KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

CAMPOS SÁNCHEZ-BORDONA

ippreżentati fid‑9 ta’ Settembru 2021 ( 1 )

Kawża C‑296/20

Commerzbank AG

vs

E.O.

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari ‑ Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili ‑ Konvenzjoni ta’ Lugano II ‑ Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u eżekuzzjoni f’materji ċivili u kummerċjali ‑ Ġurisdizzjoni fil-qasam tal-kuntratti konklużi mill-konsumaturi ‑ Konsumatur li jittrasferixxi d-domiċilju tiegħu, wara l-konklużjoni tal-kuntratt, lejn Stat ieħor marbut bil-Konvenzjoni ‑ Eżerċizzju ta’ attivitajiet kummerċjali jew professjonali fl-Istat marbut bil-Konvenzjoni tad-domiċilju tal-konsumatur”

1.

Dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari qiegħed jitlob l-interpretazzjoni tal-Artikolu 15(1)(ċ) tal-Konvenzjoni ta’ Lugano tal‑2007 ( 2 ), sabiex jiġi ddeterminat liema qorti għandha l-ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar kawża li fih entità bankarja qiegħda titlob lil klijent iħallas il-bilanċ tad-dejn tal-kont kurrenti tiegħu.

2.

Il-karatteristika speċifika tal-każ hija li, fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt, iż-żewġ partijiet kellhom id-domiċilju tagħhom fl-istess Stat (il-Ġermanja), filwaqt li, meta ġiet imressqa t-talba, il-klijent kien iddomiċiljat l-Isvizzera ( 3 ). In-natura internazzjonali tal-każ seħħet, għaldaqstant, sussegwentement għall-kuntratt u mhux fil-mument tal-konklużjoni tiegħu.

3.

Sakemm ma iniex sejjer żbaljat, il-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma ddeċidietx dwar l-Artikolu 15(1)(ċ) tal-Konvenzjoni ( 4 ). Madankollu, iddeċidiet dwar ir-regola ekwivalenti tar-Regolament (KE) Nru 44/2001 ( 5 ), li ġiet riflessa, min-naħa tagħha, fir-Regolament (UE) Nru 1215/2012 ( 6 ), li huwa fis-seħħ illum.

4.

Is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kwistjoni, moqrija fl-intier tagħhom, fil-fehma tiegħi ma jitfgħux biżżejjed dawl fuq kwistjoni li l-impatt tagħha fuq l-attività ekonomika ta’ min jikkonkludi kuntratt ma’ konsumatur ma huwiex negliġibbli.

I. Il-kuntest ġuridiku. Il-Konvenzjoni ta’ Lugano II

5.

It-Taqsima 1 tat-Titolu II (“Dispożizzjonijiet ġenerali”) hija magħmula mill-Artikoli 2 u 3 bil-formulazzjoni li ġejja:

Artikolu 2(1): “Suġġett għad-dispożizzjonijet ta’ din il-Konvenzjoni, persuni domiċiljati fi Stat marbut b’din il-Konvenzjoni għandhom, irrispettivament miċ-ċittadinanza tagħhom, jiġu mħarrka fil-qrati ta’ dak l-Istat”.

Artikolu 3(1): “Persuni domiċiljati fi Stat marbut b’din il-Konvenzjoni jistgħu jiġu mħarrka fil-qrati ta’ Stat ieħor marbut b’din il-Konvenzjoni permezz biss tar-regoli stabbiliti fit-Taqsimiet 2 sa 7 ta’ dan it-Titolu”.

6.

It-Taqsima 4 tat-Titolu II (“Ġurisdizzjoni fuq kuntratti konsumeristiċi”) tinkorpora l-Artikoli 15, 16 u 17, bil-formulazzjoni li ġejja:

– Artikolu 15(1)(ċ)

“1.   F’materji relatati ma’ kuntratt li jsir minn persuna, il-konsumatur, għal skop li jista’ jkun meqjus lil hinn mis-sengħa jew professjoni tiegħu, il-ġurisdizzjoni għandha tkun stabbilita minn din it-Taqsima, mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 4 u 5(5), jekk:

[…]

(ċ)

fil-każijiet l-oħra kollha, il-kuntratt ikun sar ma’ persuna li teżerċita attivitajiet kummerċjali jew professjonali fl-Istat marbut b’din il-Konvenzjoni tad-domiċilju tal-konsumatur jew li, bi kwalunkwe mezz, tidderiġi dawk l-attivitajiet lejn dak l-Istat jew lejn diversi Stati li jinkludu dak l-Istat, u l-kuntratt jaqa’ fl-ambitu ta’ tali attivitajiet”.

– Artikolu 16(2):

“2.   Jistgħu jiġu istitwiti proċedimenti kontra konsumatur, mill-parti l-oħra fil-kuntratt, biss fil-qrati ta’ l-Istat marbut b’din il-Konvenzjoni li fih ikun domiċiljat il-konsumatur”.

– Artikolu 17(3):

“In-nonkonformità mad-dispożizzjonijiet ta’ din it-Taqsima hija ammessa biss bi ftehim [li jikkonferixxi l-ġurisdizzjoni]:

3.

li jkun intlaħaq bejn il-konsumatur u l-parti l-oħra fil-kuntratt, li t-tnejn ikunu fil-ħin tal-konklużjoni tal-kuntratt domiċiljati jew jirrisjedu abitwalment fl-istess Stat marbut b’din il-Konvenzjoni, u li jikkonferixxi l-ġurisdizzjoni fuq il-qrati ta’ dak l-Istat, sakemm dak il-ftehim ma jmurx kontra l-liġi ta’ dak l-Istat”.

II. Il-fatti, il-kawża u d-domandi preliminari

7.

Commerzbank AG, li l-uffiċċju ewlieni tagħha jinsab fi Frankfurt am Main (il-Ġermanja), għandha fergħa fi Dresden (il-Ġermanja), li permezz tagħha, fis-sena 2009 fetħet kont għal klijent, li dak iż-żmien kien ukoll iddomiċiljat fi Dresden, li kien amministrat bħala kont kurrenti.

8.

Il-klijent irċieva karta ta’ kreditu, li l-attivitajiet tagħha kienu jiġu mħallsa permezz tal-kont. Il-bank kien jittollera overdrafts meta l-klijent kien juża l-karta ta’ kreditu tiegħu sabiex iħallas biha u l-bilanċ fil-kont ma kienx ikun suffiċjenti.

9.

Il-klijent ittrasferixxa ruħu lejn l-Isvizzera fl‑2014. F’Jannar 2015, xtaq itemm ir-relazzjoni kummerċjali ma’ Commerzbank AG. Il-kont kurrenti wera bilanċ tad-dejn f’din id-data, li rriżulta minn ammont iddebitat f’Settembru 2013, u li l-klijent irrifjuta li jħallas abbażi tal-fatt li dan id-dejn ġie minn użu frawdolenti tal-karta ta’ kreditu minn terzi mingħajr il-kunsens tiegħu.

10.

F’April 2015, Commerzbank temmet ir-relazzjoni kuntrattwali b’effett immedjat u ddikjarat id-data ta’ skadenza tal-bilanċ tad-dejn favuriha. Il-klijent baqa’ ma ħallasx dan il-bilanċ.

11.

Commerzbank ressqet azzjoni għall-ħlas tal-ammont quddiem l-Amtsgericht Dresden (il-Qorti Distrettwali ta’ Dresden, il-Ġermanja), li kkonkludiet li din l-azzjoni ma hijiex ammissibbli minħabba nuqqas ta’ ġurisdizzjoni.

12.

Billi l-appell tagħha ma rnexxiex, Commerzbank appellat fil-kassazzjoni (“Reviżjoni”) quddiem il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja), li ressqet talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja f’dawn it-termini:

“1)

L-Artikolu 15(1)(ċ) tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II għandu jiġi interpretat fis-sens li l-‘eżerċizzju’ ta’ attivitajiet kummerċjali jew professjonali fl-Istat marbut bil-Konvenzjoni li fit-territorju tiegħu l-konsumatur għandu d-domiċilju tiegħu jippreżupponi, sa mit-tħejjija u l-konklużjoni tal-kuntratt, l-eżistenza ta’ attività transkonfinali tal-parti kontraenti mal-konsumatur, jew din id-dispożizzjoni għandha tiġi applikata wkoll sabiex tiġi stabbilita l-qorti li għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni ta’ kawża meta, fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt, il-partijiet f’dan il-kuntratt kellhom id-domiċilju tagħhom fis-sens tal-Artikoli 59 u 60 tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II fl-istess Stat marbut bil-Konvenzjoni u meta r-relazzjoni ġuridika tkun kisbet natura internazzjonali biss a posteriori, minħabba li l-konsumatur, sussegwentement, ikun iċċaqlaq lejn Stat ieħor marbut bil-Konvenzjoni?

2)

Fil-każ li l-eżistenza ta’ attività transkonfinali fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt ma tkunx neċessarja[, i]d-dispożizzjonijiet meħuda flimkien tal-Artikolu 15(1)(ċ) u tal-Artikolu 16(2) tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II jeskludu b’mod ġenerali d-determinazzjoni tal-qorti li għandha ġurisdizzjoni skont il-punt 1 tal-Artikolu 5 tal-istess konvenzjoni meta l-konsumatur, bejn il-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt u dak tat-tressiq tal-kawża, ikun iċċaqlaq lejn Stat ieħor marbut bil-Konvenzjoni, jew huwa wkoll neċessarju li l-parti kontraenti mal-konsumatur teżerċita l-attivitajiet kummerċjali jew professjonali tagħha ukoll fl-Istat il-ġdid ta’ residenza jew li hija tindirizza dawn l-attivitajiet lejn dan l-Istat u li l-kuntratt jaqa’ fil-kuntest ta’ dawn l-attivitajiet?”

III. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

13.

It-talba għal deċiżjoni preliminari ġiet irreġistrata fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑3 ta’ Lulju 2020.

14.

Wara l-pubblikazzjoni tad-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża mBank S.A. ( 7 ), u minħabba l-konnessjoni tagħha mal-kwistjonijiet diskussi f’dan ir-rinviju, fit‑3 ta’ Settembru 2020 il-qorti tar-rinviju ġiet mistoqsija jekk xtaqitx iżżomm id-domandi preliminari tagħha.

15.

Fis‑6 ta’ Ottubru 2020, il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja), informat lill-Qorti tal-Ġustizzja li kienet ser tirtira t-tieni domanda u żżomm l-ewwel waħda.

16.

Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn Commerzbank, mill-Gvern Svizzeru u mill-Kummissjoni. Ma ġiex ikkunsidrat essenzjali li ssir seduta.

IV. Analiżi

A. Kunsiderazzjonijiet preliminari

17.

Il-qorti tar-rinviju tixtieq issir taf jekk, sabiex jiġi applikat l-Artikolu 15(1)(ċ) tal-Konvenzjoni:

huwiex meħtieġ li r-relazzjoni bejn il-professjonist u l-konsumatur tinkludi “natura” internazzjonali — f’dan il-każ, l-attività transkonfinali tal-entità bankarja — fil-mument tat-tħejjija u tal-konklużjoni tal-kuntratt;

jew jekk, għall-kuntrarju, tkunx biżżejjed internazzjonalità a posteriori, li sseħħ sussegwentement minħabba t-trasferiment tad-domiċilju tal-konsumatur lejn Stat ieħor marbut bil-Konvenzjoni.

18.

Il-Kummissjoni, il-Gvern Svizzeru u Commerzbank ma jaqblux fir-risposti tagħhom għal din id-domanda doppja, u lanqas ma jaqblu fl-argumenti tagħhom. Fid-dawl ta’ wieħed minn dawn tal-aħħar ( 8 ), jidhirli li huwa xieraq li nfakkar f’ċerti aspetti tat-Taqsima 4 tat-Titolu II tal-Konvenzjoni dwar il-ġurisdizzjoni fil-qasam tal-kuntratti konklużi mill-konsumaturi, qabel ma nindirizza l-interpretazzjoni tal-Artikolu 15(1)(ċ) tagħha.

19.

L-identiċità prattika bejn id-dispożizzjoni inkwistjoni hawnhekk u l-artikoli korrispondenti tar-Regolamenti Nri 44/2001 u 1215/2012 tobbliga t-tiftix ta’ interpretazzjoni konverġenti tagħhom kollha ( 9 ).

20.

Bl-istess mod bħalma jseħħ f’dawn iż-żewġ regolamenti, il-kunċetti tal-Artikolu 15(1)(ċ) tal-Konvenzjoni għandhom jiġu interpretati b’mod awtonomu sabiex tiġi ggarantita l-applikazzjoni uniformi tiegħu fl-Istati kollha marbutin bih ( 10 ).

1.   Ir-ratio legis tat-Taqsima 4 tat-Titolu II tal-Konvenzjoni. Protezzjoni tal-konsumatur

21.

Għan prijoritarju tat-Taqsima 4 tat-Titolu II tal-Konvenzjoni jikkonsisti fil-garanzija ta’ protezzjoni xierqa għall-konsumatur, bħala parti li hija meqjusa bħala ekonomikament iktar dgħajfa u ġuridikament inqas esperta mill-parti kontraenti ( 11 ) professjonali ( 12 ).

22.

Dan il-pjan ma huwiex assolut: la l-leġiżlatur ma kellu l-ħsieb li l-protezzjoni tal-konsumatur tkun bla limiti u lanqas ma fehmet hekk il-Qorti tal-Ġustizzja ( 13 ).

23.

L-internazzjonalità tas-sitwazzjoni inkwistjoni hija kundizzjoni sine qua non tal-applikazzjoni tal-Konvenzjoni. It-Taqsima 4 tat-Titolu II, billi tipprevedi l-ġurisdizzjoni fil-qasam tal-kuntratti konklużi mill-konsumaturi, ma tikkostitwixxix eċċezzjoni għal din ir-regola ( 14 ). Il-protezzjoni li hija tipprovdi hija intiża sabiex tiġi bbilanċjata s-sitwazzjoni tal-partijiet kontraenti f’termini ta’ ġurisdizzjoni internazzjonali ( 15 ).

24.

Permezz tad-dispożizzjonijiet li jobbligaw li l-azzjonijiet imressqa mill-konsumatur, jew kontrih, isiru fl-Istat tad-domiċilju tiegħu, jiġu eliminati l-iżvantaġġi li jisfurzawh iressaq kawża fi Stat ieħor. Huwa preżunt li, bħala “parti dgħajfa”, mhux dejjem ikun f’pożizzjoni li jipprevedi ex ante l-internazzjonalità ta’ proċedura eventwali u jikkalkola r-riskji u l-ispejjeż tiegħu ( 16 ). Barra minn hekk, jiġi evitat li jiġi mwaqqaf milli jeżerċita legalment id-drittijiet tiegħu fid-dawl tal-possibbiltà li jkollu jiddefendihom barra mill-Istat ta’ domiċilju tiegħu ( 17 ).

25.

Il-protezzjoni mogħtija lill-konsumatur li d-domiċilju tiegħu jinsab fi Stat marbut bil-Konvenzjoni tikkonsisti, għaldaqstant: a) fl-awtorizzazzjoni sabiex jaċċessa, bħala rikorrent, l-istess qrati li jkunu disponibbli għal kawżi li jqumu minn kuntratti domestiċi ( 18 ); u b) fir-restrizzjoni tal-aċċess tal-professjonist għal dawn l-istess qrati, meta huwa jkun jixtieq iressaq proċeduri kontra l-konsumatur.

26.

Soluzzjoni differenti tista’ tiskoraġġixxi t-tendenza għall-konsum lil hinn mill-fruntieri tal-Istat innifsu, fis-suq intra-Ewropew (jew tal-Assoċjazzjoni Ewropea għall-Kummerċ Ħieles (EFTA)).

2.   Attenzjoni għall-operatur ekonomiku u għall-prevedibbiltà tal-qorti

27.

Il-protezzjoni tal-konsumatur f’termini ta’ ġurisdizzjoni internazzjonali ma hijiex, bħalma ġie diġà enfasizzat, mingħajr kundizzjonijiet u lanqas ma hija separata mill-għanijiet komuni l-oħrajn tal-Konvenzjoni.

28.

Għall-operatur ekonomiku, ir-regoli dwar il-ġurisdizzjoni internazzjonali fil-qasam tal-kuntratti konklużi mill-konsumaturi jissostitwixxu lil dawk previsti fl-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni (li jagħti ġurisdizzjoni lill-qrati tal-Istat tad-domiċilju tal-konvenut) u fl-Artikolu 5(1) (dwar il-ġurisdizzjoni speċjali f’materji kuntrattwali). L-interpretazzjoni tagħhom, għaldaqstant, għandha tkun stretta, mingħajr ma jiġu estiżi għal sitwazzjonijiet differenti minn dawk stabbiliti fit-test ( 19 ).

29.

Dan huwa saħansitra iktar minnu billi, għall-konsumatur li jressaq kawża, ir-regoli tat-Taqsima 4 tat-Titolu II tal-Konvenzjoni jwasslu għal forum actoris.

30.

L-applikazzjoni ta’ tali regoli għal każ speċifiku teżiġi li huwa jiġi kkaratterizzat minn tliet kundizzjonijiet kumulattivi ( 20 ) li l-interpretazzjoni tagħhom għandha tkun ukoll stretta jew, anki restrittiva ( 21 ).

31.

Ir-regoli dwar il-ġurisdizzjoni internazzjonali fil-qasam tal-kuntratti konklużi mill-konsumaturi ma joperawx, nirrepeti, barra mill-prinċipji ġenerali tal-Konvenzjoni. It-tisħiħ tal-protezzjoni ġuridika tal-persuni bid-domiċilju tagħhom fl-Unjoni Ewropea, l-għoti ta’ prevedibbiltà lill-ġurisdizzjoni u l-prevenzjoni ta’ diversi proċeduri dwar l-istess għanijiet komuni li għandhom jiġu kkombinati flimkien mat-tħassib dwar il-protezzjoni tal-konsumatur ( 22 ).

32.

Il-prevedibbiltà tal-operatur ekonomiku dwar fejn ikun jista’ jfittex u jiġi mħarrek hija fattur ewlieni. Hija tiggwida l-interpretazzjoni tat-Taqsima 4 tat-Titolu II tal-Konvenzjoni, bħala kontrobilanċ għall-privileġġi tal-konsumatur. Iktar ’il quddiem ser nispjega li dan huwa l-każ bl-Artikolu 15(1)(ċ).

33.

Il-Konvenzjoni, kif interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja, tinkorpora miżuri oħrajn f’din l-istess linja. Mingħajr ma huma eżawrjenti, jistgħu jiġu enfasizzati dawn li ġejjin:

Id-definizzjoni ta’ “konsumatur” iżżid iċ-ċertezza legali tal-operatur ekonomiku. Din il-kundizzjoni tiġi prekluża jekk l-użu tal-oġġett jew tas-servizz mixtrija jkun relatat b’mod sinjifikattiv mal-attività professjonali tal-(allegat) konsumatur ( 23 ).

Il-konsumatur u l-professjonist għandhom ikunu kkonkludew kuntratt. Il-kundizzjoni hija indispensabbli bħala fattur li jippermetti lill-operatur ekonomiku jipprevedi l-ġurisdizzjoni esklużiva tal-qrati fid-domiċilju tal-konsumatur ( 24 ).

Il-professjonist irid ikun esprima b’mod ċar ir-rieda tiegħu li jintrabat. Sitwazzjonijiet fejn din ir-rieda ma tkunx evidenti jistgħu, jekk meħtieġ, jiġu kklassifikati bħala prekuntrattwali jew kważi kuntrattwali, u għandhom ikunu suġġetti għat-taqsima dwar il-ġurisdizzjonijiet speċjali ( 25 ).

Il-kuntratt għandu jkun bejn il-partijiet fil-kawża. Il-kunċett ta’ “parti l-oħra ta’ kuntratt” fl-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 44/2001 jindika, minbarra l-operatur li miegħu jikkonkludi l-kuntratt il-konsumatur, lill-parti kontraenti tiegħu wkoll, iżda biss jekk il-konsumatur kien marbut b’mod kuntrattwali minn qabel mat-tnejn li huma b’mod indissoċjabbli ( 26 ).

B. L-Artikolu 15(1)(ċ) tal-Konvenzjoni: interpretazzjonijiet possibbli

34.

L-Artikolu 15(1)(ċ) tal-Konvenzjoni, li fuq l-interpretazzjoni tagħha hija bbażata l-unika domanda preliminari li jifdal, jista’ bħala prinċipju, jinqara b’żewġ modi, li minnhom jiġu ddeterminati risposti separati, fin-negattiv jew fl-affermattiv:

L-ewwel waħda (fin-negattiv) tkun ibbażata fuq il-fatt li d-dispożizzjoni tiġi applikata meta professjonist joħloq b’mod volontarju l-internazzjonalità tal-kuntratt, billi jipproġetta jew iwettaq l-attività ekonomika tiegħu iktar lil hinn mill-fruntieri tal-Istat tiegħu stess, sabiex jattira klijenti fi Stati oħrajn. Dan ma jkunx il-każ jekk il-komponent barrani tar-relazzjoni ġuridika jirriżulta biss wara l-konklużjoni tal-kuntratt, minħabba t-tibdil fid-domiċilju tal-konsumatur.

It-tieni risposta (fl-affermattiv) tkun ibbażata fuq ir-rilevanza ikbar mogħtija lid-domiċilju tal-konsumatur fil-mument li fih tinbeda l-kawża.

35.

F’dan l-istadju, nantiċipa li r-raġunijiet favur l-ewwel risposta jidhruli li huma iktar b’saħħithom. Madankollu, jista’ jkun possibbli li tiġi ddeterminata soluzzjoni konċiljatorja li tibbilanċja l-pożizzjonijiet tal-konsumatur u tal-professjonist, fir-rigward tal-ġurisdizzjoni internazzjonali, meta l-ewwel wieħed jittrasferixxi d-domiċilju tiegħu lejn Stat ieħor wara li jkun ġie konkluż il-kuntratt.

1.   Din il-kwistjoni ġiet deċiża qabel?

36.

Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet dwar l-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Nru 44/2001, u l-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 1215/2012. Għaldaqstant, huwa leġittimu li wieħed jistaqsi jekk mis-sentenzi tagħha jistax jiġi inferit jekk il-kwistjoni dwar l-istess formulazzjoni fil-Konvenzjoni ġietx indirizzata.

37.

Ma neskludix raġunament li ħadet is-sentenza Pammer u Alpenhof bħala punt tat-tluq u, fit-tieni pass, iffokat fuq jekk hemmx raġunijiet sabiex issir distinzjoni bejn l-attività li jeżerċita l-professjonist fi Stat u l-attività li jmexxi lejn dan l-Istat, fil-kuntest tal-Artikolu 15(1)(ċ) tal-Konvenzjoni. Ser niġi lura għal dan l-aspett iktar ’il quddiem ( 27 ).

38.

Għall-kuntrarju, ma nemminx li s-sentenzi li huma elenkati fl-allegazzjonijiet ippreżentati f’din il-kawża, fost dawk li sa issa ġew deċiżi, għandhom valur deċiżiv sabiex tiġi riżolta din il-kontestazzjoni.

39.

Insibha diffiċli li minn dawn is-sentenzi ninferixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja riedet tirrispondi b’mod taċitu għal domanda tat-tip imsemmi iktar ’il fuq. Il-qorti tar-rinviju, li turi li hija konxja dwar il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ma tiddeduċix risposta inekwivoka minnha. Il-konsegwenzi kbar li l-applikazzjoni tar-regoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur tinvolvi għall-professjonist meta jkun sorpriż b’bidla fid-domiċilju tal-klijent, li ma kienx qiegħed jistenna jew ma setax jipprevedi, jeżiġu diskussjoni espliċita fir-rigward.

40.

Huwa minnu li l-kawża mBank S.A. indirizzat sitwazzjoni simili għal dik ta’ dan ir-rinviju. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja rriformulat ( 28 ) id-domandi li sarulha u rrispondiet li “l-kunċett ta’ ‘domiċilju tal-konsumatur’ imsemmi fl-Artikolu 18(2) tar-Regolament Nru 1215/2012 għandu jiġi interpretat bħala li jirreferi għad-domiċilju tal-konsumatur fid-data tal-preżentata tal-azzjoni ġudizzjarja”. Il-Qorti tal-Ġustizzja rrestrinġiet l-argument tagħha dwar dan id-dettall ( 29 ).

41.

Lanqas is-sentenza tal-Kawża C‑327/10 ( 30 ) ma ssolvi d-dubju mqajjem hawnhekk. Fiha, il-Qorti tal-Ġustizzja ma pprekludietx li l-kuntratt bejn professjonist u konsumatur, li fiż-żmien tal-konklużjoni tal-kuntratt, ikunu ddomiċiljati fl-istess Stat Membru, seta’ jikkorrispondi għall-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Nru 44/2001. Madankollu, ma ġiex indirizzat il-punt inkwistjoni hawnhekk ( 31 ).

42.

Xi ħaġa simili sseħħ fis-sentenza tal-Kawża C‑478/12 ( 32 ) li, fil-fehma tiegħi, lanqas ma ssolvi l-problema inkwistjoni:

Din is-sentenza ma tiddeċidix dwar l-internazzjonalità bħala kundizzjoni tal-applikazzjoni tal-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Nru 44/2001, iżda tal-istrument kollu kemm hu ( 33 ).

F’dan is-sens, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, “għandha ssir distinzjoni bejn, minn naħa, il-kwistjoni dwar taħt liema kundizzjonijiet għandhom japplikaw ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni u, min-naħa l-oħra, dik dwar taħt liema kriterji hija rregolata l-ġurisdizzjoni internazzjonali skont dawn ir-regoli” ( 34 ).

Jekk it-Taqsima 4 tal-Kapitolu II (b’mod partikolari, l-Artikolu 16(1) tar-Regolament) kienet għaldaqstant ġiet applikata għall-professjonist b’domiċilju fl-Istat Membru tal-konsumatur, dan kien sar fl-interess tal-prevenzjoni ta’ diversi proċeduri relatati ma’ “operazzjoni waħda”, magħmula minn kuntratti “inseparabbli” minkejja l-fatt li jkunu ġew konklużi ma’ żewġ professjonisti distinti ( 35 ).

2.   Argumenti favur l-internazzjonalità oriġinali (indispensabbli)

a)   L-attività transkonfinali tal-professjonist

43.

L-Artikolu 15(1)(ċ) tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II twettaq il-funzjoni li preċedentement kienet tikkorrispondi għall-punt 3 tal-Artikolu 13(1) tal-Konvenzjoni ta’ Lugano tal‑1988 ( 36 ), li f’dan ir-rigward hija identika għall-Konvenzjoni ta’ Brussell.

44.

Sabiex tinftiehem id-dispożizzjoni huwa meħtieġ li wieħed imur lura għall-inklużjoni tagħha, fl‑1978, fil-Konvenzjoni ta’ Brussell sabiex isir jaf kif żviluppat minn dakinhar ’l hawn.

1) L-ewwel formulazzjoni

45.

Fil-verżjoni oriġinali (1968) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, il-protezzjoni tal-konsumatur fil-qasam tal-ġurisdizzjoni internazzjonali kienet tkopri l-Artikoli 13 sa 15. Hija kienet limitata għall-kuntratti ta’ bejgħ bin-nifs u għall-finanzjament ta’ tali bejgħ, fejn tirrifletti l-istatus quo tad-dritt fl-Istati Membri oriġinali tal-Komunità Ekonomika Ewropea dwar il-konsum.

46.

Fl-okkażjoni tal-Konvenzjoni dwar l-Adeżjoni tar-Renju tad-Danimarka, tal-Irlanda u tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mal-Konvenzjoni ta’ Brussell ( 37 ) mal-Artikolu 13 tagħha ġie miżjud it-tielet paragrafu, li estenda l-kamp ta’ applikazzjoni għal kwalunkwe kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi jew ta’ provvista ta’ merkanzija jekk jiġu ssodisfatti wkoll żewġ kundizzjonijiet:

il-konklużjoni tal-kuntratt kellha tkun ippreċeduta fl-Istat tad‑domiċilju tal-konsumatur minn proposta speċifika jew minn reklamar; u

il-konsumatur kellu jkun wettaq l-atti neċessarji għall-konklużjoni tal-kuntratt f’dan l-Istat.

47.

Il-kundizzjonijiet kumulattivi kienu ispirati mill-ewwel inċiż tal-Artikolu 5(2) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali ( 38 ). Huma kienu jipprevedu konsumatur “passiv”, jiġifieri dak li l-professjonist imur ifittex fid-domiċilju tiegħu, u kienu jservu sabiex jiżguraw l-eżistenza ta’ relazzjoni mill-qrib bejn il-kuntratt u l-Istat tad-domiċilju tal-konsumatur.

48.

Il-każ tipiku fiż-żewġ testi kien dak ta’ operatur ekonomiku li jidħol fis-suq ta’ pajjiż ieħor permezz ta’ reklamar transkonfinali ( 39 ), jew tat-twettiq ta’ offerti ta’ negozju individwali mwettqa, b’mod partikolari, minn aġenti jew bejjiegħa ambulanti ( 40 ).

49.

In-natura transnazzjonali tal-kuntratt kienet oriġinat mill-inizjattiva tal-operatur ekonomiku. Ir-reazzjoni tal-konsumatur għar-reklamar jew għall-offerta tal-professjonist kienet ristretta għall-Istat tiegħu stess. Għaldaqstant, kien iġġustifikat li r-riskju ta’ internazzjonalità u l-ispejjeż ta’ proċedura f’dan l-Istat kienu jiġġarrbu esklużivament mill-professjonist.

50.

Il-qorti fejn titressaq kawża eventwali kontra l-konsumatur, u fejn dan jista’ jressaq kawża, kienet prevedibbli għal kulħadd.

2) Emendi

51.

L-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Nru 44/2001, riprodott fil-Konvenzjoni, estenda t-Taqsima 4 tal-Kapitolu II għal kwalunkwe kuntratt u emenda l-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex tiġi invokata l-ġurisdizzjoni ta’ protezzjoni. Huwa għamel dan sabiex jiggarantixxi l-protezzjoni tal-konsumaturi “fid‑dawl tal-mezzi ġodda ta’ komunikazzjoni u tal-iżvilupp tal-kummerċ elettroniku” ( 41 ).

52.

Il-leġiżlatur tal-Unjoni ssostitwixxa l-kundizzjonijiet li kienu imposti, rispettivament, fuq il-professjonist u fuq il-konsumatur, b’oħrajn li huma imposti biss fuq l-ewwel wieħed. L-azzjoni tal-konsumatur, il-post tal-konklużjoni tal-kuntratt u l-mod li bih ġie konkluż, ikunu irrilevanti ( 42 ).

53.

Ir-Rapport Pocar għall-Konvenzjoni jispjega l-formulazzjoni l-ġdida tat-test ( 43 ). Huwa jenfasizza li “[h]ija ma tagħmilx innovazzjonijiet fir-rigward tal-bejgħ ta’ merkanzija b’termini ta’ kreditu perjodiku jew self li jitħallas bin-nifs, fejn ma hemmx il-ħtieġa ta’ prossimità bejn il-kuntratt u l-Istat li fih il-konsumatur ikollu d-domiċilju”, filwaqt li, “[g]ħal kuntratti oħrajn, […] l-estensjoni tal-protezzjoni għall-kuntratti kollha konklużi minn konsumaturi, u l-estensjoni tal-forum actoris li ġġib magħha, ma tkunx ġustifikata mingħajr fattur li jorbot lill-parti kontraenti l-oħra u l-Istat ta’ domiċilju tal-konsumatur” ( 44 ).

54.

Fl-interpretazzjoni tal-frażi “imexxi tali attivitajiet” fl-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Nru 44/2001, il-Qorti tal-Ġustizzja ssuġġettat l-applikazzjoni tagħha għall-intenzjoni tal-bejjiegħ li jidħol f’relazzjonijiet kummerċjali ma’ konsumaturi ta’ Stat Membru ieħor wieħed jew iktar, u li jikkonkludi kuntratti magħhom ( 45 ).

55.

Il-Qorti tal-Ġustizzja għamlitha ċara li l-estensjoni tal-protezzjoni tal-konsumatur ġejja mill-istess xenarju bħal dak ta’ qabel, jiġifieri, dak tal-professjonist stabbilit fi Stat Membru li jipprova jirbaħ il-konsumaturi ta’ Stati Membri oħrajn.

56.

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi biss li l-professjonist jista’ jipprevedi l-ġurisdizzjoni internazzjonali — li, għalih, hija imperattiva — tal-qrati ta’ dawn l-Istati Membri l-oħrajn.

b)   Attività eżerċitata fl-Istat tad-domiċilju tal-konsumatur

1) “Eżerċizzju” jew “tmexxija” tal-attività

57.

Il-Qorti tal-Ġustizzja kkjarifikat l-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Nru 44/2001 fir-rigward tal-espressjoni “imexxi tali attivitajiet”.

58.

Ma nara l-ebda raġuni sabiex ninterpreta d-dispożizzjoni b’mod differenti, skont jekk l-azzjoni tal-professjonist tikkonsistix fl-eżerċizzju ta’ attività fl-Istat fejn huwa ddomiċiljat il-konsumatur, jew fit-tmexxija tagħha lejn dan l-istess Stat.

59.

Jiena tal-fehma li l-intenzjoni tal-operatur ekonomiku ddomiċiljat fi Stat, li għandu l-intenzjoni li jidħol f’relazzjonijiet kummerċjali ma’ konsumaturi ddomiċiljati fi Stat ieħor, u li jikkonkludi kuntratti magħhom, hija meħtieġa bl-istess mod fiż-żewġ każijiet.

60.

Ix-xogħol preparatorju tar-Regolament Nru 44/2001 juri n-natura unitarja tal-kunċett ta’ attività (eżerċitata fl-Istat tad-domiċilju tal-konsumatur jew immexxija lejn dan l-Istat) u jikkonferma l-applikazzjoni tad-dispożizzjoni għall-kuntratt ta’ konsum konkluż “f’sit internet interattiv aċċessibbli fl-Istat tad-domiċilju tal-konsumatur” ( 46 ). B’dan il-mod, il-kuntratti elettroniċi jiġu assimilati għal dawk konklużi bit-telefon, bil-faks, jew mezzi simili, li għalihom, il-ġurisdizzjoni tal-Artikolu 16 ma hijiex ikkontestata ( 47 ).

61.

Fit-test, il-kliem l-“eżerċizzju” u t-“tmexxija” tal-attività jitqiegħdu fl-istess livell, fejn huma marbutin bil-konġunzjoni koordinanti “jew” li, f’din il-funzjoni, tindika l-ekwivalenza tal-elementi li tgħaqqad flimkien ( 48 ).

62.

Il-konsegwenza, f’termini ta’ ġurisdizzjoni internazzjonali għall-professjonist, hija l-istess fiż-żewġ każijiet, u għaldaqstant għandha tkun suġġetta għal kundizzjonijiet identiċi.

2) Id-domiċilju tal-konsumatur fl-Artikolu 15(1)(ċ) tal-Konvenzjoni

63.

L-Artikolu 15(1)(ċ) tal-Konvenzjoni jiddelimita l-applikazzjoni tat-Taqsima 4 tat-Titolu II abbażi tal-attività tal-professjonist “fl-Istat […] tad-domiċilju tal-konsumatur”, għaliex dan id-domiċilju jiddetermina l-ġurisdizzjoni f’każ ta’ kawża eventwali.

64.

Il-Qorti tal-Ġustizzja identifikat id-domiċilju tal-konsumatur għall-finijiet tal-Artikolu 18(2) tar-Regolament Nru 1215/2012 (ekwivalenti għall-Artikolu 16(2) tal-Konvenzjoni) bħala dak li jkollu fid-data tat-talba ( 49 ).

65.

Kuntratt li jinvolvi konsumatur ikun kopert mid-dispożizzjoni jekk, bħala komponent ta’ internazzjonalità, id-domiċilju tal-konsumatur, li huwa rilevanti ( 50 ) għall-ġurisdizzjoni internazzjonali, ikun jinsab fl-Istat fejn il-professjonist jeżerċita l-attività tiegħu jew imexxiha lejh.

66.

Din l-interpretazzjoni hija konsistenti mad-diskussjoni dwar l-istorja tal-Artikolu 15(1)(ċ) tal-Konvenzjoni u mal-għan li tiġi ggarantita ġurisdizzjoni internazzjonali prevedibbli għall-operatur ekonomiku.

c)   “Fil-każijiet l-oħrajn kollha”. Id-differenza bejn it-tipi ta’ kuntratti

67.

Letteralment, l-Artikolu 15(1)(ċ) tal-Konvenzjoni huwa residwu, fis-sens li jirregola l-kuntratti tal-konsumatur li ma jkunux koperti mill-ittri a) u b).

68.

L-applikazzjoni ta’ dawn l-ittri ‑ bħall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet kollha tal-Konvenzjoni ‑ teħtieġ li l-każ ikun internazzjonali. Għall-kuntrarju, ma teħtieġx rabta partikolari mad-domiċilju tal-konsumatur iġġenerata mill-parti kontraenti tiegħu.

69.

L-assenza ta’ kundizzjoni speċjali kkaratterizzat it-test fl-ewwel verżjoni tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, li ġie miżmum sal-lum.

70.

Il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat it-trattament speċifiku tal-kuntratti tal-ittri a) u b) fir-riskji inerenti għall-ħlasijiet iddifferiti. Il-bejgħ indirizzat illum fl-Artikolu 15(1)(a) tal-Konvenzjoni huwa biss dak li fih il-bejjiegħ ikun ittrasferixxa s-sjieda tal-merkanzija lix-xerrej, qabel ma dan ikun ħallas il-prezz sħiħ.

71.

F’dawn il-każijiet, “minn naħa, fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt, ix-xerrej jista’ jiġi mqarraq fir-rigward tal-ammont reali tas-somma li għandu jħallas u, min-naħa l-oħra, għandu jġarrab ir-riskju tat-telf tal-oġġett imsemmi, għalkemm jibqa’ obbligat li jissodisfa d-dati ta’ skadenza pendenti għall-ħlas” ( 51 ).

72.

Is-serjetà ta’ dawn ir-riskji tikkumpensa l-fatt li lanqas ma tkun meħtieġa l-prossimità bejn il-kuntratt u l-Istat tad-domiċilju tal-konsumatur, għall-finijiet tal-applikazzjoni tat-Taqsima 4 tat-Titolu II tal-Konvenzjoni.

d)   Konklużjoni provviżorja

73.

Għaldaqstant, l-istorja u l-għan tad-dispożizzjoni, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fuqha (jew fuq l-ekwivalenti preċedenti tagħha) u l-qari tagħha flimkien mal-Artikolu 16 iwasslu għall-interpretazzjoni li ġejja tal-Artikolu 15(1)(ċ) tal-Konvenzjoni: ikun meħtieġ a) li l-professjonist, permezz tal-eżerċizzju tal-attività ekonomika jew tal-offerta tiegħu, joħloq volontarjament rabta ma’ Stat kontraenti differenti minn dak fejn ikollu d-domiċilju; u b) li dan l-“Istat l-ieħor” ikun dak tad-domiċilju tal-konsumatur, jiġifieri l-Istat li jservi (jew ikun ser iservi, meta jiġi l-mument) biex tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni internazzjonali.

74.

Loġikament, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti, wieħed irid jikkonkludi li:

L-Artikolu 15(1)(ċ) ma jkoprix kuntratti fejn, fil-mument tal-konklużjoni tagħhom, iż-żewġ partijiet ikunu ddomiċiljati fl-istess Stat marbut bil-Konvenzjoni.

Bidla sussegwenti tad-domiċilju tal-konsumatur lejn Stat ieħor, qabel it-tressiq tal-kawża, ma hijiex biżżejjed sabiex tiġi estiża t-Taqsima 4 tat-Titolu II tal-Konvenzjoni għal kuntratti differenti tax-xiri bin-nifs ta’ proprjetà mobbli, jew konklużi sabiex jiffinanzjawha.

3.   Argumenti favur l-internazzjonalità sussegwenti (possibbli)

75.

Il-fehim tad-dispożizzjoni li għadni kif issuġġerejt jista’, madankollu, jistona mal-Artikolu 17 tal-Konvenzjoni, li jirregola l-għażla ta’ qorti fil-kuntratti tal-Artikolu 15.

76.

L-Artikolu 17(3) jirrikonoxxi l-validità ta’ klawżoli ta’ għażla tal-qorti miftiehma bejn partijiet li, “fil-ħin tal-konklużjoni tal-kuntratt”, ikollhom id-domiċilju jew ir-residenza abitwali tagħhom fl-istess Stat (marbut bil-Konvenzjoni), sakemm jagħtu l-ġurisdizzjoni lill-qrati ta’ dan l-Istat, li l-liġi tiegħu ma tipprekludix dan.

77.

Il-Konvenzjoni nnifisha, għalhekk, tidher li taċċetta, mal-ewwel daqqa t’għajn, li l-fatt li d-domiċilju taż-żewġ partijiet (tal-professjonist u tal-konsumatur) ikun l-istess fi Stat wieħed, fid-data tal-konklużjoni tal-kuntratt, ma huwiex ta’ ostakolu sabiex tiġi evalwata l-internazzjonalità u, għaldaqstant, tiġi ddeterminata l-ġurisdizzjoni.

a)   L-għażla tal-qorti qabel it-tibdil tad-domiċilju

78.

Regola simili għall-Artikolu 17(3) tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II kienet teżisti fl-ewwel verżjoni (1968) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, preċiżament fl-Artikolu 15(3).

79.

Ir-Rapport Jenard jispjega l-inklużjoni tagħha għal raġunijiet ta’ ekwità, għall-benefiċċju tal-bejjiegħ jew tal-persuna li ssellef bid-domiċilju fl-istess Stat tax-xerrej jew ta’ min jissellef, meta dawn tal-aħħar jistabbilixxu ruħhom f’pajjiż barrani ladarba jiġi konkluż il-kuntratt ( 52 ).

80.

Fil-formulazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Brussell tal‑1978, il-formulazzjoni tad-dispożizzjoni ġiet emendata sabiex jiġi ċċarat li qiegħda tagħmel riferiment għad-domiċilju komuni fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt, u mhux għall-mument li fih titressaq il-kawża ( 53 ).

81.

Ir-riferiment għal bejjiegħa u persuni li jsellfu ġie ssostitwit bil-kliem attwali. Ma hemm l-ebda spjegazzjoni għal din l-emenda.

82.

Ir-Rapport Schlosser, fl-indirizzar tat-trasferiment tad-domiċilju tal-konsumatur wara l-konklużjoni tal-kuntratt, semma b’mod espliċitu l-probabbiltà baxxa li l-kliem jaffettwa l-każ tal-Artikolu 13(3) kif kien ġie abbozzat dak iż-żmien ( 54 ). Għall-istess raġuni, l-applikabbiltà tal-Artikolu 15(3) f’dawn il-każijiet tkun eċċezzjonali wkoll.

b)   Ir-relazzjoni bejn l-Artikoli 15 u 17(3) tal-Konvenzjoni

83.

L-inklużjoni tal-Artikolu 17(3) fit-taqsima dwar il-kuntratti konklużi mill-konsumaturi ma tirrigwarda bl-ebda mod it-taqsima tal-Artikolu 15(1)(ċ) tal-Konvenzjoni, jew dik tal-artikoli korrelattivi tagħha fit-testi preċedenti.

84.

Barra minn hekk, il-punt tat-tluq tal-Artikolu 17(3), (il-lokalizzazzjoni tad-domiċilju tal-partijiet kontraenti fl-istess Stat marbut bil-Konvenzjoni fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt), jipprekludi, fir-realtà, dak tal-Artikolu 15(1)(ċ).

85.

Madankollu, ma jidhirx li l-leġiżlatur xtaq jeskludi kull relazzjoni bejn iż-żewġ dispożizzjonijiet, billi, kieku dan ikun minnu, ma jkunx elimina r-riferiment oriġinali għall-ftehim bejn bejjiegħ u xerrej jew persuna li ssellef u min jissellef.

86.

Nemmen li l-kontradizzjoni (li l-leġiżlatur jista’ jkun li ma ndunax biha) ma għandhiex tiġi solvuta bl-integrazzjoni fl-Artikolu 15(1)(ċ) ta’ sitwazzjonijiet li huwa ma kienx intiż għalihom, u li jqiegħdu lill-professjonist f’pożizzjoni sottostanti għall-parti l-oħra ( 55 ) mingħajr ma l-professjonist jiġi pprovdut b’soluzzjoni sigura.

87.

Il-possibbiltà ta’ ftehim dwar il-ġurisdizzjoni fiċ-ċirkustanzi stabbiliti fl-Artikolu 17(3) ma hijiex awtomatika billi finalment tiddependi fuq id-deċiżjoni ta’ kull Stat marbut bil-Konvenzjoni.

88.

Lanqas ma jiena ċert li, fil-prattika, din il-possibbiltà tipproteġi lill-professjonist minn tibdil mhux mistenni fiċ-ċirkustanzi, li jirriżulta mir-rieda unilaterali tal-konsumatur.

89.

Is-sitwazzjoni deskritta fl-Artikolu 17(3) tal-Konvenzjoni hija, mid-definizzjoni tagħha, domestika: l-intenzjoni naturali tal-partijiet li jidħlu fi ftehim dwar il-ġurisdizzjoni tkun l-għażla territorjali. Estensjoni ex lege tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-ftehim oriġinali li tibdlu f’għoti ta’ ġurisdizzjoni fil-livell internazzjonali ( 56 ) ma tikkorrispondix għall-previżjoni tal-partijiet, u ma narax għalxiex din għandha tkun imposta fuqhom.

90.

Il-kamp ta’ applikazzjoni xieraq tal-Artikolu 17(3) huwa l-klawżoli ta’ għażla mifthiema qabel kwalunkwe kawża, bl-intenzjoni speċifika li tiġi nnewtralizzata internazzjonalità futura maħluqa minħabba t-tibdil fid-domiċilju ta’ kwalunkwe waħda mill-partijiet ( 57 ).

91.

Il-probabbiltà ta’ previżjoni ta’ dan it-tip tinbidel skont iċ-ċirkustanzi li fih jiġi konkluż il-kuntratt: tkun ogħla jekk is-sitwazzjoni diġà jkollha xi element barrani, u tkun inqas, jew ineżistenti, f’każ bil-kontra.

92.

Din il-probabbiltà ser tiddependi wkoll, fil-parti l-kbira, mill-esperjenza tal-operatur ekonomiku involut u mir-regoli nazzjonali dwar l-għażla tal-qorti:

Kummerċant żgħir li la jeżerċita u lanqas jipproġetta l-attività ekonomika tiegħu f’pajjiżi oħrajn, diffiċli jagħmel xi ħsieb dwar il-ġurisdizzjoni internazzjonali fin-negozju ta’ kuljum.

Il-professjonist informat ikun dejjem iktar konvenjenti għalih li dejjem jinkludi klawżola dwar l-għażla tal-qorti fil-kuntratti tiegħu, jekk il-liġi applikabbli tippermetti dan. L-ispiża miżjuda sabiex iwettaq dan skont id-dispożizzjonijiet legali tiġġarrab mill-konsumatur ( 58 ).

Il-professjonist bid-domiċilju fi Stat li l-liġi tiegħu tipprekludi l-konvenzjonijiet ta’ għażla tal-qorti, jew li jkollha dubji f’dan ir-rigward, jew ser jippreferi li ma jikkonkludix il-kuntratt, jew inkella ser jimponi b’mod preventiv l-ispejjeż ta’ proċedura eventwali fil-pajjiż barrani lil kull konsumatur, billi jgħolli l-prezz tal-kuntratti.

93.

Fil-qosor, interpretazzjoni li, sabiex jiġu rrikonċiljati l-Artikolu 15(1)(ċ), u l-Artikolu 17(3) tal-Konvenzjoni, f’kull każ tqiegħed ir-riskju tal-internazzjonalità sussegwenti minħabba t-tibdil fid-domiċilju tal-konsumatur fuq il-professjonist:

tipprekludi l-każ tipiku tal-ewwel dispożizzjoni;

toffri soluzzjoni inekwa skont l-Istat kontraenti fejn jiġi konkluż il-kuntratt; u

x’aktarx li tipproduċi konsegwenzi mhux mixtieqa mill-perspettiva tal-analiżi ekonomika u tal-interessi tal-partijiet kollha kkonċernati.

94.

Għaldaqstant, jiena tal-fehma li din l-interpretazzjoni għandha tiġi miċħuda.

C. Proposta alternattiva

95.

Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ma tilqax il-proposta tiegħi, hija għandha forsi tfittex mezz sabiex tipproteġi kemm l-għan tal-protezzjoni tal-konsumatur mill-eżiġenza tal-internazzjonalità (inkluża dik li hija nnifisha toħloq), kif ukoll l-għan tal-għoti ta’ prevedibbiltà lill-operatur ekonomiku fir-rigward tal-ġurisdizzjoni internazzjonali, li l-Artikolu 15(1)(ċ) tal-Konvenzjoni jassoċja mal-attività kummerċjali transkonfinali tiegħu stess.

96.

Fil-fehma tiegħi, ma huwiex għalkollox impossibbli li tingħeleb il-kontradizzjoni li ddeskrivejt iktar ’il fuq. L-Artikolu 15(1)(ċ) tal-Konvenzjoni jista’ jiġi interpretat bħala wieħed li jkopri kwalunkwe sitwazzjoni li fiha l-professjonist iwettaq jew imexxi l-attività ekonomika tiegħu lejn Stati differenti minn dak tad-domiċilju tiegħu, fejn wieħed minnhom ikun l-Istat li fih jinsab id-domiċilju tal-konsumatur fil-mument tat-talba.

97.

F’dan il-kuntest, il-fatt li, fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt, iż-żewġ partijiet ikollhom id-domiċilju tagħhom fl-istess Stat marbut bil-Konvenzjoni, ma jipprekludix l-applikazzjoni tal-Artikolu 15(1)(ċ), u għaldaqstant, tat-Taqsima 4 tat-Titolu II tal-Konvenzjoni, bil-konsegwenzi kollha tagħha.

98.

F’dan l-istess kuntest, il-konsumatur li jittrasferixxi a posteriori d-domiċilju tiegħu lejn Stat ieħor marbut bil-Konvenzjoni jista’ jressaq it-talba tiegħu quddiem il-qrati tad-domiċilju tal-operatur ekonomiku, jew quddiem dawk tad-domiċilju l-ġdid tiegħu. L-operatur ekonomiku jista’ biss iressaq azzjoni f’dan tal-aħħar.

99.

Jiena konxju li jekk, fil-mument tat-tħejjija u l-konklużjoni tal-kuntratt, l-operatur ekonomiku jkollu d-domiċilju fl-istess Stat tal-konsumatur, mingħajr ebda element ta’ internazzjonalità sussegwenti, huwa, bħala prinċipju, ma huwa ser ikollu l-ebda raġuni sabiex jipprevedi talba fi Stat ieħor, dwar dan il-kuntratt partikolari.

100.

Il-prevedibbiltà hawnhekk hija allokata f’livell ogħla ta’ astrazzjoni. Minħabba l-fatt li jwettaq ċertu tip ta’ attività fi Stat ieħor, il-professjonist li normalment ikun diliġenti ma jistax jinjora l-fatt li jista’ jiġi mħarrek fir-rigward ta’ kwalunkwe kuntratt li, minħabba s-suġġett tiegħu, jaqa’ fl-ambitu ta’ din l-attività ( 59 ), jekk il-konsumatur jittrasferixxi d-domiċilju tiegħu hemmhekk.

101.

B’kunsiderazzjoni għal din il-possibbiltà, li huwa konxju dwarha minħabba li tkun ġejja mill-attività tiegħu stess, l-operatur ekonomiku li normalment ikun diliġenti jkun jista’ jagħmel użu mill-għodda pprovduta mill-Artikolu 17(3), jiġifieri, jiffirma ftehim li jagħti l-ġurisdizzjoni lill-qrati tal-Istat tad-domiċilju komuni fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt (sakemm il-liġi ta’ dan l-Istat ma tipprekludix dan).

102.

Is-soluzzjoni, li ma hijiex l-aħjar waħda, issib ċerta ispirazzjoni fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja:

Fis-sentenza Emrek, ġiet iddissoċjata l-attività kummerċjali fi Stat u l-konklużjoni tal-kuntratt ma’ konsumaturi ddomiċiljati fih, billi ġie sostnut li l-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Nru 44/2001 ma jistabbilixxix rabta kawżali bejn il-mezz użat sabiex tiġi mmexxija l-attività kummerċjali jew professjonali lejn l-Istat Membru tad-domiċilju tal-konsumatur u l-konklużjoni tal-kuntratt ma’ dan tal-aħħar ( 60 ).

Fis-sentenza Hobohm ġie ammess li l-attività li fir-rigward tagħha huwa mħarrek l-operatur ekonomiku tista’ ma tkunx dik li dan tal-aħħar imexxi lejn l-Istat fejn ikun iddomiċiljat il-konsumatur. Tali soluzzjoni hija suġġetta għall-kundizzjoni li jkun hemm rabta mill-qrib bejn il-kuntratti li jirriżultaw mill-attivitajiet differenti tal-professjonist. Il-Qorti tal-Ġustizzja indikat ċerti elementi li jikkostitwixxu tali rabta u kkunsidrat li, fejn ikun hemm tali rabta, “il-professjonist jista’ raġonevolment jistenna li ż-żewġ kuntratti jkunu suġġetti għall-istess regoli ta’ ġurisdizzjoni internazzjonali” ( 61 ).

V. Konklużjoni

103.

Fir-rigward ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi lill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja) b’dan il-mod:

“L-Artikolu 15(1)(ċ) tal-Konvenzjoni dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, iffirmata f’Lugano fit‑30 ta’ Ottubru 2007, li l-konklużjoni tagħha ġiet approvata f’isem il-Komunità Ewropea permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/430/KE tas‑27 ta’ Novembru 2008, għandu jiġi interpretat fis-sens li dan ma japplikax meta, fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt, il-partijiet fiha jkollhom id-domiċilju tagħhom (fis-sens tal-Artikoli 59 u 60 ta’ din il-Konvenzjoni) fl-istess Stat marbut bil-Konvenzjoni u meta l-komponent barrani tar-relazzjoni ġuridika jqum biss a posteriori, wara li l-konsumatur ikun ittrasferixxa d-domiċilju tiegħu lejn Stat ieħor li huwa marbut ukoll bil-Konvenzjoni.

Sussidjarjament, l-Artikolu 15(1)(ċ) tal-Konvenzjoni japplika meta d-domiċilju tal-partijiet fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt ikun jinsab fl-istess Stat marbut b’din il-Konvenzjoni u l-konsumatur jiċċaqlaq sussegwentement lejn Stat ieħor li jkun ukoll marbut bil-Konvenzjoni, sakemm l-operatur ekonomiku jeżerċita, fl-Istat tad-domiċilju l-ġdid tal-konsumatur, attivitajiet professjonali bħal dawk li wasslu għall-konklużjoni tal-kuntratt”.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.

( 2 ) Konvenzjoni dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, iffirmata fit‑30 ta’ Ottubru 2007 f’Lugano, u li l-konklużjoni tagħha ġiet approvata f’isem il-Komunità permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/430/KE tas‑27 ta’ Novembru 2008 (ĠU 2009, L 147, p. 1, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Lugano II” jew il-“Konvenzjoni”). Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni għall-interpretazzjoni tiegħu skont il-Protokoll Nru 2 anness mal-Konvenzjoni.

( 3 ) Iż-żewġ Stati jinsabu marbuta bil-Konvenzjoni. F’dawn il-konklużjonijiet, it-terminu “Stat” jagħmel riferiment għal dawk marbuta bil-Konvenzjoni, minbarra Stati terzi.

( 4 ) Fis-sentenza tat‑2 ta’ Mejju 2019, Pillar Securitisation (C‑694/17, EU:C:2019:345), ġie indirizzat il-kunċett ta’ “konsumatur” tal-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni.

( 5 ) Regolament tal-Kunsill tat‑22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42).

( 6 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012, L 351, p. 1). Ir-regola ekwivalenti f’dan ir-regolament hija l-Artikolu 17(1)(c).

( 7 ) Digriet tat‑3 ta’ Settembru 2020, mBank S.A. (C‑98/20, EU:C:2020:672; iktar ’il quddiem, id-“digriet mBank S.A.”). Kienet inkwistjoni l-interpretazzjoni tal-Artikolu 18(2) tar-Regolament Nru 1215/2012, li l-formulazzjoni tiegħu tikkoinċidi ma’ dik tal-Artikolu 16(2) tal-Konvenzjoni.

( 8 ) Il-Kummissjoni, b’mod partikolari, tissagrifika l-prevedibbiltà tal-qrati mill-perspettiva tal-professjonist li jikkonkludi kuntratt mal-konsumatur (osservazzjonijiet bil-miktub, punti 51 et seq.).

( 9 ) Sentenza tat‑2 ta’ Mejju 2019, Pillar Securitisation (C‑694/17, EU:C:2019:345), punt 27.

( 10 ) Dan ma jipprekludix it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ kunċetti ta’ dispożizzjonijiet oħrajn tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari, jekk ikunu servew ta’ ispirazzjoni għar-regoli ta’ ġurisdizzjoni: infra, punt 47 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 11 ) Qiegħed nuża dan it-terminu minħabba li huwa dak li jintuża fil-Konvenzjoni.

( 12 ) Premessa 18 tar-Regolament Nru 1215/2012. Fost oħrajn, is-sentenzi tal‑11 ta’ Lulju 2002, Gabriel (C‑96/00, EU:C:2002:436; iktar ’il quddiem, is-“sentenza Gabriel”), punt 39; tal‑14 ta’ Marzu 2013, Česká spořitelna (C‑419/11, EU:C:2013:165), punt 33; u tas‑7 ta’ Diċembru 2010, Pammer u Hotel Alpenhof (C‑585/08 u C‑144/09, EU:C:2010:740; iktar ’il quddiem, is-“sentenza Pammer u Hotel Alpenhof”), punt 58.

( 13 ) B’rabta, b’mod partikolari, mal-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Nru 44/2001, ara s-sentenzi Pammer u Hotel Alpenhof, punt 70; tas‑6 ta’ Settembru 2012, Mühlleitner (C‑190/11, EU:C:2012:542; iktar ’il quddiem, is-“sentenza Mühlleitner”), punt 33; u tat‑23 ta’ Diċembru 2015, Hobohm (C‑297/14, EU:C:2015:844; iktar ’il quddiem, is-“sentenza Hobohm”), punt 32.

( 14 ) F’din il-kawża, il-mistoqsija hija jekk, f’konformità mal-Artikolu 15(1)(ċ) tal-Konvenzjoni, l-internazzjonalità għandux ikollha profil partikolari.

( 15 ) Ara, f’dan l-istess sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cruz Villalón fil-kawża Emrek (C‑218/12, EU:C:2013:494), punt 23.

( 16 ) Għaldaqstant, titqies bħala valida l-klawżola ta’ għażla tal-qorti maqbula wara li tkun qamet il-kwistjoni, anki jekk tidderoga l-ġurisdizzjoni fl-Istat tad-domiċilju tal-konsumatur (Artikolu 17(1) tal-Konvenzjoni). Hija ammessa wkoll is-sottomissjoni taċita mill-konsumatur lil qrati differenti minn dawk tad-domiċilju tiegħu, kif jirriżulta mill-Artikolu 26(2) tar-Regolament Nru 1215/2012.

( 17 ) Sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2005, Gruber (C‑464/01, EU:C:2005:32; iktar ’il quddiem, is-“sentenza Gruber”), punt 34.

( 18 ) Minbarra oħrajn.

( 19 ) Ara, taħt il-Konvenzjoni tas‑27 ta’ Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 1972, L 299, p. 32; test ikkonsolidat fil-ĠU 1998, C 27, p. 1; iktar ’il quddiem, il-“Konvenzjoni ta’ Brussell”), is-sentenzi tat‑3 ta’ Lulju 1997, Benincasa (C‑269/95, EU:C:1997:337), punt 14; Gabriel, punt 36; u Gruber, punti 32 u 33. Fir-rigward tar-Regolament Nru 44/2001, ara s-sentenza Mühlleitner, punti 26 u 27, u fir-rigward tar-Regolament Nru 1215/2012, is-sentenza tal‑10 ta’ Diċembru 2020, Personal Exchange International (C‑774/19, EU:C:2020:1015), punt 24.

( 20 ) Sentenza tal‑10 ta’ Diċembru 2020, Personal Exchange International (C‑774/19, EU:C:2020:1015), punt 25: “[…] l-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 44/2001 japplika fil-każ fejn jiġu ssodisfatti tliet kundizzjonijiet, jiġifieri, l-ewwel nett, li parti kontraenti jkollha l-kwalità ta’ konsumatur li jaġixxi f’kuntest li jista’ jitqies li huwa barrani għall-attività professjonali tagħha; it-tieni nett, li l-kuntratt bejn tali konsumatur u professjonist ikun ġie effettivament konkluż; u, it-tielet nett, li tali kuntratt jaqa’ taħt waħda mill-kategoriji msemmija fil-punti (a) sa (c) tal-Artikolu 15(1)”.

( 21 ) Dwar l-interpretazzjoni restrittiva tal-kunċett ta’ “konsumatur”, ara, fost oħrajn, is-sentenzi tat‑3 ta’ Lulju 1997, Benincasa (C‑269/95, EU:C:1997:337), punt 16, u tat‑3 ta’ Ottubru 2019, Petruchová (C‑208/18, EU:C:2019:825), punt 41.

( 22 ) Sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2019, Petruchová (C‑208/18, EU:C:2019:825), punt 52, u n-noti sussegwenti ċċitati.

( 23 ) Sentenza Gruber, punt 45.

( 24 ) Sentenzi tat‑28 ta’ Jannar 2015, Kolassa (C‑375/13, EU:C:2015:37), punt 29; tal‑25 ta’ Jannar 2018, Schrems (C‑498/16, EU:C:2018:37), punt 46; u tas‑26 ta’ Marzu 2020, Primera Air Scandinavia (C‑215/18, EU:C:2020:235), punti 6263.

( 25 ) Sentenzi tal‑14 ta’ Mejju 2009, Ilsinger (C‑180/06, EU:C:2009:303), punti 5657; tal‑20 ta’ Jannar 2005, Engler (C‑27/02, EU:C:2005:33), punti 35 et seq. u d-dispożittiv; u tat‑28 ta’ Jannar 2015, Kolassa (C‑375/13, EU:C:2015:37).

( 26 ) Sentenzi tal‑14 ta’ Novembru 2013, Maletic u Maletic (C‑478/12, EU:C:2013:735), punt 32; tat‑28 ta’ Jannar 2015, Kolassa (C‑375/13, EU:C:2015:37), punt 33; tas‑26 ta’ Marzu 2020, Primera Air Scandinavia (C‑215/18, EU:C:2020:235), punt 64; u tal‑25 ta’ Jannar 2018, Schrems (C‑498/16, EU:C:2018:37), punt 46.

( 27 ) Punti 54, 55, 57 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 28 ) Hija llimitat ruħha sabiex tiddetermina “jekk l-Artikolu 18(2) tar-Regolament Nru 1215/2012 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ ‘domiċilju tal-konsumatur’ imsemmi f’din id-dispożizzjoni jindika d-domiċilju tal-konsumatur fid-data tal-konklużjoni tal-kuntratt inkwistjoni jew id-domiċilju tiegħu fid-data tal-preżentata tal-azzjoni ġudizzjarja” (punt 23 fid-digriet mBank S.A.).

( 29 ) Fid-digriet mBank S.A., ir-riferiment għall-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 jidher fil-punti 24 u 25 (b’derivazzjoni, jidher ukoll fil-punt 33) u ma jaffettwax dak li huwa rilevanti hawnhekk: “[…] [i]l-kuntratt inkwistjoni […] ġie konkluż minn persuna fiżika li għandha l-kwalità ta’ konsumatur u l-ebda element ieħor […] ma jindika li PA kien ikkonkluda dan il-kuntratt għal użu marbut ma’ attività professjonali, fis-sens tal-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 1215/2012. Minn dan isegwi li, konformement ma’ din l-aħħar dispożizzjoni, il-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali jista’ jaqa’ taħt il-kategorija ta’ ‘kuntratti konklużi minn konsumatur’, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni”.

( 30 ) Sentenza tas‑17 ta’ Novembru 2011, Hypoteční banka (C‑327/10, EU:C:2011:745).

( 31 ) F’din il-kawża, il-qorti tar-rinviju inkwadrat id-domanda tagħha fl-Artikolu 16(2) tar-Regolament Nru 44/2001, mingħajr spjegazzjoni ulterjuri. Iċ-ċirkustanzi tal-kawża kienu, f’kull każ, eċċezzjonali, u dan jargumenta kontra l-konverżjoni tagħha f’paradigma dwar punt li fuqu ma hemm l-ebda riflessjoni. La l-allegazzjonijiet tal-partijiet u lanqas il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Trstenjak (C‑327/10, EU:C:2011:561) ma jindirizzaw dan id-dettall. Fis-sentenza ma jissemmiex l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 44/2001.

( 32 ) Sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2013, Maletic u Maletic (C‑478/12, EU:C:2013:735).

( 33 ) Loc. ult. cit., punt 25.

( 34 ) Sentenza tas‑17 ta’ Novembru 2011, Hypoteční banka (C‑327/10, EU:C:2011:745, punt 31).

( 35 ) Sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2013, Maletic u Maletic (C‑478/12, EU:C:2013:735, punti 29 et seq.).

( 36 ) Konvenzjoni dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, iffirmata f’Lugano fis‑16 ta’ Settembru 1988 (ĠU 1988, L 319, p. 9).

( 37 ) ĠU 1978, L 304, p. 1; EE 01/02, p. 131.

( 38 ) Sentenza Gabriel, punti 40 et seq., b’riferiment għar-Rapport Schlosser dwar il-Konvenzjoni dwar l-Adeżjoni tar-Renju tad-Danimarka, tal-Irlanda u tar-Renju Unit tal-Gran Bittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mal-Konvenzjoni dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, kif ukoll għall-Protokoll dwar l-interpretazzjoni tagħha mill-Qorti tal-Ġustizzja (ĠU 1979, C 59, p. 71; iktar ’il quddiem, ir-“Rapport Schlosser”), punt 158.

( 39 ) Rapport Schlosser, punt 161, in fine.

( 40 ) Sentenza Gabriel, punt 44. Il-kunċetti ta’ “aġent” u “bejjiegħ ambulanti” jikkorroboraw l-idea tal-istabbiliment tal-offerent fi Stat differenti minn dak tal-konsumatur. Attivitajiet oħrajn tipiċi, dak iż-żmien kienu l-bejgħ bil-posta jew bit-telefon.

( 41 ) Sentenzi Pammer u Hotel Alpenhof, punti 59 u 60, u Mühlleitner, punt 38.

( 42 ) Fis-sentenza Mühlleitner, il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li l-konklużjoni tal-kuntratt mill-bogħod ma hijiex element essenzjali għall-applikazzjoni tal-artikolu. Il-konsumatur, wara li kkonsulta s-sit internet tal-professjonist, iċċaqlaq lejn l-Istat Membru tad-domiċilju tiegħu, u hemmhekk ġie konkluż u mwettaq il-bejgħ. Il-fatti huma simili għal dawk tas-sentenza tas‑17 ta’ Ottubru 2013, Emrek (C‑218/12, EU:C:2013:666).

( 43 ) Fir-rigward tar-Regolament Nru 44/2001, ara l-espożizzjoni tal-motivi tal-Proposta għal Regolament tal-Kunsill (KE) dwar il-ġurisdizzjoni, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (COM(1999) 348 final, p. 15 sa 17, b’mod partikolari, p. 16: “Il-punt tat-tluq tal-Artikolu 15 il-ġdid huwa li l-parti kontraenti tkun dik li toħloq ir-rabta billi tmexxi l-attivitajiet tagħha fl-Istat tal-konsumatur” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

( 44 ) Rapport Pocar dwar il-Konvenzjoni ta’ Lugano II (ĠU 2009, C 319, p. 1), punti 82 u 83. Enfasi miżjuda minni.

( 45 ) Sentenza Pammer u Hotel Alpenhoff, punti 75 u 76, u d-dispożittiv 2.

( 46 ) Ara l-espożizzjoni tal-motivi tal-proposta tal-Kummissjoni (nota ta’ qiegħ il-paġna 43 preċedenti ta’ dawn il-konklużjonijiet), p. 16.

( 47 ) Loc. ult. cit.

( 48 ) Ma hemm l-ebda oppożizzjoni bejniethom; fil-fatt, it-“tmexxija” tal-attività tista’ diġà tkun forma tal-eżerċizzju tagħha, jew stadju ta’ dan l-eżerċizzju.

( 49 ) Digriet mBank S.A.

( 50 ) Fir-realtà, ikun rilevanti jekk, u meta, tqum kawża, bħala kriterju għall-għoti tal-ġurisdizzjoni.

( 51 ) Sentenza tas‑27 ta’ April 1999, Mietz (C‑99/96, EU:C:1999:202), punt 31. Għaldaqstant, dan ma jitqiesx li huwa bejgħ bin-nifs jekk il-prezz ikun irid jitħallas kollu qabel ma jseħħ it-trasferiment tal-proprjetà, anki jekk ix-xerrej ikun ingħata l-faċilità li jħallas bin-nifs.

( 52 ) Rapport Jenard dwar il-Konvenzjoni ta’ Brussell tal‑1968 (ĠU 1979, C 59, p. 1), p. 152.

( 53 ) Rapport Schlosser, punt 161a.

( 54 ) Ara l-punt 46 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Il-punt 161 in fine tar-Rapport Schlosser jindika li “t-Taqsima 4 l-ġdida ma hijiex applikabbli, ħlief għal eċċezzjonijiet rari, meta l-konsumatur jittrasferixxi d-domiċilju tiegħu lejn Stat Membru ieħor wara l-konklużjoni tal-kuntratt. Fil-fatt, l-atti neċessarji għall-konklużjoni tal-kuntratt imsemmi kważi qatt ma jitwettqu fl-Istat il-ġdid tad-domiċilju”.

( 55 ) Fis-sistema tal-Konvenzjoni, huwa riskju komuni li element barrani b’konsegwenzi għall-ġurisdizzjoni internazzjonali jidher wara li jkun ġie konkluż il-kuntratt. Madankollu, f’relazzjonijiet fejn ma jkunx hemm parti dgħajfa, ir-rikorrent ikollu diversi “qrati fejn titressaq il-kawża” għad-dispożizzjoni tiegħu; dan ma huwiex il-każ fit-Taqsima 4 tat-Titolu II. Il-professjonist suġġett għal din it-taqsima ma għandux għad-dispożizzjoni tiegħu, bħala rikorrent, iktar qrati minn dawk tal-Istat tad-domiċilju tal-konsumatur. L-Artikolu 17(3) ma jiftaħx iktar possibbiltajiet għalih: sempliċement jibdel il-qorti tad-domiċilju attwali tal-konsumatur għal dik li kellu fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt.

( 56 ) Dan jimplika li l-ftehim jissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-validità tiegħu, inkluż f’dan il-livell. Il-partijiet jistgħu, naturalment, jagħtu lill-klawżola kamp ta’ applikazzjoni differenti fir-rigward tal-internazzjonalità sussegwenti. Ma huwiex probabbli li huma jagħmlu dan qabel ma titqajjem il-kawża: spiss, dan iseħħ biss fil-mument meta l-professjonist isir jaf dwar it-trasferiment tad-domiċilju tal-konsumatur. F’dan il-każ jiġi applikat l-Artikolu 17(1) u mhux l-Artikolu 17(3).

( 57 ) Dan huwa ċar ukoll mir-Rapport Jenard, p. 152. L-ipoteżi kienet it-tibdil tad-domiċilju tal-konsumatur. Fir-realtà, il-klawżola tnaqqas ukoll il-possibbiltajiet tal-konsumatur bħala rikorrent.

( 58 ) Ir-Rapport Schlosser, punt 161a, jagħmel riferiment esklużiv għall-kundizzjonijiet formali tal-ftehim, li għandhom ikunu dawk tal-Artikolu 17 (l-Artikolu 23 tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II). Kundizzjonijiet oħrajn ser jiġu ddeterminati mil-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tal-konsumatur tal-Istat, li l-liġi tiegħu tkun applikabbli għall-validità tal-ftehim.

( 59 ) Il-kundizzjoni li l-kuntratt għandu jikkorrispondi għall-attività internazzjonali tal-professjonist hija eżiġenza testwali tal-Artikolu 15(1)(ċ) innifsu, li jservi għall-prevedibbiltà (sentenza Hobohm, punt 39).

( 60 ) Sentenza tas‑17 ta’ Ottubru 2013, Emrek (C‑218/12, EU:C:2013:666). F’din il-kawża, il-konsumatur ma kienx sar jaf dwar l-attività tal-bejjiegħ mis-sit internet ta’ dan tal-aħħar, iżda minn konoxxenti tiegħu stess. Fuq l-eżempju tal-qorti tar-rinviju, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat il-fatt li l-professjonist kien qiegħed ifittex li jattira konsumaturi minn pajjiż ieħor għajr dak tiegħu permezz tas-sit internet.

( 61 ) Sentenza Hobohm, punti 39 u 40, u d-dispożittiv.