6.12.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 490/14 |
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tas-6 ta’ Ottubru 2021 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Varhoven kasatsionen sad (il-Bulgarija) – il-Bulgarija) – Skarb Państwa Rzeczypospolitej Polskiej reprezentowany przez Generalnego Dyrektora Dróg Krajowych i Autostrad vs TOTO SpA – Costruzioni Generali, Vianini Lavori SpA
(Kawża C-581/20) (1)
(“Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili - Regolament (UE) Nru 1215/2012 - Artikolu 1(1) - Materji ċivili u kummerċjali - Artikolu 35 - Miżuri provviżorji u kawtelatorji - Azzjoni bbażata fuq kuntratt ta’ xogħlijiet ta’ kostruzzjoni ta’ triq rapida pubblika konkluż bejn awtorità pubblika u żewġ kumpanniji rregolati mid-dritt privat - Talba għal miżuri provviżorji relatata mal-penalitajiet u mal-garanziji li jirriżultaw minn dan il-kuntratt - Deċiżjoni għal miżuri provviżorji diġà mogħtija minn qorti li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq il-mertu”)
(2021/C 490/13)
Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru
Qorti tar-rinviju
Varhoven kasatsionen sad (il-Bulgarija)
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrent: Skarb Państwa Rzeczypospolitej Polskiej reprezentowany przez Generalnego Dyrektora Dróg Krajowych i Autostrad
Konvenut: TOTO SpA – Costruzioni Generali, Vianini Lavori SpA
Dispożittiv
1) |
L-Artikolu 1(1) tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li azzjoni għal miżuri provviżorji li titressaq u titkompla, skont ir-regoli tad-dritt komuni, quddiem qorti ta’ Stat Membru, li tkun tirrigwarda penalitajiet abbażi tal-eżekuzzjoni ta’ kuntratt għal xogħlijiet ta’ kostruzzjoni ta’ triq rapida pubblika konkluż fi tmiem proċedura għall-għoti ta’ kuntratti li l-awtorità kontraenti tiegħu tkun awtorità pubblika taqa’ taħt il-kunċett ta’ “materji ċivili u kummerċjali”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. |
2) |
L-Artikolu 35 tar-Regolament Nru 1215/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li qorti ta’ Stat Membru li quddiemha titressaq talba għal miżuri provviżorji jew kawtelatorji skont din id-dispożizzjoni ma għandhiex obbligu tiddikjara li ma għandhiex ġurisdizzjoni meta l-qorti ta’ Stat Membru ieħor, li jkollha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq il-mertu, tkun diġà ddeċidiet fuq talba li jkollha l-istess suġġett u l-istess kawża u tkun imressqa bejn l-istess partijiet. |
3) |
L-Artikolu 35 tar-Regolament Nru 1215/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li talba għal miżuri provviżorji jew kawtelatorji għandha tiġi eżaminata fid-dawl tal-liġi tal-Istat Membru tal-qorti li quddiemha titressaq u ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tawtorizzax azzjoni għal miżuri provviżorji relatata ma’ rikors dwar kreditu pekunjarju fir-rigward tal-Istat jew ta’ awtorità pubblika. |