21.2.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 84/13


Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-21 ta’ Diċembru 2021 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Cour de cassation – Franza) – Gtflix Tv vs DR

(Kawża C-251/20) (1)

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili - Ġurisdizzjoni u eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali - Regolament (UE) Nru 1215/2012 - Punt 2 tal-Artikolu 7 - Ġurisdizzjoni speċjali f’materji ta’ delitt jew kważi delitt - Pubblikazzjoni fuq l-internet ta’ dikjarazzjonijiet allegatament dispreġattivi fir-rigward ta’ persuna - Post fejn seħħ id-dannu - Qrati ta’ kull Stat Membru li fit-territorju tagħhom kontenut imqiegħed online huwa jew kien aċċessibbli)

(2022/C 84/14)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Qorti tar-rinviju

Cour de cassation

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Gtflix Tv

Konvenut: DR

Dispożittiv

Il-punt 2 tal-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li persuna li, billi tqis li jkun twettaq ksur tad-drittijiet tagħha permezz tat-tixrid ta’ dikjarazzjonijiet dispreġattivi fil-konfront tagħha fuq l-internet, taġixxi fl-istess ħin għall-finijiet, minn naħa, tar-rettifika tal-informazzjoni u tat-tneħħija tal-kontenut imqiegħed online dwarha, u, min-naħa l-oħra, għall-kumpens għad-dannu li rriżulta minn dan it-tqegħid online tista’ titlob, quddiem il-qrati ta’ kull Stat Membru li fit-territorju tiegħu dawn id-dikjarazzjonijiet kienu aċċessibbli, il-kumpens għad-dannu allegatament ikkawżat lilha fl-Istat Membru tal-qorti adita, għalkemm dawn il-qrati ma jkollhomx il-ġurisdizzjoni sabiex jieħdu konjizzjoni tat-talba għal rettifika u għal tneħħija.


(1)  ĠU C 297, 7.9.2020.