KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKATA ĠENERALI

MEDINA

ippreżentati fit‑28 ta’ April 2022 ( 1 )

Kawża C‑344/20

LF

vs

SCRL

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal du travail francophone de Bruxelles (it-Tribunal Industrijali ta’ Brussell bil-lingwa Franċiża, il-Belġju))

(Talba għal deċiżjoni preliminari — Politika soċjali — Direttiva 2000/78/KE — Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol — Diskriminazzjoni bbażata fuq ir-reliġjon jew it-twemmin — Regola interna ta’ newtralità fi ħdan impriża privata — Projbizzjoni li jintlibsu kwalunkwe sinjali viżibbli ta’ twemmin politiku, filosofiku jew reliġjuż fuq il-post tax-xogħol — Obbligi ta’ lbies reliġjuż — Artikolu 8 — Dispożizzjonijiet nazzjonali iktar favorevoli għall-protezzjoni tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament — Marġni ta’ diskrezzjoni tal-Istati Membri — Reliġjon u twemmin reliġjuż bħala raġuni awtonoma ta’ diskriminazzjoni)

I. Introduzzjoni

1.

Din it-talba għal deċiżjoni preliminari ssegwi direttament is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawżi G4S Secure Solution ( 2 ), Bougnaoui u ADDH ( 3 ) u WABE ( 4 ), dwar diskriminazzjoni bbażata fuq ir-reliġjon jew it-twemmin fis-sens tad-Direttiva 2000/78 ( 5 ). It-talba għal deċiżjoni preliminari tirriżulta minn proċeduri bejn LF u SCRL, fejn applikazzjoni spontanja għal stage ma tteħditx inkunsiderazzjoni minħabba r-rifjut tal-kandidata li tikkonforma mar-regola interna ta’ newtralità imposta fuq l-impjegati tal-impriża. Dik ir-regola kienet tipprojbixxi l-manifestazzjoni ta’ kwalunkwe twemmin reliġjuż, filosofiku jew politiku, b’mod partikolari permezz ta’ lbies, fuq il-post tax-xogħol ( 6 ).

2.

F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mistiedna tindirizza, għal darb’oħra, il-kwistjoni dwar jekk impjegati ta’ impriża privata, inklużi l-istagiares, jistgħux jiġu pprojbiti milli jilbsu ċertu lbies ibbażat fuq preċetti reliġjużi fuq il-post tax-xogħol tagħhom. Il-Qorti tal-Ġustizzja hija wkoll imsejħa teżamina l-marġni ta’ diskrezzjoni mogħtija lill-Istati Membri, skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2000/78, sabiex jadottaw dispożizzjonijiet li huma iktar favorevoli għall-protezzjoni tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament minn dawk stabbiliti f’din id-direttiva, b’mod partikolari billi jittrattaw ir-reliġjon u t-twemmin reliġjuż bħala raġuni awtonoma ta’ diskriminazzjoni. Fuq it-talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, dawn il-konklużjonijiet ser jiġu limitati għal din il-mistoqsija msemmija l-aħħar.

II. Il‑kuntest ġuridiku

A.   Id‑dritt tal-Unjoni

3.

Id-Direttiva 2000/78 tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol. L-għan tagħha huwa li tiġġieled id-diskriminazzjoni abbażi ta’ “reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-impjieg u x-xogħol, bi skop li timplimenta fl-Istati Membri il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament” ( 7 ).

4.

Għall-finijiet tad-Direttiva 2000/78, “il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament” ifisser li ma għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta, ibbażata fuq waħda mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva ( 8 ).

5.

B’mod partikolari, diskriminazzjoni diretta għandha titqies li sseħħ meta persuna tiġi ttrattata b’mod inqas favorevoli milli oħra tiġi ttrattata, kienet ittrattata, jew kieku tiġi ttrattata f’sitwazzjoni simili, abbażi ta’ waħda mir-raġunijiet imsemmija hawn fuq ( 9 ). Min-naħa l-oħra, diskriminazzjoni indiretta għandha titqies li sseħħ meta dispożizzjoni, kriterju jew prattika apparentement newtrali jkunu jqiegħdu lil persuni li jkollhom reliġjon jew twemmin speċifiku, diżabbiltà speċifika, età speċifika, jew orjentazzjoni sesswali speċifika, fi żvantaġġ partikolari meta mqabbla ma’ persuni oħra ( 10 ), sakemm din id-dispożizzjoni, dan il-kriterju jew din il-prattika ma jkunux oġġettivament iġġustifikati b’għan leġittimu u l-mezzi sabiex jintlaħaq dan l-għan ikunu xierqa u meħtieġa ( 11 ).

6.

Id-Direttiva 2000/78 ma għandhiex tippreġudika l-miżuri previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali li, f’soċjetà demokratika, huma meħtieġa għas-sigurtà pubblika, għaż-żamma tal-ordni pubbliku u għall-prevenzjoni ta’ reati kriminali, għall-protezzjoni tas-saħħa u għall-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet tal-oħrajn ( 12 ).

7.

L-Istati Membri jistgħu jipprovdu wkoll li differenza fit-trattament, li tkun ibbażata fuq karatteristika relatata ma’ kwalunkwe waħda mir-raġunijiet stabbiliti fid-Direttiva 2000/78 ma tikkostitwixxix diskriminazzjoni meta, minħabba n-natura tal-attivitajiet professjonali partikolari kkonċernati jew tal-kuntest li fih jitwettqu, tali karatteristika tikkostitwixxi rekwiżit tax-xogħol ġenwin u determinanti, sakemm dan l-għan ikun leġittimu u r-rekwiżit ikun proporzjonat ( 13 ).

8.

Fl-aħħar, għall-finijiet ta’ din il-kawża, huwa importanti li wieħed iżomm f’moħħu li l-premessa 28 tad-Direttiva 2000/78 tgħid li d-Direttiva tistabbilixxi biss rekwiżiti minimi, u b’hekk tagħti lill-Istati Membri l-għażla li jintroduċu jew iżommu dispożizzjonijiet iktar favorevoli. L-implimentazzjoni tad-Direttiva 2000/78 ma għandhiex isservi sabiex tiġġustifika rigressjoni mis-sitwazzjoni li diġà teżisti f’kull Stat Membru. Barra minn hekk, taħt it-titolu “Ħtiġiet minimi”, l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2000/78 jipprovdi li l-Istati Membri jistgħu jintroduċu jew iżommu dispożizzjonijiet li huma iktar favorevoli għall-protezzjoni tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament minn dawk stabbiliti f’din id-direttiva. L-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2000/78 jistabbilixxi wkoll li l-implimentazzjoni ta’ din id-direttiva ma għandhiex, fl-ebda ċirkustanza, tikkostitwixxi raġuni għal tnaqqis fil-livell ta’ protezzjoni kontra diskriminazzjoni diġà mogħtija mill-Istati Membri fl-oqsma koperti minn din id-direttiva.

B.   Id‑dritt Belġjan

9.

Il-Loi du 10 mai 2007 tendant à lutter contre certaines formes de discrimination (il-Liġi tal‑10 ta’ Mejju 2007 għall-Ġlieda kontra Ċertu Forom ta’ Diskriminazzjoni, iktar ’il quddiem “il-Liġi Ġenerali Anti-Diskriminazzjoni”) ( 14 ) tittrasponi d-Direttiva 2000/78 fid-dritt Belġjan. ( 15 ) L-għan tagħha huwa li toħloq qafas ġenerali għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol ( 16 ). Hija tapplika għar-relazzjonijiet ta’ impjieg ( 17 ), li jinkludu, inter alia, ir-relazzjonijiet ifformati bħala parti minn xogħol mhux imħallas, jew minn xogħol imwettaq fil-kuntest ta’ ftehim ta’ stage, ta’ apprendistat u ta’ immersjoni professjonali ( 18 ).

10.

Il-kriterji protetti kontra d-diskriminazzjoni huma elenkati fl-Artikolu 4(4) tal-Liġi Ġenerali Anti-Diskriminazzjoni bħala “l-età, l-orjentazzjoni sesswali, l-istat ċivili, it-twelid, is-sitwazzjoni finanzjarja, it-twemmin reliġjuż jew filosofiku, it-twemmin politiku, it-twemmin sindakali, il-lingwa, l-istat ta’ saħħa preżenti jew futur, diżabbiltà, karatteristiċi fiżiċi jew ġenetiċi jew l-oriġini soċjali”.

11.

Skont l-Artikolu 7 tal-Liġi Ġenerali Anti-Diskriminazzjoni, kwalunkwe distinzjoni diretta bbażata fuq wieħed mill-kriterji protetti hawn fuq imsemmija tikkostitwixxi diskriminazzjoni diretta, sakemm dik id-distinzjoni diretta ma tkunx oġġettivament iġġustifikata minn għan leġittimu u l-mezzi biex jintlaħaq dak l-għan ikunu xierqa u meħtieġa. Madankollu, l-Artikolu 8(1) tal-istess liġi jipprovdi li distinzjoni diretta bbażata, inter alia, fuq twemmin reliġjuż jew filosofiku tista’ tkun iġġustifikata biss minn rekwiżiti tax-xogħol ġenwini u determinanti.

III. Il‑fatti, il‑proċedura u d‑domandi preliminari

12.

LF, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, hija Musulmana u tilbes il-velu Iżlamiku. SCRL, l-impriża konvenuta, hija primarjament involuta fil-kiri u l-operat ta’ akkomodazzjoni soċjali intiż għall-persuni b’aċċess imnaqqas għas-suq tal-kiri privat.

13.

F’Marzu 2018, LF applikat biex tagħmel stage mhux imħallsa ta’ tul ta’ żmien ta’ sitt ġimgħat ma’ SCRL bħala parti mill-istudji vokazzjonali tagħha fl-awtomatizzazzjoni għall-uffiċċji. Ġimgħa wara, hija ġiet mistiedna għal intervista, u matul din l-intervista hija ġiet mistoqsija jekk kinitx taqbel li tikkonforma mar-regola ta’ newtralità fis-seħħ fi ħdan l-impriża. Skont din ir-regola, stabbilita fit-termini tal-impjieg ta’ SCRL, “il-ħaddiema jintrabtu li jirrispettaw il-politika ta’ newtralità stretta li tipprevali fi ħdan l-impriża. Huma għandhom għalhekk jaraw li ma jimmanifestaw bl-ebda mod, la bil-kliem, la bl-ilbies, u lanqas b’mod ieħor, it-twemmin reliġjuż, filosofiku jew politiku tagħhom, ikun xi jkun dak it-twemmin”. Meta mistoqsija dwar dan il-punt, LF wieġbet li hija tirrifjuta li tneħħi l-velu tagħha sabiex tikkonforma ma’ din ir-regola.

14.

Peress li ma ttieħdet l-ebda azzjoni ulterjuri fuq l-applikazzjoni tagħha, f’April 2018, LF ġeddedt it-talba tagħha għal stage ma’ SCRL filwaqt li pproponiet li tilbes tip ieħor ta’ kopertura tar-ras. Madankollu, b’risposta għal din il-komunikazzjoni, SCRL informatha li hija ma setgħetx tiġi offruta stage peress li l-ebda tip ta’ kopertura tar-ras ma kienet awtorizzata fil-bini tagħha, kemm jekk tkun beritta, kappell jew xalpa.

15.

LF ressqet azzjoni għal mandat ta’ inibizzjoni quddiem il-qorti tar-rinviju, filwaqt li kkontestat ir-rifjut li hija tiġi offruta stage, rifjut li hija tqis li huwa bbażat direttament jew indirettament fuq it-twemmin reliġjuż tagħha u, konsegwentement, li jikkostitwixxi ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Liġi Ġenerali Anti-Diskriminazzjoni ( 19 ).

16.

Il-qorti tar-rinviju tqis li l-applikazzjoni ta’ LF għal stage ma’ SCRL tikkostitwixxi relazzjoni ta’ impjieg li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78 u tal-Liġi Ġenerali Anti-Diskriminazzjoni. Hija tikkunsidra, madankollu, li l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ diskriminazzjoni diretta bbażata fuq ir-reliġjon jew it-twemmin, fis-sens tal-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2000/78, tirrikjedi kjarifika ulterjuri min-naħa tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fost il-kwistjonijiet mqajma mill-qorti tar-rinviju tinsab dik dwar jekk hija għandhiex marġni ta’ diskrezzjoni fl-evalwazzjoni tal-komparabbiltà tas-sitwazzjonijiet, evalwazzjoni li, skont is-sentenza G4S Secure Solutions, għandha ssir mill-qrati nazzjonali u li minnha tista’ tiġi dedotta l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni diretta.

17.

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll jekk il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza G4S Secure Solutions, kellhiex l-intenzjoni li tgħaqqad it-twemmin reliġjuż, it-twemmin filosofiku u t-twemmin politiku fi kriterju wieħed protett, b’tali mod li ma jkunx hemm iktar il-ħtieġa li ssir distinzjoni bejn dawn ir-raġunijiet ta’ diskriminazzjoni. Dan ikun jimplika li l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/78 għandu jiġi interpretat fis-sens li r-reliġjon u t-twemmin huma żewġ aspetti tal-istess kriterju protett. Fil-fehma tal-qorti tar-rinviju, ir-risposta għal din id-domanda hija kruċjali, peress li jekk ir-reliġjon u t-twemmin reliġjuż għandhom jiġu kklassifikati flimkien ma’ tipi oħra ta’ twemmin (minbarra dak reliġjuż), dan ikollu effett sinjifikattiv fuq il-paragun li għandu jsir għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ diskriminazzjoni diretta.

18.

Fl-aħħar, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li d-domanda msemmija hawn fuq tqajjem domanda oħra, jiġifieri dik dwar jekk dispożizzjoni ta’ dritt nazzjonali li tagħti protezzjoni separata għat-twemmin reliġjuż, filosofiku u politiku tistax titqies bħala dispożizzjoni iktar favorevoli għall-protezzjoni tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fis-sens tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2000/78.

19.

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li t-Tribunal travail francophone de Bruxelles (it-Tribunal Industrijali ta’ Brussell bil-lingwa Franċiża) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja, inter alia, id-domanda għal deċiżjoni preliminari li ġejja:

“2)

Fil-possibbiltà fejn l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/78 għandu jiġi interpretat fis-sens li r-reliġjon u t-twemmin huma żewġ aspetti tal-istess kriterju protett, dan jostakola li, fuq il-bażi tal-Artikolu 8 tal-istess direttiva u sabiex tipprevjeni tnaqqis tal-livell ta’ protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni, il-qorti nazzjonali tkompli tinterpreta regola tad-dritt intern bħala dik tal-Artikolu 4(4) tal-Liġi tal-10.5.2007 intiża li tiġġieled kontra ċerti forom ta’ diskriminazzjoni, fis-sens li t-twemmin reliġjuż, filosofiku u politiku jikkostitwixxu kriterji protetti distinti?

[…]”

20.

It-talba għal deċiżjoni preliminari ġiet ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fis‑27 ta’ Lulju 2020. Sottomissjonijiet bil-miktub ġew ippreżentati mir-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika tal-Polonja, il-Kummissjoni Ewropea u l-partijiet fil-kawża prinċipali.

IV. Analiżi

21.

F’konformità mat-talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, dawn il-konklużjonijiet jittrattaw biss id-domanda li permezz tagħha l-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk dispożizzjoni ta’ dritt nazzjonali bħalma huwa l-Artikolu 4(4) tal-Liġi Ġenerali Anti-Diskriminazzjoni tistax titqies bħala dispożizzjoni iktar favorevoli għall-protezzjoni tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, fis-sens tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2000/78, u jekk hija tistax tiġi interpretata fis-sens li t-twemmin reliġjuż, filosofiku u politiku jikkostitwixxu raġunijiet separati ta’ diskriminazzjoni.

22.

Bħala punt preliminari, għandi nosserva li, fis-sentenza WABE, mogħtija wara t-tressiq ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li, “għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78, it-termini ‘reliġjon’ u ‘twemmin’ għandhom jiġu analizzati bħala ż-żewġ naħat tal-istess u l-unika raġuni ta’ diskriminazzjoni”. B’mod iktar preċiż, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li “[…] ir-raġuni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq ir-reliġjon jew it-twemmin għandha tiġi distinta mir-raġuni bbażata fuq ‘opinjoni politika jew xi opinjoni oħra’ u tkopri għalhekk kemm it-twemmin reliġjuż kif ukoll it-twemmin filosofiku jew spiritwali” ( 20 ).

23.

Id-domanda preliminari f’din il-kawża għalhekk teħtieġ eżami dwar jekk, minkejja l-interpretazzjoni msemmija hawn fuq tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza WABE, l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2000/78 jagħtix lill-Istati Membri diskrezzjoni sabiex jadottaw u jinterpretaw leġiżlazzjoni nazzjonali bħala li tipprovdi protezzjoni għal reliġjon u twemmin reliġjuż, minn naħa, u għal twemmin filosofiku jew spiritwali, min-naħa l-oħra, bħala raġunijiet separati ta’ diskriminazzjoni.

24.

F’dawn il-konklużjonijiet, bħala l-ewwel pass, ser nirreferi għall-kontenut normattiv tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2000/78, kif ukoll għall-marġni ta’ diskrezzjoni rrikonoxxut mill-Qorti tal-Ġustizzja lill-Istati Membri sabiex jadottaw dispożizzjonijiet li huma iktar favorevoli għall-protezzjoni tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Imbagħad ser nispjega r-raġunament li hemm wara d-domanda preliminari, u l-pożizzjoni adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenzi G4S Secure Solutions u WABE, dwar l-evalwazzjoni ta’ diskriminazzjoni fil-kuntest ta’ regola interna ta’ newtralità ta’ impriża privata. Barra minn hekk, ser neżamina jekk l-Istati Membri għandhomx igawdu minn diskrezzjoni biex jipproteġu r-reliġjon u t-twemmin reliġjuż bħala raġuni awtonoma ta’ diskriminazzjoni. Fl-aħħar, ser nanalizza jekk dispożizzjoni nazzjonali bħalma huwa l-Artikolu 4(4) tal-Liġi Ġenerali Anti-Diskriminazzjoni tistax tiġi interpretata fis-sens li tipprovdi għal protezzjoni iktar favorevoli għall-ugwaljanza fit-trattament fuq il-post tax-xogħol f’dak li jirrigwarda r-reliġjon u t-twemmin reliġjuż.

A.   L‑Artikolu 8 tad‑Direttiva 2000/78

1. Dispożizzjoni iktar favorevoli

25.

Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/78, l-għan ta’ din id-direttiva huwa li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni bbażata fuq ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabbiltà, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali, f’dak li jirrigwarda l-impjieg u x-xogħol, bl-għan li jiġi implimentat, fl-Istati Membri, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

26.

Il-premessa 28 tad-Direttiva 2000/78 tgħid li d-Direttiva tipprovdi biss għal rekwiżiti minimi, u dan jagħti lill-Istati Membri l-għażla li jintroduċu jew iżommu dispożizzjonijiet iktar favorevoli. Skont din l-istess premessa, l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2000/78 ma għandhiex isservi biex tiġġustifika rigressjoni mis-sitwazzjoni li diġà teżisti f’kull Stat Membru.

27.

Id-dikjarazzjoni li tinsab fil-premessa 28 tad-Direttiva 2000/78 tingħata espressjoni konkreta fl-Artikolu 8 tagħha, li huwa intitolat “Ħtiġiet minimi”. B’mod partikolari, l-Artikolu 8(1) jistabbilixxi li l-Istati Membri jistgħu jintroduċu jew iżommu dispożizzjonijiet li huma iktar favorevoli għall-protezzjoni tal-ugwaljanza fit-trattament minn dawk stabbiliti f’din id-direttiva. Għaldaqstant, id-Direttiva 2000/78 tinkludi dispożizzjoni li permezz tagħha l-Istati Membri jistgħu jadottaw leġiżlazzjoni li tipprovdi għal livell ogħla ta’ protezzjoni minn dak iggarantit permezz ta’ din id-direttiva ( 21 ). L-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2000/78 jipprovdi wkoll li l-implimentazzjoni ta’ din id-direttiva ma għandha fl-ebda każ tikkostitwixxi raġuni għal tnaqqis fil-livell ta’ protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni diġà mogħtija mill-Istati Membri fl-oqsma koperti mid-Direttiva.

28.

Qabel is-sentenza WABE, il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2000/78 f’diversi okkażjonijiet, minkejja li biss fil-kuntest ta’ konformità ma’ regoli proċedurali ( 22 ). B’dan il-mod, fis-sentenza Bulicke, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2000/78 ma jipprekludix regola ta’ proċedura nazzjonali, adottata sabiex tiġi implimentata din id-direttiva, li kellha l-effett li temenda leġiżlazzjoni preċedenti li tipprevedi terminu għat-talba ta’ kumpens għal diskriminazzjoni ibbażata fuq is-sess ( 23 ). Iktar reċentement, fis-sentenza Associazione Avvocatura per i diritti LGBTI, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2000/78 ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali milli tagħti awtomatikament locus standi lil assoċjazzjoni ta’ avukati, li l-għan statutorju tagħha huwa l-protezzjoni ġudizzjarja ta’ persuni li għandhom ċerta orjentazzjoni sesswali, sabiex tibda proċedura ġudizzjarja intiża għall-infurzar tal-obbligi taħt din id-direttiva u, fejn xieraq, sabiex tikseb id-danni ( 24 ).

29.

Min-naħa l-oħra, fis-sentenza WABE, il-Qorti tal-Ġustizzja ntalbet teżamina, minn lat sostantiv, jekk dispożizzjonijiet kostituzzjonali nazzjonali li jipproteġu l-libertà ta’ reliġjon u ta’ kuxjenza setgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni bħala dispożizzjonijiet iktar favorevoli, fis-sens tal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2000/78, għall-finijiet tal-eżami tan-natura xierqa ta’ differenza fit-trattament ibbażata indirettament fuq ir-reliġjon jew it-twemmin taħt l-Artikolu 2(2)(b)(i) ta’ din l-istess direttiva. Essenzjalment, id-domanda mqajma kienet intiża għal kjarifika rigward is-sentenza G4S Secure Solutions fir-rigward tal-piż li għandu jingħata lil-libertà ta’ reliġjon u ta’ kuxjenza fil-kuntest tal-ibbilanċjar ta’ din il-libertà ma’ għanijiet leġittimi oħra li jistgħu jiġu invokati sabiex jiġġustifikaw diskriminazzjoni indiretta abbażi tar-reliġjon jew tat-twemmin.

30.

Skont approċċ li jevoka l-istruttura tar-raġunament fis-sentenza Melloni ( 25 ), il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li d-Direttiva 2000/78 turi li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma wettaqx huwa nnifsu r-rikonċiljazzjoni meħtieġa bejn, minn naħa, il-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon u, min-naħa l-oħra, l-għanijiet leġittimi li jistgħu jiġu invokati bħala ġustifikazzjoni għal differenza fit-trattament. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, huwa l-kompitu tal-Istati Membri u tal-qrati tagħhom li jaslu għal din ir-rikonċiljazzjoni ( 26 ), billi jieħdu inkunsiderazzjoni l-kuntest speċifiku ta’ kull Stat Membru ( 27 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet ukoll li d-Direttiva 2000/78 tagħti lill-Istati Membri marġni ta’ diskrezzjoni fil-kuntest tar-rikonċiljazzjoni meħtieġa bejn id-diversi drittijiet u interessi inkwistjoni, sabiex jiżguraw bilanċ ġust bejn dawn tal-aħħar ( 28 ), li jippermetti l-introduzzjoni, pereżempju, ta’ rekwiżiti ogħla għall-finijiet tal-eżami tal-ġustifikazzjoni ta’ differenza fit-trattament indirettament ibbażata fuq ir-reliġjon jew it-twemmin ( 29 ).

2. Armonizzazzjoni parzjali

31.

Id-domanda preliminari magħmula fil-kawża li tat lok għas-sentenza WABE kienet tikkonċerna l-applikazzjoni tal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2000/78 fil-kuntest ta’ diskriminazzjoni indiretta u l-ġustifikazzjoni tagħha skont l-Artikolu 2(2)(b)(i) ta’ din id-direttiva. Għal din ir-raġuni, dik is-sentenza ma tipprovdix risposta għad-domanda mqajma f’din il-kawża, li hija dwar jekk dispożizzjoni ta’ dritt nazzjonali tistax titqies bħala dispożizzjoni iktar favorevoli għall-protezzjoni kontra inugwaljanzi fit-trattament, fis-sens tal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2000/78, meta hija jkollha effett fuq il-paragun li għandu jsir għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ diskriminazzjoni diretta, fis-sens tal-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2000/78.

32.

Ir-risposta għal din id-domanda tiddependi, l-ewwel u qabel kollox, fuq il-livell ta’ armonizzazzjoni implimentat permezz tad-Direttiva 2000/78, kwistjoni li ġiet ukoll mqajma fil-kawża li tat lok għas-sentenza WABE. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja qalet li d-Direttiva 2000/78 tħalli marġni ta’ diskrezzjoni lill-Istati Membri, b’teħid inkunsiderazzjoni tad-diversità tal-approċċi tagħhom fir-rigward tal-post mogħti lir-reliġjon u lit-twemmin fi ħdan is-sistemi rispettivi tagħhom ( 30 ).

33.

Għal raġunijiet li ma jeżiġux iktar elaborazzjoni wara d-dikjarazzjoni ċara tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza WABE ( 31 ), jidher li huwa aċċettat li d-Direttiva 2000/78 ġiet adottata biss sabiex tistabbilixxi armonizzazzjoni parzjali tar-regoli rilevanti dwar l-ugwaljanza fit-trattament fl-oqsma tal-impjieg u tax-xogħol. Għalhekk hija tħalli ċerta libertà sabiex jiġu adottati approċċi differenti fuq il-livell nazzjonali bejn fehmiet diverġenti dwar kif għandha tiġi indirizzata d-diskriminazzjoni b’mod debitu u leġittimu ( 32 ). Fir-rigward tar-reliġjon u tat-twemmin, il-livell ta’ uniformità jew diversità mixtieq fi ħdan ċerti Stati Membri jista’ ċertament ikollu effett fuq dawn l-għażliet, kif ser ikolli l-okkażjoni nispjega iktar ’il quddiem f’dawn il-konklużjonijiet.

B.   L‑evalwazzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq ir‑reliġjon jew it‑twemmin

34.

Il-kwistjoni dwar jekk il-marġni ta’ diskrezzjoni mogħti lill-Istati Membri taħt l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2000/78, kif irrikonoxxut mill-Qorti tal-Ġustizzja, jippermettix il-protezzjoni ta’ reliġjon u ta’ twemmin reliġjuż bħala raġuni awtonoma ta’ diskriminazzjoni fid-dritt nazzjonali għandha tiġi deċiża b’kunsiderazzjoni sħiħa tal-effett ta’ dan l-approċċ fuq l-eżerċizzju ta’ paragun li għandu jsir f’kull każ speċifiku u tal-livell ta’ protezzjoni li dan l-eżerċizzju jinvolvi. F’dan ir-rigward, huwa importanti li jiġi nnotat li, minkejja l-oġġettività apparenti tagħhom, kemm it-tip ta’ paragun użat għall-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ diskriminazzjoni kif ukoll iċ-ċirku ta’ referenza ddelimitat għal dan il-għan jinvolvu evalwazzjonijiet li għandhom effett sinjifikattiv fuq il-livell ta’ ugwaljanza mixtieq fis-soċjetà ( 33 ).

1. Paragun fi ħdan grupp u paragun vis a vis grupp ieħor

35.

Sabiex wieħed jifhem ir-raġunament wara d-domanda preliminari, għandi nfakkar li, sabiex tiġi kkonstatata diskriminazzjoni fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol, id-Direttiva 2000/78 teħtieġ differenza fit-trattament jew żvantaġġ relatat, b’mod partikolari, ma’ “reliġjon jew twemmin”. Din id-diskriminazzjoni hija diretta, skont l-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2000/78, jekk persuna waħda li taderixxi ma’ reliġjon jew ma’ twemmin tiġi ttrattata b’mod inqas favorevoli minn persuna oħra f’sitwazzjoni komparabbli. Dan jippreżupponi, essenzjalment, li jiġi ddeterminat jekk jeżistix rabta indissoċjabbli bejn l-inugwaljanza fit-trattament eżaminata u r-raġuni ta’ reliġjon jew twemmin ( 34 ). Id-diskriminazzjoni hija, min-naħa l-oħra, indiretta, fis-sens tal-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2000/78, jekk regola jew prattika apparentement newtrali twassal, fil-fatt, għal żvantaġġ partikolari għall-persuni li jaderixxu ma’ reliġjon jew twemmin meta mqabbla ma’ persuni oħra ( 35 ).

36.

Fiż-żewġ każijiet, il-mod kif isir dan il-paragun, għall-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ trattament iddifferenzjat, għandu rwol kruċjali, għaliex jista’ jkollu effett fuq it-tip ta’ diskriminazzjoni inkwistjoni f’każ speċifiku. Dan ikun irrilevanti kieku ma kienx għall-fatt li l-ġustifikazzjonijiet li jikkonċernaw kull tip ta’ diskriminazzjoni huma kull wieħed differenti b’mod sinjifikattiv u, għaldaqstant, il-livell ta’ skrutinju li għandu jiġi applikat ivarja fir-rigward ta’ kull wieħed minnhom ( 36 ).

37.

Tradizzjonalment, id-Direttiva 2000/78 ġiet interpretata fis-sens li tipprojbixxi d-diskriminazzjoni ta’ grupp ta’ persuni fir-rigward ta’ persuni li ma jagħmlux parti minn dan il-grupp, li, essenzjalment, jippreżupponi li jsir paragun bejn individwi li għandhom komuni bejniethom ċertu karatteristika protetta (fi ħdan il-grupp) u dawk li ma għandhomx tali karatteristika (barra minn dan il-grupp) ( 37 ).

38.

Is-sentenzi reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja juru, madankollu, evoluzzjoni lejn approċċ li jiffoka iktar fuq id-diskriminazzjoni fi ħdan grupp milli fuq id-diskriminazzjoni bejn gruppi. B’mod partikolari, fis-sentenza VL ( 38 ), li tirrigwarda kawża dwar id-diskriminazzjoni abbażi ta’ diżabbiltà, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat b’mod espliċitu li d-Direttiva 2000/78 bl-ebda mod ma tispeċifika l-persuna jew il-grupp ta’ persuni li jistgħu jintużaw bħala punt ta’ riferiment sabiex jiġi evalwat jekk hemmx diskriminazzjoni fuq din il-bażi. Hija għalhekk ikkunsidrat li projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni ma tistax tiġi llimitata biss għal differenzi fit-trattament bejn persuni li għandhom diżabbiltà u persuni bla diżabbiltà, iżda għandha tiffoka, minflok, fuq l-eżistenza ta’ differenza fit-trattament bejn il-persuni li l-punt komuni tagħhom huwa li huma għandhom diżabbiltà.

39.

Il-paragun fi ħdan grupp jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk teżistix diskriminazzjoni fi ħdan grupp magħmul minn individwi li għandhom komuni bejniethom l-istess karatteristika protetta. L-għan tiegħu huwa, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, li jiġi evitat it-tnaqqis tal-protezzjoni mogħtija mid-Direttiva 2000/78 ( 39 ), billi jiffoka fuq l-identifikazzjoni ta’ żvantaġġi relattivi mġarrba minn ċerti persuni li jappartjenu għal grupp ikkonċernat mill-istess karatteristika protetta, pjuttost milli jfittex ix-xebh u d-differenzi bejn żewġ gruppi li ma humiex marbutin minn din il-karatteristika komuni ( 40 ). Minn din il-perspettiva, il-paragun fi ħdan grupp jestendi l-portata tad-Direttiva 2000/78 b’sensittività miżjuda għall-iżvantaġġi inqas viżibbli ( 41 ) u jiżgura li l-individwi inqas privileġġati fi ħdan grupp partikolari jibbenefikaw ukoll mill-ugwaljanza fit-trattament. Ser nirreferi, iktar ’il quddiem f’dawn il-konklużjonijiet, għall-mod kif il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza WABE, wettqet paragun fi ħdan l-istess grupp sabiex tevalwa l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq ir-reliġjon jew it-twemmin.

2. Id‑delimitazzjoni taċċirku ta’ referenza għall‑finijiet ta’ paragun

40.

Madankollu, il-protezzjoni għall-ugwaljanza iktar effettiva li tirriżulta minn paraguni fi ħdan gruppi tiddependi ħafna fuq iċ-ċirku ta’ persuni li jiġi ddelimitat għall-finijiet tat-twettiq ta’ dan il-paragun. Kif osserva l-Avukat Ġenerali Bobek fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Cresco ( 42 ), id-delimitazzjoni taċ-ċirku ta’ paragun – b’mod wiesa’ jew dejjaq – jista’ jkollha effett fuq id-definizzjoni tad-diskriminazzjoni diretta u dik tad-diskriminazzjoni indiretta fis-sens tad-Direttiva 2000/78 u tista’ twassal għal riżultati diverġenti, anki fir-rigward ta’ sett ta’ fatti simili.

41.

Essenzjalment, jekk ir-reliġjon u t-twemmin reliġjuż huma protetti flimkien mat-twemmin filosofiku u spiritwali, iċ-ċirku ta’ persuni ta’ referenza għall-finijiet ta’ paragun huwa ridott minħabba t-twessigħ tal-assjem ta’ persuni li jifformaw il-grupp ta’ paragun ikkonċernat mir-raġuni ta’ diskriminazzjoni li kontriha dawn huma protetti. Fil-kuntest ta’ regola interna ta’ newtralità fuq il-post tax-xogħol, impjegat li jallega diskriminazzjoni minħabba r-reliġjon jew it-twemmin reliġjuż tiegħu jkun ikkunsidrat li jifforma parti minn grupp li jinkludi persuni li jistqarru twemmin filosofiku jew spiritwali. Fil-prinċipju, l-ebda diskriminazzjoni ma tista’ tiġi kkonstatata jekk ir-regola interna ta’ newtralità tapplika b’mod ugwali għall-membri kollha ta’ dan il-grupp, peress li rabta kawżali diretta bejn din ir-regola u l-kriterju protett tkun inqas viżibbli. Dan ikun ukoll il-każ fir-rigward ta’ impjegati ta’ impriża kkonċernati minn obbligi fil-qasam ta’ lbies reliġjuż.

42.

Min-naħa l-oħra, jekk ir-reliġjon u t-twemmin reliġjuż huma protetti bħala raġuni awtonoma ta’ diskriminazzjoni, il-paragun jitwettaq bejn il-persuni affettwati minħabba r-reliġjon tagħhom u twemmin reliġjuż tagħhom, iżda ma jiħux inkunsiderazzjoni persuni affettwati minħabba l-konvinzjonijiet filosofiċi jew spiritwali tagħhom. Paragun fi ħdan l-istess grupp – fir-rigward tar-regola interna ta’ newtralità inkwistjoni – ikun allura jinvolvi evalwazzjoni tas-sitwazzjoni tal-impjegati li josservaw obbligi ta’ lbies reliġjuż vis a vis dik ta’ impjegati li ma humiex marbuta b’dawn l-obbligi. Wieħed jista’ jsostni li inugwaljanza fit-trattament li tirriżulta minn regola li tipprojbixxi l-ilbies, fuq il-post tax-xogħol, ta’ lbies iddettat minn preċetti reliġjużi għandha iktar mnejn titqies li hija marbuta b’mod indissoċjabbli mal-kriterju ta’ protezzjoni meta din ir-regola tiġi applikata għal impjegati kkonċernati minn obbligi ta’ lbies reliġjuż, peress li dawn l-impjegati ma jkunux jistgħu jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ din ir-regola sakemm ma jirrinunzjawx għall-osservanza tal-preċetti tal-fidi tagħhom.

43.

Minn dan isegwi li t-twessigħ taċ-ċirku ta’ persuni għall-finijiet ta’ paragun fi ħdan l-istess grupp jippromwovi uniformità fi ħdan dan il-grupp billi jdgħajjef l-elementi differenzjali li jindividwalizzaw il-membri tagħhom, filwaqt li t-tidjiq ta’ dan iċ-ċirku ta’ persuni jippromwovi d-diversità billi jirrendi iktar viżibbli l-elementi differenzjali li jeħtieġu li jiġu protetti.

44.

Ma hemmx lok li nelabora dwar il-mod kif id-delimitazzjoni tal-grupp ta’ paragun effettivament taffettwa l-konklużjoni dwar jekk regola interna ta’ newtralità tistax tagħti lok għal diskriminazzjoni diretta jew indiretta fis-sens tad-Direttiva 2000/78. Sempliċiment nosserva li l-filosofija li fuqha hija bbażata d-Direttiva 2000/78 fil-qasam ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq ir-reliġjon jew it-twemmin reliġjuż timmanifesta ruħha b’mod differenti skont jekk wieħed jikkunsidrax li, minħabba regola interna ta’ newtralità, l-impjegati kkonċernati minn obbligi ta’ lbies reliġjuż huma kkunsidrati li huma s-suġġett ta’ diskriminazzjoni diretta jew indiretta. Fil-fatt, filwaqt li l-konstatazzjoni ta’ diskriminazzjoni diretta tistrieħ fuq approċċ li jipprojbixxi, fil-prinċipju, il-prattiki li jiddiskriminaw kontra dawn l-impjegati, peress li tali diskriminazzjoni hija suġġetta biss għal reġim ta’ ġustifikazzjoni eżawrjenti, il-konstatazzjoni ta’ diskriminazzjoni indiretta tippermetti l-ibbilanċjar ta’ drittijiet u libertajiet opposti fil-kuntest tal-ġustifikazzjoni tagħha u għalhekk tadotta perspettiva iktar ta’ konsegwenza lejn id-diskriminazzjoni.

45.

Huwa importanti li wieħed iżomm f’moħħu li għażla bejn dawn iż-żewġ approċċi hija inevitabbli meta jiġi deċiż jekk regola interna ta’ newtralità tikkostitwixxix diskriminazzjoni diretta jew indiretta fir-rigward ta’ impjegati li huma marbuta li josservaw obbligi ta’ lbies reliġjuż. Fil-fatt, huwa essenzjali f’dan ir-rigward li jiġi stabbilit jekk id-differenzi marbuta mar-reliġjon jew mat-twemmin reliġjuż, dovuti b’mod partikolari għal obbligi fil-qasam ta’ lbies, għandhomx jiġu indirizzati bil-promozzjoni tal-uniformità fuq il-post tax-xogħol permezz tal-istabbiliment ta’ projbizzjoni ġġeneralizzata ta’ dawn id-differenzi fit-termini tal-impjieg jew, inkella, bil-promozzjoni tad-diversità permezz tan-normalizzazzjoni ta’ dawn id-differenzi.

3. Is‑sentenzi G4S Secure Solutions u WABE

46.

L-Awla Manja tal-Qorti tal-Ġustizzja ħadet pożizzjoni ċara, l-ewwel, fis-sentenza G4S Secure Solutions u, sussegwentement, fis-sentenza WABE, dwar kif għandha tiġi strutturata l-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq ir-reliġjon jew it-twemmin fir-rigward impjegati kkonċernati mill-obbligi ta’ lbies reliġjuż fil-kuntest tal-applikazzjoni ta’ regola interna ta’ newtralità.

47.

B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li regola interna ta’ newtralità, li tipprojbixxi l-ilbies ta’ kwalunkwe sinjal viżibbli ta’ twemmin politiku, filosofiku jew reliġjuż fuq il-post tax-xogħol, ma tikkostitwixxix diskriminazzjoni diretta sakemm hija tkopri kull manifestazzjoni ta’ tali twemmin mingħajr distinzjoni u tittratta b’mod identiku lill-impjegati tal-impriża, billi teħtieġ li huma jilbsu b’mod newtrali ( 43 ). Fil-fehma tal-Qorti tal-Ġustizzja, sakemm l-impjegati kollha ta’ impriża, previsti b’mod omoġenju, jiġu ttrattati bl-istess mod, ma jistax jitqies li sseħħ diskriminazzjoni diretta meta tiġi applikata tali regola, inkluż fir-rigward ta’ impjegati li huma marbuta josservaw obbligi ta’ lbies reliġjuż ( 44 ).

48.

Huwa importanti li jiġi nnotat, l-ewwel, li, sabiex wieħed jasal għall-konstatazzjoni preċedenti, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset, fis-sentenza WABE, li l-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq ir-reliġjon jew it-twemmin, f’kawża li tikkonċerna regola interna ta’ newtralità, għandha tistrieħ fuq paragun fi ħdan l-istess grupp. Filwaqt li rreferiet għas-sentenza VL ( 45 ), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat espliċitament li fid-dawl tal-formulazzjoni, il-kuntest u l-għan tad-Direttiva 2000/78, hemm lok li ma jiġix limitat iċ-ċirku ta’ persuni li fir-rigward tagħhom paragun jista’ jsir ma’ dawk li ma għandhomx reliġjon jew twemmin partikolari ( 46 ). Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, peress li d-Direttiva 2000/78 hija intiża sabiex tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni bbażata, inter alia, fuq ir-reliġjon u t-twemmin, hija għandha tipprovdi lil kulħadd bi protezzjoni effettiva kontra diskriminazzjoni bbażata, b’mod partikolari, fuq din ir-raġuni ( 47 ).

49.

It-tieni, fir-rigward tad-definizzjoni taċ-ċirku ta’ referenza għall-finijiet ta’ paragun, il-Qorti tal-Ġustizzja ddefinietu bħala li jinkludi mhux biss l-impjegati li jistqarru reliġjon jew twemmin reliġjuż. Ħadet ukoll inkunsiderazzjoni dawk l-impjegati li juru twemmin filosofiku jew spiritwali. Kif diġà osservajt, din hija l-konsegwenza tal-interpretazzjoni, għall-finijiet tad-Direttiva 2000/78, tat-termini “reliġjon jew twemmin” li jinsabu fl-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva bħala li jkopru ż-żewġ tipi ta’ twemmin ( 48 ). Barra minn hekk, fir-raġunament tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja assumiet li “kull persuna jista’ jkollha jew reliġjon jew twemmin”. Fil-prattika, dan iwassal biex jiġu inkorporati, fil-grupp ta’ referenza ta’ paragun, l-impjegati kollha tal-impriża li jippermetti li jiġi konkluż li regola interna ta’ newtralità, sakemm tiġi applikata b’mod ġenerali u mhux iddifferenzjat, ma tistabbilixxix differenza fit-trattament ibbażata fuq kriterju li huwa marbut b’mod indissoċjabbli mar-reliġjon jew mat-twemmin ( 49 ).

50.

Ikolli nammetti li, fil-fehma tiegħi, fis-sentenza WABE l-Qorti tal-Ġustizzja fehmet il-grupp għall-finijiet ta’ paragun b’tali mod li dgħajfet ir-referenzi għal differenza fit-trattament fir-rigward tal-impjegati li mhux biss jimmanifestaw ir-reliġjon jew it-twemmin reliġjuż tagħhom iżda josservawhom billi jilbsu lbies partikolari. Minn din il-perspettiva, minkejja li hija ċċitata repetutament, dan l-approċċ jidher li jiddevja minn dak tas-sentenza VL ( 50 ), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat l-iżvantaġġi relattivi mġarrba minn ċerti individwi fi ħdan grupp ikkonċernat mill-istess karatteristika protetta. Minflok, bħala konsegwenza tas-sentenza WABE, l-impjegati li josservaw obbligi ta’ lbies reliġjuż jitqiegħdu quddiem id-dilemma, fis-sens letterali tal-kelma ( 51 ), li jiddeċiedu jew li jżommu xogħol f’impriża jew li jirrispettaw l-obbligi preskritti mill-fidi tagħhom. Iċ-ċirku ddelimitat iservi wkoll bħala bażi tal-kunsiderazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-applikazzjoni ta’ regola interna ta’ newtralità hija tali li tikkawża, għall-ħaddiema li josservaw il-preċetti reliġjużi li jimponi li jintlibes ċertu lbies reliġjuż, biss “inkonvenjenza partikolari” ( 52 ).

51.

Minkejja dan, is-sentenzi G4S Secure Solutions u WABE juru approċċ deċiż mill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq ir-reliġjon jew it-twemmin fil-kuntest tal-eżami ta’ regola interna ta’ newtralità. Dan l-approċċ jeskludi d-diskriminazzjoni diretta, inkluż fir-rigward tal-ħaddiema li r-reliġjon jew it-twemmin reliġjuż tagħhom jimponu obbligi ta’ lbies. Hija biss projbizzjoni espliċita, fil-kuntest tar-regola interna ta’ newtralità, fuq l-ilbies ta’ sinjali li jidhru b’mod ċar u li huma kbar ta’ twemmin reliġjuż li tista’ jwassal għall-konstatazzjoni ta’ diskriminazzjoni diretta ( 53 ). Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja tħalli f’idejn il-qrati nazzjonali l-kompitu li jevalwaw jekk l-applikazzjoni ta’ regola interna ta’ newtralità tistax titqies li hija diskriminazzjoni indiretta, li tista’ tiġi oġġettivament iġġustifikata, jekk il-persuni li jaderixxu ma’ reliġjon jew twemmin partikolari jitqiegħdu fi żvantaġġ partikolari ( 54 ). F’dan il-kuntest, l-ibbilanċjar bejn, minn naħa, il-libertà ta’ intrapriża, irrikonoxxut fl-Artikolu 16 tal-Karta ( 55 ), u, min-naħa l-oħra, il-libertà tal-ħsieb, reliġjon u kuxjenza, iggarantit fl-Artikolu 10 tal-Karta, jikseb rilevanza sinjifikattiva ( 56 ).

C.   Id‑diskrezzjoni fil‑qasam tal‑protezzjoni tar‑reliġjon u tat‑twemmin reliġjuż bħala raġuni awtonoma

1. L‑assenza ta’ identità kunċettwali

52.

Sabiex jiġi ddeterminat jekk il-marġni ta’ diskrezzjoni mogħti lill-Istati Membri skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2000/78, u kif irrikonoxxut mill-Qorti tal-Ġustizzja, jippermettix il-protezzjoni awtonoma tar-reliġjon u tat-twemmin reliġjuż skont id-dritt nazzjonali, nixtieq ninnota, mill-bidu nett, li l-unika linja ta’ raġunament li tgħid li r-reliġjon u t-twemmin reliġjuż, minn naħa, u t-twemmin filosofiku u spiritwali, min-naħa l-oħra, għandhom jiġu analizzati bħala żewġ aspetti tal-istess raġuni waħdanija ta’ diskriminazzjoni tirriżulta mill-punt 47 tas-sentenza WABE.

53.

Skont ir-raġunament tal-Qorti tal-Ġustizzja, din l-interpretazzjoni toħroġ mill-formulazzjoni tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/78, li jirreferi għal “reliġjon jew twemmin” flimkien, separati biss mill-prepożizzjoni “jew”, kif jagħmel l-Artikolu 19 TFUE, li jgħid li l-leġiżlatur tal-Unjoni jista’ jieħu azzjoni xierqa sabiex jiġġieled id-diskriminazzjoni bbażata, inter alia, fuq “reliġjon jew twemmin”, u l-Artikolu 21 tal-Karta, li jirreferi, fost ir-raġunijiet varji ta’ diskriminazzjoni li huwa jsemmi, għal “reliġjon jew twemmin”.

54.

Huwa għalhekk ċar li l-Qorti tal-Ġustizzja ma stabbilixxietx identiċità bejn ir-reliġjon u t-twemmin reliġjuż, minn naħa, u t-twemmin filosofiku u spiritwali, min-naħa l-oħra, li minn perspettiva kunċettwali tista’ tipprekludi lill-Istati Membri milli jistabbilixxu protezzjoni awtonoma u distinta għal kull wieħed minn dawn l-elementi. Bil-kontra, jidher li mis-sentenza WABE jirriżulta li d-dritt nazzjonali li jimplimenta d-Direttiva 2000/78 jista’ jagħżel li jirrikonoxxi protezzjoni awtonoma permezz ta’ formulazzjoni, biex insegwi l-lingwaġġ tal-Qorti tal-Ġustizzja, bħal “ir-reliġjon u t-twemmin reliġjuż, it-twemmin filosofiku” fil-lista tar-raġunijiet ta’ diskriminazzjoni.

2. Deċiżjonijiet leġittimi għall‑Istati Membri

55.

Barra minn hekk, jekk, skont is-sentenza WABE, l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2000/78 għandu jinqara fis-sens li jirrikonoxxi marġni ta’ diskrezzjoni għall-Istati Membri minħabba l-post mogħti lir-reliġjon u lit-twemmin fi ħdan is-sistemi rispettivi tagħhom, dan il-marġni ta’ diskrezzjoni għandu neċessarjament japplika għal kwalunkwe element ta’ evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ diskriminazzjoni li jista’ jaffettwa tali post, kif ukoll is-sinjifikat u l-importanza tar-reliġjon u tat-twemmin reliġjuż fl-Istat Membru kkonċernat. Fid-dawl tal-fatt li l-għażla li jiġu protetti r-reliġjon u t-twemmin reliġjuż inkwantu raġuni awtonoma ta’ diskriminazzjoni jista’ jinfluwenza, kif diġà ġie spjegat, il-konstatazzjoni ta’ diskriminazzjoni diretta jew indiretta f’każ speċifiku u, konsegwentement, il-livell ta’ protezzjoni mogħtija lil din ir-raġuni fi ħdan Stat Membru, dispożizzjoni nazzjonali li tagħżel tali protezzjoni awtonoma taqa’, fl-opinjoni tiegħi, fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2000/78.

56.

F’dan ir-rigward, huwa importanti li wieħed jifhem li, jekk id-diskrezzjoni rrikonoxxuta mill-Artikolu 8 tad-Direttiva 2000/78 kienet limitata biss għall-istadju tal-ġustifikazzjoni ta’ diskriminazzjoni indiretta, kif il-Qorti tal-Ġustizza diġà rrikonoxxiet fis-sentenza WABE, u li hija inapplikabbli għal elementi oħra li jistgħu jinfluwenzaw id-definizzjoni taċ-ċirku ta’ referenza ta’ persuni għall-finijiet ta’ paragun, l-Istati Membri jistgħu jiġu preklużi milli jiddeċiedu fuq aspetti sensittivi u leġittimi dwar ir-reliġjon u t-twemmin reliġjuż li, fl-aħħar mill-aħħar, jiddeterminaw il-livell ta’ uniformità jew diversità li jixtiequ jintroduċu – jew iżommu – fis-soċjetajiet tagħhom. Ma naħsibx li l-għan tad-Direttiva 2000/78, billi tistabbilixxi rekwiżiti minimi fir-rigward tar-regoli relevanti fil-qasam tal-ugwaljanza fit-trattament fl-oqsma tal-impjieg u tax-xogħol, kien li jipprekludi lill-Istati Membri milli jagħmlu tali għażliet.

a) Il‑filosofija li fuqha hija bbażata l‑projbizzjoni tad‑diskriminazzjoni bbażata fuq ir‑reliġjon u t‑twemmin reliġjuż

57.

F’dawn il-konklużjonijiet, spjegajt kif il-protezzjoni awtonoma tar-reliġjon u tat-twemmin reliġjuż tista’, bla dubju, twassal sabiex regola interna ta’ newtralità, fil-kuntest ta’ paragun fi ħdan l-istess grupp, titqies bħala marbuta b’mod indissoċjabbli ma’ dan il-kriterju ta’ protezzjoni meta applikata għal impjegati ikkonċernati b’obbligi ta’ lbies reliġjuż ( 57 ). Din ir-regola tkun imbagħad x’aktarx ikkunsidrata li tagħti lok għal inugwaljanza fit-trattament ta’ dawn l-impjegati, ipprojbita bħala diskriminazzjoni diretta, peress li ma dawn jkunux jistgħu jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ din ir-regola sakemm ma jirrinunzjawx milli jobdu l-preċetti tal-fidi tagħhom.

58.

Barra minn hekk, enfasizzajt ukoll li, lil hinn mill-aspetti legali tekniċi li jirriżultaw mill-konstatazzjoni ta’ diskriminazzjoni diretta jew indiretta rigward regola interna ta’ newtralità, id-diskriminazzjoni diretta tirrispondi għal approċċ li jikkonsisti fil-projbizzjoni, bħala prinċipju, tal-inugwaljanza fit-trattament, u li hija suġġetta biss għal reġim ta’ ġustifikazzjoni eżawrjenti, li jinkludi, pereżempju, is-sigurtà pubblika u l-prevenzjoni tar-reati kriminali, ir-rekwiżiti tax-xogħol u l-azzjoni pożittiva. Min-naħa l-oħra, id-diskriminazzjoni indiretta tirrispondi għal approċċ iktar ta’ konsegwenza, għaliex tippermetti ġustifikazzjoni fuq il-bażi tal-ibbilanċjar ta’ drittijiet u libertajiet opposti, jiġifieri d-dritt li tiġi eżerċitata attività kummerċjali u l-libertà ta’ reliġjon, ta’ kuxjenza u ta’ ħsieb. Ser ikun hemm sitwazzjonijiet, għaldaqstant, fejn id-dritt li tiġi eżerċitata attività kummerċjali jipprevali fuq il-libertà ta’ reliġjon, ta’ kuxjenza u ta’ ħsieb.

59.

F’dan l-istadju, nixtieq inżid li l-konstatazzjoni li regola interna ta’ newtralità tinvolvi jew diskriminazzjoni diretta jew, b’mod alternattiv, diskriminazzjoni indiretta tistrieħ ukoll fuq żewġ fehmiet opposti dwar kif għandhom jiġu indirizzati l-preġudizzji kontra d-differenzi li jirriżultaw mir-reliġjon jew mit-twemmin reliġjuż fis-soċjetà. Essenzjalment, l-approċċ ta’ “diskriminazzjoni diretta” huwa bbażat fuq in-normalizzazzjoni ta’ dawn id-differenzi fuq il-post tax-xogħol permezz ta’ kontroll iktar strett tal-preġudizzji. Dan l-approċċ jippreżupponi li d-differenzi li jirriżultaw mir-reliġjon jew mit-twemmin reliġjuż huma indirizzati aħjar permezz tal-promozzjoni tat-tolleranza u tar-rispett, li jwassal għall-aċċettazzjoni ta’ livell ogħla ta’ diversità. Min-naħa l-oħra, approċċ ta’ “diskriminazzjoni indiretta” jippreżupponi l-ħtieġa li jiġi ttollerat ċertu livell ta’ preġudizzji min-naħa tal-pubbliku fir-rigward tad-differenzi marbuta mar-reliġjon ( 58 ) jekk jiġi muri li l-impriża ikkonċernata tista’, jekk ma tagħmilx hekk, tbati konsegwenzi ekonomiċi negattivi ħafna ( 59 ). F’dan il-kuntest, id-differenzi li jirriżultaw mir-reliġjon u mit-twemmin reliġjuż huma kkunsidrati li huma indirizzati aħjar fuq il-post tax-xogħol bil-promozzjoni tal-uniformità permezz ta’ projbizzjoni ġġeneralizzata li tirriżulta minn regola interna ta’ newtralità.

60.

Ma hijiex l-intenzjoni tiegħi li nargumenta, f’dawn il-konklużjonijiet, dwar liema huwa l-iktar mod xieraq biex tiġi espressa – kif diġà osservat fil-punt 44 ta’ dawn il-konklużjonijiet – il-filosofija li fuqha hija bbażata l-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni bbażata fuq ir-reliġjon jew it-twemmin reliġjuż. Madankollu, il-kunsiderazzjonijiet preċedenti juru li l-protezzjoni tar-reliġjon u tat-twemmin reliġjuż bħala raġuni awtonoma ta’ diskriminazzjoni għandhom effett fuq il-post mogħti lir-reliġjon u lit-twemmin reliġjuż fi ħdan l-Istati Membri, b’mod partikolari f’termini ta’ uniformità jew diversità. Għaldaqstant, fil-fehma tiegħi, l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2000/78 għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lill-Istati Membri jistabbilixxu tali protezzjoni awtonoma bħala mezz leġittimu sabiex jiddeterminaw, l-ewwel, jekk l-impjegati ikkonċernati b’obbligi ta’ lbies reliġjuż ma għandhomx jitqiegħdu, bħala prinċipju, f’sitwazzjoni li tista’ twassalhom sabiex ikollhom jagħżlu bejn li josservaw il-preċetti tal-fidi tagħhom jew li jżommu l-impjieg tagħhom. It-tieni, l-Istati Membri għandhom jibqgħu wkoll kompetenti sabiex jiddefinixxu l-mod li permezz tiegħu huma jixtiequ jindirizzaw il-preġudizzji kontra differenzi li jirriżultaw mir-reliġjon jew mit-twemmin reliġjuż fuq il-post tax-xogħol.

b) Ir‑reliġjon u t‑twemmin reliġjuż bħala “karatteristika indissoċjabbli”

61.

Element leġittimu ieħor, marbut mill-qrib ma’ dak preċedenti, li fuqu l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jieħdu pożizzjoni, huwa l-kwistjoni dwar jekk ir-reliġjon u t-twemmin reliġjuż għandhomx ikunu ikkunsidrati bħala “karatteristika indissoċjabbli” tal-persuni.

62.

Fil-fatt, ma jistax jiġi eskluż li r-reliġjon u l-obbligi li hija tinvolvi jistgħu jitqiesu, f’ċerti Stati Membri, bħala li huma tant marbuta mill-qrib ma’ persuna li jistħoqqilom jiġu protetti bħala karatteristika indissoċjabbli ta’ persuntha. F’dan il-kuntest, il-protezzjoni ta’ impjegat li huwa obbligat permezz ta’ regola interna ta’ newtralità li jirrinunzja mill-obbligi ta’ lbies preskritti mill-fidi tiegħu, bħala kundizzjoni biex iżomm xogħlu, tista’ eventwalment tingħata aħjar fil-kuntest ta’ approċċ li jkun jikkunsidra tali regola bħala marbuta b’mod indissoċjabbli mar-reliġjon, ikkunsidrata bħala raġuni awtonoma, u għalhekk, bħala inugwaljanza fit-trattament ipprojbita inkwantu diskriminazzjoni diretta. Għandha tinġibed l-attenzjoni, f’dan ir-rigward, għall-fatt li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kontenut speċifiku tal-preċetti reliġjużi, inklużi l-obbligi rigward ilbies u n-natura obbligatorja tagħhom, huwa bbażat fuq evalwazzjoni li għandha ssir mill-qrati nazzjonali ( 60 ).

63.

Nixtieq nenfasizza li, skont id-Direttiva 2000/78, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet tali protezzjoni diretta kontra d-diskriminazzjoni f’każijiet fejn il-persuna inkwistjoni ma setgħetx tirrinunzja għal karatteristika indissoċjabbli ta’ persuntha, bħall-età ( 61 ) jew l-orjentazzjoni sesswali ( 62 ). Pereżempju, fis-sentenza Hay, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li differenza fit-trattament ibbażata fuq l-istat ċivili tal-impjegati, minkejja li ma hijiex ibbażata b’mod espliċitu fuq l-orjentazzjoni sesswali tagħhom, kienet xorta waħda diskriminazzjoni diretta peress li biss persuni ta’ sessi differenti setgħu jiżżewġu fl-Istat Membru kkonċernat u għaldaqstant l-impjegati omosesswali ma setgħux jissodisfaw il-kundizzjoni meħtieġa sabiex jiksbu l-benefiċċju mitlub ( 63 ).

64.

Peress li r-reliġjon u t-twemmin reliġjuż jistgħu jitqiesu bħala karatteristika inseparabbli tal-persuna, naħseb li huwa leġittimu għall-Istati Membri li jipprivileġġaw approċċ simili għal dak adottat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Hay, u li jagħtu protezzjoni diretta lill-impjegati kkonċernati b’obbligi ta’ lbies reliġjuż, filwaqt li jiżguraw protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni bbażata fuq ir-reliġjon u t-twemmin reliġjuż inkwantu raġuni awtonoma. Anki jekk is-sentenza WABE waslet għal konklużjoni differenti, fil-kuntest tal-interpretazzjoni tal-“ħtiġiet minimi” stabbiliti mid-Direttiva 2000/78 (b’mod partikolari, l-Artikolu 1 u l-Artikolu 2(2) tagħha), nistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tikkunsidra li dan huwa aspett li jista’ jitqies minn angoli differenti u sensittivi ħafna, li jiddependu, fl-aħħar mill-aħħar, mis-sens konkret li għandhom ir-reliġjon u t-twemmin reliġjuż għall-individwi f’kull Stat Membru. Ma nara l-ebda argument insostenn tal-fehma li, fl-adozzjoni tad-Direttiva 2000/78, b’mod partikolari l-Artikolu 8 tagħha, il-leġiżlatur tal-Unjoni xtaq jipprekludi lill-Istati Membri milli jiddeċiedu fuq tali aspett.

c) Il‑qbil ta’ “inkonvenjenza partikolari”

65.

Fl-aħħar, b’konnessjoni wkoll mal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-Istati Membri għandhom jibqgħu kapaċi li jiddevjaw minn qbil li permezz tiegħu impjegati kkonċernati b’obbligu ta’ lbies reliġjuż ikunu suġġetti, biex nuża l-istess kliem tas-sentenza WABE, għal “inkonvenjent partikolari” meta regola interna ta’ newtralità tiġi applikata għalihom. Fil-fatt, din l-evalwazzjoni tal-piż ta’ regola interna ta’ newtralità tista’ ma tkunx l-istess f’ċerti każijiet, fejn l-Istati Membri jistgħu minflok jikkunsidrawh bħala ostakolu għall-aċċess għas-suq tax-xogħol u, bħala tali, mod biex tiżdied l-esklużjoni tal-impjegati li huma marbuta jikkonformaw ma’ dawn l-obbligi. Ippermettuli nenfasizza, f’dan ir-rigward, li l-impjieg, ix-xogħol u t-taħriġ vokazzjonali, koperti mid-Direttiva 2000/78, huma l-punt tat-tluq għal talbiet li jmorru lill hinn mill-kuntest tal-iżvantaġġ materjali, u li jinkludu lmenti relatati mal-parteċipazzjoni fil-ħajja soċjali u mar-rikonoxximent tad-diversità u tad-differenza ( 64 ).

66.

Pereżempju, jekk il-persuni li jimpjegaw jimponu regoli interni ta’ newtralità bħala politika ġġeneralizzata, nisa Musulmani jistgħu fil-verità mhux biss jiġu suġġetti għal “inkonvenjenti partikolari”, iżda jistgħu wkoll jiġu żvantaġġati b’mod kunsiderevoli fl-aċċess għal impjieg. Dan jista’ jwassal sabiex jifridom mis-suq tax-xogħol – sors ta’ żvilupp personali u integrazzjoni soċjali – li jkun jagħti lok għal diskriminazzjoni bbażata mhux biss sempliċement fuq ir-reliġjon, iżda wkoll fuq is-sess bħala sors ta’ żvilupp personali u integrazzjoni soċjali ( 65 ). Filwaqt li huwa l-kompitu tal-qrati nazzjonali li jagħmlu l-konstatazzjonijiet meħtieġa biex jiddeterminaw jekk dawk il-kwistjonijiet potenzjali humiex ivverifikati bil-fatti ( 66 ), jidhirli li huwa importanti li nenfasizza li d-diskriminazzjoni doppja hija possibbiltà reali li tista’ tiġi indirizzata b’mod leġittimu mill-Istati Membri billi jiġi msaħħaħ il-livell ta’ protezzjoni għar-reliġjon u għat-twemmin reliġjuż, bħala raġunijiet awtonomi ta’ diskriminazzjoni, skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2000/78.

3. Il‑protezzjoni awtonoma tar‑reliġjon u tat‑twemmin reliġjuż bħala dispożizzjoni iktar favorevoli

67.

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, għandi nikkonkludi li l-leġiżlazzjoni nazzjonali għandha tiġi kkunsidrata bħala iktar favorevoli għall-protezzjoni tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, fis-sens tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2000/78, meta hija tikkonċerna mhux biss l-analiżi ta’ ġustifikazzjoni applikabbli għal diskriminazzjoni indiretta, iżda wkoll l-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ diskriminazzjoni u, konsegwentement, il-konstatazzjoni ta’ diskriminazzjoni diretta jew indiretta f’każ speċifiku. Dak jinkludi l-leġiżlazzjoni nazzjonali li, għall-finijiet tal-implimentazzjoni tad-Direttiva 2000/78, tistabbilixxi protezzjoni awtonoma tar-reliġjon u tat-twemmin reliġjuż bħala raġuni waħda ta’ diskriminazzjoni. Tali approċċ ma jqegħedx f’riskju l-bażi tad-Direttiva 2000/78, li, bħalma rrikonoxxiet il-Qorti tal-Ġustizzja, għandha tiġi mifhuma bħala strument li jippermetti lill-Istati Membri jagħmlu għażliet leġittimi rigward il-post mogħti lir-reliġjon u lit-twemmin reliġjuż fi ħdan is-sistemi tagħhom. Is-sentenzi G4S Secure Solutions u WABE, kif ukoll il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni, ma humiex imdgħajfa peress li ż-żewġ sentenzi jirreferu għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 1 u tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2000/78 – li jistabbilixxu rekwiżiti minimi sabiex tiġi miġġielda d-diskriminazzjoni fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol – u għalhekk ma jeskludux il-possibbiltà li jingħata, taħt l-Artikolu 8 tal-istess direttiva, livell ogħla ta’ protezzjoni kontra inugwaljanzi fit-trattament.

D.   Il‑Liġi Ġenerali Anti-Diskriminazzjoni

68.

Skont ir-raġunament preċedenti tiegħi, l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2000/78 għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lill-Istati Membri jimplimentaw din id-direttiva billi jipproteġu r-reliġjon u t-twemmin reliġjuż bħala raġuni awtonoma ta’ diskriminazzjoni. F’dan l-istadju, għandi nżid li, sabiex isir dan, il-leġiżlatur nazzjonali għandu jindirizza din id-distinzjoni mal-mument tal-adozzjoni – jew tal-emenda sussegwenti – tal-leġiżlazzjoni li timplimenta d-Direttiva 2000/78 fi ħdan Stat Membru.

69.

Din il-kawża għalhekk tirrikjedi verifika dwar jekk id-Direttiva 2000/78 ġietx implimentata fid-dritt Belġjan bħala li tistabbilixxi r-reliġjon u t-twemmin reliġjuż b’mod awtonomu, distint mir-raġuni ta’ twemmin filosofiku u spiritwali.

70.

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Liġi Ġenerali Anti-Diskriminazzjoni tittrasponi d-Direttiva 2000/78 fid-dritt Belġjan. L-għan tagħha huwa li toħloq qafas ġenerali għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol ( 67 ).

71.

Il-kriterji protetti huma elenkati fl-Artikolu 4(4) tal-Liġi Ġenerali Anti-Diskriminazzjoni ( 68 ), li jirreferi għall-età, l-orjentazzjoni sesswali, l-istat ċivili, twelid, is-sitwazzjoni finanzjarja, it-twemmin reliġjuż jew filosofiku, it-twemmin politiku, it-twemmin sindakali, il-lingwa, l-istat ta’ saħħa preżenti jew futur, diżabbiltà, karatteristiċi fiżiċi jew ġenetiċi jew l-oriġini soċjali.

72.

Nosserva, minn naħa, li l-Artikolu 4(4) tal-Liġi Ġenerali Anti-Diskriminazzjoni juża formulazzjoni li hija kważi l-istess għal dik tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/78 meta ssir referenza għar-raġuni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq it-twemmin reliġjuż u filosofiku. It-twemmin reliġjuż u filosofiku huma mqiegħda flimkien fil-lista tal-kriterji protetti, u huma separati biss bil-prepożizzjoni “jew”. L-Artikolu 8 tal-Liġi Ġenerali Anti-Diskriminazzjoni jadotta l-istess formulazzjoni meta jipprovdi li distinzjoni diretta bbażata, inter alia, fuq it-“twemmin reliġjuż jew filosofiku” tista’ tiġi ġġustifikata biss minn rekwiżiti tax-xogħol ġenwini u determinanti.

73.

Min-naħa l-oħra, qari tal-Liġi Ġenerali Anti-Diskriminazzjoni juri li l-leġiżlatur Belġjan iddistingwixxa t-twemmin politiku u, sussegwentement, it-twemmin sindakali ( 69 ) bħala raġunijiet separati ta’ diskriminazzjoni fil-lista pprovduta fl-Artikolu 4(4) tal-Liġi Ġenerali Anti-Diskriminazzjoni. Minn din il-perspettiva, huwa ċar li, filwaqt li l-leġiżlatur Belġjan għażel li jiddistingwi t-twemmin politiku u sindakali minn tipi oħra ta’ twemmin, dan ma jidhirx li huwa l-każ fir-rigward tat-twemmin reliġjuż u filosofiku.

74.

Huwa għalhekk diffiċli li jiġi konkluż, abbażi tal-informazzjoni pprovduta fid-digriet tar-rinviju, li, b’mod differenti mill-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/78, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza WABE, il-leġiżlatur Belġjan qies ir-reliġjon u t-twemmin reliġjuż, minn naħa, u t-twemmin filosofiku, min-naħa l-oħra, bħala raġunijiet separati ta’ diskriminazzjoni. Min-naħa l-oħra, għall-finijiet tal-Liġi Ġenerali Anti-Diskriminazzjoni, iż-żewġ tipi ta’ twemmin jidhru li jikkostitwixxu, bħal fis-sentenza WABE, żewġ aspetti tal-istess raġuni waħdanija ta’ diskriminazzjoni.

75.

Minn dak li ntqal hawn fuq jirriżulta li, fl-assenza ta’ distinzjoni bejn it-twemmin reliġjuż u filosofiku, dispożizzjoni li ssemmi it-“twemmin reliġjuż jew filosofiku” fost ir-raġunijiet ta’ diskriminazzjoni elenkati fil-leġiżlazzjoni nazzjonali li timplimenta d-Direttiva 2000/78 ma tistax tiġi interpretata fis-sens li dan it-twemmin huwa kriterju protett separat. Interpretazzjoni kuntrarja tkun tmur kontra d-dikjarazzjonijiet magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza WABE ( 70 ), fejn, kif diġà semmejt, hija interpretat it-termini msemmija hawn fuq, kif stabbiliti fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/78. Għal din l-istess raġuni, l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2000/78 ma jistax jittieħed bħala bażi suffiċjenti sabiex jitqies li d-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni hija dispożizzjoni iktar favorevoli għall-protezzjoni tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Għaldaqstant huwa ma jippermettix li l-qorti nazzjonali tinterpretah fis-sens li t-twemmin reliġjuż u filosofiku jikkostitwixxu raġunijiet ta’ diskriminazzjoni separati fid-dritt nazzjonali.

V. Konklużjoni

76.

Fid-dawl tal-analiżi esposta iktar ’il fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi d-domanda preliminari magħmula mit-Tribunal du travail francophone de Bruxelles (it-Tribunal Industrijali ta’ Brussell bil-lingwa Franċiża, il-Belġju) kif ġej:

L-Artikolu 8 tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas‑27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lill-Istati Membri jimplimentaw din id-direttiva billi jipproteġu r-reliġjon u t-twemmin reliġjuż bħala raġuni awtonoma ta’ diskriminazzjoni.

Madankollu, l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2000/78 jipprekludi l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni li ssemmi t-“twemmin reliġjuż jew filosofiku” fost ir-raġunijiet ta’ diskriminazzjoni elenkati fil-leġiżlazzjoni nazzjonali li timplimenta din id-direttiva fis-sens li hija tikkostitwixxi dispożizzjoni iktar favorevoli għall-protezzjoni tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, u li, b’mod partikolari, it-twemmin reliġjuż u filosofiku jikkostitwixxu raġunijiet separati ta’ protezzjoni.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) Sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2017, G4S Secure Solutions (C‑157/15, EU:C:2017:203) (iktar ’il quddiem “is-sentenza G4S Secure Solutions”).

( 3 ) Sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2017, Bougnaoui u ADDH (C‑188/15, EU:C:2017:204).

( 4 ) Sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, WABE u MH Müller Handel (C‑804/18 u C‑341/19, EU:C:2021:594) (iktar ’il quddiem “is-sentenza WABE”).

( 5 ) Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas‑27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79).

( 6 ) F’dawn il-konklużjonijiet, ser nirreferi għal dan it-tip ta’ regoli bit-terminu “regola interna ta’ newtralità”.

( 7 ) Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/78.

( 8 ) Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2000/78.

( 9 ) Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2000/78.

( 10 ) Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2000/78.

( 11 ) Artikolu 2(2)(b)(i) tad-Direttiva 2000/78.

( 12 ) Artikolu 2(5) tad-Direttiva 2000/78.

( 13 ) Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/78. Regola simili tapplika għall-attivitajiet professjonali fi ħdan knejjes u organizzazzjonijiet pubbliċi jew privati oħra li l-etika tagħhom tkun ibbażata fuq reliġjon jew twemmin. Ara, f’dan ir-rigward, l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2000/78.

( 14 ) Moniteur belge, 30 ta’ Mejju 2007, p. 29016.

( 15 ) Artikolu 2 tal-Liġi Ġenerali Anti-Diskriminazzjoni.

( 16 ) Artikolu 3 tal-Liġi Ġenerali Anti-Diskriminazzjoni.

( 17 ) Artikolu 5(1)(5) tal-Liġi Ġenerali Anti-Diskriminazzjoni.

( 18 ) Artikolu 4(1) tal-Liġi Ġenerali Anti-Diskriminazzjoni.

( 19 ) Fis-sottomissjonijiet orali tagħha quddiem il-qorti nazzjonali, LF invokat ukoll motiv ibbażat fuq id-diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess tagħha. Madankollu, fit-talba għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju tgħid li “ir-rikorrenti ma tistabbilixxix fatti li jippermettu li jiġi preżunt li kien hemm diskriminazzjoni diretta bbażata fuq is-sess”.

( 20 ) Sentenza WABE (punt 47).

( 21 ) Konklużjonijiet tal-Avukati Ġenerali Sharpston fil-kawża Associazione Avvocatura per i diritti LGBTI (C‑507/18, EU:C:2019:922, punt 82).

( 22 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Rantos fil-kawżi magħquda WABE u MH Müller Handel (C‑804/18 u C‑341/19, EU:C:2021:144, punt 85).

( 23 ) Sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2010, Bulicke (C‑246/09, EU:C:2010:418, punt 47).

( 24 ) Sentenza tat‑23 ta’ April 2020, Associazione Avvocatura per i diritti LGBTI (C‑507/18, EU:C:2020:289, punt 65).

( 25 ) Ara s-sentenza tas‑26 ta’ Frar 2013, Melloni (C-399/11, EU:C:2013:107, punt 60).

( 26 ) Sentenza WABE (punt 87).

( 27 ) Sentenza WABE (punt 88).

( 28 ) Sentenza WABE (punt 88).

( 29 ) Sentenza WABE (punt 89).

( 30 ) Sentenza WABE (punt 86).

( 31 ) Ara wkoll Sharpston, E., “Shadow Opinion: Headscarves at Work (Cases C‑804/18 and C‑341/19)”, EU Law Analysis, 23 ta’ Marzu 2021, disponibbli fuq: http://eulawanalysis.blogspot.com/2021/03/shadow-opinion-of-former-advocate.html, punti 104 u 272 et seq.

( 32 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Centraal Israëlitisch Consistorie van België et (C‑336/19, EU:C:2020:1031, punt 67).

( 33 ) Xenidis, R., ‘The polysemy of anti-discrimination law: the interpretation architecture of the framework employment directive at the Court of Justice’, Common Market Law Review, 58, 2021, p. 1659.

( 34 ) Sentenza WABE (punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 35 ) Ara wkoll is-sentenza G4S Secure Solutions (punt 34) u s-sentenza WABE (punt 74).

( 36 ) Id-diskriminazzjoni diretta bbażata fuq ir-reliġjon jew it-twemmin hija suġġetta għal reġim eżawrjenti ta’ ġustifikazzjonijiet, jiġifieri l-ordni pubbliku, is-sigurtà tas-saħħa u l-protezzjoni tad-drittijiet u libertajiet (Artikolu 2(5) tad-Direttiva 2000/78), ir-rekwiżiti tax-xogħol ġenwini u determinanti (Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/78), ir-rekwiżiti tax-xogħol relatati ma’ organizzazzjonijiet li l-etika tagħhom hija bbażata fuq reliġjon jew twemmin (Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2000/78) u l-azzjoni pożittiva (Artikolu 7 tad-Direttiva 2000/78). Min-naħa l-oħra, diskriminazzjoni indiretta hija essenzjalment suġġetta għal reġim ta’ ġustifikazzjoni mhux eżawrjenti li bis-saħħa tiegħu hija pprojbita biss diskriminazzjoni indiretta li ma hijiex oġġettivament iġġustifikata minn għan leġittimu u meta l-mezzi sabiex jintlaħaq dan l-għan ma jkunux xierqa u meħtieġa (Artikolu 2(2)(b)(i) tad-Direttiva 2000/78).

( 37 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Pitruzzela fil-kawża Szpital Kliniczny im. dra J. Babińskiego Samodzielny Publiczny Zakład Opieki Zdrowotnej Krakowie (C‑16/19, EU:C:2020:479, punt 82).

( 38 ) Sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2021, Szpital Kliniczny im. dra J. Babińskiego Samodzielny Publiczny Zakład Opieki Zdrowotnej w Krakowie (C‑16/19, EU:C:2021:64, punti 293035). Ara wkoll is-sentenza tat‑22 ta’ Jannar 2019, Cresco Investigation (C‑193/17, EU:C:2019:43, punt 47).

( 39 ) Ibid. (punt 35).

( 40 ) Xenidis, R., “The polysemy of anti-discrimination law: the interpretation architecture of the framework employment directive at the Court of Justice”, Common Market Law Review, Vol. 58, 2021, p. 1659.

( 41 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2021, Szpital Kliniczny im. dra J. Babińskiego Samodzielny Publiczny Zakład Opieki Zdrowotnej w Krakowie (C‑16/19, EU:C:2021:64, punt 57).

( 42 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek fil-kawża Cresco Investigation (C‑193/17, EU:C:2018:614, punti 5562).

( 43 ) Ara s-sentenzi G4S Secure Solutions (punt 30), u WABE (punt 52).

( 44 ) Sentenza WABE (punt 55).

( 45 ) Ara b’mod partikolari, is-sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2021, Szpital Kliniczny im. dra J. Babińskiego Samodzielny Publiczny Zakład Opieki Zdrowotnej w Krakowie (C‑16/19, EU:C:2021:64, punti 29 sa 32).

( 46 ) Sentenza WABE (punti 49 u 50).

( 47 ) Sentenza WABE (punt 51).

( 48 ) Sentenza WABE (punt 47).

( 49 ) Sentenza WABE (punt 52).

( 50 ) Sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2021, Szpital Kliniczny im. dra J. Babińskiego Samodzielny Publiczny Zakład Opieki Zdrowotnej w Krakowie (C‑16/19, EU:C:2021:64)

( 51 ) Sitwazzjoni li fiha persuna għandha tagħżel waħda minn żewġ alternattivi mhux favorevoli.

( 52 ) Sentenza WABE (punt 53). Enfasi miżjuda minni. Għandi nenfasizza li l-Qorti tal-Ġustizzja tuża dawn l-istess termini fis-sentenza.

( 53 ) Sentenza WABE (punt 73).

( 54 ) Ara s-sentenzi G4S Secure Solutions (punt 34), u WABE (punt 59).

( 55 ) Ara s-sentenza G4S Secure Solutions (punt 38).

( 56 ) Sentenza WABE (punt 84). F’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja tirreferi wkoll għad-dritt tal-ġenituri li jiżguraw l-edukazzjoni u t-tagħlim tat-tfal tagħhom b’mod konformi mal-konvinzjonijiet reliġjużi, filosofiċi u pedagoġiċi tagħhom kif irrikonoxxut fl-Artikolu 14(3) tal-Karta.

( 57 ) Ara l-punt 42 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 58 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza WABE (punt 65). Il-premessa li jiġi ttollerat ċertu livell ta’ preġudizzju, prinċipalment minħabba x-xewqat tal-konsumaturi, hija evidenti anki għall-Qorti tal-Ġustizzja, meta ssir referenza għall-possibbiltà li impjegata liebsa l-velu titqiegħed fil-back office ta’ impriża mingħajr kuntatt dirett mal-klijenti. Ara s-sentenzi G4S Secure Solutions (punt 42), u WABE (punt 69).

( 59 ) Sentenza WABE (punt 67).

( 60 ) Ara s-sentenza WABE (punt 46).

( 61 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tat‑12 ta’ Ottubru 2010, Ingeniørforeningen i Danmark (C‑499/08, EU:C:2010:600, punt 49).

( 62 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑1 ta’ April 2008, Maruko (C‑267/06, EU:C:2008:179, punt 73) u s-sentenza tal‑10 ta’ Mejju 2011, Römer (C‑147/08, EU:C:2011:286, punt 52). Ara wkoll, għal approċċ simili, is-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2008, Feryn (C‑54/07, EU:C:2008:397, punt 28), dwar il-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni bbażata fuq ir-razza fil-kuntest tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE tad‑29 ta’ Ġunju 2000 li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrespettivament mill-oriġini tar-razza jew l-etniċità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 20 Vol. 1, p. 23).

( 63 ) Sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2013, Hay (C‑267/12, EU:C:2013:823, punt 44).

( 64 ) Xenidis, R., “The polysemy of anti-discrimination law: the interpretation architecture of the framework employment directive at the Court of Justice”, Common Market Law Review, Vol. 58, 2021, p. 1653.

( 65 ) Ara, f’dan ir-rigward, Sharpston, E., op. cit., punt 269.

( 66 ) Dwar iċ-ċirkustanzi tat-tilwima fil-kawża prinċipali, ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 19 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 67 ) Ara, f’dan ir-rigward, l-Artikolu 5 tal-Liġi Ġenerali Anti-Diskriminazzjoni.

( 68 ) Ara wkoll l-Artikolu 3 tal-Liġi Ġenerali Anti-Diskriminazzjoni.

( 69 ) Moniteur belge, 31 ta’ Diċembru 2009, p. 82925.

( 70 ) Is-sentenza tal-kawża WABE, punt 47.