KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

RICHARD DE LA TOUR

ippreżentati fl‑24 ta’ Ġunju 2021 ( 1 )

Kawża C‑102/20

StWL Städtische Werke Lauf a.d. Pegnitz GmbH

vs

eprimo GmbH

fil-preżenza ta’:

Interactive Media CCSP GmbH

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2002/58/KE – Ipproċessar ta’ data personali u protezzjoni tal-ħajja privata fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi – Messaġġ pubbliċitarju mdaħħal fl-inbox tal-utent ta’ servizz ta’ posta elettronika – Il-punt (h) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 – Kunċett ta’ ‘posta elettronika’ – Artikolu 13(1) – Kunċett ta’ ‘użu ta’ posta elettronika għall-finijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni diretta’ – Direttiva 2005/29/KE – Prattiki kummerċjali żleali – Anness I, punt 26 – Kunċett ta’ ‘solleċitazzjonijiet persistenti u mhux mixtieqa permezz ta’ posta elettronika’”

I. Introduzzjoni

1.

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-punt (h) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 u tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) ( 2 ), kif emendata bid-Direttiva 2009/136/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Novembru 2009 ( 3 ) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2002/58”), kif ukoll tal-punt 26 tal-Anness I tad-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali) ( 4 ).

2.

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn StWL Städtische Werke Lauf a.d. Pegniz GmbH (iktar ’il quddiem “StWL”), minn naħa, u eprimo GmbH, min-naħa l-oħra, żewġ kumpanniji li jipprovdu l-elettriku lil klijenti finali, dwar il-kompatibbiltà, mal-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tal-kompetizzjoni żleali, ta’ attività ta’ reklamar imwettqa minn Interactive Media CCSP GmbH (iktar ’il quddiem “Interactive Media”), fuq talba ta’ eprimo, li tikkonsisti fil-wiri ta’ messaġġi pubbliċitarji fl-inbox tal-utenti tas-servizz ta’ posta elettronika mingħajr ħlas “T‑Online”.

3.

It-teknika ta’ reklamar inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija diffiċli li tiġi kklassifikata għaliex, minn naħa, hija distinta mill-mudell tekniku tal-posta elettronika u, min-naħa l-oħra, tixbah, mill-perspettiva tad-destinatarju, il-posta elettronika mhux mitluba (spam), li hija l-mira prinċipali tal-għan ta’ protezzjoni indikat b’mod partikolari mill-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2002/58.

4.

F’dawn il-konklużjonijiet, ser nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja, fl-ewwel lok, tiddeċiedi li l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2002/58 għandu jiġi interpretat fis-sens li jikkostitwixxi “użu ta’ […] posta elettronika għal finijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni diretta”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, il-wiri fl-inbox tal-utent ta’ servizz ta’ posta elettronika ta’ messaġġi pubbliċitarji f’forma li hija simili għal dik tal-ittri elettroniċi u fl-istess post bħal dawn tal-aħħar, filwaqt li d-determinazzjoni każwali tad-destinatarji tal-imsemmija messaġġi hija irrilevanti f’dan ir-rigward u mingħajr in-neċessità li jiġi kkonstatat li l-piż impost fuq dan l-utent imur lil hinn minn inkonvenjenza kkawżata lilu. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk l-imsemmi utent tax kunsens li huwa, tal-inqas, liberu, speċifiku u informat, qabel il-wiri ta’ tali messaġġi pubbliċitarji fl-inbox tal-kont tal-posta elettronika tiegħu.

5.

Fit-tieni lok, ser nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja tqis li l-kunċett ta’ “solleċitazzjonijiet persistenti u mhux mixtieqa permezz ta’ […] posta elettronika” fis-sens tal-punt 26 tal-Anness I tad-Direttiva 2005/29 għandu jiġi interpretat fis-sens li jista’ jkopri aġir, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jikkonsisti fil-wiri fl-inbox tal-utent ta’ servizz ta’ posta elettronika ta’ messaġġi pubbliċitarji f’forma li tixbah lil dik tal-ittri elettroniċi u fl-istess post bħal dawn tal-aħħar. Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, minn naħa, jekk il-wiri ta’ dawn il-messaġġi pubbliċitarji kellux natura suffiċjentement frekwenti u regolari sabiex ikun jista’ jiġi kklassifikat bħala solleċitazzjonijiet “persistenti” u, min-naħa l-oħra, jekk il-wiri tal-imsemmija messaġġi jistax jiġi kklassifikat bħala “solleċitazzjonijiet mhux mixtieqa”, billi tittieħed inkunsiderazzjoni l-eżistenza jew le ta’ kunsens mogħti minn dan l-utent qabel dan il-wiri kif ukoll l-oppożizzjoni għal tali forma ta’ reklamar espress mill-imsemmi utent.

II. Il-kuntest ġuridiku

A.   Id-dritt tal-Unjoni

1. Id-Direttiva 2002/58

6.

Il-premessi 4 u 40 tad-Direttiva 2002/58 jipprovdu:

“(4)

Id-Direttiva 97/66/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Diċembru 1997 dwar l-ipproċessar ta’ data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tat-telekomunikazzjoni [ ( 5 )] ttraduċiet il-prinċipji stabbiliti fid-Direttiva 95/46/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data [ ( 6 )] f’regoli speċifiċi għas-settur tat-telekomunikazzjoni. Id-Direttiva [97/66] għandha tiġi adattata għall-iżviluppi fis-swieq u t-tekonoloġiji għas-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika sabiex tipprovdi livell indaqs ta’ protezzjoni tad-data personali u l-privatezza ta’ l-utenti ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament, irrispettivament mit-teknoloġija użata. Dik id-Direttiva għandha għaldaqstant titħassar u tiġi sostitwita b’din id-Direttiva.

[…]

(40)

Għandhom jingħataw salvagwardji għall-abbonati kontra l-intrużjoni tal-privatezza tagħhom permezz ta’ komunikazzjonijiet mhux soleċitati għal skopijiet ta’ marketing dirett partikolarment permezz ta’ magni li jsejħu awtomatikament, telefaxes u posta elettronika, inklużi messaġġi bl-SMS. Dawn il-forom ta’ komunikazzjoni kummerċjali mhux soliċitati jistgħu minn banda jkunu relativament faċli u rħas biex jintbagħtu u mill-oħra jistgħu jimponu piż u/jew spiża fuq ir-riċevent. Minbarra hekk, f’xi każijiet il-volum tagħhom jista’ wkoll jikkawża diffikultajiet għal networks ta’ komunikazzjoni elettronika u tagħmir terminali. Għal tali forma ta’ komunikazzjonijiet mhux soliċitati għal skopijiet ta’ marketing dirett huwa ġustifikat li jenħtieġ li jiġi akkwistat il-kunsens minn qabel espliċitu tar-riċeventi qabel ma jiġu indirizzati lilhom tali komunikazzjonijiet. Is-suq wieħed jeħtieġ pożizzjoni armonizzata biex jiġu żgurati regoli sempliċi [fl-Unjoni] kollha għan-negozji u għall-utenti.”

7.

L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2002/58, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi:

“Ħlief kif provdut mod ieħor, għandhom jgħoddu d-definizzjonijiet fid-Direttiva [95/46] u fid-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑7 ta’ Marzu 2002 dwar kwadru regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Kwadru) [ ( 7 )].

Għandhom jgħoddu wkoll dawn id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

d)

‘komunikazzjoni’ tfisser informazzjoni skambjata jew mibgħuta bejn numru finit ta’ partijiet permezz ta’ servizz ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament. Dan ma jinkludix informazzjoni mibgħuta bħala parti minn servizz ta’ xandir lill-pubbliku fuq network ta’ komunikazzjoni elettronika, ħlief sa fejn l-informazzjoni tista’ tkun relatata ma’ l-abbonat jew utent identifikabbli li jirċievi l-informazzjoni;

[…]

f)

‘kunsens’ minn utent jew abbonat jikkorrespondi għall-kusnens tas-suġġett tad-data fid-Direttiva [95/46 ( 8 )];

[…]

h)

‘posta elettronika’ tfisser kull messaġġ ta’ test, leħen, ħoss jew stampi mibgħut fuq network ta’ komunikazzjoni pubblika li jista’ jinħażen fin-network jew fit-tagħmir terminali tar-riċevent sakemm jinġabar mir-riċevent;

[…]”

8.

L-Artikolu 13 tad-Direttiva 2002/58, intitolat “Komunikazzjonijiet mhux soliċitati”, jipprevedi:

“1.   L-użu ta’ sistemi ta’ sejħiet awtomatizzati u ta’ komunikazzjoni, mingħajr l-intervent uman (magni ta’ sejħiet awtomatiċi), magni tal-facsimile (fax) jew posta elettronika għal finijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni diretta jista’ jkun permess biss fir-rigward ta’ abbonati jew utenti li jkunu taw il-kunsens tagħhom minn qabel.

2.   Minkejja l-paragrafu 1, fejn persuna naturali jew legali tikseb mill-klijenti tagħha d-dettalji ta’ kuntatt elettroniċi għall-posta elettronika, fil-kuntest ta’ bejgħ ta’ prodott jew servizz, skont id-Direttiva [95/46], l-istess persuna naturali jew legali tista’ tuża dawn id-dettalji ta’ kuntatt elettroniċi għall-kummerċjalizzazzjoni diretta tal-prodotti jew servizzi simili tagħha stess, dment li l-klijenti jingħataw b’mod ċar u distint l-opportunità li joġġezzjonaw, mingħajr ħlas u b’mod faċli, għal tali użu ta’ dettalji ta’ kuntatt elettroniku fil-ħin tal-ġbir tagħhom u fl-okkażjoni ta’ kull messaġġ fil-każ fejn il-klijent ma jkunx irrifjuta inizjalment tali użu.

3.   L-Istati Membri għandhom miżuri xierqa biex jiżguraw illi, il-komunikazzjonijiet mhux mitluba għall-iskopijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni diretta, minbarra f’każijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2, ma jkunux permessi mingħajr il-kunsens tal-abbonati jew l-utenti konċernati jew fir-rigward ta’ abbonati jew utenti li ma jixtiqux jirċievu dawn il-komunikazzjonijiet, bl-għażla bejn dawn it-tnejn tiġi determinata mil-leġislazzjoni nazzjonali, b’kont meħud li ż-żewġ għażliet għandhom ikunu mingħajr ħlas għall-abbonat jew l-utent.

4.   F’kull każ, il-prattika li tintbagħat posta elettronika għall-iskopijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni diretta li tiddissimula jew taħbi l-identità tal-mittent li f’ismu tkun saret il-komunikazzjoni, bi ksur tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2000/31/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑8 ta’ Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku) ( 9 )], mingħajr indirizz validu li r-riċevent jista’ jibgħatlu talba biex ma jirċevix tali komunikazzjonijiet, jew li tinkoraġġixxi lir-riċeventi jżuru websajts li jmorru kontra dak l-Artikolu, għandha tiġi pprojbita.

[…]”

2. Id-Direttiva 2005/29

9.

Il-premessa 17 tad-Direttiva 2005/29 tipprovdi:

“Hu kunsiljabbli li dawk il-prattiċi kummerċjali li huma f’kull ċirkustanza żleali għandhom jiġu identifikati sabiex tiġi provduta ċertezza legali akbar. L-Anness I għalhekk fih lista sħiħa ta’ dawn il-prattiċi kollha. Dawn huma biss il-prattiċi kummerċjali li jistgħu jiġu meqjusa żleali, mingħajr l-eżami ta’ kull każ għalih fid-dawl tad-disposizzjonijiet ta’ l-Artikoli 5 sa 9. Il-lista tista’ tiġi modifikata biss b’reviżjoni tad-Direttiva.”

10.

L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2005/29 jipprovdi li:

“1.   Il-prattiċi kummerċjali żleali għandhom ikunu projbiti.

2.   Prattika kummerċjali tkun żleali jekk:

a)

hija kuntrarja għar-rekwiżiti tad-diliġenza professjonali, u

b)

toħloq distorsjoni sostanzjali jew tista’ toħloq distorsjoni sostanzjali fl-imġieba ekonomika, fir-rigward tal-prodott, tal-konsumatur medju li tilħaq jew li lilu tkun indirizzata, jew tal-membru medju tal-grupp meta xi prattika kummerċjali tkun diretta lejn grupp partikolari ta’ konsumaturi.

[…]

4.   B’mod partikolari, ikunu żleali dawk il-prattiċi kummerċjali li

a)

jqarrqu kif stabbilit fl-Artikoli 6 u 7, jew

b)

jkunu aggressivi kif stabbilit fl-Artikoli 8 u 9.

5.   Fl-Anness I tinsab lista ta’ dawk il-prattiċi kummerċjali li għandhom f’kull ċirkostanza jitqiesu bħala żleali. L-istess lista waħdanija għandha tapplika fl-Istati Membri kollha u tista tiġi modifikata biss permezz ta’ revizjoni tad-Direttiva.”

11.

L-Artikolu 8 tad-Direttiva 2005/29 jipprevedi:

“Prattika kummerċjali għandha titqies bħala aggressiva jekk, fil-kuntest fattwali tagħha, b’kont meħud tal-karatteristiċi u ċ-ċirkostanzi kollha tagħha, permezz ta’ fastidju, kostrizzjoni, inkluż l-użu tal-forza fiżika, jew ta’ influwenza mhux xierqa, tfixkel b’mod sinifikanti jew x’aktarx tfixkel konsiderevolment il-libertà ta’ l-għażla jew l-imġieba tal-konsumatur medju fir-rigward tal-prodott u b’hekk tikkawża jew x’aktarx tikkawża li huwa jieħu deċiżjoni transazzjonali li ma kienx jieħu f’ċirkostanzi oħra.”

12.

L-Anness I ta’ din id-direttiva jinkludi l-lista tal-“[p]rattiċi kummerċjali li f’kull ċirkostanza huma kkunsidrati żleali”. Fost il-“[p]rattiċi kummerċjali aggressivi”, hemm, fil-punt 26, it-twettiq ta’ “solleċitazzjonijiet persistenti u mhux mixtieqa permezz tat-telefon, fax, e-mail jew mezz ieħor remot ħlief f’ċirkostanzi u sal-punt ġustifikat, skond il-liġi nazzjonali, sabiex jinforza obligazzjoni kontrattwali. Din id-dispożizzjoni hija bla ħsara […] għad-direttivi [95/46] u [2002/58].”

B.   Id-dritt Ġermaniż

13.

L-Artikolu 3(1) u (2) tal-Gesetz gegen den unlauteren Wettbewerb (il-Liġi kontra l-Kompetizzjoni Żleali) ( 10 ) tat‑3 ta’ Lulju 2004, fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali, jipprovdi:

“(1)   Il-prattiki kummerċjali żleali huma illegali.

(2)   Il-prattiki kummerċjali indirizzati lill-konsumaturi jew li jilħqu lil dawn tal-aħħar huma żleali meta ma jkunux konformi mad-diliġenza dovuta mill-imprendituri u meta jkunu ta’ natura li jinfluwenzaw sostanzjalment l-aġir ekonomiku tal-konsumatur.”

14.

L-Artikolu 5a(6) tal-UWG jipprevedi:

“Iwettaq […] att ta’ kompetizzjoni żleali kull min ma jindikax l-intenzjoni kummerċjali reali ta’ prattika, meta din ma tirriżultax diġà mill-kuntest u fejn l-assenza ta’ indikazzjoni tista’ twassal lill-konsumatur sabiex jieħu deċiżjoni kummerċjali li ma kienx jieħu f’ċirkustanzi oħra.”

15.

L-Artikolu 7(1) u (2) tal-UWG huwa fformulat kif ġej:

“(1)   Il-prattiki kummerċjali li jikkawżaw inkonvenjenza inaċċettabbli għal attur fis-suq huma illegali. Dan japplika b’mod partikolari għar-reklamar implimentat minkejja li huwa manifest li l-attur fis-suq imsemmi ma jridux.

(2)   Għandha dejjem tiġi preżunta l-eżistenza ta’ inkonvenjenza inaċċettabbli:

1.

fil-każ ta’ reklamar li jinvolvi l-użu ta’ mezz ta’ komunikazzjoni kummerċjali adattat għall-kummerċjalizzazzjoni mill-bogħod mhux imsemmi fil-punti 2 u 3 ta’ din id-dispożizzjoni, li jissolleċita b’mod persistenti lill-konsumatur meta huwa manifestament ma jridux;

[…]

(3)

fil-każ ta’ reklamar li jinvolvi l-użu ta’ magna li ssejjaħ b’mod awtomatiku, ta’ faks jew ta’ posta elettronika, mingħajr il-kunsens espress minn qabel tad-destinatarju, jew

(4)

fil-każ ta’ reklamar fil-forma ta’ messaġġ

a)

maħruġ b’tali mod li tiġi ddissimulata jew billi tinħeba l-identità tal-emittent li f’ismu ssir il-komunikazzjoni […]

[…]”

16.

Skont l-Artikolu 8 tal-UWG:

“(1)   Kull min iwettaq prattika kummerċjali illegali fir-rigward tal-Artikolu 3 jew tal-Artikolu 7 jista’ jkun is-suġġett ta’ azzjoni għat-tneħħija tal-istat ta’ fatt illegali u, fil-każ ta’ riskju ta’ reċidiva, ta’ inibizzjoni. Id-dritt ta’ inibizzjoni jeżisti meta hemm ir-riskju li tidher tali prattika li tmur kontra l-Artikolu 3 jew l-Artikolu 7.

(2)   Jekk il-ksur imwettaq f’impriża jsir minn impjegat jew minn persuna inkarigata, l-azzjoni għall-inibizzjoni u l-azzjoni għat-tneħħija tal-istat ta’ fatt illegali huma fondati wkoll kontra l-proprjetarju tal-impriża.

(3)   Dawn li ġejjin igawdu mid-drittijiet mogħtija mill-paragrafu 1:

1. kwalunkwe kompetitur;

[…]”

III. Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

17.

StWL u eprimo huma żewġ fornituri ta’ elettriku kompetituri. Fuq talba ta’ eprimo, Interactive Media, aġenzija tar-reklamar, bagħtet avviżi ta’ reklamar fl-inbox tal-posta elettronika ta’ utenti ta’ T‑Online, li huwa servizz mingħajr ħlas ta’ posta elettronika.

18.

Il-messaġġi pubbliċitarji li jħabbru “iktar iffrankar” b’eprimo dehru fl-inbox tal-posta elettronika privata ta’ utent ta’ T‑Online u, b’mod iktar preċiż, fl-inbox, jiġifieri fit-taqsima li fiha l-ittri elettroniċi rċevuti huma indikati fil-forma ta’ lista, fejn dawn jiddaħħlu bejn l-ittri elettroniċi rċevuti. B’differenza għal dawn l-ittri elettroniċi, ir-reklamar, flimkien mal-kliem “reklam”, kien jidher b’mod skurat, la kien jinkludi data u lanqas speditur, ma setax jiġi arkivjat jew trażmess u lanqas ma kien possibbli li jitwieġeb bl-użu tal-għażliet previsti mill-fornitur tas-servizz tal-posta elettronika għall-ipproċessar tal-ittri elettroniċi. Barra minn hekk, dan ma kienx jittieħed inkunsiderazzjoni fin-numru ta’ ittri elettroniċi mhux moqrija u ma kienx ikkalkolat fl-ispazju tal-ħażna tal-inbox. Dan l-utent bagħat intimazzjoni lil eprimo fl‑20 ta’ Diċembru 2016 dwar reklam tat‑12 ta’ Diċembru 2016 u b’hekk espressament informa lil eprimo dwar ir-rieda tiegħu li ma jirċevix tali reklamar. Madankollu, dehru reklami tal-istess tip fl-inbox tiegħu fit‑13 u fil‑15 ta’ Jannar 2017.

19.

Il-messaġġi pubbliċitarji inkwistjoni fil-kawża prinċipali jintwerew fl-inbox tal-utenti tas-servizz tal-posta elettronika b’mod każwali. Mal-ftuħ tal-paġna tal-internet li tikkorrispondi għal kont tal-posta elettronika, talba (Adrequest) tintbagħat lis-server pubbliċitarju, li sussegwentement jibgħat il-parametri korrispondenti għall-browser tal-internet tal-utent, sabiex banner pubbliċitarju magħżul b’mod każwali jintwera fl-inbox ta’ dan il-kont. Jekk dan l-utent jikklikkja fuq ir-reklamar li jidher, din l-azzjoni tiġi trażmessa lis-server pubbliċitarju li jirreġistraha u jidderieġi l-browser lejn is-sit tal-persuna li tirreklama.

20.

Adita minn StWL, li kienet tikkunsidra li dan il-metodu pubbliċitarju jmur kontra d-dritt tal-kompetizzjoni sa fejn dan kien jikkostitwixxi inkonvenjenza inaċċettabbli u li kien qarrieqi, il-Landgericht Nürnberg‑Fürth (il-Qorti Reġjonali ta’ Nuremberg‑Fürth, il-Ġermanja) ordnat lil eprimo twaqqaf, fin-negozju u għal finijiet ta’ kompetizzjoni, ir-reklamar għad-distribuzzjoni tal-elettriku lil konsumaturi finali fil-kont tal-posta elettronika T‑Online.

21.

L-appell ippreżentat minn eprimo quddiem l-Oberlandesgericht Nürnberg (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Nürnberg, il-Ġermanja) intlaqa’, peress li dik il-qorti qieset li t-tqegħid ikkontestat tar-reklamar fl-inbox tal-utent ta’ servizz ta’ posta elettronika ma kienx, fir-rigward tad-dritt tal-kompetizzjoni, prattika kummerċjali illegali.

22.

L-Oberlandesgericht Nürnberg (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Nürnberg) iddeċidiet, minn naħa, li r-reklamar inkwistjoni ma kienx jikkostitwixxi inkonvenjenza inaċċettabbli li jinvolvi l-użu tal-posta elettronika, fis-sens tal-punt 3 tal-Artikolu 7(2) tal-UWG, peress li dan ir-reklamar ma setax jitqies li huwa posta elettronika fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Fi kwalunkwe każ, l-imsemmi reklamar ma kienx jinvolvi, għall-utent tas-servizz ta’ posta elettronika, spejjeż jew piżijiet li jmorru lil hinn mill-inkonvenjenza “normali” kkawżata minn kull reklamar u għalhekk ma kienx jikkawża inkonvenjenza inaċċettabbli fis-sens tad-dispożizzjoni ġenerali tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 7(1) tal-UWG, b’mod partikolari fid-dawl tal-fatt li s-servizz ta’ posta elettronika huwa mingħajr ħlas.

23.

Min-naħa l-oħra, dik il-qorti kkonkludiet li r-reklamar inkwistjoni ma kienx illegali bl-applikazzjoni tal-punt 4(a) tal-Artikolu 7(2) tal-UWG, peress li dan ma kienx reklamar fil-forma ta’ messaġġi. Il-punt 1 tal-Artikolu 7(2) tal-UWG lanqas ma kien applikabbli, peress li jippreżupponi “solleċitazzjoni”, fis-sens ta’ aġir li jdejjaq lil konsumatur, li ma huwiex il-każ hawnhekk. Fl-aħħar nett, ir-reklami inkwistjoni ma setgħux jiġu kkunsidrati li huma żleali minħabba li kienu qarrieqa fis-sens tal-Artikolu 5a(6) tal-UWG peress li n-natura pubbliċitarja tagħhom ma kinitx iddissimulata.

24.

Adita b’rikors għal “Reviżjoni” minn StWL, il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja) tqis li r-risposta tagħha għad-domanda dwar jekk jeżistix dritt għall-waqfien tal-prattika inkwistjoni tiddependi fuq l-interpretazzjoni tal-punti (d) u (h) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 u tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2002/58 kif ukoll tal-punt 26 tal-Anness I tad-Direttiva 2005/29 u tal-kunċetti ta’ “posta elettronika”, ta’ “użu” u ta’ “solleċitazzjoni”.

25.

Fil-fatt, skont il-qorti tar-rinviju, l-aġir ikkritikat lil eprimo seta’ kien illegali b’applikazzjoni tal-punt 3 tal-Artikolu 7(2) li jittrasponi l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2002/58. Hija tindika li huwa wkoll possibbli li r-reklamar huwa illegali b’applikazzjoni tal-punt 1 tal-Artikolu 7(2) tal-UWG li jittrasponi l-punt 26 tal-Anness I tad-Direttiva 2005/29.

26.

L-ewwel, fir-rigward tal-parti dwar l-applikazzjoni tal-punt 3 tal-Artikolu 7(2) tal-UWG, li jittrasponi l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2002/58, il-qorti tar-rinviju tixtieq tikseb mingħand il-Qorti tal-Ġustizzja kjarifiki dwar il-kunċetti ta’ posta elettronika u ta’ użu ta’ din tal-aħħar għall-finijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni diretta.

27.

Sabiex jiġi ddeterminat jekk ir-reklamar inkwistjoni jaqax taħt il-kunċett ta’ posta elettronika, dik il-qorti tikkonstata qabelxejn li l-messaġġ li jkun ġie trażmess f’ħin reali mill-utent tas-server pubbliċitarju lill-inbox tal-kont ta’ posta elettronika wara l-ftuħ ta’ din il-paġna tal-internet, imwettaq mill-utent permezz tal-konnessjoni, u li jintwera fuq din il-paġna, fejn seta’ jinqara minn dan l-utent, jikkostitwixxi “komunikazzjoni” fis-sens tal-punt d tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2002/58. Hija tqis sussegwentement li għandu jiġi vverifikat jekk messaġġ pubbliċitarju bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali jistax jiġi kklassifikat bħala “posta elettronika” fis-sens tal-punt (h) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva.

28.

F’dan ir-rigward, hija tistaqsi dwar il-kriterju tat-trażmissjoni tal-messaġġ imsemmi f’din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, ir-reklamar fl-inbox ma jiġix trażmess mill-utent ta’ servizz ta’ posta elettronika lil utent ieħor, iżda jintwera minn servers pubbliċitarji, wara l-ftuħ tal-kont tal-posta elettronika, f’ċerti spazji tal-inbox previsti għal dan il-għan, ta’ utent magħżul b’mod każwali. Bl-applikazzjoni tal-kriterji ta’ ittra tradizzjonali, it-“trażmissjoni” tal-ittra tista’ għalhekk tkun nieqsa, b’tali mod li r-reklamar li jidher f’din l-inbox ma jistax jiġi kklassifikat bħala posta elettronika. Madankollu, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-għan ta’ protezzjoni tal-ħajja privata tal-utent stabbilit fil-premessa 40 u segwit mill-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2002/58 jistax jimmilita favur approċċ funzjonali u mhux tekniku tad-definizzjoni ta’ “trażmissjoni”. Dan l-għan jista’ jiġġustifika l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “trażmissjoni” mhux abbażi tal-forom tradizzjonali ta’ komunikazzjoni elettronika, jiġifieri fis-sens tal-ispedizzjoni minn utent partikolari lil utent speċifiku ieħor, iżda b’mod funzjonali, fis-sens ta’ xandir.

29.

Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “ġbir” inkluż fil-punt (h) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2002/58. Dik il-qorti tispjega li minn din id-dispożizzjoni, moqrija flimkien mal-premessa 27 ta’ din l-istess direttiva ( 11 ), jista’ jirriżulta li l-ġbir tal-messaġġ jippreżupponi aġir intenzjonat tad-destinatarju li, mal-ftuħ tal-kont tal-posta elettronika tiegħu, juri r-rieda tiegħu li l-ittri elettroniċi tiegħu, maħżuna fuq is-server tas-servizz ta’ posta elettronika, jintwerew u jiġu trażmessi lilu, filwaqt li, f’dak li jirrigwarda r-reklamar inkwistjoni, li huwa maħżun fuq server pubbliċitarju kkontrollat mill-kumpannija li tibgħathom, l-utent għandu biss jiftaħ is-servizz ta’ posta elettronika sabiex il-banner pubbliċitarju jintwera f’ħin reali, mingħajr ma l-utent tal-internet jinduna b’dan il-proċess u mingħajr ma jista’ jiddeċiedi, permezz ta’ deċiżjoni li tesprimi r-rieda tiegħu, favur jew kontra dan il-wiri. Fil-qosor, il-ġbir imsemmi fil-punt (h) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2002/58 jippreżupponi azzjoni min-naħa tal-utent fid-dawl tat-trażmissjoni ta’ messaġġ, ġeneralment mis-server tal-fornitur tas-servizzi. Madankollu, l-imsemmija qorti tqis li l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2002/58 jimponi li l-utent jiġi protett minn komunikazzjonijiet ta’ reklamar mhux mitluba u, konsegwentement, li jitqies li l-ftuħ tal-kont tal-posta elettronika fuq l-internet huwa biżżejjed sabiex jikkostitwixxi att finali ta’ ġbir.

30.

Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tirrileva li, qabel l-inklużjoni tiegħu, li tiġi skattata bil-konnessjoni, fl-inbox tal-posta elettronika, ir-reklamar kontenzjuż kien maħżun fuq server pubbliċitarju u għalhekk fin-network. Fil-fehma tagħha, mill-premessa 27 tad-Direttiva 2002/58 ma jistax jiġi dedott li posta elettronika tfisser biss messaġġi li huma maħżuna fuq is-server tal-fornitur tas-servizzi nnifsu.

31.

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll jekk ikunx hemm “posta elettronika”, fis-sens tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2002/58, meta ittra ma tiġix trażmessa lil destinatarju individwali diġà ddefinit konkretament qabel it-trażmissjoni, iżda murija, bħal f’dan il-każ, b’mod każwali. Il-qorti tar-rinviju tirrileva, f’dan ir-rigward, li r-reklamar kontenzjuż twettaq b’mod każwali fir-rigward tal-klijenti tas-servizz ta’ posta elettronika mingħajr ħlas, mingħajr il-possibbiltà tal-għoti tal-kunsens minn qabel tal-klijent. Madankollu, hija tqis li ma huwiex possibbli li jiġi dedott mir-rekwiżit ta’ kunsens minn qabel previst minn din id-dispożizzjoni li l-forom kollha ta’ kummerċjalizzazzjoni diretta huma awtorizzati peress li l-kunsens tal-utenti tas-servizz ta’ posta elettronika ma jistax jinkiseb qabel il-wiri ta’ reklamar, u dan minħabba l-proċessi tekniki użati mill-persuna li tirreklama.

32.

Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tqis li l-kunċett ta’ “użu” tal-posta elettronika, fis-sens tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2002/58, għandu jiġi ddefinit u tistaqsi jekk, sabiex jaqa’ taħt dan il-kunċett, il-“piż” ( 12 )impost fuq l-utent għandux imur lil hinn minn inkonvenjenza li tkun ikkawżata lilu. F’dan ir-rigward, hija tikkonstata li, peress li r-reklamar inkwistjoni għandu l-apparenza ta’ ittra elettronika u peress li huwa, għalhekk, iktar viżibbli minn reklamar barra mill-inbox, l-inkonvenjenza hija ikbar minn dik tar-reklamar li jidher fil-marġni tal-inbox, u li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, l-għan ta’ protezzjoni tal-ħajja privata tal-utenti jista’ ma jkunx issodisfatt.

33.

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-parti dwar l-applikazzjoni tal-punt 1 tal-Artikolu 7(2) tal-UWG, li jittrasponi l-punt 26 tal-Anness I tad-Direttiva 2005/29, il-qorti tar-rinviju tqis li l-kriterji ta’ “solleċitazzjoni”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni għandhom jiġu ppreċiżati. Skont dik il-qorti, is-solleċitazzjoni hija eskluża meta l-komunikazzjoni tkun indirizzata lill-pubbliku ġenerali. Għall-kuntrarju, hija tippreżupponi reklamar indirizzat b’mod immirat lil klijent individwali. F’dan ir-rigward, l-imsemmija qorti tistaqsi jekk huwiex meħtieġ, sabiex ikun hemm reklamar individwali mmirat li jissodisfa l-kriterji tas-solleċitazzjoni, li klijent jiġi kkuntattjat permezz ta’ għodda tradizzjonali ta’ komunikazzjoni individwali bejn speditur u destinatarju tiegħu, bħat-telefon, il-faks jew posta elettronika, jew jekk huwiex biżżejjed li, bħal f’dan il-każ, ir-rabta ma’ utent tiġi stabbilita permezz tal-wiri tar-reklam fl-inbox tal-kont tal-posta elettronika tiegħu, jiġifieri fit-taqsima fejn huwa jistenna li jirċievi ittri li jkunu indirizzati lilu individwalment.

34.

Skont il-qorti tar-rinviju, sa fejn ir-reklamar imdaħħal f’din l-inbox inkwistjoni jikkawża lill-utent inkonvenjenza ikbar minn dik ikkawżata mill-banners pubbliċitarji tradizzjonali li, peress li jintwerew fit-taqsimiet ta’ sit tal-internet li huma normalment previsti għal dan il-għan, ma għandhomx l-istess natura individwali, l-għan ta’ protezzjoni mixtieq mill-punt 26 tal-Anness I tad-Direttiva 2005/29 huwa probabbilment ukoll inkwistjoni.

35.

Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tqis li l-kundizzjonijiet l-oħra tal-prattika li hija pprojbita minn din id-dispożizzjoni huma ssodisfatti. Hija tirrileva, f’dan ir-rigward, li l-utent tas-servizz ta’ posta elettronika ġie ssolleċitat tliet darbiet b’kollox, jiġifieri f’diversi okkażjonijiet u għalhekk b’mod persistenti, permezz tar-reklamar inkluż fl-inbox tal-posta elettronika tiegħu. Tali reklamar ma kienx mixtieq, sa fejn dan l-utent kien espressament informa lil eprimo dwar ir-rieda tiegħu li ma jirċevix messaġġi pubbliċitarji bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

36.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Il-kunċett ta’ trażmissjoni fis-sens tal-punt (h) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tad-Direttiva [2002/58] ikun issodisfatt meta messaġġ ma jiġix trażmess minn utent ta’ servizz tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, permezz ta’ fornitur ta’ servizz, fl-“indirizz” elettroniku tat-tieni utent, iżda jintwera b’mod awtomatizzat, minn servers pubbliċitarji, wara l-aċċess għall-paġna tal-internet, protetta b’password, ta’ kont ta’ posta elettronika, f’ċerti żoni previsti għal dan il-għan fl-inbox elettronika ta’ utent magħżul koinċidentalment (reklamar fl-inbox)?

2)

L-irkupru ta’ messaġġ fis-sens tal-punt (h) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2002/58 jippreżupponi li d-destinatarju jiskatta, wara li kellu għarfien tal-eżistenza ta’ messaġġ, permezz ta’ talba ta’ rkupru intenzjonata, it-trażmissjoni ta’ data ta’ messaġġ skont programmazzjoni predeterminata jew huwa biżżejjed li l-apparizzjoni ta’ messaġġ fl-inbox ta’ kont ta’ posta elettronika tiġi skattata meta l-utent jaċċedi għall-paġna internet, protetta b’password, tal-kont tal-posta elettronika tiegħu?

3)

Ikun hemm posta elettronika, fis-sens tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2002/58, meta messaġġ ma jiġix trażmess lil destinatarju individwali konkretament identifikat qabel it-trażmissjoni, iżda jintwera fl-inbox ta’ utent magħżul koinċidentalment?

4)

L-użu ta’ posta elettronika għall-finijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni diretta, fis-sens tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2002/58, iseħħ biss meta l-utent ikun suġġett għal oneru ikbar mill-inkonvenjent?

5)

Ir-reklamar individwali li jissodisfa l-kriterji ta’ “solleċitazzjoni” fis-sens tal-ewwel sentenza tal-punt 26 tal-Anness I tad-Direttiva [2005/29] iseħħ biss meta klijent jiġi kkuntattjat permezz ta’ mezz li abitwalment jintuża għall-komunikazzjoni individwali bejn speditur u destinatarju jew huwa biżżejjed li, bħar-reklamar fil-każ ineżami, tiġi stabbilita konnessjoni individwali inkwantu r-reklam jintwera fl-inbox ta’ kont ta’ posta elettronika privat u għalhekk f’post fejn il-klijent jippretendi li jirċievi messaġġi li huma indirizzati lilu personalment?”

37.

Interactive Media, eprimo, il-Gvern Portugiż u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. StWL, Interactive Media, eprimo u l-Kummissjoni wieġbu fit-terminu mogħti għall-mistoqsijiet għal tweġiba bil-miktub magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja.

IV. Analiżi

38.

Dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar jekk u, jekk ikun il-każ, abbażi ta’ liema kundizzjonijiet tista’ titqies li hija kompatibbli mad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttivi 2002/58 u 2005/29 prattika li permezz tagħha messaġġi ta’ reklamar jintwerew fl-inbox tal-utent ta’ servizz ta’ posta elettronika li huwa pprovdut mingħajr ħlas lil dan l-utent u li huwa ffinanzjat mir-reklamar imħallas mill-persuni li jirreklamaw.

39.

Kif jirriżulta mill-punt 26 tal-Anness I tad-Direttiva 2005/29, il-projbizzjoni ta’ “solleċitazzjonijiet persistenti u mhux mixtieqa permezz tat-telefon, fax, e-mail jew mezz ieħor remot ħlief f’ċirkostanzi u sal-punt ġustifikat, skond il-liġi nazzjonali, sabiex jinforza obligazzjoni kontrattwali” tapplika bla ħsara għar-regoli indikati b’mod partikolari fid-Direttiva 2002/58. Kif mitlub hawnhekk mill-qorti tar-rinviju, ser neżamina għalhekk suċċessivament id-domandi li jirrigwardaw l-interpretazzjoni, minn naħa, tad-Direttiva 2002/58 u, min-naħa l-oħra, tad-Direttiva 2005/29.

A.   Fuq l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 2002/58

40.

Permezz tal-ewwel u tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi jekk il-kriterji li jippermettu li tiġi ddefinita posta elettronika, fis-sens tal-punt (h) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2002/58, humiex issodisfatti fil-każ ta’ messaġġ pubbliċitarju li jidher fl-inbox tal-kont tal-utent ta’ servizz ta’ posta elettronika. B’mod iktar preċiż, hija tistaqsi jekk messaġġ jistax jitqies li “ntbagħat”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, meta ma jiġix trażmess minn dan l-utent lil utent ieħor permezz ta’ fornitur ta’ servizzi fl-indirizz elettroniku ta’ dan l-utent l-ieħor, iżda jintwera b’mod awtomatizzat, wara l-ftuħ tal-paġna tal-internet ta’ kont tal-posta elettronika sigur, fl-inbox ta’ utent magħżul b’mod każwali. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll jekk huwiex neċessarju, sabiex messaġġ ikun jista’ jitqies li “nġabar”, fis-sens tal-punt (h) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2002/58, li d-destinatarju jiskatta volontarjament it-trażmissjoni tad-data tal-messaġġ inkwistjoni jew jekk huwiex biżżejjed li dan il-messaġġ jidher fl-inbox wara l-ftuħ tal-paġna tal-internet tal-kont tal-posta elettronika sigur.

41.

Permezz tat-tielet u tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju titlob interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “użu […] ta’ posta elettronika għall-finijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni diretta”, fis-sens tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2002/58. B’mod iktar preċiż, hija tixtieq tkun taf, permezz tat-tielet domanda tagħha, jekk jistax jitqies li huwa “posta elettronika”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, messaġġ li ma jintbagħatx lil destinatarju individwali qabel it-trażmissjoni, iżda li jiġi inkluż fl-inbox ta’ utent magħżul b’mod każwali. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk “użu […] ta’ posta elettronika għal finijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni diretta”, fis-sens tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2002/58, jiġi stabbilit biss meta jiġi kkonstatat li l-piż impost fuq l-utent imur lil hinn minn inkonvenjenza li tkun ikkawżata lilu.

42.

Skont il-punt (h) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2002/58, posta elettronika hija ddefinita bħala “kull messaġġ ta’ test, leħen, ħoss jew stampi”. Dan l-element tad-definizzjoni ma jagħtix lok għal dibattitu fil-kuntest ta’ din il-kawża u huwa ċertament issodisfatt minn messaġġ pubbliċitarju bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

43.

Dan premess, għandhom jiġu ssodisfatti tliet kriterji oħra sabiex messaġġ ikun jista’ jiġi kklassifikat bħala “posta elettronika”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. L-ewwel, il-messaġġ għandu jkun “mibgħut fuq network ta’ komunikazzjoni pubblika”. It-tieni, dan il-messaġġ għandu jkun jista’ “jinħażen fin-network jew fit-tagħmir terminali tar-riċevent”. It-tielet, l-imsemmi messaġġ għandu jkun jista’ jinġabar mid-destinatarju tiegħu.

44.

Jeżistu żewġ teżijiet opposti dwar jekk messaġġ pubbliċitarju bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali jissodisfax dawn it-tliet kriterji, kemm jekk kompletament jew parzjalment biss.

45.

Skont it-teżi opposta għall-klassifikazzjoni ta’ “posta elettronika”, li hija sostnuta minn eprimo u Interactive Media, messaġġ pubbliċitarju li jintwera b’mod każwali fl-inbox ta’ kont ta’ posta elettronika ma jistax jitqies li ntbagħat, inħażen jew inġabar skont ir-rekwiżiti tal-punt (h) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2002/58. L-argumenti invokati insostenn ta’ din it-teżi huma bbażati fuq l-idea li tali messaġġ ma għandux il-karatteristiċi ta’ ittra tradizzjonali. L-ewwel, dan ma huwiex is-suġġett ta’ trażmissjoni minn utent lil ieħor iżda ta’ wiri provviżorju u awtomatizzat fl-inbox ta’ utenti magħżula b’mod każwali. It-tieni, messaġġ pubbliċitarju bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma huwiex maħżun fin-network jew fit-tagħmir terminali tad-destinatarju. It-tielet, dan il-messaġġ ma huwiex is-suġġett ta’ ġbir mid-destinatarju tiegħu għaliex dan ikun jippreżupponi aġir intenzjonat min-naħa tad-destinatarju intiż sabiex isir jaf b’messaġġ speċifiku bl-għażla speċifika tiegħu.

46.

It-teżi favur il-klassifikazzjoni ta’ messaġġ pubbliċitarju bħala “posta elettronika” bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li hija sostnuta mill-qorti tar-rinviju u, parzjalment, mill-Gvern Portugiż, hija bbażata, min-naħa tagħha, fuq in-neċessità li tiġi adottata interpretazzjoni funzjonali tal-kunċett ta’ “posta elettronika” sabiex jintlaħaq l-għan ta’ protezzjoni tal-ħajja privata tal-utenti ta’ servizzi ta’ messaġġi elettroniċi. Tali interpretazzjoni għandha l-konsegwenza li kull wieħed mill-kriterji ta’ dan il-kunċett għandu jiġi evalwat b’mod flessibbli. Għalhekk, messaġġ pubbliċitarju li jintbagħat u jintwera fl-inbox tal-kont tal-utent ta’ servizz ta’ posta elettronika għandu jitqies, indipendentement mit-teknoloġija użata, bħala li jkun “mibgħut [lilu] fuq network ta’ komunikazzjoni pubblika” fis-sens tal-punt (h) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2002/58. Il-fatt li dan il-messaġġ huwa maħżun fuq server pubbliċitarju u mhux fit-tagħmir terminali tad-destinatarju huwa suffiċjenti peress li jista’ jitqies li huwa ħżin “fin-network”, fis-sens ta’ din l-istess dispożizzjoni. Barra minn hekk, tali messaġġ li jidher fil-ftuħ tal-paġna tal-internet tal-kont tal-posta elettronika għandu jitqies li huwa miġbur, kif teżiġi l-imsemmija dispożizzjoni. Fuq dan l-aħħar punt, l-argument tal-Gvern Portugiż huwa iktar sfumat peress li huwa jqis li messaġġ pubbliċitarju muri fl-inbox ta’ tali kont ma jistax jinġabar mid-destinatarju tiegħu. Madankollu, sa fejn dan il-messaġġ ikompli jinħażen fin-network, dan huwa biżżejjed sabiex jiġi kklassifikat bħala “posta elettronika”, fis-sens tal-punt (h) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2002/58.

47.

Fid-dawl tal-argumenti, ta’ spiss tekniċi, invokati insostenn ta’ kull waħda minn dawn iż-żewġ teżijiet, jiena nifhem l-argument żviluppat mill-qorti tar-rinviju fis-sens ta’ interpretazzjoni funzjonali tal-kunċett ta’ “posta elettronika”, li jista’ jwassal sabiex jitqies li messaġġ pubbliċitarju bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali jissodisfa l-kriterji previsti fil-punt (h) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2002/58.

48.

Fi kwalunkwe każ, inqis li dan il-kunċett ma għandux jiġi interpretat b’mod iżolat, iżda b’teħid inkunsiderazzjoni tad-dispożizzjoni li fiha dan jintuża, jiġifieri f’dan il-każ, l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2002/58. Għalhekk, naqbel ma StWL u l-Kummissjoni li l-kunċett rilevanti li għandu jiġi interpretat fil-kuntest ta’ din il-kawża huwa dak ta’ “użu […] ta’ posta elettronika għall-finijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni diretta”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Għalhekk ser niffoka l-analiżi tiegħi fuq l-interpretazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni, billi nieħu inkunsiderazzjoni l-formulazzjoni tagħha, l-għan tagħha u n-neċessità li tiġi ggarantita l-effettività tagħha.

49.

Nosserva, f’dan ir-rigward, li l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2002/58 huwa intitolat “Komunikazzjoni mhux mitluba”. Jekk isir riferiment għad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “komunikazzjoni” li tinsab fil-punt (d) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, l-Artikolu 13 tal-imsemmija direttiva huwa intiż li japplika għal “informazzjoni skambjata jew mibgħuta bejn numru finit ta’ partijiet permezz ta’ servizz ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament”.

50.

Jekk komunikazzjoni taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2002/58, din hija awtorizzata bil-kundizzjoni li l-kunsens ikun inkiseb minn qabel mingħand id-destinatarju tagħha. Mill-punt (f) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2002/58, moqri flimkien mal-Artikolu 94(2) tar-Regolament 2016/679, jirriżulta li dan il-kunsens għandu jissodisfa r-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 2(h) tad-Direttiva 95/46 jew ukoll mill-punt 11 tal-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament, skont jekk waħda jew l-oħra minn dawn iż-żewġ regoli hijiex applikabbli ratione temporis għall-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Fir-rigward ta’ azzjoni għal waqfien ta’ prattika kummerċjali illegali, ma huwiex eskluż li, fil-każ fejn il-proċedura mibdija minn StWL tkun intiża sabiex twaqqaf l-aġir ta’ eprimo għall-futur, ir-Regolament 2016/679 ikun applikabbli ratione temporis fil-kuntest tal-kawża prinċipali, u dan minkejja li l-fatti li wasslu għal din il-kawża seħħew qabel il‑25 ta’ Mejju 2018, data li fiha dan ir-regolament sar applikabbli, peress li d-Direttiva 95/46 tħassret b’effett minn din l-istess data ( 13 ). Minn dan isegwi li għandha tkun, tal-inqas, manifestazzjoni ta’ rieda libera, speċifika u informata ( 14 ).

51.

L-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2002/58 jippreċiża għal liema tipi ta’ komunikazzjonijiet japplika r-rekwiżit ta’ kunsens minn qabel min-naħa tad-destinatarji tagħhom. Dawn huma, minn naħa, komunikazzjonijiet li għandhom bħala għan il-kummerċjalizzazzjoni diretta, jiġifieri komunikazzjonijiet bi skop kummerċjali li huma indirizzati direttament u individwalment lil utenti ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi. Min-naħa l-oħra, dawn il-komunikazzjonijiet għandhom jintbagħtu lil dawn tal-aħħar permezz tal-“użu ta’ sistemi ta’ sejħiet awtomatizzati u ta’ komunikazzjoni, mingħajr l-intervent uman (magni ta’ sejħiet awtomatiċi), magni tal-facsimile (fax) jew posta elettronika”.

52.

Għaldaqstant, l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2002/58 ma huwiex intiż li japplika b’mod ġenerali għall-pop-ups pubbliċitarji li jistgħu jitilgħu matul il-konsultazzjoni ta’ siti internet. Din id-dispożizzjoni tikkonċerna biss il-komunikazzjonijiet li għandhom bħala suġġett il-kummerċjalizzazzjoni diretta li jilħqu direttament u individwalment id-destinatarji tagħhom bl-użu ta’ ċerti mezzi ta’ komunikazzjoni elettronika, bħall-posta elettronika ( 15 ).

53.

Il-formulazzjoni preżenti tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2002/58 hija emendata bid-Direttiva 2009/136, li l-premessa 67 tagħha tindika li “s-salvagwardji pprovduti għall-abbonati kontra l-intrużjoni fil-privatezza tagħhom minn komunikazzjonijiet mhux mitluba għal finijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni diretta permezz tal-posta elettronika, għandhom jkunu applikabbli wkoll għall-SMS, l-MMS u tipi oħra ta’ applikazzjonijiet simili” ( 16 ). Il-leġislatur tal-Unjoni Ewropea għalhekk ried iżomm interpretazzjoni wiesgħa tal-mezzi ta’ komunikazzjoni elettronika li permezz tagħhom titwettaq kummerċjalizzazzjoni diretta, li tmur lil hinn minn sempliċi posta elettronika. Din l-interpretazzjoni wiesgħa hija wkoll riflessa fil-premessa 40 tad-Direttiva 2002/58 li tenfasizza n-neċessità li “[g]ħandhom jingħataw salvagwardji għall-abbonati kontra l-intrużjoni tal-privatezza tagħhom permezz ta’ komunikazzjonijiet mhux soleċitati għal skopijiet ta’ marketing dirett partikolarment permezz ta’ magni li jsejħu awtomatikament, telefaxes u posta elettronika, inklużi messaġġi bl-SMS” ( 17 ), li jagħti x’jifhem, minbarra l-fatt li l-posta elettronika ma hijiex limitata biss għall-ittri elettroniċi, li l-lista tal-mezzi ta’ komunikazzjoni ċċitati għandha natura mhux eżawrjenti. Ir-rieda tal-leġislatur tal-Unjoni li jkopri firxa wiesgħa ta’ komunikazzjonijiet imwettqa għal finijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni diretta hija wkoll sostnuta mill-premessa 4 tad-Direttiva 2002/58, li tindika l-għan ta’ provvista ta’ “livell indaqs ta’ protezzjoni tad-data personali u l-privatezza ta’ l-utenti ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament, irrispettivament mit-teknoloġija użata” ( 18 ). Dan l-għan jeżiġi li tingħata interpretazzjoni dinamika u newtra mill-perspettiva teknoloġika tal-kunċetti li jinsabu fid-Direttiva 2002/58.

54.

Irrispettivament mill-portata tal-mezzi ta’ komunikazzjoni użati għall-finijiet tal-kummerċjalizzazzjoni diretta li huma intiżi li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2002/58, jidhirli li huwa determinanti, fis-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li huwa bl-użu tal-posta elettronika li l-messaġġi pubbliċitarji inkwistjoni fil-kawża prinċipali jilħqu d-destinatarji tagħhom. Bħall-Kummissjoni, nirrileva li dawn il-messaġġi jidhru fl-inbox tal-kont tal-utent ta’ servizz ta’ posta elettronika, jiġifieri f’post li normalment huwa rriżervat għall-ittri elettroniċi stricto sensu, jiġifieri l-ittri elettroniċi privati. Għaldaqstant, l-ispeditur tal-imsemmija messaġġi juża l-posta elettronika sabiex jilħaq lill-konsumatur, b’tali mod li dawn huma komunikazzjonijiet għall-finijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni diretta “permezz tal-posta elettronika”, konformement ma’ dak li tindika l-premessa 67 tad-Direttiva 2009/136, li fid-dawl tagħha l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2002/58 għandu jiġi interpretat. L-inklużjoni ta’ messaġġi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali fil-lista tal-ittri elettroniċi privata għandha għalhekk, fil-fehma tiegħi, tiġi kklassifikata bħala użu tal-posta elettronika għall-finijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni diretta, li tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2002/58.

55.

Minħabba l-pożizzjoni tagħha fl-inbox tal-kont tal-utent ta’ servizz ta’ posta elettronika, il-prattika ta’ reklamar kontenzjuża tippermetti li dan l-utent jintlaħaq direttament u individwalment fl-isfera privata li tikkostitwixxi tali inbox li l-aċċess għaliha huwa protett minn password, u dan b’effettività li jidhirli li hija paragunabbli ma’ dik tal-posta elettronika mhux mitluba (spam). L-għażla tat-tqegħid tar-reklamar kontenzjuż fl-inbox ma ssirx b’mod koinċidentali u tikkostitwixxi differenza sinjifikattiva, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2002/58, fir-rigward tal-banners pubbliċitarji li jidhru fil-marġni tal-paġna u b’mod separat mil-lista tal-ittri elettroniċi privati. Fil-fatt, billi jidher fl-istess livell bħall-ittri elettroniċi privati, ir-reklamar kontenzjuż igawdi mill-istess attenzjoni bħal dik li l-utent jagħti lil dawn tal-aħħar. Kif tirrileva ġustament il-Kummissjoni, f’każ bħal dan, l-operaturi ekonomiċi li jikkontribwixxu għax-xandir ta’ dan ir-reklamar jużaw l-inbox tal-ittri elettroniċi privati kif ukoll l-interess u l-fiduċja li l-utenti ta’ servizz ta’ posta elettronika għandhom f’dan l-inbox billi jagħtu lill-messaġġi pubbliċitarji tagħhom aspett li, minkejja ċerti differenzi minimi, jixbah lil dak tal-ittri elettroniċi privati. Barra minn hekk, sa fejn il-messaġġi pubbliċitarji jokkupaw linji tal-inbox li huma normalment irriżervati għall-ittri elettroniċi privati u minħabba x-xebh tagħhom ma’ dawn tal-aħħar, teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni bejn dawn iż-żewġ kategoriji ta’ messaġġi, li tista’ twassal lill-utent li jikklikkja fuq il-linja li tikkorrispondi għall-messaġġ pubbliċitarju u jkun ittrasferit kontra r-rieda tiegħu lejn sit internet tar-reklamar inkwistjoni, minflok ma jkompli jikkonsulta l-ittri elettroniċi privati tiegħu.

56.

Bħall-Kummissjoni, inqis li l-konstatazzjoni li, kuntrarjament għall-ittri elettroniċi privati, il-messaġġ pubbliċitarju jidher fuq sfond griż, ma jokkupax spazju ta’ ħażna u ma joffrix il-funzjonalitajiet abitwali tal-ittri elettroniċi ma tipprekludix ir-rikonoxximent tal-eżistenza ta’ dannu għall-ħajja privata tal-utenti ta’ servizz ta’ posta elettronika. Peress li, meta jidhru fl-istess lista bħall-ittri elettroniċi privati, il-messaġġi pubbliċitarji inkwistjoni fil-kawża prinċipali jeħtieġu l-istess attenzjoni u l-istess azzjoni sabiex jitħassru bħalma teħtieġ il-posta elettronika mhux mitluba (spam), l-intensità tal-inkonvenjenza jidhirli li hija simili. Barra minn hekk, minħabba li dawn il-messaġġi ma għandhomx l-istess funzjonijiet bħall-ittri elettroniċi, dan jikkawża element ta’ inkonvenjenza addizzjonali meta mqabbel mal-posta elettronika mhux mitluba (spam), peress li l-ipproċessar speċifiku li huma jeħtieġu jista’ jwassal għal żbalji meta jitħassru jew għal klikks aċċidentali fuq ir-reklam.

57.

Fil-qosor, jidhirli li hawnhekk id-dannu għall-ħajja privata huwa kkaratterizzat mill-użu ta’ mezz ta’ komunikazzjoni, f’dan il-każ il-posta elettronika, li normalment huwa rriżervat għall-komunikazzjoni u għar-riċezzjoni ta’ korrispondenza privata. Kuntrarjament għall-banners pubbliċitarji li jidhru fil-marġni tal-paġna u b’mod separat mil-lista tal-ittri elettroniċi privati, l-inklużjoni tal-messaġġi pubbliċitarji inkwistjoni fil-kawża prinċipali fl-inbox tal-ittri elettroniċi privati, li l-utent iqis bħala li jaqgħu fl-isfera privata tiegħu, tfixkel l-aċċess għal dawn tal-aħħar fi grad u b’mod simili ħafna għal dak li huwa l-każ tal-posta elettronika mhux mitluba (spam). Minn dan isegwi li, fl-opinjoni tiegħi, b’dan il-mod jiġi ppreġudikat l-għan ta’ protezzjoni tal-utenti kontra kull ksur tal-ħajja privata tagħhom permezz ta’ komunikazzjonijiet mhux mitluba mwettqa għall-finijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni diretta li jfittex li jilħaq l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2002/58, moqri fid-dawl tal-premessa 40 tagħha kif ukoll tal-premessa 67 tad-Direttiva 2009/136. L-intrużjoni fl-isfera privata bl-użu tal-inbox tal-posta elettronika hija għalhekk stabbilita u hija suffiċjenti, fil-fehma tiegħi, sabiex it-teknika ta’ kummerċjalizzazzjoni diretta inkwistjoni fil-kawża prinċipali tiġi suġġetta għar-rekwiżit ta’ kunsens minn qabel min-naħa tal-utent ta’ servizz ta’ posta elettronika.

58.

Fil-fehma tiegħi, ikun ippreġudikat l-effett utli tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2002/58 jekk jiġi aċċettat li messaġġi pubbliċitarji bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali jistgħu jidhru fl-inbox tal-kont tal-utent ta’ servizz ta’ posta elettronika mingħajr ma dan ikun ta l-kunsens tiegħu minn qabel sabiex jirċievi, f’din il-forma u f’dan il-post, tali messaġġi.

59.

L-għan imfittex mil-leġiżlatur tal-Unjoni, li jikkonsisti fil-protezzjoni tal-utent kontra saturazzjoni permanenti tal-inbox tiegħu jew tal-linji telefoniċi privati tiegħu permezz ta’ messaġġi jew telefonati kummerċjali mhux mitluba, jimponi għalhekk li tiġi ggarantita l-effettività ta’ din id-dispożizzjoni. Dan jimplika li din għandha tiġi interpretata fis-sens li hija tirreferi għal messaġġi pubbliċitarji li, minħabba x-xebh tagħhom ma’ posta elettronika privata u t-tqegħid tagħhom fil-lista tal-ittri elettroniċi privati, jippreġudikaw il-ħajja privata tal-utenti ta’ servizzi ta’ posta elettronika. Tali interpretazzjoni għandha tiġi adottata sabiex jiġi evitat li r-rekwiżit ta’ kunsens minn qabel impost mill-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2002/58 ikun jista’ jiġi evitat, minkejja li messaġġ pubbliċitarju bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkostitwixxi mingħajr dubju, fil-fehma tiegħi, att ta’ kummerċjalizzazzjoni diretta permezz ta’ mezz elettroniku li juża għax-xandir tiegħu l-inbox normalment intiża biss għall-ittri elettroniċi privati, billi jipproduċi l-istess effetti u l-istess inkonvenjenza bħal posta elettronika mhux mitluba (spam), li tikkostitwixxi waħda mill-miri prinċipali ta’ din id-dispożizzjoni.

60.

Barra minn hekk, fid-dawl tal-għan ta’ newtralità teknoloġika mixtieq ukoll mil-leġiżlatur tal-Unjoni, kif indikajt preċedentement, huwa importanti li tingħata interpretazzjoni wiesgħa tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2002/58 sabiex ikunu jistgħu jinftiehmu tekniki ġodda ta’ kummerċjalizzazzjoni diretta.

61.

Inżid, b’risposta għat-tielet domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju, li l-fatt li messaġġ pubbliċitarju bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġi inkluż fl-inbox ta’ utent magħżul b’mod każwali ma jipprekludi bl-ebda mod, fl-opinjoni tiegħi, il-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ “użu […] ta’ posta elettronika għall-finijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni diretta”, fis-sens tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2002/58. Fil-fatt, inqis, bħall-Gvern Portugiż, li l-għażla każwali jew iddefinita minn qabel tad-destinatarju ma tikkostitwixxix kundizzjoni għall-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni. Fi kliem ieħor, ftit jimporta li r-reklamar inkwistjoni jkun indirizzat lil destinatarju ddeterminat minn qabel u identifikat individwalment jew anki li dan ikun suġġett għal xandir massiv u każwali lil diversi destinatarji. Dak li huwa importanti huwa li tkun teżisti komunikazzjoni b’għan kummerċjali li tilħaq direttament u individwalment utent wieħed jew iktar ta’ servizzi ta’ posta elettronika li titqiegħed fl-inbox tal-kont tal-posta elettronika ta’ dawn l-utenti.

62.

Għandu jiġi ppreċiżat ukoll, b’risposta għar-raba’ domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju, li ma huwiex neċessarju, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni ta’ forma ta’ reklamar bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali bħala “użu […] ta’ posta elettronika għall-finijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni diretta”, fis-sens tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2002/58, li jiġi kkonstatat li l-piż impost fuq l-utent ikun imur lil hinn minn inkonvenjenza li tkun ikkawżat lilu. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-premessa 40 ta’ din id-direttiva, ir-rekwiżit ta’ kunsens minn qabel previst f’din id-dispożizzjoni huwa spjegat b’mod partikolari mill-fatt li l-komunikazzjonijiet mhux mitluba magħmula għall-finijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni diretta jistgħu “jimponu piż u/jew spiża fuq ir-riċevent”. Peress li tali komunikazzjonijiet jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2002/58, hemm lok li jiġi preżunt li dawn jimponu piż fuq id-destinatarju tagħhom mingħajr ma jkun neċessarju li jiġi ddeterminat jekk dan il-piż jmurx lil hinn minn inkonvenjenza li tkun ikkawżat lilu.

63.

Mill-argumenti preċedenti jirriżulta li messaġġ pubbliċitarju bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali jaqa’, fl-opinjoni tiegħi, fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2002/58. Konsegwentement att ta’ kummerċjalizzazzjoni diretta ta’ dan it-tip ma huwiex awtorizzat jekk ma jkunx hemm l-għoti tal-kunsens minn qabel mid-destinatarju tiegħu.

64.

Kif indikajt preċedentement, dan għandu jkun, tal-inqas, kunsens liberu, speċifiku u informat ( 19 ).

65.

F’dan ir-rigward, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk, waqt il-proċess ta’ reġistrazzjoni tal-indirizz mingħajr ħlas ta’ posta elettronika jew f’mument ieħor, l-utent ġiex informat bil-modalitajiet preċiżi li abbażi tagħhom ir-reklamar jixxandar mal-ftuħ tal-paġna tal-internet li jikkorrispondi għall-kont ta’ din il-posta elettronika. B’mod partikolari, għandu jiġi żgurat li dan l-utent ikun ġie informat b’mod ċar u preċiż li banners pubbliċitarji jintwerew mhux biss fil-marġni tal-paġna u b’mod separat mil-lista tal-ittri elettroniċi privati, iżda wkoll fi ħdan din l-istess lista. Tali informazzjoni għandha tippermetti lill-imsemmi utent li jiddetermina faċilment il-konsegwenzi tal-kunsens li huwa jista’ jagħti u tiżgura li dan il-kunsens jingħata b’għarfien sħiħ ( 20 ). Fuq din il-bażi, għandu jiġi vverifikat li dan l-istess utent ikun ta l-kunsens tiegħu b’mod speċifiku għall-proċess pubbliċitarju inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri li huwa għandu jkun ta l-kunsens tiegħu b’mod espliċitu li jirċievi messaġġi pubbliċitarji fl-inbox tal-kont ta’ posta elettronika tiegħu ( 21 ).

66.

Ċertament, il-mudell ekonomiku li fuqu jiffunzjonaw numru ta’ fornituri ta’ servizzi ta’ posta elettronika fuq l-internet huwa ta’ spiss ibbażat fuq ir-reklamar. F’dan ir-rigward, l-utent ta’ tali servizzi jaċċetta li s-servizz mingħajr ħlas ikun ikkumpensat b’xi mod permezz tal-wiri ta’ reklamar. Madankollu, dan ma jbiddilx ir-rekwiżit li tali aċċettazzjoni tar-reklamar, meta dan jintwera fl-inbox tal-kont tal-posta elettronika, għandha, skont l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2002/58, tkun ikkostitwita mill-kunsens tal-utent ta’ tali kont.

67.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi lill-qorti tar-rinviju li l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2002/58 għandu jiġi interpretat fis-sens li jikkostitwixxi “użu […] ta’ posta elettronika għall-finijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni diretta”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, il-wiri fl-inbox tal-utent ta’ servizz ta’ posta elettronika ta’ messaġġi pubbliċitarji f’forma li hija simili għal dik tal-ittri elettroniċi u fl-istess post bħal dawn tal-aħħar, filwaqt li d-determinazzjoni każwali tad-destinatarji tal-imsemmija messaġġi ma għandhiex effett f’dan ir-rigward u mingħajr ma huwa neċessarju li jiġi kkonstatat li l-piż impost fuq dan l-utent imur lil hinn minn inkonvenjenza kkawżata lilu. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk l-imsemmi utent tax kunsens li huwa, tal-inqas, liberu, speċifiku u informat, qabel il-wiri ta’ tali messaġġi pubbliċitarji fl-inbox tal-kont tal-posta elettronika tiegħu.

B.   Fuq l-interpretazzjoni tal-punt 26 tal-Anness I tad-Direttiva 2005/29

68.

Permezz tal-ħames domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punt 26 tal-Anness I tad-Direttiva 2005/29 għandux jiġi interpretat fis-sens li jikkostitwixxi solleċitazzjonijiet persistenti u mhux mixtieqa permezz ta’ posta elettronika l-wiri ta’ messaġġi pubbliċitarji fl-inbox tal-utent ta’ servizz ta’ posta elettronika.

69.

L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2005/29 jistabbilixxi, fil-paragrafu 2 tiegħu, il-kriterji li jippermettu d-determinazzjoni ta’ jekk prattika kummerċjali tkunx ta’ natura żleali u jispeċifika, fil-paragrafu 4 tiegħu, li huma żleali, b’mod partikolari, il-prattiki kummerċjali li huma “qarrieqa”, fis-sens tal-Artikoli 6 u 7 ta’ din id-direttiva, u dawk li huma “aggressivi”, fis-sens tal-Artikoli 8 u 9 tal-imsemmija direttiva. L-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2005/29 jipprevedi, barra minn hekk, li l-Anness I tal-istess tagħha jinkludi “lista ta’ dawk il-prattiċi kummerċjali li għandhom f’kull ċirkostanza jitqiesu bħala żleali.” F’dan ir-rigward, il-premessa 17 tad-Direttiva 2005/29 tispeċifika li, bil-għan li tiġi pprovduta ċertezza legali ikbar, huma biss il-prattiki elenkati fl-Anness I tagħha li huma meqjusa żleali fiċ-ċirkustanzi kollha mingħajr ma jkollhom jiġu evalwati fuq bażi ta’ każ b’każ skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 5 sa 9 tal-imsemmija direttiva ( 22 ). Peress li l-Anness I tad-Direttiva 2005/29 jikkostitwixxi lista sħiħa u eżawrjenti, il-prattika kummerċjali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ tiġi kklassifikata bħala prattika kummerċjali aggressiva fiċ-ċirkustanzi kollha, fis-sens ta’ din id-direttiva, biss jekk din tkun tikkorrispondi għal waħda mis-sitwazzjonijiet elenkati fil-punti 24 sa 31 ta’ dan l-anness ( 23 ).

70.

Fost il-“[p]rattiċi kummerċjali aggressivi” imsemmija f’dan l-Anness I, hemm, fil-punt 26, it-twettiq ta’ “solleċitazzjonijiet persistenti u mhux mixtieqa permezz tat-telefon, fax, e-mail jew mezz ieħor remot ħlief f’ċirkostanzi u sal-punt ġustifikat, skond il-liġi nazzjonali, sabiex jinforza obligazzjoni kontrattwali.”

71.

Kif indikajt preċedentement, messaġġ pubbliċitarju bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali jippreġudika direttament u individwalment l-utent ta’ servizz ta’ posta elettronika, sa fejn jidher fl-inbox tal-kont ta’ dan l-utent billi jiddaħħal fost l-ittri elettroniċi privati tiegħu. Mill-perspettiva tal-imsemmi utent, dan il-messaġġ pubbliċitarju jieħu l-aspett ta’ ittra elettronika mibgħuta lilu individwalment. Kif tindika l-Kummissjoni, l-effett tal-imsemmi messaġġ huwa għalhekk simili għal dak ta’ kummerċjalizzazzjoni diretta individwalizzata, irrispettivament minn jekk il-persuna li tibgħat ir-reklam tkunx individwalizzat jew le lil dan id-destinatarju speċifiku waqt il-preparazzjoni teknika tal-messaġġ inkwistjoni u irrispettivament minn jekk dan il-messaġġ ikunx ittrattat b’mod differenti mill-ittri elettroniċi f’termini ta’ spazju ta’ ħażna u ta’ funzjonalitajiet.

72.

Konsegwentement, inqis li messaġġ pubbliċitarju bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li għandu l-karatteristiċi ta’ kummerċjalizzazzjoni diretta u huwa trażmess għal dan il-għan, jikkostitwixxi “solleċitazzjoni” tal-utenti ta’ servizzi ta’ posta elettronika, sa fejn dan il-messaġġ huwa indirizzat lilhom direttament u individwalment fi spazju li huwa rriżervat għall-ittri elettroniċi privati tagħhom.

73.

Fir-rigward tal-karatteristiċi li għandu jkollhom is-“solleċitazzjonijiet” sabiex ikunu koperti mill-punt 26 tal-Anness I tad-Direttiva 2005/29, jiġifieri li dawn għandhom ikunu “persistenti” u “mhux mixtieqa”, inqis li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk dawn jeżistux fil-kuntest tal-kawża prinċipali. Għall-finijiet ta’ din il-verifika, nippreċiża li l-wiri ta’ messaġġ pubbliċitarju bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandu, fid-dawl tad-definizzjoni li l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2005/29 jagħti lil dak li jikkostitwixxi prattika kummerċjali aggressiva, ikun frekwenti u regolari biżżejjed sabiex ikun jista’ jiġi kklassifikat bħala “solleċitazzjonijiet persistenti”, li ma jidhirlix li huwa l-każ fir-rigward ta’ messaġġ li deher tliet darbiet biss. Għall-kuntrarju, fil-fehma tiegħi, dawn huma “solleċitazzjonijiet mhux mixtieqa” jekk jiġi stabbilit li l-utent tas-servizz ta’ posta elettronika ma tax il-kunsens tiegħu qabel il-wiri ta’ messaġġi pubbliċitarji fl-inbox tal-kont tal-posta elettronika tiegħu. Għandu jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll il-fatt li dan l-utent bagħat intimazzjoni lil eprimo fl‑20 ta’ Diċembru 2016 dwar reklam tat‑12 ta’ Diċembru 2016 u għalhekk espressament informa lil din il-kumpannija dwar ir-rieda tiegħu li ma jirċevix dan it-tip ta’ reklamar.

74.

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, fl-opinjoni tiegħi, ir-risposta għall-ħames domanda għandha tkun li l-kunċett ta’ “solleċitazzjonijiet persistenti u mhux mixtieqa permezz ta’ […] posta elettronika”, fis-sens tal-punt 26 tal-Anness I tad-Direttiva 2005/29, għandu jiġi interpretat fis-sens li jista’ jkopri aġir, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jikkonsisti fil-wiri fl-inbox tal-utent ta’ servizz ta’ posta elettronika ta’ messaġġi pubbliċitarji f’forma li tixbah lil dik tal-ittri elettroniċi u fl-istess post bħal dawn tal-aħħar. Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, minn naħa, jekk il-wiri ta’ dawn il-messaġġi pubbliċitarji kienx ta’ natura suffiċjentement frekwenti u regolari sabiex ikun jista’ jiġi kklassifikat bħala solleċitazzjonijiet “persistenti” u, min-naħa l-oħra, jekk il-wiri tal-imsemmija messaġġi jistax jiġi kklassifikat bħala solleċitazzjonijiet “mhux mixtieqa”, billi tittieħed inkunsiderazzjoni l-eżistenza jew le ta’ kunsens mogħti minn dan l-utent qabel dan il-wiri kif ukoll l-oppożizzjoni għal tali forma ta’ reklamar espressa mill-imsemmi utent.

V. Konklużjoni

75.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja) b’dan il-mod:

1)

L-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika), kif emendata bid-Direttiva 2009/136/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Novembru 2009, għandu jiġi interpretat fis-sens li jikkostitwixxi “użu […] ta’ posta elettronika għall-finijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni diretta”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, il-wiri fl-inbox tal-utent ta’ servizz ta’ posta elettronika ta’ messaġġi ta’ reklamar f’forma li hija simili għal dik tal-posta elettronika u fl-istess post bħal din tal-aħħar, filwaqt li d-determinazzjoni każwali tad-destinatarji tal-imsemmija messaġġi hija irrilevanti f’dan ir-rigward u mingħajr in-neċessità li jiġi kkonstatat li l-piż impost fuq dan l-utent imur lil hinn minn inkonvenjenza kkawżata lilu. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk l-imsemmi utent tax kunsens li huwa, tal-inqas, liberu, speċifiku u informat, qabel il-wiri ta’ tali messaġġi pubbliċitarji fl-inbox tal-kont tal-posta elettronika tiegħu.

2)

Il-kunċett ta’ “solleċitazzjonijiet persistenti u mhux mixtieqa permezz ta’ […] posta elettronika […]”, fis-sens tal-punt 26 tal-Anness I tad-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali), għandu jiġi interpretat fis-sens li jista’ jkopri aġir, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jikkonsisti fil-wiri fl-inbox tal-utent ta’ servizz ta’ posta elettronika ta’ messaġġi pubbliċitarji f’forma li tixbah lil dik tal-ittri elettroniċi u fl-istess post bħal dawn tal-aħħar. Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, minn naħa, jekk il-wiri ta’ dawn il-messaġġi pubbliċitarji kienx ta’ natura suffiċjentement frekwenti u regolari sabiex ikun jista’ jiġi kklassifikat bħala solleċitazzjonijiet “persistenti” u, min-naħa l-oħra, jekk il-wiri tal-imsemmija messaġġi jistax jiġi kklassifikat bħala solleċitazzjonijiet “mhux mixtieqa”, billi tittieħed inkunsiderazzjoni l-eżistenza jew le ta’ kunsens mogħti minn dan l-utent qabel dan il-wiri kif ukoll l-oppożizzjoni għal tali forma ta’ reklamar espressa mill-imsemmi utent.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 514.

( 3 ) ĠU 2009, L 337, p. 11, rettifika fil-ĠU 2013, L 241, p. 9.

( 4 ) ĠU 2005, L 149, p. 22, korriġendum fil-ĠU 2006, L 114, p. 86.

( 5 ) ĠU 1998, L 24, p. 1.

( 6 ) ĠU 1995, L 281, p. 31.

( 7 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 349.

( 8 ) Skont l-Artikolu 2(h) tad-Direttiva 95/46, “il-kunsens tas-suġġett tad-data” tfisser “indikazzjoni speċifika u infurmata tax-xewqa tiegħu mogħtija liberament li biha s-suġġett tad-data jaqbel li jsir l-ipproċessar ta’ data personali dwaru”. Din id-direttiva tħassret b’effett mill-25 ta’ Mejju 2018, permezz tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU 2016, L 119, p. 1, rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 2), li l-punt 11 tal-Artikolu 4 tagħha jiddefinixxi “kunsens” tas-suġġett tad-data bħala “kwalunkwe indikazzjoni tax-xewqat tas-suġġett tad-data mogħtija b’mod liberu, speċifika, infurmata u mhux ambigwa li permezz tagħha s-suġġett tad-data, permezz ta’ dikjarazzjoni jew permezz ta’ azzjoni affermattiva ċara, juri li jaqbel mal-ipproċessar ta’ data personali relatata miegħu”. Skont l-Artikolu 94(2) ta’ dan ir-Regolament, intitolat “Tħassir tad-Direttiva [95/46]”, “[i]r-referenzi għad-Direttiva mħassra għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament”.

( 9 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 25, p. 399.

( 10 ) BGBl. 2004 I, p. 1414, iktar ’il quddiem l-“UWG”.

( 11 ) Skont din il-premessa, “[i]l-mument preċiż tat-tlestija tat-trasmissjoni ta’ komunikazzjoni, li warajha d-data dwar it-traffiku għandhom jitħassru ħlief għal skopijiet li jintbagħat kont, jista’ jiddependi fuq it-tip ta’ servizz ta’ komunikazzjoni elettronika li huwa provdut. Per eżempju, […] [g]ħall-posta elettronika it-trasmissjoni tintemm malli l-indirizzat jiġbor il-messaġġ, tipikament mis-server tal-provditur tas-servizz tiegħu.”

( 12 ) Ara l-premessa 40 tad-Direttiva 2002/58.

( 13 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2019, Planet49 (C‑673/17, EU:C:2019:801, punti 38 sa 43) kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-kawża Planet49 (C‑673/17, EU:C:2019:246, punti 44 sa 49). Ara wkoll is-sentenza tal‑11 ta’ Novembru 2020, Orange Romania (C‑61/19, EU:C:2020:901, punti 28 sa 32).

( 14 ) Bħalma indikat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tal-11 ta’ Novembru 2020, Orange Romania (C‑61/19, EU:C:2020:901), “il-formulazzjoni tal-punt 11 tal-Artikolu 4 [tar-Regolament 2016/679], li jiddefinixxi l-“kunsens tas-suġġett tad-data” għall-finijiet [ta’ dan ir-regolament] tidher iktar stretta minn dik tal-Artikolu 2(h) tad-Direttiva 95/46, sa fejn jirrikjedi indikazzjoni ta’ xewqa “mogħtija b’mod liberu, speċifika, infurmata u mhux ambigwa” tas-suġġett tad-data, li tieħu l-forma ta’ dikjarazzjoni jew ta’ “azzjoni affermattiva ċara” li turi l-aċċettazzjoni tiegħu għall-ipproċessar tad-data li tikkonċernah. Għalhekk, kunsens attiv issa huwa espressament previst [mill-imsemmi] Regolament” (punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 15 ) Huwa, f’dan ir-rigward, irrilevanti li, kif jirriżulta mis-sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 2019, Google (C-193/18, EU:C:2019:498), servizz ta’ posta elettronika fuq l-internet ma jkunx jikkostitwixxi, bħala tali “servizz ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi” fis-sens tal-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva 2002/21, kif emendata bid-Direttiva 2009/140/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Novembru 2009 (ĠU 2009, L 337, p. 37, rettifika fil-ĠU 2013, L 241, p. 8), sa fejn dan ma jikkonsistix fl-intier tiegħu jew parzjalment fit-trażmissjoni ta’ sinjali fuq networks ta’ komunikazzjoni elettronika.

( 16 ) Korsiv miżjud minni.

( 17 ) Korsiv miżjud minni.

( 18 ) Korsiv miżjud minni.

( 19 ) Ara l-punt 50 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 20 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑11 ta’ Novembru 2020, Orange Romania (C‑61/19, EU:C:2020:901, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 21 ) Kif indikat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tal-11 ta’ Novembru 2020, Orange Romania (C‑61/19, EU:C:2020:901), “l-Artikolu 2(h) tad-Direttiva 95/46 u l-punt 11 tal-Artikolu 4 tar-Regolament 2016/679 jeżiġu indikazzjoni ta’ xewqa “speċifika”, fis-sens li din għandha tirrigwarda preċiżament l-ipproċessar ta’ data kkonċernat u ma tistax tiġi dedotta minn indikazzjoni ta’ xewqa li għandha suġġett distint” (punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 22 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2018, Wind Tre u Vodafone Italia (C‑54/17 u C‑55/17, EU:C:2018:710, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 23 ) Ara s-sentenza tat‑12 ta’ Ġunju 2019, Orange Polska (C‑628/17, EU:C:2019:480, punt 25).