KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
RANTOS
ippreżentati fit‑2 ta’ Settembru 2021 ( 1 )
Kawża C‑388/20
Bundesverband der Verbraucherzentralen und Verbraucherverbände – Verbraucherzentrale Bundesverband e.V.
vs
Dr. August Oetker Nahrungsmittel KG
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesgerichtshof (il‑Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja)]
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Regolament (UE) Nru 1169/2011 – Informazzjoni dwar il-prodotti tal-ikel lill-konsumaturi – Artikolu 9(1)(l) – Dikjarazzjoni dwar in-nutrizzjoni – It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 31(3) – Kalkolu tal-valur enerġetiku u tal-ammonti ta’ nutrijenti – It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 33(2) – Espressjoni abbażi ta’ kull porzjon jew kull unità ta’ konsum”
I. Introduzzjoni
|
1. |
Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l‑interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 dwar l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-ikel lill‑konsumaturi ( 2 ). B’mod iktar preċiż, il-qorti tar-rinivju tixtieq tkun taf jekk, u taħt liema kundizzjonijiet, tista’ tingħata, fuq in-naħa ta’ quddiem tal‑pakkett ta’ ikel, informazzjoni volontarja dwar in-nutrizzjoni li ma hijiex relatata mal-ikel kif jinbiegħ, iżda ma’ porzjonijiet tiegħu wara l-preparazzjoni flimkien ma’ ingredjenti addizzjonali. |
|
2. |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn il-Bundesverband der Verbraucherzentralen und Verbraucherverbände – Verbraucherzentrale Bundesverband e.V. (l-Unjoni Federali taċ-Ċentri u tal-Assoċjazzjonijiet tal-Konsumaturi, il-Ġermanja, iktar ’il quddiem il‑“BVV”) u produttur ta’ prodotti tal-ikel, Dr. August Oetker Nahrungsmittel KG (iktar ’il quddiem “Dr. Oetker”), dwar il-konformità tal-ittikkettjar dwar in-nutrizzjoni li jinsab fuq in-naħa ta’ quddiem ta’ pakkett ta’ muesli (iktar ’il quddiem il-“prodott inkwistjoni”) mar-rekwiżiti relatati mal-informazzjoni dwar in-nutrizzjoni mogħtija b’mod volontarju u, b’mod partikolari, mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 31(3) u mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 33(2) tar-Regolament Nru 1169/2011. |
|
3. |
Minkejja li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni li tinterpreta r-Regolament Nru 1169/2011, u, b’mod partikolari, id‑Direttivi 2000/13/KE ( 3 ) u 90/496/KEE ( 4 ) li tħassru minn dan ir‑regolament, din hija l-ewwel darba li ser tittratta l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet relatati mal-ittikkettjar volontarju dwar in-nutrizzjoni ta’ prodotti tal-ikel ( 5 ). |
|
4. |
Permezz ta’ dawn il-konklużjonijiet, ser insostni li l-ittikkettjar volontarju dwar in-nutrizzjoni ta’ ikel ippakkjat bil-lest, bħal dak tal‑prodott inkwistjoni, li huwa kkonsmat skont modi differenti ta’ preparazzjoni, ma huwiex konformi mar-rekwiżiti previsti mir‑Regolament Nru 1169/2011 jekk l-informazzjoni relatata mal-valur enerġetiku u mal-ammonti ta’ nutrijenti hija pprovduta biss għal forma waħda ta’ preparazzjoni minflok ma tiġi rrapportata wkoll, għal kull 100 g, fil-forma tal-prodott tal-ikel kif jinbiegħ. |
II. Il-kuntest ġuridiku
|
5. |
Il-premessi 10, 17, 35, 37 u 41 tar-Regolament Nru 1169/2011 jistipulaw:
[…]
[…]
[…]
[…]
|
|
6. |
L-Artikolu 9 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Lista ta’ dettalji obbligatorji”, jinkludi l-paragrafu 1 li huwa fformulat kif ġej: “Konformement mal-Artikoli 10 sa 35 u skont l-eċċezzjonijiet li hemm f’dan il-Kapitolu, hija obbligatorja l-indikazzjoni tad-dettalji li ġejjin: […] l) dikjarazzjoni ta’ nutrizzjoni.” |
|
7. |
L-Artikolu 30 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Kontenut”, jipprevedi: “1. Id-dikjarazzjoni obbligatorja dwar in-nutrizzjoni għandha tinkludi dan li ġej:
[…] 3. Fejn it-tikkettar ta’ ikel ippakkjat bil-lest jipprevedi d‑dikjarazzjoni obbligatorja dwar in-nutrizzjoni msemmija fil-paragrafu 1, l-informazzjoni li ġejja tista’ tiġi ripetuta fiha:
4. B’deroga mill-Artikolu 36(1), fejn it-tikkettar tal-prodotti msemmija fl-Artikolu 16(4) jipprevedi dikjarazzjoni dwar in‑nutrizzjoni, il-kontenut ta’ dik id-dikjarazzjoni jista’ jkun limitat biss għall-valur enerġetiku. 5. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 44 u b’deroga mill-Artikolu 36(1), fejn it-tikkettar tal-prodotti msemmija fl-Artikolu 44(1) jipprovdi dikjarazzjoni dwar in-nutrizzjoni, il-kontenut ta’ dik id‑dikjarazzjoni jista’ jkun limitat biss għal:
[…]” |
|
8. |
L-Artikolu 31 tal-istess regolament, intitolat “Kalkolu”, fil‑paragrafu 3 tiegħu jipprevedi: “Il-valur enerġetiku u l-ammonti ta’ nutrijenti msemmijin fl‑Artikolu 30(1) sa (5) għandhom ikunu dawk tal-ikel kif jinbiegħ. Fejn adegwat, l-informazzjoni tista’ tkun marbuta mal-ikel wara l‑preparazzjoni, dejjem jekk jingħataw istruzzjonijiet dettaljati biżżejjed dwar il-preparazzjoni u l-informazzjoni tkun marbuta mal-ikel kif jiġi mħejji għall-konsum.” |
|
9. |
L-Artikolu 32 tar-Regolament Nru 1169/2011, intitolat “Espressjoni għal kull 100 g jew għal kull 100 ml”, fil-paragrafu 2 tiegħu jistipula: “Il-valur enerġetiku u l-ammont ta’ nutrijenti msemmija fl‑Artikolu 30(1) sa (5) għandhom ikunu espressi għal kull 100 g jew għal kull 100 ml.” |
|
10. |
L-Artikolu 33 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Espressjoni abbażi ta’ kull porzjon jew kull unità ta’ konsum”, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu jipprevedi: “1. Fil-każijiet li ġejjin, il-valur enerġetiku u l-ammont ta’ nutrijenti msemmija fl-Artikolu 30(1) sa (5) jistgħu jkunu espressi għal kull porzjon u/jew għal kull unità ta’ konsum, faċilment rikonoxxibbli mill‑konsumaturi, sakemm il-porzjon jew l-unità tkun kwantifikata fit‑tikketta u li l-għadd ta’ porzjonijiet jew unitajiet li jinsabu fil-pakkett ikun imsemmi:
2. B’deroga mill-Artikolu 32(2), fil-każijiet imsemmijin fil-punt (b) tal-Artikolu 30(3) l-ammont ta’ nutrijenti u/jew il-perċentwal tal‑konsum referenzjali stabbilit fil-Parti B tal-Anness XIII jistgħu jkunu espressi abbażi ta’ unità għal kull porzjon jew għal kull unità tal‑konsum biss. Meta l-ammonti tan-nutrijenti jkunu espressi fuq il-bażi ta’ kull porzjon jew ta’ kull unità ta’ konsum biss skont l-ewwel subparagrafu, il-valur enerġetiku għandu jiġi espress għal kull 100 g jew għal kull 100 ml u fuq il-bażi ta’ kull porzjon jew ta’ kull unità tal-konsum.” |
III. Il-kawża prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
|
11. |
Dr. Oetker hija impriża tal-ikel Ġermaniża li tipproduċi u tikkummerċjalizza muesli bl-isem ta’ “Dr. Oetker Vitalis Knuspermüsli Schoko+Keks” (muesli krokkanti biċ-ċikkulata u gallettini). Il-pakkett ta’ dan il-prodott huwa magħmul minn kaxxa tal-kartun fil-forma ta’ kubu. |
|
12. |
Dan il-pakkett fih id-dikjarazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni segwenti:
|
|
13. |
Il-BVV tqis li l-ittikkettjar dwar in-nutrizzjoni tal-prodott inkwistjoni jikser id-dispożizzjonijiet dwar id-dikjarazzjoni dwar in‑nutrizzjoni previsti mir-Regolament Nru 1169/2011. Dr. Oetker allegatament kisret l-Artikolu 33 ta’ dan ir-regolament, moqri flimkien mal-Artikoli 30 u 32 tiegħu, minħabba li, fuq il-faċċata tal-pakkett tal‑prodott inkwistjoni, il-valur enerġetiku huwa indikat mhux skont il‑porzjon tal-prodott kif jinbiegħ (jiġifieri 1880 kJ), iżda biss skont il‑porzjon tal-prodott wara l-preparazzjoni (jiġifieri 872 kJ). Minħabba f’hekk, il-BVV intimat lil Dr. Oetker u talbet, essenzjalment, li din tal‑aħħar tintrabat li tastjeni, suġġett għal klawżola penali. |
|
14. |
Peress li din l-intimazzjoni baqgħet mingħajr effett, il-BVV ippreżentat rikors quddiem il-Landgericht Bielefeld (il-Qorti Reġjonali ta’ Bielefeld, il-Ġermanja) li, wara li laqgħet dan ir-rikors, permezz ta’ sentenza tat‑8 ta’ Awwissu 2018, iddeċidiet, minn naħa waħda, li l-ittikkettajr fuq il-faċċata tal-pakkett tal-prodott inkwistjoni, li ma kienx jindika l-valur enerġetiku għal kull porzjon tal-prodott kif jinbiegħ, ma kienx konformi mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 33(2) tar‑Regolament Nru 1169/2011 u, min-naħa l-oħra, li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 31(3) ta’ dan ir-regolament ma kienx japplika peress li “fażijiet ta’ trasformazzjoni sinjifikattivi ferm” kienu nieqsa f’dan il-każ. |
|
15. |
Wara li Dr. Oetker ippreżentat appell, l-Oberlandesgericht Hamm (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Hamm, il-Ġermanja), permezz ta’ sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 2019, annullat din is-sentenza u ċaħdet l-appell tal-BVV. |
|
16. |
Skont din il-qorti, id-dikjarazzjoni dwar il-valur enerġetiku għal kull porzjon tal-prodott inkwistjoni wara l-preparazzjoni kienet suffiċjenti. Minn naħa, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 33(2) tar-Regolament Nru 1169/2011 ma kienx jirrikjedi li għandu jiġi indikat fuq il-faċċata tal-pakkett ta’ prodott tal-ikel, apparti l-informazzjoni dwar in-nutrizzjoni li kienet diġà tinstab hemm, il-valur enerġetiku tal‑prodott kif jinbiegħ. Fil-fatt, id-dikjarazzjoni obbligatorja dwar in‑nutrizzjoni, irregolata fl-Artikolu 30(1) ta’ dan ir-regolament, saret permezz ta’ indikazzjonijiet – mhux ikkontestati f’dan il-każ – li jinsabu fuq il-ġenb tal-pakkett tal-prodott inkwistjoni. Għalhekk, l-indikazzjonijiet li jinsabu fuq il-faċċata tal-pakkett kienu jikkostitwixxu, min-naħa tagħhom, informazzjoni rrepetuta fis-sens tal-Artikolu 30(3)(b) ta’ dan ir‑regolament. F’tali kuntest, fejn il-valur enerġetiku u l-ammonti ta’ nutrijenti huma espressi biss skont il-porzjon f’din l-informazzjoni rrepetuta, il-valur enerġetiku għandu, skont it-tieni subparagrafu tal‑Artikolu 33(2) tal-istess regolament ikun espress għal kull 100 g tal‑prodott tal-ikel wara l-preparazzjoni. Min-naħa l-oħra, mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 31(3) tar-Regolament Nru 1169/2011 jirriżulta li l-indikazzjoni tal-valur enerġetiku tista’ tingħata wkoll għall‑prodott tal-ikel wara l-preparazzjoni, bil-kundizzjoni li – bħal f’dan il-każ – il-mod ta’ preparazzjoni huwa deskritt b’mod suffiċjentement iddettaljat u li l-informazzjoni tirrigwarda l-prodott tal-ikel lest għall‑konsum. Barra minn hekk, dan ir-regolament ma jinkludix elementi insostenn tal-argument tal-Landgericht Bielefeld (il‑Qorti Reġjonali ta’ Bielefeld) li t-terminu “preparazzjoni”, fis-sens ta’ din id‑dispożizzjoni, għandu jinftiehem bħala li jinvolvi “fażijiet ta’ trasformazzjoni sinjifikattivi ferm”, bħat-tisjir jew it-tisħin. |
|
17. |
Il-BVV ippreżentat appell għal reviżjoni quddiem il‑Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja), il‑qorti tar-rinviju, mis-sentenza tal-Oberlandesgericht Hamm (il‑Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Hamm). |
|
18. |
Skont il-qorti tar-rinviju, l-eżitu ta’ dan l-appell għal reviżjoni jiddependi b’mod partikolari fuq jekk l-Artikolu 31(3) u l‑Artikolu 33(2) tar-Regolament Nru 1169/2011 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li huwa pprojbit, f’każ bħal dak inkwistjoni fil‑kawża prinċipali, li fuq il-faċċata tal-pakkett tissemma, għal finijiet promozzjonali, informazzjoni dwar in-nutrizzjoni għal kull porzjon tal‑prodott tal-ikel wara l-preparazzjoni, mingħajr ma jiġi indikat il-valur enerġetiku għal kull 100 g ta’ dan il-prodott tal-ikel kif jinbiegħ. |
|
19. |
Kien f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
|
20. |
Il-partijiet fil-kawża prinċipali u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tgħaddi għas-sentenza mingħajr ma tinżamm seduta għas-sottomissjonijiet orali, skont l‑Artikolu 76(2) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha. |
IV. Analiżi
A. Osservazzjonijiet preliminari
|
21. |
Dawn id-domandi preliminari jirrigwardaw ir-rekwiżiti dwar l-ittikkettjar dwar in-nutrizzjoni tal-prodotti tal-ikel stabbiliti bir‑Regolament Nru 1169/2011. Fid-dawl tal-teknikalità tal‑leġiżlazzjoni inkwistjoni, inqis utili li qabel xejn tingħata ħarsa ġenerali lejn il-qafas regolatorju rilevanti (1.), sabiex jinftiehem aħjar l-ittikkettjar dwar in-nutrizzjoni tal-prodott inkwistjoni u d-domandi magħmula (2.). |
1. Il-qafas regolatorju rilevanti
a) Il-ġenesi u l-għanijiet li għandhom jintlaħqu
|
22. |
Il-kuntest ġuridiku li jirregola l-ittikkettjar tal-prodotti tal-ikel kien żviluppat mid-Direttiva 79/112/KEE ( 6 ), li kienet intiża sabiex tistipula regoli komuni “sabiex ikun mgħejjun il-funzjonament tas-suq komuni” [traduzzjoni mhux uffiċjali], peress li d-differenzi bejn ir-regoli nazzjonali kienu tqisu bħala ostakolu għall-moviment liberu tal-prodotti tal-ikel bejn l-Istati Membri ( 7 ). Minkejja li din id-direttiva kienet intiża prinċipalment sabiex telimina tali ostakoli, il-leġiżlatur irrikonoxxa wkoll li tali regoli għandhom ikunu bbażati “qabelxejn, fuq il-ħtieġa li konsumaturi jiġu informati u protetti” ( 8 ) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Din il-kunsiderazzjoni ġiet rrepetuta ( 9 ) u msaħħa ( 10 ) mid-Direttiva 2000/13, li kkodifikat u ssostitwixxiet id‑Direttiva 79/112, fejn din tal-aħħar ġiet emendata diversi drabi u b’mod sostanzjali ( 11 ). |
|
23. |
Kien biss meta l-leġiżlazzjoni dwar l-ittikkettjar ta’ prodotti tal‑ikel ġiet issimplifikata u kkodifikata f’test wieħed, jiġifieri r‑Regolament Nru 1169/2011 ( 12 ), li l-leġiżlatur tal-Unjoni ddikjara li dan ir-regolament “minbarra li jaqdi l-interessi tas-suq intern billi jissimplifika l-liġi, jiżgura ċ-ċertezza legali u jnaqqas il-piż amministrattiv, ikun ukoll ta’ benefiċċju għaċ-ċittadini billi jirrikjedi t‑tikkettar ċar, komprensibbli u leġġibbli ta’ prodotti tal-ikel” ( 13 ). Fil-fatt, l-għan ta’ dan ir-regolament ġie ddefinit bħala, b’mod partikolari, li jipprovdi “l-bażi biex jiġi assigurat livell għoli ta’ protezzjoni għall‑konsumatur b’rabta mal-informazzjoni dwar l-ikel” u li jistipula “l-mezzi biex ikun garantit id-dritt tal-konsumaturi għal informazzjoni u proċeduri għall-għoti ta’ informazzjoni dwar l-ikel” ( 14 ). F’dan il-kuntest, l-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament jistipula li wieħed mill-“għanijiet ġenerali” ta’ din il-leġiżlazzjoni huwa li “l-forniment tal‑informazzjoni dwar l-ikel għandu jsegwi livell għoli ta’ protezzjoni ta’ saħħet il-konsumaturi u tal-interessi tagħhom billi jipprovdi bażi għall-konsumaturi finali biex ikunu jistgħu jagħmlu għażliet infurmati u biex jużaw l-ikel b’mod sigur, b’mod partikolari fir-rigward ta’ konsiderazzjonijiet sanitarji, ekonomiċi, ambjentali, soċjali u etiċi” ( 15 ). |
|
24. |
Huwa għalhekk fid-dawl tal-għan oriġinali tal-funzjonament tajjeb tas-suq intern, iżda, fuq kollox, f’dan il-każ, dak tal-protezzjoni tas-saħħa tal-konsumaturi, li għandhom jiġu evalwati r-regoli dwar l‑informazzjoni dwar il-prodotti tal-ikel. |
b) L-informazzjoni obbligatorja u volontarja dwar il-prodotti tal‑ikel
|
25. |
Qabelxejn, għandu jiġi rrilevat li r-Regolament Nru 1169/2011 jagħmel distinzjoni bejn żewġ tipi ta’ informazzjoni: minn naħa waħda, “informazzjoni obbligatorja”, iddefinita bħala “id-dettalji rekwiżiti li għandhom jiġu provduti lill-konsumatur finali mid-dispożizzjonijiet tal‑Unjoni” ( 16 ), u, min-naħa l-oħra, l-“informazzjoni volontarja”, li, kif jindika t-terminu stess, hija mogħtija fuq bażi volontarja ( 17 ). |
|
26. |
L-informazzjoni obbligatorja sservi biex il-konsumaturi jkunu jistgħu jidentifikaw u jagħmlu użu adattat tal-ikel u biex jagħmlu għażliet li jaqblu mal-bżonnijiet tad-dieta tagħhom individwali ( 18 ). Id‑dispożizzjonijiet iddettaljati li jirregolaw din l-informazzjoni obbligatorja jinsabu fil-Kapitolu IV tar-Regolament Nru 1169/2011 ( 19 ). Il-lista tal-informazzjoni li għandha tidher b’mod obbligatorju fuq il‑prodotti tal-ikel hija stabbilita fl-Artikolu 9(1) ta’ dan ir-regolament u fiha, fost it-tipi differenti ta’ informazzjoni, taħt il-punt l), “dikjarazzjoni ta’ nutrizzjoni”. Din għandha tkun konformi mad‑dispożizzjonijiet speċjali tat-Taqsima 3 tal-Kapitolu IV u, b’mod partikolari, mal-Artikoli 29 sa 35 tal-imsemmi regolament ( 20 ). |
|
27. |
L-informazzjoni volontarja sservi b’mod partikolari sabiex tippermetti lill-produtturi li jixtiequ jiġbdu l-attenzjoni tal-konsumaturi għall-kwalitajiet tal-prodott tagħhom ( 21 ) jew jgħinu lill-konsumaturi jaraw faċilment, meta jixtru l-prodotti tal-ikel, l-informazzjoni essenzjali dwar in-nutrizzjoni, billi jirrepetu fil-linja viżiva ewlenija, l‑elementi l-iktar importanti tal-informazzjoni obbligatorja dwar in‑nutrizzjoni ( 22 ). Minkejja din in-natura fakultattiva, il-leġiżlatur tal‑Unjoni qies li tali indikazzjonijiet għandhom josservaw ukoll kriterji armonizzati ( 23 ). Ir-raġunijiet ta’ tali armonizzazzjoni jvarjaw skont it-tip ta’ informazzjoni volontarja. Pereżempju, fir-rigward tar-repetizzjoni tal-informazzjoni dwar in-nutrizzjoni, jekk tingħata l-għażla libera dwar l-informazzjoni li tista’ tiġi rrepetuta, il-konsumaturi jistgħu jiġu konfużi ( 24 ), jew żgwidati ( 25 ). |
|
28. |
Għal dawn ir-raġunijiet, il-preżentazzjoni ta’ informazzjoni volontarja ġiet ukoll armonizzata. Għalkemm dan l-aspett tal-ittikkettjar huwa prinċipalment irregolat mid-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu V tar‑Regolament Nru 1169/2011, intitolat “Informazzjoni volontarja dwar l-ikel”, dawn jirreferu għad-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu IV, kif ukoll għall-Kapitolu III, u b’mod partikolari għall-Artikolu 7 ta’ dan ir‑regolament, li jsemmi l-“prassi ġusta dwar l-informazzjoni”. Fil-fatt, l-informazzjoni dwar il-prodotti tal-ikel li tingħata fuq bażi volontarja, minn naħa waħda, għandha tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti għall‑informazzjoni obbligatorja tat-taqsimiet 2 u 3 tal-Kapitolu IV, jiġifieri d-“dispożizzjonijiet dettaljati” u d-dispożizzjonijiet relatati mad-“dikjarazzjoni ta’ nutrizzjoni” ( 26 ) u, min-naħa l-oħra, ma għandhiex tqarraq bil-konsumaturi, ma għandhiex tkun ambigwa jew li toħloq konfużjoni għall-konsumatur u għandha, fejn ikun il-każ, tkun ibbażata fuq id-data xjentifika rilevanti ( 27 ). |
c) L-ittikkettjar dwar in-nutrizzjoni ta’ prodotti tal-ikel
|
29. |
Fost id-dettalji obbligatorji msemmija fl-Artikolu 9(1) tar‑Regolament Nru 1169/2011 hemm id-“dikjarazzjoni ta’ nutrizzjoni” ( 28 ). It-teknikalità tar-regoli relatati mad-“dikjarazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni”, li huma magħrufa wkoll taħt l-isem “tikkettar dwar in‑nutrizzjoni” ( 29 ), hija enfasizzata mill-fatt li hija l-unika waħda li għandha ddedikata għaliha taqsima sħiħa tal-Kapitolu IV ta’ dan ir-regolament, jiġifieri t‑taqsima 3 ( 30 ), li tikkodifika, essenzjalment, id-dispożizzjonijiet tad‑Direttiva 90/496. |
|
30. |
Dawn id-dispożizzjonijiet iddettaljati tat-taqsima 3 jirregolaw il‑kontenut ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet, il-preżentazzjoni tagħhom, u l‑kalkolu tal-valur enerġetiku. Huma preċiżament dawn ir-regoli li huma inkwistjoni fil-kawża prinċipali. |
|
31. |
Fl-ewwel lok, fir-rigward tar-regoli relatati mal-kontenut tal-ittikkettjar dwar in-nutrizzjoni, ir-Regolament Nru 1169/2011 jagħmel distinzjoni bejn id-dikjarazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni “obbligatorji” u “repetuti”, peress li dawn tal-aħħar jikkostitwixxu kategorija speċifika ta’ dettalji volontarji ( 31 ). |
|
32. |
Minn naħa waħda, skont l-Artikolu 30(1) ta’ dan ir-regolament, id-dikjarazzjoni obbligatorja dwar in-nutrizzjoni għandha tinkludi l‑valur enerġetiku u l-ammont ta’ xaħam, saturati, karboidrati, zokkor, proteini u melħ. |
|
33. |
Min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 30(3) tal-imsemmi regolament, minbarra d-dikjarazzjoni obbligatorja dwar in-nutrizzjoni u meta l-ittikkettjar jirrigwarda prodott tal-ikel ippakkjat bil-lest, l-operatur tas‑settur tal-ikel jista’ jagħżel li jirrepeti kemm il-valur enerġetiku tal‑prodott tal-ikel [taħt a)], kif ukoll l-elementi l-oħra kollha l-iktar importanti inklużi fid-dikjarazzjoni obbligatorja dwar in-nutrizzjoni ( 32 ), jiġifieri l-elementi kollha ta’ din id-dikjarazzjoni bl-eċċezzjoni tal‑karobidrati u tal-proteini [taħt b)]. L-għan ta’ din il-possibbiltà li jiġu rrepetuti dawn id-dettalji huwa sabiex il-konsumaturi jiġu mgħejjuna jivviżwalizzaw b’mod faċli, waqt ix-xiri tal-prodotti tal-ikel, l‑informazzjoni essenzjali dwar in-nutrizzjoni ( 33 ). |
|
34. |
Fit-tieni lok, fir-rigward tar-regoli relatati mal-preżentazzjoni tal-ittikkettjar dwar in-nutrizzjoni, mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1169/2011 jirriżulta li d-dikjarazzjonijiet obbligatorji għandhom jidhru, bħal wara kollox id-dettalji l-oħra obbligatorji, f’post li jidher, b’tali mod li jkunu jidhru faċilment u jinqraw sew ( 34 ). Barra minn hekk, dikjarazzjoni obbligatorja dwar in-nutrizzjoni għandha tkun fl-istess linji viżivi – li huma ddefiniti bħala “l-uċuh kollha ta’ pakkett li jistgħu jinqraw minn naħa waħda” ( 35 ) – f’format ċar u, jekk l-ispazju jippermetti, f’format tabulari bin-numri allinjati ( 36 ). |
|
35. |
Min-naħa tagħhom, id-dikjarazzjonijiet volontarji rrepetuti, bħad‑dettalji l-oħra volontarji, ma għandhomx jintwerew għad‑detriment tal-ispazju disponibbli għall-informazzjoni obbligatorja ( 37 ). Fil-prattika, bħal f’dan il-każ, huma normalment ikunu ppreżentati fil-linji viżivi prinċipali (in-naħa ta’ quddiem tal-pakkett) ( 38 ), bl-użu ta’ daqs tat-tipa previst f’dan ir-rigward ( 39 ). |
|
36. |
Fit-tielet lok, fir-rigward tal-metodu ta’ kalkolu tal-valur enerġetiku u tal-ammonti ta’ nutrijenti tad-dikjarazzjonijiet dwar in‑nutrizzjoni, skont l-Artikolu 32(2) tar-Regolament Nru 1169/2011, din l-informazzjoni għandha, bħala regola, tkun espressa għal kull 100 g jew 100 ml. Ir-raġuni wara din ir-regola hija għaliex il-konsumatur għandu jkun f’pożizzjoni li jqabbel l-informazzjoni dwar in-nutrizzjoni ta’ prodotti simili ppreżentati f’pakketti ta’ daqsijiet differenti ( 40 ) u din tapplika irrispettivament min-natura obbligatorja jew fakultattiva tad‑dikjarazzjoni dwar in-nutrizzjoni, peress li din id-dispożizzjoni tkopri, b’mod partikolari, id-dikjarazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni magħmula skont l-Artikolu 30(1) u (3) ta’ dan ir-regolament. Barra minn hekk, id-dikjarazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni huma relatati, bħala regola, mal-ikel “kif jinbiegħ” ( 41 ), jew, “fejn adegwat”, mal-ikel “wara l‑preparazzjoni”, bil-kundizzjoni li tingħata informazzjoni ddettaljata biżżejjed dwar il-preparazzjoni u l-informazzjoni tkun marbuta mal-ikel kif imħejji għall-konsum ( 42 ). |
2. L-ittikkettjar dwar in-nutrizzjoni tal-prodott inkwistjoni
|
37. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, inqis li għandhom jingħataw il-kjarifiki segwenti relatati mal-ittikkettjar dwar in-nutrizzjoni tal-prodott inkwistjoni. |
|
38. |
Qabel xejn, għandu jiġi kkonstatat li d-domandi preliminari ma jirrigwardawx id-dikjarazzjoni obbligatorja dwar in-nutrizzjoni. Il‑partijiet fil-kawża prinċipali jaqblu li din hija kompletament konformi mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1169/2011. Fil-fatt, l-ittikkettjar obbligatorju dwar in-nutrizzjoni li jinsab fuq il-pakkett tal‑prodott inkwistjoni, minn naħa waħda, jinkludi l-valur enerġetiku ( 43 ) u l-ammont ta’ xaħam, saturati, karboidrati, zokkor, proteini u melħ ( 44 ) u min-naħa l-oħra, jippreżenta din l-informazzjoni fl-istess linji viżivi ( 45 ), jiġifieri fil-ġenb tal-pakkett, f’format tabulari ( 46 ). |
|
39. |
Sussegwentement, fir-rigward tad-dikjarazzjoni rrepetuta dwar in‑nutrizzjoni, nirrileva li l-partijiet fil-kawża prinċipali jaqblu li, fir‑rigward ta’ prodott tal-ikel ippakkjat bil-lest li l-pakkett tiegħu jinkludi dikjarazzjoni obbligatorja ta’ nutrizzjoni, il-valur enerġetiku u l‑ammonti ta’ xaħam, saturati, zokkor u melħ, jistgħu jiġu rrepetuti, fuq bażi volontarja, fuq in-naħa ta’ quddiem tal-pakkett ( 47 ), f’format differenti minn dak tad-dikjarazzjoni obbligatorja dwar in-nutrizzjoni ( 48 ). Il-konformità mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1169/2011 hija kkontestata biss fir-rigward tal-kalkolu u tal-espressjoni tal-valur enerġetiku kif ukoll tal‑ammonti ta’ nutrijenti li jinsabu fid-dikjarazzjoni rrepetuta dwar in‑nutrizzjoni fuq in-naħa ta’ quddiem tal-pakkett u l-kawża tirrigwarda b’mod partikolari l-punt dwar jekk din id-dikjarazzjoni rrepetuta tistax tirreferi biss għall-prodott tal-ikel wara l-preparazzjoni. |
B. Fuq l-ewwel domanda preliminari
|
40. |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 31(3) tar‑Regolament Nru 1169/2011 għandux jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni tapplika biss għall-ikel li, sabiex jiġi kkonsmat, hija meħtieġa preparazzjoni u li għalih huwa preskritt metodu wieħed ta’ preparazzjoni. |
|
41. |
Din id-domanda hija rilevanti għad-deċiżjoni ta’ din il-kawża għaliex, kif tosserva l-qorti tar-rinviju, il-prodott inkwistjoni jista’ jiġi ppreparat b’modi differenti, jiġifieri, biż-żieda ta’ ħalib, ta’ jogurt jew ta’ ġobon abjad, ta’ meraq tal-frott, kif ukoll ta’ frott, ġamm jew għasel. |
|
42. |
Fi kliem ieħor, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tiddeċiedi jekk, meta jkun hemm diversi modi ta’ preparazzjoni ta’ prodott tal-ikel, jekk ikun il-każ permezz ta’ ingredjenti differenti, id-dikjarazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni li huma rrepetuti fuq bażi volontarja fuq in-naħa ta’ quddiem tal‑pakkett jistgħux jirrelataw biss ma’ wieħed minn dawn il-modi ta’ preparazzjoni. |
|
43. |
Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 31(3) tar-Regolament Nru 1169/2011, huwa possibbli, “[f]ejn adegwat”, li tingħata l‑informazzjoni dwar in-nutrizzjoni għall-“ikel wara l-preparazzjoni”, minflok li tingħata għall-ikel “kif jinbiegħ” ( 49 ), “dejjem jekk jingħataw istruzzjonijiet dettaljati biżżejjed dwar il-preparazzjoni u l‑informazzjoni tkun marbuta mal-ikel kif jiġi mħejji għall-konsum”. Din id-dispożizzjoni tirriproduċi testwalment il-kliem tal-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 90/496. |
|
44. |
Qabel xejn, nirrileva li l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni għandha tinstab billi jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għan li għandu jintlaħaq mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni ( 50 ). |
|
45. |
Fl-ewwel lok, fir-rigward tat-termini tat-tieni subparagrafu tal‑Artikolu 31(3) tar-Regolament Nru 1169/2011, nikkonstata, bħall‑qorti tar-rinviju, li l-kliem ta’ din id-dispożizzjoni ma jipprovdu l-ebda element li jista’ jagħti risposta ċara u inekwivoka. Fil-fatt, l-uniċi konstatazzjonijiet li jistgħu jsiru minn interpretazzjoni letterali huma s‑segwenti. |
|
46. |
L-ewwel nett, l-espressjoni “l-ikel wara l-preparazzjoni” tippresupponi li l-prodott tal-ikel imsemmi fit-tieni subparagrafu tal‑Artikolu 31(3) tar-Regolament Nru 1169/2011 jista’ jkun ippreparat. Għalhekk, din id-dispożizzjoni ma tirrigwardax prodotti tal-ikel li ma għandhom bżonn l-ebda preparazzjoni biex jiġu kkonsmati (per eżempju, blokka taċ-ċikkulata). F’dan il-każ, il-muesli jista’ wkoll jiġi kkonsmat mingħajr ebda preparazzjoni. B’hekk, jista’ jiġi sostnut li l‑muesli ma huwiex prodott tal-ikel li jaqa’ taħt din id-dispożizzjoni, inkwantu din tal-aħħar tkopri biss il-prodotti tal-ikel li, sabiex jiġu kkonsmati, jeħtieġu neċessarjament li jiġu ppreparati. Madankollu, tali approċċ ristrett ma jirriżultax b’mod evidenti mill-kliem tal-istess dispożizzjoni. Fil-fatt, la l-metodu ta’ preparazzjoni u lanqas l‑importanza ta’ dan tal-aħħar ma huma determinanti għall-applikabbiltà ta’ din id-dispożizzjoni. |
|
47. |
It-tieni nett, nosserva li l-użu tal-espressjoni “fejn adegwat”, li biha jibda t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 31(3) tar-Regolament Nru 1169/2011 turi li din id-dispożizzjoni ma tkoprix il-prodotti tal-ikel kollha li, sabiex jiġu kkonsmati, jistgħu jiġu ppreparati, b’tali mod li l‑informazzjoni dwar in-nutrizzjoni preskritta bis-saħħa ta’ din id‑dispożizzjoni ma għandhiex tingħata b’mod obbligatorju. |
|
48. |
It-tielet nett, il-kundizzjoni li “jingħataw istruzzjonijiet dettaljati biżżejjed dwar il-preparazzjoni” tista’ tiffavorixxi l-applikazzjoni tat‑tieni subparagrafu tal-imsemmi Artikolu 31(3) irrispettivament min-numru ta’ metodi ta’ preparazzjoni ta’ prodott tal‑ikel, peress li din il-kundizzjoni tagħmel inqas sens jekk din id‑dispożizzjoni tapplika biss għall-prodotti tal-ikel li għalihom jeżisti biss metodu wieħed ta’ preparazzjoni. Anki jekk din id-deskrizzjoni hija inqas essenzjali meta jkun hemm biss metodu wieħed ta’ preparazzjoni ta’ prodott tal-ikel, fid-dawl tal-għan ta’ informazzjoni tal-konsumatur, inqis li tali deskrizzjoni hija madankollu ġġustifikata, sa fejn hija neċessarja għal użu tajjeb tal-prodott. |
|
49. |
Fit-tieni lok, mill-kuntest tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 31(3) tar-Regolament Nru 1169/2011 jirriżulta li l-kunċett ta’ “ikel wara l‑preparazzjoni” jinkludi, bħala regola, l-“ikel kollu intiż għall‑konsumatur finali” ( 51 ). Minkejja li dan ir-regolament għandu japplika mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti ta’ ttikkettjar previsti minn dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Unjoni applikabbli għal ikel partikolari ( 52 ), ma kienet adottata l-ebda dispożizzjoni partikolari fir-rigward tal‑informazzjoni relatata mal-kalkolu u mal-preżentazzjoni tad‑dikjarazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni li jinsabu fuq in-naħa ta’ quddiem tal‑pakkett ( 53 ). Barra minn hekk, ninnota li r-Regolament Nru 1169/2011 ma jinkludix element insostenn tal-argument li t-terminu“preparazzjoni” fis-sens ta’ dan ir-regolament, għandu jinftiehem biss fis-sens ta’ “fażijiet ta’ trasformazzjoni sinjifikattivi ferm”, bħas-sajrien u t-tisħin, peress li dan it-terminu la huwa ddefinit u lanqas deskritt f’dan ir‑regolament. |
|
50. |
Minn dan jirriżulta li l-interpretazzjonijiet letterali u kuntestwali ma humiex konklużivi fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 31(3) tar-Regolament Nru 1169/2011 ikoprix biss il-prodotti tal-ikel li għalihom huwa ddeterminat minn qabel mod wieħed ta’ preparazzjoni jew ikoprix ukoll il-prodotti tal-ikel – bħall‑muesli – li jistgħu jiġu ppreparati b’modi differenti, b’mod partikolari permezz ta’ ingredjenti addizzjonali. Għalhekk huwa biss permezz ta’ interpretazzjoni teleoloġika li jistgħu jinstabu elementi ta’ risposta, u b’mod partikolari s-sens li għandha tingħata lill-espressjoni “fejn adegwat”, li mingħajr dubju tagħti marġni ta’ diskrezzjoni ġuridiku. |
|
51. |
Għalhekk, fit-tielet lok, fir-rigward tal-għan li għandu jintħalaq mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 31(3) tar-Regolament Nru 1169/2011, nirrileva qabel xejn li dan għandu jiġi evalwat fir‑rigward kemm tal-għan ta’ din id-dispożizzjoni kif ukoll tal-għanijiet tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni, u b’mod partikolari dak li jippermetti lill‑konsumaturi jagħmlu għażliet informati u jużaw l-ikel b’mod sigur, b’mod partikolari fir-rigward ta’ kunsiderazjzonijiet sanitarji ( 54 ). |
|
52. |
Nosserva li l-għan tal-Artikolu 31 joħroġ mill-premessi 35 u 41 tar-Regolament Nru 1169/2011. Il-premessa 35 tistabbilixxi li d-dispożizzjonijiet relatati mad-dikjarazzjoni dwar in-nutrizzjoni għal kull 100 g jew 100 ml għandhom bħala għan li “jiġi ffaċilitat it-tqabbil ta’ prodotti f’daqsijiet ta’ pakkett differenti”. Din il-premessa tispjega, barra minn hekk, li d-“dikjarazzjonijiet addizzjonali skont il-porzjon” huma permissibbli, “minbarra [d-dikjarazzjoni espressa] […] għal kull 100 g jew 100 ml”, “jekk ikun xieraq”, “[meta] l-ikel ikun ippakkjat bil-lest u jiġu identifikati porzjonijiet jew unitajiet ta’ konsum individwali”. |
|
53. |
Il-premessa 41 ta’ dan ir-regolament tipprevedi li informazzjoni dwar in-nutrizzjoni mogħtija għandha “tkun sempliċi u faċilment komprensibbli […] [s]abiex tattira lill-konsumatur medju u sabiex isservi l-għan informattiv li għalih iddaħħlet” u li “fuq bażi volontarja, l-elementi l-iktar importanti tal-informazzjoni dwar in‑nutrizzjoni jistgħu jkunu ripetuti fil-linja viżiva ewlenija, sabiex il‑konsumaturi jiġu megħjuna jaraw faċilment l-informazzjoni essenzjali dwar in-nutrizzjoni meta jixtru l-ikel”. |
|
54. |
Huwa preċiżament fir-rigward ta’ dawn iż-żewġ għanijiet, li huma marbuta mill-qrib – jiġifieri li jiġi ffaċilitat il-paragun tal-prodotti tal-ikel u li tingħata informazzjoni lill-konsumaturi – li jistgħu jiġu applikati (u tiġi spjegata r-relazzjoni bejn) iż-żewġ subparagrafi tal‑Artikolu 31(3) tar-Regolament Nru 1169/2011. |
|
55. |
L-ewwel nett, sabiex jiġi ffaċilitat il-paragun tal-valur enerġetiċi u tal-ammonti ta’ nutrijenti, bħala regola dawn għandhom ikunu relatati mal-istat tal-prodott tal-ikel kif jinbiegħ (l-ewwel subparagrafu). Meta prodott tal-ikel ikun lest għall-konsum biss wara preparazzjoni li timplika ż-żieda ta’ ingredjenti oħra, sabiex tiffaċilita l-paragun ma’ prodott korrispondenti ta’ produttur ieħor, id-dikjarazzjoni dwar in‑nutrizzjoni tista’ tagħmel riferiment għall-prodott tal-ikel wara l‑preparazzjoni (it-tieni subparagrafu). |
|
56. |
Madankollu, f’dan it-tieni każ, jekk prodott tal-ikel jista’ jiġi ppreparat b’modi differenti, l-informazzjoni relatata mal-valur enerġetiku u mal-ammonti ta’ nutrijenti tal-prodott tal-ikel wara l-preparazzjoni, li hija relatata mal-preparazzjoni ssuġġerita mill-produttur, ġeneralment ma tippermettix il-paragun ma’ prodotti korrispondenti ta’ produtturi oħra, li għalihom id-dikjarazzjoni dwar in-nutrizzjoni tista’ tkun ibbażata fuq mod ta’ preparazzjoni differenti. |
|
57. |
Bħala eżempju, f’dan il-każ, huwa stabbilit li l-muesli jista’ jiġi ppreparat b’modi differenti, billi jintużaw ingredjenti addizzjonali li l‑kontenut ta’ zokkor jew ta’ xaħam tagħhom jista’ jkun differenti. Dikjarazzjoni dwar in-nutrizzjoni bbażata fuq proposta ta’ preparazzjoni partikolari – bħal, f’dan il-każ, iż-żieda ta’ 60 ml ta’ ħalib li fih 1.5 % ta’ xaħam – għalhekk tikkostitwixxi biss waħda mill-varjanti possibbli, li ma tagħtix indikazzjoni ġenerali fuq il-valuri nutrizzjonali tal-prodott lest għall-konsum u ma tippermettix, f’dak li jirrigwarda l-valuri nutrizzjonali, li jsir paragun mal-prodotti ekwivalenti ta’ produtturi oħra, b’mod partikolari għaliex ir-rapport bejn il-kwantità tal‑prodott tal-ikel u dik tal-ingredjent addizzjonali, fir-realtà, ikun stabbilit b’mod liberu skont il-gosti tal-konsumatur. |
|
58. |
Minn dan isegwi, minn naħa waħda, li kalkolu eventwali tal‑valur enerġetiku u tal-ammonti ta’ nutrijenti ta’ prodott li jista’ jiġi ppreparat b’mod differenti, bħala definizzjoni, ikun arbitrarju u jvarja skont il-mod ta’ preparazzjoni u, min-naħa l-oħra, għall-kuntrarju, il‑komparabbiltà tal-valur enerġetiku u tal-ammonti ta’ nutrijenti ta’ tali prodott tista’ tiġi żgurata biss skont l-informazzjoni relatata mal-prodott tal-ikel kif jinbiegħ, skont l-ewwel subparagrafu taArtikolu 31(3) tar‑Regolament Nru 1169/2011. |
|
59. |
Jekk jiġi konkluż, abbażi tal-għan tal-komparabbiltà, li l-prodotti tal-ikel li jistgħu jiġu ppreparati b’mod differenti għandhom jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 33(2) tar‑Regolament Nru 1169/2011, għad irid jiġi stabbilit liema huma l‑prodotti li jeħtieġu preparazzjoni li għalihom tapplika din id‑dispożizzjoni. |
|
60. |
F’dan ir-rigward, abbażi ta’ interpretazzjoni a contrario, il‑prodotti tal-ikel eżaminati hawn fuq jiddistingwu ruħhom minn dawk li ma jistgħux jingħataw lesti għall-konsum ħlief permezz ta’ mod wieħed ta’ preparazzjoni ddeterminat minn qabel, bħal dak tas-soppa tat-trab, li għaliha l-volum ta’ ilma li għandu jiżdied u t-tul tas-sajrien huma ddeterminati minn qabel fil-kuntest ta’ mod wieħed ta’ preparazzjoni, tat-trab għal pudina, jew inkella tal-prodotti lesti (pereżempju r-ravjul). Dak li jikkaratterizza dawn il-prodotti tal-ikel huwa li dawn ma jistgħux raġonevolment jiġu ppreparati għall-konsum ħlief bl-uniku mod indikat, li jippermetti paragun dirett mal-prodotti tal-ikel simili. Ċertament, tali paragun mhux dejjem ikun abbażi ta’ ekwivalenza perfetta, b’mod partikolari, għaliex il-valuri nutrizzjonali tal-ingredjenti addizzonali jistgħu jvarjaw. Madankollu, l-element arbitrarju ta’ tali paragun jidhirli li huwa ċertament limitat. |
|
61. |
It-tieni nett, mill-perspettiva tal-għan informattiv tad‑dikjarazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni, mill-Artikolu 7(1) tar‑Regolament Nru 1169/2011 jirriżulta li l-informazzjoni relatata mal‑prodotti tal-ikel ma għandhiex tiżgwida lill-konsumatur, b’mod partikolari dwar il-karatteristiċi tal-prodott tal-ikel u, b’mod partikolari, dwar in-natura u l-kwalitajiet tiegħu ( 55 ). Il-paragrafu 2 ta’ din id‑dispożizzjoni jipprevedi li l-“informazzjoni dwar l-ikel għandha tkun preċiża, ċara u faċilment komprensibbli għall-konsumatur” ( 56 ). |
|
62. |
F’dan ir-rigward, minn naħa waħda, nikkonstata li, mill‑perspettiva tal-għan informattiv, fid-dawl tan-natura arbitrarja u varjabbli tal-kalkolu tal-valuri nutrizzjonali hawn fuq imsemmija, ma huwiex faċli li jiġi stabbilit kif, f’dan il-każ, il-preżentazzjoni ta’ informazzjoni rrepetuta dwar in-nutrizzjoni tirrelata mal-prodott tal-ikel wara l-preparazzjoni hija utli għall-konsumatur, iktar u iktar peress li, id-dikjarazzjoni obbligatorja dwar in-nutrizzjoni tiġi relegata viżwalment f’livell inqas. Barra minn hekk, sabiex jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi fil-qasam tal-informazzjoni, skont differenzi fil-perċezzjoni tal-konsumaturi ( 57 ), kif il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat, l-informazzjoni relatata mal-prodotti tal-ikel għandha tkun korretta, newtrali u oġġettiva ( 58 ). Dan ma jkunx il-każ jekk il-produtturi tal-ikel li jista’ jiġi ppreparat b’mod differenti jagħżlu l-forma li l-iktar li jaqblilhom, b’mod partikolari dik li turi l-valur enerġetiku l-iktar baxx. Din hija proċedura li la hija newtrali u lanqas oġġettiva. |
|
63. |
Min-naħa l-oħra, dikjarazzjoni fakultattiva dwar in-nutrizzjoni li ma tindikax, fid-dikjarazzjoni rrepetuta dwar in-nutrizzjoni, il-valur enerġetiku għal kull 100 g tal-ikel kif jinbiegħ tista’ tiżgwida lill‑konsumaturi, minkejja l-fatt li dan jidher fid-dikjarazzjoni obbligatorja dwar in-nutrizzjoni, b’mod partikolari meta l-produtturi l‑oħra jippreżentaw b’mod sistematiku, fid-dikjarazzjoni rrepetuta dwar in‑nutrizzjoni, il-valur enerġetiku għal kull 100 g tal-prodott kif jinbiegħ. Fil-fatt, f’każ bħal dan, jistgħu jiġu pperċepiti diverġenzi sinjifikattivi bejn il-valuri. B’mod indikattiv, ninnota li l-valur enerġetiku tal-prodott inkwistjoni għall-porzjon tal-prodott kif jinbiegħ huwa ta’ 1880 kJ filwaqt li dak tal-porzjon tal-prodott wara l‑preparazzjoni huwa ta’ 872 kJ. |
|
64. |
Bħala regola, ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tat‑tqassim tal-ġurisdizzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Unjoni, li għandha tiddeċiedi fuq il-kwistjoni dwar jekk l-ittikkettjar ta’ ċerti prodotti huwiex ta’ natura li jiżgwida lill-konsumatur jew li tiddeċiedi dwar in-natura eventalment qarrieqa ta’ dikjarazzjoni dwar in‑nutrizzjoni. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tipproċedi b’eżami tal‑elementi differenti li jiffurmaw l-ittikkettjar sabiex jiġi stabbilit jekk tali konsumatur jistax jiġi żgwidat fir-rigward tal-valuri nutrizzjonali tal-prodott inkwistjoni. Madankollu, il-Qorti tal‑Ġustizzja, meta tiddeċiedi dwar rinviju għal deċiżjoni preliminari, tista’, jekk ikun il‑każ, tagħmel preċiżazzjonijiet intiżi sabiex jiggwidaw lill-qorti nazzjonali fid-deċiżjoni tagħha ( 59 ). |
|
65. |
F’dan ir-rigward, qabel xejn, sabiex tiġi evalwata l-kapaċità tal-ittikkettjar li tqarraq lix-xerrej, il-qorti nazzjonali għandha essenzjalment tibbaża ruħha fuq il-preżunti aspettattivi, fir-rigward ta’ dan l-ittikkettjar, ta’ konsumatur medju, normalment informat, u raġonevolment attent u avżat fir-rigward, b’mod partikolari tal-kwalità marbuta mal-prodott, fejn l-essenzjali huwa li l-konsumatur ma jiġix imqarraq u li ma jitwassalx li jikkunsidra, b’mod żbaljat, li l-prodott għandu, fost l-oħrajn, kwalità differenti minn dik li fil-fatt hija fir‑realtà ( 60 ). |
|
66. |
Sussegwentement, peress li l-għan li jiġu rrepetuti d‑dikjarazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni fuq in-naħa ta’ quddiem tal-pakkett huwa preċiżament sabiex il-konsumaturi jiġu mgħejjuna jaraw faċilment, fil‑mument tax-xiri, l-informazzjoni dwar in-nutrizzjoni essenzjali, għandu jiġi preżunt li konsumatur medju l-ewwel jaqra l-informazzjoni rrepetuta dwar in-nutrizzjoni fuq in-naħa ta’ quddiem tal-pakkett iktar milli l‑informazzjoni obbligatorja fil-ġenb ( 61 ). |
|
67. |
Finalment, għandu jiġi kkunsidrat il-fatt li l-produtturi tal-ikel għandhom interess juru kemm jista’ jkun il-prodotti tagħhom bħala li huma tajbin għas-saħħa fid-dikjarazzjoni dwar in-nutrizzjoni u għalhekk għandhom interess jistabilixxu valuri nutrizzjonali bħall-kontenut taz-zokkor u l-valur kalorifiku f’livell kemm jista’ jkun baxx. Fil-fatt, fil-kuntest ta’ dikjarazzjoni rrepetuta dwar in-nutrizzjoni, il-valuri nutrizzjonali tal-enerġija ta’ 100 g ta’ prodott wara l‑preparazzjoni jistgħu jkunu inqas minn dawk ta’ 100 g tal-istess prodott kif jinbiegħ, meta il-valuri nutrizzjonali tal-ingredjenti użati għall-preparazzjoni jkunu inqas minn dawk tal-prodott tal-ikel inkwistjoni. Għaldaqstant, jekk jiġi aċċettat li prodott tal-ikel bħall-prodott inkwistjoni jista’ jaqa’ fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 31(3) tar-Regolament Nru 1169/201 ikun hemm ir-riskju li l-kategorija tal-prodotti tal-ikel li jistgħu jkunu koperti b’din id-dispożizzjoni jikber. Tali tkabbir ma jkunx opportun, sa fejn din id-dispożizzjoni, li normalment tikkostitwixxi eċċezzjoni, tkun tista’ ssir ir-regola, meta prodott tal-ikel jista’ jiġi ppreparat b’mod jew ieħor. |
|
68. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijet preċedenti, nipproponi li r‑risposta għall-ewwel domanda preliminari tkun illi t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 31(3) tar-Regolament Nru 1169/2011 għandu jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni għandha tapplika biss għall‑prodotti tal-ikel li għalihom hija neċessarja preparazzjoni u li għalihom mod wieħed ta’ preparazzjoni huwa ddeterminat minn qabel. |
C. Fuq it-tieni domanda preliminari
|
69. |
Fil-każ li l-ewwel domanda preliminari titlob risposta negattiva, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, permezz tat-tieni domanda tagħha, essenzjalment, jekk l-espressjoni “kull 100 g”, li tinsab fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 33(2) tar-Regolament Nru 1169/2011 tirreferix biss għal kull 100 g tal-prodott kif jinbiegħ jew inkella, tirreferix ukoll għal kull 100 g tal-ikel wara l-preparazzjoni. |
|
70. |
Fid-dawl tar-risposta proposta għall-ewwel domanda preliminari, ma jidhirlix neċessarju li tingħata risposta għal din it-tieni domanda. L‑analiżi segwenti ser issir għalhekk b’mod sussidjarju, f’każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li huwa neċessarju li tingħata risposta. |
|
71. |
Qabel xejn, infakkar li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 33(2) tar-Regolament Nru 1169/2011 jipprevedi deroga mir-regola li l‑ammonti ta’ nutrijenti għandhom jiġu espressi għal kull 100 g jew 100 ml. Skont din id-dispożizzjoni, fil-kuntest ta’ informazzjoni volontarja li tirrepeti, fil-linji viżivi prinċipali, il-valur enerġetiku, u l‑ammonti ta’ xaħam, saturati, zokkor u melħ ( 62 ), huwa possibbli li l‑ammonti ta’ dawn in-nutrijenti jiġu espressi “abbażi ta’ unità għal kull porzjoni jew għal kull unità tal-konsum biss”. Madankollu, f’tali każ, bis-saħħa tat-tieni subparagrafu ta’ din l-istess dispożizzjoni, il‑valur enerġetiku għandu, madankollu, jiġi espress kemm bħal kull 100 g jew għal kull 100 ml u għal kull porzjoni jew għal kull unità tal-konsum. Sabiex tiġi applikata din id-deroga, il-kundizzjonijiet li għalihom l-Artikolu 33(1) ta’ dan ir-regolament jissuġġetta d-dritt li l‑valuri nutrizzjonali jiġu espressi għal kull porzjoni jew għal kull unità ta’ konsum għandhom jiġu ssodisfatti, jiġifieri li “il-porzjon jew l-unità tkun kwantifikata fit-tikketta u li l-għadd ta’ porzjonijiet jew unitajiet li jinsabu fil-pakkett ikun imsemmi” ( 63 ). |
|
72. |
F’dan il-każ, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tagħti risposta negattiva għall-ewwel domanda, dan ifisser li d-dikjarazzjonijiet irrepetuti dwar in-nutrizzjoni tal-prodott inkwistjoni jkunu permissibbli bis-saħħa tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 31(3) tar-Regolament Nru 1169/2011 u li Dr. Oetker tkun obbligata biss li tagħti l-informazzjoni dwar in‑nutrizzjoni msemmija fl-Artikolu 30(1) sa (5) ta’ dan ir-regolament għall-prodott tal-ikel wara l-preparazzjoni. Skont l-Artikolu 32(2) tal‑imsemmi regolament, din l-informazzjoni rrepetuta dwar in‑nutrizzjoni għandha tkun espressa għal kull 100 g jew 100 ml tal‑prodott wara l-preparazzjoni. Barra minn hekk, bis-saħħa tal‑Artikolu 33(1)(a) tal-istess regolament, Dr. Oetker tista’ tespimi wkoll il-valur enerġetiku u l-ammonti ta’ nutrijenti għal kull porzjon, skont il-kundizzjonijiet stipulati f’din id-dispożizzjoni ( 64 ) u, bis-saħħa tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 33(2) tar-Regolament Nru 1169/2011, tista’ tesprimi l-informazzjoni rrepetuta volontarja fuq in-naħa ta’ quddiem tal‑pakkett biss għal kull porzjon f’dak li jirrigwarda l-ammonti ta’ nutrijenti u kemm għal kull 100 g u għal kull porzjoni, f’dak li jirrigwarda l-valur enerġetiku. Finalment, għandu jitfakkar li Dr. Oetker indikat wkoll, fil-ġenb tal-pakkett, l-informazzjoni dwar in-nutrizzjoni irrapportati għal kull 100 g tal-prodott kif jinbiegħ. |
|
73. |
Irrispettivament mill-kuntest fattwali tal-kawża prinċipali, il‑kwistjoni dwar jekk l-użu tal-kliem “għal kull 100 g”, fis-sens tat‑tieni subparagrafu tal-Artikolu 33(2) tar-Regolament Nru 1169/2011, li jirreferi għall-valur enerġetiku, jirreferi biss għal kull 100 g tal‑prodott kif jinbiegħ jew inkella għal kull 100 g tal-ikel wara l‑preparazzjoni tista’ tqum fil-każ fejn id-dikjarazzjoni dwar in‑nutrizzjoni tikkonċerna l-ikel wara l-preparazzjoni, skont it-tieni subparagrafu tal‑Artikolu 31(3) ta’ dan ir-regolament. |
|
74. |
Kif tosserva l-qorti tar-rinviju, ir-risposta għal din id-domanda ma tirriżultax la mill-kliem u lanqas mill-kuntest tad-dispożizzjoni inkwistjoni. Fil-fatt, l-ebda spjegazzjoni ma tingħata fir-rigward tal-istat ta’ 100 g tal-ikel li għalih l-indikazzjoni tal-valur enerġetiku għandu jkun relatat meta l-informazzjoni dwar in-nutrizzjoni tingħata, bis-saħħa tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 31(3) tar-Regolament Nru 1169/2011, għall-ikel wara l-preparazzjoni. Huwa biss jekk jiġi kkunsidrat l-għan tad-dikjarazzjoni rrepetuta dwar in-nutrizzjoni li tista’ tinstab ir-risposta. |
|
75. |
B’hekk, fid-dawl tal-għan li jiġi ffaċilitat il-paragun, li huwa stipulat fil-premessa 35 tar-Regolament Nru 1169/2011 ( 65 ), nirrileva li t‑tieni subparagrafu tal-Artikolu 31(3) ta’ dan ir-regolament huwa intiż prinċiparjament sabiex jiżgura l-applikazzjoni korretta tal‑preskrizzjonijiet relatati mal-ammont ta’ riferiment ta’ 100 g jew ta’ 100 ml prevista fl-Artikolu 32(2) ta’ dan ir-regolament. L-idea li hija l-bażi ta’ din id-dispożizzjoni hija li, bħala regola ġenerali, il‑porzjonijiet la ma jiżnux 100 g u li, konsegwentement, għal paragun aħjar, jeħtieġ li tallinqas l-informazzjoni l-iktar essenzjali, dik tal-valur enerġetiku, tkun indikata għall-ammont ta’ riferiment ta’ 100 g, filwaqt li l-valuri nutrizzjonali l-oħra jistgħu jiġu rrapportati skont il-piż tal‑porzjon jekk ikunu rrepetuti, fuq il-pakkett, apparti t-tabella obbligatorja dwar in-nutrizzjoni. |
|
76. |
Fid-dawl ta’ dan l-għan, nikkunsidra li, meta l-valuri nutrizzjonali jidhru fuq in-naħa ta’ quddiem tal-pakkett għal ammont ta’ riferiment magħżul mill-produttur għall-prodott tal-ikel wara l-preparazzjoni, jista’ jitqies, sabiex tiġi żgurata ċerta kompatibbiltà, li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 33(2) tar-Regolament Nru 1169/2011 għandu jiġi interpretat fis-sens li hemm obbligu li jiġi indikat, fuq in-naħa ta’ quddiem tal‑pakkett, il-valur enerġetiku għal kull 100 g tal-prodott kif jinbiegħ, minbarra l-informazzjoni dwar in-nutrizzjoni relatata ma’ porzjon. Tali soluzzjoni jidhirli wkoll, fid-dawl tal-premessa 41 ta’ dan ir-regolament, l-iktar waħda “sempliċi u faċilment komprensibbli” sabiex tiġbed l-attenzjoni tal‑konsumatur medju u tissodisfa l-għan ta’ informazzjoni tad‑dikjarazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni. |
|
77. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li r‑risposta għat-tieni domanda preliminari għandha tkun li t-tieni subparagrafu tal‑Artikolu 33(2) tar-Regolament Nru 1169/2011 għandu jiġi intepretat fis-sens li meta l-valur enerġetiku huwa indikat fuq il-pakkett kemm “għal kull 100 g” u “fuq il-bażi ta’ kull porzjon jew ta’ kull unità tal-konsum”, għall-ikel kif jinbiegħ u għall-ikel wara l‑preparazzjoni, għandu jiġi rrepetut il-valur enerġetiku għal kull 100 g jew għal kull 100 ml tal-ikel kif jinbiegħ. |
V. Konklużjoni
|
78. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi bil-mod segwenti għad-domandi preliminari magħmula mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il‑Ġermanja):
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
( 2 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar l‑għoti ta’ informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1924/2006 u (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttiva tal-Kummissjoni 87/250/KEE, id-Direttiva tal‑Kunsill 90/496/KEE, id-Direttiva tal-Kummissjoni 1999/10/KE, id‑Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal‑Kummissjoni 2002/67/KE u 2008/5/KE u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 608/2004 (ĠU 2011, L 304, p. 18, rettifiki fil-ĠU 2014, L 331, p. 40, u fil‑ĠU 2016, L 266, p. 7).
( 3 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Marzu 2000 fuq l‑approsimazzjoni ta’ liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ tikkettjar, preżentazzjoni u riklamar ta’ oġġetti ta’ l-ikel (ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 15, Vol. 5, p. 75).
( 4 ) Direttiva tal-Kunsill tal-24 ta’ Settembru 1990 dwar l-ittikkettar tan-nutrizzjoni għall-oġġetti ta’ l-ikel (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 10, p. 191).
( 5 ) Fir-rigward tal-ġurisprudenza relatata mar-Regolament Nru 1169/2011, ara s‑sentenzi tal‑4 ta’ Settembru 2019, Zentrale zur Bekämpfung unlauteren Wettbewerbs Frankfurt am Main (C‑686/17, EU:C:2019:659); tat‑12 ta’ Novembru 2019, Organisation juive européenne et Vignoble Psagot (C‑363/18, EU:C:2019:954), u tal‑1 ta’ Ottubru 2020, Groupe Lactalis (C‑485/18, EU:C:2020:763). Għal dak li jirrigwarda d-Direttiva 2000/13, ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑10 ta’ Settembru 2009, Severi (C‑446/07, EU:C:2009:530); tal‑4 ta’ Ġunju 2015, Bundesverband der Verbraucherzentralen und Verbraucherverbände (C‑195/14, EU:C:2015:361), u tat‑22 ta’ Settembru 2016, Breitsamer und Ulrich (C‑113/15, EU:C:2016:718). Għal dak li jirrigwarda d-Direttiva 90/496, ara, b’mod partikolari, is‑sentenza tat‑23 ta’ Ottubru 2003, Scherndl (C‑40/02, EU:C:2003:584).
( 6 ) Direttiva tal-Kunsill tat‑18 ta’ Diċembru 1978 fuq l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mal-ittikkettjar u mal-preżentazzjoni ta’ prodotti tal-ikel intiżi għall-konsumatur finali kif ukoll mar-reklamar tagħhom (ĠU 1979, L 33, p. 1).
( 7 ) L-ewwel u t-tieni premessi tad-Direttiva 79/112.
( 8 ) Is-sitt u s-seba’ premessi tad-Direttiva 79/112. Ara wkoll it-tnax-il premessa ta’ din id-direttiva li tipprevedi li r-regoli tal-ittikkettjar għandhom “jipprojbixxu wkoll l-użu ta’ informazzjoni li tqarraq bix-xerrej jew tattribwixxi kwalitajiet mediċinali lill-prodotti tal-ikel” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Issa, il-protezzjoni tal-konsumaturi ġiet interpretata bħala li tikkostitwixxi l-għan dirett u prinċipali tal-imsemmija direttiva (ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cosmas fil-kawża Goerres (C‑385/96, EU:C:1998:72, punt 21)). Ara, ukoll, is-sentenza tat‑12 ta’ Ottubru 1995, Piageme et (C‑85/94, EU:C:1995:312, punti 23 u 24).
( 9 ) Premessi 6 u 14 tad-Direttiva 2000/13.
( 10 ) Ara l-premessa 8 tad-Direttiva 2000/13, li tipprevedi li “[t]ikkettjar dettaljat, b’mod partikolari jieħu in konsiderazzjoni n-natura eżatta u l-karatteristiċi tal-prodott li jħalli lill-konsumatur jagħmel l-għażla tiegħu waqt li jkun jaf il-fatti kollha, huwa l‑aktar xieraq billi joħloq l-inqas ostakoli għal negozju ħieles”.
( 11 ) Għal-lista ta’ emendi suċċessivi, ara l-Anness IV, Partijiet A u B tad-Direttiva 2000/13.
( 12 ) Premessa 11 tar-Regolament Nru 1169/2011.
( 13 ) It-tieni sentenza tal-premessa 9 tar-Regolament Nru 1169/2011 (korsiv miżjud minni). Ara wkoll ir-riferiment, li jinsab fil-premessa 1 ta’ dan ir-regolament, għall-Artikolu 169 TFUE, li jipprevedi li l-Unjoni Ewropea tikkontribwixxi sabiex tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi.
( 14 ) Ara, rispettivament, l-Artikolu 1(1) u (2) tar-Regolament Nru 1169/2011. Kien f’dan l-ispirtu li ġie ddikjarat li “huwa prinċipju ġenerali tal-liġi dwar l-ikel li tiġi provduta bażi biex il-konsumaturi jkunu jistgħu jagħmlu għażliet infurmati rigward l-ikel li jieklu u biex jipprevjenu kwalunkwe prattika li tista’ tiżgwida lill‑konsumatur” (premessa 4 ta’ dan ir-regolament).
( 15 ) Il-leġiżlatur tal-Unjoni stabbilixxa rabta bejn l-ittikkettjar u l-għan li jintlaħaq livell għoli tas-saħħa tal-konsumaturi, filwaqt li stabbilixxa korrelazzjoni bejn l-ikel u s‑saħħa kif ukoll l-għażla ta’ sistema tal-ikel addatta li tikkorrispondi mal‑bżonnijiet individwali. Fil-fatt, il-possibbiltà għall-konsumatur li jagħmel għażliet informati dwar l-ikel tiegħu kienet meqjusa essenzjali kemm għall‑kompetizzjoni effettiva kif ukoll għall-benesseri tal-konsumaturi (ara l‑premessi 3 u 10 tar-Regolament Nru 1169/2011).
( 16 ) Artikolu 2(2)(c) tar-Regolament Nru 1169/2011.
( 17 ) It-termini “informazzjoni volontarja [fakultattiva]”, minkejja li jintużaw (ara l-Artikoli 36 u 37 tal-Kapitolu V u l-premessa 47), ma humiex iddefiniti fir-Regolament Nru 1169/2011. Barra minn hekk, f’ċerti verżjonijiet lingwistiċi ta’ dan ir‑regolament, it-termini “volontarja” jew “fuq bażi volontarja” jintużaw ukoll (ara l-Artikolu 36 u l-premessi 30, 38, 41, 42, 47 u 58) (verżjoni Franċiża u dik Taljana). Huwa ċar li dawn it-termini qed jintużaw b’mod interkambjabbli. Fil-fatt, fil-parti l-kbira tal-verżjonijiet lingwistiċi, l-istess termini huma użati (ara l-verżjoni Ġermaniża, dik Griega u dik Ingliża). Ninnota wkoll li l-kliem “volontarja [fakultattiva]” (jew “volontarji”) ma għandhomx jiġu mfixkla mal-kelma “addizzjonali”. Fil-fatt, għalkemm dan ir-regolament armonizza l-leġiżlazzjonijiet nazzjonali tal-Istati Membri fir-rigward ta’ informazzjoni obbligatorja, din l‑armonizzazzjoni ma hijiex eżawrjenti, sa fejn l-Istati Membri jibqgħu liberi li jadottaw informazzjoni obbligatorja addizzjonali, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti mill‑istess regolament (ara, f’dan ir-rigward, l-Artikolu 10 u l-Artikolu 35(2) tar-Regolament Nru 1169/2011, u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Hogan fil-kawża Groupe Lactalis (C‑485/18, EU:C:2020:592, punti 32 sa 34)).
( 18 ) Premessa 17 tar-Regolament Nru 1169/2011.
( 19 ) Dan ir-regolament fih ukoll “dispożizzjonijiet bażiċi”, fis-sens tal-Artikolu 1(1) tal-imsemmi regolament, jiġifieri l-“prinċipji ġenerali” tal-Kapitolu II u r-“rekwiżiti ġenerali” tal-Kapitolu III, li japplikaw ukoll għall-informazzjoni obbligatorja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2019, Zentrale zur Bekämpfung unlauteren Wettbewerbs Frankfurt am Main (C‑686/17, EU:C:2019:659, punt 66))
( 20 ) L-ewwel sentenza tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 1169/2011.
( 21 ) Ara l-premessa 30 tar-Regolament Nru 1169/2011.
( 22 ) Ara l-premessa 41 tar-Regolament Nru 1169/2011.
( 23 ) Ara l-premessi 30, 38, 41, 42 u 47 tar-Regolament Nru 1169/2011.
( 24 ) Ara l-premessa 41 tar-Regolament Nru 1169/2011. F’dan ir-rigward, fil‑premessa 47 ta’ dan ir-regolament, huwa spjegat li “[l]-esperjenza turi li f’ħafna każijiet informazzjoni volontarja dwar l-ikel tingħata għad-detriment taċ-ċarezza tal-informazzjoni obbligatorja dwar l-ikel. Għalhekk, għandhom jiġu provduti kriterji biex jgħinu lill-operaturi fin-negozju tal-ikel u lill-awtoritajiet tal-infurzar biex joħolqu bilanċ bejn l-għoti ta’ informazzjoni obbligatorja dwar l-ikel u dik volontarja.”
( 25 ) Ara l-premessa 42 tar-Regolament Nru 1169/2011.
( 26 ) Artikolu 36(1) tar-Regolament Nru 1169/2011.
( 27 ) Artikolu 36(2) tar-Regolament Nru 1169/2011.
( 28 ) Ara l-punt 26 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 29 ) Ara l-Anness I tar-Regolament Nru 1169/2011, intitolat “Definizzjonijiet speċifiċi” imsemmija fil-punt 1 tal-Artikolu 2(4).
( 30 ) Fil-fatt, id-dispożizzjonijiet relatati mal-(ħdax)-il dettal obbligatorju ieħor kollha jinsabu fit-taqsima 2 tal-Kapitolu IV.
( 31 ) Id-distinzjoni bejn dikjarazzjonijiet “obbligatorji” u “volontarji” ma tirriżultax bħala tali mill-kliem tal-Artikolu 30 tar-Regolament Nru 1169/2011, iżda minn qari flimkien tal-paragrafu 1 tiegħu, li fih hemm riferiment għad-“dikjarazzjoni obbligatorja dwar in-nutrizzjoni”, mill-paragrafu 3 tiegħu, li fih hemm riferiment għall-“informazzjoni li […] tista’ tiġi ripetuta fiha”, u tal-premessa 41, li tindika li din tal-aħħar tista’ tiġi rrepetuta “fuq bażi volontarja”. Ara l-punt 27 ta’ dawn il‑konklużjonijiet.
( 32 ) Ir-raba’ sentenza tal-premessa 41 tar-Regolament Nru 1169/2011.
( 33 ) Ir-raba’ sentenza tal-premessa 41 tar-Regolament Nru 1169/2011.
( 34 ) Artikolu 13(1) u (2) tar-Regolament Nru 1169/2011.
( 35 ) Artikolu 2(2)(k) tar-Regolament Nru 1169/2011.
( 36 ) Artikolu 34(1) u (2) tar-Regolament Nru 1169/2011. Kif tindika l-premessa 41 ta’ dan ir-regolament, “[s]abiex tattira lill-konsumatur medju u sabiex isservi l-għan informattiv li għalih iddaħħlet, […] l-informazzjoni pprovduta għandha tkun sempliċi u faċilment komprensibbli. Informazzjoni dwar in-nutrizzjoni parzjalment fil-linja viżiva ewlenija, komunement magħrufa bħala l-‘quddiem tal-pakkett’ u parzjalment fuq naħa oħra tal-pakkett, pereżempju fuq il-‘wara tal-pakkett’, tista’ toħloq konfużjoni għall-konsumaturi. Għaldaqstant, id-dikjarazzjoni dwar in‑nutrizzjoni għandha tkun fl-istess linji viżivi”.
( 37 ) Artikolu 37 tar-Regolament Nru 1169/2011.
( 38 ) Il-“linja viżiva ewlenija” hija ddefinita bħala “il-linja viżiva ta’ pakkett li x’aktarx li l-konsumatur jaraha ma l-ewwel daqqa t’għajn meta jixtri l-prodott u li tippermetti lill-konsumatur jidentifika prodott immedjatament fir-rigward tal‑karattru jew in-natura tiegħu u, jekk ikun japplika, skont l-isem tad-ditta tiegħu. Jekk pakkett ikollu diversi linji viżivi ewlenin identiċi, il-linja viżiva ewlenija tkun dik magħżula mill-operatur tan-negozju tal-ikel” [Ara l-Artikolu 2(2)(l) tar‑Regolament Nru 1169/2011].
( 39 ) Artikolu 34(3) tar-Regolament Nru 1169/2011, li jirreferi għall-Artikolu 13(2) ta’ dan ir-regolament.
( 40 ) Premessa 35 tar-Regolament Nru 1169/2011.
( 41 ) L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 31(3) tar-Regolament Nru 1169/2011.
( 42 ) It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 31(3) tar-Regolament Nru 1169/2011.
( 43 ) Skont l-Artikolu 30(1)(a) tar-Regolament Nru 1169/2011.
( 44 ) Skont l-Artikolu 30(1)(b) tar-Regolament Nru 1169/2011.
( 45 ) Skont l-Artikolu 34(1) tar-Regolament Nru 1169/2011.
( 46 ) Skont l-Artikolu 34(2) tar-Regolament Nru 1169/2011.
( 47 ) Skont l-Artikolu 30(3)(b), l-Artikolu 2(2)(l) u l‑Artikolu 34(3)(a) tar-Regolament Nru 1169/2011.
( 48 ) Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 34(3) tar-Regolament Nru 1169/2011.
( 49 ) Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 31(3) tar-Regolament Nru 1169/2011.
( 50 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2020, AFMB et (C‑610/18, EU:C:2020:565, punt 50).
( 51 ) Ara l-Artikolu 1(3) tar-Regolament Nru 1169/2011.
( 52 ) Ara l-Artikolu 1(4) tar-Regolament Nru 1169/2011.
( 53 ) Ninnota li l-Kummissjoni hija awtorizzata tadotta atti delegati fir-rigward ta’ rekwiżiti addizzjoni għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti fis-settur tal-frott u tal‑ħaxix [Ara s-sentenza tal-4 ta’ Settembru 2019, Zentrale zur Bekämpfung unlauteren Wettbewerbs Frankfurt am Main (C‑686/17, EU:C:2019:659, punti 63 u 69)].
( 54 ) Ara l-punt 23 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Settembru 2016, Breitsamer und Ulrich (C‑113/15, EU:C:2016:718, punt 67) u tal‑1 ta’ Ottubru 2020, Groupe Lactalis (C‑485/18, EU:C:2020:763, punt 43).
( 55 ) Ara l-premessi 4 u 20 tar-Regolament Nru 1169/2011, u s-sentenza tal-1 ta’ Ottubru 2020, Groupe Lactalis (C-485/18, EU:C:2020:763, punt 41). Concernant le régime antérieur, Ara l-Arrêts du 4 juin 2015, Bundesverband der Verbraucherzentralen und Verbraucherverbände (C‑195/14, EU:C:2015:361, punt 33) u tat-30 ta’ Jannar 2020, Dr. Willmar Schwabe (C‑524/18, EU:C:2020:60, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 56 ) Dawn ir-rekwiżiti għandhom japplikaw ukoll għar-reklamar, jew għall‑preżentazzjoni tal-prodotti tal-ikel u b’mod partikolari għall-ippakkjar tagħhom (Ara l-Artikolu 7(4) tar-Regolament Nru 1169/2011).
( 57 ) Ara l-Artikolu 1(1) u l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1169/2011, moqrija fid‑dawl tal-premessi 1, 3 u 4 ta’ dan ir-regolament. Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑12 ta’ Novembru 2019, Organisation juive européenne u Vignoble Psagot (C‑363/18, EU:C:2019:954, punti 52 u 53), u tal-1 ta’ Ottubru 2020, Groupe Lactalis (C‑485/18, EU:C:2020:763, punt 43).
( 58 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-22 ta’ Settembru 2016, Breitsamer und Ulrich (C‑113/15, EU:C:2016:718, punt 69), u tal-1 ta’ Ottubru 2020, Groupe Lactalis (C‑485/18, EU:C:2020:763, punt 44).
( 59 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑12 ta’ Settembru 2000, Geffroy (C‑366/98, EU:C:2000:430, punti 18 sa 20); tal‑10 ta’ Settembru 2009, Severi (C‑446/07, EU:C:2009:530, punt 60), kif ukoll tal‑4 ta’ Ġunju 2015, Bundesverband der Verbraucherzentralen und Verbraucherverbände (C‑195/14, EU:C:2015:361, punt 35).
( 60 ) Ara, f’dan is-sens, sentenzi tal-10 ta’ Settembru 2009, Severi (C‑446/07, EU:C:2009:530, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tal-4 ta’ Ġunju 2015, Bundesverband der Verbraucherzentralen und Verbraucherverbände (C‑195/14, EU:C:2015:361, punt 36).
( 61 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2015, Bundesverband der Verbraucherzentralen und Verbraucherverbände (C‑195/14, EU:C:2015:361, punti 39 u 40).
( 62 ) Skont l-Artikolu 30(3)(b) tar-Regolament Nru 1169/2011.
( 63 ) Ara l-premessa 35 tar-Regolament Nru 1169/2011.
( 64 ) F’dan ir-rigward, mill-proċess sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li jekk Dr. Oetker ikkwantifikat, fuq in-naħa ta’ quddiem tal-pakkett, il-porzjon użat billi indikat “= 100 g”, hija madankollu ma indikatx b’mod espliċitu n-“numru ta’ porzjonijiet” li jinsabu fil-pakkett. Għalhekk, ma iniex konvint li l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 33(1) tar-Regolament Nru 1169/2011 huma ssodisfatti.
( 65 ) Ara l-punt 52 ta’ dawn il-konklużjonijiet.