|
21.2.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 84/8 |
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-21 ta’ Diċembru 2021 (talba għal deċiżjoni preliminari ta’ Hanseatisches Oberlandesgericht Hamburg – il-Ġermanja) – Bank Melli Iran vs Telekom Deutschland GmbH
(Kawża C-124/20) (1)
(Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Politika kummerċjali - Regolament (KE) Nru 2271/96 - Protezzjoni mill-effetti tal-applikazzjoni ekstraterritorjali ta’ leġiżlazzjoni adottata minn pajjiż terzi - Miżuri restrittivi meħuda mill-Istati Uniti tal-Amerika kontra l-Iran - Sanzjonijiet sekondarji adottati minn dan il-pajjiż terz, li jipprekludu lil persuni milli jkollhom, barra mit-territorju tiegħu, relazzjonijiet kummerċjali ma’ ċerti impriżi Iranjani - Projbizzjoni tal-osservanza ta’ din il leġiżlazzjoni - Eżerċizzju ta’ dritt ta’ xoljiment ordinarju)
(2022/C 84/09)
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Qorti tar-rinviju
Hanseatisches Oberlandesgericht Hamburg
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrent: Bank Melli Iran
Konvenut: Telekom Deutschland GmbH
Dispożittiv
|
1) |
L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2271/96 tat-22 ta’ Novembru 1996 li jipproteġi kontra l-effetti ta’ l-applikazzjoni estraterritorjali tal-leġislazzjoni adottata minn pajjiż terz, u l-azzjonijiet ibbażati fuqha jew li jirriżultaw minnha, kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 37/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Jannar 2014, kif ukoll bir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/1100 tas-6 ta’ Ġunju 2018, li jemenda l-Anness tar-Regolament Nru 2271/96, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprojbixxi lill-persuni msemmija fl-Artikolu 11 ta’ dan ir-Regolament Nru 2271/96, kif emendat, milli jikkonformaw ruħhom mar-rekwiżiti jew mal-projbizzjonijiet previsti mil-liġijiet iċċitati fl-Anness ta’ dan ir-Regolament, anki fl-assenza ta’ istruzzjoni tal-awtoritajiet amministrattivi jew ġudizzjarji tal-pajjiżi terzi li adottaw dawn il liġijiet u li hija intiża sabiex tiżgura l-osservanza tagħhom. |
|
2) |
L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 2271/96, kif emendat bir-Regolament Nru 37/2014 kif ukoll mir-Regolament Delegat 2018/1100, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li persuna msemmija fl-Artikolu 11 ta’ dan ir-regolament, kif emendat, li ma għandhiex awtorizzazzjoni, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament, kif emendat, tkun tista’ xxolji l-kuntratti konklużi ma’ persuna li tinsab fil-“lista ta’ ċittadini nazzjonali espressament identifikati u tal-persuni li l-assi tagħhom huma imblukkati” (Specially Designated Nationals and Blocked Persons List), mingħajr ma takkumpanja tali xoljiment b’motivazzjoni. Madankollu, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 5 tal-istess regolament, kif emendat, jeżiġi li, fil-kuntest ta’ proċedura ċivili li tirrigwarda l-allegat ksur tal-projbizzjoni stabbilita f’din id-dispożizzjoni, meta l-provi kollha li jkollha l-qorti nazzjonali jkollhom it-tendenza li jindikaw prima facie li persuna msemmija fl-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 2271/96, kif emendat, ikkonformat ruħha, mingħajr ma għandha awtorizzazzjoni f’dan ir-rigward, mal-liġijiet iċċitati fl-Anness ta’ dan ir-Regolament, kif emendat, hija din l-istess persuna li għandha tistabbilixxi kif meħtieġ mil-liġi li l-aġir tagħha ma kienx immirat sabiex tikkonforma ruħha mal-imsemmija liġijiet. |
|
3) |
Ir-Regolament Nru 2271/96, kif emendat bir-Regolament Nru 37/2014 kif ukoll mir-Regolament Delegat 2018/1100, b’mod partikolari l-Artikoli 5 u 9 tiegħu, moqri fid-dawl tal-Artikolu 16 u tal-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li xoljiment ta’ kuntratti mwettaq minn persuna msemmija fl-Artikolu 11 ta’ dan ir-regolament, kif emendat, sabiex tikkonforma ruħha mar-rekwiżiti jew mal-projbizzjonijiet ibbażati fuq il-liġijiet iċċitati fl-Anness ta’ dan ir-Regolament, kif emendat, minkejja li ma jkollhiex awtorizzazzjoni, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 5 tal-istess regolament, kif emendat, jiġi annullat, sakemm tali annullament ma jwassalx għal effetti sproporzjonati għal din il-persuna fir-rigward tal-għanijiet tar-Regolament Nru 2271/96, kif emendat, li jikkonsistu fil-protezzjoni tal-ordinament ġuridiku stabbilit kif ukoll l-interessi tal-Unjoni Ewropea b’mod ġenerali. Għandu jiġi bbilanċjat, f’dan l-eżami ta’ proporzjonalità, l-insegwiment ta’ dawn l-għanijiet, miksub bl-annullament ta’ xoljiment kuntrattwali li jikser il-projbizzjoni prevista fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament, kif emendat, mal-probabbiltà li l-persuna kkonċernata tkun esposta għal telf ekonomiku kif ukoll il-firxa tiegħu fil-każ li din il-persuna ma tkunx tista’ ttemm ir-relazzjonijiet kummerċjali tagħha ma’ persuna li tinsab fil-lista tal-persuni kkonċernati mis-sanzjonijiet sekondarji inkwistjoni li jirriżultaw mil-liġijiet iċċitati fl-Anness ta’ dan ir-Regolament, kif emendat. |