-data tal-proċess tagħha, li “waqt id-dibattiti, id-difiża [tagħha] kienet żgurata miż-żewġ avukati tal-għażla tagħha” (§ 56).

( 41 ) Ara f’dan ir-rigward, is-sentenzi tal-Qorti EDB tat‑13 ta’ Frar 2001, Krombach vs Franza (CE:ECHR:2001:0213JUD002973196, § 89), u tal-1 ta’ Marzu 2006, Sejdovic vs L-Italja (CE:ECHR:2006:0301JUD005658100, § 91).

( 42 ) Ara b’mod partikolari, is-sentenza tal-Qorti EDB tal‑1 ta’ Marzu 2006, Sejdovic vs L-Italja (CE:ECHR:2006:0301JUD005658100, § 91). Korsiv miżjud minni.

( 43 ) F’dan il-kuntest, infakkar li skont il-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċett ta’ “proċess li rriżulta fid-deċiżjoni” għandu jkun suġġett għal interpretazzjoni awtonoma u uniformi fi ħdan l-Unjoni, indipendentement mill-klassifikazzjonijiet u mir-regoli fil-mertu u proċedurali, fin-natura tagħhom diverġenti, fil-qasam kriminali, fid-diversi Stati Membri. Dan il-kunċett huwa ddefinit mill-Qorti tal-Ġustizzja bħala li jirreferi għall-proċedura li wasslet għad-deċiżjoni ġudizzjarja li b’mod definittiv ikkundannat lill-persuna. Fil-każ fejn il-proċess kriminali involva diversi każijiet li wasslu għal deċiżjonijiet suċċessivi, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-imsemmi kunċett jirreferi għall-aħħar istanza ta’ dan il-proċess li fih qorti, wara li eżaminat il-każ fil-fatt u fid-dritt, iddeċidiet b’mod definittiv dwar il-ħtija tal-parti kkonċernata u kkundannatha għal piena li ċċaħħad il-libertà. Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2017, Ardic (C‑571/17 PPU, EU:C:2017:1026, punti 63 sa 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 44 ) Ara, bħala eżempju, is-sentenzi tal-Qorti EDB tat‑12 ta’ Frar 1985, Colozza vs L-Italja (CE:ECHR:1985:0212JUD000902480, § 32), u tat‑12 ta’ Ġunju 2018, M.T.B. vs It-Turkija (CE:ECHR:2018:0612JUD004708106, § 49 sa 53). Skont il-ġurisprudenza ta’ din il-qorti, tali rinunzja ma tistax tiġi dedotta la minn konoxxenza vaga u mhux uffiċjali [ara, b’mod partikolari, Qorti EDB, tat‑23 ta’ Mejju 2006, Kounov vs L-Italja (CE:ECHR:2006:0523JUD002437902, § 47)], la minn sempliċi preżunzjoni, u lanqas minn sempliċi kwalità ta’ persuna maħruba [ara Qorti EDB, tat‑12 ta’ Frar 1985, Colozza vs L-Italja (CE:ECHR:1985:0212JUD000902480, § 28)].

( 45 ) Ara s-sentenzi tal-Qorti EDB tal‑1 ta’ Marzu 2006, Sejdovic vs L-Italja (CE:ECHR:2006:0301JUD005658100, § 98 u 99); tat‑23 ta’ Mejju 2006, Kounov vs Il-Bulgarija (CE:ECHR:2006:0523JUD002437902, § 47); tas‑26 ta’ Jannar 2017, Lena Atanasova vs Il-Bulgarija (CE:ECHR:2017:0126JUD005200907, § 52), kif ukoll tat‑2 ta’ Frar 2017, Ait Abbou vs Franza (CE:ECHR:2017:0202JUD004492113, § 62 sa 65).

( 46 ) Ara Qorti EDB, tat‑12 ta’ Frar 1985 Colozza vs L-Italja (CE:ECHR:1985:0212JUD000902480, § 28).

( 47 ) Ara l-premessi 2, 3, 4 u 10 tad-Direttiva 2016/343.

( 48 ) Madankollu, nirrileva li din ir-regola għandha diversi eċċezzjonijiet. B’mod partikolari, l-Artikolu 269(4) tan-NPK jippreċiża li l-preżenza tal-persuna kkonċernata ma hijiex obbligatorja jekk din ma tipprekludix l-iżvelar tal-verità oġġettiva, meta din tkun barra mit-territorju tar-Repubblika tal-Bulgarija u meta l-post ta’ residenza tagħha ma jkunx magħruf.

( 49 ) Ara wkoll il-premessa 35 tad-Direttiva 2016/343.

( 50 ) Ara l-opinjoni konkordanti tal-Imħallef Giovanni Bonello fis-sentenza tal-Qorti EDB tal‑21 ta’ Jannar 1999, Van Geyseghem vs Il-Belġju (CE:ECHR:1999:0121JUD002610395).

( 51 ) Ara f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑19 ta’ Settembru 2018, Milev (C‑310/18 PPU, EU:C:2018:732, punti 45 sa 47) u tat‑13 ta’ Frar 2020 Spetsializirana prokuratura (Seduta fl-assenza tal-persuna akkużata) (C‑688/18, EU:C:2020:94, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 52 ) Ara b’mod partikolari, is-sentenzi tal-Qorti EDB tat‑23 ta’ Novembru 1993, Poitrimol vs Franza (CE:ECHR:1993:1123JUD001403288, § 35) u tad‑9 ta’ Lulju 2015, Tolmachev vs L-Estonja (CE:ECHR:2015:0709JUD007374813, § 47).