21.2.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 84/12


Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tal-21 ta’ Diċembru 2021 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Protodikeio Athinon – il-Greċja) – DP, SG vs Trapeza Peiraios AE

(Kawża C-243/20) (1)

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Protezzjoni tal-konsumaturi - Direttiva 93/13/KEE - Klawżoli inġusti - Artikolu 1(2) - Klawżoli kuntrattwali li jirriflettu dispożizzjonijiet leġiżlattivi jew regolatorji imperattivi - Esklużjonijiet mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva - Self rimborsabbli f’munita barranija - Klawżola li tirrifletti dispożizzjoni nazzjonali ta’ natura supplimentari - Effett tan-nuqqas ta’ traspożizzjoni ta’ dan l-Artikolu 1(2) - Artikolu 3(1) u Artikolu 4(1) - Stħarriġ tan-natura inġusta ta’ klawżola - Artikolu 8 - Adozzjoni jew żamma ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li jiżguraw livell ta’ protezzjoni ogħla għall-konsumatur - Interazzjoni bejn dawn id-diversi dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/13)

(2022/C 84/13)

Lingwa tal-kawża: il-Grieg

Qorti tar-rinviju

Protodikeio Athinon

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: DP, SG

Konvenut: Trapeza Peiraios AE

Dispożittiv

1)

L-Artikolu 1(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13 KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur għandu jiġi interpretat fis-sens li jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva klawżola inkluża f’kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur li tirrifletti dispożizzjoni leġiżlattiva jew regolatorja nazzjonali ta’ natura supplimentari, jiġifieri li tapplika awtomatikament fl-assenza ta’ arranġament differenti bejn il-partijiet, anki jekk l-imsemmija klawżola ma kinitx is-suġġett ta’ negozjati individwali.

2)

L-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-klawżoli li huma msemmija f’dan l-Artikolu 1(2) huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, anki jekk l-imsemmija dispożizzjoni ma ġietx trasposta b’mod formali fl-ordinament ġuridiku ta’ Stat Membru, u, f’każ bħal dan, il-qrati ta’ dan l-Istat Membru ma jistgħux iqisu li l-imsemmi Artikolu 1(2) ġie inkorporat b’mod indirett fid-dritt nazzjonali, permezz tat-traspożizzjoni tal-Artikolu 3(1) u tal-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva.

3)

L-Artikolu 8 tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix l-adozzjoni jew iż-żamma ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li għandhom l-effett li japplikaw is-sistema ta’ protezzjoni tal-konsumaturi prevista minn din id-direttiva għal klawżoli li huma msemmija fl-Artikolu 1(2) tagħha.


(1)  ĠU C 271, 17.8.2020.