15.11.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 462/15


Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tad-9 ta’ Settembru 2021 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Landgericht Ravensburg – il-Ġermanja) – UK vs Volkswagen Bank GmbH (C-33/20), RT, SV, BC vs Volkswagen Bank GmbH, Skoda Bank, fergħa ta’ Volkswagen Bank GmbH (C-155/20), JL, DT vs BMW Bank GmbH, Volkswagen Bank GmbH (C-187/20)

(Kawżi Magħquda C-33/20, C-155/20 u C-187/20) (1)

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Protezzjoni tal-konsumaturi - Direttiva 2008/48/KE - Kreditu għall-konsumatur - Artikolu 10(2) - Informazzjoni li għandha tidher b’mod obbligatorju fil-kuntratt - Obbligu li tingħata informazzjoni dwar it-tip ta’ kreditu, it-tul tal-kuntratt ta’ kreditu, ir-rata tal-interessi moratorji u l-mekkaniżmu għall-aġġustament tar-rata tal-interessi moratorji applikabbli fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt ta’ kreditu - Bidla fir-rata tal-interessi moratorji li tiddependi mill-bidla fir-rata tal-interessi bażika ddeterminata mill-bank ċentrali ta’ Stat Membru - Kumpens dovut fil-każ ta’ rimbors antiċipat tas-self - Obbligu li jiġi speċifikat il-metodu tal-kalkolu tal-bidla fir-rata tal-interessi moratorji u tal-kumpens - Nuqqas ta’ obbligu li tingħata informazzjoni dwar il-possibbiltajiet ta’ xoljiment tal-kuntratt ta’ kreditu li huma previsti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali iżda li ma humiex previsti fid-Direttiva 2008/48 - Artikolu 14(1) - Dritt ta’ rtirar eżerċitat mill-konsumatur fuq il-bażi tan-nuqqas li tingħata informazzjoni obbligatorja taħt l-Artikolu 10(2) - Eżerċizzju wara t-terminu - Projbizzjoni, għall-kreditur, li jqajjem eċċezzjoni ta’ dekadenza jew ta’ abbuż ta’ dritt)

(2021/C 462/14)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Landgericht Ravensburg

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: UK (C-33/20), RT, SV, BC (C-155/20), JL, DT (C-187/20)

Konvenuti: Volkswagen Bank GmbH (C-33/20), Volkswagen Bank GmbH, Skoda Bank, fergħa ta’ Volkswagen Bank GmbH (C-155/20), BMW Bank GmbH, Volkswagen Bank GmbH (C-187/20)

Dispożittiv

1)

L-Artikolu 10(2)(a), (ċ) u (e) tad-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2008 dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta dan ikun il-każ, il-kuntratt ta’ kreditu għandu jindika b’mod ċar u konċiż li huwa “kuntratt ta’ kreditu konness”, fis-sens tal-Artikolu 3(n) ta’ din id-direttiva, u li dan il-kuntratt huwa konkluż għal żmien determinat.

2)

L-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2008/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jeżiġix li “kuntratt ta’ kreditu konness”, fis-sens tal-Artikolu 3(n) ta’ din id-direttiva, li jservi esklużivament għall-finanzjament ta’ kuntratt dwar il-provvista ta’ prodott u li jipprevedi li l-ammont tal-kreditu jitħallas lill-bejjiegħ ta’ dan il-prodott, għandu jindika li l-konsumatur huwa meħlus mill-obbligu tiegħu li jħallas il-prezz tal-bejgħ sal-livell tal-ammont imħallas u li l-bejjiegħ, kemm-il darba l-prezz tal-bejgħ ikun tħallas kompletament, għandu jikkunsinnalu l-prodott mixtri.

3)

L-Artikolu 10(2)(l) tad-Direttiva 2008/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kuntratt ta’ kreditu għandu jindika, fil-forma ta’ perċentwali konkreta, ir-rata tal-interessi moratorji applikabbli fil-mument tal-konklużjoni ta’ dan il-kuntratt u għandu jiddeskrivi b’mod konkret il-mekkaniżmu għall-aġġustament tar-rata tal-interessi moratorji. Fil-każ li l-partijiet fil-kuntratt ta’ kreditu inkwistjoni jkunu ftiehmu li r-rata tal-interessi moratorji għandha tinbidel skont il-bidla fir-rata tal-interessi bażika ddeterminata mill-bank ċentrali ta’ Stat Membru u ppubblikata f’ġurnal uffiċjali li jkun jista’ jiġi kkonsultat b’mod faċli, riferiment, magħmul f’dan il-kuntratt, għall-imsemmija rata tal-interessi bażika huwa suffiċjenti, bil-kundizzjoni li l-metodu tal-kalkolu tar-rata tal-interessi moratorji skont ir-rata tal-interessi bażika jkun ippreżentat fl-imsemmi kuntratt. F’dan ir-rigward, għandhom jiġu osservati żewġ kundizzjonijiet. Fl-ewwel lok, il-preżentazzjoni ta’ dan il-metodu ta’ kalkolu għandha tkun tista’ tinftiehem faċilment minn konsumatur medju li ma jkollux għarfien speċjalizzat fil-qasam finanzjarju u għandha tippermettilu jikkalkola r-rata tal-interessi moratorji fuq il-bażi tal-informazzjoni mogħtija fl-istess kuntratt. Fit-tieni lok, il-frekwenza tal-bidla fl-imsemmija rata tal-interessi bażika, li hija ddeterminata mid-dispożizzjonijiet nazzjonali, għandha tiġi ppreżentata wkoll fil-kuntratt ta’ kreditu inkwistjoni.

4)

L-Artikolu 10(2)(r) tad-Direttiva 2008/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kuntratt ta’ kreditu għandu, fir-rigward tal-kalkolu tal-kumpens dovut fil-każ ta’ rimbors antiċipat tas-self, jindika l-metodu tal-kalkolu ta’ dan il-kumpens b’mod konkret u b’mod li jinftiehem faċilment minn konsumatur medju, b’tali mod li dan tal-aħħar ikun jista’ jiddetermina l-ammont tal-kumpens dovut fil-każ ta’ rimbors antiċipat fuq il-bażi tal-informazzjoni mogħtija f’dan il-kuntratt.

5)

L-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2008/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jeżiġix li l-kuntratt ta’ kreditu jindika s-sitwazzjonijiet kollha li fihom dritt ta’ xoljiment huwa rrikonoxxut lill-partijiet fil-kuntratt ta’ kreditu mil-leġiżlazzjoni nazzjonali biss, u mhux minn din id-direttiva.

6)

L-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2008/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li l-kreditur iqajjem eċċezzjoni bbażata fuq id-dekadenza ta’ dritt meta l-konsumatur jeżerċita d-dritt ta’ rtirar tiegħu konformement ma’ din id-dispożizzjoni, fil-każ li waħda mill-indikazzjonijiet obbligatorji previsti fl-Artikolu 10(2) ta’ din id-direttiva ma kinitx tinsab fil-kuntratt ta’ kreditu u lanqas ma ġiet debitament ikkomunikata iktar tard, u dan irrispettivament minn jekk dan il-konsumatur kienx jaf bl-eżistenza tad-dritt ta’ rtirar tiegħu mingħajr ma jkun responsabbli għall-fatt li ma kienx jaf bih.

7)

Id-Direttiva 2008/48 għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi li l-kreditur ikun jista’ jqis b’mod validu li l-konsumatur abbuża mid-dritt ta’ rtirar tiegħu, previst fl-Artikolu 14(1) ta’ din id-direttiva, f’sitwazzjoni fejn waħda mill-indikazzjonijiet obbligatorji previsti fl-Artikolu 10(2) tal-imsemmija direttiva ma kinitx tinsab fil-kuntratt ta’ kreditu u lanqas ma ġiet debitament ikkomunikata iktar tard, u dan irrispettivament minn jekk dan il-konsumatur kienx jaf bl-eżistenza tad-dritt ta’ rtirar tiegħu.

8)

L-Artikolu 10(2)(t) tad-Direttiva 2008/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kuntratt ta’ kreditu għandu jindika l-informazzjoni essenzjali dwar il-proċeduri extraġudizzjarji kollha ta’ lment jew ta’ rimedju li jkunu disponibbli għall-konsumatur u, jekk ikun il-każ, l-ispejjeż marbuta ma’ kull waħda minnhom, il-fatt li l-ilment jew ir-rimedju għandhom jiġu ppreżentati permezz ta’ ittra jew b’mezz elettroniku, l-indirizz fiżiku jew elettroniku fejn għandhom jiġu indirizzati dan l-ilment jew dan ir-rimedju u l-kundizzjonijiet formali l-oħra li għalihom huma suġġetti dan l-ilment jew dan ir-rikors. Fir-rigward ta’ din l-informazzjoni, sempliċi riferiment, magħmul fil-kuntratt ta’ kreditu, għal regoli proċedurali li jistgħu jiġu kkonsultati fuq l-internet jew għal att jew dokument ieħor dwar il-modalitajiet tal-proċeduri extraġudizzjarji ta’ lment u ta’ rimedju ma huwiex suffiċjenti.


(1)  ĠU C 161, 11.5.2020.

ĠU C 230, 13.7.2020.

ĠU C 255, 3.8.2020.