KONKLUŻJONIJIET TAL‑AVUKAT ĠENERALI

RANTOS

ippreżentati fit‑23 ta’ Settembru 2021 ( 1 ) ( i )

Kawżi C‑128/20, C‑134/20 u C‑145/20

GSMB Invest GmbH & Co. KG

vs

Auto Krainer Gesellschaft mbH

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil‑Landesgericht Klagenfurt (il‑Qorti Reġjonali ta’ Klagenfurt, l‑Awstrija))

u

IR

vs

Volkswagen AG

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landesgericht Eisenstadt (il-Qorti Reġjonali ta’ Eisenstadt, l-Awstrija))

kif ukoll

DS

vs

Porsche Inter Auto GmbH & Co KG,

Volkswagen AG

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Regolament (KE) Nru 715/2007 – Vetturi bil-mutur – Artikolu 3(10) – Artikolu 5(1) u (2) – Magna diesel – Emissjonijiet ta’ inkwinanti – Software integrat fil-kompjuter li jikkontrolla l-magna – Valv tar-riċirkolazzjoni tal-gass tal-egżost – Tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ ossidu tan-nitroġenu limitat minn ‘tieqa ta’ temperaturi’ – Apparat ta’ manipulazzjoni – Awtorizzazzjoni ta’ apparat bħal dan meta l-bżonn ikun iġġustifikat għal raġunijiet ta’ protezzjoni tal-magna mill-ħsara jew inċidenti – Apparat installat bħala parti minn tiswija tal-vettura – Direttiva 1999/44/KE – Bejgħ u garanziji ta’ oġġetti ta’ konsum – Oġġett konformi mal-kuntratt ta’ bejgħ – Artikolu 2(2)(d) – Preżunzjoni ta’ konformità ta’ oġġett li għandu l-kwalità u l-prestazzjoni normali f’oġġetti tal-istess tip u li l-konsumatur jista’ jippretendi b’mod raġonevoli – Approvazzjoni tat-tip KE fil-proċess ta’ validazzjoni – Artikolu 3(6) – Xiri tal-vettura kkonċernata anki jekk il-konsumatur kien jaf bl-eżistenza tal-apparat ta’ manipulazzjoni fil-mument tal-bejgħ – Nuqqas ta’ konformità minuri”

I. Introduzzjoni

1.

Kif jistabbilixxi l-Artikolu 11 TFUE, “[i]l-ħtiġijiet għall-ħarsien ta’ l-ambjent għandhom ikunu integrati fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-politika u l-attivitajiet ta’ l-Unjoni, partikolarment bl-għan li jinkoraġixxu żvilupp sostenibbli”. L-għarfien ikbar dwar l-importanza tal-ħarsien tal-ambjent tidher, b’mod partikolari, mir-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea li jillimita l-emissjonijiet tal-inkwinanti ( 2 ).

2.

F’dan is-sens, il-vetturi bil-mutur kienu s-suġġett ta’ leġiżlazzjoni dejjem iktar restrittiva ( 3 ), b’mod partikolari bl-adozzjoni tar-Regolament (KE) Nru 715/2007 ( 4 ). Il-manifatturi tal-karozzi huma obbligati jadattaw għal rekwiżiti tekniċi komuni ġodda li jikkonċernaw l-approvazzjoni ta’ tali vetturi, li jista’ jkun sors ta’ tilwim mal-awtoritajiet pubbliċi u mal-konsumaturi.

3.

Għalhekk, fil-kawża li tat lok għas-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, X (Apparat ta’ manipulazzjoni fuq magna diesel) (C‑693/18, iktar ’il quddiem is-“sentenza X, EU:C:2020:1040), il-manifattur tal-vetturi kkonċernat kien akkużat li qiegħed fiċ-ċirkulazzjoni vetturi mgħammra b’software bil-għan li jwassal għad-distorsjoni tar-riżultati tal-kontrolli ta’ emissjoni ta’ gassijiet inkwinanti, b’mod partikolari tal-ossidu tan-nitroġenu (NOx) ( 5 ). F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat, għall-ewwel darba, il-kunċett ta’ “apparat ta’ manipulazzjoni” fis-sens tal-Artikolu 3(10) tar-Regolament Nru 715/2007, u ddeterminat sa liema punt tali apparat huwa illegali fid-dawl tal-Artikolu 5(2)(a) ta’ dan ir-regolament, li jipprevedi eċċezzjonijiet għall-projbizzjoni ta’ apparat ta’ manipulazzjoni, fosthom il-bżonn li l-magna tiġi protetta minn ħsara jew inċidenti u għat-tħaddim tal-vettura fis-sigurtà kollha.

4.

Dawn it-tliet kawżi jsegwu minn dik il-kawża sa fejn jirrigwardaw vetturi mgħammra b’software integrat fil-kompjuter li jikkontrolla l-magna li, fid-dawl ta’ ċerti kundizzjonijiet ta’ temperatura u ta’ altitudni ta’ ċirkulazzjoni, jillimita t-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ ossidu tan-nitroġenu (NOx), u dan iwassal sabiex jinqabżu l-valuri ta’ limitu stabbiliti mir-Regolament Nru 715/2007. Id-domandi magħmula huma, essenzjalment, dawn li ġejjin: software ta’ dan it-tip huwa “apparat ta’ manipulazzjoni” fis-sens tal-Artikolu 3(10) ta’ dan ir-regolament? Jekk iva, dan is-software jista’ jiġi awtorizzat abbażi tal-Artikolu 5(2)(a) tal-imsemmi regolament? Fil-każ li l-imsemmi software ma huwiex awtorizzat, l-użu tiegħu jista’ jwassal għall-annullament tal-bejgħ minħabba nuqqas ta’ konformità tal-vettura mal-kuntratt, abbażi tad-Direttiva 1999/44/KE ( 6 )?

5.

Fid-dawl tar-rabtiet eżistenti bejn dawn il-kawżi, b’mod partikolari sa fejn il-parti l-kbira tal-kwistjonijiet legali li huma jqajmu jikkoinċidu, deher xieraq li jiġu ppreżentati konklużjonijiet komuni fir-rigward tagħhom, anki jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari ta’ kull waħda minnhom, li ma jiġux magħquda.

II. Il‑kuntest ġuridiku

A.   Id‑dritt tal‑Unjoni

1. Id‑Direttiva 1999/44

6.

Skont il-premessi 1 u 8 tad-Direttiva 1999/44:

“(1)

Billi l-Artikolu 153(1) u (3) [KE] jipprovdi li l-Komunità għandha tikkontribwixxi għall-kisba ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur bil-miżuri li tadotta skond l-Artikolu 95 [KE];

[…]

(8)

Billi, sabiex tkun faċilitata l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ konformità mal-kuntratt, huwa bżonnjuż li tkun introdotta preżunzjoni konfutabbli ta’ konformità mal-kuntratt li jkopri l-aktar sitwazzjonijiet komuni; billi dik il-preżunzjoni ma tirrestrinġix il-prinċipju ta’ ħelsien tal-kuntratt; billi, aktar minn hekk, fl-assenza ta’ termini kontrattwali speċifiċi, kif ukoll fejn tkun applikata l-klawsola minima ta’ protezzjoni, l-elementi msemmija f’din il-preżunzjoni jistgħu jintużaw sabiex jiddeterminaw in-nuqqas ta’ konformità ta’ l-oġġetti mal-kuntratt; billi l-kwalità u l-esekuzzjoni li l-konsumaturi jistgħu jippretendu b’mod xieraq għandhom jiddependu inter alia fuq jekk l-oġġetti humiex ġodda jew użati; billi l-elementi imsemmija fil-preżunzjoni huma kumulattivi; billi, jekk iċ-ċirkostanzi tal-każijiet iroddu kull element partikolari mhux xieraq, l-elementi li jifdal tal-preżunzjoni għandhom madankollu jibqgħu japplikaw.”

7.

L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni u definizzjonijiet”, jgħid, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-għan ta’ din id-Direttiva hija l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri dwar ċerti aspetti tal-bejgħ ta’ oġġetti tal-konsumatur u garanziji assoċjati magħhom sabiex tiżgura livell uniformi minimu ta’ protezzjoni tal-konsumatur fil-kuntest tas-suq intern.”

8.

L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Konformità mal-kuntratt”, jipprevedi:

“1.   Il-bejjiegħ għandu jwassal sa għand il-konsumatur oġġetti li huma f’konformità mal-kuntratt ta’ bejgħ.

2.   Oġġetti tal-konsum huma preżunti li huma f’konformità mal-kuntratt jekk:

(a)

jikkonformaw mad-deskrizzjoni mogħtija mill-bejjiegħ u jippossjedu l-kwalitajiet ta’ l-oġġetti li l-bejjiegħ [ikun] wera lill-konsumatur bħala kampjun jew mudell;

(b)

huma tajbin għal kull skop partikolari li għalih jeħtieġhom il-konsumatur u li [huwa jkun informa] lill-bejjiegħ dwarhom fil-ħin meta [jkun] ġie konkluż il-kuntratt u li l-bejjiegħ [ikun] aċċetta;

(c)

huma tajbin għall-għanijiet li għalihom normalment jintużaw oġġetti ta’ l-istess tip;

(d)

juru l-kwalità u l-ħidma li huma normali f’oġġetti ta’ l-istess tip u li l-konsumatur jista’ jippretendi b’mod raġjonevoli, skond in-natura ta’ l-oġġetti u b’konsiderazzjoni mogħtija għal kull stqarrija pubblika dwar il-karatteristiċi speċifiċi ta’ l-oġġetti magħmula dwarhom mill-bejjiegħ, il-produttur jew ir-rappreżentant tiegħu, partikolarment fir-riklamar jew fuq it-tikketta.

3.   Għandu jkun miftiehem li m’hemmx nuqqas ta’ konformità għall-għanijiet ta’ dan l-Artikolu jekk, meta kien konkluż il-kuntratt, il-konsumatur kien konxju, jew ma setgħax ma kienx konxju b’mod raġjonevoli dwar, in-nuqqas ta’ konformità, jew jekk in-nuqqas ta’ konformità oriġinatx fil-materjal fornut mill-konsumatur.

[…]”

9.

L-Artikolu 3 tal-istess direttiva, intitolat “Drittijiet tal-konsumatur”, jipprovdi:

“1.   Il-bejjiegħ għandu jkun responsabbli għall-konsumatur għal kull nuqqas ta’ konformità li teżisti meta l-oġġetti kienu fornuti.

2.   Fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità, l-konsumatur għandu jkun intitolat li l-oġġetti jinġiebu f’konformità mingħajr ħlas permezz ta’ tiswija jew tibdil, f’konformità mal-paragrafu 3, jew li jkollu tnaqqis xieraq fil-prezz jew il-kuntratt jitħassar rigward dawn l-oġġetti, f’konformità mal-paragrafi 5 u 6.

3.   Fil-bidu, il-konsumatur jista’ jeħtieġ lill-bejjiegħ li jsewwi l-oġġetti jew jista’ jeħtieġ lill-bejjiegħ li jibdilhom, f’kull każ mingħajr ħlas, jekk kemm-il darba dan huwa impossibbli jew disproporzjonat.

Rimedju jinftiehem li huwa disproporzjonat jekk jimponi spejjeż fuq il-bejjiegħ li, f’paragun mar-rimedju alternattiv, m’humiex raġjonevoli, b’konsiderazzjoni mogħtija:

lill-valur li l-oġġetti jkollhom jekk ma kien hemm l-ebda nuqqas ta’ konformità,

lis-sinifikat [lill-portata] tan-nuqqas ta’ konformità,

u

jekk ir-rimedju alternattiv ikun jista’ jitlesta mingħajr inkonvenjent sinifikattiv lill-konsumatur.

Kull tiswija jew tibdil għandha titlesta fi żmien raġjonevoli u mingħajr ebda inkonvenjent sinifikattiv lill-konsumatur, b’konsiderazzjoni mogħtija lin-natura ta’ l-oġġetti u l-għan li għalihom il-konsumatur ħtieġhom.

[…]

5.   Il-konsumatur jista’ jinħtieġ tnaqqis xieraq tal-prezz jew li jitħassar il-kuntratt:

jekk il-konsumatur m’huwiex intitolat la għat-tiswija u lanqas għal tibdil,

jew

jekk il-bejjiegħ ma jkunx lesta r-rimedju fi żmien raġjonevoli,

jew

jekk il-bejjiegħ ma jkunx lest r-rimedju mingħajr inkonvenjent sinifikattiv lill-konsumatur.

6.   Il-konsumatur m’huwiex intitolat li jħassar il-kuntratt jekk in-nuqqas ta’ konformità hija minuri.”

2. Ir‑Regolament (UE) Nru 715/2007

10.

Skont il-premessi 7 u 17 tar-Regolament Nru 715/2007:

“(7)

Fl-iffissar ta’ l-istandards għall-emissjonijiet huwa importanti li jitqiesu l-implikazzjonijiet għas-swieq u l-kompetittività tal-manifatturi, in-nefqiet diretti u indiretti imposti fuq in-negozju u l-benefiċċji li jinħolqu f’termini ta’ tħeġġiġ ta’ l-innovazzjoni, titjib fil-kwalità ta’ l-arja, tnaqqis fin-nefqiet għas-saħħa, u żieda fil-medja ta’ l-għomor, kif ukoll l-implikazzjonijiet ta’ l-impatt globali fuq l-emissjonijiet CO2.

[…]

(17)

Metodu standardizzat għall-kejl tal-konsum tal-karburant u ta’ l-emissjonijiet tad-dijossidu tal-karbonju mill-vetturi huwa meħtieġ biex jiżgura li ebda ostakli tekniċi għall-kummerċ ma jinħolqu bejn l-Istati Membri. Aktar minn hekk, huwa wkoll meħtieġ li jiġi żgurat li l-klijenti u l-utenti jingħataw informazzjoni oġġettiva u preċiża.”

11.

L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Suġġett”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Dan ir-Regolament jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi komuni għall-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur (“vetturi”) u “spare parts” bħal ma hu tagħmir sostitut għall-kontroll tat-tniġġis fir-rigward ta’ l-emissjonijiet tagħhom.”

12.

L-Artikolu 3 tal-imsemmi regolament, bit-titolu “Definizzjonijiet”, jipprevedi, fil-punti 10 u 13 tiegħu:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament u l-miżuri ta’ l-implimentazzjoni tiegħu japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

(10)

‘tagħmir ta’ riduzzjoni [apparat ta’ manipulazzjoni]’ jfisser kull element tad-disinn li jħoss it-temperatura, il-veloċità tal-vettura, id-dawrien tal-magna (RPM), it-transmission gear, il-vakwu fil-manifold jew parametru ieħor bl-iskop li jattiva, jimmodula, jittardja jew iwaqqaf il-funzjonament ta’ xi parti mis-sistema ta’ kontroll ta’ l-emissjonijiet, li tnaqqas l-effettività tas-sistema ta’ kontroll ta’ l-emissjonijiet taħt kondizzjonijiet li wieħed raġonevolment jistenna li jiltaqa’ magħhom waqt it-tħaddim u l-użu normali ta’ vettura.

[…]

13)

‘tagħmir sostitut għall-kontroll tat-tniġġis’ tfisser tagħmir għall-kontroll tat-tniġġis jew assemblaġġ ta’ tagħmir ta’ dan it-tip maħsuba biex jissostitwixxu tagħmir oriġinali għall-kontroll tat-tniġġis u li jistgħu jiġu approvati bħala unità teknika separata kif speċifikat fid-Direttiva 70/156/KEE [ ( 7 )].”

13.

L-Artikolu 4 tal-istess regolament, intitolat “Obbligi tal-manifatturi”, jipprovdi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.   Il-manifatturi għandhom juru li l-vetturi ġodda kollha mibjugħa, reġistrati jew mqiegħda fis-servizz fil-Komunità għandhom l-approvazzjoni tat-tip skond dan ir-Regolament u l-miżuri ta’ implimentazzjoni tiegħu. Il-manifatturi għandhom juru wkoll li t-tagħmir ġdid, użat biex jibdel tagħmir għall-kontroll tat-tniġġis, kollu li jeħtieġ approvazzjoni tat-tip li jinbiegħ jew li jitqiegħed fis-servizz fil-Komunità għandu l-approvazzjoni tat-tip skond dan ir-Regolament u l-miżuri ta’ implimentazzjoni tiegħu.

Dawn l-obbligi jinkludu r-rispett tal-limiti ta’ emissjoni stabbiliti fl-Anness I u l-miżuri ta’ implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 5.

2.   Il-manifatturi għandhom jiżguraw li l-proċeduri ta’ l-approvazzjoni tat-tip għall-verifika tal-konformità fil-produzzjoni, il-perjodu tas-servizz tat-tagħmir tal-kontroll tat-tniġġis u l-konformità waqt is-servizz jiġu rispettati.

Barra minn hekk, il-miżuri tekniċi meħuda mill-manifattur jridu jkunu tali li jiġi żgurat li l-emissjonijiet mit-tailpipe jew evaporattivi huma effettivament limitati, skond dan ir-Regolament, tul il-ħajja normali tal-vettura li tintuża f’kundizzjonijiet normali. […]”

14.

L-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 715/2007, intitolat “Rekwiżiti u testijiet”, huwa fformulat kif ġej, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.   Il-manifattur għandu jattrezza l-vetturi b’mod li l-komponenti li jistgħu jaffettwaw l-emissjonijiet jiġu ddisinjati, mibnija u assemblati bil-għan li jippermettu li l-vettura, fl-użu normali, tikkonforma ma’ dan ir-Regolament u l-miżuri ta’ implimentazzjoni tiegħu.

2.   L-użu ta’ tagħmir ta’ riduzzjoni [apparat ta’ manipulazzjoni] li jnaqqas l-effettività tas-sistemi tal-kontroll ta’ l-emissjonijiet għandu jiġi pprojbit. Il-projbizzjoni m’għandiex tapplika fejn:

(a)

il-bżonn tat-tagħmir huwa ġustifikat għal raġunijiet ta’ protezzjoni tal-magna mill-ħsara jew inċidenti u għat-tħaddim fis-sigurtà tal-vettura;

(b)

it-tagħmir ma jaħdimx għajr għall-ħtiġijiet ta’ l-istartjar tal-magna;

jew

(c)

il-kondizzjonijiet huma sostanzjalment inklużi fil-proċeduri tal-verifika ta’ l-emissjonijiet evaporattivi u l-medja ta’ l-emissjonijiet mit-tailpipe.”

15.

L-Anness I ta’ dan ir-regolament, intitolat “Limiti ta’ emissjoni”, jipprevedi l-valuri ta’ limitu tal-emissjonijiet ta’ NOx, b’mod partikolari għall-vetturi ta’ ġenerazzjoni Euro 5, li huma s-suġġett tat-Tabella 1.

3. Id‑Direttiva 2007/46/KE

16.

Id-Direttiva 2007/46/KE ( 8 ) tħassret bir-Regolament (UE) 2018/858 ( 9 ), b’effett mill‑1 ta’ Settembru 2020, skont l-Artikolu 88 ta’ dan tal-aħħar. Madankollu, fid-dawl tad-data tal-fatti inkwistjoni, din id-direttiva tibqa’ applikabbli għall-kawżi prinċipali.

17.

Skont il-premessa 3 tal-imsemmija direttiva:

“Il-ħtiġijiet tekniċi applikabbli għas-sistemi, il-komponenti, l-unitajiet tekniċi separati u l-vetturi għandhom ikunu armonizzati u speċifikati f’atti regolatorji. Dawk l-atti regolatorji għandhom primarjament ifittxu li jiżguraw livell għoli ta’ sikurezza stradali, protezzjoni tas-saħħa, protezzjoni ambjentali, effiċjenza fl-enerġija u protezzjoni kontra l-użu mhux awtorizzat.”

18.

L-Artikolu 1 tal-istess direttiva, intitolat “Suġġett”, kien jipprovdi:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi qafas armonizzat li fih id-dispożizzjonijiet amministrattivi u l-ħtiġijiet tekniċi ġenerali għall-approvazzjoni tal-vetturi ġodda kollha fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha u tas-sistema, il-komponenti u l-unitajiet tekniċi separati maħsuba għal dawk il-vetturi, bil-ħsieb li jiġu faċilitati r-reġistrazzjoni, il-bejgħ u d-dħul fis-servizz tagħhom fil-Komunità.

[…]

Ħtiġijiet tekniċi speċifiċi dwar il-kostruzzjoni u l-funzjonament tal-vetturi għandhom jiġu stabbiliti fl-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva f’atti regolatorji li l-lista eżawrjenti tagħhom hi stabbilita fl-Anness IV.”

19.

L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2007/46, intitolat “Definizzjonijiet”, kien jipprevedi, fil-punti 5 u 36 tiegħu:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva u ta’ l-atti regolatorji elenkati fl-Anness IV, ħlief jekk ipprovdut mod ieħor hemmhekk:

[…]

5.

‘approvazzjoni tat-tip tal-KE’ tfisser il-proċedura li biha Stat Membru jiċċertifika li tip ta’ vettura, sistema, komponent jew unità teknika separata tissodisfa d-dispożizzjonijiet amministrattivi u l-ħtiġijiet tekniċi rilevanti ta’ din id-Direttiva u ta’ l-atti regolatorji elenkati fl-Anness IV jew XI;

[…]

36.

‘ċertifikat ta’ konformità’ tfisser id-dokument stabbilit fl-Anness IX, maħruġ mill-manifattur u li jiċċertifika li vettura li tappartjeni għas-serje tat-tip approvat skond din id-Direttiva tikkonforma ma’ l-atti regolatorji kollha fil-mument tal-produzzjoni tagħha.”

20.

L-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva, intitolat “Obbligi ta’ l-Istati Membri”, kien jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-manifatturi li japplikaw għall-approvazzjoni jikkonformaw ma’ l-obbligi tagħhom skond din id-Direttiva.

2.   L-Istati Membri għandhom japprovaw biss dawk il-vetturi, sistemi, komponenti jew unitajiet tekniċi separati li jissodisfaw il-ħtiġijiet ta’ din id-Direttiva.

3.   L-Istati Membri għandhom jirreġistraw jew jippermettu biss il-bejgħ jew id-dħul fis-servizz ta’ dawk il-vetturi, komponenti u unitajiet tekniċi separati li jissodisfaw il-ħtiġijiet ta’ din id-Direttiva.

[…]”

21.

L-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Obbligi tal-manifatturi”, kien ifformulat kif ġej, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Il-manifattur hu responsabbli lejn l-awtorità ta’ l-approvazzjoni għall-aspetti kollha tal-proċess ta’ approvazzjoni u biex tiġi żgurata l-konformità tal-produzzjoni, kemm jekk il-manifattur hu involut direttament fl-istadji kollha tal-kostruzzjoni ta’ vettura, sistema, komponent jew unità teknika separata kif ukoll jekk le.”

22.

L-Artikolu 18 tal-istess direttiva, intitolat “Ċertifikat ta’ konformità”, kien jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Il-manifattur, fil-kapaċità tiegħu bħala d-detentur ta’ l-approvazzjoni tat-tip tal-KE ta’ vettura, għandu jipprovdi ċertifikat ta’ konformità flimkien ma’ kull vettura, kemm jekk kompluta, mhux kompluta jew ikkompletata, li tiġi manifatturata f’konformità mat-tip ta’ vettura approvat.

[…]”

23.

L-Artikolu 26 tad-Direttiva 2007/46, intitolat “Reġistrazzjoni, bejgħ u dħul fis-servizz ta’ vetturi”, kien jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 29 u 30, l-Istati Membri għandhom jirreġistraw u jippermettu l-bejgħ jew id-dħul fis-servizz ta’ vetturi fil-każ biss li jkollhom magħhom ċertifikat ta’ konformità validu maħruġ skond l-Artikolu 18.

[…]”

24.

L-Anness IV ta’ din id-direttiva, intitolat “Rekwiżiti għall-iskop tal-approvazzjoni tat-tip KE tal-vetturi”, kien isemmi, fil-Parti I tiegħu, intitolata “Atti regolatorji għall-approvazzjoni tat-tip tal-KE ta’ vetturi prodotti f’serje mhux limitati”, ir-Regolament Nru 715/2007 f’dak li jikkonċerna l-“[e]missjonijiet (Euro 5 u Euro 6) vetturi mhux ta’ strapazz/aċċess għal informazzjoni”.

25.

L-Anness IX ( 10 ) tal-imsemmija direttiva, intitolat “Ċertifikat ta’ konformità tal-KE”, kien jinkludi l-punt 0, intitolat “Għanijiet”, li kien jipprevedi li ċ-ċertifikat ta’ konformità huwa dikjarazzjoni mogħtija mill-manifattur tal-vettura lix-xerrej sabiex jiggarantilu li l-vettura li huwa jkun akkwista tikkonforma mal-leġiżlazzjoni fis-seħħ fl-Unjoni Ewropea fil-ħin meta din ġiet iffabbrikata.

4. Ir‑Regolament (UE) Nru 692/2008

26.

L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 692/2008, intitolat “Suġġett”, jgħid:

“Dan ir-Regolament jistabbilixxi miżuri għall-implimentazzjoni ta’ l-Artikoli 4, 5 u 8 tar-Regolament [Nru 715/2007].”

27.

L-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 692/2008, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprevedi, fil-punti 8 u 18 tiegħu:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

8.

‘tip ta’ tagħmir għall-kontroll tat-tniġġis’ tfisser kovertituri katalitiċi u filtri għall-partikulati li ma jvarjaw fl-ebda wieħed mill-aspetti essenzjali li ġejjin:

[…]

18.

‘sistema għall-kontroll ta’ l-emissjonijiet’ tfisser, fil-kuntest tas-sistema OBD [sistema dijanjostika abbord], il-kontrollur elettroniku tal-ġestjoni tal-magna u kwalunkwe komponent relatat ma’ l-emissjonijiet fis-sistema ta’ l-egżost jew fis-sistema evaporattiva li jipprovdi input għal jew jirċievi output minn dan il-kontrollur.”

28.

L-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Ir-rekwiżiti għall-approvazzjoni tat-tip”, jipprovdi, fil-paragrafu 9 tiegħu:

“It-test tat-Tip 6 li jkejjel l-emissjonijiet f’temperaturi baxxi stabbilit fl-Anness VIII m’għandux japplika għall-vetturi diżil.

Madanakollu, meta japplikaw għall-approvazzjoni tat-tip, il-manifatturi għandhom jippreżentaw lill-awtorità ta’ l-approvazzjoni informazzjoni li turi li t-tagħmir tat-trattament ta’ wara ta’ l-NOx jilħaq temperatura biżżejjed għolja għal ħidma effiċjenti fi ħdan 400 sekonda wara startjar kiesaħ f’temperatura ta’ –7 °C kif ġie deskritt fit-test tat-Tip 6.

Barra minn hekk, il-manifattur għandu jipprovdi lill-awtorità ta’ l-approvazzjoni b’informazzjoni dwar l-istrateġija operattiva tas-sistema ta’ riċirkolazzjoni tal-gassijiet ta’ l-egżost (EGR), inkluż il-funzjonament tagħha f’temperaturi baxxi.

[…]”

29.

L-Artikolu 10 tal-imsemmi regolament, intitolat “It-tagħmir għall-kontroll tat-tniġġis”, huwa fformulat kif ġej fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Il-manifattur għandu jiżgura li t-tagħmir sostitut għall-kontroll tat-tniġġis maħsub biex jitwaħħal fuq vetturi approvati għat-tip KE koperti mill-ambitu tar-Regolament [Nru 715/2007], jkunu approvati għat-tip KE, bħala unitajiet tekniċi separati fit-tifsira ta’ l-Artikolu 10(2) tad-Direttiva [2007/46], skond l-Artikolu 12, l-Artikolu 13 u l-Anness XII ta’ dan ir-Regolament.

Il-konvertituri katalitiċi u l-filtri għall-partikulati għandhom jitqiesu bħala tagħmir għall-kontroll tat-tniġġis għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament.”

30.

L-Anness I tal-istess regolament, intitolat “Id-dispożizzjonijiet amministrattivi għall-approvazzjoni tat-tip KE”, jipprovdi, fil-punt 3.3 tiegħu, intitolat “L-estensjonijiet għad-durabbiltà tat-tagħmir għall-kontra tat-tniġġis (test tat-tip 5)”:

“3.3.1.

L-approvazzjoni tat-tip għandha tkun estiża għal tipi differenti ta’ vetturi, sakemm il-parametri tal-vettura, tal-magna jew tas-sistema għall-kontroll tat-tniġġis li ġew speċifikati aktar ‘l isfel ikunu identiċi jew jibqgħu fi ħdan it-tolleranzi preskritti:

3.3.1.1.

Il-vettura:

[…]

3.3.1.2.

Il-magna

[…]

3.3.1.3.

Il-parametri tas-sistema għall-kontroll tat-tniġġis:

[…]

(ċ)

Ir-riċirkolazzjoni tal-gassijiet ta’ l-egżost (EGR)

biha jew mingħajrha

tip (imkessħa jew mhux imkessħa, kontroll attiv jew passiv, pressjoni għolja jew pressjoni baxxa).

[…]”

31.

L-Anness XI tar-Regolament Nru 692/2008, intitolat “Id-dijanjostika abbord (OBD) għal vetturi bil-mutur”, jipprevedi, fl-Appendiċi 2 tiegħu, dwar il-“[k]aratteristiċi essenzjali tal-familja tal-vetturi”:

“[…]

Il-magna:

[…]

Is-sistema għall-kontroll ta’ l-emissjonijiet:

[…]

it-tip ta’ nasba għall-partikulati;

[…]

ir-riċirkolazzjoni tal-gassijiet ta’ l-egżost (biha jew mingħajrha).

[…]”

5. Ir‑Regolament (UE) 2016/427

32.

Skont il-premessi 1, 2 u 4 tar-Regolament (UE) 2016/427 ( 11 ):

“(1)

Ir-Regolament [Nru 715/2007] jirrikjedi li l-Kummissjoni tanalizza l-proċeduri, it-testijiet u r-rekwiżiti għall-approvazzjoni tat-tip li huma stipulati fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 692/2008 u li dawn jiġu aġġustati b’tali mod li jirriflettu b’mod adegwat l-emissjonijiet iġġenerati minn sewqan reali fit-triq, jekk ikun meħtieġ.

(2)

Il-Kummissjoni wettqet analiżi dettaljata f’dan ir-rigward fuq il-bażi tar-riċerka tagħha stess u ta’ informazzjoni esterna u sabet li l-emissjonijiet iġġenerati minn sewqan reali fit-triq ta’ vetturi Euro 5/6 jaqbżu sostanzjalment l-emissjonijiet imkejla fuq iċ-Ċiklu l-Ġdid tas-Sewqan Ewropew (NEDC) regolatorju, b’mod partikolari fir-rigward tal-emissjonijiet tal-NOx minn vetturi diesel.

[…]

(4)

F’Jannar 2011, il-Kummissjoni stabbilixxiet grupp ta’ ħidma li jinvolvi l-partijiet ikkonċernati kollha għall-iżvilupp ta’ proċedura għall-ittestjar tal-emissjonijiet f’sewqan reali (RDE) li tkun tirrifletti aħjar l-emissjonijiet imkejla fuq it-triq. […]”

33.

L-Artikolu 1 tar-Regolament 2016/427 jgħid:

“Ir-Regolament [Nru 692/2008] huwa emendat kif ġej:

1)

Fl-Artikolu 2, għandhom jiżdiedu l-paragrafi 41 u 42 li ġejjin:

41.

‘Emissjonijiet f’sewqan reali (RDE)’ tfisser l-emissjonijiet minn vettura f’kundizzjonijiet normali tal-użu;

42.

‘Sistema portabbli għall-kejl tal-emissjonijiet’ (minn hawn ’il quddiem imsejħa ‘PEMS’) tfisser sistema ta’ kejl ta’ emissjonijiet li tista’ tinġarr li tissodisfa r-rekwiżiti speċifikati fl-Appendiċi 1 tal-Anness IIIA.”

6. Ir‑Regolament 2017/1151

34.

Skont il-premessi 1 sa 3 tar-Regolament 2017/1151 ( 12 ):

“(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni [Nru 692/2008] li jimplimenta u jemenda r-Regolament [Nru 715/2007] jipprevedi li l-vetturi light-duty jiġu ttestjati skont iċ-Ċiklu tas-Sewqan Ewropew Ġdid (NEDC).

(2)

Abbażi tar-reviżjoni kontinwa tal-proċeduri rilevanti, iċ-ċikli tat-test u r-riżultati tat-test previsti fl-Artikolu 14(3) tar-Regolament [Nru 715/2007], jidher evidenti li l-informazzjoni dwar il-konsum tal-fjuwil u tal-emissjonijiet ta’ CO2 pprovduta permezz tal-ittestjar tal-vetturi skont l-NEDC ma għadhiex adegwata u ma għadhiex tirrifletti l-emissjonijiet fid-dinja reali.

(3)

F’dan l-isfond, huwa xieraq li tiġi stabbilita proċedura regolatorja tal-ttestjar ġdida billi tiġi implimentata l-Proċedura ta’ Ttestjar Armonizzata fuq Livell Dinji għall-Vetturi Ħfief (WLTP) fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni.”

35.

L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 2017/1151, intitolat “Suġġett”, jgħid:

“Dan ir-Regolament jistabbilixxi miżuri għall-implimentazzjoni tar-Regolament [Nru 715/2007].”

36.

L-Anness IIIA tar-Regolament 2017/1151, intitolat “Verifika tal-emissjonijiet f’sewqan reali”, jipprevedi:

“[…]

4.1.

Il-prestazzjoni tal-RDE għandha tintwera billi l-vetturi jiġu ttestjati fit-triq, imħaddma skont il-mudelli ta’ sewqan normali tagħhom, il-kundizzjonijiet u l-piżijiet tat-tagħbija. It-test tal-RDE għandu jkun rappreżentattiv għal vetturi mħaddma fuq ir-rotot ta’ sewqan reali tagħhom bit-tagħbija li hija normali għalihom.

[…]

5.2.1.

It-test għandu jitwettaq fil-kundizzjonijiet ambjentali stabbiliti f’din it-taqsima. Il-kundizzjonijiet ambjentali jsiru “estiżi” meta tiġi estiża mill-inqas waħda mill-kundizzjonijiet tat-temperatura u tal-altitudni. Il-fattur ta’ korrezzjoni għall-kundizzjonijiet estiżi tat-temperatura u tal-altitudni għandu jiġi applikat darba biss. Jekk parti mit-test jew it-test kollu ma jsirux fil-kundizzjonijiet normali jew estiżi, it-test ma jkunx validu.

5.2.2.

Kundizzjonijiet ta’ altitudni moderati: Altitudni ta’ 700 metru jew inqas ‘il fuq mil-livell tal-baħar.

5.2.3.

Kundizzjonijiet ta’ altitudni estiżi: Altitudni ogħla minn 700 metru ‘l fuq mil-livell tal-baħar u 1300 metru jew inqas ‘il fuq mil-livell tal-baħar.

5.2.4.

Kundizzjonijiet ta’ temperatura moderati: Ogħla minn jew ugwali għal 273,15 K (0 °C) u anqas jew ugwali għal 303,15 K (30 °C).

5.2.5.

Kundizzjonijiet ta’ temperatura moderati: Ogħla minn jew ugwali għal 266,15 K (– 7 °C) u anqas minn 273,15 K (0 °C) jew ugwali għal 303,15 K (30 °C) u anqas minn jew ugwali għal 308,15 K (35 °C).

[…]”

7. Id‑Direttiva (UE) 2019/771

37.

Skont l-Artikolu 23 tad-Direttiva (UE) 2019/771 ( 13 ), id-Direttiva 1999/44 hija mħassra b’effett mill‑1 ta’ Jannar 2022.

38.

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2019/771, intitolat “Suġġett u skop”, jgħid:

“L-iskop ta’ din id-Direttiva huwa li tikkontribwixxi għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern filwaqt li tipprevedi livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur, billi tistabbilixxi regoli komuni dwar ċerti rekwiżiti fir-rigward tal-kuntratti ta’ bejgħ konklużi bejn bejjiegħa u konsumaturi, b’mod partikolari regoli dwar il-konformità tal-oġġetti mal-kuntratt, rimedji f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità bħal din, il-modalitajiet għall-eżerċizzju ta’ dawk ir-rimedji, u dwar garanziji kummerċjali.”

39.

L-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva, intitolat “Rekwiżiti oġġettivi għall-konformità”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Minbarra li jikkonforma ma’ kwalunkwe rekwiżit soġġettiv għall-konformità, l-oġġetti għandhom:

(a)

ikunu adattati għall-iskopijiet li għalihom normalment jintużaw oġġetti tal-istess tip, b’kont meħud, jekk applikabbli, ta’ kwalunkwe liġi tal-Unjoni u nazzjonali eżistenti, ta’ kwalunkwe standard tekniku jew, fin-nuqqas ta’ tali standards tekniċi, il-kodiċi ta’ kondotta industrijali speċifiċi għas-settur applikabbli;

[…]”

B.   Id‑dritt Awstrijak

40.

L-Artikolu 871(1) tal-Allgemeines bürgerliches Gesetzbuch (il-Kodiċi Ċivili Ġenerali, iktar ’il quddiem l-“ABGB”) jgħid:

“Meta, fid-dikjarazzjoni li tkun ħarġet jew li waslet għand il-parti kokontraenti tagħha, parti tkun wettqet żball relatat mas-suġġett innifsu jew ma’ kwalità essenzjali tiegħu li fuqhom kienu ftiehmu prinċipalment u b’mod espliċitu, hija ma jkollha ebda obbligu meta l-iżball ikun ġie kkawżat mill-parti kokontraenti jew meta minħabba ċ-ċirkustanzi, din tal-aħħar kellha evidentement tinduna bih jew meta dan l-iżball instab fil-ħin.”

41.

L-Artikolu 879(1) tal-ABGB jipprevedi:

“Kuntratt li jikser projbizzjoni legali jew li jmur kontra l-moralità huwa null.”

42.

L-Artikolu 922(1) tal-ABGB jipprovdi:

“Kull min jagħti oġġett bi ħlas lil ħaddieħor għandu jiggarantixxi li l-oġġett ikun konformi mal-kuntratt. Għaldaqstant, huwa jkun responsabbli għall-fatt li l-oġġett ikollu l-kwalitajiet stipulati jew normalment mistennija, li jikkorrispondi mad-deskrizzjoni tiegħu, mal-kampjun jew mal-mudell, u li jkun adattat għall-użu stipulat jew għall-użu li jikkorrispondi man-natura tal-att ġuridiku.”

43.

L-Artikolu 932(1) u (4) tal-ABGB huwa fformulat kif ġej:

“(1)   F’każ ta’ difett, il-persuna li tirċievi l-oġġett tista’ teżiġi t-titjib (tiswija jew provvista ta’ dak li jkun nieqes), is-sostituzzjoni tal-oġġett, tnaqqis xieraq tal-korrispettiv (tnaqqis fil-prezz) jew it-tħassir tal-kuntratt (revoka).

[…]

(4)   Jekk kemm it-titjib kif ukoll is-sostituzzjoni tal-oġġett ikunu impossibbli jew jinvolvu spejjeż sproporzjonati għar-remittent, il-persuna li tirċievi l-oġġett għandha dritt għal tnaqqis fil-prezz jew, sakemm dan ma jkunx każ ta’ nuqqas minuri, għar-revoka. […]”

C.   Id‑dritt Ġermaniż

44.

Skont l-Artikolu 25(2) tal-Verordnung über die EG-Genehmigung für Kraftfahrzeuge und Verordnung über die EG-Genehmigung für Kraftfahrzeuge und ihre Anhänger sowie für Systeme, Bauteile und selbstständige technische Einheiten für diese Fahrzeuge (EG-Fahrzeuggenehmigungsverordnung) (ir-Regolament dwar l-approvazzjoni tat-tip KE ta’ vetturi bil-mutur, il-karrijiet u s-sistemi tagħhom, il-komponenti u l-unitajiet tekniċi maħsuba għal dawn il-vetturi (Regolament dwar l-approvazzjoni tat-tip KE ta’ vetturi bil-mutur), iktar ’il quddiem l-“EG‑FGV”):

“Sabiex jirrimedja għal difetti li jkunu tfaċċaw u biex jiżgura l-konformità ta’ vetturi li diġà jkunu tqiegħdu fis-servizz, ta’ komponenti jew ta’ unitajiet tekniċi, (il-Kraftfahrt-Bundesamt (l-Uffiċċju Federali għat-Traffiku tal-Vetturi bil-Mutur, il-Ġermanja, iktar ’il quddiem il-“KBA”)) jista’ jadotta a posteriori dispożizzjonijiet addizzjonali.”

III. Il‑kawżi prinċipali, id‑domandi preliminari u l‑proċeduri quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja

A.   Il‑Kawża C‑128/20

45.

Fid‑9 ta’ Jannar 2011, GSMB Invest GmbH Co. KG ikkonkludiet kuntratt ta’ bejgħ ma’ Auto Krainer Gesellschaft mbH għal vettura bil-mutur tat-trade mark Volkswagen, mudell VW Caddy Maxi Confortline 4MOTION, mgħammra b’magna diesel tat-tip EA 189 ta’ ġenerazzjoni Euro 5 u b’ċilindrata ta’ 2 litri (iktar ’il quddiem il-“vettura 1”). Din il-vettura għandha valv tal-EGR.

46.

Fis‑27 ta’ Diċembru 2017, GSMB Invest ippreżentat rikors quddiem il-Landesgericht Klagenfurt (il-Qorti Reġjonali ta’ Klagenfurt, l-Awstrija), il-qorti tar-rinviju, sabiex tikseb l-annullament ta’ dan il-bejgħ, abbażi tal-Artikolu 879(1) u tal-Artikolu 932(4) tal-ABGB, permezz tal-ħlas ta’ kumpens għall-użu.

47.

Quddiem din il-qorti, GSMB Invest argumentat li, fid-data tal-imsemmi bejgħ, hija kienet ħasbet li xtrat vettura ġdida li ma tagħmilx ħsara lill-ambjent u li, b’mod partikolari, l-emissjonijiet tal-gassijiet tal-egżost tagħha jissodisfaw l-istandards legali. Madankollu, wara l-aġġornament tas-software integrat fil-kompjuter li jikkontrolla l-magna mgħammar fil-vettura 1 (iktar ’il quddiem is-“software inkwistjoni”), magħmul minn Volkswagen, il-purifikazzjoni tal-gass tal-egżost tiġi diżattivata f’temperatura esterna ta’ inqas minn 15 °Celsius u temperatura esterna ta’ iktar minn 33 °Celsius kif ukoll f’altitudni ta’ ċirkulazzjoni ta’ iktar minn 1000 metru (iktar ’il quddiem it-“tieqa ta’ temperaturi”). Din it-tieqa tikkostitwixxi sistema illegali peress li l-ebda waħda mid-derogi għall-projbizzjoni ta’ apparat ta’ manipulazzjoni, kif previsti fl-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 715/2007, ma tippermetti li din tiġi ġġustifikata. Għalhekk, dan it-tnaqqis tal-purifikazzjoni tal-gass tal-egżost ma jservix sabiex jipproteġi l-magna tal-vettura 1 fl-assenza ta’ ħsara diretta lill-imsemmija magna.

48.

Auto Krainer wieġbet li l-manifatturi kollha tal-vetturi diesel tal-kategorija Euro 5 jużaw tieqa ta’ temperaturi. Il-KBA, jiġifieri l-awtorità ta’ approvazzjoni tat-tip KE fil-Ġermanja, dejjem qieset din it-tieqa bħala proċess legali, fis-sens tar-Regolament Nru 715/2007. Barra minn hekk, meta ċċekkja s-software inkwistjoni, il-KBA allegatament sab, wara eżami fid-dettall, li l-aġġornament ma kellu ebda impatt negattiv fuq is-sostenibbiltà tal-apparati li jnaqqsu t-tniġġis tal-arja.

49.

Skont il-qorti tar-rinviju, mill-punt 10 tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 715/2007 jirriżulta li t-tieqa ta’ temperaturi hija apparat ta’ manipulazzjoni illegali, fis-sens ta’ dan ir-regolament. Fil-fatt, fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri tal-Unjoni, b’mod partikolari fl-Awstrija u fil-Ġermanja, it-temperatura ambjentali tkun spiss taħt il-15‑il grad Celsius matul is-sena u, fid-dawl tat-topografija ta’ dawn l-Istati, il-vetturi jiċċirkulaw ħafna drabi f’altitudni ogħla minn 1000 metru, b’tali mod li dawn il-kundizzjonijiet iseħħu waqt it-“tħaddim u l-użu normali ta’ vettura”, fis-sens tal-imsemmi tal-punt 10 tal-Artikolu 3. Id-deroga relatata mal-protezzjoni tal-magna prevista fl-Artikolu 5(2)(a) ta’ dan ir-regolament, ma tistax għalhekk eventwalment isservi bħala bażi legali għal apparat ta’ manipulazzjoni li huwa attivat f’kundizzjonijiet “normali” ta’ użu tal-vetturi.

50.

Il-qorti tar-rinviju żżid li, skont il-punt 9 tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 692/2008, l-apparat ta’ wara t-trattament tan-NOx għandu jilħaq temperatura għolja biżżejjed għal tħaddim effiċjenti fl-400 sekonda wara startjar fil-kesħa f’‑7 °Celsius kif deskritt fit-test tat-tip 6. L-awtoritajiet kompetenti ma jistgħux jagħtu approvazzjoni tat-tip KE meta dawn il-kundizzjonijiet ma jkunux stabbiliti b’mod suffiċjenti. Mill-oneru tal-prova hekk stabbilit jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni kkunsidra li tieqa ta’ temperaturi ma tistax tiġi ġġustifikata jekk ma tissodisfax tali kundizzjonijiet.

51.

Għaldaqstant, it-tieqa ta’ temperaturi, fid-dawl tal-kundizzjonijiet ta’ temperatura u ta’ altitudni magħżula, ma hijiex kompletament operattiva f’kundizzjonijiet normali ta’ tħaddim.

52.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Landesgericht Klagenfurt (il-Qorti Reġjonali ta’ Klagenfurt) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 5(1) tar-Regolament [Nru 715/2007] għandu jiġi interpretat fis-sens li tagħmir ta’ vettura fis-sens tal-Artikolu 1(1) [ta’ dan ir-regolament], huwa pprojbit meta l-valv tar-riċirkolazzjoni tal-gass tal-egżost, jiġifieri komponent li jista’ jaffettwa l-emissjonijiet, ikun iddiżinjat b’mod li r-rata tar-riċiklaġġ tal-gass tal-egżost, jiġifieri l-proporzjon tal-gass tal-egżost li jiġi rriċiklat, tkun irregolata b’mod li dan il-valv jiżgura mod ta’ funzjonament li jippermetti livell baxx ta’ tniġġis biss bejn 15 u 33 grad Celcius u biss f’altitudni ta’ inqas minn 1000 metru, filwaqt li f’temperatura li ma taqax f’din il-firxa ta’ temperaturi, b’marġni ta’ 10 gradi Celcius, u f’altitudni ta’ iktar minn 1000 metru, b’marġni ta’ 250 metru, din ir-rata tonqos b’mod lineari għal 0, b’tali mod li l-emissjonijiet ta’ NOx jiżdiedu tant li jaqbżu l-valuri ta’ limitu stabbiliti mir-Regolament Nru 715/2007?

2)

L-espressjoni ‘għal raġunijiet ta’ protezzjoni tal-magna mill-ħsara jew inċidenti’ li tinsab fl-Artikolu 5(2) tar-Regolament [Nru 715/2007] għandha tiġi interpretata fis-sens li strateġija dwar il-gassijiet tal-egżost li tkun prinċipalment intiża li tipproteġi komponenti bħalma huma l-valv [għar-riċiklaġġ tal-gass tal-egżost] [(Exhaust Gas recirculation (EGR)] [iktar ’il quddiem il-‘valv tal-EGR’ ( 14 )], l-apparat li jkessaħ il-gass tal-egżost li jkun irriċirkolat u l-filtru tal-partikoli tad-diżil, ma tissodisfax il-kundizzjonijiet għal deroga?

3)

L-Artikolu 5(1) tar-Regolament [Nru 715/2007] għandu jiġi interpretat fis-sens li strateġija dwar il-gassijiet tal-egżost li tiggarantixxi l-effettività funzjonali sħiħa ta’ tagħmir għat-tnaqqis tal-emissjonijiet biss f’firxa ta’ temperaturi bejn 15 u 33 grad Celcius u f’altitudni ta’ inqas minn 1000 m (l-hekk imsejħa ‘tieqa ta’ temperatura’) u li għalhekk ma tiffunzjonax kompletament fl-Ewropa, u b’mod partikolari fl-Awstrija, matul il-parti l-kbira tas-sena, ma tissodisfax il-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 5(1) dwar l-użu normali tal-vettura u għalhekk tikkostitwixxi apparat ta’ manipulazzjoni li ma huwiex aċċettabbli?”

53.

Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn GSMB Invest, Auto Krainer, il-Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni Ewropea. L-istess partijiet wieġbu wkoll bil-miktub għad-domandi magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja.

B.   Il‑Kawża C‑134/20

54.

Fis-sena 2013, IR, konsumatur, xtara vettura bil-mutur tad-ditta Volkswagen, mudell VW Touran ConforTline BMT, mgħammra b’magna diesel tat-tip EA 189 tal-ġenerazzjoni Euro 5, b’ċilindrata ta’ 1.6 litri u b’kapaċità ta’ 77 kW (iktar ’il quddiem il-“vettura 2”). Din il-vettura għandha valv tal-EGR.

55.

Il-vettura 2 kienet tinkludi, oriġinarjament, software integrat fil-kompjuter li jikkontrolla l-magna li jinkludi “mod 0” u “mod 1” (iktar ’il quddiem is-“sistema ta’ kommutazzjoni”). Il-mod 1 intuża għat-test ta’ approvazzjoni tal-emissjonijiet ta’ inkwinanti, imsejjaħ “New European Driving Cycle” (NEDC), li jsir fil-laboratorju. Fl-assenza tal-kundizzjonijiet karatteristiċi ta’ dan it-test ta’ approvazzjoni, kien jibda japplika l-“mod 0” u, f’dan il-każ, ir-rata ta’ riċirkolazzjoni tal-gass tal-egżost kienet tonqos u l-mument kif ukoll it-tul tal-injezzjoni kienu jinbidlu. Fil-funzjonament reali, il-vettura 2 kienet tkun kważi esklużivament fil-“mod 0”, bil-konsegwenza li ma kinitx tosserva l-valuri limitu ta’ NOx previsti mir-Regolament Nru 715/2007. Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li s-sistema ta’ kommutazzjoni kienet tikkostitwixxi, għaldaqstant, apparat ta’ manipulazzjoni illegali, fis-sens tal-Artikolu 5(1) u (2) ta’ dan ir-regolament.

56.

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta wkoll li l-vettura 2 hija teknikament affidabbli u tista’ tintuża fil-kuntest tat-traffiku fit-toroq. Madankollu, li kieku IR kien ġie informat li din il-vettura ma kinitx konformi mar-rekwiżiti legali, minħabba s-software li bih hija mgħammra, ma kienx jixtriha.

57.

Permezz ta’ ittra tat‑8 ta’ Ottubru 2015, l-importatur ġenerali tal-vetturi tat-trade mark Volkswagen fl-Awstrija informa lil IR li kellhom isiru xi modifiki fil-vettura 2 u li l-manifattur kien ser iħallas l-ispejjeż kollha relatati mal-miżuri ta’ tiswija meħtieġa f’dan ir-rigward. Sussegwentement, IR ġie mistieden sabiex is-software inkwistjoni jiġi installat fil-vettura 2, liema proċess sar.

58.

Dan l-aġġornament kellu l-għan li jistabbilixxi t-tieqa ta’ temperaturi. Il-KBA ta awtorizzazzjoni għas-software inkwistjoni u għalhekk ma rtirax l-approvazzjoni tat-tip KE. F’dan ir-rigward, huwa kkonstata b’mod partikolari l-assenza ta’ apparat ta’ manipulazzjoni illegali, fis-sens tar-Regolament Nru 715/2007. Il-KBA ma kellu ebda informazzjoni dwar dan is-software, peress li huwa ma talabx li din tingħatalu.

59.

IR ippreżenta rikors quddiem il-Landesgericht Eisenstadt (il-Qorti Reġjonali ta’ Eisenstadt, l-Awstrija), il-qorti tar-rinviju, sabiex jikseb l-annullament tal-bejgħ tal-vettura 2 abbażi tal-Artikolu 871 tal-ABGB.

60.

Skont il-qorti tar-rinviju, ma huwiex possibbli li jiġi ddeterminat jekk it-tieqa ta’ temperaturi hijiex neċessarja għall-protezzjoni tal-magna tal-vettura 2 kontra ħsara u lanqas li jiġi ddeterminat jekk is-software inkwistjoni jiddeterjorax il-konsum, il-produzzjoni ta’ nugrufun, is-saħħa u l-kilometraġġ globali ta’ din il-vettura. Lanqas ma huwa possibbli li jiġi ddeterminat jekk, kieku l-aġġornament ta’ dan is-software sar mingħajr tieqa ta’ temperaturi, ir-rekwiżiti previsti mir-Regolament Nru 715/2007 fil-qasam tas-sostenibbiltà tal-apparat għall-kontroll tat-tniġġis, kif previsti fl-Artikolu 4(2) ta’ dan ir-regolament, ikunux osservati, u lanqas jekk il-valur fis-suq tal-imsemmija vettura naqasx wara li sar dan l-aġġornament.

61.

Il-qorti tar-rinviju żżid li, skont id-dritt Awstrijak, il-kontroparti tal-persuna li l-kunsens tagħha kien ivvizzjat bi żball sostanzjali tista’ tevita l-konsegwenzi legali ta’ dan l-iżball billi żżomm it-tranżazzjoni bħalma l-persuna li l-kunsens tagħha kien ivvizzjat ħasbet li tikkonkludiha. Din tal-aħħar, għalhekk, ma jkollhiex iktar interess ġuridiku. Din il-qorti tqis li s-sistema ta’ kommutazzjoni mgħammra oriġinarjament fil-vettura 2, ma hijiex konformi mad-dritt tal-Unjoni. Volkswagen issostni li l-installazzjoni tas-software inkwistjoni fuq din il-vettura ssodisfat lil IR u ċaħħdet lil dan tal-aħħar mill-interess ġuridiku tiegħu, fatt li dan tal-aħħar jikkontesta.

62.

Il-qorti tar-rinviju tindika li, sabiex tingħata deċiżjoni, għandu jiġi ddeterminat jekk is-software inkwistjoni jikkostitwixxix soluzzjoni teknika konformi mar-rekwiżiti previsti mid-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari mir-Regolamenti Nri 715/2007 u 692/2008. Huwa biss fl-affermattiv li l-kuntratt ta’ bejgħ tal-vettura 2 ma jiġix annullat u li, għaldaqstant, ir-rikors ta’ IR ikollu jiġi miċħud.

63.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Landesgericht Eisenstadt (il-Qorti Reġjonali ta’ Eisenstadt) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 5(1) tar-Regolament [Nru 715/2007] għandu jiġi interpretat fis-sens li tagħmir ta’ vettura fis-sens tal-Artikolu 1(1) [ta’ dan ir-regolament], huwa pprojbit meta l-valv tar-riċirkolazzjoni tal-gass tal-egżost, jiġifieri komponent li jista’ jaffettwa l-emissjonijiet, ikun iddiżinjat b’mod li r-rata tar-riċiklaġġ tal-gass tal-egżost, jiġifieri l-proporzjon tal-gass tal-egżost li jiġi rriċiklat, tkun irregolata b’mod li dan il-valv jiżgura mod ta’ funzjonament li jippermetti livell baxx ta’ tniġġis biss bejn 15 u 33 grad Celcius u biss f’altitudni ta’ inqas minn 1000 metru, filwaqt li f’temperatura li ma taqax f’din il-firxa ta’ temperaturi, b’marġni ta’ 10 gradi Celcius, u f’altitudni ta’ iktar minn 1000 metru, b’marġni ta’ 250 metru, din ir-rata tonqos b’mod lineari għal 0, b’tali mod li l-emissjonijiet ta’ NOx jiżdiedu tant li jaqbżu l-valuri ta’ limitu stabbiliti mir-Regolament Nru 715/2007?

2)

Għall-finijiet tar-risposta għall-ewwel domanda, huwa rilevanti jekk it-tagħmir ta’ vettura msemmi fl-ewwel domanda huwiex meħtieġ sabiex jipproteġi lill-magna minn ħsara?

3)

Għall-finijiet tar-risposta għat-tieni domanda, huwa barra minn hekk rilevanti jekk il-komponent tal-magna li għandu jiġi protett mill-ħsara jkun il-valv tar-riċirkolazzjoni tal-gass tal-egżost?

4)

Għall-finijiet tar-risposta għall-ewwel domanda, huwa rilevanti jekk it-tagħmir ta’ vettura msemmi fl-ewwel domanda jkunx diġà ġie installat fil-vettura fil-mument tal-manifattura tagħha jew jekk ir-regolazzjoni fuq il-valv tar-riċirkolazzjoni tal-gass tal-egżost deskritta fl-ewwel domanda għandhiex titwettaq fuq il-vettura bħala tiswija fis-sens tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva [1999/44]?”

64.

IR, Volkswagen, il-Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. L-istess partijiet wieġbu wkoll bil-miktub għad-domandi magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja.

C.   Il‑Kawża C‑145/20

65.

Fil‑21 ta’ Diċembru 2013, DS, konsumatur, xtara vettura bil-mutur tat-trade mark Volkswagen mgħammra b’magna diesel tat-tip EA 189 tal-ġenerazzjoni Euro 5, mingħand Porsche Inter Auto GmbH & Co. KG, konċessjonarju indipendenti ta’ Volkswagen (iktar ’il quddiem il-“vettura 3”). Din il-vettura, li għandha valv tal-EGR, taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 715/2007.

66.

L-imsemmija vettura kien fiha software li kien iħaddem is-sistema ta’ riċirkolazzjoni tal-gass tal-egżost skont is-sistema ta’ kommutazzjoni. It-tip ta’ vettura inkwistjoni ġie approvat mill-KBA. Il-preżenza tas-sistema ta’ kommutazzjoni ma kinitx ġiet żvelata lil dan il-korp. Kieku dan tal-aħħar kien jaf b’din is-sistema, ma kienx jagħti l-approvazzjoni tat-tip KE. Barra minn hekk, DS kien jixtri l-vettura anki kieku kien jaf bil-preżenza tal-imsemmija sistema.

67.

Fil‑15 ta’ Ottubru 2015, il-KBA adotta deċiżjoni, skont l-Artikolu 25(2) tal-EG-FGV, li permezz tagħha, fost l-oħrajn, ordna lil Volkswagen tiżgura l-konformità tal-magni tat-tip EA 189 tal-ġenerazzjoni Euro 5 mal-leġiżlazzjoni nazzjonali u tal-Unjoni fis-seħħ. Permezz ta’ ittra tal‑20 ta’ Diċembru 2016, il-KBA informa lil Volkswagen li huwa kkonferma li s-software inkwistjoni kien adattat sabiex jistabbilixxi mill-ġdid il-konformità tal-vetturi kkonċernati. L-approvazzjoni tat-tip KE tal-vetturi bħall-vettura 3 la ġiet irrevokata u lanqas irtirata sussegwentement mill-KBA.

68.

Fil‑15 ta’ Frar 2017, is-software inkwistjoni, kif imsemmi fl-ittra tal-KBA tal‑20 ta’ Diċembru 2016, ġie installat fil-vettura 3 ta’ DS. Dan l-aġġornament issostitwixxa s-sistema ta’ kommutazzjoni permezz tal-implimentazzjoni tat-tieqa ta’ temperaturi.

69.

DS ippreżenta rikors quddiem il-Landesgericht Linz (il-Qorti Reġjonali ta’ Linz, l-Awstrija) fejn talab ir-rimbors tal-prezz tax-xiri tal-vettura 3 inkambju għar-restituzzjoni tal-vettura, sussidjarjament, tnaqqis tal-prezz ta’ din il-vettura u, iktar sussidjarjament, li tiġi kkonstatata r-responsabbiltà ta’ Porsche Inter Auto u ta’ Volkswagen għad-danni li jirriżultaw mill-preżenza ta’ apparat ta’ manipulazzjoni illegali, fis-sens tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 715/2007. Permezz ta’ sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2018, il-Landesgericht Linz (il-Qorti Reġjonali ta’ Linz) ċaħdet ir-rikors ta’ DS.

70.

Peress li dan tal-aħħar ippreżenta appell, l-Oberlandesgericht Linz (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Linz, l-Awstrija) ikkonfermat din id-deċiżjoni permezz ta’ sentenza tal‑4 ta’ April 2019. Din il-qorti qieset b’mod partikolari li, anki jekk il-vettura 3 inizjalment kellha difett, is-software inkwistjoni kien irrimedjah. Barra minn hekk, is-sistema li tnaqqas ir-riċirkolazzjoni tal-gass tal-egżost meta t-temperatura esterna tkun inqas minn 15‑il grad Celsius jew ogħla minn 33 grad Celsius hija legali, skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 715/2007, peress li din hija meħtieġa għall-protezzjoni tal-magna kontra l-ħsara.

71.

DS ippreżenta appell għal Reviżjoni quddiem l-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija), il-qorti tar-rinviju. Quddiem din il-qorti, DS sostna li l-vettura 3 għandha difett minħabba li s-sistema ta’ kommutazzjoni tikkostitwixxi apparat ta’ manipulazzjoni illegali, fis-sens tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 715/2007. Is-software inkwistjoni allegatament ma rrimedjax dan id-difett. Fil-futur jista’ jkollu telf fil-valur, kif ukoll danni sussegwenti kkawżati mill-installazzjoni ta’ dan is-software.

72.

Porsche Inter Auto u Volkswagen irrikonoxxew quddiem il-qorti tar-rinviju li t-tieqa ta’ temperaturi tikkostitwixxi apparat ta’ manipulazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 3(10) tar-Regolament Nru 715/2007. Huma sostnew li dan l-apparat huwa legali, skont l-Artikolu 5(2) ta’ dan ir-regolament, u li l-KBA jikkondividi din l-evalwazzjoni.

73.

Il-qorti tar-rinviju tindika li hija mitluba tiddeċiedi fuq il-punti dwar jekk il-vettura 3 kellhiex difett fil-jum tal-kunsinna tagħha, jekk dan id-difett ġiex irrimedjat u jekk DS ġarrabx dannu li seta’ ġie kkawżat mill-manifattur tal-vetturi kkonċernat.

74.

Skont din il-qorti, is-sistema ta’ kommutazzjoni tikkostitwixxi apparat ta’ manipulazzjoni illegali, fis-sens tal-punt 10 tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 715/2007, moqri flimkien mal-Artikolu 5(1) u (2) ta’ dan ir-regolament. Fi kwalunkwe każ, il-vettura 3 fiha difett, fis-sens tal-Artikolu 922 tal-ABGB, minħabba l-fatt li l-preżenza ta’ dan l-apparat ta’ manipulazzjoni ma ġietx żvelata lill-KBA.

75.

Peress li dan tal-aħħar approva s-software inkwistjoni, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, qabelxejn, jekk din l-approvazzjoni hijiex biżżejjed, waħedha, sabiex isir it-titjib tal-oġġett mixtri, fis-sens tal-Artikolu 932(1) tal-ABGB. Skont din il-qorti, għandu jiġi preżunt li, fil-każ ta’ prodott bħal vettura bil-mutur, li huwa magħruf li jrid jissodisfa rekwiżiti regolatorji, il-konsumatur medju, normalment informat u raġonevolment attent u avżat, jistenna li dawn ir-rekwiżiti jiġu osservati. Il-fatt li l-vetturi għandhom jgħaddu minn proċedura ta’ approvazzjoni tat-tip KE mhux neċessarjament jostakola dan il-qari tal-Artikolu 2(2)(d) tad-Direttiva 1999/44. Interpretazzjoni f’dan is-sens ikollha l-konsegwenza li l-bejjiegħ ta’ vettura bil-mutur mhux biss ikollu jiggarantixxi l-eżistenza tal-approvazzjoni tat-tip KE neċessarja għall-użu normalment mistenni, fis-sens tal-Artikolu 922 tal-ABGB, iżda wkoll li din il-vettura ma jkollhiex elementi ta’ disinn illegali.

76.

Sussegwentement, fl-ipoteżi fejn it-tentattiv ta’ titjib magħmul bl-installazzjoni tas-software inkwistjoni ma jkunx irnexxa, anki jekk il-KBA la rrevoka u lanqas ma rtira l-approvazzjoni tat-tip KE, għandu jiġi eżaminat jekk il-vettura 3 għadhiex mgħammra b’apparat ta’ manipulazzjoni illegali, fis-sens tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 715/2007. Skont il-qorti tar-rinviju, l-għan tal-ħarsien tal-ambjent jimmilita favur interpretazzjoni stretta tad-derogi previsti fl-Artikolu 5(2) ta’ dan ir-regolament. Barra minn hekk, huwa magħruf li, f’parti mit-territorju tal-Unjoni, b’mod partikolari fl-Awstrija, it-temperatura medja tkun inqas minn 15‑il grad Celsius għal ħafna xhur fis-sena. It-temperatura esterna li fiha r-riċirkolazzjoni tal-gass tal-egżost ta’ tip bħal dak tal-vettura 3 tkun kompletament effettiva fil-medja ma tintlaħaqx fil-parti l-kbira tas-sena. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma huwiex possibbli li apparat ta’ manipulazzjoni li jaħdem b’mod daqshekk frekwenti jiġi ġġustifikat b’waħda mid-derogi previsti fl-Artikolu 5(2) tal-imsemmi regolament.

77.

Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju tirrileva li, waqt l-eżami tal-klassifikazzjoni eventwali ta’ nuqqas “minuri”, li jeskludi r-revoka skont l-Artikolu 932(4) tal-ABGB, għandu jsir ibbilanċjar oġġettiv tal-interessi tal-partijiet, fid-dawl tal-kuntratt li huma kkonkludew u taċ-ċirkustanzi tal-każ. Madankollu, l-Artikolu 3(6) tad-Direttiva 1999/44 ikun daqstant inekwivoku biss fil-preżenza ta’ att ċar.

78.

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 2(2)(d) tad-Direttiva [1999/44] għandu jiġi interpretat fis-sens li vettura bil-mutur li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament [Nru 715/2007] jkollha l-kwalità li hija normali għal prodotti tal-istess tip u li tista’ tkun raġonevolment mistennija mill-konsumatur meta l-vettura tkun mgħammra b’apparat ta’ manipulazzjoni pprojbit fis-sens tal-punt 10 tal-Artikolu 3 u tal-Artikolu 5(2) [ta’ dan ir-regolament] u li, minkejja dan, ikollha approvazzjoni tat-tip KE valida b’tali mod li tkun tista’ tintuża fit-triq?

2)

L-Artikolu 5(2)(a) tar-Regolament Nru 715/2007 għandu jiġi interpretat fis-sens li apparat ta’ manipulazzjoni fis-sens tal-punt 10 tal-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament, li jkun iddiżinjat b’mod li, f’kuntest li ma jkunx dak ta’ test f’kundizzjonijiet ta’ laboratorju, u għalhekk f’kundizzjonijiet ta’ sewqan reali, ir-riċiklaġġ tal-gassijiet tal-egżost jiffunzjona b’mod sħiħ biss jekk it-temperatura esterna tkun bejn 15 u 33 grad Celcius, jista’ jkun aċċettabbli taħt l-Artikolu 5(2)(a) ta’ dan ir-regolament, jew l-applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni ta’ deroga hija eskluża minħabba li l-effettività sħiħa tar-riċiklaġġ tal-gassijiet tal-egżost hija limitata għal kundizzjonijiet li, f’parti mill-Unjoni Ewropea, jeżistu biss f’madwar sitt xhur fis-sena?

3)

L-Artikolu 3(6) tad-Direttiva 1999/44 għandu jiġi interpretat fis-sens li nuqqas ta’ konformità li jirriżulta mill-fatt li vettura tkun mgħammra b’apparat ta’ manipulazzjoni pprojbit fis-sens tal-punt 10 tal-Artikolu 3 flimkien mal-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 715/2007 għandu jiġi kklassifikat bħala wieħed minuri fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni meta x-xerrej tal-vettura kien xorta waħda jixtriha li kieku kien jaf bl-eżistenza u bil-funzjonament ta’ dan l-apparat?”

79.

DS, Porsche Inter Auto, il-Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. L-istess partijiet wieġbu wkoll bil-miktub għad-domandi magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja ( 15 ).

IV. Analiżi

80.

Id-domandi magħmula mill-qrati tar-rinviju jirrigwardaw, minn naħa, l-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 715/2007 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur fir-rigward tal-emissjonijiet ta’ sustanzi li jniġġsu ( 16 ), u, min-naħa l-oħra, dik tad-Direttiva 1999/44, li hija intiża sabiex tiżgura protezzjoni uniformi minima tal-konsumaturi fil-kuntest tas-suq intern.

A.   Fuq l‑ewwel u t‑tielet domanda fil‑Kawża C‑128/20, l‑ewwel domanda fil‑Kawża C‑134/20 kif ukoll fuq l‑ewwel parti tat‑tieni domanda fil‑Kawża C‑145/20

81.

Permezz tal-ewwel u t-tielet domanda fil-Kawża C‑128/20, l-ewwel domanda fil-Kawża C‑134/20, kif ukoll l-ewwel parti tat-tieni domanda fil-Kawża C‑145/20, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qrati tar-rinviju jistaqsu, essenzjalment, jekk il-punt 10 tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 715/2007, moqri flimkien mal-Artikolu 5(1) ta’ dan ir-regolament, għandux jiġi interpretat fis-sens li apparat li, f’kundizzjonijiet ta’ sewqan reali ta’ vettura bil-mutur, ma jiżgurax kompletament ir-riċirkolazzjoni tal-gass tal-egżost ħlief meta t-temperatura ta’ barra tkun bejn 15 u 33 grad Celsius u l-altitudni taċ-ċirkulazzjoni tkun inqas minn 1000 metru, filwaqt li barra minn din il-firxa ta’ temperaturi, b’marġni ta’ 10 gradi Celcius, u f’altitudni ta’ iktar minn 1000 metru, b’marġni ta’ 250 metru, ir-rata ta’ riċirkolazzjoni tal-gass tal-egżost tonqos b’mod lineari għal 0, b’tali mod li l-emissjonijiet ta’ NOx jiżdiedu tant li jaqbżu l-valuri ta’ limitu stabbiliti mill-imsemmi regolament, jikkostitwixxi “apparat ta’ manipulazzjoni”.

82.

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-punt 10 tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 715/2007 jiddefinixxi “apparat ta’ manipulazzjoni” bħala kull element tad-disinn li jħoss it-temperatura, il-veloċità tal-vettura, id-dawrien tal-magna (RPM), it-transmission gear, il-vakwu fil-manifold jew parametru ieħor bl-iskop li jattiva, jimmodula, jittardja jew iwaqqaf il-funzjonament ta’ xi parti mis-sistema ta’ kontroll tal-emissjonijiet, li tnaqqas l-effikaċja tas-sistema ta’ kontroll tal-emissjonijiet taħt kundizzjonijiet li wieħed raġonevolment jistenna li jiltaqa’ magħhom waqt il-funzjonament u l-użu normali ta’ vettura.

83.

Fis-sentenza X, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet għall-ewwel darba dwar l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni. Il-kawża li tat lok għal din is-sentenza kienet tirrigwarda vetturi bil-mutur mgħammra b’valv tal-EGR u b’software li jista’ jidentifika l-fażi ta’ approvazzjoni relatata mal-emissjonijiet ta’ inkwinanti, fil-kuntest tan-NEDC u biex jiġu approvati ( 17 ). F’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li software integrat fil-kompjuter li jikkontrolla l-magna jew li jaġixxi fuqha, jista’ jitqies bħala “element tad-disinn”, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, ladarba jaġixxi fuq il-funzjonament tas-sistema ta’ kontroll tal-emissjonijiet u jnaqqas l-effettività tagħha ( 18 ). Fl-istess sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-kunċett ta’ “sistema ta’ kontroll tal-emissjonijiet”, fis-sens tal-istess dispożizzjoni, jinkludi kemm it-teknoloġiji u l-istrateġija msejħa “ta’ trattament sussegwenti tal-gass tal-egżost” li jnaqqsu l-emissjonijiet fi stadju sussegwenti, jiġifieri wara l-formazzjoni tagħhom, kif ukoll dawk li, bħas-sistema tal-EGR, inaqqsu l-emissjonijiet fi stadju preċedenti, jiġifieri waqt il-formazzjoni tagħhom ( 19 ). Mis-sentenza X jirriżulta li apparat li jidentifika kull parametru marbut mal-iżvolġiment tal-proċeduri ta’ approvazzjoni previsti mir-Regolament Nru 715/2007, sabiex titjieb il-prestazzjoni, matul dawn il-proċeduri, tas-sistema ta’ kontroll tal-emissjonijiet, u hekk tinkiseb l-approvazzjoni tal-vettura, jikkostitwixxi “apparat ta’ manipulazzjoni”, fis-sens tal-punt 10 tal-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament, anki jekk tali titjib jista’ jiġi osservat, f’ċirkustanzi speċifiċi, f’kundizzjonijiet ta’ użu normali tal-vettura ( 20 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet tgħid li tali apparat ma jistax jaqa’ taħt l-eċċezzjoni għall-projbizzjoni ta’ tali apparati prevista fl-Artikolu 5(2)(a) ta’ dan ir-regolament, dwar il-protezzjoni tal-magna minn ħsara jew inċident u għat-tħaddim fis-sigurtà tal-vettura ( 21 ).

84.

Dawn il-kawżi huma estensjoni tal-kawża li tat lok għas-sentenza X sa fejn, fil-kuntest tal-approvazzjoni tat-tip KE, huma jirrigwardaw vetturi tal-ġenerazzjoni Euro 5 mgħammra b’valv tal-EGR u bis-software inkwistjoni, li jaġixxi fuq il-funzjonament tas-sistema ta’ kontroll tal-emissjonijiet ta’ inkwinanti u jnaqqas l-effettività tagħha. Fil-fatt, dan is-software stabbilixxa t-tieqa ta’ temperaturi, li permezz tagħha, skont il-qrati tar-rinviju, ir-riċirkolazzjoni tal-gass tal-egżost taħdem kompletament biss jekk it-temperatura esterna tkun bejn 15 u 33 grad Celsius u l-altitudni ta’ ċirkulazzjoni tkun inqas minn 1000 metru. Barra minn din it-tieqa, ir-rata ta’ riċirkolazzjoni tal-gass tal-egżost tonqos b’mod lineari għal 0, li, f’dan il-każ, iwassal għall-qbiż tal-valuri limitu ta’ emissjonijiet stabbiliti għan-NOx mit-Tabella 1 tal-Anness I tar-Regolament Nru 715/2007.

85.

Auto Krainer u Volkswagen isostnu rispettivament, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom fil-Kawżi C‑128/20 u C‑134/20, li, skont il-funzjonament tas-software inkwistjoni, tnaqqis tar-rata ta’ riċirkolazzjoni tal-gass tal-egżost huwa previst meta t-temperatura tal-arja li tidħol fil-magna tkun inqas minn 15‑il grad Celsius, peress li din it-temperatura hija parametru tekniku 5 gradi Celsius ogħla, fil-medja, mit-temperatura ambjentali. Konsegwentement, il-gass tal-egżost kollu jiġi rriċirkolat sakemm it-temperatura ambjentali tkun 10 gradi Celsius jew ogħla, jiġifieri fil-medda tat-temperatura annwali medja fil-Ġermanja, jiġifieri 10.4 gradi Celsius.

86.

F’dan ir-rigward, infakkar li, fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 267 TFUE, ibbażata fuq separazzjoni ċara tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, hija biss il-qorti nazzjonali li għandha ġurisdizzjoni sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti tal-kawża prinċipali kif ukoll sabiex tinterpreta u tapplika d-dritt nazzjonali ( 22 ). Għaldaqstant, f’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja hija marbuta bil-konstatazzjoni u bl-evalwazzjoni tal-fatti li wettqu l-qrati tar-rinviju, barra minn hekk b’mod konsistenti, b’tali mod li Auto Krainer u Volkswagen ma jistgħux jikkontestawhom fil-kuntest ta’ dawn it-talbiet għal deċiżjoni preliminari. Konsegwentement, ser nirreferi għat-tieqa ta’ temperaturi kif ġiet iddeterminata mill-qrati tar-rinviju ( 23 ).

87.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet espressi mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza X, is-software inkwistjoni għandu jitqies bħala “element tad-disinn”, fis-sens tal-Artikolu 3(10) tar-Regolament Nru 715/2007, u t-teknoloġija użata, f’dan il-każ, il-valv tal-EGR, taqa’ taħt il-kunċett ta’ “sistema ta’ kontroll tal-emissjonijiet” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni ( 24 ). Barra minn hekk, dan is-software jidentifika t-temperatura tal-arja kif ukoll parametru ieħor, jiġifieri l-altitudni taċ-ċirkulazzjoni, “bl-iskop li jattiva, jimmodula, jittardja jew iwaqqaf il-funzjonament ta’ xi parti mis-sistema ta’ kontroll ta’ l-emissjonijiet”, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni.

88.

Għaldaqstant, sabiex jiġi ddeterminat jekk, fid-dawl tad-definizzjoni adottata fil-punt 10 tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 715/2007, is-software inkwistjoni jikkostitwixxix “apparat ta’ manipulazzjoni”, għandu jiġi eżaminat jekk it-tnaqqis tal-effettività tas-sistema ta’ kontroll tal-emissjonijiet ta’ inkwinanti jseħħx “taħt kondizzjonijiet li wieħed raġonevolment jistenna li jiltaqa’ magħhom waqt it-tħaddim u l-użu normali ta’ vettura”.

89.

Fid-domandi tagħhom, il-qrati tar-rinviju ma jirreferux għall-punt 10 tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 715/2007, iżda għall-Artikolu 5(1) ta’ dan ir-regolament, li jipprovdi li l-manifattur għandu jarma l-vetturi b’tali mod li l-komponenti li jistgħu jaffettwaw l-emissjonijiet ikunu ddisinjati, mibnija u mmuntati b’mod li jippermetti lill-vetturi, “f’użu normali”, li jikkonformaw mal-imsemmi regolament u mal-miżuri ta’ implimentazzjoni tiegħu. F’dan ir-rigward, jidhirli li huwa ċar li dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet jikkompletaw u jesprimu l-istess idea, jiġifieri li, sabiex jiġi vverifikat jekk ir-rekwiżiti tekniċi komuni li jikkonċernaw l-approvazzjoni tal-vetturi bil-mutur humiex issodisfatti, għandu jsir riferiment għall-funzjonament tas-software inkwistjoni waqt l-“użu normali” tal-vetturi kkonċernati ( 25 ).

90.

Ir-Regolament Nru 715/2007 ma jiddefinixxix, fid-dispożizzjonijiet tiegħu, dan il-kunċett ta’ “użu normali”. F’tali każ, mir-rekwiżiti kemm tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll tal-prinċipju ta’ ugwaljanza jirriżulta li t-termini ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li ma tagħmel ebda riferiment espliċitu għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġu ddeterminati s-sens u l-portata tagħha, għandhom normalment jingħataw, fl-Unjoni kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi li għandha tiġi mfittxija billi jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tad-dispożizzjoni u l-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni ( 26 ).

91.

F’dan ir-rigward, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom fil-Kawżi C‑128/20 u C‑134/20, Auto Krainer u Volkswagen isostnu rispettivament li l-osservanza tal-valuri limitu għall-inkwinanti għandha tiġi ddeterminata esklużivament fil-kuntest tan-NEDC ( 27 ), fis-seħħ fid-data tal-fatti fil-kawża prinċipali ( 28 ).

92.

Jiena ma naqbilx ma’ din il-pożizzjoni. Fil-fehma tiegħi, mill-kliem tal-punt 10 tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 715/2007, mill-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni u mill-għan imfittex minn dan ir-regolament jirriżulta b’mod ċar li l-“użu normali” ma jirreferix għall-kundizzjonijiet previsti min-NEDC, iżda għall-kundizzjonijiet ta’ sewqan reali ( 29 ).

93.

Fil-fatt, l-ewwel, il-punt 10 tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 715/2007, moqri flimkien mal-Artikolu 5(1) ta’ dan ir-regolament, ma jirreferix biss għall-emissjonijiet ta’ inkwinanti mkejla matul il-proċedura ta’ approvazzjoni. Fl-istess sens, is-sentenza X irrilevat li l-“kundizzjonijiet għall-użu normali tal-vetturi jistgħu eċċezzjonalment […] jikkorrispondu għall-kundizzjonijiet ta’ sewqan applikati matul il-proċeduri ta’ approvazzjoni” u li “fil-kundizzjonijiet ta’ użu normali tal-vetturi, l-għan ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ NOx normalment ma jintlaħaqx” ( 30 ). Għaldaqstant, din is-sentenza għamlet distinzjoni espliċita bejn il-kundizzjonijiet applikati waqt il-proċeduri ta’ approvazzjoni u l-“kundizzjonijiet ta’ użu normali” u użat dawn tal-aħħar bħala riferiment sabiex tevalwa l-emissjonijiet ta’ inkwinanti.

94.

It-tieni, ċertament, skont il-premessa 17 tar-Regolament Nru 715/2007, “[m]etodu standardizzat għall-kejl tal-konsum tal-karburant u ta’ l-emissjonijiet tad-dijossidu tal-karbonju mill-vetturi huwa meħtieġ biex jiżgura li ebda ostakli tekniċi għall-kummerċ ma jinħolqu bejn l-Istati Membri”. Madankollu, il-kundizzjonijiet applikati waqt il-proċeduri ta’ approvazzjoni ma jistgħux, f’dak li jirrigwarda n-NEDC, ikunu ekwivalenti għall-kundizzjonijiet ta’ sewqan reali ( 31 ). F’dan is-sens, il-premessa 2 tar-Regolament 2016/427 tgħid li “[…] l-emissjonijiet iġġenerati minn sewqan reali fit-triq ta’ vetturi Euro 5/6 jaqbżu sostanzjalment l-emissjonijiet imkejla fuq [in-NEDC] regolatorju, b’mod partikolari fir-rigward tal-emissjonijiet tal-NOx minn vetturi diesel”. Din is-sitwazzjoni wasslet għall-emenda tar-Regolament Nru 692/2008, permezz tar-Regolament 2016/427, sabiex jiġi introdott il-kunċett ta’ “emissjonijiet f’sewqan reali (RDE)” ( 32 ), iddefiniti bħala l-“emissjonijiet minn vettura f’kundizzjonijiet normali tal-użu” ( 33 ).

95.

It-tielet, l-interpretazzjoni li tgħid li hemm lok li jsir riferiment għall-kundizzjonijiet ta’ sewqan reali u mhux għal dawk previsti min-NEDC hija kkorroborata mill-għan imfittex mir-Regolament Nru 715/2007, li huwa li jiggarantixxi livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent ( 34 ). Għalhekk huwa meħtieġ li tiġi żgurata limitazzjoni effettiva tal-emissjonijiet ta’ NOx.

96.

F’dan il-każ, kif ġie stabbilit fil-punt 84 ta’ dawn il-konklużjonijiet, is-software inkwistjoni huwa maħsub sabiex ir-riċirkolazzjoni tal-gass tal-egżost taħdem kompletament biss jekk it-temperatura esterna tkun bejn 15 u 33 grad Celsius u l-altitudni ta’ ċirkulazzjoni tkun inqas minn 1000 metru. Peress li l-emissjonijiet ta’ NOx għandhom jitkejlu f’kundizzjonijiet ta’ sewqan reali, jista’ jitqies li din it-tieqa ta’ temperaturi hija rappreżentattiva ta’ tali kundizzjonijiet ta’ sewqan fl-Ewropa?

97.

Fl-opinjoni tiegħi, dan ma huwiex il-każ. Bla dubju, jeżistu differenzi kbar fil-klima bejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar tal-Ewropa. Madankollu, temperatura minima ta’ 15‑il grad Celsius ma tikkorrispondix għall-kundizzjonijiet klimatiċi medji li jistgħu jeżistu fl-Ewropa. Bl-istess mod, it-topografija tal-Unjoni xejn ma hija uniformi.

98.

F’dan is-sens, il-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑128/20 tenfasizza li, fl-Awstrija u fil-Ġermanja (li huma Stati Membri li jinsabu ġeografikament fil-qalba tal-Unjoni), it-temperatura ambjentali spiss tkun inqas minn 15‑il grad Celsius matul is-sena kollha u li, minħabba t-topografija ta’ dawn l-Istati, il-vetturi bil-mutur jiċċirkulaw ħafna drabi f’altitudni ta’ iktar minn 1000 metru ( 35 ). Minn dan, din il-qorti tiddeduċi, fit-tielet domanda tagħha, li t-trattament tal-gas tal-egżost li jirriżulta mit-tieqa ta’ temperaturi ma huwiex kompletament operattiv fl-Ewropa fil-parti l-kbira tas-sena, b’mod partikolari fl-Awstrija. Il-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑134/20 tagħmel l-istess konstatazzjoni.

99.

Fir-rigward tal-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑145/20, hija tirrileva li, fi Vjenna (l-Awstrija), matul is-sena 2018, it-temperatura medja kienet inqas minn 15‑il grad Celsius matul sitt xhur minn tnax. Barra minn hekk, l-istatistika uffiċjali tal-Belt ta’ Vjenna, li tirreferi għaliha din il-qorti, tindika li t-temperatura medja f’din il-belt kienet ta’ 11.6 gradi Celsius matul is-sena 2017 kif ukoll ta’ 12.4 gradi Celsius matul is-snin 2018-2019 ( 36 ).

100.

Ninnota wkoll, skont data uffiċjali, li t-temperatura medja annwali fil-Ġermanja kienet ta’ 9.6 gradi Celsius fis-sena 2017, 10.4 gradi Celsius fis-sena 2018 u 10.2 gradi Celsius fis-sena 2019 ( 37 ). F’dak li jirrigwarda Stati oħrajn li jinsabu fil-parti ċentrali tal-Unjoni, it-temperatura medja annwali fi Franza kienet ta’ 13.4 gradi Celsius fis-sena 2017, 13.9 gradi Celsius fis-sena 2018 u 13.7 gradi Celsius fis-sena 2019 ( 38 ). Fil-każ tat-temperatura medja annwali fil-Polonja, din kienet ta’ 9 gradi Celsius fis-sena 2017, 9.8 gradi Celsius fis-sena 2018 u 10.2 gradi Celsius fis-sena 2019 ( 39 ). Dawn it-temperaturi differenti huma ferm iktar baxxi mill-15‑il grad Celsius adottati bħala l-valur baxx mit-tieqa ta’ temperaturi.

101.

Għandu jingħad ukoll li r-Regolament Nru 2017/1151, li jistabbilixxi regoli ddettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament Nru 715/2007, iddikjara, fil-punt 4.1 tal-Anness IIIA tiegħu, intitolat “Verifika tal-emissjonijiet f’sewqan reali”, li l-“prestazzjoni tal-RDE għandha tintwera billi l-vetturi jiġu ttestjati fit-triq, imħaddma skont il-mudelli ta’ sewqan normali tagħhom, il-kundizzjonijiet u l-piżijiet tat-tagħbija” u li t-“test tal-RDE għandu jkun rappreżentattiv għal vetturi mħaddma fuq ir-rotot ta’ sewqan reali tagħhom bit-tagħbija li hija normali għalihom”. Il-punt 5.2 ta’ dan l-anness jiddefinixxi l-kundizzjonijiet ambjentali għall-verifika tal-emissjonijiet f’kundizzjonijiet ta’ sewqan reali fil-kuntest ta’ dan it-test.

102.

Anki jekk ir-Regolament 2017/1151 huwa sussegwenti u ma huwiex applikabbli ratione temporis għall-kawżi prinċipali, dan jikkostitwixxi riferiment għal dawn il-kawżi sa fejn huwa intiż sabiex jevalwa, b’mod iktar realistiku, il-kundizzjonijiet ta’ sewqan reali. Issa, il-medda tat-temperaturi meħuda bħala riferiment tidher ħafna iktar wiesgħa minn dik stabbilita mit-tieqa ta’ temperaturi. B’mod partikolari, it-temperatura minima meħuda inkunsiderazzjoni għall-“kundizzjonijiet ta’ temperatura moderati”, fil-punt 5.2.4 tal-Anness IIIA ta’ dan ir-regolament, hija ta’ 0 grad Celsius, ħafna inqas mill-15‑il grad Celsius tat-tieqa ta’ temperaturi. Barra minn hekk, il-“kundizzjonijiet ta’ altitudni estiżi”, imsemmija fil-punt 5.2.3 ta’ dan l-anness, jikkorrispondu għal altitudni ogħla minn 700 metru ’l fuq mil-livell tal-baħar u 1300 metru jew inqas ’il fuq mil-livell tal-baħar ( 40 ).

103.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena tal-opinjoni li l-valuri ta’ temperatura u ta’ altitudni adottati fil-kuntest tat-tieqa ta’ temperaturi ma jirrappreżentawx “użu normali”, fis-sens tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 715/2007, għall-vetturi bil-mutur fl-Unjoni. Fi kliem ieħor, is-software inkwistjoni jnaqqas l-effettività tas-sistema ta’ kontroll tal-emissjonijiet f’“kondizzjonijiet li wieħed raġonevolment jistenna li jiltaqa’ magħhom waqt it-tħaddim u l-użu normali ta’ vettura”, bil-konsegwenza li jikkostitwixxi “apparat ta’ manipulazzjoni”, fis-sens tal-punt 10 tal-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament ( 41 ).

104.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, nipproponi li tingħata risposta għall-ewwel u għat-tielet domanda fil-Kawża C‑128/20, għall-ewwel domanda fil-Kawża C‑134/20 kif ukoll għall-ewwel parti tat-tieni domanda fil-Kawża C‑145/20, li l-punt 10 tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 715/2007, moqri flimkien mal-Artikolu 5(1) ta’ dan ir-regolament, għandu jiġi interpretat fis-sens li apparat li, f’kundizzjonijiet ta’ sewqan reali ta’ vettura bil-mutur, ma jiżgurax kompletament ir-riċirkolazzjoni tal-gass tal-egżost ħlief meta t-temperatura ta’ barra tkun bejn 15 u 33 grad Celsius u l-altitudni taċ-ċirkulazzjoni tkun inqas minn 1000 metru, filwaqt li barra minn din il-firxa ta’ temperaturi, b’marġni ta’ 10 gradi Celcius, u f’altitudni ta’ iktar minn 1000 metru, b’marġni ta’ 250 metru, ir-rata ta’ riċirkolazzjoni tal-gass tal-egżost tonqos b’mod lineari għal 0, b’tali mod li l-emissjonijiet ta’ NOx jiżdiedu tant li jaqbżu l-valuri ta’ limitu stabbiliti mill-imsemmi regolament, jikkostitwixxi “apparat ta’ manipulazzjoni”.

B.   Fuq it‑tieni domanda fil‑Kawża C‑128/20, it‑tieni u t‑tielet domanda fil‑Kawża C‑134/20, kif ukoll fuq it‑tieni parti tat‑tieni domanda fil‑Kawża C‑145/20

105.

Permezz tat-tieni domanda fil-Kawża C‑128/20, it-tieni u t-tielet domanda fil-Kawża C‑134/20 kif ukoll it-tieni parti tat-tieni domanda fil-Kawża C‑145/20, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qrati tar-rinviju jistaqsu, essenzjalment, jekk l-Artikolu 5(2)(a) tar-Regolament Nru 715/2007 għandux jiġi interpretat fis-sens li apparat ta’ manipulazzjoni li ma jiżgurax kompletament ir-riċirkolazzjoni tal-gass tal-egżost ħlief meta t-temperatura ta’ barra tkun bejn 15 u 33 grad Celsius u l-altitudni taċ-ċirkulazzjoni tkun inqas minn 1000 metru jaqax taħt l-eċċezzjoni għall-projbizzjoni ta’ tali apparati prevista f’din id-dispożizzjoni dwar il-protezzjoni tal-magna kontra ħsara jew inċident u għall-funzjonament f’sigurtà sħiħa tal-vettura, jekk dan l-apparat iservi prinċipalment biex jipproteġi komponenti bħalma huma l-valv tal-EGR, l-iskambjatur tal-EGR u l-filtru tal-partikulati tad-diesel.

106.

Skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 715/2007, l-użu ta’ apparat ta’ manipulazzjoni li jnaqqas l-effettività tas-sistemi ta’ kontroll tal-emissjonijiet huwa pprojbit. Madankollu, din il-projbizzjoni tinkludi tliet eċċezzjonijiet ( 42 ), fosthom dik li tinsab fil-punt (a) ta’ din id-dispożizzjoni, jiġifieri meta l-“bżonn tat-tagħmir huwa ġustifikat għal raġunijiet ta’ protezzjoni tal-magna mill-ħsara jew inċidenti u għat-tħaddim fis-sigurtà tal-vettura” ( 43 ).

107.

Fid-dawl ta’ din il-formulazzjoni, u b’risposta għat-tieni domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑134/20, inqis li l-kwistjoni dwar jekk l-apparat ta’ manipulazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwiex neċessarju sabiex jipproteġi l-magna kontra ħsara u għat-tħaddim fis-sigurtà tal-vettura għandha effett fuq l-evalwazzjoni tal-legalità ta’ dan l-apparat. Fil-fatt, fil-fehma tiegħi, anki apparat li jnaqqas l-effettività tas-sistemi ta’ kontroll tal-emissjonijiet ta’ inkwinanti jista’ jiġi awtorizzat abbażi tal-Artikolu 5(2)(a) tar-Regolament Nru 715/2007 jekk il-kundizzjonijiet previsti f’din id-dispożizzjoni jkunu ssodisfatti.

108.

Fis-sentenza X, il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat, għall-ewwel darba wkoll, din id-dispożizzjoni. F’dan ir-rigward, hija rrilevat li l-kunċetti ta’ “ħsara” u ta’ “inċident” ma humiex iddefiniti fl-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 715/2007 u lanqas fl-artikoli l-oħrajn ta’ dan ir-regolament u li, fl-assenza ta’ kwalunkwe definizzjoni, id-determinazzjoni tat-tifsira u tal-portata ta’ dawn il-kelmiet għandha tiġi stabbilita, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, konformement mat-tifsira normali tagħhom fil-lingwaġġ kurrenti, filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest li fih jintużaw u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha jifformaw parti ( 44 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li, fis-sens abitwali tagħha fil-lingwaġġ kurrenti, il-kelma “inċident” tirreferi għal avveniment mhux previst u li jseħħ f’daqqa li joħloq ħsara jew perikoli, bħal korrimenti u mewt ( 45 ), u li l-kelma “ħsara” tirreferi, min-naħa tagħha, għal dannu li jirriżulta ġeneralment minn kawża vjolenti jew li sseħħ f’daqqa waħda ( 46 ). Konsegwentement, apparat ta’ manipulazzjoni li jnaqqas l-effettività tas-sistema ta’ kontroll tal-emissjonijiet huwa ġġustifikat peress li, skont l-imsemmi Artikolu 5(2)(a) huwa jippermetti li l-magna tiġi protetta minn danni li jseħħu f’daqqa waħda u li huma eċċezzjonali ( 47 ). Madankollu, il-fatt li magna tinstadd u tiqdiem ma jistax jitqies bħala “inċident” jew “ħsara”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, meta dawn l-avvenimenti huma, bħala prinċipju, prevedibbli u inerenti fil-funzjonament normali tal-vettura ( 48 ). Huma biss ir-riskji immedjati ta’ ħsarat li jikkawżaw perikolu konkret waqt is-sewqan tal-vettura li huma ta’ natura li jiġġustifikaw l-użu ta’ apparat ta’ manipulazzjoni ( 49 ). Minn dan il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li l-Artikolu 5(2)(a) tar-Regolament Nru 715/2007 għandu jiġi interpretat fis-sens li apparat ta’ manipulazzjoni li jtejjeb sistematikament, waqt proċeduri ta’ approvazzjoni, ir-rendiment tas-sistema ta’ kontroll tal-emissjonijiet tal-vetturi sabiex jiġu osservati l-limiti ta’ emissjoni stabbiliti minn dan ir-regolament, u għalhekk li tinkiseb l-approvazzjoni ta’ dawn il-vetturi, ma jistax jaqa’ taħt l-eċċezzjoni għall-projbizzjoni ta’ tali apparati prevista f’din id-dispożizzjoni, anki jekk dan l-apparat jikkontribwixxi sabiex jevita li magna teqdiem jew li jinġabar ħmieġ fiha ( 50 ).

109.

Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, Auto Krainer, Volkswagen, Porsche Inter Auto u l-Gvern Ġermaniż isostnu li huma ma jaqblux ma’ din l-interpretazzjoni adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja, filwaqt li jressqu żewġ tipi ta’ argumenti ( 51 ).

110.

Minn naħa, fuq il-livell ġuridiku, dawn l-intervenjenti jsostnu, essenzjalment, li għandha ssir distinzjoni iktar ċara bejn il-kunċetti ta’ “inċident” u ta’ “ħsara”, fis-sens tal-Artikolu 5(2)(a) tar-Regolament Nru 715/2007. Għalkemm il-kelma “inċident” għandha effettivament tinftiehem bħala “avveniment mhux previst u li jseħħ f’daqqa”, min-naħa l-oħra, “ħsara” ma sseħħx neċessarjament b’mod imprevist u f’daqqa sa fejn din tista’ sseħħ wara akkumulazzjoni ta’ effetti li, eventwalment, matul it-tul normali tal-ħajja tal-vettura u f’kundizzjonijiet normali ta’ użu, jistgħu jikkawżaw ħsara lill-magna, mingħajr ma jkunu jistgħu jiġu eliminati minn xogħlijiet ta’ manutenzjoni mwettqa perjodikament u fl-ogħla livell.

111.

Min-naħa l-oħra, mil-lat tekniku, nuqqas ta’ sigurtà jista’ jiġi mill-valv tal-EGR, li għandu l-għan li jikkontrolla u jnaqqas l-emissjonijiet ta’ NOx iġġenerati mill-kombustjoni inkompleta tal-karburant ( 52 ). F’każ ta’ temperaturi esterni għoljin wisq jew baxxi wisq, jiġifieri meta l-komponenti jintużaw barra mill-kuntest tal-kundizzjonijiet ta’ tħaddim tagħhom, depożiti eċċessivi jew kondensazzjoni, magħrufa bħala “kisi” u “ħmieġ”, jistgħu jinġemgħu waqt ir-riċirkolazzjoni tal-gass tal-egżost, li jista’ jwassal għal difetti fil-pożizzjonament tal-valv tal-EGR, bħall-fatt li jingħalaq jew jibqa’ miftuħ b’mod permanenti f’ċerta pożizzjoni ( 53 ). Din is-sitwazzjoni tista’ tagħmel ħsara lill-magna jew lil xi wħud mill-komponenti tagħha, mingħajr ma jkun prevedibbli li jiġi ddeterminat meta u kif ser isseħħ il-ħsara fil-valv tal-EGR, u lanqas kemm ser tkun serja, peress li dan ikun jiddependi mill-mod tas-sewqan u mill-kundizzjonijiet ambjentali u mingħajr ma jkun dejjem possibbli li manutenzjoni regolari u adegwata tista’ tevita l-ħsara progressiva. Minn dan jirriżulta li s-sigurtà tat-tħaddim tal-vettura kkonċernata tkun affettwata b’mod gravi u sinjifikattiv, pereżempju f’każ ta’ telf f’daqqa tal-qawwa waqt manuvra ta’ qbiż ta’ vettura oħra. Tista’ sseħħ ukoll kombustjoni tal-filtru tal-partikulati minħabba kwantità eċċessiva ta’ gass tal-egżost mibgħut lura fil-kompartiment tal-kombustjoni, li jista’ jikkawża l-ħruq tal-magna, jew tal-vettura.

112.

Peress li dawn l-argumenti jirrigwardaw is-sigurtà ta’ vettura bil-mutur, jidhirli li huwa importanti li jiġu eżaminati bir-reqqa u li jiġi vverifikat sa fejn dawn jistgħu jiġġustifikaw apparat ta’ manipulazzjoni li jieħu l-forma tas-software inkwistjoni.

113.

F’dan ir-rigward, l-ewwel, nirrileva li, sabiex tiddefinixxi l-kelma “ħsara” fis-sens tal-Artikolu 5(2)(a) tar-Regolament Nru 715/2007, il-Qorti tal-Ġustizzja rreferiet għall-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-kawża li tat lok għas-sentenza X ( 54 ). Skont l-Avukat Ġenerali, din il-kelma tindika dannu li ġeneralment jirriżulta minn kawża vjolenti jew li sseħħ f’daqqa, skont id-definizzjoni tad-dizzjunarju Le Petit Robert, u l-kelma “damage”, użata fil-verżjoni bl-Ingliż ta’ dan ir-regolament, ma tikkontradixxix din it-tifsira ( 55 ).

114.

Min-naħa tiegħi, inżid li d-dizzjunarju tal-Académie française jiddefinixxi “dégât” (ħsara) kif ġej: “Dommage, détérioration, dévastation, qui résulte d’un accident ou d’une volonté de destruction (Dannu, deterjorament, devastazzjoni, li tirriżulta minn inċident jew minn qerda intenzjonata)” ( 56 ). Għaldaqstant, din id-definizzjoni tistabbilixxi rabta bejn “ħsara” u “inċident”, filwaqt li huwa mifhum li ma hemmx distruzzjoni intenzjonata fil-kawżi prinċipali. Min-naħa tiegħu, il-Collins English Dictionary jagħti din id-definizzjoni: “Damage is physical harm that is caused to an object” ( 57 ). Fir-rigward tad-definizzjoni tal-kelma “ħsara” fil-lingwa Ġermaniża (Beschädigung), din tista’ tinftiehem bħala kull impatt fuq oġġett li jimmodifika l-kompożizzjoni materjali tiegħu jew jibdel, anki jekk ftit, l-użu li għalih huwa intiż u li mhux bilfors issir ħsara lis-sustanza ( 58 ).

115.

Ċertament, dawn id-definizzjonijiet kollha tal-kelma “ħsara” ma jagħmlux riferiment għal avveniment f’daqqa. Madankollu, peress li huma ma jinvalidawx l-interpretazzjoni ta’ din il-kelma mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza X, ma narax għalfejn għandi nindirizza din l-interpretazzjoni, mogħtija reċentement. Għaldaqstant, ser nikkunsidra “ħsara” fis-sens tal-Artikolu 5(2)(a) tar-Regolament Nru 715/2007, bħala dannu li jirriżulta ġeneralment minn kawża vjolenti jew f’daqqa. Fid-dawl ta’ din il-kunsiderazzjoni, għandu jiġi vverifikat jekk il-bżonn tal-apparat ta’ manipulazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwiex iġġustifikat f’termini ta’ protezzjoni tal-magna kontra ħsara.

116.

Il-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑134/20 issostni li l-valv tal-EGR jagħmel parti integrali mill-magna. Madankollu, skont il-Kummissjoni, il-magna u s-“sistema ta’ trattament ta’ wara tal-egżost” jifformaw partijiet distinti ta’ vettura. Għaldaqstant, il-funzjonament difettuż tal-valv tal-EGR ma jaffettwax il-protezzjoni tal-magna.

117.

F’dan ir-rigward, nenfasizza li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tinterpreta d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni kif japplikaw għall-kawżi prinċipali. Madankollu, anki jekk din il-konklużjoni hija kkontestata minn Auto Krainer, Volkswagen u Porsche Inter Auto bi tweġiba għall-mistoqsijiet bil-miktub tal-Qorti tal-Ġustizzja, mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni rilevanti, kif ifformulata, jirriżulta li s-sistema tal-EGR ma tagħmilx parti mill-magna. Għalhekk, il-punt 18 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 692/2008 jistabbilixxi li “sistema għall-kontroll ta’ l-emissjonijiet” tfisser, “fil-kuntest tas-sistema OBD [sistema dijanjostika abbord], il-kontrollur elettroniku tal-ġestjoni tal-magna u kwalunkwe komponent relatat ma’ l-emissjonijiet fis-sistema ta’ l-egżost jew fis-sistema evaporattiva li jipprovdi input għal jew jirċievi output minn dan il-kontrollur” ( 59 ).

118.

Bl-istess mod, l-Anness I tar-Regolament Nru 692/2008, intitolat “Id-dispożizzjonijiet amministrattivi għall-approvazzjoni tat-tip -KE”, jinkludi punt 3.3.1 li jipprovdi li l-“approvazzjoni tat-tip għandha tkun estiża għal tipi differenti ta’ vetturi, sakemm il-parametri tal-vettura, tal-magna jew tas-sistema għall-kontroll tat-tniġġis li ġew speċifikati aktar ‘l isfel ikunu identiċi jew jibqgħu fi ħdan it-tolleranzi preskritti” ( 60 ). Dan l-anness jagħmel distinzjoni espliċita bejn il-“magna” (punt 3.3.1.2) u l-“parametri tas-sistema għall-kontroll tat-tniġġis” (punt 3.3.1.3). Dan l-aħħar punt jinkludi subparagrafu (ċ), li jsemmi “Ir-riċirkolazzjoni tal-gassijiet ta’ l-egżost (EGR)” ( 61 ).

119.

Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li, skont il-leġiżlazzjoni rilevanti, il-leġiżlatur tal-Unjoni għamel distinzjoni ċara bejn, minn naħa, il-magna, u, min-naħa l-oħra, is-sistema ta’ kontroll tat-tniġġis, li tinkludi s-sistema tal-EGR. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 692/2008, għall-ħtiġijiet ta’ dan ir-regolament, il-filtri tal-partikolati għandhom jitqiesu bħala apparat għall-kontroll tat-tniġġis.

120.

Barra minn hekk, kif fakkret il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza X, peress li l-Artikolu 5(2)(a) tar-Regolament Nru 715/2007 jikkostitwixxi eċċezzjoni għall-projbizzjoni tal-użu ta’ apparati ta’ manipulazzjoni li jnaqqsu l-effettività tas-sistemi ta’ kontroll tal-emissjonijiet, dan għandu jiġi interpretat b’mod strett ( 62 ).

121.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni applikabbli, jiena tal-opinjoni li apparat ta’ manipulazzjoni li jservi prinċipalment sabiex jipproteġi partijiet bħall-valv tal-EGR, l-iskambjatur tal-EGR u l-filtru tal-partikulati tad-diesel ma jaqax taħt l-eċċezzjoni għall-projbizzjoni ta’ tali apparati prevista fl-Artikolu 5(2)(a) tar-Regolament Nru 715/2007.

122.

Minn dan jirriżulta li, b’risposta għat-tielet domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑134/20, inqis li l-kwistjoni dwar jekk il-parti li għandha tiġi protetta kontra ħsara hijiex il-valv tal-EGR ma għandhiex effett fuq il-legalità tal-apparat ta’ manipulazzjoni inkwistjoni fid-dawl tal-Artikolu 5(2)(a) tar-Regolament Nru 715/2007.

123.

Madankollu, kif ġie rrilevat fil-punt 111 ta’ dawn il-konklużjonijiet, diversi intervenjenti sostnew li n-nuqqas ta’ funzjonament tal-valv tal-EGR jista’ jikkawża ħsara lill-magna jew lil ċerti komponenti tagħha.

124.

Fir-rigward tas-sitwazzjoni li fiha l-magna tal-vettura kkonċernata tiġma’ l-ħmieġ minħabba n-nuqqas ta’ funzjonament tal-valv tal-EGR, kif diġà ġie rrilevat, mis-sentenza X jirriżulta li l-fatt li jinġema’ l-ħmieġ fil-magna u l-fatt li l-magna tiqdiem ma jistgħux jitqiesu bħala “inċident” jew “ħsara” fis-sens tal-Artikolu 5(2)(a) tar-Regolament Nru 715/2007, peress li dawn l-avvenimenti huma, fil-prinċipju, prevedibbli u inerenti għat-tħaddim normali tal-vettura ( 63 ). Fi kliem ieħor, dan huwa deterjorament minħabba l-użu abitwali ta’ din il-vettura. Għaldaqstant, l-imsemmija avvenimenti ma jistgħux jaqgħu taħt l-eċċezzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni.

125.

Dejjem skont is-sentenza X huma biss ir-riskji immedjati ta’ ħsarat li jiġġeneraw perikolu konkret matul is-sewqan tal-vettura li huma ta’ natura li jiġġustifikaw l-użu ta’ apparat ta’ manipulazzjoni bħal tieqa ta’ temperaturi ( 64 ). Fil-fehma tiegħi, din is-sitwazzjoni tista’ tinqala’ meta l-funzjonament ħażin tal-valv tal-EGR ikollu konsegwenzi f’daqqa fuq il-funzjonament tal-magna nnifisha, mingħajr ma manutenzjoni regolari u adegwata tal-vettura tista’ tipprevjeni dawn il-konsegwenzi ( 65 ).

126.

Huwa biss f’dan il-każ li l-apparat ta’ manipulazzjoni inkwistjoni jista’ jiġi awtorizzat abbażi tal-Artikolu 5(2)(a) tar-Regolament Nru 715/2007. Peress li dan huwa eżami li huwa ta’ natura fattwali, huma l-qrati tar-rinviju, li huma l-uniċi li għandhom ġurisdizzjoni sabiex jikkonstataw u jevalwaw il-fatti tal-kawżi prinċipali ( 66 ), li għandhom jivverifikaw jekk in-nuqqas ta’ funzjonament tal-valv tal-EGR li jista’ jseħħ jistax joħloq riskji f’daqqa u immedjati ta’ ħsarat fuq il-magna nnifisha ( 67 ), li joħolqu perikolu konkret matul is-sewqan tal-vettura, anki fil-preżenza ta’ manutenzjoni regolari u adegwata ta’ din il-vettura ( 68 ).

127.

F’dan ir-rigward, nirrileva li, fil-Kawża C‑134/20, il-qorti tar-rinviju ssostni li ma huwiex possibbli li jiġi ddeterminat jekk l-apparat ta’ manipulazzjoni huwiex meħtieġ għall-protezzjoni tal-magna tal-vettura kontra ħsara. Fl-ipoteżi fejn din id-determinazzjoni hija effettivament impossibbli, għandu jitfakkar li l-Artikolu 5(2)(a) tar-Regolament Nru 715/2007 għandu jiġi interpretat b’mod strett.

128.

Inżid li, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, Auto Krainer, Volkswagen, Porsche Inter Auto u l-Gvern Ġermaniż isostnu li r-Regolament Nru 715/2007 huwa mfassal b’mod newtrali fuq il-livell teknoloġiku u li ma jeżiġix l-użu tal-aħjar teknika possibbli. F’dan ir-rigward, ma huwiex ikkontestat li l-użu ta’ sistema tal-EGR li tiffunzjona skont tieqa ta’ temperaturi, b’mod differenti skont id-data ta’ approvazzjoni, jikkorrispondi għall-istat tat-teknika.

129.

Fil-fehma tiegħi, tali affermazzjonijiet ma humiex ta’ natura li jawtorizzaw apparat ta’ manipulazzjoni abbażi tal-Artikolu 5(2)(a) tar-Regolament Nru 715/2007. Fil-fatt, minn naħa, dan ir-regolament imkien ma jsemmi li għandha tintuża teknoloġija partikolari għall-approvazzjoni tat-tip KE. Huwa stabbilit biss għan f’termini ta’ emissjonijiet ta’ inkwinanti. Min-naħa l-oħra, kif jingħad fil-premessa 7 tal-imsemmi regolament, “[f]l-iffissar ta’ l-istandards għall-emissjonijiet huwa importanti li jitqiesu l-implikazzjonijiet għas-swieq u l-kompetittività tal-manifatturi, in-nefqiet diretti u indiretti imposti fuq in-negozju u l-benefiċċji li jinħolqu f’termini ta’ tħeġġiġ ta’ l-innovazzjoni, titjib fil-kwalità ta’ l-arja, tnaqqis fin-nefqiet għas-saħħa, u żieda fil-medja ta’ l-għomor, kif ukoll l-implikazzjonijiet ta’ l-impatt globali fuq l-emissjonijiet CO2”. Għalhekk, meta l-leġiżlatur tal-Unjoni ddetermina l-valuri ta’ limitu ta’ emissjoni ta’ inkwinanti, huwa kien diġà kkunsidra l-interessi tal-manifatturi tal-vetturi. Għaldaqstant, huma dawn tal-aħħar li għandhom jadattaw ruħhom u japplikaw apparati tekniċi xierqa sabiex josservaw dawn il-valuri ta’ limitu ( 69 ), mingħajr ma t-teknika użata tkun neċessarjament l-aħjar waħda possibbli jew tkun imposta.

130.

Barra minn hekk, kif irrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza X, l-għan imfittex mir-Regolament Nru 715/2007, li jikkonsisti f’li jiġi ggarantit livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent u t-titjib tal-kwalità tal-arja fi ħdan l-Unjoni, jimplika t-tnaqqis effettiv tal-emissjonijiet ta’ NOx matul il-ħajja normali kollha tal-vetturi ( 70 ). Madankollu, l-awtorizzazzjoni ta’ apparat ta’ manipulazzjoni skont l-Artikolu 5(2)(a) ta’ dan ir-regolament għas-sempliċi raġuni li, pereżempju, l-ispejjeż tar-riċerka huma kbar, l-apparat tekniku jiswa ħafna flus jew li l-vettura tkun teħtieġ manutenzjoni iktar frekwenti u iktar għalja għall-utent, tneħħi s-sustanza tal-imsemmi regolament ( 71 ).

131.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għat-tieni domanda fil-Kawża C‑128/20, għat-tieni u għat-tielet domanda fil-Kawża C‑134/20 kif ukoll għat-tieni parti tat-tieni domanda fil-Kawża C‑145/20 li l-Artikolu 5(2)(a) tar-Regolament Nru 715/2007 għandu jiġi interpretat fis-sens li apparat ta’ manipulazzjoni li ma jiżgurax kompletament ir-riċirkolazzjoni tal-gass tal-egżost ħlief meta t-temperatura ta’ barra tkun bejn 15 u 33 grad Celsius u l-altitudni taċ-ċirkulazzjoni tkun inqas minn 1000 metru ma jaqax taħt l-eċċezzjoni għall-projbizzjoni ta’ tali apparati prevista f’din id-dispożizzjoni, dwar il-protezzjoni tal-magna kontra ħsara jew inċident u għall-funzjonament fis-sigurtà tal-vettura, jekk dan l-apparat iservi prinċipalment biex jipproteġi komponenti bħalma huma l-valv tal-EGR, l-iskambjatur tal-EGR u l-filtru tal-partikulati tad-diesel.

C.   Fuq ir‑raba’ domanda fil‑Kawża C‑134/20

132.

Permezz tar-raba’ domanda fil-Kawża C‑134/20, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 5(1) u (2) tar-Regolament Nru 715/2007 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-legalità ta’ apparat ta’ manipulazzjoni tiddependi minn jekk dan l-apparat kienx diġà ġie installat fil-vettura fil-mument tal-manifattura ta’ din tal-aħħar jew jekk kienx ġie installat biss sussegwentement waqt xi tiswija, fis-sens tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 1999/44.

133.

Skont l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 1999/44, fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità tal-oġġett meta jiġi kkunsinnat, il-konsumatur għandu d-dritt jew li l-oġġett jinġieb f’konformità, mingħajr ħlas, permezz ta’ tiswija jew tibdil, skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu, jew għal tnaqqis xieraq fil-prezz jew għat-tħassir tal-kuntratt għal dan l-oġġett, skont il-paragrafi 5 u 6 tal-imsemmi artikolu.

134.

F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju fil-Kawża C‑134/20 jirriżulta li l-installazzjoni tal-apparat ta’ manipulazzjoni, fil-forma tas-software inkwistjoni, kellha l-għan li tirrimedja l-illegalità tas-sistema ta’ kommutazzjoni u li tikkonforma mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 715/2007 permezz ta’ tiswija. Din id-domanda hija bbażata fuq il-premessa li dan is-software ppermetta lill-manifattur tal-vetturi kkonċernat jilħaq dan l-għan. Hija l-qorti tar-rinviju lil għandha tivverifika, fid-dawl tar-risposti mogħtija għad-domandi eżaminati iktar ’il fuq, jekk dan huwiex il-każ ( 72 ). F’każ ta’ risposta negattiva, l-apparat ta’ manipulazzjoni jkun, fi kwalunwke każ, illegali fuq il-bażi tal-Artikolu 5(1) u (2) ta’ dan ir-regolament.

135.

Jekk nassumu li l-apparat ta’ manipulazzjoni inkwistjoni jitqies mill-qorti tar-rinviju bħala li josserva d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 715/2007, jiena tal-opinjoni li l-legalità ta’ tali apparat ma tiddependix mill-kwistjoni ta’ jekk kienx installat fil-vettura kkonċernata minn meta ġiet immanifatturata.

136.

Fil-fatt, qabelxejn, il-kliem tal-punt 10 tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 715/2007, moqri flimkien mal-Artikolu 5(1) u (2) ta’ dan ir-regolament, ma jagħmilx distinzjoni skont jekk l-apparat ta’ manipulazzjoni kienx installat fil-vettura mill-bidu jew jekk kienx ġie installat sussegwentement, peress li l-mument tal-installazzjoni ta’ tali apparat ma huwiex imsemmi minn dawn id-dispożizzjonijiet.

137.

Sussegwentement, fil-kuntest tar-Regolament Nru 715/2007, l-Artikolu 4(1) tiegħu jistabbilixxi li l-manifatturi għandhom juru li l-apparat ġdid kollu, użat biex jibdel apparat għall-kontroll tat-tniġġis, li jeħtieġ approvazzjoni tat-tip u li jinbiegħ jew li jitqiegħed fis-servizz fl-Unjoni jkun ingħata l-approvazzjoni tat-tip skont dan ir-regolament u l-miżuri ta’ implimentazzjoni tiegħu u li dawn l-obbligi jinkludu l-osservanza tal-limiti ta’ emissjoni stabbiliti fl-Anness I u l-miżuri ta’ implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 5 tal-imsemmi regolament. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 692/2008, “[i]l-manifattur għandu jiżgura li t-tagħmir sostitut għall-kontroll tat-tniġġis maħsub biex jitwaħħal fuq vetturi approvati għat-tip KE koperti mill-ambitu tar-Regolament [Nru 715/2007] jkunu approvati għat-tip KE, bħala unitajiet tekniċi separati fit-tifsira ta’ l-Artikolu 10(2) tad-Direttiva [2007/46], skond l-Artikolu 12, l-Artikolu 13 u l-Anness XII ta’ dan ir-Regolament”. Għaldaqstant, minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li l-apparati kollha għall-kontroll tat-tniġġis, kemm jekk ikunu installati mill-bidu kemm jekk ikunu ġew installati wara, għandhom josservaw l-obbligi previsti mir-Regolament Nru 715/2007.

138.

Fl-aħħar nett, kif diġà ġie stabbilit, ir-Regolament Nru 715/2007 għandu l-għan li jiggarantixxi livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent. Issa, l-ipoteżi li għandu jsir riferiment biss għad-data tal-produzzjoni tal-vettura tfisser li l-produtturi tal-vetturi ma jkunux obbligati, wara d-dħul fis-servizz ta’ vettura, li jinstallaw apparat ta’ manipulazzjoni li josserva d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament. Tali ipoteżi tmur kontra l-għan tal-imsemmi regolament. Fil-fatt, ikun biżżejjed li sabiex jevitaw l-obbligi stabbiliti mill-istess regolament, il-manifatturi jissostitwixxu l-apparat għall-kontroll tat-tniġġis oriġinali, skont ir-Regolament Nru 715/2007, b’apparat ta’ manipulazzjoni inqas effikaċi u li ma jiżgurax l-osservanza tal-valuri ta’ limitu previsti għan-NOx.

139.

Konsegwentement, jiena tal-fehma li r-risposta għar-raba’ domanda fil-Kawża C‑134/20 għandha tkun li l-Artikolu 5(1) u (2) tar-Regolament Nru 715/2007 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-legalità ta’ apparat ta’ manipulazzjoni ma tiddependix minn jekk dan l-apparat kienx diġà ġie installat fil-vettura fil-mument tal-manifattura ta’ din tal-aħħar jew jekk kienx ġie installat biss sussegwentement waqt xi tiswija, fis-sens tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 1999/44.

D.   Fuq l‑ewwel domanda fil‑Kawża C‑145/20

140.

Permezz tal-ewwel domanda fil-Kawża C‑145/20, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2(2)(d) tad-Direttiva 1999/44 għandux jiġi interpretat fis-sens li vettura bil-mutur li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 715/2007 jkollha l-kwalità li hija normali għal prodott tal-istess tip u li tista’ tkun raġonevolment mistennija mill-konsumatur meta l-vettura tkun mgħammra b’apparat ta’ manipulazzjoni illegali fis-sens tal-punt 10 tal-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament, moqri flimkien mal-Artikolu 5(2) tal-imsemmi regolament, u din il-vettura jkollha approvazzjoni tat-tip KE valida.

141.

B’mod preliminari, nenfasizza li din id-domanda hija bbażata fuq il-premessa li l-vettura kkonċernata għandha apparat ta’ manipulazzjoni illegali, fis-sens tal-punt 10 tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 715/2007, moqri flimkien mal-Artikolu 5(2) ta’ dan ir-regolament. Kif indikajt ( 73 ), hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk dan huwiex il-każ.

142.

F’każ ta’ risposta fl-affermattiv, għandu jitfakkar li l-għan tad-Direttiva 1999/44 huwa, kif tindika l-premessa 1 tagħha, li jiġi ggarantit livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur. B’mod partikolari, l-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva jobbliga lill-bejjiegħ li jwassal għand il-konsumatur oġġetti li huma f’konformità mal-kuntratt ta’ bejgħ ( 74 ). Il-premessa 8 tal-imsemmija direttiva tispeċifika li, sabiex tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ konformità mal-kuntratt, ikun utli li tiġi introdotta preżunzjoni konfutabbli ta’ konformità mal-kuntratt li tkopri s-sitwazzjonijiet l-iktar komuni u li, fl-assenza ta’ klawżoli kuntrattwali speċifiċi kif ukoll fil-każ ta’ applikazzjoni tal-klawżola ta’ protezzjoni minima, l-elementi msemmija fil-preżunzjoni jistgħu jintużaw sabiex jiġi ddeterminat in-nuqqas ta’ konformità tal-oġġett mal-kuntratt.

143.

Fir-rigward b’mod partikolari tal-vetturi bil-mutur, nirrileva li, skont il-premessa 3 tad-Direttiva 2007/46, l-atti regolatorji li jiddefinixxu r-rekwiżiti tekniċi “għandhom primarjament ifittxu li jiżguraw livell għoli ta’ sikurezza stradali, protezzjoni tas-saħħa, protezzjoni ambjentali, effiċjenza fl-enerġija u protezzjoni kontra l-użu mhux awtorizzat” ( 75 ). F’dan is-sens, l-Artikolu 3(5) ta’ din id-direttiva jiddefinixxi l-“approvazzjoni tat-tip tal-KE” bħala l-“proċedura li biha Stat Membru jiċċertifika li tip ta’ vettura, sistema, komponent jew unità teknika separata tissodisfa d-dispożizzjonijiet amministrattivi u l-ħtiġijiet tekniċi rilevanti ta’ din id-Direttiva u ta’ l-atti regolatorji elenkati fl-Anness IV jew XI”. L-imsemmi Anness IV, intitolat “Rekwiżiti għall-iskop tal-approvazzjoni tat-tip KE tal-vetturi”, isemmi, fil-Parti I tiegħu, intitolata “Atti regolatorji għall-approvazzjoni tat-tip tal-KE ta’ vetturi prodotti f’serje mhux limitati”, ir-Regolament Nru 715/2007 f’dak li jikkonċerna l-“[e]missjonijiet (Euro 5 u 6) vetturi mhux ta’ strapazz/aċċess għal informazzjoni”. Barra minn hekk, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tal-imsemmija direttiva jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jirreġistraw jew jawtorizzaw il-bejgħ jew id-dħul fis-servizz biss ta’ dawk il-vetturi li jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-istess direttiva.

144.

Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li, fil-kuntest ta’ approvazzjoni tat-tip KE, il-vetturi kkonċernati għandhom josservaw ir-rekwiżiti msemmija fl-Anness IV tad-Direttiva 2007/46, b’mod partikolari dawk dwar l-apparati ta’ manipulazzjoni. Jekk dan ma jkunx il-każ, dawn il-vetturi ma jkollhomx ċertifikat ta’ konformità eżatt, kif imsemmi fl-Artikolu 18(1) ta’ din id-direttiva u ddefinit fil-punt 36 tal-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva bħala d-“dokument stabbilit fl-Anness IX [ ( 76 )], maħruġ mill-manifattur u li jiċċertifika li vettura li tappartjeni għas-serje tat-tip approvat skond din id-Direttiva tikkonforma ma’ l-atti regolatorji kollha fil-mument tal-produzzjoni tagħha”. Dan id-dokument huwa obbligatorju għar-reġistrazzjoni jew għall-bejgħ, skont l-Artikolu 26(1) tal-istess direttiva.

145.

Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, Porsche Inter Auto ssostni li l-konsumatur jistenna biss vettura li huwa jkun jista’ jsuq u li jkun jista’ jagħmel dan f’sigurtà sħiħa, mingħajr ma jkun interessat fil-konformità assoluta ta’ din il-vettura mar-rekwiżiti regolatorji kollha. Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li din il-pożizzjoni ma tikkorrispondix mal-formulazzjoni tal-punt 36 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2007/46, li jipprevedi l-osservanza tal-atti regolatorji kollha fil-mument tal-produzzjoni għall-ħruġ taċ-ċertifikat ta’ konformità.

146.

Meta konsumatur medju, normalment informat u raġonevolment attent u avżat, jista’ jistenna li r-rekwiżiti regolatorji għall-finijiet ta’ approvazzjoni tat-tip KE ta’ vetturi jiġu osservati, anki fin-nuqqas ta’ klawżoli kuntrattwali speċifiċi, jidhirli li huwa ċar li l-vettura kkonċernata, jekk dawn ir-rekwiżiti kollha ma jkunux issodisfatti, ma tkunx konformi mal-kuntratt ta’ bejgħ, fis-sens tad-Direttiva 1999/44.

147.

Fil-fatt, fil-fehma tiegħi, fl-assenza ta’ ċertifikat ta’ konformità eżatt, il-vettura kkonċernata ma tkunx konformi “mad-deskrizzjoni mogħtija mill-bejjiegħ” fis-sens tal-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 1999/44 ( 77 ). Bl-istess mod, din il-vettura ma tkunx “[tajba] għal kull skop partikolari li għalih [jeħtieġha] il-konsumatur” u ma tkunx “[tajba] għall-għanijiet li għalihom normalment jintużaw oġġetti ta’ l-istess tip”, fis-sens tal-punt 2(b) u (ċ) tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva. Bl-istess mod, fir-rigward tad-domanda tal-qorti tar-rinviju, l-imsemmija vettura ma tippreżentax il-“kwalità u l-[prestazzjoni] li huma normali f’oġġetti ta’ l-istess tip u li l-konsumatur jista’ jippretendi b’mod raġjonevoli, skond in-natura ta’ l-oġġetti”, fis-sens tal-Artikolu 2(2)(d) tal-imsemmija direttiva.

148.

Kif tenfasizza l-Kummissjoni, din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-Artikolu 7 tad-Direttiva 2019/771, intitolat “Rekwiżiti oġġettivi għall-konformità”, li jipprovdi, fil-paragrafu 1(a) tiegħu, li, minbarra li jikkonformaw ma’ kwalunkwe rekwiżit soġġettiv għall-konformità, l-oġġetti għandhom ikunu adattati għall-iskopijiet li għalihom normalment jintużaw oġġetti tal-istess tip, b’kont meħud, jekk applikabbli, ta’ kwalunkwe dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni u nazzjonali eżistenti, ta’ kwalunkwe standard tekniku jew, fin-nuqqas ta’ tali standards tekniċi, il-kodiċi ta’ kondotta speċifiċi għas-settur applikabbli.

149.

Fil-fehma tiegħi, il-fatt li t-tip ta’ vettura kkonċernata huwa kopert minn approvazzjoni tat-tip KE, li tippermetti lil din tal-aħħar li tiċċirkola fit-triq, ma huwiex tali li jbiddel ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula ( 78 ). Fil-fatt, din l-approvazzjoni tista’, b’mod partikolari, tkun inkisbet meta l-awtorità ta’ approvazzjoni ma kinitx taf bil-preżenza ta’ apparat illegali. B’hekk, fil-Kawża C‑145/20, il-qorti tar-rinviju tindika li t-tip ta’ vettura kkonċernata kien oriġinarjament approvat mill-KBA meta l-preżenza tas-sistema ta’ kommutazzjoni ma kinitx ġiet żvelata lil dan il-korp u li, kieku dan tal-aħħar kien jaf b’din is-sistema, ma kienx jagħti l-approvazzjoni tat-tip KE.

150.

Konsegwentement, għalkemm il-vettura kkonċernata hija koperta minn approvazzjoni tat-tip KE, maħruġa mill-korp nazzjonali kompetenti, xorta jibqa’ l-fatt li din il-vettura ma hijiex konformi mal-kuntratt ta’ bejgħ, fis-sens tad-Direttiva 1999/44.

151.

Għaldaqstant, nipproponi li r-risposta għall-ewwel domanda fil-Kawża C‑145/20 għandha tkun li l-Artikolu 2(2)(d) tad-Direttiva 1999/44 għandu jiġi interpretat fis-sens li vettura bil-mutur li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 715/2007 ma jkollhiex il-kwalità li hija normali għal prodotti tal-istess tip u li tista’ tkun raġonevolment mistennija mill-konsumatur meta l-vettura tkun mgħammra b’apparat ta’ manipulazzjoni illegali fis-sens tal-punt 10 tal-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament moqri flimkien mal-Artikolu 5(2) tal-imsemmi regolament, anki jekk l-imsemmija vettura tkun koperta minn approvazzjoni tat-tip KE valida.

E.   Fuq it‑tielet domanda fil‑Kawża C‑145/20

152.

Permezz tat-tielet domanda fil-Kawża C‑145/20, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3(6) tad-Direttiva 1999/44 għandux jiġi interpretat fis-sens li nuqqas ta’ konformità li jikkonsisti fil-preżenza, fil-vettura kkonċernata, ta’ apparat ta’ manipulazzjoni illegali, fis-sens tal-punt 10 tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 715/2007, moqri flimkien mal-Artikolu 5(1) u (2) ta’ dan ir-regolament, jistax jitqies “minuri” fil-każ fejn, jekk wieħed jassumi li l-konsumatur kien jaf bl-eżistenza u l-funzjonament tal-imsemmi apparat, kien jixtri l-vettura xorta waħda.

153.

Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 1999/44 jobbliga lill-bejjiegħ iwassal għand il-konsumatur oġġett li jkun konformi mal-kuntratt ta’ bejgħ. F’din il-perspettiva, skont l-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva, il-bejjiegħ għandu jkun responsabbli, fil-konfront tal-konsumatur, għal kull nuqqas ta’ konformità eżistenti meta l-oġġett jiġi kkunsinnat. Dan l-Artikolu 3 jelenka, fil-paragrafu 2 tiegħu, id-drittijiet li l-konsumatur jista’ jinvoka kontra l-bejjiegħ fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità tal-oġġett ikkunsinnat. Fl-ewwel lok, skont il-paragrafu 3 tal-imsemmi artikolu, il-konsumatur għandu d-dritt jeżiġi li l-oġġett jinġieb f’konformità. Jekk ma jkunx jista’ jikseb dan it-tqegħid f’konformità, huwa jista’ jeżiġi, fit-tieni lok, skont il-paragrafu 5 tal-istess artikolu, tnaqqis fil-prezz jew it-tħassir tal-kuntratt. Madankollu, kif jirriżulta mill-Artikolu 3(6), meta n-nuqqas ta’ konformità tal-oġġett ikkunsinnat ikun minuri, il-konsumatur ma jkunx awtorizzat jitlob tali tħassir u, f’dan il-każ, ikollu biss id-dritt li jitlob tnaqqis xieraq fil-prezz tal-bejgħ tal-oġġett inkwistjoni ( 79 ).

154.

B’hekk mill-Artikolu 3(3) u (5) tad-Direttiva 1999/44, moqri fid-dawl tal-premessa 10 tagħha, jirriżulta li din id-direttiva tiffavorixxi, fl-interess taż-żewġ partijiet għall-kuntratt, l-eżekuzzjoni ta’ dan tal-aħħar, permezz taż-żewġ modi ta’ kumpens previsti fl-ewwel lok, minflok it-tħassir tal-kuntratt ( 80 ).

155.

F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑145/20 tindika li DS, li ppreżenta rikors kontra Porsche Inter Auto sabiex jitlob it-tħassir tal-kuntratt ta’ bejgħ tal-vettura 3, kien jixtri din il-vettura, f’kundizzjonijiet oħrajn, li kieku kien jaf bil-fatt li kienet mgħammra bis-sistema ta’ kommutazzjoni, jiġifieri apparat ta’ manipulazzjoni illegali, fis-sens tal-punt 10 tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 715/2007, moqri flimkien mal-Artikolu 5(1) u (2) ta’ dan ir-regolament. Din il-qorti tistaqsi din id-domanda billi tqis li din il-vettura għadha mgħammra b’apparat ta’ manipulazzjoni illegali, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, wara l-installazzjoni tas-software inkwistjoni ( 81 ).

156.

B’mod preliminari, nirrileva li din id-domanda hija bbażata fuq l-ipoteżi li DS jista’ jitlob it-tħassir tal-kuntratt ta’ bejgħ tal-vettura 3. Huwa biss jekk il-konsumatur la jkollu dritt għat-tiswija u lanqas għas-sostituzzjoni tal-oġġett mhux konformi jew jekk il-bejjiegħ ma jkunx implimenta wieħed minn dawn il-modi ta’ rimedju fi żmien raġonevoli jew mingħajr inkonvenjent sinjifikattiv għall-konsumatur, li l-konsumatur jista’, skont l-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 1999/44, jeżiġi li jitħassar il-kuntratt, ħlief, b’mod konformi mal-Artikolu 3(6) ta’ din id-direttiva, fil-każ li n-nuqqas ta’ konformità tal-oġġett ikun minuri ( 82 ). Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk, fid-dawl ta’ dawn il-kundizzjonijiet, DS huwiex intitolat għat-tiswija u għat-tibdil tal-oġġett mhux konformi jew jekk Porsche Inter Auto ma implimentatx wieħed mir-rimedji msemmija.

157.

Barra minn hekk, skont l-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 1999/44 għandu jkun miftiehem li, fis-sens ta’ dan l-artikolu, ma jkunx hemm nuqqas ta’ konformità jekk, meta kien konkluż il-kuntratt, il-konsumatur kien konxju, jew ma setax ma kienx konxju b’mod raġonevoli dwar, in-nuqqas ta’ konformità, jew jekk in-nuqqas ta’ konformità oriġina fil-materjal fornut mill-konsumatur ( 83 ). Fid-dawl ta’ din il-formulazzjoni, jien tal-fehma li l-għarfien tal-konsumatur dwar in-nuqqas ta’ konformità huwa ta’ natura oġġettiva. Din il-kundizzjoni hija ssodisfatta, pereżempju, meta l-bejjiegħ jinforma lill-konsumatur bin-nuqqas ta’ konformità fil-mument tal-bejgħ u għalhekk dan jixtri l-oġġett b’għarfien sħiħ tal-fatti. Loġikament, dan il-konsumatur ma jistax sussegwentement jinvoka l-eżistenza ta’ dan in-nuqqas ta’ konformità.

158.

Fil-fehma tiegħi, l-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 1999/44 ma jistax jiġi applikat fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, ma huwiex ikkontestat li, fil-mument tal-bejgħ tal-vettura 3, DS ma kienx jaf bin-nuqqas ta’ konformità allegat u ma setax raġonevolment ikun jaf b’dan in-nuqqas. B’hekk, id-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju hija bbażata biss fuq id-dispożizzjoni ipotetika ta’ DS li jixtri din il-vettura anki kieku kien jaf b’dan in-nuqqas. Dan huwa element suġġettiv, li ma jistax jiġi pprovat u li barra minn hekk jista’ jevolvi maż-żmien, b’mod partikolari skont l-informazzjoni li għandu l-konsumatur dwar il-gravità tan-nuqqas ta’ konformità ( 84 ).

159.

Id-Direttiva 1999/44 ma tiddefinixxix il-kunċett ta’ nuqqas ta’ konformità “minuri” ( 85 ). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ma ddeċidietx direttament dwar il-portata ta’ dan il-kunċett ( 86 ). Huwa diffiċli li tingħata definizzjoni ġenerali ta’ tali kunċett, peress li n-nuqqas ta’ konformità jiddependi mis-sitwazzjoni konkreta u għandu jiġi ddeterminat każ b’każ, skont il-kuntratt konkluż bejn il-partijiet. Fi kwalunkwe każ, jiena tal-opinjoni li nuqqas ta’ konformità li jippreġudika s-sigurtà u l-funzjonament tajjeb tal-oġġett ma huwiex ta’ natura “minuri”, fis-sens tal-Artikolu 2(3) ta’ din id-direttiva ( 87 ). Bl-istess mod, nuqqas ma jkunx “minuri” meta l-oġġett ma jikkorrispondix għad-dispożizzjonijiet tal-kuntratt. Pereżempju, meta konsumatur jordna speċifikament karozza ħamra u jiġi kkunsinnat karozza blu, in-nuqqas ta’ konformità ma jistax jitqies bħala “minuri”, u dan jista’ jwassal, skont l-Artikolu 3(3) u (5) tal-imsemmija direttiva, għat-tħassir tal-kuntratt.

160.

Ċertament, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 3 tad-Direttiva 1999/44, għalhekk, huwa intiż li jistabbilixxi bilanċ ġust bejn l-interessi tal-konsumatur u dawk tal-bejjiegħ, billi jiggarantixxi lill-konsumatur, bħala l-parti dgħajfa tal-kuntratt, protezzjoni sħiħa u effettiva minn eżekuzzjoni difettuża mill-bejjiegħ tal-obbligi kuntrattwali tiegħu, filwaqt li jippermetti li jitqiesu kunsiderazzjonijiet ta’ natura ekonomika invokati minn dan tal-aħħar ( 88 ). Għaldaqstant, it-tħassir tal-kuntratt, li jikkostitwixxi l-ikbar mod ta’ rimedju li għandu l-konsumatur, jista’ jintalab biss meta n-nuqqas ta’ konformità jkun suffiċjentement kbir.

161.

Madankollu, kif ġie stabbilit fil-punt 146 ta’ dawn il-konklużjonijiet, konsumatur medju, normalment informat u raġonevolment attent u avżat jista’ jistenna li r-rekwiżiti regolatorji għall-finijiet ta’ approvazzjoni tat-tip KE ta’ vetturi jiġu osservati, anki fin-nuqqas ta’ klawżoli kuntrattwali speċifiċi. Fil-preżenza ta’ apparat ta’ manipulazzjoni illegali, fis-sens tal-Artikolu 5(1) u (2) tar-Regolament Nru 715/2007, iċ-ċertifikat ta’ konformità ma huwiex eżatt ( 89 ). Madankollu, skont l-Artikolu 26(1) tad-Direttiva 2007/46, l-Istati Membri għandhom jirreġistraw u jippermettu l-bejgħ jew id-dħul fis-servizz ta’ vetturi fil-każ biss li jkollhom magħhom ċertifikat ta’ konformità validu maħruġ skont l-Artikolu 18 ta’ din id-direttiva.

162.

Għaldaqstant, kif indikat fir-risposta għall-ewwel domanda magħmula fil-Kawża C‑145/20, vettura, b’mod partikolari, ma tippreżentax il-kwalità abitwali ta’ oġġett tal-istess tip li l-konsumatur jista’ raġonevolment jistenna, fis-sens tal-Artikolu 2(2)(d) tad-Direttiva 1999/44 fis-sitwazzjoni fejn din il-vettura tkun mgħammra b’apparat ta’ manipulazzjoni illegali, fis-sens tal-Artikolu 5(1) u (2) tar-Regolament Nru 715/2007.

163.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, jiena tal-opinjoni li n-nuqqas ta’ konformità tal-imsemmija vettura mal-kuntratt li jirriżulta mill-użu ta’ tali apparat ma jistax jitqies li huwa “minuri”, fis-sens tal-Artikolu 3(6) tad-Direttiva 1999/44.

164.

Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nissuġġerixxi li r-risposta għat-tielet domanda fil-Kawża C‑145/20 għandha tkun li l-Artikolu 3(6) tad-Direttiva 1999/44 għandu jiġi interpretat fis-sens li nuqqas ta’ konformità li jikkonsisti fil-preżenza, fil-vettura kkonċernata, ta’ apparat ta’ manipulazzjoni illegali, fis-sens tal-punt 10 tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 715/2007, moqri flimkien mal-Artikolu 5(1) u (2) ta’ dan ir-regolament, ma jistax jitqies “minuri”, anki fil-każ fejn, jekk wieħed jassumi li l-konsumatur kien jaf bl-eżistenza u l-funzjonament tal-imsemmi apparat, kien jixtri l-vettura xorta waħda.

V. Konklużjoni

165.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mil-Landesgericht Klagenfurt (il-Qorti Reġjonali ta’ Klagenfurt, l-Awstrija), mil-Landesgericht Eisenstadt (il-Qorti Reġjonali ta’ Eisenstadt, l-Awstrija) u mill-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija) kif ġej:

1)

Il-punt 10 tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 715/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Ġunju 2007 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur fir-rigward ta’ l-emissjonijiet ta’ vetturi ħfief għall-passiġġieri u ta’ vetturi kummerċjali (Euro 5 u Euro 6) u dwar l-aċċess għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi, kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 692/2008 tat‑18 ta’ Lulju 2008, moqri flimkien mal-Artikolu 5(1) ta’ dan ir-regolament, għandu jiġi interpretat fis-sens li apparat li, f’kundizzjonijiet ta’ sewqan reali ta’ vettura bil-mutur, ma jiżgurax kompletament ir-riċirkolazzjoni tal-gass tal-egżost ħlief meta t-temperatura ta’ barra tkun bejn 15 u 33 grad Celsius u l-altitudni taċ-ċirkulazzjoni tkun inqas minn 1000 metru, filwaqt li barra minn din il-firxa ta’ temperaturi, b’marġni ta’ 10 gradi Celcius, u f’altitudni ta’ iktar minn 1000 metru, b’marġni ta’ 250 metru, ir-rata ta’ riċirkolazzjoni tal-gass tal-egżost tonqos b’mod lineari għal 0, b’tali mod li l-emissjonijiet ta’ ossidu tan-nitroġenu (NOx) jiżdiedu tant li jaqbżu l-valuri ta’ limitu stabbiliti mill-imsemmi regolament, jikkostitwixxi “apparat ta’ manipulazzjoni”.

2)

L-Artikolu 5(2)(a) tar-Regolament Nru 715/2007, kif emendat, għandu jiġi interpretat fis-sens li apparat ta’ manipulazzjoni li jiżgura r-riċirkolazzjoni tal-gass tal-egżost b’mod sħiħ biss meta t-temperatura esterna tkun bejn 15 u 33 grad Celsius u l-altitudni taċ-ċirkulazzjoni tkun inqas minn 1000 metru ma jaqax taħt l-eċċezzjoni għall-projbizzjoni ta’ tali apparati prevista f’din id-dispożizzjoni dwar il-protezzjoni tal-magna kontra ħsara jew inċident u għall-funzjonament fis-sigurtà tal-vettura, jekk dan l-apparat iservi prinċipalment biex jipproteġi komponenti bħalma huma l-valv tal-EGR, l-iskambjatur tal-EGR u l-filtru tal-partikulati tad-diesel.

3)

L-Artikolu 5(1) u (2) tar-Regolament Nru 715/2007, kif emendat, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-legalità ta’ apparat ta’ manipulazzjoni ma tiddependix minn jekk dan l-apparat kienx diġà installat fil-vettura fil-mument tal-manifattura ta’ din tal-aħħar jew jekk kienx ġie installat biss sussegwentement waqt xi tiswija, fis-sens tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 1999/44 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Mejju 1999 dwar ċerti aspetti tal-bejgħ ta’ oġġetti tal-konsum u garanziji assoċjati magħhom.

4)

L-Artikolu 2(2)(d) tad-Direttiva 1999/44 għandu jiġi interpretat fis-sens li vettura bil-mutur li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 715/2007, kif emendat, ma jkollhiex il-kwalità abitwali ta’ oġġett tal-istess tip li l-konsumatur jista’ raġonevolment jistenna fis-sitwazzjoni fejn din il-vettura tkun mgħammra b’apparat ta’ manipulazzjoni illegali, fis-sens tal-punt 10 tal-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament, moqri flimkien mal-Artikolu 5(2) tal-imsemmi regolament, anki jekk l-imsemmija vettura tkun koperta minn approvazzjoni tat-tip KE valida.

5)

L-Artikolu 3(6) tad-Direttiva 1999/44 għandu jiġi interpretat fis-sens li nuqqas ta’ konformità li jikkonsisti fil-preżenza, fil-vettura kkonċernata, ta’ apparat ta’ manipulazzjoni illegali, fis-sens tal-punt 10 tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 715/2007, kif emendat, moqri flimkien mal-Artikolu 5(1) u (2) ta’ dan ir-regolament, ma jistax jiġi kklassifikat bħala “minuri”, anki fil-każ fejn, jekk wieħed jassumi li l-konsumatur kien jaf bl-eżistenza u l-funzjonament tal-imsemmi apparat, kien jixtri l-vettura xorta waħda.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( i ) Fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 27, ta’ dan it-test, saret modifika ta’ natura lingwistika, wara li d-dokument kien tqiegħed online għall-ewwel darba.

( 2 ) Skont l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO), it-tniġġis tal-arja jirrappreżenta r-riskju ambjentali prinċipali għas-saħħa. Ara r-rapport ta’ din intitolat “Ambient air pollution: A global assessment of exposure and burden of disease”, 13 ta’ Mejju 2016, p. 15.

( 3 ) Fuq l-istandards Euro suċċessivi fil-qasam tal-emissjonijiet tal-ossidu tan-nitroġenu (NOx), ara r-Rapport Analitiku tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri intitolat “Ir-rispons tal-UE għall-iskandlu ‘dieselgate’”, Frar 2019, p. 9.

( 4 ) Ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Ġunju 2007 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur fir-rigward ta’ l-emissjonijiet ta’ vetturi ħfief għall-passiġġieri u ta’ vetturi kummerċjali (Euro 5 u Euro 6) u dwar l-aċċess għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi (ĠU 2007, L 171, p. 1), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 692/2008 tat‑18 ta’ Lulju 2008 (ĠU 2008, L 199, p. 1) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 715/2007”).

( 5 ) Ara s-sentenza X, punt 27.

( 6 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Mejju 1999 dwar ċerti aspetti tal-bejgħ ta’ oġġetti tal-konsum u garanziji assoċjati magħhom (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 4, p. 223).

( 7 ) Direttiva tal-Kunsill tas‑6 ta’ Frar 1970 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 1, p. 44).

( 8 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ Settembru 2007 li tistabbilixxi kwadru għall-approvazzjoni ta’ vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi (Direttiva Kwadru) (ĠU 2007, L 263, p. 1), kif emendata bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 214/2014 tal‑25 ta’ Frar 2014 (ĠU 2014, L 69, p. 3) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2007/46”).

( 9 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Mejju 2018 dwar l-approvazzjoni u s-sorveljanza tas-suq ta’ vetturi bil-mutur u t-trejlers tagħhom, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 715/2007 u (KE) Nru 595/2009 u li jħassar id-Direttiva 2007/46/KE (ĠU 2018, L 151, p. 1).

( 10 ) Il-formulazzjoni ta’ dan l-anness tirriżulta mir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/1151 tal‑1 ta’ Ġunju 2017 li jissupplimenta r-Regolament (KE) Nru 715/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur fir-rigward tal-emissjonijiet ta’ vetturi ħfief għall-passiġġieri u ta’ vetturi kummerċjali (Euro 5 u Euro 6) u dwar l-aċċess għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi, li jemenda d-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 692/2008 u r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1230/2012 u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 692/2008 (ĠU 2017, L 175, p. 1).

( 11 ) Regolament tal-Kummissjoni tal‑10 ta’ Marzu 2016 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 692/2008 fir-rigward tal-emissjonijiet minn vetturi ħfief għall-passiġġieri u minn vetturi kummerċjali (Euro 6) (ĠU 2016, L 82, p. 1).

( 12 ) Kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/1154 tas‑7 ta’ Ġunju 2017 (ĠU 2017, L 175, p. 708) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament 2017/1151”).

( 13 ) Direttiva (UE) 2019/771 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Mejju 2019 dwar ċerti aspetti li jikkonċernaw kuntratti għall-bejgħ ta’ oġġetti, li temenda r-Regolament (UE) 2017/2394 u d-Direttiva 2009/22/KE, u li tħassar id-Direttiva 1999/44/KE (ĠU 2019, L 136, p. 28, rettifiki fil-ĠU 2019, L 305, p. 61 u fil-ĠU 2020, L 86, p. 18).

( 14 ) Il-valv tal-EGR jissejjaħ ukoll “valv għar-riċirkolazzjoni tal-gassijiet tal-egżost”.

( 15 ) F’dawn it-tliet kawżi, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tiddeċiedi mingħajr ma żżomm seduta, minħabba r-riskji sanitarji marbuta mal-pandemija tal-coronavirus.

( 16 ) Għal preżentazzjoni ġenerali tal-qafas regolatorju dwar l-approvazzjoni tal-vetturi bil-mutur, ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-kawża CLCV et (Apparat ta’ manipulazzjoni fuq magna diesel) (C‑693/18, EU:C:2020:323, punti 45 sa 54).

( 17 ) Ara s-sentenza X, punti 27 u 31.

( 18 ) Is-sentenza X, punt 68.

( 19 ) Is-sentenza X, punt 90.

( 20 ) Is-sentenza X, punt 102.

( 21 ) Ara s-sentenza X, punt 115.

( 22 ) Sentenza tad‑29 ta’ April 2021, Bank BPH (C‑19/20, EU:C:2021:341, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 23 ) Ara l-punt 47 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 24 ) Ara l-punt 83 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 25 ) Bl-istess mod, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 715/2007 jipprovdi li l-“miżuri tekniċi meħuda mill-manifattur jridu jkunu tali li jiġi żgurat li l-emissjonijiet mit-tailpipe jew evaporattivi huma effettivament limitati, skond dan ir-Regolament, tul il-ħajja normali tal-vettura li tintuża f’kundizzjonijiet normali”. (Enfasi miżjuda minni)

( 26 ) Sentenza tad‑29 ta’ April 2021, X (Mandat ta’ arrest Ewropew – Ne bis in idem) (C‑665/20 PPU, EU:C:2021:339, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 27 ) In-NEDC isir fil-laboratorju u jikkonsisti fir-repetizzjoni ta’ erba’ ċikli urbani, segwiti minn ċiklu mhux urban. Ninnota li, skont il-punt 6.1.1 tal-Anness 4, intitolat “Test tat-tip I” tar-Regolament Nru 83 tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (NU/KEE) — Dispożizzjonijiet uniformi dwar l-approvazzjoni ta’ vetturi fir-rigward ta’ l-emissjoni ta’ sustanzi li jniġġsu skond ir-rekwiżiti tal-fjuwil tal-magna (ĠU 2006, L 375, p. 234), “[w]aqt it-test, it-temperatura taċ-ċellula tat-test trid tkun bejn [...] (20 u 30 [grad Celsius])”.

( 28 ) Kif jindikaw il-premessi 1 sa 3 tar-Regolament 2017/1151, in-NEDC ġie ssostitwit biċ-ċiklu ta’ ttestjar WLTP (proċedura ta’ ttestjar dinjija armonizzata għall-vetturi tal-passiġġieri u l-vetturi kummerċjali ħfief).

( 29 ) F’dan is-sens, il-Gvern Ġermaniż, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, jenfasizza li, fl-opinjoni attwalment unanima tal-awtoritajiet inkarigati mill-approvazzjoni tat-tip fl-Ewropa, “kundizzjonijiet normali ta’ tħaddim u ta’ użu” għandhom jinftiehmu bħala l-kundizzjonijiet reali kif normalment jeżistu fl-Ewropa.

( 30 ) Ara s-sentenza X, punt 101.

( 31 ) Fuq id-differenzi bejn l-emissjonijiet ta’ NOx imkejla fil-kuntest tal-proċess ta’ approvazzjoni tat-tip u dawk irreġistrati fit-triq, ara r-Rapport Analitiku tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri intitolat “Ir-rispons tal-UE għall-iskandlu “dieselgate”, Frar 2019, p. 15.

( 32 ) Ara l-premessa 4 tar-Regolament 2016/427. Il-proċedura tat-test tar-RDE hija s-suġġett tal-kawżi magħquda Il‑Ġermanja - Ville de Paris et vs Il‑Kummissjoni u Il‑Kummissjoni vs Ville de Paris et (C‑177/19 P sa C‑179/19 P). L-Avukat Ġenerali Bobek ta l-konklużjonijiet tiegħu f’dawn il-kawżi fl‑10 ta’ Ġunju 2021 (EU:C:2021:476).

( 33 ) Ara l-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 2016/427.

( 34 ) Ara s-sentenza X, punt 86.

( 35 ) F’dan ir-rigward, nirrileva li l-altitudni medja tal-Awstrija hija ta’ madwar 900 metru.

( 36 ) https://www.wien.gv.at/statistik/lebensraum/tabellen/temperatur-zr.html

( 37 ) Id-Deutscher Wetterdienst huwa s-servizz meteoroloġiku tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja. Ara, rispettivament, https://www.dwd.de/DE/presse/pressemitteilungen/DE/2017/20171229_deutschlandwetter_jahr2017_news.html#:~:text=Mit%209%2C6%20Grad%20Celsius,Abweichung%20%2B0%2C7%20Grad; https://www.dwd.de/DE/presse/pressemitteilungen/DE/2018/20181228_deutschlandwetter_jahr2018_news.html#:~:text=Die%20Temperatur%20lag%20im%20Jahr,den%20w%C3%A4rmsten%20Regionen%20in%20Deutschland; https://www.dwd.de/DE/presse/pressemitteilungen/DE/2019/20191230_deutschlandwetter_jahr2019.pdf?__blob=publicationFile&v=3.

( 38 ) Météo‑France huwa s-servizz uffiċjali tal-meteoroloġija u tal-klima fi Franza. Ara, rispettivament, http://www.meteofrance.fr/climat-passe-et-futur/bilans-climatiques/bilan-2017/bilan-climatique-de-l-annee-2017; http://www.meteofrance.fr/climat-passe-et-futur/bilans-climatiques/bilan-2018/bilan-climatique-de-l-annee-2018; http://www.meteofrance.fr/climat-passe-et-futur/bilans-climatiques/bilan-2019/bilan-climatique-de-l-annee-2019.

( 39 ) L-IMGW huwa l-istitut tal-meteoroloġija u tal-ġestjoni tal-ilma fil-Polonja. Ara https://www.imgw.pl/sites/default/files/2021-04/imgw-pib-klimat-polski-2020-opracowanie-final-pojedyncze-min.pdf (p. 12).

( 40 ) Skont il-punt 9.5 tal-Anness IIIA tar-Regolament 2017/1151, “[j]ekk matul intervall ta’ ħin partikolari l-kundizzjonijiet ambjentali jiġu estiżi f’konformità mal-punt 5.2, l-emissjonijiet tal-inkwinanti matul dan l-intervall ta’ ħin partikolari, ikkalkulati skont l-Appendiċi 4, għandhom jiġu diviżi b’valur ta’ 1,6 qabel jiġu evalwati għall-konformità mar-rekwiżiti ta’ dan l-Anness”.

( 41 ) Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-Gvern Ġermaniż jenfasizza li apparat ta’ manipulazzjoni maħsub b’tali mod li r-rata ta’ riċirkolazzjoni tal-gass tal-egżost taħdem 100 % biss f’tieqa ta’ temperaturi ta’ bejn 15 u 33 grad Celsius huwa, fl-istat attwali tal-iżvilupp tekniku, illegali, minħabba li din it-tieqa hija ferm ogħla mit-temperatura medja annwali fil-Ġermanja u li modifika tal-imsemmija tieqa li tippermetti li tiġi koperta firxa usa’ ta’ temperaturi, b’mod partikolari ’l isfel, hija teknikament possibbli. Dan il-gvern iżid jgħid li, għas-snin li għaddew, hija meħtieġa deċiżjoni tal-awtorità inkarigata mill-approvazzjoni tat-tip, każ b’każ, relatata ma’ tip partikolari ta’ vettura u li fiha għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi tal-magna inkwistjoni.

( 42 ) Iż-żewġ eċċezzjonijiet l-oħra previsti rispettivament fl-Artikolu 5(2)(b) u (ċ) tar-Regolament Nru 715/2007 ma humiex applikabbli fil-kawżi prinċipali.

( 43 ) Bl-użu tal-konġunzjoni “u”, nifhem din id-dispożizzjoni fis-sens li l-kundizzjonijiet previsti huma kumulattivi. Għalhekk, il-kriterju ta’ “tħaddim fis-sigurtà tal-vettura” ma huwiex indipendenti mill-eżistenza ta’ “ħsara” jew “inċidenti” wieħed minn dawn tal-aħħar għandu, fi kwalunkwe każ, ikun preżenti.

( 44 ) Sentenza X, punti 106 u 107.

( 45 ) Sentenza X, punt 108. Fis-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Niki Luftfahrt (C‑532/18, EU:C:2019:1127, punt 35), il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat, fl-istess sens, li s-sens ordinarju mogħti lill-kunċett ta’ “inċident” għandu jinftiehem bħala “avveniment involontarju li joħloq dannu mhux previst”. Ara wkoll is-sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2021, Altenrhein Luftfahrt (C‑70/20, EU:C:2021:379, punt 33).

( 46 ) Sentenza X, punt 108.

( 47 ) Sentenza X, punt 109.

( 48 ) Sentenza X, punt 110.

( 49 ) Sentenza X, punt 114.

( 50 ) Sentenza X, punt 115.

( 51 ) Is-sentenza X ingħatat wara t-tmiem tal-proċedura bil-miktub f’dawn il-kawżi. Madankollu, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-kawża X, min-naħa tagħhom, setgħu jiġu kkummentati mill-intervenjenti. Dawn tal-aħħar ġew mistoqsija b’mod partikolari, fil-kuntest tal-mistoqsijiet għal tweġiba bil-miktub magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja, dwar il-konsegwenzi li għandhom jinsiltu mis-sentenza X f’dawn il-kawżi.

( 52 ) Kif tirrileva l-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑134/20, il-valv tal-EGR jerġa’ jidderieġi l-gass tal-egżost wara li joħroġ mill-magna lejn il-manifold tad-dħul, sabiex hemmhekk jissostitwixxi parti mill-arja friska, li jnaqqas it-temperatura u jtawwal il-proċess ta’ kombustjoni, li jwassal għal limitazzjoni tal-emissjonijiet ta’ NOx. Barra minn hekk, l-iskambjatur tal-EGR għandu bħala funzjoni li jkessaħ il-gassijiet maħruqa (ara wkoll il-punt 33 tas-sentenza X dwar il-fuzjonament tal-valv tal-EGR).

( 53 ) Il-Gvern Ġermaniż jindika li, fir-rigward tal-magni diesel ta’ ġenerazzjoni Euro 6 l-iktar moderni, it-twieqi ta’ temperatura għandhom rwol minuri minħabba l-użu ta’ radjaturi tal-arja li tidħol fil-magna, madankollu s-sistema tal-EGR tibqa’ neċessarja f’temperaturi esterni estremi, pereżempju meta t-temperatura tkun ‑ 10 gradi Celsius.

( 54 ) Konklużjonijiet fil-kawża CLCV et (Mekkaniżmu ta’ manipulazzjoni fuq magna diesel) (C‑693/18, EU:C:2020:323).

( 55 ) Punt 135 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 56 ) https://www.dictionnaire-academie.fr/article/A9D0864.

( 57 ) https://www.collinsdictionary.com/dictionary/english/damage.

( 58 ) “Eine Beschädigung ist jede Einwirkung auf eine Sache, die ihre stoffliche Zusammensetzung verändert oder ihre bestimmungsgemäße Brauchbarkeit nicht nur geringfügig beeinträchtigt. Eine Substanzverletzung ist nicht erforderlich”. Ara https://www.rechtswoerterbuch.de/recht/b/beschaedigung/.

( 59 ) Enfasi miżjuda minni. L-istess definizzjoni hija riprodotta fil-punt 18 tal-Artikolu 2 tar-Regolament 2017/1151.

( 60 ) Enfasi miżjuda minni.

( 61 ) L-istess elementi jissemmew fil-punt 3.3 tal-Anness I tar-Regolament Nru 2017/1151. Barra minn hekk, l-Anness XI tar-Regolament Nru 692/2008, intitolat “Id-dijanjostika abbord (OBD) għal vetturi bil-mutur”, jirriproduċi, fl-Appendiċi 2 tiegħu, id-distinzjoni bejn il-magna u s-sistema ta’ kontroll tal-emissjonijiet. Din id-distinzjoni hija stabbilita wkoll fl-Appendiċi 2 tal-Anness XI tar-Regolament 2017/1151.

( 62 ) Sentenza X, punt 112.

( 63 ) Sentenza X, punt 110.

( 64 ) Sentenza X, punt 114.

( 65 ) Fil-każ fejn manutenzjoni regolari u adegwata tal-vettura tippermetti li jiġi evitat il-funzjonament ħażin tal-valv tal-EGR, ir-riskji immedjati ta’ ħsarat li jiġġeneraw perikolu konkret waqt is-sewqan tal-vettura huma perfettament evitabbli. Għalhekk, fil-fehma tiegħi, ma hemm l-ebda problema bil-funzjonament tal-magna u s-sigurtà tal-vettura.

( 66 ) Ara l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 86 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 67 ) Il-Kummissjoni ssostni li, meta jiġi invokat sabiex jiġġustifika strateġija awżiljari ta’ limitazzjoni tal-emissjonijiet, ir-riskju ta’ dannu f’daqqa u irreparabbli tal-magna għandu jiġi debitament muri u ddokumentat (ara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas‑26 ta’ Jannar 2017 intitolata “Linji gwida għall-evalwazzjoni tal-istrateġiji awżiljarji ta’ limitazzjoni tal-emissjonijiet u tal-preżenza ta’ apparat ta’ manipulazzjoni fir-rigward tal-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 715/2007 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur fir-rigward tal-emissjonijiet ta’ vetturi ħfief għall-passiġġieri u ta’ vetturi kummerċjali (Euro 5 u Euro 6)” C (2017) 352 final, punt 2.2, p. 8).

( 68 ) Fl-affermattiv, jiena tal-fehma li l-kundizzjoni li l-bżonn tal-apparat għandu jkun iġġustifikat għall-funzjonament fis-sigurtà tal-vettura, prevista fl-Artikolu 5(2)(a) tar-Regolament Nru 715/2007, tkun għalhekk issodisfatta wkoll.

( 69 ) F’paġna 44 tar-rapport tiegħu tat‑2 ta’ Marzu 2017 dwar l-inkjesta dwar il-kejl tal-emissjonijiet fis-settur awtomobilistiku, il-Parlament Ewropew irrileva li s-“sewqan f’temperaturi ambjentali baxxi ħafna (jew f’altitudni għolja ħafna fejn il-pressjoni tal-arja tkun baxxa), jista’ jkun ta’ sfida għal sistemi EGR, minħabba l-ħolqien possibbli ta’ nugrufun, idrokarburi u kondensati li jistgħu jimblukkaw il-valvola [tal-EGR] jew l-intercooler tal-EGR, u jikkawżaw, pereżempju, żieda fl-emissjonijiet ta’ sustanzi li jniġġsu, żieda fil-PM jew fl-idrokarburi […] Madankollu, il-manifatturi jidhru li jitfu s-sistemi EGR inġustifikabbilment malajr u qrib wisq it-temperatura użata fiċ-ċiklu tat-test […]”.

( 70 ) Sentenza X, punt 113.

( 71 ) F’dan is-sens, il-Qorti tal-Ġustizzja tagħmel riferiment fil-ġurisprudenza tagħha għall-prinċipju ġenerali li l-protezzjoni tas-saħħa pubblika għandha inkontestabbilment tingħata importanza predominanti meta mqabbla mal-kunsiderazzjonijiet ekonomiċi (sentenza tad‑19 ta’ April 2012, Artegodan vs Il‑Kummissjoni, C‑221/10 P, EU:C:2012:216, punt 99 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 72 ) Ara b’mod partikolari l-punt 126 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 73 ) Ara l-punt 126 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 74 ) Sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2013, Duarte Hueros (C‑32/12, EU:C:2013:637, punti 25 u 26).

( 75 ) Ara, fuq il-prinċipji tad-dritt sekondarju tal-Unjoni fil-qasam ta’ reġistrazzjoni ta’ vetturi, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl fil-kawża RDW et (C‑326/17, EU:C:2018:760, punti 29 sa 38).

( 76 ) Il-punt 0 tal-Anness IX tad-Direttiva 2007/46 jipprovdi li “[i]ċ-ċertifikat ta’ konformità huwa dikjarazzjoni mogħtija mill-manifattur tal-vettura lix-xerrej sabiex iserraħlu moħħu li l-vettura li huwa jkun akkwista tikkonforma mal-leġiżlazzjoni fis-seħħ fl-Unjoni Ewropea fil-ħin meta din ġiet iffabbrikata”.

( 77 ) F’dan is-sens, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-persuna li xtrat vettura tista’ leġittimament tqis li din il-vettura hija konformi mad-dispożizzjonijiet legali imposti fuq il-manifattur tal-vetturi (sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2020, Verein für Konsumenteninformation, C‑343/19, EU:C:2020:534, punt 37). Fuq l-analiżi li tgħid li, fir-relazzjonijiet bejn il-professjonisti u l-konsumaturi, il-prodotti u s-servizzi għandhom ikunu konformi mal-aspettattivi leġittimi tal-konsumaturi, ara Calais‑Auloy, J., Temple, H., u Depincé, M., Droit de la consommation, Dalloz, Pariġi, l‑10 ed., 2020, p. 225 et seq.

( 78 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑668/16, EU:C:2018:802, punti 85 sa 89).

( 79 ) Sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2013, Duarte Hueros (C‑32/12, EU:C:2013:637, punti 26 sa 28).

( 80 ) Sentenza tat‑23 ta’ Mejju 2019, Fülla (C‑52/18, EU:C:2019:447, punt 61).

( 81 ) Infakkar li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk dan huwiex il-każ, kif ġie rrilevat fil-punt 126 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 82 ) Sentenza tat‑23 ta’ Mejju 2019, Fülla (C‑52/18, EU:C:2019:447, punt 60).

( 83 ) L-aħħar ipoteżi ma hijiex applikabbli fil-kawża prinċipali.

( 84 ) F’dan ir-rigward, b’mod partikolari, il-konsumatur ma jistax jintalab jantiċipa r-riżultat tal-analiżi dwar il-klassifikazzjoni ġuridika tan-nuqqas ta’ konformità tal-oġġett (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2013, Duarte Hueros,C‑32/12, EU:C:2013:637, punt 40).

( 85 ) Il-kunċett ta’ “nuqqas ta’ konformità ‘minuri” huwa diġà preżenti fil-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-bejgħ u l-garanziji tal-oġġetti tal-konsum, tat‑18 ta’ Ġunju 1996 (COM(95) 520 final, p. 1). Il-memorandum ta’ spjegazzjoni ta’ din il-proposta jgħid li, “fi spirtu ta’ kompromess, u sabiex tkun tista’ ssir traspożizzjoni tad-direttiva adattata għat-tradizzjonijiet nazzjonali differenti, l-Istati Membri jistgħu jillimitaw l-għażla tal-konsumatur fil-każijiet ta’ nuqqasijiet ta’ konformità minuri” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (p. 14). Barra minn hekk, id-Direttiva 1999/44 hija mħassra b’effett mill‑1 ta’ Jannar 2022 bid-Direttiva (UE) 2019/771 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Mejju 2019 (ĠU 2019, L 136, p. 28, rettifiki fil-ĠU 2019, L 305, p. 61 u fil-ĠU 2020, L 86, p. 18), li ma tiddefinixxix ulterjorment il-kunċett ta’ nuqqas ta’ konformità “minuri”.

( 86 ) Nirrileva li, fil-kawża li tat lok għas-sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2013, Duarte Hueros (C‑32/12, EU:C:2013:637, punti 171820), konsumatriċi kienet xtrat vettura mgħammra b’sunroof u, f’każ ta’ xita, kien jidħol l-ilma fil-vettura minn ġo dan is-saqaf. Peress li din il-konsumatriċi kienet talbet it-tħassir tal-kuntratt ta’ bejgħ, il-qorti tar-rinviju qieset li n-nuqqas li wassal għall-kawża mressqa quddiemha kien “minuri”, fis-sens tal-Artikolu 3(6) tad-Direttiva 1999/44. Fil-konklużjonijiet tagħha f’din il-kawża Duarte Hueros (C‑32/12, EU:C:2013:128, punt 57), l-Avukat Ġenerali Kokott indikat li, f’kawżi komparabbli, qrati Ewropej oħra, fosthom qrati supremi, iddikjaraw li d-dħul ta’ ilma ma jistax jitqies difett minuri u li dawn id-deċiżjonijiet bl-ebda mod ma ħadu inkunsiderazzjoni l-fatt li, minkejja l-infiltrazzjoni tal-ilma, il-vettura baqgħet utilizzabbli bħala mezz ta’ trasport.

( 87 ) Ara, f’dan is-sens, Durovic, M., “Consumer sales law in the European Union”, Comparative Consumer Sales Law, 2018, p. 1 sa 182, b’mod partikolari p. 41.

( 88 ) Sentenza tat‑23 ta’ Mejju 2019, Fülla (C‑52/18, EU:C:2019:447, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 89 ) Ara wkoll il-punt 144 ta’ dawn il-konklużjonijiet.