19.4.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 165/6


Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tal-24 ta’ Frar 2022 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Varhoven administrativen sad – il-Bulgarija) – “Viva Telecom Bulgaria” EOOD vs Direktor na Direktsia “Obzhalvane i danachno-osiguritelna praktika” – Sofia

(Kawża C-257/20) (1)

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Tassazzjoni - Taxxa f’ras il-għajn fuq l-interessi fittizji relatati ma’ self mingħajr interessi mogħti lil sussidjarja residenti minn kumpannija omm mhux residenti - Direttiva 2003/49/KE - Pagamenti ta’ interessi bejn kumpanniji relatati ta’ Stati Membri differenti - Artikolu 1(1) - Eżenzjoni mit-taxxa f’ras il-għajn - Artikolu 4(1)(d) - Esklużjoni ta’ ċerti pagamenti - Direttiva 2011/96/UE - Taxxa fuq il-kumpanniji - Artikolu 1(1)(b) - Tqassim ta’ profitti minn sussidjarja residenti lill-kumpannija omm mhux residenti tagħha - Artikolu 5 - Eżenzjoni mit-taxxa f’ras il-għajn - Direttiva 2008/7/KE - Ġbir tal-kapital - Artikolu 3 - Kontributi ta’ kapital - Artikolu 5(1)(a) - Eżenzjoni mit-taxxa indiretta - Artikoli 63 u 65 TFUE - Moviment liberu tal-kapital - Intaxxar tal-ammont gross tal-interessi fittizji - Proċedura ta’ rkupru bil-għan tat-tnaqqis tal-ispejjeż marbuta mal-għoti tas-self u ta’ rimbors eventwali - Differenza fit-trattament - Ġustifikazzjoni - Tqassim ibbilanċjat tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri - Effikaċja tal-irkupru tat-taxxa - Ġlieda kontra l-evitar tat-taxxa)

(2022/C 165/06)

Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru

Qorti tar-rinviju

Varhoven administrativen sad

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent:“Viva Telecom Bulgaria” EOOD

Konvenut: Direktor na Direktsia “Obzhalvane i danachno-osiguritelna praktika” – Sofia

fil-preżenza ta’: Varhovna administrativna prokuratura na Republika Bulgaria

Dispożittiv

1)

L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/49 tat-3 ta’ Ġunju 2003 dwar sistema komuni ta’ tassazzjoni applikabbli għall-pagamenti ta’ imgħax u ta’ royalties bejn kumpaniji assoċjati ta’ Stati Membri differenti, moqri flimkien mal-Artikolu 4(1)(d) ta’ din id-direttiva, mal-Artikolu 5 tad-Direttiva tal-Kunsill 2011/96 tat-30 ta’ Novembru 2011 dwar is-sistema komuni tat-tassazzjoni li tapplika fil-każ tal-kumpanniji prinċipali u sussidjarji ta’ Stati Membri differenti, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2015/121 tas-27 ta’ Jannar 2015, kif ukoll mal-Artikoli 3 u 5 tad-Direttiva tal-Kunsill 2008/7 tat-12 ta’ Frar 2008 dwar it-taxxi indiretti fuq il-ġbir tal-kapital għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi t-tassazzjoni fil-forma ta’ taxxa f’ras il-għajn fuq l-interessi fittizji li sussidjarja residenti li tkun ibbenefikat minn self mingħajr interessi mogħti mill-kumpannija omm mhux residenti tagħha, kellha tħallas, skont il-kundizzjonijiet tas-suq, lil din tal-aħħar.

2)

L-Artikolu 63 TFUE, moqri fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi t-tassazzjoni fil-forma ta’ taxxa f’ras il-għajn fuq l-interessi fittizji li sussidjarja residenti li tkun ibbenefikat minn self mingħajr interessi mogħti mill-kumpannija omm mhux residenti tagħha kien ikollha tħallas, skont il-kundizzjonijiet tas-suq, lil din tal-aħħar, meta din it-taxxa f’ras il-għajn tapplika għall-ammont gross ta’ dawn l-interessi, mingħajr possibbiltà ta’ tnaqqis, f’dan l-istadju, tal-ispejjeż marbuta ma’ dan is-self, peress li tressiq ulterjuri ta’ talba huwa neċessarju għall-kalkolu mill-ġdid tal-imsemmija taxxa u ta’ eventwali rimbors, sakemm, minn naħa, it-tul tal-proċedura previst għal dan il-għan minn din il-leġiżlazzjoni ma jkunx eċċessiv u, min-naħa l-oħra, ikunu dovuti interessi fuq l-ammonti rimborsati.


(1)  ĠU C 279, 24.8.2020.