KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

PITRUZZELLA

ippreżentati fis‑17 ta’ Ġunju 2021 ( 1 )

Kawża C‑340/20

Bank Sepah

vs

Overseas Financial Limited,

Oaktree Finance Limited

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, Franza))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi kontra l-Iran – Regolament (KE) Nru 423/2007 – Iffriżar ta’ fondi ta’ persuni, entitajiet jew organi rrikonoxxuti mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea bħala li jipparteċipaw fil-proliferazzjoni nukleari – Kunċett ta’ ‘ffriżar ta’ fondi’ u ta’ ‘ffriżar ta’ riżorsi ekonomiċi’ – Possibbiltà li tiġi applikata miżura kawtelatorja fuq fondi u riżorsi ekonomiċi ffriżati – Dejn preċedenti għall-iffriżar ta’ fondi u mhux relatat mal-programm nukleari u ballistiku Iranjan”

I. Introduzzjoni

1.

Kreditur ta’ persuna jew entità suġġetta għal miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi implimentati fil-kuntest tal-politika esterna u ta’ sigurtà komuni tal-Unjoni Ewropea jista’, mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel tal-awtorità nazzjonali kompetenti, jieħu miżuri kawtelatorji li ma għandhomx effett ta’ ħruġ ta’ assi mill-patrimonju, intiżi li jiggarantixxu l-irkupru tal-krediti tiegħu, bħal garanzija ġudizzjarja jew sekwestru kawtelatorju, fuq l-assi ffriżati?

2.

Din il-kwistjoni mingħajr preċedent tqum fil-kuntest ta’ din il-kawża li tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(h) u (j) u tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament (KE) tal-Kunsill Nru 423/2007 tad‑19 ta’ April 2007 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran ( 2 ), kif ukoll tar-Regolamenti (UE) Nri 961/2010 ( 3 ) u 267/2012 ( 4 ) (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti suċċessivi”).

3.

Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tressqet mill-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, Franza) fil-kuntest ta’ kawża bejn Bank Sepah, bank Iranjan li l-assi tiegħu kienu s-suġġett ta’ miżura ta’ ffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi u żewġ kredituri ta’ dan il-bank, Overseas Financial Limited u Oaktree Finance Limited. Hija tagħti l-opportunità lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkjarifika ulterjorment il-portata tal-kunċetti ta’ “ffriżar ta’ fondi” u ta’ “ffriżar ta’ riżorsi ekonomiċi”.

II. Il-kuntest ġuridiku

4.

Fil-kuntest tal-miżuri adottati sabiex issir pressjoni fuq ir-Repubblika Iżlamika tal-Iran sabiex din tal-aħħar ittemm l-attivitajiet nukleari tagħha li joħolqu riskju ta’ proliferazzjoni u l-iżvilupp ta’ sistemi ta’ kunsinna ta’ armi nukleari, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea implimenta r-Riżoluzzjoni 1737 (2006) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (iktar ’il quddiem il-“Kunsill tas-Sigurtà”) tat‑23 ta’ Diċembru 2006, li kienet tipprevedi l-iffriżar tal-fondi u tar-riżorsi ekonomiċi tal-persuni u tal-entitajiet involuti fil-programm nukleari jew tal-missili ballistiċi Iranjan, billi adotta l-Pożizzjoni Komuni 2007/140/PESK tas‑27 ta’ Frar 2007 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran ( 5 ).

5.

L-Artikolu 5(1) ta’ din il-pożizzjoni komuni kien jipprevedi l-iffriżar tal-fondi u tar-riżorsi ekonomiċi li jappartjenu lill-persuni u entitajiet indikati fl-anness tar-Riżoluzzjoni 1737 (2006), jew indikati skont l-imsemmija riżoluzzjoni, kif ukoll il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li dawn il-persuni jew entitajiet għandhom, iżommu jew jikkontrollaw, direttament jew indirettament. L-imsemmija persuni u entitajiet kienu elenkati fl-Anness I tal-imsemmija pożizzjoni komuni.

6.

Il-lista li tinsab fl-anness tar-Riżoluzzjoni 1737 (2006) ġiet aġġornata permezz ta’ diversi riżoluzzjonijiet ulterjuri, b’mod partikolari permezz tar-Riżoluzzjoni 1747 (2007) tal-Kunsill tas-Sigurtà tal‑24 ta’ Marzu 2007. Wara din ir-riżoluzzjoni tal-aħħar, il-Kunsill adotta l-Pożizzjoni Komuni 2007/246/PESK ( 6 ).

7.

Fuq il-bażi tal-Pożizzjoni Komuni 2007/140/PESK, il-Kunsill adotta r-Regolament Nru 423/2007.

8.

L-Artikolu 1(h) u (j) ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament biss, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

(h)

‘iffriżar ta’ fondi’ tfisser il-prevenzjoni ta’ kwalunkwe moviment, trasferiment, alterazzjoni, użu ta’, aċċess għal, jew negozju b’fondi bi kwalunkwe mod li jirriżulta fi kwalunkwe bidla fil-volum, fl-ammont, fil-lok, fid-dritt tal-proprjetà, fil-pussess, fil-karattru, fid-destinazzjoni tagħhom jew f’bidla oħra li tippermetti l-użu tal-fondi, inkluża l-amministrazzjoni ta’ portfolio;

[…]

(j)

‘iffriżar ta’ riżorsi ekonomiċi’ tfisser il-prevenzjoni ta’ l-użu ta’ riżorsi ekonomiċi għall-akkwist ta’ fondi, oġġetti jew servizzi bi kwalunkwe mod, inklużi, iżda mhux limitata għalihom, il-bejgħ, il-kiri jew l-użu bħala garanzija [ipoteka] tagħhom;”

9.

L-Artikolu 7 tal-imsemmi regolament jipprovdi:

“1.   Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu, huma l-proprjetà ta’, huma miżmuma jew huma kkontrollati mill-persuni, entitajiet u korpi elenkati fl-Anness IV għandhom ikunu ffriżati. […]

[…]

3.   L-ebda fondi jew riżorsi ekonomiċi ma għandhom jintgħamlu disponibbli, direttament jew indirettament, lil jew għall-benefiċċju tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, l-entitajiet jew il-korpi elenkati fl-Annessi IV u V.

4.   Il-parteċipazzjoni, konxja u intenzjonata, f’attivitajiet li l-għan jew l-effett tagħhom hu, direttament jew indirettament, l-evażjoni tal-miżuri msemmija fil-paragrafi 1, 2 u 3 għandha tiġi pprojbita”.

10.

Skont l-Artikolu 8 tal-istess regolament:

“B’deroga mill-Artikolu 7, l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri, kif indikat fil-websites elenkati fl-Anness III, jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, jekk jiġu sodisfatti l-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi huma s-suġġett ta’ rahan ġuridiku, amministrattiv jew arbitrali stabbilit qabel id-data li fiha l-persuna, l-entità jew il-grupp imsemmi fl-Artikolu 7 ġie magħżul mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet, il-Kunsill ta’ Sigurtà jew mill-Kunsill jew minn sentenza ġuridika, amministrattiva jew arbitrali mogħtija qabel dik id-data.

[…]”

11.

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 441/2007 tal‑20 ta’ April 2007 li jemenda r-Regolament Nru 423/2007 ( 7 ) inkluda Bank Sepah fil-lista li tinsab fl-Anness IV tar-Regolament Nru 423/2007.

12.

Ir-Regolament Nru 423/2007 ġie sussegwentement issostitwit bir-Regolament Nru 961/2010, li ġie segwit mir-Regolament Nru 267/2012, li għadu fis-seħħ. L-Artikolu 1(h) u (i), u l-Artikoli 16 u 17 tar-Regolament 961/2010, kif ukoll l-Artikolu 1(j) u (k), u l-Artikoli 23 u 24 tar-Regolament Nru 267/2012, huma, essenzjalment, identiċi għall-Artikolu 1(h) u (j), kif ukoll l-Artikoli 7 u 8 tar-Regolament Nru 423/2007. Bank Sepah hija inkluża fil-lista tal-Anness VII tar-Regolament Nru 961/2010 u f’dik tal-Anness VIII tar-Regolament Nru 267/2012. Għal raġunijiet ta’ konċiżjoni, fil-kumplament tal-konklużjonijiet tiegħi, ser nirreferi biss għad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 423/2007, peress li l-istess kunsiderazzjonijiet legali japplikaw għad-dispożizzjonijiet korrispondenti tar-Regolamenti suċċessivi.

III. Il-fatti, il-proċedura fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

13.

Wara r-Riżoluzzjoni 1747 (2007) implimentata mill-Pożizzjoni Komuni 2007/246 u mir-Regolament Nru 441/2007, Bank Sepah ġiet inkluża fil-lista tal-entitajiet involuti fil-programm nukleari jew ta’ missili ballistiċi, li l-assi tagħhom kellhom jiġu ffriżati.

14.

Permezz ta’ sentenza tal-cour d’appel de Paris (il-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi, Franza) tas‑26 ta’ April 2007, Bank Sepah ġiet ikkundannata tħallas lil Overseas Financial u lil Oaktree Finance l-ekwivalenti f’euro tas-somma ta’ 2500000 dollari Amerikani (USD) (madwar EUR 2050000) u USD 1500000 (madwar EUR 1230000) rispettivament, flimkien mal-interessi bir-rata legali mid-data tas-sentenza.

15.

Wara li kisbu ħlas parzjali, fit‑2 ta’ Diċembru 2011, Overseas Financial u Oaktree Finance talbu lill-Ministru għall-Ekonomija jawtorizza, skont l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 423/2007, ir-rilaxx tas-somma li kienet għadha dovuta. Peress li ma kisbux risposta mingħand il-Ministru, Overseas Financial u Oaktree Finance ppreżentaw rikors għal annullament kontra ċ-ċaħda impliċita tat-talba tagħhom. It-Tribunal administratif de Paris (il-Qorti Amministrattiva ta’ Pariġi, Franza) ċaħdet dan ir-rikors minħabba li kull rilaxx skont l-Artikolu 8 tal-imsemmi regolament kellu jinkludi deċiżjoni mogħtija qabel it‑23 ta’ Diċembru 2006, id-data tal-adozzjoni tar-Riżoluzzjoni 1737 (2006), filwaqt li l-kundanna għall-ħlas mingħand Bank Sepah seħħet wara din id-data.

16.

Fid-dawl tal-fatt li, wara l-irtirar ta’ Bank Sepah mil-lista tal-entitajiet suġġetti għall-miżuri restrittivi, li seħħ fit‑23 ta’ Jannar 2016 ( 8 ), ebda awtorizzazzjoni amministrattiva ma kienet iktar meħtieġa sabiex jinkiseb il-ħlas dovut, fit‑21 ta’ Ottubru 2016, il-cour administrative d’appel de Paris (il-Qorti Amministrattiva tal-Appell ta’ Pariġi), li kienet ġiet adita b’appell, iddikjarat li ma kienx hemm lok li tingħata deċiżjoni fuq il-mertu ( 9 ).

17.

Fis‑17 ta’ Mejju 2016, Overseas Financial u Oaktree Finance pprovdew ordnijiet għall-ħlas kontra Bank Sepah imbagħad, peress li ma rċevew l-ebda ħlas, infurzaw, fil‑5 ta’ Lulju 2016, sekwestri ta’ flus u sekwestri ta’ ishma u ta’ titoli finanzjarji. Permezz ta’ sentenza tad‑9 ta’ Jannar 2017, il-qorti ta’ eżekuzzjoni vvalidat dawn is-sekwestri kif ukoll l-ammont tagħhom, inklużi l-interessi previsti mis-sentenza tal-cour d’appel de Paris (il-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi) tas‑26 ta’ April 2007. Filwaqt li appellat minn din id-deċiżjoni, Bank Sepah sostniet li hija ma setgħetx tinżamm responsabbli għall-ħlas tal-interessi, billi qieset li tqiegħdet fl-impossibbiltà li tħallas id-dejn tagħha b’każ ta’ forza maġġuri li jirriżulta mill-iffriżar tal-assi tagħha bir-Regolament Nru 423/2007, li konsegwentement wassal għas-sospensjoni tal-interessi.

18.

Permezz ta’ sentenza tat‑8 ta’ Marzu 2018, il-cour d’appel de Paris (il-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi, Franza), minn naħa, ċaħdet l-appell ta’ Bank Sepah u, min-naħa l-oħra, irrilevat li, minflok, terminu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin kien japplika għaċ-ċirkustanzi inkwistjoni. Fil-fatt, skont di il-qorti tal-appell, xejn ma pprojbixxa lil Overseas Financial u Oaktree Finance milli jieħdu miżuri ta’ eżekuzzjoni kawtelatorji, li setgħu jinterrompu l-preskrizzjoni. Peress li tali miżuri ma kinux ġew adottati qabel l-ordnijiet ta’ ħlas tas‑17 ta’ Mejju 2016, l-imsemmija qorti tal-appell iddeċidiet li l-interessi li Overseas Financial u Oaktree Finance setgħu jitolbu kellhom, konsegwentement, ikunu limitati għal dawk miżjuda mis‑17 ta’ Mejju 2011, jiġifieri ħames snin qabel l-imsemmija ordnijiet.

19.

Kemm Bank Sepah kif ukoll Overseas Financial u Oaktree Finance appellaw fil-kassazzjoni quddiem il-qorti tar-rinviju. B’mod partikolari, Overseas Financial u Oaktree Finance jikkontestaw il-parti tas-sentenza tal-appell li tikkonċerna l-preskrizzjoni ta’ ħames snin fir-rigward tal-interessi.

20.

Fir-rigward ta’ din il-kwistjoni, il-qorti tar-rinviju tqis li s-soluzzjoni tal-kawża prinċipali tiddependi fuq jekk Overseas Financial u Oaktree Finance setgħux jinterrompu l-preskrizzjoni billi japplikaw miżura kawtelatorja jew miżura ta’ eżekuzzjoni forzata fuq l-assi ffriżati ta’ Bank Sepah.

21.

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tirrileva li la r-Regolament Nru 423/2007 u lanqas ir-Regolamenti suċċessivi ma jinkludu ebda dispożizzjoni li tipprojbixxi espressament lil kreditur milli jieħu miżura kawtelatorja jew miżuri ta’ eżekuzzjoni forzata fuq il-beni ffriżati tad-debitur tiegħu u li, fid-dawl tad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “ffriżar ta’ fondi” li jinsab f’dawn ir-regolamenti, ma jistax jiġi eskluż li miżuri li ma jaqgħu taħt l-ebda waħda mill-projbizzjonijiet previsti fl-imsemmija regolamenti jiġu implimentati fuq assi ffriżati. Skont l-imsemmija qorti, tqum il-kwistjoni dwar jekk miżuri kawtelatorji li ma għandhomx effett ta’ ħruġ ta’ assi mill-patrimonju, bħas-sekwestri kawtelatorji u l-garanziji ġudizzjarji previsti mill-code des procédure civiles d’exécution français (il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili ta’ Eżekuzzjoni Franċiż, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili ta’ Eżekuzzjoni”) ( 10 ), jistgħux jittieħdu fuq assi ffriżati mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel.

22.

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, l-ewwel nett, dwar jekk, minkejja l-assenza ta’ effett ta’ ħruġ ta’ assi mill-patrimonju, is-sekwestri kawtelatorji u l-garanziji ġudizzjarji għandhomx bħala konsegwenza bidla tad-“destinazzjoni” tal-fondi li huma s-suġġett tagħha fis-sens tad-definizzjoni ta’ ffriżar ta’ fondi li tinsab fir-Regolament Nru 423/2007 u fir-Regolamenti suċċessivi u, b’mod iktar ġenerali, jekk dawn jistgħux jippermettu “użu” ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi li huma s-suġġett ta’ dan l-iffriżar, fis-sens tal-imsemmija regolamenti.

23.

Il-qorti tar-rinviju tirrileva li dawn il-miżuri, billi jiżguraw lil dak li jimplimentahom li jitħallas bi prijorità, ladarba l-iffriżar jitneħħa, permezz ta’ beni, drittijiet u krediti ipotekati, mirhuna jew maqbuda b’mod kawtelatorju, jistgħu fil-fatt jitqiesu li huma ta’ natura li jinċentivaw lil operatur ekonomiku jidħol f’kuntratt mal-persuna jew mal-entità li l-assi tagħha jkunu ffriżati, li jkun ekwivalenti għall-użu minn din tal-aħħar tal-valur ekonomiku tal-assi tagħha kklassifikati bħala fondi, jew għall-kisba, permezz tal-valur ekonomiku tal-assi tagħha, ikklassifikati bħala riżorsi ekonomiċi, fondi, beni jew servizzi.

24.

It-tieni nett, il-qorti tar-rinviju tosserva li tali riskju jidher madankollu ineżistenti fil-każ ineżami, fejn il-kumpanniji Overseas Financial u Oaktree Finance qegħdin jippruvaw jirkupraw dejn li, filwaqt li ġie kkostitwit minn deċiżjoni ġudizzjarja sussegwenti għall-iffriżar tal-assi ta’ Bank Sepah, huwa bbażat fuq kawża kemm barranija għall-programm nukleari u ballistiku Iranjan kif ukoll qabel l-istabbiliment ta’ dan l-iffriżar. Għalhekk, skont l-imsemmija qorti, tqum il-kwistjoni dwar jekk il-possibbiltà li tittieħed, mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel, miżura fuq assi ffriżati għandhiex tiġi evalwata biss fuq il-bażi tan-natura tal-miżura kkonċernata, mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi speċifiċi tal-każ, jew jekk, għall-kuntrarju, dawn il-karatteristiċi speċifiċi jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni.

25.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, Franza) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu (1)(h) u (j) u l-Artikolu 7(1) tar-Regolament [Nru 423/2007], l-Artikolu 1(i) u (h) u l-Artikolu 16(1) tar-Regolament [961/2010] kif ukoll l-Artikolu (1)(k) u (j) u l-Artikolu 23(1) tar-Regolament [Nru 267/2012] għandhom jiġu interpretati fis-sens li, mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel mingħand l-awtorità nazzjonali kompetenti, jipprekludu li tiġi implimentata fir-rigward ta’ assi ffriżati, miżura li ma għandhiex effett ta’ ħruġ ta’ assi mill-patrimonju, bħal garanzija ġudizzjarja jew sekwestru kawtelatorju, li huma previsti mill-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili Franċiż ta’ Eżekuzzjoni?

2)

Il-fatt li l-bażi tad-dejn li għandu jiġi rkuprat mingħand il-persuna jew l-entità li l-assi tagħha huma ffriżati ma huwiex relatat mal-programm nukleari u ballistiku Iranjan u huwa preċedenti għar-[Riżoluzzjoni 1737 (2006)] tat-23 ta’ Diċembru 2006 huwa rilevanti sabiex tingħata risposta għall-ewwel domanda?”

IV. Analiżi ġuridika

A.   Fuq l-ewwel domanda preliminari

26.

Permezz tal-ewwel domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-kunċetti ta’ “ffriżar ta’ fondi” u ta’ “ffriżar ta’ riżorsi ekonomiċi”, kif previsti fir-Regolament Nru 423/2007 u fir-Regolamenti suċċessivi, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li fuq assi ffriżati tittieħed miżura li ma għandhiex effett ta’ ħruġ ta’ assi mill-patrimonju, bħal garanzija ġudizzjarja jew sekwestru kawtelatorju fid-dritt Franċiż, mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel tal-awtorità nazzjonali kompetenti.

27.

Il-partijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja għandhom pożizzjonijiet differenti fir-rigward tar-risposta li għandha tingħata għal din id-domanda. Minn naħa, il-Gvern Franċiż kif ukoll Overseas Financial u Oaktree Finance jsostnu li awtorizzazzjoni tal-awtorità kompetenti hija meħtieġa qabel ma tkun tista’ tittieħed, fuq assi ffriżati, miżura kawtelatorja bħal dik imsemmija mill-qorti tar-rinviju. Min-naħa l-oħra, Bank Sepah tikkunsidra li tali miżuri kawtelatorji jistgħu jittieħdu fuq assi ffriżati mingħajr ebda awtorizzazzjoni minn qabel min-naħa tal-awtorità kompetenti. Il-Kummissjoni Ewropea, min-naħa tagħha, tqis li awtorizzazzjoni minn qabel tal-awtorità kompetenti ma hijiex meħtieġa sabiex ikunu jistgħu jittieħdu miżuri kawtelatorji bħal dawk imsemmija mill-qorti tar-rinviju fuq assi ffriżati, iżda li l-parti li jkollha l-intenzjoni li tieħu tali miżuri tkun obbligata tinforma lil din l-awtorità minn qabel u b’mod sistematiku.

28.

Ir-risposta għall-ewwel domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju tippreżupponi li jiġu interpretati, sabiex tiġi ddeterminata l-portata tagħhom, il-kunċetti ta’ “ffriżar ta’ fondi” u ta’ “ffriżar ta’ riżorsi ekonomiċi” kif iddefiniti fl-Artikolu 1(h) u (j) tar-Regolament Nru 423/2007 u fid-dispożizzjonijiet korrispondenti tar-Regolamenti suċċessivi. L-interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet għandha l-għan li tivverifika jekk miżuri kawtelatorji li ma għandhomx effett ta’ ħruġ ta’ assi mill-patrimonju, bħal dawk imsemmija mill-qorti tar-rinviju, jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn il-kunċetti.

29.

F’dan ir-rigward, infakkar li skont ġurisprudenza stabbilita, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, hemm lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet li jridu jintlaħqu mil-leġiżlazzjoni li tifforma parti minnha u, jekk ikun il-każ, l-oriġini tagħha ( 11 ).

30.

F’dak li jirrigwarda l-interpretazzjoni letterali tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni, għandu jiġi osservat li, hekk kif irrilevat il-qorti tar-rinviju, la r-Regolament Nru 423/2007 u lanqas ir-Regolamenti suċċessivi ma jinkludu projbizzjoni espressa li jittieħdu miżuri kawtelatorji fuq fondi jew riżorsi ffriżati. F’dawn ir-regolamenti, madankollu, il-kunċetti ta’ “ffriżar ta’ fondi” u ta’ “ffriżar ta’ riżorsi ekonomiċi” huma ddefiniti b’mod partikolarment wiesa’, b’mod li jiffriżaw kemm jista’ jkun l-assi tal-persuni elenkati fid-data tal-għażla tagħhom.

31.

Għaldaqstant, għal dak li jikkonċerna, l-ewwel nett, il-kunċett ta’ “ffriżar ta’ fondi” dan ifisser il-prevenzjoni ta’ “kwalunkwe moviment, trasferiment, alterazzjoni, użu ta’, aċċess għal, jew negozju b’fondi bi kwalunkwe mod li jirriżulta fi kwalunkwe bidla fil-volum, fl-ammont, fil-lok, fid-dritt tal-proprjetà, fil-pussess, fil-karattru, fid-destinazzjoni tagħhom jew f’bidla oħra li tippermetti l-użu tal-fondi, inkluża l-amministrazzjoni ta’ portfolio”.

32.

Minn din id-definizzjoni jirriżulta espliċitament li l-iffriżar ta’ fondi ma jipprekludix biss il-miżuri li jistgħu jbiddlu l-portata tal-patrimonju tal-persuni u entitajiet issanzjonati, iżda jipprekludi wkoll tranżazzjonijiet fuq dawn il-fondi li jibdlu esklużivament in-natura jew id-destinazzjoni tagħhom. B’hekk jidher li din id-definizzjoni tinkludi fil-kunċett ta’ “ffriżar ta’ fondi” miżuri li ma għandhomx effett ta’ ħruġ ta’ assi mill-patrimonju peress li la jippreżupponu bidla fil-proprjetà u lanqas bidla fil-pussess tal-fondi kkonċernati.

33.

Fir-rigward tal-mezzi previsti sabiex jiġu evitati dawn il-miżuri, dawn huma ddefiniti b’mod estensiv, u jinkludu “kwalunkwe moviment, trasferiment, alterazzjoni, użu ta’, aċċess għal, jew negozju” tal-fondi. L-użu tal-pronom indefinit “kwalunkwe” huwa, fil-fehma tiegħi, indizju tal-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jikkaratterizza b’mod wiesa’ ħafna d-definizzjoni tal-kunċett ta’ “ffriżar ta’ fondi”.

34.

Minn dan isegwi li d-definizzjoni tal-kunċett ta’ ffriżar tal-fondi hija fformulata b’tali mod li tinkludi kull użu ta’ fondi li għandu bħala konsegwenza, fost l-oħrajn, li jibdel id-destinazzjoni ta’ dawn il-fondi, jiġifieri l-allokazzjoni tagħhom, l-użu jew l-għan tagħhom, mingħajr madankollu ma jittrasferixxi l-proprjetà jew anki l-pussess ta’ dawn l-istess fondi. Għalhekk hija tirrigwarda wkoll miżuri ta’ użu ta’ fondi li ma għandhomx effett ta’ ħruġ ta’ assi mill-patrimonju.

35.

Għal dak li jirrigwarda, sussegwentement, il-kunċett ta’ “ffriżar tar-riżorsi ekonomiċi”, dan huwa ddefinit, fl-Artikolu 1(j) tar-Regolament Nru 423/2007 u fid-dispożizzjonijiet korrispondenti tar-Regolamenti suċċessivi, bħala “il-prevenzjoni ta’ l-użu ta’ riżorsi ekonomiċi għall-akkwist ta’ fondi, oġġetti jew servizzi bi kwalunkwe mod, inklużi, iżda mhux limitata għalihom, il-bejgħ, il-kiri jew l-użu bħala garanzija [ipoteka] tagħhom”.

36.

Mill-kliem stess ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jiddefinixxi wkoll il-kunċett ta’ “ffriżar ta’ riżorsi ekonomiċi” b’mod pjuttost wiesa’, li jirriżulta mill-użu tal-kliem (fil-verżjoni Franċiża) “kwalunkwe azzjoni” u “bi kwalunkwe mod”.

37.

Barra minn hekk, din id-definizzjoni tinkludi lista — ipprovduta espressament bħala eżempju u b’hekk miftuħa — ta’ miżuri li ma jistgħux jiġu implimentati fuq riżorsi ekonomiċi; mid-dispożizzjoni inkwistjoni jirriżulta b’mod espliċitu li l-“użu bħala garanzija [ipoteka]” huwa wieħed minn dawn il-miżuri. Issa, kif irrilevaw il-Gvern Franċiż kif ukoll Overseas Financial u Oaktree Finance, l-użu bħala ipoteka jikkostitwixxi — fid-dritt Franċiż iżda wkoll fid-dritt ta’ Stati Membri oħra ( 12 ) — sigurtà immobiljari, ta’ natura legali, kuntrattwali jew ġudizzjarja, li tagħti lill-kreditur li jibbenefika minnha dritt ta’ preferenza flimkien ma’ ius persequendi, iżda li ma jinvolvi ebda trasferiment tal-proprjetà jew tal-pussess tal-proprjetà kkonċernata. Għalhekk, din hija miżura li ma għandhiex effett ta’ ħruġ ta’ assi mill-patrimonju.

38.

Mill-analiżi letterali tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni jirriżulta li dawn jiddefinixxu l-kunċetti ta’ “ffriżar ta’ fondi” u ta’ “ffriżar ta’ riżorsi ekonomiċi” b’mod pjuttost wiesa’ sabiex f’dawn il-kunċetti tiġi inkluża l-iktar firxa wiesgħa possibbli ta’ tranżazzjonijiet ekonomiċi fuq il-fondi u fuq ir-riżorsi ekonomiċi li jkunu s-suġġett tal-iffriżar. Barra minn hekk, id-definizzjonijiet ta’ dawn il-kunċetti li jinsabu fl-imsemmija dispożizzjonijiet jirreferu espliċitament għal miżuri li ma għandhomx effett ta’ ħruġ ta’ assi mill-patrimonju.

39.

Il-ħtieġa ta’ interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċetti ta’ “ffriżar ta’ fondi” u ta’ “ffriżar tar-riżorsi ekonomiċi”, li ma teskludix mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom miżuri meħuda fuq il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi ffriżati li ma għandhomx effett ta’ ħruġ ta’ assi mill-patrimonju, hija, barra minn hekk, ikkonfermata mill-analiżi kuntestwali u mill-għanijiet imfittxija mir-Regolament Nru 423/2007 u mir-Regolamenti suċċessivi.

40.

Fil-fatt, minn perspettiva kuntestwali, tali interpretazzjoni wiesgħa hija koerenti mal-portata wiesgħa tal-formulazzjoni tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 423/2007 u tad-dispożizzjonijiet korrispondenti tar-Regolamenti suċċessivi li huma intiżi sabiex jiffriżaw il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha tal-persuni u entitajiet ikkonċernati.

41.

Din hija wkoll koerenti mal-portata wiesgħa mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja għall-kunċetti, minn naħa, ta’ “fondi u riżorsi ekonomiċi” ( 13 ) u, min-naħa l-oħra, ta’ “tqegħid għad-dispożizzjoni” ( 14 ), fil-ġurisprudenza tagħha dwar l-implimentazzjoni tal-miżuri restrittivi adottati fir-rigward tal-persuni ġuridiċi u fiżiċi kkonċernati mill-miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi.

42.

Għalhekk, għal dak li jikkonċerna l-kunċett ta’ “fondi u riżorsi ekonomiċi”, mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li dan il-kunċett għandu tifsira wiesgħa, li tkopri l-assi ta’ kull tip akkwistat bi kwalunkwe mezz ( 15 ).

43.

Fir-rigward tal-espressjoni “tqegħid għad-dispożizzjoni”, mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li din għandha wkoll tifsira wiesgħa, li tinkludi kull att li t-twettiq tiegħu huwa neċessarju sabiex persuna, grupp jew entità ssuġġettati għal miżura ta’ ffriżar ta’ fondi jew riżorsi ekonomiċi, tikseb effettivament is-setgħa li tiddisponi bis-sħiħ mill-fondi, assi finanzjarji oħra jew riżorsi ekonomiċi kkonċernati ( 16 ).

44.

Barra minn hekk, l-interpretazzjoni wiesgħa msemmija fil-punt 39 iktar ’il fuq issir neċessarja fid-dawl tar-rekwiżit li tiġi evitata kull evażjoni spjegata fl-Artikolu 7(4) tar-Regolament Nru 423/2007 ( 17 ).

45.

Minn perspettiva teleoloġika, l-interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċetti ta’ “ffriżar ta’ fondi” u ta’ “ffriżar tar-riżorsi ekonomiċi”, imsemmija fil-punt 39 iktar ’il fuq, hija koerenti mal-għanijiet tar-regolamenti li jimplimentaw miżuri restrittivi ta’ ffriżar ta’ assi u, speċifikament, mal-għan li jrid jintlaħaq mir-Regolament Nru 423/2007 u mir-Regolamenti suċċessivi, fil-kuntest tal-miżuri restrittivi adottati kontra l-Iran.

46.

Fil-fatt, minn naħa, b’mod ġenerali, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li l-għan tas-sistemi ta’ ffriżar ta’ assi ta’ persuni jew entitajiet issuspettati li huma involuti f’attivitajiet koperti mill-imsemmija sistemi huwa li jipprevjeni li dawn il-persuni jkollhom aċċess għal riżorsi ekonomiċi jew finanzjarji, irrispettivament min-natura tagħhom, li huma jkunu jistgħu jużaw sabiex isostnu dawn l-attivitajiet ( 18 ). Minn din il-perspettiva, il-miżuri restrittivi għandhom ikunu ppreveduti b’tali mod li jkollhom l-ikbar impatt fuq dawk il-persuni li l-aġir tagħhom irid jiġi influwenzat ( 19 ).

47.

Min-naħa l-oħra, għal dak li jikkonċerna speċifikament l-għanijiet tar-Regolament Nru 423/2007 u tar-Regolamenti suċċessivi, għandu jiġi rrilevat li dawn jiżguraw l-implimentazzjoni tal-Pożizzjoni Komuni 2007/140, adottata sabiex jintlaħqu fl-Unjoni Ewropea l-għanijiet tar-Riżoluzzjoni 1737 (2006), u huma intiżi sabiex jimplimentaw din tal-aħħar ( 20 ).

48.

Issa, kemm mill-kliem tar-Riżoluzzjoni 1737 (2006), kif ukoll mill-Pożizzjoni Komuni 2007/140 ( 21 ), jirriżulta b’mod ċar li l-miżuri restrittivi adottati kontra r-Repubblika Iżlamika tal-Iran għandhom għan preventiv fis-sens li huma intiżi li jipprevjenu l-iżvilupp tal-proliferazzjoni nukleari billi jagħmlu pressjoni fuq l-imsemmi pajjiż sabiex itemm l-attivitajiet tiegħu b’riskju ta’ proliferazzjoni nukleari ( 22 ).

49.

Il-miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi huma intiżi sabiex jevitaw li l-assi kkonċernati minn miżura ta’ ffriżar ikunu jistgħu jintużaw sabiex jinkisbu fondi, beni jew servizzi li jistgħu jikkontribwixxu għall-proliferazzjoni nukleari fl-Iran, li kontriha huma intiżi li jiġġieldu r-Riżoluzzjoni 1737 (2006), il-Pożizzjoni Komuni 2007/140 u r-Regolament Nru 423/2007 ( 23 ).

50.

Sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet, mhux biss huwa leġittimu, iżda wkoll indispensabbli li d-definizzjoni tal-kunċetti ta’ “ffriżar ta’ fondi” u ta’ “ffriżar ta’ riżorsi ekonomiċi” jingħataw interpretazzjoni wiesgħa għaliex għandu jiġi prekluż kull użu tal-assi ffriżati li jippermetti li jiġu evitati r-regolamenti inkwistjoni u li jiġu sfruttati n-nuqqasijiet tas-sistema ( 24 ).

51.

Għaldaqstant, kemm il-fatt li jrid jintlaħaq l-għan imfittex mir-Regolament Nru 423/2007 u mir-Regolamenti suċċessivi, kif ukoll il-ħtieġa li jiġi żgurat l-effett utli ta’ dawn ir-regolamenti fil-ġlieda kontra l-proliferazzjoni nukleari fl-Iran jargumentaw favur interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċetti ta’ “ffriżar ta’ fondi” u ta’ “ffriżar ta’ riżorsi ekonomiċi” li ma jeskludux mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom miżuri kawtelatorji li ma għandhomx effett ta’ ħruġ ta’ assi mill-patrimonju ( 25 ). A contrario, interpetazzjoni restrittiva tal-kunċetti ta’ “ffriżar ta’ fondi” u ta’ “ffriżar ta’ riżorsi ekonomiċi”, li jippermettu l-implimentazzjoni, mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel, ta’ tali miżuri kawtelatorji li ma għandhomx effett ta’ ħruġ ta’ assi mill-patrimonju, tirriskja li tippreġudika l-effettività tal-miżuri restrittivi tal-iffriżat, kif ukoll tal-effett utli tagħhom.

52.

Fil-każ ineżami, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tistabbilixxi, in concreto, jekk il-miżuri koperti minnha, jiġifieri l-garanzija ġudizzjarja u s-sekwestru kawtelatorju kif previsti mid-dritt nazzjonali, jaqgħux taħt il-miżuri kawtelatorji li ma għandhomx effett ta’ ħruġ ta’ assi mill-patrimonju li huma inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-kunċetti ta’ “ffriżar ta’ fondi” u ta’ “ffriżar ta’ riżorsi ekonomiċi” b’mod li ma jistgħux jittieħdu mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel tal-awtorità nazzjonali kompetenti.

53.

F’dan ir-rigward, madankollu, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, fil-kuntest tal-kooperazzjoni ġudizzjarja stabbilita mill-Artikolu 267 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, abbażi tal-elementi fil-proċess, tagħti lill-qorti nazzjonali l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tista’ tkun utli għaliha fl-evalwazzjoni tal-effetti ta’ dispożizzjoni jew oħra tad-dritt tal-Unjoni ( 26 ). F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-osservazzjonijiet li ġejjin jidhruli li huma rilevanti.

54.

Fl-ewwel lok, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-fatt li l-miżuri kawtelatorji li huma s-suġġett ta’ din id-domanda preliminari ma għandhomx effett ta’ ħruġ ta’ assi mill-patrimonju ma jipprekludix l-applikazzjoni tal-kunċetti ta’ “ffriżar ta’ fondi” u ta’ “ffriżar ta’ riżorsi ekonomiċi” fosthom fir-Regolament Nru 423/2007.

55.

Fit-tieni lok, mill-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju jidher li jirriżulta li l-miżuri kawtelatorji inkwistjoni jagħtu lok għal bidla fid-destinazzjoni tal-fondi li fuqhom jittieħdu l-miżuri kawtelatorji.

56.

Fil-fatt, minn naħa, hekk kif irrilevat l-imsemmija qorti, fid-dritt Franċiż is-sekwestri kawtelatorji jinkludu l-użu speċjali tal-beni ssekwestrati u d-dritt li wieħed jitħallas b’mod preferenzjali fir-rigward tal-kredituri l-oħra fuq beni mobbli jew grupp ta’ beni mobbli tanġibbli, preżenti jew futuri. Issa, ikkonċepita b’dan il-mod, din il-miżura kawtelatorja tidher li tiffriża d-destinazzjoni tal-beni ssekwestrati.

57.

Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-garanzija ġudizzjarja, l-istess bħas-sekwestru kawtelatorju, għandha l-effett li, fil-każ ta’ trasferiment tal-beni u drittijiet li fuqhom hija tkun ikkostitwita, id-dejn ta’ min ikun għamel tali garanzija għandu jitħallas bi prijorità permezz tal-prezz tat-trasferiment.

58.

Għalhekk, jista’ jitqies li, peress li l-assi li huma s-suġġett ta’ garanzija ġudizzjarja huma suġġetti għal dritt ta’ preferenza, dawn huma allokati għall-ħlas tal-kreditu ggarantit. Konsegwentement, jidher li l-garanzija ġudizzjarja twassal ukoll għal bidla fid-destinazzjoni tal-fondi ffriżati.

59.

Fit-tielet lok, peress li s-sekwestru kawtelatorju u l-garanziji ġudizzjarji li jirrigwardaw assi ffriżati jippermettu lill-kreditur jiżgura ruħu li ser jikseb il-ħlas hekk kif il-kundizzjonijiet ta’ rilaxx ta’ dawn il-fondi jew riżorsi ekonomiċi jiġu ssodisfatti, l-imsemmija miżuri jidhru wkoll li huma tali li jikkostitwixxu użu tal-assi li fuqhom huma jistgħu jiġu kkostitwiti.

60.

Fil-fatt, peress li dawn il-miżuri jiggarantixxu lill-persuna li timplimentahom li titħallas bi prijorità ladarba l-assi jiġu lliberati, operatur ekonomiku jista’ jiddeċiedi li jikkuntratta mal-persuna jew l-entità li l-assi tagħha jkunu ffriżati billi jikkunsidra li l-possibbiltà li jipproċedi għal miżuri kawtelatorji tikkostitwixxi, sa ċertu punt, garanzija fir-rigward tal-ħlas tal-kuntratt konkluż mal-imsemmija persuna jew entità.

61.

Għalhekk, tali miżuri kawtelatorji jidhru li huma ta’ natura li jippermettu lill-persuna jew entità ssanzjonata tuża l-valur ekonomiku tal-assi ffriżati tagħha, li jista’ jitqies bħala użu tal-fondi ffriżati tagħha, jew użu tar-riżorsi ekonomiċi ffriżati tagħha sabiex jinkisbu fondi, oġġetti jew servizzi.

62.

Fir-raba’ lok, għandu jiġi rrilevat li l-garanziji ġudizzjarji għandhom effetti simili ħafna għal dawk ta’ ipoteka, inkwantu minkejja l-fatt li ma għandhomx effett ta’ ħruġ ta’ assi mill-patrimonju, joffru lill-kreditur id-dritt li jitħallas bi prijorità fuq il-prezz tal-bejgħ. Issa, kif ġie rrilevat fil-punt 37 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-Artikolu 1(j) tar-Regolament Nru 423/2007 u d-dispożizzjonijiet korrispondenti tar-Regolamenti suċċessivi jsemmu l-użu bħala ipoteka ta’ riżorsa ekonomika bħala waħda mill-azzjonijiet espressament ipprojbiti mill-iffriżar tal-imsemmija riżorsi.

63.

Bħala konklużjoni, mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li, fil-fehma tiegħi, ir-risposta għall-ewwel domanda preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju għandha tkun fis-sens li l-Artikolu 1(h) u (j) u l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 423/2007, l-Artikolu 1(i) u (h) u l-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 961/2010, kif ukoll l-Artikolu 1(k) u (j) u l-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 267/2012, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li fuq assi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, jittieħdu miżuri kawtelatorji li ma għandhomx effett ta’ ħruġ ta’ assi mill-patrimonju, mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel tal-awtorità nazzjonali. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tistabbilixxi, in concreto, jekk il-garanzija ġudizzjarja u s-sekwestru kawtelatorju kif previsti mid-dritt nazzjonali jaqgħux taħt il-miżuri kawtelatorji li ma għandhomx effett ta’ ħruġ ta’ assi mill-patrimonju li għalihom hija meħtieġa awtorizzazzjoni minn qabel tal-awtorità nazzjonali kompetenti.

B.   Fuq it-tieni domanda preliminari

64.

Permezz tat-tieni domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-fatt li l-kawża tad-dejn li għandu jiġi rkuprat mingħand il-persuna jew l-entità li l-assi tagħha huma ffriżati ma hijiex relatata mal-programm nukleari u ballistiku Iranjan u hija preċedenti għar-Riżoluzzjoni 1737 (2006) huwiex rilevanti sabiex tingħata risposta għall-ewwel domanda?

65.

Il-qorti tar-rinviju tirrileva, fil-fatt, li għalkemm il-kawża tad-dejn inkwistjoni hija kkostitwita minn deċiżjoni ġudizzjarja sussegwenti għall-iffriżar tal-assi tal-Bank Sepah, din ma hijiex relatata mal-programm nukleari u ballistiku Iranjan u hija preċedenti għall-istabbiliment ta’ dan l-iffriżar.

66.

F’dan ir-rigward, hemm lok, qabelxejn, li jiġi rrilevat li la l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 423/2007, u lanqas id-dispożizzjonijiet korrispondenti tar-Regolamenti suċċessivi, ma jistabbilixxu distinzjoni, fil-każ ta’ ffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi, skont il-kawża tal-użu tal-assi ffriżati mill-persuna kkonċernata, u, b’mod partikolari, skont il-kawża tad-dejn li għandu jiġi rkuprat mingħand il-persuna suġġetta għal dawn il-miżuri restrittivi.

67.

Sussegwentement, id-definizzjonijiet tal-kunċetti ta’ “ffriżar ta’ fondi” u ta’ “ffriżar ta’ riżorsi ekonomiċi” li jinsabu fl-Artikolu 1(h) u (j) tar-Regolament Nru 423/2007 u tad-dispożizzjonijiet korrispondenti tar-Regolamenti suċċessivi, lanqas ma jagħmlu distinzjoni skont il-kawża ta’ dan id-dejn.

68.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-possibbiltà li tiġi implimentata miżura fuq assi ffriżati, bħal miżura kawtelatorja, għandha, fl-opinjoni tiegħi, tiġi evalwata biss skont l-effetti legali li toħloq din il-miżura, analizzati fid-dawl tat-test tar-regolamenti rilevanti. Hija ma tistax, min-naħa l-oħra, tiġi evalwata skont il-karatteristiċi speċifiċi tad-dejn li l-imsemmija miżura hija intiża li tipproteġi.

69.

Għalhekk, ir-risposta għall-ewwel domanda preliminari li esponejt fil-punti 26 sa 63 ta’ dawn il-konklużjonijiet tirriżulta min-natura u mill-effetti tal-iffriżar tal-fondi u tar-riżorsi ekonomiċi, minn naħa, u mill-miżuri kawtelatorji previsti, min-naħa l-oħra, mingħajr ma l-karatteristiċi jew in-natura tad-dejn inkwistjoni kienu rilevanti fl-analiżi.

70.

Barra minn hekk, kif ġustament irrileva l-Gvern Franċiż fl-osservazzjonijiet tagħha, jekk il-miżura prevista ma tiġix evalwata għall-effetti legali li hija tagħti, iżda fid-dawl tan-natura jew tal-karatteristiċi speċifiċi tad-dejn li l-imsemmija miżura hija intiża li tipproteġi, tirriskja li tkun sors ta’ inċertezza kbira għall-atturi ekonomiċi u għall-awtoritajiet ta’ kontroll.

71.

Fil-fatt, l-istabbilimenti depożitarji tal-kontijiet tal-persuni u tal-entitajiet koperti minn miżura ta’ ffriżar jistgħu jsibu ruħhom fl-impossibbiltà li jiddeterminaw jekk il-miżura kawtelatorja indirizzata lilhom hijiex permessa, peress li din l-evalwazzjoni tiddependi min-natura tad-dejn li l-miżura hija intiża li tipproteġi u r-relazzjonijiet bejn il-persuna li tagħmel it-talba u l-persuna kkonċernata mill-iffriżar tal-assi. Tali sitwazzjoni ta’ inċertezza tista’ tqajjem tilwima ta’ portata sinjifikattiva quddiem il-qrati nazzjonali.

72.

Barra minn hekk, ir-Regolament Nru 423/2007 u r-Regolamenti suċċessivi pprevedew u ddettaljaw il-kundizzjonijiet limitattivi li fihom ċerti miżuri li l-effett tagħhom imur kontra l-iffriżar tal-assi — bħall-miżuri kawtelatorji — jistgħu jiġu awtorizzati mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti.

73.

L-Artikoli 8 et seq. tar-Regolament Nru 423/2007 u d-dispożizzjonijiet korrispondenti tar-Regolamenti suċċessivi jikkostitwixxu għalhekk l-uniċi bażijiet legali li jippermettu li jiġi awtorizzat tali rilaxx. Id-derogi li huma elenkati b’mod ċar għandhom jiġu interpretati b’mod strett, fis-sens li persuna li ma taqa’ taħt l-ebda waħda mill-kundizzjonijiet previsti minn dawn id-dispożizzjonijiet ma tistax titlob li jittieħdu miżuri li jiksru d-dispożizzjonijiet fil-qasam tal-iffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi.

74.

Issa, il-fatt li l-kawża tad-dejn li għandu jiġi rkuprat ma hijiex relatata mal-programm nukleari u ballistiku Iranjan u hija preċedenti għar-Riżoluzzjoni 1737 (2006) manifestament ma hijiex inkluża fost dawk li jiġġustifikaw deroga mis-sistema ta’ ffriżar maħluqa mir-Regolamenti suċċessivi. Minn dan isegwi li, fil-każ ineżami, l-impossibbiltà, minħabba l-iffriżar tal-assi, li jiġu implimentati miżuri li ma għandhomx effetti ta’ ħruġ ta’ assi mill-patrimonju, bħal garanziji ġudizzjarji jew sekwestru kawtelatorju, ma tistax tiddependi fuq il-kawża tad-dejn li għandu jiġi rkuprat mill-persuna jew mill-entità li l-assi tagħha huma ffriżati.

75.

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, fil-fehma tiegħi, ir-risposta għat-tieni domanda preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju għandha tkun fis-sens li l-fatt li l-kawża tad-dejn li għandu jiġi rkuprat mingħand il-persuna jew l-entità li l-assi tagħha huma ffriżati ma hijiex relatata mal-programm nukleari u ballistiku Iranjan u hija preċedenti għar-Riżoluzzjoni 1737 (2006) ma huwiex rilevanti sabiex tingħata risposta għall-ewwel domanda preliminari.

V. Konklużjoni

76.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari magħmula mill-cour de Cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, Franza):

1)

L-Artikolu 1(h) u (j) u l-Artikolu 7(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 423/2007 tad-19 ta’ April 2007 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran, l-Artikolu 1(i) u (h) u l-Artikolu 16(1) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 961/2010 tal-25 ta’ Ottubru 2010 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 423/2007, kif ukoll l-Artikolu 1(k) u (j) u l-Artikolu 23(1) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 267/2012 tat-23 ta’ Marzu 2012 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 961/2010, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li fuq assi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, jittieħdu miżuri kawtelatorji li ma għandhomx effett ta’ ħruġ ta’ assi mill-patrimonju, mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel tal-awtorità nazzjonali. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tistabbilixxi, in concreto, jekk il-garanzija ġudizzjarja u s-sekwestru kawtelatorju kif previsti mid-dritt nazzjonali jaqgħux taħt il-miżuri kawtelatorji li ma għandhomx effett ta’ ħruġ ta’ assi mill-patrimonju li għalihom hija meħtieġa awtorizzazzjoni minn qabel tal-awtorità nazzjonali kompetenti.

2)

Il-fatt li l-kawża tad-dejn li għandu jiġi rkuprat mingħand il-persuna jew l-entità li l-assi tagħha huma ffriżati ma hijiex relatata mal-programm nukleari u ballistiku Iranjan u hija preċedenti għar-Riżoluzzjoni 1737 (2006) tal-Kunsill tas-Sigurtà tat‑23 ta’ Diċembru 2006 ma huwiex rilevanti sabiex tingħata risposta għall-ewwel domanda preliminari.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) ĠU 2007, L 103, p. 1 u rettifika fil-ĠU 2009, L 64M, p. 423.

( 3 ) Regolament tal-Kunsill tal‑25 ta’ Ottubru 2010 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 423/2007 (ĠU 2010, L 281, p. 1).

( 4 ) Regolament tal-Kunsill tat‑23 ta’ Marzu 2012 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 961/2010 (ĠU 2012, L 88, p. 1 u rettifiki fil-ĠU 2012, L 332, p. 31, fil-ĠU 2014, L 93, p. 85 u fil-ĠU 2019, L 297, p. 8).

( 5 ) ĠU 2008, L 4M, p. 155

( 6 ) Pożizzjoni Komuni tat‑23 ta’ April 2007 li temenda l-Pożizzjoni Komuni 2007/140 (ĠU 2008, L 4M, p. 397).

( 7 ) ĠU 2008, L 338M, p. 932.

( 8 ) Ara l-Artikolu 1 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2016/74 tat‑22 ta’ Jannar 2016 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 267/2012 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU 2016, L 16, p. 6).

( 9 ) Wara appell mid-deċiżjoni tat-tribunal administratif de Paris (il-Qorti Amministrattiva ta’ Pariġi), din il-qorti indirizzat domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-validità tal-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 961/2010, ifformulat, sostanzjalment, b’mod identiku għall-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 423/2007. Wara l-irtirar ta’ Bank Sepah mil-lista ta’ entitajiet suġġetti għal miżuri restrittivi, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, permezz ta’ digriet tat‑23 ta’ Marzu 2016, Overseas Financial u Oaktree Finance (C‑319/15, mhux ippubblikat, EU:C:2016:268). li ma kienx hemm lok li tingħata deċiżjoni.

( 10 ) Skont l-Artikolu 523 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili ta’ Eżekuzzjoni, is-sekwestru kawtelatorju ta’ krediti jipproduċi l-effetti ta’depożitu previst fl-Artikolu 2350 tal-Kodiċi Ċivili Franċiż, press li dan għandu bħala effett l-użu speċjali ta’ beni ssekwestrat u d-dritt li wieħed jitħallas b’mod preferenzjali fir-rigward tal-kredituri l-oħrajn fuq beni mobbli jew grupp ta’ beni mobbli u tanġibbli, preżenti jew futuri. Il-qorti tar-rinviju tirrileva li s-sekwestri kawtelatorji ma għandhomx effett ta’ ħruġ ta’ assi mill-patrimonju sa fejn il-beni, il-krediti u d-drittijiet issekwestrati jibqgħu fil-patrimonju tad-debitur. Skont l-Artikolu 531 ta’ dan il-kodiċi, garanzija ġudizzjarja tista’ tiġi kkostitwita fuq l-immobbli (ipoteka), il-proprjetà kummerċjali, l-azzjonijiet, ishma u titoli (rahan); skont l-istess artikolu, il-beni suġġetti għal garanzija ġudizzjarja xorta jistgħu jiġu ttrasferiti. Il-garanzija ġudizzjarja tinvolvi li, fil-każ ta’ trasferiment ta’ beni jew drittijiet li fuqhom tkun ikkostitwita, id-dejn tal-persuna li tikkostitwixxi l-garanzija għandu jitħallas bi prijorità qabel permezz tal-prezz tat-trasferiment.

( 11 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2020, Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság Dél-alföldi Regionális Igazgatóság (C‑924/19 PPU u C‑925/19 PPU, EU:C:2020:367, punt 113, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

( 12 ) Ara l-Artikoli 2393 et seq. tal-code civil (il-Kodiċi Ċivili) Franċiż. Ara wkoll, bħala eżempju, għal dak li jikkonċerna d-dritt Taljan, l-Artikoli 2808 et seq. tal-Codice civile (il-Kodiċi Ċivili); għal dak li jikkonċerna d-dritt Spanjol, l-Artikoli 1874 et seq. tal-Código Civil (il-Kodiċi Ċivili) kif ukoll l-Artikolu 104 et seq. tal-Ley Hipotecaria (il-Liġi dwar l-Ipoteki) u, għal dak li jikkonċerna d-dritt Ġermaniż, l-Artikoli 1113 et seq. tal-Bürgerliches Gesetzbuch (il-Kodiċi Ċivili).

( 13 ) Iddefinit fl-Artikolu 1(g) u (i) tar-Regolament Nru 423/2007. Ara wkoll l-Artikolu 1(f) u (j) tar-Regolament Nru 961/2010 u l-Artikolu 1(h) u (l) tar-Regolament Nru 267/2012.

( 14 ) Skont l-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 423/2007, “[l]-ebda fondi jew riżorsi ekonomiċi ma għandhom jintgħamlu disponibbli, direttament jew indirettament, lil jew għall-benefiċċju tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, l-entitajiet jew il-korpi elenkati fl-Annessi IV u V”. Ara wkoll l-Artikolu 16(3) tar-Regolament Nru 961/2010 u l-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 267/2012, li jinkludi dispożizzjoni ekwivalenti.

( 15 ) Ara, b’analoġija, is-sentenzi tad‑29 ta’ Ġunju 2010, E u F (C‑550/09, EU:C:2010:382, punt 69), kif ukoll tas‑17 ta’ Jannar 2019, SH (C-168/17, EU:C:2019:36, punt 53).

( 16 ) Ara, b’analoġija, is-sentenzi tal‑11 ta’ Ottubru 2007, Möllendorf u Möllendorf-Niehuus, (C‑117/06, EU:C:2007:596, punti 5051); tad‑29 ta’ Ġunju 2010, E u F (C‑550/09, EU:C:2010:382, punti 6667) kif ukoll tal‑21 ta’ Diċembru 2011, Afrasiabi et (C‑72/11, EU:C:2011:874, punt 40).

( 17 ) Dwar dan ir-rekwiżit, ara s-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2011, Afrasiabi et (C‑72/11, EU:C:2011:874, punt 62 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

( 18 ) Ara, pereżempju, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tat‑3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni (C‑402/05 P u C‑415/05 P, EU:C:2008:461, punt 169) kif ukoll tad‑29 ta’ April 2010, M et (C‑340/08, EU:C:2010:232, punt 54).

( 19 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-punt 6 tal-Prinċipji Bażiċi dwar l-użu ta’ miżuri restrittivi, adottati mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fis‑7 ta’ Ġunju 2004, 10198/1/04, disponibbli fl-indirizz li ġej: https://www.consilium.europa.eu/fr/policies/sanctions/.

( 20 ) Ara l-premessa 3 tar-Regolament Nru 432/2007, kif ukoll il-premessa 4 tar-Regolament Nru 961/2010 u l-premessa 25 tar-Regolament Nru 267/2012. Mill-ġurisprudenza jirriżulta, għaldaqstant, li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni t-test u l-għan tar-Riżoluzzjoni 1737 (2006) sabiex jiġi interpretat l-imsemmija regolamenti. Ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑16 ta’ Novembru 2011, Bank Melli Iran vs Il‑Kunsill (C‑548/09 P, EU:C:2011:735, punti 102103).

( 21 ) Ara, b’mod partikolari, il-punti 2 u 12 tar-Riżoluzzjoni 1737 (2006), kif ukoll il-premessi 1 u 9 tal-Pożizzjoni Komuni 2007/140.

( 22 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2011, Afrasiabi et (C‑72/11, EU:C:2011:874, punt 44).

( 23 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2011, Afrasiabi et (C‑72/11, EU:C:2011:874, punt 46).

( 24 ) Ara, f’dan is-sens, il-punt 48 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-kawża Afrasiabi et (C‑72/11, EU:C:2011:737).

( 25 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2011, Afrasiabi et (C‑72/11, EU:C:2011:874, punt 54).

( 26 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2015, CHEZ Razpredelenie Bulgaria (C‑83/14, EU:C:2015:480, punt 71).