KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

PIKAMÄE

ippreżentati fis‑16 ta’ Marzu 2021 ( 1 )

Kawża C-28/20

Airhelp Ltd

vs

Scandinavian Airlines System SAS

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Attunda tingsrätt (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Attunda, l-Isvezja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trasport bl-ajru – Regoli komuni fil-qasam tal-kumpens u tal-assistenza lill-passiġġieri f’każ ta’ rifjut ta’ imbark u ta’ kanċellazzjoni jew ta’ dewmien twil ta’ titjira – Regolament (KE) Nru 261/2004 – Artikolu 5(3) – Artikolu 7(1) – Dritt għall-kumpens – Eżenzjoni – Kunċett ta’ ‘ċirkustanzi straordinarji’ – Strajk imsejjaħ minn sindakat u mħabbar minn qabel – Kunċett ta’ ‘miżuri raġonevoli’ sabiex jilqgħu għal ċirkustanza straordinarja jew għall-konsegwenzi ta’ tali ċirkustanza”

Werrej

 

I. Introduzzjoni

 

II. Il-kuntest ġuridiku

 

A. Id-dritt tal-Unjoni

 

B. Id-dritt Svediż

 

III. Il-fatti li wasslu għall-kawża, il-proċedura fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

 

IV. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

 

V. Analiżi ġuridika

 

A. Rimarki preliminari

 

B. Fuq l-ewwel domanda preliminari

 

1. L-istrajk bħala ċirkustanza li tista’ tkun ikklassifikata bħala “straordinarja”

 

2. Analiżi tan-natura “straordinarja” mill-aspett tal-kriterji stabbiliti mill-ġurisprudenza

 

a) L-istrajk ma jikkostitwixxix avveniment inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attività tat-trasportatur tal-ajru

 

1) Distinzjoni bejn il-fatturi “interni” u “esterni” li għandhom effett fuq l-attivitajiet tat-trasportatur tal-ajru

 

2) Applikazzjoni b’analoġija tal-ġurisprudenza li tirrigwarda aspetti tekniċi fil-qasam tat-tmexxija tal-persunal

 

3) Il-prinċipji stabbiliti mis-sentenza Krüsemann ma japplikawx għall-każ ineżami

 

b) It-trasportatur tal-ajru ma għandux il-kontroll tal-istrajk ipprovokat minn sindakat tal-ħaddiema

 

1) Il-prinċipji stabbiliti mis-sentenza Krüsemann ma japplikawx għas-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali

 

2) Fuq l-interessi rispettivi tal-imsieħba soċjali u tal-konsumaturi protetti mill-Karta kif ukoll il-ħtieġa ta’ bbilanċjar

 

i) Osservazzjonijiet ta’ natura ġenerali

 

ii) Ħarsa ġenerali lejn il-ġurisprudenza li tikkonċerna r-riżoluzzjoni ta’ kunflitt ta’ interessi ta’ livell kostituzzjonali

 

– Il-bilanċ bejn id-drittijiet fundamentali u l-libertajiet fundamentali tas-suq intern

 

– Il-bilanċ bejn id-drittijiet fundamentali

 

3) Teħid inkunsiderazzjoni tal-konklużjonijiet ibbażati fuq l-ibbilanċjar ta’ interessi meta jiġi interpretat ir-Regolament Nru 261/2004

 

c) Konklużjoni intermedjarja

 

d) Fuq ir-rilevanza tal-“legalità” ta’ “strajk” u l-eżistenza ta’ preavviż sabiex ċirkustanza tikkwalifika bħala “straordinarja”

 

3. Il-kriterji sabiex jiġu stabbiliti l-“miżuri raġonevoli” li kull trasportatur tal-ajru għandu jieħu

 

a) Il-kunċett ta’ “miżuri raġonevoli” skont il-ġurisprudenza

 

b) Rimarki li jikkonċernaw it-tqassim tal-ġurisdizzjonijiet bejn il-qorti nazzjonali u l-qorti tal-Unjoni

 

c) Elementi ta’ interpretazzjoni li għandhom jingħataw lill-qorti tar-rinviju

 

1) Il-miżuri raġonevoli għandhom jevitaw il-kanċellazzjoni jew id-dewmien twil ta’ titjira

 

2) It-trasportatur tal-ajru għandu jeżawrixxi l-possibbiltajiet legali kollha sabiex jiddefendi l-interessi tiegħu u dawk tal-passiġġieri

 

3) It-trasportatur tal-ajru għandu jipprovdi riżerva ta’ ħin sabiex jilqa’ għal imprevisti eventwali

 

4) It-trasportatur tal-ajru għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-preavviż li ppreċeda l-istrajk imsejjaħ mis-sindakat

 

5) It-trasportatur tal-ajru għandu jorganizza r-riżorsi materjali u umani sabiex jiggarantixxi l-kontinwità tal-operazzjonijiet tiegħu

 

6) It-trasportatur għandu jiffaċilita l-aċċess għal titjiriet ma’ linji tal-ajru oħra li ma humiex milqutin bl-istrajk

 

4. Risposta għall-ewwel domanda preliminari

 

C. Fuq it-tieni domanda preliminari

 

D. Fuq it-tielet domanda preliminari

 

VI. Konklużjoni

I. Introduzzjoni

1.

F’din il-kawża, li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, l-Attunda tingsrätt (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Attunda, l-Isvezja) tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja tliet domandi preliminari li jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “ċirkustanzi straordinarji” msemmi fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 ( 2 ).

2.

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn S., passiġġier f’ajruplan, u Scandinavian Airlines System Denmark – Norway – Sweden (iktar ’il quddiem “SAS”), trasportatur tal-ajru, minħabba r-rifjut ta’ dan tal-aħħar li jikkumpensa lil dan il-passiġġier wara l-kanċellazzjoni tat-titjira tiegħu. SAS tinvoka, għal dan il-għan, iċ-“ċirkustanzi straordinarji” fis-sens tad-dispożizzjoni msemmija qabel, li huma marbutin ma’ strajk tal-persunal tagħha organizzat minn sindakat, bil-għan li jsiru talbiet għat-titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol. SAS issostni, għaldaqstant, li għandha tkun eżentata mill-obbligu ta’ kumpens previst fl-Artikolu 5(1)(ċ) u fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 261/2004.

3.

Permezz tad-domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, fuq il-punt dwar jekk strajk fis-sitwazzjoni deskritta fil-punt preċedenti jistax jitqies bħala “ċirkustanza straordinarja” li teżenta lit-trasportatur tal-ajru mir-responsabbiltà tiegħu lejn il-passiġġieri, mhux biss għal dak li jikkonċerna l-ħlas ta’ kumpens imma wkoll dwar it-teħid ta’ miżuri adegwati sabiex jittaffa l-impatt ta’ dan l-istrajk. Din il-kawża tagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità li tiżviluppa l-ġurisprudenza tagħha dwar l-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 261/2004 u fuq kollox li tiċċara l-kuntest li fih ingħatat is-sentenza tas‑17 ta’ April 2018, Krüsemann ( 3 ) li, għalkemm tikkonċerna hija wkoll il-klassifikazzjoni bħala “ċirkustanza straordinarja” ta’ strajk li jaffettwa l-operazzjonijiet ta’ trasportatur tal-ajru, li fuq kollox ġiet miċħuda mill-Qorti tal-Ġustizzja, tippreżenta differenzi notevoli fuq livell ta’ kuntest fattwali meta mqabbla ma’ dak ta’ din il-kawża, li huma tali li jiġġustifikaw evalwazzjoni ġuridika differenti.

II. Il-kuntest ġuridiku

A. Id-dritt tal-Unjoni

4.

Il-premessi 1, 2 u 12 sa 15 tar-Regolament Nru 261/2004 jipprovdu li:

“(1)

Azzjoni mil[l-Unjoni] fil-qasam ta’ transport permezz ta’ l-ajru għandha jkollha l-iskop, fost affarijiet oħrajn, li tassigura livell ogħli ta’ protezzjoni għall-passiġġieri. ’Il fuq minn dan, konsiderazzjoni sħiħa għandha tiġi meħuda tal-ħtiġijiet ta’ protezzjoni tal-konsumatur b’mod ġenerali.

(2)

Il-fatt li ma jitħallewx jitilgħu u l-kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet jistgħu jikkawżaw problemi serji u inkonvenjenza għall-passiġġieri.

[…]

(12)

Il-problemi u l-inkonvenjenza għal passiġġieri kkawżati minn kanċellazzjoni ta’ titjiriet għandhom ukoll jiġu mnaqqsin. Dan għandu jiġi miksub permezz tat-tħeġġiġ tal-trasportaturi biex jinfurmaw lill-passiġġieri b’kanċellazzjonijiet qabel il-ħin skedat tat-tluq u minn barra dan biex joffrulhom arranġament għall-vjaġġ ragonevoli, sabiex il-passġiġġieri jistgħu jagħmlu arranġamenti oħrajn. Trasportaturi ta’ l-ajru għandhom jikkompensaw passiġġieri jekk jonqsu milli jagħmlu dan, ħlief għal meta l-kanċellazzjoni sseħħ f’ċirkostanzi straordinarji li ma setgħux jiġu evitati anki jekk il-miżuri raġonevoli kollha kienu ttieħdu.

(13)

Passiġġieri li t-titjiriet tagħhom huma kkanċellati għandhom jitħallew jew jiksbu rimbors tal-biljetti tagħhom jew jiksbu arranġament ieħor taħt kondizzjonijiet sodisfaċjenti, u ħsieb xieraq tagħhom għandu jiġi meħud waqt li qed jistennew titjira ta’ aktar tard.

(14)

Bħal taħt il-Konvenzjoni ta’ Montreal, obbligazzjonijiet dwar trasportaturi ta’ l-ajru li jaħdmu għandhom ikunu limitati jew esklużi fejn xi ħaġa ġiet ikkawżata minn ċirkostanzi straordinarji li ma setgħux jiġu evitati anki jekk il-miżuri kollha raġonevoli kienu ttieħdu. Ċirkostanzi bħal dawn jistgħu, partikolarment, iseħħu f’każijiet ta’ nuqqas ta’ stabbilitá politika, kondizzjonijiet meteoroloġiċi li ma jaqblux ma’ l-operazzjoni tat-titjira in kwistjoni, riskji tas-sigurtá, nuqqasijiet mhux mistennijin fir-rigward tas-sigurtá tat-titjira u strajkijiet li jaffettaw l-operazzjoni ta’ trasportatur ta’ l-ajru li jopera.

(15)

Ċirkostanzi straordinarji għandhom jiġu meqjusin li jeżistu fejn l-impatt ta’ deċiżjoni dwar il-ġestjoni tat-traffiku ta’ l-ajru fir-rigward ta’ inġenju ta’ l-ajru partikolari fuq ġurnata partikolari tikkawża dewmien twil, dewmien ta’ matul il-lejl, jew il-kanċellazzjoni ta’ titjira waħda jew aktar titjiriet ta’ dak l-inġenju ta’ l-ajru, anki jekk il-miżuri raġonevoli kollha ttieħdu mil-trasportatur ta’ l-ajru in kwistjoni biex jiġu evitati id-dewmien jew kanċellazzjonijiet.”

5.

L-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Definizzjonijiet”, jiddisponi li:

“Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament:

[…]

(b)

‘trasportatur ta’ l-ajru li jopera’ ifisser trasportatur ta’ l-ajru li jwettaq jew li għandu l-ħsieb li jwettaq titjira taħt kuntratt ma’ passiġġier jew f’isem persuna oħra, legali jew naturali, li għandha kuntratt ma’ dak il-passiġġier;

[…]

(l)

‘kanċellazzjoni’ tfisser in-nuqqas ta’ operazzjoni ta’ titjira li kienet qabel ippjanata u fuq liema mill-inqas post wieħed kien irreżervat.”

6.

Skont l-Artikolu 5 tal-imsemmi regolament, li huwa intitolat “Kanċellazzjoni”:

“1.   Fil-każ ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira, il-passiġġieri in kwistjoni għandhom:

(a)

jiġu offruti assistenza mil-trasportatur ta’ l-ajru li jopera skond l-Artikolu 8; u

(b)

jiġu offruti assistenza mil-trasportatur ta’ l-ajru li jopera skond l-Artikolu 9(1)(a) u 9(2), kif ukoll, fil-każ ta’ għemil ta’ rotta differenti meta l-ħin tat-tluq raġonevolment mistenni tat-titjira ġdida hu mill-inqas il-ġurnata wara t-tluq kif kien ippjanat għat-titjira kkanċellata, l-assistenza speċifikata fl-Artikolu 9(1)(b) u 9(1)(ċ); u

(ċ)

jkollhom id-dritt għal kumpens mil-trasportatur ta’ l-ajru li jopera skond l-Artikolu 7, kemm-il darba:

(i)

huma informati bil-kanċellazzjoni mill-inqas ġimgħatejn qabel il-ħin tat-tluq skedat; jew

(ii)

huma informati bil-kanċellazzjoni bejn ġimgħatejn u sebat ijiem qabel il-ħin tat-tluq skedat u huma offruti rotta differenti, li tħallihom jitilqu mhux aktar minn sagħtejn qabel il-ħin tat-tluq skedat u jaslu fid-destinazzjoni finali tagħhom inqas minn erba’ sigħat wara l-ħin tal-wasla skedat; jew

(iii)

huma informati bil-kanċellazzjoni inqas minn sebat ijiem qabel il-ħin tat-tluq skedat u huma offruti rotta differenti, li tħallihom jitilqu mhux aktar minn siegħa qabel il-ħin tat-tluq skedat u jaslu fid-destinazzjoni finali tagħhom inqas minn sagħtejn wara l-ħin tal-wasla skedat.

2.   Meta passiġġieri huma informati bil-kanċellazzjoni, spjegazzjoni għandha tiġi mogħtija fir-rigward ta’ trasport alternattiv possibbli.

3.   Trasportatur ta’ l-ajru li jopera m’għandux ikun obbligat iħallas kumpens skond l-Artikolu 7, jekk jista’ juri li l-kanċellazzjoni hi kkawżata minn ċirkostanzi staordinarji li ma setgħux jiġu evitati anki jekk il-miżuri raġonevoli kollha ġew meħudin.

4.   L-onustal-provi fir-rigward tal-kwistjonijiet ta’ jekk u meta l-passiġġier ġie informat bil-kanċellazzjoni tat-titjira għandha tkun ir-responsabbilitá tal-trasportatur ta’ l-ajru li jopera.”

7.

Jirriżulta mill-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 261/2004, li huwa intitolat “Dritt għall-kumpens”:

“1.   Fejn referenza hi magħmula għal dan l-Artikolu, passiġġieri għandhom jirċievu kumpens li jammonta għal:

(a)

EUR 250 għat-titjiriet kollha ta’ 1500 kilometru jew inqas;

(b)

EUR 400 għat-titjiriet intra-Komunitarji kollha ta’ aktar minn 1500 kilometru, u għat-titjiriet oħrajn kollha bejn 1500 u 3500 kilomentru:

(ċ)

EUR 600 għat-titjiriet kollha li ma jaqawx taħt (a) jew (b).

Fid-determinazzjoni tad-distanza, il-bażi għandha tkun l-aħħar destinazzjoni ġo liema l-fatt li l-persuna ma tħallietx titla’ jew il-kanċellazzjoni ser iddewwem il-wasla tal-passiġġier wara l-ħin skedat.

2.   Meta passiġġieri huma offruti possibiliá oħra biex jaslu fid-destinazzjoni finali tagħhom fuq titjira alternattiva skond l-Artikolu 8, il-ħin tal-wasla ta’ liema ma taqbiżx il-ħin tal-wasla skedat tat-titjira rreġistrata oriġinarjament

(a)

b’sagħtejn, fir-rigward tat-titjiriet kollha ta’ 1500 kilometru jew inqas; jew

(b)

b’tlett sigħat, fir-rigward tat-tijiriet intra-Komunitarji kollha ta’ aktar minn 1500 kilometru u għat-titjiriet oħrajn kollha bejn 1500 u 3500 kilometru; jew

(c)

b’erba’ sigħat, fir-rigward tat-titjiriet kollha li ma jaqawx taħt (a) jew (b),

il-trasportatur ta’ l-ajru li jopera jista’ jnaqqas il-kumpens previst fil-paragrafu 1 bi 50.

3.   Il-kumpens imsejjaħ fil-paragrafu 1 għandu jiġi mħallas fi flus, permezz ta’ trasferiment tal-bank elettroniku, ordnijiet tal-bank jew ċekkijiet tal-bank jew, bil-ftehim iffirmat tal-passiġġier, f’irċevuti tal-vjaġġ u/jew servizzi oħrajn.

4.   Id-distanzi mogħtija fil-paragrafi 1 u 2 għandhom jiġu mkejlin permezz tal-metodu tal-great circle route.”

8.

L-Artikolu 8 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Dritt għar-rimbors jew rotta differenti” jiddisponi li:

“1.   Fejn referenza hi magħmula għal dan l-Artikolu, passiġġieri għandhom jiġu offruti l-għażla bejn:

(a)

rimbors fi żmien sebat ijiem, permezz tal-mezzi previsti fl-Artikolu 7(3), tal-prezz sħiħ tal-biljett bil-prezz b’liema ġie mixtri, għall-parti jew partijiet tal-vjaġġ li ma ġewx magħmulin, u għall-parti jew partijiet li diġá ġew magħmulin jekk it-titjira m’għadhiex qed taqdi kwalunkwe skop fir-rigward tal-pjan ta’ vjaġġ oriġinali tal-passiġġier, flimkien ma’, meta rilevanti,

titjira lura għall-ewwel punt ta’ tluq, ma’ l-ewwel opportunitá;

(b)

rotta differenti, taħt kondizzjonijiet tat-trasport paragunabbli, għad-destinazzjoni finali tagħhom ma’ l-ewwel opportunitá; jew

(ċ)

rotta differenti, taħt kondizzjonijiet tat-trasport paragunabbli, għad-destinazzjoni finali tagħhom f’data aktar tard skond il-konvenjenza tal-passiġġier, soġġett għall-postijiet li qegħdin għad-dispożizzjoni.

[…]

3.   Meta, fil-każ fejn belt, ċittá jew reġjuni hi moqdija minn bosta ajruporti, trasportatur ta’ l-ajru joffri passiġġier titjira għal ajruport alternattiv għal dak għal liema l-prenotazzjoni ġiet magħmula, il-trasportatur ta’ l-ajru li jopera għandu jħallas l-ispiża tat-trasferiment tal-passiġġier minn dak l-ajruport alternattiv jew għal dak għal liema l-prenotazzjoni ġiet magħmula, jew għal destinazzjoni oħra li qegħda fil-qrib miftehma mal-passiġġier.”

9.

L-Artikolu 9 tal-imsemmi regolament, li jirrigwarda d-“dritt li ħsieb tal-passiġġieri jiġi meħud”, jipprevedi li:

“1.   Fejn referenza hi magħmula għal dan l-Artikolu, passiġġieri għandhom jiġu offruti mingħajr ħlas:

(a)

ikliet u ħwejjeġ oħra ta’ xorb u ta’ ikel b’konnessjoni raġonevoli mal-ħin li għandhom jistennew;

(b)

akkomodazzjoni f’lukanda f’każijiet:

fejn isir meħtieġ li joqogħdu għal lejl waħda jew aktar, jew

fejn isir meħtieġ li l-passiġġier ikollu joqgħod għal żmien addizzjonali għal dak maħsub minnu;

(ċ)

trasport bejn l-ajruport u l-post ta’ l-akkomodazzjoni (il-lukanda jew post ieħor).

2.   Barra minn dan, passiġġieri għandhom jiġu offruti mingħajr ħlas żewġ sejħiet bit-telefon, telex jew messaġġi bil-fax, jew e-mails.

3.   Fl-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu, il-trasportatur ta’ l-ajru li jopera għandu jagħti attenzjoni partikolari għall-ħtiġijiet ta’ persuni li għandhom mobbilitá mnaqqsa u kwalunkwe persuni li qegħdin magħhom, kif ukoll għall-ħtiġijiet ta’ tfal li qegħdin waħedhom.”

B. Id-dritt Svediż

10.

L-Artikolu 45 tal-lagen (1976:580) om medbestämmande i arbetslivet (il-Liġi Nru 580 tal‑1976 dwar il-Parteċipazzjoni tal-Impjegati fid-Deċiżjonijiet Innegozjati), jiddisponi b’mod partikolari:

“Meta organizzazzjoni ta’ dawk li jimpjegaw, persuna li timpjega jew organizzazzjoni tal-ħaddiema jipproponu li jibdew azzjoni kollettiva jew li jestendu l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ azzjoni li tkun għaddejja, huma għandhom javżaw lill-parti l-oħra u lill-Istitut tal-Medjazzjoni bil-miktub permezz ta’ preavviż ta’ mill-inqas sebat ijiem tax-xogħol. Il-kliem ‘jiem tax-xogħol’ ifissru kull jum ħlief għas-Sibt, il-Ħadd u l-vaganzi, kif ukoll lejlet il-festa ta’ San Ġwann, lejlet il-Milied u l‑31 ta’ Diċembru. It-terminu għandu jiġi kkalkolat b’effett mill-ġurnata li fiha tibda l-azzjoni kollettiva.”

III. Il-fatti li wasslu għall-kawża, il-proċedura fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

11.

Kif jirriżulta mill-motivi tat-talba għal deċiżjoni preliminari, iċ-ċirkustanzi fattwali deskritti iktar ’il quddiem wasslu għall-kawża li tressqet quddiem il-qorti tar-rinviju. Il-vjaġġatur S. kien irriżerva post fuq titjira minn Malmö (l-Isvezja) għal Stokkolma (l-Isvezja) ma’ SAS. Din it-titjira kellha ssir fid‑29 ta’ April 2019, iżda ġiet ikkanċellata fl-istess ġurnata minħabba strajk tal-piloti ta’ SAS fin-Norveġja, fl-Isvezja u fid-Danimarka. L-istrajk tal-piloti kellu fl-isfond tiegħu t-terminazzjoni bikrija, mill-organizzazzjonijiet tal-impjegati fl-Isvezja, fin-Norveġja u fid-Danimarka rrappreżentati mill-piloti ta’ SAS, tal-ftehim kollettiv preċedenti konkluż ma’ SAS, li kellu jiskadi fl‑2020. In-negozjati għal ftehim ġdid kienu ilhom għaddejjin minn Marzu 2019. L-istrajk tal-piloti dam sebat ijiem – mis‑26 ta’ April 2019 sat‑2 ta’ Mejju 2019 – u wassal lil SAS sabiex tikkanċella iktar minn 4000 titjira, li affettwaw madwar 380000 passiġġier, fosthom lill-vjaġġatur S. Dan tal-aħħar ma ġiex offrut rotta oħra li kienet tillimita d-dewmien għal inqas minn tliet sigħat. Bi ftehim, il-vjaġġatur S. ċeda d-dritt eventwali tiegħu għall-kumpens lil Airhelp Ltd.

12.

Airhelp talbet lill-qorti tar-rinviju, jiġifieri lill-Attunda tingsrätt (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Attunda), sabiex tordna lil SAS tħallasha l-kumpens ta’ EUR 250 previst fl-Artikolu 5(3), moqri flimkien mal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 261/2004, miżjud bl-interessi moratorji b’effett mill‑10 ta’ Settembru 2019 sakemm isir il-ħlas effettiv.

13.

SAS ikkontestat it-talba ta’ Airhelp minħabba li l-istrajk tal-piloti kien jikkostitwixxi, fil-fehma tagħha, “ċirkustanza straordinarja” li ma setgħetx tiġi evitata, anki kieku kienu ttieħdu l-miżuri raġonevoli kollha. Għaldaqstant, SAS ma hijiex obbligata tħallas il-kumpens mitlub.

14.

Skont SAS, in-negozjati waqfu minħabba, min-naħa, ir-rekwiżit ifformulat mis-sindakati tal-piloti sabiex iżidu l-pagi ta’ dawn tal-aħħar bi 13 % fuq tliet snin, flok b’6.5 % previsti għall-istess perijodu mill-ftehim kollettiv preċedenti u, min-naħa l-oħra, minħabba l-pretensjonijiet tagħhom dwar il-ħinijiet tax-xogħol tal-piloti.

15.

Fil‑25 ta’ April 2019, il-Medlingsinstitutet (l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Medjazzjoni, l-Isvezja) ippreżenta lill-partijiet “rakkomandazzjoni” li tipproponi żieda annwali fil-pagi ta’ 2.3 %. SAS, li approvat ir-rakkomandazzjoni, tirrileva li ż-żieda ppjanata fil-pagi mill-medjatur kienet maħduma fuq dak li huwa indika bħala l-“marka”, jiġifieri l-perċentwali ta’ ċaqliq fil-pagi miftehma mill-industriji esportaturi sabiex tapplika għas-suq tax-xogħol Svediż, filwaqt li s-sindakati tal-piloti kienu talbu żieda fil-pagi ħafna ogħla mill-imsemmija “marka”. Issa, il-mudell Svediż tas-suq tax-xogħol jitlaq mill-prinċipju li l-marka hija normattiva għall-iffissar tal-pagi fuq is-suq tax-xogħol Svediż kollu sabiex tinżamm il-kompetittività Svediża u tistabbilizza n-negozjati tal-ftehim kollettiv.

16.

Is-sindakati tal-piloti, min-naħa tagħhom, ċaħdu din ir-rakkomandazzjoni, qabel ma bdew l-azzjonijiet kollettivi fis‑26 ta’ April 2019, kif imħabbra qabel.

17.

Din it-tilwima soċjali baqgħet sejra sa filgħaxija tat‑2 ta’ Mejju 2019, data li fiha ġie konkluż ftehim kollettiv ġdid. Dan il-ftehim ġdid ikopri perijodu ta’ tliet snin, sal‑2022, u jipprovdi b’mod partikolari li l-pagi tal-piloti sejrin jiżdiedu bi 3.5 % fl‑2019, bi 3 % fl‑2020 u b’4 % fl‑2021. Bħala total, il-pagi sejrin jiżdiedu b’10.5 % fuq tliet snin.

18.

SAS issostni li l-istrajk tal-piloti jikkostitwixxi “ċirkustanza straordinarja” fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004 inkwantu l-istrajk ma huwiex inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attività tagħha u inkwantu ma jaqax taħt il-kontroll effettiv tagħha. Fil-fatt, id-deċiżjoni ta’ strajk simultanju ta’ erba’ organizzazzjonijiet sindakali ma jaqax taħt l-eżerċizzju normali tal-attività ta’ SAS, li xogħolha jikkonsisti fil-provvista ta’ servizzi ta’ trasport bl-ajru. Barra minn hekk, l-istrajkijiet huma rari ħafna fis-suq tax-xogħol Svediż u l-istrajk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li affettwa, bħala prinċipju, il-piloti kollha ta’ SAS, kien wieħed mill-ikbar strajkijiet fl-industrija tat-trasport bl-ajru qatt irreġistrat. Għaldaqstant, SAS ma setgħetx torganizza mill-ġdid l-attivitajiet tagħha sabiex tkun tista’ tiżgura t-titjiriet previsti. Barra minn hekk, peress li l-istrajk tal-piloti kien legali, SAS ma setgħetx tordnalhom jidħlu għax-xogħol. B’dan il-mod, l-istrajk tal-piloti ma kienx jaqa’ taħt il-kontroll effettiv tagħha.

19.

Barra minn hekk, is-soluzzjoni tas-sentenza Krüsemann, li skontha strajk selvaġġ huwa inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attività ta’ trasportatur tal-ajru, ma hijiex trasponibbli għall-kawża prinċipali. Fil-fatt, l-istrajk tal-piloti ma kienx motivat b’miżura meħuda minn SAS, u lanqas ma kien risposta spontanja tal-persunal għal xi miżura li kienet tifforma parti mill-miżuri normali ta’ amministrazzjoni ta’ SAS.

20.

Fl-aħħar nett, peress li, skont ir-rekwiżiti tad-dritt Svediż, hija rċeviet il-preavviż tal-istrajk ġimgħa biss qabel ma beda dan l-istrajk, SAS ma setgħetx, fi kwalunkwe każ, tevita l-obbligu ta’ kumpens previst mill-Artikolu 5(1)(ċ)(i) u mill-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament Nru 261/2004 peress li mill-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li trasportatur tal-ajru jista’ jevita li jħallas dan il-kumpens jekk il-kanċellazzjoni ta’ titjira sseħħ tal-inqas ġimagħtejn qabel il-ħin tat-tluq previst.

21.

L-istrajk tal-piloti li affettwa lil SAS u li kkawża l-kanċellazzjoni tat-titjira inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkostitwixxi “ċirkustanza straordinarja” fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004 peress li huwa avveniment li, min-natura u mill-oriġini tiegħu, ma huwiex inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attività ta’ SAS u li ma jaqax taħt il-kontroll effettiv ta’ din tal-aħħar.

22.

Min-naħa tagħha, Airhelp ikkontestat li l-istrajk inkwistjoni fil-kawża prinċipali seta’ jitqies bħala “ċirkustanza straordinarja” fis-sens tad-dispożizzjoni ċċitata qabel. Il-konklużjoni tal-ftehimiet kollettivi huma, fil-fatt, parti mill-kors ordinarju tal-ħidma ta’ linja tal-ajru u f’din l-okkażjoni jistgħu jqumu tilwim soċjali.

23.

Kien ikun mistenni li, min-naħa, SAS u, min-naħa l-oħra, l-assoċjazzjonijiet tal-piloti Svediżi, Daniżi u Norveġiżi jikkonkludu ftehim kollettiv fuq il-pagi u l-kundizzjonijiet ġenerali ta’ impjieg tal-kmandanti abbord u tal-kopiloti. Madankollu, matul in-negozjati ta’ dan il-ftehim, il-partijiet kien ikollhom il-possibbiltà li jirrikorru għal azzjonijiet kollettivi, bħalma huwa l-istrajk jew il-lock-out. Il-konklużjoni tal-ftehim kollettiv mill-imsieħba soċjali kien iwassal għal tregwa soċjali obbligatorja għall-perijodu li dan ikun japplika b’mod li l-istrajk imħaddem matul il-waqfien soċjali jkun illeċitu jew selvaġġ.

24.

Fil-passat, it-tilwim bejn SAS u gruppi differenti tal-persunal wasslu, f’diversi okkażjonijiet, għal azzjonijiet kollettivi tal-impjegati dwar il-kundizzjonijiet tal-ħlas u t-titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol, imma wkoll fuq il-fatt li l-impjegati kienu xtaqu jeżerċitaw ċerta influwenza fuq il-post tax-xogħol. Matul it-tilwima soċjali tal‑2012, SAS kienet sabet ruħha f’tarf il-falliment. Peress li l-azzjonisti b’maġġoranza kienu ssuġġettaw is-self addizzjonali lil SAS għal obbligi stretti ta’ ffrankar ta’ flus, l-impjegati kienu obbligati, għaldaqstant, proprju fiż-żmien tal-applikazzjoni tal-ftehim kollettiv, li jaċċettaw tnaqqis fil-pagi sabiex ma jitilfux xogħolhom. Ġie miftiehem għaldaqstant li l-piloti kellhom jaħdmu iktar u li kellhom jitilfu xahar paga fis-sena.

25.

Id-deċiżjonijiet meħudin minn SAS fl‑2012 huma raġuni sottostanti importanti għal dak li jikkonċerna l-istrajk tal-piloti tal‑2019, peress li dawn, minħabba d-diffikultajiet finanzjarji tal-kumpannija tal-ajru, wasslu għal tnaqqis kbir fir-remunerazzjonijiet u fil-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-piloti. Issa, peress li SAS irkuprat ekonomikament fl‑2019, kellu jkun assolutament prevedibbli u raġonevoli li l-piloti jitolbu żieda fil-paga u titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol matul in-negozjati l-ġodda dwar il-ftehim. Il-piloti kienu kkunsidraw li l-livell ta’ remunerazzjoni ma’ SAS kien inqas mil-livell tas-suq, filwaqt li SAS kienet qieset il-pretensjonijiet tal-pagi tagħhom bħala eċċessivi.

26.

Konsegwentement, l-istrajk inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attività ta’ SAS u jaqa’ taħt il-kontroll effettiv ta’ din. Għaldaqstant, l-istrajk ma jistax jitqies bħala “ċirkustanza straordinarja” fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004, peress li din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata b’mod strett.

27.

Fid-dawl tan-natura ġdida tal-punt dwar jekk il-kunċett ta’ “ċirkustanzi straordinarji”, fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004, jinkludix strajk li tħabbar minn organizzazzjonijiet tal-impjegati wara preavviż u mibdi b’mod legali, l-Attunda tingsrätt (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Attunda) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi li ġejjin:

“1)

Strajk minn piloti tal-linji tal-ajru li huma impjegati minn trasportatur tal-ajru u li huma meħtieġa sabiex tiġi operata titjira, jikkostitwixxi ‘ċirkostanzi straordinarji’ fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004, meta l-istrajk ma jsirx b’konnessjoni ma’ miżura deċiża jew imħabbra mit-trasportatur tal-ajru iżda li tiġi nnotifikata u li hija legalment mibdija minn organizzazzjonijiet tal-ħaddiema bħala azzjoni industrijali intiża li twassal lit-trasportatur tal-ajru li jżid il-pagi, jipprovdi benefiċċji jew ibiddel kundizzjonijiet tal-impjieg sabiex it-talbiet tal-organizzazzjonijiet jiġu ssodisfatti?

2)

X’importanza, jekk ikun il-każ, għandha tingħata għal jekk it-talbiet tal-organizzazzjonijiet tal-ħaddiema humiex ġusti u, b’mod partikolari, għall-fatt li ż-żieda fil-pagi mitluba hija sinjifikattivament ogħla miż-żidiet fil-pagi li japplikaw ġeneralment għas-swieq nazzjonali tax-xogħol inkwistjoni?

3)

X’importanza, jekk ikun il-każ, għandha tingħata għall-fatt li t-trasportatur tal-ajru, sabiex jevita strajk, jaċċetta proposta għal ftehim minn korp nazzjonali responsabbli għall-medjazzjoni ta’ tilwim industrijali iżda l-organizzazzjonijiet tal-ħaddiema ma jaċċettawhiex?”

IV. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

28.

Id-deċiżjoni tar-rinviju, bid-data tas‑16 ta’ Jannar 2020, waslet fir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fil‑21 ta’ Jannar 2020.

29.

Il-partijiet fil-kawża prinċipali, il-Gvern Daniż u dak Spanjol kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea, ippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub fit-terminu impost mill-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

30.

Waqt is-seduta tas‑16 ta’ Diċembru 2020, il-mandatarji ad litem tal-partijiet fil-kawża prinċipali, tal-Gvern Daniż, Franċiż, Spanjol u dak Ġermaniż, kif ukoll tal-Kummissjoni, ippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom.

V. Analiżi ġuridika

A. Rimarki preliminari

31.

It-trasport bl-ajru ta’ passiġġieri jikkostitwixxi settur importanti tal-ekonomija tal-Unjoni Ewropea. Fl-Istati Membri twaqqfu diversi linji tal-ajru li fil-preżent jiddominaw f’dan is-settur fuq skala internazzjonali u dawn saru għaldaqstant, b’xi mod, emblemi tal-ispirtu tal-impriża Ewropea. Billi jiżguraw it-trasport ta’ passiġġieri għad-diversi rkejjen tad-dinja, dawn il-linji tal-ajru jikkontribwixxu għat-tqarrib tal-persuni, u jiffaċilitaw l-iskambji kummerċjali u kulturali. Dan jispjega li l-istrajkijiet spiss jitqiesu minn dawk li jiddependu minn trasport bl-ajru affidabbli bħala tfixkil sfortunat li jista’ jkollu konsegwenzi serji għall-passiġġieri u l-linji tal-ajru stess. Din il-perspettiva tirriskja madankollu li tnessi li l-istrajkijiet jistgħu jkunu motivati minn raġunijiet, bħala prinċipju, leġittimi, jiġifieri mix-xewqa tal-impjegati li jtejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom. Barra minn hekk, huwa ċar li l-interessi tal-linja tal-ajru, li bħala persuna li timpjega finalment iġġorr ir-riskju tal-impriża, ma jistgħux jiġu injorati. Dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha jenfasizzaw il-fatt li, ġeneralment, waqt strajk ikun hemm diversi interessi li jkunu f’kunflitt. Għaldaqstant, it-tneħħija tal-kunflitt b’mod li jippermetti li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-interessi tal-partijiet kollha tinvolvi verament sfida.

32.

F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex mitluba ssolvi t-tilwima bejn SAS u l-impjegati tagħha, peress li din diġà ssolviet internament permezz tal-awtonomija tan-negozjati tagħhom. Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tinterpreta r-Regolament Nru 261/2004, b’mod li l-konsumatur ikun suffiċjentement protett f’każ ta’ strajk tal-persunal, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni jirrikonoxxi l-libertà tal-assoċjazzjoni fil-qasam sindakali u d-dritt għan-negozjati u għall-azzjonijiet kollettivi, peress li dawn id-drittijiet fundamentali huma stabbiliti rispettivament fl-Artikolu 12 u fl-Artikolu 28 tal-Karta għad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”). Fil-fatt, peress li l-protezzjoni tal-konsumatur huwa l-għan leġiżlattiv ta’ dan ir-regolament, il-Qorti tal-Ġustizzja sejra jkollha tipprovdi kriterji ċari li jippermettu li jiġi stabbilit b’ċertezza liema kategoriji ta’ strajkijiet jistgħu jiġu kklassifikati bħala “ċirkustanzi straordinarji” fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004 u li jeżentaw lit-trasportatur tal-ajru jekk ikun il-każ, mill-obbligu tiegħu li jħallas kumpens lill-passiġġieri minħabba l-konsegwenzi li jirriżultaw minnhom. Il-fatt li l-qrati nazzjonali ttrattaw din id-domanda b’mod differenti ( 4 ) turi l-ħtieġa għall-Qorti tal-Ġustizzja li tagħmel xi kjarifiki. Tali livell ta’ iktar ċertezza legali jkun ta’ benefiċċju wkoll għall-imsieħba soċjali.

33.

Il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet l-ewwel pass bis-sentenza Krüsemann iċċitata diġà fl-introduzzjoni tal-konklużjonijiet tiegħi ( 5 ). Madankollu, fid-dawl taċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-kawża, jiġifieri l-ħruġ fuq “strajk selvaġġ”, organizzat mill-impjegati stess (u mhux mis-sindakat) bħala reazzjoni għat-“tħabbir sorpriża” mit-trasportatur tal-ajru ta’ ristrutturazzjoni tal-impriża, din is-sentenza ma jidhirlix li hija tali li tirrispondi għall-punti legali kollha li jistgħu jqumu. Għaldaqstant, jeħtieġ li tiġi żviluppata ġurisprudenza iktar wiesgħa, li tistabbilixxi l-prinċipji ġenerali, li minnha l-imsemmija sentenza Krüsemann, meħud kont tal-partikolarità tagħha, tista’ ċertament tkun tagħmel parti.

34.

Għall-kuntrarju, jidhirli li ebda konklużjoni utli għas-soluzzjoni ta’ din il-kawża ma tista’ tinstilet mis-sentenza Finnair ( 6 ), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ntalbet tiddeċiedi fuq il-punt dwar jekk rifjut ta’ imbark setax ikun iġġustifikat minħabba riorganizzazzjoni tat-titjiriet li seħħet wara “ċirkustanzi straordinarji”. Irrid ninnota li, permezz tad-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju kienet qiegħda tirreferi għal strajk tal-persunal tal-ajruport fil-post tat-tluq tat-titjira kkonċernata. Il-Qorti tal-Ġustizzja rriproduċiet l-evalwazzjoni tal-qorti fir-raġunament tagħha u probabbilment ma eskludietx li l-istrajk jista’ jikkostitwixxi tali ċirkustanza, mingħajr madankollu ma eżaminatu fid-dettall ( 7 ). Ċertament, wieħed jista’ jara hemmhekk konferma taċita min-naħa tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-evalwazzjoni magħmula mill-qorti tar-rinviju. Iżda jista’ jkun li l-Qorti tal-Ġustizzja deliberatament evitat li tieħu pożizzjoni fuq punt legali li effettivament ma kienx il-qofol tal-kawża. Fi kwalunkwe każ, ikun ippreferut li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi espressament fuq kwistjoni daqshekk importanti għat-trasport bl-ajru. Fid-dawl tal-ambigwità li taffettwa l-interpretazzjoni ta’ din is-sentenza, pjuttost ma ninkludihiex bħala indikazzjoni tal-istat attwali tal-ġurisprudenza fir-raġunament tiegħi.

35.

Qabel ma nibda l-analiżi tad-domandi preliminari magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja, jeħtieġ li jitfakkru fil-qosor il-fażijiet tal-analiżi ġuridika li għandhom isiru sabiex jiġi stabbilit jekk trasportatur tal-ajru jistax ikun eżentat mill-obbligu li jħallas kumpens skont l-Artikolu 5(1)(ċ) u l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 261/2004, wara l-kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjira. L-ewwel nett, jeħtieġ li tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ “ċirkustanza straordinarja” skont il-kriterji żviluppati fil-ġurisprudenza. Madankollu, irrid infakkar li, anki kieku din il-kundizzjoni kienet issodisfatta f’dan il-każ, it-trasportatur seta’ jkun eżentat biss kieku kien f’pożizzjoni li juri li ħa l-“miżuri raġonevoli” kollha sabiex jevita l-konsegwenzi ta’ din iċ-ċirkustanza. F’dan il-kuntest, nosserva konnessjoni bejn id-domandi preliminari u l-imsemmija fażijiet tal-analiżi ġuridika. Filwaqt li dawn id-domandi jikkonċernaw, mill-aspett formali, il-klassifikazzjoni ta’ sitwazzjoni bħala “ċirkustanza straordinarja”, ċerti aspetti jistgħu jirriżultaw pjuttost rilevanti fil-kuntest tal-eżami tal-“miżuri raġonevoli” li t-trasportatur tal-ajru huwa obbligat jieħu. Id-domandi preliminari sejrin jiġu eżaminati iktar ’il quddiem fl-ordni li saru mill-qorti tar-rinviju.

B. Fuq l-ewwel domanda preliminari

1.   L-istrajk bħala ċirkustanza li tista’ tkun ikklassifikata bħala “straordinarja”

36.

Kif ġie indikat fl-introduzzjoni ta’ dawn il-konklużjonijiet ( 8 ), il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, essenzjalment, jekk strajk fis-sitwazzjoni deskritta fl-ewwel domanda preliminari jistax jitqies bħala “ċirkustanza straordinarja” fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004. Peress li dan il-punt legali huwa l-qofol ta’ din il-kawża, l-analiżi tiegħi sejra tiffoka fuq dan il-punt.

37.

F’dan ir-rigward, irrid infakkar mill-ewwel li, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, għall-finijiet tal-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, jeħtieġ li jittieħed inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha tifforma parti ( 9 ). Għalkemm ir-Regolament Nru 261/2004 ma jiddefinixxix espressament il-kunċett ta’ “ċirkustanza straordinarja”, il-leġiżlatur tal-Unjoni indika li din tista’ tkun teżisti fil-preżenza ta’ avvenimenti, bħalma huma dawk imsemmija fil-premessa 14 ta’ dan ir-regolament. F’dan il-kuntest, għandu jiġi kkonstatat li din il-premessa ssemmi, b’mod partikolari, “strajkijiet li jaffettaw l-operazzjoni ta’ trasportatur ta’ l-ajru li jopera” ( 10 ). Peress li l-premessi ta’ att ġuridiku, anki jekk ma għandhomx valur ġuridiku minnhom infushom, jistgħu jservu ta’ għajnuna għall-interpretazzjoni li tippermetti li tintwera r-rieda tal-leġiżlatur ( 11 ), din ir-referenza għall-istrajk jidhirli li hija partikolarment rilevanti għall-finijiet tar-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda.

38.

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat diversi drabi li ċ-ċirkustanzi li jistgħu jiġu kklassifikati bħala straordinarji, fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004, meta dawn ikunu “relatati ma’ avveniment li, skont dawk elenkati fil-premessa 14 ta’ dan ir-regolament, mhuwiex inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attività tat-trasportatur tal-ajru kkonċernat u jaħrab mill-kontroll effettiv tiegħu minħabba n-natura jew l-oriġini tiegħu” ( 12 ). Ċertament, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li ċ-ċirkustanzi msemmija f’din il-premessa ma kinux neċessarjament u awtomatikament raġunijiet ta’ eżenzjoni mill-obbligu ta’ kumpens ( 13 ). Il-formulazzjoni tal-premessa 14 tindika, effettivament, li l-istrajkijiet jistgħu jikkostitwixxu tali ċirkustanzi mingħajr ma’ din il-konklużjoni tkun meħtieġa f’kull każ ( 14 ). Għaldaqstant, jeħtieġ li tiġi eżaminata l-possibbiltà ta’ tali klassifikazzjoni każ b’każ bl-għajnuna ta’ kriterji speċifiċi.

2.   Analiżi tan-natura “straordinarja” mill-aspett tal-kriterji stabbiliti mill-ġurisprudenza

39.

Jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li jekk ikunu ssodisfatti ż-żewġ kundizzjonijiet kumulattivi, dan ikun jippermetti li ċ-ċirkustanzi madwar ċerti avvenimenti jistgħu jiġu kklassifikati bħala straordinarji. L-ewwel kundizzjoni hija li l-avveniment relatat ma jkunx inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attività tat-trasportatur tal-ajru kkonċernat. It-tieni kundizzjoni hija li l-avveniment ma jkunx jaqa’ taħt il-kontroll effettiv tat-trasportatur tal-ajru kkonċernat minħabba n-natura u l-oriġini tiegħu ( 15 ).

40.

Kif sejjer jiġi espost fl-analiżi iktar ’il quddiem, dawn il-kundizzjonijiet ikunu ssodisfatti f’każ ta’ strajk organizzat minn sindakat bħal fil-kawża prinċipali. Id-deċiżjoni ta’ ħruġ fuq strajk tittieħed mir-rappreżentanti sindakali tal-impjegati fil-kuntest tal-awtonomija tagħhom fil-qasam tan-negozjati kollettivi u, għaldaqstant, taqa’ barra mill-istrutturi deċiżjonali tat-trasportatur tal-ajru kkonċernat. Anki jekk l-istrajk jagħmel parti mill-ħajja ekonomika ta’ kull impriża, din tal-aħħar ma teżerċita ebda kontroll fuq id-deċiżjonijiet li jittieħdu minn sindakat. Minn dan isegwi li normalment it-trasportatur tal-ajru ma għandu ebda influwenza ġuridikament sinjifikattiva fuq il-fatt li jkun seħħ jew ma seħħx strajk, anki jekk ikun involut il-persunal tiegħu stess.

a)   L-istrajk ma jikkostitwixxix avveniment inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attività tat-trasportatur tal-ajru

41.

Għal dak li jikkonċerna l-ewwel kriterju, jirriżulta mill-ġurisprudenza li “l-oriġini” tal-avveniment li jkun ikkawża l-kanċellazzjoni jew id-dewmien tat-titjira għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni. Kif ċerti partijiet interessati indikaw fl-osservazzjonijiet tagħhom, jeħtieġ li ssir distinzjoni bejn l-avvenimenti li l-“oriġini” tagħhom hija “interna” u dawk li l-oriġini tagħhom hija “esterna” għat-trasport bl-ajru. Skont dan l-approċċ, huma biss l-avvenimenti li l-oriġini tagħhom hija “interna” li jistgħu jitqiesu bħala “marbuta intrinsikament” mal-eżerċizzju tal-attivitajiet tat-trasportatur tal-ajru.

1) Distinzjoni bejn il-fatturi “interni” u “esterni” li għandhom effett fuq l-attivitajiet tat-trasportatur tal-ajru

42.

Fil-ġurisprudenza li tikkonċerna l-ħsara teknika li taffettwa l-funzjonament ta’ ajruplan, il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet distinzjoni ċara bejn il-fatturi “interni” u “esterni” li għandhom effett fuq l-attività tat-trasportatur tal-ajru, mingħajr madankollu ma nqdiet espressament b’din it-terminoloġija. Din hija waħda mir-raġunijiet li għalihom nipproponi li jintuża dan l-approċċ sabiex tissolva l-problema inkwistjoni. Sabiex nispjega aħjar ir-rilevanza ta’ din id-distinzjoni, jeħtieġ li nibda billi nfakkar fil-qosor il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan il-qasam billi nenfasizza t-tagħlim li wieħed jista’ jislet minnha.

43.

Fis-sentenza Wallentin-Herrmann ( 16 ), il-Qorti tal-Ġustizzja rrifjutat li teżenta lit-trasportatur tal-ajru mir-responsabbiltà tiegħu lejn il-passiġġieri minħabba li l-fatt li r-riżoluzzjoni ta’ problema teknika dovuta għal-nuqqas ta’ manutenzjoni ta’ apparat kienet inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attività tat-trasportatur tal-ajru. Fir-raġunament tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat ruħha fuq l-osservazzjoni li t-trasportaturi tal-ajru kienu, regolarment, jiffaċċjaw, fl-eżerċizzju tal-attività tagħhom, problemi tekniċi differenti, fid-dawl tal-kundizzjonijiet partikolari li fihom isir it-trasport bl-ajru u l-livell ta’ sofistikazzjoni teknoloġika tal-ajruplani. Il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li kien preċiżament sabiex jiġu evitati tali problemi, u sabiex wieħed jipprepara ruħu kontra inċidenti li jaffettwaw is-sigurtà tat-titjiriet li dawn l-apparati huma suġġetti għal kontrolli regolari partikolarment stretti, li jiddaħħlu fil-kundizzjonijiet operattivi ta’ kuljum tal-impriżi tat-trasport bl-ajru. Għalhekk il-Qorti kkonkludiet li l-eżistenza ta’ problemi tekniċi li jaffettwaw il-funzjonament ta’ ajruplan ma kinitx taqa’ taħt il-kunċett ta’ “ċirkustanza straordinarja” fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004 ( 17 ).

44.

Din il-ġurisprudenza ġiet imtennija fis-sentenza van der Lans ( 18 ), li kienet tirrigwarda l-punt dwar jekk ħsara kkawżata minn difett prematur ta’ ċerti komponenti tal-ajruplan kinitx tikkostitwixxi tali ċirkustanza. F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja tat risposta fin-negattiv, billi ppreċiżat li tali ħsara tibqa’ intrinsikament marbuta mas-sistema ta’ funzjonament kumplessa ħafna tal-apparat, liema sistema tintuża mit-trasportatur tal-ajru f’kundizzjonijiet, b’mod partikolari tat-temp, li spiss huma diffiċli jekk mhux estremi, fejn barra minn hekk huwa mifhum li kull komponent ta’ ajruplan jista’ jinbidel. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li tali inċident huwa inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attività tat-trasportatur tal-ajru, billi dan it-trasportatur jiffaċċja, regolarment, dan it-tip ta’ problemi tekniċi ( 19 ).

45.

Jien pjuttost ninterpreta l-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq fis-sens li t-trasportatur tal-ajru huwa responsabbli li jiżgura l-manutenzjoni u l-funzjonament tajjeb tal-inġenji tiegħu sabiex josserva debitament l-obbligi kuntrattwali tiegħu lejn il-passiġġieri. Fi kliem ieħor, it-trasportatur tal-ajru ma jistax jinvoka problemi tekniċi li huwa obbligat jidentifika u jsolvi fil-kuntest tal-amministrazzjoni abitwali tal-impriża bil-għan li jaħrab mill-imsemmija obbligi.

46.

Dan premess, nixtieq niġbed l-attenzjoni għall-fatt li, fis-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ma eskludietx li l-problemi tekniċi jistgħu eventwalment jaqgħu taħt “ċirkustanzi straordinarji”, sa fejn ikunu joħorġu minn avvenimenti li ma humiex inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attività tat-trasportatur tal-ajru kkonċernat u li ma jaqgħux taħt il-kontroll effettiv ta’ dan tal-aħħar. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, dan ikun il-każ, pereżempju, fejn il-kostruttur tal-apparati li jikkostitwixxu l-flotta tat-trasportatur tal-ajru kkonċernat, jew minn awtorità kompetenti, jiżvelaw li dawn l-apparati, meta jkunu diġà qegħdin jintużaw, ikollhom difett moħbi ta’ fabbrikazzjoni li jaffettwa s-sigurtà tat-titjiriet. L-istess jgħodd għall-preżenza ta’ ħsarat ikkawżati lill-ajruplani minn atti ta’ sabotaġġ jew ta’ terroriżmu ( 20 ).

47.

Fil-fehma tiegħi, din ir-riżerva fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tammonta għal rikonoxximent li, anki għal dak li jirrigwarda ħsarat tekniċi, hemm fatturi “esterni” li t-trasportatur tal-ajru ma jistax jinżamm responsabbli għalihom, għax inkella jkun qiegħed jintalab jagħmel l-impossibbli sabiex jevita dan it-tip ta’ avvenimenti li jistgħu jaffettwaw l-operazzjonijiet tiegħu ( 21 ). Fil-fatt, peress li t-trasportatur tal-ajru spiss ma jkollu ebda għarfien tad-difetti moħbija fil-fabbrikazzjoni jew tal-aġir ta’ terzi persuni intiż li jfixkel l-attivitajiet tiegħu, li huma limitati pjuttost għall-amministrazzjoni ta’ kuljum tal-impriża, ma jidhirx li jkun ġust li tiġi imposta obbligazzjoni fuqu, kważi mingħajr limitu, sabiex jevita kull problema teknika li tista’ jkollha effett fuq il-funzjonament tal-ajruplani.

48.

Ir-raġunament espost fil-punt preċedenti huwa wkoll il-bażi ta’ ġurisprudenza żviluppata sussegwentement mill-Qorti tal-Ġustizzja, li skontha, meta l-ħsara kkonċernata tkun toriġina esklużivament minn ħabta ma’ oġġett “barrani”, din il-ħsara ma tistax titqies bħala li hija intrinsikament marbuta mas-sistema ta’ funzjonament tal-apparat.

49.

Dan kien il-każ fil-kawża li wasslet għas-sentenza Pešková u Peška ( 22 ), li kienet tirrigwarda ħsara lil ajruplan ikkawżata minn ħabta bejnu u tajra, kif ukoll fil-kawża li wasslet għas-sentenza Germanwings ( 23 ), dwar ħsara f’tajer minħabba residwi mobbli, fuq il-pista tal-ajruport. Għall-fini ta’ kompletezza, jeħtieġ li jsir riferiment ukoll għas-sentenza Moens ( 24 ), mogħtija iktar reċentement, li kellha bħala suġġett il-klassifikazzjoni bħala “ċirkustanza straordinarja” tal-preżenza ta’ petrol, li ma kienx ġej minn ajruplan tat-trasportatur li għamel din it-titjira, fuq pista ta’ ajruport li wasslet għall-għeluq ta’ din il-pista u, konsegwentement, għal dewmien twil għat-titjira. Fis-sentenzi msemmija iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja waslet għal konklużjonijiet li ċ-ċirkustanzi inkwistjoni ma kinux inerenti, min-natura u oriġini tagħhom, għall-eżerċizzju normali tal-attività tat-trasportatur tal-ajru kkonċernat.

50.

L-analiżi tal-ġurisprudenza preċedenti tikkonforma għaldaqstant it-teżi adottata iktar ’il fuq ( 25 ), li skontha l-Qorti tal-Ġustizzja għandha t-tendenza li tagħmel distinzjoni bejn fatturi “interni” u “esterni” taċ-ċirkustanzi kollha li għandhom l-effett li jfixklu l-attivitajiet tat-trasportatur tal-ajru, fejn huma biss dawk li jaqgħu taħt din l-aħħar kategorija li huma tali li jiġu kklassifikati bħala “straordinarji”.

2) Applikazzjoni b’analoġija tal-ġurisprudenza li tirrigwarda aspetti tekniċi fil-qasam tat-tmexxija tal-persunal

51.

Peress li din id-distinzjoni ma hijiex bilfors limitata għall-qasam tekniku, jeħtieġ li tiġi estiża għall-qasam tat-tmexxija tal-persunal, billi tiġi applikata b’analoġija għall-avvenimenti li jistgħu jkollhom effett fuq dan tal-aħħar. Fl-aħħar mill-aħħar, it-trasportatur tal-ajru, bħala impriża, jistrieħ mhux biss fuq l-ajruplani tiegħu, imma wkoll fuq il-persunal tiegħu. Fil-fatt, il-persunal ta’ linja tal-ajru huwa essenzjali sabiex jiżgura l-funzjonament tagħha inkwantu huwa jieħu ħsieb firxa sħiħa ta’ kompiti, li jinkludu s-sewqan tal-ajruplan, jieħdu ħsieb is-sigurtà tal-passiġġieri kif ukoll is-servizz abbord ( 26 ). Ir-riżorsi materjali u umani jikkostitwixxu għaldaqstant elementi inseparabbli ta’ kull impriża li topera fis-settur tat-trasport bl-ajru tal-passiġġieri.

52.

Għaldaqstant jidher li huwa loġiku li tiġi imposta lit-trasportatur tal-ajru r-responsabbiltà li jorganizza l-persunal tiegħu u li jassenja l-kompiti b’mod li jkun jista’ jiggarantixxi l-kontinwità tal-operazzjonijiet minkejja l-eżistenza ta’ inċidenti ta’ tfixkil bħalma hija l-assenza ta’ ċerti membri tal-persunal tiegħu, marbuta mal-leave annwali jew mal-leave tal-mard, li huma wkoll irregolati mid-dritt tal-Unjoni ( 27 ), mil-leġiżlazzjoni soċjali nazzjonali u mill-ftehimiet kollettivi tax-xogħol. Sa fejn tali inċidenti purament “interni” jikkonċernaw biss lill-organizzazzjoni tar-riżorsi materjali u umani ta’ impriża, li għalihom din hija esklużivament responsabbli, jidher li huwa loġiku li dawn jiġu kkunsidrati intrinsikament marbuta mal-funzjonament tagħha. Għaldaqstant, jimmeritaw li jiġu kklassifikati bħala inċidenti “inerenti” għall-attività ta’ trasportatur tal-ajru, bħal ta’ kull impriża oħra.

53.

Madankollu, is-sitwazzjoni hija differenti meta l-persunal jirreaġixxi għal fatturi “esterni” li ma jaqgħux taħt il-kontroll tat-trasportatur tal-ajru. Dan huwa l-każ meta jkun hemm azzjoni industrijali li tissejjaħ minn sindakat ta’ ħaddiema. Bħala assoċjazzjonijiet ta’ persuni li l-għan tagħhom huwa li jiddefendu l-interessi professjonali komuni, is-sindakati, bil-formazzjoni tagħhom, jevitaw l-influwenza tal-persuni li jimpjegaw fuq livell strutturali. Fil-fatt, is-sindakati ma jagħmlux parti mill-istruttura deċiżjonali tal-impriża u lanqas mis-sistema tal-operat jew tal-funzjonament tal-impriża. Peress li s-sindakat jagħmel talbiet dwar il-pagi, u jitlob lill-persunal sabiex jieqaf mix-xogħol sabiex jisforza lill-persuna li timpjega sabiex taċċetta dawn it-talbiet, l-attivitajiet tiegħu għandhom jitqiesu bħala fattur “estern” li jista’ jfixkel b’mod sostanzjali l-funzjonament tat-trasportatur tal-ajru. Din il-konstatazzjoni tapplika indipendentement mill-fatt li l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni jirrikonoxxi l-libertà ta’ assoċjazzjoni fil-qasam sindakali kif ukoll id-dritt għan-negozjati u għall-azzjonijiet kollettivi, inkluż l-istrajk, li fuqhom sejjer indur iktar tard fil-kuntest tal-analiżi tiegħi.

54.

Il-kawża hawnhekk hija eżempju tajjeb tal-firxa tat-tfixkil li trasportatur tal-ajru jista’ jsofri fl-operazzjonijiet tiegħu wara azzjonijiet kollettivi organizzati mis-sindakati. Jirriżulta mill-proċess li l-istrajk inkwistjoni huwa deskritt bħala li kien ta’ skala kbira, minħabba li pparteċipaw fih l-organizzazzjonijiet tal-impjegati fl-Isvezja, fin-Norveġja u fid-Danimarka. Fil-fatt, it-trasportatur tal-ajru kien affettwat simultanjament minn azzjonijiet kollettivi fit-tliet pajjiżi li fihom dan jeżerċita l-ikbar parti tal-attività tiegħu. Barra minn hekk, għandu jiġi nnotat li l-istrajk inbeda fuq sejħa tas-sindakati li jirrappreżentaw lill-piloti tal-ajruplani, jiġifieri settur tal-persunal li l-qorti tar-rinviju tiddeskrivi ġustament bħala “indispensabbli għall-operazzjoni tat-titjira”. Dan l-istrajk dam sebat ijiem, b’mod li t-trasportatur tal-ajru kellu jikkanċella iktar minn 4000 titjira, ħaġa li affettwat madwar 380000 passiġġier. Skont il-kalkoli ta’ SAS li din ressqet għall-konjizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, kieku kull passiġġier kellu dritt għall-kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa previst fl-Artikolu 7, dan kien ikun jinvolvi spiża ta’ madwar EUR 117000000. It-theddida ta’ strajk imtawwal setgħet twassal għal dannu anki ikbar. Dawn il-konstatazzjonijiet juru li l-waqfien tal-operazzjonijiet ipprovokat minn strajk sindakali huwa differenti ħafna, f’termini ta’ kwalità u firxa, mill-każ tas-soltu fejn ċerti membri tal-persunal ma jidħlux għax-xogħol minħabba leave annwali jew leave tal-mard. Konsegwentement, jidhirli li l-istrajk għandu jkun ittrattat b’mod differenti fuq il-livell ġuridiku.

3) Il-prinċipji stabbiliti mis-sentenza Krüsemann ma japplikawx għall-każ ineżami

55.

Is-sentenza Krüsemann, li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li strajk selvaġġ ma kienx jikkostitwixxi “ċirkustanza straordinarja”, ma tannullax din l-evalwazzjoni, peress li din is-sentenza hija limitata għaċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża. Fil-fatt, jeħtieġ li tinġibed l-attenzjoni għall-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat, f’din l-okkażjoni, li l-oriġini tal-istrajk kien “intern”, jiġifieri t-tħabbir tar-ristrutturazzjoni tal-impriża, u li ma kienx hemm parteċipazzjoni mis-sindakati jew mir-rappreżentanti tal-persunal.

56.

B’mod iktar konkret, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat, fl-ewwel lok, li t-trasportatur tal-ajru kien ikkomunika l-pjan ta’ ristrutturazzjoni tiegħu lill-persunal b’“aħbar sorpriża” u, fit-tieni lok, li l-istrajk ma kienx organizzat mir-rappreżentanti tal-persunal imma mill-ħaddiema stess li ħarġu fuq leave tal-mard. Jirriżulta mill-analiżi tal-motivi ta’ din is-sentenza Krüsemann li l-klassifikazzjoni tal-istrajk bħala “inerenti” għall-eżerċizzju normali tal-attività tat-trasportatur tal-ajru kienet manifestament motivata miċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-kawża. B’mod partikolari, fil-punt 42 tal-imsemmjia sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja inkludiet referenza “[għall]-kundizzjonijiet imsemmija fil-punti 38 u 39” ( 28 ), li jagħtu biss sunt tal-elementi fattwali tal-kawża prinċipali. Il-kuntest speċifiku, b’mod partikolari l-miżura ta’ amministrazzjoni adottata mit-trasportatur u li tista’ tinvolvi deterjorament tal-kundizzjonijiet ta’ xogħol tal-impjegati, jippermetti li tingħata spjegazzjoni għaliex il-Qorti tal-Ġustizzja twasslet sabiex tikkonkludi b’mod daqshekk kategoriku li “[]t-trasportaturi bl-ajru jistgħu jkunu affaċjati, fl-eżerċizzju normali tal-attivitajiet tagħhom, minn nuqqas ta’ qbil, jew saħansitra minn kunflitti, mal-membri tal-persunal tagħhom jew ma parti minn dan il-persunal”.

57.

Għall-kuntrarju, jidhirli li ebda konklużjoni ma tista’ ssir għal dak li jirrigwarda l-klassifikazzjoni ta’ strajk li jissejjaħ f’daqqa, minħabba nuqqas ta’ qbil bejn sindakat u l-persuna li timpjega, kif inhu l-każ f’din il-kawża. Ma hemm ebda ħjiel li SAS kienet ħabbret jew adottat xi miżura kwalunkwe li tista’ tipprovoka ċaħda min-naħa tal-persunal. L-istrajk inkwistjoni jidher pjuttost li kellu motivazzjoni iktar ġenerali. Jirriżulta mill-proċess li s-sindakati ddeċidew li jsejħu l-istrajk fl‑2019 quddiem il-falliment, jew in-nuqqas ta’ progress, tan-negozjati mal-persuna li timpjega. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rilevat li s-sindakati tterminaw b’mod prematur il-ftehim kollettiv konkluż ma’ SAS, u fetħu għaldaqstant it-triq għan-negozjati kollettivi, bir-riskji kollha li dan l-approċċ jinvolvi. Fil-fatt, il-ftuħ tan-negozjati ma huwiex garanzija li jintlaqgħu t-talbiet. Iktar jinvolvi li jinsab ftehim mal-parti fuq in-naħa l-oħra. Għaldaqstant, il-kronoloġija tal-avvenimenti li wasslu għall-istrajk tidher li bdiet bit-terminazzjoni tal-imsemmi ftehim kollettiv fuq l-inizjattiva tas-sindakati stess u l-falliment manifest tal-isforzi tagħhom sabiex jiksbu konċessjonijiet fil-pagi min-naħa tal-persuna li timpjega. Għall-kuntrarju, ir-referenza li Airhelp tagħmel għall-ftehim konkluż ma’ SAS fl-2012 minn Airhelp, jiġifieri, seba’ snin qabel l-avvenimenti rilevanti għall-finijiet tal-eżami ta’ din il-kawża, li fih is-sindakati aċċettaw tnaqqis fil-pagi sabiex jiżguraw l-irkuprar ta’ din il-linja tal-ajru ( 29 ), jidhirli li hija vaga wisq sabiex tkun tista’ tistabbilixxi rabta kawżali diretta mal-fatt li seħħ l-istrajk.

58.

Bl-istess mod, il-fatt li, f’din il-kawża, ma huwiex il-persunal innifsu, iżda pjuttost l-assoċjazzjoni indipendenti tal-impriża li tfixkel il-funzjonament tat-trasportatur tal-ajru permezz tal-assenteiżmu tal-persunal jeskludi kull applikazzjoni tal-prinċipji żviluppati fis-sentenza Krüsemann għal dan il-każ. Konsegwentement, għandu jiġi kkunsidrat li l-istrajk imsejjaħ mis-sindakat, mingħajr ma hemm xejn x’jiġi kkritikat kontra l-persuna li timpjega, huwa fattur “estern” għall-attivitajiet tat-trasportatur tal-ajru.

59.

Jidhirli li l-portata tas-sentenza Krüsemann għandha tkun limitata sa fejn huwa possibbli għaċ-ċirkustanzi speċifiċi li wasslu għaliha, inkella l-premessa 14 tar-Regolament Nru 261/2004 ssir bla sens. Ninnota li din il-premessa ma tħalli ebda dubju meta tikklassifika l-istrajk bħala li jista’ jikkostitwixxi “ċirkustanza straordinarja”. Indipendentement min-natura indikattiva a priori, kif ukoll mill-fatt li huwa evidentement neċessarju li jiġi evalwat, każ b’każ, jekk iċ-ċirkustanzi msemmija f’din il-premessa jissodisfawx iż-żewġ kundizzjonijiet kumulattivi msemmija iktar ’il fuq ( 30 ), ir-referenza għall-istrajk għandha tinftiehem bħala indikazzjoni qawwija min-naħa tal-leġiżlatur tal-Unjoni favur tali klassifikazzjoni ( 31 ).

60.

Għal dak li jirrigwarda l-iżvilupp futur tal-ġurisprudenza, u apparti l-kawża li għandna quddiemna, jidher li huwa opportun li waqt l-evalwazzjoni tan-natura inerenti tal-istrajk għall-eżerċizzju normali tal-attività tat-trasportatur tal-ajru, issir distinzjoni bejn fatturi li jfixklu purament “interni” u l-fatturi “esterni”.

61.

Min-naħa, ċerti strajkijiet joriġinaw minn kunflitt fi ħdan l-impriża stess, kif kien il-każ tal-kawża li wasslet għas-sentenza Krüsemann. Min-naħa l-oħra, hemm strajkijiet li jistgħu jkollhom effett fuq l-operazzjonijiet tat-trasportatur tal-ajru, anki jekk, min-natura u l-oriġini tagħhom, huma marbutin mat-tmexxija tal-impriża, iżda jiddependu pjuttost fuq ir-rieda ta’ entità terza, pereżempju strajk tal-kontrolluri tal-ajru, tal-fornituri tal-karburant, tal-persunal tal-assistenza fuq l-art jew, b’mod ġenerali, strajk politiku li jkopri diversi servizzi pubbliċi fit-territorju kollu ta’ Stat Membru ( 32 ). F’dan il-każ, ikun ċertament sproporzjonat li jiġi impost fuq it-trasportatur tal-ajru l-obbligu li jieħu ħsieb li l-attivitajiet tiegħu ma jiġux imfixkla u li jiżgura t-trasport tal-passiġġieri akkost ta’ kollox. Tali obbligu jkun f’ċerti każijiet kważi impossibbli li jiġi osservat.

62.

Dan huwa iktar u iktar minnu peress li t-tip ta’ strajkijiet imsemmija fil-punt preċedenti huma kkaratterizzati bil-fatt li jaffettwaw prinċipalment il-kundizzjonijiet ġenerali li jirregolaw l-attività ekonomika tat-trasportatur tal-ajru, li fuqhom dan tal-aħħar ġeneralment ma għandu ebda influwenza. Għaldaqstant, jidher xieraq li dan it-tip ta’ strajkijiet ma jitqisux bħala avveniment “inerenti” għall-eżerċizzju normali tal-attività tat-trasportatur tal-ajru.

63.

Minn dan isegwi li strajk ipprovokat mis-sindakat tal-persunal ta’ trasportatur tal-ajru, f’kundizzjonijiet bħalma huma dawk tal-kawża prinċipali, ma jistax jitqies bħala avveniment “inerenti” għall-attivitajiet ta’ dan tal-aħħar.

b)   It-trasportatur tal-ajru ma għandux il-kontroll tal-istrajk ipprovokat minn sindakat tal-ħaddiema

64.

Kif ġie indikat qabel, it-trasportatur tal-ajru ma għandu ebda kontroll fuq l-attivitajiet jew is-setgħa deċiżjonali ta’ sindakat. Dan tal-aħħar ma jagħmilx parti mill-istruttura tal-impriża u l-persuna li timpjega lanqas ma tipparteċipa fil-proċess deċiżjonali intern tas-sindakat. Dawn huma żewġ entitajiet distinti li, barra minn hekk, mhux dejjem jirrappreżentaw l-istess interessi fuq livell soċjali. Dan premess, huwa normali li sindakat jeżerċita l-funzjoni tiegħu li jiddefendi lill-ħaddiema b’mod indipendenti u mingħajr interferenza mill-persuna li timpjega. Għall-kuntrarju, is-sindakat jista’ jinfluwenza l-funzjonament ta’ impriża b’mod deċiżiv billi jordna lill-ħaddiema li huwa jirrappreżenta sabiex jieqfu mix-xogħol sabiex jisforzaw lill-impriża taċċetta t-talbiet tagħhom. Dejjem jekk l-istrajk ikun “legali”, il-persuna li timpjega ma tistax tinqeda bil-mezzi li joħorġu mid-dritt industrijali u mid-dritt proċedurali sabiex tipprekludih. Peress li l-istrajk mibdi mis-sindakat jikkostitwixxi fattur “estern” li fuqu t-trasportatur tal-ajru ma għandu ebda influwenza, jidher koerenti li jiġi konkluż li dan ma jaqax taħt il-kontroll effettiv tiegħu.

65.

Fil-punti segwenti, sejjer nippreżenta xi argumenti insostenn tat-teżi li skontha l-istrajk, kif deskritt mill-qorti tar-rinviju fl-ewwel domanda preliminari, ma jikkostitwixxix avveniment “kontrollabbli”. Sabiex nibda ( 33 ), sejjer nesponi r-raġunijiet li jwassluni sabiex nikkunsidra li l-prinċipji stabbiliti mis-sentenza Krüsemann ma humiex applikabbli għas-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali. B’dan il-mod, sejjer nieħu l-okkażjoni sabiex nissuġġetta l-kriterju ta’ “responsabbiltà” fis-sejħien tal-istrajk, użat mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-imsemmija sentenza, għal analiżi kritika fir-rigward tal-utilità tiegħu. Sussegwentement, sejjer nispjega r-rwol tas-sindakati tal-ħaddiema u tal-persuni li jimpjegaw fil-kuntest tal-imsemmi “djalogu soċjali”, bil-għan li nuri li dawn, iktar milli qegħdin f’relazzjoni ta’ subordinazzjoni, huma, fir-realtà, imsieħba ugwali, ħaġa li teskludi li jiġi kkunsidrat li l-persuna li timpjega qiegħda f’pożizzjoni li tinfluwenza unilateralment l-iżvilupp tal-istrajk u li, konsegwentement, għandha kontroll effettiv tiegħu. Għal dan il-għan, sejjer infakkar, fl-ewwel lok, id-dispożizzjonijiet tal-Karta li jipproteġu l-interessi rispettivi tagħhom sabiex nipproponi, fit-tieni lok, li jsir ibbilanċjar tal-interessi inkwistjoni fil-livell tad-dritt primarju ( 34 ). Sejjer nuri, bl-għajnuna ta’ xi eżempji meħuda mill-ġurisprudenza, il-mod li bih il-Qorti tal-Ġustizzja solviet il-kunflitti ta’ interessi ta’ natura kostituzzjonali fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni ( 35 ). L-għan ta’ tali bbilanċjar huwa li jwassal għal interpretazzjoni tar-Regolament Nru 261/2004 li hija konformi mad-drittijiet fundamentali, li tippermetti li jiġu rrikonċiljati l-interessi involuti. Sejjer nispiċċa bi ftit linji gwida li jikkonċernaw l-interpretazzjoni tal-imsemmi regolament u, b’mod partikolari tal-kunċett ta’ “ċirkustanza straordinarja” ( 36 ). Il-konklużjoni intermedjarja tiegħi, qabel ma ndur fuq ir-rilevanza ta’ aspetti oħra marbutin mal-istrajk, sejra tkun li ż-żewġ kriterji żviluppati mill-ġurisprudenza sabiex tiġi kkaratterizzata “ċirkustanza straordinarja”, fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004, kif interpretata fid-dawl tal-premessa 14 ta’ dan ir-regolament, huma ssodisfatti f’dan il-każ ( 37 ).

1) Il-prinċipji stabbiliti mis-sentenza Krüsemann ma japplikawx għas-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali

66.

Il-konklużjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Krüsemann ma jidhrux li huma trasponibbli għas-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali peress li huma marbutin maċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-imsemmija kawża. Kif diġà ġie indikat, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet f’din is-sentenza li l-istrajk selvaġġ kien parzjalment taħt il-“kontroll effettiv” tal-linja tal-ajru peress li hija kienet l-oriġini tad-deċiżjoni tal-imsemmi trasportatur tal-ajru. Huwa wkoll rilevanti għal komprensjoni aħjar ta’ din is-sentenza il-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li l-imsemmi strajk selvaġġ kien waqaf wara ftehim li t-trasportatur tal-ajru kien ikkonkluda mar-rappreżentanti tal-ħaddiema. Huwa għaldaqstant possibbli li jiġi dedott minn dawn il-konstatazzjonijiet li l-Qorti tal-Ġustizzja apparentement rat rabta bejn, min-naħa, il-miżura mħabbra mil-linja tal-ajru u, min-naħa l-oħra, ir-riżoluzzjoni mgħaġġla tal-kunflitt, eventwalment permezz tar-revoka tal-imsemmija miżura.

67.

Issa, għandu jiġi kkonstatat li, f’din il-kawża, l-istrajk bl-ebda mod ma kien reazzjoni għal xi miżura li hija riżultat tat-tmexxija tal-impriża. Għall-kuntrarju, meħud kont tal-kunsiderazzjonijiet espressi preċedentement ( 38 ) u fl-assenza ta’ kull indikazzjoni kuntrarja, wieħed għandu jassumi li huma biss it-talbiet dwar il-pagi tal-ħaddiema li wasslu għall-istrajk. Konsegwentement, it-trasportatur tal-ajru ma jistax jitqies esklużivament “responsabbli”, minħabba l-aġir tiegħu, għall-bidu tal-istrajk. Minn dan isegwi li l-prinċipji stabbiliti fis-sentenza Krüsemann ma jsibux mod kif japplikaw f’din il-kawża.

68.

Dan premess, irrid nammetti li għandi ċertu tħassib b’dan il-kriterju ta’ “responsabbiltà” għall-bidu tal-istrajk, li jidher li fuqu huwa bbażat ir-raġunament tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Krüsemann ( 39 ), u, b’mod partikolari, fir-rigward tal-fatt li għandu jiġi applikat f’din il-kawża bil-għan li jrendi kemm lis-sindakat kif ukoll lit-trasportatur tal-ajru “responsabbli” għas-sitwazzjoni. Inkwantu l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandha ebda informazzjoni li tikkonċerna l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-impjegati ma’ SAS, jidhirli li ma huwiex xieraq li jiġi deċiż jekk it-talbiet dwar il-pagi min-naħa tas-sindakat kinux iġġustifikati jew le. Barra minn hekk, tali klassifikazzjoni tiddependi mill-perspettiva tal-imsieħba soċjali kif ukoll mill-kuntest soċjoekonomiku f’kull Stat Membru. Kif sejjer nispjega iktar ’il quddiem fid-dettall, huwa l-obbligu pjuttost tal-imsieħba soċjali li jinnegozjaw u li jiffissaw liberament, mingħajr l-intervent tal-Istat jew tal-istituzzjonijiet, il-pagi u l-kundizzjonijiet tax-xogħol fil-kuntest tal-awtonomija tagħhom dwar il-pagi ( 40 ).

69.

Lil hinn minn dawn il-kunsiderazzjonijiet, nosserva li l-imsemmi kriterju ta’ “responsabbiltà” jirriskja li jkollu utilità pjuttost limitata fil-prattika. Wieħed ma għandux jinsa li l-kuntest soċjoekonomiku fi Stat Membru jista’ jevolvi wkoll b’mod awtonomu għad-detriment tal-kundizzjonijiet tax-xogħol, anki mingħajr l-intervent tal-persuna li timpjega, pereżempju wara inflazzjoni li jkollha impatt fuq is-saħħa tax-xiri taċ-ċittadini jew wara żieda fl-għoli tal-ħajja marbuta ma’ fatturi oħra. F’dan il-każ, il-persuna li timpjega ma tistax raġonevolment tinżamm responsabbli għad-deterjorazzjoni tas-sitwazzjoni tal-impjegati. Dan juri li l-imsemmi kriterju ma huwiex kapaċi li jiġi applikat għas-sitwazzjonijiet kollha konċepibbli. Fil-fehma tiegħi, dawn huwa partikolarment il-każ f’ċirkustanzi bħalma huma dawk tal-kawża prinċipali fejn ma huwiex possibbli li tiġi identifikata raġuni waħda u unika għas-sejħa tal-istrajk.

2) Fuq l-interessi rispettivi tal-imsieħba soċjali u tal-konsumaturi protetti mill-Karta kif ukoll il-ħtieġa ta’ bbilanċjar

i) Osservazzjonijiet ta’ natura ġenerali

70.

Jeħtieġ li jiġi rrilevat mill-ewwel li d-djalogu soċjali huwa rrikonoxxut, skont l-Artikolu 151 TFUE, bħala li huwa wieħed mill-għanijiet tal-Unjoni. Huwa “jafferma l-post ċentrali u oriġinali fil-governanza demokratika tal-Ewropa” ( 41 ). F’dan il-kuntest, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 152 TFUE jistabbilixxi l-prinċipju ta’ awtonomija tal-imsieħba soċjali billi jipprovdi li l-Unjoni “tirrikonoxxi u tippromwovi r-rwol ta’ l-imsieħba soċjali fil-livell tagħha, filwaqt li tqis id-diversità tas-sistemi nazzjonali” u li hija “tiffaċilita d-djalogu bejn is-sħab soċjali, waqt li tirrispetta l-awtonomija tagħhom” ( 42 ).

71.

Inkwantu l-imsieħba soċjali jibbenefikaw bl-istess mod mill-awtonomija dwar il-pagi msemmija iktar ’il fuq u inkwantu jinsabu għaldaqstant fuq livell ta’ ugwaljanza, wieħed ma jistax jippreżumi verament li t-trasportatur tal-ajru għandu l-“kontroll” tas-sitwazzjoni minħabba li huwa seta’ jċedi kompletament it-talbiet dwar il-pagi sabiex jevita l-waqfien mix-xogħol. L-istess bħalma wieħed ma jistax jippretendi li l-persunal jirrinunzja għal strajk legalment permess, peress li dan ikun jirrappreżenta, għaldaqstant, rinunzja għal talbiet li f’għajnejhom ikunu ġġustifikati, wieħed ma jistax jeżiġi li t-trasportatur tal-ajru jirreaġixxi għall-waqfien mix-xogħol billi jċedi mingħajr eżitazzjoni t-talbiet kollha tal-ħaddiema sabiex jevita t-talbiet għall-kumpens min-naħa tal-passiġġieri.

72.

F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li l-interessi tal-imsieħba soċjali huma, bħala prinċipju, protetti b’mod ekwivalenti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, jiġifieri mingħajr ma dan jirrikonoxxi lil xi wieħed jew l-ieħor xi pożizzjoni ta’ prevalenza. Fil-fatt, il-ħaddiema u r-rappreżentanti sindakali tagħhom jistgħu jipprevalixxu ruħhom mil-libertà ta’ assoċjazzjoni, mid-dritt għan-negozjati u għall-azzjonijiet kollettivi, inkluż l-istrajk, peress li dawn huma kollha drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Artikolu 12(1) u mill-Artikolu 28 tal-Karta, filwaqt li l-persuni li jimpjegaw jistgħu jitolbu d-dritt li jinnegozjaw kif ukoll il-libertà ta’ intrapriża, li din tal-aħħar hija stabbilita fl-Artikolu 16 tal-Karta, sabiex jiddefendu l-interessi rispettivi tagħhom. Jekk wieħed jippretendi li xi wieħed minn dawn it-tnejn huwa obbligat jirrinunzja għall-interessi tiegħu, dan ikun ifisser li s-sustanza ta’ dawn id-drittijiet tiġi injorata.

73.

Bħala imsieħba soċjali, huma jikkondividu r-responsabbiltà li jaslu fi ftehim permezz tan-negozjati. Tali approċċ għandu vantaġġi inkontestabbli meta mqabbel ma’ miżuri oħra li l-Avukat Ġenerali Jacobs għamel sunt tagħhom b’mod qasir u preċiż fil-konklużjonijiet minnu ppreżentati fil-kawża Albany ( 43 ). Skontu, “il-ftehimiet kollettivi konklużi bejn l-imsieħba soċjali jistgħu jevitaw kunflitti tax-xogħol li jiswew ħafna flus, inaqqsu l-ispejjeż inerenti għall-kompromess grazzi għan-negozjati kollettivi li jimxu ma’ regoli partikolari, u jżidu l-prevedibbiltà kif ukoll it-trasparenza. Ċertu bilanċ fis-saħħa rispettiva tan-negozjaturi jiffavorixxi l-adozzjoni ta’ soluzzjonijiet ibbilanċjati għal kull imsieħeb kif ukoll għas-soċjetà kollha”. Barra minn hekk, inkwantu l-konsumaturi jkollhom l-interessi tagħhom ippreġudikati bl-istrajks tal-persunal li għandhom effett li jfixklu t-trasport ta’ passiġġieri, huma jibbenefikaw minnu wkoll jekk jinstab ftehim malajr kemm jista’ jkun permezz ta’ kompromess. L-interessi tagħhom jimmeritaw għaldaqstant li jittieħdu debitament inkunsiderazzjoni mill-imsieħba soċjali.

74.

L-osservazzjonijiet preċedenti juru li l-kawża prinċipali tinvolvi interessi opposti – tal-inqas fuq ċerti aspetti. Peress li dawn l-interessi huma protetti permezz tad-drittijiet fundamentali stabbiliti fil-Karta, u peress li jibbenefikaw għaldaqstant minn status kostituzzjonali, jeħtieġ li dawn jiġu bbilanċjati sabiex jiġi solvut il-kunflitt b’mod effettiv ( 44 ). Il-ħtieġa ta’ tali approċċ jirriżulta mill-fatt li, spiss, id-drittijiet fundamentali ma jistgħux jiġu ggarantiti mingħajr restrizzjonijiet, b’mod partikolari jekk ikunu f’kunflitt ma’ interessi leġittimi oħra protetti mid-dritt tal-Unjoni, kif jirriżulta mid-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Karta. Fl-ewwel lok, l-Artikolu 52(1) tal-Karta jipprovdi li l-eżerċizzju tad-drittijiet u libertajiet jista’ jkun limitat jekk “ikun meħtieġ u fejn ġenwinament jintlaħqu l-objettivi ta’ interess ġenerali rikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn” ( 45 ). Fit-tieni lok, l-Artikolu 28 tal-Karta stess jissuġġetta l-użu tal-istrajk għall-osservanza tal-“liġi tal-Unjoni”, li tinkludi drittijiet oħra ggarantiti mill-Karta. Minn dan isegwi li d-dritt tal-istrajk jista’ jkollu ċerti limiti sabiex tiġi protetta l-libertà ta’ intrapriża msemmija diġà, li wkoll lanqas tikkostitwixxi prerogattiva assoluta ( 46 ), kif ukoll l-interessi tal-konsumaturi, imsemmijin fl-Artikolu 38 tal-Karta.

75.

Il-konklużjonijiet li għandhom jintlaħqu mill-ibbilanċjar għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 261/2004. Irrid infakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita ( 47 ), id-dritt tal-Unjoni, inkluż id-dritt sekondarju, għandu jiġi interpretat fid-dawl tad-drittijiet fundamentali stabbiliti fil-Karta. L-għan ta’ tali bbilanċjar huwa li tingħata interpretazzjoni tar-Regolament Nru 261/2004 li tkun konformi mad-drittijiet fundamentali inkwantu tirrikonċilja l-interessi rispettivi. Il-prinċipju tal-unità tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni jeżiġi wkoll li jiġu evitati l-inkoerenzi fl-evalwazzjoni globali tal-interessi leġittimi involuti.

76.

Il-ħarsa ġenerali lejn il-ġurisprudenza ppreżentata iktar ’il fuq hija intiża li turi l-mod li bih il-Qorti tal-Ġustizzja solviet il-kunflitti ta’ interessi ta’ livell kostituzzjonali fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. Sejjer insemmi, bħala eżempju, il-kunflitti bejn id-drittijiet fundamentali u l-libertajiet fundamentali tas-suq intern, imma wkoll bejn id-drittijiet fundamentali stess. Indipendentement mit-terminoloġija applikabbli, il-każijiet li sejjer nippreżenta għandhom komuni l-fatt li d-drittijiet soċjali huma opposti għad-drittijiet ekonomiċi, l-istess bħal fil-kawża prinċipali. Din il-ħarsa lejn il-ġurisprudenza sejra ssir b’xi riflessjonijiet fuq l-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 261/2004.

ii) Ħarsa ġenerali lejn il-ġurisprudenza li tikkonċerna r-riżoluzzjoni ta’ kunflitt ta’ interessi ta’ livell kostituzzjonali

– Il-bilanċ bejn id-drittijiet fundamentali u l-libertajiet fundamentali tas-suq intern

77.

L-approċċ propost ifakkar dak li ġie segwit fil-kawża li tat lok għas-sentenza The International Transport Workers’ Federation u The Finnish Seamen’s Union ( 48 ), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tirrikonċilja d-dritt li tittieħed azzjoni kollettiva, inkluż id-dritt tal-istrajk, mal-libertà ta’ stabbiliment. Irrid infakkar li l-imsemmija kawża kellha bħala suġġett rinviju għal deċiżjoni preliminari li jirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 43 KE (li sar l-Artikolu 49 TFUE). B’mod iktar preċiż, il-qorti tar-rinviju xtaqet, essenzjalment, tkun taf jekk impriża privata setgħetx tinvoka din il-libertà fundamentali kontra l-azzjoni kollettiva meħuda kontriha minn sindakat. Fl-imsemmija sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet, wara li enfasizzat in-natura fundamentali tad-dritt tal-istrajk fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, li din ma kinitx ta’ natura tali li ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-libertajiet fundamentali tas-suq intern ( 49 ). Sussegwentement, wara li kkonkludiet li l-azzjonijiet kollettivi inkwistjoni kienu jikkostitwixxu restrizzjonijiet għal-libertà ta’ stabbiliment, il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat jekk dawn kinux ukoll iġġustifikati ( 50 ). Huwa importanti li jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li d-dritt li tittieħed azzjoni kollettiva li għandha bħala għan il-protezzjoni tal-ħaddiema kien jikkostitwixxi interess leġittimu li jiġġustifika, bħala prinċipju, restrizzjoni għal waħda mil-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-trattat ( 51 ).

78.

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ma naqsitx milli tfakkar li l-Komunità kienet tinvolvi mhux biss suq intern ikkaratterizzat bit-tneħħija, bejn l-Istati Membri, tal-ostakoli għall-moviment liberu ta’ merkanzija, persuni, servizzi u kapitali, iżda wkoll politika fil-qasam soċjali. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet għaldaqstant li peress li l-Komunità ma għandhiex biss għan ekonomiku, iżda wkoll għan soċjali, id-drittijiet li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-merkanzija, tal-persuni, tas-servizzi u tal-kapitali għandhom jiġu bbilanċjati mal-għanijiet imfittxija mill-politika soċjali, fosthom, b’mod partikolari, it-titjib fil-kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol, li jippermetti li dawn ikollhom l-istess progress, protezzjoni soċjali adegwata u d-djalogu soċjali ( 52 ). Filwaqt li bbażat ruħha fuq l-ibbilanċjar tal-interessi diverġenti, il-Qorti tal-Ġustizzja tat imbagħad indikazzjonijiet dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 43 KE lill-qorti nazzjonali b’mod li tippermettilha tiddeċiedi l-kawża li kienet imressqa quddiemha.

– Il-bilanċ bejn id-drittijiet fundamentali

79.

Is-sentenzi Scarlet Extended ( 53 ) u SABAM ( 54 ) jidhirli li huma rilevanti wkoll, meħud kont tad-diffikultà f’din il-kawża. F’dawn is-sentenzi, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet dwar il-bilanċ li għandu jiġi stabbilit bejn il-protezzjoni tad-dritt tal-proprjetà intellettwali, li jaqa’ taħt id-dritt fundamentali tal-proprjetà stabbilit fl-Artikolu 17 tal-Karta, u dak tal-libertà ta’ intrapriża, imsemmija diġà. Dawn il-kawżi oriġinaw minn tilwim bejn, min-naħa, soċjetà ta’ ġestjoni li kienet tirrappreżenta lill-awturi, kompożituri u edituri ta’ opri mużikali u, min-naħa l-oħra, impriżi li kienu joperaw pjattaforma ta’ network soċjali diġitali kif ukoll fornitur ta’ aċċess għall-internet. B’mod iktar konkret, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, kienet talbet lill-qrati nazzjonali sabiex jikkundannaw lill-konvenuti jieqfu jiksru d-dritt tal-awtur. Il-qrati nazzjonali kienu sussegwentement ressqu t-talbiet għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex jiġi stabbilit jekk id-dritt tal-Unjoni kienx jippermetti lill-Istati Membri jawtorizzaw qorti nazzjonali tagħti ordni ta’ waqfien kontra l-konvenuti u li tordnalhom jinstallaw sistema ta’ filtrazzjoni kapaċi li tidentifika fajls elettroniċi li jkun fihom opri mużikali, ċinematografiċi jew awdjoviżwali li fuqhom ir-rikorrenti ppretendiet li kellha drittijiet tal-proprjetà intellettwali, sabiex timblokka t-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku tal-imsemmija opri li jkunu jiksru d-dritt tal-awtur.

80.

Anki jekk il-Qorti tal-Ġustizzja nnotat mill-ewwel l-importanza tad-dritt tal-proprjetà intellettwali, hija ssuġġerixxiet b’mod ċar li minn imkien ma jirriżulta mill-Artikolu 17(2) tal-Karta, u lanqas mill-ġurisprudenza li tali dritt “huwa intanġibbli u li għalhekk il-protezzjoni tiegħu għandha tiġi żgurata b’mod assolut” ( 55 ). Għall-kuntrarju, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li l-protezzjoni ta’ dan id-dritt “[kellha] tiġi bbilanċjata ma’ dik ta’ drittijiet fundamentali oħra” ( 56 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja talbet lill-awtoritajiet u lill-qrati nazzjonali sabiex jiżguraw “ekwilibriju ġust” bejn il-protezzjoni tad-dritt tal-proprjetà intellettwali, li minnu kienu jgawdu l-proprjetarji kollha ta’ drittijiet tal-awtur, u dik tal-libertà ta’ impriża li minnha kienu jgawdu l-konvenuti skont l-Artikolu 16 tal-Karta ( 57 ) ( 58 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li l-ordni sabiex tiġi implimentata s-sistema ta’ filtrazzjoni kontenzjuża ma kinitx tissodisfa r-rekwiżit li jiġi żgurat tali bilanċ bejn id-drittijiet fundamentali, filwaqt li bbażat ruħha fuq sensiela ta’ argumenti li jistgħu jiġu interpretati bħala linji gwida għall-interpretazzjoni mill-qrati tar-rinviju. B’mod iktar konkret, il-Qorti tal-Ġustizzja kkritikat l-effetti ta’ tali sistema ta’ filtrazzjoni, minħabba li setgħet taffettwa d-dritt tal-utenti għall-protezzjoni tad-data ta’ natura personali kif ukoll għal-libertà tagħhom li jirċievu jew jikkomunikaw informazzjoni, fejn dawn id-drittijiet huma protetti mill-Artikoli 8 u 11 tal-Karta ( 59 ). Barra minn hekk, hija sostniet li tali ordni jikkawża ksur karatteristiku tal-libertà ta’ intrapriża tal-konvenuti peress li dan jobbligahom jistabbilixxu sistema informatika kumplessa, għolja, permanenti u bi spejjeż tagħhom biss ( 60 ). Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-dritt tal-Unjoni “[interpretat] fid-dawl tar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali applikabbli”, kellu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi ordni lil konvenuti sabiex jistabbilixxu sistema ta’ filtrazzjoni ( 61 ).

81.

Fl-aħħar nett, għandu jsir riferiment għas-sentenza McDonagh ( 62 ), mogħtija fl-istess qasam ta’ dritt bħall-kawża ineżami, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat jekk l-Artikolu 5(1)(b) u l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 261/2004, li jimponu fuq it-trasportatur tal-ajru l-obbligu li jieħu ħsieb lill-passiġġieri li t-titjira tagħhom tkun ġiet ikkanċellata, kinux kompatibbli mal-Artikoli 16 u 17 tal-Karta, li jiggarantixxu, rispettivament il-libertà ta’ intrapriża u d-dritt għall-proprjetà. Il-Qorti tal-Ġustizzja osservat, l-ewwel nett, li l-libertà ta’ intrapriża u d-dritt għall-proprjetà ma kinux prerogattivi assoluti, iżda kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fid-dawl tal-funzjoni tagħhom fis-soċjetà ( 63 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja semmiet li l-Artikolu 52(1) tal-Karta jaċċetta li jista’ jkun hemm limitazzjonijiet għall-eżerċizzju ta’ drittijiet stipulati minnha ( 64 ). Hija fakkret li “fil-każ ta’ kunflitt bejn diversi drittijiet protetti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, din l-evalwazzjoni għandha ssir fl-osservanza tal-konċiljazzjoni neċessarja tar-rekwiżiti marbuta mal-protezzjoni ta’ dawn id-diversi drittijiet u ta’ bilanċ ġust bejniethom” ( 65 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja osservat ġustament li l-Artikoli 16 u 17 tal-Karta ma kinux l-uniċi drittijiet fundamentali li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-ibbilanċjar biż-żieda tal-Artikolu 38 tagħha li, bħall-Artikolu 169 TFUE, huwa intiż sabiex jiżgura, fil-politika tal-Unjoni, livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi, inklużi l-passiġġieri tal-ajru ( 66 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet għaldaqstant li l-“Artikol[u] 5(1)(b) u [l-Artikolu] 9 tar-Regolament Nru 261/2004 [kellhom] jiġu kkunsidrati bħala li huma konformi mar-rekwiżit ta’ konċiljazzjoni tad-diversi drittijiet fundamentali eżistenti u ta’ stabbiliment ta’ bilanċ ġust bejniethom” ( 67 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li d-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq kienu konformi mal-Artikoli 16 u 17 tal-Karta.

3) Teħid inkunsiderazzjoni tal-konklużjonijiet ibbażati fuq l-ibbilanċjar ta’ interessi meta jiġi interpretat ir-Regolament Nru 261/2004

82.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jidhirli li l-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 261/2004 li għandha tingħata f’din il-kawża għandha żżomm il-bilanċ tal-poteri bejn l-imsieħba soċjali. B’mod iktar konkret, hija għandha tippermetti lill-ħaddiema jirrikorru għall-azzjonijiet kollettivi mingħajr ma teżiġi li t-trasportatur tal-ajru jsofri żvantaġġi intollerabbli li jistgħu jheddu l-eżistenza tal-impriża. Jidhirli li huwa ċar li tali riżultat ma jkun fl-interess ta’ ħadd. Abbażi ta’ dawn l-osservazzjonijiet ta’ natura ġenerali, sejjer nippreżenta iktar ’il quddiem xi linji gwida li sejrin jgħinu lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħmel dan l-ibbilanċjar neċessarju li sejjer jinfluwenza l-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 261/2004.

83.

Jien nifhem l-argument imressaq minn ċerti partijiet interessati fil-kuntest ta’ din il-kawża, li skontu għandu jkun aċċettat li t-trasportatur tal-ajru jista’ jipprevalixxi ruħu minn “ċirkustanza straordinarja” f’każ ta’ strajk tal-persunal tiegħu stess meta, l-istess bħall-ħaddiema, jipprova jimbotta l-interessi tiegħu fil-kuntest ta’ negozjati. F’dan ir-rigward, għandi nfakkar li l-għan tar-Regolament Nru 261/2004 huwa li l-konsumatur ikun protett, kif jirriżulta mill-premessa 1 tiegħu. Permezz tal-adozzjoni tar-Regolament Nru 261/2004, il-leġiżlatur ried jibbilanċja l-interessi tal-passiġġieri tal-ajru u dawk tat-trasportaturi tal-ajru ( 68 ). Għall-kuntrarju, ma riedx jipproteġi d-dritt tal-ħaddiema li, f’każ ta’ kunflitt ta’ interessi, jirrikorru għal azzjonijiet kollettivi sabiex jiddefendu l-interessi tagħhom, inkluż l-istrajk.

84.

Jekk jingħata d-dritt għall-kumpens lill-passiġġieri f’każ ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjira, meta dan ikun ikkawżat fil-kuntest ta’ strajk tal-ħaddiema, ikun hemm ir-riskju li dan id-dritt għall-kumpens jiġi “strumentalizzat” għall-finijiet ta’ azzjonijiet industrijali. Fil-fatt, il-ħaddiema jkollhom il-possibbiltà li jipprovokaw numru kbir ta’ talbiet għall-kumpens min-naħa tal-passiġġieri kontra t-trasportatur tal-ajru, li jeżerċitaw għaldaqstant pressjoni supplimentari fuq il-mexxejja tal-impriża u jikkawżaw preġudizzju ekonomiku serju lil din tal-aħħar li, mingħajr possibbiltà li tkun eżentata, ikollha bħala prinċipju l-obbligu li tħallas il-kumpensi f’każ ta’ kanċellazzjonijiet jew ta’ dewmien twil. Dan jippreżumi piż finanzjarju kunsiderevoli għat-trasportaturi tal-ajru ( 69 ).

85.

F’dan il-kuntest, għandi niġbed l-attenzjoni għall-fatt li trasportatur tal-ajru ġeneralment jingħata trattament inqas vantaġġuż meta pparagunat ma’ aġenti ekonomiċi oħra li jkunu jinsabu f’ċirkustanzi simili. Kif indikaw waqt is-seduta ċerti partijiet interessati, ir-Regolament Nru 261/2004 jimponilu l-obbligu ta’ kumpens kważi “awtomatiku”, filwaqt li aġenti ekonomiċi oħra jkunu jistgħu, bħala prinċipju, jipprevalixxu ruħhom mid-dispożizzjonijiet u minn klawżoli ta’ eżenzjoni previsti rispettivament fil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali fil-qasam tal-kumpens għad-danni u fil-kuntratti nnifishom sabiex jopponu validament talbiet għal kumpens għad-danni ( 70 ). Peress li huwa diffiċli li wieħed jifhem din l-inugwaljanza fit-trattament, tqum il-kwistjoni dwar jekk huwiex meħtieġ li tingħata interpretazzjoni “rettifikattiva” tar-Regolament Nru 261/2004 b’mod li tkun prevista possibbiltà ta’ eżenzjoni għat-trasportatur tal-ajru.

86.

Skont l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 261/2004, meta trasportatur tal-ajru li jopera jħallas kumpens jew jonora l-obbligi l-oħra li huwa għandu skont l-imsemmi regolament, ebda dispożizzjoni minn dan tal-aħħar ma tista’ tiġi interpretata bħala li tillimita d-dritt tiegħu li jitlob kumpens minn kwalunkwe persuna, inklużi terzi persuni, skond id-dritt nazzjonali applikabbli. Jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tali kumpens jista’ jnaqqas, jew saħansitra jeskludi, l-ispiża finanzjarja sostnuta mit-trasportatur ( 71 ). Madankollu, niddubita li t-telf finanzjarju li jirriżulta mill-obbligu eventwali ta’ ħlas ta’ kumpens lill-passiġġieri f’każ ta’ strajk jista’ jkun ikkumpensat bi dritt ipotetiku tat-trasportatur tal-ajru li jitlob kumpens lil terzi persuni abbażi ta’ din id-dispożizzjoni ( 72 ). Suġġett għal dak li jista’ jipprovdi d-dritt nazzjonali applikabbli f’każ partikolari, tali talba għall-kumpens wisq probabbli trid tkun indirizzata kontra l-persuna, fiżika jew ġuridika, li tkun meqjusa li kkawżat id-dannu. Madankollu, wieħed ma jistax jeskludi li tali talba tirriżulta bla suċċess f’każ ta’ strajk “legali”, jiġifieri fid-dawl ta’ azzjoni kollettiva mmexxija kontra l-persuna li timpjega skont id-dritt nazzjonali fil-qasam soċjali u tax-xogħol ( 73 ). Konsegwentement, sa fejn tali għażla ma tidhirx li tista’ titwettaq mingħajr eċċezzjonijiet, jidhirli li ma hijiex tali li ttaffi d-dannu kkawżat mill-istrajk u għaldaqstant li tissodisfa l-interessi tat-trasportatur tal-ajru.

87.

Anki jekk huwa minnu li d-dritt għall-azzjonijiet kollettivi kien maħsub bil-għan li jgħin lill-ħaddiema jaffermaw l-interessi tagħhom fil-konfront tal-persuna li timpjega u li r-rikonoxximent eventwali mill-Qorti tal-Ġustizzja tad-dritt tal-passiġġieri li jiksbu kumpens f’każ ta’ strajk tal-persunal tat-trasportatur tal-ajru jikkontribwixxi sabiex jintlaħaq dan l-għan, jidhirli li jekk ir-Regolament Nru 261/2004 jiġi interpretat f’dan is-sens, dan ikun imur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex ikunu protetti l-ħaddiema. Niddubita ħafna li r-riżultat deskritt fil-punti preċedenti, jiġifieri l-iżbilanċjar tal-poteri b’mod sproporzjonat favur l-impjegati, kien previst mil-leġiżlatur tal-Unjoni.

88.

Il-protezzjoni mogħtija mill-Artikolu 16 tal-Karta tinvolvi l-libertà li tiġi eżerċitata attività ekonomika jew kummerċjali, il-libertà ta’ kuntrattazzjoni, kif ukoll il-kompetizzjoni libera, kif jirriżulta mill-ispjegazzjonijiet relatati ma’ dan l-artikolu li, skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 6(1) TUE u l-Artikolu 52(7) tal-Karta, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-interpretazzjoni ta’ din tal-aħħar ( 74 ). It-trasportatur tal-ajru, bħala l-persuna li timpjega, għandu d-dritt li jiddefendi l-interessi tiegħu u li jeżiġi r-riżoluzzjoni ta’ kull tilwima mal-persunal permezz ta’ negozjati. Barra minn hekk, peress li huwa jġorr ir-riskju finanzjarju, it-trasportatur tal-ajru għandu d-dritt li jadotta l-miżuri ta’ ġestjoni li huwa jikkunsidra xierqa sabiex jiżgura s-sopravivenza tal-impriża. Huwa għandu d-dritt ukoll li jkun protett minn kull tfixkil min-naħa ta’ terzi persuni, inkluż l-abbuż eventwali ta’ dritt ( 75 ), li jista’ jipperikola l-eżistenza tiegħu ( 76 ). Issa, ir-riżultat deskritt fil-punti preċedenti jkollu preċiżament bħala konsegwenza li jċaħħad de facto lill-persuna li timpjega mid-dritt għad-difiża effettiva tal-interessi tiegħu, peress li l-alternattiva għall-fatt li jċedi għat-talbiet tal-persunal tkun li jaċċetta r-riskju ta’ falliment tal-impriża, ħaġa li jidhirli li hija inkompatibbli mal-garanziji tad-drittijiet fundamentali previsti mill-Karta.

89.

Lanqas ma jidhirli li huwa neċessarju li, sabiex jintlaħaq l-għan leġiżlattiv tar-Regolament Nru 261/2004, jeħtieġ li jiġi rrikonoxxut dritt għall-kumpens tal-passiġġieri fil-każijiet kollha ta’ strajk. Il-ħarsien ta’ dan l-interess huwa diġà żgurat bil-fatt li l-passiġġieri kkonċernati b’kanċellazzjoni jew dewmien twil tat-titjira tagħhom wara strajk tal-ħaddiema jkomplu jkollhom dritt għal rimbors jew għal rotta differenti, skont l-Artikolu 8, kif ukoll għal assistenza skont l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 261/2004. Dan juri li hemm mezzi proporzjonati li jippermettu li jkun protett il-konsumatur, filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni l-interess leġittimu tal-impjegati u tal-persuni li jimpjegaw sabiex jinnegozjaw u jikkonkludu ftehimiet kollettivi.

90.

Jirriżulta mill-elementi preċedenti li strajk ipprovokat minn sindakat fil-kundizzjonijiet deskritti f’dawn il-konklużjonijiet ma jaqax taħt il-kontroll ta’ trasportatur tal-ajru. Bħala persuna li jimpjega, it-trasportatur tal-ajru għandu d-dritt u r-responsabbiltà li jinnegozja ftehim mal-impjegati fil-kuntest tal-awtonomija dwar il-pagi li minnha jibbenefikaw l-imsieħba soċjali. Għall-kuntrarju, ma jistax jinżamm esklużivament responsabbli għall-konsegwenzi li jirriżultaw mill-azzjonijiet kollettivi tal-persunal.

c)   Konklużjoni intermedjarja

91.

L-eżami tiegħi tal-fatti jwassluni sabiex nikkonkludi li ż-żewġ kriterji li l-ġurisprudenza żviluppat għall-finijiet sabiex tiddefinixxi “ċirkustanza straordinarja” fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004, kif interpretat fid-dawl tal-premessa 14 ta’ dan ir-regolament, huma ssodisfatti f’dan il-każ.

92.

Jeħtieġ, konsegwentement, li bħala konklużjoni intermedjarja jingħad, li strajk organizzat fuq sejħa ta’ sindakat, fil-kuntest tal-eżerċizzju tad-dritt ta’ strajk mill-persunal tat-trasportatur tal-ajru, bil-għan li jesprimu t-talbiet dwar it-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol, meta l-imsemmi strajk ma jinbediex b’deċiżjoni minn qabel tal-impriża, imma bit-talbiet tal-ħaddiema, jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “ċirkustanza straordinarja” fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004.

d)   Fuq ir-rilevanza tal-“legalità” ta’ “strajk” u l-eżistenza ta’ preavviż sabiex ċirkustanza tikkwalifika bħala “straordinarja”

93.

Kif diġà ġie indikat f’dawn il-konklużjonijiet, il-fatt li l-istrajk ikun “legali”, jiġifieri li l-azzjoni kollettiva tkun inbdiet minn sindakat b’mod konformi mar-regoli nazzjonali fil-qasam tad-dritt industrijali, jista’ jkollu ċerta effett fuq il-marġni ta’ manuvrar li tgawdi minnu l-persuna li timpjega li tkun tinsab f’tali sitwazzjoni ( 77 ). L-istess japplika għall-punt dwar jekk l-istrajk ikunx tħabbar wara “preavviż”, peress li dan l-aspett huwa, barra minn hekk, irregolat ukoll mid-dritt nazzjonali. Dawn iż-żewġ aspetti huma marbutin mill-qrib u, għaldaqstant, jimmeritaw li jkunu eżaminati flimkien fid-dawl tar-rilevanza tagħhom għall-eżami tal-punt dwar jekk il-passiġġieri tal-ajru għandhomx dritt għal kumpens.

94.

Qabelxejn, nixtieq nenfasizza li, b’kuntrast ma’ dak li tissuġġerixxi l-qorti tar-rinviju permezz tad-domanda preliminari tagħha, ma jidhirlix li huwa adegwat, mill-aspett ġuridiku, li jiġu analizzati dawn l-aspetti mill-perspettiva tal-“kontroll effettiv” ta’ ċirkustanza, bħala kriterju rilevanti sabiex din tiġi kklassifikata bħala “straordinarja” fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004. Jidhirli li jkun iktar xieraq li dawn jiġu eżaminati mill-perspettiva tal-“miżuri raġonevoli” li t-trasportatur huwa obbligat jieħu sabiex jevita l-konsegwenzi tipikament marbuta mal-eżistenza ta’ “ċirkustanza straordinarja”, jiġifieri l-kanċellazzjoni jew id-dewmien twil ta’ titjira ( 78 ). Diversi raġunijiet, li sejjer nesponi iktar ’il quddiem, jimmilitaw favur li l-imsemmija aspetti jiġu analizzati f’dan l-istadju tal-analiżi ġuridika.

95.

Fl-ewwel lok, huwa stabbilit li dawn l-aspetti jaqgħu esklużivament taħt id-dritt nazzjonali. Fi kliem ieħor, huwa d-dritt nazzjonali li jistabbilixxi r-rekwiżiti regolamentari li magħhom dawn iridu jkunu konformi u, finalment, jekk strajk huwiex “legali” jew le. Jien naqbel mal-fehma tal-Qorti tal-Ġustizzja, kif tirriżulta mill-motivi tas-sentenza Krüsemann, li skontha l-konsegwenza tal-fatt li ssir distinzjoni bejn l-istrajkijiet li, abbażi tad-dritt nazzjonali applikabbli, huma legali u dawk li ma humiex legali sabiex jiġi ddeterminat jekk dawn għandhomx jiġu kklassifikati bħala “ċirkustanzi straordinarji”, tkun li d-dritt għall-kumpens tal-passiġġieri jiġi suġġett għal-leġiżlazzjoni industrijali rispettiva ta’ kull Stat Membru, li għalhekk jippreġudika l-għanijiet tar-Regolament Nru 261/2004, previsti fil-premessi 1 u 4 tiegħu, li jiġi żgurat livell ogħli ta’ protezzjoni tal-passiġġieri u kundizzjonijiet armonizzati għall-eżerċizzju tal-attivitajiet ta’ trasportatur bl-ajru fit-territorju tal-Unjoni ( 79 ). Konsegwentement, il-“legalità” eventwali ta’ strajk ma għandhiex titqies bħala kriterju deċiżiv sabiex jiġi stabbilit jekk dan jikkostitwixxix “ċirkustanza straordinarja”.

96.

Fit-tieni lok, jekk issir distinzjoni skont il-“legalità” ta’ strajk dan iwassal sabiex jiġu kkontestati l-kunsiderazzjonijiet li fuqhom hija bbażata l-analiżi magħmula f’dawn il-konklużjonijiet, li minnha jirriżulta li strajk, kif deskritt fl-ewwel domanda preliminari, ma jaqax taħt il-“kontroll effettiv” tat-trasportatur tal-ajru minħabba li l-oriġini u l-evoluzzjoni sussegwenti tiegħu ma jiddependux biss mir-rieda tal-persuna li timpjega, imma wkoll mill-intenzjonijiet tas-sindakat tal-ħaddiema, li, kif spjegajt fid-dettall, jikkostitwixxi entità awtonoma li fuqha l-persuna li timpjega ma għandha ebda influwenza ( 80 ). Preċiżament minħabba dawn il-motivi, wieħed ma jistax jeskludi li s-sindakat jiddeċiedi eventwalment li jsejjaħ l-istrajk, indipendentement mill-punt dwar jekk tali approċċ jirriżultax li huwa konformi jew le mar-regoli nazzjonali fil-qasam tad-dritt industrijali. Dan japplika b’mod partikolari għall-osservanza tal-preavviż. Irrid nosserva li, f’tali każ, l-illegalità eventwali tal-azzjonijiet kollettivi mibdija minn sindakat iwasslu biss għall-possibbiltà tal-persuna li timpjega sabiex titlob lill-qrati kompetenti sabiex jordnaw il-waqfien tiegħu. Madankollu, peress li tali proċedura tieħu l-ħin, wieħed ma jistax jeskludi r-riskju li d-deċiżjoni ġudizzjarja tittieħed biss wara li l-persuna li timpjega tkun diġà sofriet dannu ekonomiku kbir. Dawn il-kunsiderazzjonijiet juru, fil-fehma tiegħi, b’mod ċar li l-“legalità” ta’ strajk ma tikkostitwixxix, waħidha, kriterju xieraq sabiex tiġi stabbilita n-natura “straordinarja” ta’ inċident.

97.

Fit-tielet lok, nikkunsidra li r-risposta għad-domanda dwar jekk strajk organizzat fuq sejħa ta’ sindakat ta’ ħaddiema għandux ikun ikklassifikat bħala “ċirkustanza straordinarja” hija tant importanti mill-aspett taċ-ċertezza legali li ma għandhiex titħalla għal dak li jista’ jinqala’ bla ħsieb. Issa, dan ikun preċiżament il-każ jekk wieħed ikun obbligat jivverifika kull darba jekk kinux ġew osservati r-rekwiżiti tad-dritt nazzjonali fir-rigward tal-mod li jiġi debitament organizzat strajk tal-ħaddiema ta’ linja tal-ajru. Il-konsegwenza tkun approċċ estremament każistiku, jiġifieri aleatorju, li bilkemm ikun differenti mill-prattika ġudizzjarja attwali. Għal raġunijiet marbutin mal-prevedibbiltà tal-ġurisprudenza u bil-għan li l-qorti tar-rinviju tingħata kriterji ċari u sempliċi għall-evalwazzjoni tagħha, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrikonoxxi b’mod ġenerali li strajk, kif deskritt fl-ewwel domanda preliminari, jikkostitwixxi “ċirkustanza straordinarja” u li l-fatturi li jikkaratterizzaw il-kwistjoni fil-kawża prinċipali, bħalma huma l-konformità mar-regoli nazzjonali fil-qasam tad-dritt industrijali li jippreskrivu inter alia l-osservanza tal-preavviż, jistgħu jkollhom biss rwol fil-kuntest tal-eżami tal-punt dwar jekk trasportatur tal-ajru ħax “miżuri raġonevoli”.

98.

Tali approċċ għal dak li jikkonċerna l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 261/2004 jkollu l-vantaġġ li jissemplifika l-analiżi u li jippermetti lill-qorti nazzjonali li tevalwa ċ-ċirkustanzi tal-każ partikolari. Barra minn hekk, dan ma jinvolvi ebda żvantaġġ lill-passiġġieri tal-ajru, peress li ċ-“ċirkustanzi straordinarji” kollha ma humiex eżenzjonijiet. Fil-fatt, tali klassifikazzjoni tal-istrajk ma teskludix a priori d-dritt għall-kumpens tal-passiġġieri affettwati, imma tagħti pjuttost il-possibbiltà li jittieħdu inkunsiderazzjoni diversi aspetti rilevanti, fosthom, il-legalità tal-istrajk u l-osservanza ta’ preavviż, u li għaldaqstant wieħed jasal għal konklużjoni iktar mifruxa.

3.   Il-kriterji sabiex jiġu stabbiliti l-“miżuri raġonevoli” li kull trasportatur tal-ajru għandu jieħu

a)   Il-kunċett ta’ “miżuri raġonevoli” skont il-ġurisprudenza

99.

Skont il-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jeħtieġ li jiġi stabbilit liema huma l-miżuri imsejħa “raġonevoli” li t-trasportatur tal-ajru għandu jieħu sabiex jevita l-konsegwenzi ta’ strajk bħalma huwa dak tal-kawża prinċipali. Permezz tad-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar ir-rilevanza ta’ ċerti elementi fattwali, b’mod iktar konkret il-fatt li l-istrajk tħabbar lilu filwaqt li ġie osservat it-terminu ta’ preavviż impost mid-dritt nazzjonali. Għaldaqstant, dawn l-elementi għandhom jiġu eżaminati individwalment fid-dawl tal-kriterji żviluppati fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

100.

Kif diġà ġie indikat fir-rimarki preliminari tiegħi ( 81 ), jirriżulta minn din il-ġurisprudenza li, fil-każ ta’ okkorrenza ta’ “ċirkustanza straordinarja”, it-trasportatur tal-ajru jinħeles mill-obbligu tiegħu ta’ kumpens previst fl‑Artikolu 5(1)(ċ) u fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 261/2004 biss jekk ikun f’pożizzjoni li jipprova li adotta l-miżuri xierqa għas-sitwazzjoni billi jimplimenta l-mezzi kollha f’termini ta’ persunal jew ta’ materjal u l-mezzi finanzjarji li huwa kellu sabiex jevita li din iċ-ċirkustanza twassal għall-kanċellazzjoni jew għad-dewmien twil tat-titjira kkonċernata, mingħajr madankollu ma jkun jista’ jiġi rikjest minnu li jagħmel sagrifiċċji mhux tollerabbli fid-dawl tal-kapaċitajiet tal-impriża tiegħu fil-mument rilevanti ( 82 ).

101.

Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja adottat tifsira flessibbli u individwalizzata tal-kunċett ta’ “miżura raġonevoli”, li tħalli lill-qorti nazzjonali l-kompitu li tevalwa jekk, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, it-trasportatur bl-ajru setax jitqies li adotta l-miżuri kollha xierqa għas-sitwazzjoni ( 83 ), filwaqt li tindika li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni biss il-miżuri li jistgħu effettivament jaqgħu taħt il-kompetenza tiegħu, bl-esklużjoni ta’ dawk li jaqgħu taħt il-kompetenza ta’ terzi ( 84 ).

102.

Għandi nikkonstata li, minkejja n-natura flessibbli u individwalizzata ta’ dan l-approċċ, il-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq timponi, fl-interess tal-protezzjoni tal-konsumaturi, kundizzjonijiet ta’ eżenzjoni partikolarment stretti, li jobbligaw lit-trasportatur tal-ajru li jagħmel dak kollu li huwa oġġettivament possibbli bir-riżorsi disponibbli sabiex jevita l-kanċellazzjoni jew id-dewmien twil ta’ titjira. Barra minn hekk, wieħed ma għandux jinsa li l-obbligu tat-trasport jimplika li l-passiġġier jasal fid-destinazzjoni finali tiegħu fl-iqsar żmien u mhux biss fil-post tad-destinazzjoni tat-titjira b’konnessjoni ( 85 ). Għaldaqstant, it-trasportatur tal-ajru ma jistax validament jallega li “ssodisfa parzjalment” dan l-obbligu.

103.

Huwa b’dawn l-imsemmija kriterji f’moħħna li jeħtieġ li jiġi stabbilit x’jimplika r-rekwiżit li jittieħdu l-“miżuri raġonevoli” kollha għall-finijiet li tiġi evitata l-kanċellazzjoni ta’ titjira wara strajk tal-persunal tat-trasportatur tal-ajru f’kuntest bħal dak eżaminat f’dan il-każ.

b)   Rimarki li jikkonċernaw it-tqassim tal-ġurisdizzjonijiet bejn il-qorti nazzjonali u l-qorti tal-Unjoni

104.

Qabel ma nipproċedi għall-eżami ta’ dawn l-aspetti, għandi nfakkar li r-rwol tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-proċedura stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE huwa limitat sabiex tiċċara l-portata tal-kunċett ta’ “miżuri raġonevoli”. Fil-fatt, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tagħti lill-qrati nazzjonali l-elementi ta’ interpretazzjoni u l-gwida neċessarja sabiex din tal-aħħar tkun tista’ tagħmel hija stess evalwazzjoni ġuridika tal-fatti u tapplika d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 261/2004 b’mod konformi mal-interpretazzjoni miksuba. L-osservanza tat-tqassim tal-ġurisdizzjonijiet bejn il-qorti nazzjonali u l-qorti tal-Unjoni hija kruċjali sabiex jiġi ggarantit il-funzjonament tajjeb tas-sistema ġudizzjarja stabbilita mit-trattati ( 86 ).

105.

Sabiex tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja teżerċita l-ġurisdizzjoni tagħha, il-qorti tar-rinviju trid tiġbor il-fatti bir-reqqa, b’mod li tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tifhem il-kwistjonijiet tal-kawża li għandhom jiġu deċiżi. F’dan il-kuntest, wieħed ma jistax jissottovaluta r-responsabbiltà li l-qorti tar-rinviju għandha tassumi għal dak li jikkonċerna l-istabbiliment tal-fatti, peress li ma jistax jiġi eskluż li jkun hemm aspetti rilevanti li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-analiżi ta’ din id-domanda preliminari li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tindunax bihom, mingħajr l-informazzjoni neċessarja, pereżempju għal dak li jikkonċerna r-riżorsi loġistiċi, tekniċi u finanzjarji li jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu t-trasportatur tal-ajru. Il-livell ta’ preċiżjoni tal-gwida li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lill-qorti tar-rinviju jkun jiddependi ħafna mill-informazzjoni miġbura.

c)   Elementi ta’ interpretazzjoni li għandhom jingħataw lill-qorti tar-rinviju

106.

L-elementi ta’ interpretazzjoni li ġejjin huma intiżi li jagħtu lill-qorti tar-rinviju l-gwidi neċessarji sabiex hija tkun tista’ tagħmel hija stess l-evalwazzjoni tal-fatti b’mod speċifiku u effikaċi.

1) Il-miżuri raġonevoli għandhom jevitaw il-kanċellazzjoni jew id-dewmien twil ta’ titjira

107.

L-ewwel nett, jeħtieġ li jiġi osservat li l-miżuri raġonevoli li għandu jieħu t-trasportatur tal-ajru skont l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004 għandhom ikunu intiżi li jevitaw lill-passiġġieri l-konsegwenzi sfavorevoli tipiċi u, konsegwentement, prevedibbli ta’ “ċirkustanza straordinarja”, jiġifieri l-kanċellazzjoni jew id-dewmien twil tat-titjira inkwistjoni. Għaldaqstant, fid-dawl tal-konklużjoni intermedjarja adottata, li skontha l-istrajk, kif deskritt fid-domanda preliminari, għandu jkun ikklassifikat bħala “ċirkustanza straordinarja” ( 87 ), il-qorti tar-rinviju ma hijiex bilfors obbligata tivverifika jekk l-okkorrenza tal-istrajk innifsu setgħetx tkun evitata mit-trasportatur tal-ajru. Tali konklużjoni jidhirli li hija loġika, peress li, fl-aħħar mill-aħħar, huwa inerenti għall-kunċett ta’ “ċirkustanza straordinarja” li din ma tkunx tista’ tkun imbassra mill-partijiet ikkonċernati.

2) It-trasportatur tal-ajru għandu jeżawrixxi l-possibbiltajiet legali kollha sabiex jiddefendi l-interessi tiegħu u dawk tal-passiġġieri

108.

Madankollu tkun meħtieġa evalwazzjoni iktar mifruxa jekk jirriżulta li l-istrajk huwa illegali minħabba li ma josservax ir-rekwiżiti tad-dritt nazzjonali fil-qasam soċjali u industrijali. L-aspett tal-“legalità” ta’ strajk, imqajjem mill-qorti tar-rinviju, jista’ effettivament jieħu ċerta rilevanza meta l-kwistjoni tkun li jiġu stabbiliti l-“miżuri raġonevoli” li t-trasportatur tal-ajru huwa obbligat jieħu ( 88 ). Nikkunsidra li r-responsabbiltà tat-trasportatur tal-ajru għandha tinkludi l-obbligu li jeżawrixxi l-possibbiltajiet legali kollha sabiex jiddefendi l-interessi tiegħu u, indirettament, dawk tal-passiġġieri, inkluż li jadixxi lill-qrati kompetenti għar-riżoluzzjoni tat-tilwimiet fil-qasam tad-dritt industrijali. L-għan ta’ tali pass jikkonsisti f’li l-qrati kompetenti jintalbu jikkonstataw l-illegalità tal-azzjonijiet kollettivi u, jekk ikun il-każ, jordnaw il-waqfien tagħhom ( 89 ).

109.

F’dan ir-rigward, għandi nirrileva li l-Artikolu 28 tal-Karta jipproteġi d-dritt tal-ħaddiema għal azzjonijiet kollettivi biss “skond il-liġi ta’ l-Unjoni u l-liġijiet u l-prattiċi nazzjonali”. Din il-preċiżazzjoni għandha bħala għan li tiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt fundamentali. Minnu nnifsu, l-Artikolu 28 tal-Karta ma jagħmel ebda dikjarazzjoni fuq ċerti aspetti kruċjali, bħalma huma l-kundizzjonijiet li strajk legali għandu jissodisfa, u jħalli f’idejn il-liġi li għaliha jirreferi sabiex tispeċifikahom ( 90 ). L-Artikolu 52(6) tal-Karta, li skontu “[g]ħandha tittieħed kunsiderazzjoni sħiħa tal-liġijiet u l-prattiċi nazzjonali kif speċifikat f’din il-Karta” għandu jiġi interpretat fl-istess sens ( 91 ).

110.

Jeħtieġ li jiġi nnotat li l-kompetenzi leġiżlattivi tal-Unjoni fl-oqsma li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni huma limitati ħafna. Fil-fatt, l-Artikolu 153(1)(f) TFUE jipprovdi li l-Parlament u l-Kunsill jistgħu jadottaw, permezz ta’ direttivi, rekwiżiti minimi għar-“rappreżentanza u d-difiża kollettiva ta’ l-interessi tal-ħaddiema u s-sidien” ( 92 ). Madankollu, jirriżulta mill-Artikolu 153(5) TFUE li din id-dispożizzjoni “la [tapplika] għall-pagi, la għad-dritt ta’ assoċjazzjoni, la għad-dritt ta’ l-istrike u lanqas għad-dritt li jiġi mpost lock out” ( 93 ). Minn dan isegwi li l-Unjoni ma għandha ebda kompetenza leġiżlattiva li tawtorizzaha tadotta regoli li jirrigwardaw l-eżerċizzju tad-dritt għall-istrajk ( 94 ). Barra minn hekk, din hija r-raġuni li għaliha ċerti direttivi li jagħmlu riferiment għan-negozjati u azzjonijiet kollettivi jastjenu milli jirregolaw, huma stess, dawn l-aspetti. Minkejja dan il-fatt, wieħed ma jistax ċertament jeskludi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddefinixxi fil-futur, permezz tal-ġurisprudenza, is-sustanza ta’ dan id-dritt abbażi tat-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri ( 95 ).

111.

Fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet rilevanti fil-livell tad-dritt tal-Unjoni, huwa d-dritt nazzjonali li għandu japplika. Ir-riferiment għal-“liġijiet u l-prattiċi nazzjonali” għandu jiġi interpretat bħala subordinazzjoni għal kundizzjoni ta’ legalità, stabbilita mid-dritt nazzjonali. Konsegwentement, huwa possibbli li jiġi konkluż li l-ħaddiema ma jistgħux jinvokaw validament id-dritt stabbilit fl-Artikolu 28 tal-Karta jekk huma jiksru r-regoli li jirregolaw l-użu tal-azzjonijiet kollettivi. Ma hemm ebda dubju li l-libertà ta’ intrapriża tat-trasportatur tal-ajru, protett mill-Artikolu 16 tal-Karta, għandu jipprevali f’każ ta’ kunflitt. Dan premess, huwa t-trasportatur tal-ajru li għandu jinvoka d-drittijiet tiegħu billi juża r-rimedji disponibbli. L-Istati Membri għandhom min-naħa tagħhom, jipprovdu r-rimedji neċessarji sabiex jiżguraw protezzjoni ġudizzjarja effettiva tal-imsieħba soċjali f’każ ta’ kunflitt, kif jeżiġu t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u l-Artikolu 47 tal-Karta.

3) It-trasportatur tal-ajru għandu jipprovdi riżerva ta’ ħin sabiex jilqa’ għal imprevisti eventwali

112.

Barra minn hekk, jeħtieġ li jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li, iktar ma jkun twil il-perijodu li jifred l-avveniment li jikkostitwixxi “ċirkustanza straordinarja” mill-ħin tat-tluq jew tal-wasla ta’ titjira li tista’ tkun affettwata mill-avveniment, iktar tkun estiża l-marġni ta’ manuvrar tat-trasportatur tal-ajru. Fi kliem ieħor, jekk huwa jkollu biżżejjed ħin, it-trasportatur jista’ normalment jirrikorri għal diversi soluzzjonijiet sabiex iwassal lill-passiġġier ikkonċernat sad-destinazzjoni finali tiegħu. Għall-kuntrarju, dawn is-soluzzjonijiet huma limitati ħafna, jiġifieri kważi ineżistenti, jekk ma jkollux ħin ( 96 ). Minn dan isegwi li t-trasportatur tal-ajru għandu jipprovdi għal riżerva ta’ ħin adegwat sabiex jilqa’ għal imprevisti eventwali.

113.

Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret, fis-sentenza Eglītis u Ratnieks ( 97 ), li trasportatur tal-ajru raġonevoli jippjana r-riżorsi tiegħu fiż-żmien opportun sabiex jkollu ċertu riżerva ta’ żmien, sabiex ikun f’pożizzjoni li jipprovdi soluzzjonijiet oħra. L-ippjanar bir-reqqa u razzjonali tal-itinerarji mit-trasportatur tal-ajru huwa għaldaqstant kruċjali sabiex jipprevjeni d-diffikultajiet u l-inkonvenjenzi għall-passiġġieri, ikkawżati mill-kanċellazzjonijiet tat-titjiriet u mid-dewmien twil, skont l-għan imsemmi fil-premessa 12 tar-Regolament Nru 261/2004.

4) It-trasportatur tal-ajru għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-preavviż li ppreċeda l-istrajk imsejjaħ mis-sindakat

114.

L-argumenti li għadni kif ressaqt insostenn tan-neċessità li tiġi pprovduta riżerva ta’ ħin adegwat sabiex jilqa’ għall-imprevisti eventwali huma wkoll rilevanti f’kuntest bħal dak tal-kawża prinċipali fejn is-sindakat sejjaħ l-istrajk wara li osserva t-terminu ta’ preavviż previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali ( 98 ). Meħud kont tal-importanza li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti liż-żamma ta’ riżerva ta’ ħin, jidhirli li jkun irresponsabbli min-naħa tat-trasportatur tal-ajru li ma jużax dan il-ħin addizzjonali sabiex jeżawrixxi l-possibbiltajiet kollha bil-għan li jtaffi l-impatt tal-istrajk fuq l-attivitajiet tiegħu. Dan huwa partikolarment minnu għal sitwazzjoni bħalma hija dik tal-kawża prinċipali, fejn l-assoċjazzjonijiet tal-piloti kienu taw preavviż fit‑2 ta’ April 2019, fejn ħabbru strajk b’effett mis‑26 ta’ April 2019. Għaldaqstant, SAS kellha diversi ġimgħat, jiġifieri terminu itwal mit-terminu minimu (tal-inqas sebat ijiem tax-xogħol) previst mil-leġiżlazzjoni Svediża, sabiex tagħmel l-arranġamenti neċessarji. Konsegwentement, jeħtieġ li tingħata risposta lill-qorti tar-rinviju li, fil-pjanijiet tiegħu, it-trasportatur huwa obbligat jieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-eżerċizzju tad-dritt tal-istrajk ġie mħabbar lilu filwaqt li ġie osservat it-terminu tal-preavviż impost mill-leġiżlazzjoni nazzjonali.

115.

Għall-finijiet ta’ eżawriment tal-argument, jeħtieġ li jiġi osservat li f’ċerti każijiet tista’ tqum il-kwistjoni li tikkonċerna l-applikabbiltà tal-eżenzjonijiet previsti fl-Artikolu 5(1)(ċ) tar-Regolament Nru 261/2004. Jirriżulta minn din id-dispożizzjoni li, f’każ ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira, il-passiġġieri kkonċernati għandhom dritt għal kumpens skont l-Artikolu 7 tal-imsemmi regolament “jkollhom id-dritt għal kumpens mil-trasportatur ta’ l-ajru li jopera skond l-Artikolu 7, kemm-il darba: huma informati bil-kanċellazzjoni” permezz ta’ preavviż li jista’ jvarja minn ġimagħtejn għal inqas minn sebat ijiem qabel il-ħin tat-tluq previst. Skont is-sitwazzjoni inkwistjoni, dan ir-rekwiżit jista’ eventwalment iwassal għal sovrappożizzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjonijiet, jiġifieri fil-każijiet fejn il-leġiżlazzjoni nazzjonali tipprovdi li s-sejħa tal-istrajk għandha sseħħ b’terminu ta’ preavviż speċifiku.

116.

Madankollu, nikkunsidra li din il-possibbiltà ma hijiex, minnha waħidha, suxxettibbli li tikkontesta l-applikabbiltà tad-dispożizzjonijiet li jagħtu dritt għal kumpens, jiġifieri l-Artikolu 5(1)(ċ) u l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 261/2004, li huma s-suġġett ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari. Barra minn hekk, sa fejn SAS ma tallegax li rrikorriet għall-eżenzjonijiet elenkati fl-Artikolu 5(1)(ċ) tal-imsemmi regolament sabiex ma jkollhiex tħallas il-kumpensi lill-passiġġieri, din il-problema jidhirli li hija ipotetika biss u, għaldaqstant, barra mis-suġġett għall-finijiet tal-analiżi ta’ din il-kawża.

5) It-trasportatur tal-ajru għandu jorganizza r-riżorsi materjali u umani sabiex jiggarantixxi l-kontinwità tal-operazzjonijiet tiegħu

117.

Diġà ġie spjegat f’dawn il-konklużjonijiet ( 99 ) li t-trasportatur tal-ajru jistrieħ fuq riżorsi materjali u umani sabiex jiżgura l-funzjonament tal-impriża. Huwa bl-applikazzjoni b’analoġija tal-ġurisprudenza li tikkonċerna d-dritt għall-kumpens f’każ ta’ difett tekniku tal-ajruplan li nipproponi li tiġi imposta fuq it-trasportatur tal-ajru r-responsabbiltà li jorganizza l-impjegati tiegħu u li jassenja r-rwoli b’mod li jkun jista’ jiggarantixxi l-kontinwità tal-operazzjonijiet tiegħu minkejja l-okkorrenza ta’ inċidenti li jfixklu. Dan l-approċċ huwa konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li teżiġi espressament li t-trasportatur tal-ajru “jimplimenta l-mezzi kollha f’termini ta’ persunal jew ta’ materjal u l-mezzi finanzjarji li huwa kellu, sabiex jiġi evitat li din twassal għat-tħassir jew għad-dewmien twil tat-titjira kkonċernata” ( 100 ). Dan jeżiġi, evidentement, sforz f’termini ta’ riorganizzazzjoni tal-persunal. Għaldaqstant, bħalma t-trasportatur tal-ajru huwa obbligat jiżgura li jkollu biżżejjed persunal sabiex jissostitwixxi lil dawk li jkunu assenti minħabba l-leave annwali u l-leave tal-mard ( 101 ), jidhirli li jkun koerenti li t-trasportatur tal-ajru jkun rikjest li jkollu, sa fejn possibbli, persunal biżżejjed sabiex jieħu fuqu x-xogħol tal-kollegi li jistrajkjaw jekk neċessarju.

118.

F’dan ir-rigward, huwa importanti li jiġi nnotat li r-riferiment fid-domanda preliminari għall-fatt li l-istrajk jikkonċerna lill-“piloti tal-linji tal-ajru li huma impjegati minn trasportatur tal-ajru” kif ukoll għall-fatt li l-istrajk inbeda b’mod legali “skont id-dritt nazzjonali” iqajjem żewġ aspetti li jistgħu jillimitaw kunsiderevolment il-marġni ta’ manuvrar tal-persuna li timpjega waqt l-użu ta’ miżuri ta’ riorganizzazzjoni tal-persunal u li l-qorti tar-rinviju għandha tieħu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-fatti tagħha. Dawn huma limitazzjonijiet ta’ natura fattwali u regolamentari.

119.

Għal dak li jikkonċerna l-limitazzjonijiet fattwali, jeħtieġ li jiġi osservat li l-piloti tal-ajruplani jeżerċitaw funzjoni ċentrali fil-qasam tat-trasport bl-ajru ta’ passiġġieri, peress li dan jirrekjedi sens kbir ta’ responsabbiltà u kontroll perfett tal-aspetti tekniċi marbutin mal-operazzjoni tal-ajruplani. Din hija r-raġuni li għaliha l-piloti huma suġġetti għal taħriġ speċifiku u estensiv, segwit b’taħriġ perijodiku. Għaldaqstant, il-qorti tar-rinviju ġustament sostniet li huma “indispensabbli għat-twettiq ta’ titjira”. Fid-dawl tal-fatt li l-piloti tal-ajruplani ma jistgħux ikunu ssostitwiti utilment b’membri oħra tal-ekwipaġġ li jeżerċitaw funzjonijiet differenti, jidhirli li huwa raġonevoli li t-trasportatur tal-ajru jkun rikjest li jiżgura, sa fejn huwa possibbli, il-kontinwità fl-operat. Għaldaqstant, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk, u sa fejn, tali kontinwità fl-operat kienet iggarantita f’dan il-każ.

120.

Fuq livell regolamentari, jeħtieġ li jiġi rrilevat li l-fatt li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tipprojbixxi lill-impriża milli tirrekluta persunal sabiex tissostitwixxi lil min jistrajkja jista’ jirriżulta rilevanti għall-analiżi. Għandi nfakkar li l-ġurisprudenza ma tikklassifikax bħala “raġonevoli” il-miżuri li jistgħu jikkostitwixxu “sagrifiċċju mhux tollerabbli fid-dawl tal-kapaċitajiet tal-impriża”, iżda evidentement tirreferi għal dawk li huma tollerabbli fuq livell personali, tekniku u ekonomiku. Anki jekk il-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma ddeċidietx espliċitament fuq il-punt dwar jekk dan il-kunċett jinkludix ukoll il-miżuri legalment ammissibbli, jien ma għandi ebda dubju li jeħtieġ li tingħata risposta fl-affermattiv. Id-dritt tal-Unjoni ma jistax jirrikjedi lit-trasportatur li jikser deliberatament id-dritt nazzjonali u dan iktar u iktar meta l-Artikolu 28 tal-Karta jiggarantixxi lill-ħaddiema id-dritt li jirrikorru għal azzjonijiet kollettivi “skond […] l-liġijiet u l-prattiċi nazzjonali”, kif diġà indikajt. Għaldaqstant, sa fejn din id-dispożizzjoni tirreferi għad-dritt nazzjonali u dan jispeċifika l-portata tad-dritt tal-istrajk ( 102 ), billi jistabbilixxi l-limiti għall-poteri tal-persuna li timpjega, din tal-aħħar hija obbligata li tosservahom.

121.

Minn dan isegwi li l-fatt li d-dritt nazzjonali jipprojbixxi eventwalment ir-reklutaġġ tal-persunal sabiex jissostitwixxi lil dawk li jistrajkjaw jikkostitwixxi fatt li huwa ta’ importanza partikolari u għandu, għaldaqstant, jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-“miżuri raġonevoli” li t-trasportatur tal-ajru kellu potenzjalment jieħu.

6) It-trasportatur għandu jiffaċilita l-aċċess għal titjiriet ma’ linji tal-ajru oħra li ma humiex milqutin bl-istrajk

122.

Ir-responsabbiltà tat-trasportatur tal-ajru lejn il-passiġġieri ma jiqfux malli jseħħ l-istrajk. Għall-kuntrarju, huwa obbligat jiffaċilita l-aċċess tal-passiġġieri għal titjiriet ma’ linji tal-ajru oħra li ma humiex milqutin bl-istrajk, suġġett li fuqu s-sentenza Transportes Aéreos Portugueses ( 103 ) tagħti indikazzjonijiet preċiżi. Għandi nfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja indikat li, “fil-każ tal-okkorrenza ta’ ċirkustanza straordinarja, it-trasportatur tal-ajru li jkollu l-intenzjoni jeżenta ruħu mill-obbligu tiegħu li jikkumpensa lill-passiġġieri, […] ma jistax, fil-prinċipju, sempliċement joffri lill-passiġġieri kkonċernati rotta differenti lejn id-destinazzjoni finali tagħhom permezz tat-titjira sussegwenti operata minnu stess u li tasal fid-destinazzjoni l-għada tal-jum inizjalment previst għall-wasla tagħhom” ( 104 ).

123.

Il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat f’din is-sentenza li “[]d-diliġenza meħtieġa minn dan it-trasportatur tal-ajru sabiex ikun jista’ jiġi eżentat mill-obbligu tiegħu ta’ kumpens jippreżumi li huwa jimplimenta l-mezzi kollha għad-dispożizzjoni tiegħu sabiex jiżgura rotta differenti li tkun raġonevoli, sodisfaċenti u li sseħħ fl-iqsar żmien, li fosthom hemm it-tfittxija ta’ titjiriet oħrajn diretti jew indiretti operati potenzjalment minn trasportaturi tal-ajru oħrajn li jappartjenu jew le għall-istess alleanza tal-linji tal-ajru u li tasal b’inqas dewmien mit-titjira sussegwenti tat-trasportatur tal-ajru kkonċernat” ( 105 ).

124.

Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, “[g]ħaldaqstant huwa biss jekk ma jkun hemm ebda post disponibbli fuq titjira oħra diretta jew indiretta li tippermetti lill-passiġġier ikkonċernat jasal fid-destinazzjoni finali tiegħu b’inqas dewmien mit-titjira sussegwenti tat-trasportatur tal-ajru kkonċernat jew jekk tali rotta differenti tkun tikkostitwixxi għal dan it-trasportatur tal-ajru sagrifiċċju mhux tollerabbli fid-dawl tal-kapaċitajiet tal-impriża tiegħu fil-mument rilevanti li l-imsemmi trasportatur tal-ajru għandu jitqies li implimenta l-mezzi kollha għad-dispożizzjoni tiegħu sabiex iqiegħed lill-passiġġier inkwistjoni fuq rotta differenti permezz tat-titjira sussegwenti operata minnu stess” ( 106 ).

125.

Jirriżulta mill-imsemmija sentenza ċċitata iktar ’il fuq li t-trasportatur huwa, bħala prinċipju, obbligat li jipprovdi wkoll il-possibbiltà li jiżgura rotta differenti fuq titjiriet diretti jew indiretti mħaddma eventwalment minn trasportaturi tal-ajru oħra sakemm it-twettiq ta’ tali rotta differenti ma tikkostitwixxix “sagrifiċċju mhux tollerabbli” għal dan it-trasportatur tal-ajru fid-dawl tal-kapaċitajiet tal-impriża tiegħu, ħaġa li għandha tiġi evalwata mill-qorti tar-rinviju.

4.   Risposta għall-ewwel domanda preliminari

126.

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, jeħtieġ li tingħata risposta għall-ewwel domanda li strajk segwit mill-piloti tal-ajruplani impjegati ma’ trasportatur tal-ajru u li huma indispensabbli għat-twettiq ta’ titjira, ta’ daqs bħal dak tal-kawża prinċipali ( 107 ), għandu jitqies bħala “ċirkustanza straordinarja” fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004, meta dan ikun imħabbar minn organizzazzjonijiet ta’ impjegati wara preavviż u msejjaħ legalment skont id-dritt nazzjonali bħala azzjoni kollettiva intiża li tħajjar lit-trasportatur tal-ajru sabiex iżid il-pagi, jagħti xi benefiċċji jew ibiddel il-kundizzjonijiet tax-xogħol sabiex jissodisfa t-talbiet tal-organizzazzjonijiet tal-impjegati.

127.

F’kundizzjonijiet bħalma huma dawk tal-kawża prinċipali, it-trasportatur tal-ajru għandu l-obbligu li jieħu miżuri raġonevoli intiżi li jevitaw il-kanċellazzjoni jew id-dewmien twil ta’ titjira. B’mod partikolari, huwa għandu jeżawrixxi l-possibbiltajiet legali kollha sabiex jiddefendi l-interessi tiegħu u dawk tal-passiġġieri, jipprovdi riżerva ta’ ħin suffiċjenti sabiex jilqa’ għall-imprevisti eventwali, jieħu inkunsiderazzjoni l-preavviż li jkun ippreċeda l-istrajk imsejjaħ mis-sindakat, jorganizza r-riżorsi materjali u umani tiegħu sabiex jiżgura l-kontinwità fl-operazzjonijiet u jiffaċilita l-aċċess għal titjiriet ma’ linji tal-ajru oħra li ma humiex milqutin mill-istrajk.

C. Fuq it-tieni domanda preliminari

128.

Permezz tat-tieni domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tippreċiża, għall-finijiet tal-evalwazzjoni dwar jekk strajk jikkostitwixxix “ċirkustanza straordinarja” fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004, x’inhi l-importanza li għandha tingħata, jekk ikun il-każ, għan-natura raġonevoli tat-talbiet imressqa mill-organizzazzjonijiet tal-impjegati u, b’mod partikolari, għall-fatt li ż-żieda tal-impjegati hija ħafna ogħla miż-żidiet tal-impjegati li ġeneralment jiġu applikati fis-swieq tax-xogħol nazzjonali rilevanti.

129.

Fid-dawl tar-risposta li nipproponi li tingħata għall-ewwel domanda preliminari, jidhirli li ma għadux meħtieġ li tiġi eżaminata t-tieni domanda preliminari. Għaldaqstant, l-osservazzjonijiet segwenti sejrin jissemmew biss għal raġunijiet ta’ kompletezza u ta’ ċarezza.

130.

Nixtieq nindika mill-ewwel li jien naqbel kompletament mal-fehma espressa mill-partijiet fil-kawża prinċipali fis-sens li ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha teżamina l-mertu tal-punt dwar jekk talba hijiex “raġonevoli” jew le. Hemm il-biża’ li jekk il-Qorti tal-Ġustizzja jew il-qorti nazzjonali adita b’kawża li tikkonċerna l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 261/2004 kellha titwassal sabiex tevalwa l-pożizzjonijiet rispettivi tal-imsieħba soċjali, hija tirriskja li tindaħal fin-negozjati tagħhom, ħaġa li twassal sabiex tippreġudika l-prinċipju tal-awtonomija dwar il-pagi. Issa, kif ġie spjegat f’dawn il-konklużjonijiet, din l-awtonomija timplika li huma l-imsieħba soċjali li għandhom jinnegozjaw u jiffissaw b’mod liberu, mingħajr l-intervent tal-Istat jew tal-istituzzjonijiet, il-pagi u l-kundizzjonijiet tax-xogħol. Għall-fini ta’ kompletezza, irrid niġbed l-attenzjoni għall-fatt li, fi kwalunkwe każ, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex elementi suffiċjenti sabiex tipprova tiddeċiedi fuq dan il-punt b’mod informat ( 108 ).

131.

Konsegwentement, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tastjeni milli tirrispondi għal din id-domanda preliminari. Il-Qorti tal-Ġustizzja sejra tevita għaldaqstant li tieħu pożizzjoni favur parti jew oħra, sabiex ma tirriskjax li tippreġudika l-awtonomija tal-imsieħba soċjali fil-qasam tan-negozjati kollettivi.

D. Fuq it-tielet domanda preliminari

132.

It-tielet domanda preliminari hija intiża li tistabbilixxi, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-kunċett ta’ “ċirkustanza straordinarja” fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004, l-importanza li għandha tingħata, jekk ikun il-każ, għall-fatt li t-trasportatur tal-ajru, li jkollu l-intenzjoni li jevita strajk, jaċċetta proposta ta’ konċiljazzjoni mressqa minn organu nazzjonali responsabbli għall-medjazzjoni tal-kunflitti kollettivi, filwaqt li l-organizzazzjonijiet tal-impjegati ma jaċċettawx din il-proposta.

133.

Meħud kont tar-risposta proposta għall-ewwel domanda preliminari, jien ma narax il-ħtieġa li tiġi eżaminata t-tielet domanda preliminari. Madankollu, sejjer nittrattaha fil-kuntest tal-analiżi tiegħi għall-fini ta’ kompletezza u ta’ ċarezza.

134.

F’dan ir-rigward, jeħtieġ li mill-ewwel jiġi nnotat li l-utilità tad-diversi mekkaniżmi ta’ riżoluzzjoni ta’ tilwim, inkluż il-medjazzjoni, ma tistax tkun sopravvalutata. Dawn il-mekkaniżmi jikkostitwixxu mezzi adegwati li jippermettu lill-imsieħba soċjali li jsibu ftehim li jieħu inkunsiderazzjoni l-interessi tagħhom ( 109 ). Fil-fehma tiegħi, ma tantx hemm dubju li l-użu tal-medjazzjoni għandha fl-ewwel lok tinftiehem bħala ġest ta’ rieda tajba li juri impenn sinċier sabiex jinstab kompromess fit-tul.

135.

Dan premess, nikkunsidra li, sa fejn l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni jirrikonoxxi espressament id-dritt tal-imsieħba soċjali li jsolvu l-kwistjonijiet tagħhom liberament permezz ta’ negozjati u fuq livell ta’ ugwaljanza ( 110 ), ikun inkoerenti li jintalab li huma jinqdew b’mekkaniżmu speċifiku ta’ riżoluzzjoni ta’ kwistjonijiet. Pjuttost jaqa’ taħt l-awtonomija tagħhom li jagħżlu l-mezz xieraq sabiex jaslu fi ftehim kif ukoll li jaċċettaw (jew jiċħdu) proposta ta’ konċiljazzjoni, skont l-interessi rispettivi tagħhom. Għaldaqstant, ma jistgħux jiġu kkritikati li jfittxu l-interessi tagħhom bil-mod li l-iktar jaqblilhom.

136.

Huwa preċiżament dan il-marġni ta’ manuvrar wiesa’ li jispjega, fost fatturi oħra, li l-istrajk isir avveniment li ma jaqax taħt il-“kontroll effettiv” tal-imsieħba soċjali, kull wieħed meqjus individwalment, kif diġà ġie spjegat fil-kuntest tal-eżami tal-kriterji li jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “ċirkustanza straordinarja” ( 111 ). Inkwantu kull imsieħeb soċjali jibqa’ liberu li jiċħad proposta ta’ ftehim (u, jekk ikun il-każ, jippreżenta kontroproposta), wieħed ma jistax raġonevolment jafferma li l-istrajk, bħala espressjoni tal-eżistenza ta’ nuqqas kbir ta’ ftehim, jikkostitwixxi avveniment “kontrollabbli” għat-trasportatur tal-ajru.

137.

Barra minn hekk, għandi nirrileva f’dan il-kuntest ċerta xebh mas-suġġett tat-tieni domanda preliminari, minħabba l-fatt li d-domanda inkwistjoni hija intiża, evidentement sabiex tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi, essenzjalment, fuq in-natura “raġonevoli” tal-pożizzjoni ta’ negozjar tal-partijiet. Issa, għar-raġunijiet li diġà esponejt fil-kuntest tal-eżami tat-tieni domanda preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja sejra jkollha tastjeni milli tieħu pożizzjoni favur xi parti jew oħra.

138.

F’każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi madankollu li tirrispondi għal din id-domanda preliminari, jien inkun nixtieq nesprimi r-riżervi tiegħi fir-rigward tal-approċċ eventwali li jkun jikkonsisti f’li l-qorti tar-rinviju tintalab tapplika kriterji marbutin mal-attitudni jew l-aġir tal-imsieħba soċjali qabel u matul l-istrajk ( 112 ). Jidhirli li dan it-tip ta’ kriterji huwa pjuttost suxxettibbli li jsir fattur ieħor ta’ inċertezza għall-prassi ġudizzjarja, inkwantu dawn il-kriterji jiftħu t-triq għall-każistika li l-evoluzzjoni tagħha hija diffiċli li wieħed jipprevediha. Fil-fatt, inkwantu l-attitudni jew l-aġir tal-imsieħba soċjali jistgħu jvarjaw kunsiderevolment minn kawża għal oħra skont l-aspetti li jkunu involuti, hemm il-biża’ li r-riżultat ta’ kawża partikolari jsir imprevedibbli.

139.

F’każ fejn dawn il-kriterji jkunu kkunsidrati bħala rilevanti mill-Qorti tal-Ġustizzja, nibża’, barra minn hekk, li qorti ċivili li tkun mitluba taqta’ kwistjoni bħalma hija dik f’dan il-każ, tkun inevitabbilment affaċċjata bi kwistjonijiet sensittivi fil-qasam tad-dritt industrijali li ma jaqgħux taħt il-ġurisdizzjoni tagħha. Madankollu, kieku l-kwistjoni kellha titressaq quddiem qorti nazzjonali speċjalizzata fid-dritt industrijali, hemm ir-riskju li din il-qorti tqis iċ-ċirkustanzi tal-kawża b’mod differenti mill-qorti ċivili. Issa, dan kollu jkun imur preċiżament kontra l-għan li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tfittex, jiġifieri d-determinazzjoni tal-kriterji oġġettivi kapaċi li jippromwovu ċ-ċertezza legali u li jevitaw id-deċiżjonijiet ġudizzjarji diverġenti ( 113 ). Inkwantu din il-kawża tirrigwarda biss l-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 261/2004, huwa rrakkomandat li jiġi evitat li jiddaħħlu kunsiderazzjonijiet li jaqgħu taħt qasam tad-dritt distint, jiġifieri d-dritt industrijali.

140.

L-osservazzjonijiet preċedenti huma iktar u iktar rilevanti peress li r-Regolament Nru 261/2004, bħala att tal-Unjoni, jeħtieġ interpretazzjoni awtonoma sabiex jiżgura l-applikazzjoni uniformi fl-Istati Membri kollha. Peress li, l-ewwel nett, diversi aspetti marbutin mad-dritt industrijali u mqajma fil-kuntest ta’ din il-kawża jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tal-leġiżlatur nazzjonali ( 114 ), u għaldaqstant jistgħu jvarjaw ħafna bejn l-Istati Membri u, it-tieni nett, li d-dispożizzjonijiet applikabbli ta’ dan ir-regolament ma fihom ebda riferiment għad-dritt nazzjonali, jien ma narax għaliex dawn l-aspetti għandhom jintużaw bħala kriterji ta’ interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “ċirkustanza straordinarja”.

141.

Għar-raġunijiet esposti hawn fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tirrispondix għat-tielet domanda preliminari.

VI. Konklużjoni

142.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari magħmula mill-Attunda tingsrätt (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Attunda, l-Isvezja):

Strajk segwit mill-piloti tal-ajruplani impjegati ma’ trasportatur tal-ajru u li huma indispensabbli għat-twettiq ta’ titjira, ta’ daqs bħal dak tal-kawża prinċipali, għandu jitqies bħala “ċirkustanza straordinarja” fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91, meta dan ikun imħabbar minn organizzazzjonijiet ta’ impjegati wara preavviż u msejjaħ legalment skont id-dritt nazzjonali bħala azzjoni kollettiva intiża li tħajjar lit-trasportatur tal-ajru sabiex iżid il-pagi, jagħti xi benefiċċji jew ibiddel il-kundizzjonijiet tax-xogħol sabiex jissodisfa t-talbiet tal-organizzazzjonijiet tal-impjegati.

F’kundizzjonijiet bħalma huma dawk tal-kawża prinċipali, it-trasportatur tal-ajru għandu l-obbligu li jieħu miżuri raġonevoli intiżi li jevitaw il-kanċellazzjoni jew id-dewmien twil ta’ titjira. B’mod partikolari, huwa għandu jeżawrixxi l-possibbiltajiet legali kollha sabiex jiddefendi l-interessi tiegħu u dawk tal-passiġġieri, jipprovdi riżerva ta’ ħin suffiċjenti sabiex jilqa’ għall-imprevisti eventwali, jieħu inkunsiderazzjoni l-preavviż li jkun ippreċeda l-istrajk imsejjaħ mis-sindakat, jorganizza r-riżorsi materjali u umani tiegħu sabiex jiżgura l-kontinwità fl-operazzjonijiet u jiffaċilita l-aċċess għal titjiriet ma’ linji tal-ajru oħra li ma humiex milqutin mill-istrajk.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol 8, p. 10.

( 3 ) Sentenza tas‑17 ta’ April 2018, Krüsemann et (C‑195/17, C‑197/17 sa C‑203/17, C‑226/17, C‑228/17, C‑254/17, C‑274/17, C‑275/17, C‑278/17 sa C‑286/17 u C‑290/17 sa C‑292/17, EU:C:2018:258).

( 4 ) Ara, favur il-klassifikazzjoni bħala “ċirkustanza straordinarja” ta’ strajk tal-persunal ta’ linja tal-ajru: il-Ġermanja (sentenza tal-Qorti Suprema tal‑21 ta’ Awwissu 2012, Kawża X ZR 138/11); ir-Renju Unit (sentenza tal-West County Court ta’ Londra tas‑17 ta’ April 2009, kawża Rigby vs Iberia [2009] 4 WLUK 299); il-Polonja (sentenza tal-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja tal‑5 ta’ April 2017, XXIII Ga 1889/16 u XXIII Gz 1360/16); ir-Repubblika Ċeka (sentenza tal-Qorti Muniċipali ta’ Praga tal‑20 ta’ Novembru 2019, Nru 18 Co 300/2019). Kontra tali klassifikazzjoni: Franza (sentenza tal-Qorti tal-Kassazzjoni tal‑24 ta’ Settembru 2009, Kawżi 08‑18.177 u 08‑18.178); il-Pajjiżi l-Baxxi (sentenza tal-Qorti ta’ Rotterdam tat‑2 ta’ Ġunju 2017, Kawża 5277790); l-Italja (sentenza tal-Qorti Konċiljatorja ta’ Trieste tas‑17 ta’ Settembru 2012, Kawża 668/2012). Din il-lista ċertament li ma hijiex eżawrjenti, imma diġà tippermetti li tiġi evalwata d-diversità tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji.

( 5 ) Ara l-punt 3 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 6 ) Sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2012, Finnair (C‑22/11, EU:C:2012:604).

( 7 ) Ara s-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2012, Finnair (C‑22/11, EU:C:2012:604, punti 33, 37, 3840), kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot f’din il-kawża (EU:C:2012:223, punti 4955).

( 8 ) Ara l-punt 3 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 9 ) Sentenzi tal‑5 ta’ Settembru 2019, Verein für Konsumenteninformation (C‑28/18, EU:C:2019:673, punt 25); tas‑26 ta’ Frar 2019, Rimšēvičs u BCE vs Il‑Latvja (C‑202/18 u C‑238/18, EU:C:2019:139, punt 45); u tas‑17 ta’ April 2018(Egenberger,C‑414/16, EU:C:2018:257, punt 44).

( 10 ) Korsiv miżjud minni.

( 11 ) Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-kawżi magħquda X u Visser (C‑360/15 u C‑31/16, EU:C:2017:397, punt 132).

( 12 ) Sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2008, Wallentin-Hermann (C‑549/07, EU:C:2008:771, punt 23). Korsiv miżjud minni.

( 13 ) Sentenza Krüsemann, punt 34.

( 14 ) Sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2015, van der Lans (C‑257/14, EU:C:2015:618, punt 42).

( 15 ) Sentenzi tal‑11 ta’ Ġunju 2020, Transportes Aéreos Portugueses (C‑74/19, EU:C:2020:460, punt 37); tat‑12 ta’ Marzu 2020, Finnair (C‑832/18, EU:C:2020:204, punt 38); kif ukoll tal‑4 ta’ April 2019, Germanwings,C‑501/17, EU:C:2019:288, punt 20).

( 16 ) Sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2008 (C-549/07, EU:C:2008:771).

( 17 ) Sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2008, Wallentin-Hermann (C‑549/07, EU:C:2008:771, punti 24 u 25).

( 18 ) Sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2015 (C‑257/14, EU:C:2015:618).

( 19 ) Sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2015, van der Lans (C‑257/14, EU:C:2015:618, punti 4142).

( 20 ) Sentenzi tat‑22 ta’ Diċembru 2008, Wallentin-Hermann (C-549/07, EU:C:2008:771, punt 26), u tas‑17 ta’ Settembru 2015, van der Lans (C‑257/14, EU:C:2015:618, punt 38).

( 21 ) Madankollu, il-prinċipju li skontu “ħadd ma huwa obbligat jagħmel l-impossibbli” (“impossibilium nulla obligatio est”) jifforma parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni (ara s-sentenzi tas‑6 ta’ Novembru 2018, Scuola Elementare Maria Montessori vs Il‑Kummissjoni, Il‑Kummissjoni vs Scuola Elementare Maria Montessori u Il‑Kummissjoni vs Ferracci (C‑622/16 P sa C‑624/16 P, EU:C:2018:873, punt 79), kif ukoll tat‑3 ta’ Marzu 2016, Daimler, (C‑179/15, EU:C:2016:134, punt 42).

( 22 ) Sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2017 (C-315/15, EU:C:2017:342).

( 23 ) Sentenza tal‑4 ta’ April 2019 (C-501/17, EU:C:2019:288).

( 24 ) Sentenza tas‑26 ta’ Ġunju 2019 (C‑159/18, EU:C:2019:535).

( 25 ) Ara l-punt 42 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 26 ) Ara, f’dan ir-rigward, ir-Regolament (UE) 2018/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑4 ta’ Lulju 2018 dwar regoli komuni fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili u li jistabbilixxi Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 2111/2005, (KE) Nru 1008/2008, (UE) Nru 996/2010, (UE) Nru 376/2014 u d-Direttivi 2014/30/UE u 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 552/2004 u (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3922/91 (ĠU 2018, L 212, p. 1), li jistabbilixxi, inter alia, rekwiżiti essenzjali għall-ekwipaġġ tal-ajru (Anness IV) u għall-operazzjonijiet bl-ajru (Anness V). Jirriżulta minn dawn id-dispożizzjonijiet li l-ekwipaġġ tal-ajru għandu jkollu livell ta’ kompetenza professjonali suffiċjenti (kemm fuq livell teoriku kif ukoll prattiku) kif ukoll kapaċità medika sabiex iwettaq il-funzjonijiet tiegħu b’mod sodisfaċenti.

( 27 ) Ara, inter alia, id-Direttiva tal-Kunsill 2000/79/KE tas‑27 ta’ Novembru 2000 dwar il-Ftehim Ewropew fuq l-Organizzazzjoni tal-Ħinijiet tax-Xogħol ta’ Ħaddiema Mobbli fl-Avjazzjoni Ċivili konkluż mill-Assoċjazzjoni tal-Linji ta’ l-Ajru Ewropej (AEA), il-Federazzjoni Ewropea tal-Ħaddiema tat-Trasport (ETF), l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kabini tal-Piloti (ECA), l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Linji ta’ l-Ajru Reġjonali (ERA) u l-Assoċjazzjoni Internazzjonali tat-Trasportazzjoni bl-Arju (IACA) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol 4, p. 75) li tistabbilixxi limitazzjonijiet u regoli minimi, inkluż dispożizzjonijiet li jikkonċernaw il-leave annwali mħallas, kif ukoll ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 83/2014 tad‑29 ta’ Jannar 2014 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 965/2012 li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi u proċeduri amministrattivi relatati mal-operazzjonijiet bl-ajru skont ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2014, L 28, p. 17) li jistabbilixxi r-rekwiżiti li għandhom ikunu osservati minn kull operatur tat-trasport kummerċjali bl-ajru u mill-membri tal-ekwipaġġ tiegħu għal dak li jikkonċerna l-limitazzjonijiet fil-ħin tat-titjir u tas-servizz u r-rekwiżiti fir-rigward ta’ mistrieħ għall-membri tal-ekwipaġġ.

( 28 ) Korsiv miżjud minni.

( 29 ) Ara l-punti 24 u 25 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 30 ) Ara l-punti 35 u 39 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 31 ) Ara l-punt 38 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 32 ) Fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Finnair (C‑22/11, EU:C:2012:223, punti 5355), dwar strajk tal-persunal tal-ajruport, l-Avukat Ġenerali Bot indika li l-istrajk ma jistax jiġi imputat lit-trasportatur tal-ajru minħabba li dan tal-aħħar ma għandu ebda kontroll fuq dan l-avveniment. Barra minn hekk, għandu jiġi nnotat li l-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Marzu 2013 li jemenda r-Regolament Nru 261/2004 (COM(2013) 130 final), fiha lista mhux eżawrjenti ta’ ċirkustanzi meqjusa “straordinarji” li ssemmi, inter alia, “tilwim tal-persunal tal-fornituri tas-servizzi essenzjali bħall-ajruporti u l-Fornituri tas-Servizz ta’ Navigazzjoni tal-Ajru”, ħaġa li tidher li tikkorrobora l-interpretazzjoni mogħtija. Dan premess, nosserva li t-“tilwim tal-persunal tat-trasportatur operattiv”, jiġifieri sitwazzjoni bħalma hija ta’ din il-kawża, huma ekwivalenti għal dan it-tip ta’ tilwim.

( 33 ) Ara l-punti 66 sa 69 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 34 ) Ara l-punti 70 sa 76 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 35 ) Ara l-punti 77 sa 81 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 36 ) Ara l-punti 82 sa 92 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 37 ) Ara l-punt 92 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 38 ) Ara l-punt 57 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 39 ) Ara, f’dan is-sens, Herrmann, C., “Entschädigung der Fluggäste bei wildem Streik – das TUIfly des EuGH vom 17.4.2018”, Reise-Recht aktuell: Zeitschrift für das Tourismusrecht, 2018, p. 102; Croon, J. u Callaghan, J. A, “Wild Cat” Ruling by the European Court of Justice, Zeitschrift für Luft- und Weltraumrecht, 2018, Nru 4, p. 601, li jippreżumu li r-raġunament tal-Qorti tal-Ġustizzja jitlaq mill-premessa li t-trasportatur tal-ajru għandu jsofri l-konsegwenzi tal-azzjonijiet tiegħu, peress li normalment huwa obbligat iġorr ir-riskju ekonomiku marbut mal-ġestjoni tal-impriża.

( 40 ) Ara l-punt 74 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża EPSU vs Il‑Kummissjoni Ewropea, C‑928/19 P, EU:C:2021:38.

( 41 ) Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, intitolata “Id-djalogu soċjali Ewropew, forza ta’ modernizzazzjoni u tibdil”, (COM(2002) 341 final tas‑26 ta’ Ġunju 2002, p. 6).

( 42 ) Din id-dispożizzjoni hija applikabbli għall-Unjoni u, permezz tal-Artikolu 13 TUE, għall-istituzzjonijiet kollha. Korsiv miżjud minni.

( 43 ) C-67/96, C‑115/97 u C‑219/97, EU:C:1999:28, punt 181.

( 44 ) Skont Hesse, K., Grundzüge des Verfassungsrechts der Bundesrepublik Deutschland, Heidelberg 1999, p. 28, punt 72, “l-interessi leġittimi protetti mid-dritt kostituzzjonali għandhom jiġu bbilanċjati l-wieħed mal-ieħor sabiex kull wieħed minnhom isir realtà. Jeħtieġ li jiġu imposti limiti għall-imsemmija interessi sabiex dawn ikunu jistgħu jilħqu l-aħjar effikaċità”. Ara wkoll Alexy, R., “Constitutional Rights and Proportionality”, Journal for constitutional theory and philosophy of law, 2014, Nru 22, p. 51, li jikkunsidra li ċerti drittijiet fundamentali jikkostitwixxu “prinċipji li għandhom jiġu bbilanċjati ma’ xulxin sabiex ikunu jistgħu jitwettqu sa fejn huwa possibbli, meħud kont tal-possibbiltajiet legali u fattwali”.

( 45 ) Korsiv miżjud minni.

( 46 ) Sentenza tat‑22 ta’ Jannar 2013, Sky Österreich (C‑283/11, EU:C:2013:28, punt 45).

( 47 ) Ara s-sentenza tat‑13 ta’ Mejju 2014, Google Spain u Google (C‑131/12, EU:C:2014:317, punt 68); tat‑3 ta’ Lulju 2014, Kamino International Logistics u Datema Hellmann Worldwide Logistics (C‑129/13 u C‑130/13, EU:C:2014:2041, punt 69); tal‑11 ta’ Settembru 2014, A (C‑112/13, EU:C:2014:2195, punt 51); kif ukoll tal‑25 ta’ Mejju 2016, Meroni (C‑559/14, EU:C:2016:349, punt 45).

( 48 ) Sentenza tal‑11 ta’ Diċembru 2007 (C‑438/05, EU:C:2007:772).

( 49 ) Sentenza tal‑11 ta’ Diċembru 2007, International Transport Workers’ Federation u Finnish Seamen’s Union (C‑438/05, EU:C:2007:772, punt 47).

( 50 ) Sentenza tal‑11 ta’ Diċembru 2007, International Transport Workers’ Federation u Finnish Seamen’s Union (C‑438/05, EU:C:2007:772, punt 74).

( 51 ) Sentenza tal‑11 ta’ Diċembru 2007, International Transport Workers’ Federation u Finnish Seamen’s Union (C‑438/05, EU:C:2007:772, punt 77).

( 52 ) Sentenza tal‑11 ta’ Diċembru 2007, International Transport Workers’ Federation u Finnish Seamen’s Union (C‑438/05, EU:C:2007:772, punti 7879).

( 53 ) Sentenza tal‑24 ta’ Novembru 2011 (C-70/10, EU:C:2011:771).

( 54 ) Sentenza tas‑16 ta’ Frar 2012 (C‑360/10, EU:C:2012:85).

( 55 ) Sentenzi tal‑24 ta’ Novembru 2011, Scarlet Extended (C‑70/10, EU:C:2011:771, punt 43), u tas‑16 ta’ Frar 2012, SABAM (C‑360/10, EU:C:2012:85, punt 41).

( 56 ) Sentenzi tal‑24 ta’ Novembru 2011, Scarlet Extended (C‑70/10, EU:C:2011:771, punt 44) u tas‑16 ta’ Frar 2012, SABAM (C‑360/10, EU:C:2012:85, punt 42).

( 57 ) Sentenzi tal‑24 ta’ Novembru 2011, Scarlet Extended (C‑70/10, EU:C:2011:771, punt 46) u tas‑16 ta’ Frar 2012, SABAM (C‑360/10, EU:C:2012:85, punti 4344).

( 58 ) Everson, M., u Correia Gonçalves, R., The EU Charter of Fundamental Rights – A Commentary (Peers, Hervey, Kenner, Ward), Oxford 2014, Art. 16, p. 455, punt 16.40, jenfasizzaw l-importanza ta’ dawn is-sentenzi minħabba li jimponu fuq il-qrati nazzjonali l-obbligu li jibbilanċjaw id-dritt għall-proprjetà mal-libertà ta’ intrapriża, ħaġa li għandha bħala konsegwenza li tittrasforma l-libertà ta’ intrapriża f’obbligu privat jew dritt suġġettiv.

( 59 ) Sentenzi tal‑24 ta’ Novembru 2011, Scarlet Extended (C‑70/10, EU:C:2011:771, punt 50), u tas‑16 ta’ Frar 2012, SABAM (C‑360/10, EU:C:2012:85, punt 48).

( 60 ) Sentenzi tal‑24 ta’ Novembru 2011, Scarlet Extended (C‑70/10, EU:C:2011:771, punt 48), u tas‑16 ta’ Frar 2012, SABAM (C‑360/10, EU:C:2012:85, punt 46).

( 61 ) Sentenzi tal‑24 ta’ Novembru 2011, Scarlet Extended (C‑70/10, EU:C:2011:771, punt 54), u tas‑16 ta’ Frar 2012, SABAM (C-360/10, EU:C:2012:85, punt 52).

( 62 ) Sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2013 (C‑12/11, EU:C:2013:43).

( 63 ) Sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2013, McDonagh (C‑12/11, EU:C:2013:43, punt 60).

( 64 ) Sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2013, McDonagh (C‑12/11, EU:C:2013:43, punt 61).

( 65 ) Sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2013, McDonagh (C‑12/11, EU:C:2013:43, punt 62).

( 66 ) Sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2013, McDonagh (C‑12/11, EU:C:2013:43, punt 63).

( 67 ) Sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2013, McDonagh (C‑12/11, EU:C:2013:43, punt 64). Korsiv miżjud minni.

( 68 ) Ara s-sentenzi tal‑11 ta’ Ġunju 2020, Transportes Aéreos Portugueses (C‑74/19, EU:C:2020:460, punt 52); tad‑19 ta’ Novembru 2009, Sturgeon et (C‑402/07 u C‑432/07, EU:C:2009:716, punt 67); kif ukoll tat‑23 ta’ Ottubru 2012, Nelson et (C‑581/10 u C‑629/10, EU:C:2012:657, punt 39).

( 69 ) Ara, f’dan is-sens, Kučko, M., “The decision in TUIfly: are the Ryanair Strikes to be seen as extraordinary circumstances?”, Air and Space Law, 06/2019, Vol 44, Nru 3, p. 334, li jafferma li anki jekk tali riżultat isaħħaħ id-drittijiet tal-passiġġieri, ma hijiex sitwazzjoni mixtieqa għal-linji tal-ajru peress li tirriskja li tagħti vantaġġ inġust lis-sindakati. L-idea li jitħallas kumpens lill-passiġġieri apparti l-obbligu li jkollhom ibatu t-telf akkumulat matul il-perijodu tal-istrajk ikun suxxettibbli li jobbliga lil-linji tal-ajru jċedu għal kull talba (anki jekk mhux raġonevoli) tas-sindakati; Flöthmann, M., “Verbraucherschutz: Ausgleichszahlungen nach Flugausfall trotz wilden Streiks des Flugpersonals”, Europäische Zeitschrift für Wirtschaftsrecht, 2018, p. 461, li jara r-riskju li dan jinkoraġġixxi lill-impjegati sabiex jieħdu azzjonijiet kollettivi kontra t-trasportaturi tal-ajru bil-għan li jobbligawhom jaċċettaw it-talbiet tagħhom.

( 70 ) Ċerti partijiet interessati fakkru li d-dritt nazzjonali jissuġġetta d-dritt għal kumpens għad-danni għall-kundizzjoni ta’ “ħtija” (“intenzjoni” jew “negliġenza”) tad-dannu kkawżat. Huma sostnew ukoll li operatur ekonomiku jista’, bħala prinċipju, jinvoka l-klawżoli ta’ eżenzjoni fil-kuntratt jew jerġa’ jinnegozjah mas-sieħeb kummerċjali tiegħu, skont l-awtonomija kuntrattwali tagħhom.

( 71 ) Sentenzi tal‑4 ta’ Mejju 2017, Pešková u Peška (C‑315/15, EU:C:2017:342, punt 36), tas‑17 ta’ Settembru 2015, van der Lans (C‑257/14, EU:C:2015:618, punt 46), u tad‑19 ta’ Novembru 2009, Sturgeon et (C‑402/07 u C‑432/07, EU:C:2009:716, punt 68).

( 72 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-kawża Finnair (C‑22/11, EU:C:2012:223, punt 56) li fihom huwa ppropona din is-soluzzjoni. Madankollu, jeħtieġ li jiġi nnotat li, fl-ewwel lok, l-imsemmija kawża hija differenti minn dik ineżami minħabba li hija kienet tikkonċerna strajk tal-persunal tal-ajruport (u mhux tal-persunal tat-trasportatur tal-ajru fuq inizjattiva tas-sindakat) u, fit-tieni lok, l-Avukat Ġenerali llimita ruħu sabiex jafferma li tali dritt seta’, bħala prinċipju, jeżisti skont id-dritt nazzjonali applikabbli.

( 73 ) Ara, f’dan is-sens, Wendeling-Schröder, “Schadensersatz drittbetroffener Unternehmen bei Streiks?”, Arbeit und Recht, 03/2017, Vol 65, Nru 3, p. 96; Unterschütz, J., “Strike and Remedies for Unlawful Strikes in the Legal System of Poland, Hungary, and Slovakia”, International Journal of Comparative Labour Law and Industrial Relations, 2014, Vol 30, Nru 3, p. 335, li jispjegaw, fir-rigward tad-dritt Ġermaniż, Pollakk, Ungeriż u dak Slovakk, li d-dritt għall-kumpens jeżisti biss wara strajks illegali jew atti illegali riżultat tal-istrajk.

( 74 ) Sentenza tat‑22 ta’ Jannar 2013, Sky Österreich (C‑283/11, EU:C:2013:28, punt 42).

( 75 ) Ara, f’dan is-sens, Gernigon, B., Odero, A., u Guido, H., ILO principles concerning the right to strike, Genève 2000, p. 42, li jindikaw li d-dritt għall-istrajk ma huwiex dritt assolut u l-eżerċizzju tiegħu jrid ikun konformi mad-drittijiet l-oħra fundamentali taċ-ċittadini u tal-persuni li jimpjegaw. Il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali jipprovdu ġeneralment għal sanzjonijiet għal tali abbużi li jistgħu jvarjaw, skont il-gravità tal-konsegwenzi li jirriżultaw minn dawn l-abbużi, mit-tkeċċija għal sanzjonijiet finanzjarji jew kriminali ta’ diversi tipi.

( 76 ) Ara, f’dan is-sens, Everson, M., u Correia Gonçalves, R., The EU Charter of Fundamental Rights – A Commentary (Peers, Hervey, Kenner, Ward), Oxford 2014, Art. 16, p. 459, punt 16.52, li jiġbdu l-attenzjoni għall-fatt li l-libertà ta’ intrapriża hija marbuta mill-qrib mad-dritt għall-proprjetà kif ukoll mad-dritt għax-xogħol, ħaġa li għandha bħala konsegwenzi li din għandha titqies bħala “dritt eżistenzjali”.

( 77 ) Ara l-punti 64 u 86 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 78 ) Ara l-punti 108 sa 111 (dwar il-legalità ta’ strajk) u l-punti 114 sa 116 (dwar il-ħtieġa li jittieħed inkunsiderazzjoni l-preavviż li ppreċeda l-istrajk) ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 79 ) Sentenza Krüsemann et, punt 47.

( 80 ) Ara l-punti 40 u 64 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 81 ) Ara l-punt 35 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 82 ) Sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2020, Transportes Aéreos Portugueses (C‑74/19, EU:C:2020:460, punt 57).

( 83 ) Sentenzi tas‑26 ta’ Ġunju 2019, Moens (C‑159/18, EU:C:2019:535, punt 27), u tal‑4 ta’ Mejju 2017, Pešková u Peška (C‑315/15, EU:C:2017:342, punt 30).

( 84 ) Sentenzi tas‑26 ta’ Ġunju 2019, Moens (C‑159/18, EU:C:2019:535, punt 27), u tal‑4 ta’ Mejju 2017, Pešková u Peška (C‑315/15, EU:C:2017:342, punt 43).

( 85 ) Ara s-sentenza tas‑26 ta’ Frar 2013, Folkerts (C‑11/11, EU:C:2013:106, punti 3547).

( 86 ) Ara l-punti 67 u 68 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Transportes Aéreos Portugueses (C‑74/19, EU:C:2020:135).

( 87 ) Ara l-punt 92 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 88 ) Ara l-punt 94 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 89 ) Ara, f’dan is-sens, Jarec, W., “Eindeutiges und Widersprüchliches im Urteil des EuGH in der Rs Krüsemann ua/TUIfly”, Ecolex, 2019, Nru 1, p. 102.

( 90 ) Ara Krebber, S., EUV/AEUV. Das Verfassungsrecht der Europäischen Union mit Europäischer Grundrechtecharta. Kommentar (Calliess/Ruffert), 4. Auflage, Art. 28 GRCh, p. 2903, punt 3.

( 91 ) Ara, f’dan is-sens, Barnard, C., The EU Charter of Fundamental Rights – A Commentary (Peers, Hervey, Kenner, Ward), Oxford 2014, Art. 28, p. 792, punt 28.57.

( 92 ) Korsiv miżjud minni.

( 93 ) Korsiv miżjud minni.

( 94 ) Ara f’dan is-sens, Lembke, U., Europäisches Unionsrecht Kommentar (Hans von der Groeben/Jürgen Schwarze/Armin Hatje), is-seba’ edizzjoni, 2015, Volum 1, Art. 28 GRCh, p. 682, punt 15.

( 95 ) Ara, f’dan ir-rigward, Krebber, S., EUV/AEUV. Das Verfassungsrecht der Europäischen Union mit Europäischer Grundrechtecharta. Kommentar (Calliess/Ruffert), ir-raba’ edizzjoni, Art. 28 GRCh, p. 2903, punt 8.

( 96 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Transportes Aéreos Portugueses (C‑74/19, EU:C:2020:135, punt 72).

( 97 ) Sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2011 (C‑294/10, EU:C:2011:303, punt 28).

( 98 ) Ara l-punt 93 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 99 ) Ara l-punt 51 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 100 ) Sentenza tal‑4 ta’ April 2019, Germanwings (C‑501/17, EU:C:2019:288, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata). Korsiv miżjud minni.

( 101 ) Ara, f’dan is-sens, Flöthmann, M., “Verbraucherschutz: Ausgleichszahlungen nach Flugausfall trotz wilden Streiks des Flugpersonals”, Europäische Zeitschrift für Wirtschaftsrecht, 2018, p. 461, li skontu wieħed jista’ jistenna li t-trasportatur tal-ajru jkollu persunal biżżejjed sabiex jiżgura l-operazzjonijiet tiegħu.

( 102 ) Ara l-punt 111 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 103 ) Sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2020 (C‑74/19, EU:C:2020:460).

( 104 ) Sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2020, Transportes Aéreos Portugueses (C‑74/19, EU:C:2020:460, punt 58). Korsiv miżjud minni.

( 105 ) Sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2020, Transportes Aéreos Portugueses (C‑74/19, EU:C:2020:460, punt 59). Korsiv miżjud minni.

( 106 ) Sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2020, Transportes Aéreos Portugueses (C‑74/19, EU:C:2020:460, punt 60).

( 107 ) Ara l-punt 54 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 108 ) Ara l-punt 68 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 109 ) García, A., Romero Pender, E., Medina, F., u Euwema, M., “Mediation in Collective Labor Conflicts”, Industrial Relations & Conflict Management, 2019, p. 5 u 10, jispjegaw li t-tilwim kollettiv tax-xogħol jifforma parti inevitabbli mill-ħajja fis-soċjetà. It-tensjonijiet bejn l-interessi u d-drittijiet tal-impjegati, id-diretturi u s-sidien, bħala azzjonisti jew uffiċjali pubbliċi, jistgħu faċilment jilħqu livelli distruttivi. Għal din ir-raġuni, il-kumpanniji jiżviluppaw oqfsa legali sabiex isolvu dawn il-kunflitti. Wieħed mill-mezzi sabiex jissolva t-tilwim huwa l-medjazzjoni li tista’ tiġi ddefinita bħala kull għajnuna minn terzi persuni lill-partijiet sabiex tgħinhom jevitaw l-eskalazzjoni tal-kunflitt, sabiex itemmuh u sabiex isibu soluzzjonijiet innegozjati.

( 110 ) Ara l-punt 71 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 111 ) Ara l-punt 90 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 112 ) Kriterji bħalma huma n-“natura kostruttiva u miftuħa tad-djalogu” tal-imsieħba soċjali jew l-“aċċettazzjoni sabiex jintuża medjatur”.

( 113 ) Ara l-punt 32 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 114 ) Ara l-punt 93 ta’ dawn il-konklużjonijiet.