4.7.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 257/4


Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tat-12 ta’ Mejju 2022 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Consiglio di Stato – l-Italja) – Servizio Elettrico Nazionale SpA, ENEL SpA, Enel Energia SpA vs Autorità Garante della Concorrenza e del Mercato et

(Kawża C-377/20) (1)

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Kompetizzjoni - Pożizzjoni dominanti - Sfruttament abbużiv - Artikolu 102 TFUE - Effett ta’ prattika fuq il-benesseri tal-konsumaturi u fuq l-istruttura tas-suq - Prattika ta’ esklużjoni abbużiva - Kapaċità ta’ prattika li tipproduċi effett ta’ esklużjoni - Użu ta’ mezzi li ma humiex dawk li jaqgħu taħt il-kompetizzjoni fuq il-mertu - Impossibbiltà għal kompetitur ipotetiku daqstant effikaċi li jirreplika l-prattika - Eżistenza ta’ intenzjoni antikompetittiva - Ftuħ għall-kompetizzjoni tas-suq tal-bejgħ tal-elettriku - Trasferiment ta’ informazzjoni kummerċjalment sensittiva fi ħdan grupp ta’ kumpanniji sabiex f’suq tinżamm pożizzjoni dominanti li ntirtet minn monopolju legali - Imputabbiltà tal-aġir tas-sussidjarja lill-kumpannija omm)

(2022/C 257/05)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Qorti tar-rinviju

Consiglio di Stato

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Servizio Elettrico Nazionale SpA, ENEL SpA, Enel Energia SpA

Konvenuti: Autorità Garante della Concorrenza e del Mercato, ENEL SpA, Servizio Elettrico Nazionale SpA, Eni Gas e Luce Spa, Eni SpA, Axpo Italia SpA, Gala SpA, E.Ja SpA, Green Network SpA, Ass.ne Codici – Centro per i Diritti del Cittadino

fil-preżenza ta’: Green Network SpA, Associazione Italiana di Grossisti di Energia e Trader – AIGET, Ass.ne Codici – Centro per i Diritti del Cittadino, Associazione Energia Libera, Metaenergia SpA

Dispożittiv

1)

L-Artikolu 102 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex jiġi stabbilit li prattika tikkostitwixxi abbuż minn pożizzjoni dominanti, huwa biżżejjed, għal awtorità tal-kompetizzjoni, li tipprova li din il-prattika tista’ tippreġudika struttura ta’ kompetizzjoni effettiva fis-suq rilevanti, sakemm l-impriża dominanti kkonċernata ma turix li l-effetti antikompetittivi li jistgħu jirriżultaw mill-imsemmija prattika jistgħu jiġu bbilanċjati, jew anki maqbuża, permezz ta’ effetti pożittivi għall-konsumaturi, b’mod partikolari f’termini ta’ prezz, ta’ għażla, ta’ kwalità u ta’ innovazzjoni.

2)

L-Artikolu 102 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex tiġi eskluża n-natura abbużiva ta’ aġir ta’ impriża f’pożizzjoni dominanti, għandu jitqies li ma hijiex, waħedha, suffiċjenti l-prova, prodotta mill-impriża inkwistjoni, li dan l-aġir ma pproduċiex effetti restrittivi konkreti. Din il-prova tista’ tikkostitwixxi indizju tal-inkapaċità tal-aġir inkwistjoni li jipproduċi effetti antikompetittivi, li, madankollu, għandu jiġi kkompletat bi provi oħra intiżi sabiex din l-inkapaċità tiġi stabbilita.

3)

L-Artikolu 102 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-eżistenza ta’ prattika ta’ esklużjoni abbużiva minn impriża f’pożizzjoni dominanti għandha tiġi evalwata abbażi tal-kapaċità ta’ din il-prattika li tipproduċi effetti antikompetittivi. Awtorità tal-kompetizzjoni ma hijiex obbligata tistabbilixxi l-intenzjoni tal-impriża inkwistjoni li teskludi lill-kompetituri tagħha b’mezzi jew billi tuża riżorsi oħra li ma humiex dawk li jirregolaw il-kompetizzjoni fuq il-mertu. Madankollu, il-prova ta’ tali intenzjoni tikkostitwixxi ċirkustanza fattwali li tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tad-determinazzjoni ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti.

4)

L-Artikolu 102 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li prattika li tkun legali barra mid-dritt tal-kompetizzjoni tista’, meta tiġi implimentata minn impriża f’pożizzjoni dominanti, tiġi kklassifikata bħala “abbużiva”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, jekk din tkun tista’ tipproduċi effett ta’ esklużjoni u jekk tkun ibbażata fuq l-użu ta’ mezzi li ma humiex dawk li jaqgħu taħt il-kompetizzjoni fuq il-mertu. Meta dawn iż-żewġ kundizzjonijiet jiġu ssodisfatti, l-impriża f’pożizzjoni dominanti kkonċernata tista’ madankollu tevita l-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 102 TFUE billi tistabbilixxi li l-prattika inkwistjoni kienet jew oġġettivament iġġustifikata u proporzjonata għal din il-ġustifikazzjoni, jew ibbilanċjata, jew anki maqbuża, permezz ta’ vantaġġi f’termini ta’ effikaċja li minnhom jibbenefikaw ukoll il-konsumaturi.

5)

L-Artikolu 102 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta pożizzjoni dominanti tiġi użata b’mod abbużiv minn sussidjarja waħda jew iktar li tappartjeni lil unità ekonomika, l-eżistenza ta’ din l-unità hija suffiċjenti sabiex jitqies li l-kumpannija omm hija wkoll responsabbli għal dan l-abbuż. L-eżistenza ta’ tali unità għandha tiġi preżunta jekk, meta seħħew il-fatti, mill-inqas kważi l-kapital kollu ta’ dawn is-sussidjarji kien miżmum, direttament jew indirettament, mill-kumpannija omm. L-awtorità tal-kompetizzjoni ma hijiex obbligata tipproduċi kwalunkwe prova addizzjonali, sakemm il-kumpannija omm tistabbilixxi li ma kellhiex is-setgħa li tiddefinixxi l-aġir tas-sussidjarji tagħha, peress li dawn jaġixxu b’mod awtonomu.


(1)  ĠU C 348, 19.10.2020.