19.4.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 165/13


Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-24 ta’ Frar 2022 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Conseil d’État – il-Belġju) – Namur-Est Environnement ASBL vs Région wallonne

(Kawża C-463/20) (1)

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Ambjent - Direttiva 2011/92/UE - Evalwazzjoni tal-effetti ta’ ċerti proġetti fuq l-ambjent - Direttiva 92/43/KEE - Konservazzjoni tal-habitats naturali - Rabta bejn il-proċedura ta’ evalwazzjoni u ta’ awtorizzazzjoni prevista fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/92/UE u proċedura nazzjonali ta’ deroga mill-miżuri ta’ protezzjoni tal-ispeċi previsti fid-Direttiva 92/43/KEE - Kunċett ta’ “awtorizzazzjoni” - Proċess deċiżjonali kumpless - Obbligu ta’ evalwazzjoni - Portata materjali - Stadju proċedurali li fih għandha tiġi ggarantita l-parteċipazzjoni tal-pubbliku fil-proċess deċiżjonali)

(2022/C 165/15)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Qorti tar-rinviju

Conseil d’État

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Namur-Est Environnement ASBL

Konvenut: Région wallonne

Dispożittiv

1)

Id-Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent għandha tiġi interpretata fis-sens li deċiżjoni adottata skont l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa, li tawtorizza lil żviluppatur jidderoga mill-miżuri applikabbli fil-qasam tal-protezzjoni tal-ispeċi, sabiex jitwettaq proġett, fis-sens tal-Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva 2011/92, taqa’ taħt il-proċess ta’ awtorizzazzjoni ta’ dan il-proġett, fis-sens tal-Artikolu 1(2)(c) ta’ id-direttiva, fil-każ li, minn naħa, dan il-proġett ma jkunx jista’ jitwettaq jekk l-iżviluppatur ma jkunx kiseb din id-deċiżjoni u fil-każ li, min-naħa l-oħra, l-awtorità kompetenti sabiex tawtorizza tali proġett iżżomm il-possibbiltà li tevalwa l-effetti ambjentali tiegħu b’mod iktar strett milli sar fl-imsemmija deċiżjoni.

2)

Id-Direttiva 2011/92 għandha tiġi interpretata, fid-dawl b’mod partikolari tal-Artikoli 6 u 8 tagħha, fis-sens li l-adozzjoni ta’ deċiżjoni preliminari li tawtorizza lil żviluppatur jidderoga mill-miżuri applikabbli fil-qasam tal-protezzjoni tal-ispeċi, sabiex jitwettaq proġett, fis-sens tal-Artikolu 1(2)(a) ta’ din id-direttiva, ma għandhiex neċessarjament tkun ippreċeduta minn parteċipazzjoni tal-pubbliku, kemm-il darba din il-parteċipazzjoni tiġi żgurata b’mod effettiv qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni li għandha tittieħed mill-awtorità kompetenti għall-eventwali awtorizzazzjoni ta’ dan il-proġett.


(1)  ĠU C 9, 11.1.2021.