|
2.8.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 310/6 |
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tas-17 ta’ Ġunju 2021 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Klagenævnet for Udbud – id-Danimarka) – Simonsen & Weel A/S vs Region Nordjylland og Region Syddanmark
(Kawża C-23/20) (1)
(Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Kuntratti pubbliċi - Ftehim qafas - Direttiva 2014/24/UE - Artikolu 5(5) - Artikolu 18(1) - Artikoli 33 u 49 - Il-punti 7, 8 u 10 tal-Parti C tal-Anness V - Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1986 - It-Taqsimiet II.1.5 u II.2.6 tal-Anness II - Proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti - Obbligu li jiġi indikat, fl-avviż ta’ kuntratt jew fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, minn naħa, il-kwantità stmata jew il-valur stmat u, min-naħa l-oħra, il-kwantità massima jew il-valur massimu tal-prodotti li għandhom jiġu pprovduti fil-kuntest ta’ ftehim qafas - Prinċipji ta’ trasparenza u ta’ ugwaljanza fit-trattament - Direttiva 89/665/KEE - Artikolu 2d(1) - Proċeduri ta’ reviżjoni fil-qasam tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi - Assenza ta’ effetti tal-kuntratt - Esklużjoni)
(2021/C 310/06)
Lingwa tal-kawża: id-Daniż
Qorti tar-rinviju
Klagenævnet for Udbud
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Simonsen & Weel A/S
Konvenut: Region Nordjylland og Region Syddanmark
fil-preżenza ta’: Nutricia A/S
Dispożittiv
|
1) |
L-Artikolu 49 tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE, il-punti 7 u 8 kif ukoll il-punt 10(a) tal-Parti C tal-Anness V ta’ din id-direttiva, moqrija flimkien mal-Artikolu 33 tal-imsemmija direttiva u mal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ trasparenza stabbiliti fl-Artikolu 18(1) ta’ din tal-aħħar, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-avviż ta’ kuntratt għandu jindika l-kwantità stmata u/jew il-valur stmat kif ukoll kwantità massima u/jew valur massimu tal-prodotti li għandhom jiġu pprovduti bis-saħħa ta’ ftehim qafas u li ladarba jintlaħaq dan il-limitu, l-imsemmi ftehim qafas ikun eżawrixxa l-effetti tiegħu. |
|
2) |
L-Artikolu 49 tad-Direttiva 2014/24 kif ukoll il-punt 7 u l-punt 10(a) tal-Parti C tal-Anness V ta’ din id-direttiva, moqrija flimkien mal-Artikolu 33 tal-imsemmija direttiva u l-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ trasparenza stabbiliti fl-Artikolu 18(1) ta’ din tal-aħħar, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-avviż ta’ kuntratt għandu jindika l-kwantità stmata u/jew il-valur stmat kif ukoll il-kwantità massima u/jew il-valur massimu tal-prodotti li għandhom jiġu pprovduti bis-saħħa ta’ ftehim qafas b’mod globali u li dan l-avviż jista’ jiffissa rekwiżiti addizzjonali li l-awtorità kontraenti tiddeċiedi li żżid fih. |
|
3) |
L-Artikolu 2d(1)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/665/KEE tal-21 ta’ Diċembru 1989 dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ reviżjoni għall-għoti ta’ kuntratti ta’ provvista pubblika u xogħlijiet pubbliċi, kif emendata bid-Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma huwiex applikabbli fil-każ fejn avviż ta’ kuntratt ġie ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, anki jekk, minn naħa, il-kwantità stmata u/jew il-valur stmat tal-prodotti li għandhom jiġu pprovduti bis-saħħa tal-ftehim qafas previst ma jirriżultax minn dan l-avviż ta’ kuntratt, iżda mill-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt u, min-naħa l-oħra, la l-imsemmi avviż ta’ kuntratt u lanqas dawn l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt ma jsemmu kwantità massima u/jew valur massimu tal-prodotti li għandhom jiġu pprovduti bis-saħħa tal-imsemmi ftehim qafas. |