KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
HOGAN
ippreżentati fl‑24 ta’ Ġunju 2021 ( 1 )
Kawża C‑271/20
Aurubis AG
vs
Bundesrepublik Deutschland
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgericht Berlin (il-Qorti Amministrattiva ta’ Berlin, il-Ġermanja))
“Talba għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra – Arranġament tranżitorju għall-allokazzjoni armonizzata mingħajr ħlas tal-kwoti ta’ emissjoni – Deċiżjoni 2011/278/UE – Artikolu 3(d) – Kunċett ta’ ‘subinstallazzjoni ta’ parametru referenzjarju tal‑fjuwil’ – Tidwib flash – Reazzjoni awtotermika – Talba għal allokazzjoni mhux milqugħa fl-aħħar tal-perijodu ta’ skambju”
I. Introduzzjoni
1. |
Din it-talba għal deċiżjoni preliminari mill-Verwaltungsgericht Berlin (il‑Qorti Amministrattiva ta’ Berlin, il-Ġermanja) tikkonċerna prinċipalment il-kunċett ta’ “subinstallazzjoni ta’ parametru referenzjarju tal-fjuwil” fis-sens tat-tifsira tal-Artikolu 3(d) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/278/UE tas‑27 ta’ April 2011 li tiddetermina regoli tranżitorji madwar l-Unjoni kollha għal allokazzjoni armonizzata mingħajr ħlas tal-kwoti tal-emissjonijiet skont l-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [tat‑13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 631)] ( 2 ). |
2. |
Is-“subinstallazzjoni ta’ parametru referenzjarju tal-fjuwil” hija waħda mill-kategoriji ta’ installazzjoni industrijali li tista’ tiġi allokata kwoti ta’ emissjoni mingħajr ħlas għall-finijiet tad-Direttiva 2003/87. Hija din id-direttiva li tistabbilixxi skema għall-kwoti ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra għall-kumpanniji li jwettqu skambju fi ħdan l-Unjoni Ewropea. |
3. |
It-talba saret fil-mori tal-kawża bejn Aurubis AG (iktar ’il quddiem “Aurubis”) u l-Bundesrepublik Deutschland (ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja), irrappreżentata mill-Umweltbundesamt, Deutsche Emissionshandelsstelle (l-Aġenzija Federali għall-Ambjent, l-Awtorità Ġermaniża għall-Iskambju ta’ Emissjonijiet, iktar ’il quddiem id-“DEHSt”), li tikkonċerna l-ammont ta’ kwoti ta’ emissjonijiet allokati lil Aurubis mingħajr ħlas għall-attività ta’ produzzjoni primarja tar-ram tagħha. |
II. Il-kuntest ġuridiku
A. Id-dritt tal-Unjoni
1. Id-Direttiva 2003/87
4. |
Id-Direttiva 2003/87 ġiet emendata diversi drabi, inkluż permezz tad-Direttiva 2009/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ April 2009 li temenda d-Direttiva 2003/87/KE għat-titjib u l-estensjoni tal-iskema Komunitarja għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ( 3 ) u mid-Direttiva (UE) 2018/410 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Marzu 2018 li temenda d-Direttiva 2003/87/KE biex jiżdiedu t-tnaqqis kosteffettiv tal-emissjonijiet u l-investimenti għal emissjonijiet baxxi ta’ karbonju, u d-Deċiżjoni (UE) 2015/1814 ( 4 ). Fid-dawl tal-fatti tal-kawża prinċipali, hija l-verżjoni applikabbli fl‑2012 li jidhirli li hija rilevanti għar-risposta għall-ewwel domanda u għaldaqstant ser tintuża, sakemm mhux speċifikat mod ieħor. |
5. |
L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2003/87, intitolat “Il-materja tas-suġġett”, jgħid: “Din id-Direttiva tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti għall-emissjoniji tal-gassijiet serra ġewwa l-Komunità (minn issa ‘l quddiem imsjħa l-‘iskema Komunitarja’) sabiex tippromwovi t-tnaqqis ta’ l-emissjoni tal-gassijiet serra b’manjiera effettiva rigward spejjez u effiċjenza ekonomika. […]” |
6. |
L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/87, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, jipprovdi, fil-paragrafu 1: “Din id-Direttiva għandha tapplika għall-emissjonijiet mill-attivitajiet elenkati fl-Anness I u għall-gassijiet serra elenkati fl-Annes II.” |
7. |
L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2003/87, intitolat “Id-definizzjonijiet”, jgħid: “Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin: […]
[…]
[…]
[…]” |
8. |
L-Artikolu 10a(1) tad-Direttiva 2003/87, intitolat “Regoli tranżitorji madwar [l-Unjoni] kollha għal allokazzjoni gratis armonizzata”, jgħid: “Sal‑31 ta’ Diċembru 2010, il-Kummissjoni għandha tadotta, miżuri ta’ implimentazzjoni sabiex ikunu applikabbli mal-Komunità kollha li jkunu kompletament armonizzati għall-allokazzjoni tal-kwoti msemmija fil-paragrafi 4, 5, 7 u 12 inkluża kwalunkwe dispożizzjoni neċessarja għall-applikazzjoni armonizzata tal-paragrafu 19 ta’ dan l-Artikolu. Dawk il-miżuri, imfassla biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva, billi jissupplimentawha, għandhom jiġu adottati konformement mal-proċedura regolatorja bi skrutinju kif stipulat fl-Artikolu 23(3). Il-miżuri msemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom, safejn ikun fattibbli, jiddeterminaw punti ta’ riferiment ex ante [tal-Unjoni] sabiex jiżguraw li l-allokazzjoni sseħħ b’mod li tagħti inċentivi għal tnaqqis fl-emissjonijiet ta’ gass serra u għal teknika ta’ effiċjenza fl-enerġija, billi tqis it-teknika l-aktar effiċjenti, is-sostituti, il-proċessi alternattivi ta’ produzzjoni, il-koġenerazzjoni b’effiċjenza għolja, l-irkupru effiċjenti tal-enerġija mill-gassijiet tal-iskart, l-użu tal-bijomassa u tal-ġabra u l-ħażna tas-CO2, fejn dawn il-faċilitajiet ikunu disponibbli, u ma għandhiex tipprovdi inċentivi biex jiżdiedu l-emissjonijiet. M’għandha ssir ebda allokazzjoni gratis fir-rigward ta’ kwalunkwe produzzjoni tal-elettriku, ħlief għall-każijiet li jaqgħu taħt l-Artikolu 10c u l-elettriku prodott mill-gassijiet tal-iskart. Fil-prinċipju, għal kull settur u subsettur, il-punt ta’ riferiment għandu jiġi kkalkulat għall-prodotti aktar milli għall-inputs, sabiex jiġu mmassimizzati kemm jista’ jkun it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra u l-iffrankar mill-effiċjenza enerġetika matul kull proċess ta’ produzzjoni tas-settur jew subsettur ikkonċernat. […]” |
2. Id-Deċiżjoni 2011/278
9. |
Il-premessi 1, 5, 12 u 18 tad-Deċiżjoni 2011/278 jipprovdu kif ġej:
[…]
[…]
|
10. |
L-Artikolu 2 ta’ din id-deċiżjoni, intitolat “L-ambitu”, jipprovdi: “Din id-Deċiżjoni għandha tapplika għall-allokazzjoni mingħajr ħlas tal-kwoti tal-emissjonijiet taħt il-Kapitolu III (installazzjonijiet stazzjonarji) tad-Direttiva [2003/87] f’perjodi ta’ skambji mill‑2013 […]” |
11. |
L-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni 2011/278 jipprovdi: “Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
[…]
|
12. |
L-Artikolu 10(8) tad-Deċiżjoni 2011/278, intitolat “L-allokazzjoni fil-livell ta’ installazzjoni”, jgħid: “Meta jiddeterminaw l-ammont annwali totali preliminari ta’ kwoti tal-emissjonijiet allokati mingħajr ħlas lil kull installazzjoni, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-emissjonijiet ma jingħaddux darbtejn u li l-allokazzjoni ma tkunx negattiva […]” |
13. |
Id-Deċiżjoni 2011/278 ġiet revokata b’effett mill‑1 ta’ Jannar 2021 mir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/331 tad‑19 ta’ Diċembru 2018 li jiddetermina regoli tranżizzjonali għall-Unjoni kollha għall-allokazzjoni armonizzata bla ħlas tal-kwoti tal-emissjonijiet skont l-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 5 ). Madankollu, skont l-Artikolu 27 ta’ dak ir-Regolament Delegat, dik id-deċiżjoni ser tkompli tapplika fl-allokazzjonijiet relatati mal-perijodu ta’ qabel l‑1 ta’ Jannar 2021. |
B. Id-dritt Ġermaniż
1. It-Treibhausgas‑Emissionshandelsgesetz
14. |
L-Artikolu 9 tat-Treibhausgas-Emissionshandelsgesetz (il-Liġi dwar l-Iskambju tal-Emissjonijiet ta’ Gassijiet Serra) tal‑21 ta’ Lulju 2011 ( 6 ) (iktar ’il quddiem it-“TEHG”) huwa fformulat kif ġej: “(1) Operaturi ta’ installazzjonijiet ser jirċievu allokazzjoni ta’ kwota mingħajr ħlas skont il-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 10a […] tad-Direttiva [2003/87] […] fil-verżjoni fis-seħħ fiż-żmien rilevanti u [fid-Deċiżjoni 2011/278] […]” |
15. |
It-tieni parti tal-Anness I għat-TEHG, intitolat “Attivitajiet”, telenka, fil-punt 1, fost l-installazzjonijiet li l-emissjonijiet tagħhom jaqgħu fi ħdan il-kamp tal-applikazzjoni ta’ din il-liġi, “unitajiet tal-kombustjoni intiżi sabiex jaħarqu fjuwil b’input termiku nominali totali daqs jew jeċċedi 20 MW f’installazzjoni, sakemm mhux koperti minn wieħed mill-punti segwenti”. |
2. Iz-Zuteilungsverordnung 2020
16. |
L-Artikolu 2(27) u (29) tal-Verordnung über die Zuteilung von Treibhausgas‑Emissionsberechtigungen in der Handelsperiode 2013 bis 2020 (Zuteilungsverordnung 2020) (ir-Regolament dwar l-Allokazzjoni ta’ Kwoti ta’ Emissjoni ta’ Gassijiet Serra fil-Perijodu ta’ Skambju mill‑2013 sal‑2020) tas‑26 ta’ Settembru 2011 ( 7 ) (iktar ’il quddiem iz-“ZuV 2020”) jiddefinixxi t-termini “subinstallazzjoni ta’ parametru referenzjarju tal-fjuwil” u “subinstallazzjoni ta’ emissjonijiet minn proċess” f’termini simili għal dawk tal-Artikolu 3(d) u (h) tad-Deċiżjoni 2011/278. |
III. Il-fatti li wasslu għall-kawża prinċipali
17. |
Aurubis topera installazzjoni f’Hamburg (il-Ġermanja) li tipproduċi ram primarju. Peress li din l-attività taqa’ taħt il-kategorija ta’ attivitajiet fil-punt 6 tal-Anness I tad-Direttiva 2003/87 tal‑“produzzjoni jew l-ipproċessar ta’ metalli mhux tal-ħadid […] fejn jitħaddmu unitajiet tal-kombustjoni b’kapaċità termika totali […] li taqbeż l‑20 MW”, Aurubis hija suġġetta għall-obbligu ta’ skambju ta’ emissjonijiet. |
18. |
L-installazzjoni tikkonsisti f’żewġ subinstallazzjonijiet, ir-Rohhüttenwerk Nord u ir-Rohhüttenwerk Ost (RWO). It-tilwima fil-kawża prinċipali tikkonċerna biss din tal-aħħar. Is-subinstallazzjoni RWO hija funderija li fiha ram primarju jiġi miksub permezz ta’ tidwib flash tal-konċentrat tar-ram, billi jintuża dak magħruf bħala l-proċess “Outokumpu” ( 8 ). Madankollu, skont Aurubis, dan il-proċess ġie mtejjeb permezz tar-riċerka u xogħol ta’ żvilupp tagħha stess sabiex il-forn ta’ tidwib flash jista’ jiġi operat mingħajr l-użu tal-fjuwils bil-karbonju ( 9 ). |
19. |
Bid-deċiżjoni tas-17 ta’ Frar 2014, id-DEHSt allokat lir-rikorrenti total ta’ 2596999 kwoti ta’ emissjoni mingħajr ħlas għas-snin 2013 sa 2020 wara t-talba tal-rikorrenti tal‑20 ta’ Jannar 2012. |
20. |
Fl‑14 ta’ Marzu 2014, ir-rikorrenti ppreżentat oġġezzjoni. Bid-deċiżjoni dwar l-oġġezzjoni tat‑3 ta’ April 2018, id-DEHSt irrevokat id-deċiżjoni tal-kwoti parzjalment, sa fejn l-allokazzjoni teċċedi il-kwota ta’ emissjoni ta’ 1784398. Hija tat bħala raġuni l-fatt li l-konċentrat tar-ram ma setax jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest ta’ “subinstallazzjoni ta’ parametru referenzjarju tal-fjuwil” iżda kellu jiġi konness mas-“subinstallazzjonijiet ta’ emissjonijiet minn proċess”. Wara l-kalkolu mill-ġdid tal-intitolament tal-allokazzjoni, id-DEHSt irrevokat 523027 kwota. |
21. |
Ir-rikorrenti kkontestat id-deċiżjoni dwar l-oġġezzjoni permezz ta’ rikors ippreżentat fit‑30 ta’ April 2018 quddiem il-qorti tar-rinviju. |
22. |
Skont it-talba għal deċiżjoni preliminari, Aurubis saħqet quddiem il-qorti tar-rinviju li l-konċentrat tar-ram li tuża għall-proċess tat-tidwib flash jinkludi kubrit tar-ram u ħadid (30 % kull wieħed ram, ħadid u kubrit). Il-konċentrat fih ukoll traċċi ta’ karbonju u metalli oħra. Sabiex jiġi miksub ram primarju, dak il-konċentrat l-ewwel huwa mħawwad ma’ ramel u sustanzi għall-użu oħra li wkoll xi kultant fihom kwantitajiet żgħar ta’ karbonju. Għalhekk il-preparazzjoni miksuba hija mqiegħda fil-forn tal-funderija tat-tidwib flash b’taħlita ta’ arja u ossiġnu. Minħabba r-reazzjoni kimika bejn l-ossiġnu u l-kubrit li jinsabu fil-konċentrat tar-ram, it-temperatura fil-forn tal-funderija teċċedi 1200 °C, li jwassal għal-likwidazzjoni tal-konċentrat tar-ram. Ir-ramel huwa msaħħan ukoll u l-massa ta’ ħadid tillikwida wkoll. L-ebda karburanti fossili ma jintużaw fil-proċess. |
23. |
Skont it-talba għal deċiżjoni preliminari, is-sustanzi miksuba huma matte (li hija taħlita ta’ ram u ħadid kubrit), silikat tal-ħadid (bħala fdal) u dijossidu tal-kubrit (SO2). Sussegwentement, dan il-matte jiddaħħal f’konvertitur, ġewwa liema l-frazzjonijiet li jibqgħu ta’ kubrit u ħadid huma ossidati permezz tal-insufflazzjoni ta’ taħlita ta’ arja u ossiġnu. Sħana tkun ukoll iġġenerata f’dik l-okkażjoni. Il-prodott ta’ dak l-istadju, magħruf bħala “ram blister”, huwa mqiegħed ġewwa forn tal-anodi, li fih il-frazzjonijiet li jibqgħu ta’ kubrit huma mibdula għal SO2 permezz ta’ kombustjoni. Il-prodott finali, ram primarju, huwa hekk miksub. |
24. |
Jidher għalhekk li l-proċess ma jużax karburanti fossili. Kuntrarju għal produtturi tar-ram oħrajn li jużaw fjuwils li fihom karbonju bħal żejt tqil jew gass naturali, il-proċess żviluppat u użat minn Aurubis ikun għalhekk titjib fir-rigward tal-protezzjoni tal-klima. Madankollu, minkejja li dan il‑proċess tipikament jiġġenera SO2 – iktar milli dijossidu tal-karbonju (CO2) – il-funderija inkwistjoni madankollu temetti kwantitajiet żgħar ta’ karbonju fil-konċentrat tar-ram. Il-konċentrat tar-ram kien fih karbonju fi proporzjon ta’ approssimattivament 0.7 % bil-massa. Ir-RWO tkun għalhekk 0.026 tunnellata ta’ CO2 għal kull tunnellata ta’ konċentrat ta’ ram, jew medja ta’ 29024 tunnellata ta’ CO2 kull sena. |
25. |
Aurubis tissottometti li l-allokazzjoni bla ħlas ta’ kwoti ta’ emissjonijiet kellha tiġi bbażata fuq l-Artikolu 2(27) taz-ZuV 2020 u l-Artikolu 3(d) tad-Deċiżjoni 2011/278 għax il-kubrit li jinħaraq fil-funderija tat-tidwib flash jikkostitwixxi “fjuwil” għal dan l-għan. Il-klassifikazzjoni ta’ input bħala fjuwil ma tippreżumix li l-għan prinċipali tal-użu ta’ dak l-input huwa l-produzzjoni ta’ sħana jew li huwa fjuwil standard bħal faħam, żejt jew gass naturali. Fil-konċentrat tar-ram, il-komponent tar-ram huwa l-materja prima u l-komponent tal-kubrit huwa l-fjuwil. |
26. |
Aurubis tkompli targumenta li l-konvenuta dejjem straħet fuq relazzjoni ġerarkika bejn it-tliet metodi alternattivi. Skont Aurubis, peress li l-kriterji għal “subinstallazzjoni ta’ parametru referenzjarju tal-fjuwil” huma ssodisfatti, l-allokazzjoni fuq il-bażi tal-parametri ta’ emissjonijiet minn proċess għandha tiġi injorata. Barra minn hekk, sabiex jintlaħaq il-kriterju tas-subinstallazzjoni ta’ parametru referenzjarju, irid ikun hemm relazzjoni kawżali diretta u immedjata bejn l-emissjoni ta’ CO2 u l-proċess użat. Dan ma huwiex il-każ fir-rigward tal-proċess ‘Outokumpu’. |
27. |
Għal dawk ir-raġunijiet, Aurubis tfittex it-tħassir tad-deċiżjoni tat‑3 ta’ April 2018 u l-allokazzjoni tal-kwoti ta’ emissjoni addizzjonali għas-snin 2013 sa 2020. |
28. |
Skont ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, sabiex ikun hemm “subinstallazzjoni ta’ parametru referenzjarju tal-fjuwil” skont it-tifsira tal-Artikolu 2(27) taz-ZuV 2020 u l-Artikolu 3(d) tad-Deċiżjoni 2011/278, huwa neċessarju li l-għan prinċipali tal-użu tal-materja rilevanti huwa l-ġenerazzjoni tas-sħana. Hija tikkontesta li dan ma huwiex il-każ sa fejn huwa kkonċernat l-impjant RWO, peress li l-konċentrat tar-ram huwa materja prima u l-għan prinċipali tal-użu tiegħu huwa l-produzzjoni tar-ram primarju. Barra minn hekk, dak il-konċentrat ma huwiex kompletament maħruq fil-proċess involut, kuntrarju għal dak li huwa preżunt meta jiġi kkalkolat il-parametru referenzjarju. Barra minn hekk, fjuwils, fis-sens tat-tifsira ta’ parametru referenzjarju huma fjuwils li jistgħu jiġu mibdula bi fjuwils oħra, b’mod partikolari b’gass naturali. |
29. |
Il-qorti tar-rinviju tinnota mill-bidu li, kieku kellu jiġi kkunsidrat li r-RWO hija “subinstallazzjoni ta’ parametru referenzjarju tal-fjuwil”, dan ikun ifisser li l-konċentrat ta’ ram – jew il-frazzjoni ta’ kubrit li jinsab fih – jiġi kklassifikat bħala “fjuwil”. |
30. |
Dik il-qorti tinnota li l-Qorti tal-Ġustizzja sabet, fil-punt 53 tas-sentenza tal‑20 ta’ Ġunju 2019, ExxonMobil Production Deutschland (C‑682/17, EU:C:2019:518), li l-Artikolu 3(t) tad-Direttiva 2003/87 ma jnaqqasx il-kunċett ta’ “kombustjoni” biss għal reazzjonijiet ta’ ossidazzjoni li fihom innifishom jiġġeneraw gassijiet serra. Dik l-interpretazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex, madankollu, deċiżiva biżżejjed għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tat-terminu “fjuwil” fl-Artikolu 3(d) tad-Deċiżjoni 2011/278. |
31. |
Huwa meħtieġ, b’mod partikolari, li jiġi ddeterminat jekk allokazzjoni fuq il-bażi tal-parametru tal-fjuwil tippreżumix li l-għan primarju tal-kombustjoni huwa l-ġenerazzjoni tas-sħana. B’mod kritiku, madankollu, f’dan il-każ, il-konċentrat tar-ram użat iservi kemm bħala materja prima kif ukoll bħala fjuwil. Lanqas id-domanda ta’ jekk l-eżistenza ta’ fjuwil, fis-sens tat-tifsira tal-parametru referenzjarju msemmi fid-Deċiżjoni 2011/278, teħtieġx li l-fjuwil użat ikun interkambjabbli ma hija rregolata mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. |
32. |
Il-qorti tar-rinviju tinnota, fl-aħħar, li t-tielet perijodu ta’ skambju jispiċċa fil‑31 ta’ Diċembru 2020. Hija tgħid li, skont il-ġurisprudenza Ġermaniża, it-tmiem tal-ewwel u tat-tieni perijodu ta’ skambju fisser li talbiet għal allokazzjoni li kienet għadha mhux imħallsa fit‑30 ta’ April wara t-tmiem tal-perijodu ta’ skambju kien għadda, fin-nuqqas ta’ kwalunkwe dispożizzjoni tranżitorja espressa fid-dritt nazzjonali. Lanqas id-dritt nazzjonali ma fih kwalunkwe dispożizzjoni tranżitorja fir-rigward tat-tielet perijodu ta’ skambju. L-awtoritajiet Ġermaniżi rrifjutaw li jadottaw tali dispożizzjoni fuq il-bażi li r-regoli relatati mar-raba’ perijodu ta’ skambju (2021‑2030) kienu stabbiliti b’mod eżawrjenti mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u li l-kumpens għad-drittijiet li jidħlu f’diversi perijodi jkun biss legali jekk previst minn dik il-leġiżlazzjoni. |
33. |
Skont il-qorti tar-rinviju, l-ebda wieħed mill-atti rilevanti tal-Unjoni ma għandu dispożizzjoni relatata mal-kumpens għal drittijiet repetuti fuq diversi perijodi. Barra minn hekk, l-ebda dispożizzjoni ma kienet magħmula għal kwalunkwe kwoti riżervati speċifiċi b’antiċipazzjoni ta’ deċiżjonijiet tal-qrati. Barra minn dan, indikazzjoni favur l-argument li t-tranżizzjoni mit-tielet għar-raba’ perijodu ma tneħħix l-intitolamenti għal allokazzjoni mhux mogħtija fil‑31 ta’ Diċembru 2020 tinsab fid-Deċiżjoni 2015/1814 ( 10 ), li tipprovdi li ċerti kwoti mhux allokati sal‑31 ta’ Diċembru 2020 għandhom jitqiegħdu f’“riżerva tal-istabbiltà tas-suq”. |
IV. Id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
34. |
Kien f’dawn iċ-ċirkustanzi li, permezz ta’ deċiżjoni tal‑11 ta’ Ġunju 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid‑19 ta’ Ġunju 2020, il-Verwaltungsgericht Berlin (il-Qorti Amministrattiva ta’ Berlin) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel is-segwenti domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari:
|
35. |
Osservazzjonijiet bil-miktub ġew sottomessi minn Aurubis, mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u mill-Kummissjoni. Barra minn hekk, huma ppreżentaw argumenti orali waqt is-seduta tad‑19 ta’ Mejju 2021. |
V. Analiżi
A. L-ewwel domanda
36. |
Fil-kuntest tat-tilwima quddiemha, il-qorti tar-rinviju għandha tiddetermina jekk l-attività li tikkonsisti fil-produzzjoni tar-ram primarju ġo forn tal-funderija tat-tidwib flash bil-proċess “Outokumpu” tilħaqx il-kriterji ta’ “subinstallazzjoni ta’ parametru referenzjarju tal-fjuwil”. L-ewwel domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju tikkonċerna, konsegwentement, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(d) tad-Deċiżjoni 2011/278, li jiddefinixxi dan il-kunċett għall-perijodu ta’ skambju mill‑2013 sal‑2020. |
37. |
Il-karatteristiċi partikolari tal-proċess inkwistjoni fil-kawża prinċipali jagħtu lok għal tliet diffikultajiet partikolari fl-interpretazzjoni tad-definizzjoni ta’ “subinstallazzjoni ta’ parametru referenzjarju tal-fjuwil” li tinsab fl-Artikolu 3(d) tad-Deċiżjoni 2011/278. L-ewwel, is-sustanza involuta hija kemm materja prima u kif ukoll fjuwil. Barra minn hekk, hija materja prima baxxa fil-karbonju u hija suġġetta għal reazzjoni awtotermika. Għalhekk ma hemm l-ebda sors ta’ sħana esterna u l-ebda input ta’ fjuwils b’livell għoli ta’ karbonju. It-tieni, il-kombustjoni tal-fjuwil użat hija biss parzjali. It-tielet, il-produzzjoni ta’ sħana ma hijiex neċessarjament l-għan primarju tal-użu tal-materja inkwistjoni. |
38. |
Madankollu, għal raġunijiet li ser nispjega, ma nikkunsidrax li dawn il-partikolaritajiet iwaqqfu r-rekwiżiti tal-Artikolu 3(d) tad-Deċiżjoni 2011/278 milli jiġu ssodisfatti fejn installazzjoni għall-produzzjoni ta’ metalli mhux tal-ħadid tuża konċentrat ta’ ram li fih kubrit ġo forn tal-funderija tat-tidwib flash biex tipproduċi ram primarju u li s-sħana li ma titkejjilx meħtieġa għal tidwib ta’ mineral tar-ram li jinsab f’dak il-konċentrat huwa prodott essenzjalment permezz ta’ ossidazzjoni tal-kubrit li jinsab fl-istess konċentrat. |
39. |
Din l-interpretazzjoni hija bbażata fuq il-metodi tradizzjonali ta’ interpretazzjoni użati mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-iskema ta’ skambju ta’ kwoti ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra, jiġifieri, billi mhux titqies biss il-formulazzjoni tal-Artikolu 3(d) tad-Deċiżjoni 2011/278, iżda billi tittieħed inkunsiderazzjoni wkoll l-iskema ġenerali tad-Direttiva 2003/87 u tad-Deċiżjoni 2011/278 u l-għanijiet imfittxija minnhom ( 11 ). Issa nipproponi li nikkunsidra kull waħda minn dawn wara xulxin. |
1. Interpretazzjonijiet letterali u kuntestwali
40. |
L-ewwel, jista’ jiġi osservat li filwaqt li t-terminu “fjuwil” ma huwiex iddefinit mid-Deċiżjoni 2011/278, il-kunċett ta’ “subinstallazzjoni ta’ parametru referenzjarju tal-fjuwil” huwa, madankollu, iddefinit mill-Artikolu 3(d) tad-Deċiżjoni 2011/278. |
41. |
Skont din id-dispożizzjoni, “subinstallazzjoni ta’ parametru referenzjarju tal-fjuwil” teżisti fejn “id-dħul, il-prodotti u l-emissjonijiet korrispondenti [ma humiex] koperti minn subinstallazzjoni ta’ parametru referenzjarju [u huma relatati] mal-produzzjoni ta’ sħana li ma titkejjilx permezz ta’ kombustjoni tal-fjuwil li hija kkunsmata għall-produzzjoni ta’ prodotti […]”. |
42. |
Isegwi minn din id-definizzjoni li t-terminu “kombustjoni” tista’ tkun rilevanti sabiex tiġi speċifikata t-tifsira tal-kunċett ta’ “fjuwil” użat mill-Artikolu 3(d) tad-Deċiżjoni 2011/278. Madankollu, “kombustjoni” hija ddefinita fl-Artikolu 3(t) tad-Direttiva 2003/87 bħala “kull ossidazzjoni tal-karburanti irrispettivament mill-mod li bih jintużaw is-sħana [prodotta] minn dan il-proċess u kwalunkwe attività oħra assoċjati dirett […]”. Barra minn hekk, fil-każ li wassal għas-sentenza tal‑20 ta’ Ġunju 2019, ExxonMobil Production Deutschland (C‑682/17, EU:C:2019:518), il-Qorti tal-Ġustizzja ċċarat li l-Artikolu 3(t) tad-Direttiva 2003/87 ma jirriduċix il-kunċett ta’ “kombustjoni” biss għal reazzjonijiet ossidizzati li jiġġeneraw gassijiet serra huma nnifishom ( 12 ). |
43. |
Kif spjegat mill-Avukat Ġenerali Saugmandsgaard Øe fil-konklużjonijiet tiegħu f’dik il-kawża, id-dokumenti rilevanti preparatorji jikkonfermaw li l-Artikolu 3(t) tad-Direttiva 2003/87 ġie mdaħħal bl-intenzjoni li tingħata definizzjoni wiesgħa ta’ “kombustjoni” li tista’ tkopri kwalunkwe ossidazzjoni ta’ fjuwils, indipendentement mill-għanijiet ( 13 ). |
44. |
F’dan il-kuntest, għandu jiġi nnotat li ż-żewġ dispożizzjonijiet tal-qafas legali rilevanti li jirreferu għall-kunċett ta’ “fjuwil” ma jillimitawx il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan it-terminu bi kwalunkwe mod, jekk hux dwar il-kompożizzjoni jew natura tiegħu, l-ammont ta’ karbonju li għandu fih, il-mod kif it-tqabbid għandu jseħħ, il-perċentwali tal-fjuwil li għandha tintuża fil-proċess jew l-iskop tal-użu tal-materjal li fih il-fjuwil inkwistjoni. B’kuntrast mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3(h)(v) tad-Deċiżjoni 2011/278 – li jirreferu espressament għall-użu ta’ karbonju li fih addittivi jew materja prima għal skop primarju li ma huwiex dak tal-ġenerazzjoni tas-sħana – l-Artikolu 3(d) tad-Deċiżjoni 2011/278 jidher li jeħtieġ biss li l-inputs, il-prodotti u l-emissjonijiet korrispondenti huma relatati mal-produzzjoni tas-sħana li ma titkejjilx permezz ta’ kombustjoni ta’ fjuwil għall-produzzjoni ta’ prodotti. |
45. |
L-għanijiet imfittxija mid-Direttiva 2003/87 u mid-Deċiżjoni 2011/278 iservu biex jikkonfermaw din l-interpretazzjoni partikolari. |
2. Interpretazzjoni teleoloġika
46. |
Kif jidher mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-Direttiva 2003/87 għandha l-għan li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet li tfittex li tnaqqas l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra fl-atmosfera għal livell li jipprevjeni interferenza antropoġenika perikoluża mas-sistema tal‑klima u l-għan aħħari ta’ liema huwa l-protezzjoni tal-ambjent ( 14 ). Madankollu, huwa ċar li hemm loġika ekonomika taħt l-iskema li tħeġġeġ parteċipant fl-iskema li jemetti kwantitajiet ta’ gassijiet serra li huma inqas mill-kwoti oriġinarjament allokati lilu, sabiex ibigħ iż-żejjed lil parteċipant ieħor li jkun emetta iktar mill-kwota tiegħu ( 15 ). |
47. |
Fi kliem ieħor, l-iskema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra fuq livell tal-Unjoni hija għodda ekonomika għall-protezzjoni ambjentali bbażata fuq il-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas. L-għan għal dan l-istrument huwa li l-livell globali tat-tniġġis għandu jonqos. Isegwi, għalhekk, li d-Deċiżjoni 2011/278 għandha, fejn possibbli, tkun interpretata b’mod li tippremja – iktar milli tippenalizza – l-impriża li taffiet u naqqset l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra. |
48. |
F’dan il-kuntest, il-mekkaniżmu ta’ inċentiva sottostanti s-sistema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ma tistax tiġi ssottovalutata. Fil-fatt, waħda mill-funzjonijiet tal-iskema hija li tħeġġeġ investimenti bil-għan li jitnaqqsu emissjonijiet ta’ dijossidu tal-karbonju b’mod ekonomikament effiċjenti u għalhekk tkun forza għall-innovazzjoni ta’ karbonju baxx li jikkontribwixxi għall‑ġlieda kontra l-bidla fil-klima ( 16 ). Dan il-mekkaniżmu ta’ inċentiva huwa intiż biċ-ċar mil-leġiżlatur tal-Unjoni, bl-Artikolu 10a(1) tad-Direttiva 2003/87 jispeċifika li l-allokazzjoni għandha sseħħ “b’mod li tagħti inċentivi għal tnaqqis fl-emissjonijiet ta’ gass serra u għal teknika ta’ effiċjenza fl-enerġija, billi tqis it-teknika l-aktar effiċjenti, is-sostituti [u] il-proċessi alternattivi ta’ produzzjoni”. L-ewwel premessa tad-Deċiżjoni 2011/278 tiġbed l-attenzjoni speċifikament għal dan l-aspett tal-iskema. |
49. |
Kif, madankollu, diġà nnotajt, din hija l-loġika ekonomika sottostanti l-iskema li tħeġġeġ parteċipant li jemetti kwantitajiet inqas ta’ gassijiet serra mill-kwoti oriġinarjament allokati lilu, sabiex ibigħ iż-żejjed lil parteċipant ieħor li emetta iktar mill-kwota tiegħu. B’dan il-mod, it-tieni parteċipant ma jnaqqasx l-emissjonijiet tiegħu, iżda huwa jkollu jħallas għall-emissjonijiet tiegħu u, fuq kollox, il-mira totali tiġi milħuqa – peress li l-ewwel parteċipant ikun naqqas l-emissjonijiet tiegħu – grazzi għal investiment li l-effetti pożittivi tiegħu ser ikomplu wara l‑abolizzjoni totali tal-allokazzjonijiet mingħajr ħlas ( 17 ). Sadattant, iż-żamma ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ma tikkostitwixxix forma ta’ permess biex tniġġes ( 18 ), iżda l-kisba ta’ profitt mill-bejgħ tal-kwoti mhux użati huwa infatti parti mis-sistema ta’ inċentivi maħluqa mill-iskema ta’ skambju ta’ emissjonijiet ( 19 ). |
50. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidhirli li l-għanijiet imfittxija mid-Direttiva 2003/87 u mid-Deċiżjoni 2011/278 iwasslu għaċ-ċaħda ta’ interpretazzjoni li tkun teskludi mill-kunċett ta’ “fjuwil” użat fl-Artikolu 3(d) tad-Deċiżjoni 2011/278 konċentrat bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali sempliċement għax il-kombustjoni tiegħu hija biss parzjali jew għax l-għan tal-użu tiegħu ma jkunx primarjament biex jipproduċi sħana, filwaqt li, l-ewwel, ma huwiex ikkontestat li l-proċess inkwistjoni jwassal għall-produzzjoni ta’ sħana li ma titkejjilx permezz ta’ fenomenu ta’ kombustjoni u, it-tieni u l-iktar importanti, dan il-proċess huwa innovazzjoni li tiggarantixxi tnaqqis fl-emissjonijiet ta’ gassijiet serra jew, għall-inqas, jidher li għandu potenzjal li jnaqqas emissjonijiet CO2 ( 20 ). |
51. |
Kontra din l-interpretazzjoni, il-Kummissjoni u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja jargumentaw li hemm riskju ta’ sovrappożizzjoni u għadd doppju ta’ emissjonijiet, minkejja li tali sovrappożizzjoni hija pprojbita minn diversi dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni 2011/278 ( 21 ). Waqt is-seduta tad‑19 ta’ Mejju 2021, ir-rappreżentant tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja enfasizza n-nuqqas ta’ kwalunkwe kriterji fid-Deċiżjoni 2011/278 li jkunu jippermettu kwalunkwe distinzjoni li ssir f’każijiet “doppji” bejn x’inhu fjuwil minn naħa u x’jikkostitwixxi materja prima min-naħa l-oħra. |
52. |
Min-naħa tiegħi, madankollu, jiena ma naqsamx dan il-biża’. Fil-fatt, spjegajt reċentement fil-konklużjonijiet tiegħi tat‑3 ta’ Ġunju 2021fil-kawża ExxonMobil (C‑126/20, EU:C:2021:457) għaliex nikkunsidra li jkun kuntrarju għall-iskema tal-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87 u tad-Deċiżjoni 2011/278 li ma tiġix applikata ġerarkija bejn il-parametri referenzjarji differenti, kif deskritt espressament fil-premessa 12 tad-Deċiżjoni 2011/278 ( 22 ). |
53. |
F’dan ir-rigward, għalhekk, sempliċement infakkar li, filwaqt li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà sostniet f’okkażjonijiet differenti li d-definizzjonijiet tas-subinstallazzjonijiet ta’ parametri referenzjarji differenti huma reċiprokament esklużivi ( 23 ), hija ddeċidiet ukoll li d-Deċiżjoni 2011/278 żviluppat “ġerarkija ta’ tliet mudelli ta’ riżerva sabiex ikun immassimizzat it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra u l-iffrankar mill-enerġija għal mill-inqas xi partijiet mill-proċessi ta’ produzzjoni kkonċernati” ( 24 ). Huwa għalhekk stabbilit li “huwa biss fil-każijiet fejn ma kienx possibbli li jiġi kkalkolat parametru referenzjarju ta’ prodott, iżda fejn emissjonijiet ta’ gassijiet serra li jistgħu jagħtu lok għall-allokazzjoni mingħajr ħlas ta’ kwoti huma ġġenerati, li jkun neċessarju li dawn il-kwoti jiġu allokati abbażi tat-tliet għażliet oħra msejħa ‘ta’ riżerva’, skont l-ordni ġerarkika hekk iddeterminata” ( 25 ). L-eżistenza proprja ta’ din il-ġerarkija tmur kontra r-riskju tal-għadd doppju. |
3. Konklużjoni fuq l-ewwel domanda
54. |
Konsegwentement, fuq il-bażi ta’ interpretazzjoni letterali, kuntestwali u teleoloġika tal-Artikolu 3(d) tad-Deċiżjoni 2011/278, insib lili nnifsi nasal għall-konklużjoni li din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata bħala li tfisser li r-rekwiżiti għal allokazzjoni mingħajr ħlas tal-kwoti ta’ emissjoni fuq il-bażi ta’ “subinstallazzjoni ta’ parametru referenzjarju tal-fjuwil” huma ssodisfatti fejn, f’installazzjoni għall-produzzjoni ta’ metalli mhux tal-ħadid skont l-Anness I tad-Direttiva 2003/87, konċentrat tar-ram li fih il-kubrit huwa użat ġewwa forn tal-funderija tat-tidwib flash biex jiġi prodott ram primarju u s-sħana li ma titkejjilx meħtieġa sabiex tħoll mineral tar-ram li jinsab fil-konċentrat hija prodotta essenzjalment permezz tal-ossidazzjoni tal-kubrit li jinsab fil-konċentrat, jiġifieri li l-konċentrat tar-ram jintuża kemm bħala sors ta’ materja prima kif ukoll materja kombustibbli biex jiġġenera sħana. |
B. It-tieni domanda
55. |
Bit-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju trid tkun taf jekk drittijiet għal allokazzjoni mingħajr ħlas għat-tielet perijodu ta’ skambju li huma biss ikkonstatati minn qorti wara t-tmiem ta’ dak il-perijodu ta’ skambju jistgħux jiġu ssodisfatti b’allokazzjonijiet mingħajr ħlas għar-raba’ perijodu ta’ skambju. |
56. |
Din id-domanda hija eżattament l-istess bħall-ħames domanda fil-kawża ExxonMobil (C‑126/20). |
57. |
Wara l-analiżi tiegħi fil-konklużjonijiet ippreżentati f’dik il-kawża, kont wasalt għall-konklużjoni li din id-domanda għandha titwieġeb fl-affermattiv. Peress li l-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma tatx is-sentenza tagħha, bir-rispett dovut jien ser inżomm din l-interpretazzjoni u ser nieħu l-libertà li nirreferi għall-konklużjonijiet tiegħi preċedenti għal spjegazzjoni ulterjuri ( 26 ). |
VI. Konklużjoni
58. |
Għaldaqstant, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi d-domandi preliminari magħmula mill-Verwaltungsgericht Berlin (il-Qorti Amministrattiva ta’ Berlin, il-Ġermanja) kif ġej:
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.
( 2 ) ĠU 2011, L 130, p. 1.
( 3 ) ĠU 2009, L 140, p. 63.
( 4 ) ĠU 2018, L 76, p. 3.
( 5 ) ĠU 2019, L 59, p. 8, rettifika fil-ĠU 2020, L 296, p. 8.
( 6 ) BGBl. 2011 I, p. 1475.
( 7 ) BGBl. 2011 I, p. 1921.
( 8 ) Dan il-proċess huwa msemmi wara mina tar-ram (issa ma għadhiex tintuża) fil-Finlandja tal-Lvant li l-ewwel żviluppat dan il-proċess ta’ tidwib għal minerali li fihom il-kubrit lejn l-aħħar tal-erbgħinijiet (1940s).
( 9 ) Ara l-punt 8 tal-osservazzjonijiet bil-miktub ta’ Arubis.
( 10 ) Deċiżjoni (UE) 2015/1814 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑6 ta’ Ottubru 2015 dwar l-istabbiliment u l-funzjonament ta’ riżerva tal-istabbiltà tas-suq għall-iskema ta’ negozjar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra tal-Unjoni u li temenda d-Direttiva 2003/87/KE (ĠU 2015, L 264, p. 1).
( 11 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑18 ta’ Jannar 2018, INEOS (C‑58/17, EU:C:2018:19, punti 34 u 35), u tat‑3 ta’ Diċembru 2020, Ingredion Germany (C‑320/19, EU:C:2020:983, punti 49 u 50).
( 12 ) Punt 53.
( 13 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Saugmandsgaard Øe fil-kawża ExxonMobil Production Deutschland (C‑682/17, EU:C:2019:167, punt 44).
( 14 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑20 ta’ Ġunju 2019, ExxonMobil Production Deutschland (C‑682/17, EU:C:2019:518, punt 62), u tat‑3 ta’ Diċembru 2020, Ingredion Germany (C‑320/19, EU:C:2020:983, punt 38).
( 15 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑8 ta’ Marzu 2017, ArcelorMittal Rodange et Schifflange (C‑321/15, EU:C:2017:179, punt 22); tal‑20 ta’ Ġunju 2019, ExxonMobil Production Deutschland (C‑682/17, EU:C:2019:518, punt 63); u tat‑3 ta’ Diċembru 2020, Ingredion Germany (C‑320/19, EU:C:2020:983, punt 39).
( 16 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑12 ta’ April 2018, PPC Power (C‑302/17, EU:C:2018:245 punt 27), u tal‑21 ta’ Ġunju 2018, Il‑Polonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑5/16, EU:C:2018:483, punt 61).
( 17 ) Il-prinċipju li kwoti ta’ emissjonijiet mingħajr ħlas għandhom jiġu aboliti kompletament sal‑2027 huwa minqux fl-Artikolu 10a(11) tad-Direttiva 2003/87, fil-verżjoni li kienet applikabbli f’dan il-każ. Madankollu, dan il-prinċipju ġie ddubitat mill-emendi magħmula lill-Artikoli 10a u 10b tad-Direttiva 2003/87 mill-Artikolu 1(14)(k) u (15) tad-Direttiva 2018/410.
( 18 ) Ara, f’dan is-sens (impliċitament), is-sentenza tas‑17 ta’ Ottubru 2013, Billerud Karlsborg u Billerud Skärblacka (C‑203/12, EU:C:2013:664, punt 32).
( 19 ) Ara, f’dan is-sens, sentenza tat‑12 ta’ April 2018, PPC Power (C‑302/17, EU:C:2018:245, punt 27).
( 20 ) Skont il-fehma tiegħi tal-proċess inkwistjoni kif spjegat minn Aurubis u l-qorti tar-rinviju fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, u għalhekk suġġetta għal verifiki minn din tal-aħħar.
( 21 ) Ara, f’dan ir-rigward, l-Artikoli 6(2), 7(7) u 8(5) tad-Deċiżjoni 2011/278 u s-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2016, Borealis et (C‑180/15, EU:C:2016:647, punti 69 u 70).
( 22 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi tat‑3 ta’ Ġunju 2021, ExxonMobil (C‑126/20, EU:C:2021:457, punti 79 sa 87).
( 23 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑8 ta’ Settembru 2016, Borealis et (C‑180/15, EU:C:2016:647, punt 62); tat‑18 ta’ Jannar 2018, INEOS (C‑58/17, EU:C:2018:19, punt 29); tal‑20 ta’ Ġunju 2019, ExxonMobil Production Deutschland (C‑682/17, EU:C:2019:518, punt 104); u tat‑3 ta’ Diċembru 2020, Ingredion Germany (C 320/19, EU:C:2020:983, punt 68).
( 24 ) Sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2016, Borealis et (C‑180/15, EU:C:2016:647, punt 67). Enfasi miżjuda.
( 25 ) Sentenza tat‑18 ta’ Jannar 2018, INEOS (C‑58/17, EU:C:2018:19, punt 30). Enfasi miżjuda.
( 26 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi tat‑3 ta’ Ġunju 2021, ExxonMobil (C‑126/20, EU:C:2021:457, punti 89 sa 98).