30.5.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 213/2


Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tas-7 ta’ April 2022 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Curtea de Apel Timişoara – ir-Rumanija) – SC Avio Lucos SRL vs Agenţia de Plăţi şi Intervenţie pentru Agricultură – Centrul judeţean Dolj, Agenţia de Plăţi şi Intervenţie pentru Agricultură (APIA) – Aparat Central

(Kawża C-116/20) (1)

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Agrikoltura - Politika agrikola komuni - Skemi ta’ appoġġ dirett - Regoli komuni - Skema ta’ pagament uniku skont id-daqs tas-superfiċji - Regolament (KE) Nru 73/2009 - Artikolu 2(c) - Kunċett ta’ “attività agrikola” - Artikolu 35 - Regolament (KE) Nru 1122/2009 - Leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi li jiġi pprovdut titolu legali li jistabbilixxi d-dritt li tintuża l-biċċa raba’ mqiegħda għad-dispożizzjoni tal-bidwi fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ konċessjoni u li tissuġġetta l-validità ta’ tali kuntratt għall-kwalità tal-konċessjonarju futur bħala persuna li trabbi l-annimali jew bħala proprjetarju ta’ annimali - Konċessjonarju ta’ mergħa li jkun ikkonkluda kuntratt ta’ kollaborazzjoni ma’ persuni li jrabbu l-annimali - Awtorità ta’ res judicata)

(2022/C 213/02)

Lingwa tal-kawża: ir-Rumen

Qorti tar-rinviju

Curtea de Apel Timişoara

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: SC Avio Lucos SRL

Konvenuti: Agenţia de Plăţi şi Intervenţie pentru Agricultură – Centrul judeţean Dolj, Agenţia de Plăţi şi Intervenţie pentru Agricultură (APIA) – Aparat Central

Dispożittiv

1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 tad-19 ta’ Jannar 2009 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta’ appoġġ dirett għal bdiewa fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għal bdiewa, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1290/2005, (KE) Nru 247/2006, (KE) Nru 378/2007 u li jirrevoka ir-Regolament (KE) Nru 1782/2003, kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 1310/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013, u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1122/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 fir-rigward tal-kundizzjonalità, il-modulazzjoni u s-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll, skont l-iskemi ta’ appoġġ għall-bdiewa previsti għal dak ir-Regolament, kif ukoll għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tal-kundizzjonalità skont l-iskema ta’ appoġġ prevista għas-settur tal-inbid, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-kisba ta’ għajnuna taħt l-iskema ta’ pagament uniku skont id-daqs tas-superfiċji għall-obbligu tal-applikant li jipprova li huwa għandu “dritt ta’ użu” tas-superfiċji agrikola li hija s-suġġett ta’ din it-talba, sakemm jiġu osservati l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni kkonċernata tal-Unjoni u l-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-prinċipju tal-proporzjonalità.

2)

Ir-Regolament Nru 73/2009, kif emendat bir-Regolament Nru 1310/2013, u r-Regolament Nru 1122/2009 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux, fil-każ partikolari li fih id-dritt li tiġi użata superfiċi agrikola jkun ġie ġġustifikat mill-benefiċjarju ta’ għajnuna taħt l-iskema ta’ pagament uniku skont id-daqs tas-superfiċji permezz tal-preżentazzjoni ta’ kuntratt ta’ konċessjoni ta’ mergħa li taqa’ fl-isfera pubblika ta’ entità amministrattiva territorjali, leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-validità ta’ tali kuntratt għall-kwalità tal-konċessjonarju futur bħala persuna li trabbi l-annimali jew bħala proprjetarju ta’ annimali.

3)

L-Artikolu 2(c) tar-Regolament Nru 73/2009, kif emendat bir-Regolament Nru 1310/2013, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “attività agrikola” jkopri attività li permezz tagħha persuna tieħu b’konċessjoni mergħa u tikkonkludi sussegwentement kuntratt ta’ kollaborazzjoni ma’ persuni li jrabbu l-annimali, li permezz tiegħu dawn tal-aħħar jirgħu l-annimali fuq l-art mogħtija b’konċessjoni, fejn il-konċessjonarju jżomm id-dritt ta’ użu tal-art, iżda jobbliga ruħu li ma jillimitax l-attività tar-rigħi u jkun responsabbli għax-xogħlijiet ta’ manutenzjoni tal-mergħa, sakemm dawn ix-xogħlijiet jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti mir-regola fakultattiva msemmija fl-Anness III ta’ dan ir-regolament.

4)

Id-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-applikazzjoni, fl-ordinament ġuridiku ta’ Stat Membru, tal-prinċipju ta’ awtorità ta’ res judicata li, fil-kuntest ta’ tilwima bejn l-istess partijiet dwar il-legalità ta’ att ta’ rkupru ta’ somom imħallsa lill-applikant għal għajnuna abbażi ta’ skema ta’ pagament uniku skont id-daqs tas-superfiċji, ixekkel eżami, mill-qorti adita, tal-konformità mad-dritt tal-Unjoni ta’ rekwiżiti nazzjonali relatati mal-legalità tat-titolu ta’ użu tas-superfiċji agrikola li kienet is-suġġett tat-talba għal għajnuna, għar-raġuni li dan l-att ta’ rkupru huwa bbażat fuq l-istess fatti bejn l-istess partijiet u fuq l-istess leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dawk li ġew analizzati f’deċiżjoni ġudizzjarja preċedenti li saret definittiva.


(1)  ĠU C 279, 24.8.2020.