10.5.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 191/4


Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-15 ta’ Marzu 2022 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Cour d’appel de Paris – Franza) – A vs Autorité des marchés financiers (AMF)

(Kawża C-302/20) (1)

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Suq uniku għas-servizzi finanzjarji - Abbuż tas-suq - Direttivi 2003/6/KE u 2003/124/KE - “Informazzjoni minn ġewwa” - Kunċett - Informazzjoni “ta’ natura preċiża” - Informazzjoni dwar il-pubblikazzjoni imminenti ta’ artiklu fl-istampa li jmexxi xniegħa dwar is-suq li tikkonċerna emittent ta’ strumenti finanzjarji - Natura illegali tal-iżvelar ta’ informazzjoni minn ġewwa - Eċċezzjonijiet - Regolament (UE) Nru 596/2014 - Artikolu 10 - Żvelar ta’ informazzjoni minn ġewwa fil-kuntest normali tal-eżerċizzju ta’ professjoni - Artikolu 21 - Żvelar ta’ informazzjoni minn ġewwa għall-fini ta’ ġurnaliżmu - Libertà tal-istampa u libertà ta’ espressjoni - Żvelar minn ġurnalist lil sors abitwali ta’ informazzjoni dwar il-pubblikazzjoni imminenti ta’ artiklu fl-istampa)

(2022/C 191/04)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Qorti tar-rinviju

Cour d’appel de Paris

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: A

Konvenut: Autorité des marchés financiers (AMF)

Dispożittiv

1)

Il-punt 1 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2003/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2003 dwar insider dealing u manipulazzjoni tas-suq (abbuż tas-suq) għandu jiġi interpretat fis-sens li, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni bħala informazzjoni minn ġewwa, tista’ tikkostitwixxi informazzjoni “ta’ natura preċiża”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni u tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva tal-Kummissjoni 2003/124/KE tat-22 ta’ Diċembru 2003 li timplimenta d-Direttiva 2003/6 rigward id-definizzjoni u l-iżvelar pubbliku tat-tagħrif minn ġewwa u d-definizzjoni tal-manipulazzjoni tas-swieq, informazzjoni dwar il-pubblikazzjoni imminenti ta’ artiklu fl-istampa li jmexxi xniegħa dwar is-suq li tikkonċerna emittent ta’ strumenti finanzjarji u li huma rilevanti, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-imsemmija natura preċiża, kemm-il darba jkunu ġew ikkomunikati qabel din il-pubblikazzjoni, il-fatt li dan l-artiklu fl-istampa kien ser jindika l-prezz li bih kellhom jinxtraw it-titoli ta’ dan l-emittent fil-kuntest ta’ eventwali offerta pubblika ta’ xiri kif ukoll l-identità tal-ġurnalist li ffirma l-imsemmi artiklu u tal-korp tal-istampa li żgura l-pubblikazzjoni tiegħu. Fir-rigward tal-influwenza effettiva ta’ din il-pubblikazzjoni fuq il-prezz tat-titoli kkonċernati minn din il-pubblikazzjoni, għalkemm tista’ tikkostitwixxi prova ex post tan-natura preċiża tal-imsemmija informazzjoni, waħedha hija ma tistax tkun biżżejjed, fl-assenza ta’ eżami ta’ elementi oħra magħrufa jew żvelati qabel l-imsemmija pubblikazzjoni, sabiex tiġi stabbilita tali natura preċiża.

2)

L-Artikolu 21 tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 dwar l-abbuż tas-suq (Regolament dwar l-abbuż tas-suq) u li jħassar id-Direttiva 2003/6 u d-Direttivi tal-Kummissjoni 2003/124/KE, 2003/125/KE u 2004/72/KE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-iżvelar minn ġurnalist, lil wieħed mis-sorsi ta’ informazzjoni abitwali tiegħu, ta’ informazzjoni dwar il-pubblikazzjoni imminenti ta’ artiklu fl-istampa ffirmat minnu li jmexxi xniegħa dwar is-suq huwa żvelar imwettaq “għall-fini ta’ ġurnaliżmu”, fis-sens ta’ dan l-artikolu, meta dan l-iżvelar ikun neċessarju sabiex tkun tista’ titwettaq sew attività ġurnalistika, li tinkludi l-ħidma ta’ investigazzjoni preparatorja għall-pubblikazzjonijiet.

3)

L-Artikoli 10 u 21 tar-Regolament Nru 596/2014 għandhom jiġu interpretati fis-sens li żvelar ta’ informazzjoni minn ġewwa minn ġurnalist ikun legali meta jkollu jitqies li huwa neċessarju għall-eżerċizzju tal-professjoni tiegħu u bħala li josserva l-prinċipju ta’ proporzjonalità.


(1)  ĠU C 313, 21.9.2020.