12.7.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 278/15


Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) tad-29 ta’ April 2021 (talba għal deċiżjoni preliminari tas-Sąd Okręgowy w Gdańsku – il-Polonja) – I.W., R.W. vs Bank BPH S.A.

(Kawża C-19/20) (1)

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Protezzjoni tal-konsumaturi - Direttiva 93/13/KEE - Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi - Effetti tal-konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola - Kuntratt ta’ self ipotekarju ddenominat f’munita barranija - Determinazzjoni tar-rata tal-kambju bejn il-muniti - Kuntratt ta’ novazzjoni - Effett dissważiv - Obbligi tal-qorti nazzjonali - Artikolu 6(1) u Artikolu 7(1))

(2021/C 278/20)

Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

Qorti tar-rinviju

Sąd Okręgowy w Gdańsku

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: I.W., R.W.

Konvenut: Bank BPH S.A.

fil-preżenza ta’: Rzecznik Praw Obywatelskich

Dispożittiv

1)

L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur għandu jiġi interpretat fis-sens li hija l-qorti nazzjonali li għandha tikkonstata n-natura inġusta ta’ klawżola ta’ kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur, anki jekk din tkun ġiet emendata permezz ta’ kuntratt minn dawn il-partijiet. Tali konstatazzjoni twassal għall-istabbiliment mill-ġdid tas-sitwazzjoni li kienet tkun dik tal-konsumatur fl-assenza ta’ din il-klawżola li n-natura inġusta tagħha tkun ġiet ikkonstatata, ħlief jekk dan tal-aħħar ikun irrinunzja permezz tal-emenda tal-imsemmija klawżola inġusta għal tali stabbiliment mill-ġdid tas-sitwazzjoni permezz ta’ kunsens liberu u informat, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti nazzjonali. Madankollu, minn din id-dispożizzjoni ma jirriżultax li l-konstatazzjoni tan-natura inġusta tal-klawżola inizjali għandha, bħala prinċipju, l-effett li tannulla l-kuntratt, peress li l-emenda ta’ din il-klawżola ppermettiet li jiġi stabbilit mill-ġdid il-bilanċ bejn l-obbligi u d-drittijiet ta’ dawn il-partijiet li jirriżultaw mill-kuntratt u li jiġi eskluż id-difett li kien jivvizzjah.

2)

L-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, minn naħa, huma ma jipprekludux li l-qorti nazzjonali telimina biss l-element inġust ta’ klawżola ta’ kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur meta l-għan dissważiv imfittex minn din id-direttiva jkun żgurat minn dispożizzjonijiet leġiżlattivi nazzjonali li jirregolaw l-użu tagħha, sakemm dan l-element ikun jikkonsisti f’obbligu kuntrattwali distint, li jista’ jkun is-suġġett ta’ eżami individwalizzat tan-natura inġusta tiegħu. Min-naħa l-oħra, dawn id-dispożizzjonijiet jipprekludu li l-qorti tar-rinviju telimina biss l-element inġust ta’ klawżola ta’ kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur meta tali eliminazzjoni tkun tfisser reviżjoni tal-kontenut tal-imsemmija klawżola billi taffettwa s-sustanza tagħha, fatt li għandu jiġi vverifikat minn dik il-qorti.

3)

L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-konsegwenzi tal-konstatazzjoni ġudizzjarja tal-preżenza ta’ klawżola inġusta f’kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur jaqgħu taħt id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali, u l-kwistjoni tas-sopravvivenza ta’ tali kuntratt għandha tiġi evalwata ex officio mill-qorti nazzjonali skont approċċ oġġettiv abbażi ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

4)

L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li hija l-qorti nazzjonali, li tikkonstata n-natura inġusta ta’ klawżola ta’ kuntratt konkluż minn bejjiegħ jew fornitur ma’ konsumatur, li għandha tinforma lil dan tal-aħħar, fil-kuntest tar-regoli proċedurali nazzjonali u wara dibattitu kontradittorju, bil-konsegwenzi legali li għalihom jista’ jwassal l-annullament ta’ tali kuntratt, indipendentement mill-fatt li l-konsumatur ikun irrappreżentat minn mandatarju professjonali.


(1)  ĠU C 191, 8.6.2020.