21.3.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 128/3


Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tat-3 ta’ Frar 2022 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Bundesfinanzhof – il-Ġermanja) – B AG vs Finanzamt A

(Kawża C-515/20) (1)

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) - Direttiva 2006/112/KE - Artikolu 122 - Rata mnaqqsa għall-kunsinni ta’ injam użat bħala ħatab - Differenzazzjoni skont il-karatteristiċi u l-proprjetajiet oġġettivi tal-prodotti - Tipi ta’ injam intiżi li jintużaw bħala ħatab li jservi l-istess bżonn tal-konsumatur u li jkun f’kompetizzjoni - Prinċipju ta’ newtralità fiskali)

(2022/C 128/03)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Bundesfinanzhof

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: B AG

Konvenut: Finanzamt A

Dispożittiv

1)

L-Artikolu 122 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ injam użat bħala ħatab, fis-sens ta’ dan l-artikolu, jindika l-injam kollu li, fid-dawl tal-karatteristiċi oġġettivi tiegħu, ikun intiż esklużivament sabiex jiġi maħruq.

2)

L-Artikolu 122 tad-Direttiva 2006/112 għandu jiġi interpretat fis-sens li Stat Membru li, skont dan l-artikolu, jistabbilixxi rata mnaqqsa ta’ taxxa fuq il-valur miżjud għall-kunsinni ta’ injam użat bħala ħatab jista’ jillimita l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha għal ċerti kategoriji ta’ kunsinni ta’ injam użat bħala ħatab billi jirreferi għan-Nomenklatura Magħquda, bla ħsara għall-osservanza tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali.

3)

Il-prinċipju ta’ newtralità fiskali għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li d-dritt nazzjonali jeskludi l-kunsinna ta’ biċċiet tal-injam mill-benefiċċju tar-rata mnaqqsa tat-taxxa fuq il-valur miżjud, filwaqt li jagħti dan il-benefiċċju lill-kunsinni ta’ tipi oħra ta’ injam użat bħala ħatab, sakemm, mill-perspettiva tal-konsumatur medju, il-biċċiet tal-injam ma jkunux sostitwibbli għal dawn it-tipi l-oħra ta’ injam użat bħala ħatab, liema fatt għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.


(1)  ĠU C 28, 25.1.2021.