KONKLUŻJONIJIET TAL‑AVUKAT ĠENERALI

PIKAMÄE

ippreżentati fit‑23 ta’ Settembru 2021 ( 1 )

Kawżi magħquda C-146/20, C‑188/20, C‑196/20 u C‑270/20

AD, BE, CF

vs

Corendon Airlines (C‑146/20)

u

JG, LH, MI, NJ

vs

OP, bħala stralċjarju ta’ Azurair GmbH (C‑188/20)

u

Eurowings GmbH

vs

flightright GmbH (C‑196/20)

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja))

u

AG, MG, HG

vs

Austrian Airlines (C‑270/20)

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landesgericht Korneuburg (il-Qorti Reġjonali ta’ Korneuburg, l-Awstrija))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trasport bl-ajru – Regolament (KE) Nru 261/2004 – Regoli komuni fil-qasam tal-kumpens u ta’ assistenza tal-passiġġieri fil-każ ta’ kanċellazzjoni jew ta’ dewmien twil ta’ titjira – Artikolu 2 – Kunċetti ta’ ‘reżervazzjoni kkonfermata’ u ta’ ‘trasportatur tal-ajru li jopera’ – Artikoli 5 u 7 – Kunċett ta’ ‘ħin oriġinali tal-wasla’ – Tressiq ’il quddiem tal-ħin tat-tluq tat-titjira – Klassifikazzjoni – Offerta ta’ rotta differenti – Artikolu 14 – Obbligu li l-passiġġieri jiġi informati bid-drittijiet tagħhom – Portata”

I. Introduzzjoni

1.

It-talbiet għal deċiżjonijiet preliminari mressqa mil-Landgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja) u mil-Landesgericht Korneuburg (il-Qorti Reġjonali ta’ Korneuburg, l-Awstrija), jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(b), (f), (g), (h) u (l), tal-Artikolu 3(2)(a), tal-Artikolu 5(1), tal-Artikolu 7(1) u (2), tal-Artikolu 8(1)(b) u tal-Artikolu 14(2) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 ( 2 ).

2.

Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ tilwim bejn passiġġieri tal-ajru u diversi kumpanniji tal-ajru fir-rigward tal-kumpens għal kanċellazzjoni jew dewmien twil tat-titjiriet tagħhom. Huma jqajmu diversi kwistjonijiet ġuridiċi ġodda u kumplessi li dwarhom il-Qorti tal-Ġustizzja ser ikollha l-okkażjoni tiddeċiedi. Dawn il-kwistjonijiet ġuridiċi jistgħu jinġabru, b’mod ġenerali, fi tliet tematiċi kumplessi differenti, jiġifieri d-drittijiet tal-passiġġieri f’relazzjoni bejn tliet partijiet li tinkludi operatur tat-tours mhux marbut mat-trasportatur tal-ajru, il-possibbiltà li jinkiseb kumpens fil-każ ta’ tressiq ’il quddiem tal-ħin tat-tluq ta’ titjira, u fl-aħħar nett, il-portata tal-obbligu li kull trasportatur tal-ajru għandu li jipprovdi informazzjoni lill-passiġġieri dwar ir-regoli ta’ kumpens u ta’ assistenza previsti fir-Regolament Nru 261/2004.

II. Il-kuntest ġuridiku

A.   Ir-Regolament Nru 261/2004

3.

Skont il-premessa 20 tar-Regolament Nru 261/2004:

“Passiġġieri għandhom jiġu informati b’mod sħiħ bid-drittijiet tagħhom fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, sabiex ikunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom b’mod effettiv.”

4.

L-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament:

[...]

b)

‘trasportatur ta’ l-ajru li jopera’ ifisser trasportatur ta’ l-ajru li jwettaq jew li għandu l-ħsieb li jwettaq titjira taħt kuntratt ma’ passiġġier jew f’isem persuna oħra, legali jew naturali, li għandha kuntratt ma’ dak il-passiġġier;

[...]

f)

‘biljett’ ifisser dokument validu li jagħti intitolament għal transport jew xi ħaġa ekwivalenti mhux fil-forma ta’ karta, inkluża forma elettronika, maħruġ jew awtorizzat mil-trasportatur ta’ l-ajru jew l-aġent awtorizzat tiegħu;

g)

‘reżervazzjoni’ tfisser il-fatt li l-passiġġier għandu biljett, jew prova oħra, li tindika li r-reżervazzjoni ġiet aċċettata u rreġistrata, mil-trasportatur ta’ l-ajru jew mill-operatur tat-tour;

h)

‘destinazzjoni finali’ ifisser id-destinazzjoni fuq il-biljett ippreżentat fil-post taċ-check-in jew, fil-każ ta’ titjiriet konnessi direttament, id-destinazzjoni ta’ l-aħħar titjira; titjiriet konnessi alternattivi li qegħdin għad-dispożizzjoni m’għandhomx jiġu meħudin in konsiderazzjoni jekk il-ħin oriġinali tal-wasla hu mħares;

[...]

l)

‘kanċellazzjoni’ tfisser in-nuqqas ta’ operazzjoni ta’ titjira li kienet qabel ippjanata u fuq liema mill-inqas post wieħed kien irreżervat.”

5.

L-Artikolu 3 tal-imsemmi regolament jipprovdi:

“1.   Dan ir-Regolament għandu japplika:

a)

għal passiġġieri li jitilqu minn ajruport li jinstab fit-territorju ta’ Stat Membru għal liema japplika t-Trattat;

b)

għal passiġġieri li jitilqu minn ajruport li jinstab f’pajjiż terz għal ajruport li jinstab fit-territorju ta’ Stat Mebru għal liema japplika t-Trattat, kemm-il darba rċievu [ma rċivewx] vantaġġi jew kumpens u [jew] ġew mogħtija assistenza f’dak il-pajjiż terz, jekk il-trasportatur ta’ l-ajru li qed jopera tat-titjira in kwistjoni hu trasportatur Komunitarju.

2.   Il-paragrafu 1 għandu japplika fuq il-kondizzjoni li l-passiġġieri:

a)

għandhom reżervazzjoni kkonfermata fuq it-titjira in kwistjoni u. ħlife fil-każ ta’ kanċellazzjoni msejħa fl-Artikolu 5, jippreżentaw lilhom infushom għal check-in,

kif stabbilit u fil-ħin indikat minn qabel u bil-miktub (inkluż permezz ta’ mezzi elettroniċi) mil-trasportatur ta’ l-ajru, l-operatur tat-tourjew l-aġent tal-vjaġġ awtorizzat,

jew, jekk l-ebda ħin hu indikat,

mhux aktar tard minn 45-il minuta qabel il-ħin tat-tluq ippubblikat; [...]

[...]”

6.

L-Artikolu 5 tal-istess regolament jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Fil-każ ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira, il-passiġġieri in kwistjoni għandhom:

a)

jiġu offruti assistenza mil-trasportatur ta’ l-ajru li jopera skond l-Artikolu 8; u

b)

jiġu offruti assistenza mil-trasportatur ta’ l-ajru li jopera skond l-Artikolu 9(1)(a) u 9(2), kif ukoll, fil-każ ta’ għemil ta’ rotta differenti meta l-ħin tat-tluq raġonevolment mistenni tat-titjira ġdida hu mill-inqas il-ġurnata wara t-tluq kif kien ippjanat għat-titjira kkanċellata, l-assistenza speċifikata fl-Artikolu 9(1)(b) u 9(1)(ċ); u

ċ)

jkollhom id-dritt għal kumpens mil-trasportatur ta’ l-ajru li jopera skond l-Artikolu 7, kemm-il darba [sakemm]:

i)

huma [ma jkunux] informati bil-kanċellazzjoni mill-inqas ġimgħatejn qabel il-ħin tat-tluq skedat; jew

ii)

huma [ma jkunux] informati bil-kanċellazzjoni bejn ġimgħatejn u sebat ijiem qabel il-ħin tat-tluq skedat u huma offruti rotta differenti, li tħallihom jitilqu mhux aktar minn sagħtejn qabel il-ħin tat-tluq skedat u jaslu fid-destinazzjoni finali tagħhom inqas minn erba’ sigħat wara l-ħin tal-wasla skedat; jew

iii)

huma [ma jkunux] informati bil-kanċellazzjoni inqas minn sebat ijiem qabel il-ħin tat-tluq skedat u huma offruti rotta differenti, li tħallihom jitilqu mhux aktar minn siegħa qabel il-ħin tat-tluq skedat u jaslu fid-destinazzjoni finali tagħhom inqas minn sagħtejn wara l-ħin tal-wasla skedat.”

7.

Skont l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 261/2004:

“1.   Fejn referenza hi magħmula għal dan l-Artikolu, passiġġieri għandhom jirċievu kumpens li jammonta għal:

[...]

b)

EUR 400 għat-titjiriet intra-Komunitarji kollha ta’ aktar minn 1500 kilometru, u għat-titjiriet oħrajn kollha bejn 1500 u 3500 kilomentru:

[...]

2.   Meta passiġġieri huma offruti possibiliá oħra biex jaslu fid-destinazzjoni finali tagħhom fuq titjira alternattiva skond l-Artikolu 8, il-ħin tal-wasla ta’ liema ma taqbiżx il-ħin tal-wasla skedat tat-titjira rreġistrata oriġinarjament

[...]

b)

b’tlett sigħat, fir-rigward tat-tijiriet intra-Komunitarji kollha ta’ aktar minn 1500 kilometru u għat-titjiriet oħrajn kollha bejn 1500 u 3500 kilometru; jew

[...]

il-trasportatur ta’ l-ajru li jopera jista’ jnaqqas il-kumpens previst fil-paragrafu 1 bi 50 %.”

8.

L-Artikolu 8(1) ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“1.   Fejn referenza hi magħmula għal dan l-Artikolu, passiġġieri għandhom jiġu offruti l-għażla bejn:

a)

rimbors fi żmien sebat ijiem, permezz tal-mezzi previsti fl-Artikolu 7(3), tal-prezz sħiħ tal-biljett bil-prezz b’liema ġie mixtri, għall-parti jew partijiet tal-vjaġġ li ma ġewx magħmulin, u għall-parti jew partijiet li diġá ġew magħmulin jekk it-titjira m’għadhiex qed taqdi kwalunkwe skop fir-rigward tal-pjan ta’ vjaġġ oriġinali tal-passiġġier, flimkien ma’, meta rilevanti,

titjira lura għall-ewwel punt ta’ tluq, ma’ l-ewwel opportunitá;

b)

rotta differenti, taħt kondizzjonijiet tat-trasport paragunabbli, għad-destinazzjoni finali tagħhom ma’ l-ewwel opportunitá; jew

ċ)

rotta differenti, taħt kondizzjonijiet tat-trasport paragunabbli, għad-destinazzjoni finali tagħhom f’data aktar tard skond il-konvenjenza tal-passiġġier, soġġett għall-postijiet li qegħdin għad-dispożizzjoni.”

9.

L-Artikolu 13 tal-imsemmi regolament jipprovdi:

“F’każijiet fejn trasportatur ta’ l-ajru li jopera jħallas kumpens jew jilħaq l-obbligazzjonijiet oħra li għandu d-dmir iwettaq taħt dan ir-Regolament, l-ebda dispożizzjoni ta’ dan ir-Regolament ma jista’ jiġi interpretat li jirrestrinġi d-dritt tiegħu li jfittex kumpens minn kwalunkwe persuna, inklużi partijiet terzi, skond il-liġi applikabbli. Partikolarment, dan ir-Regolament m’għandu bl-ebda mod jirrestrinġi d-dritt tal-trasportatur ta’ l-ajru li jopera biex ifittex rimbors minn operatur tat-tour jew persuna oħra ma’ liema l-trasportatur ta’ l-ajru li jopera għandu kuntratt. B’mod simili, l-ebda dispożizzjoni ta’ dan ir-Regolament ma tista’ tiġi interpretata li tirrestrinġi d-dritt ta’ operatur tat-tour jew ta’ parti terza, barra minn passiġġier, ma’ liema trasportatur ta’ l-ajru li jopera għandu kuntratt, biex ifittex rimbors jew kumpens mil-trasportatur ta’ l-ajru li jopera skond il-liġijiet applikabbli rilevanti.”

10.

Skont l-Artikolu 14(2) tal-istess regolament:

“Trasportatur ta’ l-ajru li jopera li ma jħallix lill-passiġġieri jitilgħu jew li jikkanċella titjira għandu jipprovdi kull passiġġier affettwat b’avviż bil-miktub li jistabbilixxi r-regoli għall-kumpens u assistenza skond dan ir-Regolament. Għandu wkoll jipprovdi kull passiġġer affettwat minn dewmien ta’ mill-inqas sagħtejn b’avviż ekwivalenti. Id-dettalji tal-kuntatt ta’ l-organu nazzjonali nnominat imsejjaħ fl-Artikolu 16 għandu wkoll jinata’ lill-passiġġier f’forma bil-miktub.”

B.   Id-Direttiva (UE) 2015/2302

11.

Il-premessa 33 tad-Direttiva (UE) 2015/2302 tal‑Parlament Ewropew u tal‑Kunsill tal‑25 ta’ Novembru 2015 dwar pakketti tal-ivvjaġġar u arranġamenti tal-ivvjaġġar marbuta, li temenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 u d-Direttiva 2011/83/UE tal‑Parlament Ewropew u tal‑Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal‑Kunsill 90/314/KEE ( 3 ), tistabbilixxi:

“F’ċerti każijiet l-organizzaturi għandhom jitħallew jagħmlu tibdiliet unilaterali fil-kuntratt tal-pakkett tal-ivvjaġġar. Madankollu, il-vjaġġaturi għandhom jkollhom id-dritt li jitterminaw il-kuntratt ta’ pakkett ta’ vjaġġar jekk l-emendi jbiddlu b’mod sinifikanti kwalunkwe karatteristika prinċipali tas-servizzi tal-ivvjaġġar. Dan jista’ jkun il-każ, pereżempju, jekk il-kwalità jew il-valur tas-servizzi tal-ivvjaġġar jonqos. Bidliet fil-ħinijiet tat-tluq jew tal-wasla indikati fil-kuntratt ta’ pakkett ta’ vjaġġar għandhom ikunu meqjusa bħala sinifikanti, pereżempju, fejn dawn jimponu inkonvenjenza konsiderevoli jew spejjeż addizzjonali fuq il-vjaġġatur, pereżempju arranġament mill-ġdid tat-trasport jew akkomodazzjoni [...]”

12.

L-Artikolu 11(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, qabel il-bidu tal- perjodu tal-pakkett, l-organizzatur ma jistax, b’mod unilaterali, ibiddel il-kondizzjonijiet tal-kuntratt ta’ pakkett ta’ vjaġġar għajr il-prezz f’konformità mal-Artikolu 10, sakemm [ħlief jekk]:

[...]

b)

il-bidla tkun insinifikanti; [...]

[...]”

III. Il-fatti li wasslu għall-kawża, il-proċedura fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

A.   Il-Kawża C‑188/20, Azurair

13.

LH irriżervat, għaliha nnifisha u għal passiġġieri oħra (iktar ’il quddiem il-“passiġġieri fil-kawża prinċipali”), pakkett tal-ivvjaġġar lejn Side (it-Turkija) mingħand aġenzija tal-ivvjaġġar, li jinkludi t-trasport bl-ajru bir-ritorn minn Düsseldorf (il-Ġermanja) lejn Antalya (it-Turkija).

14.

Dokument intitolat “reġistrazzjoni għall-ivvjaġġar”, mibgħut lil LH, kien jindika t-titjiriet segwenti tal-kumpannija tal-ajru Azurair GmbH: 1) titjira ARZ 8711, tal‑15 ta’ Lulju 2018, minn Düsseldorf lejn Antalya, li l-ħinijiet tat-tluq u tal-wasla tagħha kienu s‑6.00 u l‑10.30 rispettivament u 2) titjira ARZ 8712, tal‑5 ta’ Awwissu 2018, minn Antalya lejn Düsseldorf, li l-ħinijiet tat-tluq u tal-wasla tagħha kienu l‑12.00 u t‑14.45 rispettivament. Taħt din l-informazzjoni kien hemm dan li ġej, miktub b’ittri kbar: “Għas-sigurtà tagħkom stess, għandkom tivverifikaw it-titjira fil-biljetti tagħkom”.

15.

Il-passiġġieri fil-kawża prinċipali ħadu t-titjiriet indikati fuq dan id-dokument. Madankollu, fit-titjira ’l barra, huma waslu Antalya fis‑1.19 fis‑16 ta’ Lulju 2018, u fit-titjira tar-ritorn, l-ajruplan telaq fil‑5.10, fil‑5 ta’ Awwissu 2018. Konsegwentement, dawn il-passiġġieri talbu lil Azurair il-ħlas ta’ kumpens skont l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 261/2004 quddiem l-Amtsgericht Düsseldorf (il-Qorti Distrettwali ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja). Abbażi tal-informazzjoni indikata fir-“reġistrazzjoni għall-ivvjaġġar”, huma argumentaw li t-titjira ’l barra kienet ġarrbet dewmien ta’ iktar minn tliet sigħat, filwaqt li t-titjira tar-ritorn kienet ġiet ikkanċellata, peress li t-tressiq ’il quddiem tat-titjira għandu jiġi kklassifikat bħala “kanċellazzjoni” fis-sens tal-Artikolu 5(1) ta’ dan ir-regolament.

16.

Min-naħa tagħha, Azurair argumentat li hija ma kinitx skedat it-titjiriet inkwistjoni fil-ħinijiet indikati fir-“reġistrazzjoni għall-ivvjaġġar”, iżda li l-iskedar tagħha kien jikkorrispondi għall-indikazzjonijiet li jinsabu fil-“konferma tal-vjaġġ/fattura” mibgħuta fit‑22 ta’ Jannar 2018 lil alltours flugreisen GmbH, fil-kwalità tagħha ta’ operatur tat-tours.

17.

Skont din l-iskeda, l-ajruplan ’il barra kellu jitlaq fil‑15 ta’ Lulju 2018 fit‑20.05 u jasal l-għada fis-0.40; l-ajruplan tar-ritorn kellu jitlaq fil‑5 ta’ Awwissu 2018 fit‑8.00 u jasal fil‑10.50. Għalhekk, fir-rigward tat-titjira ’l barra, kif indikata fuq l-imsemmija skeda, id-dewmien allegat ma kienx ta’ tliet sigħat jew iktar. Fir-rigward tat-titjira tar-ritorn, minkejja li din effettivament tressqet ’il quddiem, anki fid-dawl tal-iskeda indikata minn Azurair, dan it-tressiq ’il quddiem ma huwiex, fil-fehma tagħha, kanċellazzjoni fis-sens tal-Artikolu 2(l) tar-Regolament Nru 261/2004. Barra minn hekk, Azurair talbet li eventwali kumpens jiġi ridott skont l-Artikolu 7(2)(b) ta’ dan ir-regolament, għar-raġuni li l-passiġġieri fil-kawża prinċipali waslu fid-destinazzjoni finali tagħhom sagħtejn u ħamsin minuta biss qabel il-ħin tal-wasla previst.

18.

L-Amtsgericht Düsseldorf (il-Qorti Distrettwali ta’ Düsseldorf) ċaħdet dan ir-rikors għar-raġuni li r-“reġistrazzjoni għall-ivvjaġġar” ma kinitx tikkostitwixxi konferma ta’ reżervazzjoni fis-sens tal-Artikolu 2(g) tar-Regolament Nru 261/2004, peress li minn din ir-reġistrazzjoni kien jirriżulta b’mod ċar li l-ħinijiet tat-titjira kienu biss provviżorji. Skont din il-qorti, ma kienx jeżisti dokument li seta’ jiġi identifikat bħala “biljett” fis-sens tal-Artikolu 2(f) ta’ dan ir-regolament.

19.

Il-passiġġieri fil-kawża prinċipali appellaw minn din is-sentenza quddiem il-Landgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali ta’ Düsseldorf), il-qorti tar-rinviju. Din tal-aħħar tistaqsi dwar jekk il-pożizzjoni sostnuta mill-Amtsgericht Düsseldorf (il-Qorti Distrettwali ta’ Düsseldorf) hijiex konformi mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 261/2004.

20.

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Landgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali ta’ Düsseldorf) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Passiġġier ikollu ‘riżervazzjoni kkonfermata’ fis-sens tal-Artikolu 3(2)(a) tar-[Regolament Nru 261/2004] meta jkun irċieva minn operatur tat-tour, li jkun marbut kuntrattwalment miegħu, ‘prova oħra’ fis-sens tal-Artikolu 2(g) tar-Regolament Nru 261/2004, li jkun fiha wiegħda dwar titjira preċiża, identifikata bl-indikazzjoni tal-postijiet u tal-ħinijiet tat-tluq u tal-wasla, kif ukoll bin-numru tat-titjira, mingħajr ma l-operatur tat-tour ma jkun għamel fil-fatt riżervazzjoni għal din it-titjira mat-trasportatur tal-ajru kkonċernat u mingħajr ma jkun irċieva konferma mingħand dan tal-aħħar?

2)

Sabiex trasportatur tal-ajru jitqies li huwa ‘trasportatur tal-ajru li jopera’ fis-sens tal-Artikolu 2(b) tar-Regolament Nru 261/2004 fil-konfront ta’ passiġġier, huwa biżżejjed li dan il-passiġġier ikun marbut kuntrattwalment ma’ operatur tat-tour, li jkun wiegħed li jittrasporta lill-passiġġier fuq titjira preċiża, identifikata bl-indikazzjoni tal-postijiet u tal-ħinijiet tat-tluq u tal-wasla, kif ukoll bin-numru tat-titjira, f’sitwazzjoni fejn l-operatur tat-tour ma jkunx għamel riżervazzjoni għall-passiġġier u għalhekk ma jkunx stabbilixxa relazzjoni kuntrattwali mat-trasportatur tal-ajru fir-rigward ta’ din it-titjira?

3)

Il-‘ħin oriġinali tal-wasla’ ta’ titjira, fis-sens tal-Artikolu 2(h), tal-Artikolu 5(1)(ċ), tat-tieni sentenza tal-Artikolu 7(1) u tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 261/2004 jista’ jirriżulta, għall-finijiet tal-kumpens minħabba kanċellazzjoni jew dewmien twil, minn ‘prova oħra’ li tkun ġiet ikkomunikata minn operatur tat-tour lil passiġġier jew f’dan ir-rigward għandu jitqies bħala ġustifikazzjoni l-biljett, fis-sens tal-Artikolu 2(f) tar-Regolament Nru 261/2004?

4)

Ikun hemm kanċellazzjoni ta’ titjira fis-sens tal-Artikolu 2(l) u tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 261/2004 meta t-trasportatur tal-ajru li jopera jibdel il-ħin tat-titjira rriżervata fil-kuntest ta’ pakkett tal-ivjaġġar billi jressqu għal minn tal-inqas sagħtejn u għaxar minuti iktar kmieni fl-istess jum?

5)

It-trasportatur tal-ajru li jopera jista’ jnaqqas il-kumpens previst fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 261/2004, konformement mal-Artikolu 7(2) ta’ dan ir-regolament, meta l-ħin il-ġdid tat-titjira jkun jinsab fil-limiti previsti f’din id-dispożizzjoni?

6)

L-informazzjoni mogħtija qabel jibda l-vjaġġ dwar il-fatt li t-titjira ser titlaq iktar kmieni tikkostitwixxi offerta ta’ rotta ġdida fis-sens tal-Artikolu 5(1)(a) u tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 261/2004?

7)

L-Artikolu 14(2) tar-Regolament Nru 261/2004 jobbliga lit-trasportatur tal-ajru li jopera jinforma lill-passiġġier bl-isem preċiż tal-impriża u bl-indirizz tagħha fejn ikun jista’ jitlob il-kumpens ikkalkolat fuq il-bażi tad-distanza, kif ukoll bl-ammont preċiż tiegħu, u, jekk ikun il-każ, jispeċifika liema huma d-dokumenti li l-passiġġier għandu jannetti mat-talba tiegħu?”

B.   Il-Kawża C‑196/20, Eurowings

21.

Fl‑24 ta’ Ottubru 2017, żewġ passiġġieri rriżervaw, mingħand aġenzija tal-ivvjaġġar, pakkett tal-ivvjaġġar lejn Mallorca (Spanja), li jinkludi trasport bl-ajru bir-ritorn minn Hamburg (il-Ġermanja) lejn Palma de Mallorca (Spanja).

22.

Dokument intitolat “reġistrazzjoni għall-ivvjaġġar” intbagħat mill-operatur tat-tours ITS lil dawn il-passiġġieri, li kien jindika t-titjira li ġejja tal-kumpannija tal-ajru Eurowings GmbH: titjira EW 7582, tat‑22 ta’ Mejju 2018, minn Hamburg lejn Palma de Mallorca, li l-ħinijiet tat-tluq u tal-wasla tagħha kienu s‑7.30 u l‑10.05 rispettivament.

23.

L-imsemmija passiġġieri qabdu effettivament it-titjira indikata iktar ’il fuq. Madankollu, huma waslu fid-destinazzjoni finali tagħhom mhux fl‑10.05, iżda fid-21.08. Peress li dawn il-passiġġieri kienu ċedew l-eventwali drittijiet tagħhom għal kumpens skont ir-Regolament Nru 261/2004 lil flightright GmbH, din tal-aħħar ippreżentat rikors quddiem l-Amtsgericht Düsseldorf (il-Qorti Distrettwali ta’ Düsseldorf) billi argumentat li l-imsemmija passiġġieri kellhom reżervazzjoni kkonfermata għat-titjira inkwistjoni, li l-wasla tagħha kienet prevista għall‑10.05, fit‑22 ta’ Mejju 2018.

24.

Eurowings sostniet li l-passiġġieri kellhom reżervazzjoni kkonfermata għat-titjira EW 7582, li l-wasla tagħha kienet prevista għas‑19.05. Għalhekk, id-dewmien imġarrab kien ta’ inqas minn tliet sigħat, li ma kienx jagħti dritt għal kumpens.

25.

Il-qorti tal-ewwel istanza laqgħet it-talba ta’ flightright għar-raġuni li r-“reġistrazzjoni għall-ivvjaġġar” maħruġa mill-operatur tat-tours ITS kienet tikkostitwixxi konfermazzjoni ta’ reżervazzjoni fis-sens tal-Artikolu 2(g), moqri flimkien mal-Artikolu 2(f) tar-Regolament Nru 261/2004. Fil-fatt, din il-qorti kkunsidrat li r-reġistrazzjoni għall-ivvjaġġar mibgħuta lill-passiġġieri kkonċernati kienet tikkostitwixxi “prova oħra” fis-sens tal-imsemmi Artikolu 2(g), peress li din id-dispożizzjoni kienet teħtieġ biss li r-reżervazzjoni tkun ġiet aċċettata mill-operatur tat-tours. Barra minn hekk, l-imsemmija qorti indikat li ma kienx jeżisti dokument li seta’ jiġi identifikat bħala “biljett” fis-sens tal-Artikolu 2(f) ta’ dan ir-regolament.

26.

Eurowings appellat minn din is-sentenza quddiem il-Landgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali ta’ Düsseldorf), il-qorti tar-rinviju. Din tal-aħħar tistaqsi, essenzjalment, dwar jekk konferma ta’ reżervazzjoni li toriġina minn operatur tat-tours, li ma hijiex ibbażata fuq reżervazzjoni mwettqa mat-trasportatur tal-ajru previst mit-talba għal kumpens, tistax tiġi kkunsidrata bħala “reżervazzjoni kkonfermata” fis-sens tal-Artikolu 3(2)(a) tar-Regolament Nru 261/2004.

27.

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Landgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali ta’ Düsseldorf) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Passiġġier ikollu ‘riżervazzjoni kkonfermata’ fis-sens tal-Artikolu 3(2)(a) tar-[Regolament Nru 261/2004] meta jkun irċieva minn operatur tat-tour, li jkun marbut kuntrattwalment miegħu, ‘prova oħra’ fis-sens tal-Artikolu 2(g) tar-Regolament Nru 261/2004, li jkun fiha wiegħda dwar titjira preċiża, identifikata bl-indikazzjoni tal-postijiet u tal-ħinijiet tat-tluq u tal-wasla, kif ukoll bin-numru tat-titjira, mingħajr ma l-operatur tat-tour ma jkun għamel fil-fatt riżervazzjoni għal din it-titjira mat-trasportatur tal-ajru kkonċernat u mingħajr ma jkun irċieva konferma mingħand dan tal-aħħar?

2)

Sabiex trasportatur tal-ajru jitqies li huwa ‘trasportatur tal-ajru li jopera’ fis-sens tal-Artikolu 2(b) tar-Regolament Nru 261/2004 fil-konfront ta’ passiġġier, huwa biżżejjed li dan il-passiġġier ikun marbut kuntrattwalment ma’ operatur tat-tour, li jkun wiegħed li jittrasporta lill-passiġġier fuq titjira preċiża, identifikata bl-indikazzjoni tal-postijiet u tal-ħinijiet tat-tluq u tal-wasla, kif ukoll bin-numru tat-titjira, f’sitwazzjoni fejn l-operatur tat-tour ma jkunx għamel riżervazzjoni għall-passiġġier u għalhekk ma jkunx stabbilixxa relazzjoni kuntrattwali mat-trasportatur tal-ajru fir-rigward ta’ din it-titjira?

3)

Il-‘ħin oriġinali tal-wasla’ ta’ titjira, fis-sens tal-Artikolu 2(h), tal-Artikolu 5(1)(ċ), tat-tieni sentenza tal-Artikolu 7(1) u tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 261/2004 jista’ jirriżulta, għall-finijiet tal-kumpens minħabba kanċellazzjoni jew dewmien twil, minn ‘prova oħra’ li tkun ġiet ikkomunikata minn operatur tat-tour lil passiġġier jew f’dan ir-rigward għandu jitqies bħala ġustifikazzjoni l-biljett, fis-sens tal-Artikolu 2(f) ta’ dan ir-regolament?”

C.   Il-Kawża C‑146/20, Corendon Airlines

28.

Il-passiġġieri fil-kawża prinċipali rriżervaw, bl-intervent ta’ aġenzija tal-ivvjaġġar, pakkett tal-ivvjaġġar lejn Antalya. Wara din ir-reżervazzjoni, il-kumpannija tal-ajru Corendon Airlines ikkonfermat li t-titjira kienet ser issir fit‑18 ta’ Mejju 2018 minn Düsseldorf lejn Antalya bl‑10.20 bħala ħin tat-tluq. Imbagħad, Corendon Airlines ressqet it-titjira ’l quddiem b’siegħa u erbgħin minuta, fid‑8.40 tat‑18 ta’ Mejju 2018, filwaqt li madankollu żammet l-istess numru ta’ titjira.

29.

Dawn il-passiġġieri, li tilfu t-titjira hekk imressqa ’l quddiem, ippreżentaw rikors quddiem l-Amtsgericht Düsseldorf (il-Qorti Distrettwali ta’ Düsseldorf) kontra Corendon Airlines, fejn talbu b’mod partikolari, kumpens skont l-Artikolu 5(1)(ċ) u l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 261/2004. Insostenn tar-rikors tagħhom, l-imsemmija passiġġieri argumentaw li ma kinux ġew informati bit-tressiq ’il quddiem tat-titjira u li fir-realtà, dan kien ekwivalenti għal kanċellazzjoni. Mill-banda l-oħra, Corendon Airlines ikkunsidrat li l-passiġġieri kienu ġew informati bit-tressiq ’il quddiem tat-titjira mill-operatur tat-tours fit‑8 ta’ Mejju 2018.

30.

L-Amtsgericht Düsseldorf (il-Qorti Distrettwali ta’ Düsseldorf) ikkunsidrat li t-tressiq ’il quddiem ta’ titjira b’siegħa u erbgħin minuta ma huwiex ekwivalenti għal kanċellazzjoni ta’ din it-titjira sa fejn dan it-tressiq ’il quddiem kien negliġibbli, u konsegwentement, ċaħdet ir-rikors tal-passiġġieri.

31.

Dawn appellaw minn din is-sentenza quddiem il-Landgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali ta’ Düsseldorf), il-qorti tar-rinviju. Din tal-aħħar tistaqsi dwar jekk ir-raġunament sostnut mill-Amtsgericht Düsseldorf (il-Qorti Distrettwali ta’ Düsseldorf) huwiex konformi mar-Regolament Nru 261/2004.

32.

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Landgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali ta’ Düsseldorf) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Teżisti kanċellazzjoni ta’ titjira fis-sens tal-Artikolu 2(l) u tal-Artikolu 5(1) tar-[Regolament Nru 261/2004], jekk it-trasportatur tal-ajru li jopera jressaq ’il quddiem għad-08.40, ħin lokali, tal-istess jum, titjira rriżervata fil-kuntest ta’ pakkett ta’ vvjaġġar li t-tluq tagħha kien previst għall-10.20, ħin lokali?

2)

Il-komunikazzjoni magħmula għaxart ijiem qabel il-bidu tal-vjaġġ rigward it-tressiq ’il quddiem ta’ titjira fl-10.20, ħin lokali, għad-08.40, ħin lokali, tal-istess jum, tikkostitwixxi offerta ta’ rotta differenti fis-sens tal-Artikoli 5(1)(a) u 8(1)(b) tar-[Regolament Nru 261/2004]?”

D.   Il-Kawża C‑270/20, Austrian Airlines

33.

Il-passiġġieri inkwistjoni rriżervaw titjira minn Vjenna (l-Awstrija) lejn Kajr (l-Eġittu) mingħand il-kumpannija tal-ajru Austrian Airlines AG. Il-ħin tat-tluq kien previst għall-22.15, fl‑24 ta’ Ġunju 2017, u l-ħin tal-wasla l-għada fis‑1.45. Fil-jum tat-titjira, Austrian Airline kkanċellatha u pproponiet lill-passiġġieri titjira fl-istess jum li titlaq fl‑10.20 u tasal Kajr fis‑13.50, li dawn il-passiġġieri aċċettaw. Għalhekk, dawn tal-aħħar waslu fid-destinazzjoni finali tagħhom 11-il siegħa u 55 minuta qabel il-ħin oriġinali tal-wasla.

34.

Bi qbil barra l-qorti, Austrian Airlines ħallset lil kull wieħed mill-passiġġieri inkwistjoni kumpens ta’ EUR 200 wara applikazzjoni ta’ riduzzjoni ta’ 50 % tal-ammont tal-kumpens previst fl-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 261/2004, skont l-Artikolu 7(2)(b) ta’ dan ir-regolament.

35.

Il-passiġġieri fil-kawża prinċipali ppreżentaw rikors quddiem il-Bezirksgericht Schwechat (il-Qorti Distrettwali ta’ Schwechat, l-Awstrija) kontra Austrian Airlines billi talbu kumpens sħiħ skont l-Artikolu 7(1)(b) tal-imsemmi regolament. Huma argumentaw li minkejja li ma kinux waslu tard f’Kajr, il-wasla kmieni tagħhom kienet affettwathom bħal dewmien twil, billi ddikjaraw li huma kienu aċċettaw il-proposta ta’ Austrian Airlines għaliex l-għażla l-oħra proposta minn din tal-aħħar kienet ser ittellifhom jumejn mill-vaganzi.

36.

Il-Bezirksgericht Schwechat (il-Qorti Distrettwali ta’ Schwechat) ċaħdet dan ir-rikors għar-raġuni li mill-kliem ċar tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 261/2004, jirriżulta li din id-dispożizzjoni hija applikabbli wkoll f’sitwazzjonijiet fejn il-passiġġier jasal fid-destinazzjoni finali tiegħu b’titjira mressqa ’l quddiem.

37.

Il-passiġġieri fil-kawża prinċipali appellaw minn din is-sentenza quddiem il-Landesgericht Korneuburg (il-Qorti Reġjonali ta’ Korneuburg, l-Awstrija), il-qorti tar-rinviju. Din tal-aħħar tistaqsi dwar jekk ir-regola li kumpens jista’ jitnaqqas b’ 50 % meta d-dewmien fil-wasla ma jaqbiżx tliet sigħat, skont l-Artikolu 7(2)(b) ta’ dan ir-regolament, tistax tiġi applikata wkoll għall-wasla iktar kmieni li ma taqbiżx tliet sigħat meta mqabbla mal-iskedar oriġinali tat-titjira. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tirrileva li tluq kunsiderevolment kmieni jista’ jwassal għal żvantaġġi għall-passiġġier li huma serji daqs wasla tardiva fir-rigward tal-kriterji previsti f’din id-dispożizzjoni.

38.

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Landesgericht Korneuburg (il-Qorti Reġjonali ta’ Korneuburg) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 7(2)(b) tar-[Regolament Nru 261/2004] għandu jiġi interpretat fis-sens li t-trasportatur tal-ajru jista’ wkoll inaqqas l-ammont tal-kumpens previst fl-Artikolu 7(1)(b) ta’ dan ir-regolament meta, wara l-kanċellazzjoni tat-titjira rriżervata, tiġi offruta lill-passiġġieri titjira alternattiva li l-ħin tat-tluq skedat u l-ħin tal-wasla skedat tagħha huma previsti 11-il siegħa u 55 minuta qabel il-ħinijiet tat-titjira kkanċellata?”

IV. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

39.

Id-deċiżjonijiet tar-rinviju fil-Kawżi C‑188/20, Azurair u C‑196/20, Eurowings, iddatati s‑6 ta’ April 2020, waslu fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit‑30 ta’ April 2020 u fis‑6 ta’ Mejju 2020 rispettivament.

40.

Id-deċiżjoni tar-rinviju fil-Kawża C‑146/20, Corendon Airlines iddatata s‑17 ta’ Frar 2020, waslet fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl‑20 ta’ Marzu 2020. Id-deċiżjoni tar-rinviju fil-Kawża C‑270/20, Austrian Airlines, iddatata s‑16 ta’ Ġunju 2020, waslet fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit‑18 ta’ Ġunju 2020.

41.

Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑15 ta’ Ġunju 2020, il-Kawżi C‑188/20, Azurair u C‑196/20, Eurowings, ġew magħquda għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u orali, kif ukoll tas-sentenza.

42.

Permezz ta’ deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑27 ta’ April 2021, il-kawżi inkwistjoni ġew magħquda għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u orali, kif ukoll tas-sentenza.

43.

Il-partijiet fil-kawżi prinċipali, il-Gvern Ġermaniż u dak Awstrijak, kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea, ippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub fit-terminu mogħti mill-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

44.

Waqt is-seduta tas‑16 ta’ Ġunju 2021, il-mandatarji ad litem tal-partijiet fil-kawża prinċipali u r-rappreżentanti tal-Gvern Ġermaniż, kif ukoll il-Kummissjoni, ippreżentaw osservazzjonijiet.

V. Analiżi ġuridika

A.   Kummenti preliminari

45.

Peress li d-domandi preliminari jippreżentaw paralelliżmu u interazzjoni evidenti, nipproponi li d-domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja jiġu kklassifikati skont ċertu ordni tematiku. Il-ħolqien ta’ tali “katalogu ta’ domandi” ser jippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tittrattahom b’mod sistematiku, strutturat u effikaċi. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li d-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑188/20, Azurair, jinkludu d-domandi kollha magħmula fil-kawżi l-oħra.

46.

Għal din ir-raġuni, kif ukoll għal raġunijiet ta’ sempliċità, ser neżamina d-domandi preliminari fl-ordni li fihom saru fl-imsemmija kawża, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni, sa fejn huwa possibbli, il-partikolaritajiet tal-kawżi konnessi. Ħlief fil-każ ta’ indikazzjoni espressa kuntrarja, l-eżami tad-domandi ser ikun essenzjalment ibbażat fuq il-kuntest fattwali tal-Kawża C‑188/20, Azurair, li għalhekk, tikkostitwixxi, b’xi mod, “kawża pilota” għall-finijiet ta’ dawn il-konklużjonijiet.

47.

Kif ġie indikat fl-introduzzjoni ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-kwistjonijiet ġuridiċi mqajma fid-domandi preliminari jistgħu jinġabru b’mod ġenerali fi tliet kumplessi tematiċi differenti, jiġifieri d-drittijiet tal-passiġġieri f’relazzjoni bejn tliet partijiet li tinkludi operatur tat-tours mhux marbut mat-trasportatur tal-ajru (l-ewwel sat-tielet domanda) ( 4 ), il-possibbiltà li jinkiseb kumpens jew rotta differenti fil-każ ta’ tressiq ’il quddiem tal-ħin tat-tluq ta’ titjira (ir-raba’ sas-sitt domanda) ( 5 ) u fl-aħħar nett, il-portata tal-obbligu li kull trasportatur tal-ajru għandu li jipprovdi informazzjoni lill-passiġġieri dwar ir-regoli ta’ kumpens u ta’ assistenza previsti fir-Regolament Nru 261/2004 (is-seba’ domanda) ( 6 ).

B.   Fuq l-ewwel domanda preliminari

48.

Permezz tal-ewwel domanda preliminari tagħha fil-Kawżi C‑188/20, Azurair, u C‑196/20, Eurowings, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk passiġġier għandux “reżervazzjoni kkonfermata”, fis-sens tal-Artikolu 3(2)(a) tar-Regolament Nru 261/2004, meta jkun irċieva minn operatur tat-tours “prova oħra”, fis-sens tal-Artikolu 2(g) tar-Regolament Nru 261/2004, li tinkludi wegħda ta’ trasport fuq titjira preċiża, identifikata bl-indikazzjoni tal-postijiet u tal-ħinijiet tat-tluq u tal-wasla, kif ukoll bin-numru tat-titjira, minkejja li l-operatur tat-tours ma jkunx għamel reżervazzjoni għal din it-titjira mat-trasportatur tal-ajru kkonċernat.

49.

Skont l-Artikolu 3(2)(a) tar-Regolament Nru 261/2004, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi regolament jinfetaħ meta l-passiġġier ikollu “reżervazzjoni kkonfermata” għat-titjira kkonċernata.

50.

Skont l-Artikolu 2(g) tar-Regolament Nru 261/2004, id-dokument li jista’ jagħti dritt ta’ trasport lill-passiġġier huwa “biljett” jew “prova oħra” li tindika li r-reżervazzjoni ġiet aċċettata u rreġistrata mit-trasportatur jew mill-operatur tat-tours.

51.

F’dan il-każ, huwa evidenti li d-dokument rċevut mir-rikorrenti ma huwiex “biljett” tal-ajruplan fis-sens tal-Artikolu 2(f) tar-Regolament Nru 261/2004, jiġifieri “dokument validu li jagħti intitolament għal transport jew xi ħaġa ekwivalenti mhux fil-forma ta’ karta, inkluża forma elettronika, maħruġ jew awtorizzat mil-trasportatur ta’ l-ajru jew l-aġent awtorizzat tiegħu” ( 7 ). Dan huwa rrikonoxxut mill-qorti tar-rinviju stess u jirriżulta wkoll mid-deċiżjoni tar-rinviju ( 8 ). Madankollu, dan id-dokument ikun jista’ jikkostitwixxi “prova oħra” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, kif donnha tippreżupponi l-qorti tar-rinviju permezz tad-domanda preliminari tagħha.

52.

Sa fejn dan il-kunċett ma huwiex espressament iddefinit fir-Regolament Nru 261/2004, huwa neċessarju li jiġi stabbilit, fl-ewwel lok, liema huma r-rekwiżiti li din il-“prova oħra” għandha tissodisfa, u fit-tieni lok, jekk id-dokument inkwistjoni jissodisfax dawn ir-rekwiżiti.

53.

Mill-qari tad-dispożizzjonijiet rilevanti jirriżulta li huwa importanti li d-dokument inkwistjoni “jagħti intitolament għal transport”. Fi kliem ieħor, mid-dokument għandha tkun tista’ tiġi dedotta volontà li l-passiġġier jiġi ttrasportat lejn d-destinazzjoni u fil-ħin iddeterminati. Dan huwa mingħajr dubju l-każ ta’ “biljett” tal-ajruplan, li huwa ddefinit fl-Artikolu 2(f) bħala “dokument validu li jagħti intitolament għal transport” ( 9 ). Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 2(g) jeħtieġ li r-reżervazzjoni tkun ġiet “aċċettata u rreġistrata”, filwaqt li l-Artikolu 3(2)(a) jeħtieġ reżervazzjoni “kkonfermata”, li jeskludi, fil-prinċipju, kull xorta ta’ dokument ta’ natura purament informattiva.

54.

Minn interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta wkoll li d-dokument inkwistjoni mhux bilfors għandu jkun inħareġ mit-trasportatur tal-ajru nnifsu. Fil-fatt, skont l-Artikolu 2(g), ir-“reżervazzjoni” tista’ tiġi aċċettata u rreġistrata mit-trasportatur tal-ajru jew mill-“operatur tat-tour”. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 3(2)(a) ir-“reżervazzjoni kkonfermata” tista’ tinħareġ mit-trasportatur tal-ajru jew mill-“operatur tat-tour”. Tali leġiżlazzjoni tidher raġonevoli, mill-perspettiva tal-protezzjoni tal-konsumatur, peress li normalment il-passiġġier ma jkollu ebda konoxxenza tar-relazzjoni bejn l-operatur tat-tours u t-trasportatur tal-ajru u tal-iskambji li seħħew bejniethom fil-kuntest tal-proċess ta’ reżervazzjoni ta’ titjiriet. Għalhekk, wieħed ma jistax jeħtieġ li l-konsumatur stess jivverifika li r-reżervazzjoni tat-titjira tiegħu kienet ikkonfermata mat-trasportatur tal-ajru. Barra minn hekk, ir-Regolament Nru 261/2004 lanqas jipprovdi obbligu ta’ informazzjoni korrispondenti min-naħa ta’ dawn l-impriżi.

55.

Minn dan isegwi li, sabiex teżisti “reżervazzjoni kkonfermata”, huwa suffiċjenti li l-operatur tat-tour ikun esprima, permezz ta’ dokument rilevanti, il-volontà li jittrasporta l-passiġġier fuq titjira preċiża. Madankollu, f’dan il-kuntest għandu jiġi speċifikat li l-għoti tad-drittijiet iggarantiti mir-Regolament Nru 261/2004 jiddependi fuq rekwiżiti oħra, b’mod partikolari, l-eżistenza ta’ “trasportatur ta’ l-ajru li jopera” fis-sens tal-Artikolu 2(b) ta’ dan ir-regolament, aspett li ser jiġi eżaminat fil-kuntest tal-analiżi tat-tieni domanda preliminari.

56.

Għal dak li jirrigwarda dan il-każ, għandu jiġi nnotat li d-dokument maħruġ lir-rikorrenti u msejjaħ “reġistrazzjoni għall-ivvjaġġar” (terminu fil-lingwa Ġermaniża: “Reiseanmeldung”) ma jissodisfax ir-rekwiżiti sabiex jiġi kklassifikat bħala “prova oħra” fis-sens tal-Artikolu 2(g) tar-Regolament Nru 261/2004. L-ewwel nett, l-isem stess donnu jindika biss sempliċi interess ta’ parteċipazzjoni fi vjaġġ. Kieku l-operatur tat-tours ried jesprimi wegħda ta’ trasport vinkolanti, huwa kien juża termini iktar ċari, bħal “konferma ta’ reżervazzjoni” jew “konferma ta’ vjaġġ”. It-tieni, mill-istruzzjonijiet kontenuti f’dan id-dokument jirriżulta b’mod ċar li l-ħinijiet kienu biss provviżorji u li l-passiġġieri kellhom jivverifikawhom huma stess għas-sigurtà tagħhom. Konsegwentement, “reġistrazzjoni għall-ivvjaġġar” fl-ebda każ ma hija l-espressjoni ta’ impenn vinkolanti min-naħa tal-operatur tat-tours li jipprovdi s-servizz ta’ vjaġġar speċifikat f’dan id-dokument, peress li l-Artikolu 3(2)(a) tal-imsemmi regolament jeħtieġ li r-reżervazzjoni tkun “[i]kkonfermata”. Għalhekk, il-passiġġier ma jistax jifhem din ir-reġistrazzjoni bħala wegħda ta’ trasport vinkolanti espressa fil-forma ta’ “reżervazzjoni kkonfermata” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina l-klassifikazzjoni ġuridika tad-dokument inkwistjoni filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni dawn l-elementi ta’ interpretazzjoni kollha.

57.

Mill-preċedenti jirriżulta li passiġġier jista’ jkollu “reżervazzjoni kkonfermata” jekk huwa jkun irċieva minn operatur tat-tours, li miegħu huwa jkun ikkonkluda kuntratt, “prova oħra”, fis-sens tal-Artikolu 2(g) tar-Regolament Nru 261/2004, li tkun tinkludi wegħda ta’ trasport fuq titjira preċiża, identifikata bl-indikazzjoni tal-postijiet u l-ħinijiet tat-tluq u tal-wasla, kif ukoll tan-numru tat-titjira, minkejja li l-operatur ma jkunx għamel reżervazzjoni għal din it-titjira mat-trasportatur tal-ajru kkonċernat u lanqas irċieva konferma ta’ din ir-reżervazzjoni min-naħa ta’ dan tal-aħħar. Madankollu, dan ma huwiex il-każ jekk huwa jkun irċieva dokument imsejjaħ “reġistrazzjoni għall-ivvjaġġar” li ma huwiex l-espressjoni ta’ impenn vinkolanti tal-operatur tat-tours li jipprovdi s-servizz ta’ vjaġġar speċifikat f’dan id-dokument.

58.

Minkejja li r-risposta hekk proposta tista’ eventwalment tikkawża dannu lit-trasportatur tal-ajru peress li dan tal-aħħar ikun responsabbli għall-aġir tal-operatur tat-tours, għandu jitfakkar li l-imsemmi trasportatur għandu l-possibbiltà li jitlob kumpens għad-danni lill-operatur tat-tours, skont l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 261/2004 ( 10 ).

59.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li r-risposta għall-ewwel domanda preliminari għandha tkun li l-Artikolu 3(2)(a) tar-Regolament Nru 261/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li passiġġier jista’ jkollu “reżervazzjoni kkonfermata” jekk ikun irċieva minn operatur tat-tours, li miegħu jkun ikkonkluda kuntratt, “prova oħra”, fis-sens tal-Artikolu 2(g) tal-imsemmi regolament, li tinkludi wegħda ta’ trasport fuq titjira preċiża, identifikata bl-indikazzjoni tal-postijiet u l-ħinijiet tat-tluq u tal-wasla, kif ukoll tan-numru tat-titjira, minkejja li l-operatur ma jkunx għamel reżervazzjoni għal din it-titjira mat-trasportatur tal-ajru kkonċernat u lanqas irċieva konferma ta’ din ir-reżervazzjoni min-naħa ta’ dan tal-aħħar; dan ma huwiex il-każ jekk ikun irċieva dokument imsejjaħ “reġistrazzjoni għall-ivvjaġġar” li ma huwiex espressjoni ta’ impenn vinkolanti tal-operatur tat-tours li jipprovdi s-servizz ta’ vjaġġar speċifikat f’dan id-dokument.

C.   Fuq it-tieni domanda preliminari

60.

Permezz tat-tieni domanda preliminari tagħha fil-Kawżi C‑188/20, Azurair u C‑196/20, Eurowings, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk trasportatur tal-ajru għandux jiġi kkunsidrat bħala “trasportatur ta’ l-arju li jopera”, fis-sens tal-Artikolu 2(b) tar-Regolament Nru 261/2004, fil-konfront ta’ passiġġier meta dan ikun ikkonkluda kuntratt ma’ operatur tat-tours li jkun wiegħdu li jittrasportah fuq titjira preċiża, identifikata bl-indikazzjoni tal-postijiet u tal-ħinijiet tat-tluq u tal-wasla, kif ukoll tan-numru tat-titjira, iżda li ma jkunx għamillu reżervazzjoni mat-trasportatur tal-ajru u għalhekk ma jkunx stabbilixxa relazzjoni kuntrattwali ma’ dan tal-aħħar fir-rigward tal-imsemmija titjira.

61.

Skont id-definizzjoni tal-Artikolu 2(b) tar-Regolament Nru 261/2004, it-“trasportatur ta’ l-ajru li jopera” huwa trasportatur tal-ajru li jwettaq jew li għandu l-ħsieb li jwettaq titjira fil-kuntest ta’ kuntratt konkluż ma’ passiġġier, jew f’isem persuna oħra, ġuridika jew fiżika, li tkun ikkonkludiet kuntratt ma’ dak il-passiġġier.

62.

Minn naħa, minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li ma huwiex meħtieġ li t-trasportatur tal-ajru jkun ikkonkluda kuntratt mal-passiġġier ikkonċernat, peress li dan it-trasportatur jista’ jwettaq jew ikollu l-ħsieb iwettaq it-titjira f’isem persuna oħra li tkun ikkonkludiet kuntratt mal-passiġġier, bħal operatur tat-tours. Fil-fatt, skont l-Artikolu 3(5) tar-Regolament Nru 261/2004, meta trasportatur tal-ajru li jopera li ma jkunx ikkonkluda kuntratt mal-passiġġier jissodisfa l-obbligi li jirriżultaw minn dan ir-regolament, huwa jiġi meqjus li qiegħed jaġixxi f’isem il-persuna li kkonkludiet kuntratt mal-passiġġier ikkonċernat ( 11 ). Konsegwentement, f’dan il-każ, ma jistax jiġi eskluż li t-trasportatur tal-ajru aġixxa f’isem l-operatur tat-tours.

63.

Min-naħa l-oħra, minn din id-dispożizzjoni jirriżulta wkoll li t-trasportatur tal-ajru għandu jwettaq jew ikollu l-ħsieb li jwettaq it-titjira kkonċernata. Huwa dwar l-interpretazzjoni ta’ dan ir-rekwiżit li tistaqsi l-qorti tar-rinviju. B’mod iktar speċifiku, hija tixtieq tkun taf jekk trasportatur tal-ajru jistax jiġi kkunsidrat bħala li wettaq jew li kellu ħsieb li jwettaq titjira mingħajr ma kellu konoxxenza tal-vjaġġ propost lill-passiġġieri mill-operatur tat-tours. Skont il-qorti tar-rinviju, l-eżistenza ta’ tali ħsieb timplika neċessarjament li l-operatur tat-tours kien preliminarjament informa lit-trasportatur tal-ajru bil-volontà tiegħu li jittrasporta lill-passiġġier ikkonċernat fuq titjira offruta mill-imsemmi trasportatur lil partijiet interessati.

64.

F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li din il-kwistjoni ma hijiex deċiżiva għas-soluzzjoni tat-tilwima fil-Kawżi C‑188/20, Azurair u C‑196/20, Eurowings. Fil-fatt, fiż-żewġ kawżi prinċipali, l-operatur kien fl-aħħar mill-aħħar, definittivament, għamel reżervazzjonijiet għall-passiġġieri kkonċernati mat-trasportatur tal-ajru. Konsegwentement, sa minn din id-data, it-trasportatur inkwistjoni kellu jiġi kkunsidrat bħala t-“trasportatur ta’ l-ajru li jopera” fis-sens tal-Artikolu 2(b) tar-Regolament Nru 261/2004. Għalhekk, huwa seta’ jkun is-suġġett ta’ talba skont dan ir-regolament. Fil-kuntest ta’ din il-proċedura, għandhom jiġu ddeterminati biss il-ħinijiet miftehma għat-titjiriet differenti li t-trasportatur tal-ajru kellu l-ħsieb li jwettaq u li huwa effettivament wettaq. Minkejja li nammetti li dan il-punt jaqa’ pjuttost taħt it-tielet domanda preliminari, ser neżaminah iktar ’il quddiem għall-finijiet ta’ kompletezza.

65.

Kif ġie spjegat fil-kunsiderazzjonijiet insostenn tar-risposta għall-ewwel domanda preliminari, l-Artikolu 2(g) tar-Regolament Nru 261/2004 jassimila r-reżervazzjoni ta’ passiġġier ma’ operatur tat-tours ma’ reżervazzjoni ma’ trasportatur tal-ajru nnifsu u jimplika, moqri flimkien mal-Artikolu 3(2)(a) tal-imsemmi regolament, li l-indikazzjonijiet tal-ħinijiet mogħtija mill-operatur tat-tours għandhom jiġu imputati lit-trasportatur tal-ajru.

66.

Huwa fid-dawl ta’ dan l-approċċ li l-Artikolu 2(b) tar-Regolament Nru 261/2004 għandu jiġi interpretat. Iċ-ċirkustanza waħedha li r-reżervazzjoni tal-passiġġier mal-operatur tat-tours għandha ħinijiet li ma kinux ikkonfermati mit-trasportatur tal-ajru fil-kuntest tar-reżervazzjoni interna bejn dawn l-impriżi ma hijiex suffiċjenti sabiex jiġi kkunsidrat li r-rekwiżiti ta’ din id-dispożizzjoni ma humiex issodisfatti. B’mod iktar speċifiku, tali ċirkustanza ma tipprekludix il-konstatazzjoni li t-trasportatur tal-ajru “jwettaq jew [...] għandu l-ħsieb li jwettaq” it-titjira inkwistjoni, “f’isem persuna oħra [...] li għandha kuntratt [mal]-passiġġier”, jiġifieri f’isem l-operatur tat-tours.

67.

Il-fatt li l-operatur tat-tours għamel ir-reżervazzjoni tiegħu mat-trasportatur tal-ajru biss wara li l-passiġġieri kienu rriżervaw il-vjaġġ (li jinkludi t-trasport bl-ajru) miegħu, jidhirli li ma huwiex rilevanti fir-rigward tal-klassifikazzjoni ta’ “trasportatur ta’ l-ajru li jopera” fis-sens tal-Artikolu 2(b) tar-Regolament Nru 261/2004, peress li din id-dispożizzjoni ma tinkludi ebda indikazzjoni li dawn it-tranżazzjonijiet għandhom isegwu ċertu ordni kronoloġiku.

68.

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, nipproponi li r-risposta għat-tieni domanda preliminari għandha tkun li s-sempliċi fatt li r-reżervazzjoni tal-operatur tat-tours mat-trasportatur tal-ajru għat-titjira kkonċernata ma kinitx ikkonfermata bil-ħinijiet tat-tluq u tal-wasla li jinsabu fir-reżervazzjoni tal-passiġġier mal-operatur tat-tours, jew li din ir-reżervazzjoni tal-operatur tat-tours seħħet wara r-reżervazzjoni tal-passiġġier, ma jeskludix li trasportatur tal-ajru jista’ jkun, fir-rigward ta’ tali passiġġier, “trasportatur ta’ l-ajru li jopera” fis-sens tal-Artikolu 2(b) tar-Regolament Nru 261/2004.

D.   Fuq it-tielet domanda preliminari

69.

Permezz tat-tielet domanda preliminari tagħha fil-Kawżi C‑188/20, Azurair u C‑196/20, Eurowings, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk il-“ħin oriġinali tal-wasla” ta’ titjira, fis-sens tal-Artikolu 2(h), tal-Artikolu 5(1)(ċ), tat-tieni sentenza tal-Artikolu 7(1) u tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 261/2004, jistax jirriżulta, għall-finijiet tal-kumpens, minn “prova oħra”, fis-sens tal-Artikolu 2(g) ta’ dan ir-regolament, mibgħuta lill-passiġġier minn operatur tat-tours, jew jekk għandux ikun ibbażat fuq il-biljett fis-sens tal-Artikolu 2(f) tal-imsemmi regolament.

70.

Qabel kollox, għandu jiġi speċifikat li d-domanda preliminari, għall-kuntrarju ta’ dak li donnha tissuġġerixxi, ma tirrigwardax l-eventwali diverġenzi bejn l-indikazzjonijiet li jinsabu fil-“prova oħra” u dawk li jinsabu fil-“biljett”. Pjuttost, kif jirriżulta mill-informazzjoni kontenuta fid-deċiżjoni tar-rinviju, il-problema hija li f’dan il-każ, ma jeżistix dokument li jista’ jiġi identifikat b’mod ċar bħala “biljett” ( 12 ).

71.

Għalhekk, l-għan tad-domanda preliminari huwa pjuttost dwar jekk huwiex biss “biljett” li jista’ jikkostitwixxi dokument rilevanti għad-determinazzjoni tal-“ħin oriġinali tal-wasla”, jew jekk jistax ikun ukoll “prova oħra”. Fil-fehma tiegħi, ma hemm l-ebda raġuni leġittima li teskludi din it-tieni possibbiltà. Kif ser nispjega iktar ’il quddiem b’mod iddettaljat, jidhirli li l-argumenti invokati mill-qorti tar-rinviju fil-konfront tat-tieni għażla huma bbażati fuq interpretazzjoni żbaljata.

72.

L-ewwel nett, il-qorti tar-rinviju donnha tippreżupponi li l-“ħin oriġinali tal-wasla” jista’ jiġi stabbilit biss abbażi ta’ “biljett”. F’dan ir-rigward, hija tirreferi għas-sentenza Folkerts ( 13 ), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dewmien għandu jkun evalwat, għall-finijiet tal-kumpens previst fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 261/2004, fid-dawl tal-ħin tal-wasla skedat f’din id-destinazzjoni. Il-qorti tar-rinviju tirrileva li, fil-punt 34 ta’ din is-sentenza, fir-rigward tal-kunċett ta’ “destinazzjoni finali”, il-Qorti tal-Ġustizzja rreferiet għad-definizzjoni kontenuta fl-Artikolu 2(h) tal-imsemmi regolament. Skont din id-dispożizzjoni, “destinazzjoni finali” tfisser id-destinazzjoni indikata fuq il-“biljett” ippreżentat fil-post taċ-check-in jew, fil-każ ta’ titjiriet konnessi direttament, id-destinazzjoni tal-aħħar titjira. Il-qorti tar-rinviju tenfasizza li, għad-determinazzjoni tad-“destinazzjoni finali”, il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat ruħha fuq il-“biljett” fis-sens tal-Artikolu 2(f) tar-Regolament Nru 261/2004, iżda mill-banda l-oħra, hija ma użatx il-kunċett ta’ “prova oħra” li jagħmel parti mid-definizzjoni ta’ “reżervazzjoni” prevista fl-Artikolu 2(g) tal-imsemmi regolament.

73.

Għal dak li jirrigwarda dan l-argument, għandu jiġi nnotat li ma hemm ebda raġuni oġġettiva sabiex jiġi preżunt li l-ħinijiet jistgħu jiġu indikati biss fuq “biljett”. Skont id-definizzjoni li tinsab fl-Artikolu 2(f) tar-Regolament Nru 261/2004, il-biljetti huma “maħruġ[a] jew awtorizzat[i] mil-trasportatur ta’ l-ajru jew l-aġent awtorizzat tiegħu”. Din id-dispożizzjoni ma ssemmix l-operaturi tat-tours. Għalhekk, it-teżi li l-ħinijiet indikati fuq “biljett” biss huma determinanti, tkun twassal sabiex teskludi mill-ewwel id-drittijiet għal kumpens meta t-titjiriet ikkonċernati jkunu jagħmlu parti minn pakkett tal-ivvjaġġar.

74.

Madankollu, huwa manifest li din ma kinitx l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni. Għall-kuntrarju, kif diġà ġie spjegat fil-kuntest tal-eżami tal-ewwel domanda preliminari, ir-Regolament Nru 261/2004 jagħti l-istess prijorità lill-ħinijiet indikati f’reżervazzjoni magħmula ma’ operatur tat-tours bħal dawk li jinsabu fl-informazzjoni pprovduta lill-passiġġier minn trasportatur tal-ajru, fil-każ ta’ relazzjoni kuntrattwali diretta. Peress li l-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet previsti fl-Artikolu 2(g), u b’mod partikolari fl-Artikolu 3(2)(a) tar-Regolament Nru 261/2004, kif ukoll l-għan leġiżlattiv ta’ protezzjoni tal-konsumatur bħala parti terza, ma jidħlux fir-relazzjoni bejn operatur tat-tours u trasportatur tal-ajru, donnhom jimmilitaw favur tali interpretazzjoni.

75.

Din l-interpretazzjoni għandu jkollha effett fuq id-determinazzjoni tal-“ħin oriġinali tal-wasla” fis-sens li dan il-ħin jista’ jirriżulta mir-reżervazzjoni ta’ passiġġier ma’ operatur tat-tours. Ebda relazzjoni kuntrattwali diretta bejn il-passiġġier u t-trasportatur tal-ajru ma hija neċessarja, u għalhekk, lanqas ma huwa neċessarju ebda ħin ikkomunikat lill-passiġġier minn dan it-trasportatur. Konsegwentement, sa fejn l-Artikolu 2(g) tar-Regolament Nru 261/2004 jirrikonoxxi l-eżistenza ta’ “prova oħra” (minbarra l-“biljett”), li tagħti “reżervazzjoni kkonfermata”, il-ħin “oriġinali tal-wasla” għall-finijiet tal-kumpens minħabba kanċellazzjoni jew dewmien twil għandu jkun jista’ jirriżulta wkoll minn dan id-dokument.

76.

It-tieni, il-qorti tar-rinviju targumenta li, sakemm ma jkunx hemm reżervazzjoni jew, b’mod iktar preċiż, reżervazzjoni ta’ post fuq it-titjira kkonċernata, trasportatur tal-ajru jista’ jibdel jew jiddeċiedi li ma jwettaqx titjira skedata, mingħajr ma jista’ jkun hemm dritt għal kumpens. Il-qorti tar-rinviju tiddeduċi minn dan li “prova oħra” maħruġa qabel ma ssir tali reżervazzjoni ma tistax tkun il-bażi ta’ dritt għal kumpens.

77.

Insibha diffiċli naħseb li l-informazzjoni li tinsab f’reżervazzjoni li saret ma’ operatur tat-tours ma tistax tkun rilevanti għall-finijiet tad-drittijiet għal kumpens meta r-reżervazzjoni inkwistjoni seħħet qabel ma l-operatur tat-tours irriżerva l-postijiet korrispondenti mat-trasportatur tal-ajru. Minn naħa, għandu jiġi rrilevat li l-idea li r-reżervazzjonijiet mal-operatur u mat-trasportatur tal-ajru għandhom isiru f’ċertu ordni kronoloġiku ma ssib ebda bażi fir-Regolament Nru 261/2004. Min-naħa l-oħra, fil-fehma tiegħi, ma hemm l-ebda dubju rigward il-fatt li l-interessi tal-konsumatur jistħoqqilhom protezzjoni meta dan ikun kiseb “biljett” jew “prova oħra” li tinkludi wegħda li jiġi ttrasportat fuq titjira speċifika, identifikata bl-indikazzjoni tal-postijiet u tal-ħinijiet tat-tluq u tal-wasla, kif ukoll tan-numru tat-titjira.

78.

Bħala konklużjoni, nixtieq nosserva li r-riferiment għas-sentenza Folkerts ( 14 ) iċċitata mill-qorti tar-rinviju ma tikkontestax ir-raġunament preċedenti, peress li l-problemi partikolari li jirriżultaw mill-intervent ta’ operatur tat-tours imqajma f’dan il-każ ma kinux imqajma f’dik il-kawża. Din is-sentenza ma tinkludi ebda indikazzjoni speċifika li tmur kontra l-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq. Barra minn hekk, ma narax kif l-imsemmija sentenza tista’ tiġi kkunsidrata rilevanti għall-finijiet tal-eżami tal-kwistjoni li tqum f’dan il-każ.

79.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li r-risposta għat-tielet domanda preliminari għandha tkun li l-“ħin oriġinali tal-wasla” ta’ titjira, fis-sens tal-Artikolu 2(h), tal-Artikolu 5(1)(ċ), tat-tieni sentenza tal-Artikolu 7(1) u tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 261/2004 jista’, skont iċ-ċirkustanzi tal-kawża, jirriżulta wkoll minn “prova oħra”, fis-sens tal-Artikolu 2(g) tal-imsemmi regolament, li kienet intbagħtet minn operatur tat-tours lil passiġġier.

E.   Fuq ir-raba’ domanda preliminari

80.

Permezz tar-raba’ domanda tagħha fil-Kawża C‑188/20, Azurair, li tikkorrispondi għall-ewwel domanda fil-Kawża C‑146/20, Corendon Airlines, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk jistax jiġi kkunsidrat li kien hemm “kanċellazzjoni” ta’ titjira, fis-sens tal-Artikolu 2(l) u tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 261/2004, meta t-trasportatur tal-ajru li jopera jressaq it-titjira ’l quddiem tal-inqas b’sagħtejn u għaxar minuti fl-istess jum.

81.

Għandhom isiru xi speċifikazzjonijiet fir-rigward tal-kuntest fattwali tal-kawżi qabel jinbeda l-eżami tad-domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja. Mill-informazzjoni kontenuta fid-deċiżjoni tar-rinviju tal-Kawża C‑188/20, Azurair, jirriżulta li l-ħin inkwistjoni huwa ta’ “sagħtejn u ħamsin minuta”, minflok ta’ “sagħtejn u għaxar minuti” kif indikat fir-raba’ domanda preliminari ( 15 ). Barra minn hekk, għandu jiġi nnotat li, għal dak li jirrigwarda l-ewwel domanda preliminari fil-Kawża C‑146/20, Corendon Airlines, li hija kważi identika għal din ir-raba’ domanda preliminari, it-tressiq ’il quddiem huwa ta’ “siegħa u erbgħin minuta”. Hu x’inhu l-ħin eżatt, għandu jiġi sostnut, għall-finijiet tal-eżami tad-domandi, li fi kwalunkwe każ kien inqas minn tliet sigħat.

82.

Għal dak li jirrigwarda l-kelma “kanċellazzjoni” li għaliha tirreferi l-qorti tar-rinviju, għandu jiġi nnotat li, skont l-Artikolu 2(l) tar-Regolament Nru 261/2004, din għandha tinftiehem bħala “in-nuqqas ta’ operazzjoni ta’ titjira li kienet qabel ippjanata u fuq liema mill-inqas post wieħed kien irreżervat”. Peress li din id-definizzjoni hija bbażata fuq iċ-ċirkustanza li titjira ma twettqitx, għandu għalhekk jiġi eżaminat il-kunċett ta’ “titjira” li, fl-assenza ta’ definizzjoni minn dan ir-regolament, kien l-oġġett ta’ interpretazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja. Skont din il-ġurisprudenza, “titjira” tikkonsisti, essenzjalment, f’operazzjoni tat-trasport bl-ajru, li hija għalhekk, b’ċertu mod, “unità” ta’ dan it-trasport, imwettqa minn trasportatur tal-ajru li jistabbilixxi r-rotta tiegħu ( 16 ). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li r-rotta hija element essenzjali tat-titjira li ssir skont skeda stabbilita minn qabel mit-trasportatur ( 17 ).

83.

Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li huwa neċessarju li ssir distinzjoni bejn titjira skedata li “ma saritx” u “dewmien”, fejn l-ewwel każ huwa kkaratterizzat mill-fatt li “l-ipprogrammar inizjali tat-titjira ġiet abbandunata” ( 18 ). Skont l-Artikolu 2(l) tar-Regolament Nru 261/2004, bid-differenza għal “dewmien”, il-“kanċellazzjoni” hija l-konsegwenza tal-fatt li titjira oriġinarjament skedata ma saritx. Meta l-passiġġieri huma ttrasportati fuq titjira li l-ħin tat-tluq tagħha huwa tardiv meta mqabbel ma’ dak oriġinarjament skedat, it-titjira tista’ tiġi kklassifikata bħala “kkanċellata” biss jekk it-trasportatur tal-ajru jiżgura t-trasport tal-passiġġieri fuq titjira oħra, li l-iskeda tagħha hija differenti minn dik tat-titjira oriġinarjament skedata.

84.

It-“tressiq ’il quddiem” ta’ titjiriet ma huwiex espressament indirizzat fir-Regolament Nru 261/2004. Madankollu, diversi dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament jippermettu li jiġi konkluż li l-leġiżlatur tal-Unjoni xtaq jevita tressiq ’il quddiem sinjifikanti tat-titjiriet. Fil-fatt, l-Artikolu 5(1)(ċ)(ii) ta’ dan ir-regolament jipprovdi li l-passiġġieri jirċievu kumpens skont dispożizzjonijiet oħra tal-imsemmi regolament, jekk ma jkunux “informati bil-kanċellazzjoni bejn ġimgħatejn u sebat ijiem qabel il-ħin tat-tluq skedat u [ma jkunux] offruti rotta differenti, li tħallihom jitilqu mhux aktar minn sagħtejn qabel il-ħin tat-tluq skedat u jaslu fid-destinazzjoni finali tagħhom inqas minn erba’ sigħat wara l-ħin tal-wasla skedat”. Il-punt (iii) tal-istess dispożizzjoni jipprovdi li dritt għal kumpens huwa eskluż ukoll jekk il-passiġġieri huma “informati bil-kanċellazzjoni inqas minn sebat ijiem qabel il-ħin tat-tluq skedat u huma offruti rotta differenti, li tħallihom jitilqu mhux aktar minn siegħa qabel il-ħin tat-tluq skedat u jaslu fid-destinazzjoni finali tagħhom inqas minn sagħtejn wara l-ħin tal-wasla skedat” ( 19 ).

85.

Dawn l-indizji jwassluni naħseb li l-leġiżlatur tal-Unjoni rrikonoxxa b’mod impliċitu li t-“tressiq ’il quddiem sinjifikanti” ta’ titjira jista’ jikkawża inkonvenjenzi serji għall-passiġġieri, l-istess bħal “dewmien”, peress li tressiq ’il quddiem itellef il-possibbiltà li l-passiġġieri jużaw il-ħin tagħhom b’mod liberu, li jissodisfaw l-obbligi tagħhom (privati, professjonali u ċiviċi), kif ukoll li jorganizzaw il-vjaġġ tagħhom skont il-ħtiġijiet u l-preferenzi tagħhom. Fil-fatt, kif jargumentaw diversi partijiet interessati fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, huwa possibbli li wieħed jimmaġina numru kbir ta’ każijiet li fihom it-tressiq ’il quddiem tal-ħin ta’ titjira jista’ jirriżulta partikolarment problematiku għall-passiġġier. Dan huwa partikolarment il-każ meta jkun ta’ diversi sigħat, li eventwalment jobbliga lill-passiġġier jikkanċella appuntamenti skedati, jitlob leave annwali sabiex ikun assenti mill-post tax-xogħol tiegħu, isib akkomodazzjoni provviżorja jew jorganizza mezzi ta’ trasport sabiex ikun jista’ jasal fil-ħin fl-ajruport. Peress li normalment il-konsumatur medju jagħmel reżervazzjonijiet ta’ titjiriet skont id-disponibblità tiegħu, “tressiq ’il quddiem sinjifikanti” tat-titjira rriżervata jista’ jfixkel kunsiderevolment il-pjan tal-ħajja tiegħu ta’ kuljum tiegħu.

86.

Għalhekk, għandu jiġi rrilevat li anki tressiq ’il quddiem ta’ ftit sigħat biss jista’ jkollu konsegwenzi serji, fid-dawl tal-fatt li l-passiġġier huwa normalment mistieden jasal bejn siegħa u tliet sigħat qabel l-ajruport sabiex jagħmel iċ-check‑in u jiġi sottomess għall-kontrolli tas-sigurtà. Dawn il-proċeduri jistgħu jeħtieġu ċertu ħin, skont is-sitwazzjoni ta’ sigurtà, l-influss ta’ passiġġieri u l-grad ta’ użu tal-ajruport. Għalhekk, wieħed ma jistax jeskludi li passiġġier li ma huwiex debitament informat bit-tressiq ’il quddiem tal-ħin tat-tluq ma jasalx sabiex jimbarka fuq l-ajruplan fil-ħin, anki jekk ikun ħa l-prekawzjonijiet kollha normalment meħtieġa ( 20 ). Jidher li t-telf ta’ titjira fiċ-ċirkustanzi li għadhom kemm ġew deskritti huwa fost l-iktar sitwazzjonijiet irritanti li passiġġier tal-ajru jista’ jimmaġina. Meħuda minn din il-perspettiva, l-inkonvenjenzi marbuta mat-“tressiq ’il quddiem” ta’ titjira jistgħu jkunu iktar serji minn dawk li jirriżultaw minn sempliċi “dewmien” ta’ titjira ( 21 ).

87.

Minn naħa, kif issemma iktar ’il fuq, huwa evidenti li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5(1)(ċ)(ii) u (iii) tar-Regolament Nru 261/2004 għandhom l-għan li jevitaw li t-tressiq ’il quddiem tal-ħin tat-tluq, fiċ-ċirkustanzi msemmija, ikun ta’ iktar minn siegħa jew sagħtejn, li jista’ jinftiehem bħala l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jevita “tressiq ’il quddiem sinjifikanti” tat-titjiriet. Min-naħa l-oħra, huwa evidenti li mhux kull tressiq ’il quddiem tal-ħin tat-tluq jista’ jikkawża inkonvenjenzi “kbar” lill-passiġġieri ta’ natura li jeħtieġu miżuri intiżi għall-protezzjoni tal-interessi tagħhom. Għalhekk, għandha ssir distinzjoni tat-tressiq ’il quddiem “sinjifikanti” ta’ titjiriet mill-każijiet li għandhom jiġu kklassifikati bħala “minuri”. Ser nerġa’ ndur fuq dan il-punt iktar tard fil-kuntest tal-analiżi tiegħi.

88.

Sa fejn it-“tressiq ’il quddiem” tal-ħin tat-tluq ta’ titjira jqajjem problemi speċifiċi ħafna għall-passiġġieri tal-ajru, distinti minn dawk ikkawżati minn “dewmien”, jidhirli li f’dan il-każ hija meħtieġa soluzzjoni adegwata għall-ħtiġijiet tat-trasport tal-ajru tal-passiġġieri. Il-fatt li t-“tressiq ’il quddiem” ta’ titjiriet ma huwiex indirizzat direttament fir-Regolament Nru 261/2004, bid-differenza għall-każ ta’ passiġġieri li “ma jitħallewx jitilgħu”, tal-“kanċellazzjoni” u tad-“dewmien twil” ta’ titjira, ma jipprekludix lill-Qorti tal-Ġustizzja milli ssib permezz ta’ interpretazzjoni, soluzzjoni li tikkontribwixxi sabiex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti mil-leġiżlatur tal-Unjoni. Fil-fatt, fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni jew linji gwida prattiċi iktar iddettaljati li jispjegaw il-kunċett ta’ “tressiq ’il quddiem” ta’ titjira, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha r-responsabbiltà li tassumi l-irwol suprem tagħha li tinterpreta d-dritt tal-Unjoni u tagħti tweġibiet fl-interess taċ-ċertezza legali. Sa fejn it-tressiq ’il quddiem tat-titjiriet donnu jseħħ b’ċerta frekwenza fil-qasam tat-trasport bl-ajru ta’ passiġġieri, kif juru l-kawżi inkwistjoni, fil-fehma tiegħi, huwa inammissibbli li tiġi ttollerata inċertezza legali.

89.

Kif ser nispjega iktar ’il quddiem, jiena nqis li t-“tressiq ’il quddiem” ta’ titjira, meta jkun ta’ ċertu kobor u jista’, għalhekk, jiġi kklassifikat bħala “sinjifikanti”, għandu jiġi ttrattat ġuridikament bħala każ speċifiku tal-kunċett iktar ġenerali ta’ “kanċellazzjoni” fis-sens tal-Artikolu 2(l) tar-Regolament Nru 261/2004. Mill-banda l-oħra, għandha tiġi eskluża klassifikazzjoni bħala “dewmien”, jew tal-inqas, assimilazzjoni għal dak il-każ speċifikament irregolat, peress li dan l-approċċ ikun iwassal għal interpretazzjoni contra legem tad-dispożizzjonijiet tal-imsemmi regolament, u għal din ir-raġuni jmur manifestament kontra l-volontà tal-leġiżlatur tal-Unjoni. Barra minn hekk, kif diġà indikajt f’dawn il-konklużjonijiet ( 22 ), it-tip ta’ inkonvenjenzi li jikkawża “tressiq ’il quddiem” tal-ħin tat-tluq ta’ titjira huwa differenti ħafna minn dak ikkawżat minn “dewmien”. Konsegwentement, id-dispożizzjonijiet li jirregolaw id-drittijiet tal-passiġġieri fil-każ ta’ dewmien ta’ titjira ma jidhirlix li jwasslu għal soluzzjoni adegwata. Għal dawn ir-raġunijiet, l-użu tal-analoġija, kif issuġġerit mill-Gvern Ġermaniż, ma jidhirlix li huwa xieraq.

90.

Minkejja li l-Qorti tal-Ġustizzja għad ma kellhiex l-okkażjoni tiddeċiedi dwar il-kwistjoni marbuta mat-“tressiq ’il quddiem” ta’ titjiriet, jiena nqis li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja relattiva għall-kunċett ta’ “kanċellazzjoni” tinkludi elementi utli li jippermettu li din il-kwistjoni tiġi indirizzata. Skont din il-ġurisprudenza, id-“dewmien” tal-wasla fid-destinazzjoni finali mhux dejjem jirrifletti “kanċellazzjoni”, għax dan ma jirriżultax neċessarjament minn bidla fl-iskeda tat-titjira. Mill-banda l-oħra, kull “tressiq ’il quddiem sinjifikanti” ta’ titjira jikkostitwixxi devjazzjoni mill-iskeda oriġinali tat-titjira rriżervata.

91.

F’dan il-kuntest għandu jitfakkar li l-iskedar ta’ kull titjira jinkludi l-itinerarju u l-ħinijiet tat-tluq u tal-wasla previsti. Għall-kuntrarju tat-titjiriet tardivi, li l-ħin tat-tluq tardiv tagħhom la huwa “previst” mit-trasportatur tal-ajru u normalment lanqas influwenzat minnu u li fil-każ tagħhom id-dewmien jiġri biss matul avvenimenti, it-tressiq ’il quddiem ta’ titjira huwa ġeneralment ikkaratterizzat mill-iskedar attiv tat-trasportatur tal-ajru. Fi kliem ieħor, it-tressiq ’il quddiem ta’ titjira huwa kkaratterizzat minn għażla attiva tat-trasportatur tal-ajru li jibdel l-iskedar oriġinali tat-titjira, filwaqt li ħafna drabi dewmien la jkun previst u lanqas ippjanat minn qabel. Minkejja li dewmien jista’ jseħħ mingħajr ebda intervent min-naħa tat-trasportatur tal-ajru, dan ma jidhirx li huwa l-każ għat-tressiq ’il quddiem ta’ titjira, li jeħtieġ deċiżjoni min-naħa ta’ dan it-trasportatur.

92.

Għar-raġunijiet esposti iktar ’il fuq, sa fejn f’dan il-każ wieħed jista’ jara li “l-ipprogrammar inizjali tat-titjira ġiet abbandunata”, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq ( 23 ), nikkunsidra li t-“tressiq ’il quddiem sinjifikanti” ta’ titjira għandu jiġi kkunsidrat bħala “kanċellazzjoni” fis-sens tal-Artikolu 2(l) tar-Regolament Nru 261/2004.

93.

Barra minn hekk, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-inkonvenjenzi kkawżati minn “tressiq ’il quddiem sinjifikanti” ta’ titjira ħafna drabi jistgħu jiġu pperċepiti mill-passiġġier bħala “kanċellazzjoni”. Dan huwa ċertament il-każ meta l-passiġġier ma jkunx f’pożizzjoni li jimbarka fil-ħin fl-ajruplan, anki jekk ikun ħa l-prekawzjonijiet kollha normalment meħtieġa. Fil-fehma tiegħi, l-istess japplika meta l-bidla tal-ħin tat-tluq ikollha l-effett li timponi piż sproporzjonat fuq il-passiġġier, billi tobbligah jieħu miżuri mhux previsti inizjalment sabiex ikun jista’ jaqbad it-titjira. F’dan it-tip ta’ sitwazzjonijiet, il-passiġġier jiġi ġeneralment ikkonfrontat bl-impossibbiltà li jaddatta ruħu għall-iskedar modifikat tat-titjira. Madankollu, ikun inġust li din iċ-ċirkustanza tiġi imputata lill-passiġġier u li jkollu jġarrab il-konsegwenzi, jiġifieri t-telf tat-trasport tal-ajru kif ukoll kull possibbiltà ta’ kumpens skont ir-Regolament Nru 261/2004. Jidher iktar koerenti li f’dawn il-każijiet jiġi kkunsidrat li t-titjira ppjanata oriġinarjament ġiet “ikkanċellata” minħabba deċiżjoni tat-trasportatur tal-ajru, u jingħata għalhekk ir-rimedju ta’ rikors għal kumpens.

94.

Barra minn hekk, sa fejn il-passiġġieri, fiċ-ċirkustanzi deskritti fil-punt preċedenti, jinsabu f’sitwazzjoni ta’ nuqqas ta’ poter fir-rigward tal-intervent unilaterali tat-trasportatur tal-ajru fl-iskedar tat-titjira tagħhom, simili għal dik tal-passiġġieri affettwati minn deċiżjoni ta’ dan tal-aħħar li jikkanċella t-titjira tagħhom, jidhirli li għandu jittieħed approċċ uniformi għal dak li jirrigwarda r-rikonoxximent tad-drittijiet tal-passiġġieri fid-dawl tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Kif fakkret il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Sturgeon et ( 24 ), ir-Regolament Nru 261/2004 għandu jiġi interpretat b’konformità mad-dritt primarju kollu, inkluż skont l-imsemmi prinċipju ( 25 ). Jidhirli li ebda kunsiderazzjoni oġġettiva ma tista’ tiġġustifika approċċ differenti.

95.

Jekk it-“tressiq ’il quddiem sinjifikanti” tal-ħin tat-tluq għandu jiġi assimilat għal “kanċellazzjoni”, kif huwa propost f’dawn il-konklużjonijiet, tqum imbagħad il-kwistjoni dwar kif għandhom jiġu identifikati l-każijiet li jistgħu jiġi kklassifikati bħala “sinjifikanti” u li jagħtu lok għal kumpens skont l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 261/2004. Huwa neċessarju li jiġu żviluppati kriterji adegwati li jippermettu li ssir distinzjoni mill-każijiet inqas serji, u għalhekk “negliġibbli”, li ma jwasslux għall-obbligu ta’ ħlas ta’ tali kumpens. Iktar ’il quddiem, ser nippreżenta xi kunsiderazzjonijiet li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni.

96.

L-ewwel nett, jidhirli li l-kriterji li għandhom jiġu żviluppati għandhom jiżguraw ċerta “flessibbiltà” sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha rilevanti tal-każ partikolari. Fil-fatt, id-diversità taċ-ċirkustanzi li jistgħu jseħħu fil-qasam tat-trasport bl-ajru tirrendi diffiċli ħafna l-istabbiliment ta’ kriterju wieħed li jkun applikabbli b’mod universali. L-evalwazzjoni tal-fatti fid-dawl ta’ kriterji ta’ natura “indikattiva” żviluppati mill-Qorti tal-Ġustizzja, ikollha taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-qorti nazzjonali, għar-raġuni li din għandha l-aħjar konoxxenza tal-proċess.

97.

It-tieni, l-istabbiliment ta’ sistema simili għal dik prevista fl-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 261/2004 għad-“dewmien”, billi jiġu stabbiliti limiti (sigħat ta’ tressiq ’il quddiem), mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni l-każ partikolari, ikun iwassal, skont il-każ, għal approċċ eċċessivament riġidu. Barra minn hekk, għandu jitfakkar li t-tressiq ’il quddiem tal-ħin tat-tluq huwa eqreb lejn “kanċellazzjoni” milli “dewmien”. Fir-realtà, kif diġà ġie indikat f’dawn il-konklużjonijiet ( 26 ), it-“tressiq ’il quddiem” ta’ titjira huwa każ speċifiku tal-kunċett iktar ġenerali ta’ “kanċellazzjoni” fis-sens tal-Artikolu 2(l) tar-Regolament Nru 261/2004. Għalhekk, l-Artikolu 6 ta’ dan ir-regolament ma jikkostitwixxix punt ta’ riferiment adegwat għall-iżvilupp ta’ kriterji. Għalhekk, l-imsemmi regolament ma jipprovdi ebda bażi legali sabiex tinħoloq sistema analoga permezz tal-ġurisprudenza.

98.

It-tielet, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li r-Regolament Nru 261/2004 huwa intiż, kif jirriżulta mill-premessi 1, 2 u 4 tiegħu, sabiex jiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tal-passiġġieri u tal-konsumaturi, billi jissaħħu d-drittijiet tagħhom f’ċertu numru ta’ “sitwazzjonijiet li jinvolvu diffikultajiet u inkonvenjenzi serji”, kif ukoll billi dawn tal-aħħar jiġu kkumpensati b’mod standardizzat u immedjat ( 27 ). Konsegwentement, sa fejn kull “tressiq ’il quddiem” ta’ titjira jista’, fil-prinċipju, jikkawża diffikultajiet u inkonvenjenzi, għandhom jiġu mmirati biss il-każijiet li jistħoqqilhom li jkunu kkumpensati minħabba l-gravità tagħhom. Fi kliem ieħor, għandha teżisti korrelazzjoni bejn l-inkonvenjenza invokata mill-passiġġieri u l-kumpens rispettiv mitlub minn dan tal-aħħar ( 28 ). Għalhekk, kumpens ikollu jiġi eskluż meta t-tressiq ’il quddiem tat-titjira ma jkollu ebda (jew kważi ebda) effett fuq il-ġestjoni libera tal-affarijiet tiegħu, u b’mod partikolari, il-preparattivi tal-vjaġġ tiegħu. Fil-kuntest tal-analiżi tiegħi, ippreżentajt xi eżempji ta’ inkonvenjenzi serji li jistgħu jiġu kkawżati mit-tressiq ’il quddiem “sinjifikanti” ta’ titjira ( 29 ). Dawn l-eżempji jistgħu jservu bħala punt tat-tluq għall-iżvilupp ġurisprudenzjali ta’ katalogu ta’ ċirkustanzi li jagħtu lok, fil-prinċipju, għal dritt għal kumpens.

99.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, inqis li għandu jiġi konkluż li jkun hemm “kanċellazzjoni” meta t-tressiq ’il quddiem tat-titjira huwa tant “sinjifikanti” li ma jistax jiġi preżunt li passiġġier li jkun għamel l-arranġamenti tiegħu skont l-iskedar oriġinali tat-titjira seta’ xorta jilħaq din it-titjira. Fil-kuntest tal-eżami li l-qorti nazzjonali għandha tagħmel, ser ikun neċessarju li jittieħdu inkunsiderazzjoni ċirkustanzi rilevanti tal-każ partikolari, b’mod partikolari l-ħin tal-wasla fl-ajruport irrakkomandat lill-passiġġieri qabel it-tluq. F’dan ir-rigward, jista’ jiġi ddikjarat li iktar ma t-tressiq ’il quddiem huwa sinjifikanti, iktar huwa serju l-preġudizzju għall-passiġġier ( 30 ). Il-qorti nazzjonali ser ikollha tivverifika wkoll jekk il-passiġġier kienx debitament informat bit-tibdil tal-ħin fi żmien xieraq, b’mod li jippermettilu jaddatta ruħu għall-iskedar immodifikat tat-titjira. Jekk, fid-dawl ta’ dawn l-elementi, passiġġier ma jkunx normalment f’pożizzjoni li jilħaq titjira iktar kmieni, allura t-tressiq ’il quddiem tat-titjira jikkostitwixxi “sostituzzjoni”, u konsegwentement, “kanċellazzjoni”.

100.

Għal dak li jirrigwarda ċ-ċirkustanzi fil-Kawża C‑188/20, Azurair, għandu jiġi kkonstatat li t-titjira inkwistjoni tressqet ’il quddiem b’sitt sigħat u ħamsin minuta meta mqabbla mal-informazzjoni pprovduta lill-passiġġieri mill-operatur tat-tours ( 31 ). Jekk wieħed iqabbel il-ħin tat-tluq reali mal-informazzjoni li t-trasportatur tal-ajru jallega li pprovda lill-operatur tat-tours, wieħed jikseb differenza ta’ sagħtejn u ħamsin minuta, filwaqt li d-domanda preliminari tirreferi għal sagħtejn u għaxar minuti. Issa, jista’ jiġi preżunt li, anki fl-aħjar każ possibbli, dak li fih il-passiġġier ikun wasal fl-ajruport sagħtejn qabel il-ħin tat-tluq bħala prekawzjoni, il-ħin disponibbli ma kienx ikun suffiċjenti sabiex iwettaq il-formalitajiet neċessarji, jiġifieri ċ-check‑in u jissottometti ruħu għall-kontrolli tas-sigurtà, u jimbarka b’konformità mal-istruzzjonijiet tat-trasportatur tal-ajru.

101.

Minn dan isegwi li l-passiġġier ma kienx ser jirnexxielu jilħaq it-titjira tiegħu fil-każ inkwistjoni jekk ma kienx avżat fi żmien xieraq. Għalhekk, mingħajr ħsara għall-konstatazzjonijiet li għandha tagħmel il-qorti tar-rinviju, it-tressiq ’il quddiem tal-ħin tat-tluq għandu jiġi kkunsidrat “sinjifikanti”, u għalhekk, komparabbli għal “kanċellazzjoni”.

102.

Nipproponi li r-risposta għar-raba’ domanda preliminari għandha tkun li jkun hemm kanċellazzjoni ta’ titjira fis-sens tal-Artikolu 2(l) u tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 261/2004 meta t-trasportatur tal-ajru li jopera jressaq ’il quddiem minn tal-inqas b’sagħtejn it-titjira rriżervata fil-kuntest ta’ pakkett tal-ivvjaġġar.

F.   Fuq il-ħames domanda preliminari

103.

Permezz tal-ħames domanda tagħha fil-Kawża C‑188/20, Azurair, li tikkorrispondi għall-unika domanda fil-Kawża C‑270/20, Austrian Airlines, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar jekk, fil-każ fejn it-tressiq ’il quddiem ta’ titjira kellu jiġi kkunsidrat bħala “kanċellazzjoni” fis-sens tal-Artikolu 5, moqri flimkien mal-Artikolu 2(l) tar-Regolament Nru 261/2004, it-trasportatur tal-ajru jistax jipprevalixxi ruħu minn tnaqqis tal-ammont tal-kumpens, skont l-Artikolu 7(2) ta’ dan ir-regolament, meta l-ħin il-ġdid ikun jinsab fil-limiti previsti f’din id-dispożizzjoni.

104.

Skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 261/2004, it-trasportatur tal-ajru jista’ jnaqqas b’ 50 % l-ammont tal-kumpens previst fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu jekk tkun ġiet offruta rotta differenti lejn destinazzjoni finali fuq titjira oħra li l-ħin tal-wasla tagħha ma jaqbiżx “il-ħin tal-wasla skedat tat-titjira rreġistrata oriġinarjament” b’tul massimu, liema tul massimu huwa stabbilit skont id-distanza koperta mit-titjira.

105.

Qabel kollox, għandu jiġi osservat li din id-dispożizzjoni tieħu bħala punt tat-tluq l-estensjoni tad-“dewmien” fil-wasla mġarrab mill-passiġġier. Dan jirriżulta b’mod ċar mill-formulazzjoni tal-Artikolu 7(2) (“ma taqbiżx il-ħin tal-wasla skedat tat-titjira rreġistrata oriġinarjament”) ( 32 ) tar-Regolament Nru 261/2004. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja stess speċifikat, fis-sentenza tagħha Sturgeon et, li “t-tnaqqis tal-ammont tal-kumpens stipulat jiddependi biss fuq id-dewmien li sofrew il-passiġġieri” ( 33 ). Il-fatt li l-limiti msemmija f’din id-dispożizzjoni jirreferu biss għal wasla “tardiva” fid-destinazzjoni finali, u mhux għal wasla “iktar kmieni”, jirriżulta wkoll mit-tieni sentenza tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 261/2004. Skont din id-dispożizzjoni, sabiex tiġi ddeterminata d-distanza li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni, għandha titqies l-aħħar destinazzjoni li fiha l-passiġġier ser jasal “wara l-ħin skedat”. Minn dan isegwi li l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 261/2004 jipprevedi biss t-tnaqqis tal-ammont tal-kumpens li għandu jitħallas minħabba l-inkonvenjenza kkawżata minn “dewmien”.

106.

Mill-banda l-oħra, l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 261/2004 ma jipprovdi ebda tnaqqis fil-każ ta’ “kanċellazzjoni” marbut mat-“tressiq ’il quddiem” tat-titjira, u għalhekk fejn l-inkonvenjenza tirriżulta mill-imsemmi tressiq ’il quddiem innifsu u mhux minn dewmien fid-destinazzjoni finali. Madankollu, l-Artikolu 5(1)(ċ)(ii) u (iii) ta’ dan ir-regolament juri li l-leġiżlatur tal-Unjoni jqis li inkonvenjenzi jistgħu jirriżultaw ukoll mill-fatt li l-passiġġier ikollu jibda l-vjaġġ tiegħu iktar kmieni milli previst. Diġà tajt xi illustrazzjonijiet fil-kuntest tal-analiżi tar-raba’ domanda preliminari permezz ta’ xi eżempji ( 34 ).

107.

Għalhekk, l-assenza ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi li jirregolaw il-possibbiltà ta’ tnaqqis tal-kumpens fil-każ tat-tressiq ’il quddiem ta’ titjira, għandha tinftiehem fis-sens li t-trasportatur tal-ajru ma għandux din il-possibbiltà.

108.

Dan jeskludi l-fatt li l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 261/2004 jkun jista’ jiġi applikat b’analoġija għal tali każijiet, u b’mod partikolari li t-tul tal-ħin hemm stabbilit ikun jista’ jservi ta’ riferiment għall-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni fil-każ ta’ tressiq ’il quddiem tat-titjira minflok dak ta’ dewmien tal-wasla fid-destinazzjoni finali. Fil-fatt, il-fatt li l-leġiżlatur tal-Unjoni kien konxju tal-każ tat-“tressiq ’il quddiem” ta’ titjira u li madankollu astjena milli jistabbilixxi sistema simili għal dik prevista għad-dewmien fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 261/2004, iwassalni sabiex nikkonkludi li hemm assenza ta’ lakuna legali. Barra minn hekk, kif diġà spjegajt fil-kuntest tal-analiżi tar-raba’ domanda preliminari, jidhirli li tali sistema hija eċċessivament riġida sabiex tkun tista’ tieħu inkunsiderazzjoni b’mod suffiċjenti kull każ partikolari li fih jista’ jseħħ it-tressiq ’il quddiem ta’ titjira ( 35 ).

109.

Nixtieq insostni li, mill-perspettiva leġiżlattiva, huwa neċessarju li tiġi evitata kwalunkwe interpretazzjoni tar-Regolament Nru 261/2004 li tista’ tinkoraġġixxi lit-trasportaturi tal-ajru jevitaw l-obbligi tagħhom lejn il-passiġġieri, b’mod partikolari, l-obbligu li jħallsu kumpens, billi jbiddlu l-iskeda ta’ titjira permezz ta’ tressiq ’il quddiem tal-ħin tat-tluq.

110.

Peress li, waqt l-analiżi tar-raba’ domanda preliminari, ġie kkonstatat li t-“tressiq ’il quddiem sinjifikanti” ta’ titjira jista’ jikkawża inkonvenjenzi serji għall-passiġġieri, li jiġġustifikaw ir-rikonoxximent ta’ dritt għal kumpens, ma narax għaliex it-trasportaturi tal-ajru għandhom xorta jiġu ppremjati, abbażi tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 261/2004, talli jkunu evitaw “dewmien”. Fil-fatt, l-assenza ta’ “dewmien” (komplimentarju) matul vjaġġ ma jistax jiġġustifika l-inkonvenjenzi mġarrba minħabba t-tressiq ’il quddiem tat-titjira inkwistjoni.

111.

Għar-raġunijiet esposti iktar ’il fuq, jidhirli li għandu jiġi eskluż, għal dak li jirrigwarda t-“tressiq ’il quddiem” ta’ titjira, kull possibbiltà ta’ tnaqqis tal-kumpens previst fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 261/2004 abbażi tal-Artikolu 7(2) ta’ dan l-istess regolament.

112.

Nipproponi li r-risposta għall-ħames domanda preliminari għandha tkun li, fil-każijiet fejn it-tressiq ’il quddiem ta’ titjira jikkostitwixxi “kanċellazzjoni”, it-trasportatur tal-ajru li jopera ma jistax inaqqas il-kumpens previst fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 261/2004 abbażi tal-Artikolu 7(2) tal-imsemmi regolament.

G.   Fuq is-sitt domanda preliminari

113.

Permezz tas-sitt domanda tagħha fil-Kawża C‑188/20, Azurair, li tikkorrispondi għat-tieni domanda fil-Kawża C‑146/20, Corendon Airlines, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk l-informazzjoni mogħtija qabel jibda l-vjaġġ dwar it-tressiq ’il quddiem tat-titjira tistax tiġi meqjusa bħala offerta ta’ rotta ġdida fis-sens tal-Artikolu 5(1)(a), moqri flimkien mal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 261/2004.

114.

L-Artikolu 5(1)(a) u l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 261/2004 jipprovdu, fil-każ ta’ kanċellazzjoni, dritt għal rotta differenti lejn id-destinazzjoni finali, taħt kundizzjonijiet ta’ trasport komparabbli u mal-ewwel opportunità.

115.

Fis-sentenza Rusu ( 36 ), il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li l-offerta ta’ rotta differenti tat-trasportatur tal-ajru għandha tagħti lill-passiġġieri kkonċernati “l-informazzjoni neċessarja sabiex ikunu jistgħu jagħmlu għażla effikaċi, li jew jikkanċellaw it-titjira tagħhom u jitolbu rimbors tal-biljett tagħhom, jew jissoktaw bit-traġitt tagħhom lejn id-destinazzjoni finali tagħhom, f’kundizzjonijiet komparabbli, mill-iktar fis possibbli jew f’data sussegwenti”. Dan id-dritt għall-informazzjoni neċessarja jfisser ukoll li l-passiġġier ma għandux obbligu li jikkontribwixxi attivament sabiex ifittex informazzjoni li għandha tinkludi l-offerta tat-trasportatur tal-ajru ( 37 ).

116.

Fid-dawl tal-fatt li t-tressiq ’il quddiem tal-ħin tat-tluq ta’ titjira għandu jiġi kklassifikat bħala “kanċellazzjoni” fis-sens tal-Artikolu 5, moqri flimkien mal-Artikolu 2(l) tar-Regolament Nru 261/2004, jidher loġiku li l-informazzjoni mogħtija dwar it-tressiq ’il quddiem tat-titjira tiġi meqjusa bħala tali “offerta ta’ rotta differenti”. Konsegwentement, hija neċessarja konformità mar-rekwiżiti msemmija fil-punt preċedenti ta’ dawn il-konklużjonijiet għal dak li jirrigwarda l-eżattezza u l-kompletezza tal-informazzjoni pprovduta lill-passiġġier ikkonċernat sabiex dan tal-aħħar ikun jista’ jagħmel għażla b’għarfien tad-drittijiet mogħtija lilu mir-Regolament Nru 261/2004.

117.

Ir-rekwiżit ta’ kundizzjonijiet ta’ trasport “paragunabbli” fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 261/2004 jirreferi għat-titjira oriġinarjament irriżervata u għalhekk għall-kuntratt ta’ trasport bl-ajru. F’dan il-każ, it-trasport bl-ajru tal-passiġġiera twettaq u ebda element ma jindika li l-kundizzjonijiet ta’ trasport ma kinux paragunabbli għal dawk tat-titjira oriġinali.

118.

Għal dak li jirrigwarda r-rekwiżit li r-rotta differenti titwettaq “ma’ l-ewwel opportunitá”, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 261/2004 jipprevedi, fil-prinċipju, mument wara l-ħin tat-tluq oriġinarjament skedat. Il-premessi ta’ dan ir-regolament donnhom jimmilitaw f’dan is-sens. Għalhekk, fil-premessa 13 huwa ddikjarat li “[p]assiġġieri li t-titjiriet tagħhom huma kkanċellati għandhom jitħallew jew jiksbu rimbors tal-biljetti tagħhom jew jiksbu arranġament ieħor taħt kondizzjonijiet sodisfaċjenti, u ħsieb xieraq tagħhom għandu jiġi meħud waqt li qed jistennew titjira ta’ aktar tard”. Fil-premessa 18, ġie ddikjarat ukoll li “[ħ]sieb tal-passiġġieri li qed jistennew titjira oħra jew titjira li għandha d-dewmien jista’ jiġi limitat jew miċħud jekk l-għoti ta’ ħsieb innifsu kien jikkawża dewmien ulterjuri”.

119.

Sal-lum, il-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma ddeċidietx dwar jekk titjira mressqa ’il quddiem tistax tikkostitwixxi wkoll, fil-prinċipju, “rotta differenti mal-ewwel opportunità” skont din id-dispożizzjoni.

120.

F’dan ir-rigward, jidhirli li l-elementi invokati iktar ’il fuq ma jostakolawx interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “rotta differenti” previst fl-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 261/2004 li tinkludi wkoll titjira ta’ sostituzzjoni li l-ħin tat-tluq tagħha huwa iktar kmieni mill-ħin oriġinarjament skedat. Sa fejn l-imsemmi regolament irid isib soluzzjonijiet għall-każijiet l-iktar komuni ta’ distorsjonijiet tat-trasport bl-ajru tal-passiġġieri, jiġifieri l-“passiġġieri li ma tħallewx jitilgħu”, il-“kanċellazzjoni” u d-“dewmien” ta’ titjiriet, huwa evidenti li d-dispożizzjonijiet inkwistjoni jikkonċentraw fuq dawn il-każijiet.

121.

Madankollu, dan ma jfissirx li l-leġiżlatur tal-Unjoni kien għalkollox indifferenti għat-tressiq ’il quddiem ta’ titjiriet. Kif diġà spjegajt f’dawn il-konklużjonijiet ( 38 ), mid-dispożizzjonijiet fuq imsemmija tal-Artikolu 5(1)(ċ)(ii) u (iii) tar-Regolament Nru 261/2004, jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni jikkunsidra li t-tressiq ’il quddiem ta’ titjiriet ma huwiex mixtieq u li dan ma huwiex ittollerat – mingħajr ma jirrikonoxxi dritt għal kumpens – ħlief f’kuntest strett.

122.

Għalhekk, anki jekk it-“tressiq ’il quddiem sinjifikanti” ta’ titjira jista’ jkun akkumpanjat minn inkonvenjenzi għall-passiġġieri, xorta jibqa’ l-fatt li dan huwa każ ta’ “rotta differenti ma’ l-ewwel opportunitá” fis-sens tal-Artikolu 5(1)(a) u tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 261/2004. Fil-fatt, tali inkonvenjenzi jistgħu, skont dan ir-regolament, jittieħdu inkunsiderazzjoni permezz ta’ kumpens. Jekk il-passiġġieri jqisu li, fid-dawl tal-importanza tat-tressiq ’il quddiem, huma ma għandhom ebda interess li jaqbdu t-titjira inkwistjoni, huma jistgħu jagħżlu rotta differenti f’data sussegwenti skont l-Artikolu 8(1)(ċ), jew rimbors tal-biljett, skont l-Artikolu 8(1)(a) tal-imsemmi regolament. Għal dak li jirrigwarda dan l-aħħar punt, irrid nenfasizza li l-passiġġier għandu jkun f’pożizzjoni li jeżerċita d-drittijiet tiegħu b’mod liberu u effettiv. Dan ifisser li jekk il-passiġġier jiddeċiedi li jeżerċita d-dritt tiegħu għal rotta differenti, it-trasportatur għandu joffrilu ħin tat-tluq li jkun kemm realizzabbli kif ukoll aċċettabbli għalih.

123.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq, nipproponi li r-risposta għas-sitt domanda preliminari għandha tkun li l-offerta ta’ rotta differenti fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 261/2004 tista’, fil-kundizzjonijiet previsti fl-imsemmi artikolu, tikkonsisti f’informazzjoni mogħtija qabel il-bidu tal-vjaġġ dwar it-tressiq ’il quddiem ta’ titjira.

H.   Fuq is-seba’ domanda preliminari

124.

Permezz tas-seba’ domanda fil-Kawża C‑188/20, Azurair, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar jekk, skont l-Artikolu 14(2) tar-Regolament Nru 261/2004, it-trasportatur tal-ajru li jopera għandux jinforma lill-passiġġier, b’mod preċiż, bl-isem tal-impriża u bl-indirizz tagħha fejn ikun jista’ jitlob il-kumpens, kif ukoll bl-ammont ta’ dan tal-aħħar, u jekk ikun il-każ, jispeċifika liema huma d-dokumenti li huwa għandu jannetti mat-talba tiegħu.

125.

Skont l-Artikolu 14(2) tar-Regolament Nru 261/2004, it-trasportatur tal-ajru li jopera li jirrifjuta l-imbark jew li jikkanċella titjira “għandu jipprovdi kull passiġġier affettwat b’avviż bil-miktub li jistabbilixxi r-regoli għall-kumpens u assistenza” skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament.

126.

L-għan ta’ din id-dispożizzjoni huwa, skont il-premessa 20 tal-imsemmi regolament, li jiġi żgurat li l-passiġġieri jkunu “informati b’mod sħiħ bid-drittijiet tagħhom” fil-każ ta’ rifjut ta’ imbark u ta’ kanċellazzjoni jew ta’ dewmien twil ta’ titjira, “sabiex ikunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom b’mod effettiv”. F’dan il-kuntest irrid infakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-dispożizzjonijiet li jagħtu drittijiet lill-passiġġieri tal-ajru għandhom jiġu interpretati b’mod wiesa’ ( 39 ).

127.

Mill-formulazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni u mill-għan tagħha jirriżulta li l-passiġġier għandu jitqiegħed f’pożizzjoni li jkun jista’ jindirizza b’mod utli lit-trasportatur tal-ajru li jopera u għalhekk, għandu jkollu l-isem eżatt tiegħu u l-indirizz ta’ kuntatt tiegħu. F’dan ir-rigward, niġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat espressament fis-sentenza Krijgsman li l-passiġġier għandu jkun f’pożizzjoni li jidentifika lid-debitur tal-kumpens previst fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 261/2004 ( 40 ).

128.

Fid-dawl tal-fatt li ma huwiex rari, fil-qasam tat-trasport tal-ajru tal-passiġġieri, li titjira b’konnessjonijiet, komposta minn diversi titjiriet u li kienet is-suġġett ta’ reżervazzjoni waħda, titwettaq minn trasportaturi tal-ajru differenti ( 41 ), jidhirli li huwa indispensabbli li l-passiġġier ikun kapaċi jiddetermina faċilment kontra liema trasportatur tal-ajru jista’ jippreżenta rikors għal kumpens skont ir-Regolament Nru 261/2004.

129.

Barra minn hekk, jidhirli evidenti li l-passiġġier għandu jkollu informazzjoni utli dwar il-proċedura li għandu isegwi. Din tinkludi, b’mod partikolari, informazzjoni dwar id-dokumenti speċifiċi li għandu jipprovdi sabiex jinforza d-drittijiet tiegħu. Is-sitwazzjoni li fiha jitqiegħed il-passiġġier permezz ta’ dawn il-miżuri għandha tippermettilu jieħu deċiżjoni informata dwar il-ħarsien tal-interessi tiegħu.

130.

Fil-fatt, l-effikaċja li r-Regolament Nru 261/2004 irid jiżgura fil-protezzjoni tad-drittijiet tal-passiġġieri, hija żgurata biss jekk tiġi pprovduta informazzjoni ddettaljata lil dawn tal-aħħar. Dan huwa iktar importanti peress li l-passiġġier ordinarju ma jkunx jaf bil-partikolaritajiet fil-qasam legali ( 42 ). Madankollu, nikkunsidra li anki persuna mhux esperta fil-liġi għandha titqiegħed f’pożizzjoni li tipprevalixxi mid-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni mingħajr ma jkollha tirrikorri bilfors għal assistenza legali.

131.

Għalhekk, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostni l-Gvern Ġermaniż, inqis li jkun inkompatibbli ma’ dan l-għan jekk l-obbligu tat-trasportatur tal-ajru jiġi limitat għal sempliċi komunikazzjoni tal-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament lill-passiġġier. L-insuffiċjenza ta’ tali approċċ hija evidenti jekk wieħed jikkunsidra li ċerti drittijiet tal-passiġġieri tal-ajru, bħad-dritt għal kumpens minħabba “dewmien twil” ( 43 ), ġew żviluppati permezz tal-ġurisprudenza abbażi ta’ interpretazzjoni tar-Regolament Nru 261/2004. Barra minn hekk, dan ikun ukoll il-każ jekk il-Qorti tal-Ġustizzja taċċetta l-pożizzjoni difiża f’dawn il-konklużjonijiet u tassimila t-“tressiq ’il quddiem sinjifikanti” ta’ titjira għal “kanċellazzjoni” ( 44 ). Fl-interess ta’ protezzjoni effettiva tal-passiġġieri, huwa assolutament neċessarju li l-obbligu li dawn tal-aħħar jiġu informati bid-drittijiet tagħhom jimxi id f’id mal-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni.

132.

Għal dak li jirrigwarda d-dettalji tad-dritt għal kumpens skont l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 261/2004, jidher suffiċjenti li trasportatur tal-ajru li jopera jinforma lill-passiġġier bir-regoli ġenerali ta’ kalkolu applikabbli għal dan l-għan, kif jirriżultaw mill-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-artikolu. Mill-banda l-oħra ma huwiex neċessarju li jkun indikat l-ammont eżatt tal-kumpens potenzjali li għalih għandu dritt il-passiġġier fil-każ individwali tiegħu. Tali indikazzjoni ma tkunx tibqa’ tirrigwarda r-“regoli għall-kumpens u assistenza skond dan ir-Regolament” fis-sens tal-Artikoli 14(2) tal-imsemmi regolament, iżda l-applikazzjoni tagħhom għal każ individwali.

133.

Għar-raġunijiet esposti iktar ’il fuq, nipproponi li r-risposta għas-seba’ domanda preliminari għandha tkun li l-Artikolu 14(2) tar-Regolament Nru 261/2004 jobbliga lit-trasportatur tal-ajru li jopera li jinforma lill-passiġġier bl-isem preċiż tal-impriża u bl-indirizz li fih passiġġier jista’ eventwalment jagħmel it-talba għal kumpens tiegħu, u jekk ikun il-każ, jispeċifika liema dokumenti għandu jannetti mat-talba tiegħu. Għal dak li jirrigwarda l-portata tad-dritt għal kumpens, huwa suffiċjenti, sabiex jiġu osservati d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 14(2), li l-informazzjoni bil-miktub tesponi r-regoli previsti mill-imsemmi regolament f’dan ir-rigward; ma huwiex neċessarju li ammont konkret ikun ikkalkolat skont il-każ individwali.

VI. Konklużjoni

134.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari magħmula mil-Landgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja) u mil-Landesgericht Korneuburg (il-Qorti Reġjonali ta’ Korneuburg, l-Awstrija):

1)

L-Artikolu 3(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal‑Parlament Ewropew u tal‑Kunsill tal‑11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91, għandu jiġi interpretat fis-sens li passiġġier jista’ jkollu “reżervazzjoni kkonfermata” jekk ikun irċieva minn operatur tat-tours, li miegħu jkollu kuntratt, “prova oħra” fis-sens tal-Artikolu 2(g) tal-imsemmi regolament, li tinkludi wegħda ta’ trasport fuq titjira preċiża, identifikata bl-indikazzjoni tal-postijiet u l-ħinijiet tat-tluq u tal-wasla, kif ukoll tan-numru tat-titjira, minkejja li l-operatur ma jkunx għamel reżervazzjoni għal din it-titjira mat-trasportatur tal-ajru kkonċernat u lanqas irċieva konferma ta’ din ir-reżervazzjoni min-naħa ta’ dan tal-aħħar; dan ma huwiex il-każ jekk ikun irċieva dokument imsejjaħ “reġistrazzjoni għall-ivvjaġġar” li ma huwiex espressjoni ta’ impenn vinkolanti tal-operatur tat-tours li jipprovdi s-servizz ta’ vjaġġar speċifikat f’dan id-dokument.

2)

Is-sempliċi fatt li r-reżervazzjoni tal-operatur tat-tours mat-trasportatur tal-ajru għat-titjira kkonċernata ma kinitx ikkonfermata bil-ħinijiet tat-tluq u tal-wasla li jinsabu fir-reżervazzjoni tal-passiġġier mal-operatur tat-tours, jew li din ir-reżervazzjoni tal-operatur tat-tours seħħet wara r-reżervazzjoni tal-passiġġier, ma jeskludix li trasportatur tal-ajru jista’ jkun, fir-rigward ta’ tali passiġġier, “trasportatur ta’ l-ajru li jopera” fis-sens tal-Artikolu 2(b) tar-Regolament Nru 261/2004.

3)

Il-“ħin oriġinali tal-wasla” ta’ titjira, fis-sens tal-Artikolu 2(h), tal-Artikolu 5(1)(ċ), tat-tieni sentenza tal-Artikolu 7(1) u tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 261/2004 jista’, skont iċ-ċirkustanzi tal-kawża, jirriżulta wkoll minn “prova oħra”, fis-sens tal-Artikolu 2(g) tal-imsemmi regolament, li kienet intbagħtet minn operatur tat-tours lil passiġġier.

4)

Hemm kanċellazzjoni ta’ titjira fis-sens tal-Artikolu 2(l) u tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 meta t-trasportatur tal-ajru li jopera jressaq ’il quddiem minn tal-inqas b’sagħtejn it-titjira rriżervata fil-kuntest ta’ pakkett tal-ivvjaġġar.

5)

Fil-każ fejn it-tressiq ’il quddiem ta’ titjira jikkostitwixxi “kanċellazzjoni”, it-trasportatur tal-ajru li jopera ma jistax inaqqas il-kumpens previst fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 261/2004 abbażi tal-Artikolu 7(2) tal-imsemmi regolament.

6)

L-offerta ta’ rotta differenti fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 261/2004 tista’, fil-kundizzjonijiet previsti fl-imsemmi artikolu, tikkonsisti f’informazzjoni mogħtija qabel il-bidu tal-vjaġġ dwar it-tressiq ’il quddiem ta’ titjira.

7)

L-Artikolu 14(2) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 jobbliga lit-trasportatur tal-ajru li jopera jinforma lill-passiġġier bl-isem preċiż tal-impriża u bl-indirizz li fih passiġġier jista’ eventwalment jagħmel it-talba għal kumpens tiegħu, u jekk ikun il-każ, jispeċifika liema dokumenti għandu jannetti mat-talba tiegħu. Għal dak li jirrigwarda l-estensjoni tad-dritt għal kumpens, huwa suffiċjenti, sabiex jiġu osservati d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 14(2), li l-informazzjoni bil-miktub tesponi r-regoli previsti mill-imsemmi regolament f’dan ir-rigward; ma huwiex neċessarju li ammont konkret ikun ikkalkolat skont il-każ individwali.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 10.

( 3 ) ĠU 2015, L 326, p. 1.

( 4 ) Ara l-punt 48 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 5 ) Ara l-punt 80 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 6 ) Ara l-punt 124 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 7 ) Enfasi miżjuda minni.

( 8 ) Ara t-Taqsima III, punt 3, paragrafu 3 tad-deċiżjoni tar-rinviju fil-Kawża C‑188/20, Azurair.

( 9 ) Enfasi miżjuda minni.

( 10 ) Ara f’dan ir-rigward, is-sentenza tal‑11 ta’ Mejju 2017, Krijgsman (C‑302/16, EU:C:2017:359, punt 29), li minnha jirriżulta li “l-obbligi li għandu t-trasportatur bl-ajru effettiv skont ir-Regolament Nru 261/2004 huma bla ħsara għad-dritt tiegħu li jitlob kumpens għad-danni, konformement mad-dritt nazzjonali applikabbli, lil kull persuna li minħabba fiha ġew ikkawżati n-nuqqasijiet ta’ dan it-trasportatur għat-twettiq tal-obbligi tiegħu, inklużi t-terzi, hekk kif inhu previst fl-Artikolu 13 ta’ dan ir-regolament”.

( 11 ) Ara s-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Primera Air Scandinavia (C‑215/18, EU:C:2020:235, punti 4849).

( 12 ) Ara l-paragrafu 3 tal-punt 3 tat-Taqsima III tad-deċiżjoni tar-rinviju fil-Kawża C‑188/20, Azurair.

( 13 ) Sentenza tas‑26 ta’ Frar 2013, Folkerts (C‑11/11, EU:C:2013:106).

( 14 ) Sentenza tas‑26 ta’ Frar 2013 (C‑11/11, EU:C:2013:106).

( 15 ) Ara l-punt 3 tat-Taqsima II u l-punt 3 tat-Taqsima IV tad-deċiżjoni tar-rinviju fil-Kawża C‑188/20, Azurair.

( 16 ) Ara s-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2008, Emirates Airlines (C‑173/07, EU:C:2008:400, punt 40).

( 17 ) Ara s-sentenzi tad‑19 ta’ Novembru 2009, Sturgeon et (C‑402/07 u C‑432/07, EU:C:2009:716, punt 30) u tat‑13 ta’ Ottubru 2011, Sousa Rodriguez et (C‑83/10, EU:C:2011:652, punt 27).

( 18 ) Sentenza tat‑13 ta’ Ottubru 2011, Sousa Rodríguez et (C‑83/10, EU:C:2011:652, punti 33 et seq.).

( 19 ) Enfasi miżjuda minni.

( 20 ) Ara f’dan ir-rigward, Arnold, K., “EU Air Passenger Rights: Assessment of the Proposal of the European Commission for the Amendment of Regulation (EC) 261/2004 and of Regulation (EC) 2027/97”, Air and Space Law, 2013, Nru 6, p. 418, li juri dispjaċir li r-Regolament Nru 261/2004 ma jinkludix dispożizzjonijiet li jipprevedu espressament din is-sitwazzjoni u, b’mod partikolari, li jistabbilixxu l-obbligi tat-trasportaturi tal-ajru lejn il-passiġġieri kif ukoll id-dritt ta’ dawn tal-aħħar li tittieħed responsabbiltà. L-awtur jiddikjara ruħu favur riforma tal-imsemmi regolament.

( 21 ) Ara f’dan is-sens, Hopperdietzel, H., Fluggastrechte-Verordnung, it-tmien edizzjoni, Munich 2021, Artikolu 6(29) li jargumenta li t-tressiq ’il quddiem ta’ titjira (l-istess bħad-“dewmien twil”) jaffettwa b’mod kunsiderevoli d-dritt ta’ persuna li tirregola l-affarijiet tagħha stess b’mod liberu u mingħajr disturbi minn terzi. Skont l-awtur, l-inkonvenjenza hija iktar serja minn dik ikkawżata mill-estensjoni tat-tul tal-vjaġġ minħabba dewmien tat-titjira.

( 22 ) Ara l-punti 86 u 87 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 23 ) Ara l-punt 84 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 24 ) Sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2009, Sturgeon et (C‑402/07 u C‑432/07, EU:C:2009:716).

( 25 ) Ara f’dan ir-rigward, is-sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2009, Sturgeon et (C‑402/07 u C‑432/07, EU:C:2009:716, punt 48 et seq.), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet li d-danni mġarrba mill-passiġġieri tal-ajru fil-każ ta’ “kanċellazzjoni” jew ta’ “dewmien twil” kienu analogi. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet, skont il-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament, li l-passiġġieri ta’ titjiriet “imdewma” u dawk ta’ titjiriet “ikkanċellati” ma setgħux jiġu ttrattati b’mod differenti. Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-passiġġieri ta’ titjiriet “imdewma” setgħu jinvokaw id-dritt għal kumpens previst fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 261/2004 meta jġarrbu, minħabba tali titjiriet, telf ta’ ħin ta’ tliet sigħat jew iktar, jiġifieri meta huma jaslu fid-destinazzjoni finali tagħhom tliet sigħat jew iktar wara l-ħin tal-wasla inizjalment skedat mit-trasportatur tal-ajru.

( 26 ) Ara l-punt 89 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 27 ) Ara s-sentenzi tat‑22 ta’ Ġunju 2016, Mennens (C‑255/15, EU:C:2016:472, punt 26), u tat‑22 ta’ April 2021, Austrian Airlines (C‑826/19, EU:C:2021:318, punt 26).

( 28 ) Ara f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2009, Sturgeon et (C‑402/07 u C‑432/07, EU:C:2009:716, punt 44) li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet il-korrelazzjoni li teżisti bejn il-każ ta’ “dewmien twil” u d-dritt għal kumpens.

( 29 ) Ara l-punti 85 u 86 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 30 ) Ara f’dan is-sens, Hopperdietzel, H., Fluggastrechte-Verordnung, it-tmintax-il edizzjoni, Munich 2021, Artikolu 6(29), li jikkunsidra li kull tressiq ’il quddiem ta’ iktar minn tliet sigħat għandu jiġi kkunsidrat bħala “sinjifikanti” u għalhekk jagħti lok għal kumpens. L-awtur huwa favorevoli għal applikazzjoni analoga tal-limiti ta’ tliet sigħat li tikkaratterizza l-każ ta’ “dewmien twil”. Ara wkoll, Maruhn, J., Fluggastrechte-Verordnung, l-ewwel edizzjoni, Berlin 2016, kummenti preliminari għall-Artikoli 5 u 6(9), li jqis li t-tressiq ’il quddiem ta’ titjira ta’ diversi sigħat għandu jiġi kkunsidrat bħala kanċellazzjoni tat-titjira.

( 31 ) Ara l-punt 2 tat-Taqsima I tad-deċiżjoni tar-rinviju fil-Kawża C‑188/20, Azurair.

( 32 ) Enfasi miżjuda minni.

( 33 ) Sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2009, Sturgeon et (C‑402/07 u C‑432/07, EU:C:2009:716, punt 63).

( 34 ) Ara l-punti 85 u 86 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 35 ) Ara l-punt 97 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 36 ) Sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Rusu (C‑354/18, EU:C:2019:637).

( 37 ) Sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Rusu (C‑354/18, EU:C:2019:637, punti 53 sa 55).

( 38 ) Ara l-punt 85 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 39 ) Ara s-sentenzi tad‑19 ta’ Novembru 2009, Sturgeon et (C‑402/07 u C‑432/07, EU:C:2009:716, punt 45) u tat‑22 ta’ April 2021, Austrian Airlines (C‑826/19, EU:C:2021:318, punt 61).

( 40 ) Sentenza tal‑11 ta’ Mejju 2017, Krijgsman (C‑302/16, EU:C:2017:359, punt 28).

( 41 ) Ara f’dan ir-rigward, is-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2019, České aerolinie (C‑502/18, EU:C:2019:604).

( 42 ) Drake, S., “Delays, cancellations and compensation: Why are air passengers still finding it difficult to enforce their EU rights under Regulation 261/2004?”, Maastricht journal of European and comparative law, 4/2020, Volum 27, numru 2, p. 233 u 241, jikkunsidra li l-kumplessità tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 261/2004 tista’ tostakola l-implimentazzjoni effettiva tagħhom. Skont l-awtur, il-konsumaturi għandu jkollhom l-mezzi neċessarji sabiex ikunu f’pożizzjoni li jinfurzaw id-drittijiet tagħhom b’mod rapidu, inqas formali u oneruż, mingħajr l-intervent tal-avukati. L-awtur iqis li r-Regolament (KE) Nru 861/2007 tal‑Parlament Ewropew u tal‑Kunsill tal‑11 ta’ Lulju 2007 li jistabbilixxi Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar (ĠU 2007, L 199, p. 1, rettifika fil-ĠU 2015, L 141, p. 118) jistabbilixxi proċedura ideali għal dan l-għan.

( 43 ) Sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2009, Sturgeon et (C‑402/07 u C‑432/07, EU:C:2009:716, punt 69).

( 44 ) Ara l-punt 89 ta’ dawn il-konklużjonijiet.