|
13.12.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 502/7 |
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tal-14 ta’ Ottubru 2021 (talbiet għal deċiżjoni preliminari tal-Bundesfinanzhof – il-Ġermanja) – E vs Finanzamt N (C-45/20) u Z vs Finanzamt G (C-46/20)
(Kawżi Magħquda C-45/20 u C-46/20) (1)
(Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) - Direttiva 2006/112/KE - Artikolu 167, Artikolu 168(a), Artikolu 250 u Artikolu 252 - Tnaqqis tat-taxxa tal-input imħallsa - Proprjetà immobbli - Kamra bħala uffiċċju - Installazzjoni fotovoltajka - Deċiżjoni ta’ assenjazzjoni li tagħti dritt għal tnaqqis - Komunikazzjoni tad-deċiżjoni ta’ assenjazzjoni - Terminu ta’ dekadenza għall-eżerċizzju ta’ dritt għal tnaqqis - Preżunzjoni ta’ assenjazzjoni għall-patrimonju privat tal-persuna taxxabbli fl-assenza ta’ komunikazzjoni tad-deċiżjoni ta’ assenjazzjoni - Prinċipju ta’ newtralità - Prinċipju ta’ ċertezza legali - Prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ proporzjonalità)
(2021/C 502/10)
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Qorti tar-rinviju
Bundesfinanzhof
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: E (C-45/20), Z (C-46/20)
Konvenuti: Finanzamt N (C-45/20), Finanzamt G (C-46/20)
Dispożittiv
L-Artikolu 168(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2009/162/UE tat-22 ta’ Diċembru 2009, moqri flimkien mal-Artikolu 167 ta’ din id-direttiva, kif emendata, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix dispożizzjonijiet nazzjonali interpretati minn qorti nazzjonali b’tali mod li meta persuna taxxabbli jkollha d-dritt li tiddeċiedi li tassenja beni għall-patrimonju tal-impriża tagħha u li, mhux iktar tard mill-iskadenza tat-terminu legali għall-preżentata tad-dikjarazzjoni annwali tat-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ, l-amministrazzjoni fiskali nazzjonali kompetenti ma kinitx f’pożizzjoni li tikkonstata tali assenjazzjoni ta’ dan il-beni permezz ta’ deċiżjoni espressa jew ta’ indizji suffiċjenti, hija tista’ tirrifjuta d-dritt għal tnaqqis tat-taxxa fuq il-valur miżjud dwar l-imsemmi beni billi tqis li dan ġie assenjat għall-patrimonju privat tal-persuna taxxabbli, sakemm il-modalitajiet ġuridiċi konkreti skont liema din il-possibbiltà tista’ tiġi implimentata ma jurux li din ma hijiex konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità.