1.8.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 294/8


Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tad-9 ta’ Ġunju 2022 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas – il-Litwajna) – “Baltic Master” UAB vs Muitinės departamentas prie Lietuvos Respublikos finansų ministerijos

(Kawża C-599/20) (1)

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Unjoni doganali - Kodiċi Doganali tal-Komunità - Regolament (KEE) Nru 2913/92 - Artikolu 29 - Determinazzjoni tal-valur għal skopijiet doganali - Valur ta’ tranżazzjoni - Artikolu 29(1)(d) - Kunċett ta’ “persuni relatati” - Artikolu 31 - Teħid inkunsiderazzjoni tal-informazzjoni li tirriżulta minn database nazzjonali għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-valur għal skopijiet doganali - Regolament (KEE) Nru 2454/93 - Artikolu 143(1)(b), (e) u (f) - Sitwazzjonijiet li fihom persuni jitqiesu li huma relatati - Artikolu 181a - Dubji bbażati fuq il-veraċità tal-prezz iddikjarat)

(2022/C 294/10)

Lingwa tal-kawża: il-Litwan

Qorti tar-rinviju

Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent:“Baltic Master” UAB

Konvenut: Muitinės departamentas prie Lietuvos Respublikos finansų ministerijos

Fil-preżenza ta’: Vilniaus teritorinė muitinė

Dispożittiv

1)

L-Artikolu 29(1)(d) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta’ Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità, kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 82/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Diċembru 1996, u l-Artikolu 143(b), (e) u (f) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 tat-2 ta’ Lulju 1993 li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill Nru 2913/92, kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 46/1999 tat-8 ta’ Jannar 1999, għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

ix-xerrej u l-bejjiegħ ma jistgħux jitqiesu li jkollhom legalment il-kwalità ta’ soċji jew li jkunu relatati minħabba relazzjoni ta’ kontroll de jure, diretta jew indiretta, f’sitwazzjoni li fiha ma jkun jeżisti ebda dokument li jippermetti li tiġi stabbilita tali rabta;

ix-xerrej u l-bejjiegħ jistgħu jitqiesu li jkunu relatati minħabba relazzjoni ta’ kontroll de facto, diretta jew indiretta, f’sitwazzjoni li fiha l-kundizzjonijiet ta’ konklużjoni tat-tranżazzjonijiet inkwistjoni, ikkonfermati minn elementi oġġettivi, jistgħu jitqiesu li jindikaw mhux biss li tkun teżisti rabta ta’ fiduċja mill-qrib bejn dan ix-xerrej u dan il-bejjiegħ, iżda li wieħed minnhom ikun f’pożizzjoni li jeżerċita setgħa ta’ rażan jew ta’ direzjoni fuq l-ieħor jew li terz ikun f’pożizzjoni li jeżerċita tali setgħa fuqhom.

2)

L-Artikolu 31(1) tar-Regolament Nru 2913/92, kif emendat bir-Regolament Nru 82/97, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li, meta l-valur għal skopijiet doganali ta’ merkanzija importata ma jkunx seta’ jiġi ddeterminat skont l-Artikoli 29 u 30 ta’ dan il-kodiċi, dan jiġi ddeterminat abbażi tal-informazzjoni li tinsab f’database nazzjonali dwar il-valur għal skopijiet doganali tal-merkanzija tal-istess oriġini biss li, minkejja li ma tkunx “simili”, fis-sens tal-Artikolu 142(1)(d) tar-Regolament Nru 2454/93, kif emendat bir-Regolament Nru 46/1999, taqa’ taħt l-istess kodiċi TARIC.


(1)  ĠU C 35, 1.2.2021.