KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

PIKAMÄE

ippreżentati fit‑23 ta’ Settembru 2021 ( 1 )

Kawża C‑263/20

Airhelp Limited

vs

Laudamotion GmbH

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landesgericht Korneuburg (il-Qorti Reġjonali ta’ Korneuburg, l-Awstrija))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trasport bl-ajru – Regolament (KE) Nru 261/2004 – Regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet – Reżervazzjoni ta’ titjira permezz ta’ pjattaforma elettronika – Antiċipazzjoni tal-ħin tat-titjira – Riċezzjoni tal-informazzjoni dwar l-antiċipazzjoni tat-titjira f’indirizz elettroniku – Portata tal-obbligu ta’ informazzjoni tat-trasportatur tal-ajru li jopera – Direttiva 2000/31/KE – Servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni – Artikolu 11 – Tqegħid tal-ordni – Preżunzjoni ta’ riċezzjoni”

I. Introduzzjoni

1.

It-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landesgericht Korneubourg (il-Qorti Reġjonali ta’ Korneuburg, l-Awstrija) tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(1)(ċ) u tal-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 ( 2 ), kif ukoll tal-Artikolu 11 tad-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑8 ta’ Ġunju 2000, dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku) ( 3 ).

2.

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Airhelp Limited u Laudamotion GmbH dwar ir-rifjut ta’ din tal-aħħar li tikkumpensa lill-passiġġieri tal-ajru, li tagħhom Airhelp qiegħda tiddefendi d-drittijiet, minħabba l-antiċipazzjoni tat-titjira tagħhom. Il-kwistjoni legali dwar jekk l-antiċipazzjoni tal-ħin tat-tluq tat-titjira tistax tagħti dritt għal kumpens skont l-Artikolu 5(1)(ċ) u l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 261/2004 ġiet ittrattata fid-dettall fil-konklużjonijiet li ppreżentajt fil-Kawżi magħquda C‑188/20, Azurair, u C‑196/20, Eurowings, kif ukoll fil-Kawżi C‑146/20, Corendon Airlines, u C‑270/20, Austrian Airlines (għadhom mhux ippubblikati).

3.

B’mod konformi mat-talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, dawn il-konklużjonijiet ser ikunu limitati għall-analiżi tat-tieni domanda preliminari, li permezz tagħha l-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-osservanza tal-obbligu li l-passiġġier jiġi informat bil-kanċellazzjoni fil-ħin għandhiex tiġi evalwata esklużivament fid-dawl tal-Artikolu 5(1)(ċ)(i) sa (iii) tar-Regolament Nru 261/2004, u b’hekk tiġi eskluża l-applikazzjoni tad-dritt nazzjonali dwar in-notifika tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, li ġie adottat sabiex tiġi trasposta d-Direttiva 2000/31.

II. Il-kuntest ġuridiku

A.   Ir-Regolament Nru 261/2004

4.

L-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 261/2004 jipprevedi:

“Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament:

[…]

l)

‘kanċellazzjoni’, tfisser in-nuqqas ta’ operazzjoni ta’ titjira li kienet qabel ippjanata u fuq liema mill-inqas post wieħed kien irreżervat.”

5.

L-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament jipprovdi, fil-paragrafi 1 u 4 tiegħu:

“1.   Fil-każ ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira, il-passiġġieri inkwistjoni għandhom:

(a)

jiġu offruti assistenza mil-trasportatur ta’ l-ajru li jopera skond l-Artikolu 8; u

(b)

jiġu offruti assistenza mil-trasportatur ta’ l-ajru li jopera skond l-Artikolu 9(1)(a) u 9(2), kif ukoll, fil-każ ta’ għemil ta’ rotta differenti meta l-ħin tat-tluq raġonevolment mistenni tat-titjira ġdida hu mill-inqas il-ġurnata wara t-tluq kif kien ippjanat għat-titjira kkanċellata, l-assistenza speċifikata fl-Artikolu 9(1)(b) u 9(1)(ċ); u

(ċ)

jkollhom id-dritt għal kumpens mil-trasportatur ta’ l-ajru li jopera skond l-Artikolu 7, kemm-il darba [sakemm]:

(i)

huma [ma jkunux] informati bil-kanċellazzjoni mill-inqas ġimgħatejn qabel il-ħin tat-tluq skedat; jew

(ii)

huma [ma jkunux] informati bil-kanċellazzjoni bejn ġimgħatejn u sebat ijiem qabel il-ħin tat-tluq skedat u huma offruti rotta differenti, li tħallihom jitilqu mhux aktar minn sagħtejn qabel il-ħin tat-tluq skedat u jaslu fid-destinazzjoni finali tagħhom inqas minn erba’ sigħat wara l-ħin tal-wasla skedat; jew

(iii)

huma [ma jkunux] informati bil-kanċellazzjoni inqas minn sebat ijiem qabel il-ħin tat-tluq skedat u huma offruti [u sakemm ma jkunux offruti] rotta differenti, li tħallihom jitilqu mhux aktar minn siegħa qabel il-ħin tat-tluq skedat u jaslu fid-destinazzjoni finali tagħhom inqas minn sagħtejn wara l-ħin tal-wasla skedat.

[…]

4.   L-onus tal-provi fir-rigward tal-kwistjonijiet ta’ jekk u meta l-passiġġier ġie informat bil-kanċellazzjoni tat-titjira għandha tkun ir-responsabbilitá tal-trasportatur ta’ l-ajru li jopera.”

6.

L-Artikolu 7 tal-imsemmi regolament huwa fformulat kif ġej:

“1.   Fejn referenza hi magħmula għal dan l-Artikolu, passiġġieri għandhom jirċievu kumpens li jammonta għal:

(a)

EUR 250 għat-titjiriet kollha ta’ 1500 kilometru jew inqas;

[…]”

7.

L-Artikolu 13 tal-istess regolament jipprevedi:

“F’każijiet fejn trasportatur ta’ l-ajru li jopera jħallas kumpens jew jilħaq l-obbligazzjonijiet oħra li għandu d-dmir iwettaq taħt dan ir-Regolament, l-ebda dispożizzjoni ta’ dan ir-Regolament ma jista’ jiġi interpretat li jirrestrinġi d-dritt tiegħu li jfittex kumpens minn kwalunkwe persuna, inklużi partijiet terzi, skond il-liġi applikabbli. Partikolarment, dan ir-Regolament m’għandu bl-ebda mod jirrestrinġi d-dritt tal-trasportatur ta’ l-ajru li jopera biex ifittex rimbors minn operatur tat-tour jew persuna oħra ma’ liema l-trasportatur ta’ l-ajru li jopera għandu kuntratt. B’mod simili, l-ebda dispożizzjoni ta’ dan ir-Regolament ma tista’ tiġi interpretata li tirrestrinġi d-dritt ta’ operatur tat-tour jew ta’ parti terza, barra minn passiġġier, ma’ liema trasportatur ta’ l-ajru li jopera għandu kuntratt, biex ifittex rimbors jew kumpens mil-trasportatur ta’ l-ajru li jopera skond il-liġijiet applikabbli rilevanti.”

B.   Id-Direttiva 2000/31

8.

L-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2000/31 huwa fformulat kif ġej:

“L-Istati Membri għandhom jassiguraw, ħlief meta b’mod ieħor miftiehem mill-partijiet li ma humiex konsumaturi, li f’każi meta dak li jirċievi s-servizz iqiegħed l-ordni tiegħu permezz ta’ mezzi teknoloġiċi, dawn il-prinċipji li ġejjin huma applikabbli:

dak li jipprovdi s-servizz ikollu jikkonferma l-wasla ta’ l-ordni ta’ dak li jirċievi mingħajr dewmien u b’mezzi elettroniċi,

l-ordni u l-konferma tal-wasla huma meqjusa bħala li jkunu waslu meta l-partijiet li lihom [lilhom] ikunu ndirizzati ikunu jistgħu jkollhom aċċess għalihom […]”

III. Il-fatti li wasslu għall-kawża, il-proċedura fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

9.

Żewġ passiġġieri tal-ajru rreżervaw titjira bejn Palma de Mallorca (Spanja) u Vjenna (l-Awstrija), operata mit-trasportatur tal-ajru Laudamotion, permezz ta’ pjattaforma elettronika ta’ reżervazzjoni. Meta għamlu r-reżervazzjoni fuq din il-pjattaforma, dawn il-passiġġieri pprovdew l-indirizzi elettroniċi privati tagħhom u n-numri tat-telefon tagħhom. L-imsemmija pjattaforma rreżervat it-titjira f’isem l-imsemmija passiġġieri ma’ Laudamotion, filwaqt li matul din ir-reżervazzjoni, ħolqot indirizz ta’ posta elettronika speċifiku għall-imsemmija reżervazzjoni. Dan l-indirizz kien l-uniku indirizz magħruf mit-trasportatur tal-ajru sabiex jikkuntattja lill-passiġġieri.

10.

It-titjira, li t-tluq tagħha kien inizjalment previst fl‑14 ta’ Ġunju 2018 fit‑14.40 u kellha tasal fil‑17.05 tal-istess jum, ġiet antiċipata mit-trasportatur tal-ajru b’iktar minn sitt sigħat, li titlaq għalhekk fit‑8.25.

11.

Airhelp, li lilha ż-żewġ passiġġieri kienu ċedew d-drittijiet eventwali tagħhom għal kumpens skont ir-Regolament Nru 261/2004, ippreżentat rikors quddiem il-Bezirksgericht Schwechat (il-Qorti Distrettwali ta’ Schwechat, l-Awstrija). Hija sostniet li t-trasportatur tal-ajru Laudamotion kien responsabbli għall-ħlas tas-somma totali ta’ EUR 500 għaż-żewġ passiġġieri skont l-Artikolu 7(1)(a) ta’ dan ir-regolament minħabba, b’mod partikolari, l-antiċipazzjoni b’iktar minn sitt sigħat tat-titjira, li dwarha l-passiġġieri kienu ġew informati biss fl‑10 ta’ Ġunju 2018, permezz tal-indirizz elettroniku privat ipprovdut minnhom.

12.

Laudamotion ikkontestat il-fondatezza tat-talba ta’ Airhelp minħabba li l-antiċipazzjoni tat-titjira kienet ġiet ikkomunikata, fi żmien xieraq, fit‑23 u fid‑29 ta’ Mejju 2018 fl-indirizz elettroniku pprovdut mill-pjattaforma ta’ reżervazzjoni.

13.

Peress li l-Bezirksgericht Schwechat (il-Qorti Distrettwali ta’ Schwechat) ċaħdet ir-rikors ta’ Airhelp, din tal-aħħar appellat quddiem il-Landesgericht Korneuburg (il-Qorti Reġjonali ta’ Korneuburg), il-qorti tar-rinviju. Din tistaqsi b’mod partikolari jekk l-antiċipazzjoni ta’ titjira tikkostitwixxix kanċellazzjoni fis-sens tar-Regolament Nru 261/2004 u dwar il-portata tal-obbligu ta’ informazzjoni tat-trasportatur tal-ajru li jopera.

14.

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tirrileva li hija taqbel mal-opinjoni tal-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja) ( 4 ), li tgħid li l-antiċipazzjoni iktar minn minima ta’ titjira ppjanata tista’ tagħti dritt għal kumpens skont l-Artikolu 7(1) ta’ dan ir-regolament u li l-ħin tat-titjira previst ikun ikkanċellat meta t-titjira tkun ġiet antiċipata b’diversi sigħat.

15.

Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-passiġġieri fil-kawża prinċipali kinux ġew korrettament informati bl-antiċipazzjoni tat-titjira tagħhom, il-qorti tar-rinviju ssostni li, skont il-leġiżlazzjoni Awstrijaka li tittrasponi d-Direttiva 2000/31, preżunzjoni ta’ notifika tinħoloq mhux biss fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 11(1) ta’ din id-direttiva, iżda wkoll minn sempliċi skambju ta’ posta elettronika. Dan ifisser, f’dan il-każ, li passiġġier huwa meqjus li ġie informat bl-antiċipazzjoni tat-titjira tiegħu meta l-komunikazzjoni tat-trasportatur tal-ajru li jopera tista’ tiġi kkonsultata minn dan il-passiġġier. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, konsegwentement, jekk għandhiex tiġi applikata l-leġiżlazzjoni nazzjonali, id-Direttiva 2000/31 jew ir-Regolament Nru 261/2004 sabiex jiġi ddeterminat jekk il-passiġġieri ġewx korrettament informati bl-antiċipazzjoni tat-titjira tagħhom.

16.

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Landesgericht Korneubourg (il-Qorti Reġjonali ta’ Korneubourg) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“L-Artikolu 5(1)(ċ) u l-Artikolu 7 tar-[Regolament Nru 261/2004] għandhom jiġu interpretati fis-sens li passiġġier ikollu dritt għal kumpens meta l-ħin tat-tluq jiġi antiċipat mill-ħin oriġinali tat-14.40 għat-8.25 fl-istess jum?

L-Artikolu 5(1)(ċ)(i) sa (iii) tar-Regolament Nru 261/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-punt dwar jekk il-passiġġier huwiex informat bil-kanċellazzjoni għandu jiġi evalwat esklużivament fid-dawl ta’ din id-dispożizzjoni u fis-sens li huwa jipprekludi l-applikazzjoni tad-dritt nazzjonali dwar in-notifika tal-komunikazzjonijiet adottat għall-finijiet tat-traspożizzjoni tad-[Direttiva 2000/31] u li jinkludi finzjoni ta’ notifika?

L-Artikolu 5(1)(ċ)(i) sa (iii) tar-Regolament Nru 261/2004 u l-Artikolu 11 tad-[Direttiva 2000/31] għandhom jiġu interpretati fis-sens li fil-każ ta’ reżervazzjoni tat-titjira mill-passiġġier permezz ta’ pjattaforma ta’ reżervazzjoni, fejn il-passiġġier ikun ikkomunika n-numru tat-telefon tiegħu u l-indirizz tal-posta elettronika tiegħu, iżda l-pjattaforma ta’ reżervazzjoni tkun ittrażmettiet lit-trasportatur tal-ajru n-numru tat-telefon u indirizz ta’ posta elettronika ġġenerat awtomatikament mill-pjattaforma ta’ reżervazzjoni, in-notifika tal-informazzjoni dwar l-antiċipazzjoni tat-tluq tat-titjira fuq l-indirizz ta’ posta elettronika ġġenerat awtomatikament għandha titqies bħala komunikazzjoni jew notifika tal-informazzjoni dwar l-antiċipazzjoni [tat-tluq] anki meta l-pjattaforma ta’ reżervazzjoni ma tittrażmettix lill-passiġġier, jew tittrażmettilu b’dewmien, l-informazzjoni tat-trasportatur tal-ajru?”

IV. Il‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja

17.

Id-deċiżjoni tar-rinviju, datata s‑26 ta’ Mejju 2020, waslet fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fil‑15 ta’ Ġunju 2020.

18.

Il-partijiet fil-kawża prinċipali kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub fit-terminu stabbilit mill-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

19.

Waqt il-laqgħa ġenerali tas‑27 ta’ April 2021, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ma żżommx seduta għas-sottomissjonijiet orali.

V. Analiżi ġuridika

A.   Fuq it-tieni domanda preliminari

20.

Permezz tat-tieni domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-osservanza tal-obbligu li l-passiġġier jiġi informat bil-kanċellazzjoni fil-ħin għandhiex tiġi evalwata esklużivament fid-dawl tal-Artikolu 5(1)(ċ)(i) sa (iii) tar-Regolament Nru 261/2004. Fl-affermattiv, dan ir-regolament jipprekludi, fil-fatt, l-applikazzjoni tad-dritt nazzjonali dwar in-notifika tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, li ġie adottat sabiex tiġi trasposta d-Direttiva 2000/31.

21.

Kif ser nispjega fid-dettall iktar ’il quddiem, jiena tal-fehma li l-osservanza tal-obbligu li l-passiġġier jiġi informat dwar il-kanċellazzjoni fil-ħin għandha tiġi evalwata esklużivament fid-dawl tal-Artikolu 5(1)(ċ)(i) sa (iii) tar-Regolament Nru 261/2004. Din l-interpretazzjoni tirriżulta kemm mill-formulazzjoni kif ukoll mill-għan tad-dispożizzjonijiet rilevanti.

22.

Minn naħa, it-Taqsima 3 tal-Kapitolu II ta’ din id-direttiva fiha dispożizzjonijiet dwar kuntratti konklużi b’mezz elettroniku. L-Artikolu 11(1) tal-imsemmija direttiva, intitolat “Tqegħid ta’ l-ordni”, jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fil-każijiet fejn dak li jirċievi s-servizz jagħmel l-ordni tiegħu permezz ta’ mezzi elettroniċi, il-fornitur għandu “jikkonferma l-wasla ta’ l-ordni ta’ dak li jirċievi mingħajr dewmien u b’mezzi elettroniċi” (l-ewwel inċiż) u li “l-ordni u l-konferma tal-wasla huma meqjusa bħala li jkunu waslu meta l-partijiet li lihom ikunu ndirizzati ikunu jistgħu jkollhom aċċess għalihom” (it-tieni inċiż).

23.

Għalkemm l-informazzjoni dwar kanċellazzjoni la tikkostitwixxi “ordni” u lanqas “konferma tal-wasla” fis-sens tal-Artikolu 11 tad-Direttiva 2000/31, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tmur lil hinn minn din id-direttiva sa fejn hija tipprevedi li r-regola dwar in-notifika tapplika mhux biss għall-“ordnijiet” u għall-“konfermi tal-wasla”, iżda għad-dokumenti l-oħrajn kollha elettroniċi legalment rilevanti, inklużi d-dokumenti relatati mar-reżervazzjoni tat-titjiriet. Skont l-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju, kemm it-tieni inċiż tal-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2000/31 kif ukoll id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu din id-dispożizzjoni jipprevedu “finzjoni ta’ notifika”, li tinħoloq essenzjalment meta d-dikjarazzjoni tkun tista’ tiġi kkonsultata ( 5 ).

24.

Min-naħa l-oħra, għandu jiġi osservat li l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 5(1)(ċ) tar-Regolament Nru 261/2004 hija dik li tiġi pprovduta “fil-każ ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira” u li permezz tagħha l-passiġġieri kkonċernati huma “informati bil-kanċellazzjoni”. Huwa evidenti li din l-informazzjoni dwar kanċellazzjoni la tikkostitwixxi “ordni” u lanqas “konferma tal-wasla” fis-sens tal-Artikolu 11 tad-Direttiva 2000/31. Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat, għall-finijiet tal-analiżi, li l-atti ġuridiċi inkwistjoni huma, fil-prinċipju, komunikazzjonijiet li għandhom skop differenti.

25.

Inżid li mill-formulazzjoni tal-Artikolu 5(1)(ċ) tar-Regolament 261/2004 ma jistax jiġi dedott li l-metodu li permezz tiegħu l-imsemmija informazzjoni għandha tasal għand il-passiġġier huwa limitat għall-mezzi elettroniċi. Għall-kuntrarju, l-uniku rekwiżit huwa li “l-passiġġieri in kwistjoni […] huma informati bil-kanċellazzjoni tat-titjira”, li jawtorizza, bħala prinċipju, mezzi oħra ta’ komunikazzjoni. Ċertament, fid-dawl tal-importanza partikolari li għandu dan it-tip ta’ informazzjoni għall-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet mogħtija mir-Regolament Nru 261/2004, huwa neċessarju li l-mezz ta’ komunikazzjoni magħżul ikun adegwat u adattat għar-rekwiżiti tat-trasport bl-ajru tal-passiġġieri ( 6 ).

26.

B’mod iktar fundamentali, nirrileva li, skont l-Artikolu 5(4) tar-Regolament Nru 261/2004, huwa t-trasportatur tal-ajru li jopera li għandu “l-onus tal-provi” li huwa informa lill-passiġġieri dwar il-kanċellazzjoni ta’ titjira kif ukoll it-terminu li fih huwa jkun għamel dan. Il-fatt li l-oneru tal-prova jaqa’ fuq it-trasportatur tal-ajru li jopera ( 7 ) jikkontribwixxi sabiex jiggarantixxi l-livell għoli ta’ protezzjoni għall-passiġġieri msemmi fil-premessa 1 tar-Regolament Nru 261/2004.

27.

Huwa neċessarju li wieħed jiftakar fl-importanza ta’ dan l-għan leġiżlattiv f’dan il-kuntest, minħabba li, skont ġurisprudenza stabbilita, jeħtieġ li, għall-finijiet tal-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, ma għandhomx jitqiesu biss il-kliem tagħha iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha tifforma parti ( 8 ). Fis-sentenza Krijgsman, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat l-importanza tal-obbligu li tingħata prova tan-notifika tal-informazzjoni lill-passiġġier, li jirriżulta mill-Artikolu 5(4) tar-Regolament Nru 261/2004, għas-salvagwardja tad-drittijiet tiegħu ( 9 ). Fil-fatt, permezz tar-riċezzjoni ta’ din l-informazzjoni, il-passiġġier għandu jkun jista’ jirreaġixxi fil-ħin għall-kanċellazzjoni tat-titjira tiegħu u jinvoka d-drittijiet tiegħu fir-rigward tat-trasportatur tal-ajru, u b’hekk jiġu llimitati l-inkonvenjenzi li jirriżultaw.

28.

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li t-tieni inċiż tal-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2000/31 għandu l-effett li jaqleb l-oneru tal-prova sa fejn l-ordnijiet u l-konfermi ta’ rċevuta “huma meqjusa bħala li jkunu waslu” meta l-partijiet li lilhom ikunu indirizzati jistgħu jkollhom aċċess għalihom. Tali preżunzjoni ta’ “riċezzjoni xierqa” tal-informazzjoni dovuta lill-passiġġier jidhirli li hija inkompatibbli mal-oneru tal-prova li huwa impost fuq it-trasportaturi tal-ajru b’mod konformi mar-Regolament Nru 261/2004, sa fejn, minħabba din il-preżunzjoni, huwa l-passiġġier li għandu, mingħajr ebda riżerva oħra, juri li huwa ma rċeviex l-informazzjoni fi żmien xieraq.

29.

Tali prova jidhirli li hija estremament diffiċli li tiġi pprovduta fil-prattika, b’tali mod li l-għan, imsemmi fil-punt 28 ta’ dawn il-konklużjonijiet, li jikkonsisti fil-protezzjoni tal-passiġġieri tal-ajru jirriskja li jiġi kkontestat. Fil-fatt, fil-każ li jkun hemm problemi ta’ komunikazzjoni marbuta ma’ żbalji umani jew ma’ ħsarat tekniċi, l-impożizzjoni tal-obbligu fuq il-passiġġier li juri li ma għandu ebda komunikazzjoni li tinkludi l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 5(1)(ċ) tar-Regolament Nru 261/2004 tfisser li dan ikun meħtieġ jagħti prova ta’ dak li ma jistax jiġi vverifikat jew, fi kliem ieħor, li jagħmel l-impossibbli. Issa, huwa evidenti li l-prinċipju li “ħadd ma huwa obbligat jagħmel l-impossibbli” (“impossibilium nulla obligatio est”), irrikonoxxut fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni ( 10 ), jipprekludi tali approċċ.

30.

L-Artikolu 5(4) tar-Regolament Nru 261/2004 jikkostitwixxi lex specialis meta mqabbel mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2000/31 sa fejn jimponi obbligi partikolari fir-rigward tal-mod kif l-informazzjoni għandha tiġi kkomunikata lill-passiġġieri. Fid-dawl tal-interess ta’ dawn tal-aħħar li jkunu miżmuma informati b’kull imprevist eventwali li jaffettwa b’mod sinjifikattiv il-ħin tat-titjiriet u fid-dawl tal-inkonvenjenzi li jirriżultaw ġeneralment mill-kanċellazzjoni ta’ titjira, jidhirli li sempliċi preżunzjoni ta’ “riċezzjoni xierqa” bilkemm tissodisfa r-rekwiżiti kbar fil-qasam tat-trasport bl-ajru tal-passiġġieri.

31.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, inqis li r-rekwiżit ta’ notifika previst fl-Artikolu 5(1)(ċ)(i) sa (iii) tar-Regolament Nru 261/2004, moqri fid-dawl tal-paragrafu 4 ta’ dan l-istess artikolu, jipprekludi l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali, li jittrasponu d-Direttiva 2000/31, li permezz tagħhom il-messaġġi elettroniċi jitqiesu li jkunu waslu, b’tali mod li, sabiex jiġi ggarantit livell għoli ta’ protezzjoni għall-passiġġieri tal-ajru, huwa esklużivament fid-dawl ta’ dan ir-regolament li għandu jiġi vverifikat jekk l-obbligu li l-passiġġier jiġi informat bil-kanċellazzjoni huwiex issodisfatt.

32.

L-istess konklużjoni, fir-rigward tan-nuqqas ta’ osservanza tal-livell ta’ protezzjoni għall-konsumaturi li huwa previst mir-Regolament Nru 261/2004, tapplika fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali mhux armonizzati, iċċitati fid-digriet tar-rinviju, li, fil-kuntest tat-traspożizzjoni tal-Artikolu 11 tad-Direttiva 2000/31, estendew il-kamp ta’ applikazzjoni tal-mertu tal-ordnijiet u tal-konfermi ta’ rċevuta għal komunikazzjonijiet elettroniċi oħra, b’mod partikolari għall-komunikazzjonijiet elettroniċi dwar il-kanċellazzjoni ta’ titjira.

33.

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, kif osservat il-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza tagħha, fil-parti l-kbira tal-aspetti tal-kummerċ elettroniku, id-Direttiva 2000/31 ma hijiex intiża “għal armonizzazzjoni tar-regoli sostantivi iżda tiddefinixxi ‘qasam ikkordinat’ li fil-kuntest tiegħu l-mekkaniżmu tal-Artikolu 3 għandu jippermetti, skont (il-premessa 22) tad-Direttiva, li s-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni jiġu, bħala prinċipju, suġġetti għas-sistema legali tal-Istat Membru fejn ikun stabbilit il-fornitur” ( 11 ). Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mill-premessi 6, 7, 10 u 22 tal-imsemmija direttiva.

34.

Sa fejn il-leġiżlatur nazzjonali għażel — volontarjament u mingħajr ma d-dritt tal-Unjoni jeżiġi dan espressament — li l-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli armonizzati fuq il-kummerċ elettroniku jiġi estiż għal elementi oħra li ma humiex previsti mid-Direttiva 2000/31, dawn id-dispożizzjonijiet ma jistgħux jitqiesu li jagħmlu parti mil-leġiżlazzjoni armonizzata dwar il-kummerċ elettroniku. F’dan ix-xenarju, tqum pjuttost il-kwistjoni tal-kompatibbiltà tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali ma’ dawk tar-Regolament Nru 261/2004.

35.

Indipendentement mill-punt dwar jekk id-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni ġewx adottati — ġustament jew b’mod żbaljat — fil-kuntest tat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2000/31, huwa leġittimu li jiġi konkluż li dawn jipprekludu l-għan imfittex mir-Regolament Nru 261/2004. Konsegwentement, l-Artikolu 5(1)(ċ)(i) sa (iii) tar-Regolament Nru 261/2004, moqri fid-dawl tal-paragrafu 4 ta’ dan l-artikolu, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi d-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li huma bbażati fuq l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2000/31.

B.   Risposta għat-tieni domanda preliminari

36.

Għar-raġunijiet esposti iktar ’il fuq, nipproponi li r-risposta għat-tieni domanda preliminari għandha tkun li l-Artikolu 5(1)(ċ)(i) sa (iii) tar-Regolament Nru 261/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-obbligu li l-passiġġier jiġi informat bil-kanċellazzjoni għandu jiġi osservat esklużivament fid-dawl tal-imsemmi regolament, li jipprekludi l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li joħolqu preżunzjoni ta’ aċċess għall-komunikazzjonijiet elettroniċi.

VI. Konklużjoni

37.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għat-tieni domanda preliminari magħmula mil-Landesgericht Korneubourg (il-Qorti Reġjonali ta’ Korneuburg, l-Awstrija):

L-Artikolu 5(1)(ċ)(i) sa (iii) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-obbligu li l-passiġġier jiġi informat bil-kanċellazzjoni għandu jiġi osservat esklużivament fid-dawl tal-imsemmi regolament, li jipprekludi l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li joħolqu preżunzjoni ta’ aċċess għall-komunikazzjonijiet elettroniċi.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 10.

( 3 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 25, p. 399.

( 4 ) Skont l-informazzjoni li tinsab fit-talba għal deċiżjoni preliminari, din l-opinjoni ġiet espressa fi stqarrija għall-istampa tal-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) bir-referenza 89/2015, X ZR 59/14 u stabbilita wara deċiżjoni li kkonstatat l-approvazzjoni tat-talba.

( 5 ) Ara l-paġna 10 tad-deċiżjoni tar-rinviju.

( 6 ) Steinrötter, B., Beck’scher Online-Großkommentar (Gsell/Krüger/Lorenz/Mayer), Art. 1–19 VO (EG) Nru 261/2004, l-Artikolu 5, punti 23 u 25, jindika li ma jeżistux rekwiżiti formali fir-rigward tal-metodu li permezz tiegħu l-informazzjoni dwar kanċellazzjoni għandha tasal għand il-passiġġier. Madankollu, l-awtur jirrakkomanda li jintgħażel mezz ta’ komunikazzjoni li jiżgura li l-passiġġier ikun ġie effettivament informat bil-kanċellazzjoni tat-titjira. Jekk il-passiġġier joġġezzjona li huwa ma jkunx irċieva l-messaġġ, huwa t-trasportatur tal-ajru li għandu jagħti prova li l-passiġġier ġie informat bil-kanċellazzjoni u meta dan ġie informat.

( 7 ) Ara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Linji Gwida Interpretattivi għar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2027/97 dwar ir-responsabbilità ta’ trasportaturi bl-ajru fl-eventwalità ta’ inċidenti kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 889/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2016, C 214, p. 5), punt 3.2.5, intitolat “Oneru tal-evidenza fil-każ ta’ kanċellazzjoni”.

( 8 ) Ara s-sentenzi tas‑16 ta’ Novembru 2016, Hemming et (C‑316/15, EU:C:2016:879, punt 27), u tal‑11 ta’ Mejju 2017, Krijgsman (C‑302/16, EU:C:2017:359, punt 24).

( 9 ) Sentenza tal‑11 ta’ Mejju 2017 (C‑302/16, EU:C:2017:359, punti 23 sa 28).

( 10 ) Ara s-sentenzi tat‑3 ta’ Marzu 2016, Daimler (C‑179/15, EU:C:2016:134, punt 42); tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Protect Natur-, Arten- und Landschaftschutz Umweltorganisation (C‑664/15, EU:C:2017:987, punt 96); u tas‑6 ta’ Novembru 2018, Scuola Elementare Maria Montessori vs Il-Kummissjoni, Il‑Kummissjoni vs Scuola Elementare Maria Montessori u Il‑Kummissjoni vs Ferracci (C‑622/16 P sa C‑624/16 P, EU:C:2018:873, punt 79).

( 11 ) Ara s-sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2011, eDate Advertising et (C‑509/09 u C‑161/10, EU:C:2011:685, punt 57).