19.4.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 165/18


Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tal-24 ta’ Frar 2022 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Înalta Curte de Casaţie şi Justiţie – ir-Rumanija) – SC Cridar Cons SRL vs Administraţia Judeţeană a Finanţelor Publice Cluj, Direcţia Generală Regională a Finanţelor Publice Cluj-Napoca

(Kawża C-582/20) (1)

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud - Direttiva 2006/112/KE - Artikoli 167 u 168 - Dritt għal tnaqqis - Rifjut - Evażjoni tat-taxxa - Produzzjoni tal-provi - Sospensjoni tad-deċiżjoni fuq ilment amministrattiv li jirrigwarda avviż ta’ tassazzjoni li jirrifjuta dritt għal tnaqqis, fl-istennija tal-eżitu ta’ proċeduri kriminali - Awtonomija proċedurali tal-Istati Membri - Prinċipju ta’ newtralità fiskali - Dritt għal amministrazzjoni tajba - Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea)

(2022/C 165/20)

Lingwa tal-kawża: ir-Rumen

Qorti tar-rinviju

Înalta Curte de Casaţie şi Justiţie

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: SC Cridar Cons SRL

Konvenuti: Administraţia Judeţeană a Finanţelor Publice Cluj, Direcţia Generală Regională a Finanţelor Publice Cluj-Napoca

Dispożittiv

Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud u l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tawtorizza lill-awtoritajiet tat-taxxa nazzjonali jissospendu d-deċiżjoni fuq ilment amministrattiv imressaq kontra avviż ta’ tassazzjoni li jirrifjuta lil persuna taxxabbli l-benefiċċju tad-dritt għat-tnaqqis tal-VAT tal-input imħallsa minħabba l-involviment ta’ din il-persuna taxxabbli f’evażjoni tat-taxxa, bil-għan li jinkisbu elementi oġġettivi supplimentari relatati ma’ dan l-involviment, bil-kundizzjoni, l-ewwel, li tali sospensjoni ma jkollhiex l-effett li ddewwem l-eżitu ta’ din il-proċedura ta’ lment amministrattiv lil hinn minn terminu raġonevoli, it-tieni, li d-deċiżjoni li tordna din is-sospensjoni tkun motivata fil-fatt kif ukoll fid-dritt u tista’ tkun suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju u, it-tielet, li, jekk jirriżulta finalment li d-dritt għal tnaqqis ikun ġie rrifjutat bi ksur tad-dritt tal-Unjoni, din il-persuna taxxabbli tkun tista’ tikseb ir-rimbors tas-somma korrispondenti f’terminu raġonevoli kif ukoll, skont il-każ, tal-interessi moratorji fuqha. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma huwiex meħtieġ li, matul din is-sospensjoni tad-deċiżjoni, l-imsemmija persuna taxxabbli tkun tibbenefika minn sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ dan l-avviż, ħlief, fil-każ ta’ dubju serju dwar il-legalità tal-imsemmi avviż, jekk l-għoti ta’ sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-istess avviż ikun neċessarju sabiex jiġi evitat dannu gravi u irreparabbli għall-interessi tal-persuna taxxabbli.


(1)  ĠU C 53, 15.2.2021.