KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

HOGAN

ippreżentati fit-23 ta’ Settembru 2021 ( 1 )

Kawża C-228/20

I GmbH

vs

Finanzamt H

(Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa min-Niedersächsisches Finanzgericht (il-Qorti tal-Finanzi ta’ Niedersachsen, il-Ġermanja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Taxxa fuq il-valur miżjud – Direttiva 2006/112/KE – Artikolu 132(1)(b) – Eżenzjonijiet għal ċerti attivitajiet mediċi fl-interess pubbliku – Kunċett ta’ ‘stabbilimenti debitament rikonoxxuti’ – Kunċett ta’ ‘kundizzjonijiet soċjali komparabbli ma’ dawk applikabbli għal korpi rregolati mid-dritt pubbliku’”

I. Introduzzjoni

1.

Sptar privat taħt liema ċirkustanzi jista’ jkun eliġibbli għall-eżenzjoni mill-VAT applikabbli għal trattament u kura medika fi sptarijiet pubbliċi? Kif ser naraw, din ma hijiex kwistjoni sempliċi, iżda hija essenzjalment il-kwistjoni li tressqet minn din it-talba għal deċiżjoni preliminari li tikkonċerna l-interpretazzjoni tal-Artikolu 132(1)(b) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60, iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-VAT”). Hija din id-dispożizzjoni li tipprovdi eżenzjoni għal ċerti attivitajiet ta’ kura tas-saħħa mwettqa minn tipi speċifiċi ta’ stabbilimenti mediċi.

2.

L-eżenzjonijiet ipprovduti fl-Artikolu 132 tad-Direttiva dwar il-VAT huma bbażati fuq kunsiderazzjonijiet ta’ politika li mhux neċessarjament huma kollha konsistenti. Kif osserva D. Berlin, il-progress fil-kors tal-armonizzazzjoni tal-VAT spiss kien irregolat minn kunsiderazzjonijiet immensament prattiċi li spiss kienu jkunu ddettati mir-realtajiet tal-politika nazzjonali u partikolaritajiet reġjonali ( 2 ).

3.

It-talba li saret f’din il-kawża tressqet min-Niedersächsisches Finanzgericht (il-Qorti tal-Finanzi ta’ Niedersachsen, il-Ġermanja) fil-kuntest ta’ tilwima bejn kumpannija b’responsabbiltà limitata, I, u l-Finanzamt H (l-Uffiċċju tat-Taxxa ta’ H, il-Ġermanja) dwar l-eżenzjoni mill-VAT għas-servizzi tal-isptar ipprovduti minn I matul is-snin ta’ taxxa 2009 sa 2012. Filwaqt li nnotat li kien hemm xi diskrepanza bejn il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni u l-formulazzjoni tal-Artikolu 132(1)(b) tad-Direttiva dwar il-VAT, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni li għandha tingħata lil din id-dispożizzjoni.

4.

Qabel xejn, ma nistax nevita milli ngħid li ftit mill-ġurisprudenza eżistenti tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar dan is-suġġett ma hijiex kompletament konsistenti. Kif ser naraw ukoll, parti mid-diffikultà hawnhekk ġejja mill-fatt li ftit mill-kunċetti li jinsabu fl-Artikolu 132(1)(b) huma wkoll, min-naħa tagħhom, iddefiniti ħażin u diffiċli li jiġu applikati. Dan il-każ jagħti għaldaqstant l-opportunità lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċċara din il-ġurisprudenza billi tagħmel analiżi komprensiva u sistematika ta’ din id-dispożizzjoni. Qabel ma nagħmel din l-analiżi, madankollu, jeħtieġ l-ewwel nett li jiġi ppreżentat il-kuntest ġuridiku rilevanti.

II. Il-kuntest ġuridiku

A.   Id-dritt tal-Unjoni

5.

L-Artikolu 131 tad-Direttiva dwar il-VAT huwa l-uniku artikolu li jinsab fil-Kapitolu 1 tat-Titolu IX ta’ din id-direttiva, intitolati “Dispożizzjonijiet ġenerali” u “Eżenzjonijiet” rispettivament. Dan l-artikolu jaqra kif ġej:

“L-eżenzjonijiet ipprovduti fil-Kapitoli 2 sa 9 għandhom japplikaw mingħajr preġudizzju għal disposizzjonijet oħrajn tal-[Unjoni] skond kondizzjonijiet li l-Istati Membri għandhom jistabilixxu għall-finijiet li jiżguraw l-applikazzjoni korretta u ċara ta’ dawk l-eżenzjonijet u tal-prevenzjoni ta’ kawlunkwe evażjoni, evitar jew abbuż possibbli”.

6.

L-Artikolu 132(1) tad-Direttiva dwar il-VAT, li jinsab fil-Kapitolu 2 tagħha, intitolat “Eżenzjonijet għal ċertu attivitajiet fl-interess pubbliku” tat-Titolu IX ta’ din id-direttiva jipprovdi li:

“L-Istati Membri għandhom jeżentaw it-transazzjonijiet li ġejjin:

[…]

(b)

sptar u kura medika u attivitajiet relatati mill-viċin immexxija minn korpi regolati mid-dritt pubbliku jew, skond kondizzjonijet soċjali komparabbli ma’ dawk applikabbli għal korpi regolati mid-dritt pubbliku, minn sptarijiet, ċentri għat-trattament mediku jew djanjosi u stabblimenti oħrajn ta’ natura simili debitament rikonoxxuti;

(ċ)

il-provvediment tal-kura medika fl-eżerċizzju tal-professjonijet mediċi u paramediċi kif definiti mill-Istat Membru konċernat;

[…]”

7.

L-Artikolu 133 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“L-Istati Membri jistagħu jagħmlu l-għoti lil korpi għajr dawk regolati mid-dritt pubbiku ta’ kull eżenzjoni pprovduta fil-punti (b), (g), (h), (i), (l), (m) u (n) ta’ l-Artikolu 132(1) soġġett għal kull każ individwali għal wieħed jew iżjed mill-kondizzjonijet li ġejjin:

(a)

il-korpi in kwistjoni m’għandhomx jimmiraw sistemikament biex jagħmlu profitt, u kwalunkwe ammonti żejda li mandanakollu jirriżultaw m’għandhomx jiġu mqassma, imma għandhom ikunu assenjati għall-kontinwament u għat-titjib tas-servizzi pprovduti;

(b)

dawn il-korpi għandhom ikunu mmaniġjati u amministrati fuq bażi essenzjalment volontarja minn persuni li m’għandhomx interess dirett jew indirett, jew huma nfushom jew b’intermedji, fir-riżultati ta’ l-attivitajiet ikkonċernati;

(ċ)

dawn il-korpi għandhom iżommu prezzijiet approvati mill-awtoritajiet pubbliċi jew li ma jeċċedux it-tali prezzijiet approvati jew, fir-rigward ta’ dawk is-servizzi li m’humiex soġġetti għall-approvazzjoni, prezzijiet inqas minn dawk miżmuma għal servizzi simili minn impriżi kummerċjali soġġetti għall-VAT;

(d)

l-eżenzjonijiet m’għandhomx joħoolqu l-possibbiltà ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni bi żvantaġġ għal impriżi kummerċjali soġġetti għall-VAT.

[…]”.

B.   Id-dritt Ġermaniż

8.

L-Artikolu 4(14)(b) tal-Umsatzsteuergesetz (il-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul mill-Bejgħ; iktar ’il quddiem l-“UstG”), fil-verżjoni li kienet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2009, jipprovdi:

“It-tranżazzjonijiet li ġejjin li jaqgħu taħt l-Artikolu 1(1)(1) tal-UStG għandhom ikunu eżentati:

[…]

14.

[…]

(b)

il-kura fl-isptar u dik medika, inkluż id-dijanjosi, l-evalwazzjoni medika, il-prevenzjoni, ir-rijabilitazzjoni, l-ostetrija, is-servizzi ta’ ospizju u kura fi tmiem il-ħajja, kif ukoll l-operazzjonijiet relatati mill-qrib magħhom, li jiġu pprovduti minn korpi rregolati mid-dritt pubbliku. Il-benefiċċji msemmija fl-ewwel sentenza huma eżentati wkoll jekk jiġu pprovduti minn:

(aa)

sptarijiet approvati fis-sens tal-Artikolu 108 tal-Fünften Buches Sozialgesetzbuch [(il-Ħames Ktieb tal-Kodiċi Soċjali)];

[…]

(cc)

korpi li ġew inkarigati jipprovdu kura mill-fornituri ta’ assigurazzjoni statutorja għall-aċċidenti fis-sens tal-Artikolu 34 tas-Siebten Buches Sozialgesetzbuch [(is-Seba’ Ktieb tal-Kodiċi Soċjali)];

[…]”.

9.

L-Artikolu 108 tal-Fünften Buches Sozialgesetzbuch (il-Ħames Ktieb tal-Kodiċi Soċjali, iktar ’il quddiem is-“SGB V”), intitolat “Sptarijiet approvati”, jipprovdi li:

“Il-fondi ta’ assigurazzjoni għas-saħħa jistgħu jipprokuraw kura fl-isptar biss mill-isptarijiet li ġejjin (sptarijiet approvati):

1.

Sptarijiet li huma rrikonoxxuti bħala sptarijiet tal-università […],

2.

Sptarijiet li huma inklużi fi pjan tal-isptarijiet fuq livell tal-Land (sptarijiet inklużi fil-pjan), jew

3.

Sptarijiet li kkonkludew kuntratt għall-provvista ta’ kura tas-saħħa mal-Landesverbände der Krankenkassen (l-assoċjazzjonijiet Statali tal-fondi ta’ assigurazzjoni għas-saħħa) u l-Verbände der Ersatzkassen (l-assoċjazzjonijiet tal-fondi sostituti)”.

10.

Jidher li skont id-dritt Ġermaniż id-differenza bejn fond ta’ assigurazzjoni għas-saħħa u fond sostitut hija, għal raġunijiet storiċi, il-mod li bih huma jiġu organizzati. Dan ma jidhirx li huwa rilevanti għal dan il-każ.

11.

L-Artikolu 109 tas-SGB V, intitolat “Konklużjoni ta’ kuntratti għall-provvista ta’ kura ma’ sptarijiet”, jipprovdi li:

“[…]

(2)   Id-dritt li jiġi konkluż kuntratt għall-provvista ta’ kura tas-saħħa imsemmi fl-Artikolu 108(3) tas-SGB V ma japplikax […]

(3)   Il-kuntratt għall-provvista ta’ kura tas-saħħa msemmi fl-Artikolu 108(3) tas-SGB V ma għandux jiġi konkluż f’każ fejn l-isptar:

1.

ma joffrix garanzija ta’ kura fl-isptar effiċjenti u ekonomika,

2.

[ma jissodisfax ċerti rekwiżiti ta’ kwalità] jew

3.

ma huwiex meħtieġ għall-finijiet li tiġi pprovduta kura fl-isptar ibbażata fuq il-bżonn għall-persuni assigurati.

[…]”.

12.

L-Artikolu 1 tal-Gesetz zur wirtschaftlichen Sicherung der Krankenhäuser und zur Regelung der Krankenhauspflegesätze (Krankenhausfinanzierungsgesetz) (il-Liġi dwar il-Finanzjament tal-Isptarijiet; iktar ’il quddiem il-“KHG”) (BGBl. I 1991, p. 886), intitolat “Prinċipju”, jipprovdi fil-verżjoni ppreżentata mill-qorti tar-rinviju bħala applikabbli għall-kawża prinċipali, li hija kwistjoni li għandha tiġi kkonfermata mill-imsemmija qorti:

“(1)   L-għan ta’ din il-Liġi huwa li tipprovdi sikurezza ekonomika għall-isptarijiet sabiex tiġi żgurata lill-poplu kura ta’ kwalità għolja, ibbażata fuq il-pazjent u fuq il-bżonn permezz ta’ sptarijiet effiċjenti, ta’ kwalità għolja, u mħaddma b’mod indipendenti u biex tikkontribwixxi għal spiża tal-kura tas-saħħa li hija soċjalment sostenibbli”.

13.

L-Artikolu 6(1) tal-Liġi dwar il-finanzjament tal-isptarijiet jipprovdi li:

“(1)   Il-Länder għandhom iħejju pjanijiet tal-isptar u programmi ta’ investiment intiżi li jilħqu l-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 1; l-ispejjeż marbutin ma’ dawn, b’mod partikolari l-impatt tagħhom fuq l-ispiża għall-kura tas-saħħa, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni.

[…]

(4)   Dettalji oħra għandhom jiġu stabbiliti mil-liġi tal-Land”.

14.

Fl-osservazzjonijiet tiegħu, il-Gvern Ġermaniż qal li l-Bundesministerium der Finanzen (il-Ministeru Federali tal-Finanzi, il-Ġermanja) kien adotta ċirkulari amministrattiva vinkolanti li kienet tapplika b’effett mill-1 ta’ Jannar 2009. Skont din iċ-ċirkulari, anki l-isptarijiet privati li ma kinux sptarijiet approvati fis-sens tal-Artikolu 108 tas-SGB V setgħu jinvokaw l-eżenzjoni mit-taxxa jekk is-servizzi li huma joffru jikkorrispondu għas-servizzi pprovduti mill-isptarijiet imħaddma mill-korpi pubbliċi jew minn sptarijiet approvati fis-sens tal-Artikolu 108 tas-SGB V u l-ispejjeż kienu fil-parti l-kbira minnhom jinġarru mill-fondi tal-assigurazzjoni għas-saħħa jew minn korpi oħra tas-sigurtà soċjali. Dan huwa l-każ meta, matul is-sena finanzjarja preċedenti, tal-inqas 40 % mill-każijiet ta’ sptar jew mill-ġranet li jiġu ċċarġjati matul is-sena huma attribwibbli lill-pazjenti li għalihom is-servizzi tal-isptar kienu ċċarġjati għal ammont li ma kienx jeċċedi l-ammont li kien ikun rimborsabbli mill-korpi tas-sigurtà soċjali ( 3 ).

15.

Fl-aħħar nett, l-Artikolu 30 tal-Gewerbeordnung (ir-Regolament dwar in-Negozju, Kummerċ u Industrija) (iktar ’il quddiem il-“GewO”), intitolat ‘Sptarijiet privati” isemmi:

“(1)   Imprendituri ta’ sptarijiet privati u sptarijiet privati tal-maternità kif ukoll sptarijiet mentali jeħtieġu liċenzja mill-awtorità kompetenti. Il-liċenzja tiġi rrifjutata biss jekk:

1.

Jeżistu fatti li juru l-inaffidabbiltà tal-imprenditur fir-rigward tal-immaniġġjar jew l-amministrazzjoni tal-istabbiliment jew klinika;

1a.

Jeżistu fatti li juri li ma hijiex iggarantita l-kura adegwata medika u tal-infermiera tal-pazjenti,

2.

Skont id-deskrizzjonijiet u pjanijiet ippreżentati mill-imprenditur, il-faċilitajiet strutturali u tekniċi oħra tal-istabbiliment jew klinika ma jikkonformawx mar-rekwiżiti sanitarji;

3.

l-istabbiliment jew klinika għandha tkun sitwata biss f’parti minn binja li tkun okkupata wkoll minn persuni oħra u t-tħaddim tagħha jista’ jikkawża żvantaġġi jew perikoli kunsiderevoli għall-koabitanti ta’ din il-binja; jew

4.

l-istabbiliment jew klinika hija intiża li takkomoda persuni b’mard infettiv jew morda mentalment u l-pożizzjoni lokali tista’ tikkawża żvantaġġi jew perikoli sinjifikattivi lis-sidien jew okkupanti tal-proprjetajiet adjaċenti.

(2)   Qabel ma tingħata l-konċessjoni, il-pulizija lokali u l-awtoritajiet muniċipali għandhom jiġu kkonsultati dwar il-materji msemmija fil-paragrafi 1(3) u (4)”.

III. Il-fatti tal-kawża prinċipali u t-talba għal deċiżjoni preliminari

16.

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali hija kumpannija b’responsabbiltà limitata li ġiet inkorporata taħt id-dritt Ġermaniż li l-għan tagħha huwa, skont l-istatut tagħha, l-ippjanar, stabbbiliment u l-operat ta’ sptar li jispeċjalizza fin-newroloġija. L-attivitajiet ta’ dan l-isptar ġew approvati mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 30 tal-GewO.

17.

Il-pazjenti tar-rikorrenti jikkonsistu f’persuni li jħallsu minn buthom bil-quddiem għat-trattament tagħhom, persuni koperti b’assigurazzjoni privata, persuni intitolati għal assistenza finanzjarja, bħalma huma pazjenti “konsulari” li għalihom l-ambaxxata ta’ Stat barrani tagħti garanzija għall-ispiża tat-trattament), membri tal-forzi armati federali, pazjenti affiljati ma’ assoċjazzjonijiet ta’ assigurazzjoni tax-xogħol u pazjenti koperti b’assigurazzjoni għas-saħħa statutorja.

18.

Inizjalment, ir-rikorrenti ffatturat is-servizzi ta’ sptar u ta’ kura medika u operazzjonijiet marbutin mill-qrib abbażi ta’ miżata bil-ġurnata b’rata fissa, kif kienet il-prassi fost l-isptarijiet ipprovduta fl-Artikolu 108 tas-SGB V. Servizzi mediċi fakultattivi kienu jiġu ffatturati separatament skont il-Gebührenordnung für Ärzte (ir-Regolament dwar il-Miżati tat-Tobba). Barra minn hekk, il-pazjenti akkomodati f’kamra singola jew doppja ġew iffatturati miżata addizzjonali. Matul iż-żmien, madankollu, ir-rikorrenti bidlet gradwalment is-sistema tal-miżati tagħha għal sistema ta’ diagnosis-related group (DRG) ( 4 ). Quddiem il-qorti tar-rinviju, ir-rikorrenti qalet li, fl-2011, kienu biss 15 % sa 20 % tal-ġranet ta’ trattament li kienu ffatturati abbażi tas-sistema DRG.

19.

Fit-28 ta’ Ġunju 2012, ir-rikorrenti kkonkludiet ftehim qafas (fis-sens tal-Artikolu 4(14)(b)(cc) tal-UStG) ma’ fornitur ta’ assigurazzjoni għall-inċidenti statutorji. Dan il-ftehim daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2012.

20.

Fir-rendikonti tagħha tat-taxxa tal-VAT għas-snin 2009 sa 2012, ir-rikorrenti kkunsidrat is-servizzi ta’ sptar iffaturati abbażi ta’ miżati bil-ġurnata b’rata fissa u l-miżati tal-użu ffaturati lil tobba mhux residenti bħala tranżazzjonijiet eżentati mill-VAT. Matul eżerċizzju ta’ verifika fiskali, madankollu, l-uffiċċju tat-taxxa rilevanti kien tal-fehma li l-parti l-kbira mit-tranżazzjonijiet imwettqa mir-rikorrenti qabel l-1 ta’ Lulju 2012 ma kinux eżentati mill-VAT, peress li ma kinitx sptar approvat fis-sens tal-Artikolu 108 tas-SGB V. Din il-pożizzjoni kienet ġiet ikkonfermata b’deċiżjoni dwar l-oġġezzjoni li tressqet kontra r-riżultat tal-verifika, u fl-azzjoni mressqa kontra dik id-deċiżjoni.

21.

Ir-rikorrenti mbagħad bdiet il-proċeduri quddiem il-qorti tar-rinviju fejn issostni li t-tranżazzjonijiet inkwistjoni għandhom ikunu eżentati mill-VAT skont l-Artikolu 132(1)(b) tad-Direttiva dwar il-VAT inkwantu dawn twettqu minn sptar awtorizzat li jipprovdi servizzi taħt l-istess kundizzjonijiet bħall-korp irregolat mid-dritt pubbliku. Sabiex turi li dan kien il-każ, ir-rikorrenti targumenta li l-attività tagħha hija fl-interess pubbliku, peress li, fl-ewwel lok, hija toffri firxa ta’ servizzi paragunabbli għal dawk ta’ stabbilimenti pubbliċi jew stabbilimenti integrati fi pjan ta’ sptar tal-Land, u fit-tieni lok, hija waħda mill-iktar kliniċi newrokirurġiċi rinomati fid-dinja, u fit-tielet lok, hija tipprovdi s-servizzi tagħha lill-persuni kollha, indipendentement minn jekk humiex assigurati ma’ skema ta’ assigurazzjoni statutorja jew privata, jew jekk ma humiex assigurati.

22.

Min-naħa tagħha, il-qorti tar-rinviju tinnota li, għall-perijodi inkwistjoni, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma tissodisfax ir-rekwiżiti għall-eżenzjoni taħt it-tieni sentenza tal-Artikolu 4(14)(b)(aa) tal-UStG jew taħt it-tieni sentenza tal-Artikolu 4(14)(b)(cc) tal-UStG. Fl-ewwel lok, il-ftehim qafas konkluż mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali mal-fond ta’ assigurazzjoni għall-aċċidenti daħal fis-seħħ biss fl-1 ta’ Lulju 2012 u, fit-tieni lok, ir-rikorrenti ma tissodisfax ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 108 tas-SGB V li jkunu jintitolawha li tiġi ttrattata bħala sptar approvat. Madankollu, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-kompatibbiltà ta’ dawn ir-rekwiżiti mal-Artikolu 132(1)(b) tad-Direttiva dwar il-VAT.

23.

F’dan ir-rigward, il-qorti nazzjonali ttendi li taqbel mal-fehma tal-Ħames u l-Ħdax-il Awla tal-Bundesfinanzhof (il-Qorti Federali tal-Finanzi, il-Ġermanja) li dawn ir-rekwiżiti jmorru lil hinn mir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 132(1)(b) tad-Direttiva dwar il-VAT. Fil-fatt, fid-dawl tar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 108 tas-SGB V għal sptar biex jikkwalifika bħala sptar approvat fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, hija tieħu l-pożizzjoni li r-rekwiżit li l-isptarijiet privati jridu jissodisfaw dawn ir-rekwiżiti sabiex jikkwalifikaw għall-eżenzjoni mill-VAT ikun jirrestrinġi l-vantaġġ tal-eżenzjoni għal sptarijiet li diġà kienu inklużi fi pjan tal-isptarijiet jew li kienu diġà kkonkludew ftehim ma’ assoċjazzjoni ta’ assigurazzjoni tas-saħħa jew ta’ assoċjazzjoni ta’ assigurazzjoni għas-saħħa sostituti. Dan għaliex l-isptarijiet privati l-oħra ftit ikollhom ċans li jiġu inklużi fi pjan tal-isptarijiet jew li jiffirmaw tali ftehim jekk diġà jkun hemm biżżejjed sodod tal-isptarijiet disponibbli għal speċjalizzazzjoni partikolari f’xi Land. Konsegwentement, servizzi mediċi simili jiġu ttrattati b’mod differenti, skont jekk l-isptar li jipprovdi s-servizzi jkunx applika qabel jew iktar tard biex jiġi inkluż fil-pjan tal-isptarijiet jew biex jikkonkludi ftehim għall-provvista ta’ kura tas-saħħa ma’ assoċjazzjoni Statali ta’ fondi tal-assigurazzjoni għas-saħħa jew assoċjazzjoni fuq il-livell tal-Land ta’ fondi sostituti, li allura jkun inkompatibbli mal-prinċipju ta’ newtralità fiskali.

24.

Jekk l-Artikolu 4(14)(b) tal-UStG kellu jiġi ddikjarat inkompatibbli mal-Artikolu 132(1)(b) tad-Direttiva dwar il-VAT, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li tqum imbagħad il-kwistjoni dwar jekk ir-rikorrenti tistax tinvoka dik id-dispożizzjoni ta’ din id-direttiva. Biex dan ikun il-każ, jeħtieġ li s-servizzi tal-isptar ipprovduti mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali u t-tranżazzjonijiet relatati magħhom mill-qrib jkunu ġew ipprovduti taħt kundizzjonijiet soċjali paragunabbli għal dawk tal-korpi rregolati mid-dritt pubbliku.

25.

F’dan ir-rigward, il-qorti nazzjonali tinnota li l-Ħdax-il-Awla tal-Bundesfinanzhof (il-Qorti Federali tal-Finanzi) iddeċidiet li l-leġiżlatur Ġermaniż kien kiser l-Artikolu 132 tad-Direttiva dwar il-VAT biss sa fejn din id-dispożizzjoni tissuġġetta l-għoti tal-eżenzjoni mill-VAT għall-kundizzjoni li s-servizzi inkwistjoni jiġu pprovduti minn stabbiliment li huwa sptar approvat fis-sens tal-Artikolu 108 tas-SGB V. Madankollu, ma huwiex kontra d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 132(1)(b) tad-Direttiva dwar il-VAT li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tissuġġetta din l-eżenzjoni – kif tagħmel fit-tieni sentenza tal-Artikolu 4(14)(b)(aa) tal-UStG, l-Artikolu 108(2) u (3) tas-SGB V, l-Artikoli 1 u 6 tal-KHG u l-Artikolu 109 tas-SGB V – għal kundizzjonijiet relatati mal-prestazzjoni tal-isptar f’termini ta’ persunal, post u tagħmir u l-effettività ekonomika tal-ġestjoni tiegħu.

26.

Il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar din l-analiżi. Hija tal-fehma li, sabiex jiġi stabbilit jekk it-tranżazzjonijiet jitwettqux taħt “kondizzjonijiet soċjali komparabbli” fis-sens tal-Artikolu 132(1)(b) tad-Direttiva dwar il-VAT, jeħtieġ li jiġu applikati kriterji differenti minn dawk proposti mill-Ħdax-il Awla tal-Bundesfinanzhof, jiġifieri, dwar jekk l-ispejjeż tal-parti l-kbira tal-pazjenti jinġarrux mill-korpi tas-sigurtà soċjali.

27.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari:

“(1)

Il-punt 14(b) tal-Artikolu 4 tal-[UStG] huwa kompatibbli mal-Artikolu 132(1)(b) tad-[Direttiva dwar il-VAT], sa fejn sptarijiet li ma jkunux korpi rregolati mid-dritt pubbliku jikkwalifikaw għal eżenzjoni mit-taxxa bil-kundizzjoni li jkunu approvati fis-sens tal-Artikolu 108 tas-[SGB V]?

(2)

Jekk l-ewwel domanda tingħata risposta fin-negattiv: f’liema kundizzjonijiet hija kura mill-isptar ipprovduta minn sptarijiet rregolati mid-dritt privat mogħtija f’‘kondizzjonijet soċjali komparabbli’, fis-sens tal-Artikolu 132(1)(b) tad-Direttiva dwar il-VAT, ma’ kura mill-isptar ipprovduta minn korpi rregolati mid-dritt pubbliku?”

IV. Analiżi

A.   Rimarki preliminari

28.

Peress li kemm il-qorti tar-rinviju u kif ukoll il-partijiet għamlu riferiment għall-prinċipju ta’ newtralità fiskali, jista’ jkun xieraq li wieħed jibda billi jiċċara t-tifsira ta’ din l-espressjoni. Fil-fatt, ħarsa malajr lejn il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja turi li l-espressjoni “prinċipju ta’ newtralità fiskali” tintuża tal-inqas fi tliet kuntesti differenti ( 5 ).

29.

L-ewwel, din l-espressjoni tintuża spiss biex tiddeskrivi l-fatt li persuna li kellha tħallas il-VAT biex tixtri oġġetti jew servizzi tista’ mbagħad tnaqqasha jekk dawk l-oġġetti jew servizzi jkunu intiżi, min-naħa tagħhom, li jintużaw għall-finijiet ta’ attività taxxabbli ( 6 ). Huwa ċar li dan hu s-sens prinċipali ta’ din l-espressjoni.

30.

It-tieni, il-prinċipju ta’ newtralità fiskali xi kultant jinftiehem bħala li jirrifletti, f’materji ta’ VAT, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament ( 7 ). Meta jintuża f’dan is-sens, dan il-prinċipju jista’, naturalment, jiġi invokat biex jikkontesta l-validità ta’ dispożizzjoni tad-Direttiva dwar il-VAT ( 8 ).

31.

It-tielet, il-Qorti tal-Ġustizzja kultant tuża din l-espressjoni biex tindika li l-VAT għandha tkun newtrali mill-aspett ta’ kompetittività ( 9 ). Essenzjalment, l-idea hija li oġġetti jew servizzi simili li huma f’kompetizzjoni ma’ xulxin għandhom jiġu ttrattati bl-istess mod ( 10 ). Dan il-prinċipju huwa, madankollu, xi ftit differenti mill-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament peress li ma jikkostitwixxix xi tip ta’ regola prevalenti tad-dritt primarju li tista’ tiddetermina l-validità ta’ eżenzjoni partikolari ( 11 ). Meta tintuża f’dan (it-tielet) sens, l-idea ta’ newtralità fiskali hija pjuttost prinċipju interpretattiv li japplika meta metodi oħra ta’ interpretazzjoni ma jwasslux għal riżultat konklużiv ( 12 ).

32.

F’dan il-każ, l-argumenti tal-qorti tar-rinviju u tal-partijiet dwar in-newtralità fiskali jużaw dawn it-termini f’dan it-tielet sens, jiġifieri, bħala li jirreferu għall-għan imfittex mid-Direttiva dwar il-VAT: li t-taxxa għandha, sa fejn hu possibbli, tkun newtrali mil-lat kompetittiv. Kif ser naraw, madankollu, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, bħala prinċipju ġenerali tad-dritt, huwa rilevanti wkoll fl-interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar il-VAT.

B.   Fuq l-ewwel domanda

33.

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti nazzjonali tixtieq tkun taf jekk l-Artikolu 4(14)(b) tal-UStG, fil-verżjoni applikabbli għall-perijodu ta’ taxxa inkwistjoni, huwiex kompatibbli mal-Artikolu 132(1)(b) tad-Direttiva dwar il-VAT.

34.

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, madankollu, li, fil-kuntest tal-proċedura għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni biex tiddeċiedi dwar il-konformità tad-dispożizzjonijiet nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni iżda, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, dwar l-interpretazzjoni tat-Trattati u l-validità u interpretazzjoni tal-atti tal-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji jew aġenziji tal-Unjoni Ewropea ( 13 ).

35.

Konsegwentement, u fid-dawl tal-kjarifiki pprovduti mill-Gvern Ġermaniż dwar il-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu fl-osservazzjonijiet tiegħu, nikkunsidra li l-ewwel domanda għandha tinftiehem bħala li tirrigwarda, essenzjalment, il-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 132(1)(b) tad-Direttiva dwar il-VAT għandux jiġi interpretat bħala li jipprekludi l-leġiżlazzjoni nazzjonali, bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tagħti l-eżenzjoni mill-VAT lil sptar privat mhux universitarju biss meta dan l-isptar jew ikun imqabbad biex jipprovdi l-kura minn fornituri ta’ assigurazzjoni għall-inċidenti statutorji jew ikun inkluż fi pjan tal-isptarijiet fuq livell tal-Land (sptarijiet elenkati fil-pjan) jew meta jkun ikkonkluda ftehim ta’ provvista ta’ kura tas-saħħa ma’ assoċjazzjoni fuq il-livell tal-Land ta’ fondi ta’ assigurazzjoni għas-saħħa jew assoċjazzjoni ta’ fondi sostituti) jew fejn ikun wettaq, matul is-sena finanzjarja preċedenti, tal-inqas 40 % mis-servizzi tal-isptar iffatturati għal ammont iktar baxx mill-ammont rimborsabbli mill-korpi tas-sigurtà soċjali.

36.

F’dan il-kuntest, ovvjament, il-punt tat-tluq huwa li d-diversi eżenzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 132(1) tad-Direttiva dwar il-VAT għandhom jiġu interpretati b’mod strett ( 14 ). Dan ifisser li l-interpretazzjoni tagħhom ma għandhiex tipproduċi effetti lil hinn minn dawk neċessarji biex jintlaħqu l-għanijiet li huma għandhom. Dawn l-għanijiet huma, b’mod ġenerali, li jiġu eżentati mill-VAT ċerti attivitajiet fl-interess ġenerali, bil-għan li jiġu ffaċilitati l-aċċess għal ċerti prestazzjonijiet kif ukoll il-provvista ta’ ċerti oġġetti billi jiġu evitati l-ispejjeż addizzjonali marbuta mal-issuġġettar tagħhom għall-VAT ( 15 ). Ir-rekwiżit ta’ interpretazzjoni stretta ma jfissirx, madankollu, li t-termini użati sabiex jiġu speċifikati l-eżenzjonijiet għandhom jiġu interpretati b’mod li ma jintlaħqux tali għanijiet u li, għaldaqstant, iċaħħdu lil dawn l-eżenzjonijiet mill-effetti mixtieqa tagħhom ( 16 ).

37.

F’dan il-kuntest, l-Artikolu 132(1)(b) tad-Direttiva dwar il-VAT jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jeżentaw “sptar u kura medika u attivitajiet relatati mill-viċin immexxija minn korpi regolati mid-dritt pubbliku jew, skond kondizzjonijet soċjali komparabbli ma’ dawk applikabbli għal korpi regolati mid-dritt pubbliku, minn sptarijiet, ċentri għat-trattament mediku jew djanjosi u stabblimenti oħrajn ta’ natura simili debitament rikonoxxuti”. Dan huwa kkomplementat mill-Artikolu 132(1)(ċ) li jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jeżentaw ukoll “il-provvediment tal-kura medika fl-eżerċizzju tal-professjonijet mediċi u paramediċi kif definiti mill-Istat Membru konċernat”.

38.

Peress li dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet huma, essenzjalment, sempliċiment verżjonijiet ikkonsolidati tad-dispożizzjonijiet preċedenti tal-Artikolu 13A(1)(b) u (ċ) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas-17 ta’ Mejju 1977 fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima ( 17 ), dawn għandhom jiġu interpretati bl-istess mod. Għaldaqstant, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tirrigwarda l-Artikolu 13A(1)(b) u (ċ) tad-Direttiva 77/388 għandha titqies bħala li hija applikabbli wkoll, fil-prinċipju, għall-Artikolu 132(1)(b) u (ċ) tad-Direttiva dwar il-VAT ( 18 ).

39.

Minn din il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-eżenzjoni pprovduta f’dak li llum huwa l-Artikolu 132(1)(b) tad-Direttiva dwar il-VAT hija intiża, flimkien mal-eċċezzjoni stabbilita fl-Artikolu 132(1)(ċ) ta’ din id-direttiva, li tnaqqas l-ispiża tal-kura tas-saħħa ( 19 ) billi tiddefinixxi l-kundizzjonijiet li taħthom jistgħu jiġu eżentati s-servizzi kollha li l-għan tagħhom huwa d-dijanjosi, it-trattament u, sa fejn huwa possibbli, il-kura ta’ mard jew kundizzjonijiet ta’ saħħa ( 20 ).

40.

Għalkemm dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet għandhom l-istess għan, għandhom, madankollu, portata differenti. Filwaqt li l-Artikolu 132(1)(b) tad-direttiva jkopri servizzi pprovduti f’faċilità medika, l-Artikolu 132(1)(ċ) tad-direttiva jikkonċerna servizzi pprovduti barra minn tali faċilità, kemm fir-residenza privata tal-fornitur jew f’dar il-pazjent jew f’xi post ieħor ( 21 ).

41.

B’mod speċifiku, fir-rigward tal-eżenzjoni li jistabbilixxi l-Artikolu 132(1)(ċ) tad-Direttiva dwar il-VAT, hemm tliet rekwiżiti ( 22 ), li jirrigwardaw rispettivament:

in-natura tas-servizz ipprovdut,

il-forma tal-istabbiliment li jipprovdi s-servizz,

u l-mod li bih jiġi pprovdut is-servizz ( 23 ).

42.

Dwar l-ewwel rekwiżit, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 132(1)(b) tad-Direttiva dwar il-VAT jirriżulta li, sabiex ikunu eżenti, is-servizzi inkwistjoni għandhom jaqgħu taħt waħda mit-tliet kategoriji li ġejjin:

jirrigwardaw it-teħid ta’ pazjent fi sptar, jiġifieri, id-dħul u l-permanenza tal-persuna fl-isptar ( 24 ), jew

huma intiżi li jipproteġu, iżommu u jirreintegraw saħħet il-persuna, jew ( 25 ) jew

jikkonċernaw operazzjonijiet li huma relatati mill-qrib ma’ dawn iż-żewġ kategoriji ta’ atti ( 26 ).

43.

Għal dak li jirrigwarda dan il-każ, ma hemmx kwistjoni dwar l-ewwel rekwiżit. Huma ż-żewġ rekwiżiti l-oħra li jqajmu d-diffikultajiet tagħhom kemm biex jiġi ddefinit l-għan rispettiv tagħhom u kif ukoll il-mod ta’ applikazzjoni tagħhom. Nipproponi issa li nittratta dawn ir-rekwiżiti wieħed wieħed.

1. Il-forma tal-istabbiliment li jipprovdi s-servizzi inkwistjoni

44.

L-Artikolu 132(1)(b) tad-Direttiva dwar il-VAT jipprovdi li servizzi pprovduti minn korpi li ma humiex irregolati mid-dritt pubbliku jistgħu jkunu eżentati mill-VAT biss jekk ikunu “sptarijiet, ċentri għat-trattament mediku jew djanjosi u stabblimenti oħrajn ta’ natura simili debitament rikonoxxuti”. Għandu jitfakkar mill-ewwel li l-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li l-kunċett ta’ “stabbiliment” użat f’din id-dispożizzjoni jimplika inter alia li l-istabbiliment inkwistjoni irid ikun “entità individwalizzata” ( 27 ). Barra minn hekk, peress li l-Artikolu 132(1)(b) tad-Direttiva dwar il-VAT għandu portata differenti minn dik tal-Artikolu 132(1)(ċ) tad-direttiva – li jirreferi għall-provvista ta’ kura personali barra minn struttura medika – huma biss entitajiet individwalizzati fil-forma ta’ struttura medika, jiġifieri, entitajiet li għalihom jinġabru flimkien diversi riżorsi, b’mod partikolari umani, tekniċi, immobiljari u riżorsi finanzjarji, li huma koperti minn din l-eżenzjoni partikolari ( 28 ).

45.

Għal dak li jirrigwarda, l-ewwel nett, it-tip ta’ attività li dawn l-entitajiet għandhom iwettqu biex ikunu eliġibbli għal din l-eżenzjoni, l-Artikolu 132(1)(b) tad-Direttiva dwar il-VAT jispeċifika li din għandha tkun dik ta’ sptar, ċentru għat-trattament mediku, ċentru għad-dijanjosi jew stabbiliment ta’ natura simili ( 29 ).

46.

Peress li dawn il-kategoriji ta’ stabbilimenti ma humiex iddefiniti fid-Direttiva dwar il-VAT, huma għandhom jinftiehmu b’riferiment għat-tifsira abitwali tagħhom fil-lingwa kurrenti ( 30 ).

47.

Hawnhekk hu ċar mit-tifsira abitwali tagħhom fil-lingwa kurrenti li t-termini “sptarijiet”, “ċentri għat-trattament mediku” u “ċentri għad-dijanjosi” jirreferu għal entitajiet li l-attività prinċipali tagħhom hija, rispettivament, il-kura ta’ persuni morda jew vittmi ta’ trawmi mediċi kumplessi wisq biex jiġu ttrattati d-dar jew f’uffiċċju ta’ tabib, fejn il-provvista ta’ servizzi mediċi hija intiża li tipproteġi, iżżomm jew tirreintegra saħħet il-bnedmin u t-twettiq ta’ analiżijiet intiżi li jistabbilixxu l-preżenza ta’ marda jew anomalija f’pazjent ( 31 ).

48.

Għal dak li jirrigwarda l-kunċett ta’ stabbilimenti ta’ “natura simili” huwa ċar li dan il-kunċett għandu jinftiehem bħala li jirreferi għal strutturi mediċi fejn jinġabru flimkien riżorsi differenti li jinvolvu professjonijiet mediċi, amministraturi mediċi u simili sabiex iwettqu attivitajiet simili għal dawk ta’ sptar, ċentru ta’ trattament mediku jew ċentru djanjostiku.

49.

It-tieni, fir-rigward tal-istatus tal-entitajiet, l-Artikolu 132(1)(b) tad-Direttiva dwar il-VAT tipprovdi ulterjorment, madankollu, li sabiex jibbenefikaw mill-eżenzjoni pprovduta f’din id-dispożizzjoni, l-istabbilimenti kkonċernati li ma humiex korpi rregolati mid-dritt pubbliku għandhom ikunu “debitament rikonoxxuti”. F’dan ir-rigward, huwa pjuttost ċar mill-verżjoni Ingliża li l-Artikolu 132(1)(b) tad-Direttiva dwar il-VAT li dan ir-rekwiżit japplika għal sptarijiet, ċentri għal trattament mediku, ċentri għad-dijanjosi u stabbilimenti simili oħra, sakemm ma humiex korpi rregolati mid-dritt pubbliku ( 32 ). Fil-fatt, din il-verżjoni ssemmi li l-eżenzjoni tapplika għal “other duly recognised establishments of a similar nature” (stabbilimenti oħrajn ta’ natura simili debitament rikonoxxuti), li timplika li din il-kundizzjoni tapplika wkoll għall-istabbiliment li jservi bħala punt ta’ riferiment.

50.

Huwa minnu li fil-lingwi Latini bħalma huma l-Ispanjol, il-Franċiż, it-Taljan, il-Portugiż u r-Rumen, il-kliem “debitament rikonoxxuti” jidhru wara r-referenza għall-istabbiliment (pereżempju, fil-Franċiż, “et d’autres établissements de même nature dûment reconnus”), li jistgħu jagħtu l-impressjoni li din il-kundizzjoni tikkonċerna biss lil “stabblimenti oħrajn ta’ natura simili”). Madankollu, peress li l-lista ta’ stabbilimenti msemmija tispiċċa b’riferiment għal dawk l-istabbilimenti oħrajn ta’ natura simili, huwa ċar li din il-lista għandha tinftiehem bħala li hija sempliċiment illustrattiva tat-tip ta’ stabbiliment li s-servizzi tiegħu x’aktarx li jkunu eżentati. F’dan il-kuntest, il-kliem “debitament rikonoxxuti” għandhom jinftiehmu bħala li jkopru t-tipi kollha ta’ stabbilimenti mediċi msemmija f’dik id-dispożizzjoni.

51.

Sabiex tiġi ddeterminata l-portata ta’ din il-kundizzjoni, huwa neċessarju li jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, it-termini ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li ma tinkludi ebda riferiment espress għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġu ddeterminati t-tifsira u l-portata tagħha, għandhom normalment jingħataw, fl-Unjoni Ewropea kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi ( 33 ). Peress li l-Artikolu 132 tad-Direttiva dwar il-VAT ma jagħmilx tali riferiment, wieħed jista’ jiddeduċi li l-kliem użati f’kull kundizzjoni għall-applikazzjoni tal-eżenzjonijiet stabbiliti f’din id-dispożizzjoni għandhom jitqiesu bħala kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni u, għaldaqstant, it-tifsira u l-portata tagħhom għandhom jiġu interpretati b’mod uniformi fl-Unjoni kollha.

52.

In-natura awtonoma tal-kunċett ta’ “stabbiliment debitament rikonoxxut” użat fl-Artikolu 132(1)(b) tad-Direttiva dwar il-VAT ma għandhiex, madankollu, tiġi konfuża mal-fatt li dan il-kunċett, kif għandu jiġi mifhum taħt id-dritt tal-Unjoni, jirreferi, għall-applikazzjoni tiegħu, għal ċirkustanza fattwali partikolari, jiġifieri, is-sitwazzjoni tal-istabbiliment inkwistjoni fir-rigward tal-leġiżlazzjoni nazzjonali.

53.

F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja għamlitha ċara li biex ikun “debitament rikonoxxut” ma hemmx proċedura formali ta’ rikonoxximent, u lanqas ma hija eskluża l-possibbiltà li Stat Membru jista’ jipprovdi tali proċedura. Huwa d-dritt nazzjonali ta’ kull pajjiż Membru li għandu jistabbilixxi r-regoli li fuqhom rikonoxximent bħal dan jista’ jiġi mogħti lill-istabbilimenti li jitolbuha. L-Istati Membri jiddisponu minn setgħa diskrezzjonali f’dan ir-rigward ( 34 ).

54.

Madankollu, hija ġurisprudenza stabbilita li, meta l-Istati Membri jkollhom setgħa diskrezzjonali, tali setgħa għandha tiġi eżerċitata fil-limiti imposti mid-dritt tal-Unjoni. B’mod partikolari, l-eżistenza ta’ din is-setgħa diskrezzjonali ma tistax tikkontesta l-limiti tal-kunċett ta’“debitament rikonoxxut” ta’ stabbiliment mediku fis-sens tal-Artikolu 132(1)(b) tad-Direttiva dwar il-VAT ( 35 ). Barra minn hekk, meta Stat Membru jeżerċita d-diskrezzjoni tiegħu, huwa għandu jiżgura li ma jagħmilx dan b’mod li jippreġudika xi wieħed mill-għanijiet tad-dritt tal-Unjoni ( 36 ).

55.

F’dawn iċ-ċirkustanzi nikkunsidra li, sabiex tingħata risposta għad-domanda magħmula mill-qorti nazzjonali, jeħtieġ li tiġi stabbilita n-natura u l-portata tad-diskrezzjoni tal-Istat Membru msemmija fil-ġurisprudenza. Dan jeżiġi li l-Artikolu 132(1)(b) tad-Direttiva dwar il-VAT jiġi interpretat mhux biss skont il-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, imma wkoll skont il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija minn dan l-artikolu u, b’mod iktar ġenerali, mil-leġiżlazzjoni li minnu jifforma parti ( 37 ).

56.

F’dan ir-rigward, għal dak li jikkonċerna l-formulazzjoni tal-Artikolu 132(1)(b) tad-Direttiva dwar il-VAT, għandu jiġi nnutat li “debitament” hija sinonimu għal “kif meħtieġ” u li t-terminu “rikonoxxut” jirreferi għal xi ħaġa stabbilita jew magħrufa. Fil-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni, dawn l-aġġettivi jirreferu għal sptarijiet, ċentri għal trattament mediku, ċentri għal dijanjosi u stabbiliment ta’ natura simili. Huwa għaldaqstant ċar mit-test ta’ din id-dispożizzjoni li d-diskrezzjoni mogħtija lill-Istati Membri tirrigwarda l-kundizzjonijiet li jridu jkunu ssodisfatti biex jiġu kkunsidrati bħala sptarijiet, ċentri għal trattament mediku, ċentri għal dijanjosi u stabbiliment ieħor ta’ natura simili ( 38 ).

57.

Kif sostniet essenzjalment il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha, din il-kundizzjoni għandha tinftiehem bħala li hija intiża biss li teskludi mill-benefiċċju tal-eżenzjoni pprovduta mill-Artikolu 132(1)(b) tad-Direttiva dwar il-VAT stabbilimenti mediċi li l-attivitajiet tagħhom ma humiex awtorizzati mil-liġi jew mill-korpi professjonali rilevanti. Fil-fatt, kwalunkwe attività, anki waħda illegali, hija taxxabbli u tista’ xorta waħda tikseb il-benefiċċju ta’ eżenzjoni li altrimenti tkun applikabbli. Jekk, għalhekk, ir-rekwiżit ta’ “debitament rikonoxxut” ma kienx ipprovdut f’din id-direttiva, dan iwassal għal sitwazzjoni fejn stabbiliment mediku mhux awtorizzat ikun jista’ – jew talinqas, jaf – jibbenefika mill-eżenzjoni ( 39 ). Dan kollu jfisser sempliċiment li huwa biss stabbiliment debitament rikonoxxut bħala stabbiliment mediku li huwa intitolat li jibbenefika mill-eżenzjoni.

58.

Din il-konklużjoni hija kkonfermata kemm mill-kuntest li fih jintużaw dawn it-termini “debitament rikonoxxut” u kif ukoll mill-għan imfittex mill-Artikolu 132(1)(b) tad-Direttiva dwar il-VAT.

59.

Għal dak li jikkonċerna l-kuntest, hemm diversi elementi li għandhom tendenza li jikkorroboraw din il-konklużjoni, jiġifieri, il-grad ta’ armonizzazzjoni miksuba fid-dritt tal-Unjoni, l-istruttura ġenerali tad-Direttiva dwar il-VAT, u l-istruttura tal-Artikolu 132(1)(b) tad-Direttiva dwar il-VAT.

60.

Għal dak li jirrigwarda, l-ewwel, il-grad ta’ armonizzazzjoni miksuba mid-dritt tal-Unjoni, jista’ jiġi osservat li l-attivitajiet li jistgħu jkunu eżentati taħt l-Artikolu 132(1)(b) tad-Direttiva dwar il-VAT – bħalma hija l-kura tal-pazjent u medika – huma, ġeneralment, f’diversi Stati Membri, suġġetti għal kundizzjonijiet ta’ eżerċizzju speċifiċi. Madankollu, anki jekk l-eżenzjoni pprovduta mill-Artikolu 132(1)(b) tad-Direttiva dwar il-VAT tapplika biss għal sptarijiet, ċentri għall-kura medika, ċentri għad-dijanjosi u stabbilimenti oħra ta’ natura simili, la d-Direttiva dwar il-VAT b’mod partikolari u lanqas id-dritt tal-Unjoni inġenerali ma jarmonizzaw il-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju ta’ dawn l-attivitajiet. F’dan il-kuntest, ir-riferiment għall-bżonn li l-istabbiliment ikkonċernat ikun debitament rikonoxxut hija sempliċiment mod li bih jittieħed inkunsiderazzjoni dan in-nuqqas ta’ armonizzazzjoni, filwaqt li jkun rikjest li s-servizzi inkwistjoni, mil-lat tal-Istat Membri kkonċernat, jitwettqu b’mod legali.

61.

It-tieni, għal dak li jikkonċerna l-istruttura ġenerali tad-Direttiva dwar il-VAT, peress li l-Artikolu 132(1)(b) u l-Artikolu 132(1)(ċ) tad-Direttiva dwar il-VAT għandhom l-istess għan u, għaldaqstant, huma komplementari għal xulxin ( 40 ), il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet għandhom, fejn possibbli, jiġu interpretati bl-istess mod. Wieħed jista’ jinnota hawnhekk li l-Artikolu 132(1)(ċ) tad-Direttiva dwar il-VAT jeżiġi li s-servizzi inkwistjoni għandhom jiġu pprovduti “fl-eżerċizzju tal-professjonijet mediċi u paramediċi kif definiti mill-Istat Membru konċernat” ( 41 ). It-termini “debitament rikonoxxut” għandhom jinftiehmu, għaldaqstant, bħala li jirreferu wkoll, iżda fil-kuntest ta’ persuna ġuridika, għall-kundizzjonijiet tal-eżerċizzju tal-attivitajiet inkwistjoni fl-Istat Membru kkonċernat ( 42 ).

62.

Għal dak li jirrigwarda, fit-tielet lok, l-istruttura tal-Artikolu 132(1)(b) tad-Direttiva dwar il-VAT, jista’ jiġi nnotat li din id-dispożizzjoni tistabbilixxi tliet pre-rekwiżiti għall-eżenzjoni, b’kull wieħed minnhom jittratta aspett differenti tas-servizzi li jistgħu jkunu eżentati, jiġifieri, in-natura tagħhom, it-tip ta’ stabbilimenti li jipprovduhom u l-kundizzjonijiet li taħthom jitwettqu. B’mod partikolari, minn din l-aħħar kundizzjoni isegwi li, fir-rigward tal-kundizzjonijiet li taħthom twettqu l-attivitajiet inkwistjoni, l-Istati Membri jistgħu jieħdu inkunsiderazzjoni biss dawk ta’ natura soċjali. Għaldaqstant, jekk l-Istati Membri jkunu jistgħu jimponu, taħt il-kundizzjoni stabbilita f’din id-dispożizzjoni għall-istabbiliment inkwistjoni biex ikun “debitament rikonoxxut”, kwalunkwe rekwiżiti fir-rigward ta’ jew in-natura tas-servizzi pprovduti jew il-kundizzjonijiet li taħthom jistgħu jiġu pprovduti dawn is-servizzi, dawn iż-żewġ kundizzjonijiet l-oħra jiġu mċaħħda, fil-parti l-kbira tagħhom, minn kwalunkwe effett utli tagħhom.

63.

Għal dak li jirrigwarda l-għan imfittex mill-Artikolu 132(1)(b) tad-Direttiva dwar il-VAT, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà enfasizzat li din id-dispożizzjoni hija intiża b’mod partikolari li tnaqqas l-ispiża tas-servizzi tal-kura tas-saħħa ( 43 ). Fid-dawl ta’ dan l-għan, ir-rekwiżit li l-korpi rregolati mid-dritt privat iridu jkunu “debitament rikonoxxuti” bħala sptarijiet, ċentri għal trattament mediku, ċentri għad-dijanjosi jew stabbilimenti ta’ natura simili ma għandux jiġi interpretat b’mod restrittiv wisq, iżda bħala li jirreferi biss għall-kundizzjonijiet li jirrigwardaw il-kwalifiki u standards mediċi stabbiliti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali biex jiġi żgurat li l-kura medika pprovduta hija ta’ kwalità għolja ( 44 ).

64.

Fl-aħħar nett, għandu jiġi nnotat li, b’żieda mal-formulazzjoni, il-kuntest u l-għanijiet imfittxija minn din id-dispożizzjoni, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll il-prinċipju ta’ interpretazzjoni li jgħid li dispożizzjoni għandha tiġi interpretata, sa fejn possibbli, b’tali mod li ma tiġix ikkontestata l-validità tagħha ( 45 ).

65.

Fost ir-regoli li jiddeterminaw il-validità tal-eżerċitar, mil-leġiżlatur tal-Unjoni, tal-kompetenzi tiegħu hemm il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Skont ġurisprudenza stabbilita, dan il-prinċipju jeħtieġ li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati bl-istess mod sakemm dan ma jkunx oġġettivament iġġustifikat. Għal dan il-għan, l-elementi li jikkaratterizzaw sitwazzjonijiet differenti, u l-punt dwar jekk dawn is-sitwazzjonijiet humiex komparabbli, għandhom jiġu stabbiliti u evalwati fid-dawl tas-suġġett tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni u tal-għan imfittex minnhom, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni, għal dan il-għan, il-prinċipji u l-għanijiet tal-qasam inkwistjoni ( 46 ).

66.

Fil-każ tal-Artikolu 132(1)(b) tad-Direttiva dwar il-VAT, huwa ċar li, fid-dawl tal-għan imfittex minn din id-dispożizzjoni qabel xejn, li huwa li titnaqqas l-ispiża tas-servizzi tal-kura tas-saħħa, il-korpi pubbliċi u privati jiġu kkunsidrati, b’mod ġenerali, bħala li qegħdin bejn wieħed u ieħor f’sitwazzjonijiet identiċi. Għaldaqstant, kieku l-eżenzjoni msemmija fl-Artikolu 132(1)(b) tad-Direttiva dwar il-VAT kellha tapplika biss għal sptarijiet pubbliċi, dan ikun jammonta effettivament għal forma ta’ inugwaljanza fit-trattament inkwantu jirrigwarda t-trattament fiskali ta’ sptarijiet privati.

67.

Għaldaqstant, il-leġiżlatur tal-Unjoni ppermetta wkoll lill-istabbilimenti privati li jibbenefikaw mill-eżenzjoni iżda taħt ċerti ċirkustanzi biss. Madankollu, huwa llimita din il-possibbiltà għal kundizzjonijiet speċifiċi u, għaldaqstant, żamm ċerta differenza fit-trattament bejn kemm sptarijiet pubbliċi u kif ukoll privati, peress li huma biss dawn tal-aħħar li għandhom juru li jissodisfaw il-kundizzjonijiet speċifiċi pprovduti f’din id-dispożizzjoni. Huwa minnu li skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tali differenza fit-trattament tista’, taħt ċerti ċirkustanzi, tkun oġġettivament iġġustifikata ( 47 ). Hawnhekk, madankollu, jekk il-kundizzjoni li tinsab fl-Artikolu 132(1)(b) tad-Direttiva dwar il-VAT li teżiġi li l-istabbiliment ikkonċernat ikun “debitament rikonoxxut” kellha tinftiehem bħala li tawtorizza lill-Istati Membri jimponu, fuq il-korpi rregolati mid-dritt privat biss, xi rekwiżiti speċifiċi barra minn dawk li jirrikjedu li tali istituzzjonijiet ikunu awtorizzati bħala korpi professjonali u oħrajn simili biex iwettqu l-attività tagħhom taħt kundizzjonijiet soċjali komparabbli ma’ dawk applikabbli għal korpi rregolati mid-dritt pubbliku, ikun diffiċli li wieħed jifhem x’raġuni tista’ tingħata biex tiġġustifika tali differenza fit-trattament.

68.

B’kuntrast, madankollu, ir-rekwiżit li l-organizzazzjonijiet privati għandhom juru li huma awtorizzati jwettqu l-attivitajiet mediċi tagħhom huwa kompletament iġġustifikat peress li, min-natura tagħhom stess, l-organizzazzjonijiet privati ma humiex emanazzjoni tal-Istat u għaldaqstant ma humiex direttament suġġetti għas-superviżjoni tiegħu b’mod li l-Istati Membri jista’ jkunu leġittimament ipprovdew għal mekkaniżmi ta’ rikonoxximent biex jiżguraw li huma jilħqu standards professjonali xierqa.

69.

Jekk imbagħad indur għall-prinċipju ta’ newtralità fiskali mifhum hawnhekk fis-sens ta’ newtralità kompetittiva, diġà rrimarkajt li din tal-aħħar iktar hija għan tal-liġi tal-VAT milli xi prinċipju vinkolanti veru u primarju, li t-termini tagħha ma jistgħu qatt ikunu ppreġudikati mid-Direttiva dwar il-VAT. Madankollu, għandu jiġi osservat li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li dan il-prinċipju jeżiġi li l-eżenzjoni pprovduta fl-Artikolu 132(1)(b) tad-Direttiva dwar il-VAT għandha tiġi interpretata, sa fejn possibbli, b’mod li l-operaturi ekonomiċi kollha li jwettqu l-istess attivitajiet jiġu ttrattati b’mod ugwali għal dak li jirrigwarda l-intaxxar tal-VAT. B’mod partikolari, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, dan il-prinċipju jkun ippreġudikat kieku l-eżenzjoni tal-kura medika msemmija f’dak li llum huwa l-Artikolu 132(1)(ċ) kellha ssir dipendenti fuq il-forma legali li biha twettaq l-attività tagħha l-persuna taxxabbli ( 48 ).

70.

Huwa minnu li, bħal fil-każ tal-ugwaljanza fit-trattament, ċerti distinzjonijiet bejn sptarijiet pubbliċi u privati jistgħu jkunu ġġustifikati fl-interess li tiġi żgurata l-kompetizzjoni ġusta. Madankollu, li ssir distinzjoni, għall-finijiet tal-VAT, bejn operaturi ekonomiċi skont, pereżempju, il-prestazzjoni tagħhom f’termini ta’ persunal, bini, tagħmir jew effiċjenza ekonomika tal-ġestjoni tagħhom – bħalma jidher li jikkunsidraw ċerti qrati Ġermaniżi – ma jidhirx li huwa rilevanti fid-dawl tal-għan imfittex mill-Artikolu 132(1)(b) tad-Direttiva dwar il-VAT. Wieħed jista’ josserva li, ġeneralment, ma kinitx l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jiżvantaġġja, mil-lat ta’ taxxa, lill-promoturi ta’ mediċina privata imma pjuttost li jiżgura li l-kompetizzjoni bejnhom u l-korpi pubbliċi tibqa’ ġusta.

71.

Isegwi, fil-fehma tiegħi, li kemm il-formulazzjoni, il-kuntest u l-għanijiet imfittxija mill-Artikolu 132(1)(b) tad-Direttiva dwar il-VAT, kif ukoll il-bżonn li kull dispożizzjoni tiġi interpretata b’mod li ma tippreġudikax il-validità tagħha, juru li d-diskrezzjoni disponibbli għall-Istati Membri biex jiddefinixxu l-kundizzjonijiet li taħthom stabbiliment irregolat mid-dritt privat għandu jitqies bħala “debitament rikonoxxut” testendi biss għall-kundizzjonijiet li għandhom ikunu ssodisfatti sabiex stabbiliment ikun debitament awtorizzat iwettaq, fi struttura fejn ir-riżorsi jkunu miġbura, is-servizzi tas-saħħa u mediċi koperti minn din l-eżenzjoni. Essenzjalment, għaldaqstant, ir-rekwiżit “debitament rikonoxxut” jirrigwarda l-istandards professjonali biss.

72.

Filwaqt li nasal għal din il-konklużjoni, ma ninjorax il-fatt li, fil-punt 53 tas-sentenza tagħha tat-8 ta’ Ġunju 2006, L.u.p. (C‑106/05, EU:C:2006:380), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, b’riferiment għas-sentenza Dornier ( 49 ), li l-awtoritajiet nazzjonali jistgħu, skont id-dritt tal-Unjoni, u suġġett għall-kontroll tal-qrati nazzjonali, jieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-attivitajiet tal-persuna taxxabbli kkonċernata b’żieda man-natura ta’ interess ġenerali, flimkien mal-fatt li persuni taxxabbli oħra li jwettqu l-istess attivitajiet diġà jibbenefikaw minn rikonoxximent simili u l-fatt li l-ispejjeż tat-trattament inkwistjoni jistgħu jitħallsu fil-parti l-kbira minn fond ta’ assigurazzjoni għas-saħħa jew minn korpi oħra ta’ sigurtà soċjali.

73.

Fil-punt sussegwenti ta’ din is-sentenza (punt 54), il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonkludi li “billi jeżiġi, għall-finijiet ta’ l-għarfien [rikonoxximent għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 132(1)(b) tad-Direttiva dwar il-VAT] li l-analiżi mediċi mwettqa mil-laboratorji kkonċernati jkunu, almenu għal 40 % minnhom, iddestinati għall-persuni assigurati ta’ organizzazzjoni ta’ assigurazzjoni soċjali, l-Istat Membru kkonċernat ma eċċediex is-setgħa ta’ evalwazzjoni li hija kkonsentita lilu mill-imsemmija dispożizzjoni”.

74.

Madankollu, wieħed ma jistax ma josservax li din l-analiżi hija, fil-fatt, fundamentalment differenti mir-raġunament adottat fis-sentenza Dornier li fuqu l-Qorti tal-Ġustizzja ssostni li tibbaża ruħha. Kif innotat il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 53 tas-sentenza L.u.p., id-deċiżjoni fis-sentenza Dornier kienet tikkonsisti biss f’li tippermetti lill-awtoritajiet nazzjonali li, biex jistabbilixxu jekk stabbiliment irregolat mid-dritt privat jistax jitqies bħala debitament rikonoxxut, jieħdu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-ispiża mħallsa għat-trattament imwettaq minn dan l-istabbiliment tista’ titħallas fil-parti l-kbira mill-fondi ta’ assigurazzjoni għas-saħħa jew korpi oħra tas-sigurtà soċjali sabiex jiġi ddeterminat jekk stabbiliment irregolat mid-dritt privat jistax jiġi kkunsidrat bħala debitament rikonoxxut ( 50 ). Fis-sentenza Dornier ma kienx hemm kwistjoni li l-Istati Membri jitħallew jimponu rekwiżit li l-istabbilimenti kkonċernati jridu wettqu ċerta perċentwal ta’ operazzjonijiet li l-ispiża tagħhom titħallas mill-fondi ta’ assigurazzjoni għas-saħħa sabiex dawk l-operazzjonijiet ikunu eżentati taħt ir-rekwiżit li l-istabbiliment ikun “debitament rikonoxxut” skont l-Artikolu 132(1)(b) tad-Direttiva dwar il-VAT. Għall-kuntrarju, kif innotat il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 75 tas-sentenza Dornier, meta stabbiliment jipprovdi servizzi paragunabbli ma’ dawk ta’ operaturi oħra li jwettqu l-istess trattament, “is-sempliċi fatt li l-ispiża ta’ dan it-trattament ma hijiex koperta kompletament mill-awtoritajiet tas-sigurtà soċjali ma jiġġustifikax differenza fit-trattament ta’ fornituri għall-finijiet tal-VAT”.

75.

Dan kollu juri li fis-sentenza Dornier, il-Qorti tal-Ġustizzja riedet biss tippuntwalizza li din il-kundizzjoni li l-istabbiliment irid ikun debitament rikonoxxut tista’ titqies bħala li kienet issodisfatta taħt ċerti kundizzjonijiet ( 51 ). Meta l-proċeduri u operazzjonijiet mediċi jkunu koperti mill-fondi ta’ assigurazzjoni għas-saħħa, wieħed jista’ raġonevolment jassumi li l-istabbiliment li wettaq dawk l-operazzjonijiet huwa debitament awtorizzat biex iwettaq l-attivitajiet tiegħu ( 52 ). Madankollu, mhux l-istess jingħad għas-sitwazzjoni inversa. Is-sempliċi fatt li klinika jew sptar jistrieħu prinċipalment jew anki esklużivament fuq pazjenti privati bl-ebda mod ma jimplika li l-istabbiliment inkwistjoni ma huwiex debitament rikonoxxut mill-awtoritajiet nazzjonali. L-applikazzjoni ta’ fondi ta’ assigurazzjoni għas-saħħa tista’, naturalment, tiddependi fuq diversi fatturi.

76.

Fi kwalunkwe każ, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fis-sentenza L.u.p (fil-punt 36 ta’ din is-sentenza) li l-prinċipju ta’ newtralità fiskali jipprekludi li s-servizzi inkwistjoni “jkunu suġġetti għal sistema tal-VAT differenti skond il-post fejn huma mwettqa, meta l-kwalità tagħhom hija ekwivalenti kif tirriżulta mill-formazzjoni ta’ dawk li jipprovdu s-servizzi kkonċernati” ( 53 ). Isegwi neċessarjament li Stat Membru ma jistax jittratta żewġ servizzi identiċi b’mod differenti sa fejn jikkonċerna ir-rekwiżiti tal-Artikolu 132(1)(b) dwar li l-istabbiliment ikun debitament rikonoxxut skont kemm ikun il-proporzjon tal-operazzjonijiet imwettqa mill-istabbiliment ikkonċernat li huma koperti mill-fondi tal-assigurazzjoni għas-saħħa, peress li tali kundizzjoni ma għandha ebda konnessjoni mal-kwalità tal-kura medika pprovduta ( 54 ).

77.

Għaldaqstant, sa fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tidher li ssuġġeriet fil-punt 54 tas-sentenza L.u.p. li d-diskrezzjoni mogħtija mill-Artikolu 132(1)(b) tad-Direttiva dwar il-VAT lill-Istati Membri tkun tippermettilhom jimponu rekwiżit li ċ-ċentru mediku inkwistjoni jittratta perċentwal speċifiku ta’ pazjenti koperti mill-fondi ta’ assigurazzjoni għas-saħħa bħala rekwiżit għar-rikonoxximent, dan is-suġġeriment huwa, bir-rispett, żbaljat u mhux ikkorroborat kemm mit-test leġiżlattiv attwali u kif ukoll, minn daqshekk, mill-ġurisprudenza preċedenti. Ir-rekwiżit li stabbiliment ikun debitament rikonoxxut skont l-Artikolu 132(1)(b) tad-Direttiva dwar il-VAT sempliċiment jippermetti lill-Istati Membri jiżguraw li l-istabbilimenti mediċi jilħqu standards xierqa ta’ għoti ta’ kura tas-saħħa: ma għandux ikun interpretat bħala li jippermetti lill-Istati Membri, biex ngħidu hekk, li jdaħħlu lill-fornituri privati tal-kura tas-saħħa f’sistema ta’ saħħa pubblika billi jissuġġettaw lil dawk tal-ewwel għal trattament żvantaġġjuż għal skopijiet ta’ VAT. Kif għadni kif indikajt, sa fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tidher li tissuġġerixxi mod ieħor fil-punt 54 tas-sentenza L.u.p., nikkunsidra – nerġa’ bir-rispett – li dan kien bi żball u ma għandux jiġi segwit jew applikat.

78.

F’dan il-kuntest, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tindika b’mod ċar li l-kliem “debitament rikonoxxut” jirreferu għal kundizzjonijiet li jridu jkunu ssodisfatti biex dak l-istabbiliment ikun awtorizzat mill-perspettiva tal-istandards professjonali biex iwettaq, fl-Istat Membru kkonċernat, l-attività ta’ sptar, ċentru għal trattament mediku, ċentru għad-dijanjosi jew stabbiliment ta’ natura simili. Fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni f’dan il-qasam, l-Istati Membri ċertament igawdu livell konsiderevoli ta’ awtonomija nazzjonali. Meta l-leġiżlazzjoni nazzjonali tipprovdi li huma biss is-servizzi pprovduti mill-istabbiliment ta’ kura tas-saħħa, debitament awtorizzat iwettaq tali attivitajiet, li jistgħu jkunu koperti mill-iskema ta’ assigurazzjoni soċjali, l-istabbiliment jista’ jistrieħ fuq il-fatt li huwa sostanzjalment jirċievi rimbors għas-servizzi tiegħu biex juri li huwa għandu jitqies bħala debitament rikonoxxut fis-sens tal-Artikolu 132(1)(b) tad-Direttiva dwar il-VAT.

2. Il-mod li bih jiġu pprovduti s-servizzi inkwistjoni: ir-rekwiżit dwar il-“kundizzjonijiet soċjali komparabbli”

79.

L-Artikolu 132(1)(b) tad-Direttiva dwar il-VAT jipprovdi li sabiex tkun eżentata mill-VAT, il-provvista ta’ sptar, kura medika jew attivitajiet relatati mill-viċin trid issir minn stabbiliment li jaqa’ taħt waħda mill-kategoriji msemmija f’din id-dispożizzjoni. Barra minn hekk, madankollu, meta l-istabbiliment huwa korp irregolat mid-dritt privat, is-servizzi inkwistjoni iridu jiġu pprovduti taħt “kundizzjonijiet soċjali komparabbli” għal dawk li japplikaw meta dawn is-servizzi jiġu pprovduti minn korpi rregolati mid-dritt pubbliku ( 55 ).

80.

Huwa importanti li jiġi enfasizzat mill-ewwel li, peress li Istati Membri għandhom josservaw il-prinċipju taċ-ċertezza legali meta jimplimentaw id-Direttiva dwar il-VAT ( 56 ), il-“kundizzjonijiet soċjali komparabbli” li għandu jissodisfa stabbiliment mediku privat, li jkun irid eżenzjoni mill-VAT għal dan il-għan, għandhom ikunu speċifikati fil-leġiżlazzjoni nazzjonali. Ma jkunx biżżejjed li tali kundizzjonijiet jiġu stabbiliti mill-amministrazzjoni fiskali rilevanti fil-mument li tidħol l-applikazzjoni għall-eżenzjoni mill-VAT. Fil-fatt, huwa biss permezz tal-leġiżlazzjoni ppubblikata u applikabbli b’mod ġenerali li stabbiliment mediku privat ikun jista’ jkun jaf x’inhuma attwalment il-kundizzjonijiet soċjali li huwa meħtieġ jipprovdi jekk ikun irid jibbenefika mill-eżenzjoni.

81.

Barra minn hekk, huwa suffiċjenti għal dan il-għan li l-isptar privat jew kwalunkwe stabbiliment mediku simili jikkonforma volontarjament mar-rekwiżiti legali imposti minn Stat Membru biex jibbenefikaw mill-eżenzjoni stabbilita fl-Artikolu 132(1)(b) tad-Direttiva dwar il-VAT. Kwalunkwe konklużjoni oħra tkun tfisser li Stat Membru jista’ jeskludi kompletament l-istabbilimenti mediċi privati mill-portata tal-eżenzjoni stabbilita f’din id-dispożizzjoni sempliċiment billi jagħżel li ma jissuġġettax tali korpi privati għal obbligi soċjali komparabbli għal dawk preskritti mil-liġi fir-rigward tal-korpi pubbliċi.

82.

Meta stabbiliment privat jikkunsidra li l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-leġiżlazzjoni rilevanti jew la huma identiċi u lanqas komparabbli mal-kundizzjonijiet soċjali imposti fuq sptar pubbliku, dak l-istabbiliment għandu jgawdi mill-possibbiltà li jikkontesta l-validità ta’ dawn il-kriterji. B’mod partikolari, jekk jirriżulta li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tinkludi ċerti kundizzjonijiet li ma humiex identiċi għal obbligu impost fuq stabbilimenti pubbliċi, il-qrati nazzjonali għandhom b’mod partikolari jivverifikaw li l-ġustifikazzjoni mressqa minn Stat Membru f’dan ir-rigward hija sodisfaċenti. Dan jimplika l-eżistenza ta’ relazzjoni bejn kull waħda minn dawn il-kundizzjonijiet u kundizzjoni soċjali komparabbli imposta fuq sptar pubbliku, ċentru mediku jew stabbiliment mediku simili.

83.

F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li d-Direttiva dwar il-VAT ma tispeċifikax wieħed x’għandu jifhem bil-kliem “kundizzjonijiet soċjali komparabbli” għal dawk li japplikaw għal sptarijiet pubbliċi li jipprovdu kura medika ( 57 ). Bħal fil-każ tal-kundizzjoni li l-istabbiliment irid ikun “debitament rikonoxxut”, dan ma jfissirx li dan il-kunċett għandu jinftiehem b’riferiment għad-dritt nazzjonali, iżda pjuttost li, fil-limiti tad-definizzjoni ta’ dan il-kunċett, l-Istati Membri jgawdu setgħa diskrezzjonali biex jiddeċiedu fuq il-kundizzjonijiet soċjali li l-korpi pubbliċi li jipprovdu servizzi mediċi għandhom josservaw. L-Artikolu 132(1)(b) tad-Direttiva dwar il-VAT jeżiġi ulterjorment li dawn il-kundizzjonijiet għandhom jiġu osservati wkoll mill-korpi privati sabiex is-servizzi tagħhom ikunu eliġibbli għall-eżenzjoni.

84.

Huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kunċett ta’ “kundizzjonijiet soċjali” jista’ jkopri materji bħalma huwa l-iffissar tal-prezzijiet tas-servizzi mediċi ( 58 ) jew l-arranġamenti għal servizzi li jitħallsu mill-istituzzjonijiet tas-sigurtà soċjali ta’ Stat Membru ( 59 ). Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja qatt ma pprovat tiċċara, b’mod iktar ġenerali u sistematiku, il-kontenut ta’ din il-kundizzjoni. Dan il-każ jidher li jippreżenta opportunità xierqa għal tali kjarifika.

85.

F’dan ir-rigward, kif diġà ppuntwalizzajt, huwa paċifiku li normalment it-tifsira u l-portata ta’ dispożizzjoni għandhom jiġu stabbiliti b’riferiment, b’mod partikolari, għall-formulazzjoni, il-kuntest u l-għanijiet imfittxa mid-dispożizzjoni inkwistjoni. Filwaqt li ftit hemm x’jingħad dwar il-kuntest, l-għanijiet u l-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jservu biex jiċċaraw il-portata ta’ dan il-kunċett.

86.

Għal dak li jikkonċerna l-għanijiet imfittxa mit-tielet kundizzjoni msemmija fl-Artikolu 132(1)(b) tad-Direttiva dwar il-VAT, jidher ċar li tali għan huwa biex stabbilimenti privati jkunu preklużi milli joffru servizzi eżentati mill-VAT mingħajr ma jkollhom iġorru l-istess obbligi soċjali li għandhom l-isptarijiet korrispondenti li huma rregolati mid-dritt pubbliku. Dan huwa x’aktarx sempliċiment mod ieħor biex isir riferiment għall-obbligi ta’ servizz pubbliku ta’ natura soċjali imposta fuq l-isptarijiet pubbliċi u stabbilimenti mediċi oħra ( 60 ). Din il-kundizzjoni tesprimi għalhekk b’mod partikolari l-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ newtralità fiskali bejn il-korpi privati u l-korpi pubbliċi, speċjalment peress li, fuq naħa waħda, il-kura tal-isptar u medika u l-attivitajiet relatati mill-viċin imwettqa minn dawn tal-aħħar huma dejjem eżentati u fuq in-naħa l-oħra, dawk tal-ewwel mhux dejjem ikunu suġġetti għall-istess obbligi ta’ servizz pubbliku soċjali.

87.

Għal dak li jirrigwarda l-formulazzjoni tal-Artikolu 132(1)(b) tad-Direttiva dwar il-VAT, huwa ċar mit-test attwali ta’ din id-dispożizzjoni li għandu jsir paragun bejn sptarijiet irregolati mid-dritt pubbliku, fuq naħa, u sptarijiet privati, fuq in-naħa l-oħra.

88.

Peress li l-għan ta’ din il-kundizzjoni huwa li tkun żgurata l-kompetizzjoni ġusta bejn il-korpi pubbliċi u dawk privati, din il-kundizzjoni hija ambivalenti. Hija tipprekludi lill-istabbilimenti privati milli joffru servizzi eżentati mill-VAT meta huma ma jkollhomx l-istess obbligi ta’ servizz pubbliku imposti fuq l-istabbilimenti pubbliċi. Min-naħa l-oħra, peress li s-servizzi mogħtija mill-korpi pubbliċi huma dejjem eżentati mill-VAT, din tippermetti lill-entitajiet privati li huma suġġetti għall-istess obbligi (jew li jassumuhom volontarjament) biex jibbenefikaw huma wkoll minn din l-eżenzjoni mill-VAT.

89.

Mill-formulazzjoni tal-Artikolu 132(1)(b) tad-Direttiva dwar il-VAT isegwi li dan il-paragun irid isir b’riferiment għall-attivitajiet partikolari mwettqa mill-istabbiliment mediku. Dan ifisser, min-naħa tiegħu, li stabbiliment mediku privat għandu jkollu wkoll il-possibbiltà li jagħżel li ma josservax ir-rekwiżiti dwar il-kundizzjonijiet soċjali komparabbli applikabbli fir-rigward ta’ xi wħud mill-attivitajiet tiegħu u, konsegwentement, biex ma jibbenefikax mill-eżenzjoni mill-VAT fir-rigward ta’ dawn l-attivitajiet ( 61 ).

3. L-interpretazzjoni tal-kliem “komparabbli”, “soċjali” u “kundizzjonijiet”

90.

Sabiex tiġi stabbilita l-portata tal-paragun li għandu jsir mill-qrati nazzjonali li jkunu qegħdin jevalwaw il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tal-kundizzjonijiet soċjali imposti minn Stat Membru fuq korpi privati li jixtiequ jibbenefikaw mill-eżenzjoni mill-VAT, jeħtieġ issa li tiġi speċifikata l-portata tan-nom “kundizzjoni” u taż-żewġ aġġettivi “soċjali” u “komparabbli”.

91.

L-ewwel ħaġa li trid tiġi nnotata hija li l-Artikolu 132(1)(b) tad-Direttiva dwar il-VAT ma jirreferix sempliċiment għal kwalunkwe tip ta’ obbligi imposti fuq is-servizzi pprovduti mill-korpi pubbliċi, iżda pjuttost għal dawk ta’ natura soċjali biss. Għaldaqstant, huma biss dawn l-obbligi li għandhom jitqiesu rilevanti għall-iskopijiet tal-paragun li għandu jsir. Kif diġà indikajt, dan il-kunċett huwa, madankollu, usa’ minn dak, pereżempju, tan-natura tal-miżati ffatturati minn tali stabbilimenti.

92.

Min-naħa tiegħi, nikkunsidra li l-kunċett ta’ “kundizzjonijiet soċjali” għandu jinftiehem bħala li jirreferi għall-obbligi imposti mil-liġi fuq l-isptarijiet pubbliċi fil-konfront tal-pazjenti tagħhom. Madankollu, ma jestendix għall-obbligi imposti fuq il-korpi pubbliċi fir-rigward tal-immaniġġjar tal-persunal tagħhom, il-bini tagħhom, it-tagħmir tagħhom jew l-effettività ekonomika tagħhom ( 62 ).

93.

It-tieni, it-terminu “kundizzjonijiet soċjali” għandu jinftiehem bħala li jirreferi għal dawk il-kundizzjonijiet li huma preskritti mil-liġi fl-Istat Membru kkonċernat li jirrigwardaw l-obbligi legali tal-isptarijiet pubbliċi inkwantu jirrigwardaw it-trattament ta’ pazjenti pubbliċi ( 63 ). Għaldaqstant, dawn l-obbligi legali jistgħu u fil-fatt ivarjaw minn Stat Membru għal ieħor, iżda wieħed jista’ jippreżumi li huma jikkonċernaw prinċipalment materji bħalma huma l-intitolament għal ċerti tipi ta’ kura fl-isptar, flimkien ma’ regoli leġiżlattivi li jirrigwardaw materji bħalma huma l-miżati għal ċerti servizzi partikolari. Iżda r-rekwiżit dwar il-kundizzjonijiet soċjali jista’ jestendi wkoll għal materji oħra: rekwiżit legali li jobbliga lill-isptarijiet pubbliċi jkollhom dipartimenti tal-emerġenza miftuħin fi tmiem il-ġimgħa jista’ jkun eżempju minnhom. Barra minn hekk, fid-dawl tar-rekwiżit previst mill-Artikolu 132(1)(b) tad-Direttiva dwar il-VAT biex stabbilimenti privati jkunu “debitament rikonoxxuti”, il-kundizzjonijiet soċjali msemmija hawnhekk huma, min-natura tagħhom, differenti minn dawk speċifikati mid-dritt nazzjonali inkwantu jikkonċerna r-rikonoxximent ta’ sptar, ċentru għat-trattament mediku jew dijanjosi jew stabbiliment simili.

94.

It-tielet, it-terminu “komparabbli” jagħti sens li l-obbligi soċjali imposti fuq l-isptarijiet pubbliċi ma għandhomx ikunu osservati b’mod eżatt mill-isptarijiet privati korrispondenti. Jista’ jkun hemm ukoll ċerti tipi ta’ obbligi soċjali li, min-natura tagħhom, jistgħu jiġu ssodisfatti biss mill-isptarijiet pubbliċi.

95.

Madankollu, dan ma jfissirx li l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu liberament liema kundizzjonijiet soċjali għandhom ikunu ssodisfatti mill-isptarijiet privati. Fil-fatt, b’kuntrast mal-Artikolu 132(1)(m) tad-Direttiva dwar il-VAT, l-Artikolu 132(1)(b) ta’ din id-direttiva ma jirreferix għal “ċertu” kundizzjonijiet soċjali kif kien ikun il-każ kieku l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jagħti, f’dan ir-rigward, setgħa diskrezzjonali wiesgħa lill-Istati Membri ( 64 ). Min-naħa l-oħra, il-formulazzjoni użata (“[l]-Istati Membri għandhom jeżentaw […]” timplika li d-diskrezzjoni li għandhom l-Istati Membri f’dan ir-rigward hija waħda limitata ( 65 ).

96.

L-għan prinċipali tal-Artikolu 132(1)(b) tad-Direttiva dwar il-VAT f’dan ir-rigward u f’oħrajn huwa fil-fatt li jiġi żgurat trattament fiskali komparabbli bejn stabbilimenti mediċi pubbliċi u privati li, b’mod ġenerali, iwettqu l-istess funzjonijiet u li, b’mod ġenerali wkoll, jittrattaw il-pazjenti tagħhom bejn wieħed u ieħor bl-istess mod. F’dan ir-rigward, madankollu, huwa ċar li l-Istati Membri ma jistgħux jeżiġu mill-isptarijiet privati li jipprovdu servizzi mediċi taħt kundizzjonijiet soċjali li ma għandhomx l-ekwivalenti tagħhom fir-rigward tal-obbligi legali imposti fuq sptarijiet pubbliċi bħala kundizzjoni biex jiksbu l-eżenzjoni mill-VAT inkwistjoni.

97.

It-terminu “komparabbli” jimplika wkoll, fl-opinjoni tiegħi, ċerta livell ta’ ġeneralizzazzjoni fil-paragun. Madankollu, peress li l-għan ta’ dawn il-kundizzjonijiet huwa li jiġu żgurati ugwaljanza ġenerali għall-finijiet ta’ taxxa bejn korpi privati u pubbliċi, nemmen li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-entitajiet privati josservaw sostanzjalment il-kundizzjonijiet soċjali kollha imposti fuq l-istabbilimenti pubbliċi mil-leġiżlazzjoni nazzjonali li jista’ jkollhom effett sostanzjali fuq il-kompetizzjoni ġusta bejn stabbilimenti pubbliċi u privati. Dan jindika, b’mod partikolari, il-kundizzjonijiet soċjali kollha li aktarx ikollhom impatt sinjifikattiv fuq l-immaniġġjar ta’ korpi pubbliċi jew fuq l-għażla ta’ pazjenti biex jużaw is-servizzi ta’ korp privat jew pubbliku. Stat Membru ma jistax, madankollu, jagħti eżenzjoni mill-VAT fir-rigward ta’ servizzi pprovduti minn stabbilimenti privati li ssodisfaw, parzjalment biss, il-kundizzjonijiet soċjali applikabbli għal stabbilimenti pubbliċi li aktarx ikollhom tali impatt fuq il-kompetizzjoni ġusta bejn iż-żewġ tipi ta’ stabbilimenti.

98.

Għaldaqstant, meta l-qrati nazzjonali jkunu meħtieġa jikkunsidraw il-kundizzjonijiet soċjali li l-istabbilimenti privati għandhom josservaw sabiex l-attivitajiet tagħhom jibbenefikaw mill-eżenzjoni mill-VAT ipprovduta fl-Artikolu 132(1)(b) tad-Direttiva dwar il-VAT, huma għandhom jiżguraw, b’mod ġenerali, li dawn il-kundizzjonijiet la jaqbżu u lanqas ikunu inqas mill-kundizzjonijiet soċjali kollha preskritti mil-liġi fir-rigward tal-istabbilimenti pubbliċi, anki jekk ċertu approssimazzjonijiet raffi jistgħu ukoll, fin-nuqqas ta’ alternattiva aħjar, ikunu neċessarji għal dan il-għan.

99.

Fil-fatt, għal dan il-għan huma neċessarji kriterji bbilanċjati fis-sens li dawn la jibbenefikaw u lanqas jiżvantaġġjaw lill-istabbilimenti privati. Jekk, pereżempju, fi Stat Membru partikolari, il-korpi pubbliċi jkunu obbligati legalment jiżguraw, mil-lat strettament terapewtiku, l-istess kwalità ta’ kura, indipendentement mir-rata ffatturata jew ikunu ugwalment obbligati jittrattaw pazjenti indipendentement mis-sitwazzjoni personali tagħhom, allura dak l-Istat Membru għandu jipprovdi li huma biss l-istabbilimenti privati li josservaw l-obbligi komparabbli li jistgħu jibbenefikaw mill-eżenzjoni mill-VAT.

100.

Eżempju ieħor jista’ jkun meta l-isptarijiet pubbliċi ikunu obbligati, bil-liġi, li joffru servizz b’rata bażika sabiex l-identità tal-professjonist mediku li attwalment jipprovdi l-kura medika prinċipali ma tkunx iggarantita. F’dawn iċ-ċirkustanzi, sabiex il-kura medika simili mwettqa minn korp privat tkun eżentata, il-pazjent irid ikun ġie offrut l-istess għażla, anki jekk il-persuna tagħżel li tħallas miżata addizzjonali biex tiżgura li jaraha t-tabib partikolari tal-għażla tagħha.

101.

Madankollu, meta l-korpi pubbliċi jkunu awtorizzati jwettqu operazzjonijiet mediċi li huma eżentati mill-VAT mingħajr ma jkunu marbutin ma’ ċerta rata fissa ta’ ħlasijiet jew mingħajr ma’ dawn l-operazzjonijiet ikunu koperti minn skemi ta’ assigurazzjoni għas-saħħa, l-Istat Membru kkonċernat ma jistax jinvoka din ir-raġuni jew xi raġuni simili oħra bħala ġustifikazzjoni biex jirrifjuta li japplika l-eżenzjoni mill-VAT ipprovduta fl-Artikolu 132(1)(b) tad-Direttiva dwar il-VAT għall-istess tranżazzjoni mwettqa minn korp irregolat mid-dritt privat debitament irrikonoxxut. B’mod partikolari, jekk l-istabbilimenti mediċi pubbliċi jkunu permessi jiffatturaw lill-pazjenti l-iktar sinjuri tagħhom miżati addizzjonali sabiex huma jkunu jistgħu jibbenefikaw minn servizzi addizzjonali u prodotti iktar issofistikati jew ta’ kwalità ogħla, mingħajr VAT, allura ovvjament l-isptarijiet privati jridu jkunu jistgħu wkoll joffru dawn l-istess servizzi jew prodotti mingħajr VAT ( 66 ).

102.

Fuq l-istess vena, jekk l-isptarijiet pubbliċi jkunu awtorizzati joffru, pereżempju, rati differenti sabiex jieħdu inkunsiderazzjoni l-preferenzi tal-pazjenti f’termini ta’ akkomodazzjoni fl-isptar (pereżempju li jkollhom kamra singola) jew prostesi iktar effiċjenti – anki jekk ma jkunux koperti minn skemi ta’ assigurazzjoni għas-saħħa – l-istess servizzi, jekk jiġu pprovduti mill-korp privat, għandhom ukoll ikunu eżentati mill-VAT.

a) Is-sentenza Idealmed III

103.

Huwa minnu li fil-punt 21 tas-sentenza tagħha Idealmed III, il-Qorti tal-Ġustizzja osservat li r-rekwiżit tal-kundizzjonijiet soċjali komparabbli jirrigwarda s-servizzi pprovduti u mhux il-fornitur inkwistjoni. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li “il-proporzjon tas-servizzi ta’ kura pprovduti f’kundizzjonijiet soċjali paragunabbli, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, meta mqabbel mal-attività kollha ta’ dan il-fornitur ma huwiex rilevanti għall-applikazzjoni tal-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 132(1)(b) ta[d-Direttiva dwar il-VAT]” ( 67 ).

104.

Min-naħa tiegħi, ma nistax ma naħsibx li din is-sentenza ma għandhiex tkun interpretata wisq. L-aspett ċentrali tal-fatti fis-sentenza Idealmed III kien fil-fatt li, skont il-preżentazzjoni mill-qorti nazzjonali tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi nazzjonali inkwistjoni – li kienet vinkolanti fuq il-Qorti tal-Ġustizzja – l-eżenzjoni inkwistjoni ma kinitx tiddependi fuq jekk kull attività twettqitx taħt kundizzjonijiet soċjali komparabbli, imma pjuttost fuq il-proporzjon ta’ tali attivitajiet li ssodisfaw din il-kundizzjoni. Għaldaqstant, meta l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fis-sentenza Idealmed III, li “[]l-proporzjon tas-servizzi ta’ kura pprovduti f’kundizzjonijiet soċjali paragunabbli, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, meta mqabbel mal-attività kollha ta’ dan il-fornitur ma huwiex rilevanti għall-applikazzjoni tal-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 132(1)(b) ta[d-Direttiva dwar il-VAT]” ( 68 ), hija ma riditx b’dan tipprekludi lill-Istati Membri milli jistabbilixxu bħala kundizzjoni soċjali u għalhekk bħala kundizzjoni għal servizzi mediċi li jiġu eżentati li, pereżempju, is-servizzi mediċi, biex ikunu eżentati jridu jkunu twettqu minn sptarijiet privati li għandhom iwettqu ċertu numru ta’ operazzjonijiet b’ċerta rata ( 69 ).

105.

Il-kwistjonijiet imqajma fis-sentenza Idealmed III pjuttost kienu jikkonċernaw kwistjonijiet li jirrigwardaw il-proporzjon tas-servizzi ta’ kura tal-isptar privat inkwistjoni li jitwettqu taħt kundizzjonijiet soċjali komparabbli għal dawk ta’ sptar pubbliku u kif din il-kwistjoni tista’ potenzjalment taffettwa l-eżenzjoni mill-VAT invokata taħt l-Artikolu 132(1)(b) tad-Direttiva dwar il-VAT. Filwaqt li hemm iktar x’jingħad dwar kwistjonijiet oħra mqajma b’din is-sentenza, fid-dawl tal-konklużjonijiet li ser nasal għalihom dalwaqt dwar il-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni bħalma hija dik deskritta mill-qorti tar-rinviju, mal-Artikolu 132(1)(b) tad-Direttiva dwar il-VAT, ma naħsibx li jeħtieġ li nindirizza dawn il-kwistjonijiet l-oħra li għandhom jistennew deċiżjoni f’każ iktar appożitu.

4. L-applikazzjoni għas-sitwazzjoni kkunsidrata mill-qorti tar-rinviju fl-ewwel domanda

106.

Kif diġà spjegajt, id-domanda magħmula tqajjem il-kwistjoni tal-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni nazzjonali mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 132(1)(b) tad-Direttiva dwar il-VAT, liema leġiżlazzjoni kienet tissuġġetta l-eżenzjoni mill-VAT ipprovduta f’dan l-artikolu tad-Direttiva dwar il-VAT għall-kundizzjoni li l-ospitalizzazzjoni u l-operazzjonijiet ta’ kura medika pprovduti minn sptar privat mhux universitarju jkun jew:

ingaġġat biex jipprovdi kura mill-fornituri ta’ assigurazzjoni statutorja għall-inċidenti; jew

inkluż fi pjan tal-isptarijiet fuq livell tal-Land (sptar imniżżel fil-pjan);

kontraent fi ftehim ta’ provvista ta’ kura tas-saħħa ma’ assoċjazzjoni fuq livell tal-Land ta’ fondi ta’ assigurazzjoni tas-saħħa jew assoċjazzjoni ta’ fondi sostituti; jew

wettaq, matul is-sena fiskali preċedenti, tal-inqas 40 % mis-servizzi tal-isptar iffatturati għal ammont inqas mill-ammont rimborsabbli mill-organizzazzjonijiet ta’ sigurtà soċjali.

107.

Peress li sa fejn huwa kkonċernat dan il-każ, l-Artikolu 132(1)(b) tad-Direttiva dwar il-VAT jistabbilixxi tliet kundizzjonijiet prinċipali biex servizz jibbenefika mill-eżenzjoni tal-VAT ipprovduta (jiġifieri, li jinvolvi sptar jew attività ta’ kura medika, li jitwettaq minn stabbiliment debitament rikonoxxut u jitwettaq taħt kundizzjonijiet soċjali komparabbli), jeħtieġ issa li jiġi eżaminat jekk kull waħda minn dawk l-erba’ opzjonijiet stabbiliti b’dispożizzjoni bħalma huwa l-Artikolu 4(14)(b) UStG moqri flimkien mal-Artikolu 108 tas-SGB V, hijiex konformi ma’ dawn il-kundizzjonijiet.

a) Evalwazzjoni tal-erba’ opzjonijiet ta’ konformità fir-rigward tal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 132(1)(b) tad-Direttiva dwar il-VAT

108.

F’dan ir-rigward, huwa pjuttost ċar li dawn l-erba’ opzjonijiet ta’ konformità ma jistgħux ikunu ġġustifikati b’riferiment għar-rekwiżit li s-servizzi involuti jridu jkunu jappartjenu lil attivitajiet ta’ sptar jew ta’ kura medika jew imwettqa minn stabbiliment “debitament rikonoxxut” tal-Artikolu 132(1)(b) tad-Direttiva dwar il-VAT. B’mod partikolari, kif diġà rajna, din il-kundizzjoni partikolari tirrigwarda essenzjalment l-istandards professjonali xierqa. Huwa ċar mill-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja – u kif osservat il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha – li l-isptar huwa debitament rikonoxxut mill-awtoritajiet Ġermaniżi ( 70 ). Essenzjalment, il-każ idur fuq jekk l-applikazzjoni tal-erba’ opzjonijiet ta’ konformità li jinsabu fil-leġiżlazzjoni Ġermaniża jistgħux ikunu ġġustifikati b’riferiment għall-kriterju tal-“kundizzjonijiet soċjali komparabbli”.

109.

Għal dak li jikkonċerna l-ewwel tliet opzjonijiet ta’ konformità, jista’ jiġi nnotat li dawn ir-rekwiżiti ma humiex, minnhom infushom, “kundizzjonijiet soċjali” fis-sens partikolari mogħti fl-Artikolu 132(1)(b) tad-Direttiva dwar il-VAT peress li, jekk xejn, huma relatati biss indirettament mal-provvista ta’ kura fl-isptar jew medika lill-pazjent. Dawn l-opzjonijiet jirrigwardaw fir-realtà ir-relazzjoni finanzjarja u l-arranġamenti kuntrattwali bejn l-isptar jew l-istabbiliment mediku kkonċernat u l-assigurazzjoni statutorja għall-inċidenti, l-assoċjazzjoni fuq livell tal-Land ta’ fondi ta’ assigurazzjoni għas-saħħa, assoċjazzjoni ta’ fond sostitut, jew Land.

110.

B’mod partikolari, it-tieni opzjoni (jiġifieri, is-sħubija ma’ pjan ta’ sptar fuq livell ta’ Land) tidher li tirrifletti t-tentattiv mill-Istat Membru li jimponi dak li jammonta għal forma ta’ kwota għall-isptarijiet privati b’riferiment għal żoni ġeografiċi speċifiċi. L-idea hawnhekk tidher li hija li tintuża l-eżenzjoni mill-VAT tal-Artikolu 132 bħala mezz kif jiġi żgurat li jkun hemm limitu de facto għan-numru ta’ sptarijiet privati li joperaw f’żona ġeografikament kontigwa partikolari sabiex l-isptarijiet pubbliċi li jiffunzjonaw f’dak ir-reġjun iżommu biżżejjed pazjenti biex ikunu finanzjarjament vijabbli. Jien ngħid sempliċiment li l-Artikolu 132(1)(b) tad-Direttiva dwar il-VAT ma jistax jintuża għal dan il-għan u kull tentattiv mill-Istat Ġermaniż – kemm jekk permezz tal-awtoritajiet tat-taxxa tiegħu jew permezz ta’ dawk responsabbli mill-ippjanar tal-kura tas-saħħa – biex jilħaq dan l-għan billi jillimita l-eżenzjoni mill-VAT, li altrimenti tkun applikabbli, għall-isptarijiet privati b’dan il-mod ikun manifestament illegali u jikser id-dritt tal-Unjoni.

111.

Fi kwalunkwe każ, wieħed jista’ josserva f’dan il-kuntest li, għalkemm l-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju ma tispeċifikax b’mod ċar u eżawrjenti l-kundizzjonijiet li istituzzjoni għandha tosserva biex tkun taqa’ taħt l-ewwel tliet opzjonijiet ta’ konformità, jidher li l-fornituri ta’ assigurazzjoni statutorja għall-inċidenti, l-assoċjazzjonijiet fuq il-livell tal-Land ta’ fondi ta’ assigurazzjoni għas-saħħa u l-assoċjazzjonijiet ta’ fondi sostituti kollha jgawdu minn diskrezzjoni dwar jekk jikkonkludux ftehim ma’ sptar ( 71 ).

112.

Bl-istess mod, il-Länder apparentement ma humiex obbligati jinkludu l-isptarijiet privati mhux universitarji li jwettqu l-attivitajiet tagħhom taħt kundizzjonijiet soċjali komparabbli, fil-pjan tal-isptarijiet tagħhom. Peress li l-eżistenza ta’ diskrezzjoni pprovduta mid-dritt nazzjonali, li l-eżistenza tagħha għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju, timplika li l-applikazzjoni tal-eżenzjoni mill-VAT tista’ għaldaqstant tiġi rrifjutata lil stabbiliment mediku anki jekk dan jissodisfa l-kundizzjonijiet għall-eżenzjoni stabbiliti mid-Direttiva dwar il-VAT, tali diskrezzjoni hija min-naħa tagħha kompletament inkompatibbli mal-formulazzjoni tal-Artikolu 132(1)(b) tad-Direttiva dwar il-VAT. Dan huwa minnu anki għaliex din l-aħħar dispożizzjoni tobbliga lill-Istati Membri jeżentaw tranżazzjonijiet li jilħqu l-kundizzjonijiet stabbiliti f’din id-dispożizzjoni (“L-Istati Membri għandhom jeżentaw […]”) ( 72 ).

113.

Għal dak li jirrigwarda l-aħħar opzjoni msemmija fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, jiġifieri, li l-isptar privat mhux universitarju jrid ikun ipprovda, matul is-sena fiskali preċedenti, tal-inqas 40 % mis-servizzi tal-isptar iffatturati għal ammont inqas mill-ammont rimborsabbli mill-organizzazzjonijiet tas-sigurtà soċjali, huwa importanti li jiġi enfasizzat li din l-opzjoni, kif ippreżentata mill-Gvern Ġermaniż, tiddependi mhux fuq jekk is-servizzi pprovduti huma fil-fatt koperti mill-iskemi ta’ assigurazzjoni għas-saħħa, imma pjuttost fuq jekk il-prezzijiet iffatturati mill-isptar privat inkwistjoni fir-rigward tal-kura medika pprovduta direttament lill-pazjenti ( 73 ). Din il-kwistjoni hija ta’ rilevanza fi kwalunkwe kunsiderazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 133 tad-Direttiva dwar il-VAT li ser nittratta issa.

b) L-Artikolu 133 tad-Direttiva dwar il-VAT

114.

L-Artikolu 133 tad-Direttiva dwar il-VAT jippermetti lill-Istati Membri jissuġġettaw l-għoti ta’ eżenzjoni mill-VAT li altrimenti tkun applikabbli, għal numru ta’ kundizzjonijiet oħra li huma individwali għal kull każ. Fost dawn il-kundizzjonijiet, l-Artikolu 133(1)(ċ) – li għalih irreferew xi wħud mill-partijiet – jipprovdi li Stat Membru jista’ jagħżel li jrendi l-applikazzjoni tal-eżenzjoni pprovduta fl-Artikolu 132(1)(b) tagħha suġġetta għall-kundizzjoni li l-korp privat iżomm prezzijiet li jkunu ġew approvati mill-awtoritajiet pubbliċi jew li ma jeċċedix tali prezzijiet, jew, f’każ ta’ tranżazzjonijiet li ma humiex suġġetti għal approvazzjoni tal-prezz, li jkunu inqas minn dawk iffatturati għal tranżazzjonijiet simili mill-impriżi kummerċjali suġġetti għall-VAT ( 74 ).

115.

Il-proċess ma jurix, madankollu, li l-prezzijiet tas-servizzi tal-isptar fil-Ġermanja jridu jkunu approvati mill-awtorità pubblika, rekwiżit ċentrali tal-Artikolu 133(1)(ċ) tad-Direttiva dwar il-VAT ( 75 ). Il-prezzijiet iffatturati jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-iskopijiet tar-rimbors mill-korpi ta’ assigurazzjoni soċjali, iżda jidher li l-prezzijiet iffatturati ma humiex suġġetti għal din il-forma ta’ kontroll ( 76 ).

116.

Barra minn hekk, jidher mill-formulazzjoni tal-Artikolu 133(1)(ċ) tad-Direttiva dwar il-VAT li l-kundizzjoni li l-Istati Membri jistgħu jipprovdu, permezz ta’ din id-dispożizzjoni, tikkonċerna l-prezzijiet kollha ffatturati mill-istabbiliment inkwistjoni.

117.

Isegwi li jew il-prezzijiet tas-servizzi kollha pprovduti fil-kuntest tal-attivitajiet ta’ sptar privat josservaw ir-rata approvata mill-awtoritajiet pubbliċi jew ma jeċċedux tali prezzijiet, jew, fil-każ ta’ tranżazzjonijiet li ma humiex suġġetti għal approvazzjoni tal-prezz, li jkunu inqas minn dawk iffatturati għal tranżazzjonijiet simili mill-impriżi kummerċjali suġġetti għall-VAT, u f’dak il-każ dawn is-servizzi kollha, jekk huma individwalment jissodisfaw il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni pprovduti fl-Artikolu 132(1)(b) tad-Direttiva dwar il-VAT, jistgħu jkunu eżentati, jew, jekk dan ma jkunx il-każ, l-ebda minnhom ma jistgħu jkunu eżentati. Fl-ebda każ, madankollu, din id-dispożizzjoni ma tikkontempla l-possibbiltà li tiġi rrifjutata l-applikazzjoni fir-rigward tal-eżenzjoni mill-VAT ipprovduta fl-Artikolu 132 abbażi li parti biss mis-servizzi mediċi attwalment ipprovduti ssodisfaw tali kundizzjoni ( 77 ).

118.

Għalkemm ir-raba’ opzjoni pprovduta mid-dritt Ġermaniż ma hijiex koperta mill-Artikolu 133 tad-Direttiva dwar il-VAT, nemmen li tali kundizzjoni tista’ xorta waħda titqies bħala li taqa’ taħt il-kunċett ta’ kundizzjonijiet soċjali komparabbli għall-finijiet tal-Artikolu 132(1)(b) tad-Direttiva dwar il-VAT, sakemm, madankollu, li indipendentement mill-attività involuta l-isptarijiet pubbliċi huma wkoll suġġetti għall-obbligu legali li jipprovdu, matul is-sena fiskali preċedenti, tal-inqas 40 % mis-servizzi ffatturati għal ammont inqas mill-ammont rimborsabbli mill-organizzazzjonijiet tas-sigurtà soċjali jew huma suġġetti għal obbligu legali viċin dan.

119.

Dan kollu jfisser li filwaqt li r-rekwiżit tal-iffatturar ta’ 40 % mis-servizzi tal-isptar ma jistax ikun iġġustifikat b’riferiment għall-Artikolu 133(1)(ċ) tad-Direttiva dwar il-VAT, xorta waħda jista’ jitqies, fil-prinċipju, bħala kundizzjoni soċjali għall-finijiet tal-Artikolu 132(1)(b) tiegħu, meta wieħed jassumi li tali obbligu huwa impost ukoll bil-liġi fuq l-isptarijiet pubbliċi u stabbilimenti simili oħra ( 78 )

120.

Għandu jiġi enfasizzat li d-domanda magħmula tikkonċerna l-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni u mhux dwar jekk ir-rikorrent għandux jibbenefika mill-eżenzjoni. Għaldaqstant, indipendentement minn kwalunkwe pożizzjoni li tieħu l-Qorti tal-Ġustizzja dwar ir-raba’ opzjoni, fir-rigward tal-konklużjonijiet milħuqa fis-sentenza Idealmed III, il-leġiżlazzjoni nazzjonali xorta waħda tkun tmur kontra d-dritt tal-Unjoni peress li l-ewwel tliet opzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 108 tas-SGB V ma humiex direttament relatati mar-rekwiżit stabbilit fl-Artikolu 132(1)(b) tad-Direttiva dwar il-VAT li l-attivitajiet inkwistjoni jridu jitwettqu taħt kundizzjonijiet soċjali komparabbli.

121.

Bħala konklużjoni, għaldaqstant, nipproponi li tingħata risposta għall-ewwel domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju billi jingħad li l-Artikolu 132(1)(b) tad-Direttiva dwar il-VAT għandu jiġi interpretat bħala li jfisser li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tistabbilixxi bħala kundizzjoni għall-eżenzjoni mill-VAT, li sptar privat għandu jew ikun involut fil-provvista ta’ kura mill-korpi responsabbli biex jimmaniġġjaw l-iskema statutorja ta’ assigurazzjoni għall-aċċidenti jew ikun parti mill-pjan tal-isptarijiet ta’ Land, jew għandu jkun ikkonkluda ftehim għall-provvista ta’ kura ma’ fond tal-assigurazzjoni għall-saħħa nazzjonali jew reġjonali. B’mod partikolari, dawn ir-rekwiżiti ma humiex kundizzjonijiet soċjali fis-sens mifhum fl-Artikolu 132(1)(b) tad-Direttiva dwar il-VAT.

122.

Madankollu, rekwiżit bħal dak imsemmi mill-Gvern Ġermaniż – li jeżiġi li sptar privat li jkun qiegħed japplika għall-eżenzjoni mill-VAT irid ikun iwettaq, matul is-sena finanzjarja preċedenti, tal-inqas 40 % mis-servizzi tal-isptar iffatturati għal ammont inqas mill-ammont rimborsabbli mill-korpi ta’ sigurtà soċjali – jista’ jammonta għal kundizzjoni soċjali għall-finijiet tal-Artikolu 132(1)(b) tad-Direttiva dwar il-VAT jekk ikun hemm rekwiżit komparabbli impost fuq korpi rregolati mid-dritt pubbliku.

C.   It-tieni domanda

123.

Permezz tat-tieni domanda, il-qorti nazzjonali tistaqsi taħt liema kundizzjonijiet kura fl-isptar ipprovduta minn sptarijiet irregolati mid-dritt privat isir taħt kundizzjonijiet soċjali komparabbli, fis-sens tal-Artikolu 132(1)(b) tad-Direttiva dwar il-VAT, għal dawk applikabbli għall-korpi rregolati mid-dritt pubbliku.

124.

Fid-dawl tal-argumenti mressqa fl-eżaminazzjoni tal-ewwel domanda, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi t-tieni domanda fis-sens li l-kunċett ta’ kundizzjonijiet soċjali komparabbli ma’ dawk applikabbli għal korpi rregolati mid-dritt pubbliku użat fl-Artikolu 132(1)(b) tad-Direttiva dwar il-VAT għandu jiġi interpretat bħala li jirreferi għall-kundizzjonijiet kollha li l-istituzzjonijiet privati jridu jissodisfaw sabiex ikunu suġġetti għal regoli identiċi jew komparabbli li jirregolaw ir-relazzjoni bejn il-korpi rregolati mid-dritt pubbliku u l-pazjenti tagħhom, li magħhom iridu jżommu f’kull ċirkustanza meta huma jipprovdu trattament, kura medika jew operazzjonijiet marbutin mill-viċin mal-imsemmija servizzi. L-osservanza ta’ din il-kundizzjoni minn stabbiliment privat tista’ tiġi dedotta mill-obbligi li dan l-istabbiliment ikun impona kuntrattwalment fuqu nnifsu fir-rigward ta’ dawn il-pazjenti.

V. Konklużjoni

125.

Nikkunsidra għaldaqstant li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi ż-żewġ domandi magħmula min-Niedersächsisches Finanzgericht (il-Qorti tal-Finanzi ta’ Niedersachsen, il-Ġermanja) kif ġej:

1)

L-Artikolu 132(1)(b) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud għandu jiġi interpretat bħala li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tistabbilixxi bħala kundizzjoni għall-eżenzjoni mill-VAT, li sptar privat għandu jew ikun involut fil-provvista ta’ kura mill-korpi responsabbli biex jimmaniġġjaw l-iskema statutorja ta’ assigurazzjoni għall-inċidenti jew ikun parti mill-pjan tal-isptarijiet ta’ Land, jew irid ikun ikkonkluda ftehim għall-provvista ta’ kura ma’ fond tal-assigurazzjoni għall-mard nazzjonali jew reġjonali. B’mod partikolari, dawn ir-rekwiżiti ma humiex kundizzjonijiet soċjali fis-sens mifhum fl-Artikolu 132(1)(b) tad-Direttiva dwar il-VAT.

Madankollu, rekwiżit bħal dak imsemmi mill-Gvern Ġermaniż – li jeżiġi li sptar privat li jkun japplika għall-eżenzjoni mill-VAT irid ikun iwettaq, matul is-sena finanzjarja preċedenti, tal-inqas 40 % mis-servizzi tal-isptar iffatturati għal ammont inqas mill-ammont rimborsabbli mill-korpi ta’ sigurtà soċjali – jista’ jammonta għal kundizzjoni soċjali għall-finijiet tal-Artikolu 132(1)(b) tad-Direttiva 2006/112 jekk ikun hemm rekwiżit komparabbli impost fuq korpi rregolati mid-dritt pubbliku.

2)

Il-kunċett ta’ “kundizzjonijiet soċjali komparabbli ma’ dawk applikabbli għal korpi rregolati mid-dritt pubbliku” użat fl-Artikolu 132(1)(b) tad-Direttiva 2006/112 għandu jiġi interpretat bħala li jirreferi għall-kundizzjonijiet kollha li l-istituzzjonijiet privati għandhom jissodisfaw sabiex ikunu suġġetti għal regoli identiċi jew komparabbli li jirregolaw ir-relazzjoni bejn il-korpi rregolati mid-dritt pubbliku u l-pazjenti tagħhom, li magħhom għandhom jikkonformaw l-istituzzjonijiet privati f’kull ċirkustanza meta huma jipprovdu trattament, kura medika jew operazzjonijiet marbutin mill-viċin mal-imsemmija servizzi. L-osservanza ta’ din il-kundizzjoni minn stabbiliment privat tista’ tiġi dedotta mill-obbligi li dan l-istabbiliment ikun impona kuntrattwalment fuqu nnifsu fir-rigward ta’ dawn il-pazjenti.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) Ara, Berlin, D., La Directive TVA 2006/112, Bruylant, Brussell, 2020, p. 538.

( 3 ) Din il-kundizzjoni ġiet miżjuda fl-2019 mal-Artikolu 4(14)(b)(aa) tal-UStG.

( 4 ) Diagnosis-related group (DRG) hija sistema li tikklassifika il-każijiet ta’ sptar fi gruppi differenti.

( 5 ) Ara, fir-rigward tal-ewwel żewġ tifsiriet, is-sentenza tal-15 ta’ Novembru 2012, Zimmermann (C‑174/11, EU:C:2012:716, punti 4748). F’ċerti sentenzi, il-preżentazzjoni tal-ġurisprudenza mill-Qorti tal-Ġustizzja tħallat dawn it-tifsiriet differenti, li jistgħu jagħtu l-impressjoni ta’ ċerta konfużjoni fir-rigward tal-portata tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali. Ara, pereżempju, is-sentenza tad-29 ta’ Ottubru 2009, NCC Construction Danmark (C‑174/08, EU:C:2009:669, punti 40 sa 44).

( 6 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-22 ta’ Frar 2001, Abbey National (C‑408/98, EU:C:2001:110, punt 24), tat-22 ta’ Diċembru 2010, RBS Deutschland Holdings (C‑277/09, EU:C:2010:810, punt 38) u, iktar reċenti, is-sentenzi tas-26 ta’ April 2017, Farkas (C‑564/15, EU:C:2017:302, punt 43) jew tas-26 ta’ April 2018, Zabrus Siret (C‑81/17, EU:C:2018:283, punti 32 sa 34).

( 7 ) Sentenzi tat-13 ta’ Marzu 2014, Jetair u BTWE Travel4you (C‑599/12, EU:C:2014:144, punt 53) u tas-17 ta’ Diċembru 2020, WEG Tevesstraße (C‑449/19, EU:C:2020:1038, punt 48).

( 8 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tas-7 ta’ Marzu 2017, RPO (C‑390/15, EU:C:2017:174, punt 38).

( 9 ) Il-kunċett ta’ newtralità fiskali jissellef mill-iskejjel ta’ ekonomija liberali li kienu ddedikati b’mod partikolari biex jagħtu lit-taxxi għan strett ta’ ġbir. Fil-prattika, madankollu, ebda sistema ta’ taxxa ma hija ekonomikament newtrali, peress li l-għażliet dwar il-bażi taxxabbli u r-rata ta’ taxxa tinfluwenza neċessarjament l-aġir tal-aġenti ekonomiċi. Għaldaqstant, l-idea li, ġeneralment, it-taxxi għandhom ikunu newtrali ġiet bejn wieħed u ieħor abbandunata malli r-rwol tat-taxxa, bħala strument ta’ intervent ekonomiku u soċjali, ġie affermat progressivament. Ara Bommier, L., L’objectif de neutralité du droit fiscal comme fondement d’une imposition de l’entreprise, LGDJ, Pariġi, 2021, p. 4 sa 7.

( 10 ) Ara, pereżempju, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ April 2008, Marks & Spencer (C‑309/06, EU:C:2008:211, punt 49).

( 11 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tad-19 ta’ Lulju 2012, Deutsche Bank (C‑44/11, EU:C:2012:484, punt 45).

( 12 ) Kif irrikonoxxiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tas-7 ta’ Marzu 2017, RPO (C‑390/15, EU:C:2017:174, punt 54) meta l-leġiżlatur tal-Unjoni, meta jadotta miżura ta’ natura fiskali, għandu jagħmel għażliet ta’ natura politika, ekonomika kif ukoll soċjali, u joħloq ġerarkija tal-interessi diverġenti jew iwettaq evalwazzjonijiet kumplessi, huwa għandu jingħata diskrezzjoni wiesgħa. L-istess japplika fil-livell nazzjonali meta direttiva tagħti d-diskrezzjoni lill-Istati Membri biex ma japplikawx il-kriterji stabbiliti mid-direttiva, iżda biex jispeċifikawhom. Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Golfclub Schloss Igling (C‑488/18, EU:C:2019:942, punti 55 sa 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 13 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tas-17 ta’ Lulju 2008, ASM Brescia (C‑347/06, EU:C:2008:416, punt 28).

( 14 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tat-2 ta’ Lulju 2015, De Fruytier (C‑334/14, EU:C:2015:437, punt 18).

( 15 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2016, TMD (C‑412/15, EU:C:2016:738, punt 30).

( 16 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tat-8 ta’ Ottubru 2020, Finanzamt D (C‑657/19, EU:C:2020:811, punt 28).

( 17 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol 1, p. 23.

( 18 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tat-18 ta’ Settembru 2019, Peters (C‑700/17, EU:C:2019:753, punt 18).

( 19 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2014, Klinikum Dortmund (C‑366/12, EU:C:2014:143, punt 28).

( 20 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Ġunju 2010, CopyGene (C‑262/08, EU:C:2010:328, punt 27) u tat-13 ta’ Marzu 2014, Klinikum Dortmund (C‑366/12, EU:C:2014:143, punt 29).

( 21 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-2 ta’ Lulju 2015, De Fruytier (C‑334/14, EU:C:2015:437, punt 19) u tat-18 ta’ Settembru 2019, Peters (C‑700/17, EU:C:2019:753 punti 20 u 21). Madankollu, b’kuntrast mal-Artikolu 132(1)(b), l-Artikolu 132(1)(ċ) tad-Direttiva dwar il-VAT ma jkoprix operazzjonijiet li huma relatati mill-viċin mas-servizzi tal-kura tas-saħħa msemmija fl-ewwel wieħed. Ara s-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2014, Klinikum Dortmund (C‑366/12, EU:C:2014:143, punt 32).

( 22 ) Iż-żewġ dispożizzjonijiet għandhom komuni wkoll li huma ma jistabbilixxux rekwiżit li jirrigwarda l-benefiċjarju tat-tranżazzjonijiet eżentati.

( 23 ) Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Sharpston fil-kawża CopyGene (C‑262/08, EU:C:2009:541, punt 27).

( 24 ) Kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 29 tas-sentenza tal-1 ta’ Diċembru 2005, Ygeia (C‑394/04 u C‑395/04, EU:C:2005:734): “provvista ta’ servizzi li, […] tista’ ttejjeb il-kumdità u l-benessere ta’ pazjenti fi ddaħħlu sptar, ma tistax, b’mod ġenerali, tgawdi mill-eżenzjoni […]. Is-sitwazzjoni tkun differenti biss f’każ li dawn is-servizzi huma essenzjali sabiex jintlaħqu l-għanijiet terapewtiċi li jipprovaw jiksbu s-servizzi ta’ dħul fi sptar u ta’ kuri mediċi li fil-kuntest tagħhom ingħataw”.

( 25 ) Fir-rigward tan-natura tas-servizzi mediċi li jistgħu jkunu eżentati, ara, pereżempju, is-sentenzi tat-8 ta’ Ġunju 2006, L.u.p. (C‑106/05, EU:C:2006:380, punti 29); tal-10 ta’ Ġunju 2010, CopyGene (C‑262/08, EU:C:2010:328, punti 28, 40 sa 52); tal-10 ta’ Ġunju 2010, Future Health Technologies (C‑86/09, EU:C:2010:334, punt 37), tat-2 ta’ Lulju 2015, De Fruytier (C‑334/14, EU:C:2015:437, punt 2829) u tal-4 ta’ Marzu 2021, Frenetikexito (C‑581/19, EU:C:2021:167, punti 2526).

( 26 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta’ Lulju 2015, De Fruytier (C‑334/14, EU:C:2015:437, punt 28 sa punt 31). Fir-rigward tal-kunċett ta’ attività relatata mill-viċin fis-sens tal-Artikolu 132(1)(b) tad-Direttiva dwar il-VAT, ara, pereżempju, is-sentenzi tas-6 ta’ Novembru 2003, Dornier (C‑45/01, EU:C:2003:595, punti 33 sa 35); tal-1 ta’ Diċembru 2005, Ygeia (C‑394/04 u C‑395/04, EU:C:2005:734, punti 23 sa 29), tal-25 ta’ Marzu 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (C‑79/09, mhux ippubblikata, EU:C:2010:171, punt 51) tal-10 ta’ Ġunju 2010, Future Health Technologies (C‑86/09, EU:C:2010:334, punt 49).

( 27 ) Ara s-sentenza tat-2 ta’ Lulju 2015, De Fruytier (C‑334/14, EU:C:2015:437, punt 35). Pereżempju, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li laboratorju rregolat mid-dritt privat li jwettaq analiżi mediċi dijanjostiċi għandu jitqies li huwa stabbiliment “tal-istess natura” bħal “sptar[ijiet]” u “ċentri għat-trattament mediku jew dijanjosi” fis-sens tal-Artikolu 132(1)(b) tad-Direttiva dwar il-VAT, peress li din l-analiżi taqa’, fir-rigward tal-finalità terapewtika tagħha, taħt il-kunċett ta’ “kura medika” previst fl-imsemmija dispożizzjoni. Ara s-sentenzi tat-8 ta’ Ġunju 2006, L.u.p. (C‑106/05, EU:C:2006:380, punt 35), u tal-10 ta’ Ġunju 2010, CopyGene (C‑262/08, EU:C:2010:328, punt 60). Madankollu, entità, bħala persuna li taħdem għal rasha, li twettaq attività ta’ trasport ta’ organi umani u kampjuni ta’ oriġini umana għall-isptarijiet u laboratorji ma twettaqx l-istess tip ta’ funzjoni partikolari bħal dawk li jitwettqu minn stabbilimenti jew ċentri għat-trattament mediku jew dijanjosi li huma kkunsidrati rilevanti biex entità tiġi kkaratterizzata bħala “stabblimenti oħrajn ta’ natura simili” fis-sens tal-Artikolu 132(1)(b) tad-Direttiva dwar il-VAT. Sentenza tat-2 ta’ Lulju 2015, De Fruytier (C‑334/14, EU:C:2015:437, punt 36).

( 28 ) Dan il-ġbir ta’ riżorsi huwa dak li għandhom komuni bejniethom l-isptar, ċentru għal trattament mediku u ċentru għad-dijanjosi. Dan huwa wkoll dak li jiddistingwi ċentru għal kura tas-saħħa minn uffiċċju mediku jew paramediku, li s-servizzi tiegħu jistgħu wkoll ikunu eżentati, iżda abbażi tal-Artikolu 132(1)(ċ) tad-Direttiva dwar il-VAT.

( 29 ) Fis-sentenzi tat-23 ta’ Frar 1988, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (353/85, EU:C:1988:82, punt 32) u tas-6 ta’ Novembru 2003, Dornier (C‑45/01, EU:C:2003:595, punt 47) u tal-10 ta’ Ġunju 2010, CopyGene (C‑262/08, EU:C:2010:328, punt 58), il-Qorti tal-Ġustizzja kienet iddeċidiet inċidentalment, mingħajr ġustifikazzjoni, li l-eżenzjoni pprovduta f’dak li llum huwa l-Artikolu 132(1)(b) tad-Direttiva dwar il-VAT tikkonċerna servizzi pprovduti minn “stabbilimenti li għandhom għanijiet soċjali” għalkemm tali għanijiet ma humiex apparenti mill-formulazzjoni jew mill-għan li jirrigwarda biss il-kura medika. Huwa minnu li din id-dispożizzjoni tistabbilixxi rekwiżit ta’ “paragunabbiltà soċjali”, iżda dan jirrigwarda l-mod li bih jiġu pprovduti s-servizzi inkwistjoni u mhux l-għan korporattiv tal-istabbilimenti li jipprovduhom. Madankollu, ninnota li fil-ġurisprudenza reċenti tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja waqfet tirreferi għall-għan koporattiv soċjali li jrid ikollu l-istabbiliment inkwistjoni.

( 30 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2016, TMD (C‑412/15, EU:C:2016:738, punt 26) u l-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża Grup Servicii Petroliere (C‑291/18, EU:C:2019:302, punti 40 sa 51).

( 31 ) Ara, għal dan il-għan, is-sentenza tat-8 ta’ Ġunju 2006, L.u.p. (C‑106/05, EU:C:2006:380, punt 35).

( 32 ) Ara, f’dan is-sens, dwar il-kunċett ta’ ‘stabbilimenti oħrajn ta’ natura simili”, is-sentenza tat-8 ta’ Ġunju 2006, L.u.p. (C‑106/05, EU:C:2006:380, punt 41).

( 33 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tad-29 ta’ Ottubru 2015, Saudaçor (C‑174/14, EU:C:2015:733, punti 52 sa 54).

( 34 ) Sentenza tat-8 ta’ Ġunju 2006, L.u.p. (C‑106/05, EU:C:2006:380, punt 42), tas-6 ta’ Novembru 2003, Dornier (C‑45/01, EU:C:2003:595, punti 6481) u tal-10 ta’ Ġunju 2010, CopyGene (C‑262/08, EU:C:2010:328, punt 61 sa 63).

( 35 ) Ara, b’analoġija, l-Opinjoni 3/15, Marrakesh Treaty on access to published works, tal-14 ta’ Frar 2017 (EU:C:2017:114, punt 122).

( 36 ) Ara, b’analoġija, l-Opinjoni 3/15, Marrakesh Treaty on access to published works, tal-14 ta’ Frar 2017 (EU:C:2017:114, punt 124).

( 37 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tal-14 ta’ Mejju 2020, Orde van Vlaamse Balies and Ordre des barreaux francophones et germanophone (C‑667/18, EU:C:2020:372, punt 25).

( 38 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Ġunju 2010, CopyGene (C‑262/08, EU:C:2010:328, punt 74) u tal-10 ta’ Ġunju 2010, Future Health Technologies (C‑86/09, EU:C:2010:334, punt 34). Fiż-żewġ każijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja tidher li tiddeduċi mill-fatt li l-isptar kien amministrattivament awtorizzat iwettaq l-attivitajiet tiegħu, li huwa kien debitament rikonoxxut fis-sens tal-Artikolu 132(1)(b) tad-Direttiva dwar il-VAT.

( 39 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tal-11 ta’ Ġunju 1998, Fischer (C‑283/95, EU:C:1998:276, punt 21) u tas-17 ta’ Frar 2005, Linneweber and Akritidis (C‑453/02 u C‑462/02, EU:C:2005:92, punt 29).

( 40 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Ġunju 2010, Future Health Technologies (C-86/09, EU:C:2010:334, punt 38).

( 41 ) B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet minn din il-kundizzjoni li d-diskrezzjoni tal-Istati Membri f’dan ir-rigward kien limitat mill-bżonn li jiġi żgurat li l-eżenzjoni pprovduta minn din id-dispożizzjoni japplika biss għal servizzi li huma ta’ kwalità suffiċjenti. Ara s-sentenzi tat-18 ta’ Settembru 2019, Peters (C‑700/17, EU:C:2019:753, punt 34) u s-sentenza tal-5 ta’ Marzu 2020, X (Eżenzjoni mill-VAT għal konsultazzjonijiet telefoniċi) (C‑48/19, EU:C:2020:169, punt 42).

( 42 ) L-Artikolu 133(1)(ċ) tad-Direttiva dwar il-VAT diġà għandu bħala għan li jippermetti lill-Istati Membri li jrendu l-għoti tal-eżenzjoni pprovduta fl-Artikolu 132(1)(b) tagħha suġġett għall-kundizzjoni dwar ir-rekwiżit li l-korpi li ma humiex dawk irregolati mid-dritt pubbliku “għandhom iżommu prezzijiet approvati mill-awtoritajiet pubbliċi jew li ma jeċċedux it-tali prezzijiet approvati jew, fir-rigward ta’ dawk is-servizzi li m’humiex soġġetti għall-approvazzjoni, prezzijiet inqas minn dawk miżmuma għal servizzi simili minn impriżi kummerċjali soġġetti għall-VAT”. Peress li l-leġiżlatur tal-Unjoni ħa ħsieb jiddedika dispożizzjoni separata għall-mod li bih jitwettqu l-attivitajiet inkwistjoni, u llimita volontarjament din l-analiżi għall-kundizzjonijiet soċjali applikati, dan l-element ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni fil-qafas ta’ kriterju ta’ evalwazzjoni separata, mingħajr ma jiġi mċaħħad l-effett utli tal-ewwel kriterju.

( 43 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tal-1 ta’ Diċembru 2005, Ygeia (C‑394/04 u C‑395/04, EU:C:2005:734, punt 23).

( 44 ) Ara, f’dan is-sens, pereżempju, is-sentenza tat-8 ta’ Ottubru 2020, Finanzamt D (C‑657/19, EU:C:2020:811, punti 36 u 37) u s-sentenza tal-5 ta’ Marzu 2020, X (Eżenzjoni mill-VAT għal konsultazzjonijiet telefoniċi) (C‑48/19, EU:C:2020:169, punti 4142).

( 45 ) Ara s-sentenza tad-19 ta’ Novembru 2009, Sturgeon et (C‑402/07 u C‑432/07, EU:C:2009:716, punt 47).

( 46 ) Ara s-sentenza tas-7 ta’ Marzu 2017, RPO (C‑390/15, EU:C:2017:174, punti 4142).

( 47 ) Ara s-sentenza tas-7 ta’ Marzu 2017, RPO (C-390/15, EU:C:2017:174, punti 52 u 53).

( 48 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2002, Kügler (C‑141/00, EU:C:2002:473, punt 30).

( 49 ) Sentenza tas-6 ta’ Novembru 2003, Dornier (C‑45/01, EU:C:2003:595).

( 50 ) Ara l-punti 72 u 73 tas-sentenza Dornier. Anki l-punt 65 tas-sentenza tal-10 ta’ Ġunju 2010, CopyGene (C‑262/08, EU:C:2010:328) jiena nifhmu f’dan is-sens. Huwa minnu li fil-punt 75 ġie awtorizzat mill-awtoritajiet tas-saħħa kompetenti biex juża ċelloli staminali tal-kurdun ma jistax, fih innifsu u b’mod awtomatiku, iwassal għal rikonoxximent mill-perspettiva tal-Artikolu 132(1)(b) tad-Direttiva dwar il-VAT. Madankollu, l-użu ta’ ċelloli staminali, anki meta ċ-ċelloli jkunu intiżi għal applikazzjonijiet fil-bniedem, jistgħu jkollhom skopijiet differenti mill-kura medika jew dijanjosi, bħalma hija r-riċerka. Għaldaqstant, kif ikkonstatat il-Qorti tal-Ġustizzja, dan il-fattur “juri li [l-istabbiliment j]eżerċita attivitajiet mediċi relatati mal-kura fl-isptar u mal-kura medika. Tali awtorizzazzjoni tista’ tikkostitwixxi fattur li jimmilita favur il-fatt li [din l-entità] ikun, skont il-każ, “[debitament] rikonoxxut” fis-sens tal-Artikolu [132(1)(b) tad-Direttiva dwar il-VAT]”, mingħajr madankollu, ma jwassal, minnu nnifsu u b’mod awtomatiku, għal rikonoxximent li dan l-istabbiliment kien debitament rikonoxxut fl-Istat Membru inkwistjoni bħala li huwa sptar, ċentri għat-trattament mediku, ċentru għad-dijanjosi jew stabbiliment ta’ natura simili.

( 51 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Ġunju 2010, CopyGene (C‑262/08, EU:C:2010:328, punt 71): “[il-fatt li l-awtoritajiet nazzjonali huma intitolati jieħdu inkunsiderazzjoni li l-attivitajiet ta’ stabbiliment ma rċevew ebda appoġġ minn u ma humiex koperti mill-iskema ta’ sigurtà soċjali pubblika] ma jfissrux li l-eżenzjoni […] għandha sistematikament tiġi eskluża meta l-provvisti ta’ servizzi ma jiġux irrimborsati mill-awtoritajiet tas-sigurtà soċjali”.

( 52 ) Dan huwa suġġett impliċitament għall-kundizzjoni, biex dan l-element ikollu valur probatorju mill-perspettiva tal-loġika formali, li n-natura debitament awtorizzata tal-istabbiliment hija rekwiżit biex is-servizzi pprovduti jkunu koperti mill-iskemi ta’ assigurazzjoni għas-saħħa.

( 53 ) Enfasi miżjud.

( 54 ) Ninnota li, f’diversi okkażjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet aġġustamenti li jirrigwardaw il-ġurisprudenza tagħha dwar l-interpretazzjoni tal-eżenzjoni pprovduta fl-Artikolu 132(1)(b) kurrenti tad-Direttiva dwar il-VAT. Ara, għal eżempju ta’ sentenza li taqleb soluzzjoni preċedenti, is-sentenza tas-7 ta’ Settembru 1999, Gregg (C‑216/97, EU:C:1999:390, punt 15) jew, għal sentenza li terġa’ tinterpreta sentenza preċedenti b’mod mhux litterali sabiex tiddistingwi sentenza preċedenti, is-sentenza tat-18 ta’ Settembru 2019, Peters (C‑700/17, EU:C:2019:753, punt 35).

( 55 ) Għandu jiġi nnotat li din il-kundizzjoni ma kinitx inkluża fil-proposta oriġinali tal-Kummissjoni għas-Sitt Direttiva tal-Kunsill fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (Nru C 80/1). Ara l-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Sharpston fil-kawża CopyGene (C‑262/08, EU:C:2009:541, punt 82).

( 56 ) Sentenza tad-9 ta’ Ġunju 2016, Wolfgang und Dr. Wilfried Rey Grundstücksgemeinschaft GbR (C‑332/14, EU:C:2016:417, punt 49).

( 57 ) F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja nnotat fil-punt 24 tas-sentenza tal-5 ta’ Marzu 2020, Idealmed III (C‑211/18, EU:C:2020:168) li din id-“dispożizzjoni ma tiddefinixxix preċiżament l-aspetti tas-servizzi ta’ kura kkonċernati li għandhom jiġu pparagunati għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-applikabbiltà tagħha”. Madankollu, din ma għandhiex tiġi interpretata b’mod restrittiv wisq. Mill-formulazzjoni tal-Artikolu 132(1)(b) tad-Direttiva dwar il-VAT huwa ċar, fil-fatt, li dak li għandu jkun “soċjalment komparabbli” huma l-kundizzjonijiet li taħthom jiġu pprovduti s-servizzi eliġibbli għall-eżenzjoni u mhux biss, kif jista’ jidher minn dak il-paragrafu, il-kontenut ta’ dawk is-servizzi.

( 58 ) Sentenza tal-5 ta’ Marzu 2020, Idealmed III (C‑211/18, EU:C:2020:168, punt 28).

( 59 ) Sentenza tal-5 ta’ Marzu 2020, Idealmed III (C‑211/18, EU:C:2020:168, punt 31). F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja nnotat li l-arranġamenti “huma rilevanti” iżda ma speċifikatx taħt liema kundizzjonijiet u lanqas il-konsegwenzi li dan ikollu fuq l-analiżi.

( 60 ) Dawn l-obbligi huma, għaldaqstant, impliċitament marbutin mal-fatt li s-servizzi inkwistjoni jifformaw parti minn servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali msemmi fl-Artikolu 106 TFUE. Fil-fatt, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 132(1) tad-Direttiva dwar il-VAT huma intiżi li jeżentaw ċerti attivitajiet minħabba li huma fl-interess ġenerali. Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Marzu 2020, Idealmed III (C‑211/18, EU:C:2020:168, punt 26) u fuq il-fatt li s-servizzi pprovduti minn sptar, ċentru għall-kura tas-saħħa jew ċentru djanjostiku jaqgħu taħt servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali, is-sentenzi tal-25 ta’ Ottubru 2001, Ambulanz Glöckner (C‑475/99, EU:C:2001:577, punt 55), u tat-12 ta’ Lulju 2001, Vanbraekel et (C‑368/98, EU:C:2001:400, punt 48).

( 61 ) Madankollu, peress li l-Artikolu 132(1)(b) tad-Direttiva dwar il-VAT jirreferi għal kwalunkwe kundizzjoni soċjali, sabiex jiġi stabbilit jekk ir-rekwiżit impost mill-Istat Membru biex tkun eżentata attività għal dan il-għan huwiex kompatibbli ma; din id-dispożizzjoni, għandu jittieħed kont mhux biss tal-obbligi applikabbli speċifikament għal servizzi simili pprovduti minn korp pubbliku, imma wkoll ta’ obbligi li b’mod iktar ġenerali jaqgħu fuq l-istabbilimenti pubbliċi li jwettqu tali attivitajiet inkwantu tali obbligi huma ta’ natura soċjali. Jekk – biex nieħu eżempju kontemporanju – l-isptarijiet pubbliċi kollha li jwettqu attivitajiet speċifiċi jkunu meħtieġa, bil-liġi, li jirriżervaw ċertu numru ta’ sodod għal pazjenti morda bil-COVID-19, indipendentement mid-dipartiment mediku involut, allura dan l-istess obbligu – li huwa min-natura tiegħu soċjali – ikollu jiġi osservat minn kwalunkwe sptar privat li japplika biex l-attività tiegħu tkun eżentata. Ovvjament, f’dan l-eżempju, jekk l-obbligu tal-COVID‑19 ma estendiex, pereżempju, għall-isptarijiet newroloġiċi pubbliċi jew għad-dipartiment newroloġiku ta’ sptar ġenerali, il-fatt li sptarijiet newroloġiċi privati jew id-dipartiment newroloġiku ta’ sptar ġenerali ma rriżervax ċerta numru ta’ sodod għal tali pazjenti ma jistax jintuża kontrih għall-finijiet tal-eżenzjoni tal-Artikolu 132(1)(b) biex jiġi miċħud lilu l-benefiċċju tal-eżenzjoni mill-VAT għal attivitajiet imwettqa minn dan l-isptar jew mid-dipartiment tiegħu.

( 62 ) L-għan ta’ dan huwa, fil-fehma tiegħi, impliċitament li ma jkunux affettwati organizzazzjonijiet privati li, fost l-oħrajn, adottaw modi ta’ organizzazzjoni jew protokolli mediċi differenti u, għaldaqstant, biex tiġi inkoraġġuta l-kompetizzjoni ġusta, jiġifieri bbażata fuq il-mertu.

( 63 ) Fil-fatt, huwa biss b’riferiment għal tali kundizzjonijiet li sptar privat ikun jista’ jivverifika li l-kundizzjonijiet imposti fuqu huma fil-fatt paragunabbli għal dawk imposti fuq sptar pubbliku. Kieku, min-naħa l-oħra, dan it-terminu kellu jiġi interpretat bħala li jirreferi sempliċiment għall-kundizzjonijiet fattwali li taħthom il-korpi pubbliċi jwettqu l-attivitajiet tagħhom jew il-prattiki diversi li huma jsegwu, il-kompatibbiltà tal-kundizzjonijiet li korpi privati huma mitluba jissodisfaw tkun diffiċli ferm li tiġi evalwata, peress li dan ikun jeħtieġ l-eżaminazzjoni tas-sitwazzjoni ta’ potenzjalment eluf ta’ sptarijiet oħra fl-Istat Membru inkwistjoni.

( 64 ) Ara s-sentenza tal-10 ta’ Diċembru 2020, Golfclub Schloss Igling (C‑488/18, EU:C:2020:1013, punti 3033).

( 65 ) B’mod partikolari, ma naħsibx li, minħabba li l-kwistjoni hija kkumplikata, din għandha titħalla għad-diskrezzjoni tal-Istati Membri.

( 66 ) Fil-prattika, ma huwiex rari wkoll li sptarijiet pubbliċi jitħallew jikkuraw persuni li ma humiex koperti b’fondi ta’ assigurazzjoni għas-saħħa, sakemm dawn ikunu jistgħu jħallsu l-ispiża.

( 67 ) Sentenza tal-5 ta’ Marzu 2020, Idealmed III (C-211/18, EU:C:2020:168, punt 21).

( 68 ) Enfasi miżjud. Għaldaqstant, huwa ċar li l-eżenzjoni tapplika għal każ b’każ ta’ servizz iktar milli b’riferiment għall-istituzzjoni globali.

( 69 ) Bħala eżempju, immaġina li Stat Membru jimponi żewġ obbligi soċjali fuq l-isptarijiet pubbliċi, li l-ewwel waħda minnhom tirrigwarda l-osservanza ta’ ċerti drittijiet rikonoxxuti lill-pazjenti (pereżempju id-dritt għal aċċess sħiħ għall-fajl mediku tagħhom u biex jaraw li dan jiġi ttrasferit, id-dritt li jkunu akkumpanjati, eċċ) u t-tieni waħda tikkonsisti filli jiġu rriżervati 20 % mis-sodod tal-isptar għall-pazjenti bil-COVID‑19. Dak l-Istat Membru ma setax jippermetti li l-isptarijiet privati setgħu jibbenefikaw mill-eżenzjoni mill-VAT għall-attivitajiet kollha tagħhom jekk huma biss 40 % minnhom li ssodisfaw dawn iż-żewġ kundizzjonijiet, peress li dan ikun ifisser, fir-rigward tal-ewwel kundizzjoni, li potenzjalment 60 % tas-servizzi huma eżentati anki jekk huma ma rrispettawx dawk id-drittijiet mogħtija lill-pazjenti. Madankollu, l-Istat Membru jkun intitolat jeżiġi, bħala kundizzjoni soċjali waħda fost l-oħrajn, li l-isptarijiet privati jirriżervaw ukoll 20 % mis-sodod tagħhom għall-pazjenti bil-COVID‑19, anki jekk din il-kundizzjoni tiddependi fuq l-isptar li jipprovdi s-servizzi inkwistjoni u ma humiex direttament fuq in-natura ta’ dawn is-servizzi.

( 70 ) L-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju tindika li l-leġiżlazzjoni nazzjonali ma teżiġix li biex ikun awtorizzat iwettaq attivitajiet ta’ sptar mhux universitarju, korp privat irid neċessarjament ikun f’waħda mill-erba’ sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4(14)(b) tal-UStG moqri flimkien mal-Artikolu 108 tas-SGB V. Pjuttost, dawk l-erba’ sitwazzjonijiet jidhru li aktarx iqumu biss ladarba l-istabbiliment jiġi debitament awtorizzat iwettaq tali attivitajiet.

( 71 ) Ara, pereżempju, l-Artikolu 109(2) SGB V.

( 72 ) Enfasi miżjud.

( 73 ) Għaldaqstant, l-osservanza ta’ din il-kundizzjoni ma tiddependix fuq fatturi li jkunu jmorru lil hinn mill-kontroll tal-isptar pubbliku jew privat, bħalma huma r-regoli tar-rimbors implimentati mill-organizzazzjonijiet tas-sigurtà soċjali.

( 74 ) Kif jirriżulta ċar mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, din il-kundizzjoni għandha tiġi evalwata fir-rigward ta’ kull attività mwettqa mill-istabbiliment inkwistjoni.

( 75 ) Ara, Berlin, D., La Directive TVA 2006/112, Bruylant, Brussell, 2020, p. 538.

( 76 ) F’dan ir-rigward, nixtieq nenfasizza, biex neskludi kull fraintendiment, li l-kwistjoni tal-modalitajiet tar-rimbors ta’ servizz mediku min-naħa tal-fond ta’ assigurazzjoni għas-saħħa, anki meta dawn il-modalitajiet huma stabbiliti mil-liġi, ma għandha x’taqsam xejn mal-kontroll fuq il-prezzijiet. Effettivament, il-fatt li huma biss ċerti servizzi ta’ kura li huma pprovduti b’ċerta prezz li ma humiex koperti, ma jfissirx li l-istituzzjonijiet mediċi huma obbligati jżommu dawk is-servizzi b’dak il-prezz. L-istituzzjonijiet jibqgħu liberi jiffatturaw ir-rati li jixtiequ.

( 77 ) Din l-interpretazzjoni litterali tal-Artikolu 133 tad-Direttiva dwar il-VAT hija kkonfermata mill-bżonn li kull dispożizzjoni tal-Unjoni tiġi interpretata b’mod li huwa konsistenti mal-prinċipji ġenerali tad-dritt, li jinkludu l-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament, kif ukoll l-għan imfittex mill-Artikolu 133 tad-Direttiva dwar il-VAT, li jidher li huwa, primarjament, li jippermetti lill-Istati Membri jimponu kundizzjonijiet addizzjonali sabiex jiżguraw li jkunu l-korpi privati biss li joperaw taħt l-istess limitazzjonijiet bħal dawk imposti fuq l-isptarijiet pubbliċi li jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-eżenzjoni.

( 78 ) Huwa minnu li jekk ikun hemm kundizzjonijiet soċjali sinjifikattivi oħra li l-isptarijiet pubbliċi jkunu obbligati jissodisfaw meta jipprovdi l-istess servizz, il-leġiżlazzjoni nazzjonali tkun tmur ukoll kontra d-dritt tal-Unjoni inkwantu ma tkunx eżiġiet li l-isptarijiet privati jissodisfaw kundizzjonijiet soċjali komparabbli sabiex jibbenefikaw mill-eżenzjoni mill-VAT ipprovduta fl-Artikolu 132(1)(b) tad-Direttiva dwar il-VAT. Madankollu, dawn il-kundizzjonijiet soċjali l-oħrajn ma jkunux inforzabbli kontra l-applikant peress li fin-nuqqas ta’ traspożizzjoni tajba fid-dritt nazzjonali, direttiva ma tistax, minnha nfisha, timponi obbligi fuq individwi. Ara, pereżempju, is-sentenza tal-5 ta’ Marzu 2002, Axa Royale Belge (C‑386/00, EU:C:2002:136, punt 18) u l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Tribunal Económico Administrativo Regional de Galicia (C‑521/19, EU:C:2021:176, punt 21).