KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
SAUGMANDSGAARD ØE
ippreżentati fis-6 ta’ Ottubru 2021 ( 1 )
Kawża C‑385/20
EL,
TP
vs
Caixabank SA
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Juzgado de Primera Instancia no49 de Barcelona (il-Qorti tal-Ewwel Istanza Nru 49 ta’ Barcelona, Spanja))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Direttiva 93/13/KEE – Kuntratt ta’ kreditu – Proċedura ġudizzjarja intiża għall-konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali – Kundanna tal-professjonist għall-ispejjeż – Ammont tal-ispejjeż li jistgħu jinġabru mill-konsumatur – Limitu applikabbli għall-onorarji tal-avukati skont il-valur tat-tilwima – Awtonomija proċedurali – Prinċipju ta’ effettività”
I. Introduzzjoni
1. |
Permezz tat-talba għal deċiżjoni preliminari preżenti, il-Juzgado de Primera Instancia no49 de Barcelona (il-Qorti tal-Ewwel Istanza Nru 49 ta’ Barcelona, Spanja) għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja żewġ domandi relatati mal-interpretazzjoni tad-Direttiva 93/13/KEE dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur ( 2 ). |
2. |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn EL u TP, żewġ konsumaturi, u Caixabank SA, istituzzjoni finanzjarja, dwar l-onorarji ta’ avukat, li dawn tal-ewwel qed jitolbu mingħand din tal-aħħar fil-kuntest ta’ proċedura ta’ intaxxar tal-ispejjeż. Din il-proċedura hija sussegwenti għal sentenza fil-mertu li, fuq talba ta’ dawn il-konsumaturi, iddikjarat in-natura inġusta tal-klawżoli kuntrattwali li kien hemm f’kuntratt li rabat lill-partijiet, ordnat il-ħlas lura tal-ammonti mħallsa indebitament mill-imsemmija konsumaturi fuq il-bażi ta’ dawn il-klawżoli, u kkundannat lil Caixabank għall-ispejjeż. |
3. |
F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja, essenzjalment, sabiex isir magħruf jekk l-Artikolu 6(1) u l‑Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13, moqrija flimkien mal-prinċipju ta’ effettività, jimponux fuq l-Istati Membri li jipprevedu, fid-dritt nazzjonali tagħhom, fir-rigward tal-proċeduri ċivili li jirrigwardaw klawżoli inġusti, id-dritt, għall-konsumaturi li jkunu rebħu l-kawża, li jiksbu, mill-professjonisti li jkunu tilfuha, ir-rimbors sħiħ tal-ispejjeż legali sostnuti minn tal-ewwel, inklużi l-onorarji miftehma b’mod liberu mal-avukati tagħhom ( 3 ), mingħajr ma jkun possibbli, għal dawn l-Istati, li jistabbilixxu xi limiti f’dan ir-rigward. |
4. |
F’dawn il-konklużjonijiet, ser nispjega li, fil-kuntest tal-awtonomija proċedurali tagħhom, l-Istati Membri jiddisponu minn marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa sabiex ifasslu regoli għall-intaxxar tal-ispejjeż legali applikabbli għall-proċeduri ċivili li jirrigwardaw il-klawżoli inġusti, li jinkludi, fir-rigward tal-onorarji tal-avukat tal-parti rebbieħa, limitu fir-rigward tal-valur tat-tilwima. Fl-opinjoni tiegħi, l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13, moqrija flimkien mal-prinċipju ta’ effettività, jeżiġu biss li dawn ir-regoli jippermettu lill-konsumaturi jirkupraw ammont raġonevoli u proporzjonat, fir-rigward tal-ispejjeż li jkollhom isostnu oġġettivament sabiex iressqu tali kawża. Hija l-qorti tar-rinviju li għanda tivverifika jekk dan huwiex il-każ fil-kawża prinċipali. |
II. Il‑kuntest ġuridiku
A. Id‑Direttiva 93/13
5. |
L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 jipprovdi: “L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu li klawżoli inġusti użati f’kuntratt konkluż ma konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur għandhom, kif previst fil-liġi nazzjonali tagħhom […]” |
6. |
Skont il-kliem tal-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva: “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fl-interessi tal-konsumaturi u l-kompetituri, jeżistu mezzi adegwati u effettivi biex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew fornituri.” |
B. Id‑dritt Spanjol
7. |
Fid-dritt Spanjol, ir-regoli dwar l-ispejjeż fil-proċeduri ċivili jidhru fil-Ley 1/2000 de Enjuiciamiento Civil (il-Liġi 1/2000 dwar il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili), tas-7 ta’ Jannar 2000 (BOE Nru 7, tat-8 ta’ Jannar 2000, p. 575), (iktar ’il quddiem il-“LEC”). |
8. |
L-Artikolu 243 tal-LEC jipprovdi: “1. F’kull tip ta’ proċedura u ta’ istanza, l-intaxxar tal-ispejjeż għandu jitwettaq mir-reġistratur tal-qorti rispettiva adita bil-proċedura jew bir-rikors, jew, jekk ikun il-każ, mir-reġistratur responsabbli għall-eżekuzzjoni. […] Ir-reġistratur għandu jwettaq it-tnaqqis tal-onorarji tal-avukati u tal-professjonisti l-oħra li ma jkunux suġġetti għal tariffa speċifika, meta l-imsemmija onorarji jaqbżu l-limitu previst mill-Artikolu 394(3) u meta l-persuna li tkun ressqet l-ilment ma tkunx ġiet iddikjarata imprudenti.” |
9. |
L-Artikolu 251 tal-LEC jiddisponi: “Il-valur tat-tilwima għandu jiġi stabbilit abbażi tal-interess ekonomiku tat-tilwima, li għandu jiġi kkalkolat skont ir-regoli li ġejjin: 1. Jekk tintalab somma ta’ flus determinata, il-valur tat-tilwima għandu jkun irrappreżentat minn din is-somma u, fl-assenza ta’ determinazzjoni, anki taħt forma relattiva, il-valur tat-tilwima għandu jitqies li jkun somma indeterminata. […] 8. Fil-proċeduri li jirrigwardaw l-eżistenza, il-validità jew l-effettività ta’ obbligu, il-valur ta’ dan tal-aħħar għandu jiġi rrappreżentat permezz tat-total ta’ dak li jkun dovut, anki jekk il-ħlas isir bin-nifs. Dan il-kriterju ta’ evalwazzjoni japplika fil-proċeduri li jkollhom bħala suġġett il-ħolqien, l-emenda jew l-estinzjoni ta’ obbligu jew ta’ dritt personali, sakemm ma tkunx tapplika regola oħra ta’ dan l-artikolu.” |
10. |
L-Artikolu 394 tal-LEC jipprevedi: “1. Fil-proċeduri dikjaratorji, l-ispejjeż fl-ewwel istanza jaqgħu fuq il-parti li t-talbiet kollha tagħha jkunu ġew miċħuda, ħlief jekk il-qorti tevalwa, billi tiġġustifikah debitament, li l-kawża tqajjem dubji serji ta’ fatt jew ta’ liġi. […] 3. Meta, skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, il-parti li titlef tiġi kkundannata għall-ispejjeż, hija tista’ tkun obbligata tħallas biss, mis-somma li tikkorrispondi għar-remunerazzjoni tal-avukati jew ta’ professjonijiet oħra mhux suġġetti għal tariffa ta’ spejjeż jew onorarji, ammont totali li ma jaqbiżx terz tal-ammont ikkonċernat mit-tilwima, għal kull waħda mill-partijiet fit-tilwima li jkunu kisbu tali deċiżjoni favur tagħhom. Għal dan il-għan biss, il-kapijiet ta’ talba li ma jkunux jistgħu jiġu stmati għandhom jingħataw valur ta’ EUR 18000, sakemm, minħabba l-kumplessità tal-kawża, il-qorti ma tiddeċidix mod ieħor. Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu preċedenti ma japplikawx jekk il-qorti tikkonstata imġiba imprudenti tal-parti kkundannata għall-ispejjeż.” |
11. |
L-Artikolu 411 tal-LEC jipprovdi: “L-ebda waħda mill-bidliet li jseħħu wara l-ftuħ tal-proċedura u li jkunu marbuta mad-domiċilju tal-partijiet, mal-oġġett kontenzjuż u mas-suġġett tat-tilwima ma timmodifika l-ġurisdizzjoni u l-kompetenza, li jiġu ddeterminati skont l-elementi prodotti fil-mument tal-preżentata tar-rikors.” |
III. Il‑kawża prinċipali, id‑domandi preliminari u l‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja
12. |
Mid-deċiżjoni tar-rinviju u mill-osservazzjonijiet ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fil-25 ta’ April 2008, EL u TP ikkonkludew ma’ Caixabank kuntratt ta’ kreditu li rrigwarda, essenzjalment, ammont ta’ EUR 159000. Madankollu, dan il-kuntratt kien jistipula diversi klawżoli msejħa “muniti diversi” u l-ħlas kien, b’hekk, iddenominat f’jen Ġappuniż (JPY). |
13. |
Fl-10 ta’ Ottubru 2016, EL u TP ippreżentaw, quddiem il-Juzgado de Primera Instancia no49 de Barcelona (il-Qorti tal-Ewwel Istanza Nru 49 ta’ Barcelona), rikors kontra Caixabank, intiż, l-ewwel nett, li tiġi kkonstatata n-nullità ta’ dawn il-klawżoli ta’ “muniti diversi”, minħabba n-natura inġusta tagħhom, u sussegwentement, li jsir kalkolu ġdid tal-bilanċ tas-self (il-kuntratt li jitfaddal f’euro), u li l-bank jiġi kkundannat jirrimborsa s-somom li huma kienu ħallsu indebitament, fuq il-bażi tal-imsemmija klawżoli, mill-konklużjoni tal-kuntratt. |
14. |
Fir-rikors tagħhom, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali indikaw valur tat-tilwima li kien ta’ ammont indeterminat. F’dan ir-rigward, huma sostnew, essenzjalment, li, għalkemm il-bilanċ tas-self fil-ġurnata tal-preżentata tar-rikors kien ta’ EUR 127 269.15, dan il-bilanċ kellu jiġi rrivedut bħala konsegwenza tal-annullament tal-klawżoli “muniti diversi”, u aġġustat ladarba l-ispejjeż u kommissjonijiet kollha sostnuti minħabba dawn il-klawżoli jkunu magħrufa. Dan il-valur ġie stabbilit sussegwentement bħala dak indikat fid-deċiżjoni li laqgħet ir-rikors. |
15. |
Permezz ta’ sentenza tad-29 ta’ Novembru 2018, il-Juzgado de Primera Instancia no49 de Barcelona (il-Qorti tal-Ewwel Istanza Nru 49 ta’ Barcelona) laqgħet ir-rikorsi ta’ EL u TP. Din il-qorti kkonstatat in-nullità tal-klawżoli “muniti diversi” kkontestati, u kkundannat lil Caixabank tħallas lura lill-konsumaturi s-somom eventwalment imħallsa minnhom u li kienu jaqbżu l-ammont li kienu jħallsu kieku s-self kien iddenominat mill-bidu f’euro, flimkien mal-interessi legali. Barra minn hekk, l-imsemmija qorti kkundannat lil Caixabank għall-ispejjeż. Din is-sentenza, sussegwentement, saret definittiva. |
16. |
Sussegwentement, fil-kuntest tal-proċedura anċillari tal-intaxxar tal-ispejjeż, l-avukat ta’ EL u TP ippreżenta, quddiem ir-Reġistratur kompetenti, talba għar-rimbors tal-ispejjeż marbuta mal-proċedura, ta’ ammont ta’ EUR 25 188.91, inkluża nota ta’ EUR 19 007.89 bħala onorarji tiegħu. Għall-finijiet tal-kalkolu tal-onorarji inkwistjoni, din it-talba ħadet bħala bażi, bħala l-valur tat-tilwima, is-somma ta’ EUR 127 269.15, jiġifieri l-bilanċ tas-self fid-data tal-preżentata tar-rikors ( 4 ). |
17. |
Caixabank ikkontestat l-ispejjeż mitluba, billi argumentat li kellhom natura eċċessiva. Permezz ta’ deċiżjoni tal-1 ta’ Ottubru 2019, ir-reġistratur laqa’ lil din il-kontestazzjoni. Huwa qies li, konformement mal-Artikoli 251 u 411 tal-LEC, hekk kif interpretati mill-qrati Spanjoli, il-valur tat-tilwima, ladarba stabbilit fil-mument tal-preżentata tar-rikors, ma jistax jiġi emendat f’fażi sussegwenti tal-proċedura, u lanqas, a fortiori, waqt l-intaxxar tal-ispejjeż. F’dan il-każ, peress li kien ġie stabbilit, fid-deċiżjoni li laqgħet ir-rikors, konformement ma’ dak li ġie indikat fir-rikors, li l-valur tat-tilwima kien ta’ ammont indeterminat, dan kellu jitqies bħala tali fil-kuntest tal-intaxxar tal-ispejjeż. Konsegwentement, dan il-valur kellu jiġi stmat fi EUR 30000 għall-finijiet tal-onorarji tal-avukat li jistgħu jinġabru, konformement mal-linji gwida fil-qasam tal-ispejjeż tal-Avukatura ta’ Barcelona. B’hekk, b’applikazzjoni tal-Artikolu 394(3) tal-LEC, Caixabank setgħet biss tkun marbuta li tirrimborsa lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali l-onorarji tal-avukati li ma kinux jaqbżu terz ta’ dan l-ammont biss. |
18. |
Għaldaqstant, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentaw rikors għal reviżjoni kontra din id-deċiżjoni tal-aħħar. F’dan il-kuntest, il-Juzgado de Primera Instancia no49 de Barcelona (il-Qorti tal-Ewwel Istanza Nru 49 ta’ Barcelona), peress li kellha xi dubji fir-rigward tal-kompatibbiltà mad-Direttiva 93/13 tal-Artikolu 251, tal-Artikolu 394(3) u tal-Artikolu 411 tal-LEC, hekk kif interpretati mill-qrati Spanjoli, iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin: “1) L-interpretazzjoni ġurisprudenzjali tal-Artikolu 251, tal-Artikolu 394(3) u tal-Artikolu 411 tal-[LEC] magħmula fid-deċiżjoni tal-1 ta’ Ottubru 2019, skont liema l-valur tat-tilwima huwa assimilat għall-interess ekonomiku tat-tilwima u, għaldaqstant, iwassal għal tnaqqis tal-onorarja li l-konsumatur ħallas lill-avukat tiegħu, abbażi ta’ somma fissa (EUR 18000), iddeterminata mil-liġi unikament meta l-valur tat-tilwima ma jkunx jista’ jiġi stmat u mhux meta l-imsemmi valur ma huwiex iddeterminat, hija kuntrarja għall-Artikolu 6(1) u għall-Artikolu 7(1) tad-Direttiva [93/13], sa fejn il-konsumatur ma jistax jerġa’ jitqiegħed fis-sitwazzjoni ta’ fatt u ta’ liġi li kien isib ruħu fiha li kieku din il-klawżola ma kinitx teżisti, minkejja d-dikjarazzjoni ġudizzjarja, favur tiegħu, tan-natura inġusta ta’ din il-klawżola, u minħabba n-nuqqas ta’ tħassir ta’ kundizzjoni proċedurali mhux raġonevoli marbuta ma’ limitazzjoni tal-ispejjeż, tħassir li jiggarantixxi lill-konsumatur il-mezzi l-iktar xierqa u l-iktar effettivi għall-finijiet tal-eżerċizzju leġittimu tad-drittijiet tiegħu? 2) L-Artikolu 394(3) tal-LEC huwa, bħala tali, kuntrarju għall-Artikolu 6(1) u għall-Artikolu 7(1) tad-Direttiva [93/13] u jrendi impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju ġudizzjarju tad-drittijiet li l-imsemmija direttiva tagħti lill-konsumaturi, fid-dawl tal-limitazzjoni li dan l-artikolu jimponi fuq il-konsumatur, li għandu jsostni parti mill-ispejjeż rispettivi tiegħu u li ma jistax jerġa’ jitqiegħed fis-sitwazzjoni ta’ fatt u ta’ liġi li kien isib ruħu fiha li kieku din il-klawżola ma kinitx teżisti, minkejja d-dikjarazzjoni ġudizzjarja, favur tiegħu, tan-natura inġusta ta’ din il-klawżola, u minħabba n-nuqqas ta’ tħassir ta’ kundizzjoni proċedurali mhux raġonevoli marbuta ma’ limitazzjoni tal-ispejjeż, tħassir li jiggarantixxi lill-konsumatur il-mezzi l-iktar xierqa u l-iktar effettivi għall-finijiet tal-eżerċizzju leġittimu tad-drittijiet tiegħu?” |
19. |
It-talba għal deċiżjoni preliminari, bid-data tas-7 ta’ Lulju 2020, waslet għand il-Qorti tal-Ġustizzja fit-12 ta’ Awwissu tal-istess sena. EL u TP, Caixabank, il-Gvern Spanjol u l-Gvern Pollakk kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. L-istess partijiet u l-partijiet interessati, bl-eċċezzjoni tal-Gvern Pollakk, irrispondew ukoll bil-miktub għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-11 ta’ Mejju 2021. |
IV. Analiżi
A. Fuq il‑ġurisdizzjoni
20. |
Preliminarjament, il-Gvern Spanjol, kif ukoll, essenzjalment, Caixabank, isostnu n-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tieħu konjizzjoni tad-domandi preliminari preżenti. |
21. |
Fl-opinjoni tiegħi, din l-eċċezzjoni għandha tiġi miċħuda. Għalkemm huwa minnu li d-domandi dwar l-intaxxar tal-ispejjeż tal-proċeduri ċivili ma jaqgħux, bħala tali, taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 93/13, infakkar li l-kawża prinċipali tirrigwarda n-natura inġusta, fis-sens ta’ din id-direttiva, ta’ diversi klawżoli kuntrattwali. Għaldaqstant, dawn id-domandi proċedurali tqajmu fil-kuntest ta’ kawża li għandha bħala suġġett id-drittijiet li għandhom il-konsumaturi abbażi tal-imsemmija direttiva. F’dan il-kuntest, il-kwistjoni hija dik sabiex isir magħruf jekk l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tal-istess direttiva, moqrija flimkien mal-prinċipju ta’ effettività, jipprekludux ir-regoli Spanjoli fil-qasam tal-ispejjeż. Għaldaqstant, iċ-ċirkustanzi jaqgħu tassew taħt id-dritt tal-Unjoni, u d-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni ta’ dan id-dritt. B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja manifestament għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tagħha ( 5 ). |
B. Fuq l‑ammissibbiltà
22. |
Caixabank u l-Gvern Spanjol isostnu wkoll li d-domandi preliminari huma inammissibbli. Fl-opinjoni tagħhom, l-ewwel nett, id-deċiżjoni tar-rinviju ma fihx il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex jippermettu lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi b’mod utli għad-domandi magħmula. |
23. |
Ċertament, l-ammont tal-onorarji mitluba mill-avukat tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali fil-kuntest tal-intaxxar tal-ispejjeż ma huwiex indikat fid-deċiżjoni tar-rinviju, li lanqas ma tindika jekk dan l-ammont qabiżx il-limitu previst fl-Artikolu 394(3) tal-LEC. Madankollu, minbarra l-informazzjoni li tidher fl-osservazzjonijiet tal-partijiet fil-kawża prinċipali, id-deskrizzjoni tal-fatti li tidher f’din id-deċiżjoni, għalkemm hija qasira, hija suffiċjenti, fil-fehma tiegħi, sabiex jinftehmu l-ipoteżijiet li fuqhom huma bbażati d-domandi preliminari, u sabiex jippermettu lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondihom b’mod utli. |
24. |
It-tieni nett, Caixabank tenfasizza li teżisti kontradizzjoni bejn il-formulazzjoni tal-ewwel domanda u l-kontenut tad-deċiżjoni tar-rinviju. Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju tħalli x’jifhem, f’din id-domanda, li l-ammont ta’ EUR 18000 li jidher fit-tieni sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 394(3) tal-LEC ittieħed bħala l-bażi tal-kalkolu tal-onorarji tal-avukat li jistgħu jinġabru minn EL u TP, filwaqt li huwa indikat f’din id-deċiżjoni li, fir-realtà, ir-reġistratur ħa bħala bażi l-ammont ta’ EUR 30000 previst mil-linji gwida fil-qasam tal-intaxxar tal-ispejjeż tal-avukatura ta’ Barcelona. |
25. |
Fuq dan il-punt, jidhirli li hemm tassew kontradizzjoni fid-deċiżjoni tar-rinviju. Barra minn hekk, din id-deċiżjoni lanqas ma tispjega r-raġunijiet li minħabba fihom l-imsemmi ammont ta’ EUR 30000 ġie applikat minnflok dak li jidher fl-imsemmi Artikolu 394(3). Madankollu, fl-opinjoni tiegħi, din il-kontradizzjoni ma hijiex suffiċjenti sabiex id-domandi magħmula jiġi ddikjarati inammissibbli. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja jkollha tagħti risposta ġenerali fir-rigward tal-kompatibbiltà tas-sistema nazzjonali tal-intaxxar tal-ispejjeż li jipprevedu limitu tal-onorarji tal-avukat rimborsabbli abbażi tal-valur tat-tilwima, indipendentement minn dak effettivament miżmum fil-kawża prinċipali. Għaldaqstant, dan l-ammont ma huwiex deċiżiv għall-interpretazzjoni mitluba. |
26. |
It-tielet nett, Caixabank u l-Gvern Spanjol isostnu li d-deċiżjoni tar-rinviju fiha affermazzjonijiet mhux sostnuti, saħansitra żbaljati. B’mod partikolari, il-qorti tar-rinviju tħalli x’jifhem li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ħallsu, jew għall-inqas kellhom iħallsu, jew almenu għandhom iħallsu, it-total tal-onorarji mitluba mill-avukat tagħhom fil-kuntest tal-intaxxar tal-ispejjeż, mingħajr ma ssostni dan il-punt, filwaqt li mill-elementi tal-proċess jirriżulta li dan ma huwiex il-każ. Għal din l-istess raġuni, id-domandi magħmula jkunu ipotetiċi. Ma hemm l-ebda dubju dwar il-fatt li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ser jiksbu mingħand Caixabank, b’applikazzjoni tar-regoli Spanjoli fil-qasam tal-ispejjeż, ir-rimbors tal-ispejjeż legali kollha li huma sostnew ( 6 ). |
27. |
F’dan ir-rigward, biżżejjed jitfakkar li, fil-kuntest tal-proċedura msemmija fl-Artikolu 267 TFUE, kull evalwazzjoni tal-fatti tal-każ taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-qorti nazzjonali. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ biss tesprimi ruħha fuq l-interpretazzjoni tat-test tal-Unjoni abbażi tal-fatti li jiġu indikati lilha minn din il-qorti ( 7 ). Caixabank u l-Gvern Spanjol, għaldaqstant, ma jistgħux idaħħlu inkwistjoni, quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-premessa ta’ natura fattwali, magħmula mill-qorti tar-rinviju fid-domandi tagħha, li tgħid li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ħallsu l-onorarji mitluba mill-avukat tagħhom, jew almenu, għandhom jagħmlu dan sa fejn dawn l-onorarji ma jkunux jistgħu jingħaddu lill-konvenuta fil-kawża prinċipali. |
28. |
Fl-aħħar nett, il-Gvern Spanjol ikkontesta speċifikament l-ammissibbiltà tal-ewwel domanda, sa fejn tirrigwarda l-prinċipju ta’ “perpetuatio jurisdictionis” stabbilit fl-Artikolu 411 tal-LEC, billi jinvoka diversi ċirkustanzi li, fl-opinjoni tiegħi, jaqgħu taħt il-mertu ta’ din il-kwistjoni ( 8 ). Konsegwentement, għalkemm dawn il-fatti jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tingħata risposta għall-imsemmija domanda, huma, fl-opinjoni tiegħi, mingħajr rilevanza fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-ammissibbiltà tagħha ( 9 ). |
C. Fuq il‑mertu
29. |
Din il-kawża għandha bħala sfond il-problematika, magħrufa sew mill-Qorti tal-Ġustizzja ( 10 ), tal-kuntratti ta’ kreditu ddenominati f’munita barranija, konklużi minn xi konsumaturi fi ħdan stabbilimenti bankarji, b’mod partikolari dawk Spanjoli. |
30. |
Fil-każ preżenti, EL u TP kienu kkonkludew tali kuntratti ta’ kreditu ma’ Caixabank iddenominat f’jen Ġappuniż. Madankollu, dawn il-konsumaturi ppreżentaw rikors intiż li tiġi kkonstatata n-natura inġusta tal-klawżoli ta’ “muniti diversi” stipulati f’dan il-kuntratt, li kellhom bħala effett li jindirizzaw il-ħlas ta’ kull xahar fuq ir-rata ta’ din il-munita. |
31. |
Id-domandi preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju ma jikkonċernawx il-kompatibbiltà tal-klawżoli kontenzjużi mad-dritt tal-Unjoni. In-natura inġusta tagħhom, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13, kienet diġà ġiet ikkonstatata minn din il-qorti f’deċiżjoni li saret definittiva ( 11 ). F’dan il-kuntest, l-imsemmija qorti, konformement mal-Artikolu 6(1) ta’ din id-Direttiva, eskludiet l-applikazzjoni ta’ dawn il-klawżoli (billi kkonstatat in-nullità assoluta tagħhom, hekk kif previst mid-dritt Spanjol), u żammet, għall-bqija, il-validità tal-kuntratt, sabiex hekk, l-euro saret il-munita unika tas-self ( 12 ). Din l-istess qorti kkundannat ukoll lil Caixabank tħallas lura lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali s-somom eventwali mħallsa indebitament minnhom, fuq il-bażi tal-imsemmija klawżoli, li kien jimplika l-kalkolu mill-ġdid tal-ħlasijiet ta’ kull xahar li kienu jħallsu kieku s-self kien iddenominat f’euro mill-bidu, kif ukoll id-determinazzjoni tal-kommissjonijiet mitluba minn dan il-bank b’rabta mal-mekkaniżmu “muniti diversi”. |
32. |
Min-naħa l-oħra, il-preżenti domandi preliminari jikkonċernaw il-kwistjoni tal-ammont preċiż tal-ispejjeż, u iktar preċiżament tal-onorarji tal-avukat, li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali għandhom id-dritt għar-rimbors tagħhom mingħand Caixabank fit-tmien ta’ din il-kawża, bl-applikazzjoni tad-dritt Spanjol. |
33. |
F’dan ir-rigward, il-leġiżlazzjoni Spanjola tipprevedi, essenzjalment, li, fil-kuntest ta’ proċedura ċivili, il-parti li titlef tiġi, bħala prinċipju kkundannata tbati l-ispejjeż tal-ġustizzja sostnuti mill-parti li tkun rebħet il-kawża, inklużi l-onorarji tal-avukat ta’ din tal-aħħar ( 13 ). B’hekk, fil-kawża preżenti, Caixabank, ġiet ikkundannata tirrimborsa lil EL u TP l-ispejjeż sostnuti minnhom. |
34. |
Ladarba l-kundanna għall-ispejjeż issir definittiva, ir-reġistratur tal-qorti adita bir-rikors, li għandu kompetenza fil-qasam ( 14 ), jiddetermina u jirregola l-ammont preċiż tal-ispejjeż li jkunu jistgħu jinġabru mill-parti li tkun rebħet il-kawża fil-kuntest tal-proċedura tal-intaxxar tal-ispejjeż, fid-dawl tan-noti ta’ onorarji ppreżentati mill-avukati, konsulenti legali u esperti involuti, u, b’teħid inkunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari il-valur tat-tilwima, iżda wkoll tax-xogħol effettivament imwettaq minn dawn il-professjonisti, tal-ħin iddedikat lill-kawża kif ukoll tal-kumplessità tagħha. |
35. |
Madankollu, minn naħa, l-Artikolu 394(3) tal-LEC, jipprevedi, fl-ewwel sentenza tal-ewwel subparagrafu tiegħu, limitu applikabbli, b’mod partikolari, għall-onorarji tal-avukati tal-parti li tkun rebħet il-kawża. B’mod konkret, il-parti kkundannata tista’, bħala prinċipju ( 15 ), tiġi obbligata tħallas, l-iktar l-iktar, fir-rigward ta’ dawn l-onorarji, ammont totali li ma jeċċedix terz tal-valur tat-tilwima. Meta l-onorarji tal-avukat mitluba jaqbżu lil dan il-limitu, ir-reġistratur ikollu normalment jipproċedi għat-“tnaqqis” ta’ dawn l-onorarji ( 16 ). |
36. |
F’dan il-kuntest, min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 251 tal-LEC, il-valur tat-tilwima għandu jiġi ppreċiżat fir-rikors, abbażi tal-interess ekonomiku li r-rikors jirrappreżenta għar-rikorrent. F’dan ir-rigward, il-paragrafu (1) ta’ dan l-artikolu jipprevedi li, jekk tintalab somma determinata, il-valur tat-tilwima jikkorrispondi għal din is-somma u li, fin-nuqqas ta’ din id-determinazzjoni, anki taħt forma relattiva, il-valur tat-tilwima jitqies li jkun ta’ ammont indeterminat. |
37. |
F’dan il-każ, EL u TP kienu inizjalment indikaw, fir-rikors tagħhom, il-valur tat-tilwima bħala li kien ammont indeterminat. F’dan il-kuntest, huma kienu ppreċiżaw, essenzjalment, li għalkemm l-interess ekonomiku rrappreżentat għalihom mir-rikors kien jikkorrispondi għall-bilanċ tas-self fil-jum tal-preżentata tiegħu (madwar EUR 120000), dan il-bilanċ kellu jiġi rivedut bħala konsegwenza tal-kanċellazzjoni tal-klawżoli “muniti diversi” kontenzjużi. Għaldaqstant, kien meħtieġ li tingħata d-deċiżjoni dwar il-mertu sabiex isir magħruf eżattament l-imsemmi valur. Sussegwentement, fil-kuntest tal-intaxxar tal-ispejjeż, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali stabbilixxew dan l-istess valur, għall-finijiet tal-kalkolu tal-onorarji tal-avukat li setgħu jinġabru, fuq il-bilanċ tas-self. |
38. |
Madankollu, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita mit-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja), bl-applikazzjoni tal-prinċipju proċedurali ta’ “perpetuatio iurisdictionis”, ikkodifikat fl-Artikolu 411 tal-LEC, il-valur tat-tilwima, ladarba stabbilit fid-deċiżjoni li tkun laqgħet ir-rikors, konformement mal-indikazzjonijiet tar-rikors, ma setax iktar jiġi emendat f’fażi sussegwenti tal-proċedura, u lanqas, a fortiori, wara t-tmiem tagħha, fil-kuntest tal-intaxxar tal-ispejjeż. Din il-ġurisprudenza ġiet segwita mir-reġistratur fil-kawża prinċipali. Huwa qies li, f’dan il-każ, il-valur tat-tilwima kellu jitqies, b’mod immutabbli, inkluż għall-finijiet ta’ din it-taxxa, li kien indeterminat ( 17 ). |
39. |
Din l-interpretazzjoni għandha bħala effett li tillimita l-ammont tal-onorarji tal-avukat li jistgħu jinġabru mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali mingħand Caixabank. Fil-fatt, dejjem skont (tal-inqas parti minnha) ( 18 ) il-ġurisprudenza Spanjola, il-kawżi fejn il-valur jkun “indeterminat” għandhom jitqiesu bħal dawk li l-valur tagħhom ma jkunux “stimabbli”, fis-sens tat-tieni sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 394(3) tal-LEC. Din id-dispożizzjoni tipprevedi li, bħala prinċipju ( 19 ), tali kawżi jiġu stmati, għall-finijiet biss tal-intaxxar tal-ispejjeż, għal EUR 18000. Għalhekk, bl-applikazzjoni tal-limitu previst fl-ewwel sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 394(3) tal-LEC, il-parti li tkun tilfet tista’ tiġi obbligata tirrimborsa biss l-onorarji tal-avukat li jitilgħu, l-iktar l-iktar, sa’ terz ta’ dan l-ammont, jiġifieri EUR 6000. |
40. |
Madankollu, infakkar li f’dan il-każ, l-ammont indikattiv ta’ EUR 18000 ma jidhirx li ġie applikat. Minnflok, inżamm valur ta’ EUR 30000 ( 20 ). Bl-applikazzjoni tal-limitu kontenzjuż, somma massima ta’ EUR 10000 setgħet għaldaqstant tintalab mingħand Caixabank mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, bħala onorarji tal-avukat. Fi kwalunkwe każ, il-problema tibqa’ l-istess. Meta, bħal fil-kawża prinċipali, il-konsumatur u l-avukat tiegħu ftehmu onorarji ta’ ammont ogħla mill-imsemmi limitu (f’dan il-każ, madwar EUR 26000), l-eċċess ikollu jitħallas mill-konsumatur. |
41. |
Issa, skont EL u TP, li huma sostnuti mill-Kummissjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, tali riżultat huwa inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni. Jekk konsumatur ikollu jħallas kompletament jew parzjalment l-ispejjeż esposti sabiex jinvoka d-drittijiet li għandu abbażi tad-Direttiva 93/13, inklużi l-onorarji miftehma mal-avukat tiegħu, u dan meta jkun rebaħ il-kawża fil-mertu (fejn il-qorti adita tkun ikkonstatat in-natura inġusta tal-klawżola kkontestata u kundannat lill-professjonist iħallas lura s-somom imħallsa fuq din il-bażi), dan l-istess konsumatur ma jkunx jista’ jerġa’ jitqiegħed fis-sitwazzjoni ta’ fatt u ta’ liġi li kien isib ruħu fiha li kieku din il-klawżola ma kinitx teżisti, kif meħtieġ mill-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva, hekk kif interpretati fis-sentenza Gutiérrez Naranjo et ( 21 ). Dan jostakola wkoll l-eżerċizzju, għall-konsumaturi, tad-drittijiet li huma għandhom abbażi tal-imsemmija direttiva. |
42. |
F’dan il-kuntest, minn naħa, it-tieni domanda tal-qorti tar-rinviju, li għandha tiġi ttrattata l-ewwel, tipprevedi, essenzjalment, li jsir magħruf jekk l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13, moqrija flimkien mal-prinċipju ta’ effettività, jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali, bħalma huwa l-Artikolu 394(3) tal-LEC, li jipprevedi, fil-kuntest tal-intaxxar tal-ispejjeż sostnuti mill-partijiet f’kawża dwar in-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali, limitu applikabbli għall-onorarji tal-avukat li jistgħu jinġabru mill-konsumatur li jkun rebaħ il-kawża mingħand il-professjonist ikkundannat għall-ispejjeż, skont il-valur tat-tilwima. Ser nispjega, fit-Taqsima 1, għaliex dan ma huwiex il-każ bħala prinċipju. |
43. |
Min-naħa l-oħra, permezz tal-ewwel domanda tagħha, li għandha tiġi ttrattata t-tieni, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-interpretazzjoni ġurisprudenzjali tal-Artikolu 251, tal-Artikolu 394(3) u tal-Artikolu 411 tal-LEC, li tgħid li, meta konsumatur ikun indika, fir-rikors tiegħu, il-valur ta’ kawża bħala li tkun ta’ ammont indeterminat, ma jkunx jista’ jemenda din l-informazzjoni fil-kuntest tal-intaxxar tal-ispejjeż u li tgħid li l-kawżi li l-valur tagħhom ikun indeterminat jiġu stmati għal EUR 18000 (jew pjuttost, f’dan il-każ EUR 30000) għall-finijiet tal-kalkolu tal-onorarji li jistgħu jinġabru, tmurx kontra l-Artikolu 6(1) u l‑Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13. Fit-Taqsima 2, ser nesponi r-raġunijiet għala, suġġett għal ċerti verifiki mill-qorti tar-rinviju, ma naħsibx li dan huwa l-każ. |
1. Fuq il‑fatt li d‑dritt tal‑Unjoni ma jipprekludix, bħala prinċipju, leġiżlazzjoni nazzjonali li tillimita l‑ammont tal‑ispejjeż li jistgħu jinġabru mill‑konsumatur (tieni domanda)
44. |
Kif enfasizza l-Gvern Pollakk, it-tieni domanda tal-qorti tar-rinviju, hekk kif irriformulata fil-punt 42 ta’ dawn il-konklużjonijiet, tirrigwarda essenzjalment li jsir magħruf jekk id-Direttiva 93/13 timponix fuq l-Istati Membri li jipprevedu d-dritt, għal konsumatur li jkun rebaħ il-kawża fil-kuntest ta’ rikors intiż għall-konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola, li jikseb mill-professjonist ikkonċernat ir-rimbors tal-ispejjeż legali kollha, sostnuti minnu fil-kuntest ta’ dan ir-rikors. |
45. |
Bil-kontra ta’ EL u TP, u bħall-Gvern Spanjol u l-Gvern Pollakk, ma naqbilx ma’ din l-opinjoni. |
46. |
L-ewwel nett, ma naħsibx li l-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza Gutiérrez Naranjo, tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, tagħti risposta għal din il-kwistjoni, bħala tali. |
47. |
F’dan ir-rigward, infakkar li l-imsemmi Artikolu 6(1) jistabbilixxi l-għan li jipprovdi li l-klawżoli inġusti li jidhru fil-kuntratti konklużi bejn il-professjonisti u l-konsumaturi ma għandhomx “jorbtu” lil dawn tal-aħħar. Fis-sentenza Gutiérrez Naranjo, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, konformement ma’ din id-dispożizzjoni, klawżola inġusta “għandha titqies, bħala prinċipju, li qatt ma eżistiet, b’mod illi hija ma jistax ikollha effetti fil-konfront tal-konsumatur”. Għaldaqstant, il-konstatazzjoni ġudizzjarja tan-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali “għandha, bħala prinċipju, ikollha l-effett li tistabbilixxi mill-ġdid is-sitwazzjoni fid-dritt u fil-fatt tal-konsumatur li kien jinsab fiha fl-assenza tal-imsemmija klawżola” ( 22 ). |
48. |
Permezz ta’ din l-aħħar affermazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet minn dan l-istess Artikolu 6(1), “rimedju” (remedy) favur il-konsumaturi, jiġifieri d-dritt ta’ ħlas lura tas-somom imħallsa indebitament eventwali fuq il-bażi tal-klawżola inġusta, u dan sabiex l-effetti diġà kkawżati minn tali klawżola, bil-kontra tal-għan stabbilit f’din id-dispożizzjoni, ikunu jistgħu, sa fejn ikun possibbli, jitħassru retroattivament ( 23 ). |
49. |
F’dan il-każ, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali invokaw b’suċċess, dan id-dritt legali. L-effetti diġà kkawżati mill-klawżoli ta’ “muniti diversi” kontenzjużi kellhom, konformement mad-deċiżjoni mogħtija definittivament mill-qorti tar-rinviju, jitħassru retroattivament minn Caixabank. Għaldaqstant dawn il-konsumaturi kienu, fuq livell ġuridiku, tqegħdu fis-sitwazzjoni ta’ dritt u ta’ fatt li kienu jinsabu fiha fin-nuqqas tal-imsemmija klawżola, kif mifhum mill-Qorti tal-Ġustizzja. |
50. |
Min-naħa l-oħra, il-kwistjoni tar-“rimedju” miksub, fil-mertu, mill-konsumaturi ma għandhiex titħawwad ma’ dik tal-intaxxar tal-ispejjeż sostnuti minn dawn tal-aħħar fir-rigward tal-proċedura ġudizzjarja, li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 ma jirregolax. |
51. |
Fil-fatt, ir-regoli li jirrigwardaw l-intaxxar tal-ispejjeż fil-kawżi ċivili jikkostitwixxu regoli tal-proċedura. Meta jiġu applikati fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat minn konsumatur u intiż li tiġi kkonstatata n-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali, fis-sens tad-Direttiva 93/13, dawn ir-regoli jaqgħu, fi kliem il-formulazzjoni stabbilta, taħt “ir-regoli [modalitajiet] proċedurali ddettaljati applikabbli għar-rikorsi intiżi għall-protezzjoni tad-drittijiet mogħtija lill-individwi mid-dritt tal-Unjoni” ( 24 ). Bħalma enfasizzaw il-Gvern Spanjol u l-Gvern Pollakk, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, tali modalitajiet proċedurali jaqgħu, fl-assenza ta’ armonizzazzjoni fid-dritt tal-Unjoni, taħt l-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri mingħajr preġudizzju għall-osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività ( 25 ). |
52. |
Fit-tieni nett, u f’dan l-kuntest, għandu jitfakkar, hekk kif għamel il-Gvern Pollakk, li, b’mod ġenerali, il-prinċipju ta’ effettività (l-uniku inkwistjoni fil-kawża preżenti ( 26 )) ma jipprekludix, bħala prinċipju, li konsumatur isostni ċerti spejjeż tal-ġustizzja, meta jippreżenta rikors intiż li tiġi kkonstatata n-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali. Madankollu, l-ispejjeż tal-proċedura ma jistgħux ikunu tant għoljin sal-punt li jirrendu “impossibbli fil-prattika jew eċċessivament diffiċli” l-eżerċizzju mill-konsumatur tad-drittijiet li huwa għandu abbażi tad-Direttiva 93/13. Fi kliem ieħor, dan il-prinċipju jipprekludi li tali rikors jirrappreżenta spiża projbittiva għall-konsumatur ( 27 ). |
53. |
B’hekk, il-fatt li l-preżentata ta’ rikors bħal dan timplika l-assistenza ta’ avukat, kif jidher li huwa l-każ fi Spanja, u li l-konsumatur ikollu jsostni mill-inqas parti mill-onorarji ta’ dan l-avukat, ma jidhirx, fih innifsu, kuntrarju għall-prinċipju ta’ effettività ( 28 ). Madankollu, peress li dawn l-onorarji jikkostitwixxi, ġeneralment, parti sostanzjali tal-ispejjeż sostnuti fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja ( 29 ), jekk konsumatur, fil-każ li jirbaħ il-kawża, ikunx jista’ jiġbor mingħand il-professjonist parti żgħira biss tal-imsemmija onorarji, jew anki xejn, dan jista’ serjament jiddisswadih milli jippreżenta azzjoni ġudizzjarja ( 30 ). L-ispejjeż tal-avukat jistgħu għaldaqstant isiru, f’numru kbir ta’ każijiet, abbażi tat-tariffi pprattikati u fid-dawl tal-benefiċċju li l-konsumatur jieħu mir-rikors, spiża projbittiva għal dan tal-aħħar, li tirrendi eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju ġudizzjarju tad-drittijiet li huwa għandu abbażi tad-Direttiva 93/13 ( 31 ). |
54. |
B’dan premess, isegwi, fl-opinjoni tiegħi, li konsumatur li jkun rebaħ kawża fil-kuntest ta’ rikors ġudizzjarju għandu jkun jista’ jirkupra mingħand il-professjonist li tilef, abbażi tal-intaxxar tal-ispejjeż, mhux l-ammont sħiħ tal-onorarji miftehma mal-avukat tiegħu, iżda ammont raġonevoli u proporzjonat fil-konfront tal-ispejjeż li kellu oġġettivament isostni sabiex jippreżenta tali rikors, jiġifieri somma suffiċjenti sabiex ittaffi n-natura projbittiva li jistgħu jirrappreżentaw tali onorarji. Fin-nuqqas ta’ dan, hekk kif enfasizzat sew Caixabank, il-konsumaturi jkunu jistgħu jitolbu, fil-kuntest ta’ tali intaxxar, ir-rimbors tal-onorarji miftehma liberament mal-avukat tagħhom u li jaqbżu, jew ukoll jmorru lil hinn, minn dak li jkun oġġettivament indispensabbli ( 32 ). |
55. |
Fil-kuntest tal-awtonomija proċedurali tagħhom, l-Istati Membri jiddisponu minn marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa f’dan ir-rigward. Bħala prinċipju, huma jistgħu jiżguraw ir-rispett tar-rekwiżit previst fil-punt preċedenti fil-kuntest tar-regoli nazzjonali tagħhom fil-qasam tal-intaxxar tal-ispejjeż, regoli li, kif enfasizza b’mod utli l-Gvern Pollakk fl-osservazzjonijiet tiegħu, jippreżentaw xi differenzi, inerenti għan-nuqqas tal-armonizzazzjoni Ewropea f’dan il-qasam: uħud jipprevedu li l-parti li titlef ikollha tirrimborsa l-onorarji kollha lill-avukat tal-parti li tkun rebħet il-kawża; oħrajn, li fosthom jidħlu r-regoli Spanjoli, jipprevedu li l-parti li tirbaħ il-kawża tkun tista’ tiġbor biss parti minn dawn l-onorarji ( 33 ). Dawn ir-regoli differenti huma kompatibbli mal-prinċipju ta’ effettività, sakemm, nirrepeti, jippermettu lill-konsumatur jirkupra mingħand il-professjonist, bħala onorarji ta’ avukat, ammont raġonevoli u proporzjonat. |
56. |
Bil-kontra ta’ EL u TP, u bħal Caixabank u l-Gvern Spanjol, ma naħsibx li din l-interpretazzjoni tiddaħħal inkwistjoni mis-sentenza Caixabank u Banco Bilbao Vizcaya Argentaria. |
57. |
F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13, moqrija flimkien mal-prinċipju ta’ effettività, jipprekludu “sistema li tippermetti li parti mill-ispejjeż proċedurali tiġi imposta fuq il-konsumatur skont il-livell tas-somom imħallsa indebitament li jitħallsu lura lilu wara d-dikjarazzjoni tal-invalidità ta’ klawżola kuntrattwali minħabba n-natura inġusta tagħha”. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, tali sistema toħloq ostakolu sostanzjali li jista’ jiskoraġġixxi lill-konsumaturi milli jersqu quddiem qorti sabiex tiġi kkonstatata n-natura potenzjalment inġusta ta’ klawżola kuntrattwali ( 34 ). |
58. |
B’mod iktar partikolari, il-kawża li tat lok għall-imsemmija sentenza kienet tikkonċerna l-Artikolu 394(1) u (2) tal-LEC. Filwaqt li l-ewwel paragrafu jipprevedi, infakkar, li l-parti li titlef ikollha tbati l-ispejjeż sostnuti mill-parti li tkun rebħet il-kawża, it-tieni paragrafu jistabbilixxi li, fil-każ li t-talbiet ta’ waħda mill-partijiet jintlaqgħu parzjalment jew jiġu miċħuda t-talbiet rispettivi tagħhom, kull waħda minn dawn ikollhom, bħala prinċipju, iħallsu l-ispejjeż tagħhom stess u jbatu n-nofs tal-ispejjeż komuni. Bl-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, meta konsumatur kien jippreżenta, fil-kuntest tal-istess azzjoni, talba għall-annullament ta’ klawżola kif ukoll talba għall‑ħlas lura tas-somom indebitament imħallsa fuq il-bażi ta’ din il-klawżola, u meta l-ewwel talba kienet tkun fondata iżda l-ammont mitlub fil-kuntest tat-tieni domanda ma jkunx jikkorrispondi għas-somom li għalihom il-konsumatur kien ikollu verament dritt, il-professjonist ma kienx, bħala prinċipju, jiġi kkundannat għall-ispejjeż kollha ( 35 ). Hija din ir-regola tal-allokazzjoni tal-ispejjeż li l-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni. |
59. |
Issa, minn naħa, għandi xi riżervi fir-rigward ta’ din l-interpretazzjoni. Fl-opinjoni tiegħi, ir-regola li tipprovdi li kull parti għandha ssostni l-ispejjeż tagħha stess meta ċerti talbiet jintlaqgħu u oħrajn jiġu miċħuda, hija regola ta’ ekwità, li tidher frekwentement fid-dritt tal-Istati Membri (kif ukoll fir-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 36 )), u ma tirrendix “impossibbli jew eċċessivament diffiċli” l-eżerċizzju, mill-konsumaturi, tad-drittijiet li huma għandhom abbażi tad-Direttiva 93/13. Jekk il-konsumatur jitlef parti mit-talbiet tiegħu, filwaqt li l-qorti tkun applikat b’mod korrett id-dritt tal-Unjoni, jekk ikun il-każ billi tqajjem ex officio n-natura inġusta tal-klawżoli kontenzjużi, ma narax kif dan jipprekludi li l-ispejjeż jinqasmu bejn il-litiganti. |
60. |
F’kull każ, min-naħa l-oħra, jekk jitqies li l-Qorti tal-Ġustizzja ma taqbilx miegħi, nenfasizza li s-sentenza Caixabank u Banco Bilbao Vizcaya Argentaria tikkonċernat regola ta’ allokazzjoni tal-ispejjeż bejn il-partijiet. Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja ma ddeċidietx fuq il-kwistjoni tal-każ preżenti, dwar l-ammont preċiż tal-ispejjeż, u b’mod partikolari dwar l-onorarji tal-avukat, li l-konsumatur li jkun rebaħ ikun jista’ jiġbor mingħand il-professjonist meta jkun ġie kkundannat għall-ispejjeż. Għalhekk, ma jistax jiġi dedott, ġustament, li l-konsumatur għandu jkun jista’ jirkupra, fil-kuntest tal-intaxxar tal-ispejjeż, l-ammont sħiħ tal-onorarji miftehma mal-avukat tiegħu. |
61. |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal qabel, fl-opinjoni tiegħi, leġiżlazzjoni nazzjonali bħalma hija l-ewwel sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 394(3) tal-LEC, li tillimita l-onorarji tal-avukat li l-konsumatur li jkun rebaħ il-kawża jkun jista’ jittrasferixxi fuq il-professjonist ikkundannat għall-ispejjeż, hija, bħala prinċipju, kompattibbli mal-prinċipju ta’ effettività. Tali sistema ma tmurx lil hinn, fiha nnifisha, mill-marġni ta’ diskrezzjoni li jiddisponu minnha l-Istati Membri fil-kuntest tal-awtonomija proċedurali tagħhom. |
62. |
Minn naħa, hekk kif isostni l-Gvern Spanjol, tali limitu jippermetti ċerta standardizzazzjoni ta’ dak li jikkostitwixxi ammont raġonevoli u proporzjonat tal-ispejjeż li jistgħu jinġabru abbażi tal-valur u/jew tat-tip tal-kawża, billi jeskludi r-rimbors tal-onorarji tal-avukat iktar għoljin mis-soltu ( 37 ). |
63. |
Min-naħa l-oħra, infakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, bl-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ effettività, kull każ li fih tqum il-kwistjoni dwar jekk dispożizzjoni proċedurali nazzjonali tirrendix impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni għandu jiġi analizzat billi jittieħdu inkunsiderazzjoni r-rwol ta’ din id-dispożizzjoni fil-proċedura kollha, l-iżvolġiment tagħha u l-partikolaritajiet tagħha, quddiem il-varji istanzi nazzjonali. F’din il-perspettiva, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, jekk ikun il-każ, il-prinċipji li fuqhom tkun ibbażata s-sistema ġudizzjarja nazzjonali, bħall-protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża, il-prinċipju ta’ ċertezza legali u r-rispett tad-drittijiet tad-difiża ( 38 ). |
64. |
Issa, qabel kollox, dan l-aħħar prinċipju jimmilita favur limitu bħal dak previst mill-ewwel sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 394(3) tal-LEC. Fil-fatt, ir-regoli fil-qasam tal-ispejjeż għandhom ikunu, sa fejn ikun possibbli, sempliċi, u r-riżultati tagħhom għandhom ikunu prevedibbli ( 39 ). F’dan ir-rigward, kif isostni l-Gvern Spanjol, dan il-prinċipju jgħin, preċiżament, sabiex jirrendi prevedibbli l-ispejjeż li l-partijiet fil-kawża (inkluż il-konsumatur li ma jirbaħx il-kawża), jista’ jkollu jsostni. |
65. |
Sussegwentement, kif isostnu l-Gvern Spanjol u l-Gvern Pollakk, limitu tal-ispejjeż li jistgħu jinġabru jwettaq, sabiex ikun hemm rispett tad-drittijiet tad-difiża, ibbilanċjar bejn il-qliegħ li jistgħu jaqilgħu l-partijiet fil-kawża u r-riskju li jieħdu billi jibdew il-kawża. Taħt din il-perspettiva, dan il-limitu joffri protezzjoni għall-konsumaturi. Fil-fatt, kieku l-konsumatur ikollu jgħaddi mir-riskju, fin-nuqqas ta’ limitu simili ( 40 ), li jkollu jbati l-ammont totali tal-onorarji ta’ avukat tal-professjonist (li jistgħu jkunu għoljin ħafna) fil-każ fejn dan tal-aħħar jirbaħ il-kawża, dan jista’ serjament jiddisswadih milli jippreżenta azzjoni ġudizzjarja ( 41 ). Taħt din il-perspettiva, dispożizzjoni bħalma hija l-Artikolu 394(3) tal-LEC għandha bħala effett mhux li tiddisswadi, iżda bil-kontra li tinkoraġġixxi lill-konsumaturi jinvokaw id-drittijiet tagħhom quddiem il-qrati. |
66. |
Fl-aħħar nett, kif sostniet Caixabank, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-mekkaniżmi previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, intiżi li jtaffu d-diffikultajiet finanzjarji possibbli tal-konsumatur, bħall-kisba ta’ għajnuna legali, li tista’ tippermetti li jiġu kkumpensati l-onorarji tal-avukat li jibqgħu, jekk ikun il-każ, responsabbiltà ta’ dan tal-aħħar wara l-intaxxar tal-ispejjeż ( 42 ). |
67. |
Mill-bqija, kif isostni l-Gvern Spanjol, f’dan il-każ, il-limitu previst fl-ewwel sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 394(3) tal-LEC ( 43 ) ma jikkostitwixxix limitu assolut. Jista’ jitwarrab, mill-inqas, jekk il-qorti tiddikjara l-aġir imprudenti tal-parti kkundannata għall-ispejjeż ( 44 ). |
68. |
B’dan ippreċiżat, skont dak li spjegajt fil-punt 54 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-prinċipju ta’ effettività jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi limitu, fir-rigward tal-ispejjeż li jistgħu jinġabru mill-parti li tkun rebħet, limitu tant huwa baxx li l-konsumaturi ma jkunux jistgħu, ġeneralment, jiksbu r-rimbors ta’ ammont raġonevoli u proporzjonat meta mqabbel mal-ispejjeż li jkollu jsostni oġġettivament sabiex iressaq azzjoni ġudizzjarja ( 45 ). |
69. |
Fil-fatt, barra mill-fatt li tali limitu jirriskja li serjament jiddisswadi lill-konsumaturi milli jinvokaw id-drittijiet tagħhom, fl-opinjoni tiegħi, jekk professjonist ikollu jbati biss ammont insinjifikanti tal-onorarji tal-avukat sostnuti mill-konsumatur, l-effett dissważiv li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, moqri flimkien mal-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva, huwa intiż li jorbot mal-konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali jitnaqqas serjament, kif isostnu ġustament EL u TP, kif ukoll il-Kummissjoni ( 46 ). |
70. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għat-tieni domanda li l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13, moqrija flimkien mal-prinċipju ta’ effettività, ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi, fil-kuntest tal-intaxxar tal-ispejjeż marbuta ma’ rikors dwar in-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali, limitu applikabbli għall-onorarji tal-avukat li jistgħu jinġabru mill-konsumatur li jkun rebaħ il-kawża, mingħand professjonist ikkundannat għall-ispejjeż, sakemm tali limitu jippermetti lill-konsumatur jikseb, abbażi ta’ dan, ir-rimbors ta’ ammont raġonevoli u proporzjonat, meta mqabbla mal-ispejjeż li huwa jkollu jsostni oġġettivament sabiex jibda tali rikors. |
2. Fuq il‑modalitajiet ta’ determinazzjoni tal‑valur tat-tilwima għall‑finijiet tal‑kalkolu tal‑ispejjeż li jistgħu jinġabru mill‑konsumatur (l‑ewwel domanda)
71. |
L-ewwel domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju, hekk kif miġbura fil-qosor fil-punt 43 ta’ dawn il-konklużjonijiet, tirrigwarda, infakkar, ir-regoli previsti, fid-dritt proċedurali Spanjol, għad-determinazzjoni tal-valur tal-kawżi. Qabel kollox, nenfasizza li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni biss sabiex teżamina tali regoli, partikolarment tekniċi, sa fejn l-imsemmi valur jikkostitwixxi bażi għall-kalkolu tal-ammont tal-ispejjeż li l-konsumatur jkun jista’ jiġi rrimborsat fil-każ ta’ suċċess ( 47 ) (fid-dawl, b’mod partikolari tal-limitu stabbilit fl-ewwel sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 394(3) tal-LEC) u fejn dan l-istess valur ikollu, bħala tali, impatt fuq l-ispejjeż li kien ikollu jsostni sabiex jinvoka quddiem il-qrati d-drittijiet li huwa għandu abbażi tad-Direttiva 93/13. |
72. |
Fil-kawża preżenti, il-Qorti tal-Ġustizzja jkollha għaldaqstant toqgħod attenta li ma tidħolx, bħalma l-partijiet fil-kawża prinċipali qed jipprovaw iwassluha tagħmel, fid-dettall tal-kalkolu tal-valur tat-tilwima skont ir-regoli tad-dritt Spanjol, jiġifieri tiddeċiedi kwistjonijiet li jaqgħu purament taħt dan id-dritt. Hija għandha, bil-kontra, sempliċement teżamina dawn ir-regoli fid-dawl tal-prinċipju ta’ effettività ( 48 ), konformement mal-linji gwida, dwar l-ispejjeż sostnuti mill-konsumaturi, li jien spjegajt fir-risposta għad-domanda preċedenti. |
73. |
Fir-rigward, minn naħa, tal-fatt li, skont l-Artikoli 253 u 411 tal-LEC, hekk kif interpretati mill-qrati Spanjoli, il-valur tat-tilwima għandu jiġi ddeterminat fil-bidu tal-proċedura, abbażi tal-indikazzjonijiet mogħtija mill-konsumatur fir-rikors, u ma jistax jiġi emendat f’fażi sussegwenti tal-proċedura, lanqas a fortiori fil-kuntest tal-intaxxar tal-ispejjeż, nosserva dan li ġej. |
74. |
Qabel kollox, għalkemm EL u TP jsostnu li teżisti ġurisprudenza nazzjonali diverġenti, li tgħid li, fid-dritt Spanjol, l-ispejjeż li jistgħu jinġabru għandhom dejjem jiġu kkalkolati, fil-verità, fuq il-bażi tal-interess ekonomiku reali tar-rikors għall-konsumatur, indipendentement mil-valur tat-tilwima stabbilit fil-kuntest tal-proċedura fil-mertu, nenfasizza li ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddeċiedi dwar kontroversji ġurisprudenzjali nazzjonali. Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi għad-domanda magħmula fir-rigward tal-ispjegazzjonijiet mogħtija, f’dan ir-rigward, fid-deċiżjoni tar-rinviju ( 49 ). |
75. |
Sussegwentement, infakkar li, kif ġie indikat fil-punt 63 ta’ dawn il-konklużjonijiet, kull każ fejn tqum il-kwistjoni li jsir magħruf jekk dispożizzjoni proċedurali nazzjonali tiksirx il-prinċipju ta’ effettività għandha tiġi analizzata fid-dawl tar-rwol ta’ din id-dispożizzjoni fil-proċedura kollha, l-iżvolġiment tagħha u l-partikolaritajiet tagħha, quddiem l-istanzi nazzjonali diversi kif ukoll, f’dan il-kuntest, tal-prinċipji li jkunu l-bażi tas-sistema ġudizzjarja nazzjonali. |
76. |
F’dan ir-rigward, Caixabank u l-Gvern Spanjol isostnu li l-prinċipju ta’ “perpetuatio jurisdictionis” stabbilit fl-Artikolu 411 tal-LEC huwa ġġustifikat, b’mod partikolari, mill-kunsiderazzjonijiet marbuta maċ-ċertezza legali. Din iċ-ċertezza timplika li l-partijiet, inkluż il-professjonist, għandhom ikunu jistgħu jkollhom konoxxenza, mill-bidu tal-proċedura, tal-ispiża ekonomika potenzjali tal-kawża u l-isforz finanzjarju prevedibbli li timplika ( 50 ). Il-partijiet fil-kawża jkunu jistgħu jadattaw l-aġir tagħhom, b’mod partikolari l-istrateġija proċesswali tagħhom, konsegwentement. Dawn il-kunsiderazzjonijiet jingħaqdu ma’ dawn li esponejt fil-punt 64 ta’ dawn il-konklużjonijiet. B’hekk, jidhirli raġonevoli li l-valur tat-tilwima għandu jiġi stabbilit fil-bidu tal-proċedura u ma jkunx jista’ jiġi emendat fil-fażi tal-intaxxar tal-ispejjeż. |
77. |
Dan ippreċiżat, u fl-aħħar nett, Caixabank u l-Gvern Spanjol indikaw li, konformement mad-dritt Spanjol, il-qorti tista’ tistħarreġ, fil-kuntest tal-proċedura fil-mertu u, jekk meħtieġ ex officio, il-valur tat-tilwima indikat mir-rikorrent. Dan il-punt huwa importanti fl-opinjoni tiegħi. Jiena naħseb li, peress li l-konsumatur ma jkunx neċessarjament konxju tad-drittijiet tiegħu, il-qorti nazzjonali għandha tipproċedi għal “intervent pożittiv”, ripetutament invokat fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 51 ), billi tivverifika, jekk meħtieġ ex officio, jekk il-valur indikat mill-imsemmi konsumatur fir-rikors tiegħu jikkorrispondix għall-interess ekonomiku li l-kawża tirrappreżenta fir-realtà għalih. Fil-każ fejn dan tal-aħħar ikun indika ammont baxx wisq, il-qorti jkollha tinformah bil-konsegwenzi li dan jista’ jkollu fuq l-intaxxar tal-ispejjeż u tawtorizzah jemenda dan l-ammont, b’rispett għad-drittijiet ta’ difiża. |
78. |
F’dak li jikkonċerna, min-naħa l-oħra, il-fatt li l-valur ta’ kawża bħal dik prinċipali, stabbilit bħala “indeterminat” fil-bidu tal-proċedura, jitqies li ma jkunx “stimabbli”, fis-sens tat-tieni sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 394(3) tal-LEC, bil-konsegwenza tal-applikazzjoni, għall-finijiet tal-intaxxar tal-ispejjeż, ta’ valur indikattiv ta’ EUR 18000 (jew pjuttost, f’dan il-każ ta’ EUR 30000), fl-opinjoni tiegħi, il-kwistjoni hija sempliċi. |
79. |
Fil-fatt, ċertu numru ta’ aspetti diskussi fil-fond quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, huma, fl-aħħar mill-aħħar, mingħajr rilevanza vera għar-risposta li din tal-aħħar ikollha tagħti. F’dan ir-rigward, nosserva li l-partijiet fil-kawża prinċipali, qabel kollox, ma jaqblux fuq l-istat tal-ġurisprudenza nazzjonali dwar l-imsemmi Artikolu 394(3). Fil-fatt, EL u TP isostnu li, skont ġurisprudenza tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema), il-kawżi li l-valur tagħhom mhuwiex “stimabbli”, huma biss dawk li ma għandhom l-ebda valur patrimonjali, bħalma huma r-rikorsi intiżi għall-annullament ta’ proċedura elettorali. Min-naħa l-oħra, il-kawżi li jkollhom tali valur patrimonjali, li ma jkunx jista’ jiġi ddeterminat sempliċiment mill-bidu, ma jistgħux jitqiesu bħala tali u, għaldaqstant, ma jaqgħux taħt din id-dispożizzjoni, ħaġa li Caixabank tikkontesta. Sussegwentement, il-partijiet fil-kawża prinċipali ma jaqblux fuq il-metodu ta’ determinazzjoni tal-valur tat-tilwima bħal fil-kawża prinċipali. Skont EL u TP, konformement mal-Artikolu 251(8) tal-LEC, wieħed għandu jimxi fuq, f’dan ir-rigward, il-bilanċ tas-self, meta l-validità tal-kuntratt tiġi kkontestata, anki parzjalment. Għal Caixabank, peress li l-bilanċ tas-self huwa kreditu tal-bank, ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat il-valur ta’ kawża mibdija mill-konsumatur li jissellef. Minnflok, wieħed għandu jibbaża ruħu, konformement mal-Artikolu 251(1) ta’ din il-liġi, fuq l-ammonti eċċessivi indebitament imħallsa mill-konsumaturi, li tagħhom ikunu qed jitolbu l-ħlas lura. Fl-aħħar nett, il-partijiet ma jaqblux fuq il-punt li jsir magħruf jekk, f’dan il-każ, EL u TP jistgħux jindikaw b’mod validu, fir-rikors tagħhom, ammont indeterminat, tal-inqas b’mod relattiv, bħala valur tat-tilwima. |
80. |
Issa, kif diġà evokajt fil-punt 74 ta’ dawn il-konklużjonijiet, ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha taqta’ kontroversji ġurisprudenzjali nazzjonali dwar l-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali, u ċertament, ma hijiex hija li għandha tiddeċiedi fuq il-punt li jsir magħruf liema għandu jkun il-valur ta’ kawża bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali fid-dawl tar-regoli proċedurali Spanjoli. Lanqas ma hija hi li għandha tiddetermina jekk EL u LP kellhomx jew le jindikaw valur determinat fir-rikors tagħhom. |
81. |
Dan premess, fl-opinjoni tiegħi, tkun xi tkun il-ġurisprudenza nazzjonali u l-metodu ta’ determinazzjoni tal-valur tat-tilwima għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-regoli Spanjoli fil-qasam tal-intaxxar tal-ispejjeż u tal-ġurisprudenza nazzjonali, il-prinċipju ta’ effettività jeżiġi sempliċiment, kif indikajt fir-risposta għat-tieni domanda, li dawn ir-regoli jippermettu lill-konsumatur jikseb mingħand professjonist, bħala onorarji tal-avukat, ir-rimbors ta’ ammont raġonevoli u proporzjonat meta mqabbel mal-ispejjeż li kellu jsostni oġġettivament sabiex iressaq ir-rikors. F’dan il-każ, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk id-determinazzjoni tal-valur tat-tilwima ta’ EUR 30000, bil-konsegwenza li, bl-applikazzjoni tal-limitu previst fl-ewwel sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 394(3) tal-LEC, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jkunu jistgħu jiksbu mingħand Caixabank ir-rimbors tal-onorarji tal-avukat sa ammont ta’ EUR 10000, tissodisfax dan ir-rekwiżit ( 52 ). |
82. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għall-ewwel domanda fis-sens li l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13, moqrija flimkien mal-prinċipju ta’ effettività, ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tgħid li l-valur ta’ kawża, li jikkostitwixxi l-bażi għall-kalkolu tal-ispejjeż li jistgħu jinġabru mill-konsumatur li jkun rebaħ il-kawża, ikollu jiġi ddeterminat fir-rikors, mingħajr ma dan ikun jista’ jiġi emendat sussegwentement u li tiffissa dan il-valur, għal ċerti kawżi, għal ammont indikattiv, sa fejn dawn ir-regoli ma jirrendux impossibbli jew eċċessivament diffiċli, l-eżerċizzju, mill-konsumaturi, tad-drittijiet li huma għandhom abbażi ta’ din id-direttiva. F’dan il-kuntest, hija l-qorti adita li għandha tivverifika, jekk meħtieġ ex officio, li l-valur indikat mill-konsumatur fir-rikors tiegħu jikkorrispondi għall-interess ekonomiku li l-kawża realment tirrappreżenta għal dan tal-aħħar. |
V. Konklużjoni
83. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi magħmula mill-Juzgado de Primera Instancia n 49 de Barcelona (il-Qorti tal-Ewwel Istanza Nru 49 ta’ Barcelona, Spanja) kif ġej:
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
( 2 ) Direttiva tal-Kunsill tal-5 ta’ April 1993 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288).
( 3 ) F’dan il-konklużjonijiet, ser nuża l-kliem “spejjeż legali” f’sens wiesa’, bħala li jinkludi l-onorarji tal-avukat imħallsa mingħand min ikun ressaq l-ilment, fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja.
( 4 ) Din l-informazzjoni ma tidhirx fid-deċiżjoni tar-rinviju. Din tirriżulta mill-osservazzjonijiet ippreżentati minn EL u TP, kif ukoll minn Caixabank (ara, dwar dan is-suġġett, il-punt 23 tal-konklużjonijiet preżenti).
( 5 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2020, Caixabank u Banco Bilbao Vizcaya Argentaria (C‑224/19 u C‑259/19, iktar ’il quddiem, is-“sentenza Caixabank u Banco Bilbao Vizcaya Argentaria”, EU:C:2020:578, punt 45). Għalkemm, fis-sentenzi tas-27 ta’ Marzu 2014, Torralbo Marcos (C‑265/13, EU:C:2014:187) kif ukoll tat-8 ta’ Diċembru 2016, Eurosaneamientos et (C‑532/15 u C‑538/15, EU:C:2016:932), invokati minn Caixabank u l-Gvern Spanjol, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet iddikjarat li hija ma kellhiex ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għad-domandi dwar il-kompatibbiltà tar-regoli proċedurali nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni, dan seħħ preċiżament minħabba li dawk id-domandi kienu saru fil-kuntest ta’ kawżi li kinux jikkonċernaw drittijiet abbażi tad-dritt tal-Unjoni.
( 6 ) Fil-fatt, il-ftehim dwar l-onorarji konkluż bejn ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali u l-avukat tagħhom jindika li dawn kienu ftehmu dwar onorarji fissi u onorarji varjabbli, applikabbli fil-każ ta’ deċiżjoni favorevoli u ta’ kundanna tal-bank għall-ispejjeż. Hija biss il-parti fissa, ta’ valur ta’ EUR 1200 (mingħajr taxxa), li kellha titħallas mill-imsemmija rikorrenti. Bil-kontra, l-onorarji varjabbli kellhom jittieħdu direttament mill-avukat fuq l-ammont ta’ spejjeż miksuba. Issa l-ammont ta’ EUR 1200 kien inqas mil-limitu previst fl-Artikolu 394(3) tal-LEG, u kien fil-biċċa l-kbira koperta mill-ammont li Caixabank aċċettat li tħallas bħala spejjeż.
( 7 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-29 ta’ April 2021, Bank BPH (C‑19/20, EU:C:2021:341, punt 37 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
( 8 ) Ara, għal dawn iċ-ċirkustanzi, il-punti 76 u 77 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 9 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tat-4 ta’ Ottubru 1991, Society for the Protection of Unborn Children Ireland (C‑159/90, EU:C:1991:378, punt 15).
( 10 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-30 ta’ April 2014, Kásler u Káslerné Rábai (C‑26/13, EU:C:2014:282); tal-20 ta’ Settembru 2017, Andriciuc et (C‑186/16, EU:C:2017:703), kif ukoll tal-10 ta’ Ġunju 2021, BNP Paribas Personal Finance (C‑609/19, EU:C:2021:469).
( 11 ) Id-deċiżjoni tar-rinviju ma tispjegax ir-raġunijiet li minħabba fihom il-klawżoli kontenzjużi ġew iddikjarati inġusti. Madankollu, mill-osservazzjonijiet tal-Gvern Spanjol jirriżulta li l-qrati Spanjoli jikkontrollaw b’mod strett lil dan it-tip ta’ klawżoli ta’ “muniti diversi” u ġeneralment iqisu li dawn ma humiex suffiċjentement trasparenti għall-konsumaturi. Ara, għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tar-rekwiżit ta’ trasparenza meta jiġu applikati xi klawżoli analogi, is-sentenza tal-10 ta’ Ġunju 2021, BNP Paribas Personal Finance (C‑609/19, EU:C:2021:469, punti 40 sa 57, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
( 12 ) Ara, għall-kundizzjonijiet ta’ tali żamma ta’ kuntratt, b’mod partikolari, is-sentenza tal-14 ta’ Marzu 2019, Dunai (C‑118/17, EU:C:2019:207, punt 40).
( 13 ) Ara l-Artikolu 394(1) tal-LEC.
( 14 ) Ara l-Artikolu 243 tal-LEC.
( 15 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-punt 67 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 16 ) Ara l-Artikolu 243 tal-LEC.
( 17 ) Ara l-punti 16 u 17 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 18 ) Dan il-punt huwa kkontestat minn EL u TP (ara l-punt 74 ta’ dawn il-konklużjonijiet).
( 19 ) Sakemm, minħabba l-kumplessità tal-kawża, il-qorti ma tiddeċidix mod ieħor.
( 20 ) Ara l-punti 24 u 25 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 21 ) Sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016 (C‑154/15, C‑307/15 u C‑308/15, iktar ’il quddiem, is-“sentenza Gutiérrez Naranjo”, EU:C:2016:980, punti 61 u 62).
( 22 ) Sentenza Gutiérrez Naranjo (punt 61).
( 23 ) Ara s-sentenza Gutiérrez Naranjo (punt 62: “[L]obbligu għall-qorti nazzjonali li ma tapplikax klawżola kuntrattwali inġusta li timponi l-ħlas ta’ ammonti li jirriżulta li ma humiex dovuti għandu, bħala prinċipju, effett restitutorju li jikkorrispondi ma’ dawn l-istess ammonti”).
( 24 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Caixabank u Banco Bilbao Vizcaya Argentaria (punti 83 u 95, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
( 25 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Caixabank u Banco Bilbao Vizcaya Argentaria (punti 83 u 95, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
( 26 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja ma ntalbitx tagħti risposta dwar il-prinċipju ta’ ekwivalenza. Fi kwalunkwe każ, hija ma tiddisponi minn ebda element li jitfa’ xi dubju fuq il-konformità tal-Artikolu 394(3) tal-LEC mal-imsemmi prinċipju. Skont l-informazzjoni pprovduta minn Caixabank u mill-Gvern Spanjol, din id‑dispożizzjoni tapplika mingħajr distinzjoni għall-proċeduri li jkollhom bħala suġġett id-drittijiet taħt id-dritt tal-Unjoni u għal dawk li jkollhom bħala suġġett id-drittijiet taħt id-dritt nazzjonali. Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Caixabank u Banco Bilbao Vizcaya Argentaria (punt 96).
( 27 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-5 ta’ Diċembru 2013, Asociación de Consumidores Independientes de Castilla y León (C‑413/12, EU:C:2013:800, punt 41); tat-12 ta’ Frar 2015, Baczó u Vizsnyiczai (C‑567/13, EU:C:2015:88, punti 50, 52 u 53), kif ukoll tat-3 ta’ April 2019, Aqua Med (C‑266/18, EU:C:2019:282, punt 54). Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-kawża Asociación de Consumidores Independientes de Castilla y León (C‑413/12, EU:C:2013:532, punti 35, 36 u 56).
( 28 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Frar 2015, Baczó u Vizsnyiczai (C‑567/13, EU:C:2015:88, punti 54 u 55).
( 29 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Lulju 2016, United Video Properties (C‑57/15, EU:C:2016:611, punt 22).
( 30 ) Caixabank insistiet, fl-osservazzjonijiet tagħha, fuq il-fatt li l-onorarji mitluba mill-avukati fil-kuntest tal-proċeduri tal-intaxxar tal-ispejjeż ma jikkorrispondux neċessarjament għal dawk iffatturati lil klijenti tagħhom, billi sostniet, mill-ġdid, li, f’dan il-każ, l-onorarji li kellhom jitħallsu mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienu ħafna inqas minn dawk mitluba mill-avukat tagħhom (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 5 ta’ dawn il-konklużjonijiet). B’hekk, id-domandi preliminari huma intiżi mhux li jiddefendu l-interess tal-konsumaturi sabiex ma jsostnux l-ispejjeż legali iżda dak tal-avukati tagħhom li jitolbu onorarji ogħla. Madankollu, jien tal-opinjoni li hemm rabta evidenti bejn dawn iż-żewġ aspetti.
( 31 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Settembru 2018, Profi Credit Polska (C‑176/17, EU:C:2018:711, punt 68) kif ukoll, b’analoġija, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Campos Sánchez-Bordona fil-Kawża United Video Properties (C‑57/15, EU:C:2016:201, punt 68). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà nnotat li “[f]’kawżi fejn l-ammonti involuti huma spiss limitati, l-ispejjeż ta’ l-avukat jistgħu jkunu ogħla mill-interessi in kwistjoni, fatt li jista’ jiddisswadi lill-konsumatur milli jiddefendi ruħu kontra l-applikazzjoni ta’ klawżola abbużiva” (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2000, Océano Grupo Editorial u Salvat Editores (C‑240/98 sa C‑244/98, EU:C:2000:346, punt 26)).
( 32 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Campos Sánchez-Bordona fil-kawża United Video Properties (C‑57/15, EU:C:2016:201, punti 53, 65 u 66).
( 33 ) Ara, għal analiżi fid-dettal tar-regoli differenti fil-qasam tal-ispejjeż li jeżistu fl-Istati Membri, https://e-justice.europa.eu/37/FR/costs?init=true.
( 34 ) Ara s-sentenza Caixabank u Banco Bilbao Vizcaya Argentaria (punti 96, 98 u 99).
( 35 ) Ara s-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2020, Caixabank u Banco Bilbao Vizcaya Argentaria (C‑224/19 u C‑259/19, EU:C:2020:578, punt 94).
( 36 ) Ara, f’dan is-sens, l-Artikolu 138(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.
( 37 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tat-28 ta’ Lulju 2016, United Video Properties (C‑57/15, EU:C:2016:611, punt 25). Fir-rigward tal-punt li jsir magħruf liema jkunu l-ispejjeż indispensabbli għal konsumatur sabiex ikun jista’ jinvoka utilment id-drittijiet jew id-difiża tiegħu, inqis, bħall-Gvern Pollakk, li l-awtoritajiet nazzjonali huma, bħala prinċipju, fl-aħjar pożizzjoni sabiex jiddeterminaw, bi ftehim mal-professjonisti legali u l-persuni l-oħra kkonċernati, l-ispejjeż tal-kawżi ta’ ċertu tip jew ta’ valur determinat (ara, b’analoġija, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Campos Sánchez-Bordona fil-Kawża United Video Properties (C‑57/15, EU:C:2016:201, punti 73 u 75)).
( 38 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-10 ta’ Ġunju 2021, BNP Paribas Personal Finance (C‑776/19 sa C‑782/19, EU:C:2021:470, punt 28, kif ukoll il‑ġurisprudenza ċċitata).
( 39 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2015, Orizzonte Salute (C‑61/14, EU:C:2015:655, punt 61), kif ukoll, b’analoġija, is-sentenzi tat-13 ta’ Frar 2014, Il‑Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (C‑530/11, EU:C:2014:67, punti 54 u 58), u tas-17 ta’ Ottubru 2018, Klohn (C‑167/17, EU:C:2018:833, punt 70).
( 40 ) Naturalment, ma jistax jiġi meħtieġ, abbażi tal-protezzjoni tal-konsumatur, li limitu fil-qasam tal-ispejjeż li jistgħu jinġabru ma japplikax meta l-konsumatur jirbaħ kawża, iżda japplika fir-rigward tal-professjonist. Tali interpretazzjoni tikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet (jew ta’ ugwaljanza proċedurali) u tkun, għaldaqstant, inkompatibbli mal-Artikolu 47 tal-Karta. Ara, fuq dan il-prinċipju, b’mod partikolari, is-sentenza tat-30 ta’ Ġunju 2016, Toma u Biroul Executorului Judecătoresc Horaţiu-Vasile Cruduleci (C‑205/15, EU:C:2016:499, punti 36 u 47).
( 41 ) Ara, b’analoġija, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Campos Sánchez-Bordona fil-kawża United Video Properties (C‑57/15, EU:C:2016:201, punti 67 u 68).
( 42 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-5 ta’ Diċembru 2013, Asociación de Consumidores Independientes de Castilla y León (C‑413/12, EU:C:2013:800, punt 42), u tat-12 ta’ Frar 2015, Baczó u Vizsnyiczai (C‑567/13, EU:C:2015:88, punt 55).
( 43 ) Il-Gvern Spanjol isostni li, konformement mal-ġurisprudenza tal-qrati Spanjoli, il-limitu kontenzjuż jista’ jitwarrab ukoll meta r-reġistratur jew il-qorti aditi jiddikjaraw il-kumplessità partikolari tal-kawża. Dan il-punt huwa kkontestat mill-Kummissjoni, li fl-opinjoni tagħha, il-kumplessità tal-kawża tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni biss f’dan il-limitu. Fi kwalunkwe każ, dan il-punt ma huwiex deċiżiv, sabiex tingħata risposta għad-domandi magħmula.
( 44 ) Kif previst mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 394(3) tal-LEC.
( 45 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tat-28 ta’ Lulju 2016, United Video Properties (C‑57/15, EU:C:2016:611, punti 26, 29, 30 u 32).
( 46 ) Ara, b’analoġija, is-sentenzi Gutiérrez Naranjo (punt 63), u tat-28 ta’ Lulju 2016, United Video Properties (C‑57/15, EU:C:2016:611, punt 27).
( 47 ) Kif tippreċiża l-qorti tar-rinviju, il-valur tal-kawża huwa fattur li għandu impatt fuq kwistjonijiet proċedurali oħra, bħalma huma n-natura tal-proċedura u r-rimedji disponibbli.
( 48 ) Infakkar li għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja ma saritilhiex domanda fuq il-prinċipju ta’ ekwivalenza, EL u TP madankollu sostnew li, f’dak li jikkonċerna l-valur tal-kawżi, jiġu applikati r-regoli l-iktar favorevoli fil-proċeduri ta’ azzjonijiet ipotekarji, li fil-kuntest tagħhom, il-valur tal-kawża miżmum ikun ġeneralment il-bilanċ tas-self inkwistjoni. Caixabank u l-Kummissjoni jqisu li din it-tip ta’ proċedura ma hijiex paragunabbli ma’ proċedura bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li hija l-opinjoni tiegħi wkoll. Fi kwalunkwe każ, hija biss il-qorti nazzjonali, li għandha konoxxenza diretta tal-modalitajiet proċedurali applikabbli, li għandha tivverifika s-similarità tar-rikorsi kkonċernati (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-9 ta’ Lulju 2020, Raiffeisen Bank u BRD Groupe Société Générale (C‑698/18 u C‑699/18, EU:C:2020:537, punt 77, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata)).
( 49 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ April 2021, Bank BPH (C‑19/20, EU:C:2021:341, punt 37).
( 50 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Campos Sánchez-Bordona fil-kawża United Video Properties (C‑57/15, EU:C:2016:201, punti 63 u 74).
( 51 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-27 ta’ Ġunju 2000, Océano Grupo Editorial u Salvat Editores (C‑240/98 sa C‑244/98, EU:C:2000:346, punt 27), tas-6 ta’ Ottubru 2009, Asturcom Telecomunicaciones (C‑40/08, EU:C:2009:615, punt 31), kif ukoll tal-14 ta’ April 2016, Sales Sinués u Drame Ba (C‑381/14 u C‑385/14, EU:C:2016:252, punt 23).
( 52 ) Fuq dan il-punt, nosserva li l-qorti tar-rinviju ma spjegatx kif ammont ta’ iktar minn EUR 25000 mitlub mill-avukat tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali jikkostitwixxi ammont raġonevoli u proporzjonat. Bil-kontra, mill-osservazzjonijiet ta’ Caixabank jirriżulta li l-avukatura ta’ Barcelona tat opinjoni li tqis li l-ammont mitlub huwa eżaġerat.