(Kawża T‑272/19)

TO

vs

Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna

Digriet tal-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla Estiża) tal-31 ta’ Lulju 2020

“Rikors għal annullament u għad-danni – Servizz pubbliku – Membri tal-persunal bil-kuntratt – Rifjut ta’ reklutaġġ minħabba inkapaċità għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet – Termini għall-preżentata ta’ rikors – Natura ta’ ordni pubbliku – Tardività – Komputazzjoni tat-terminu – Determinazzjoni tad-data li minnha l-persuna kkonċernata setgħet issir taf bil-kontenut tad-deċiżjoni – Inammissibbiltà manifesta”

Rikorsi tal-uffiċjali – Termini – Bidu tad-dekorrenza – Notifika – Kunċett – Posta elettronika mibgħuta mill-indirizz elettroniku tal-amministrazzjoni jew minn programm ta’ amministrazzjoni tal-posta elettronika – Inklużjoni – Data li għandha tintuża – Oneru tal-prova – L-ewwel data possibbli għad-destinatarju li jsir jaf il-kontenut tad-deċiżjoni b’mod utli – Teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi tas-sigħat tax-xogħol – Assenza

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 58(1)(a) u (b))

(ara l-punti 26-28, 34-38, 42, 43, 49, 50-55)

Sunt

Permezz ta’ deċiżjoni tal-15 ta’ Ġunju 2018, mibgħuta fl-istess jum fl-indirizz tal-posta elettronika personali tar-rikorrenti, is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) informaha li hija ma kinitx tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha ta’ reklutaġġ ( 1 ) u għalhekk ma setgħetx tiġi rreklutata bħala membru tal-persunal bil-kuntratt mas-SEAE.

Ir-rikorrenti ressqet ilment taħt l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”) kontra din id-deċiżjoni. L-ilment tressaq permezz ta’ posta elettronika, mill-indirizz tal-posta elettronika professjonali tal-avukat tar-rikorrenti, filwaqt li kopja tiegħu intbagħtet fl-indirizz tal-posta elettronika personali tar-rikorrenti.

Permezz ta’ deċiżjoni tal-14 ta’ Jannar 2019, is-SEAE ċaħad l-ilment u bagħat din id-deċiżjoni lir-rikorrenti u lill-avukat tagħha, l-ewwel permezz tal-programm Ares, sistema ta’ amministrazzjoni tad-dokumenti li tippermetti li tiġi ġġenerata t-trażmissjoni ta’ posta elettronika lil destinatarji li ma humiex membri tal-persunal tas-SEAE, fl-14 ta’ Jannar 2019 fil-17:46, u sussegwentement permezz ta’ posta elettronika, fl-istess jum, fil-17:52 u fis-18:05.

Fil-25 ta’ April 2019, ir-rikorrenti ppreżentat rikors quddiem il-Qorti Ġenerali intiż għall-annullament tad-deċiżjonijiet tal-15 ta’ Ġunju 2018 u tal-14 ta’ Jannar 2019. Permezz tad-digriet tagħha mogħti minn Awla Estiża fil-31 ta’ Lulju 2020, il-Qorti Ġenerali ċaħdet dan ir-rikors bħala manifestament inammissibbli minħabba tardività.

Il-Qorti Ġenerali fakkret li t-termini għall-preżentata ta’ lment u ta’ rikors, imsemmija fl-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, huma ta’ ordni pubbliku u li hija l-qorti li għandha tivverifika, anki ex officio, jekk dawn ġewx osservati. Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali qagħdet attenta li tispjega l-kalkolu tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors, filwaqt li ppreċiżat li skont l-Artikolu 58(1)(b) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, din tibda tiddekorri biss minn tmiem il-jum tan-notifika. Il-Qorti Ġenerali osservat li f’dan il-każ, għalkemm id-deċiżjoni kkontestata ġiet validament innotifikata lir-rikorrenti fl-14 ta’ Jannar 2019, it-terminu għall-preżentata tar-rikors ta’ tliet xhur beda jiddekorri mill-15 ta’ Jannar f’00:00 sabiex jintemm fl-14 ta’ April f’nofsillejl. Għalhekk, miżjud bit-terminu għal raġuni ta’ distanza ta’ għaxart ijiem, it-terminu għall-preżentata ta’ rikors skada fl-24 ta’ April f’nofsillejl. Konsegwentement, ir-rikors ippreżentat fil-25 ta’ April 2019 kien tardiv.

Il-Qorti Ġenerali fakkret li, sabiex deċiżjoni tiġi nnotifikata debitament fis-sens tad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal, ma huwiex biss meħtieġ li din tiġi kkomunikata lid-destinatarju tagħha, iżda wkoll li dan jitqiegħed f’pożizzjoni li jkollu għarfien effettiv tal-kontenut tagħha.

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali fakkret li hija l-parti li tinvoka l-iskadenza tat-terminu li għandha tippreżenta l-prova tad-data li fiha beda jiddekorri l-imsemmi terminu. Il-prova li d-destinatarju ta’ deċiżjoni seta’ jieħu konjizzjoni tagħha b’mod utli tista’ tirriżulta minn diversi ċirkustanzi, b’mod iktar partikolari meta l-istituzzjoni kkonċernata tibbaża ruħha, mhux fuq sempliċi indizji, iżda fuq elementi, inklużi dawk ipprovduti mill-persuna kkonċernata, li jindikaw li, bħala destinatarju, huwa rċieva posta elettronika fl-indirizz elettroniku tiegħu u li, probabbilment, huwa seta’ jiftaħa u b’hekk isir jaf bil-kontenut ta’ din id-deċiżjoni b’mod utli. L-elementi fattwali invokati minn parti jistgħu jkunu ta’ natura li jobbligaw lill-parti l‑oħra tagħti spjegazzjoni jew ġustifikazzjoni, li fin-nuqqas tagħha jkun permess li jiġi konkluż li l-oneru tal-prova ġie sodisfatt.

Il-Qorti Ġenerali enfasizzat li meta tintbagħat posta elettronika ma hemmx garanzija li din effettivament tasal għand id-destinatarju tagħha. Effettivament, posta elettronika tista’ ma tasallux minħabba raġunijiet tekniċi. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ħadet ħsieb li tippreċiża li, anki fil-każ fejn posta elettronika effettivament tasal għand id-destinatarju tagħha, huwa possibbli li din ma tasalx fid-data li fiha ntbagħtet.

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li r-rikorrenti, mhux biss ma kienet invokat ebda ostakolu tekniku għar-riċezzjoni jew għall-konsultazzjoni tal-posta elettronika tas-SEAE inkwistjoni, iżda wkoll kienet f’pożizzjoni li tikkonsulta l-kaxxa tal-posta elettronika personali tagħha u li, qabel u wara l-komunikazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, hija kienet użat dan il-kaxxa tal-posta elettronika fil-kuntest tal-iskambji tagħha mas-SEAE u mal-avukat tagħha.

Kuntrarjament għall-argument tar-rikorrenti li jgħid li hija probabbilment saret taf b’mod utli bil-kontenut tal-posta elettronika inkwistjoni biss fil-15 ta’ Jannar 2019 filgħodu, il-Qorti Ġenerali enfasizzat li l-għarfien b’mod utli tal-kontenut tal-posta elettronika ma huwiex deċiżiv għad-determinazzjoni tal-bidu tad-dekorrenza tat-terminu. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali spjegat li l-aċċettazzjoni ta’ tali argument iwassal sabiex jiġi rrikonoxxut li, fil-każ ta’ komunikazzjoni ta’ deċiżjoni mingħajr talba għal notifika ta’ rċevuta, id-destinatarju jkollu d-dritt li jagħżel f’liema data huwa kien f’pożizzjoni li jsir jaf b’mod utli bil-kontenut tagħha. Issa, il-prinċipju ta’ ċertezza legali jipprekludi li l-bidu tat-termini għall-preżentata ta’ rikors jista’ jitħalla għad-dispożizzjoni ta’ waħda mill-partijiet.

Sa fejn ir-rikorrenti kienet allegat li hija jew l-avukat tagħha ma kellhom, fil-mument tal-allegata notifika, jiġifieri fl-14 ta’ Jannar 2019 fis-18:05, ebda obbligu li jikkonsultaw il-kaxxi tal-posta elettronika tagħhom, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li ma jeżistix perijodu ġeneralment applikabbli li fih deċiżjoni tista’ tiġi nnotifikata b’mod validu u li barra minn dan il-perijodu notifika ma hijiex valida.

Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li, fid-dawl tal-provi ppreżentati mis-SEAE u tan-nuqqas ta’ xi prova ppreżentata mir-rikorrenti li tindika li hija u l-avukat tagħha ma tħallewx isiru jafu b’mod utli bil-kontenut tal-posta elettronika rċevuta fl-14 ta’ Jannar 2019, kellu jiġi kkonstatat li l-oneru tal-prova kien ġie ssodisfatt mis-SEAE.


( 1 ) Artikolu 82 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra tal-Unjoni Ewropea.