KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOBEK

ippreżentati fit‑2 ta’ Settembru 2021 ( 1 )

Kawża C‑175/20

SIA “SS”

vs

Valsts ieņēmumu dienests

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Administratīvā apgabaltiesa (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali, il-Latvja)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data – Bażi legali għall-ipproċessar – Obbligu fid-dritt nazzjonali għall-fornituri ta’ servizzi ta’ reklamar fuq l-internet li jipprovdu, meta mitluba mill-amministrazzjonijiet fiskali biex jagħmlu dan, kwalunkwe informazzjoni li jista’ jkollhom dwar persuni taxxabbli li kienu użaw dawn is-servizzi – Talbiet għal informazzjoni indirizzati mill-amministrazzjoni fiskali lill-fornitur tas-servizz – Kamp ta’ applikazzjoni – Limitazzjonijiet ratione materiae u ratione temporis riżultanti mir-RĠPD”

I. Introduzzjoni

1.

Ir-Regolament (UE) 2016/679 (iktar ’il quddiem ir-“RĠPD”) ( 2 ) ma huwiex leġiżlazzjoni limitata. Il-kamp ta’ applikazzjoni wiesa’ tiegħu, l-iżvujtar ġudizzjarju effettiv ta’ kwalunkwe eċċezzjoni għalih ( 3 ), kif ukoll l-approċċ tal-interpretazzjoni tiegħu bbażat fuq definizzjonijiet, astratt u b’konsegwenza pjuttost ġenerali ( 4 ), ilkoll ikkontribwixxew sabiex jagħmlu l-portata tar-RĠPD prattikament bla limitu. Fil-fatt, b’dan l-approċċ, huwa pjuttost diffiċli llum sabiex tinstab sitwazzjoni fejn persuna ma tkunx qiegħda tipproċessa xi data personali xi mkien f’xi punt.

2.

Dan l-approċċ, marbut u bbażat fuq l-elevazzjoni tal-protezzjoni tad-data personali skont l-Artikolu 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għal (super-)dritt fundamentali li huwa superjuri għalkollox, xorta waħda jwassal għal effetti ċentripetali distinti li l-protezzjoni tad-data personali bdiet teżerċita fuq oqsma oħra tad-dritt u tilwim li jirriżulta fihom. Numru ta’ kawżi bdew f’salt wieħed jiġu ppreżentati bħala kwistjonijiet ta’ protezzjoni tad-data personali u mressqa quddiem (mhux biss) il-Qorti tal-Ġustizzja bħala kwistjoni ta’ interpretazzjoni tar-RĠPD. Madankollu, il-kwistjonijiet speċifiċi mqajma f’dawn it-tilwimiet, ġieli, ma jkunux dawk li wieħed jistenna li jkunu rregolati minn leġiżlazzjoni bħar-RĠPD, minkejja l-kamp ta’ applikazzjoni pjuttost ġenerali tiegħu.

3.

Fil-fatt, ftit kienu li x’aktarx ikkunsidraw, minn qabel, li r-RĠPD jew il-predeċessur tiegħu, id-Direttiva 95/46/KE ( 5 ), setgħu jitqiesu li jirregolaw l-aċċess tal-kontabilisti prattikanti għall-kopji tal-eżamijiet tagħhom, possibbilment flimkien mad-dritt ta’ korrezzjoni ta’ din id-data personali wara li jkun sar l-eżami ( 6 ); jew li jipprekludu l-identifikazzjoni mill-pulizija ta’ individwu li jkun parti f’inċident tat-traffiku b’tali mod li l-parti leża ma tkunx tista’ tressaq kawża quddiem qorti ċivili għall-kumpens għad-dannu kkawżat lill-vettura tagħha ( 7 ); jew bħala li jillimitaw l-iżvelar ta’ informazzjoni dwar it-taxxi mħallsa preċedentement minn kumpannija falluta lil-likwidatur ta’ din il-kumpannija sabiex tiġi stabbilita mill-ġdid l-ugwaljanza bejn il-kredituri rregolati mid-dritt privat u l-kredituri rregolati mid-dritt pubbliku fil-kuntest ta’ pretensjonijiet għall-evitar tal-insolvenza ( 8 ) biex insemmi biss ftit mill-eżempji l-iktar interessanti.

4.

Din il-kawża hija eżempju ieħor ta’ dawn l-effetti ċentripetali tar-RĠPD. SIA “SS” hija fornitur ta’ servizzi ta’ reklamar diġitali. Fil-kuntest ta’ din l-attività kummerċjali, hija tikseb id-data personali ta’ persuni li jqiegħdu reklami fuq is-sit internet tagħha. L-amministrazzjoni fiskali nazzjonali kompetenti talbet lil din l-impriża sabiex tgħaddilha ċertu ammont ta’ data relatata ma’ reklami għal karozzi użati ppubblikati fuq dan is-sit internet sabiex jiġi żgurat li t-taxxi fuq il-bejgħ tal-karozzi jinġabru b’mod xieraq. Din l-amministrazzjoni fiskali stabbilixxiet b’mod iddettaljat il-format tad-data li tixtieq tirċievi. Bl-istess mod din għamlet ċar li dawn it-trasferimenti ta’ data suppost ikunu permanenti u apparentament mingħajr ebda kumpens finanzjarju.

5.

F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kamp ta’ applikazzjoni ammissibbli ta’ tali talbiet għat-trasferiment tad-data. Bħal f’kawżi preċedenti, jidher li r-RĠPD huwa applikabbli f’din il-kawża. Id-data personali hija jew sejra tiġi pproċessata xi mkien minn xi ħadd, żgur iktar ’il quddiem fl-eżekuzzjoni tat-trasferiment. Id-drittijiet tal-persuni kkonċernati fi ħdan dan l-ipproċessar għandhom jiġu protetti, u hekk ukoll id-data personali involuta. Madankollu, dan ma jfissirx li r-RĠPD speċifikament jirregola r-relazzjoni bejn kontrollur futur (awtorità pubblika) u kontrollur preżenti (impriża privata). Fil-fatt, ir-RĠPD isegwi u jipproteġi d-data kull fejn tmur, u hekk jirregola l-obbligi ta’ kwalunkwe kontrollur suċċessiv vis-à-vis id-data u fil-konfront tal-persuni kkonċernati. Bil-maqlub, ir-RĠPD ma jirregolax, ħlief għal xi ftit eċċezzjonijiet espliċiti, id-dettalji konkreti tar-relazzjoni reċiproka bejn żewġ kontrolluri suċċessivi ta’ din id-data. B’mod partikolari, ir-RĠPD ma jipprevedix modalitajiet preċiżi tal-arranġament bejn il-kontrolluri, kemm jekk ta’ oriġini kuntrattwali jew irregolati mid-dritt pubbliku, li skonthom persuna tista’ titlob u tikseb id-data minn wieħed ieħor.

II. Il-kuntest ġuridiku

A.   Id-dritt tal-Unjoni

6.

Il-premessa 31 tar-RĠPD taqra kif ġej:

“L-awtoritajiet pubbliċi li lilhom tiġi żvelata data personali f’konformità ma’ obbligu legali għall-eżerċizzju tal-missjoni uffiċjali tagħhom, bħall-awtoritajiet tat-taxxa u doganali, l-unitajiet ta’ investigazzjoni finanzjarja, l-awtoritajiet amministrattivi indipendenti, jew l-awtoritajiet tas-swieq finanzjarji, responsabbli mir-regolazzjoni u s-superviżjoni tas-swieq tat-titoli ma għandhomx jitqiesu bħala destinatarji jekk jirċievu data personali li tkun meħtieġa biex issir inkjesta partikolari fl-interess ġenerali, f’konformità mal-liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru. It-talbiet għal żvelar li jintbagħtu mill-awtoritajiet pubbliċi għandhom dejjem ikunu bil-miktub, motivati u okkażjonali u m’għandhomx jikkonċernaw sistema sħiħa ta’ arkivjar jew iwasslu għall-interkonnessjoni ta’ sistemi ta’ arkivjar. L-ipproċessar ta’ data personali minn dawk l-awtoritajiet pubbliċi għandu jikkonforma mar-regoli applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data skont l-għanijiet tal-ipproċessar.”

7.

Il-premessa 45 tar-RĠPD hija fformulata kif ġej:

“Fejn l-ipproċessar jitwettaq f’konformità ma’ obbligu legali li għalih ikun soġġett il-kontrollur jew fejn l-ipproċessar ikun meħtieġ għat-twettiq ta’ kompitu li jsir fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju ta’ awtorità uffiċjali, l-ipproċessar għandu jkollu bażi fil-liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru. Dan ir-Regolament ma jirrikjedix liġi speċifika għal kull ipproċessar individwali. Tista’ tkun biżżejjed liġi li sservi ta’ bażi għal diversi operazzjonijiet ta’ pproċessar ibbażata fuq obbligu legali li huwa soġġett għalih il-kontrollur jew fejn l-ipproċessar huwa meħtieġ għat-twettiq ta’ kompitu li jsir fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju ta’ awtorità uffiċjali. Għandha tkun ukoll il-liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru li tiddetermina l-fini tal-ipproċessar. Barra minn hekk, dik il-liġi tista’ tispeċifika l-kondizzjonijiet ġenerali ta’ dan ir-Regolament li jirregola l-legalità tal-ipproċessar ta’ data personali, tistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet biex jiġu ddeterminati l-kontrollur, it-tip ta’ data soġġetta għall-ipproċessar, is-suġġetti tad-data kkonċernati, l-entitajiet li lilhom tista’ tiġi żvelata d-data personali, il-limitazzjonijiet tal-fini, il-perijodu tal-ħażna u miżuri oħra li jiżguraw ipproċessar legali u ġust. Għandha wkoll tkun il-liġi tal-Unjoni jew il-liġi nazzjonali li tistabbilixxi jekk il-kontrollur li jwettaq il-kompitu fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju ta’ awtorità uffiċjali għandux ikun awtorità pubblika jew xi persuna fiżika jew ġuridika oħra regolata bil-liġi pubblika, jew, fejn ikun fl-interess pubbliku li jsir hekk, inkluż għal skopijiet ta’ saħħa bħas-saħħa pubblika u l-protezzjoni soċjali u l-ġestjoni tas-servizzi tal-kura tas-saħħa, bil-liġi privata, bħal assoċjazzjoni professjonali.”

8.

L-Artikolu 2 jistabbilixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tar-RĠPD:

“1.   Dan ir-Regolament japplika għall-ipproċessar ta’ data personali kompletament jew parzjalment b’mezzi awtomatizzati, u għall-ipproċessar għajr b’mezzi awtomatizzati ta’ data personali li tifforma parti minn sistema ta’ arkivjar jew li tkun maħsuba sabiex tifforma parti minn sistema ta’ arkivjar.

2.   Dan ir-Regolament ma japplikax għall-ipproċessar ta’ data personali:

(a)

matul attività li ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni;

[…]

(d)

mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, investigazzjoni, sejbien jew prosekuzzjoni ta’ reati kriminali, jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, inkluż is-salvagwardji kontra u l-prevenzjoni ta’ theddid għas-sigurtà pubblika.

[…]”

9.

L-Artikolu 4 jinkludi definizzjonijiet tal-għanijiet tar-RĠPD:

“(1)   ‘data personali’ tfisser kwalunkwe informazzjoni relatata ma’ persuna fiżika identifikata jew identifikabbli (‘suġġett tad-data’); […]

(2)   ‘ipproċessar’ tfisser kwalunkwe attività jew sett ta’ attivitajiet li jitwettqu fuq data personali jew fuq settijiet ta’ data personali, sew jekk b’mezzi awtomatizzati u sew jekk mingħajrhom, bħalma huma l-ġbir, ir-reġistrazzjoni, l-organizzazzjoni, l-istrutturar, il-ħażna, l-adattament jew il-bidliet, l-irkupru, il-konsultazzjoni, l-użu, l-iżvelar bi trażmissjoni, it-tixrid jew it-tqegħid għad-dispożizzjoni b’xi mezz ieħor, l-allinjament jew it-taħlita, ir-restrizzjoni, it-tħassir jew il-qerda;

[…]

(7)   ‘kontrollur’ tfisser persuna fiżika jew ġuridika, awtorità pubblika, aġenzija jew kwalunkwe korp ieħor li, waħdu jew flimkien ma’ oħrajn, jiddetermina l-għanijiet u l-mezzi tal-ipproċessar ta’ data personali; fejn l-għanijiet u l-mezzi tal-ipproċessar ikunu ddeterminati mil-liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru, il-kontrollur jew il-kriterji speċifiċi għall-ħatra tiegħu jistgħu jiġu determinati mil-liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru;

(8)   ‘proċessur’ tfisser persuna fiżika jew ġuridika, awtorità pubblika, aġenzija jew korp ieħor li jipproċessa data personali f’isem il-kontrollur;

(9)   ‘riċevitur’ tfisser persuna fiżika jew ġuridika, awtorità pubblika, aġenzija jew korp ieħor, li lilha tiġi żvelata d-data personali, irrispettivament milli huwiex parti terza jew le. Madankollu, l-awtoritajiet pubbliċi li jistgħu jirċievu data personali fil-qafas ta’ inkjesta partikolari f’konformità mal-liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru m’għandhomx jitqiesu bħala riċevituri; l-ipproċessar ta’ dik id-data minn dawk l-awtoritajiet pubbliċi għandu jkun f’konformità mar-regoli ta’ protezzjoni tad-data applikabbli skont il-finijiet tal-ipproċessar;

[…]”

10.

L-Artikolu 5 tar-RĠPD jistabbilixxi l-prinċipji relatati mal-ipproċessar tad-data personali:

“1.   Id-data personali għandha:

(a)

tkun ipproċessata legalment, ġustament u b’mod trasparenti fir-rigward tas-suġġett tad-data (‘legalità, ġustizzja u trasparenza’);

(b)

tinġabar għal finijiet speċifikati, espliċiti u leġittimi u ma għandhiex tiġi pproċessata ulterjorment b’mod inkompatibbli ma’ dawk il-finijiet; f’konformità mal-Artikolu 89(1), l-ipproċessar ulterjuri għal finijiet ta’ arkivjar fl-interess pubbliku, għal finijiet ta’ riċerka xjentifika jew storika jew għal finijiet ta’ statistika ma għandux jitqies bħala inkompatibbli mal-finijiet inizjali (‘limitazzjoni tal-fini’);

(c)

tkun adegwata, rilevanti, u limitata għal dak li hu meħtieġ b’rabta mal-finijiet li għalihom tkun qed tiġi pproċessata (‘minimizzazzjoni tad-data’);

(d)

tkun preċiża u, fejn meħtieġ, tinżamm aġġornata; għandu jsir dak kollu raġonevoli biex ikun żgurat li d-data personali li ma tkunx eżatta, b’kont meħud tal-għanijiet li għalihom tiġi pproċessata, titħassar jew tissewwa mingħajr dewmien (‘preċiżjoni’);

(e)

tinżamm f’forma li tippermetti l-identifikazzjoni tas-suġġetti tad-data għal mhux aktar żmien milli jkun meħtieġ għall-finijiet li għalihom id-data personali tkun qed tiġi pproċessata; id-data personali tista’ tinħażen għal perijodi itwal sakemm id-data personali tiġi pproċessata biss għall-finijiet ta’ arkivjar fl-interess pubbliku, għall-finijiet ta’ riċerka xjentifika jew storika jew għall-finijiet ta’ statistika f’konformità mal-Artikolu 89(1) soġġett għall-implimentazzjoni tal-miżuri tekniċi u organizzattivi adatti meħtieġa minn dan ir-Regolament sabiex jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġett tad-data (‘limitazzjoni tal-ħażna’);

(f)

tiġi pproċessata b’mod li jiżgura sigurtà xierqa tad-data personali, inkluża l-protezzjoni mill-ipproċessar mhux awtorizzat jew illegali u kontra t-telf, il-qerda jew il-ħsara aċċidentali, bl-użu ta’ miżuri tekniċi jew organizzattivi xierqa (‘integrità u kunfidenzjalità’).

2.   Il-kontrollur għandu jkun responsabbli għall-konformità mal-paragrafu 1 u jkun kapaċi juriha (‘responsabbiltà’).”

11.

Skont l-Artikolu 6 tar-RĠPD:

“1.   L-ipproċessar għandu jkun legali biss jekk u safejn mill-inqas ikun japplika wieħed mill-punti li ġejjin:

[…]

(c)

l-ipproċessar ikun meħtieġ għall-konformità ma’ obbligu legali li għalih huwa soġġett il-kontrollur;

[…]

(e)

l-ipproċessar ikun meħtieġ għat-twettiq ta’ kompitu li jsir fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju ta’ awtorità uffiċjali mogħtija lill-kontrollur;

[…]

2.   L-Istati Membri jistgħu jżommu jew jintroduċu dispożizzjonijiet aktar speċifiċi biex jadattaw l-applikazzjoni tar-regoli ta’ dan ir-Regolament fir-rigward ta’ pproċessar għal konformità mal-punti (c) u (e) tal-paragrafu 1 billi jiddeterminaw b’mod aktar preċiż rekwiżiti speċifiċi għall-ipproċessar u miżuri oħrajn biex jiġi żgurat ipproċessar legali u ġust inkluż għal sitwazzjonijiet speċifiċi oħrajn ta’ pproċessar kif previst fil-Kapitolu IX.

3.   Il-bażi għall-ipproċessar imsemmi fil-punti (c) u (e) tal-paragrafu 1 għandha tkun stipulata minn:

(a)

il-liġi tal-Unjoni, jew

(b)

il-liġi tal-Istat Membru li għaliha huwa soġġett il-kontrollur.

Il-fini tal-ipproċessar għandu jkun iddeterminat fdik il-bażi legali jew, fir-rigward tal-ipproċessar imsemmi fil-punt (e) tal-paragrafu 1, għandu jkun meħtieġ għat-twettiq ta’ kompitu li jsir fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju tal-atorità uffiċjali mogħtija lill-kontrollur. Dik il-bażi legali jista’ jkun fiha dispożizzjonijiet speċifiċi biex tiġi adattata l-applikazzjoni ta’ regoli ta’ dan ir-Regolament, inklużi l-kondizzjonijiet ġenerali li jirregolaw il-legalità tal-ipproċessar mill-kontrollur; it-tipi ta’ data li huma soġġetti għall-ipproċessar; is-suġġetti tad-data kkonċernati; l-entitajiet li lilhom, jew li għalihom, tista’ tiġi żvelata d-data personali; il-limitazzjoni tal-fini; il-perijodi tal-ħażna u attivitajiet ta’ pproċessar u proċeduri ta’ pproċessar, inklużi miżuri li jiżguraw ipproċessar legali u ġust bħal dawk għal sitwazzjonijiet speċifiċi oħrajn ta’ pproċessar kif previst fil-Kapitolu IX. Il-liġi tal-Unjoni jew il-liġi tal-Istat Membru għandha tissodisfa l-objettiv ta’ interess pubbliku u tkun proporzjonata mal-għan leġittimu mfittex.”

12.

Il-Kapitolu III, intitolat “Drittijiet tas-suġġett tad-data”, jistabbilixxi fl-Artikoli 12 sa 22 id-drittijiet u l-obbligi korrispondenti tal-kontrolluri. L-Artikolu 23 tar-RĠPD jagħlaq dan il-kapitolu. Huwa intiolat “Restrizzjonijiet” u jipprevedi li:

“1.   Il-liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru li għaliha jkun soġġett il-kontrollur jew il-proċessur tad-data tista’ tirrestrinġi permezz ta’ miżura leġiżlattiva l-kamp ta’ applikazzjoni tal-obbligi u d-drittijiet previsti fl-Artikoli 12 sa 22 u l-Artikolu 34, kif ukoll l-Artikolu 5 sakemm id-dispożizzjonijiet tiegħu jikkorrispondu mad-drittijiet u l-obbligi previsti fl-Artikoli 12 sa 22, meta tali restrizzjoni tirrispetta l-essenza tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali u hija miżura meħtieġa u proporzjonata f’soċjetà demokratika għas-salvagwardja ta’:

[…]

(e)

objettivi importanti oħrajn ta’ interess pubbliku ġenerali tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru, b’mod partikolari interess ekonomiku jew finanzjarju importanti tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru, inkluż, kwistjonijiet monetarji, baġitarji u fiskali, is-saħħa pubblika u s-sigurtà soċjali;

[…]

2.   B’mod partikolari, kull miżura leġiżlattiva msemmija fil-paragrafu 1 għandu jkun fiha dispożizzjonijiet speċifiċi tal-inqas, fejn rilevanti, dwar:

(a)

il-finijiet tal-ipproċessar jew il-kategoriji tal-ipproċessar,

(b)

il-kategoriji ta’ data personali,

(c)

l-ambitu tar-restrizzjonijiet introdotti,

(d)

is-salvagwardji għall-prevenzjoni tal-abbuż jew tal-aċċess jew it-trasferiment illegali;

(e)

l-ispeċifikazzjoni tal-kontrollur jew il-kategoriji tal-kontrolluri,

(f)

il-perijodi ta’ ħażna u s-salvagwardji applikabbli b’kont meħud tan-natura, l-ambitu u l-finijiet tal-ipproċessar jew il-kategoriji tal-ipproċessar;

(g)

ir-riskji għad-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġetti tad-data; u

(h)

id-dritt tas-suġġetti tad-data li jkunu infurmati dwar ir-restrizzjoni, sakemm dak ma jistax jippreġudika l-finijiet tar-restrizzjoni.”

B.   Id-dritt Latvjan

13.

Skont l-Artikolu 15(6) tal-Likums “Par nodokļiem un nodevām” (il-Liġi dwar it-Taxxi u d-Dazji), fil-verżjoni fis-seħħ fil-mument tal-fatti ta’ din il-kawża, il-fornituri ta’ servizzi ta’ reklamar fuq l-internet għandhom obbligu li jipprovdu, meta mitluba jagħmlu dan mill-Amministrazzjoni Fiskali tal-Istat, kwalunkwe informazzjoni li jista’ jkollhom dwar persuni taxxabbli li użaw dawn is-servizzi sabiex jippubblikaw reklami u fuq ir-reklami ppubblikati minnhom.

III. Il-fatti, il-proċeduri nazzjonali u d-domandi preliminari

14.

Fit‑28 ta’ Awwissu 2018, id-direttur tan-Nodokļu kontroles pārvalde (l-Uffiċċju ta’ Spezzjoni Fiskali) tal-Valsts ieņēmumu dienests (l-Awtoritajiet Fiskali Latvjani) (iktar ’il quddiem il-“konvenut”), bagħat lil SIA “SS” (iktar ’il quddiem ir-“rikorrenti”) talba għal informazzjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 15(6) tal-Liġi dwar it-Taxxi u d-Dazji.

15.

F’dik it-talba, il-konvenut ħeġġeġ lir-rikorrenti sabiex iġġedded l-aċċess minnu għall-informazzjoni dwar in-numru tat-telefon ta’ min jirreklama u n-numru tax-xażi tal-vetturi li jidhru fir-reklami ppubblikati fuq is-sit internet tar-rikorrenti (www.ss.com). Il-konvenut talab ukoll lir-rikorrenti sabiex tipprovdi, sat‑3 ta’ Settembru 2018, informazzjoni dwar reklami ppubblikati fit-taqsima “Vetturi bil-Mutur” tas-sit internet matul il-perijodu bejn l‑14 ta’ Lulju u l‑31 ta’ Awwissu 2018. Ir-rikorrenti ġiet mitluba tibgħat l-informazzjoni elettronikament, f’format li jkun jippermetti li d-data tiġi ffiltrata u magħżula. Ir-rikorrenti ġiet mitluba wkoll tinkludi l-informazzjoni segwenti fil-fajl tad-data: link għar-reklam, test tar-reklam, għamla tal-vettura, mudell, numru tax-xażi, prezz, numri tat-telefon tal-bejjiegħ.

16.

Fiċ-ċirkustanzi fejn ma kienx ikun possibbli li l-aċċess jiġi mġedded, ir-rikorrenti ntalbet tagħti r-raġuni(jiet) għaliex le u ntalbet ukoll tipprovdi fuq bażi regolari l-informazzjoni relatata mar-reklami ppubblikati mhux iktar tard mit-tielet ġurnata ta’ kull xahar.

17.

Ir-rikorrenti ppreżentat ilment amministrattiv li jikkontesta t-talba għal informazzjoni mal-aġent direttur-ġenerali tal-konvenut. Skont ir-rikorrenti, il-kamp ta’ applikazzjoni tat-talba għal informazzjoni, li tikkostitwixxi data personali fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 4(1) tar-RĠPD, ma kienx iġġustifikat mil-liġi. It-talba ma tispeċifikax grupp partikolari ta’ persuni kkonċernati u lanqas ma tindika l-għan jew il-kamp ta’ applikazzjoni tal-ipproċessar skedat jew kemm ser idum l-obbligu li tiġi pprovduta l-informazzjoni. Bħala tali, il-konvenut, fil-kapaċità tiegħu bħala kontrollur, naqas milli jaġixxi skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità jew il-prinċipju ta’ minimizzazzjoni tal-ipproċessar ta’ data personali riżultanti mir-RĠPD li għalih huwa suġġett il-konvenut.

18.

Permezz ta’ deċiżjoni tat‑30 ta’ Ottubru 2018 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), il-konvenut ċaħad l-ilment u żamm mat-talba għal informazzjoni.

19.

Fil-motivi ta’ din id-deċiżjoni, il-konvenut iddikjara, essenzjalment, li, fl-ipproċessar tad-data msemmija, l-amministrazzjoni fiskali twettaq il-funzjonijiet u teżerċita s-setgħat mogħtija lilha mil-liġi. L-amministrazzjoni fiskali hija responsabbli sabiex tiġbor u tawditja t-taxxi, id-dazji u imposti oħra. Hija għandha obbligu legali sabiex tissorvelja l-attivitajiet ekonomiċi u finanzjarji ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi sabiex tiżgura li dawn id-dazji jitħallsu lill-Istat u lill-baġits tal-Unjoni Ewropea. Sabiex tippermettilu jwettaq dawn il-funzjonijiet, il-liġi tagħti lill-konvenut is-setgħa li jiġbor id-dokumenti u l-informazzjoni neċessarja sabiex jagħti spjega u jirreġistra avvenimenti taxxabbli u sabiex jawditja taxxi u dazji. B’mod partikolari, skont l-Artikolu 15(6) tal-Liġi dwar it-Taxxi u d-Dazji, il-fornituri ta’ servizzi ta’ reklamar fuq l-internet huma obbligati jipprovdu lill-amministrazzjoni fiskali, meta jkunu mitluba jagħmlu dan, kwalunkwe informazzjoni li jista’ jkollhom dwar persuni taxxabbli li użaw dawn is-servizzi sabiex jippubblikaw reklami u dwar ir-reklami nnifishom. Informazzjoni kunfidenzjali miżmuma mill-konvenut hija protetta bil-liġi, b’mod partikolari bil-projbizzjoni ta’ żvelar li hija imposta fuq l-impjegati tal-amministrazzjoni fiskali. Isegwi li t-talba għal informazzjoni hija legali.

20.

Ir-rikorrenti ppreżentat rikors għal annullament tad-deċiżjoni kkontestata quddiem l-Administratīvā rajona tiesa (il-Qorti Amministrattiva Distrettwali, il-Latvja), fejn iddikjarat li d-dikjarazzjoni tal-motivi f’din id-deċiżjoni ma indikatx l-għan speċifiku tal-ipproċessar tad-data, lanqas il-kriterji għall-għażla tal-informazzjoni mitluba fir-rigward ta’ grupp partikolari ta’ persuni identifikabbli.

21.

Permezz ta’ sentenza tal‑21 ta’ Mejju 2019, l-Administratīvā rajona tiesa (il-Qorti Amministrattiva Distrettwali) ċaħdet dan ir-rikors. Essenzjalment, hija qablet mal-konvenut li ebda restrizzjoni ma setgħet tiġi applikata fuq l-ammont ta’ informazzjoni li jista’ jkollha aċċess għaliha l-amministrazzjoni fiskali fir-rigward ta’ kwalunkwe persuna, sakemm l-informazzjoni inkwistjoni ma kinitx ikkunsidrata bħala inkonsistenti mal-għanijiet tal-amministrazzjoni ta’ kwistjonijiet fiskali. Skont din is-sentenza, l-informazzjoni mitluba kienet neċessarja sabiex jiġu identifikati attivitajiet ekonomiċi mhux iddikjarati. Id-dispożizzjonijiet tar-RĠPD japplikaw biss għar-rikorrenti fil-kapaċità tagħha bħala fornitur ta’ servizz, mhux għall-amministrazzjoni fiskali.

22.

Ir-rikorrenti appellat minn din is-sentenza quddiem l-Administratīvā apgabaltiesa (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali, il-Latvja). Skont ir-rikorrenti, ir-RĠPD huwa applikabbli għal din il-kawża. Għall-għanijiet tad-data personali miġbura permezz tat-talba għal informazzjoni, il-konvenut għandu jiġi kkunsidrat bħala l-kontrollur fis-sens ta’ dan ir-regolament u għandu għaldaqstant jikkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti fih. Madankollu, permezz tat-talba għal informazzjoni, il-konvenut kiser il-prinċipju ta’ proporzjonalità billi obbliga kull xahar ammont kunsiderevoli ta’ data relatata ma’ numru indefinit ta’ reklami li għandha tintbagħatlu mingħajr indikazzjoni tal-persuni taxxabbli speċifiċi li kontrihom inbdew l-ispezzjonijiet tat-taxxa. Ir-rikorrenti tiddikjara li t-talba għal informazzjoni ma tindikax it-tul għal kemm ir-rikorrenti sejra tkun suġġetta għall-obbligu li tipprovdi lill-konvenut l-informazzjoni identifikata f’din it-talba. Hija għalhekk tal-fehma li l-konvenut kiser il-prinċipji li jirregolaw l-ipproċessar ta’ data personali, li huma stabbiliti fl-Artikolu 5 tar-RĠPD (il-legalità, il-ġustizzja u t-trasparenza). Hija ssostni li la t-talba għal informazzjoni, u lanqas id-dikjarazzjoni tal-motivi tad-deċiżjoni kkontestata, ma jispeċifikaw il-qafas (għan) partikolari li fi ħdanu jseħħ l-ipproċessar tal-informazzjoni meħtieġ mill-konvenut, jew il-volum tal-informazzjoni neċessarja (minimizzazzjoni tad-data). Hija ssostni li, fit-talba għal informazzjoni, l-amministrazzjoni fiskali għandha tinkludi kriterji ddefiniti b’mod ċar għall-għażla tal-informazzjoni meħtieġa minn din l-amministrazzjoni fir-rigward ta’ grupp partikolari ta’ persuni identifikabbli.

23.

Fil-fehma tal-qorti tar-rinviju, ma huwiex possibbli li jiġi kkonstatat univokali li tali talba għal informazzjoni tista’ tiġi kkunsidrata bħala “debitament immotivata” u “okkażjonali” u li ma hijiex relatata mal-informazzjoni kollha inkluża fit-taqsima tal-“Vetturi bil-Mutur” tas-sit internet tar-rikorrenti, peress li l-amministrazzjoni fiskali tixtieq, essenzjalment, li twettaq verifiki kostanti u eżawrjenti. Il-qorti tar-rinviju tħaddan dubji dwar jekk l-ipproċessar ta’ data personali prevista mill-konvenut jistax jiġi kkunsidrat bħala konformi mar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data applikabbli fid-dawl tal-għan tal-ipproċessar fi ħdan is-sens tal-premessa 31 tar-RĠPD. Għaldaqstant huwa neċessarju li jiġu stabbiliti l-kriterji għall-evalwazzjoni dwar jekk it-talba tal-konvenut għal informazzjoni tirrispettax id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali u jekk din it-talba tistax tkun ikkunsidrata bħala neċessarja u proporzjonata f’soċjetà demokratika sabiex jiġu ssalvagwardjati għanijiet importanti tal-interess pubbliku tal-Unjoni u tal-Latvja fl-oqsma fiskali u baġitarji.

24.

Skont il-qorti tar-rinviju, it-talba għal informazzjoni inkwistjoni ma tagħmel ebda riferiment għal xi “inkjesta partikolari” mwettqa mill-konvenut fi ħdan it-tifsira tad-dispożizzjonijiet tar-RĠPD. Din it-talba ma titlobx informazzjoni relatata ma’ persuni speċifiċi, iżda pjuttost relatata ma’ kull persuna kkonċernata li ppubblikat reklami fit-taqsima tal-“Vetturi bil-Mutur” tas-sit internet. L-amministrazzjoni fiskali tistaqsi wkoll li din l-informazzjoni tiġi pprovduta mhux iktar tard mit-tielet ġurnata ta’ kull xahar (li jfisser li r-rikorrenti għandha tipprovdi lill-konvenut l-informazzjoni kollha dwar reklami ppubblikati fix-xahar preċedenti). Fid-dawl tal-preċedenti, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk prattika tal-awtorità nazzjonali hijiex kompatibbli mar-rekwiżiti stabbiliti mir-RĠPD.

25.

Huwa f’dan il-kuntest fattwali u ġuridiku li l-Administratīvā apgabaltiesa (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tirreferi s-segwenti domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari:

“1)

Ir-rekwiżiti tar-[RĠPD] għandhom jiġu interpretati fis-sens li talba għal komunikazzjoni li toriġina mill-amministrazzjoni fiskali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tinvolvi kwantità sinjifikattiva ta’ data personali, għandha tkun konformi mar-rekwiżiti stipulati fid-dispożizzjonijiet tar-[RĠPD] (b’mod partikolari, mal-Artikolu 5(1))?

2)

Ir-rekwiżiti tar-[RĠPD] għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-amministrazzjoni fiskali [Latvjana] tista’ tidderoga mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5(1) tar-[RĠPD], minkejja li hija ma tingħatax dan id-dritt mil-leġiżlazzjoni fis-seħħ fir-Repubblika tal-Latvja?

3)

Fid-dawl tar-rekwiżiti tar-[RĠPD], jeżisti għan leġittimu li jiġġustifika l-obbligu impost minn talba għal komunikazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tiġi pprovduta l-informazzjoni kollha mitluba fi kwantità illimitata u matul perijodu indeterminat, mingħajr ma tkun iffissata data ta’ tmiem għall-eżekuzzjoni tat-talba għal komunikazzjoni?

4)

Fid-dawl tar-rekwiżiti tar-[RĠPD], jeżisti għan leġittimu li jiġġustifika l-obbligu impost minn talba għal komunikazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tiġi pprovduta d-data kollha mitluba, minkejja li t-talba għal komunikazzjoni ma tispeċifikax l-għan tal-komunikazzjoni tal-informazzjoni (jew tagħmel dan b’mod inkomplet)?

5)

Fid-dawl tar-rekwiżiti tar-[RĠPD], jeżisti għan leġittimu li jiġġustifika l-obbligu impost minn talba għal komunikazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tiġi pprovduta d-data kollha mitluba, minkejja li, fil-prattika, din it-talba tirrigwarda assolutament il-persuni kollha kkonċernati li ppubblikaw avviżi fir-rubrika intitolata “karozzi privati” ta’ portal?

6)

Liema kriterji għandhom jintużaw biex jiġi vverifikat li l-amministrazzjoni fiskali, inkwantu kontrollur, tiżgura b’mod xieraq li l-ipproċessar (inkluż il-ġbir ta’ informazzjoni) huwa konformi mar-rekwiżiti tar-[RĠPD]?

7)

Liema kriterji għandhom jintużaw biex jiġi ddeterminat jekk talba għal komunikazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, hijiex debitament immotivata u ta’ natura okkażjonali?

8)

Liema kriterji għandhom jintużaw biex jiġi vverifikat li pproċessar ta’ data personali jitwettaq sa fejn ikun neċessarju u b’mod kompatibbli mar-rekwiżiti tar-[RĠPD]?

9)

Liema kriterji għandhom jintużaw biex jiġi vverifikat li l-amministrazzjoni fiskali, inkwantu kontrollur, tiżgura li pproċessar ta’ data huwa konformi mar-rekwiżiti tal-Artikolu 5(1) tar-[RĠPD] (Responsabbiltà)?”

26.

Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-Gvern Belġjan, Grieg, Spanjol u Latvjan, kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. Ir-rikorrenti, il-Gvern Belġjan, Spanjol u Latvjan, flimkien mal-Kummissjoni, wieġbu għal mistoqsijiet bil-miktub magħmula lilhom mill-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 61(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

IV. Evalwazzjoni

27.

Dawn il-konklużjonijiet huma strutturati kif ġej. Sejjer nibda billi nindirizza jekk ir-RĠPD huwiex applikabbli għal talba minn awtorità pubblika lil kontrollur għat-trasferiment ta’ ċertu ammont ta’ data personali. Fid-dawl tad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju, hija meħtieġa mill-bidu kjarifika doppja: min preċiżament huwa min fil-kawża prinċipali u x’regoli speċifiċi huma previsti mir-RĠPD f’każijiet bħal dawn (A). Imbagħad, sejjer indur għall-qafas ġuridiku (pjuttost bażiku) li joriġina mir-RĠPD vis-à-vis talbiet għal trasferimenti indirizzati mill-awtoritajiet pubbliċi lil impriżi privati (B). Imbagħad sejjer nikkonkludi b’diversi rimarki dwar dik li tikkostitwixxi, tal-inqas fil-fehma tiegħi, il-kwistjoni attwalment diffiċli ta’ din il-kawża, anki jekk ma ġietx espressament imqajma mill-qorti tar-rinviju (C).

A.   L-applikabbiltà tar-RĠPD

28.

Il-qorti tar-rinviju għamlet disa’ domandi, li kull waħda tikkonċerna, b’xi mod jew ieħor, il-legalità tat-talba (jew talbiet) għat-trasferiment ta’ ċerta data personali minn impriża (jew impriżi) privata maħruġa minn amministrazzjoni fiskali għal għanijiet tal-ġbir tat-taxxa u tas-sejbien tal-evażjoni tat-taxxa. Id-data personali inkwistjoni nkisbet minn impriża privata fil-qafas tal-attività regolari tan-negozju tagħha mill-persuni kkonċernati.

29.

Madankollu, ma huwiex ovvju mid-disa’ domandi magħmula preċiżament min jinsab taħt liema obbligu, u fuq il-bażi ta’ liema dispożizzjoni tar-RĠPD. Din l-ambigwità hija pjuttost indikattiva ta’ livell sinjifikattiv ta’ inċertezza rigward il-formulazzjoni ta’ din il-kawża almenu b’żewġ modi.

30.

L-ewwel, fi ħdan il-kategoriji stabbiliti mir-RĠPD, min huwa min f’din il-kawża? Il-kawża tikkonċerna t-trasferiment, minn impriża privata lejn awtorità pubblika ta’ ċerta data minn sensiela ta’ data ikbar miġbura u kkontrollata mill-impriża privata. Din hija l-operazzjoni speċifika ta’ pproċessar fi ħdan is-sens tal-Artikolu 4(2) tar-RĠPD li tifforma l-bażi tad-domandi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

31.

Madankollu, jidher ukoll li, fir-rigward ta’ dik it-trasferiment ta’ data, il-qorti tar-rinviju diġà tikkunsidra lill-amministrazzjoni fiskali (il-konvenuta) bħala l-kontrollur għal din l-operazzjoni speċifika ta’ pproċessar ( 9 ). Din l-ipoteżi, li hija l-bażi tad-deċiżjoni tar-rinviju kollha, hija stabbilita espressament fis-sitt u fid-disa’ domanda. Din teħtieġ kjarifika preliminari: min preċiżament għandu josserva r-RĠPD f’din il-kawża? Min huwa l-kontrollur għal din l-operazzjoni speċifika ta’ pproċessar? (2)

32.

It-tieni, minħabba din l-inċertezza hemm kwistjoni importanti oħra: x’inhuma d-dispożizzjonijiet speċifiċi tar-RĠPD li fil-fatt diġà japplikaw għal talbiet għat-trasferiment tad-data, u liema minn dawn id-dispożizzjonijiet hija relatata, b’mod partikolari, għat-tip u kwantità ta’ data li awtorità pubblika tista’ tkun teħtieġ minn impriża privata għal dawn l-għanijiet? Jikxef ħafna, f’dan ir-rigward, li tlieta mid-domandi tal-qorti tar-rinviju jsemmu biss l-Artikolu 5(1) tar-RĠPD, dispożizzjoni trażversali li tistabbilixxi l-prinċipji relatati mal-ipproċessar ta’ data personali minn kwalunkwe kontrollur. Bil-maqlub, id-domandi l-oħra sempliċement jagħmlu riferiment għar-“rekwiżiti tar-[RĠPD]” mingħajr ma jispeċifikaw liema dispożizzjonijiet speċifiċi għandhom jinkludu dawn ir-rekwiżiti.

33.

Għalhekk, hija meħtieġa kjarifika preliminari oħra fir-rigward tad-dispożizzjoni(jiet) applikabbli tar-RĠPD, b’mod partikolari fir-rigward tar-relazzjoni bejn l-impriża rikorrenti u l-amministrazzjoni fiskali konvenuta. Ir-RĠPD, kif jirregola b’mod speċifiku tali talbiet għat-trasferiment tad-data u d-drittijiet u l-obbligi reċiproċi bejn impriża privata u awtorità pubblika? (3)

34.

Madankollu, qabel ma nindirizza dawn iż-żewġ kwistjonijiet, sejjer infakkar għaliex, fil-fehma tiegħi, l-applikazzjoni tar-RĠPD u l-konformità miegħu ma jistgħux jiġu kkunsidrati b’mod astratt, bl-interpretazzjoni ta’ definizzjonijiet li ma humiex relatati ma’ operazzjoni speċifika ta’ pproċessar li għandha tittieħed bħala punt ta’ tluq. Ladarba dan ikun ġie spjegat, imbagħad biss ikun korrettament possibbli li jiġu analizzati l-atturi u l-obbligi rispettivi tagħhom (1).

1. Id-definizzjonijiet astratti u r-RĠPD li jinkludi kollox fi ħdanu

35.

F’din il-kawża, il-partijiet kollha kkonċernati, inkluż il-Gvern Latvjan, jaqblu li, jekk il-punt ta’ tluq tal-analiżi huwa bbażat fuq id-definizzjonijiet leġiżlattivi ta’ “data personali” u “pproċessar” stabbiliti fl-Artikolu 4 tar-RĠPD, allura dak l-istrument żgur li huwa applikabbli għall-kawża prinċipali.

36.

L-ewwel, id-data kkonċernata mit-talba għal informazzjoni hija data personali fis-sens tal-Artikolu 4(1) tar-RĠPD. L-informazzjoni mitluba, bħan-numru tat-telefon ta’ persuni kkonċernati jew in-numru tax-xażi ta’ karozza, tikkostitwixxi “informazzjoni relatata ma’ persuna identifikata jew identifikabbli”. Fil-fatt, din l-informazzjoni tippermetti li jiġu identifikati l-bejjiegħa tal-karozzi u, għaldaqstant, il-persuni taxxabbli potenzjali.

37.

It-tieni, hija ġurisprudenza stabbilita li l-komunikazzjoni tad-data ( 10 ) jew l-iżvelar ta’ data personali bit-trażmissjoni, bħall-ħażna jew li b’xi mod ieħor tiġi magħmula disponibbli d-data, jikkostitwixxu pproċessar ( 11 ). Wara kollox, “l-iżvelar bi trażmissjoni” huwa inkluż fil-lista deskrittiva ta’ operazzjonijiet ta’ pproċessar skont l-Artikolu 4(2) tar-RĠPD.

38.

It-tielet, dan l-ipproċessar ta’ data personali jitwettaq b’mod ċar permezz ta’ mezzi awtomatizzati fis-sens tal-Artikolu 2(1) tar-RĠPD.

39.

Barra minn hekk, ebda waħda mill-eċċezzjonijiet, li fi kwalunkwe każ għandhom jiġu interpretati b’mod ristrett ( 12 ), ma hija applikabbli f’din il-kawża. Fid-dawl tas-sentenza Österreischischer Rundfunk et ( 13 ) u b’mod partikolari konformement mal-kawża reċenti Punti ta’ Penalità ( 14 ), ma jistax jiġi sostnut li l-ipproċessar tad-data personali inkwistjoni seħħ “matul attività li ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni” fis-sens tal-Artikolu 2(2)(a) tar-RĠPD.

40.

Bl-istess mod, l-eċċezzjoni stabbilita fl-Artikolu 2(2)(d) tar-RĠPD lanqas ma jidher li ġiet skattata. “[A]wtoritajiet kompetenti” skont din id-dispożizzjoni jidher li huma l-organi bħall-pulizija jew is-servizzi ta’ prosekuzzjoni tal-Istat ( 15 ). Ma jinkludux amministrazzjonijiet fiskali li jaġixxu għall-għanijiet tal-ġbir tat-taxxa, u lanqas, inqas u inqas, fornituri ta’ reklami ta’ servizzi fuq l-internet. Barra minn hekk, anki jekk l-ipproċessar tad-data mill-amministrazzjonijiet fiskali kompetenti jista’ f’xi każijiet eventwalment jirriżulta fis-sejbien ta’ reat kriminali fil-forma ta’ evażjoni tat-taxxa, dan huwa sempliċement possibbiltà ipotetika f’dan l-istadju ( 16 ).

41.

Għalhekk, b’dan l-approċċ, wieħed ikun obbligat jikkonkludi li r-RĠPD japplika: hemm data personali li qiegħda tiġi pproċessata b’mezzi awtomatizzati. Madankollu, kif diġà ġie indikat fl-introduzzjoni ta’ dawn il-konklużjonijiet, tali approċċ, ibbażat fuq interpretazzjoni estensiva u lil hinn minn kwalunkwe operazzjoni speċifika ta’ pproċessar, tal-kunċetti rilevanti skont l-Artikolu 4 tal-RĠPD, bħall-“ipproċessar” ( 17 ), id-“data personali” ( 18 ) jew il-“kontrollur” ( 19 ), ifisser li kwalunkwe komunikazzjoni ta’ kwalunkwe informazzjoni għandha tkun irregolata mir-RĠPD.

42.

Sabiex jiġu interpretati korrettament l-obbligi tal-atturi kollha involuti, il-punt ta’ tluq ta’ analiżi skont ir-RĠPD għandu jkun l-identifikazzjoni ċara ta’ operazzjoni ta’ pproċessar speċifika. Huwa biss imbagħad li wieħed jista’ korrettament jipproċedi għall-evalwazzjoni tal-obbligi li joriġinaw mir-RĠPD għal din l-operazzjoni speċifika għall-atturi attwali involuti f’dak l-ipproċessar ( 20 ). Hija l-operazzjoni ta’ pproċessar speċifika, ix-xogħol fuq id-data u biha, li qiegħda tiġi rregolata. Il-loġika regolatorja u l-iffukar tar-RĠPD huma bbażati fuq it-twettiq u huma orjentati lejn il-proċess, u għalhekk huma neċessarjament dinamiċi.

2. Min huwa min f’din il-kawża?

43.

X’inhi l-operazzjoni ta’ pproċessar speċifika f’din il-kawża? L-eżekuzzjoni ta’ talbiet għal informazzjoni bħal dawk fil-kawża prinċipali bla dubju teħtieġ l-ipproċessar ta’ data personali li għaliha jkun applikabbli bħala prinċipju r-RĠPD. F’din il-kawża, hemm żewġ entitajiet differenti li jwettqu pproċessar ta’ data f’xi stadju. Fid-domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tiffoka fuq l-ipproċessar mill-konvenut, jiġifieri l-amministrazzjoni fiskali nazzjonali. Madankollu, mill-fatti tal-kawża, jidher li l-ipproċessar mir-rikorrenti, jiġifieri l-impriża privata, ikollu jitwettaq l-ewwel.

44.

Fis-sentenza Fashion ID ( 21 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ħarset lejn l-operazzjonijiet speċifiċi inkwistjoni fi ħdan l-ipproċessar tad-data sabiex tidentifika l-kontrollur(i) rilevanti. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-kunċett ta’ “kontrollur” ma jirreferix neċessarjament għal organu wieħed u jista’ jkopri numru ta’ atturi li huma involuti f’dan l-ipproċessar, fejn kull wieħed minnhom ikun għalhekk suġġett għad-dispożizzjonijiet applikabbli fir-rigward tal-protezzjoni tad-data ( 22 ). Madankollu, persuna fiżika jew ġuridika ma tistax titqies bħala kontrollur fil-kuntest ta’ operazzjonijiet preċedenti jew sussegwenti tal-katina ta’ pproċessar globali li fir-rigward tagħha hija la tiddetermina l-finijiet u lanqas il-mezzi ( 23 ).

45.

F’din il-kawża, il-konvenut x’aktarx ikun il-kontrollur ladarba ikun irċieva d-data mitluba mir-rikorrenti u jibda jipproċessaha fis-sens tal-Artikolu 4(2) tar-RĠPD ( 24 ). F’dan l-istadju, il-konvenut mhux biss jibda jipproċessa d-data, iżda wkoll x’aktarx jiddefinixxi l-mezzi u l-għanijiet tal-ipproċessar tiegħu stess għall-għanijiet tal-Artikolu 4(7) tar-RĠPD. Meta huwa stess iwettaq xi operazzjonijiet futuri ta’ pproċessar tad-data, il-konvenut imbagħad ikollu josserva – sakemm ma jkunux ġew adottati xi restrizzjonijiet skont l-Artikolu 23 tar-RĠPD mill-Istat Membru f’dan ir-rigward – il-prinċipji relatati mal-kwalità tad-data stabbiliti fl-Artikolu 5 tar-RĠPD, u bl-ibbażar tal-operazzjoni(jiet) ta’ pproċessar tiegħu fuq wieħed mix-xenarji skont l-Artikolu 6(1) tar-RĠPD ( 25 ).

46.

Madankollu, jidher mid-deċiżjoni tar-rinviju li dawn il-proċeduri għadhom ma waslux f’dan l-istadju. L-amministrazzjoni fiskali ma għandhiex pussess tad-data mitluba. Għaldaqstant, din ma setgħetx tibda xi operazzjoni ta’ pproċessar ta’ din id-data. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ma rċeviet ebda informazzjoni dwar dak li l-konvenut għandu intenzjoni li jagħmel bid-data jew it-tip ta’ pproċessar li għandu jitwettaq minnu.

47.

Kulma seħħ sa issa huwa li l-amministrazzjoni fiskali talbet impriża privata tipprovdiha b’sensiela ta’ data partikolari. Dan, minnu nnifsu, ma huwiex ipproċessar ta’ xi data personali, żgur mhux tad-data li għadha trid tinkiseb. Fi ħdan dan ix-xenarju fattwali, ir-rikorrenti, l-impriża privata, tibqa’ l-kontrollur tad-data sa fejn din kisbet id-data qabelxejn permezz tal-attività tagħha stess, għalhekk għal mezzi u għanijiet iddefiniti minnha stess. Sakemm tkun qiegħda tipproċessa d-data fil-pussess tagħha sabiex tikkomunika din id-data lill-konvenut skont il-kundizzjonijiet li rċeviet, ir-rikorrenti tibqa’ l-kontrollur għal din l-operazzjoni ta’ pproċessar ukoll. Hija r-rikorrenti li twettaq dan l-ipproċessar ulterjuri ( 26 ).

48.

F’dan il-kuntest, u skont l-Artikolu 6(1)(c) tar-RĠPD, ir-rikorrenti għalhekk tiżgura konformità ma’ obbligu ġuridiku li għalih hija suġġetta bħala kontrollur, jiġifieri l-Artikolu 15(6) tal-Liġi dwar it-Taxxi u d-Dazji. Fil-kapaċità tagħha bħala kontrollur, ir-rikorrenti hija obbligata wkoll tikkonforma mar-RĠPD fl-ipproċessar tad-data personali, kif ukoll għall-komunikazzjoni ta’ din id-data lill-konvenut. Madankollu, il-qorti tar-rinviju ma hijiex qiegħda tistaqsi dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tal-ipproċessar tad-data meħtieġ mir-rikorrenti sabiex tiġi eżegwita t-talba inkwistjoni. Fil-fatt, din ma għamlet ebda domandi dwar obbligi possibbli tar-rikorrenti bbażati fuq ir-RĠPD fit-twettiq ta’ dan l-ipproċessar.

49.

Billi identifikat lill-konvenut bħala l-persuna li preżubbilment hija suġġetta għall-obbligi skont ir-RĠPD, il-qorti tar-rinviju jidher li hija kkonċernata bil-bażi (legali) għall-ipproċessar fis-sens tal-Artikolu 6(3) tar-RĠPD, jiġifieri l-Artikolu 15(6) tal-Liġi dwar it-Taxxi u d-Dazji, kif implimentat ulterjorment b’talbiet għal informazzjoni mressqa mill-konvenut.

50.

Bħala sommarju, il-kwistjoni prinċipali fil-bażi tad-disa’ domandi kollha tal-qorti tar-rinviju jidher li hija dik tal-kamp ta’ applikazzjoni u tal-kundizzjonijiet ta’ trasferimenti ta’ data personali bejn żewġ kontrolluri suċċessivi ( 27 ). Liema huma d-dispożizzjonijiet tar-RĠPD, jekk xejn, li jirregolaw ir-relazzjoni bejn kontrolluri suċċessivi? Ir-RĠPD jinkludi xi limiti (ratione materiae jew ratione temporis) għall-kamp ta’ applikazzjoni u t-tip ta’ trasferimenti ta’ data personali bejn żewġ kontrolluri, f’din il-kawża impriża privata u awtorità pubblika? Dawn il-kwistjonijiet kollha proprjament jappartjenu għall-bażi legali għall-kisba tad-data personali, u mhux proprjament jikkonċernaw l-operazzjoni ta’ pproċessar.

3. Obbligi speċifiċi li jsegwu mir-RĠPD?

51.

Ir-RĠPD huwa primarjament ikkonċernat bil-protezzjoni ta’ data personali ta’ persuni kkonċernati u r-relazzjoni bejn dawn il-persuni kkonċernati u kwalunkwe entità li tipproċessa d-data tagħhom. F’dan is-sens, ir-RĠPD jistabbilixxi d-drittijiet tal-persuni kkonċernati u l-obbligi tal-kontrolluri rilevanti fil-kuntest tal-ipproċessar ta’ data personali.

52.

Tali loġika regolatorja tiffoka fuq id-data u l-entitajiet li jaċċedu għaliha u li jaħdmu biha. Hemm ftit ħafna dispożizzjonijiet fir-RĠPD li direttament u espressament jirregolaw ir-relazzjoni bejn l-entitajiet li jipproċessaw id-data ( 28 ). Huwa minnu li r-RĠPD jaffettwa dawn ir-relazzjonijiet indirettament. Huwa jobbliga lil kwalunkwe entità sussegwenti li tikseb id-data sabiex tipproteġi d-data u d-drittijiet tal-persuni kkonċernati. B’dan il-mod, ir-RĠPD fil-fatt jistabbilixxi ċerti kundizzjonijiet għall-iżvelar tad-data u t-trasferimenti tad-data. Madankollu, dan żgur ma jfissirx li r-RĠPD jirregola direttament ir-relazzjonijiet bejn dawn l-entitajiet.

53.

F’ċertu sens, jekk id-data kellha tiġi kkunsidrata bħala oġġetti, mela l-loġika regolatorja tar-RĠPD hija analoga għal sistema speċifika rregolata mid-dritt pubbliku għal ċerti tipi ta’ oġġetti (prezzjużi, artistiċi, storiċi). Tali sistema timponi ċerti limitazzjonijiet dwar dawn l-oġġetti: kif dawn l-oġġetti jistgħu jiġu mmanifatturati, kif għandhom jintużaw, taħt liema kundizzjonijiet jistgħu jiġu mibdula, maħżuna, mibjugħa mill-ġdid jew meqruda. Tali sistema speċifika tipproteġi l-oġġetti u għalhekk indirettament torbot lil kwalunkwe sid jew possessur suċċessiv ta’ dawk l-oġġetti. Madankollu, u fiha nnifisha, dik is-sistema speċifika tibqa’ marbuta mal-oġġetti. Hija ma tirregolax la l-arranġamenti privati li skonthom dawn l-oġġetti jistgħu jinbiegħu bejn żewġ partijiet privati, u lanqas il-kundizzzjonijiet li skonthom l-istess oġġetti jistgħu jew għandhom jiġu mgħoddija minn entità privata għal waħda pubblika. Ir-regolazzjoni tal-oġġetti hija differenti mir-regolazzjoni tat-titolu ġuridiku bażi ta’ dawn l-oġġetti u n-negozju tagħhom.

54.

Huwa biss billi tiġi ċċarata din il-loġika regolatorja tar-RĠPD, kif ukoll billi jkun hemm iffukar fuq l-operazzjoni ta’ pproċessar speċifika bħala l-punt ta’ tluq għall-obbligi potenzjali li joriġinaw minn dan l-istrument, li r-RĠPD jista’ jiġi interpretat raġonevolment. Inkella, ir-RĠPD dejjem ikun applikabbli, filwaqt li, b’kull tip ta’ interpretazzjoni kreattiva tiegħu, ma jkun hemm assolutament ebda dispożizzjoni li tirregola l-kwistjoni speċifika ppreżentata. Ir-riżultat inevitabbli ta’ dawn il-kawżi jkun li r-RĠPD ma huwiex oppost għal ċerta leġiżlazzjoni jew prattika nazzjonali. Madankollu, din l-“assenza ta’ oppożizzjoni” ma tkunx neċessarjament ir-riżultat tas-sistemi nazzjonali li b’mod ġenerali jkunu legali, iżda sempliċement li kwistjoni bħal din ma hijiex irregolata mir-RĠPD, anki jekk taffettwa, b’xi mod jew ieħor, id-data personali.

55.

Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja hija familjari ma’ “pożittivi foloz” bħal dawn fir-rigward ta’ obbligi diversi għall-iżvelar tad-data previsti skont id-dritt nazzjonali għal raġunijiet differenti. Għal darba oħra, il-parti l-kbira ta’ dawn il-kawżi ma jikkonċernawx xi operazzjoni ta’ pproċessar kostanti, iżda pjuttost il-kwistjoni upstream tal-bażi legali għal operazzjoni futura bħal din. Dawn ivarjaw mill-ftuħ ta’ proċeduri ċivili għall-eżekuzzjoni ta’ drittijiet tal-awtur ( 29 ), sal-ġestjoni xierqa ta’ fondi pubbliċi ( 30 ), jew is-salvagwardjar tas-sigurtà nazzjonali ( 31 ). Eżempji taħt dan it-titolu jistgħu jinkludu wkoll kawżi bħal Rigas satiksme, ( 32 ), Promusicae ( 33 ), Bonnier ( 34 ), jew J & S Service ( 35 ).

56.

Żgur li, f’dawn is-sitwazzjonijiet kollha, ir-RĠPD kien applikabbli fir-rigward tad-drittijiet tal-persuni kkonċernati vis-à-vis il-kontrollur(i) fil-kuntest ta’ operazzjonijiet ta’ pproċessar speċifiċi li kienu għadhom kif twettqu jew li kienu sejrin jitwettqu. Madankollu, u għal darba oħra, il-loġika regolatorja u l-kamp ta’ applikazzjoni xieraq tar-RĠPD għandhom isegwu l-fluss tad-data u jiżguraw li d-data personali tiġi protetta fil-kuntest ta’ operazzjonijiet ta’ pproċessar. Ma huwiex intiż li jirregola kwalunkwe relazzjoni upstream bejn diversi entitajiet li jistgħu jkollhom data fil-pussess tagħhom, inklużi r-raġunijiet għaliex u kif jistgħu jiksbu l-pussess ta’ din id-data. Fi kliem ieħor, ir-RĠPD ma jiżgurax xi “drittijiet” ta’ kontrollur wieħed kontra kontrollur ieħor.

57.

Dan ma jfissirx li tali kwistjonijiet ma humiex irregolati mid-dritt. Huma hekk, iżda minn strumenti oħra kkonċernati primarjament bl-infurzar tal-liġi. Huwa f’dawn l-istrumenti li wieħed isib il-bażi legali għall-ipproċessar li hija meħtieġa mill-Artikolu 6(3) tar-RĠPD fl-ewwel lok. Fir-rigward ta’ trasferimenti obbligatorji ta’ data personali, dawn it-trasferimenti tassew x’aktarx ikunu, pjuttost loġikament, previsti fi “strumenti tal-infurzar tal-liġi”, fid-dritt tal-Unjoni ( 36 ) jew fid-dritt nazzjonali. Fir-rigward ta’ trasferimenti volontarji ta’ data personali, sa fejn huwa possibbli u ammissibbli mis-sistema rregolata mid-dritt pubbliku li huwa r-RĠPD, il-bażi għal dawn it-trasferimenti tkun id-dritt nazzjonali kummerċjali jew kuntrattwali, fid-dawl tat-tip ta’ arranġamenti stabbiliti bejn il-kontrolluri suċċessivi rispettivi.

58.

B’teħid inkunsiderazzjoni ta’ dawn il-kjarifiki, fil-fehma tiegħi, din il-kawża (għadha) ma tikkonċernax xi operazzjoni ta’ pproċessar. Hija tikkonċerna l-bażi legali għal dan l-ipproċessar, li hija kwistjoni li r-RĠPD jagħmel biss riferiment għaliha, iżda ma jirregolahiex direttament huwa stess. Madankollu, u bl-għan li tingħata għajnuna sħiħa lill-qorti tar-rinviju, fit-taqsima sussegwenti ta’ dawn il-konklużjonijiet issegwi indikazzjoni tal-qafas bażiku li jirriżulta mir-RĠPD u li jkun applikabbli għall-operazzjoni tal-ipproċessar meta din titwettaq mill-kontrollur, l-impriża privata (B). L-għan tar-RĠPD huwa li jipproteġi lill-persuna kkonċernata, mhux impriża privata kontra l-indħil pubbliku fil-libertà tagħha ta’ impriża privata jew id-dritt tagħha għall-proprjetà fil-forma ta’ sfruttament tad-data. Dan ma jfissirx li tali kwistjoni ma tistax tirriżulta f’tħassib validu, iżda pjuttost li din diffiċli li tiġi rregolata mir-RĠPD (C).

B.   (Il-bażi legali għal) trasferimenti tad-data personali lil awtoritajiet pubbliċi

59.

Issegwi diskussjoni pjuttost ġenerali li tikkonċerna l-bażi legali għall-ipproċessar tad-data li r-rikorrenti jkollha twettaq fl-eżekuzzjoni tat-talba tal-konvenut għall-informazzjoni. F’dan ir-rigward, id-dispożizzjoni rilevanti x’aktarx hija l-Artikolu 6 tar-RĠPD, u b’mod partikolari l-paragrafi 1 u 3 tiegħu, moqrija fid-dawl tal-premessa 45.

60.

Bħala punt preliminari, tajjeb li jissemma l-fatt li ebda informazzjoni speċifika ma ġiet ipprovduta lill-Qorti tal-Ġustizzja rigward xi regoli nazzjonali oħra applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data f’ċirkustanzi bħal dawn fil-kawża prinċipali. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja lanqas ma rċeviet xi informazzjoni dwar jekk hemmx, lil hinn mill-Artikolu 15(6) tal-Liġi dwar it-Taxxi u d-Dazji, atti nazzjonali oħra ta’ applikazzjoni ġenerali (pereżempju, digriet jew linji gwida ta’ implimentazzjoni) li jirregolaw iktar l-obbligu inkwistjoni għal fornituri ta’ servizzi (ta’ reklamar fuq l-internet) sabiex jikkomunikaw ċerta data lil amministrazzjonijiet fiskali. Hemm ukoll ftit ħafna informazzjoni dwar il-qafas leġiżlattiv nazzjonali li jimplimenta r-RĠPD b’mod ġenerali.

61.

Barra minn hekk, ma ġiex iċċarat jekk l-Artikolu 23(1)(e) tar-RĠPD ġiex implimentat fid-dritt nazzjonali bi kwalunkwe mod. Jekk din id-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ġiet jew ma ġietx implimentata ma jiddeterminax il-legalità tat-talba għat-trasferiment tal-informazzjoni. Madankollu, ikun rilevanti għad-determinazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni u tan-natura tal-obbligi li kontrollur sussegwenti (awtorità pubblika) jista’ jkollu vis-à-vis il-persuni kkonċernati, kif ukoll għad-determinazzjoni tal-obbligi tal-kontrollur oriġinali u l-informazzjoni li dan għandu jipprovdi lill-persuni kkonċernati.

62.

Bħala riżultat, id-diskussjoni segwenti ma tistax ħlief tkun waħda pjuttost ġenerali. Sejjer nindirizza l-prinċipji li joriġinaw mill-Artikolu 6 tar-RĠPD għall-ipproċessar futur li għandu jitwettaq minn impriża privata sabiex tosserva talba għal data minn awtorità pubblika, l-ewwel f’termini tal-għan ta’ tali trasferimenti tad-data (1) u tal-kamp tal-applikazzjoni u tat-tul tagħhom (2). Sejjer imbagħad indur għall-bażi legali ta’ tali trasferimenti peress li r-rekwiżiti rigward din il-bażi jsiru iktar ċari ladarba l-kwistjonijiet sussidjarji preċedenti jkunu ġew indirizzati (3).

1. Għan

63.

B’mod ġenerali, l-għan ġenerali li għalih l-amministrazzjoni fiskali tfittex l-iżvelar ta’ data personali fil-kawża prinċipali huwa bla dubju leġittimu. L-iżgurar tal-ġbir xieraq tat-taxxa u s-sejbien ta’ ksur potenzjali tad-dmir tal-ħlas tat-taxxa jista’ żgur jaqa’ taħt it-tipi ta’ għanijiet leġittimi għall-ipproċessar tad-data kemm skont l-Artikoli 6(1) u (3) tar-RĠPD ( 37 ).

64.

Dak li huwa essenzjali għall-kwistjonijiet imqajma minn din il-kawża huwa l-livell ta’ astrazzjoni li bih jiġi ddikjarat tali għan. F’dan ir-rigward, jidher li hemm livell ta’ konfużjoni bejn żewġ tipi ta’ għanijiet speċifiċi: (i) tfittix għal ċertu tip ta’ informazzjoni (sabiex jiġi misjub ksur tal-liġi), minflok (ii) verifika tal-fatt li twettaq ċertu ksur (u t-tfittix tal-iżvelar ta’ data speċifika sabiex tiġi kkonfermata din is-suppożizzjoni).

65.

In-natura (u għalhekk il-kamp ta’ applikazzjoni) taż-żewġ tipi ta’ trasferimenti ta’ żvelar ta’ data x’aktarx tkun differenti. Il-loġika tat-tfittix u sejbien hija ex ante, wiesgħa, u fil-parti l-kbira indeterminata fir-rigward tal-persuni preċiżi kkonċernati. Jekk l-għan huwa li jinstab ksur possibbli, mela x-xibka metaforika għandha tkun iktar wiesgħa. Bil-maqlub, il-loġika tal-verifika ta’ ksur potenzjali permezz tal-iżvelar ta’ data rilevanti tista’ tkun iktar irfinata u ffukata. Hemm, il-loġika hija ferm iktar ex post, iffukata fuq il-verifika ta’ ċerti suspetti tipikament relatati ma’ persuna kkonċernata diġà dixxernibbli.

66.

Fil-fehma tiegħi, l-Artikolu 6 tar-RĠPD jippermetti ż-żewġ xenarji. Madankollu, l-Artikolu 6(3) tar-RĠPD jeħtieġ bażi legali ċara għal kwalunkwe minn dawn it-trasferimenti tad-data.

67.

Madankollu, nifhem l-eżitazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju fil-kuntest ta’ din il-kawża, meta tittieħed inkunsiderazzjoni l-formulazzjoni tal-Artikolu 15(6) tal-Liġi dwar it-Taxxi u d-Dazji. Fil-formulazzjoni li kienet apparentament fis-seħħ meta l-qorti tar-rinviju ressqet it-talba għal deċiżjoni preliminari, hija ddikjarat li l-fornituri ta’ servizzi ta’ reklamar fuq l-internet jistgħu jiġu obbligati, fuq talba magħmula mill-Amministrazzjoni Fiskali tal-Istat, li jipprovdu informazzjoni dwar il-persuni taxxabbli (rispettivi).

68.

Għaldaqstant jidher li, f’din il-kawża, l-għan tal-iżvelar, iddikjarat fil-bażi legali rilevanti, jixbah it-tieni xenarju indikat iktar ’il fuq: verifika ta’ ċerta informazzjoni fir-rigward ta’ persuni taxxabbli speċifiċi. Madankollu, l-amministrazzjoni fiskali nazzjonali jidher li użat din il-bażi legali għal dak li jidher li hija talba għal trasferimenti ta’ data (bla limiti) jew saħansitra l-ġbir bla riżervi tad-data, sabiex jitwettaq eżerċizzju ġenerali ta’ tfittix u sejbien, li jaqa’ fi ħdan l-ewwel xenarju indikat iktar ’il fuq. Huwa hawn li wieħed isib id-dissonanza loġika li jidher li tinsab fil-bażi ta’ din il-kawża fil-livell nazzjonali, li tirriżulta f’sens ta’ konfużjoni kemm dwar il-proporzjonalità ta’ tali miżura (2) u l-bażi legali xierqa tagħha (3).

2. Kamp ta’ applikazzjoni u tul

69.

Il-proporzjonalità, kif ukoll il-“minimizzazzjoni” f’dan is-sens, hija eżaminazzjoni tar-relazzjoni bejn l-għanijiet (iddikjarati) u l-mezzi (magħżula). Il-problema f’din il-kawża hija li, skont liema waħda mill-għanijiet tintgħażel minn fost iż-żewġ xenarji (ideali ( 38 )) li għadhom kemm ġew indikati, l-evalwazzjoni tal-proporzjonalità x’aktarx tkun differenti.

70.

Fil-kuntest tal-qafas ta’ għan ta’ “tfittxija u sejbien”, l-awtoritajiet pubbliċi sejrin jitfgħu x-xibka tagħhom ’il barra kemm jistgħu sabiex jiżguraw li l-informazzjoni rilevanti tista’ tinstab. Dan jista’ jinvolvi l-ipproċessar ta’ kwantità kbira ta’ data. Fil-fatt, il-bżonn li jinkisbu u li jiġu pproċessati sensiliet ta’ data ikbar huwa inerenti f’dan it-tip ta’ tfittxija ġenerali u indeterminata ta’ informazzjoni. F’dak ix-xenarju, il-proporzjonalità u l-minimizzazzjoni tal-ipproċessar tad-data jistgħu fil-fatt jirrelataw biss mat-tip ta’ data mitluba fejn l-informazzjoni neċessarja tista’ potenzjalment tinstab ( 39 ).

71.

Fi ħdan il-qafas ta’ għan ta’ “verifika”, fejn l-awtoritajiet pubbliċi għandhom bżonn jiksbu evidenza relatata mal-kontenut ta’ tranżazzjoni speċifika jew sensiela ta’ tranżazzjonijiet, l-evalwazzjoni tal-proporzjonalità tista’ naturalment tkun iktar iebsa. L-amministrazzjoni fiskali tista’ mbagħad tistaqsi biss għal tranżazzjonijiet speċifiċi, f’punt partikolari ta’ żmien, sabiex tagħmel verifiki ex post, tipikament fir-rigward tal-persun(i) taxxabbli li huma fil-fatt speċifiċi. It-talbiet għal informazzjoni għalhekk x’aktarx li jkunu mfassla għad-data speċifika li tinkludi dan it-tip ta’ informazzjoni.

72.

Il-loġika tal-premessa 31 tar-RĠPD, sa fejn nista’ niddixxerni waħda, jidher li tappartjeni għat-tieni xenarju biss. It-tieni sentenza ta’ din il-premessa, li ġiet invokata u diskussa b’mod abbundanti mill-partijiet ikkonċernati, b’mod partikolari l-Kummissjoni, tistabbilixxi li t-talbiet għal komunikazzjoni tad-data mressqa mill-awtoritajiet pubbliċi għandhom dejjem ikunu bil-miktub, motivati u okkażjonali u ma għandhomx jikkonċernaw it-totalità ta’ sistema ta’ arkivjar jew iwasslu għall-interkonnessjoni ta’ sistemi ta’ arkivjar.

73.

Madankollu, fil-fehma tiegħi, ma huwiex possibbli li tittieħed (parti minn) premessa f’regolament barra mill-kuntest tagħha, tiġi ttrattata bħala dispożizzjoni indipendenti u vinkolanti, mingħajr ma din lanqas biss tiġi rrepetuta xi mkien ieħor fit-test ġuridikament vinkolanti ta’ dan l-istrument ( 40 ), u fuq din il-bażi jiġi ddikjarat li kwalunkwe trasferimenti ta’ data personali lil awtoritajiet pubbliċi jistgħu jseħħu biss taħt dawn il-kundizzjonijiet. Jiena sempliċement ma nistax naqbel mas-suġġeriment li parti mill-premessa 31, meħuda f’iżolazzjoni, tipprojbixxi trasferimenti ta’ ammonti ikbar ta’ data kollha lil awtoritajiet pubbliċi, anki dawk li għandhom bażi legali xierqa (fid-dritt nazzjonali u/jew tad-dritt tal-Unjoni) u huma konformi mad-dispożizzjonijiet vinkolanti kollha tar-RĠPD.

74.

Fil-kuntest ta’ din il-kawża, il-Gvern Latvjan sostna li l-ammont ta’ informazzjoni mitluba jista’ jiġi kkunsidrat bħala raġonevoli sa fejn it-talba għal komunikazzjoni tinkludi biss reklamar ippubblikat fit-taqsima “Vetturi bil-Mutur”, li hija taqsima 1 mill‑112‑il taqsima tas-sit internet ikkonċernat ġestit mir-rikorrenti. Il-Gvern Belġjan u dak Spanjol żiedu li, fil-fehma tagħhom, il-kwistjoni ma hijiex l-ammont ta’ data iżda t-tip ta’ data mitluba.

75.

Jiena naqbel ma’ dawn l-osservazzjonijiet.

76.

Il-proporzjonalità għal tfittix u sejbien ex ante tfisser “verifika tal-kwalità” fir-rigward tat-tip ta’ data mitluba. Huwa biss għall-verifika ex post ta’ ċerti fatti li l-“verifika tal-kwantità” tista’ tiġi applikata b’mod iktar sħiħ. Kieku kien mod ieħor, il-parti l-kbira tal-mezzi tal-monitoraġġ jew ta’ sorveljanza tad-data jiġu, fil-prattika, esklużi.

77.

Sakemm hemm bażi legali xierqa fid-dritt tal-Unjoni jew dak nazzjonali, amminstrazzjoni fiskali nazzjonali tista’ bħala prinċipju titlob id-data neċessarja kollha għat-tip ta’ eżami li għandha bżonn twettaq, mingħajr ebda limitazzjoni ratione temporis. L-uniku limitu riżultanti mir-RĠPD huwa l-proporzjonalità f’termini tat-tip ta’ data mitluba. Bħalma l-Gvern Grieg jindika korrettement, talbiet għal informazzjoni għandhom ikunu limitati għat-tip ta’ data li tikkonċerna l-attività ekonomika tal-persuni taxxabbli, u mhux il-ħajja privata tagħhom.

78.

Pereżempju, jekk l-għan iddikjarat huwa li jinstab dħul mhux iddikjarat mill-bejgħ ta’ karozzi użati, l-amministrazzjoni fiskali ma għandhiex id-dritt li titlob ukoll informazzjoni dwar jekk il-persuna li qiegħda tbigħ il-karozza għandhiex xagħarha aħmar, jekk issegwix dieta partikolari, jew jekk għandhiex pixxina. Għaldaqstant, it-tip ta’ informazzjoni mitluba għandha tkun relatata b’mod ċar mat-tfittix u l-investigazzjoni żvelati.

79.

Barra minn hekk, hija l-qorti nazzjonali li għandha twettaq l-evalwazzjoni tal-proporzjonalità fi kwalunkwe miż-żewġ xenarji indikati iktar ’il fuq fid-dawl taċ-ċirkustanzi fattwali u legali ta’ kull kawża ( 41 ). Fi kliem sempliċi, f’din il-kawża, il-mistoqsija li wieħed għandu jistaqsi hija jekk it-tip ta’ data mitluba huwiex xieraq sabiex il-konvenut jikseb l-informazzjoni neċessarja sabiex iwettaq l-għan iddikjarat tiegħu?

3. Bażi legali (għall-ipproċessar futur)

80.

Finalment, huwa issa biss li l-kwistjoni prinċipali tal-bażi legali tista’ tiġi evalwata b’mod utli fid-dawl tal-kjarifiki li għadhom kif saru. Naturalment, iż-żewġ xenarji indikati fit-taqsimiet sussidjarji ta’ dawn il-konklużjonijiet (“tfittix u sejbien” u “verifika”) jeħtieġu bażi legali skont l-Artikolu 6(3) tar-RĠPD sabiex l-ipproċessar mir-rikorrenti jitwettaq. Din id-dispożizzjoni espressament tippermetti adattament speċifiku tal-applikazzjoni tar-regoli ġenerali tar-RĠPD, kemm mid-dritt tal-Unjoni jew mid-dritt tal-Istati Membri.

81.

Fi kwalunkwe każ, madankollu, il-bażi legali pprovduta għandha loġikament tkopri l-għan u t-tip speċifiċi tal-ipproċessar imwettaq għal dan l-għan. Kif preċiżament tagħmel dan huwa kwistjoni ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi ta’ adattament adottati mill-Istat Membru jew mill-Unjoni skont l-Artikolu 6(3) tal-RĠPD. B’mod ġenerali, iktar ma jkunu ġġeneralizzati, ikbar u permanenti t-trasferimenti tad-data,, iktar għandha tkun robusta, iddettaljata u espressa l-bażi leġiżlattiva peress li tali trasferimenti tad-data jirrappreżentaw indħil ikbar fis-salvagwardjar tal-protezzjoni tad-data. Bil-maqlub, iktar ma jkunu diskreti u limitati t-talbiet għal żvelar – normalment biss fir-rigward ta’ persuna kkonċernata waħda jew ftit, jew anki fir-rigward ta’ ammont limitat ta’ data – iktar ikun probabbli li dawn it-talbiet jitwettqu fil-livell ta’ talbiet amministrattivi individwali, bil-klawżola li tagħti s-setgħa leġiżlattiva tibqa’ pjuttost wiesgħa u ġenerali.

82.

Fi kliem ieħor, iż-żewġ saffi regolatorji, jiġifieri dak leġiżlattiv u dak amministrattiv, li jikkostitwixxu l-bażi legali eventwali għall-ipproċessar tad-data, joperaw b’mod konġunt. Almenu wieħed minnhom għandu jkun speċifiku biżżejjed u mfassal għal ċertu tip jew għal ċertu ammont ta’ data personali mitluba. Iktar ma jkun hemm fil-livell leġiżlattiv u strutturali għal tali trasferimenti tad-data, inqas ikun hemm bżonn ikun hemm fit-talba amminsitrattiva individwali. Is-saff leġiżlattiv jista’ anki jkun tant iddettaljat u komprensiv li jkun kompletament awtosuffiċjenti u awtoeżegwibbli. Bil-maqlub, iktar ma jkun ġeneriku u vag il-livell leġiżlattiv, iktar ikun meħtieġ dettall, inkluża dikjarazzjoni ċara tal-għan li għalhekk tillimita l-kamp ta’ applikazzjoni, fil-livell tat-talba amministrattiva individwali.

83.

Dan il-punt jipprovdi tweġiba indiretta għall-kwistjoni mqajma mill-qorti tar-rinviju taħt it-titolu ta’ proporzjonalità, li tista’ fil-fatt tiġi indirizzata bl-aqwa mod hawn fid-determinazzjoni dwar jekk amministrazzjonijiet fiskali jistgħux jagħmlu talbiet għal data li huma bla limitazzjoni ratione temporis. Fil-fehma tiegħi, skont ir-RĠPD, jistgħu. Madankollu, il-kwistjoni l-iktar rilevanti għandha tkun jekk dawn għandhomx bażi legali xierqa fid-dritt nazzjonali għal dak li huwa, fis-sustanza tiegħu, trasferiment tad-data kostanti u permanenti. Sa fejn tali trasferimenti għandhom bażi ċara, kif ukoll it-tul, fid-dritt nazzjonali, l-Artikolu 6(3) tar-RĠPD ma jipprekludihomx. Għal darba oħra, il-premessa 31 tar-RĠPD ftit tbiddel f’dan ir-rigward ( 42 ). Ftit nara sens prattiku fl-interpretazzjoni ta’ din il-premessa bħala li effettivament tobbliga lill-awtoritajiet amministrattivi sabiex iressqu darba waħda wara l-oħra (irrispettivament jekk hux kuljum, kull xahar, jew kull sena) talbiet individwali identiċi sabiex jiksbu xi ħaġa li setgħu diġà kisbu fuq il-bażi tal-leġiżlazzjoni nazzjonali.

84.

F’din il-kawża, il-bażi legali għall-ipproċessar jidher li hija kkostitwita kemm mill-Artikolu 15(6) tal-Liġi dwar it-Taxxi u d-Dazji u kemm mit-talbiet speċifiċi għall-iżvelar ta’ data mressqa mill-amministrazzjoni fiskali. Jidher għalhekk li hemm bażi legali doppja bi klawżola tas-setgħa leġiżlattiva ġenerali u bl-applikazzjoni amministrattiva speċifika u mmirata ta’ din id-dispożizzjoni.

85.

B’mod ġenerali, bażi legali doppja bħal din jidher li hija biżżejjed sabiex tiġġustifika l-ipproċessar ta’ data personali mir-rikorrenti għall-għanijiet tat-trasferiment tagħha lil awtorità pubblika skont l-Artikoli 6(1)(c) u 6(3) tar-RĠPD. Minkejja li l-leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħti s-setgħa lill-amministrazzjonijiet fiskali sabiex jitolbu informazzjoni tibqa’ pjuttost ġenerali, it-talbiet speċifiċi għad-data jidhru fil-biċċa l-kbira li jimmiraw lejn ċertu tip ta’ data minkejja l-ammont potenzjalment kbir tagħha.

86.

Madankollu, hija finalment il-qorti nazzjonali li għandha tivverifika, b’għarfien sħiħ tad-dritt nazzjonali, inkluż kwalunkwe regoli oħra ta’ implimentazzjoni nazzjonali mhux imsemmija matul dawn il-proċeduri, jekk l-ipproċessar mitlub mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jissodisfax ir-rekwiżiti stabbiliti f’din it-taqsima ta’ dawn il-konklużjonijiet.

87.

Il-kwistjoni li tinsab fil-qalba ta’ din l-evalwazzjoni, li teħtieġ attenzjoni partikolari, hija jekk l-Artikolu 15(6) tal-Liġi dwar it-Taxxi u d-Dazji, flimkien mat-talbiet speċifiċi għal informazzjoni, josservax ir-rekwiżit tal-prevedibbiltà ( 43 ) fl-eżaminazzjoni tal-bażi legali. Il-leġiżlazzjoni li tippermetti t-trasferimenti tad-data għandha tistabbilixxi regoli ċari u preċiżi li jirregolaw il-kamp ta’ applikazzjoni u applikazzjoni tal-miżura inkwistjoni u li jimponu salvagwardji minimi, sabiex il-persuni li d-data personali tagħhom tiġi affettwata jkollhom biżżejjed garanziji li din id-data sejra tiġi protetta effettivament mir-riskju ta’ abbuż ( 44 ).

88.

Għaldaqstant, il-bażi legali kkunsidrata b’mod sħiħ (leġiżlattiv u amministrattiv flimkien) għandha tiġi fformulata b’biżżejjed preċiżjoni għall-persuni kkonċernati kollha: l-awtoritajiet pubbliċi fir-rigward ta’ dak li jistgħu jistaqsu, l-impriżi fir-rigward ta’ dak li jistgħu jipprovdu u, fuq kollox, il-persuni kkonċernati sabiex ikunu jafu min jista’ jkollu aċċess għad-data tagħhom u għal liema għanijiet. Jista’ jitfakkar li informazzjoni dwar l-ipproċessar tad-data hija fil-fatt rekwiżit prinċipali skont ir-RĠPD. Il-persuni kkonċernati jridu jkunu konxji tal-eżistenza ta’ tali pproċessar u din l-informazzjoni hija kundizzjoni għall-eżerċizzju ta’ drittijiet oħra għal aċċess, tħassir jew rettifika ( 45 ).

89.

Sakemm l-Artikolu 23 tar-RĠPD ma jkunx ġie traspost b’xi mod fid-dritt nazzjonali sabiex jirrestrinġi d-drittijiet ta’ persuni kkonċernati skont il-Kapitolu III tar-RĠPD, isegwi mill-Artikoli 13 u 14 tar-RĠPD li l-kontrollur tal-ipproċessar għandu jipprovdi lill-persuna kkonċernata bl-informazzjoni. Fil-kuntest ta’ trasferimenti suċċessivi ta’ data, jista’ jkun diffiċli li jiġi ddeterminat ta’ min huwa d-dmir tal-informazzjoni ( 46 ). Barra minn hekk, f’termini prattiċi, fl-assenza ta’ xi restrizzjonijiet adottati skont l-Artikolu 23(1) tar-RĠPD, li fid-dritt nazzjonali għandhom jissodisfaw ir-rekwiżit tal-Artikolu 23(2) tar-RĠPD, awtorità pubblika li kisbet id-data tista’ tkun taħt obbligu li tipprovdi l-informazzjoni xierqa skont l-Artikolu 14 tar-RĠPD lill-persuni kollha kkonċernati. Jekk ma hemm ebda bażi legali ċara u prevedibbli li tippermetti li tali trasferimenti ta’ data fl-aħħar nett jitwettqu, ma tantx jista’ jkun mistenni mill-kontrollur li ġabar id-data li għalhekk diġà jinforma lill-persuna kkonċernata skont l-Artikolu 13 tar-RĠPD.

90.

Bħala konklużjoni għaldaqstant, fil-fehma tiegħi, l-Artikolu 6(1)(c) u (3) tar-RĠPD ma jipprekludix regoli nazzjonali milli jistabbilixxu, mingħajr ebda limitazzjoni ratione temporis, obbligu għal fornituri ta’ servizzi ta’ reklamar fuq l-internet li jikkomunikaw ċerta data personali lil amministrazzjoni fiskali, sa fejn hemm bażi legali ċara fid-dritt nazzjonali għal tali tip ta’ trasferimenti tad-data u d-data mitluba tkun xierqa u neċessarja għall-amministrazzjoni fiskali sabiex twettaq l-inkarigi uffiċjali tagħha.

C.   Kunsiderazzjonijiet finali: id-domanda li ma saritx f’din il-kawża

91.

Ma huwiex ir-rwol tiegħi biex nispekula dwar motivi ġenwini tal-partijiet quddiem il-qorti nazzjonali. Għaldaqstant sejjer inżomm it-tama tiegħi fl-eżistenza ta’ Samaritani Twajba, li altruwistikament jiddefendu lil ħaddieħor. Kumpannija privata għaliex ma tistax sempliċement tkun qiegħda tiddefendi d-drittijiet tal-persuni kkonċernati li ġabret id-data personali tagħhom?

92.

Minkejja li wieħed ma jistax ħlief jifraħ meta impriżi kummerċjali jikkommettu ruħhom għall-kawża tal-protezzjoni tad-data, nassumi li xi impriżi oħra jista’ wkoll ikollhom raġunijiet oħra għalfejn jixtiequ jopponu trasferimenti ordnati mis-setgħa pubblika ta’ data personali li ġabru. Raġuni waħda tista’ tkun relatata mal-ispejjeż ta’ tali sforz. L-awtoritajiet pubbliċi għandhom jitħallew effettivament jesternalizzaw parti mill-eżerċizzju tal-amministrazzjoni pubblika, billi jġiegħlu lill-impriżi privati jsostnu l-ispejjeż għall-eżerċizzju ta’ dik li hija essenzjalment amministrazzjoni pubblika? Din il-kwistjoni ssir sinjifikattiva f’każijiet ta’ trasferimenti ta’data permanenti u fuq skala kbira li suppost jitwettqu minn impriżi privati għall-ġid komuni mingħajr ebda kumpens ( 47 ). Raġunijiet oħra jistgħu jkunu iktar relatati man-negozju. Jekk wieħed jassumi għal mument qasir, naturalment fil-livell ta’ ipoteżi pura, li l-persuni b’mod ġenerali ma jiħdux pjaċir iħallsu t-taxxi, jista’ ma jkunx eżaġerat ukoll li wieħed jassumi li wħud minn dawn il-persuni jistgħu jagħżlu toroq differenti għar-reklamar tal-karozzi użati tagħhom minn sit internet li mbagħad jikkomunika din l-informazzjoni lill-amministrazzjoni fiskali.

93.

Il-konstatazzjoni ta’ ekwilibriju bejn l-interessi kollha preżenti f’sitwazzjoni bħal din ma hijiex faċli. Minn naħa, li s-setgħa pubblika titlob id-data minn impriżi privati, li għandha tiġi ppreparata u ppreżentata skont ir-rekwiżiti preċiżi tal-ewwel waħda, tista’ tkun perikolożament viċin għal esternalizzazzjoni sfurzata tal-eżerċizzju tal-amministrazzjoni pubblika. Dan jista’ partikolarment ikun il-każ fir-rigward tad-data li mill-bqija hija liberament disponibbli u li l-organi pubbliċi setgħu ġabru huma stess bi ftit sforz tekniku. Min-naħa l-oħra, bħalma l-Gvern Belġjan enfasizza b’mod rilevanti billi indika r-rilevanza iktar wiesgħa tas-sitwazzjoni fil-kawża prinċipali, x’aktarx hija meħtieġa risposta ftit iktar irfinata fis-sitwazzjonijiet ta’ diversi forom ta’ pjattaformi ekonomiċi kondiviżivi, jew f’xenarji oħra li permezz tagħhom l-awtoritajiet pubbliċi jitolbu l-aċċess għal data li hija essenzjali għall-għan pubbliku leġittimu u ddikjarat, li iżda ma tkunx liberament disponibbli, u għalhekk ma tkunx tista’ tinġabar mill-awtoritajiet pubbliċi stess. Madankollu, anki f’dawn iċ-ċirkustanzi, il-kwistjoni tal-possibbiltà ta’ kumpens tibqa’ miftuħa.

94.

Jiena żgur li nara tali kwistjonijiet iħufu fl-isfond tal-kawża prinċipali. Madankollu, il-konstatazzjoni ta’ bilanċ raġonevoli għal tali każijiet għandha sseħħ primarjament fil-livell nazzjonali jew fil-livell tal-Unjoni fl-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni rilevanti li tipprovdi l-bażi legali għal dan it-tip ta’ trasferiment. Din ma għandhiex tkun kwistjoni ta’ intervent ġudizzjarju, a fortiori f’kawża fejn il-qorti tar-rinviju lanqas biss qajmet xi waħda minn dawn id-domandi espliċitament. Barra minn hekk, hemm almenu żewġ raġunijiet oħra għaliex din il-kawża ma hijiex il-kawża korretta għat-trattazzjoni ta’ dan it-tip ta’ diskussjoni.

95.

L-ewwel, bħan-numru ta’ kwistjonijiet oħra li b’xi mod għandhom x’jaqsmu mal-fluss tad-data personali, iżda ma humiex proprjament ikkonċernati bil-protezzjoni tad-drittijiet tal-persuni kkonċernati, tali kwistjonijiet sempliċement ma humiex speċifikament irregolati mir-RĠPD. Il-kwistjoni tal-protezzjoni ġuridika tal-kontrolluri tad-data – impriżi privati kontra l-indħil potenzjalment illegali jew sproporzjonat fil-libertajiet tagħhom ta’ negozju, il-possibbiltà tad-dritt tagħhom għall-proprjetà ( 48 ) jew anki tad-dritt potenzjali tagħhom għal kumpens ġust għad-data ttrasferita – ma hijiex kwistjoni rregolata mir-RĠPD.

96.

It-tieni, sakemm il-bażi legali għal tali trasferiment tad-data ma hijiex prevista mid-dritt tal-Unjoni ( 49 ), il-kwistjoni ta’ kumpens potenzjali għal tali trasferimenti imposti tad-data wkoll huwa diffiċli li tkun kwistjoni ta’ dritt tal-Unjoni. Dan ma jfissirx, għal darba oħra, li tali kwistjonijiet ma jistgħux joriġinaw, anki bħala kwistjoni ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali (tal-kontrolluri tad-data kkonċernati). Madankollu, dawn il-kwistjonijiet imbagħad ikollhom jiġu indirizzati b’mod xieraq mill-qrati tal-Istat Membru, li fl-ewwel lok jimponi tali trasferimenti, Kwalunkwe kawża ta’ dan it-tip għaldaqstant għandha titressaq quddiem qorti nazzjonali (kostituzzjonali).

V. Konklużjoni

97.

Nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi d-domandi preliminari magħmula mill-Administratīvā apgabaltiesa (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali) kif ġej:

L-Artikolu 6(1)(c) u (3) tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data ma jipprekludix regoli nazzjonali milli jistabbilixxu, mingħajr ebda limitazzjoni ratione temporis, obbligu għal fornituri ta’ servizzi ta’ reklamar fuq l-internet li jikkomunikaw ċerta data personali lil amministrazzjoni fiskali, sa fejn hemm bażi legali ċara fid-dritt nazzjonali għal tali tip ta’ trasferimenti tad-data u d-data mitluba tkun xierqa u neċessarja għall-amministrazzjoni fiskali sabiex twettaq l-inkarigi uffiċjali tagħha.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU 2016, L 119, p. 1, rettifika fil-ĠU 2008, L 127, p. 2).

( 3 ) Diġà, fir-rigward tal-eċċezzjonijiet fid-Direttiva 95/46, b’sentenzi tal‑20 ta’ Mejju 2003, Österreichischer Rundfunk et (C‑465/00, C‑138/01 u C‑139/01, EU:C:2003:294, punt 41), u tas‑6 ta’ Novembru 2003, Lindqvist (C‑101/01, EU:C:2003:596, punti 37 sa 48). Iktar reċentement fir-rigward tal-RĠPD, ara s-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2021, B (Punti ta’ penalità) (C‑439/19, EU:C:2021:504, punti 61 sa 72).

( 4 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2018, Wirtschaftsakademie Schleswig-Holstein (C‑210/16, EU:C:2018:388, punti 29 sa 39). Madankollu, ara s-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Fashion ID (C‑40/17, EU:C:2019:629, punt 74).

( 5 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46/KE tal‑24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355.

( 6 ) Sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Nowak (C‑434/16, EU:C:2017:994, punti 18 sa 23).

( 7 ) Sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2017, Rīgas satiksme (C‑13/16, EU:C:2017:336, punti 12 sa 17).

( 8 ) Sentenza tal‑10 ta’ Diċembru 2020, J & S Service (C‑620/19, EU:C:2020:1011, punti 15 sa 29).

( 9 ) Kuntrarjament għal dik li deher li hija l-fehma tal-Qorti tal-Prim’Istanza, l-Administratīvā rajona tiesa (il-Qorti Amministrattiva Distrettwali), li kienet tal-fehma li għal dan l-istadju ta’ pproċessar tad-data l-kontrollur kien ir-rikorrenti (ara iktar ’il fuq, punt 21 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

( 10 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tad‑29 ta’ Ġunju 2010, Il‑Kummissjoni vs Bavarian Lager (C‑28/08 P, EU:C:2010:378, punt 69), u tad‑19 ta’ April 2012, Bonnier Audio et (C‑461/10, EU:C:2012:219, punt 52).

( 11 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tad‑29 ta’ Jannar 2008, Promusicae (C‑275/06, EU:C:2008:54, punt 45), u tas‑6 ta’ Ottubru 2020, Privacy International (C‑623/17, EU:C:2020:790, punt 41), fil-kuntest tad-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 514). Ara wkoll is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2015, Schrems (C‑362/14, EU:C:2015:650, punt 45), fil-kuntest ta’ trasferimenti ta’ data lil pajjiż terz.

( 12 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2020, Land Hessen (C‑272/19, EU:C:2020:535, punt 68).

( 13 ) Sentenza tal‑20 ta’ Mejju 2003, Österreichischer Rundfunk et (C‑465/00, C‑138/01 u C‑139/01, EU:C:2003:294, punti 39 sa 47).

( 14 ) Sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2021, B (Punti ta’ penalità) (C‑439/19, EU:C:2021:504, punti 61 sa 72).

( 15 ) Ara, f’dan is-sens, l-Artikolu 3(7) tad-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI (ĠU 2016, L 119, p. 89, rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 6).

( 16 ) Din il-possibbiltà futura ipotetika ma tantx hija konklużiva sabiex jiġi stabbilit ex ante il-kamp ta’ applikazzjoni normattiv tal-applikabbiltà ta’ strument tad-dritt tal-Unjoni. Ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi magħquda Ministerul Public – Parchetul de pe lângă Înalta Curte de Casaţie şi Justiţie – Direcţia Naţională Anticorupţie et (C‑357/19 u C‑547/19, EU:C:2021:170, punti 109 sa 115), dwar argument simili fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 325(1) TFUE.

( 17 ) Ara, pereżempju, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑11 ta’ Diċembru 2014, Ryneš (C‑212/13, EU:C:2014:2428, punti 30), u tal‑10 ta’ Lulju 2018, Jehovan todistajat (C‑25/17, EU:C:2018:551, punt 51). Fit-tieni kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-ġbir ta’ data personali minn membri ta’ komunità reliġjuża fil-kuntest ta’ attività ta’ ppridkar bieb bieb u l-ipproċessar ulterjuri ta’ din id-data jistgħu jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tar-RĠPD.

( 18 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Nowak (C‑434/16, EU:C:2017:994, punt 62), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li t-tweġibiet bil-miktub mogħtija minn kandidat waqt eżami professjonali u kwalunkwe kummenti tal-eżaminatur marbuta ma’ dawn it-tweġibiet, kienu jikkostitwixxu data personali.

( 19 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tat‑13 ta’ Mejju 2014, Google Spain u Google (C‑131/12, EU:C:2014:317, punt 34), u tal‑5 ta’ Ġunju 2018, Wirtschaftsakademie Schleswig-Holstein (C‑210/16, EU:C:2018:388, punti 28 sa 44), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kunċett ta’ “kontrollur” jinkludi l-amministratur tal-paġna tal-fans ospitata fuq network soċjali.

( 20 ) Ara s-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Fasion ID (C‑40/17, EU:C:2019:629, punti 7274).

( 21 ) Sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Fashion ID (C‑40/17, EU:C:2019:629).

( 22 ) Ibid., punt 67.

( 23 ) Ibid., punt 74.

( 24 ) Għal illustrazzjoni reċenti ta’ pproċessar minn awtoritajiet pubbliċi, ara s-sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2020, Land Hessen (C‑272/19, EU:C:2020:535, punti 6465).

( 25 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tas‑16 ta’ Jannar 2019, Deutsche Post (C-496/17, EU:C:2019:26, punt 57). Ara, ukoll, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑1 ta’ Ottubru 2015, Bara et (C‑201/14, EU:C:2015:638, punt 30), u tas‑27 ta’ Settembru 2017, Puškár (C‑73/16, EU:C:2017:725, punt 104).

( 26 ) Kif notevolment previst fl-Artikolu 13(2) tar-RĠPD, minkejja li f’kuntest ieħor, speċifikament dak tal-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta.

( 27 ) Għall-kompletezza, jista’ jiġi miżjud li xenarji oħra previsti skont ir-RĠPD, bħall-kontroll konġunt bejn l-amministrazzjoni fiskali u l-impriża privata fuq dan l-istadju partikolari tal-ipproċessar (Artikolu 26), jew ir-relazzjoni ta’ kontrollur u proċessur pjuttost meqjusa de facto pjuttost partikolari (Artikolu 28), jidhru li huma esklużi skont il-fatti kif ippreżentati mill-qorti tar-rinviju.

( 28 ) B’żewġ eżempji notevoli fl-Artikoli 26 u 28 tar-RĠPD imsemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna preċedenti, jew, pereżempju, l-Artikolu 19 tar-RĠPD. Madankollu, anki fir-rigward ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, l-inklużjoni regolatorja ta’ dawn il-kategoriji xorta tista’ tiġi kkunsidrata bħala waħda ta’ protezzjoni tad-data, li essenzjalment tiżgura li l-kontrollur ma jistax iċedi r-responsabbiltà u jaħrabha billi jikkondividi d-data, jew billi jesternalizza l-ipproċessar tagħha.

( 29 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tal‑24 ta’ Novembru 2011, Scarlet Extended (C‑70/10, EU:C:2011:771).

( 30 ) Sentenza tal‑20 ta’ Mejju 2003, Österreichischer Rundfunk et (C‑465/00, C‑138/01 u C‑139/01, EU:C:2003:294).

( 31 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Tele2 Sverige vs Watson et (C‑203/15 u C‑698/15, EU:C:2016:970), u tas‑6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et (C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791).

( 32 ) Sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2017, Rīgas satiksme (C‑13/16, EU:C:2017:336).

( 33 ) Sentenza tad‑29 ta’ Jannar 2008, Promusicae (C‑275/06, EU:C:2008:54).

( 34 ) Sentenza tad‑19 ta’ April 2012, Bonnier Audio et (C‑461/10, EU:C:2012:219).

( 35 ) Sentenza tal‑10 ta’ Diċembru 2020, J & S Service (C‑620/19, EU:C:2020:1011).

( 36 ) Ara, pereżempju, fid-dritt tal-Unjoni, l-Artikolu 4 tal-ex Direttiva 2006/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Marzu 2006 dwar iż-żamma ta’ data ġenerata jew proċessata b’konnessjoni mal-provvista ta’ servizzi pubblikament disponibbli ta’ komunikazzjoni elettronika jew ta’ networks ta’ komunikazzjoni pubblika u li temendi d-Direttiva 2002/58/KE (ĠU 2006, L 105, p. 54), jew l-Artikolu 8 tad-Direttiva (UE) 2016/681 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar l-użu ta’ data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri (PNR) għall-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi u kriminalità serja (ĠU 2016, L 119, p. 132).

( 37 ) Ara, pereżempju, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Settembru 2017, Puškár (C‑73/16, EU:C:2017:725, punt 108), fir-rigward tal-istabbiliment ta’ lista minn awtorità pubblika għall-għanijiet tal-ġbir tat-taxxa u l-ġlieda kontra l-frodi.

( 38 ) Ideali fis-sens li ż-żewġ xenarji indikati jirrappreżentaw żewġ estremitajiet fuq linja immaġinarja, minflok kaxex ermenewtikament issiġillati.

( 39 ) Dan għal darba oħra jenfasizza n-natura vera ta’ din il-kawża, li hija ħafna eqreb għax-xenarji li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja ntalbet teżamina diversi xenarji ta’ żamma ta’ data jew trasferimenti ta’ data lil pajjiżi terzi milli kawża RĠPD “vera” (ara iktar ’il fuq fil-punti 56 u 57 ta’ dawn il-konklużjonijiet, kif ukoll il-ġurisprudenza kkwotata fin-noti ta’ qiegħ il-paġna 11, 31 u 44).

( 40 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2005, Alliance for Natural Health et (C‑154/04 u C‑155/04, EU:C:2005:449, punti 9192); tal‑21 ta’ Diċembru 2011, Ziolkowski u Szeja (C‑424/10 u C‑425/10, EU:C:2011:866, punti 4243); jew tal‑25 ta’ Lulju 2018, Confédération paysanne et (C‑528/16, EU:C:2018:583, punti 44 sa 4651).

( 41 ) Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Settembru 2017, Puškár (C‑73/16, EU:C:2017:725, punt 113).

( 42 ) Ara iktar ’il fuq, il-punti 72 sa 73 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 43 ) Ara, pereżempju, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Mejju 2003, Österreichischer Rundfunk et (C‑465/00, C‑138/01 u C‑139/01, EU:C:2003:294, punti 7779).

( 44 ) Ara, pereżempju, iktar reċentement is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, Privacy International (C‑623/17, EU:C:2020:790, punt 68).

( 45 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2015, Bara et (C‑201/14, EU:C:2015:638, punt 33).

( 46 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑1 ta’ Ottubru 2015, Bara et (C‑201/14, EU:C:2015:638, punt 34 sa 38), u tas‑16 ta’ Jannar 2019, Deutsche Post (C‑496/17, EU:C:2019:26, punt 69).

( 47 ) Għal kwistjoni simili fil-kuntest ta’ spejjż għaż-żamma tad-data, ara d-digriet tas‑26 ta’ Novembru 2020, Colt Technology Services et (C‑318/20, mhux ippubblikat, EU:C:2020:969).

( 48 ) F’ekonomiji moderni li huma dejjem iżjed immexxija mid-data, hija biss kwistjoni ta’ żmien sakemm id-data tiġi rrikonoxxuta bħala tip ta’ pussess, jew anki bħala proprjetà, bl-istess mod bħal ma saru numru ta’ assi immaterjali oħra ta’ valur ekonomiku, inkluż tipi varji ta’ proprjetà intellettwali. Ara, f’dan ir-rigward, il-pożizzjoni diġà miftuħa għall-inklużjoni ta’ tipi varji ta’ “pussess” fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 1 tal-Ewwel Protokoll Addizzjonali fil-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, kif muri, pereżempju, f’sentenza tal-Qorti EDB tal‑11 ta’ Jannar 2007, Anheuser-Busch Inc vs Il‑Portugall (CE:ECHR:2007:0111JUD007304901, punti 63 sa 65).

( 49 ) Kif tkun, bil-maqlub, is-sitwazzjoni fil-każijiet fejn it-trasferimenti, iż-żamma jew l-ipproċessar tad-data huma previsti minn strument tad-dritt tal-Unjoni, kif huwa l-każ bl-eżempji pprovduti iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 36. Inċidentalment, il-Proposta oriġinali għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar iż-żamma ta’ data pproċessata inkonnessjoni mal-provvista ta’ servizzi pubbliċi ta’ komunikazzjoni elettronika u li temenda d-Direttiva 2002/58/KE {SEC(2005) 1131}, COM/2005/0438 finali - COD 2005/0182, imressqa mill-Kummissjoni, dehret li indirettament tirrikonoxxi dan fl-Artikoli 10 u l-premessa 13 oriġinarjament proposti minnha. Dawn id-dispożizzjonijiet, madankollu, ma nżammewx fil-verżjoni adottata tad-direttiva.