KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

HOGAN

ippreżentati fil‑15 ta’ Lulju 2021 ( 1 )

Kawżi magħquda C‑33/20, C‑155/20 u C‑187/20

UK

vs

Volkswagen Bank GmbH (C‑33/20)

u

RT,

SV,

BC

vs

Volkswagen Bank GmbH,

Skoda Bank, sussidjarja ta’ Volkswagen Bank GmbH (C‑155/20)

u

JL,

DT

vs

BMW Bank GmbH,

Volkswagen Bank GmbH (C‑187/20)

(Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landgericht Ravensburg (il-Qorti Reġjonali ta’ Ravensburg, il-Ġermanja))

(Talba għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumatur – Kreditu għall-konsum – Direttiva 2008/48/KE – Artikolu 10(2) – Rekwiżiti dwar l-informazzjoni li għandha tingħata fil-kuntratt – Rata ta’ interessi moratorji – Artikolu 14 – Dritt ta’ kanċellazzjoni)

I. Introduzzjoni

1.

Dawn it-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw essenzjalment l-obbligi ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu biex jipprovdu ċerta informazzjoni li tikkonċerna t-termini ta’ kreditu lil konsumaturi u l-konsegwenzi fil-każ ta’ nuqqas ta’ provvista ta’ tali informazzjoni. F’sens wiesa’, dawn it-talbiet għal deċiżjoni preliminari kollha għandhom sfond fattwali simili inkwantu jikkonċernaw l-interpretazzjoni korretta tal-Artikolu 10(2)(a), (d), (l), (r), (s) u (t) u tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ April 2008 dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE (ĠU 2008, L 133, p. 66, rettifiki fil-ĠU 2009, L 207, p. 14, fil-ĠU 2010, L 199, p. 40, u fil-ĠU 2011, L 234, p. 46).

2.

Dawn it-talbiet saru mil-Landgericht Ravensburg (il-Qorti Reġjonali ta’ Ravensburg, il-Ġermanja) fil-kuntest ta’ tilwim bejn konsumaturi varji u kumpanniji ta’ self għal karozzi li jikkonċerna l-validità tal-applikazzjonijiet ta’ rtirar sottomessi minn dawn il-konsumaturi. Filwaqt li dawn l-applikazzjonijiet kollha waslu ħafna wara li skada l-perijodu ta’ erbatax-il jum mid-data tal-iffirmar tal-kuntratt ta’ kreditu previst fl-Artikolu 14(1)(a) tad-Direttiva 2008/48, il-konsumaturi inkwistjoni jsostnu li huma intitolati li jieħdu dan il-pass għar-raġuni li dawn il-kuntratti ma kienx fihom il-biċċiet kollha ta’ informazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva. Dawn il-kawżi għaldaqstant jindirizzaw il-kwistjoni diffiċli – iżda minkejja dan essenzjali – dwar il-livell ta’ preċiżjoni tal-informazzjoni li tinsab fil-kuntratt meħtieġa mill-Artikolu 10, kif ukoll il-kwistjoni relatata dwar kif il-qrati nazzjonali għandhom jirreaġixxu meta l-konsumaturi jippruvaw jisfruttaw in-nuqqas ta’ adegwatezza potenzjali tal-informazzjoni għall-vantaġġ tagħhom ( 2 ). Qabel ma jiġu kkunsidrati dawn id-domandi, madankollu, huwa neċessarju li jiġu stabbiliti d-dispożizzjonijiet legali rilevanti.

II. Il-kuntest ġuridiku

A.   Id-dritt tal-Unjoni

3.

Il-premessi 4 sa 9, 18, 19, 30, 31 u 35 tad-Direttiva 2008/48 jiddikjaraw:

“(4)

Is-sitwazzjoni de facto u de jure li tirriżulta minn dawk id-differenzi nazzjonali f’xi każijiet twassal għal distorsjonijiet tal-kompetizzjoni fost il-kredituri fil-Komunità u toħloq ostakoli għas-suq intern fejn Stati Membri adottaw dispożizzjonijiet obbligatorji differenti aktar strinġenti minn dawk previsti fid-Direttiva [tal-Kunsill] 87/102/KEE [tat‑22 ta’ Diċembru 1986 għall-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri dwar il-kreditu lill-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 326)]. Hi tirrestrinġi l-ħila tal-konsumaturi li jagħmlu użu dirett mid-disponibbiltà li dejjem qed tiżdied tal-kreditu trans-konfini. Dawk id-distorsjonijiet u restrizzjonijiet jista’ mbagħad ikollhom konsegwenzi f’termini ta’ talba għal merkanzija u servizzi.

(5)

Fi snin reċenti t-tipi ta’ kreditu offruti lil u użati minn konsumaturi evolvew b’mod konsiderevoli. Tfaċċaw strumenti ġodda ta’ kreditu, u l-użu tagħhom qed ikompli jiżviluppa. Jeħtieġ għalhekk li jiġu emendati d-dispożizzjonijiet eżistenti u jiġi estiż l-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom, fejn xieraq.

(6)

Skond it-Trattat, is-suq intern jikkonsisti f’żona mingħajr fruntieri interni fejn il-moviment liberu ta’ merkanzija u servizzi u l-libertà li wieħed jistabbilixxi ruħu huma żgurati. L-iżvilupp ta’ suq tal-kreditu iktar trasparenti u effiċjenti fiż-żona mingħajr fruntieri interni hu vitali sabiex jiġi promoss l-iżvilupp ta’ attivitajiet trans-konfinali.

(7)

Sabiex ikun faċilitat l-iżvilupp ta’ suq intern ta’ kreditu lill-konsumaturi li jiffunzjona tajjeb, jeħtieġ li jsir provvediment għal qafas Komunitarju armonizzat f’numru ta’ oqsma ċentrali. Bil-ħsieb tas-suq tal-kreditu lill-konsumaturi li qed jiżviluppa kontinwament u l-mobbiltà taċ-ċittadini Ewropej li qed tiżdied, leġiżlazzjoni Komunitarja li tħares il quddiem u li kapaċi tadatta ruħha għal forom futuri ta’ kreditu u li tippermetti lil Stati Membri l-livell xieraq ta’ flessibbiltà fl-implimentazzjoni tagħhom għandha tgħin biex jiġi stabbilit korp modern ta' liġi dwar kreditu lill-konsumaturi.

(8)

Huwa importanti li s-suq għandu joffri livell suffiċjenti ta’ protezzjoni lill-konsumatur biex jiżgura l-fiduċja tal-konsumatur. Għalhekk għandu jkun possibli li l-moviment liberu ta’ offerti ta’ kreditu jsir taħt kondizzjonijiet ottimali kemm għal dawk li joffru kreditu u kemm għal dawk li għandhom bżonnu, b’attenzjoni dovuta għal sitwazzjonijiet speċifiċi fl-Istati Membri individwali.

(9)

Armonizzazzjoni sħiħa hija meħtieġa biex tiżgura li l-konsumaturi kollha fil-Komunità igawdu livell għoli u ekwivalenti ta’ protezzjoni ta’ l-interessi tagħhom u biex jinħoloq suq intern ġenwin. L-Istati Membri għalhekk m’għandhomx jitħallew iżommu jew jintroduċu dispożizzjonijiet nazzjonali għajr dawk stabbiliti f’din id-Direttiva. Madankollu, tali restrizzjoni għandha tapplika biss fejn hemm dispożizzjonijiet armonizzati f’din id-Direttiva. Fejn tali dispożizzjonijiet armonizzati ma jeżistux, l-Istati Membri għandhom jibqgħu ħielsa li jżommu jew jintroduċu leġiżlazzjoni nazzjonali. Bl-istess mod, l-Istati Membri jistgħu, per eżempju, iżommu jew jintroduċu dispożizzjonijiet nazzjonali dwar responsabbiltà konġunta solidali tal-bejjiegħ jew fornitur tas-servizzi u l-kreditur. Eżempju ieħor ta’ din il-possibbiltà għall-Istati Membri jista’ jkun li jinżammu jew jiġu introdotti dispożizzjonijiet nazzjonali fuq il-kanċellazzjoni ta’ kuntratt ta’ bejgħ ta’ merkanzija jew il-forniment ta’ servizzi jekk il-konsumatur jeżerċita d-dritt tiegħu li jirtira mill-ftehim ta’ kreditu. F’dan ir-rigward l-Istati Membri, fil-każ ta’ ftehim ta’ kreditu bla skadenza fissa, għandhom ikunu jistgħu jistipulaw perijodu minimu li għandu jgħaddi bejn il-mument meta l-kreditur jitlob radd lura u l-jum li fih il-kreditu jrid jiġi imħallas.

[…]

(18)

[…] Madankollu, din id-Direttiva għandha jkun fiha dispożizzjonijiet speċifiċi dwar reklamar li jikkonċerna ftehim ta’ kreditu kif ukoll ċerti elementi ta’ informazzjoni standard għandhom jingħataw lill-konsumaturi sabiex ikunu jistgħu, b’mod partikolari, iqabblu offerti differenti. Tali informazzjoni għandha tingħata b’mod ċar, konċiż u prominenti permezz ta’ eżempju rappreżentattiv. […]

(19)

Sabiex il-konsumaturi jkunu jistgħu jagħmlu d-deċiżjonijiet tagħhom b’għarfien sħiħ tal-fatti, huma għandhom jirċievu informazzjoni adegwata, li l-konsumatur jista’ jieħu miegħu biex jikkunsidraha, qabel il-konklużjoni tal-ftehim ta’ kreditu, dwar il-kondizzjonijiet u l-ispiża tal-kreditu u l-obbligi tagħhom. Biex ikunu żgurati trasparenza u komparabbiltà ta’ offerti bl-aktar mod sħiħ possibbli, tali informazzjoni għandha, b’mod partikolari, tinkludi r-rata ta’ imposta perċentwali fis-sena [iktar ’il quddiem ir-“RPS”] applikabbli għall-kreditu, u maħduma madwar il-Komunità kollha bl-istess mod. […]

[…]

(30)

Din id-Direttiva ma tirregolax kwistjonijiet ta’ liġi tal-kuntratti marbutin mal-validità ta’ ftehim ta’ kreditu. Għalhekk, f’dan il-qasam, l-Istati Membri jistgħu jżommu jew jintroduċu dispożizzjonijiet nazzjonali li huma f’konformità mal-liġi Komunitarja. […]

(31)

Sabiex il-konsumatur ikun f’pożizzjoni li jkun jaf id-drittijiet u l-obbligi tiegħu skond il-ftehim ta’ kreditu, għandu jkun fih l-informazzjoni kollha meħtieġa b’mod ċar u konċiż.

[…]

(35)

Fejn konsumatur jirtira minn ftehim ta’ kreditu li b’konnessjoni miegħu jkun irċieva merkanzija, partikolarment minn xiri b’pagamenti bin-nifs jew ftehim ta’ kiri jew ftehim ta’ leasing li jipprevedu obbligu ta’ xiri, din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe regolament mill-Istati Membri ta’ kwistjonijiet dwar ir-ritorn tal-merkanzija jew kwalunkwe kwistjoni relatata.”

4.

L-Artikolu 3 tad-Direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprevedi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw:

[…]

(n)

‘ftehim ta’ kreditu konness’ tfisser ftehim ta’ kreditu fejn

(i)

il-kreditu in kwistjoni jservi esklussivament biex jiffinanzja ftehim għall-provvista ta’ merkanzija speċifika jew il-forniment ta’ servizz speċifiku, u

(ii)

dawk iż-żewġ ftehim jiffurmaw minn perspettiva oġġettiva unità kummerċjali; unità kummerċjali għandha tiġi kkunisdrata li teżisti fejn il-fornitur jew dak li jipprovdi servizz innifsu jiffinanzja l-kreditu lill-konsumatur jew, jekk ikun iffinanzjat minn parti terza, fejn il-kreditur juża s-servizzi tal-fornitur jew ta’ dak li jipprovdi s-servizz b’konnessjoni mal-konklużjoni, jew it-tħejjija, tal-ftehim ta’ kreditu, jew fejn il-merkanzija speċifika jew il-proviżjoni ta’ servizz speċifiku huma espliċitament speċifikati fil-ftehim ta’ kreditu.”

5.

L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/48, intitolat “Informazzjoni prekuntrattwali”, jispeċifika:

“1.   Fi żmien debitu qabel ma l-konsumatur ikun marbut minn kwalunkwe ftehim jew offerta ta’ kreditu, il-kreditur u, fejn applikabbli, l-intermedjarju tal-kreditu għandhom, abbażi tat-termini u l-kondizzjonijiet ta’ kreditu offruti mill-kreditur u, jekk applikabbli, il-preferenzi espressi u l-informazzjoni fornuta mill-konsumatur, jipprovdu lill-konsumatur bl-informazzjoni meħtieġa biex iqabbel offerti differenti sabiex jieħu deċiżjoni informata dwar jekk jikkonkludix ftehim ta’ kreditu. Tali informazzjoni, fuq karta jew fuq mezz durabbli ieħor, għandha tiġi provduta permezz tal-formola ta’ ‘Informazzjoni Standard Ewropea dwar il-Kreditu lill-Konsumatur’ pprovduta fl-Anness II. Il-kreditur għandu jiġi meqjus li ssodisfa ir-rekwiżiti tal-informazzjoni f’dan il-paragrafu u fl-Artikolu 3 (1) u (2) tad-Direttiva 2002/65/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ Settembru 2002 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq b’distanza ta’ servizzi finanzjarji ta' konsumaturi u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 90/619/KEE u d-Direttivi 97/7/KE u 98/27/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 4, p. 321, u r-rettifika fil-ĠU 2013, L 228, p. 14)] jekk forna l-Informazzjoni Standard Ewropea dwar il-Kreditu lill-Konsumatur.

Din l-informazzjoni għandha tispeċifika:

[…]

(l)

ir-rata ta’ l-interessi applikabbli fil-każ ta’ ħlas tard u l-arranġamenti għall-aġġustament tagħha, u, fejn applikabbli, l-imposti dovuti minħabba nuqqas ta’ ħlas;

[…]”

6.

L-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva, intitolat “Informazzjoni li għandha tiġi inkluża fi ftehim ta’ kreditu”, jipprevedi:

“1.   Ftehim ta’ kreditu għandhom jitfasslu fuq karta jew fuq mezz durabbli ieħor.

Il-partijiet kontraenti kollha għandhom jirċievu kopja tal-ftehim ta’ kreditu. Dan l-Artikolu għandu jkun mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe regola nazzjonali rigward il-validità tal-konklużjoni ta’ ftehim ta’ kreditu, li huma f’konformità mal-liġi Komunitarja.

2.   Il-ftehim ta’ kreditu għandu jispeċifika b’mod ċar u konċiż:

[…]

(l)

ir-rata ta’ interessi applikabbli f’każ ta’ ħlas tard kif applikabbli fiż-żmien tal-konklużjoni tal-ftehim ta’ kreditu u l-arranġamenti għall-aġġustament tagħha u, fejn applikabbli, l-imposti dovuti minħabba nuqqas ta’ ħlas;

[…]

(t)

jekk jeżistix jew le mekkaniżmu ta’ ilment barra mill-qorti u ta’ riżarċiment għall-konsumatur u, jekk iva, il-metodi ta’ l-aċċess għalih;

[…]”

7.

L-Artikolu 14 tad-Direttiva 2008/48, intitolat “Dritt ta’ rtirar”, jinqara kif ġej:

“1.   Il-konsumatur għandu jkollu perijodu ta’ erbatax‑il jum ta’ kalendarju li matulhom jista’ jirtira mill-ftehim ta’ kreditu mingħajr ma jagħti l-ebda raġuni.

Dak il-perijodu ta’ rtirar għandu jibda:

(a)

jew fil-jum tal-konklużjoni tal-ftehim ta’ kreditu, jew

(b)

fil-jum li fih il-konsumatur jirċievi t-termini u l-kondizzjonijiet u l-informazzjoni kuntrattwali skond l-Artikolu 10, jekk dak il-jum ikun aktar tard mid-data msemmija f’punt (a) ta’ dan is-subparagrafu.

[…]

3.   Jekk il-konsumatur jeżerċita d-dritt ta’ rtirar tiegħu, huwa għandu:

[…]

(b)

biex iħallas lill-kreditur il-kapital u l-interessi akkumulati fuq dan il-kapital mid-data li fiha s-self ikun inġibed sad-data li fiha jitħallas il-kapital, mingħajr ebda dewmien bla bżonn u mhux aktar tard minn 30 jum ta’ kalendarju wara li jkun bagħat in-notifika ta’ l-irtirar lill-kreditur. L-interessi għandhom jiġu kkalkolati abbażi tar-rata tas-self miftehma. Il-kreditur m’għandhux ikun intitolat għall-ebda kumpens ieħor mill-konsumatur fil-każ ta’ rtirar, ħlief għal kumpens għall-imposti li ma jistgħux jitreġġgħu lura mħallsin mill-kreditur lill-kwalunke entità ta’ amministrazzjoni pubblika.”

8.

L-Artikolu 15(1) tad-Direttiva, intitolat “Ftehim ta’ kreditu konnessi” jipprevedi:

“Fejn il-konsumatur ikun eżerċita dritt ta’ rtirar ibbażat fuq il-liġi Komunitarja fir-rigward ta’ kuntratt għall-forniment ta’ merkanzija jew servizzi, hu ma għandux ikun iżjed marbut bi ftehim ta’ kreditu konness.”

9.

L-Artikolu 22(1) tad-Direttiva 2008/48, intitolat “Armonizzazzjoni u n-natura imperattiva tad-Direttiva”, jipprevedi:

“Safejn din id-Direttiva fiha dispożizzjonijiet armonizzati, l-Istati Membri ma jistgħux iżommu jew jintroduċu fil-liġi nazzjonali tagħhom dispożizzjonijiet li jiddevjaw minn dawk stabbiliti f’din id-Direttiva.”

B.   Id-dritt Ġermaniż

10.

L-Artikolu 247(3) sa (7) tal-Einführungsgesetz zum Bürgerlichen Gesetzbuch (il-Liġi Introduttorja għall-Kodiċi Ċivili) tal‑21 ta’ Settembru 1994 (BGBl. 1994 I, p. 2494, rettifika fil-BGBl. 1997 I, p. 1061), fil-verżjoni applikabbli għall-fatti fil-kawżi prinċipali (iktar ’il quddiem l-“EGBGB”), intitolati “Rekwiżiti fil-qasam tal-informazzjoni għall-kuntratti ta’ kreditu għall-konsum, għall-għajnuna finanzjarja mħallsa u għall-kuntratti ta’ bejgħ ta’ kreditu”, jipprevedi:

“§3   Kontenut tal-informazzjoni prekuntrattwali

(1) L-informazzjoni pprovduta qabel il-konklużjoni tal-kuntratt għandha tinkludi:

[…]

2. It-tip ta’ self

[…]

9. Il-kundizzjonijiet biex isiru disponibbli l-fondi,

[…]

11. Ir-rata tal-interessi moratorji u l-modalitajiet għall-aġġustament tagħha, kif ukoll, fejn applikabbli, l-ispejjeż għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni,

[…]

§6   Il-kontenut tal-kuntratt

(1) L-informazzjoni li ġejja għandha tiġi inkluża fil-kuntratt ta’ kreditu għall-konsum b’mod ċar u li jinftiehem:

1.

L-informazzjoni indikata fil-punti 1 sa 14 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 u fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 3,

[…]

5.

Il-proċedura li għandha tiġi segwita għax-xoljiment tal-kuntratt

[…]

§7   Informazzjoni oħra fil-kuntratt

(1) L-informazzjoni li ġejja għandha tiġi inkluża fil-kuntratt ta’ kreditu għall-konsum b’mod ċar u li jinftiehem, sa fejn huwa rilevanti għall-kuntratt:

[…]

3.

Il-metodu tal-kalkolu tal-kumpens għal rimbors antiċipat, sakemm il-kreditur ikollu l-intenzjoni li jasserixxi d-dritt tiegħu għal tali kumpens fil-każ ta’ rimbors antiċipat tas-self mill-persuna li tissellef,

4.

Aċċess tal-persuna li tissellef għal proċedura extraġudizzjarja ta’ lment u ta’ rimedju u, jekk applikabbli, il-kundizzjonijiet għal tali aċċess.

[…]”

11.

L-Artikolu 247 tal-Bürgerliches Gesetzbuch (BGB) (il-Kodiċi Ċilivi), fil-verżjoni applikabbli għall-fatti fil-kawżi prinċipali (iktar ’il quddiem il-“BGB”), intitolat “Rata ta’ interessi bażika”, jipprevedi:

“(1)   Ir-rata ta’ interessi bażika għandha tkun ta’ 3.62 %. Fl‑1 ta’ Jannar u fl‑1 ta’ Lulju ta’ kull sena, din għandha tiġi aġġustata permezz tal-punti perċentwali li bih il-valur ta’ referenza żdied jew naqas mill-aħħar aġġustament. Il-valur ta’ referenza jikkorrispondi għar-rata ta’ interessi stabbilita mill-Bank Ċentrali Ewropew [(BĊE)] għall-operazzjoni ta’ rifinanzjament prinċipali l-iżjed reċenti mwettqa qabel l-ewwel jum kalendarju tas-semestru rilevanti.

(2)   Id-Deutsche Bundesbank [il-Bank Ċentrali Ġermaniż] għandu jippubblika r-rata ta’ interessi bażika fil-Bundesanzeiger [il-Ġurnal Uffiċjali Ġermaniż] immedjatament wara d-dati speċifikati fit-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu.”

12.

L-Artikolu 288 tal-BGB, intitolat “Interessi moratorji u kumpens ieħor”, jipprevedi fil-paragrafu 1:

“Kull dejn ta’ flus għandu jakkumula l-interessi matul il-perijodu ta’ dewmien. Ir-rata ta’ interessi moratorji għandha tkun ta’ ħames punti perċentwali fis-sena ogħla mir-rata ta’ interessi bażika.”

13.

L-Artikolu 355 tal-BGB, intitolat “Dritt ta’ rtirar mill-kuntratti tal-konsumaturi”, jinqara kif ġej:

“(1)   Fejn il-liġi tagħti lill-konsumatur dritt ta’ rtirar konformement ma’ din id-dispożizzjoni, il-konsumatur u l-professjonist ma jibqgħux marbuta mad-dikjarazzjonijiet tagħhom tal-intenzjoni li jikkonkludu l-kuntratt, jekk il-konsumatur irtira d-dikjarazzjoni tiegħu għal dan il-għan fil-perijodu speċifikat. […]

(2)   Il-perijodu ta’ rtirar huwa ta’ erbatax-il jum. Sakemm ma jiġix previst mod ieħor, dan għandu jibda jiddekorri mill-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt.”

14.

L-Artikolu 356b tal-BGB, intitolat “Dritt ta’ rtirar fil-kuntratti ta’ kreditu konklużi mal-konsumaturi”, jipprevedi fil-paragrafu 2 tiegħu:

“Jekk id-dokument ippreżentat lil min jissellef skont il-paragrafu 1 ma jkunx fih l-informazzjoni obbligatorja prevista fl-Artikolu 492(2), it-terminu ta’ dekadenza jibda jiddekorri biss minn meta dan in-nuqqas jiġi rrimedjat skont l-Artikolu 492(6) […]”

15.

L-Artikolu 357 tal-BGB, intitolat “Konsegwenzi legali ta’ rtirar minn kuntratti konklużi lil hinn mill-post tan-negozju u kuntratti mill-bogħod, bl-eċċezzjoni ta’ kuntratti għal servizzi finanzjarji”, jipprevedi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Il-benefiċċji rċevuti għandhom jiġu rritornati sa mhux iktar tard wara erbatax-il jum.”

16.

Skont l-Artikolu 357a(1) tal-BGB, intitolat “Konsegwenzi legali ta’ rtirar minn kuntratti għal servizzi finanzjarji”:

“Il-benefiċċji rċevuti għandhom jiġu rritornati sa mhux iktar tard minn tletin jum.”

17.

L-Artikolu 358 tal-BGB, intitolat “Kuntratt assoċjat mal-kuntratt irtirat”, jinqara kif ġej:

“[…]

(2)   Jekk il-konsumatur ikun irtira b’mod validu d-dikjarazzjoni ta’ intenzjoni tiegħu li jikkonkludi kuntratt ta’ kreditu għall-konsum fuq il-bażi tal-Artikolu 495(1) jew tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 514(2), huwa barra minn hekk ma jibqax iktar marbut bid-dikjarazzjoni ta’ intenzjoni tiegħu li jikkonkludi kuntratt għall-provvista ta’ oġġetti jew ta’ servizz ieħor assoċjat ma’ dan il-kuntratt ta’ kreditu għall-konsum.

(3)   Kuntratt għall-provvista ta’ oġġetti jew ta’ servizzi oħra u kuntratt ta’ kreditu skont il-paragrafi 1 u 2 ikunu assoċjati jekk il-kreditu jservi biex jiffinanzja l-kuntratt l-ieħor totalment jew parzjalment u jekk it-tnejn li huma jifformaw unità ekonomika. Tali unità għandha tiġi aċċettata, b’mod partikolari, fejn il-professjonist innifsu jiffinanzja l-kontroprestazzjoni tal-konsumatur jew, fil-każ ta’ ffinanzjar minn terz, fejn il-kreditur jinvolvi lill-professjonist fil-preparazzjoni jew fil-konklużjoni tal-kuntratt ta’ kreditu.

(4)   L-Artikolu 355(3) u, skont it-tip ta’ kuntratt assoċjat, l-Artikoli 357 sa 357b, għandhom japplikaw mutatis mutandis għax-xoljiment tal-kuntratt assoċjat, indipendentement mill-metodu ta’ kummerċjalizzazzjoni [...] F’negozju mal-konsumatur il-kreditur għandu jassumi d-drittijiet u l-obbligi ta’ professjonist li jirriżultaw mill-kuntratt assoċjat fir-rigward tal-konsegwenzi legali ta’ rtirar jekk, fil-mument meta jsir l-irtirar, l-ammont tas-self ikun diġà tħallas lill-operatur.”

18.

L-Artikolu 491a tal-BGB, intitolat “Obbligi ta’ informazzjoni prekuntrattwali b’rabta ma’ kuntratti ta’ kreditu konklużi ma’ konsumaturi”, jipprevedi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“B’rabta ma’ kuntratt ta’ kreditu konkluż ma’ konsumatur, il-kreditur għandu jinforma lill-persuna li tissellef dwar il-kwistjonijiet li jirriżultaw mill-Artikolu 247 [tal-EGBGB] fil-forma prevista fih.”

19.

L-Artikolu 492 tal-BGB, intitolat “Forma bil-miktub, kontenut tal-kuntratt”, jipprevedi:

“(1)   Kuntratti ta’ kreditu għall-konsum għandhom ikunu bil-miktub, sakemm ma tiġix prevista forma oħra iktar stretta. […]

(2)   Il-kuntratt għandu jkun fih l-informazzjoni prevista mill-Artikolu 247(6) sa (13) [tal-EGBGB] għal kuntratti ta’ kreditu ma’ konsumaturi.

[…]

(5)   L-informazzjoni li l-kreditur għandu jipprovdi lill-persuna li tissellef wara li l-kuntratt ikun sar għandha titqiegħed fuq mezz durabbli.”

20.

L-Artikolu 495 tal-BGB, intitolat “Dritt ta’ rtirar; perijodu ta’ riflessjoni”, jinqara kif ġej fil-paragrafu 1:

“Fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ kreditu konkluż ma’ konsumatur, il-persuna li tissellef għandha dritt ta’ rtirar konformement mal-Artikolu 355 [tal-BGB].”

III. Il-fatti fil-kawżi prinċipali u t-talba għal deċiżjoni preliminari

A.   Il-Kawża C‑33/20

21.

F’Diċembru 2015, UK, konsumatur, akkwista vettura bil-mutur. Sabiex jiffinanzja dan l-akkwist, dan il-konsumatur ħallas kapparra u daħal f’kuntratt ta’ kreditu għall-konsum b’assigurazzjoni fuq il-bilanċ pendenti. Il-kuntratt ta’ kreditu għall-konsum fih id-dikjarazzjoni li ġejja:

“Jekk il-kuntratt jiġi xolt, tintalab tħallas bir-rata statutorja tal-interessi moratorji. Ir-rata tal-interessi moratorji annwali hija ta’ ħames punti perċentwali ogħla mir-rata tal-interessi bażika rispettiva.”

22.

Madankollu, dan il-kuntratt ta’ kreditu ma jindikax, fil-forma ta’ numru assolut, ir-rata ta’ interessi moratorji applikabbli, u lanqas ma jsemmi r-rata ta’ referenza użata sabiex tiġi stabbilita r-rata ta’ interessi moratorji applikabbli fil-mument tal-iffirmar tal-kuntratt, jiġifieri, ir-rata prevista fl-Artikolu 247 tal-BGB. Fil-fehma tal-qorti nazzjonali, il-formulazzjoni li tinsab fil-kuntratt tal-kreditu ma tissodisfax l-obbligu fuq il-fornituri ta’ kuntratti ta’ kreditu għall-konsum li jindikaw il-mekkaniżmu għall-aġġustament tar-rata tal-interessi moratorji.

23.

Il-qorti tar-rinviju tiddikjara, madankollu, li UK irċieva, qabel il-konklużjoni ta’ dan il-kuntratt, dokument intitolat “Informazzjoni Standard Ewropea dwar il-Kreditu lill-Konsumatur”, miktub skont il-mudell stabbilit fl-Anness II tad-Direttiva 2008/48, li jiddikjara li r-rata ta’ interessi bażika hija ddeterminata mid-Deutsche Bundesbank u ffissata fl‑1 ta’ Jannar u fl‑1 ta’ Lulju ta’ kull sena rispettivament. Madankollu, il-qorti tar-rinviju hija tal-fehma li din l-informazzjoni ma tistax titqies li tifforma parti mill-kuntratt minħabba n-nuqqas min-naħa tal-istituzzjoni ta’ kreditu kkonċernata milli tikkonforma ma’ regola formali stabbilita fl-Artikolu 492(1) tal-BGB, mingħajr kjarifika ulterjuri dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tar-regola formali kkonċernata.

24.

UK kien jagħmel pagamenti ta’ kull xahar b’mod regolari. Madankollu, ħafna wara li kien skada l-erbatax-il jum mill-konklużjoni tal-kuntratt, iżda qabel ma s-self kien tħallas lura kollu, UK talab li jirtira mill-kuntratt inkwistjoni. Huwa sostna li tali applikazzjoni tardiva għall-irtirar għandha madankollu tkun valida peress li Volkswagen Bank ma kinitx ipprovdietlu l-informazzjoni kollha meħtieġa mil-leġiżlazzjoni Ġermaniża li tittrasponi d-Direttiva 2008/48. Volkswagen Bank irrifjutat dan l-irtirar.

25.

Bi tweġiba, UK ippreżenta azzjoni li fiha talab li, inkambju għar-ritorn tal-vettura mixtrija, għandu jiġi deċiż li huwa qua xerrej ma kienx obbligat li jħallas il-pagamenti ta’ kull xahar rimanenti. UK talab ukoll ir-rimbors tal-pagamenti kollha ta’ kull xahar, inkluż l-interessi, u d-depożitu li diġà tħallas lill-bejjiegħ.

26.

Il-qorti tar-rinviju għandha d-dubji dwar jekk l-informazzjoni li tinsab fil-kuntratt tikkonformax mar-rekwiżiti tal-Artikolu 492 tal-BGB moqri flimkien mal-Artikolu 247 tal-EGBGB, kif interpretat fid-dawl tad-Direttiva 2008/48. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Landgericht Ravensburg (il-Qorti Reġjonali ta’ Ravensburg, il-Ġermanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“(1)

L-Artikolu 10(2)(l) tad-Direttiva[ 2008/48/KE] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kuntratt ta’ kreditu:

(a)

għandu jindika, f’forma ta’ numru assolut, ir-rata tal-interessi moratorji applikabbli fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt ta’ kreditu jew, minn tal-inqas, ir-rata tal-interessi ta’ referenza (f’dan il-każ, ir-rata tal-interessi bażika konformement mal-Artikolu 247 tal-[BGB] li minnha tirriżulta r-rata tal-interessi moratorji applikabbli b’mod addizzjonali (f’dan il-każ, ta’ 5 punti perċentwali konformement mat-tieni sentenza tal-Artikolu 288(1) tal-BGB)?

(b)

għandu jiddeskrivi b’mod konkret il-mekkaniżmu għall-aġġustament tar-rata tal-interessi moratorji jew, minn tal-inqas, għandu jirreferi għad-dispożizzjonijiet nazzjonali li minnhom ikun jista’ jiġi dedott l-aġġustament tar-rata tal-interessi moratorji (Artikolu 247 u t-tieni sentenza tal-Artikolu 288(1) tal-BGB)?

(2)

L-Artikolu 10(2)(r) tad-Direttiva 2008/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kuntratt ta’ kreditu għandu, fir-rigward tal-kalkolu tal-kumpens dovut fil-każ ta’ rimbors antiċipat tas-self, jindika formola matematika konkreta li tkun tista’ tinftiehem mill-konsumatur, b’tali mod li dan ikun jista’ jikkalkola, minn tal-inqas b’mod approssimattiv, l-ammont tal-kumpens dovut fil-każ ta’ xoljiment antiċipat?

(3)

L-Artikolu 10(2)(s) tad-Direttiva 2008/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kuntratt ta’ kreditu:

(a)

għandu jindika wkoll id-drittijiet ta’ xoljiment tal-partijiet fil-kuntratt ta’ kreditu previsti mid-dritt nazzjonali, b’mod partikolari wkoll id-dritt ta’ xoljiment għal raġuni gravi tal-persuna li ssellef [tissellef] konformement mal-Artikolu 314 tal-BGB fil-qasam tal-kuntratti ta’ kreditu għal żmien determinat?

(b)

għandu jindika, rispettivament, għad-drittijiet ta’ xoljiment kollha tal-partijiet fil-kuntratt ta’ kreditu, it-terminu u l-forma tad-dikjarazzjoni ta’ xoljiment meħtieġa sabiex jiġi eżerċitat id-dritt ta’ xoljiment?

B.   Il-Kawża C‑155/20

27.

Fl‑24 ta’ Lulju 2014, fit‑3 ta’ Jannar 2015, u fit‑23 ta’ Mejju 2015 rispettivament, tliet konsumaturi differenti, BC, RT, u SV, daħlu f’kuntratti ta’ kreditu assenjati ma’ Volkswagen Bank u Skoda Bank, fergħa ta’ Volkswagen Bank, għax-xirja ta’ vetturi għal użu privat minn aġenti ta’ vetturi. Il-fatti huma simili għal dawk fil-Kawża C‑33/20, ħlief għall-fatt li SV u BC irtiraw wara li s-self tħallas kollu lura. Fil-każ ta’ SV, hija kienet diġà biegħet il-vettura lill-aġent li kien oriġinarjament biegħha lilha qabel ma eżerċitat id-dritt tagħha ta’ rtirar. F’dan il-kuntest, SV targumenta li, b’riżultat tal-eżerċizzju tad-dritt tagħha ta’ rtirar, hija intitolata li tiġi rrimborsata d-differenza bejn il-prezz tax-xiri, inklużi l-interessi, u l-prezz tal-bejgħ mill-ġdid.

28.

Fir-rigward tal-kuntratti inkwistjoni, il-qorti tar-rinviju tiddikjara li hija tikkunsidra li d-dokumenti intitolati “Informazzjoni Standard Ewropea dwar il-Kreditu lill-Konsumatur” ipprovduti lil RT, SV u BC ma jistgħux jitqiesu, taħt id-dritt Ġermaniż, li jifformaw parti mill-kuntratt ta’ kreditu peress li dawn id-dokumenti ma jikkonformawx mar-rekwiżiti formali taħt l-Artikolu 492(1) tal-BGB fir-rigward tal-impaġnar.

29.

Il-qorti tar-rinviju ssemmi wkoll li, fir-rigward tal-kundizzjonijiet li taħthom il-kreditur jista’ jxolji l-kuntratt inkwistjoni għal raġuni valida, dawn il-kuntratti ma jindikawx il-forma li fiha tali xoljiment għandu jsir, u lanqas il-perijodu li fih il-kreditur għandu jxolji l-kuntratt, u ma jsir ebda riferiment għad-dritt tal-persuna li tissellef li xxolji l-kuntratt konformement mal-Artikolu 314 tal-BGB.

30.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Landgericht Ravensburg (il-Qorti Reġjonali ta’ Ravensburg, il-Ġermanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“(1)

L-Artikolu 10(2)(l) tad-Direttiva [2008/48/] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kuntratt ta’ kreditu:

(a)

għandu jindika, f’forma ta’ numru assolut, ir-rata tal-interessi moratorji applikabbli fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt ta’ kreditu jew, minn tal-inqas, ir-rata tal-interessi ta’ referenza (f’dan il-każ, ir-rata tal-interessi bażika konformement mal-Artikolu 247 tal-[BGB] li minnha tirriżulta r-rata tal-interessi moratorji applikabbli b’mod addizzjonali (f’dan il-każ, ta’ 5 punti perċentwali konformement mat-tieni sentenza tal-Artikolu 288(1) tal-BGB)?

(b)

għandu jiddeskrivi b’mod konkret il-mekkaniżmu għall-aġġustament tar-rata tal-interessi moratorji jew, minn tal-inqas, għandu jirreferi għad-dispożizzjonijiet nazzjonali li minnhom ikun jista’ jiġi dedott l-aġġustament tar-rata tal-interessi moratorji (Artikolu 247 u t-tieni sentenza tal-Artikolu 288(1) tal-BGB)?

(2)

L-Artikolu 10(2)(r) tad-Direttiva 2008/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kuntratt ta’ kreditu għandu, fir-rigward tal-kalkolu tal-kumpens dovut fil-każ ta’ rimbors antiċipat tas-self, jindika formola matematika konkreta li tkun tista’ tinftiehem mill-konsumatur, b’tali mod li dan ikun jista’ jikkalkola, minn tal-inqas b’mod approssimattiv, l-ammont tal-kumpens dovut fil-każ ta’ xoljiment antiċipat?

(3)

L-Artikolu 10(2)(s) tad-Direttiva 2008/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li:

(a)

il-kuntratt ta’ kreditu għandu jindika wkoll id-drittijiet ta’ xoljiment tal-partijiet fil-kuntratt ta’ kreditu previsti mid-dritt nazzjonali, b’mod partikolari wkoll id-dritt ta’ xoljiment għal raġuni gravi tal-persuna li ssellef konformement mal-Artikolu 314 tal-BGB fil-qasam tal-kuntratti ta’ kreditu għal żmien determinat?

(b)

(fil-każ li r-risposta għad-domanda (a) preċedenti tkun fin-negattiv) ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tirrendi obbligatorju r-riferiment għal dritt speċjali ta’ xoljiment previst mid-dritt nazzjonali fis-sens tal-Artikolu 10(2)(s) tad-Direttiva 2008/48/KE?

(c)

il-kuntratt ta’ kreditu għandu jindika, rispettivament, għad-drittijiet ta’ xoljiment kollha tal-partijiet fil-kuntratt ta’ kreditu, it-terminu u l-forma tad-dikjarazzjoni ta’ xoljiment meħtieġa sabiex jiġi eżerċitat id-dritt ta’ xoljiment?

(4)

Fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ kreditu għall-konsumatur, il-kreditur huwa eskluż milli jinvoka d-dekadenza tal-eżerċizzju mill-konsumatur tad-dritt ta’ rtirar tiegħu konformement mal-ewwel sentenza tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2008/48/KE

(a)

jekk ċerta informazzjoni obbligatorja prevista fl-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2008/48/KE ma tkunx debitament inkluża fil-kuntratt ta’ kreditu u lanqas ma tkun ġiet debitament ikkomunikata sussegwentement, b’mod li t-terminu ta’ rtirar previst fl-Artikolu 14(1) ta’ din id-direttiva ma jkunx beda jiddekorri?

(b)

(fil-każ li r-risposta għad-domanda (a) preċedenti tkun fin-negattiv) jekk id-dekadenza tkun prinċipalment ibbażata fuq il-perijodu li jkun iddekorra mill-konklużjoni tal-kuntratt u/jew fuq l-eżekuzzjoni kompleta tal-kuntratt miż-żewġ partijiet fil-kuntratt u/jew fuq id-dispożizzjoni tal-kreditur fir-rigward tal-ammont tas-self irrimborsat jew fuq ir-rimbors tal-garanziji ta’ kreditu u/jew (fil-każ ta’ kuntratt ta’ bejgħ assoċjat mal-kuntratt ta’ kreditu) fuq l-użu jew fuq il-bejgħ mill-konsumatur tal-beni ffinanzjat, iżda l-konsumatur ma kellux għarfien tal-eżistenza kontinwa tad-dritt ta’ rtirar tiegħu matul il-perijodu rilevanti u meta seħħew iċ-ċirkustanzi rilevanti u lanqas ma huwa responsabbli għan-nuqqas ta’ dan l-għarfien, u l-kreditur lanqas seta’ jassumi li l-konsumatur kellu tali għarfien?

(5)

Fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ kreditu għall-konsumatur, il-kreditur huwa eskluż milli jinvoka l-abbuż ta’ dritt fir-rigward tal-eżerċizzju mill-konsumatur tad-dritt ta’ rtirar tiegħu konformement mal-ewwel sentenza tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva [2008/48]

(a)

jekk ċerta informazzjoni obbligatorja prevista fl-Artikolu 10(2) tad-Direttiva [2008/48] ma tkunx debitament inkluża fil-kuntratt ta’ kreditu u lanqas ma tkun ġiet debitament ikkomunikata sussegwentement, b’mod li t-terminu ta’ rtirar previst fl-Artikolu 14(1) tad-Direttiva [2008/48] ma jkunx beda jiddekorri?

(b)

(fil-każ li r-risposta għad-domanda (a) preċedenti tkun fin-negattiv) jekk l-abbuż ta’ dritt ikun prinċipalment ibbażat fuq il-perijodu li jkun iddekorra mill-konklużjoni tal-kuntratt u/jew fuq l-eżekuzzjoni kompleta tal-kuntratt miż-żewġ partijiet fil-kuntratt u/jew fuq id-dispożizzjoni tal-kreditur fir-rigward tal-ammont tas-self irrimborsat jew fuq ir-rimbors tal-garanziji ta’ kreditu u/jew (fil-każ ta’ kuntratt ta’ bejgħ assoċjat mal-kuntratt ta’ kreditu) fuq l-użu jew fuq il-bejgħ mill-konsumatur tal-beni ffinanzjat, iżda l-konsumatur ma kellux għarfien tal-eżistenza kontinwa tad-dritt ta’ rtirar tiegħu matul il-perijodu rilevanti u meta seħħew iċ-ċirkustanzi rilevanti u lanqas ma huwa responsabbli għan-nuqqas ta’ dan l-għarfien, u l-kreditur lanqas seta’ jassumi li l-konsumatur kellu tali għarfien?”

C.   Il-Kawża C‑187/20

31.

Fl‑4 ta’ Mejju 2017 u fit‑23 ta’ Marzu 2019, żewġ konsumaturi separati, JL u DT, daħlu f’kuntratti ta’ kreditu ma’ BMW Bank u Audi Bank (fergħa ta’ Volkswagen Bank), rispettivament, għax-xirja ta’ vettura għal użu privat. Bħal fil-każ ta’ UK fil-Kawża C‑33/20 u RT fil-Kawża C‑155/20, dawn il-konsumaturi talbu sabiex jirtiraw mis-self tagħhom ħafna wara d-dekorriment tal-erbatax-il jum mill-konklużjoni tiegħu, iżda qabel ma dan tħallas kollu. Għal darba oħra, sabiex jiġġustifikaw in-natura tardiva tat-talba tagħhom, dawn il-konsumaturi sostnew li l-perijodu ta’ rtirar ma bediex jiddekorri minħabba informazzjoni insuffiċjenti pprovduta fil-kuntratti inkwistjoni.

32.

Fir-rigward tal-kuntratti inkwistjoni f’dawn iż-żewġ kawżi, il-qorti tar-rinviju tenfasizza l-elementi li ġejjin.

33.

L-ewwel, dawn il-kuntratti ma jispeċifikawx in-natura preċiża tas-self. Madankollu, fiż-żewġ kawżi, l-Informazzjoni Standard Ewropea dwar il-Kreditu lill-Konsumatur ( 3 ) li, taħt id-dispożizzjonijiet fid-dritt Ġermaniż, hija parti integrali tad-dokument kuntrattwali, tiddikjara li din tikkonċerna self skedat b’pagamenti ndaqs ta’ kull xahar u rata tal-interessi fissa ( 4 ).

34.

It-tieni, iż-żewġ kuntratti jiddikjaraw li s-self jitħallas mal-kunsinna tal-vettura lill-bejjiegħ. Madankollu, l-ebda kuntratt ma jispeċifika li malli l-fondi jkunu tħallsu, l-obbligu li jitħallas il-prezz tal-bejgħ lill-bejjiegħ għal dak l-ammont jieqaf u li x-xerrej jista’ jitlob li l-bejjiegħ jikkonsenja l-vettura malli jsir il-ħlas kollu tal-prezz tal-bejgħ.

35.

It-tielet, fir-rigward tal-informazzjoni dwar ir-rati ta’ interessi moratorji, il-kuntratt konkluż minn JL jiddikjara li “jekk min jissellef […] jonqos fil-pagamenti, l-interessi moratorji għandhom jitħallsu b’rata ta’ ħames punti perċentwali ogħla mir-rata ta’ interessi bażika rilevanti kull sena. Ir-rata ta’ interessi bażika hija ddeterminata fl‑1 ta’ Jannar u fl‑1 ta’ Lulju ta’ kull sena u hija ppubblikata fil-Bundesanzeiger (il-Gazzetta Federali) mid-Deutsche Bundesbank”. Fir-rigward ta’ DT, il-kuntratt tas-self fih l-informazzjoni li ġejja dwar ir-rata ta’ interessi moratorji applikabbli: “Jekk il-kuntratt jiġi xolt, tintalab tħallas bir-rata statutorja tal-interessi moratorji. Ir-rata tal-interessi moratorji annwali hija ta’ ħames punti perċentwali ogħla mir-rata tal-interessi bażika rispettiva”. Barra minn hekk, l-Informazzjoni Standard Ewropea dwar il-Kreditu lill-Konsumatur ipprovduta lil dan il-konsumatur tiddikjara li ġej: “ir-rata ta’ interessi moratorji annwali applikabbli hija ta’ ħames punti perċentwali ogħla mir-rata ta’ interessi bażika rilevanti. Ir-rata ta’ interessi bażika hija ddeterminata mid-Deutsche Bundesbank u hija stabbilita fl‑1 ta’ Jannar u fl‑1 ta’ Lulju ta’ kull sena”.

36.

Madankollu, skont il-qorti tar-rinviju, fiż-żewġ kawżi, id-dokumenti pprovduti ma jispjegawx li r-rata ta’ interessi bażika ppubblikata mid-Deutsche Bundesbank tikkorrispondi għar-rata ta’ interessi għall-operazzjoni ta’ rifinanzjament l-iżjed reċenti mwettqa mill-BĊE, u lanqas ma tirreferi għall-Artikolu 247(1) tal-BGB, li jindika din l-informazzjoni.

37.

Ir-raba’, il-qorti tar-rinviju tinnota li d-dokumenti mogħtija lill-konsumaturi jistabbilixxu l-parametri prinċipali li jittieħdu inkunsiderazzjoni biex jiġi ddeterminat il-kumpens dovut fil-każ ta’ rimbors antiċipat, iżda mhux il-formola eżatta għall-kalkolu ta’ dan il-kumpens.

38.

Il-ħames, il-qorti tar-rinviju tinnota wkoll li, għalkemm il-kuntratti inkwistjoni jirreferu għall-eżistenza tad-dritt li l-persuna li tissellef ixxolji l-kuntratt għal raġuni gravi, dawn la fihom riferiment għall-Artikolu 314 tal-BGB u lanqas ma fihom indikazzjoni tal-forma u t-terminu ta’ dekadenza sabiex jintalab tali xoljiment.

39.

Is-sitt, il-qorti tar-rinviju tinnota li l-kuntratti inkwistjoni jiddikjaraw li huwa possibbli li kwistjonijiet jiġu rriferuti lill-Ombudsmann der privaten Banken (l-Ombudsman tal-Banek Privati Ġermaniżi) għall-finijiet tar-riżoluzzjoni ta’ tilwim mal-bank u li l-Verfahrensordnung für die Schlichtung von Kundenbeschwerden im deutschen Bankgewerbe (ir-Regoli ta’ Proċedura għar-Riżoluzzjoni ta’ Lmenti mill-Klijenti fl-Industrija Bankarja Ġermaniża) li jirregolaw it-trattament ta’ tali lment minn dan il-korp huma disponibbli fuq talba jew jistgħu jidhru fuq is-sit internet tal-Bundesverband der Deutschen Banken eV (l-Assoċjazzjoni tal-Banek Ġermaniżi), www.bdb.de. Dawn il-kuntratti jispeċifikaw ukoll li kull ilment għandu jiġi sottomess bil-miktub lill-uffiċċju dwar l-ilmenti tal-klijenti fl-Assoċjazzjoni tal-Banek Ġermaniżi. Fil-każ tal-kuntratt iffirmat minn DT, huwa jsemmi wkoll in-numru tal-faks u l-indirizz tal-posta elettronika li lilhom tali lmenti jistgħu jiġu indirizzati. Madankollu, il-qorti tar-rinviju ssemmi li l-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà relatati mal-kontenut li dan l-ilment għandu jkollu, kif stabbiliti fil-punt 3 tar-Regoli ta’ Proċedura ta’ dan il-korp, ma humiex indikati f’dan il-kuntratt.

40.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Landgericht Ravensburg (il-Qorti Reġjonali ta’ Ravensburg) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“(1)

L-Artikolu 10(2)(a) tad-[Direttiva 2008/48] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-informazzjoni dwar it-tip ta’ kreditu għandha tindika, skont il-każ, jekk hemmx inkwistjoni kuntratt ta’ kreditu assoċjat u/jew kuntratt ta’ kreditu għal żmien determinat?

(2)

L-Artikolu 10(2)(d) tad-Direttiva 2008/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fir-rigward tal-kundizzjonijiet għall-ksib tal-kreditu fil-każ ta’ kuntratti ta’ kreditu assoċjati mal-finanzjament tax-xiri ta’ beni jew meta l-ammont tas-self jiġi żborżat lill-bejjiegħ, huwa neċessarju li jiġi indikat li l-mutwatarju jinħeles mill-obbligu tiegħu li jħallas il-prezz tal-bejgħ sal-ammont żborżat u li l-bejjiegħ għandu jikkunsinna l-beni mixtri sa fejn il-prezz tal-bejgħ ikun tħallas integralment?

(3)

L-Artikolu 10(2)(1) tad-Direttiva 2008/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kuntratt ta’ kreditu:

(a)

għandu jindika, f’forma ta’ numru assolut, ir-rata tal-interessi moratorji applikabbli fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt ta’ kreditu jew, minn tal-inqas, ir-rata tal-interessi ta’ referenza (f’dan il-każ, ir-rata tal-interessi bażika konformement mal-Artikolu 247 tal-[BGB] li minnha tirriżulta r-rata tal-interessi moratorji applikabbli b’mod addizzjonali (f’dan il-każ, ta’ 5 punti perċentwali konformement mat-tieni sentenza tal-Artikolu 288(1) tal-BGB)?

(b)

għandu jiddeskrivi b’mod konkret il-mekkaniżmu għall-aġġustament tar-rata tal-interessi moratorji jew, minn tal-inqas, għandu jirreferi għad-dispożizzjonijiet nazzjonali li minnhom ikun jista’ jiġi dedott l-aġġustament tar-rata tal-interessi moratorji (Artikolu 247 u t-tieni sentenza tal-Artikolu 288(1) tal-BGB)?

(4)

(a)

L-Artikolu 10(2)(r) tad-Direttiva 2008/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kuntratt ta’ kreditu għandu, fir-rigward tal-kalkolu tal-kumpens dovut fil-każ ta’ rimbors antiċipat tas-self, jindika formola matematika konkreta li tkun tista’ tinftiehem mill-konsumatur, b’tali mod li dan ikun jista’ jikkalkola, minn tal-inqas b’mod approssimattiv, l-ammont tal-kumpens dovut fil-każ ta’ xoljiment antiċipat?

(b)

(fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għall-punt (a) tar-raba’ domanda):

L-Artikolu 10(2)(r) u t-tieni sentenza tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2008/48 jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li, fil-każ ta’ informazzjoni inkompleta fis-sens tal-Artikolu 10(2)(r) tad-Direttiva 2008/48, it-terminu ta’ rtirar jibda madankollu jiddekorri mal-konklużjoni tal-kuntratt u huwa biss id-dritt tal-kreditur għal kumpens għar-rimbors antiċipat tal-kreditu li jintemm?

(5)

L-Artikolu 10(2)(s) tad-Direttiva 2008/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li:

(a)

il-kuntratt ta’ kreditu għandu jindika wkoll id-drittijiet ta’ xoljiment tal-partijiet fil-kuntratt ta’ kreditu previsti mid-dritt nazzjonali, b’mod partikolari wkoll id-dritt ta’ xoljiment għal raġuni gravi tal-persuna li ssellef konformement mal-Artikolu 314 tal-BGB fil-qasam tal-kuntratti ta’ kreditu għal żmien determinat, u li għandu jkun hemm riferiment espress tal-artikolu li jirregola dan id-dritt ta’ xoljiment?

(b)

(fil-każ li r-risposta għad-domanda (a) preċedenti tkun fin-negattiv)

ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tirrendi obbligatorju r-riferiment għal dritt speċjali ta’ xoljiment previst mid-dritt nazzjonali fis-sens tal-Artikolu 10(2)(s) tad-Direttiva 2008/48?

(c)

il-kuntratt ta’ kreditu għandu jindika, rispettivament, għad-drittijiet ta’ xoljiment kollha tal-partijiet fil-kuntratt ta’ kreditu, it-terminu u l-forma tad-dikjarazzjoni ta’ xoljiment meħtieġa sabiex jiġi eżerċitat id-dritt ta’ xoljiment?

(6)

L-Artikolu 10(2)(t) tad-Direttiva 2008/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kuntratt ta’ kreditu għandu jindika r-rekwiżiti formali essenzjali għal ilment u/jew rimedju fi proċedura extraġudizzjara ta’ lment u/jew ta’ rimedju ġudizzjarju? Huwa insuffiċjenti f’dan ir-rigward li jkun hemm riferiment għal regolament, li jista’ jiġi kkonsultat fuq l-internet, applikabbli għall-proċedura extraġudizzjarja ta’ lment u/jew ta’ rimedju ġudizzjarju?

(7)

Fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ kreditu għall-konsumatur, il-kreditur huwa eskluż milli jinvoka d-dekadenza tal-eżerċizzju mill-konsumatur tad-dritt ta’ rtirar tiegħu konformement mal-ewwel sentenza tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2008/48

(a)

jekk ċerta informazzjoni obbligatorja prevista fl-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2008/48 ma tkunx debitament inkluża fil-kuntratt ta’ kreditu u lanqas ma tkun ġiet debitament ikkomunikata sussegwentement, b’mod li t-terminu ta’ rtirar previst fl-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2008/48 ma jkunx beda jiddekorri?

(b)

(fil-każ li r-risposta għad-domanda (a) preċedenti tkun fin-negattiv)

jekk id-dekadenza tkun prinċipalment ibbażata fuq il-perijodu li jkun iddekorra mill-konklużjoni tal-kuntratt u/jew fuq l-eżekuzzjoni kompleta tal-kuntratt miż-żewġ partijiet fil-kuntratt u/jew fuq id-dispożizzjoni tal-kreditur fir-rigward tal-ammont tas-self irrimborsat jew fuq ir-rimbors tal-garanziji ta’ kreditu u/jew (fil-każ ta’ kuntratt ta’ bejgħ assoċjat mal-kuntratt ta’ kreditu) fuq l-użu jew fuq il-bejgħ mill-konsumatur tal-beni ffinanzjat, iżda l-konsumatur ma kellux għarfien tal-eżistenza kontinwa tad-dritt ta’ rtirar tiegħu matul il-perijodu rilevanti u meta seħħew iċ-ċirkustanzi rilevanti u lanqas ma huwa responsabbli għan-nuqqas ta’ dan l-għarfien, u l-kreditur lanqas seta’ jassumi li l-konsumatur kellu tali għarfien?

(8)

Fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ kreditu għall-konsumatur, il-kreditur huwa eskluż milli jinvoka l-abbuż ta’ dritt fir-rigward tal-eżerċizzju mill-konsumatur tad-dritt ta’ rtirar tiegħu konformement mal-ewwel sentenza tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva [2008/48]

(a)

jekk ċerta informazzjoni obbligatorja prevista fl-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2008/48 ma tkunx debitament inkluża fil-kuntratt ta’ kreditu u lanqas ma tkun ġiet debitament ikkomunikata sussegwentement, b’mod li t-terminu ta’ rtirar previst fl-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2008/48 ma jkunx beda jiddekorri?

(b)

(fil-każ li r-risposta għad-domanda (a) preċedenti tkun fin-negattiv)

jekk l-abbuż ta’ dritt ikun prinċipalment ibbażat fuq il-perijodu li jkun iddekorra mill-konklużjoni tal-kuntratt u/jew fuq l-eżekuzzjoni kompleta tal-kuntratt miż-żewġ partijiet fil-kuntratt u/jew fuq id-dispożizzjoni tal-kreditur fir-rigward tal-ammont tas-self irrimborsat jew fuq ir-rimbors tal-garanziji ta’ kreditu u/jew (fil-każ ta’ kuntratt ta’ bejgħ assoċjat mal-kuntratt ta’ kreditu) fuq l-użu jew fuq il-bejgħ mill-konsumatur tal-beni ffinanzjat, iżda l-konsumatur ma kellux għarfien tal-eżistenza kontinwa tad-dritt ta’ rtirar tiegħu matul il-perijodu rilevanti u meta seħħew iċ-ċirkustanzi rilevanti u lanqas ma huwa responsabbli għan-nuqqas ta’ dan l-għarfien, u l-kreditur lanqas seta’ jassumi li l-konsumatur kellu tali għarfien?”

IV. Analiżi

41.

Konformement mat-talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, nipproponi li nillimita l-konklużjonijiet tiegħi għad-domandi li ġejjin:

l-ewwel domanda fil-Kawża C‑33/20, l-ewwel domanda fil-Kawża C‑155/20 u t-tielet domanda fil-Kawża C‑187/20;

is-sitt domanda fil-Kawża C‑187/20;

ir-raba’ domanda fil-Kawża C‑155/20 u s-seba’ domanda fil-Kawża C‑187/20;

il-ħames domanda fil-Kawża C‑155/20 u t-tmien domanda fil-Kawża C‑187/20.

A.   Kummenti preliminari

42.

Bħala punt preliminari, għandu jitfakkar, l-ewwel nett, li direttiva ma tistax minnha nnifisha toħloq obbligi fuq individwu u għalhekk ma tistax tiġi invokata bħala tali kontra individwi. Huwa minnu li, sabiex jiġi żgurat li jgawdu mill-protezzjoni legali skont id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, il-qrati nazzjonali huma msejħa jinterpretaw id-dritt nazzjonali tagħhom, sakemm ikun possibbli, fid-dawl tat-test u tal-għan tad-direttiva inkwistjoni sabiex jintlaħaq ir-riżultat stabbilit minnha ( 5 ). Madankollu, dan l-obbligu ta’ interpretazzjoni konformement mad-dritt tal-Unjoni huwa limitat mill-prinċipji ġenerali tal-liġi, b’mod partikolari, mill-prinċipju ta’ ċertezza legali, inkwantu ma jistax iservi bħala bażi għal interpretazzjoni ta’ dritt nazzjonali li jkun contra legem ( 6 ). Konsegwentement, ir-risposti għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju jistgħu jiġu invokati mir-rikorrenti kontra l-istituzzjonijiet ta’ kreditu rispettivi tagħhom biss jekk, permezz ta’ applikazzjoni tal-metodi ta’ interpretazzjoni rrikonoxxuti, il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi d-Direttiva 2008/48 tista’ tiġi interpretata skont dawn ir-risposti. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk dan huwiex il-każ.

43.

It-tieni, nixtieq nenfasizza li ma nikkunsidrax li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja sa issa fir-rigward ta’ rekwiżiti ta’ informazzjoni stabbiliti permezz ta’ miżuri leġiżlattivi oħra tal-Unjoni maħsuba biex jipproteġu d-drittijiet tal-konsumatur jistgħu neċessarjament jiġu trasposti sempliċement b’analoġija għad-Direttiva 2008/48. Fil-fatt, skont il-metodi ta’ interpretazzjoni rrikonoxxuti mill-Qorti tal-Ġustizzja, tali soluzzjonijiet jistgħu fil-verità jiġu trasposti biss jekk il-kliem, il-kuntest u l-għanijiet tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi inkwistjoni huma identiċi jew, minn tal-inqas, kważi hekk. F’din il-kawża, attenzjoni partikolari għandha tingħata, fl-opinjoni tiegħi, għall-fatt li d-Direttiva 2008/48 tipprevedi rekwiżiti ta’ informazzjoni iktar estensivi minn dawk li jinsabu, pereżempju, fid-Direttiva 93/13/KEE ( 7 ).

44.

It-tielet, fir-rigward tal-għanijiet li d-Direttiva 2008/48 trid tilħaq, mill-premessi 4 sa 9 ta’ din id-direttiva jirriżulta li hija għandha l-għan li tiffaċilita l-iżvilupp ta’ suq intern effettiv ta’ kreditu lill-konsumaturi billi tarmonizza r-rekwiżiti tal-informazzjoni li l-kredituri huma meħtieġa li jipprovdu filwaqt li tiżguralhom livell ta’ protezzjoni għoli u ekwivalenti ( 8 ).

45.

Ir-rekwiżiti ta’ informazzjoni li jinsabu fid-Direttiva 2008/48 huma għalhekk ibbażati parzjalment fuq il-premessa li ċertu livell ta’ standardizzazzjoni kuntrattwali, tal-inqas fir-rigward tal-informazzjoni li għandha tiġi inkluża fil-kuntratti, huwa neċessarju sabiex jinkiseb tali għan u, parzjalment, li l-konsumatur huwa f’pożizzjoni inferjuri vis-à-vis l-kreditur fir-rigward tal-informazzjoni dwar l-effetti tal-kuntratt u l-leġiżlazzjoni applikabbli ( 9 ). Sabiex dawn l-għanijiet jintlaħqu, id-Direttiva 2008/48 tarmonizza b’mod komplet l-obbligi ta’ informazzjoni li jistgħu jiġu imposti fuq il-kredituri ( 10 ) u għal dan il-għan tistabbilixxi distinzjoni bejn l-informazzjoni li għandha tiġi kkomunikata mill-kredituri fir-reklamar tagħhom (l-Artikolu 4), fl-istadju prekuntrattwali (l-Artikolu 5), u fil-kuntratti nnifishom (l-Artikolu 10) ( 11 ).

46.

Peress li d-Direttiva 2008/48 tipprovdi għal obbligi ta’ informazzjoni fi stadji differenti, dawn l-obbligi, għalkemm relatati, ifittxu għanijiet li huma kemxejn differenti. B’mod partikolari, mill-premessi 18 u 19 ta’ din id-direttiva jirriżulta li l-obbligu li l-konsumaturi jingħataw ċerta informazzjoni fl-istadju prekuntrattwali – li huwa previst fl-Artikolu 5 tad-Direttiva – jimmira fl-ewwel lok li jippermettilhom li jqabblu l-offerti differenti li rċevew u sussegwentement li jagħżlu l-iżjed waħda adegwata. Fir-rigward tal-obbligu li l-konsumaturi jingħataw ċerta informazzjoni fl-istadju kuntrattwali, stabbilit fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 2008/48, mill-premessa 31 tad-Direttiva huwa ċar li hija għandha l-għan li tippermetti lill-konsumaturi jkunu jafu d-drittijiet u l-obbligi tagħhom fil-kuntratt ( 12 ). Iktar preċiżament, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, din id-dispożizzjoni hija intiża li tiżgura li l-konsumaturi għandhom l-informazzjoni kollha neċessarja għall-eżekuzzjoni tajba tal-kuntratt u, b’mod partikolari, għal dan il-għan, għall-eżerċizzju tad-drittijiet tagħhom ( 13 ).

47.

Sa fejn ċerti punti ta’ informazzjoni previsti fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 2008/48 kellhom jiġu preċedentement ikkomunikati lill-konsumatur fl-istadju prekuntrattwali, filwaqt li oħrajn ma jirrigwardawx il-kontenut tal-kuntratt iżda l-leġiżlazzjoni applikabbli għalih, huwa ċar li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-ħsieb li jilħaq l-għan li jippermetti lill-konsumaturi sabiex ikunu jafu d-drittijiet u l-obbligi tagħhom li jirriżultaw mill-kuntratt billi jiġi żgurat li, fil-każ ta’ diffikultajiet, il-konsumatur jista’ jirreferi għal dan il-kuntratt sabiex isib it-tweġiba għall-mistoqsija tiegħu, mingħajr ma jkollu għalfejn ibati l-ispiża tat-tfittxija tal-informazzjoni rilevanti ( 14 ).

48.

Finalment, għandu jitfakkar li peress li d-Direttiva 2008/48 timmira b’mod partikolari li tiffaċilita l-iżvilupp ta’ suq intern effettiv fil-kreditu għall-konsumatur u, għal dan il-għan, iġġib armonizzazzjoni kompleta tar-rekwiżiti ta’ informazzjoni, indipendentement mis-soluzzjonijiet li l-Qorti tal-Ġustizzja tipproponi li tadotta f’dawn il-kawżi, dawn is-soluzzjonijiet għandhom ikunu kemm jista’ jkun preċiżi. Huwa fil-fatt fuq din il-kundizzjoni li ċ-ċertezza legali ta’ operaturi Ewropej, li hija neċessarja għall-iżvilupp ta’ tali suq, tkun effettiva.

49.

Preżentement nipproponi li nirrispondi għad-domandi magħmula fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet.

B.   Fuq l-ewwel domanda fil-Kawża C‑33/20, l-ewwel domanda fil-Kawża C‑155/20 u t-tielet domanda fil-Kawża C‑187/20

50.

Permezz tal-ewwel domanda tagħha fil-Kawża C‑33/20, l-ewwel domanda tagħha fil-Kawża C‑155/20 u t-tielet domanda tagħha fil-Kawża C‑187/20, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 10(2)(l) tad-Direttiva 2008/48 għandux jiġi interpretat fis-sens li kuntratt ta’ kreditu għandu, l-ewwel, jindika r-rata ta’ interessi moratorji applikabbli fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt fil-forma ta’ “numru speċifiku” u, it-tieni, jiddeskrivi, b’mod konkret, il-mekkaniżmu għall-aġġustament ta’ din ir-rata.

51.

Fir-rigward tal-ewwel parti tad-domanda, sa mill-bidu, għandu jitfakkar li, konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, kull obbligu ta’ informazzjoni stabbilit fid-Direttiva 2008/48 ma jistax jiġi ssodisfatt permezz ta’ sempliċi riferiment f’kuntratt għat-test leġiżlattiv jew regolatorju ( 15 ).

52.

Il-verżjoni bil-lingwa Ġermaniża, tal-Artikolu 10(2)(l) tad-Direttiva 2008/48 tipprevedi li kuntratti ta’ kreditu għall-konsum għandhom jiddikjaraw “der Satz der Verzugszinsen gemäß der zum Zeitpunkt des Abschlusses des Kreditvertrags geltenden Regelung und die Art und Weise seiner etwaigen Anpassung sowie gegebenenfalls anfallende Verzugskosten”, fejn l-użu tal-kelma “Regelung” jista’ joħloq ċerta ambigwità. Fil-fatt, din il-kelma tista’ tirreferi għat-termini tal-kuntratt jew għar-regoli leġiżlattivi fis-seħħ fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt, li jkun ifisser li sabiex wieħed jikkonforma ma’ dawn ir-regoli leġiżlattivi, huwa neċessarju li jiġi riprodott fil-kuntratt il-kontenut tal-leġiżlazzjoni applikabbli. F’dan ix-xenarju li huwa dak sostnut mill-Gvern Ġermaniż, ikun biss jekk id-dispożizzjoni leġiżlattiva tiċċita r-rata ta’ interessi applikabbli bħala valur assolut li dan in-numru jkollu jiġi indikat.

53.

F’dan ir-rigward, nirrikonoxxi li l-Artikolu 10(2)(1) tad-Direttiva 2008/48 żgur li ma huwiex espliċitu. Madankollu jidhirli li l-kliem, il-kuntest u l-għanijiet ta’ din id-dispożizzjoni kollha jxaqilbu iktar favur interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni fis-sens li teħtieġ indikazzjoni tan-numru assolut li jikkorrispondi mar-rata applikabbli fil-jum li l-kuntratt jiġi ffirmat. Jiena nadotta din il-fehma għar-raġunijiet li ġejjin.

54.

L-ewwel nett, jista’ jiġi osservat li l-kliem tal-Artikolu 10(2)(l) tad-Direttiva 2008/48 innifsu jiddikjara li l-informazzjoni meħtieġa minn dan l-artikolu tikkonċerna rata ta’ interessi. Skont id-definizzjoni mogħtija ġeneralment lil din il-kelma, din tal-aħħar tirreferi għal perċentwali, jiġifieri, frazzjoni ta’ mija ( 16 ). Fil-fatt, il-formola, parametru ta’ referenza jew indiċi ta’ referenza użati għall-kalkolu ta’ rata, ma humiex ir-rata nnifisha ( 17 ). Wieħed jista’ jżid li fejn il-verżjoni bil-lingwa Ġermaniża tad-Direttiva 2008/48 tirreferi għar-regoli leġiżlattivi fis-seħħ fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt din tuża kliem iktar espliċitu, bħal pereżempju fl-Artikolu 14(2) (“das [...] geltendes innerstaatliches Recht”) u, fl-Artikolu 14(6) jew fl-Artikolu 15(2) (“nach den [...] geltende Rechtsvorschriften”).

55.

Iktar importanti, fil-verżjoni Ingliża, l-Artikolu 10(2)(l) tad-Direttiva 2008/48 jirreferi għal “the interest rate applicable in the case of late payments as applicable at the time of the conclusion of the credit agreement and the arrangements for its adjustment”. B’mod simili, il-verżjoni Franċiża tindika “le taux d’intérêt applicable en cas de retard de paiement applicable au moment de la conclusion du contrat de crédit et les modalités d'adaptation de ce taux”.

56.

Fl-opinjoni tiegħi, il-fatt li din id-dispożizzjoni ssemmi b’mod ċar, tal-inqas f’xi verżjonijiet ta’ lingwi oħra li, minn naħa, ir-rata ta’ interessi li għandha tiġi speċifikata għandha tkun dik applikabbli “fiż-żmien tal-konklużjoni tal-ftehim ta’ kreditu” u, min-naħa l-oħra, li din l-informazzjoni għandha tingħata b’żieda ma’ dik li tirrigwarda t-termini u l-kundizzjonijiet għall-aġġustament ta’ din ir-rata, juri li l-kliem “rata ta’ interessi” għandu jinftiehem li jirreferi mhux għad-definizzjoni ta’ din ir-rata jew il-formola ta’ kalkolu użata għal dan il-għan, iżda pjuttost għall-perċentwali li tikkorrispondi mal-valur tar-rata applikabbli fil-jum li l-kuntratt ġie ffirmat. Tabilħaqq, id-definizzjoni tar-rata jew tal-formola ta’ kalkolu użata (fil-kawżi inkwistjoni, X+5, fejn X huwa daqs il-valur tar-rata ta’ interessi bażika Ġermaniża) mhux ser tinbidel mingħajr ma jiġi emendat il-kuntratt.

57.

Jekk, għalhekk, il-kunċett ta’ “rata ta’ interessi” kellu jinftiehem li jirreferi għall-formola ta’ kalkolu użata, ma kienx ikun neċessarju li jiġi speċifikat li din ir-rata kellha tkun dik applikabbli fid-data ta’ meta ġie konkluż il-kuntratt, jew li barra minn hekk teħtieġ indikazzjoni tal-mekkaniżmi għall-aġġustament tagħha. B’mod partikolari, fir-rigward ta’ dan it-tieni tip ta’ informazzjoni, dwar il-fatt jekk il-kunċett ta’ “rata ta’ interessi” għandux jinftiehem li jirreferi għad-definizzjoni jew inkella għall-formola ta’ kalkolu użata, il-mekkaniżmu għall-aġġustament ta’ din ir-rata diġà jkun jinsab fid-definizzjoni tar-rata jew fil-formola ta’ kalkolu tagħha, fil-forma ta’ varjabbli, jew, bħal f’din il-kawża, ta’ riferiment għal parametru ta’ referenza ( 18 ).

58.

Ċertament, bħalma enfasizzaw ċerti partijiet, xi rati ta’ interessi, – bħal dawk inkwistjoni fil-kawżi prinċipali – probabbilment ivarjaw, iżda fil-fehma tiegħi dan l-argument pjuttost isostni l-konklużjoni magħmula iktar ’il fuq. B’mod partikolari dan jista’ jispjega għalfejn l-Artikolu 10(2)(l) tad-Direttiva 2008/48 ma jispeċifikax biss li r-rata li għandha tiġi indikata għandha tkun dik applikabbli fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt, iżda wkoll li huwa neċessarju li jiġi indikat il-mekkaniżmu għall-aġġustament ta’ din ir-rata.

59.

Konsegwentement, il-formulazzjoni tal-Artikolu 10(2)(l) tad-Direttiva 2008/48 diġà għandha t-tendenza li turi li din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li tobbliga lill-kreditur jiddikjara b’mod partikolari r-rata li effettivament tiġi applikata jekk il-persuna li tissellef tonqos mill-ħlas fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt.

60.

Din il-konklużjoni hija kkonfermata mill-għanijiet u mill-iskema ġenerali ta’ din id-direttiva.

61.

L-ewwel nett, ninnota li kull darba li l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/48 jagħti definizzjoni ta’ rata, din id-dispożizzjoni tiddikjara li din ir-rata għandha tiġi espressa fil-forma ta’ perċentwali. Fil-fehma tiegħi, dawn il-kjarifiki ma jikkostitwixxux eċċezzjonijiet għad-definizzjoni tas-soltu tal-kunċett ta’ “rata”, kif isostni l-Gvern Ġermaniż, iżda pjuttost tfakkira tal-fatt li l-għan ta’ dawn id-definizzjonijiet huwa li jiġi speċifikat kif din il-perċentwali għandha, skont in-natura ta’ kull rata inkwistjoni, tiġi kkalkolata ( 19 ).

62.

F’dan il-kuntest, jidhirli, fir-rigward tad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “rata”, li jekk il-leġiżlatur kellu l-intenzjoni li jobbliga lill-kredituri biex ma jindikawx il-perċentwali effettiva li tikkorrispondi għar-rata ta’ interessi applikabbli fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt, iżda pjuttost il-formola li għandha tintuża għall-kalkolu tagħha, huwa wisq probabbli kien jagħmel sforz biex jispeċifikaha.

63.

It-tieni, fir-rigward tal-għanijiet li l-Artikolu 10(2)(l) tad-Direttiva 2008/48 għandu l-intenzjoni li jilħaq, ninnota li din id-dispożizzjoni hija maħsuba biex tippermetti lill-konsumaturi Ewropej ikunu jafu d-drittijiet u l-obbligi tagħhom. Minn din il-perspettiva, wieħed jista’ jirrikonoxxi – kif indikaw xi partijiet – li mill-perspettiva tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt, indikazzjoni tar-rata effettivament applikabbli fil-jum tal-konklużjoni tal-kuntratt, ikkunsidrata b’mod iżolat, hija ta’ interess żgħir, għaliex huwa probabbli ħafna li din tinbidel wara.

64.

Madankollu, huwa paċifiku li l-ħtieġa li tissemma l-perċentwali li tikkorrispondi għar-rata ta’ interessi moratorji applikabbli fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt jgħin lill-konsumaturi jkunu konxji dwar il-konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ ħlas ( 20 ) u dan jidhirli li huwa iżjed sinjifikattiv mill-użu ta’ formola ta’ kalkolu jew ta’ riferiment astratt għal xi parametru jew rata ta’ referenza. Barra minn hekk, din ma hijiex l-unika informazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 10(2)(l) tad-Direttiva 2008/48. B’mod partikolari, il-problema tal-aġġornament ta’ din l-informazzjoni hija speċifikament koperta mill-fatt li din id-dispożizzjoni teħtieġ ukoll indikazzjoni tal-mekkaniżmi għall-aġġustamenti tagħha. Konsegwentement, ma jistax jitqies li r-riferiment għal din il-perċentwali ma jkunx suffiċjenti biex il-konsumaturi tal-Unjoni jkunu jistgħu jifhmu l-konsegwenzi li jistgħu jirriżultawlhom minn nuqqas ta’ ħlas.

65.

Fl-aħħar nett, wieħed jista’ josserva li l-obbligu li tiġi indikata r-rata ta’ interessi moratorji applikabbli ma hijiex biss inkluża fost l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta fil-kuntratt, iżda hija wkoll fost l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta fl-istadju prekuntrattwali, skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/48. Konsegwentement, il-kunċett ta’ “rata ta’ interessi moratorji” għandu jiġi interpretat b’tali mod li jissodisfa l-għanijiet li għandhom jintlaħqu kemm mill-Artikolu 10(2)(l) tad-Direttiva 2008/48 kif ukoll mill-Artikolu 5(1)(l) ta’ din id-direttiva.

66.

Minn din il-perspettiva, fir-rigward tal-għan li r-rekwiżiti ta’ informazzjoni prekuntrattwali stabbiliti fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/48 jixtiequ jilħqu, mill-premessa 18 ta’ din id-direttiva huwa ċar li dawn l-għanijiet, għandhom, inter alia, jispiraw fiduċja fil-konsumaturi, billi jipprovdu għal “dispożizzjonijiet speċifiċi dwar reklamar li jikkonċerna ftehim ta’ kreditu kif ukoll ċerti elementi ta’ informazzjoni standard għandhom jingħataw lill-konsumaturi […] sabiex ikunu jistgħu, b’mod partikolari, iqabblu offerti differenti”. Tali informazzjoni għandha tingħata b’mod ċar, konċiż u prominenti permezz ta’ eżempju rappreżentattiv ( 21 ).

67.

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, skont ġurisprudenza stabbilita, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dwar il-konsumatur ma għandhomx jiġu interpretati b’riferiment għas-sitwazzjoni tar-rikorrenti fil-kawżi inkwistjoni, iżda għandhom jiġu interpretati b’riferiment għall-konsumatur medju normalment informat u raġonevolment attent u avżat ( 22 ). Hawnhekk, mill-premessa 6 tad-Direttiva 2008/48 huwa ċar li d-direttiva tfittex li tilħaq għan ta’ żvilupp fis-suq ta’ kreditu iktar trasparenti u effiċjenti fiż-żona mingħajr fruntieri interni. Barra minn hekk, peress li l-bażi legali magħżula għall-adozzjoni tagħha kienet l-Artikolu 95 KE (attwalment l-Artikolu 114 TFUE) – li tista’ biss tiġġustifika l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ armonizzazzjoni jekk ikunu mmirati għat-titjib tal-kundizzjonijiet għall-funzjonament tas-suq intern ( 23 ) ‐ wieħed jista’ jikkonkludi li l-paragunabbiltà ta’ offerti li l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/48 għandu l-intenzjoni li jiffaċilita ma għandux jinftiehem b’riferiment għas-sitwazzjoni tal-konsumatur nazzjonali iżda pjuttost għal dik ta’ konsumatur Ewropew ( 24 ).

68.

Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi rrikonoxxut ovvjament li l-konsumatur medju huwa nieqes mill-għarfien espert tal-ispeċjalista finanzjarju. Għaldaqstant wieħed jista’ ġustament jassumi li l-konsumatur medju, li barra minn hekk jista’ jkun li jirrisjedi fi Stat Membru ieħor, ma jistax jifhem faċilment – u għalhekk jipparaguna – ir-rati ta’ interessi moratorji differenti li jistgħu japplikaw jekk l-unika informazzjoni pprovduta lilu jew lilha hija l-formola ta’ kalkolu użata sabiex tiġi ddeterminata din ir-rata f’mument speċifiku, b’mod partikolari meta tali formola tinvolvi rata nazzjonali, parametru ta’ referenza jew indiċi ta’ referenza. Fl-opinjoni tiegħi, huwa preċiżament sabiex il-konsumatur Ewropew jingħata punt ta’ paragun li d-Direttiva 2008/48 tipprevedi li kull kuntratt ta’ self lill-konsumatur għandu jindika r-rata ta’ interessi applikabbli u mhux sempliċement il-metodu ta’ kalkolu jew l-aġġustament ta’ din ir-rata.

69.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għalkemm id-Direttiva setgħet, minn perspettiva ta’ vantaġġ, kienet iktar espliċita fuq il-punt, jiena nemmen, speċjalment fid-dawl tal-kliem tal-Artikolu 10(2)(l) tad-Direttiva 2008/48, li l-obbligu li tiġi speċifikata “r-rata tal-interessi moratorji applikabbli” għandu jiftiehem li jeħtieġ li l-kuntratti jindikaw il-perċentwali li tikkorrispondi mar-rata ta’ interessi li tiġi applikata jekk il-persuna li tissellef tonqos milli tħallas fil-mument li l-kuntratt jiġi ffirmat ( 25 ).

70.

Fir-rigward tat-tieni parti tad-domanda li tikkonċerna l-mekkaniżmi għall-aġġustament tar-rata ta’ interessi moratorji, huwa ċar mill-formulazzjoni tal-Artikolu 10(2)(l) tad-Direttiva 2008/48 li dawn il-mekkaniżmi għandhom ukoll jiġu speċifikati fil-kuntratt ta’ kreditu.

71.

Fid-dawl tal-ispjegazzjonijiet mogħtija fit-talbiet għal deċiżjoni preliminari, id-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju għandhom jinftiehmu, naħseb, fis-sens li jirrigwardaw il-livell ta’ preċiżjoni tal-informazzjoni li tikkonċerna din il-kwistjoni li għandu jiġi stabbilit fil-kuntratt. Forsi iktar speċifikament, id-domanda tirrigwarda jekk l-istituzzjoni ta’ kreditu għandhiex tindika – meta r-rata ta’ interessi hija bbażata fuq rata ta’ referenza – minn min, meta u skont liema kriterji din ir-rata hija ddeterminata.

72.

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, kreditur ma jistax jissodisfa r-rekwiżiti ta’ informazzjoni msemmija fl-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2008/48 billi jipprovdi li l-kuntratt għandu jirreferi sempliċement għad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi applikabbli ( 26 ). Madankollu, ma naħsibx li l-Artikolu 10(2)(l) ta’ din id-direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li jeħtieġ lill-kreditur jispjega, fejn rata ta’ referenza tintuża sabiex tiġi kkalkolata rata ta’ interessi, kif din ir-rata ta’ interessi għandha tiġi aġġustata, jew anki, jekk ikun il-każ, bħal hawnhekk, li r-rata ta’ referenza użata tikkorrispondi ma’ rata ppubblikata mill-BĊE.

73.

Nasal għal din il-konklużjoni għar-raġunijiet li ġejjin.

74.

L-ewwel nett, jekk rata ta’ interessi hija kkalkolata fuq il-bażi ta’ formola li fiha varjabbli, l-użu ta’ dan il-varjabbli jkun il-mod jew wieħed mill-modi li bih ir-rata ta’ interessi tista’ tiġi aġġustata. Jekk, bħal fil-kawżi inkwistjoni, ma jkun hemm ebda mod ieħor kif tiġi aġġustata r-rata, ikun għaldaqstant suffiċjenti, sabiex jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti tal-Artikolu 10(2)(l) tad-Direttiva 2008/48, li l-kuntratt għandu jiddikjara tali formola għall-kalkolu tar-rata applikabbli u, jekk il-varjabbli huwa r-rata ta’ referenza, min huwa l-fornitur ta’ din ir-rata, fejn hija ppubblikata u l-frekwenza li biha r-rata hija ppubblikata.

75.

It-tieni, ninnota li sussegwentement għall-fatti inkwistjoni f’dawn il-kawżi, l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/48 ġie emendat sabiex jispeċifika li fejn kuntratt ta’ kreditu għall-konsum jirreferi għal parametru referenzjarju fis-sens tal-punt 3 tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) 2016/1011 ( 27 ), il-kreditur jew fejn huwa applikabbli, l-intermedjarju tal-kreditur, għandu jinforma lill-persuna li tissellef dwar l-isem tar-rata tal-parametru referenzjarju u tal-amministratur tiegħu u l-implikazzjonijiet potenzjali għall-konsumatur (li jimplika, fil-fehma tiegħi, li tiġi speċifikata l-frekwenza li biha dan l-indiċi huwa ppubblikat) ( 28 ). Madankollu, ma huwiex mistenni li l-kreditur jispjega kif dan il-parametru nnifsu huwa stabbilit.

76.

Fl-aħħar nett, li jiġi ddettaljat il-mod li bih ir-rata ta’ referenza hija stabbilita ma jidhirx li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-Artikoli 5 u 10 tad-Direttiva, iżda jista’ jkun ukoll kuntrarju għalihom. Tabilħaqq, minħabba li din hija rata ta’ referenza ppubblikata minn bank ċentrali, din tista’ tiddependi, parzjalment, fuq data makroekonomika u, parzjalment, fuq kunsiderazzjonijiet ta’ politika monetarja (li jinkludu, b’mod partikolari, kwistjonijiet ta’ stabbiltà fil-prezz u inflazzjoni). Kwalunkwe tentattiv sabiex jiġi spjegat il-mod kif din ir-rata hija aġġustata tinvolvi sforz sproporzjonat min-naħa tal-kreditur meta mqabbel mal-informazzjoni l-oħra prevista fl-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2008/48. L-ammont ta’ tali informazzjoni jista’ fih innifsu jippreżenta r-riskju li jimpressjona lill-konsumatur b’firxa estensiva ta’ informazzjoni u data finanzjarja u ekonomika ( 29 ). Tali obbligu jista’ jkun oneruż ħafna sa fejn il-kreditur huwa kkonċernat u huwa dubjuż jekk, fl-assenza ta’ lingwa ċara ħafna għall-kuntrarju, tali obbligu qatt kienx ikkontemplat mil-leġiżlatur Ewropew.

77.

F’dan il-każ, il-klawżoli inkwistjoni fil-kawża prinċipali jispeċifikaw li r-rata ta’ referenza użata fil-formola għall-kalkolu tar-rata ta’ interessi moratorji hija ppubblikata mill-Bank Ċentrali Ġermaniż u li din ir-rata hija ffissata fl‑1 ta’ Jannar u fl‑1 ta’ Lulju ta’ kull sena rispettivament. Minħabba li din hija rata uffiċjali, liberament disponibbli fuq is-sit internet tal-Bank Ċentrali Ġermaniż, inqis li din l-indikazzjoni hija suffiċjenti sabiex tippermetti lill-konsumatur Ewropew medju – li, wieħed għandu jassumi, huwa normalment informat u raġonevolment attent u avżat – jifhem min, fejn u meta din ir-rata hija ppubblikata.

78.

Ċertament, dawn ir-riferimenti kuntrattwali ma jispeċifikawx li r-rata ta’ referenza użata tikkorrispondi għal rata ppubblikata mill-BĊE. Madankollu, xejn mill-formulazzjoni tal-Artikolu 5 jew tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 2008/48 ma jissuġġerixxi li tali indikazzjoni hija meħtieġa. Barra minn hekk, ma narax b’liema mod din l-informazzjoni tkun neċessarja għall-paragunabbiltà ta’ offerti, u lanqas b’liema mod tgħin lill-konsumatur isir jaf id-drittijiet u l-obbligi tiegħu. Dak li jgħodd għall-konsumatur, huwa li jifhem il-konsegwenzi tal-kuntratt ( 30 ) u minn din il-perspettiva, huwa biżżejjed, fl-opinjoni tiegħi, li jkun magħruf li r-rata applikata hija rata legalment valida u fejn din tista’ tinstab.

79.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi għall-ewwel domanda fil-Kawża C‑33/20, l-ewwel domanda fil-Kawża C‑155/20 u t-tielet domanda fil-Kawża C‑187/20, li l-Artikolu 10(2)(l) tad-Direttiva 2008/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kuntratt ta’ kreditu għandu jiddikjara, l-ewwel, ir-rata tal-interessi moratorji applikabbli fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt ta’ kreditu fil-forma ta’ perċentwali, u, it-tieni, meta din ir-rata tista’ tvarja, il-formola ta’ kalkolu li maż-żmien tintuża biex tiġi kkalkolata r-rata applikabbli u fil-każ ta’ użu, bħala varjabbli, għal rata ta’ referenza jew parametru referenzjarju, id-data ta’ pubblikazzjoni, kif ukoll fejn u minn min kienet ippubblikata.

C.   Fuq is-sitt domanda fil-Kawża C‑187/20

80.

Permezz tas-sitt domanda tagħha fil-Kawża C‑187/20, il-qorti tar-rinviju tfittex, prinċipalment, tikkonstata jekk l-Artikolu 10(2)(t) tad-Direttiva 2008/48 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-kuntratt ta’ kreditu għandu jispeċifika r-rekwiżiti formali essenzjali sabiex tinbeda proċedura extraġudizzjarja ta’ lment jew ta’ rimedju ġudizzjarju jew jekk huwiex suffiċjenti għall-kuntratt li f’dan ir-rigward sempliċement jirreferi għal regoli ta’ proċedura li huma disponibbli fuq l-internet.

81.

Inizjalment wieħed jista’ josserva li bis-saħħa tal-Artikolu 10(2)(t) tad-Direttiva 2008/48 kuntratti ta’ kreditu għall-konsumatur għandhom jiddikjaraw “jekk jeżistix jew le mekkaniżmu ta’ ilment barra mill-qorti [extraġudizzjarju] u ta’ riżarċiment għall-konsumatur u, jekk iva, il-metodu ta’ l-aċċess għalih”. Għaldaqstant, sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, huwa neċessarju li jiġi ddeterminat xi trid tfisser din id-dispożizzjoni b’“mekkaniżmu ta’ ilment barra mill-qorti u ta’ riżarċiment [u] il-metodi ta’ l-aċċess għalih”.

82.

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fejn dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni ma jirreferux għad-dritt tal-Istati Membri għall-finijiet tad-determinazzjoni tas-sens u tal-portata tagħhom, huma għandhom jingħataw interpretazzjoni awtonoma u uniformi fl-Unjoni kollha. Tali interpretazzjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem ta’ dawn id-dispożizzjonijiet iżda wkoll il-kuntest tagħhom u l-għan li għandu jintlaħaq mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni ( 31 ). Peress li d-Direttiva 2008/48 ma tirreferix għad-dritt tal-Istati Membri għall-finijiet ta’ determinazzjoni tat-tifsira tal-kliem metodi ta’ aċċess għal mekkaniżmi extraġudizzjarji ta’ lment u ta’ riżarċiment, dawn għandhom jitqiesu bħala kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni u, konsegwentement, għandhom jiġu interpretati b’mod uniformi fl-Unjoni kollha.

83.

F’dan ir-rigward, ninnota, minn naħa, li l-metodi ta’ aċċess meħtieġa taħt l-Artikolu 10(2)(t) tad-Direttiva 2008/48 li jiġu indikati fil-kuntratt huma dawk li jirrigwardaw “mekkaniżmu ta’ lment barra mill-qorti u ta’ riżarċiment”, li mhux biss jinkludu proċeduri ta’ lmenti interni, iżda wkoll proċeduri li jistgħu jitmexxew quddiem korp separat ( 32 ). Min-naħa l-oħra, kif jidher li huwa l-każ bil-proċedura ta’ lmenti quddiem l-Ombudsman tal-Banek Privati Ġermaniżi, mekkaniżmu extraġudizzjarju ta’ lment u ta’ riżarċiment kopert mill-Artikolu 10(2)(t) tad-Direttiva 2008/48 jista’ jkun suġġett għal kundizzjonijiet partikolari ta’ ammissibbiltà u, barra minn hekk, jista’ jinbidel mill-korp inkarigat.

84.

Madankollu, għall-kuntrarju ta’ dak li xi partijiet argumentaw, dawn il-fatti waħdu ma jistax jiġġustifika l-interpretazzjoni tal-Artikolu 10(2)(t) tad-Direttiva 2008/48 fis-sens li kuntratt jista’ sempliċement jirreferi għal sit internet fuq dawn il-kwistjonijiet fuq il-motiv, essenzjalment, li mod ieħor ikun impossibbli li jiġu ġestiti bidliet possibbli fir-regoli ta’ proċedura applikabbli. Effettivament, li l-kredituri jkunu meħtieġa jinkludu fil-kuntratt informazzjoni oħra minbarra l-indirizz ta’ sit internet iddedikata għal dawn il-proċeduri neċessarjament ifisser li, fil-każ ta’ bidla fil-lista ta’ proċeduri extraġudizzjarji ta’ lment u/jew ta’ riżarċiment disponibbli jew fl-arranġamenti biex jitressqu każijiet quddiem wieħed mill-korpi kompetenti, il-kontenut tal-kuntratt ikollu jiġi aġġornat. Tabilħaqq ikun kontra l-għanijiet tad-Direttiva 2008/48 li l-Artikolu 10 tagħha jiġi interpretat fis-sens li l-kreditur ma jkunx meħtieġ iwettaq tali aġġornament, minħabba li, kif spjegajt, il-biċċiet ta’ informazzjoni msemmija f’din id-dispożizzjoni huma dawk li tqiesu mil-leġiżlatur tal-Unjoni bħala li jistgħu jkunu essenzjali waqt l-eżekuzzjoni tal-kuntratt ( 33 ).

85.

Madankollu, tali obbligu ta’ aġġornament ma jikkostitwixxix oneru irraġonevoli fuq il-kredituri. Minn naħa, l-iżvilupp ta’ għodda ta’ ġestjoni ta’ kuntratt għal dawn l-aħħar 20 sena jew iktar għamilha ħafna iktar sempliċi u inqas ta’ spiża għall-kreditur biex isegwi l-kuntratti. Min-naħa l-oħra, l-implimentazzjoni ta’ tali aġġornament ma tippreżentax diffikultà legali. Fil-fatt, klawżola li sempliċement tindika l-eżistenza jew le ta’ proċedura extraġudizzjarja ta’ lment u/jew ta’ rimedju disponibbli għall-konsumatur, kif ukoll il-metodi ta’ aċċess tagħhom, għandha valur informattiv iktar milli normattiv minħabba li hija ma tiddeterminax il-portata tad-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet. Konsegwentement, l-aġġornament ta’ din l-informazzjoni ma jikkostitwixxix modifika tal-kuntratt li għaliha, pereżempju, il-konsumatur seta’ jopponi.

86.

Fi kwalunkwe każ, wieħed jista’ josserva li l-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2008/48 jeħtieġ li l-konsumaturi jirċievu kopja tal-kuntratt ta’ kreditu. L-użu tal-kelma “jirċievu” jimplika li l-konsumatur ma għandux għalfejn jaċċedi link tal-internet jew jieħu xi azzjoni sabiex jaċċedi t-termini tal-kuntratt ( 34 ). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-kredituri ma jistgħux jikkonformaw ma’ obbligu li jipprovdu informazzjoni taħt l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2008/48 billi sempliċement isemmu fil-kuntratt fejn din l-informazzjoni tista’ tinstab ( 35 ).

87.

Sa fejn il-qorti tar-rinviju tidher li diġà taf dwar dan, inqis li d-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju għandhom jifntiehmu fis-sens li jikkonċernaw b’mod iktar speċifiku l-kwistjoni ta’ xi jrid ifisser l-Artikolu 10(2)(t) tad-Direttiva 2008/48 b’“metodi ta’ l-aċċess” u, għal darba oħra, liema livell ta’ preċiżjoni huwa mistenni mill-informazzjoni li tinsab fil-kuntratt f’dan ir-rigward.

88.

F’dan ir-rigward, għandu jerġa’ jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, meta tiġi interpretata dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni kemm il-formulazzjoni u l-għan ta’ din id-dispożizzjoni kif ukoll il-kuntest tal-leġiżlazzjoni li minnha tifforma parti ( 36 ).

89.

Sa fejn il-formulazzjoni tal-Artikolu 10(2)(t) tad-Direttiva 2008/48 huwa kkonċernat, wieħed jista’ jikkonkludi mill-kliem magħżul mil-leġiżlatur, b’mod speċifiku bil-Ġermaniż, dawk tad-“die Voraussetzungen für diesen Zugang” (bl-Ingliż, “methods for having access” jew bil-Franċiż, “modalités d’accès à ces dernières” ( 37 )), li l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta lill-konsumaturi timplika xi ħaġa oħra mis-sempliċi indikazzjoni tal-proċeduri eżistenti varji. Madankollu, ninnota wkoll li dan l-istess kliem jirreferi biss għal “aċċess” għal dawn il-proċeduri u mhux għall-applikazzjoni tagħhom. Ma jimplikawx livell ta’ preċiżjoni tali li l-kreditur ikollu jipproduċi mill-ġdid in extenso r-regoli proċedurali applikabbli kollha f’xi dokumenti kuntrattwali pprovduti lill-konsumatur.

90.

Fl-opinjoni tiegħi dan jidhirli li huwa kkonfermat bil-kuntest li fih din id-dispożizzjoni hija stabbilita, sa fejn il-bidu tal-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2008/48 jispeċifika li l-informazzjoni għandha tiġi indikata b’mod ċar u konċiż li jimplika li l-informazzjoni essenzjali biss għandha tiġi indikata.

91.

Finalment, fir-rigward tal-għan li għandu jintlaħaq mill-Artikolu 10(2)(t) tad-Direttiva 2008/48, ninnota li l-eżistenza ta’ “mekkaniżmu ta’ lment barra mill-qorti u ta’ riżarċiment għall-konsumatur, u jekk iva, il-metodi ta’ l-aċċess għalih” ma humiex fost il-punti ta’ informazzjoni li l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/48 jeħtieġ li għandhom jiġu pprovduti lill-konsumaturi fl-istadju prekuntrattwali. Jidher evidenti minn dan li l-leġiżlatur tal-Unjoni kkunsidra li din l-informazzjoni ma hijiex essenzjali għall-paragun tal-offerti, iżda hija essenzjali pjuttost għar-riżoluzzjoni ta’ problemi li jistgħu jirriżultaw waqt l-eżekuzzjoni tal-kuntratt ( 38 ). L-għan li din id-dispożizzjoni tixtieq li tilħaq huwa għaldaqstant li l-konsumatur jiġi inkoraġġut jagħmel użu minn dawn il-proċeduri. Dan kollu jimplika, fil-fehma tiegħi, li l-informazzjoni pprovduta hija suffiċjenti biex jiġi evitat kull diżappunt f’dan ir-rigward.

92.

Għalhekk wieħed jista’ jikkonkludi li l-informazzjoni dwar il-metodi ta’ aċċess għal kull proċedura extraġudizzjarja ta’ lment u/jew ta’ riżarċiment applikabbli li għandha tiġi inkluża fil-kuntratt skont l-Artikolu 10(2)(t) tad-Direttiva 2008/48 hija limitata għal dak li huwa neċessarju sabiex jiġi żgurat li l-persuna li tissellef tista’ tiddeċiedi, bl-għarfien sħiħ tal-fatti, jekk huwiex xieraq għaliha li tirrikorri għal waħda minn dawn il-proċeduri u, it-tieni, sabiex tali persuna tkun tista’ tressaq tali lment jew appell mingħajr ma tibża’ li ser tiġi mċaħħda b’mod permanenti mill-possibbiltà li tasserixxi d-drittijiet tagħha.

93.

Jidhirli li dan l-aħħar aspett huwa iktar importanti iktar peress li l-Artikolu 10(2)(t) tad-Direttiva 2008/48 jirreferi għal kull proċedura extraġudizzjarja ta’ lment u/jew ta’ riżarċiment, indipendentement minn jekk hijiex fakultattiva jew obbligatorja. Madankollu, inqis li tali għan ma jimplikax li jridu jiġu ddettaljati r-regoli proċedurali applikabbli, inkluża l-ammissibbiltà, sakemm in-nuqqas ta’ konformità magħhom ma jċaħħadx b’mod definittiv lill-konsumatur mill-possibbiltà li jasserixxi d-drittijiet tiegħu.

94.

B’mod iktar speċifiku, dan kollu jimplika li l-kuntratt ta’ kreditu għall-konsum għandu jindika l-punti li ġejjin:

kull proċedura extraġudizzjarja ta’ lmenti u/jew ta’ riżarċiment disponibbli għall-konsumatur (mhux dawk biss li jkunu ppreferuti b’mod impliċitu mill-kreditur), bl-eċċezzjoni ta’ proċeduri ad hoc;

jekk applikabbli, l-ispejjeż tagħhom (u, jekk iva, il-bżonn għal rappreżentanza) ( 39 );

jekk l-ilment jew l-appell għandux jiġi sottomess fuq karta jew b’mod elettroniku;

l-indirizz fiżiku jew elettroniku li fuqu tali talba jew appell għandu jintbagħat;

il-kundizzjonijiet formali li magħhom għandhom ikunu konformi iżda biss jekk in-nuqqas ta’ osservanza tagħhom jista’ jwassal għal ċaħda definittiva tat-talba, mingħajr possibbiltà ta’ regolarizzazzjoni.

95.

Din il-konklużjoni ma hijiex imqiegħda inkwistjoni, fil-fehma tiegħi, mid-Direttiva 2013/11. Ċertament, din tal-aħħar tipprevedi biss, fl-Artikolu 13(2), li n-negozjant, ikunu min ikunu, għandhom jindikaw fuq is-sit internet tagħhom, fejn teżisti waħda, u, jekk applikabbli, fit-termini u kundizzjonijiet ġenerali tal-kuntratti ta’ bejgħ jew servizzi bejn in-negozjant u konsumatur, l-entità jew l-entitajiet prinċipali tas-Soluzzjoni Alternattiva għat-Tilwim (ADR) li bihom dawn in-negozjanti huma koperti, meta dawn in-negozjanti jimpenjaw ruħhom jew jiġu obbligati jużaw dawn l-entitajiet biex isolvu t-tilwim ma’ konsumaturi, kif ukoll l-indirizz tas-sit internet tagħhom. Madankollu, l-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva jiddikjara li d-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva għandhom jingħataw preċedenza biss jekk xi dispożizzjoni ta’ din id-direttiva tkun f’kunflitt ma’ dispożizzjoni stabbilita f’att legali tal-Unjoni ieħor u fir-rigward ta’ proċeduri ta’ riżarċiment extraġudizzjarji mibdija minn konsumatur kontra negozjant. Peress li d-Direttiva 2013/11 topera armonizzazzjoni minima ( 40 ), sabiex din tiħdol f’kunflitt ma’ direttiva oħra, id-Direttiva 2013/11 għandha tistabbilixxi standard ogħla minn din id-direttiva l-oħra ( 41 ). Hawnhekk, peress li d-Direttiva 2008/48 kjarament tistabbilixxi rekwiżiti ta’ informazzjoni ogħla mid-Direttiva 2013/11 ‐ u mhux il-kontra – ( 42 ) ma hemm ebda raġuni biex tingħata preċedenza lill-obbligu li tiġi pprovduta informazzjoni previst fl-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2013/11 fuq ir-rekwiżiti tal-Artikolu 10(2)(t) tad-Direttiva 2008/48 ( 43 ).

96.

Fil-proċedura prinċipali fil-Kawża C‑187/20, il-kuntratti ta’ kreditu għall-konsum inkwistjoni jindikaw il-possibbiltà li tinbeda proċedura ta’ lment quddiem l-Ombudsman tal-Banek Privati. Huma jiddikjaraw ukoll li r-regoli proċedurali għall-ġestjoni tal-ilmenti tal-klijent fis-settur bankarju Ġermaniż huma disponibbli fuq talba jew jistgħu jiġu kkonsultati fuq l-internet u li l-ilmenti għandhom jintbagħtu bil-miktub fuq l-indirizz speċifikat.

97.

Fil-fehma tiegħi, dawn l-indikazzjonijiet għandhom jitqiesu suffiċjenti biex jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti tal-Artikolu 10(2)(t) tad-Direttiva 2008/48, sakemm, l-ewwel, ma hemm ebda proċedura extraġudizzjarja oħra ta’ lment u/jew ta’ riżarċiment applikabbli għal dan it-tip ta’ kuntratt, it-tieni, il-proċedura ta’ lment quddiem l-Ombudsman tal-Banek Privati hija b’xejn u ma teħtieġx rappreżentanza legali, u t-tielet nett, ma hemm ebda rekwiżit formali ieħor sabiex jitressaq ilment quddiem dan il-korp, minbarra dak li jintbagħat ilment bil-miktub lejn l-indirizz indikat, li n-nuqqas ta’ konformità miegħu jkun jista’ jwaqqaf lir-rikorrent b’mod definittiv milli jkollu aċċess għal din il-proċedura partikolari.

98.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi għas-sitt domanda fil-Kawża C‑187/20 li l-Artikolu 10(2)(t) tad-Direttiva 2008/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kuntratt ta’ kreditu għandu jelenka l-proċeduri extraġudizzjarji kollha ta’ lmenti u/jew ta’ riżarċiment disponibbli għall-konsumaturi, u, jekk applikabbli, l-ispiża ta’ dawn il-proċeduri, jekk l-ilment jew l-appell għandhomx jiġi sottomess fuq karta jew b’mod elettroniku, l-indirizz fiżiku jew elettroniku li fuqu tali lment jew appell għandhom jintbagħtu u r-rekwiżiti formali li għandhom jiġu osservati meta n-nuqqas ta’ osservanza tagħhom jista’ jwassal għal telf ta’ kull possibbiltà għall-konsumatur li jasserixxi d-drittijiet tiegħu.

D.   Fuq ir-raba’ domanda fil-Kawża C‑155/20 u s-seba’ domanda fil-Kawża C‑187/20

99.

Permezz tar-raba’ domanda tagħha fil-Kawża C‑155/20 u s-seba’ domanda tagħha fil-Kawża C‑187/20, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2008/48 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-kreditur jista’ jqajjem motiv ta’ dekadenza fil-każ fejn il-konsumatur jeżerċita d-dritt ta’ rtirar tiegħu ħafna wara li jkun iddekorra l-perijodu ta’ 14-il jum mill-konklużjoni tal-kuntratt stabbilit fl-Artikolu 14(1)(a), minħabba n-nuqqas li tiġi pprovduta, fil-kuntratt jew sussegwentement, kull informazzjoni prevista fl-Artikolu 10(2) ta’ din id-direttiva. Il-qorti tar-rinviju tfittex ukoll li jiġi kkonstatat jekk, fil-każ li r-risposta għal din id-domanda tkun fl-affermattiv, il-fatt li l-persuna li tissellef ma tkunx taf dwar id-dritt ta’ rtirar tagħha li kompla jiddekorri lil hinn mill-perijodu ta’ 14-il jum stabbilit fl-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2008/48 huwiex kapaċi jipprekludi l-applikazzjoni ta’ tali motiv ta’ dekadenza.

100.

Il-punt tat-tluq preżentement huwa l-formulazzjoni tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2008/48 li jipprevedi li “il-konsumatur għandu jkollu perijodu ta’ erbatax-il jum ta’ kalendarju li matulhom jista’ jirtira mill-ftehim ta’ kreditu mingħajr ma jagħti l-ebda raġuni”. Skont it-tieni sentenza ta’ din id-dispożizzjoni, dan il-perijodu għandu jibda jiddekorri jew, kif indikat fil-punt (a), mill-jum tal-konklużjoni tal-kuntratt ta’ kreditu, jew, kif speċifikat fil-punt (b) mill-jum li fih il-konsumatur “jirċievi t-termini u l-kondizzjonijiet u l-informazzjoni kuntrattwali skont l-Artikolu 10, jekk dak il-jum ikun aktar tard mid-data msemmija f’punt (a) ta’ dan is-subparagrafu”.

101.

Għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni, il-kwistjoni dwar l-eżistenza ta’ terminu ta’ dekadenza possibbli ma titħalliex għad-diskrezzjoni tal-Istati Membri, iżda pjuttost tappartjeni għaż-żoni armonizzati mid-Direttiva 2008/48. Jiena nemmen, tabilħaqq, li kieku l-Istati Membri kellhom jiġu awtorizzati jiddeterminaw it-tul ta’ tali perijodu fid-dritt nazzjonali tagħhom, huma jkunu jistgħu jippreġudikaw l-armonizzazzjoni effettwata mill-Artikolu 14(1)(a) billi jiġu invokati d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 14(1)(b) fir-rigward tal-perijodu għall-eżerċizzju tad-dritt ta’ rtirar. Jidher ċar li billi jonqos milli jattribwixxi terminu ta’ dekadenza lil din ir-regola, il-leġiżlatur tal-Unjoni bi skop kellu l-intenzjoni li jippermetti lill-konsumaturi jirtiraw sakemm ma jkunux irċevew l-informazzjoni kollha, indipendentement min-natura (u għalhekk mir-rilevanza ekonomika) tal-informazzjoni li tħalliet barra.

102.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-assenza ta’ terminu ta’ dekadenza huwa preċiżament l-eżitu nnifsu li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jikseb sabiex jissanzjona lil dawk il-kredituri li jonqsu milli jikkonformaw ruħhom mal-obbligi tagħhom li jipprovdu informazzjoni skont l-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva. Għalhekk, din hija sanzjoni addizzjonali ma’ dik li għandha tiġi pprovduta mill-Istati Membri skont l-Artikolu 23 tad-Direttiva, iżda li fir-rigward oħra huma ma għandhom ebda diskrezzjoni.

103.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li kredituri ma jistgħux jinvokaw terminu ta’ dekadenza għandu jitqies li jikkostitwixxi wieħed mill-aspetti tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri relatati mal-ftehimiet ta’ kreditu għall-konsumatur li għandhom jitqiesu li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-armonizzazzjoni kompleta effettwata minn din id-direttiva.

104.

Dan huwa sempliċement mod ieħor ta’ kif wieħed jista’ jgħid li jidher li huwa neċessarjament impliċitu f’din l-iskema leġiżlattiva li kreditur ma jistax jindika l-qagħda ta’ konsapevolezza attwali tal-konsumatur bħala mezz kif jiġġustifika n-nuqqas tiegħu li jikkonforma ruħu mar-rekwiżiti ta’ informazzjoni stipulati mill-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva.

105.

Dan huwa wisq iżjed minnu peress li, jekk wieħed iqabbel id-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva ma’ dawk ta’ direttivi oħrajn li jipprevedu dritt ta’ rtirar lill-konsumaturi, ikun jidher li meta l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jawtorizza operatur professjonali biex jinvoka terminu ta’ dekadenza, huwa indika dan espressament, kif inhu l-każ, pereżempju, fl-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2011/83/UE ( 44 ). Għalkemm din id-direttiva hija sussegwenti għad-Direttiva 2008/48, kienet l-għażla tal-leġiżlatur tal-Unjoni li ma jemendax id-Direttiva 2008/48 sabiex jadotta soluzzjoni simili.

106.

Dan premess, ninnota li l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2008/48 jistabbilixxi dritt ta’ rtirar u mhux dritt ta’ kanċellazzjoni ( 45 ). Peress li eżekuzzjoni ta’ kuntratt hija l-mod naturali li bih obbligu kuntrattwali ta’ dan it-tip jintemm, jiena għalhekk nikkonkludi li l-Artikolu 14(1) ta’ din id-direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li d-dritt ta’ rtirar li din id-dispożizzjoni tistabbilixxi ma jistax jiġi eżerċitat iżjed malli l-kuntratt ta’ kreditu jkun ġie eżegwit kompletament miż-żewġ partijiet.

107.

Din il-konklużjoni hija kkonfermata, minn naħa, mill-premessa 34 tad-Direttiva 2008/48 li tispeċifika li din id-direttiva stabbilixxiet dritt ta’ rtirar taħt kundizzjonijiet simili għal dawk previsti mid-Direttiva 2002/65, filwaqt li l-Artikolu 6(2)(c) ta’ din tal-aħħar jispeċifika li d-dritt ta’ rtirar stabbilit minnu ma għandux japplika għal “kuntratti li t-twettieq tagħhom ġie kompletat bis-sħiħ miż-żewġ partijiet fuq it-talba espressa tal-konsumatur qabel ma l-konsumatur jeżerċita d-dritt tiegħu ta’ rtirar” ( 46 ).

108.

Min-naħa l-oħra, wieħed jista’ jiftakar li l-għan tal-obbligi ta’ informazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 2008/48 huwa li jippermetti lill-konsumaturi jkunu jafu l-portata tad-drittijiet u obbligi tagħhom waqt l-eżekuzzjoni tal-kuntratt. Għalhekk dawn l-obbligi ma humiex ta’ xi użu ieħor ladarba l-kuntratt jiġi eżegwit kompletament. Konsegwentement, ma jidhirx neċessarju għall-kisba tal-għanijiet imfittxija minn din id-dispożizzjoni li l-konsumaturi jitħallew jeżerċitaw id-dritt ta’ rtirar tagħhom malli l-kuntratt ikun fil-fatt diġà ġie eżegwit.

109.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, jiena nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi għar-raba’ domanda fil-Kawża C‑155/20 u għas-seba’ domanda fil-Kawża C‑187/20 li l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2008/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kreditur ma jistax jipprekludi lill-konsumatur milli jeżerċita d-dritt ta’ rtirar tiegħu jekk l-informazzjoni kollha msemmija fl-Artikolu 10(2) ta’ din id-direttiva tkun għadha ma ġietx ipprovduta fil-kuntratt ta’ kreditu. Madankollu, tali dritt ma jistax jibqa’ jiġi eżerċitat ladarba l-obbligi kollha koperti mill-kuntratt ikunu ġew eżegwiti kompletament.

E.   Fuq il-ħames domanda fil-Kawża C‑155/20 u t-tmien domanda fil-Kawża C‑187/20

110.

Permezz tal-ħames domanda fil-Kawża C‑155/20 u t-tmien domanda fil-Kawża C‑187/20, il-qorti tar-rinviju qiegħda tistaqsi, essenzjalment, jekk il-prinċipju ta’ projbizzjoni ta’ abbuż ta’ dritt jistax jiġi invokat mill-kreditur sabiex jipprekludi lill-konsumatur milli jeżerċita d-dritt ta’ rtirar tiegħu skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2008/48, meta perijodu sinjifikattiv kien diġà ddekorra mill-konklużjoni tal-kuntratt.

111.

Inizjalment wieħed jista’ jinnota li d-Direttiva 2008/48 ma tinkludix regoli dwar l-abbuż possibbli ta’ dritt li hija tagħti. Barra minn hekk, l-Istati Membri ma jistgħux jinvokaw dispożizzjonijiet jew prinċipji, anki ta’ natura kostituzzjonali, biex jipprekludu l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni ( 47 ).

112.

Madankollu, għandu jiġi osservat li d-dritt tal-Unjoni jistabbilixxi l-prinċipju ġenerali tad-dritt li skontu individwi ma jistgħux jinvokaw id-dritt tal-Unjoni b’mod frawdolenti jew abbużiv ( 48 ). Konsegwentement, fl-oqsma rregolati minn dan id-dritt, il-possibbiltà li jiġi invokat il-karattru abbużiv tal-eżerċizzju ta’ dritt minn persuna li din tislet minn tali dritt Ewropew għandha tiġi evalwata b’mod esklussiv fir-rigward ta’ dan il-prinċipju u mhux fir-rigward tar-rekwiżiti tad-dritt nazzjonali.

113.

Fil-kuntest ta’ proċedura ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tikkjarifika l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ kwalunkwe prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni billi tipprovdi, fejn huwa xieraq, id-dettalji dwar l-interpretazzjoni li għandha tingħata lil dan il-prinċipju fiċ-ċirkustanzi previsti mill-qorti tar-rinviju fid-domanda tagħha ( 49 ) u hija l-qorti tar-rinviju li għandha tikkonstata jekk din is-sitwazzjoni tikkorrispondix mal-fatti tal-kawża u, konsegwentement li tasal għal konklużjoni definittiva dwar l-applikazzjoni xierqa ta’ dan il-prinċipju f’kawża speċifika ( 50 ).

114.

Fir-rigward tal-prinċipju ġenerali ta’ projbizzjoni ta’ abbuż ta’ dritt, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni li tenfasizza li l-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju teħtieġ il-kombinazzjoni ta’ element oġġettiv u ta’ element suġġettiv ( 51 ).

115.

Fir-rigward tal-element oġġettiv, dan jimplika li għandu jidher minn kombinazzjoni ta’ ċirkustanzi oġġettivi li, minkejja l-osservanza formali tal-kundizzjonijiet previsti fir-regoli tal-Unjoni, ir-riżultat prodott mill-eżerċizzju tad-dritt inkwistjoni kjarament jikser l-għanijiet li dawn ir-regoli għandhom l-intenzjoni li jilħqu ( 52 ).

116.

Fir-rigward tal-element suġġettiv, hemm rekwiżit li minn sensiela ta’ elementi oġġettivi għandu jirriżulta li l-għan essenzjali tat-tranżazzjonijiet inkwistjoni huwa li jinkiseb vantaġġ indebitu mill-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Konsegwentement, il-prinċipju ta’ projbizzjoni ta’ prattiċi abbużivi ma huwiex applikabbli meta t-tranżazzjonijiet inkwistjoni – u, b’mod iktar partikolari, l-għażla li jiġu eżerċitati ċerti għażliet legali jew li jsir rikors għal ċerti arranġamenti – jistgħu probabbilment ikollhom ġustifikazzjoni indipendenti minbarra li sempliċement jinkiseb tali vantaġġ ( 53 ).

117.

F’dan il-każ, hija l-fehma komuni li l-għan tad-dritt ta’ rtirar previst fl-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2008/48 huwa li jippermetti lill-konsumaturi jmorru lura mid-deċiżjoni tagħhom jekk, wara li jkunu rċevew l-informazzjoni kollha prevista fl-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva, huma fl-aħħar jikkunsidraw li jkun aħjar li ma jiħdux il-kreditu propost ( 54 ).

118.

Madankollu, nenfasizza li dak li huwa inkwistjoni fil-kawża quddiem il-qorti nazzjonali ma huwiex l-eżerċizzju tad-dritt ta’ rtirar bħala tali, iżda pjuttost il-fatt li jkun jista’ jiġi invokat l-Artikolu 14(1)(b) tad-Direttiva 2008/48, li skontu dan id-dritt jista’ jiġi invokat mingħajr terminu ta’ dekadenza sakemm l-informazzjoni prevista fl-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva ma ġietx ikkomunikata lill-konsumatur. Kif spjegajt iktar kmieni, nemmen li l-għan ta’ din id-dispożizzjoni huwa preċiżament li jiġu ppenalizzati persuni li jsellfu talli ma pprovdewx l-informazzjoni meħtieġa.

119.

F’dan il-kuntest, nemmen li f’dawk il-każijiet fejn kien hemm nuqqas ta’ provvista ta’ informazzjoni neċessarja, is-sempliċi fatt li konsumatur jeżerċita d-dritt ta’ rtirar tiegħu ħafna snin wara l-konklużjoni tal-kuntratt ma jista’ qatt ikun kontra dan l-għan, iżda pjuttost jidher għalkollox konsistenti miegħu ( 55 ).

120.

Peress li l-ewwel element neċessarju sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ abbuż ta’ dritt fiċ-ċirkustanzi jkun neċessarjament nieqes, inqis li kreditur ma jistax jinvoka l-prinċipju ta’ projbizzjoni ta’ abbuż ta’ dritt sabiex jipprekludi lil konsumatur milli jeżerċita d-dritt ta’ rtirar tiegħu fi stadju ulterjuri jekk il-kreditur ma kienx ikkomunikalu preċedentement l-informazzjoni kollha prevista fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 2008/48.

121.

Madankollu, dan ma jfissirx li r-rikorrenti, anki dawk li fir-rigward tagħhom il-kuntratt ta’ kreditu kien għadu ma ġiex eżegwit kompletament fil-mument meta ġie eżerċitat id-dritt ta’ rtirar, huma korretti meta jsostnu li, minħabba dan l-irtirar, il-kreditur kien obbligat li jagħti rimbors komplet tal-pagamenti ta’ kull xahar imħallsa, inklużi l-interessi, bħala korrispettiv għat-trasferiment tal-vettura lill-bejjiegħ. Fil-fatt, il-fatt li l-eżerċizzju tad-dritt ta’ rtirar mill-konsumaturi ma huwiex abbużiv ma jfissirx li għandu, jew anki li jista’, jagħti lok għal konsegwenzi bħal dawk sostnuti mir-rikorrenti.

122.

F’dan il-kuntest wieħed jista’ josserva, l-ewwel nett, li l-Artikolu 14(3)(b) tad-Direttiva 2008/48 jeħtieġ lill-Istati Membri jipprovdu li, fil-każ ta’ eżerċizzju tad-dritt ta’ rtirar, il-konsumatur għandu jħallas lura lill-kreditur mhux biss il-kapital misluf iżda wkoll l-interess akkumulati fuq dan il-kapital, ikkalkolat skont ir-rata ta’ self miftiehma mid-data li minnha l-kreditu “inġibed” mill-konsumatur (jiġifieri, fi kliem komuni, “użat”) ( 56 ) sad-data ta’ meta l-kapital jitħallas lura.

123.

Kjarament, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu, fil-kuntest tas-sanzjonijiet li huma għandhom jintroduċu skont l-Artikolu 23 tad-Direttiva 2008/48, li l-assenza ta’ ċerta informazzjoni obbligatorja fil-kuntratt ta’ kreditu tista’ tirriżulta fit-telf ta’ interessi tas-self. Madankollu, kif inhu ċar mill-kliem ta’ din id-dispożizzjoni, is-sanzjonijiet li għandhom jiġu imposti fil-każ ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni għandhom ikunu proporzjonati. Dan kollu jfisser, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li s-severità tas-sanzjonijiet għandha tkun daqs il-gravità tal-ksur li fir-rigward tiegħu huma imposti, b’mod partikolari, billi tiżgura effett realment dissważiv filwaqt li tosserva l-prinċipju ġenerali ta’ proporzjonalità ( 57 ).

124.

Minn din il-perspettiva, għandu jiġi nnotat li, minn naħa, l-interessi fuq self ma jirremunerawx sempliċement il-ġestjoni tas-self, iżda jikkumpensaw ukoll, fejn xieraq, għat-telf fil-valur monetarju. Min-naħa l-oħra, l-ommissjoni ta’ kwalunkwe informazzjoni prevista fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 2008/48 diġà twassal għall-estensjoni tal-perijodu ta’ rtirar. Konsegwentement, fir-rigward tal-informazzjoni li ma tirrigwardax il-kontenut tal-kuntratt, iżda sempliċement l-ambjent legali tal-kuntratt – bħalma huwa l-każ tal-informazzjoni li tirrigwarda proċeduri extraġudizzjarji – l-ommissjoni ta’ din tal-aħħar mill-kuntratt ma tidhirx li tiġġustifika t-telf komplet ta’ dawn l-interessi ( 58 ). Tali ommissjoni hija ħafna inqas serja minn, pereżempju, l-assenza ta’ evalwazzjoni ta’ solvenza tar-rikorrent ( 59 ) jew in-nuqqas ta’ indikazzjoni tar-rata perċentwali annwali jew ta’ ċerta informazzjoni li tikkonċerna l-ispiża tas-self għall-konsumatur ( 60 ). Fil-fehma tiegħi, l-Istati Membri għandhom ċerta diskrezzjoni f’dan ir-rigward u jistgħu jipprovdu li n-nuqqas li jiġu pprovduti ċerti punti ta’ informazzjoni mhux relatati mal-obbligi tal-partijiet għandu jiġi kkumpensati bl-għoti tad-danni likwidati.

125.

B’mod simili, f’dawk il-każijiet fejn ir-rata ta’ interessi moratorji applikabbli fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt fil-forma ta’ numru assolut – kif imsemmi fl-ewwel domanda – ma ġietx indikata espressament, sa fejn tali punt ta’ informazzjoni ma jikkonċernax l-ispiża tal-kreditu nnifsu, iżda pjuttost l-ispiża minħabba dewmien potenzjali, jidhirli wkoll li l-fatt li tali ommissjoni tiġi rrimedjata billi l-kreditur jiġi prekluż milli jitlob l-interessi moratorji previsti fil-kuntratt (u mhux l-interessi fuq is-self), inkluż, jekk neċessarju, l-għoti ta’ danni, huwa iktar konformi mal-prinċipju ta’ propozjonalità.

126.

It-tieni, ninnota, fir-rigward tal-konsegwenzi tal-irtirar mill-kuntratt tal-kreditu fuq kuntratt għall-provvista ta’ oġġetti jew provvista ta’ servizzi ffinanzjati permezz ta’ dan il-kreditu, li d-Direttiva 2008/48 ma tispeċifikax x’għandhom ikunu jew x’jistgħu jkunu dawn il-konsegwenzi ( 61 ). Kjarament, f’tali każ, il-kreditu miġbud jista’ jiġi kkwalifikat bħala kreditu assoċjat, jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3(n) tad-Direttiva 2008/48 jiġu ssodisfatti. Madankollu, l-unika dispożizzjoni tad-Direttiva 2008/48 li tirreferi għall-konsegwenzi tal-eżerċizzju ta’ dritt ta’ rtirar fil-każ ta’ kreditu assoċjat, jiġifieri, l-Artikolu 15(1), tikkonċerna s-sitwazzjoni fejn konsumatur jeżerċita dan id-dritt fir-rigward ta’ kuntratt għall-provvista ta’ oġġetti jew servizzi. Madankollu, ebda dispożizzjoni ma tittratta s-sitwazzjoni fejn id-dritt ta’ rtirar eżerċitat jikkonċerna l-kreditu.

127.

Wieħed jista’ għalhekk jikkonkludi li huma l-Istati Membri li għandhom jispeċifikaw l-effett tal-eżerċizzju tad-dritt ta’ rtirar fir-rigward tal-kreditu għall-konsum għal kuntratti ta’ bejgħ iffinanzjati minn tali kreditu. Dan huwa kkonfermat mill-premessa 35, li tiddikjara li “[f]ejn konsumatur jirtira minn ftehim ta’ kreditu li b’konnessjoni miegħu jkun irċieva merkanzija […] din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe regolament mill-Istati Membri ta’ kwistjonijiet dwar ir-ritorn tal-merkanzija jew kwalunkwe kwistjoni relatata”.

128.

Għalkemm id-diskrezzjoni tal-Istati Membri f’dan ir-rigward ma hijiex mingħajr limitu – peress li ma jistgħux jippreġudikaw l-effettività tad-dritt ta’ rtirar previst fid-Direttiva 2008/48 – huma jistgħu madankollu jirregolaw il-konsegwenzi tal-eżerċizzju ta’ dan id-dritt fil-kuntratt ta’ bejgħ. B’mod partikolari, ma narax xi jżomm lil Stat Membru milli jawtorizza lill-bejjiegħ, meta l-eżerċizzju tad-dritt ta’ rtirar iwassal għal kanċellazzjoni retroattiva tal-bejgħ, jieħu inkunsiderazzjoni d-deprezzament fil-valur tal-prodotti rritornati li jirriżulta mill-użu tagħhom mill-konsumatur.

129.

Ninsab ukoll inklinat naħseb li l-Istati Membri huma meħtieġa, f’ċerti ċirkustanzi, jipprovdu għall-ħlas mill-konsumatur lill-bejjiegħ ta’ tali kumpens, kif previst, barra minn hekk, fil-kamp ta’ applikazzjoni rispettivi tagħhom, mill-Artikolu 7 tad-Direttiva 2002/65 u mill-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2011/83 ( 62 ). Tabilħaqq, il-projbizzjoni ta’ arrikkiment indebitu huwa prinċipju komuni tad-drittijiet tal-Istati Membri, li ġie rrikonoxxut, tal-inqas b’mod impliċitu, mill-Qorti tal-Ġustizzja bħala wieħed mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni ( 63 ). Skont dan il-prinċipju, persuna li sofriet telf li jtejjeb l-assi ta’ persuna oħra mingħajr l-eżistenza ta’ bażi ġuridika għal dan l-arrikkiment hija intitolata għal restituzzjoni, f’ammont ugwali għal dan it-telf, mill-persuna arrikkita ( 64 ).

130.

Peress li d-dritt ta’ rtirar inkwistjoni f’dawn il-kawżi huwa kwistjoni tad-dritt tal-Unjoni, l-Istati Membri għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-prinċipju ta’ projbizzjoni ta’ arrikkiment indebitu sanċit mill-Qorti tal-Ġustizzja meta jispeċifikaw il-konsegwenzi tal-eżerċizzju ta’ dan id-dritt.

131.

F’dan il-kuntest, wieħed jista’ josserva li, fejn leġiżlazzjoni nazzjonali tipprovdi li, fil-każ ta’ rtirar mill-kuntratt tal-kreditu, kull kuntratt ta’ bejgħ assoċjat għandu jitqies bħala kkanċellat, sussegwentement il-bejjiegħ jista’ jsofri danni, filwaqt li x-xerrej probabbilment itejjeb l-assi tiegħu. Dan huwa tipikament il-każ tal-bejgħ ta’ vettura ffinanzjata mill-kreditu peress li l-valur tal-karozza jonqos b’minn 10 % sa 30 % fis-suq tas-second-hand mill-ewwel kilometru misjuq, skont il-manifattura tal-karozza u l-mudell. Konsegwentement, il-bejjiegħ li jkollu jieħu lura l-vettura neċessarjament ser isofri telf. Fir-rigward tax-xerrej, dan iżid neċessarjament il-valur tal-assi tiegħu minħabba li ma jkollux isostni dan id-deprezzament.

132.

Huwa minnu li l-prinċipju ta’ projbizzjoni tal-arrikkiment indebitu ma jistax jiġi applikat fil-każ ta’ ħsara u li, għalhekk, ma jkunx applikabbli jekk il-bejjiegħ kien effettivament kiser id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/48. Madankollu, sabiex il-bejjiegħ tal-oġġetti jitqies bħala koawtur ta’ ksur tal-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2008/48 minħabba informazzjoni insuffiċjenti fil-kuntratt ta’ kreditu ffirmat, huwa neċessarju għall-bejjiegħ li kien involut fil-konklużjoni jew fil-preparazzjoni tal-kuntratt ta’ kreditu, li hija waħda biss mis-sitwazzjonijiet li jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “kreditu konness”, kif iddefinit fl-Artikolu 3(n) tad-Direttiva 2008/48 ( 65 ). Fi kwalunkwe sitwazzjoni oħra l-bejjiegħ għandu jkun jista’ jinvoka l-prinċipju ta’ arrikkiment indebitu.

133.

Għaldaqstant, jiena nemmen li, fejn konsumatur jeżerċita d-dritt ta’ rtirar tiegħu, l-Istati Membri jistgħu, tal-inqas, jipprovdu volontarjament li l-bejjiegħ jista’ jnaqqas mir-rimbors allowance għad-deprezzament fil-valur tal-vettura. Nammetti li tali soluzzjoni tista’ tipprekludi lill-konsumaturi milli jeżerċitaw id-dritt ta’ rtirar tagħhom, iżda nikkunsidraha konsegwenza normali tal-fatt li huma gawdew l-oġġetti jew is-servizzi inkwistjoni matul ċertu perijodu ( 66 ). Konsegwentement, anki jekk l-eżerċizzju minn xi rikorrenti tad-dritt ta’ rtirar tagħhom ma jidhirx li huwa abbużiv, il-bejjiegħ jista’ jkun meħtieġ li jirrimborsa l-valur tal-vetturi b’mod sħiħ lix-xerrej biss jekk id-dritt nazzjonali jipprevedi espressament għal tali soluzzjoni bħala sanzjoni għall-ksur ta’ ċerti obbligi mill-bejjiegħ, bħall-obbligu li jiġi offrut lix-xerrejja biss is-servizzi ta’ kumpanniji ta’ kreditu li l-kuntratti tagħhom jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/48. Huma l-qrati nazzjonali li għandhom jiddeterminaw liema hija l-liġi applikabbli.

134.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi għall-ħames domanda fil-Kawża C‑155/20 u għat-tmien domanda fil-Kawża C‑187/20, fis-sens li l-prinċipju tal-Unjoni ta’ projbizzjoni ta’ abbuż ta’ dritt ma jistax jiġi invokat mill-kreditur sabiex iwaqqaf lill-konsumatur milli jeżerċita d-dritt ta’ rtirar tiegħu, previst fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2008/48, fuq is-sempliċi bażi li perijodu sinjifikattiv diġà ddekorra mill-konklużjoni tal-kuntratt. Għar-raġunijiet li diġà enfasizzajt, dan ma jfissirx, madankollu, li l-Istati Membri ma humiex intitolati – jew anki obbligati – li jieħdu l-passi xierqa fis-sistemi legali tagħhom sabiex jiżguraw li fornituri tal-kreditu ma jsofrux telf finanzjarju b’riżultat tal-eżerċizzju mill-konsumatur tad-dritt ta’ rtirar.

V. Konklużjoni

135.

Għaldaqstant inqis li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi għad-domandi preliminari tal-Landgericht Ravensburg (il-Qorti Reġjonali ta’ Ravensburg, il-Ġermanja) kif ġej:

(1)

L-Artikolu 10(2)(l) tad-Direttiva 2008/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kuntratt ta’ kreditu għandu jiddikjara, l-ewwel, ir-rata tal-interessi moratorji applikabbli fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt ta’ kreditu fil-forma ta’ perċentwali, u it-tieni, meta din ir-rata tista’ tvarja, il-formola ta’ kalkolu li maż-żmien tintuża sabiex tiġi kkalkolata r-rata applikabbli fil-każ ta’ użu, bħala varjabbli, għal rata ta’ referenza jew parametru referenzjarju, id-data ta’ pubblikazzjoni kif ukoll fejn u minn min kienet ippubblikata.

(2)

L-Artikolu 10(2)(t) tad-Direttiva 2008/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kuntratt ta’ kreditu għandu jelenka l-proċeduri extraġudizzjarji kollha ta’ lmenti u/jew ta’ riżarċiment disponibbli għall-konsumaturi, u, jekk applikabbli, l-ispiża ta’ kull waħda minn dawn il-proċeduri, jekk l-ilment jew l-appell għandhomx jiġu sottomessi fuq karta jew b’mod elettroniku, l-indirizz fiżiku jew elettroniku li fuqu tali lment jew appell għandhom jintbagħtu u r-rekwiżiti formali li għandhom jiġu osservati meta n-nuqqas ta’ osservanza tagħhom jista’ jwassal għal telf ta’ kull possibbiltà għall-konsumatur li jasserixxi d-drittijiet tiegħu.

(3)

L-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2008/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kreditur ma jistax jipprekludi lill-konsumatur milli jeżerċita d-dritt ta’ rtirar tiegħu jekk l-informazzjoni kollha prevista fl-Artikolu 10(2) ta’ din id-direttiva tkun għadha ma ġietx ipprovduta fil-kuntratt ta’ kreditu. Madankollu, tali dritt ma jistax jibqa’ jiġi eżerċitat ladarba l-obbligi kollha koperti mill-kuntratt ikunu ġew eżegwiti kompletament.

(4)

Il-prinċipju tal-Unjoni tal-projbizzjoni ta’ abbuż ta’ dritt ma jistax jiġi invokat mill-kreditur sabiex iwaqqaf lill-konsumatur milli jeżerċita d-dritt ta’ rtirar tiegħu, previst fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2008/48 fuq is-sempliċi bażi li perijodu sinjifikattiv kien diġà ddekorra mill-konklużjoni tal-kuntratt fejn l-informazzjoni rikjesta ma ġietx ipprovduta mill-kreditur. Dan ma jfissirx, madankollu, li l-Istati Membri ma humiex intitolati – jew anki obbligati – sabiex jieħdu l-passi xierqa fis-sistemi legali tagħhom sabiex jiżguraw li l-fornituri tal-kreditu ma jsofrux telf finanzjarju b’riżultat tal-eżerċizzju mill-konsumatur tad-dritt ta’ rtirar.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) Dawn il-kawżi jenfasizzaw indirettament ukoll l-approċċi xi kultant diverġenti li jeżistu fil-liġi tal-Unjoni dwar il-konsumatur fir-rigward tal-portata ta’ ċerti obbligi ta’ informazzjoni jew tad-dritt ta’ rtirar li tiddependi fuq in-natura tal-attività involuta u, għalhekk, il-bżonn ta’ bidla kompleta possibbli tar-regoli eżistenti sabiex jagħmlu d-diversi dispożizzjonijiet iżjed konsistenti ma’ xulxin.

( 3 ) Fir-rigward ta’ dawn id-dokumenti, il-qorti tar-rinviju tidher li tqis li huma ma humiex affettwati mill-problema tal-impaġnar identifikata fil-Kawżi C‑33/20 u C‑155/20 u li, għalhekk, mill-perspettiva tad-dritt Ġermaniż, huma jistgħu jitqiesu li huma parti mill-kuntratt.

( 4 ) Fil-kuntratt ta’ DT, dan tal-aħħar jispeċifika wkoll li l-kreditu għandu jitħallas lura fil-forma ta’ pagamenti ta’ kull xahar indaqs u pagament ikbar finali.

( 5 ) Sentenza tas‑7 ta’ Awwissu 2018, Smith (C‑122/17, EU:C:2018:631, punt 39). Ara, ukoll f’dan ir-rigward, is-sentenzi tad‑19 ta’ April 2016, DI (C‑441/14, EU:C:2016:278, punt 31) u tat‑22 ta’ Jannar 2019, Cresco Investigation (C‑193/17, EU:C:2019:43, punt 73).

( 6 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tad‑19 ta’ April 2016, DI (C‑441/14, EU:C:2016:278, punt 32) tat‑22 ta’ Jannar 2019, Cresco Investigation (C‑193/17, EU:C:2019:43, punt 74) u tal‑5 ta’ Settembru 2019, Pohotovosť (C‑331/18, EU:C:2019:665, punt 56).

( 7 ) Id-Direttiva tal-Kunsill tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288).

( 8 ) Ara, wkoll, is-sentenza tal‑5 ta’ Settembru 2019, Pohotovosť (C‑331/18, EU:C:2019:665, punt 41) jew is-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Kreissparkasse Saarlouis (C‑66/19, EU:C:2020:242, punt 36).

( 9 ) Il-kwistjoni tal-inferjorità tal-konsumatur fir-rigward tas-saħħa tan-negozjar hija indirizzata b’mod iktar rilevanti f’dispożizzjonijiet oħra tal-Unjoni, b’mod partikolari dawk li jinsabu fid-Direttiva 93/13.

( 10 ) Ara, għal dan il-għan, is-sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2012, SC Volksbank România (C‑602/10, EU:C:2012:443, punt 38).

( 11 ) Minn din il-perspettiva, huwa importanti li jitfakkar li d-Direttiva 2008/48 hija ċċentrata fuq rekwiżiti ta’ informazzjoni kuntrattwali u ma tikkonċernax kwistjonijiet ta’ kontenut jew impenji kuntrattwali li għalihom il-partijiet misshom jew misshomx issottoskrivew. Għalhekk, kif jindika l-Artikolu 10(1), ċerti rekwiżiti formali skont id-dritt nazzjonali għall-iskambju ta’ kunsens sabiex ikun validu ma humiex neċessarjament rilevanti sabiex jiġi evalwat jekk l-obbligi ta’ informazzjoni taħt din id-direttiva humiex issodisfatti.

( 12 ) Sentenzi tad‑9 ta’ Novembru 2016, Home Credit Slovakia (C‑42/15, EU:C:2016:842, punt 31) u tas‑26 ta’ Marzu 2020, Kreissparkasse Saarlouis (C‑66/19, EU:C:2020:242, punt 36).

( 13 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Kreissparkasse Saarlouis (C‑66/19, EU:C:2020:242, punt 45).

( 14 ) Fil-prattika, ftit ħafna konsumaturi, minbarra dawk li għandhom interess fil-liġi, jaqraw fid-dettall il-kuntratti li jiffirmaw. Ara, b’mod partikolari, l-Uffiċċju għall-Kummerċ Ġust “Consumer contracts” Frar 2011, p. 1 fil-punt 116. Huwa biss fl-istadju tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt, meta jiltaqgħu ma’ problemi, li l-konsumaturi jibdew jieħdu interess fil-kontenut tal-kuntratt.

( 15 ) Ara, s-sentenza tal‑21 ta’ Marzu 2013, RWE Vertrieb (C‑92/11, EU:C:2013:180, punt 50) u s-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Kreissparkasse Saarlouis (C‑66/19, EU:C:2020:242, punti 4748). Huwa minnu li, skont il-ġurisprudenza, kuntratt fis-sens tad-Direttiva 2008/48, u mhux fis-sens tad-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-validità tiegħu, ma għandux neċessarjament ikun ġie stabbilit f’dokument wieħed. Madankollu, sa fejn l-għan primarju tad-Direttiva 2008/48 huwa li tiġi armonizzata l-portata tal-obbligi ta’ informazzjoni li jistgħu jiġu imposti fl-Istati Membri varji, dan ma jistax jiddependi fuq jekk, fi Stat Membru, id-dispożizzjonijiet li jistabbilixxu r-regoli ta’ ordni pubbliku humiex parti mill-kuntratt fis-sens tad-Direttiva 2008/48, għaliex dan ikun kontra tali għan. Fil-fehma tiegħi, sa fejn id-Direttiva 2008/48 hija ffokata fuq l-informazzjoni, huwa ċar li l-kunċett ta’ “kuntratt” għandu jinftiehem li jirreferi għal dokument jew dokumenti tanġibbli. Dan huwa kkonfermat mill-Artikolu 10(1) tagħha li jispeċifika li l-partijiet kontraenti kollha għandhom jirċievu kopja tal-kuntratt ta’ kreditu.

( 16 ) Ara, pereżempju, id-dizzjunarju Cambridge. Kemm fil-finanzi kif ukoll fil-lingwaġġ ta’ kuljum, hemm differenza bejn rata ta’ interessi u rata ta’ referenza: filwaqt li tal-ewwel tirreferi għall-perċentwali użata sabiex tiġi kkalkolata somma li għandha titħallas b’korrispettiv għal servizz jew bħala kumpens għad-danni, tal-aħħar tirreferi għal parametru li tieħu l-forma ta’ rata sabiex tikkalkola din ir-remunerazzjoni. Ara d-definizzjoni mogħtija mis-sit internet ta’ riferiment għall-finanzi Investopedia tal-kunċett ta’ “rata ta’ referenza”. Huwa biss permezz tal-impreċiżjonijiet fil-lingwa li l-kliem “rata ta’ interessi” huwa xi drabi użat mhux sabiex jistabbilixxi frazzjoni ta’ mija, iżda sabiex jistabbilixxi l-formola użata sabiex tiġi kkalkolata f’mument speċifiku.

( 17 ) Ċertament, l-Artikolu 3(j) tad-Direttiva 2008/48 jispeċifika li “rata tas-self” tista’ tirreferi għal rata ta’ interessi li tista’ tkun varjabbli. Madankollu, fil-matematika jew fil-finanzi, rata ta’ interessi hija varjabbli meta l-perċentwali espressa tista’ tinbidel. Għalhekk, il-fatt li rata ta’ interessi tista’ tkun varjabbli ma jfissirx li l-Artikolu 10(2)(l) tad-Direttiva 2008/48 għandu jinftiehem li jirreferi għal formola ta’ kalkolu.

( 18 ) L-argument magħmul mill-Gvern Ġermaniż li skontu, jekk l-Artikolu 10(2)(l) tad-Direttiva 2008/48 kellu jiġi interpretat fis-sens li jirreferi għal figura speċifika, dan ikollu l-konsegwenza, fid-dawl tal-Artikolu 14(1)(b) tad-Direttiva, li jestendi l-perijodu ta’ rtirar għal kull bidla f’din ir-rata, fil-fehma tiegħi ma jidhirx li huwa rilevanti ħafna għaliex huwa preċiżament l-Artikolu 10(2)(l), imsemmi iktar ’il fuq, li jispeċifika li huwa meħtieġ biss li tiġi indikata r-rata applikabbli fil-jum tal-konklużjoni tal-kuntratt.

( 19 ) Dan l-argument ma huwiex kontradett mill-aħħar sentenza tal-Artikolu 3(k) tad-Direttiva 2008/48, li skontha, jekk mhux ir-rati ta’ self kollha jiġu ddeterminati fil-kuntratt ta’ kreditu, ir-rata ta’ self għandha titqies li hija fissa biss għal dawk il-perijodi parzjali li għalihom ir-rati ta’ self ikunu ġew iddeterminati esklussivament minn perċentwali speċifika fissa miftiehma mal-konklużjoni tal-kuntratt ta’ kreditu. Fil-fatt, mill-Artikolu 3(j) jirriżulta li rati ta’ self fissi huma sottoklassi ta’ rati ta’ self, li min-naħa tagħhom huma dejjem perċentwali konformement ma’ din id-dispożizzjoni: “ir-rata ta’ interessi espressa bħala perċentwali perjodika fissa jew varjabbli”. Enfasi miżjuda. Għaldaqstant, l-Artikolu 3(k) ta’ din id-direttiva għandha tinqara li tfisser li, jekk mhux il-perċentwali kollha li jesprimu r-rata ta’ self applikabbli ma huma ddefiniti fil-kuntratt, dawn ir-rati għandhom jitqiesu li huma fissi bii matul il-perijodi li għalihom ġew iddeterminati, esklussivament permezz ta’ perċentwali fissa speċifika miftiehma fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt, għall-kuntrarju ta’ perċentwali kkalkolati, f’mument speċifiku, billi tiġi applikata formola jew indiċi ta’ referenza.

( 20 ) Fil-prattika, ir-rata ta’ interessi applikabbli fil-każ ta’ ħlas tardiv hija ġeneralment stabbilita mil-liġi. F’dan il-kuntest, fid-dawl tal-għan li għandu jintlaħaq mid-Direttiva, li huwa li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur, jibqa’ importanti l-fatt li konsumaturi jkunu jistgħu jkollhom idea ċara ta’ din ir-rata.

( 21 ) Enfasi miżjuda.

( 22 ) Ara pereżempju, is-sentenza tat‑3 ta’ Settembru 2020, Profi Credit Polska et (C‑84/19, C‑222/19 u C‑252/19, EU:C:2020:631, punt 74).

( 23 ) Sentenza tal‑5 ta’ Ottubru 2000, Il‑Ġermanja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑376/98, EU:C:2000:544, punt 95).

( 24 ) Ara, għal dan il-għan, il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Kokott f’Schyns (C‑58/18, EU:C:2019:120, punt 43) u, b’analoġija, ir-raġunament tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat‑2 ta’ Mejju 2019, Fundación Consejo Regulador de la Denominación de Origen Protegida Queso Manchego (C‑614/17, EU:C:2019:344, punti 46 sa 50).

( 25 ) F’dan ir-rigward, insemmi li din il-konklużjoni ma hijiex kontradetta mill-fatt li xi kuntratti jista’ jkollhom rati ta’ interessi varjabbli. Minn naħa, dan il-fatt ma jagħmilx impossibbli l-indikazzjoni tar-rata ta’ interessi bażika applikabbli fil-mument li l-kuntratt jiġi ffirmat. Min-naħa l-oħra, għodda ta’ ġestjoni ta’ kuntratti jistgħu jintużaw sabiex jiġu ġestiti kwalunkwe aġġornamenti tal-informazzjoni lill-konsumatur.

( 26 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Kreissparkasse Saarlouis (C‑66/19, EU:C:2020:242, punt 48).

( 27 ) Regolament (UE) 2016/1011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑8 ta’ Ġunju 2016 dwar l-indiċi użati bħala parametri referenzjarji fi strumenti finanzjarji u kuntratti finanzjarji jew dwar il-kejl ta’ prestazzjoni ta’ fondi ta’ investiment u li jemenda d-Direttivi 2008/48/KE u 2014/17/UE u r-Regolament (UE) Nru 596/2014 (ĠU 2016, L 171, p. 1, u r-rettifika fil-ĠU 2017, L 137, p. 41). L-Artikolu 3(1)(3) ta’ dan ir-regolament jiddefinixxi parametru referenzjarju bħala “kwalunkwe indiċi li b’referenza għalih jiġi ddeterminat l-ammont pagabbli skont strument finanzjarju jew kuntratt finanzjarju jew il-valur ta’ strument finanzjarju, jew indiċi li jintuża biex titkejjel il-prestazzjoni ta’ fond ta’ investiment bil-għan tal-monitoraġġ tar-rendiment ta’ tali indiċi jew biex tiġi ddefinita l-allokazzjoni tal-assi ta’ portafoll jew biex jiġu kkalkulati t-tariffi fuq il-prestazzjoni”.

( 28 ) Fil-każ ta’ rata ta’ interessi moratorji kkalkolata fuq il-bażi ta’ indiċi ta’ referenza maħruġ minn bank ċentrali, il-fatt li l-konsumatur jiġi informat dwar il-konsegwenzi possibbli ta’ dan l-indiċi jippresupponi li l-konsumatur jiġi informat dwar il-mod kif dan l-imsemmi indiċi huwa rifless, li jimplika l-formola għall-kalkolu tar-rata ta’ interessi moratorji li tinkorpora dan l-indiċi, kif ukoll il-perjodiċità li biha l-imsemmi indiċi huwa ppubblikat, peress li dan tal-aħħar sussegwentement jiddetermina l-volatilità tar-rata ta’ interessi applikabbli.

( 29 ) Barra minn hekk, drittijiet nazzjonali ġeneralment jiddeterminaw, bħal fil-każ tad-dritt Ġermaniż, il-parametru referenzjarju, l-indiċi jew ir-rata li jistgħu jintużaw sabiex jikkalkolaw rata ta’ interessi moratorji.

( 30 ) Sentenza tat‑3 ta’ Settembru 2020, Profi Credit Polska et (C‑84/19, C‑222/19 u C‑252/19, EU:C:2020:631, punt 75).

( 31 ) Sentenza tal‑21 ta’ Ottubru 2020, Möbel Kraft (C‑529/19, EU:C:2020:846, punt 21). Dan huwa wisq iktar minnu peress li, fiż-żoni koperti minnha, id-Direttiva 2008/48 tikseb armonizzazzjoni kompleta.

( 32 ) Ara, f’dan is-sens, l-Artikolu 24 tad-Direttiva 2008/48: “fejn hu xieraq jintużaw korpi eżistenti”. Enfasi miżjuda.

( 33 ) Kif spjegajt, mill-fatt li d-Direttiva tipprovdi għal obbligi ta’ informazzjoni f’numru ta’ stadji distinti tal-proċess kuntrattwali u li ftit mill-informazzjoni msemmija ma hijiex direttament relatata mal-kuntratt, bħal dik li tirrigwarda l-eżistenza ta’ proċeduri extraġudizzjarji, jista’ jinsilet li l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2008/48 huwa intiż, tal-inqas parzjalment, li jagħmel il-kuntratt dokument li għalih il-konsumatur jista’ jirreferi meta dan jiġi eżegwit u fil-każ li dan ikollu xi mistoqsijiet.

( 34 ) Sentenza tal‑5 ta’ Lulju 2012, Content Services (C‑49/11, EU:C:2012:419, punti 3637).

( 35 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tal‑21 ta’ Marzu 2013, RWE Vertrieb (C‑92/11, EU:C:2013:180, punt 50), u tas‑26 ta’ Marzu 2020, Kreissparkasse Saarlouis (C‑66/19, EU:C:2020:242, punti 46 sa 49).

( 36 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tat‑12 ta’ Ġunju 2014, Lukoyl Neftohim Burgas (C‑330/13, EU:C:2014:1757, punt 59) jew tas‑27 ta’ Marzu 2019, slewo (C‑681/17, EU:C:2019:255, punt 31).

( 37 ) Huwa minnu li l-eżistenza ta’ proċeduri extraġudizzjarji ta’ lment u/jew ta’ rimedju hija indikata fl-Anness II tad-Direttiva 2008/48 fost l-elementi li għandhom jiġu inklużi fl-“Informazzjoni Standard Ewropea dwar il-Kreditu lill-Konsumatur”, li għandha tiġi kkomunikata fl-istadju prekuntrattwali. Madankollu, ninnota li, skont l-Artikolu 5(1) ta’ din id-direttiva, l-użu ta’ dan id-dokument jagħmilha possibbli li jitqies li l-kreditur ma kkonformax ruħu biss mar-rekwiżiti ta’ informazzjoni stabbiliti f’din id-direttiva iżda wkoll ma’ dawk li jinsabu fid-Direttiva 2002/65, Artikolu 3(4)(a) li jeħtieġ li din l-informazzjoni tiġi pprovduta qabel il-konklużjoni tal-kuntratt mill-bogħod. Għaldaqstant nikkonkludi li din l-informazzjoni ma għandhiex tissemma f’dan id-dokument sakemm il-kuntratt inkwistjoni ma jaqax ukoll taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din it-tieni direttiva.

( 38 ) Ara għal dan il-għan, il-premessa 47 tad-Direttiva 2013/11/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ Mejju 2013 dwar is-soluzzjoni alternattiva għat-tilwim tal-konsumaturi u li temenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 u d-Direttiva 2009/22/KE (id-Direttiva dwar l-ADR tal-konsumaturi) (ĠU 2013, L 165, p. 63). M’iniex kompletament konvint li, kif qari superfiċjali tal-Artikolu 34 tas-sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2020, Bundesverband der Verbraucherzentralen und Verbraucherverbände (C‑380/19, EU:C:2020:498) jista’ jissuġġerixxi, l-eżistenza ta’ mekkaniżmu extraġudizzjarju jew mekkaniżmi extraġudizzjarji ta’ lment u/jew ta’ riżarċiment hija ta’ importanza fundamentali għal konsumatur fid-deċiżjoni ta’ dan tal-aħħar li jiffirma kuntratt. Ċertament, kieku l-Istati Membri tħallew jimponu proċeduri prekontenzjużi obbligatorji, li jiswew il-flus, il-fatt li jkunu informati dwar l-eżistenza ta’ tali proċedura jista’ jwaqqaf lil dan il-konsumatur milli jiffirma l-kuntratt. Madankollu, kif diġà kellha okkażjoni ssemmi l-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex jikkonformaw lilhom infushom mal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, Stati Membri għandhom jipprovdu li kull proċedura ta’ riżoluzzjoni ta’ tilwim alternattiva mandatorja ma għandhiex tiġġenera spejjeż, jew għandha tiġġenera biss spejjeż insinjifikattivi. Ara, s-sentenza tal‑14 ta’ Ġunju 2017, Menini u Rampanelli (C‑75/16, EU:C:2017:457, punt 61).

( 39 ) Madankollu, niftakar li għall-proċeduri taħt id-Direttiva 2013/11, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ma jistax ikun meħtieġ li l-konsumaturi jiġu rrappreżentati minn avukat. Ara s-sentenza tal‑14 ta’ Ġunju 2017, Menini u Rampanelli (C‑75/16, EU:C:2017:457, punt 64). Madankollu, minn naħa, din id-direttiva ma tkoprix kull proċedura extraġudizzjarja msemmija fl-Artikolu 10(2)(t) tad-Direttiva 2008/48. Min-naħa l-oħra, xi proċeduri jistgħu jeħtieġu rappreżentanza minn persuni li ma humiex avukati, pereżempju minn għaqda tal-konsumaturi.

( 40 ) Ara l-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 2013/11.

( 41 ) Ara, b’analoġija, Opinjoni 1/03 (Konvenzjoni Ġdida ta’ Lugano) tas‑7 ta’ Frar 2006 (EU:C:2006:81, punt 127).

( 42 ) Ir-raġuni hija probabbli li d-Direttiva 2013/11 tapplika għal kull tip ta’ tranżazzjoni.

( 43 ) Dan probabbilment jispjega għalfejn, anki jekk id-Direttiva 2013/11 hija sussegwenti għad-Direttiva 2008/48, il-leġiżlatur ma kkunsidrax li huwa neċessarju li tiġi emendata d-Direttiva 2008/48. Madankollu, ninnota li l-portata ta’ kull rekwiżit ta’ informazzjoni hija differenti. Fil-fatt, l-obbligu ta’ informazzjoni previst fid-Direttiva 2013/11 jikkonċerna biss, kif speċifikat fl-Artikolu 2(1) tagħha, proċeduri extraġudizzjarji ta’ lmenti u/jew ta’ riżarċiment li jinvolvu entità sostenibbli ta’ riżoluzzjoni ta’ tilwim. Barra minn hekk, id-Direttiva 2008/48 tikkonċerna biss il-bejgħ ta’ servizzi ta’ kreditu għall-konsum, filwaqt li d-Direttiva 2013/11 tikkonċerna kull tranżazzjoni kummerċjali.

( 44 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2011, L 304, p. 64).

( 45 ) Pereżempju, l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 90/619/KEE tat‑8 ta’ Novembru 1990 dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi relatati mal-assigurazzjoni diretta fuq il-ħajja, li jistabbilixxu dispożizzjonijiet biex jiġi ffaċilitat l-eżerċizzju effettiv tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u li temenda d-Direttiva 79/267/KEE (ĠU 1990, L 330, p. 50), inkwistjoni fis-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2013, Endress (C‑209/12, EU:C:2013:864) u s-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Rust-Hackner u Gmoser (C‑355/18 u C‑356/18, EU:C:2019:1123) jistabbilixxi dritt ta’ kanċellazzjoni. L-istess japplika għall-Artikolu 5 tad-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE tal‑20 ta’ Diċembru 1985 biex tħares lill-konsumatur rigward kuntratti nnegozjati barra mill-lok tan-negozju (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 262), inkwistjoni fis-sentenza tal‑10 ta’ April 2008, Hamilton (C‑412/06, EU:C:2008:215). Din id-direttiva tħassret u ġiet issostitwita bid-Direttiva 2011/83, li tadotta soluzzjoni differenti, inkwantu preżentement tipprevedi dritt ta’ rtirar, filwaqt li espressament tipprevedi terminu ta’ dekadenza.

( 46 ) Ara wkoll il-premessa 24 tad-Direttiva 2002/65 u s-sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2019, Romano (C‑143/18, EU:C:2019:701, punt 36).

( 47 ) Ara, għal dan il-għan, is-sentenzi tas‑17 ta’ Diċembru 1970, Internationale Handelsgesellschaft (C‑11/70, EU:C:1970:114, punt 3); tat‑13 ta’ Diċembru 1979, Hauer (C‑44/79, EU:C:1979:290, punt 14); tat‑18 ta’ Ottubru 2016, Nikiforidis (C‑135/15, EU:C:2016:774, punt 28) u tas‑16 ta’ Lulju 2020, Facebook Ireland u Schrems (C‑311/18, EU:C:2020:559, punt 100).

( 48 ) Ara, għal dan il-għan, is-sentenzi tas‑6 ta’ Frar 2018, Altun et (C‑359/16, EU:C:2018:63, punti 4849) u tas‑26 ta’ Frar 2019, T Danmark u Y Denmark (C‑116/16 u C‑117/16, EU:C:2019:135, punt 76).

( 49 ) Ara, għal dan il-għan, is-sentenza tal‑21 ta’ Frar 2006, Halifax et (C‑255/02, EU:C:2006:121, punt 77).

( 50 ) Ara, b’analoġija, is-sentenzi tal‑14 ta’ Diċembru 2000, Emsland‑Stärke (C‑110/99, EU:C:2000:695, punt 54), u tat‑13 ta’ Marzu 2014, SICES et (C‑155/13, EU:C:2014:145, punt 34).

( 51 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tat‑28 ta’ Lulju 2016, Kratzer (C‑423/15, EU:C:2016:604, punt 38).

( 52 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tat‑13 ta’ Marzu 2014, SICES et (C‑155/13, EU:C:2014:145, punt 32).

( 53 ) Ara s-sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2000, Emsland-Stärke (C‑110/99, EU:C:2000:695, punti 5253).

( 54 ) Ara, b’analoġija, iżda li tikkonċerna dritt ta’ kanċellazzjoni, is-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Rust-Hackner u Gmoser (C‑355/18 u C‑356/18, EU:C:2019:1123), punt 101).

( 55 ) Fl-opinjoni tiegħi, il-prinċipju ta’ projbizzjoni ta’ abbuż ta’ dritt jista’, madankollu, possibbilment jiġi applikat jekk jiġi stabbilit li l-konsumatur b’mod repetut ħa kreditu u sussegwentement irtirah fil-perijodu ta’ 14-il jum qabel ma jieħu kreditu ġdid u jibqa’ jagħmel l-istess.

( 56 ) L-użu tal-kelma “inġibed” huwa spjegat mill-fatt li jista’ jkun hemm perijodu temporanju bejn il-mument li l-kuntratt ta’ kreditu jiġi ffirmat u l-mument li l-bejgħ ikun ikkompletat fejn il-flus hekk imqiegħed għad-dispożizzjoni jintuża u sussegwentement jitħallas mill-bank.

( 57 ) Ara s-sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2016, Home Credit Slovakia (C‑42/15, EU:C:2016:842, punt 63).

( 58 ) Ara s-sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2016, Home Credit Slovakia (C‑42/15, EU:C:2016:842, punt 72).

( 59 ) Ara s-sentenza tas‑27 ta’ Marzu 2014, LCL Le Crédit Lyonnais (C‑565/12, EU:C:2014:190, punt 45 et seq.).

( 60 ) Ara s-sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2016, Home Credit Slovakia (C‑42/15, EU:C:2016:842, punt 70).

( 61 ) Fir-rigward tal-Artikolu 14(4) tad-Direttiva, dan jikkonċerna servizzi anċillari għall-kreditu, u mhux prodotti jew servizzi ffinanzjati permezz ta’ kreditu. Ninnota wkoll li d-Direttiva 2011/83, li fiha dispożizzjonijiet dwar l-effetti tal-eżerċizzju tad-dritt ta’ rtirar fuq kuntratti anċillari tapplika biss għal kuntratti mill-bogħod jew kuntratti konklużi lil hinn mill-post tan-negozju, li ma jidhirx li huwa l-każ tal-kuntratti inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

( 62 ) Dritt tal-bejjiegħ għal tali kumpens ma kienx previst mid-Direttiva 97/7 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Mejju 1997 dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi in rigward ta’ kuntratti li jsiru mill-bogħod (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 3, p. 319) li, qabel id-Direttiva 2011/83, kienet tirregola l-kuntratti mill-bogħod. Id-Direttiva 2011/83 kienet ġiet addottata kif iddikjarat fil-premessa 47 tagħha, għaliex “[u]ħud mill-konsumaturi jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ reċess wara li jkunu użaw il-oġġetti sa tali punt li jmur lil hinn minn dak meħtieġ biex jistabbilixxu n-natura, il-karatteristiċi u t-tħaddim tal-oġġetti. F’dan il-każ il-konsumatur ma għandux jitlef id-dritt ta’ reċess, iżda għandu jkun responsabbli għal kwalunkwe valur imnaqqas tal-oġġetti. Sabiex jistabbilixxi n-natura, il-karatteristiċi u t-tħaddim tal-oġġetti, il-konsumatur għandu biss joperah jew jispezzjonhom fl-istess mod kif ikun permess f’post fen isir bejħ bl-imnut. Pereżempju, il-konsumatur għandu biss jipprova artiklu ta’ lbies u mhuwiex permess li jilbsu fit-tul. B’konsegwenza, waqt il-perjodu ta’ reċess il-konsumatur għandu jopera u jispezzjona l-oġġetti b'attenzjoni xierqa. L-obbligi tal-konsumatur fil-każ ta’ reċess ma għandhomx jiskoraġġixxu lill-konsumatur milli jeżerċita d-dritt ta’ reċess tiegħu”.

( 63 ) Ara, pereżempju, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2008, Masdar (UK) vs Il‑Kummissjoni (C‑47/07 P, EU:C:2008:726, punt 47).

( 64 ) Ara, għal dan il-għan, is-sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2020, Ir‑Repubblika Ċeka vs Il‑Kummissjoni (C‑575/18 P, EU:C:2020:530, punt 82).

( 65 ) Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-libertà li jitwettaq negozju tista’ tkun suġġetta għal firxa wiesgħa ta’ interventi minn awtoritajiet pubbliċi li jistgħu jistabbilixxu, fl-interess ġenerali, limiti fuq l-eżerċizzju ta’ attività ekonomika (ara, pereżempju, is-sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 2016, Lidl (C‑134/15, EU:C:2016:498, punt 34), persuna għandha tkun biss, bħala prinċipju, responsabbli għall-azzjonijiet ta’ persuna oħra jekk din il-persuna kienet responsabbli għall-kontroll jew l-organizzazzjoni tal-attivitajiet ta’ dik il-persuna.

( 66 ) Għandu wkoll jitfakkar li, fir-rigward tal-informazzjoni prevista fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 2008/48 li hija deċiżiva għall-kunsens, il-konsumatur dejjem iżomm il-possibbiltà li jitlob il-kanċellazzjoni tal-kuntratt ta’ kreditu fuq il-bażi ta’ dritt nazzjonali, kif enfasizzat fl-Artikolu 10(1) u l-premessa 30 ta’ din id-direttiva.